52014PC0187

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ /* COM/2014/0187 final - 2014/0107 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Kuntest ġenerali, raġunijiet u għanijiet ta’ din il-proposta

Id-Direttiva 2000/9/KE dwar l-installazzjonijiet tal-funikular iddisinjati għat-trasport ta’ persuni [1] ġiet adottata fl-20 ta’ Marzu 2000 u saret applikabbli fit-3 ta’ Mejju 2002.

Id-Direttiva 2000/9/KE tiżgura livell għoli ta’ sikurezza għall-installazzjonijeit tar-rotta b’kablaġġ għall-utenti, il-ħaddiema u l-partijiet terzi. Tistabbilixxi rekwiżiti essenzjali li l-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ, l-infrastruttura, is-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza tagħhom għandhom jikkonformaw magħhom sabiex ikunu sikuri.

Id-Direttiva 2000/9/KE hija wkoll eżempju ta’ dik il-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni li tiżgura l-moviment liberu fis-suq uniku tal-UE, jiġifieri s-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza għall-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ. Tarmonizza l-kundizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq u t-tħaddim ta’ sottosistemi u komponenti tas-sikurezza maħsuba sabiex jiġu inkorporati fl-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ. Il-manifatturi għandhom juru li s-sottosistemi jew il-komponenti tas-sikurezza tagħhom ġew iddisinjati u mmanifatturati f’konformità mar-rekwiżiti essenzjali, għandhom imwaħħla t-tikketta CE u jipprovdu struzzjonijiet għall-inkorporazzjoni tagħhom f’installazzjoni tar-rotta b’kablaġġ.

Id-Direttiva 2000/9/KE hija bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “it-Trattat”). Hija Direttiva ta’ armonizzazzjoni totali msejsa fuq il-prinċipji ta’ “Approċċ Ġdid”, li teħtieġ li l-manifatturi jiżguraw il-konformità tal-prodotti tagħhom mar-rekwiżiti ta’ prestazzjoni u sikurezza obbligatorji previsti fl-istrument leġiżlattiv, iżda mingħajr ma jimponu soluzzjonijiet jew speċifikazzjonijiet tekniċi speċifiċi.

Id-Direttiva 2000/9/KE tapplika għall-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ iddisinjati għat-trasport ta’ persuni.

It-trazzjoni b’kablaġġ u l-funzjoni tat-trasport tal-passiġġieri huma l-kriterji prinċipali li jistabbilixxu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/9/KE.

It-tipi ewlenin ta’ installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ koperti mid-Direttiva 2000/9/KE huma funikulari, gondoli, chairlifts li jinqalgħu, chairlifts b’maqbad fiss, tramms tal-ajru, funitels, installazzjonijiet ikkombinati (magħmula minn diversi tipi ta’ rotta b’kablaġġ, bħal dawk ta’ gondoli u chairlifts) u drag lifts.

L-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ huma ddefiniti bħala s-sistema sħiħa fuq il-post, li tikkonsisti fl-infrastruttura, is-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza.

L-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ u l-infrastruttura tagħhom huma affettwati direttament mill-karatterisitiċi tar-reġjun li jkunu jinsabu fih, mill-għamla u l-karatteristiċi fiżiċi tal-art li huma installati fuqha, mill-inħawi tagħhom, mill-fatturi atmosferiċi u meteoroloġiċi kif ukoll mill-istrutturi u l-ostakli li jistgħu jinstabu fil-qrib kemm fuq l-art kif ukoll fl-ajru.

F’dan il-kuntest, il-bini u t-tħaddim ta’ installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ huma soġġetti għall-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni nazzjonali.

Id-Direttiva 2000/9/KE tistabbilixxi rekwiżiti essenzjali armonizzati li l-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ għandhom jikkonformaw magħhom, filwaqt li l-Istati Membri jibqgħu kompetenti biex jirregolaw aspetti oħra bħall-użu tal-art, l-ippjanar reġjonali u l-protezzjoni ambjentali.

Il-komponenti tas-sikurezza u s-sottosistemi huma soġġetti għall-prinċipju tal-moviment liberu ta’ oġġetti. Il-komponenti tas-sikurezza għandhom fuqhom it-tikketta CE li tindika konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2000/9/KE, inklużi l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità.

Din il-proposta hija intenzjonata li tibdel id-Direttiva 2000/9/KE ma’ Regolament, f’konformità mal-għanijiet ta’ simplifikazzjoni tal-Kummissjoni.

Din il-proposta hija intenzjonata li tallinja d-Direttiva 2000/9/KE mal-“pakkett dwar il-prodotti” adottat fl-2008 u b’mod partikolari mad-Deċiżjoni NLF (KE) Nru 768/2008.

Id-Deċiżjoni NLF tistabbilixxi qafas komuni għal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-armonizzazzjoni tal-prodotti. Dan il-qafas jikkonsisti fid-dispożizzjonijiet li jintużaw spiss fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-prodotti (eż. id-definizzjonijiet, l-obbligi tal-operaturi ekonomiċi, il-korpi notifikati, il-mekkaniżmi ta’ salvagwardja, eċċ.). Dawn id-dispożizzjonijiet komuni ssaħħu biex jiġi żgurat li d-direttivi jistgħu jiġu applikati u infurzati fil-prattika, b’mod aktar effettiv. Ġew introdotti elementi ġodda, bħall-obbligi għall-importaturi, li huma kruċjali għat-titjib tas-sikurezza tal-prodotti fis-suq.

Il-Kummissjoni diġà pproponiet l-allinjament ta’ disa’ Direttivi oħra mad-Deċiżjoni NLF fil-“pakkett ta’ allinjament” adottat fil-21 ta’ Novembru 2011. Ipproponiet ukoll l-allinjament tad-Deċiżjoni NLF tad-Direttiva 97/23/KE dwar apparat ta’ pressjoni[2].

Fid-dawl tal-iżgurar tal-konsistenza fil-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni għall-prodotti industrijali, skont l-impenn politiku li jirriżulta mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni NLF u l-obbligu legali previst fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni NLF, hemm bżonn li din il-proposta tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni NLF.

Il-proposta għandha wkoll l-intenzjoni li tindirizza xi diffikultajiet esperjenzati fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/9/KE. B’mod iktar partikolari, l-awtoritajiet, il-korpi notifikati u l-manifatturi kellhom fehmiet differenti dwar jekk ċerti tipi ta’ installazzjonijiet jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/9/KE u b’hekk għandhom jiġu manifatturati u ċertifikati f’konformità mar-rekwiżiti u l-proċeduri tad-Direttiva. Kien hemm ukoll fehmiet differenti dwar jekk ċertu tagħmir għandux jitqies bħala sottosistema, infrastruttura jew komponent tas-sikurezza. Barra minn hekk, id-Direttiva ma tispeċifikax liema tip ta’ proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jiġi applikat għas-sottosistemi.

Dawk l-approċċi diverġenti wasslu għal distorsjonijiet fis-suq u trattament differenti tal-operaturi ekonomiċi. Il-manifatturi u l-operaturi tal-installazzjonijiet ikkonċernati kellhom jimmodifikaw it-tagħmir jew jgħaddu minn ċertifikazzjoni ulterjuri li wasslet għal spejjeż żejda u għal dewmien fl-awtorizzazzjoni u t-tħaddim ta’ dawk l-installazzjonijiet.

Għalhekk, ir-Regolament propost għandu l-għan li jsaħħaħ iċ-ċarezza legali dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/9/KE u b’hekk iwassal għal implimentazzjoni aħjar tad-dispożizzjonijiet legali rilevanti.

Barra minn hekk, id-Direttiva 2000/9/KE fih dispożizzjonijiet dwar il-valutazzjoni tal-konformità għas-sottosistemi. Madankollu, ma tistabbilixxix il-proċedura konkreta li għandha tiġi segwita mill-manifattur u l-korp notifikat. Barra minn hekk, ma toffrix lill-manifatturi l-firxa ta’ proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità li huma disponibbli għall-komponenti tas-sikurezza. B’hekk ir-Regolament propost jallinja l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità disponibbli għas-sottosistemi ma’ dawk li diġà huma użati għall-komponenti tas-sikurezza, fuq il-bażi tal-moduli ta’ valutazzjoni tal-konformità stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE li jistabblixxi qafas għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti (Deċiżjoni NLF). F’dan il-kuntest, jipprovdi wkoll għat-twaħħil tat-tikketta CE biex tiġi indikata konformità mad-dispożizzjonijiet tiegħu, skont is-sistema eżistenti għall-komponenti tas-sikurezza.

Il-proposta tqis ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea[3].

Il-proposta tieħu f’konsidreazzjoni wkoll il-proposta tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Frar 2013 għal Regolament dwar is-sorveljanza tas-suq tal-prodotti[4], li għandha l-għan li tistabbilixxi strument legali uniku dwar l-attivitajiet ta’ sorveljanza fis-suq fil-qasam tal-oġġetti mhux tal-ikel, prodotti tal-konsumatur jew mhux tal-konsumatur u prodotti koperti jew mhux koperti mil-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni. Din il-proposta tgħaqqad ir-regoli dwar is-sorveljanza tas-suq tad-Direttiva 2001/95/KE dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti[5], ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti[6] u l-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzojni dwar setturi speċifiċi sabiex tiżdied l-effikaċja tal-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq fi ħdan l-Unjoni. Ir-Regolament propost dwar is-sorveljanza tas-suq tal-prodotti fih anki d-dispożizzjonijiet rilevanti dwar is-sorveljanza tas-suq u l-klawżoli ta’ salvagwardja. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet li hemm fil-leġiżlazzjoni eżistenti ta’ armonizzazzjoni speċifika għas-suq relatati mas-sorveljanza tas-suq u l-klawżoli ta’ salvagwardja għandhom jitneħħew mil-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni. L-għan ġenerali tar-Regolament propost dwar is-sorveljanza tas-suq tal-prodotti huwa li jissimplifika b’mod fundamentali l-qafas tas-sorveljanza tas-suq tal-Unjoni sabiex jaħdem aħjar għall-utenti ewlenin tiegħu: l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u l-operaturi ekonomiċi. Id-Direttiva 2000/9/KE tipprevedi għal proċedura ta’ klawżola ta’ salvagwardja għas-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza. F’konformità mal-qafas li huwa maħsub sabiex jiġi stabbilit mir-Regolament propost dwar is-sorveljanza tas-suq tal-prodotti, din il-proposta ma tinkludix id-dispożizzjonijiet dwar is-sorveljanza tas-suq u l-proċeduri ta’ klawżoli ta’ salvagwardja għas-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza previsti fid-Deċiżjoni NLF. Madankollu, sabiex tkun żgurata ċarezza legali, tagħmel referenza għar-Regolament propost dwar is-sorveljanza tas-suq tal-prodotti.

Konsistenza ma’ politiki u għanijiet oħrajn tal-Unjoni

Din l-inizjattiva hija konformi mal-Att dwar is-Suq Uniku[7], li permezz tiegħu ġiet enfasizzata l-ħtieġa li terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-konsumaturi fil-kwalità tal-prodotti fis-suq u l-importanza li tissaħħaħ is-sorveljanza tas-suq.

Barra minn hekk, issostni l-politika tal-Kummissjoni dwar Regolamentazzjoni Aħjar u simplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju.

2.           KONSULTAZZJONI TAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Konsultazzjoni tal-partijiet interessati

Ir-reviżjoni tad-Direttiva 2000/9/KE kienet twila u diskussa b’mod estensiv mill-2010. B’mod iktar partikolari, ġiet diskussa fi ħdan il-Grupp ta’ Ħidma tal-Istati Membri dwar l-Installazzjonijiet tar-Rotta b’Kablaġġ, ma’ esperti nazzjonali responsabbli mill-implimentazzjoni tad-Direttiva, fi ħdan il-Kumitat Permanenti previst mid-Direttiva 2000/9/KE, il-Grupp ta’ Kooperazzjoni Ammistrattiva għas-Sorveljanza tas-Suq tal-Installazzjonijiet tar-Rotta b’Kablaġġ (AdCo) u l-Grupp Settorjali tal-Installazzjonijiet tar-Rotta b’Kablaġġ (CSG) tal-Koordinazzjoni Ewropea ta’ Korpi Notifikati, kif ukoll mal-industrija u l-assoċjazzjonijiet tal-utenti.

L-Istati Membri u l-partijiet interessati, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-manifatturi, il-korpi notifikati u r-rappreżentanti tal-korpi ta’ standardizzazzjoni, kienu involuti fil-proċess ta’ Valutazzjoni tal-Impatt mill-bidu nett. Fil-kuntest tal-Kumitat Permanenti previst mid-Direttiva 2000/9/KE, saru diskussjonijiet regolari dwar il-funzjonament tad-Direttiva u l-kwistjonjiet potenzjali li jkunu jeħtieġu titjib, jew permezz ta’ mezzi leġiżlattivi jew mhux leġiżlattivi.

Barra minn hekk, saru tliet konsultazzjonijiet speċifiċi.

L-ewwel konsultazzjoni saret fl-ewwel nofs tal-2010 fil-kuntest tat-tħejjija tar-Rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/9/KE prevista mill-Artikolu 21(4).

Fl-Ewwel Rapport tagħha dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/9/KE[8], il-Kummissjoni osservat li d-Direttiva rnexxilha tistabbilixxi suq intern għas-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza, filwaqt li tiggarantixxi livell għoli u uniformi ta’ sikurezza. Identifikat ukoll xi kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati.

Il-kwistjonijiet li għandhom jiġu eżaminati kienu dawn li ġejjin:

– Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/9/KE, b’mod partikolari fir-rigward tat-tipi l-ġodda ta’ installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ;

– In-nuqqas ta’ medda xierqa ta’ proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità għas-sottosistemi, li wasslet għal interpretazzjonijiet diverġenti u l-implimentazzjoni tal-valutazzjoni tal-konformità tas-sottosistemi;

– Il-ħtieġa li d-Direttiva 2000/9/KE tiġi allinjata mad-Deċiżjoni NLF.

It-tieni u t-tielet konsultazzjoni saru fl-2012 bħala parti mill-Istudju ta’ Valutazzjoni tal-Impatt, l-ewwel waħda kkonċernat is-sitwazzjoni eżistenti u l-oħra l-għażliet politiċi. Ir-Rapport Finali dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt ġie ppreżentat u diskuss formalment fil-laqgħat tal-Kumitat Permanenti organizzati fil-25 ta’ Settembru 2012 u t-8 ta’ April 2013, li fihom l-Istati Membri u l-partijiet interessati settorjali kellhom l-opportunità li jesprimu għadd ta’ opinjonijiet, kontribuzzjonijiet u dokumenti tal-pożizzjoni dwar l-għażliet politiċi inklużi fl-istudju.

Il-partijiet interessati taw is-sehem tagħhom b’mod attiv biex jiġu identifikati l-kwistjonijiet li jeħtieġu soluzzjonijiet biex jittejjeb il-funzjonament tad-Direttiva 2000/9/KE. Il-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati jaqblu mal-problemi identifikati. Numru importanti minn dawk li wieġbu għall-konsulazzjoni mwettqa fil-kuntest tal-Istudju ta’ Valutazzjoni tal-Impatt esperjenzaw problemi bid-definizzjoni tal-installazzjonijiet tar-Rotta b’Kablaġġ u l-linja ta’ demarkazzjoni mal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/16/KE fir-rigward tal-lifts[9].

Fid-dawl tal-ammont ta’ informazzjoni miġbura u l-kwistjonijiet pjuttost tekniċi, ma tnediet l-ebda konsulatazzjoni pubblika, peress li l-konsultazzjonijiet immirati għall-kompetenza tqiesu iktar xierqa għal din l-inizjattiva pjuttost teknika.

Ġbir u użu tal-kompetenza - Valutazzjoni tal-impatt

Twettqet valutazzjoni tal-impatt fuq ir-reviżjoni tad-Direttiva 2000/9/KE.

Fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura, il-valutazzjoni tal-impatt li twettqet mill-Kummissjoni eżaminat u qabblet tliet għażliet:

Għażla 1 – “Ma jsir xejn” - L-ebda tibdil fil-qagħda attwali

Din l-għazla ma tipproponi l-ebda bidla fid-Direttiva 2000/9/KE.

Għażla 2 – Intervent permezz tal-miżuri mhux leġiżlattivi

L-Għażla 2 tieħu f’kunsiderazzjoni l-possibbiltà li tiġi pprovduta gwida aktar estensiva dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/9/KE fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u tar-rakkomandazzjoni tal-applikazzjoni ta’ proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità speċifiċi għall-valutazzjoni tas-sottosistemi, prinċipalment permezz tal-abbozzar mill-ġdid tal-Gwida dwar l-Applikazzjoni għad-Direttiva 2000/9/KE.

Għażla 3 – Intervent permezz tal-miżuri leġiżlattivi

Din l-għażla tikkonsisti fil-modifika tad-Direttiva 2000/9/KE.

L-użu tal-għażliet 2 u 3 f’daqqa instab li huwa s-soluzzjoni preferuta peress li:

– jitqiesu li huwa l-iktar wieħed li jindirizza l-problema peress li ser jipprovdi kjarifika fid-definizzjonijiet tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-konsistenza u l-flessibbiltà tal-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità għas-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza;

– ma jimplikax spejjeż sinifikanti għall-operaturi ekonomiċi u l-korpi notifikati; għal dawk li diġà qegħdin jaġixxu b’mod responsabbli, ma seta’ jiġi identifikat l-ebda impatt ekonomiku u soċjali importanti;

– ser itejjeb il-funzjonament tas-suq intern tas-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza billi jiżgura t-trattament indaqs tal-operaturi ekonomiċi kollha, b’mod partikolari l-importaturi u d-distributuri, kif ukoll il-korpi notifikati;

– l-għażla 1 ma tipprovdix tweġibiet għall-problema tal-inċertezza legali minħabba xi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/9/KE u għalhekk mhux ser twassal għall-implimentazzjoni aħjar tagħha.

Il-proposta tinkludi:

· Il-kjarifika tal-kamp ta’ applikazzjoni fir-rigward tal-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ iddisinjati kemm għat-trasport kif ukoll għal skopijiet ta’ divertiment;

· L-introduzzjoni ta’ medda ta’ proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità għas-sistemi fuq il-bażi tal-moduli eżistenti ta’ valutazzjoni tal-konformità għall-komponenti tas-sikurezza kif allinjati mad-Deċiżjoni NLF;

· L-allinjament għad-Deċiżjoni NLF.

L-impatt tal-proposta ser jiggarantixxi kundizzjonijiet ekwi ġusti għall-operaturi ekonomiċi u ser itejjeb il-protezzjoni tas-sikurezza tal-passiġġieri u utenti, ħaddiema u partijiet terzi oħrajn.

3.           Elementi LEGALI tal-proposta

3.1. Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet

Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament propost jikkorrispondi għall-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/9/KE, u jkopri l-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ, inkluża l-infrastruttura tagħhom, kif ukoll is-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza għall-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ.

Il-proposta tiċċara u taġġorna l-kamp ta’ applikazzjoni eżistenti.

B’mod partikolari, fid-dawl tal-iżvilupp tat-tipi l-ġodda ta’ installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ, huwa ċċarat li l-esklużjoni tal-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ użati għal skopijiet ta’ divertimenti fil-fieri jew il-parks ta’ divertiment ma tapplikax għall-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ li huma maħsubin għal funzjoni doppja, jiġifieri għat-trasport tal-persuni u għal attivitajiet ta’ divertiment.

Il-proposta żżomm l-esklużjoni ta’ ċerti installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ maħsuba għal finijiet agrikoli jew industrijali, iżda tiċċara li tkopri wkoll l-installazzjonijiet tal-funikular maħsuba għall-manutenzjoni ta’ xelters jew il-barrakki ta’ fuq il-muntanji li mhumiex maħsuba għat-trasport tal-pubbliku.

L-esklużjoni attwali ta’ laneċ imħaddma b’kablaġġ hija aġġornata wkoll għall-installazzjonijiet kollha mħaddma b’kablaġġ li fihom l-utenti jew it-trasportaturi jinġarru fuq l-ilma, bħal installazzjonijiet tal-iskijjar fuq l-ilma mħaddma bil-kejbil.

L-eskluzjonijiet previsti fid-Direttiva 2000/9/KE relatati mal-ferroviji ta’ fuq is-snien u roti bis-snien u installazzjonijiet imħaddma b’katina mhumiex introdotti mill-ġdid peress li dawn l-installazzjonijiet ma jikkorrispondux għad-definizzjoni ta’ installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ.

Idaħħlu definizzjonijiet ġenerali li jirriżultaw mill-allinjament mad-Deċiżjoni NLF.

3.2. Obbligi tal-operaturi ekonomiċi

Fir-rigward tas-sottosistema u l-komponenti tas-sikurezza, il-proposta tinkludi d-dispożizzjonijiet tipiċi għal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni relatata mal-prodott u tistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi ekonomiċi rilevanti (manifatturi, rappreżentanti awtorizzati, importaturi u distributuri), skont id-Deċiżjoni NLF.

3.3. Standards armonizzati

Il-konformità mal-istandards armonizzati tipprovdi għal presuppożizzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali. Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 jistabbilixxi qafas legali orizzontali għall-istandardizzazzjoni Ewropea. Fost l-oħrajn ir-Regolament fih dispożizzjonijiet dwar talbiet ta’ standardizzazzjoni mill-Kummissjoni lill-Organizzazzjoni Ewropea għall-Istandardizzazzjoni, dwar il-proċedura għall-oġġezzjonijiet għall-istandards armonizzati u dwar il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati fil-proċess ta’ standardizzazzjoni. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/9/KE, li jkopru l-istess aspetti, ma ġewx introdotti mill-ġdid f’din il-proposta għal raġunijiet ta’ ċertezza legali.

3.4. Valutazzjoni tal-konformità

Il-proposta żżomm il-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità għall-komponenti tas-sikurezza previsti fid-Direttiva 2000/9/KE. Madankollu, taġġorna l-moduli korrispondenti b’konformità mad-Deċiżjoni NLF.

B’mod partikolari, iżżomm ir-rekwiżit għal intervent minn korp notifikat fid-disinn u l-fażi ta’ produzzjoni tas-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza kollha.

Il-proposta tintroduċi firxa ta’ proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità għas-sottosistemi fuq il-bażi tal-moduli ta’ valutazzjoni tal-konformità tad-Deċiżjoni NLF. F’dan il-qafas, tintroduċi wkoll it-tikketta CE għas-sottosistemi, peress li m’hemmx raġuni għaliex dawn għandhom jiġu ttrattati differenti mill-komponenti tas-sikurezza, li d-Direttiva 2000/9/KE diġà tipprevedi t-twaħħil tat-tikketta CE għalihom biex tindika l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti tagħha.

3.5. Il-korpi notifikati

Il-funzjonament xieraq tal-korpi notifikati huwa kruċjali biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza u għall-fiduċja tal-partijiet kollha interessati fis-sistema tal-Approċċ il-Ġdid.

Għalhekk, f’konformità mad-Deċiżjoni NLF, il-proposta ssaħħaħ il-kriterji ta’ notifika għall-korpi notifikati u tintroduċi rekwiżiti speċifiċi għall-awtoritajiet notifikanti.

3.6. Atti ta’ implimentazzjoni

Il-proposta tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta, fejn ikun xieraq, atti ta’ implimentazzjoni biex tiżgura l-applikazzjoni uniformi ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-korpi notifikati li ma jissodisfawx jew ma għadhomx jissodisfaw ir-rekwiżiti għan-notifika tagħhom.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni ser jiġu adottati skont id-dispożizzjonijiet dwar l-atti ta’ implimentazzjoni stipulati fir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni.

3.7. Dispożizzjonijiet finali

Ir-Regolament propost ser isir applikabbli sentejn wara d-dħul fis-seħħ tiegħu biex jagħti lill-manifatturi, il-korpi notifikati u l-Istati Membri żmien biex jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda.

Madankollu, il-ħatra tal-korpi notifikati skont ir-rekwiżiti u l-proċessi l-ġodda trid tibda ftit wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Dan ser jiżgura li sad-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament propost, ser ikunu nħatru biżżejjed korpi notifikati skont ir-regoli l-ġodda sabiex jiġu evitati problemi bil-kontinwità tal-produzzjoni u l-provvista tas-suq.

Hija prevista dispożizzjoni tranżitorja għaċ-ċertifikati maħruġa minn korpi nnotifikati skont id-Direttiva 2000/9/KE fir-rigward ta’ sottosistemi u komponenti tas-sikurezza biex b’hekk il-ħażniet jiġu assorbiti u tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel għar-rekwiżiti l-ġodda.

Hija prevista dispożizzjoni transitorja għat-tħaddim ta’ installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ mibnija skont id-Direttiva 2000/9/KE sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel għar-rekwiżiti l-ġodda.

Id-Direttiva 2000/9/KE ser titħassar u tiġi sostitwita mir-Regolament propost.

3.8. Il-kompetenza tal-Unjoni, il-bażi legali, il-prinċipju ta’ sussidjarjetà u l-forma legali

Bażi legali

Il-proposta hija msejsa fuq l-Artikolu 114 tat-Trattat.

Prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà jitfaċċa b’mod partikolari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet il-ġodda miżjuda li għandhom l-għan li jtejbu l-infurzar effettiv tad-Direttiva 2000/9/KE, jiġifieri, l-obbligi tal-operaturi ekonomiċi, id-dispożizzjonijiet ta’ traċċabbiltà, id-dispożizzjonijiet dwar il-valutazzjoni u n-notifika tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità.

L-esperjenza fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni wriet li l-miżuri meħuda fil-livell nazzjonali wasslu għal approċċi diverġenti u għal trattament differenti tal-operaturi ekonomiċi fl-Unjoni, u dan ixekkel l-għan tad-Direttiva 2000/9/KE. Jekk jittieħdu azzjonijiet fil-livell nazzjonali biex jiġu indirizzati l-problemi, dan joħloq ir-riskju li jinħolqu ostakli għall-moviment liberu ta’ oġġetti. Barra minn hekk, azzjoni fil-livell nazzjonali hija limitata għall-kompetenza territorjali ta’ Stat Membru. L-għanijiet stabbiliti jistgħu jinkisbu ferm aħjar permezz ta’ azzjoni kkoordinata fil-livell tal-Unjoni, u b’mod partikolari ser twassal għal sorveljanza aktar effettiva tas-suq. Għaldaqstant, huwa aktar xieraq li tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni.

Il-proporzjonalità

Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-modifiki proposti ma jmorrux lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti.

L-obbligi l-ġodda jew modifikati ma jimponux piżijiet u spejjeż bla bżonn fuq l-industrija - speċjalment fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju - jew fuq l-amministrazzjonijiet. Fejn il-modifiki ġew identifikati li għandhom impatti negattivi, l-analiżi tal-impatti tal-għażla sservi biex tipprovdi l-aktar rispons proporzjonat għall-problemi identifikati. Għadd ta’ modifiki jikkonċernaw it-titjib taċ-ċarezza tad-Direttiva eżistenti mingħajr ma jintroduċu rekwiżiti ġodda li jimplikaw spejjeż miżjudin.

It-teknika leġiżlattiva użata

Il-proposta tieħu l-għamla ta’ Regolament.

Il-bidla proposta minn Direttiva għal Regolament tqis l-għan ġenerali tal-Kummissjoni biex tissimplifika l-ambjent regolatorju u l-ħtieġa li tiżgura implimentazzjoni uniformi madwar l-Unjoni kollha tal-leġiżlazzjoni proposta.

Ir-Regolament propost huwa bbażat fuq l-Artikolu 114 tat-Trattat u għandu l-għan li jiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern għas-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza maħsubin biex jiġu inkorporati fl-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ, filwaqt li jżomm ir-rwol eżistenti għall-Istati Membri fir-rigward tal-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ. Jimponi regoli ċari u ddettaljati li jsiru applikabbli b’mod uniformi fl-istess waqt madwar l-Unjoni kollha.

F’konformità mal-prinċipji ta’ armonizzazzjoni totali, l-Istati Membri ma jistgħux jimponu rekwiżiti addizzjonali jew aktar stretti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom għat-tqegħid fis-suq tas-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza. B’mod partikolari, ir-rekwiżiti essenzjali obbligatorji u l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità li għandhom jiġu segwiti mill-manifatturi jridu jkunu l-istess fl-Istati Membri kollha.

L-istess japplika fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li ddaħħlu bħala riżultat tal-allinjament tad-Deċiżjoni NLF. Dawk id-dispożizzjonijiet huma ċari u preċiżi biżżejjed biex jiġu applikati direttament mill-atturi kkonċernati.

L-obbligi previsti mill-Istati Membri, bħall-obbligi li jiġu vvalutati, maħtura u nnotifikati l-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità, qatt ma huma trasposti bħala tali fil-liġi nazzjonali iżda implimentanti mill-Istati Membri permezz tal-arranġamenti regolatorji u amministrattivi meħtieġa. Dan mhux ser jinbidel meta l-obbiligi kkoċernati jkunu stabbiliti f’Regolament.

Għalhekk, l-Istati Membri kważi ma għandhom l-ebda flessibbiltà fit-traspożizzjoni ta’ Direttiva fil-liġi nazzjonali tagħhom. Madankollu, l-għażla ta’ Regolament ser tippermettilhom jiffrankaw l-ispejjeż assoċjati mat-traspożizzjoni ta’ Direttiva.

Barra minn hekk, Regolament jevita r-riskju ta’ traspożizzjonijiet diverġenti possibbli ta’ Direttiva mill-Istati Membri differenti, li jista’ jwassal għal livelli differenti ta’ protezzjoni tas-sikurezza u joħloq xkiel għas-suq intern, u b’hekk ifixkel l-implimentazzjoni effettiva tiegħu.

Il-bidla minn Direttiva għal Regolament mhux ser twassal għal bidla fl-approċċ regolatorju.

Il-karatteristiċi tal-Approċċ il-Ġdid ser ikunu ppreservati b’mod sħiħ, b’mod partikolari l-flessibbiltà mogħtija lill-manifatturi fl-għażla tal-mezzi mħaddmin biex jitħarsu r-rekwiżiti essenzjali u fl-għażla tal-proċedura użata, fost il-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità disponibbli, biex tintwera konformità tas-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza. Il-mekkaniżmi eżistenti li jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni (il-proċess ta’ standardizzazzjoni, il-grupp ta’ ħidma, il-kooperazzjoni amministrattiva, l-iżvulupp ta’ dokumenti ta’ gwida, eċċ.) mhumiex ser ikunu affettwati mill-għamla tal-istrument legali.

Barra minn hekk, l-għażla ta’ Regolament ma tfissirx li l-proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet huwa ċentralizzat. L-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom fir-rigward tal-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet armonizzati, eż. il-ħatra u l-akkreditazzjoni tal-korpi notifikati, it-twettiq tas-sorveljanza tas-suq u l-azzjoni ta’ infurzar (eż. penali).

Fl-aħħar nett, l-użu ta’ Regolamenti fil-qasam tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern, anki skont il-preferenza espressa mill-partijiet interessati, jippermetti li jiġi evitat ir-riskju ta’ “gold-plating”. Jippermetti wkoll sabiex il-manifatturi jaħdmu direttament bit-test tar-Regolament minflok ma jkollhom jidentifikaw u jeżaminaw 28 liġi ta’ traspożizzjoni.

Fuq il-bażi ta’ dan, huwa kkunsidrat li l-għażla ta’ Regolament hija s-soluzzjoni l-aktar xierqa u l-inqas għalja għal kull parti involuta peress li tippermetti applikazzjoni aktar rapida u koerenti tal-leġiżlazzjoni proposta u ser tistabbilixxi ambjent regolatorju iktar ċar għall-operaturi ekonomiċi, filwaqt li tevita l-ispejjeż ta’ traspożizzjoni għall-Istati Membri.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-UE.

5.           INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI

Ir-revoka tal-leġiżlazzjoni eżistenti

L-adozzjoni tal-proposta ser twassal għar-revoka tad-Direttiva 2000/9/KE.

Żona Ekonomika Ewropea

Il-proposta tikkonċerna ż-ŻEE u għalhekk għandha tiġi estiża għaż-Żona Ekonomika Ewropea.

2014/0107 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[10],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva,

Billi:

(1)       Id-Direttiva 2000/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[11] dwar l-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ tistabbilixxi regoli għall-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ li huma ddisinjati, mibnija u mħaddma biex jittrasportaw il-persuni.

(1)       Id-Direttiva 2000/9/KE hija msejsa fuq il-prinċipji tal-Approċċ il-Ġdid, kif stabbilit fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Mejju 1985 dwar approċċ ġdid għall-armonizzazzjoni u l-istandards tekniċi.[12]. Għalhekk, tistipula biss ir-rekwiżiti essenzjali li japplikaw għall-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ, filwaqt li d-dettalji tekniċi huma adottati mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) u l-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (Cenelec) skont ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[13] dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea. Il-konformità mal-istandards armonizzati stabbiliti b’dan il-mod, li n-numru ta’ referenza tagħhom huwa ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, tipprovdi presuppożizzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2000/9/KE. L-esperjenza wriet li dawn il-prinċipji bażiċi ħadmu sewwa f’dan is-settur u għandhom jinżammu u anki jkomplu jiġu promossi.

(2)       L-esperjenza mill-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/9/KE wriet il-ħtieġa li jiġu modifikati xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha sabiex jiġu ċċarati u aġġornati u tiġi żgurata ċ-ċertezza legali speċjalment fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-valuazzjoni ta’ konformità tas-sottosistemi.

(3)       Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[14] dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti tistabbilixxi qafas komuni ta’ prinċipji ġenerali u dispożizzjonijiet ta’ referenza maħsubin biex japplikaw għal-leġiżlazzjoni li tarmonizza l-kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti sabiex tipprovdi bażi koerenti għar-reviżjoni jew ir-riformulazzjonijiet ta’ dik il-leġiżlazzjoni. Għalhekk id-Direttiva 2000/9/KE għandha tiġi adattata għal dik id-Deċiżjoni.

(4)       Peress li għandhom isiru għadd ta’ bidliet għad-Direttiva 2000/9/KE, għandha titħassar u tiġi sostitwita fl-interessi taċ-ċarezza. Peress li l-kamp ta’ applikazzjoni, ir-rekwiżiti essenzjali u l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità għandhom ikunu l-istess fl-Istati Membri kollha, kważi ma hemm l-ebda flessibbiltà fit-traspożizzjoni ta’ Direttiva fuq il-bażi tal-prinċipji tal-Approċċ il-Ġdid fil-liġi nazzjonali. Sabiex jiġi ssimplifikat il-qafas regolatorju, id-Direttiva 2000/9/KE għandha tiġi ssostitwita minn Regolament, li huwa l-istrument legali xieraq peress li jimponi regoli ċari u ddettaljati li ma jagħtux lok għal traspożizzjoni diverġenti bejn l-Istati Membri u b’hekk jiżgura implimentazzjoni uniformi madwar l-Unjoni kollha.

(5)       Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[15] li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti jistipula dispożizzjonijiet orizzontali dwar l-akkreditament tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità [,dwar is-sorveljanza tas-suq tal-prodotti u l-kontrolli fuq prodotti minn pajjiżi terzi] u fuq it-tikketta CE.

(6)       Ir-Regolament (UE) Nru […/…] [dwar is-sorveljanza tas-suq tal-prodotti][16] jipprovdi regoli dettaljati dwar is-sorveljanza tas-suq u dwar il-kontrolli tal-prodotti li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi, inklużi s-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza. Jistabbilixxi wkoll proċedura ta’ klawżola ta’ salvagwardja. L-Istati Membri għandhom jorganizzaw u jwettqu sorveljanza tas-suq, jaħtru awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u jispeċifikaw is-setgħat u d-dmirijiet tagħhom. Għandhom jistabbilixxu wkoll programmi ta’ sorveljanza tas-suq ġenerali u speċifiċi għas-settur.

(7)       Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/9/KE għandu jinżamm. Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għall-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ iddisinjati għat-trasport ta’ persuni użati f’resorts tat-turisti li jinsabu f’altitudni għolja jew f’faċilitajiet ta’ trasport urban. L-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ huma primarjament sistemi ta’ liftijiet, bħal linji tar-rotta b’kablaġġ, ropeways tal-ajru, cable cars, gondoli, chairlifts u drag lifts. It-trazzjoni b’kablaġġ u l-funzjoni tat-trasport tal-passiġġieri huma l-kriterji essenzjali li jistabbilixxu l-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ koperti minn dan ir-Regolament.

(8)       Ġew żviluppati tipi ġodda ta’ installazzjonijiet tal-funikular li huma maħsuba kemm għal attivitajiet ta’ trasport kif ukoll ta’ divertiment. Dawn l-installazzjonijiet għandhom ikunu koperti minn dan ir-Regolament.

(9)       Huwa xieraq li jiġu esklużi ċerti installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, peress li jew huma soġġetti għal leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni speċifika oħra tal-Unjoni jew għaliex jistgħu jiġu rregolati b’mod adegwat fil-livell nazzjonali.

(10)     Il-liftijiet imħaddma b’kablaġġ, kemm jekk vertikali kif ukoll jekk inklinati, li jservu b’mod permanenti sulari speċifiċi ta’ binjiet u kostruzzjonijiet għajr l-istazzjonijiet, huma soġġetti għal-leġiżlazzjoni speċifika tal-Unjoni u għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(11)     Sabiex tiġi żgurata ċertezza legali, l-esklużjoni tal-bastimenti imħaddma b’kablaġġ għandha tkopri l-installazzjonijiet kollha mħaddma b’kablaġġ li fihom l-utenti jew it-trasportaturi jinġarru fuq l-ilma, bħall-installazzjonijiet tal-iskijjar fuq l-ilma mħaddma b’kablaġġ.

(12)     Sabiex jiġi żgurat li l-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ u l-infrastruttura, is-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza tagħhom jiggaranttixxu livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza għall-persuni, hemm bżonn li jiġu stabbiliti regoli għad-disinn u l-bini tal-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ.

(13)     L-Istati Membri għandhom jiżguraw is-sikurezza tal-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ fil-ħin tal-bini, il-bidu tat-tħaddim u matul it-tħaddim tagħhom.

(14)     Dan ir-Regolament ma jaffettwax id-dritt tal-Istati Membri li jispeċifikaw ir-rekwiżiti li jqisu neċessarji fir-rigward tal-użu tal-art, l-ippjanar reġjonali u sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa u s-sikurezza tal-persuni u b’mod partikolari tal-ħaddiema meta jintużaw l-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ.

(15)     Dan ir-Regolament ma jaffettwax id-dritt tal-Istati Membri li jispeċifikaw ir-rekwiżiti li jqisu neċessarji fir-rigward tal-użu tal-art, l-ippjanar reġjonali u sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa u s-sikurezza tal-persuni u b’mod partikolari tal-ħaddiema meta jintużaw l-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ.

(16)     Dan ir-Regolament għandu jqis il-fatt li s-sikurezza tal-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ tiddependi bl-istess mod fuq il-kundizzjonijiet tal-inħawi, fuq il-kwalità tal-prodotti industrijali pprovduti u l-mod li bih huma mmuntati, installati fuq il-post u sorveljati matul it-tħaddim. Il-kawżi ta’ inċidenti serji jistgħu jkunu marbutin mal-għażla tas-sit, mas-sistema tat-trasport innifisha, mal-istrutturi, jew mal-mod li bih titħaddem u tinżamm is-sistema.

(17)     Għad li dan ir-Regolament ma għandux ikopri t-tħaddim attwali tal-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ, għandu jipprovdi qafas ġenerali maħsub biex jiżgura li dawk l-installazzjonijiet li jinsabu fuq it-territorju tal-Istati Membri, jitħaddmu b’mod li joffru lill-utenti, lill-impjegati li jħaddmuhom u lill-partijiet terzi grad għoli ta’ protezzjoni.

(18)     Fil-każ ta’ installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ, l-innovazzjonijiet teknoloġiċi jistgħu jiġu vverifikati u ppreżentati għal testijiet fuq skala kbira meta tinbena installazzjoni tar-rotta b’kablaġġ ġdida biss. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tiġi stabbilita proċedura li, filwaqt li jiġi żgurat li jitħarsu r-rekwiżiti essenzjali, tkun tippermetti wkoll li jitqiesu l-kundizzjonijiet partikolari ta’ installazzjoni tar-rotta b’kablaġġ speċifika.

(19)     L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ jibdew jitħaddmu biss jekk jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament u ma jkunux f’riskju li jheddu s-saħħa u s-sikurezza tal-persuni jew il-proprjetà meta jiġu installati, issirilhom manutenzjoni jew operati skont l-iskop maħsub tagħhom.

(20)     L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri għall-awtorizzazzjoni tal-bini ta’ installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ ippjanati u l-modifika ta’ tali installazzjonijiet u biex jibdew jitħaddmu sabiex jiġi żgurat li l-installazzjoni tar-rotta b’kablaġġ hija mibnija u mmuntata b’mod sikur fuq il-post, skont l-analiżi tas-sikurezza u r-rapport tas-sikurezza u r-rekwiżiti regolatorji relevanti kollha.

(21)     L-analiżi tas-sikurezza għall-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ għandha tidentifika l-komponenti li fuqhom tiddependi is-sikurezza tal-installazzjoni tar-rotta b’kablaġġ.

(22)     L-analiżi tas-sikurezza għall-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ għandha tqis il-limiti marbuta mat-tħaddim tal-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ, għad li mhux b’mod li xxekkel il-prinċipju ta’ moviment liberu ta’ oġġetti għas-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza jew is-sikurezza tal-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ stess.

(23)     Dan ir-Regolament għandu jkollu l-għan li jiżgura l-funzjonament tas-suq intern tas-sottosistemi u l-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ u tal-komponenti tas-sikurezza għall-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ. Is-sottosistemi jew il-komponenti tas-sikurezza li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom jibbenefikaw mill-prinċipju ta’ moviment liberu ta’ oġġetti.

(24)     Is-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza għandhom ikunu jistgħu jiġu inkorporati f’installazzjoni tar-rotta b’kablaġġ diment li jippermettu l-bini tal-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament u ma jkunux jistgħu jipperikolaw is-saħħa u s-sikurezza tal-persuni jew il-proprjetà meta jiġu installati, isirilhom manutenzjoni jew imħaddma kif suppost skont l-iskop maħsub tagħhom.

(25)     Ir-rekwiżiti essenzjali għandhom ikunu interpretati u applikati b’tali mod li jitqies l-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku tad-disinn u l-manifattura kif ukoll ta’ kunsiderazzjonijiet tekniċi u ekonomiċi li huma konsistenti bi grad għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza.

(26)     L-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu responsabbli għall-konformità tas-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, fir-rigward tar-rwoli rispettivi tagħhom fil-katina tal-provvista, sabiex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-interessi pubbliċi, bħas-saħħa u s-sikurezza tal-utenti u persuni oħra, u l-protezzjoni tal-proprjetà u biex jiggarantixxu kompetizzjoni ġusta fis-suq tal-Unjoni.

(27)     L-operaturi ekonomiċi kollha li jintervjenu fil-katina tal-provvista u tad-distribuzzjoni għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li jqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq biss dawk is-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza li huma konformi ma’ dan ir-Regolament. Hemm bżonn li tiġi pprovduta distribuzzjoni ċara u proporzjonata tal-obbligi li jikkorrispondu għar-rwol ta’ kull operatur ekonomiku fil-katina tal-provvista u tad-distribuzzjoni.

(28)     Il-manifattur tas-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza, li jkollu għarfien iddettaljat tad-disinn u tal-proċess tal-produzzjoni, huwa fl-aħjar pożizzjoni li jwettaq il-proċedura kollha ta’ valutazzjoni tal-konformità. Għaldaqstant, il-valutazzjoni tal-konformità għandha tibqa’ l-obbligu tal-manifattur tas-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza biss.

(29)     Sabiex tkun faċilitata l-komunikazzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, l-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-operaturi ekonomiċi sabiex jinkludu indirizz tal-websajt minbarra l-indirizz postali.

(30)     Jeħtieġ li jkun żgurat li s-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza minn pajjiżi terzi li jidħlu fis-suq tal-Unjoni jkunu konformi mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, u b’mod partikolari li jkunu twettqu proċeduri xierqa ta’ valutazzjoni tal-konformità mill-manifatturi fir-rigward ta’ dawk is-sottosistemi u komponenti tas-sikurezza. Għalhekk għandu jkun hemm dispożizzjoni għall-importaturi biex ikun żgurat li s-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza li jqiegħdu fis-suq ikunu konformi mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u li dawn ma jqegħdux fis-suq sottosistemi u komponenti tas-sikurezza li ma jikkonformawx ma’ dawn ir-rekwiżiti jew li jippreżentaw xi riskju. Għandu jkun hemm dispożizzjoni sabiex l-importaturi jiżguraw li jkunu saru l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità u li l-marki u d-dokumentazzjoni tas-sottosistema u l-komponent tas-sikurezza mfassla mill-manifatturi jkunu disponibbli għall-ispezzjoni mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza kompetenti.

(31)     Id-distributur iqiegħed sottosistema jew komponent tas-sikurezza għad-dispożizzjoni fis-suq wara li jkunu tqiegħdu fis-suq mill-manifattur jew mill-importatur, u għandu jaġixxi bl-attenzjoni dovuta sabiex jassigura li t-tqandil tas-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza min-naħa tiegħu ma jaffettwax ħażin il-konformità tiegħu.

(32)     Meta jqiegħed fis-suq sottosistema jew komponent tas-sikurezza, kull importatur għandu jindika fuq is-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza ismu, l-isem kummerċjali rreġistrat jew il-marka kummerċjali rreġistrata tiegħu, u l-indirizz postali fejn ikun jista’ jsir kuntatt miegħu. Għandhom jiġu pprovduti eċċezzjonijiet f’każijiet fejn id-daqs jew l-għamla tal-komponent tas-sikurezza ma jippermettux dan. Dan jinkludi każijiet li fihom l-importatur ikollu jiftaħ l-imballaġġ biex jindika l-isem u l-indirizz tiegħu fuq il-komponent tas-sikurezza.

(33)     Kull operatur ekonomiku li jqiegħed sottosistema jew komponent tas-sikurezza fis-suq taħt ismu jew bil-marka kummerċjali tiegħu jew ibiddel sottosistema jew komponent tas-sikurezza b’tali mod li tista’ tiġi affettwata l-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, għandu jitqies li huwa l-manifattur u għandu jassumi l-obbligi tal-manifattur.

(34)     Id-distributuri u l-importaturi, billi huma qrib is-suq, għandhom ikunu involuti fil-kompiti ta’ sorveljanza tas-suq imwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u għandhom ikunu lesti li jieħdu sehem b’mod attiv, billi jipprovdu lil dawk l-awtoritajiet bl-informazzjoni kollha meħtieġa marbuta mas-sottosistema jew il-komponenti tas-sikurezza kkonċernati.

(35)     L-iżgurar tat-traċċabbiltà ta’ sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza fil-katina kollha tal-provvista jikkontribwixxi biex is-sorveljanza tas-suq issir iktar sempliċi u effikaċi. Sistema ta’ traċċabbiltà effikaċi tħaffef ix-xogħol tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza biex jittraċċaw lil operaturi ekonomiċi li jkunu qiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq sottosistemi jew komponenti tas-sikurezza mhux konformi.

(36)     Dan ir-Regolament għandu jkun limitat għall-espressjoni tar-rekwiżiti essenzjali. Sabiex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni tal-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti hemm bżonn li jsiru provvedimenti għall-presuppożizzjoni ta’ konformità għall-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ li jkunu konformi mal-istandards armonizzati li jiġu adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 għall-iskop tal-espressjoni ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi ddettaljati ta’ dawk ir-rekwiżiti, speċjalment fir-rigward tad-disinn, il-bini u t-tħaddim tal-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ.

(37)     Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 jipprevedi proċedura għal oġġezzjonijiet kontra standards armonizzati fejn dawk l-istandards ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament bis-sħiħ.

(38)     Sabiex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu juru u l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jiżguraw li s-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali, hemm bżonn li jkunu previsti proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità. Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tistabbilixxi moduli għall-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità li jinkludu proċeduri mill-inqas sal-aktar stretti, fi proporzjon mal-livell ta’ riskju involut u l-livell ta’ sikurezza meħtieġa. Sabiex tiġi żgurata koerenza intersettorjali u biex jiġu evitati varjanti ad-hoc, il-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità għandhom jingħażlu minn fost dawn il-moduli.

(39)     Il-manifatturi ta’ sottosistemi jew komponenti tas-sikurezza għandhom ifasslu dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE biex jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa minn dan ir-Regolament dwar il-konformità tas-sottosistemi jew il-komponenti tas-sikurezza mir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u ta’ leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni. Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandha takkumpanja s-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza.

(40)     Biex jiġi żgurat aċċess effettiv għal informazzjoni għal skopijiet ta’ sorveljanza tas-suq, l-informazzjoni meħtieġa biex ikunu identifikati l-atti applikabbli kollha tal-Unjoni għal sottosistema jew komponent tas-sikurezza għandha tkun disponibbli f’dikjarazzjoni unika ta’ konformità tal-UE.

(41)     It-tikketta CE, li tindika l-konformità ta’ sottosistema jew komponent tas-sikurezza, hija r-riżultat viżibbli ta’ proċess sħiħ li jinvolvi l-valutazzjoni tal-konformità f’sens wiesa’. Il-prinċipji ġenerali li jirregolaw it-tikketta CE u r-relazzjoni tagħha ma’ marki oħrajn huma stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 765/2008. Ir-regoli li jirregolaw it-twaħħil tat-tikketta CE għandhom jiġu stipulati f’dan ir-Regolament.

(42)     Hemm bżonn li ssir verifika tal-konformità tas-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza mar-rekwiżiti essenzjali previsti f’dan ir-Regolament sabiex tiġi pprovduta protezzjoni effettiva għall-utenti u l-partijiet terzi.

(43)     Sabiex ikun żgurat li jkun hemm konformità tas-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza mar-rekwiżiti essenzjali, hemm bżonn li jiġu stabbiliti proċeduri xierqa għall-valutazzjoni tal-konformità li għandhom jiġu segwiti mill-manifattur. Dawn il-proċeduri għandhom jiġu stabbiliti fuq il-bażi tal-moduli ta’ valutazzjoni tal-konformità stipulati fid-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE.

(44)     Il-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità stabbiliti f’dan ir-Regolament jeħtieġu l-intervent tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità, li huma notifikati mill-Istati Membri lill-Kummissjoni.

(45)     L-esperjenza wriet li l-kriterji stabbiliti fid-Direttiva 2000/9/KE li l-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għandhom josservaw biex ikunu notifikati lill-Kummissjoni mhumiex biżżejjed biex jiżguraw livell uniformi għoli ta’ prestazzjoni ta’ dawn il-korpi fl-Unjoni kollha. Madankollu, huwa essenzjali li l-korpi kollha ta’ valutazzjoni tal-konformità jwettqu l-funzjonijiet tagħhom fuq l-istess livell u skont il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni leali. Dan jitlob li jkunu stabbiliti rekwiżiti obbligatorji għall-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità li jixtiequ jkunu notifikati sabiex jipprovdu servizzi ta’ valutazzjoni tal-konformità.

(46)     Biex jiżguraw livell konsistenti ta’ kwalità fir-rigward tal-valutazzjoni tal-konformità hemm bżonn ukoll li jiġu stabbiliti rekwiżiti għall-awtoritajiet notifikanti u korpi oħra involuti fil-valutazzjoni, in-notifika u l-monitoraġġ tal-korpi notifikati.

(47)     Jekk xi korp ta’ valutazzjoni tal-konformità juri konformità mal-kriterji stipulati fl-istandards armonizzati, għandha tiġi supponuta l-konformità mar-rekwiżiti korrispondenti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(48)     Is-sistema stabbilita f’dan ir-Regolament għandha tkun komplementata mis-sistema ta’ akkreditament kif prevista fir-Regolament (KE) Nru 765/2008. Peress li l-akkreditament huwa mezz essenzjali ta’ verifika tal-kompetenza tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità, għandu jintuża wkoll għall-finijiet ta’ notifika.

(49)     L-akkreditament trasparenti kif previst fir-Regolament (KE) Nru 765/2008, li jiżgura l-livell neċessarju ta’ fiduċja fiċ-ċertifikati ta’ konformità, għandu jitqies mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali fl-Unjoni kollha bħala l-mezz preferut biex tintwera l-kompetenza teknika tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità. Madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jqisu li għandhom f’idejhom il-mezzi adegwati biex iwettqu dik il-valutazzjoni huma stess. F’dawn il-każijiet, sabiex jiġi żgurat il-livell xieraq ta’ kredibbiltà tal-evalwazzjonijiet imwettqa minn awtoritajiet nazzjonali oħra, dawn għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bl-evidenza dokumentarja meħtieġa li turi l-konformità tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità evalwati mar-rekwiżiti regolatorji rilevanti.

(50)     Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità sikwit jagħtu b’sottokuntratt partijiet mill-attivitajiet tagħhom marbuta mal-valutazzjoni tal-konformità jew jgħadduhom lil sussidjarja. Sabiex ikun salvagwardjat il-livell ta’ protezzjoni meħtieġ għas-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza li għandhom jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni, huwa essenzjali li s-sottokuntratturi tal-valutazzjoni tal-konformità u s-sussidjarji jissodisfaw l-istess rekwiżiti bħall-korpi notifikati fir-rigward tat-twettiq tal-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità. Għalhekk, huwa importanti li l-valutazzjoni tal-kompetenza u l-prestazzjoni tal-korpi li jridu jiġu notifikati u l-monitoraġġ ta’ korpi diġà notifikati jkopru wkoll l-attivitajiet imwettqa minn sottokuntratturi u sussidjarji.

(51)     Jeħtieġ li jiżdiedu l-effiċjenza u t-trasparenza tal-proċedura tan-notifika u b’mod partikolari, li tiġi adattata għal teknoloġiji ġodda biex tkun tista’ ssir notifika online.

(52)     Peress li l-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità jistgħu joffru s-servizzi tagħhom fl-Unjoni kollha, huwa xieraq li l-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni jingħataw l-opportunità li jqajmu oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ korp notifikat. Għaldaqstant, huwa importanti li jkun previst perjodu li matulu kull dubju jew tħassib dwar il-kompetenza tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità jkun jista’ jiġi ċċarat qabel ma jibdew jaħdmu bħala korpi notifikati.

(53)     Fl-interessi tal-kompetittività, huwa kruċjali li l-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità japplikaw il-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità mingħajr ma joħolqu piż bla bżonn għall-operaturi ekonomiċi. Għall-istess raġuni u biex jiġi żgurat trattament indaqs tal-operaturi ekonomiċi, għandha tiġi żgurata l-konsistenza fl-applikazzjoni teknika tal-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità. L-aħjar mod kif jista’ jinkiseb dan huwa permezz ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni xierqa bejn il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità.

(54)     Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandhom jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[17].

(55)     Il-proċedura konsultattiva għandha tintuża għall-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni li jitolbu sabiex l-Istat Membru notifikanti jieħu l-miżuri korrettivi neċessarji fir-rigward ta’ korpi notifikati li ma jissodisfawx jew ma għadhomx jissodisfaw ir-rekwiżiti għan-notifikazzjoni tagħhom.

(56)     Jeħtieġ li jsir provvediment għall-arranġamenti transitorji li jippermettu t-tqegħid fis-suq u t-tħaddim ta’ sottosistemi u komponenti tas-sikurezza li diġà tqiegħdu fis-suq skont id-Direttiva 2000/9/KE.

(57)     Jeħtieġ li jsir provvediment għall-arranġamenti transitorji li jippermettu t-tqegħid fis-suq u t-tħaddim ta’ sottosistemi u komponenti tas-sikurezza li diġà tqiegħdu fis-suq skont id-Direttiva 2000/9/KE.

(58)     L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar penali applikabbli għal ksur ta’ dan ir-Regolament u jiżguraw li dawn ikunu implimentati. Dawk il-penali jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(59)     Ladarba l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiżgura li l-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ jissodisfaw ir-rekwiżiti li jipprovdu għal livell għoli ta’ protezzjoni u sikurezza tal-utenti filwaqt li jiggarantixxi l-funzjonament tas-suq intern għas-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza, ma jistax jinkiseb biżżejjed mill-Istati Membri u, għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif imsemmi fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif inhu stabbilit f’dan l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dan l-għan.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

            DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar id-disinn u l-bini tal-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ iddisinjati għat-trasport ta’ persuni u dwar it-tqegħid fis-suq u l-moviment liberu tas-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza għat-tali installazzjonijiet.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

(1) Dan ir-Regolament għandu japplika għall-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ iddisinjati għat-trasport ta’ persuni u għas-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza għal tali installazzjonijiet.

(2) Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal dawn li ġejjin:

(a) il-liftijiet skont it-tifsira tad-Direttiva 95/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[18] dwar il-liftijiet;

(b) trams imħaddma b’kablaġġ mibnija b’mod tradizzjonali;

(c) l-installazzjonijiet maħsubin għall-finijiet agrikoli u għall-manutenzjoni tax-xelters jew il-barrakki ta’ fuq il-muntanji li mhumiex maħsuba għat-trasport tal-pubbliku;

(d) apparat fuq is-sit jew mobbli għall-użu f’fieri u/jew parks ta’ divertiment li huma ddisinjati esklussivament għal skopijiet ta’ divertiment u mhux bħala mezz għat-trasport ta’ persuni;

(e) l-installazzjonijiet tal-minjieri jew installazzjonijiet oħra fuq is-sit użati għal attivitajiet industrijali;

(f) l-installazzjonijiet li fihom l-utenti jew it-trasportaturi tagħhom jinġarru fuq l-ilma.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) “installazzjoni tar-rotta b’kablaġġ” tfisser is-sistema kollha jew parti minnha, li tikkonsisti fl-infrastruttura u s-sottosistemi maħsuba għall-installazzjonijiet imsawra minn diversi komponenti, iddisinjati, mibnija, immuntati u mħaddma bil-għan li jittrasportaw persuni, fejn it-trazzjoni hija pprovduta minn kejbils pożizzjonati tul il-linja tal-ivvjaġġar;

(2) “sottosistema” tfisser is-sistemi elenkati fl-Anness I bħala tali jew taħlita tagħhom;

(3) “infrastruttura” tfisser it-tqassim, id-dejta tas-sistema, l-istrutturi tal-istazzjonijiet u l-istrutturi tul il-linja ddisinjati b’mod speċjali għal kull installazzjoni u mibnija fuq il-post u li huma meħtieġa għall-bini u t-tħaddim tal-installazzjoni, inkluż l-pedamenti;

(4) “komponent tas-sikurezza” tfisser kull komponent bażiku, sett ta’ komponenti, sottomuntatura jew immuntar komplut tat-tagħmir u kull apparat maħsub li jkun inkorporat f’sottosistema jew installazzjoni tar-rotta b’kablaġġ bl-iskop li tiġi żgurata l-funzjoni tas-sikurezza, li jekk ikollu l-ħsara jipperikola s-sikurezza jew is-saħħa tal-persuni, l-utenti, il-ħaddiema li jħaddmuh jew partijiet terzi;

(5) “operabbiltà” tfisser id-disposizzjonijiet tekniċi kollha u l-miżuri li għandhom impatt fuq id-disinn u l-binja u li huma meħtieġa biex l-installazzjoni tar-rotta b’kablaġġ titħaddem b’mod sigur;

(6) “kapaċità ta’ manutenzjoni” tfisser id-dispożizzjonijiet tekniċi kollha u l-miżuri li għandhom impatt fuq id-disinn u l-binja u li huma meħtieġa għall-manutenzjoni, iddisinjati biex jiżguraw li l-installazzjoni tar-rotta b’kablaġġ taħdem b’mod sikur;

(7) “cable car” tfisser installazzjoni tar-rotta b’kablaġġ fejn it-trasportaturi jkunu sospiżi minn kejbil wieħed jew aktar;

(8) “drag lift” tfisser installazzjoni tar-rotta b’kablaġġ fejn l-utenti b’tagħmir xieraq jiġu rmunkati tul binarju mħejji;

(9) “ferrovija tal-funikular” tfisser installazzjoni tar-rotta b’kablaġġ fejn it-trasportaturi jinġibdu tul binarji li jkunu mwaħħla mal-art jew appoġġjati minn strutturi fissi;

(10) “jitqiegħed għad-dispożizzjoni fis-suq” tfisser kull provvista ta’ sottosistema jew komponent tas-sikurezza għad-distribuzzjoni jew l-użu fis-suq tal-Unjoni waqt attività kummerċjali, sew jekk bi ħlas sew jekk mingħajr ħlas;

(11) “it-tqegħid fis-suq” tfisser l-ewwel darba li sottosistema jew komponent tas-sikurezza jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq tal-Unjoni;

(12) “bidu ta’ tħaddim” tfisser l-operat inizjali ta’ installazzjoni b’rotta b’kablaġġ;

(13) “manifattur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li timmanifattura sottosistema jew komponent tas-sikurezza jew li tara li tali sottosistema jew komponent tas-sikurezza jiġu ddisinjati jew immanifatturati, u li tqiegħed fis-suq dik is-sottosistema jew dak il-komponent tas-sikurezza f’isimha jew bil-marka kummerċjali tagħha;

(14) “manifattur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li timmanifattura sottosistema jew komponent tas-sikurezza jew li tara li tali sottosistema jew komponent tas-sikurezza jiġu ddisinjati jew immanifatturati, u li tqiegħed fis-suq dik is-sottosistema jew dak il-komponent tas-sikurezza f’isimha jew bil-marka kummerċjali tagħha;

(15) “importatur” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni, li tqiegħed sottosistema jew komponent tas-sikurezza minn pajjiż terz fis-suq tal-Unjoni;

(16) “distributur” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika fil-katina ta’ provvista, għajr il-manifattur jew l-importatur, li tqiegħed għad-dispożizzjoni sottosistema jew komponent tas-sikurezza fis-suq;

(17) “operaturi ekonomiċi” tfisser il-manifattur, ir-rappreżentant awtorizzat, l-importatur u d-distributur ta’ sottosistema jew komponent tas-sikurezza;

(18) “speċifikazzjoni teknika” tfisser dokument li jistipula r-rekwiżiti tekniċi li jridu jiġu ssodisfati minn installazzjoni, infrastruttura, sottosistema jew komponent tas-sikurezza;

(19) “standard armonizzat” tfisser standard armonizzat kif iddefinit fl-Artikolu 2(1)c tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012;

(20) “akkreditazzjoni” tfisser akkreditazzjoni kif iddefinita fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008;

(21) “korp nazzjonali tal-akkreditament” tfisser korp nazzjonali tal-akkreditament kif iddefinit fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008;

(22) “valutazzjoni tal-konformità” tfisser il-proċess li juri jekk ir-rekwiżiti essenzjali ta’ dan ir-Regolament relatati ma’ sottosistema jew komponenti tas-sikurezza ġewx sodisfatti;

(23) “korp ta’ valutazzjoni tal-konformità” tfisser korp li jwettaq attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità relatati ma’ sottosistema jew komponent tas-sikurezza, inklużi l-kalibrazzjoni, l-ittestjar, iċ-ċertifikazzjoni u l-ispezzjoni;

(24) “sejħa lura” tfisser kull miżura maħsuba biex jittieħdu lura sottosistema jew komponent tas-sikurezza li diġà jkunu ġew inkorporati f’installazzjoni tar-rotta b’kablaġġ;

(25) “irtirar” tfisser kwalunkwe miżura maħsuba biex tipprevjeni milli sottosistema jew komponent tas-sikurezza fil-katina tal-provvista jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq;

(26) “tikketta CE” tfisser tikketta li permezz tagħha l-manifattur jindika li s-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza huma konformi mar-rekwiżiti applikabbli stabbiliti fil-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni li tipprovdi għat-twaħħil tagħha;

(27) “leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni” tfisser kull leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tarmonizza l-kundizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti.

Artikolu 4

It-tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ sottosistemi u komponenti tas-sikurezza

(28) L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex jiżguraw li s-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq biss jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti imposti minn dan ir-Regolament.

(29) L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa, skont l-Artikolu 9, biex jistabbilixxu l-proċeduri ħalli jiżguraw li s-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza jiġu inkorporati fl-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ jekk jippermettu biss il-bini ta’ installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u ma jkunux jistgħu jipperikolaw is-saħħa u s-sikurezza tal-persuni jew il-proprjetà meta jiġu inkorporati, issirlhom manutenzjoni jew jitħaddmu kif suppost skont l-iskop maħsub tagħhom.

Artikolu 5

Bidu ta’ tħaddim ta’ installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ

(1) L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa, skont l-Artikolu 9, biex jistabbilixxu l-proċeduri ħalli jiżguraw li l-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ jibdew jitħaddmu biss jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u ma jkunux jistgħu jipperikolaw is-saħħa u s-sikurezza tal-persuni jew il-proprjetà meta jiġu installati, issirilhom manutenzjoni jew jitħaddmu kif xieraq skont l-iskop maħsub tagħhom.

(2) L-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ li jkunu konformi mal-istandards armonizzati jew ma’ partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu supponuti li huma konformi mar-rekwiżiti koperti minn dawk l-istandards jew partijiet minnhom, imsemmija fl-Anness II.

(3) Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa d-dritt tal-Istati Membri li jistabbilixxu dawk ir-rekwiżiti li jidhrilhom li huma meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni u b’mod partikolari l-ħaddiema jkunu protetti meta jużaw l-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ inkwistjoni, diment li dan ma jfissirx li l-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ huma modifikati b’mod li mhuwiex speċifikat f’dan ir-Regolament.

Artikolu 6

Ir-rekwiżiti essenzjali

L-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ u l-infrastruttura, is-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza tagħhom għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali applikabbli għalihom li huma stabbiliti fl-Anness II.

Artikolu 7

Il-movimenit liberu ta’ sottosistemi u komponenti tas-sikurezza

L-Istati Membri ma għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu t-tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ sottosistemi u komponenti tas-sikurezza li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Analiżi tas-sikurezza u rapport tas-sikurezza għall-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ ippjanati

(1) L-installazzjonijiet kollha ppjanati għandhom ikunu soġġetti għal analiżi tas-sikurezza kif iddefinita fl-Anness III li għandha tkopri l-aspetti kollha tas-sikurezza tal-installazzjoni tar-rotta b’kablaġġ u l-ambjent tagħha fil-kuntest tad-disinn, il-binja u t-tħaddim u għandhom jagħmluha possibbli li jiġu identifikati mill-esperjenza fl-imgħoddi perikli li jistgħu jseħħu waqt it-tħaddim tal-installazzjoni tar-rotta b’kablaġġ.

(2) L-analiżi tas-sikurezza għandha tiġi inkluża f’rapport tas-sikurezza. Dan ir-rapport għandu jirrakkomanda l-miżuri previsti biex jiġu indirizzati t-tali riskji u jinkludi lista tas-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza li għandhom jiġu inkorporati fl-installazzjoni tar-rotta b’kablaġġ.

Artikolu 9

Awtorizzazzjoni tal-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ

(1) L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-proċeduri għall-awtorizzazzjoni tal-bini u t-tħaddim tal-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ li jkunu jinsabu fit-territorju tagħhom.

(2) L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-analiżi tas-sikurezza, ir-rapport tas-sikurezza, id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE u d-dokumenti l-oħra relatati mal-konformità tas-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza kif ukoll id-dokumentazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-installazzjoni tar-rotta b’kablaġġ jiġu sottomessi lill-awtorità responsabbli għall-approvazzjoni tal-installazzjoni tar-rotta b’kablaġġ. Id-dokumentazzjoni dwar l-installazzjoni tar-rotta b’kablaġġ għandha tinkludi wkoll il-kundizzjonijiet meħtieġa, inklużi r-restrizzjonijiet fuq it-tħaddim, u d-dettalji sħaħ għas-superviżjoni tas-servizzjar, l-aġġustament u l-manutenzjoni tal-installazzjoni tar-rotta b’kablaġġ. Għandha tinżamm kopja ta’ dawn id-dokument fl-installazzjoni tar-rotta b’kablaġġ.

(3) Fil-każ li xi karatteristiċi, sottosistemi jew komponenti tas-sikurezza importanti tal-installazzjonijiet eżistenti tar-rotta b’kablaġġ isirulhom modifiki li għalihom hemm bżonn ta’ awtorizzazzjoni ġdida għall-bidu tat-tħaddim mill-Istat Membru kkonċernat, it-tali modifiki u r-riperkussjonijiet tagħhom fuq l-installazzjoni tar-rotta b’kablaġġ kollha kemm hi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness II.

(4) L-Istati Membri ma għandhomx jużaw id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 biex jipprojbixxu, jillimitaw jew ixekklu, minħabba raġunijiet relatati mal-aspetti koperti minn dan ir-Regolament, il-bini u t-tħaddim tal-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament u li ma jippreżentawx riskju għas-saħħa u s-sikurezza tal-persuni jew għall-proprjetà meta jiġu installati b’mod xieraq skont l-iskop maħsuba għalih.

(5) L-Istati Membri ma għandhomx jużaw id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 biex jipprojbixxu, jirrestrinġu jew ixekklu l-moviment liberu ta’ sottosistemi u komponenti tas-sikurezza li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Tħaddim ta’ installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ

(1) L-Istati Membri għandhom jiżguraw li installazzjoni tar-rotta b’kablaġġ tibqa’ titħaddem biss jekk tkun konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-rapport tas-sikurezza.

(2) Jekk Stat Membru jsib li installazzjoni tar-rotta b’kablaġġ approvata li hija użata skont l-iskop maħsub tagħha aktarx li tipperikola s-saħħa u s-sikurezza ta’ persuni u, fejn ikun xieraq, il-proprjetà, għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jirrestrinġi l-kundizzjonijiet tat-tħaddim tal-installazzjoni tar-rotta b’kablaġġ jew jipprojbixxi t-tħaddim tagħha.

KAPITOLU II

OBBLIGI TAL-OPERATURI EKONOMIĊI TAS-SOTTOSISTEMI U L-KOMPONENTI TAS-SIKUREZZA

Artikolu 11 [l-Artikolu R2 tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE]

Obbligi tal-manifatturi

(1) Meta jqiegħdu fis-suq is-sottosistemi jew il-komponenti tas-sikurezza tagħhom, il-manifatturi għandhom jiżguraw li dawn ikunu ġew iddisinjati u manifatturati skont ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness II.

(2) Il-manifatturi tas-sottosistemi jew il-komponenti tas-sikurezza għandhom ifasslu d-dokumentazzjoni teknika stabbilita fl-Anness V u jwettqu l-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità rilevanti msemmija fl-Artikolu 18 jew iqabbdu lil xi ħadd jagħmilhielhom.

Meta tintwera konformità ta’ sottosistema jew komponent tas-sikurezza mar-rekwiżiti applikabbli mill-proċedura msemmija fl-ewwel sottoparagrafu, il-manifatturi għandhom ifasslu dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE u jwaħħlu t-tikketta CE.

(3) Il-manifatturi għandhom iżommu d-dokumentazzjoni teknika u d-dikjarazzjoni tal-UE dwar il-konformità għal 30 sena wara li tkun tpoġġiet fis-suq is-subsistema jew il-komponent tas-sikurezza.

(4) Il-manifatturi għandhom jiżguraw li jkollhom fis-seħħ proċeduri biex il-produzzjoni tas-serje tibqa’ konformi ma’ dan ir-Regolament. Bidliet fid-disinn jew il-karatteristiċi tas-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza u bidliet fl-istandards armonizzati jew fi speċifikazzjonijiet tekniċi oħrajn li b’referenza tagħhom tiġi ddikjarata l-konformità tas-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza għandhom jiġu kkunsidrati kif xieraq.

Meta jitqies li jkun xieraq fir-rigward tar-riskji ppreżentati minn sottosistema jew komponent tas-sikurezza, il-manifatturi għandhom, għall-finijiet tal-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-utenti, iwettqu testijiet kampjunarji tas-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza mqegħdin fis-suq, jinvestigaw, u jekk ikun hemm bżonn, iżommu reġistru ta’ lmenti ta’ sottosistemi jew komponenti tas-sikurezza mhux konformi u tas-sejħiet lura tat-tali sottosistemi jew komponenti tas-sikurezza, u għandhom iżommu lid-distributuri informati dwar kull monitoraġġ ta’ dan it-tip.

(5) Il-manifatturi għandhom jiżguraw li s-sottosistemi jew il-komponenti tas-sikurezza tagħhom ikunu akkumpanjati minn dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE u li jkollhom fuqhom numru tat-tip, tal-lott jew tas-serje jew element ieħor li jippermetti li jiġu identifikati.

Fejn id-daqs jew l-għamla tal-komponent tas-sikurezza ma jippermettux hekk, il-manifatturi għandhom jiżġuraw li l-informazzjoni meħtieġa tingħata fuq l-imballaġġ jew fl-istruzzjonijiet li jakkumpanjaw il-komponent tas-sikurezza.

(6) Il-manifatturi għandhom jindikaw fuq is-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza isimhom, l-isem kummerċjali reġistrat jew il-marka kummerċjali reġistrata tagħhom u l-indirizz postali fejn jistgħu jiġu kkuntattjati jew, jekk dan ma jkunx possibbli, fuq l-imballaġġ u fl-istruzzjonijiet li jakkumpanjaw il-komponent tas-sikurezza. L-indirizz għandu jindika punt uniku fejn jista’ jiġi kkuntattjat il-manifattur. Id-dettalji tal-kuntatt għandhom ikunu b’lingwa li tinftiehem faċilment mill-utenti u mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq kif stabbilit mill-Istat Membru kkonċernat.

(7) Il-manifatturi għandhom jiżguraw li s-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza huwa akkumpanjat mid-Dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE u mill-istruzzjonijiet u l-informazzjoni dwar is-sikurezza, b’lingwa li tista’ tinftiehem faċilment mill-utenti, kif stabbilit mill-Istat Membru kkonċernat. Tali struzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sikurezza għandhom ikunu ċari, jinftiehmu u intelliġibbli.

(8) Il-manifatturi li jqisu jew li jkollhom raġuni biex jemmnu li sottosistema jew komponent tas-sikurezza li jkunu qiegħdu fis-suq mhumiex konformi ma’ dan ir-Regolament għandhom jieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa minnufih biex dik is-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza jsir konformi, jirtirawh jew isejħuh lura, jekk dan ikun xieraq. Barra minn hekk, fejn is-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza jippreżentaw riskju, il-manifatturi għandhom jgħarrfu minnufih lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri fejn huma jkunu qiegħdu s-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza għad-dispożizzjoni fis-suq għal dan l-għan, billi jagħtu d-dettalji, b’mod partikolari, dwar in-nuqqas tal-konformità u dwar kull miżura korrettiva meħuda.

(9) Il-manifatturi għandhom, wara talba motivata minn awtorità nazzjonali kompetenti, jipprovdulha l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex juru l-konformità tas-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza ma’ dan ir-Regolament, b’lingwa li tista’ tinftiehem faċilment minn dik l-awtorità. Dik l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni jistgħu jingħataw jew f’forma stampata jew f’forma elettronika. Għandhom jikkooperaw ma’ dik l-awtorità, fuq talba tagħha, fir-rigward ta’ kull azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji ppreżentati mis-sottosistemi jew il-komponenti tas-sikurezza li huma jkunu qiegħdu fis-suq.

Artikolu 12 [l-Artikolu R3 tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE]

Rappreżentanti awtorizzati

(1) Il-manifattur jista’, b’mandat bil-miktub, jaħtar rappreżentant awtorizzat.

L-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 11(1) u l-obbligu li titfassal id-dokumentazzjoni teknika ma għandhomx ikunu parti mill-mandat tar-rappreżentant awtorizzat.

(2) Rappreżentant awtorizzat għandu jwettaq il-kompiti speċifikati fil-mandat li jirċievi mingħand il-manifattur. Il-mandat għandu jippermetti lir-rappreżentant awtorizzat li tal-inqas jagħmel dan li ġej:

(a) iżomm id-dikjarazzjoni tal-UE ta’ konformità u d-dokumentazzjoni teknika għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza għal 30 sena wara li s-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza jkunu tqiegħedu fis-suq;

(b) wara talba motivata minn awtorità nazzjonali kompetenti, jipprovdi lil dik l-awtorità l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex tintwera l-konformità tas-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza;

(c) jikkoopera mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, fuq talba tagħhom, dwar kull azzjoni meħuda biex ikunu eliminati r-riskji maħluqa minn sottosistemi jew komponenti tas-sikurezza koperti mill-mandat tar-rappreżentant awtorizzat.

Artikolu 13 [l-Artikolu R4 tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE]

Obbligi tal-importaturi

(1) L-importaturi għandhom iqiegħdu fis-suq dawk is-sottosistemi jew il-komponenti tas-sikurezza.

(2) Qabel ma jqiegħdu fis-suq sottosistema jew komponent tas-sikurezza, l-importaturi għandhom jiżguraw li l-manifattur ikun wettaq il-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità xierqa skont l-Artikolu 18. Għandhom jiżguraw li l-manifattur ikun fassal id-dokumentazzjoni teknika, li s-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza huwa akkumpanjat mid-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE, li jkollu fuqu t-tikketta CE u huwa akkumpanjat bl-istruzzjonijiet u l-informazzjoni dwar is-sikurezza u li l-manifattur ikun ikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 11(5) u (6) rispettivament.

Meta importatur iqis jew ikollu raġuni biex jemmen li sottosistema jew komponent tas-sikurezza ma jkunux konformi mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness I, dan ma għandux iqiegħed is-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza fis-suq sakemm dan ikun sar konformi. Barra minn hekk, fejn is-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza jippreżenta riskju, l-importatur għandu jgħarraf lill-manifattur u lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq dwar dan.

(3) L-importaturi għandhom jindikaw isimhom, l-isem kummerċjali reġistrat jew il-marka kummerċjali reġistrata tagħhom u l-indirizz postali fejn jistgħu jiġu kkuntattjati fuq is-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza, jew jekk dan ma jkunx possibbli, fuq l-imballaġġ tiegħu u fl-istruzzjonijiet li jakkumpanjaw il-komponent tas-sikurezza. Id-dettalji tal-kuntatt għandhom ikunu f’lingwa li tinftiehem faċilment mill-utenti u mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq kif stabbilit mill-Istat Membru kkonċernat.

(4) L-importaturi għandhom jiżguraw li s-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza huma akkumpanjati mill-istruzzjonijiet u l-informazzjoni dwar is-sikurezza, b’lingwa li tista’ tinftiehem faċilment mill-utenti, kif stabbiliti mill-Istat Membru kkonċernat.

(5) L-importaturi għandhom jiżguraw li, waqt li sottosistema jew komponent tas-sikurezza jkunu taħt ir-responsabbiltà tagħhom, il-kundizzjonijiet ta’ ħżin jew trasport ma jippreġudikawx il-konformità tagħhom mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II.

(6) Meta jitqies li jkun xieraq fir-rigward tar-riskji ppreżentati minn sottosistema jew komponent tas-sikurezza, l-importaturi għandhom, biex iħarsu s-saħħa u s-sikurezza tal-utenti, fuq talba ġġustifikata kif xieraq mill-awtoritajiet kompetenti, iwettqu testijiet kampjunarji tas-sottosistemi jew il-komponenti tas-sikurezza li jitqiegħdu fis-suq, jinvestigaw, u jekk ikun meħtieġ, iżommu reġistru ta’ lmenti ta’ sottosistemi jew komponenti tas-sikurezza mhux konformi u tas-sejħiet lura ta’ tali sottosistemi jew komponenti tas-sikurezza, u għandhom iżommu lid-distributuri informati dwar kull monitoraġġ ta’ dan it-tip.

(7) L-importaturi li jqisu jew li jkollhom raġuni biex jemmnu li sottosistema jew komponent tas-sikurezza li jkunu qiegħdu fis-suq mhuwiex konformi ma’ dan ir-Regolament għandhom jieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa minnufih biex dik is-sottosistema jew komponent tas-sikurezza jsir konformi, jirtirawh jew isejħuh lura, jekk dan ikun xieraq. Barra minn hekk, fejn is-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza jippreżenta riskju, l-importaturi għandhom jgħarrfu minnufih lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri fejn ikunu qiegħdu s-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza disponibbli fis-suq għal dan l-għan, billi jagħtu d-dettalji, b’mod partikolari, dwar in-nuqqas ta’ konformità u dwar kull miżura korrettiva meħuda.

(8) L-importaturi, għal perjodu ta’ 30 sena wara li s-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza jkunu tqiegħdu fis-suq, għandhom iżommu kopja tad-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq u jiżguraw li d-dokumentazzjoni teknika tkun disponibbli għal dawk l-awtoritajiet jekk jitolbuha.

(9) Wara talba motivata minn awtorità kompetenti nazzjonali, l-importaturi għandhom jipprovdulha l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha neċessarja biex juru l-konformità ta’ sottosistema jew komponent tas-sikurezza, b’lingwa li tkun tista’ tinftiehem faċilment minn dik l-awtorità nazzjonali kompetenti. Dik l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni jistgħu jingħataw jew f’forma stampata jew f’forma elettronika. Għandhom jikkoperaw ma’ dik l-awtorità, fuq talba tagħha, fir-rigward ta’ kull azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji ppreżentati mis-sottosistemi jew il-komponenti tas-sikurezza li huma jkunu qiegħdu fis-suq.

Artikolu 14 [l-Artikolu R5 tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE]

Obbligi tad-distributuri

(1) Meta jqiegħdu sottosistema jew komponent tas-sikurezza għad-dispożizzjoni fis-suq, id-distributuri tas-suq għandhom jaġixxu bir-reqqa dovuta b’rabta mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

(2) Qabel ma jagħmlu sottosistema jew komponent tas-sikurezza disponibbli fis-suq, id-distribituri għandhom jivverifikaw li s-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza jkollu fuqu t-tikketta CE u huwa akkumpanjat mid-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE u minn struzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sikurezza b’lingwa li tista’ tinftiehem faċilment mill-utenti kif stabbilit mill-Istat Membru kkonċernat, u li l-manifattur u l-importatur ikunu kkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 11(5) u (6) u l-Artikolu 13(3).

Meta distributor iqis jew ikollu raġuni biex jemmen li sottosistema jew komponent tas-sikurezza ma jkunx konformi mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness II, dan ma għandux iqiegħed is-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza għad-dispożizzjoni fis-suq sakemm dan ikun sar konformi. Barra minn hekk, jekk is-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza jippreżentaw riskju, id-distributur għandu jgħarraf lill-manifattur jew lill-importatur dwar dan, kif ukoll lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.

(3) Id-distributuri għandhom jiżguraw li waqt li sottosistema jew komponent tas-sikurezza jkun taħt ir-responsabbiltà tagħhom, il-kundizzjonijiet ta’ ħżin jew trasport ma jippreġudikawx il-konformità tiegħu mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness II.

(4) Id-distributuri li jqisu jew li jkollhom raġuni biex jemmnu li sottosistema jew komponent tas-sikurezza li jkunu qiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq mhumiex konformi ma’ dan ir-Regolament għandhom ikunu żguri li jittieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa biex dik is-sottosistema jew komponent tas-sikurezza jsiru konformi, jirtirawhom jew isejħuhom lura, jekk dan ikun xieraq. Barra minn hekk, fejn is-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza jippreżentaw riskju, id-distributuri għandhom jinfurmaw minnufih lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri fejn huma jkunu qiegħdu s-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza għad-dispożizzjoni għal dan l-għan, billi jagħtu d-dettalji, b’mod partikolari, dwar in-nuqqas tal-konformità u dwar kull miżura korrettiva meħuda.

(5) Id-distributuri għandhom, wara talba motivata mill-awtorità nazzjonali kompetenti, jipprovdulha l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha neċessarja biex juru l-konformità ta’ sottosistema jew komponent tas-sikurezza. Dik l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni jistgħu jingħataw jew f’forma stampata jew f’forma elettronika. Huma għandhom jikkoperaw ma’ dik l-awtorità, fuq talba tagħha, fir-rigward ta’ kull azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji ppreżentati mis-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza li huma jkunu qiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq.

Artikolu 15 [l-Artikolu R6 tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE]

Każijiet fejn l-obbligi tal-manifatturi japplikaw għall-importaturi u d-distributuri

Importatur jew distributur għandu jitqies bħala manifattur għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u għandu jkun soġġett għall-obbligi tal-manifattur skont l-Artikolu 11, meta dan ikun qiegħed sottosistema jew komponent tas-sikurezza fis-suq f’ismu jew bil-marka kummerċjali tiegħu jew jimmodifika sottosistema jew komponent tas-sikurezza li jkun diġà tqiegħed fis-suq b’tali mod li tista’ tiġi affettwata l-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 16 [l-Artikolu R7 tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE]

Identifikazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi

L-operaturi ekonomiċi għandhom, wara li ssir talba, jidentifikaw dan li ġej lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq:

(a) kull operatur ekonomiku li jkun fornihom b’sottosistema jew b’komponent tas-sikurezza;

(b) kull operatur ekonomiku li huma jkunu fornew b’sottosistema jew b’komponent tas-sikurezza.

L-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu kapaċi jippreżentaw l-informazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu għal perjodu ta’ 30 sena wara li jkunu ġew forniti bis-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza u għal perjodu ta’ 30 sena wara li jkunu fornew is-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza.

KAPITOLU III

KONFORMITÀ TAS-SOTTOSISTEMI U L-KOMPONENTI TAS-SIKUREZZA

Artikolu 17 [l-Artikolu R8 tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE]

Presuppożizzjoni ta’ konformità

Is-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza li jkunu konformi ma’ standards armonizzati jew ma’ partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom kienu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu supponuti konformi mar-rekwiżiti essenzjali koperti minn dawk l-istandards jew partijiet minnhom, stabbiliti fl-Anness II.

Artikolu 18

Valutazzjoni tal-konformità

(1) Qabel ma sottosistema jew komponent tas-sikurezza jitqiegħdu fis-suq, il-manifattur għandu jissottometti s-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza għal proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità skont il-paragrafu 2.

(2) Il-mezzi ta’ ċertifikazzjoni tal-konformità tas-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza għandhom ikunu, fuq għażla tal-manifattur, xi waħda mill-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità li ġejjin:

(a) eżami tat-tip tal-UE (Modulu B - tip ta’ produzzjoni) stabbilit fl-Anness IV flimkien ma’ xi waħda minn dawn:

(i)      konformità mat-tip fuq il-bażi tal-garanzija tal-kwalità tal-proċess ta’ produzzjoni (Modulu D), stabbilita fl-Anness V;

(ii)     konformità mat-tip fuq il-bażi tas-sottosistema jew il-verifika ta’ komponent tas-sikurezza (Modulu F), stabbilita fl-Anness VI.

(b) konformità bbażata fuq il-verifika tal-unità (il-Modulu G), stabbilita fl-Anness VII.

(c) konformità bbażata fuq garanzija sħiħa tal-kwalità (Modulu H), stabbilita fl-Anness VIII.

(3) Wara t-tlestija tal-proċeduri msemmija fil-paragrafu 2, il-manifattur għandu, skont l-Artikolu 21, iwaħħal it-tikketta fuq is-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza konformi ma’ dan ir-Regolament.

(4) Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw ukoll fir-rigward tas-sottosistemi u l-komponenti tas-sikurezza maħsuba għall-finijiet proprji tal-manifattur.

(5) Ir-reġistri u l-korrispondenza li għandhom x’jaqsmu mal-valutazzjoni tal-konformità għandhom jitfasslu bil-lingwa/lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-korp li jwettaq il-proċeduri msemmijin fil-paragrafu 2, jew b’lingwa aċċettata minn dak il-korp.

Artikolu 19

Dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE

(1) Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għal sottosistema jew komponent tas-sikurezza għandha tistipula li tkun intweriet l-osservanza tar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness II.

(2) Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandu jkollha l-istruttura tal-mudell stabbilita fl-Anness X u għandha tinkludi l-elementi speċifikati fil-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità rilevanti stabbiliti fl-Annessi IV sa VIII u għandha tiġi aġġornata kontinwament. Għandha takkumpanja s-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza u għandha tiġi tradotta fil-lingwa jew lingwi meħtieġa mill-Istat Membru li fis-suq tiegħu jkunu tqiegħdu jew saru disponibbli fis-suq is-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza.

(3) Fejn sottosistema jew komponent tas-sikurezza jkunu soġġetti għal aktar minn att wieħed tal-Unjoni li jeħtieġ dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE, għandha titfassal dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE unika fir-rigward ta’ dawn l-atti kollha tal-Unjoni. Dik id-dikjarazzjoni għandu jkun fiha l-identifikazzjoni tal-atti tal-Unjoni kkonċernati inklużi r-referenzi tal-pubblikazzjoni tagħhom.

(4) Meta jfassal id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE, il-manifattur ikun qiegħed jassumi r-responsabbiltà għall-konformità tas-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 20 [l-Artikolu R11 tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE]

Prinċipji ġenerali tat-tikketta CE

It-tikketta CE għandha tkuna soġġetta għall-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

Artikolu 21 [l-Artikolu R12 tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE]

Regoli u kundizzjonijiet għat-twaħħil tat-tikketta CE

(1) It-tikketta CE għandha titwaħħal fuq is-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza jew fuq it-tikketta tagħhom tad-dejta b’mod li tkun tidher, tkun tista’ tinqara u ma titħassarx.

(2) It-tikketta CE għandha titwaħħal qabel ma s-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza jitqiegħdu fis-suq.

(3) It-tikketta CE għandha tkun segwita min-numru ta’ identifikazzjoni tal-korp notifikat involut fil-fażi ta’ kontroll tal-produzzjoni.

(4) It-tikketta CE u n-numru ta’ identifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 tista’ tkun segwita minn kull marka oħra li tindika riskju jew użu speċjali.

KAPITOLU IV

NOTIFIKA TAL-KORPI TA’ VALUTAZZJONI TAL-KONFORMITÀ

Artikolu 22 [l-Artikolu R13 tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE]

Notifika

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-korpi awtorizzati li jwettqu kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità ta’ partijiet terzi skont l-Artikolu 18.

Artikolu 23 [l-Artikolu R14 tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE]

Awtoritajiet notifikanti

(1) L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità notifikanti li tkun responsabbli biex tistabbilixxi u twettaq il-proċeduri meħtieġa għall-valutazzjoni u n-notifika ta’ korpi tal-valutazzjoni tal-konformità u għall-monitoraġġ ta’ korpi nnotifikati, inkluża l-konformità tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26.

(2) L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-evalwazzjoni u l-monitoraġġ imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom isiru minn korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 u b’konformità miegħu.

(3) Fejn l-awtorità notifikanti tiddelega jew inkella tafda l-valutazzjoni, in-notifika jew il-monitoraġġ imsemmija fil-paragrafu 1 lil korp li ma jkunx entità governattiva, dak il-korp għandu jkun entità ġuridika u għandu jikkonforma mutatis mutandis mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26(1) sa (6). Barra minn hekk, dan għandu jkollu arranġamenti biex jagħmel tajjeb għar-reponsabbiltajiet derivati mill-attivitajiet tiegħu.

(4) L-awtorità notifikanti għandha tieħu responsabbiltà sħiħa tal-kompiti mwettqa mill-korp imsemmi fil-paragrafu 3.

Artikolu 24 [l-Artikolu R15 tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE]

Rekwiżiti marbuta mal-awtoritajiet notifikanti

(1) Awtorità notifikanti għandha tkun stabbilita b’mod li ma jkunx hemm kunflitti ta’ interess ma’ korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità.

(2) Awtorità notifikanti għandha tkun organizzata u titmexxa b’mod li jkunu salvagwardjati l-oġġettività u l-imparzjalità tal-attivitajiet tagħha.

(3) Awtorità notifikanti għandha tkun organizzata b’tali mod li kull deċiżjoni relatata man-notifika tal-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità tittieħed minn persuni kompetenti differenti minn dawk li jkunu għamlu l-valutazzjoni.

(4) Awtorità notifikanti ma għandhiex toffri jew tipprovdi xi attività li ssir minn korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità, jew servizzi ta’ konsulenza fuq bażi kummerċjali jew kompetittiva.

(5) Awtorità notifikanti għandha tissalvagwardja l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miksuba.

(6) Awtorità notifikanti għandu jkollha numru suffiċjenti ta’ persunal kompetenti għad-dispożizzjoni tagħha biex jitwettqu korrettament il-kompiti tagħha.

Artikolu 25 [l-Artikolu R16 tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE]

Obbligu ta’ informazzjoni tal-awtoritajiet notifikanti

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar il-proċeduri tagħhom għall-valutazzjoni u n-notifika ta’ korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità u dwar il-monitoraġġ ta’ korpi notifikati, u dwar kull bidla li jkun hemm fihom.

Il-Kummissjoni għandha tqiegħed din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

Artikolu 26 [l-Artikolu R17 tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE]

Rekwiżiti marbuta ma’ korpi notifikati

(1) Għall-finijiet tan-notifika, korp notifikat għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 11.

(2) Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkun stabbilit skont il-liġi nazzjonali ta’ Stat Membru u għandu jkollu personalità ġuridika.

(3) Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkun korp ta’ parti terza indipendenti mill-organizzazzjoni jew mis-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza li jivvaluta.

Korp li jkun jappartjeni għal xi assoċjazzjoni kummerċjali jew federazzjoni professjonali li tirrappreżenta impriżi involuti fid-disinn, il-manifattura, il-forniment, l-immuntar, l-użu jew il-manutenzjoni ta’ sottosistemi jew komponenti tas-sikurezza li huwa jivvaluta, jista’, bil-kundizzjoni li jkun hemm prova tal-indipendenza tiegħu flimkien man-nuqqas ta’ kwalunkwe kunflitt ta’ interess, jitqies bħala korp bħal dan.

(4) Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità, il-maniġment superjuri tiegħu u l-persunal responsabbli biex iwettaq il-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità ma għandhomx ikunu d-disinjatur, il-manifattur, il-fornitur, l-installatur, ix-xerrej, is-sid, l-utent jew dak li jagħmel il-manutenzjoni tas-sottosistemi jew il-komponenti tas-sikurezza li huma jivvalutaw, u lanqas ma għandhom ikunu r-rappreżentant ta’ xi waħda minn dawk il-partijiet. Dan ma għandux jipprekludi l-użu tas-sosttosistemi jew il-komponenti tas-sikurezza vvalutati li jkunu meħtieġa għall-operazzjonijiet tal-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jew l-użu ta’ dawn is-sottosistemi jew komponenti tas-sikurezza għal għanijiet personali.

Il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità, il-maniġment superjuri tiegħu jew il-persunal responsabbli biex iwettaq il-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità ma għandhomx ikunu direttament involuti fid-disinn, il-manifattura jew il-bini, il-kummerċjalizzazzjoni, l-installazzjoni, l-użu jew il-manutenzjoni ta’ dawk is-sottosistemi jew komponenti tas-sikurezza, u lanqas ma għandhom jirrappreżentaw lill-partijiet li huma involuti f’dawk l-attivitajiet. Dawn ma għandhomx ikunu involuti f’xi attività li tista’ toħloq kunflitt mal-indipendenza tal-ġudizzju jew l-integrità tagħhom b’rabta mal-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità li għalihom ikunu notifikati. Dan għandu japplika b’mod partikolari għas-servizzi ta’ konsulenza.

Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għandhom jiżguraw li l-attivitajiet tas-sussidjarji jew is-sottokuntratturi tagħhom ma jaffettwawx il-kunfidenzjalità, l-oġġettività jew l-imparzjalità tal-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità tagħhom.

(5) Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità u l-persunal tagħhom għandhom iwettqu l-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità bl-ogħla livell ta’ integrità professjonali u l-kompetenza teknika meħtieġa fil-qasam speċifiku u għandhom ikunu ħielsa minn kull pressjoni u tentazzjonijiet, partikolarment finanzjarji, li jistgħu jinfluwenzaw il-ġudizzju tagħhom jew ir-riżultati tal-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità tagħhom, speċjalment fir-rigward ta’ persuni jew gruppi ta’ persuni b’interess fir-riżultati ta’ dawk l-attivitajiet.

(6) Il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkun kapaċi jwettaq il-kompiti kollha ta’ valutazzjoni tal-konformità assenjati lilu permezz tal-Annessi IV sa VIII u li fir-rigward tagħhom ikun ġie notifikat, kemm jekk dawk il-kompiti jsiru mill-korp stess ta’ valutazzjoni tal-konformità kif ukoll jekk f’ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

F’kull żmien u għal kull proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità u għal kull tip jew kategorija ta’ sottosistemi jew il-komponenti tas-sikurezza li fir-rigward tagħhom ikun ġie notifikat, il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu n-neċessitajiet li ġejjin:

(a) persunal b’għarfien tekniku u esperjenza suffiċjenti u xierqa biex iwettaq il-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità;

(b) deskrizzjonijiet ta’ proċeduri li f’konformità magħhom titwettaq il-valutazzjoni tal-konformità, filwaqt li jiġu żgurati t-trasparenza u l-kapaċità ta’ riproduzzjoni ta’ dawk il-proċeduri. Huwa għandu jkollu l-politika u l-proċeduri xierqa fis-seħħ li jiddistingwu bejn il-kompiti li jwettaq bħala korp notifikat u attivitajiet oħra;

(c) proċeduri għat-twettiq tal-attivitajiet li jqisu d-daqs ta’ impriża, is-settur li topera fih, l-istruttura tagħha, il-grad ta’ kumplessità tas-sottosistema jew it-teknoloġija tal-komponent tas-sikurezza kkonċernata u l-għamla tal-massa jew tas-serje tal-proċess ta’ produzzjoni.

Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkollu l-mezzi neċessarji biex iwettaq il-kompiti tekniċi u amministrattivi marbuta mal-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità b’mod xieraq u għandu jkollu aċċess għat-tagħmir u l-faċilitajiet kollha meħtieġa.

(7) Il-persunal responsabbli biex iwettaq l-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkollu dawn li ġejjin:

(a)     taħriġ tekniku u vokazzjonali sod li jkopri l-attivitajiet kollha ta’ valutazzjoni tal-konformità li għalih il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jkun ġie notifikat;

(b)     għarfien sodisfaċenti tar-rekwiżiti tal-valutazzjonijiet imwettqa minnu u awtorità adegwata biex iwettaq dawk il-valutazzjonijiet;

(c)     għarfien u fehim adegwati tar-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Anness II, tal-istandards armonizzati applikabbli u tad-dispożizzjonjiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni rilevanti tal-Unjoni u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali;

(d)     il-kapaċità meħtieġa biex ifassal ċertifikati, rekords u rapporti li juru li jkunu saru l-valutazzjonijiet.

(8) Għandha tkun iggarantita l-imparzjalità tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità, tal-maniġment superjuri tagħhom u tal-persunal responsabbli biex iwettaq il-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità.

Ir-rimunerazzjoni tal-maniġment superjuri u tal-persunal responsabbli biex iwettaq il-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità ta’ korp ta’ valutazzjoni tal-konformità ma għandhiex tiddipendi fuq l-għadd ta’ valutazzjonijiet li jsiru jew fuq ir-riżultati ta’ dawk il-valutazzjonijiet.

(9) Il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jipprovdi għal polza ta’ assigurazzjoni ta’ responsabbiltà sakemm ir-responsabbiltà ma tkunx imġarrba mill-Istat skont il-liġi nazzjonali, jew sakemm l-Istat Membru nnifsu ma jkunx direttament responsabbli għall-valutazzjoni ta’ konformità.

(10) Il-persunal ta’ korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu josserva s-segretezza professjonali fir-rigward tal-informazzjoni kollha miksuba meta jkunu qegħdin iwettqu x-xogħlijiet tagħhom skont l-Annessi IV sa VIII jew skont kull dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li ddaħħalhom fis-seħħ, ħlief fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih ikunu qegħdin isiru l-attivitajiet. Id-drittijiet ta’ proprjetà għandhom jitħarsu.

(11) Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għandhom jieħdu sehem fi, jew jiżguraw li l-persunal responsabbli tagħhom biex iwettaq il-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità jkun mgħarraf dwar, l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni rilevanti u l-attivitajiet tal-grupp ta’ koordinazzjoni tal-korp notifikat stabbilit skont dan ir-Regolament u għandhom japplikaw bħala gwida ġenerali d-deċiżjonijiet amministrattivi u d-dokumenti prodotti bħala riżultat tax-xogħol ta’ dak il-grupp.

Artikolu 27 [l-Artikolu R18 tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE]

Presuppożizzjoni ta’ konformità

Meta korp ta’ valutazzjoni tal-konformità juri l-konformità tiegħu mal-kriterji stabbiliti fl-istandards armonizzati rilevanti jew partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, dan għandu jkun preżunt konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26 sakemm l-istandards armonizzati applikabbli jkopru dawk ir-rekwiżiti.

Artikolu 28 [l-Artikolu R20 tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE]

Sussidjarji u sottokuntrattar ta’ korpi notifikati

(1) Meta korp notifikat jagħti b’sottokuntratt xogħlijiet speċifiċi li jkollhom x’jaqsmu mal-valutazzjoni tal-konformità jew iqabbad sussidjarja, għandu jiżgura li s-sottokuntrattur jew is-sussidjarju jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26 u għandu jgħarraf lill-awtorità notifikanti dwar dan.

(2) Il-korpi nnotifikati għandhom jerfgħu r-responsabbiltà kollha tal-kompiti li jkunu twettqu mis-sottokuntratturi jew mis-sussidjarji kull fejn dawn ikunu stabbiliti.

(3) L-attivitajiet jistgħu jingħataw b’sottokuntratt jew jitwettqu minn sussidjarja biss meta jkun hemm il-qbil tal-klijent.

(4) Il-korpi notifikati għandhom iżommu għad-dispożizzjoni tal-awtorità notifikanti d-dokumenti rilevanti dwar il-valutazzjoni tal-kwalifiki tas-sottokuntratturi jew tas-sussidjarja u tax-xogħol li jkun sar minnhom skont l-Annessi IV sa VIII.

Artikolu 29 [l-Artikolu R22 tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE]

Applikazzjoni għal notifika

(1) Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jippreżenta applikazzjoni għal notifika lill-awtorità notifikanti tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit.

(2) L-applikazzjoni għal notifika għandha tkun akkumpanjata minn deskrizzjoni tal-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità, tal-modulu jew moduli ta’ valutazzjoni tal-konformità u tas-sottosistema/komponent tas-sikurezza jew is-sottosistemi/komponenti tas-sikurezza li għalihom il-korp jiddikjara lilu nnifsu kompetenti, kif ukoll minn ċertifikat ta’ akkreditament, jekk ikun hemm wieħed eżistenti, maħruġ minn korp nazzjonali ta’ akkreditament li jafferma li l-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26.

(3) Jekk il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità kkonċernat ma jistax jipprovdi ċertifikat ta’ akkreditazzjoni, dan għandu jipprovdi lill-awtorità notifikanti bl-evidenza dokumentata kollha meħtieġa għall-verifika, ir-rikonoxximent u l-monitoraġġ regolari tal-konformità tiegħu mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26.

Artikolu 30 [l-Artikolu R23 tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE]

Proċedura tan-notifika

(1) L-awtoritajiet notifikanti jistgħu jinnotifikaw biss lill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità li jkunu ssodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26.

(2) Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn bl-użu tal-mezz elettroniku ta’ notifika żviluppat u ġestit mill-Kummissjoni.

(3) In-notifika għandha tinkludi d-dettalji kollha dwar l-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità, il-modulu jew moduli ta’ valutazzjoni ta’ konformità jew is-sottosistema/komponent tas-sikurezza jew is-sottosistemi/komponenti tas-sikurezza kkonċernati u d-dikjarazzjoni rilevanti tal-kompetenza.

(4) Fejn notifika ma tkunx ibbażata fuq ċertifikat ta’ akkreditazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 29(2), l-awtorità notifikanti għandha tipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn il-prova dokumentata li tafferma l-kompetenza tal-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità u l-arranġamenti stabbiliti biex ikun żgurat li l-korp jiġi sorveljat regolarment u li jkompli jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26.

(5) Il-korp ikkonċernat jista’ jwettaq l-attivitajiet ta’ korp notifikat biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjonijiet mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri l-oħrajn fi żmien ġimagħtejn minn notifika fejn ikun intuża ċertifikat ta’ akkreditazzjoni jew fi żmien xahrejn minn notifika meta ma tkunx intużat akkreditazzjoni.

Korp bħal dan biss għandu jitqies bħala korp notifikat għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

(6) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra għandhom jiġu nnotifikati dwar kull tibdil rilevanti sussegwenti fin-notifika.

Artikolu 31 [l-Artikolu R24 tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE]

Numri ta’ identifikazzjoni u listi ta’ korpi notifikati

(1) Il-Kummissjoni għandha tassenja numru ta’ identifikazzjoni lil korp notifikat.

Għandha tassenja numru wieħed bħal dan, anki fejn il-korp ikun notifikat skont diversi atti tal-Unjoni.

(2) Il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku l-lista tal-korpi notifikati skont dan ir-Regolament, inklużi n-numri ta’ identifikazzjoni li kienu assenjati lilhom u l-attivitajiet li għalihom ikunu ġew notifikati.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li dik il-lista tinżamm aġġornata.

Artikolu 32 [l-Artikolu R25 tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE]

Tibdil fin-notifiki

(1) Fejn awtorità notifikanti taċċerta ruħha jew tkun mgħarrfa li korp notifikat ma jkunx għadu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26, jew li jkun qiegħed jonqos milli jaqdi l-obbligi tiegħu, l-awtorità notifikanti għandha, kif ikun xieraq, tillimita, tissospendi jew tirtira n-notifika, skont kemm ikun gravi n-nuqqas fir-rigward tar-rekwiżiti u tal-obbligi li jridu jiġu sodisfatti. Għandha tgħarraf minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar dan.

(2) Fil-każ li tiġi limitata, sospiża jew irtirata n-notifika, jew fejn il-korp notifikat ma jkunx għadu attiv, l-Istat Membru notifikanti għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li l-fajls ta’ dak il-korp jiġu pproċessati minn korp notifikat ieħor jew jinżammu disponibbli għall-awtoritajiet notifikanti u tas-sorveljanza tas-suq li jkunu responsabbli, fuq it-talba tagħhom.

Artikolu 33 [l-Artikolu R26 tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE]

Kontestazzjoni tal-kompetenza ta’ korpi notifikati

(1) Il-Kummissjoni għandha tinvestiga l-każijiet kollha fejn ikollha dubju jew issir taf b’dubju dwar il-kompetenza ta’ korp notifikat jew jekk korp notifikat għadux jissodisfa r-rekwiżiti u r-responsabbiltajiet li huwa soġġett għalihom.

(2) L-Istat Membru notifikanti għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, wara talba, bl-informazzjoni kollha relatata mal-bażi għan-notifika jew il-manutenzjoni tal-kompetenza tal-korp notifikat ikkonċernat.

(3) Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni sensittiva kollha miksuba matul l-investigazzjonijiet tagħha tinżamm kunfidenzjali.

(4) Meta l-Kummissjoni taċċerta ruħha li korp notifikat ma jissodisfax jew ma jkunx għadu jissodisfa r-rekwiżiti għan-notifika tiegħu, għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jitlob lill-Istat Membru notifikanti sabiex jieħu l-miżuri korrettivi meħtieġa, inkluż l-irtirar tan-notifika jekk dan ikun hemm bżonn.

L-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-ewwel sottoparagrafu għandu jiġi adottat skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 39(2).

Artikolu 34 [l-Artikolu R27 tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE]

Obbligi operattivi tal-korpi nnotifikati

(1) Il-korpi notifikati għandhom jagħmlu l-valutazzjonijiet tal-konformità skont il-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità stabbiliti fl-Annessi IV sa VIII.

(2) Il-valutazzjonijiet tal-konformità għandhom isiru b’mod proporzjonat, billi jiġu evitati piżijiet bla bżonn għall-operaturi ekonomiċi.

Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għandhom iwettqu l-attivitajiet tagħhom billi jieħdu kont debitu tad-daqs ta’ impriża, is-settur li taħdem fih, l-istruttura tagħha, il-livell ta’ kumplessità tat-teknoloġija tas-sottosistema jew tal-komponent tas-sikurezza kkonċernat u l-għamla tal-massa jew tas-serje tal-proċess ta’ produzzjoni.

Madankollu, b’dan il-mod għandhom jirrispettaw il-grad ta’ rigorożità u l-livell ta’ protezzjoni meħtieġ sabiex is-sottosistema jew il-komponent tas-sikurezza jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

(3) Fejn korp notifikat isib li ma ġewx issodisfati r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness II jew l-istandards armonizzati korrispondenti jew speċifikazzjonijiet tekniċi oħrajn minn manifattur, għandu jesiġi mingħand il-manifattur li dan jieħu miżuri korrettivi adegwati u ma għandu joħroġ ebda ċertifikat ta’ konformità.

(4) Fejn, matul il-monitoraġġ tal-konformità wara l-ħruġ ta’ ċertifikat, korp notifikat isib li sottosistema jew komponent tas-sikurezza ma jkunx għadu konformi, il-korp notifikat għandu jesiġi mingħand il-manifattur li dan jieħu miżuri korrettivi adegwati u għandu jissospendi jew jirtira ċ-ċerifikat tiegħu jekk ikun hemm bżonn.

(5) Fejn ma jittiħdux miżuri korrettivi jew fejn dawn ma jkollhomx l-effett meħtieġ, il-korp notifikat għandu jillimita, jissospendi jew jirtira kull ċertifikat, kif ikun xieraq.

Artikolu 35

Appell kontra deċiżjonijiet tal-korpi notifikati

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm disponibbli proċedura ta’ appell kontra d-deċiżjonijiet tal-korpi notifikati.

Artikolu 36 [l-Artikolu R28 tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE]

Obbligu ta’ informazzjoni tal-korpi notifikati

(1) Il-korpi notifikati għandhom jgħarrfu lill-awtorità notifikanti dwar dan li ġej:

(a)     kull rifjut, restrizzjoni, sospensjoni jew irtirar ta’ ċertifikat;

(b)     kull ċirkustanza li taffettwa l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ u l-kundizzjonijiet għan-notifika;

(c)     kull talba għal informazzjoni li jkunu rċivew minn awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq rigward attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità;

(d)     fuq talba, l-attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità li twettqu fil-kamp ta’ applikazzjoni tan-notifika tagħhom u kull attività oħra li twettqet, inklużi attivitajiet transkonfinali u sottokuntrattar.

(2) Il-korpi notifikati għandhom jipprovdu lill-korpi l-oħrajn notifikati skont dan ir-Regolament li jwettqu attivitajiet simili ta’ valutazzjoni tal-konformità li jkopru l-istess sottosistemi jew komponenti tas-sikurezza b’informazzjoni rilevanti dwar kwistjonijiet marbutin mar-riżultati negattivi u, fuq talba, mar-riżultati pożittivi ta’ valutazzjoni tal-konformità.

Artikolu 37 [l-Artikolu R29 tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE]

Skambju ta’ esperjenz

Il-Kummissjoni għandha tipprevedi l-organizzazzjoni ta’ skambji ta’ esperjenza bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri responsabbli mill-politika dwar in-notifiki.

Artikolu 38 [l-Artikolu R30 tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE]

Koordinazzjoni ta’ korpi notifikati

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jiġu stabbiliti l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni xierqa bejn il-korpi notifikati skont dan ir-Regolament u li dawn jiġu operati korrettament f’forma ta’ grupp jew gruppi settorjali ta’ korpi notifikati.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi notifikati minnhom jieħdu sehem fix-xogħol ta’ dak il-grupp jew dawk il-gruppi, b’mod dirett jew permezz ta’ rappreżentanti magħżulin.

KAPITOLU V

PROĊEDURA TA’ KUMITAT U DISPOŻIZZJONIJIET TRANSITORJI U FINALI

Artikolu 39

Proċedura ta’ kumitat

(1) Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat dwar l-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ. Dan il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(2) Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 40

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur mill-operaturi ekonomiċi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu infurzati. It-tali regoli jistgħu jinkludu pieni kriminali għall-ksur serju.

Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswasivi.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa [3 xhur qabel id-data msemmija fl-Artikolu 43(2)] u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

Artikolu 41

Dispożizzjonijiet transitorji

L-Istati Membri ma għandhomx jimpedixxu t-tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq tas-sottosistemi jew il-komponenti tas-sikurezza koperti mid-Direttiva 2000/9/KE, li huma konformi ma’ dik id-Direttiva u li tqiegħdu fis-suq qabel [id-data msemmija fl-Artikolu 43(2)].

L-Istati Membri ma għandhomx jimpedixxu t-tħaddim tal-installazzjonijiet tar-rotta b’kablaġġ koperti mid-Direttiva 2000/9/KE, li huma konformi ma’ dik id-Direttiva u li nbnew qabel [id-data msemmija fl-Artikolu 43(2)].

Artikolu 42

Revoka

Id-Direttiva 2000/9/KE hija rrevokata minn [id-data msemmija fl-Artikolu 43(2)].

Ir-referenzi magħmula għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni stabbilita fl-Anness X.

Artikolu 43

Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

(1) Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(2) Għandu japplika minn [sentejn wara d-dħul fis-seħħ].

(3) B’deroga mill-paragrafu 2, l-Artikoli 22 sa 38 għandhom japplikaw minn [sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istat Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                            Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               ĠU L 106, 3.5.2000, p. 21.

[2]               COM(2013) 471 finali.

[3]               ĠU L 316, 14.11.2012

[4]               Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sorveljanza tal-prodotti u li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE, u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 1999/5/KE, 2000/9/KE, 2000/14/KE, 2001/95/KE, 2004/108/KE, 2006/42/KE, 2006/95/KE, 2007/23/KE, 2008/57/KE, 2009/48/KE, 2009/105/KE, 2009/142/KE, 2011/65/UE, ir-Regolament (UE) Nru 305/2011, ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 u r-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. COM(2013) 75 finali.

[5]               ĠU L11, 15.1.2002, p.4.

[6]               ĠU L218, 13.8.2008, p.30.

[7]               Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni, COM(2011) 206 finali.

[8]               Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropej u l-Kunsill, COM(2011) 123 finali, 16.3.2011.

[9]               ĠU L213, 7.9.1995, p.1.

[10]             ĠU C […], […], p. […].

[11]             Id-Direttiva 2000/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Marzu 2000 dwar l-installazzjonijiet tal-funikular iddisinjati għat-trasport ta' persuni (ĠU L 106, 3.5.2000, p.21).

[12]             ĠU C 136, 4.6.1985, p. 1.

[13]             Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).

[14]             Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni 93/465/KEE (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82).

[15]             Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

[16]             ĠU L […...].

[17]             Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni, (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

[18]             Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/16/KE tad-29 ta’ Ġunju 1995 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri fir-rigward tal-lifts (ĠU L 213, 7.9.1995, p.1)

ANNESS I

SUBSISTEMI

Installazzjoni b’rotta b’kablaġġ hija maqsuma fl-infrastruttura u s-sottosistemi elenkati hawn taħt, wara li jitqiesu l-fatturi ta’ użu u ta’ manutenzjoni f’kull każ:

1.         Kejbils u konnessjonijiet tal-kejbils.

2.         Drajvs u brejkijiet.

3.         Tagħmir mekkaniku:

3.1.      Tagħmir li jkebbeb il-kejbil.

3.2.      Makkinarju tal-istazzjon.

3.3.      Inġinerija tal-linja.

4.         Vetturi:

4.1.      Kabini, siġġijiet u tagħmir tat-tkaxkir.

4.2.      Tagħmir ta’ sospensjoni.

4.3.      Tagħmir tat-tmexxija.

4.4.      Konnessjonijiet mal-kejbil.

5.         Apparat elettrotekniku:

5.1.      Apparat ta’ sorveljanza, kontroll u sigurtà.

5.2.      Apparat ta’ komunikazzjoni u informazzjoni.

5.3.      Apparat ta’ protezzjoni kontra s-sajjetti.

6.         Apparat ta’ salvataġġ:

6.1.      Apparat fiss ta’ salvataġġ.

6.2.      Apparat mobbli ta’ salvataġġ.

ANNESS II

REKWIŻITI ESSENZJALI

1. Skop

Dan l-Anness jistabbilixxi r-rekwiżiti essenzjali, inkluż dawk ta’ manutenzjoni u tħaddim, applikabbli għad-disinn, il-kostruzzjoni u l-bidu tat-tħaddim tal-installazzjonijiet b’rotta b’kablaġġ.

2. Rekwiżiti ġenerali

2.1. Sigurtà tal-persuni

Is-sigurtà tal-utenti, il-ħaddiema u ta’ partijiet terzi hija rekwiżit fundamentali għad-disinn, il-kostruzzjoni u t-tħaddim tal-installazzjonijiet b’rotta b’kablaġġ.

2.2. Prinċipji ta’ sigurtà

L-installazzjonijiet b’rotta b’kablaġġ kollha għandhom ikunu ddisinjati, imħaddma u mantnuti skont il-prinċipji li ġejjin, li għandhom jiġu applikati skont din l-ordni:

– jeliminaw jew, fejn ma jkunx possibbli, inaqqsu r-riskji permezz ta’ karatteristiċi ta’ disinn u ta’ kostruzzjoni,

– jiddefinixxu u jimplimentaw il-miżuri meħtieġa kollha biex jipproteġu kontra riskji li ma jistgħux jiġu eliminati bil-karatteristiċi ta’ disinn jew ta’ kostruzzjoni,

– jiddefinixxu u jiddikjaraw il-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu biex jiġu evitati r-riskji li ma setgħux jiġu eliminati kompletament permezz tad-dispożizzjonijiet u l-miżuri msemmija fl-ewwel u tieni inċiż.

2.3. Kunsiderazzjoni ta’ fatturi esterni

L-installazzjonijiet b’rotta b’kablaġġ għandhom ikunu ddisinjati u mibnija b’tali mod li jagħmluha possibbli li jitħaddmu b’mod sigur, filwaqt li jitqies it-tip ta’ installazzjoni b’rotta b’kablaġġ, in-natura u l-karatteristiċi fiżiċi tal-art li fuqha jkunu installati, il-madwar u l-fatturi atmosferiċi u meteoroloġiċi, kif ukoll strutturi u ostakoli possibbli li jinsabu fil-viċin kemm fl-art kif ukoll fl-ajru.

2.4 Id-dimensjonijiet

L-installazzjoni b’rotta b’kablaġġ, is-sottosistemi u l-komponenti tas-sigurtà kollha tagħha għandhom ikunu dimensjonati, iddisinjati u mibnija biex jifilħu, bi grad suffiċjenti ta’ sigurtà, l-istress li jiltaqgħu miegħu taħt il-kundizzjonijiet kollha prevedibbli, inklużi dawk li jseħħu meta ma jkunux qegħdin jiġu mħaddma, u filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari l-effetti esterni, l-effetti dinamiċi u l-fenomini ta’ għejja, filwaqt li jikkonformaw mar-regoli rikonoxxuti tas-sengħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-għażla tal-materjali.

2.5 Assemblaġġ

2.5.1. L-installazzjoni b’rotta b’kablaġġ, is-sottosistemi u l-komponenti kollha ta’ sigurtà għandhom ikunu ddisinjati u mibnija b’tali mod li jiżguraw li jistgħu jiġu mmuntati u mqiegħda f’posthom b’mod sigur.

2.5.2. Il-komponenti tas-sigurtà għandhom ikunu ddisinjati b’tali mod li jagħmluha impossibbli li jsiru żbalji fil-muntaġġ, kemm bħala riżultat tal-kostruzzjoni kif ukoll permezz ta’ mmarkar xieraq fuq il-mezzi nfushom.

2.6 L-integrità tal-installazzjoni b’rotta b’kablaġġ

2.6.1. Il-komponenti tas-sigurtà għandhom ikunu ddisinjati u mibnija u jkunu jistgħu jintużaw b’tali mod li jiġi żgurat li, fi kwalunkwe każ, l-integrità proprja tagħhom ta’ tħaddim u/jew is-sigurtà tal-installazzjoni b’rotta b’kablaġġ tiġi żgurata, kif iddefinit fl-analiżi ta’ sigurtà fl-Anness III, sabiex ħsarat fihom ikunu improbabbli ħafna u b’marġini adegwat ta’ sigurtà.

2.6.2. L-installazzjoni b’rotta b’kablaġġ għandha tkun iddisinjata u mibnija b’tali mod li tiżgura li, matul it-tħaddim, kwalunkwe ħsara f’komponent li tista’ taffettwa s-sigurtà, anki jekk indirettament, tiġi bbilanċjata b’miżuri xierqa fi żmien xieraq.

2.6.3. Is-salvagwardi msemmija fil-punti 2.6.1 u 2.6.2 għandhom japplikaw matul il-perjodu bejn żewġ spezzjonijiet skedati tal-komponent ikkonċernat. Il-perjodu ta’ żmien għal spezzjoni skedata ta’ komponenti tas-sigurtà għandu jkun indikat b’mod ċar fil-manwal tal-istruzzjonijiet.

2.6.4. Il-komponenti tas-sigurtà li huma inkorporati fl-installazzjonijiet b’rotta b’kablaġġ bħala spare parts għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali ta’ dan ir-Regolament u l-kundizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-interazzjoni bla xkiel mal-partijiet l-oħra tal-installazzjonijiet b’rotta b’kablaġġ.

2.6.5. Għandhom jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li l-effetti ta’ nar fl-installazzjoni b’rotta b’kablaġġ ma jipperikolawx is-sigurtà tal-persuni li jkunu qegħdin jinġarru u tal-ħaddiema.

2.6.6. Għandhom jittieħdu miżuri speċjali biex jipproteġu l-installazzjonijiet b’rotta b’kablaġġ u l-persuni mill-effetti tas-sajjetti.

2.7 Apparat ta’ sigurtà

2.7.1. Kull difett fl-installazzjoni b’rotta b’kablaġġ li jista’ jirriżulta fi ħsara li tipperikola s-sigurtà għandu, fejn ikun prattiku, jiġi skopert, rapportat u proċessat permezz ta’ apparat ta’ sigurtà. L-istess japplika għal kull avveniment normali estern prevedibbli li jista’ jipperikola s-sigurtà.

2.7.2. Għandu jkun possibbli fi kwalunkwe ħin li l-installazzjoni b’rotta b’kablaġġ tingħalaq bl-idejn.

2.7.3. Wara li l-installazzjoni b’rotta b’kablaġġ tkun ingħalqet permezz ta’ apparat ta’ sigurtà, ma għandux ikun possibbli li terġa’ titħaddem sakemm ma tkunx ittieħdet azzjoni xierqa.

2.8 Mantenibbiltà

L-installazzjoni b’rotta b’kablaġġ għandha tkun iddisinjata u mibnija b’tali mod li tkun tippermetti manutenzjoni ta’ rutina jew speċjali u operazzjonijiet ta’ tiswija u proċeduri li għandhom jitwettqu b’mod sigur.

2.9 Fastidju

L-installazzjoni b’rotta b’kablaġġ għandha tkun iddisinjata u mibnija b’tali mod li tiżgura li kull fastidju intern jew estern li jirriżulta minn gassijiet li jagħmlu l-ħsara, emissjonijiet ta’ ħsejjes jew vibrazzjoni jaqa’ taħt il-limiti preskritti.

3. Rekwiżiti infrastrutturali

3.1. Preżentazzjoni, veloċità, distanza bejn il-vetturi

3.1.1. L-installazzjoni b’rotta b’kablaġġ għandha tkun iddisinjata b’tali mod li taħdem b’mod sigur filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi tal-art u l-madwar tagħha, il-kundizzjonijiet atmosferiċi u meteoroloġiċi, kull struttura u ostaklu possibbli li jinsab fil-viċinanza jew fl-art jew fl-ajru b’tali mod li ma tikkawża ebda fastidju u li ma tkun ta’ ebda periklu taħt kwalunkwe kundizzjoni ta’ tħaddim jew ta’ servizz jew fil-każ ta’ xi operazzjoni biex jiġu salvati xi persuni.

3.1.2. Għandha tinżamm biżżejjed distanza lateralment u vertikalment bejn il-vetturi, l-apparat ta’ rmonk, il-linji, il-kejbils, eċċ., u strutturi u ostakli possibbli li jinsabu fil-viċinanza jew fl-art jew fl-ajru, filwaqt li jitqies iċ-ċaqliq vertikali, lonġitudinali u laterali tal-kejbils u l-vetturi jew tal-apparat ta’ rmonk taħt l-agħar kundizzjonijiet prevedibbli ta’ tħaddim.

3.1.3. Id-distanza massima bejn il-vetturi u l-art għandha tqis in-natura tal-installazzjoni b’rotta b’kablaġġ, it-tip ta’ vetturi u l-proċeduri ta’ salvataġġ. Fil-każ ta’ vetturi miftuħin għandu jitqies ukoll ir-riskju ta’ xi waqa’ kif ukoll tal-aspetti psikoloġiċi assoċjati mad-distanza bejn il-vetturi u l-art.

3.1.4. Il-veloċità massima tal-vetturi jew tal-apparat ta’ rmonk, id-distanza minima bejniethom u l-aċċelerazzjoni u l-prestazzjoni tal-brejkijiet għandhom jintgħażlu biex jiżguraw is-sigurtà tal-persuni u t-tħaddim sigur tal-installazzjoni b’rotta b’kablaġġ.

3.2. Stazzjonijiet u strutturi tul il-linja

3.2.1. L-istazzjonijiet u l-istrutturi tul il-linja għandhom ikunu ddisinjati, installati u mgħammra biex jiżguraw stabbiltà. Għandhom jippermettu l-gwida sigura tal-kejbils, il-vetturi u l-apparat ta’ rmonk, u jippermettu li l-manutenzjoni titwettaq b’mod sigur, taħt il-kundizzjonijiet kollha ta’ tħaddim.

3.2.2. Iż-żoni tad-dħul u tal-ħruġ għall-installazzjoni b’rotta b’kablaġġ għandhom ikunu ddisinjati b’tali mod li jiggarantixxu s-sigurtà tat-traffiku tal-vetturi, tal-apparat ta’ rmonk u tal-persuni. Il-moviment ta’ vetturi u apparat ta’ rmonk fl-istazzjonijiet għandu jkun jista’ jsir mingħajr riskju għall-persuni, filwaqt li titqies il-kollaborazzjoni attiva possibbli tagħhom mal-moviment tagħhom.

4. Ir-rekwiżiti li għandhom x’jaqsmu mal-kejbils, mad-drajvs u mal-brejkijiet u mal-installazzjonijiet mekkaniċi u elettriċi

4.1 Kejbils u l-appoġġi tagħhom

4.1.1. Il-miżuri kollha għandhom jittieħdu f’konformità mal-iżviluppi teknoloġiċi l-aktar riċenti:

– biex jiġi evitat li l-kejbils u t-twaħħil magħhom jitkissru,

– biex jiġu koperti l-valuri minimi u massimi ta’ stress,

– biex jiġi żgurat li jkunu mmuntati b’mod sigur fuq l-appoġġi tagħhom u jiġi evitat li jaqbżu mil-linji,

– biex ikunu jistgħu jiġu sorveljati.

4.1.2. Jekk ma jkunx possibbli li jiġu evitati r-riskji kollha ta’ qbiż tal-linji, għandhom jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li l-kejbils ikunu jistgħu jinġibdu lura u li l-installazzjonijiet b’rotta b’kablaġġ ikunu jistgħu jitwaqqfu milli jkomplu jaħdmu mingħajr riskju għall-persuni fil-każ ta’ qbiż tal-linji.

4.2 Installazzjonijiet mekkaniċi

4.2.1. Drajvs

Is-sistema ta’ drajv ta’ installazzjoni b’rotta b’kablaġġ għandha tkun ta’ prestazzjoni u ta’ kapaċità adegwata, adatta għad-diversi sistemi u modi ta’ tħaddim.

4.2.2. Drajv standby

L-installazzjoni b’rotta b’kablaġġ għandu jkollha drajv standby bi provvista tal-enerġija li tkun indipendenti minn dik tas-sistema tad-drajv prinċipali. Madankollu, drajv standby mhuwiex meħtieġ jekk l-analiżi ta’ sigurtà turi li l-persuni jkunu jistgħu jħallu l-vetturi u, b’mod partikolari, l-apparat ta’ rmonk faċilment, malajr u b’mod sigur anki jekk ma jkunx hemm drajv standby disponibbli.

4.2.3. Ibbrejkjar

4.2.3.1. F’emerġenza, għandu jkun possibbli li l-installazzjoni b’rotta b’kablaġġ u/jew il-vetturi jitwaqqfu jitħaddmu fi kwalunkwe ħin, taħt l-agħar kundizzjonijiet f’termini ta’ tagħbija awtorizzata u l-adeżjoni tat-tarjola matul it-tħaddim. Id-distanza ta’ twaqqif għandha tkun qasira daqs kemm tiddetta s-sigurtà tal-installazzjoni b’rotta b’kablaġġ.

4.2.3.2. Il-valuri ta’ deċelerazzjoni għandhom ikunu fil-limiti adegwati stabbiliti b’tali mod li jiżguraw kemm is-sigurtà tal-persuni kif ukoll l-andament sodifaċenti tal-vetturi, il-kejbils u partijiet oħra tal-installazzjoni b’rotta b’kablaġġ.

4.2.3.3. Fl-installazzjonijiet b’rotta b’kablaġġ kollha għandu jkun hemm żewġ sistemi jew aktar ta’ brejkijiet, u kull waħda minnhom għandha tkun tista’ twaqqaf l-installazzjoni b’rotta b’kablaġġ, u għandhom ikunu kkoordinati b’tali mod li awtomatikment jissostitwixxu s-sistema attiva meta l-effiċjenza tagħhom ma tibqax adegwata. L-aħħar sistema ta’ brejkijiet tal-kejbil tal-ġbid għandha taġixxi direttament fuq id-driving pulley. Dawn id-disposizzjonijiet ma għandhomx japplikaw għal-liftijiet ta’ tkaxkir (drag lifts).

4.2.3.4. L-installazzjoni b’rotta b’kablaġġ għandha tkun mgħammra b’mekkaniżmu effettiv ta’ klampjar u qfil biex iħares kontra startjar mill-ġdid qabel il-waqt.

4.3. Apparat ta’ kontroll

L-apparat ta’ kontroll għandu jkun iddisinjat u mibni b’tali mod li jkun sigur u affidabbli, li jiflaħ għall-istress normali ta’ tħaddim u fatturi esterni bħall-umdità, it-temperaturi estremi jew l-interferenza elettromanjetika biex ma jikkawżax sitwazzjonijiet perikolużi, anki f’każ ta’ żbalji fit-tħaddim.

4.4. Apparat ta’ komunikazzjoni

Għandhom jiġu pprovduti faċilitajiet xierqa li jippermettu lill-ħaddiema li jkunu qegħdin jaħdmu jikkomunikaw ma’ xulxin f’kull żmien u biex javżaw lill-utenti f’każ ta’ emerġenza.

5. Vetturi u apparat ta’ rmonk

5.1. Il-vetturi u/jew l-apparat ta’ rmonk għandhom ikunu ddisinjati u armati b’tali mod li taħt kundizzjonijiet prevedibbli ta’ tħaddim, l-ebda persuna ma tista’ taqa’ ’l barra jew tiltaqa’ ma’ xi riskju ieħor.

5.2. Il-fittings ta’ vetturi u ta’ apparat ta’ rmonk għandhom ikunu dimensjonati u mibnija biex:

– ma jagħmlux ħsara fil-kejbil, jew

– ma jiżżerżqux, ħlief fejn dak iż-żerżieq ma jaffettwax b’mod sinifikanti s-sigurtà tal-vettura, l-apparat ta’ rmonk jew l-installazzjoni

taħt l-agħar kundizzjonijiet.

5.3. Il-bibien tal-vetturi (fuq vetturi, kabini) għandhom ikunu ddisinjati u mibnija b’tali mod li jagħmluha possibbli li jingħalqu u jissakkru. L-art u l-ħitan tal-vetturi għandhom ikunu ddisinjati u mibnija b’tali mod li jkunu jifilħu għall-pressjoni u t-tagħbijiet tal-utenti taħt kull ċirkostanza.

5.4. Jekk għal raġunijiet ta’ sigurtà ta’ tħaddim, l-operatur ikun meħtieġ li jitla’ fuq il-vettura, il-vettura għandha tkun mgħammra bit-tagħmir meħtieġ biex ikun jista’ jwettaq xogħolu.

5.5. Il-vetturi u/jew l-apparat ta’ rmonk u, b’mod partikolari, il-mekkaniżmi ta’ sospensjoni tagħhom għandhom ikunu ddisinjati u mgħammra biex jiżguraw is-sigurtà tal-ħaddiema li jagħmlu l-manutenzjoni fuqhom skont regoli u struzzjonijiet xierqa.

5.6. Fil-każ ta’ vetturi mgħammra b’armar li jista’ jiġi skonnettjat, għandhom jittieħdu l-miżuri kollha biex waqt il-ħin tat-tluq, kull vettura li l-armar tagħha jkun imqabbad b’mod mhux xieraq mal-kejbil u, fil-ħin tal-wasla, kull vettura li l-armar tagħha ma jkunx ġie skonnettjat, tkun tista’ titwaqqaf, u biex jiġi evitat li l-vettura taqa’.

5.7. Il-vetturi tal-funikular u, sa fejn il-konfigurazzjoni tal-installazzjoni b’rotta b’kablaġġ tkun tippermetti dan, il-cable-cars b’żewġ kejbils għandhom ikunu mgħammra b’apparat awtomatiku ta’ brejkijiet fuq il-linja, meta l-possibbiltà li l-kejbil li jġorr jinqata’ ma tistax tiġi raġonevolment eskluża.

5.8. Meta kull riskju li l-vettura taqbeż il-linja ma jkunx jista’ jiġi eliminat b’miżuri oħra, il-vettura għandha tiġi armata b’tagħmir kontra l-qbiż tal-linji li jippermetti li l-vettura titwaqqaf mingħajr riskju għall-persuni.

6. Tagħmir għall-utenti

L-aċċess għaż-żona tal-imbark u ta’ ħruġ miż-żoni tal-iżbark u tal-imbark u tal-utenti għandu jkun organizzat fir-rigward taċ-ċaqliq u l-waqfien tal-vetturi b’tali mod li tiġi żgurata s-sigurtà tal-persuni, b’mod partikolari f’żoni fejn hemm ir-riskju li jaqgħu.

Għandu jkun possibbli għat-tfal u għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa li jużaw l-installazzjoni b’rotta b’kablaġġ b’mod sigur jekk l-installazzjoni b’rotta b’kablaġġ tkun iddisnjata għat-trasport ta’ dawk il-persuni.

7. Tħaddim

7.1. Sigurtà

7.1.1. Għandhom jittieħdu l-miżuri u d-disposizzjonijiet tekniċi kollha biex jiżguraw li l-installazzjoni b’rotta b’kablaġġ tintuża għall-iskop maħsub tagħha skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħha u l-kundizzjonijiet speċifikati ta’ tħaddim u li l-istruzzjonijiet għat-tħaddim sigur u l-manutenzjoni jistgħu jiġu mħarsa. Il-manwal ta’ struzzjoni u n-noti korrispondenti għandhom jitfasslu b’lingwa li tista’ tinftiehem faċilment mill-utenti, kif stabbilit mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun inbniet l-installazzjoni b’rotta b’kablaġġ.

7.1.2. Il-persuni responsabbli għat-tħaddim tal-installazzjoni b’rotta b’kablaġġ għandhom jiġu pprovduti bir-riżorsi materjali xierqa u għandhom ikunu kkwalifikati biex iwettqu l-ħidma li jkunu qegħdin jagħmlu.

7.2. Sigurtà fil-każ ta’ immobilizzazzjoni tal-installazzjoni b’rotta b’kablaġġ

Id-dispożizzjonijiet u l-miżuri tekniċi kollha għandhom jiġu adottati biex jiġi żgurat li l-utenti jkunu jistgħu jitwasslu b’mod sigur f’limitu ta’ żmien xieraq għat-tip ta’ installazzjoni b’rotta b’kablaġġ u l-madwar tagħha meta l-installazzjoni b’rotta b’kablaġġ tkun immobilizzata u ma tistax terġa’ titqabbad malajr.

7.3. Disposizzjonijiet oħra speċjali dwar is-sigurtà

7.3.1. Stands tal-operaturi u postijiet tax-xogħol

Il-partijiet li jiċċaqalqu li huma normalment aċċessibbli fl-istazzjonijiet għandhom ikunu ddisinjati, mibnija u installati b’tali mod li jipprekludu kull riskju jew, meta jkunu jeżistu tali riskji, ikunu armati b’tagħmir protettiv biex jiġi evitat kull kuntatt mal-partijiet tal-installazzjoni b’rotta b’kablaġġ li jista’ jikkawża xi inċident. Dan l-apparat għandu jkun tat-tip li ma jistax jinqala’ faċilment jew jinġieb f’kundizzjoni li ma jaħdimx.

7.3.2. Riskju ta’ waqa’

Il-postijiet tax-xogħol u ż-żoni tax-xogħol, inklużi dawk użati biss kultant, u l-aċċess għalihom, għandhom ikunu ddisinjati u mibnija b’tali mod li jevitaw li l-persuni li jaħdmu jew jiċċaqalqu fihom jaqgħu. Jekk il-kostruzzjoni ma tkunx adegwata, għandhom ikunu pprovduti b’punti ta’ rbit għal tagħmir protettiv personali biex jiġu evitati l-waqgħat.

ANNESS III

ANALIŻI TA’ SIGURTÀ

L-analiżi ta’ sigurtà meħtieġa skont l-Artikolu 8 għal kull installazzjoni b’rotta b’kablaġġ għandha tqis kull mod ta’ tħaddim previst. L-analiżi għandha ssegwi metodu rikonoxxut jew stabbilit u għandha tqis l-aħħar żviluppi fit-teknoloġija u l-kumplessità tal-installazzjoni b’rotta b’kablaġġ inkwistjoni. Il-mira hija wkoll li jiġi żgurat li d-disinn u l-konfigurazzjoni tal-installazzjoni b’rotta b’kablaġġ jqisu d-dintorni lokali u l-agħar sitwazzjonijiet biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ta’ sigurtà sodisfaċenti.

L-analiżi għandha tkopri wkoll l-apparat ta’ sigurtà u l-effett tiegħu fuq l-installazzjoni b’rotta b’kablaġġ u s-sottosistemi relatati li dawn iħaddmu sabiex jew:

– ikunu jistgħu jirreaġixxu għall-ħsara inizjali jew nuqqas skoperti biex jibqgħu fi stat li jiggarantixxi s-sigurtà, f’mod ta’ tħaddim aktar baxx jew fi stat ta’ sigurtà li ma jistax ifalli,

– ikunu żejda u jkunu sorveljati, jew

– ikunu tali li l-probabbiltà tal-ħsara tagħhom tista’ tiġi evalwata u li jkunu ta’ standard ekwivalenti għal dak miksub minn apparat ta’ sigurtà li jissodisfa l-kriterji tal-ewwel u t-tieni inċiż.

Għandha tintuża analiżi ta’ sigurtà biex jitħejja inventarju tar-riskji u s-sitwazzjonijiet perikolużi skont l-Artikolu 8(1) u biex tiġi stabbilita l-lista ta’ komponenti tas-sigurtà msemmija fl-Artikolu 8(2) tagħha. Ir-riżultat tal-analiżi ta’ sigurtà għandu jinġabar fil-qosor f’rapport ta’ sigurtà.

ANNESS IV

PROĊEDURI TA’ VALUTAZZJONI TAL-KONFORMITÀ GĦAS-SOTTOSISTEMI U L-KOMPONENTI TAS-SIGURTÀ: IL-MODULU B: EŻAMI TAT-TIP TAL-UE - TIP TA’ PRODUZZJONI

1. L-eżami tat-tip tal-UE hija dik il-parti minn proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità li fiha korp innotifikat jeżamina d-disinn tekniku ta’ sottosistema jew ta’ komponent tas-sigurtà u jivverifika u jikkonferma li din tissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

2. L-eżami tat-tip tal-UE għandu jitwettaq bil-valutazzjoni tal-adegwatezza tad-disinn tekniku tas-sottosistema jew il-komponent tas-sigurtà permezz tal-eżami tad-dokumentazzjoni teknika u ta’ evidenza ta’ sostenn imsemmija fil-punt 3, flimkien ma’ eżami ta’ kampjun, rappreżentattiv tal-produzzjoni prevista, tas-sottosistema sħiħa jew il-komponent tas-sigurtà (tip ta’ produzzjoni).

3. Il-manifattur għandu jippreżenta applikazzjoni għal eżami tat-tip tal-UE lil korp innotifikat wieħed tal-għażla tiegħu.

L-applikazzjoni għandha tinkludi dak kollu li ġej:

(a) l-isem u l-indirizz tal-manifattur u, jekk l-applikazzjoni titressaq mir-rappreżentant awtorizzat, l-isem u l-indirizz ta’ dan ukoll,

(b) dikjarazzjoni bil-miktub li l-istess applikazzjoni ma tressqet lil ebda korp innotifikat ieħor,

(c) id-dokumentazzjoni teknika għas-sottosistema u/jew il-komponent tas-sigurtà skont l-Anness IX.

(d) kampjun rappreżentattiv tas-sottosistema jew il-komponent tas-sigurtà jew id-dettalji tal-post ta’ fejn ikun jista’ jiġi eżaminat. Il-korp innotifikat jista’ jitlob aktar kampjuni jekk ikunu meħtieġa biex jitwettaq il-programm tat-test;

4. Il-korp innotifikat għandu:

4.1. jeżamina d-dokumentazzjoni teknika u l-evidenza ta’ sostenn biex jivvaluta l-adegwatezza tad-disinn tekniku tas-sottosistema jew il-komponent tas-sigurtà;

4.2. jivverifika li l-kampjun(i) ġie(ġew) manifatturat(i) f’konformità mad-dokumentazzjoni teknika, u jidentifika l-elementi li ġew iddisinjati skont id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-istandards armonizzati rilevanti u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, kif ukoll l-elementi li ġew iddisinjati mingħajr l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawk l-istandards;

4.3. fejn il-manifattur ikun applika l-ispeċifikazzjonijiet tal-istandards armonizzati rilevanti, iwettaq l-eżamijiet u t-testijiet xierqa, jew iqabbad lil min jagħmilhom, biex jivverifika jekk, dawn ġewx applikati b’mod korrett;

4.4. iwettaq l-eżamijiet u t-testijiet xierqa, jew iqabbad lil min jagħmilhom, biex jivverifika jekk, fejn il-manifattur ikun għażel li japplika s-soluzzjonijiet fl-istandards armonizzati u/jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti, dawn ikunux ġew applikati b’mod korrett;

4.5. jagħmel l-eżamijiet u t-testijiet adegwati, jew iqabbad lil min jagħmilhom, biex jivverifika jekk, fejn ma ġewx applikati s-soluzzjonijiet fl-istandards armonizzati rilevanti u/jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, is-soluzzjonijiet adottati mill-manifattur jissodisfawx ir-rekwiżiti essenzjali korrispondenti ta’ dan ir-Regolament;

4.6. jiftiehem mal-manifattur dwar post fejn ser jitwettqu l-eżamijiet u t-testijiet.

5. Il-korp innotifikat għandu jfassal rapport ta’ evalwazzjoni li jirreġistra l-attivitajiet li jkunu twettqu skont il-punt 1.4 u r-riżultati tagħhom. Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tiegħu lejn l-awtoritajiet notifikanti, il-korp innotifikat għandu joħroġ il-kontenut ta’ dak ir-rapport, kollu jew parti minnu, biss bi ftehim mal-manifattur.

6. Meta t-tip jissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, il-korp innotifikat għandu joħroġ ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE lill-manifattur. Iċ-ċertifikat għandu jkun fih l-isem u l-indirizz tal-manifattur, il-konklużjonijiet tal-eżami, kwalunkwe kundizzjoni għall-validità tiegħu, id-dejta meħtieġa għall-identifikazzjoni tat-tip approvat (is-sottosistema jew il-komponent tas-sigurtà) u jekk ikun rilevanti, id-deskrizzjonijiet tal-funzjonament tiegħu. Iċ-ċertifikat jista’ jkollu annessi wieħed jew aktar minn wieħed mehmuża miegħu.

Iċ-ċertifikat u l-annessi tiegħu għandhom jinkludu l-informazzjoni rilevanti kollha biex il-konformità tas-sistemi manifatturati u l-komponenti tas-sigurtà mat-tip eżaminat tkun tista’ tiġi evalwata u biex ikun hemm lok għal kontroll intern.

Iċ-ċertifikat għandu jkollu perjodu massimu ta’ validità ta’ tlettax-il sena mid-data tal-ħruġ tiegħu. Fejn it-tip ma jissodisfax ir-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament, il-korp innotifikat għandu jirrifjuta li joħroġ ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE u għandu jinforma b’dan lill-applikant kif inhu xieraq, fejn jagħti raġunijiet iddettaljati għar-rifjut tiegħu.

7. Il-korp innotifikat għandu jżomm lilu nnifsu aġġornat dwar kull tibdil fit-teknoloġija l-aktar avvanzata rikonoxxuta b’mod ġenerali li jindika li t-tip approvat jista’ ma jkunx aktar konformi mar-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament, u għandu jiddetermina jekk dan it-tibdil jirrikjedix investigazzjoni ulterjuri. Jekk ikun il-każ, il-korp innotifikat għandu jinforma lill-manifattur dwar dan.

Il-manifattur għandu jinforma lill-korp innotifikat li għandu d-dokumentazzjoni teknika relatata maċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip UE, bi kwalunkwe modifika għat-tip approvat li tista’ taffettwa l-konformità tas-sottosistema jew il-komponent tas-sigurtà mar-rekwiżiti essenzjali ta’ dan ir-Regolament jew mal-kundizzjonijiet għall-validità taċ-ċertifikat.

Il-korp innotifikat għandu jeżamina l-modifika u jinforma lill-manifattur jekk iċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE jkunx għadu validu jew jekk hemmx bżonn isiru aktar eżamijiet, verifiki jew testijiet. Il-korp innotifikat għandu joħroġ, kif ikun xieraq, żieda maċ-ċertifikat oriġinali tal-eżami tat-tip tal-UE jew jitlob li tkun ippreżentata applikazzjoni ġdida għal eżami tat-tip tal-UE.

8. Kull korp innotifikat għandu jinforma lill-awtoritajiet notifikanti u l-korpi nnotifikati l-oħra dwar iċ-ċertifikati tal-eżami tat-tip tal-UE u/jew kull żieda għalihom li jkun ħareġ.

Il-korp innotifikat li jirrifjuta li joħroġ jew jirtira, jissospendi jew inkella jirrestrinġi ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE jrid jinforma lill-awtoritajiet notifikanti tiegħu u l-korpi nnotifikati l-oħra b’dan, u jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu.

Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-korpi nnotifikati l-oħra jistgħu, fuq talba, jiksbu kopja taċ-ċertifikati tal-eżami tat-tip tal-UE u/jew iż-żidiet għalihom. Fuq talba, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jiksbu kopja tad-dokumentazzjoni teknika u r-riżultati tal-eżamijiet li jkun wettaq il-korp innotifikat. Il-korp innotifikat għandu jżomm kopja taċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE, tal-annessi u taż-żidiet tiegħu, kif ukoll tal-fajl tekniku, inkluża d-dokumentazzjoni sottomessa mill-manifattur, sal-iskadenza tal-validità taċ-ċertifikat.

9. Il-manifattur għandu jżomm kopja taċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE, tal-annessi u taż-żidiet tiegħu, flimkien mad-dokumentazzjoni teknika għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali għal perjodu ta’ 30 sena wara li s-sottosistema jew il-komponent tas-sigurtà jkunu tqiegħdu fis-suq.

10. L-obbligi tal-manifattur stabbiliti fil-punti 7 u 9, jistgħu jiġu sodisfatti mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, sakemm dawn ikunu speċifikati fil-mandat.

ANNESS V

PROĊEDURI TA’ VALUTAZZJONI TAL-KONFORMITÀ GĦAS-SOTTOSISTEMI U L-KOMPONENTI TAS-SIGURTÀ: IL-MODULU D: KONFORMITÀ MAT-TIP IBBAŻATA FUQ L-ASSIGURAZZJONI TAL-KWALITÀ TAL-PROĊESS TA’ PRODUZZJONI

1. Il-konformità mat-tip ibbażata fuq l-assigurazzjoni tal-kwalità tal-proċess ta’ produzzjoni hija l-parti minn proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità li permezz tagħha l-manifattur jissodisfa l-obbligi stabbiliti fil-punti 2.2 u 2.5, u jiżgura, u jiddikjara taħt ir-responsabbiltà unika tiegħu, li s-sottosistemi jew il-komponenti tas-sigurtà kkonċernati jkunu f’konformità mat-tip deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE u li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament applikabbli għalihom.

2. Il-manifatturar

Il-manifattur għandu jħaddem sistema approvata ta’ kwalità għall-produzzjoni, għall-ispezzjoni tal-prodott finali u għall-ittestjar tas-sottosistemi jew il-komponenti tas-sigurtà kkonċernati kif speċifikat fil-punt 2.3, u din għandha tkun soġġetta għal sorveljanza kif speċifikat fil-punt 2.4.

3. Is-sistema ta’ kwalità

3.1. Il-manifattur għandu jippreżenta applikazzjoni għall-valutazzjoni tas-sistema ta’ kwalità tiegħu lil korp innotifikat tal-għażla tiegħu.

L-applikazzjoni għandha tinkludi:

(a) l-isem u l-indirizz tal-manifattur u, jekk l-applikazzjoni titressaq mir-rappreżentant awtorizzat, l-isem u l-indirizz tiegħu wkoll;

(b) dikjarazzjoni bil-miktub li l-istess applikazzjoni ma ġiet ippreżentata lill-ebda korp innotifikat ieħor;

(c) l-informazzjoni kollha rilevanti għas-sottosistemi jew il-komponenti tas-sigurtà approvati taħt il-modulu B;

(d) id-dokumentazzjoni li tikkonċerna s-sistema ta’ kwalità;

(e) id-dokumentazzjoni teknika tat-tip approvat u kopja taċ-ċertifikat(i) tal-eżami tat-tip tal-UE;

(f) id-dettalji tal-post fejn hija manifatturata s-sottosistema jew il-komponent tas-sigurtà.

3.2. Is-sistema ta’ kwalità għandha tiżgura li s-sottosistemi u l-komponenti tas-sigurtà huma konformi mat-tip(i) deskritt(i) fiċ-ċertifikat(i) tal-eżami tat-tip tal-UE u l-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament li japplika għalihom.

L-elementi, ir-rekwiżiti u d-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-manifattur għandhom jiġu ddokumentati b’mod sistematiku u ordnat fil-forma ta’ politiki, proċeduri u struzzjonijiet bil-miktub. Id-dokumentazzjoni tas-sistema ta’ kwalità għandha tippermetti interpretazzjoni konsistenti tal-programmi, il-pjanijiet, il-manwali u r-rekords ta’ kwalità.

Għandu jkun fiha b’mod partikolari deskrizzjoni adegwata ta’:

(a) il-miri tal-kwalità u l-istruttura organizzattiva, ir-responsabbiltajiet u s-setgħat tad-diretturi fir-rigward tal-kwalità tal-prodott,

(b) il-manifattura, it-tekniki ta’ kontroll tal-kwalità u tal-assigurazzjoni tal-kwalità, il-proċessi u l-azzjonijiet sistematiċi korrispondenti, li ser jintużaw,

(c) l-eżamijiet u t-testijiet li għandhom jitwettqu qabel, matul u wara l-manifattura, u l-frekwenza li biha jiġu mwettqa,

(d) ir-rekords ta’ kwalità, bħar-rapporti ta’ spezzjonijiet u d-dejta tat-testijiet, id-dejta dwar il-kalibrar, ir-rapporti dwar il-kwalifiki fir-rigward tal-persunal ikkonċernat, eċċ.,

(e) il-mezzi ta’ sorveljanza tal-ksib tal-kwalità meħtieġa tal-prodott u tat-tħaddim effettiv tas-sistema ta’ kwalità.

3.3. Il-korp innotifikat għandu jivvaluta s-sistema ta’ kwalità sabiex jiddetermina jekk din tissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fil-punt 3.2.

Dan għandu jippreżumi l-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti fir-rigward tal-elementi tas-sistema ta’ kwalità li jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet korrispondenti tal-istandard nazzjonali li jimplimenta l-istandard armonizzat u/jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti.

Il-verifika għandha tinkludi żjara ta’ valutazzjoni fil-post fejn huma mmanifatturati, spezzjonati jew ittestjati s-sottosistemi jew il-komponenti tas-sigurtà.

Minbarra esperjenza fis-sistemi ta’ ġestjoni tal-kwalità, it-tim ta’ verifika għandu jkollu mill-inqas membru wieħed b’esperjenza ta’ evalwazzjoni fil-qasam tal-installazzjonijiet b’rotta b’kablaġġ u fit-teknoloġija tas-sottosistemi jew il-komponenti tas-sigurtà kkonċernati, u għarfien tar-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament. Il-verifika għandha tinkludi żjara ta’ valutazzjoni fil-post tal-manifattur. It-tim ta’ verifika għandu jeżamina d-dokumentazzjoni teknika msemmija fil-punt 3.1(e), biex jivverifika l-kapaċità tal-manifattur li jidentifika r-rekwiżiti rilevanti ta’ dan ir-Regolament u biex iwettaq l-eżamijiet meħtieġa bil-għan li jiżgura l-konformità tas-sottosistemi jew il-komponenti tas-sigurtà ma’ dawk ir-rekwiżiti.

Id-deċiżjoni għandha tiġi notifikata lill-manifattur. In-notifika għandu jkun fiha l-konklużjonijiet tal-verifika u d-deċiżjoni motivata tal-valutazzjoni.

3.4. Il-manifattur għandu jimpenja ruħu li jaqdi l-obbligi li jirriżultaw mis-sistema ta’ kwalità kif approvata u li jżommha sabiex tibqa’ adegwata u effiċjenti.

3.5. Il-manifattur għandu jżomm il-korp innotifikat li approva s-sistema ta’ kwalità informat b’kull bidla intiża fis-sistema ta’ kwalità.

Il-korp innotifikat għandu jevalwa kwalunkwe bidla proposta u jiddeċiedi jekk is-sistema ta’ kwalità modifikata hix ser tkompli tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fil-punt 3.2 jew jekk hemmx bżonn ta’ valutazzjoni ġdida.

Dan għandu jinnotifika lill-manifattur bl-eżitu tal-evalwazzjoni. F’każ ta valutazzjoni ġdida, għandu jinnotifika lill-manifattur bid-deċiżjoni tiegħu. In-notifika għandu jkun fiha l-konklużjonijiet tal-eżami u d-deċiżjoni motivata tal-valutazzjoni.

4. Is-sorveljanza taħt ir-responsabbiltà tal-korp innotifikat

4.1. L-iskop tas-sorveljanza huwa li jiġi żgurat li l-manifattur jaqdi b’mod xieraq l-obbligi li joħorġu mis-sistema approvata ta’ kwalità tal-produzzjoni.

4.2. Il-manifattur għandu, għal skopijiet ta’ valutazzjoni, jippermetti l-aċċess lill-korp innotifikat fis-siti tal-manifattura, tal-ispezzjoni, tal-ittestjar u tal-ħażna u għandu jagħti l-informazzjoni kollha rilevanti meħtieġa, b’mod partikolari:

(a) id-dokumentazzjoni tas-sistema ta’ kwalità;

(b) ir-rekords ta’ kwalità, bħar-rapporti tal-ispezzjonijiet u d-dejta tat-testijiet, id-dejta tal-kalibrar, ir-rapporti dwar il-kwalifiki tal-persunal ikkonċernat, eċċ.

4.3. Il-korp innotifikat għandu jwettaq il-verifiki perjodiċi tal-anqas darba kull sentejn sabiex ikun żgur li l-manifattur iżomm u japplika s-sistema ta’ kwalità u għandu jipprovdi lill-manifattur b’rapport ta’ verifika.

4.4. Barra minn hekk, il-korp innotifikat jista’ jagħmel żjarat mhux mistennija lill-manifattur. Waqt tali żjarat il-korp innotifikat, jekk ikun meħtieġ, jista’ jwettaq testijiet fuq il-prodott, jew iqabbad lil min jagħmilhom, biex jivverifika li s-sistema ta’ kwalità qiegħda taħdem sewwa. Il-korp innotifikat għandu jipprovdi lill-manifattur b’rapport taż-żjara u, jekk saru xi testijiet, b’rapport tat-testijiet.

5. It-tikketta CE u d-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE

5.1. Il-manifattur għandu jwaħħal it-tikketta CE u, taħt ir-responsabbiltà tal-korp innotifikat imsemmi fil-punt 3.1, in-numru ta’ identifikazzjoni ta’ dan tal-aħħar fuq kull sottosistema jew komponent tas-sigurta individwali li jkun f’konformità mat-tip deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE u jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament. Il-manifattur, jekk il-korp innotifikat jaqbel u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, jista’ jwaħħal in-numru ta’ identifikazzjoni tal-korp innotifikat mas-sottosistemi jew il-komponenti tas-sigurtà waqt il-proċess tal-manifattura.

5.2. Il-manifattur għandu jfassal dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE bil-miktub għal kull sottosistema jew komponent tas-sigurtà u jżommha għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, għal perjodu ta’ 30 sena wara li s-sottosistema jew il-kompenent tas-sigurtà jkun tqiegħed fis-suq. Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandha tidentifika l-mudell ta’ sottosistema jew komponent tas-sigurtà li għalih tkun tfasslet.

Fuq talba, għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet rilevanti, kopja tad-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE.

6. Il-manifattur, għal perjodu li jintemm 30 sena wara li l-aħħar sottosistema jew komponent tas-sigurtà jkun tqiegħed fis-suq, għandu jżomm għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali:

(a) id-dokumentazzjoni msemmija fil-punt 3.1;

(b) it-tibdil imsemmi fil-punt 3.5, kif approvat;

(c) id-deċiżjonijiet u r-rapporti mill-korp innotifikat imsemmija fil-punti 3.5, 4.3 u 4.4.

7. Kull korp innotifikat għandu jinforma lill-awtoritajiet notifikanti tiegħu bl-approvazzjonijiet tas-sistemi ta’ kwalità rtirati, u għandu, perjodikament jew fuq talba, iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet notifikanti tiegħu, l-informazzjoni relatata mal-valutazzjonijiet tas-sistema ta’ kwalità.

Kull korp innotifikat għandu jinforma lill-korpi nnotifikati l-oħra bl-approvazzjonijiet tas-sistemi ta’ kwalità li jkun irrifjuta, issospenda, irtira jew b’xi mod ieħor illimita, filwaqt li jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu.

8. Rappreżentant awtorizzat

L-obbligi tal-manifattur stabbiliti fil-punti 3.1 3.5, 5 u 6 jistgħu jiġu sodisfatti mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, f’ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, sakemm dawn ikunu speċifikati fil-mandat.

ANNESS VI

PROĊEDURI TA’ VALUTAZZJONI TAL-KONFORMITÀ GĦAS-SOTTOSISTEMI U L-KOMPONENTI TAS-SIGURTÀ: IL-MODULU F: KONFORMITÀ MAT-TIP ABBAŻI TAL-VERIFIKA TAS-SOTTOSISTEMA JEW IL-KOMPONENT TAS-SIGURTÀ

1. Il-konformità mat-tip, abbażi tal-verifika tas-sottosistema jew il-komponent tas-sigurtà hija l-parti ta’ proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità li permezz tagħha l-manifattur jissodisfa l-obbligi stabbiliti fil-punti 3.2, 3.5.1 u 3.6, u jiżgura, u jiddikjara taħt ir-responsabbiltà uniku tiegħu li s-sottosistemi jew il-komponenti tas-sigurtà kkonċernati, li ġew soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-punt 3.3, huma konformi mat-tip deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE u jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

2. Il-manifatturar

Il-manifattur għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex il-proċess tal-manifatturar u l-monitoraġġ tiegħu jiżguraw il-konformità tas-sottosistemi manifatturati jew il-komponenti tas-sigurtà mat-tip approvat deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE, u mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

3. Il-verifika

3.1. Il-manifattur għandu jippreżenta applikazzjoni għall-verifika tas-sottosistema jew il-komponent tas-sigurtà lill-korp innotifikat tal-għażla tiegħu.

L-applikazzjoni għandha tinkludi:

(a) l-isem u l-indirizz tal-manifattur u, jekk l-applikazzjoni titressaq mir-rappreżentant awtorizzat, l-isem u l-indirizz tiegħu wkoll;

(b) dikjarazzjoni bil-miktub li l-istess applikazzjoni ma ġiet ippreżentata lill-ebda korp innotifikat ieħor;

(c) l-informazzjoni kollha rilevanti għas-sottosistemi jew il-komponenti tas-sigurtà approvati taħt il-modulu B;

(d) id-dokumentazzjoni teknika tat-tip approvat u kopja taċ-ċertifikat(i) tal-eżami tat-tip tal-UE;

(e) id-dettalji tal-post fejn is-sottosistema jew il-komponent tas-sigurtà (huwa manifatturat) jistgħu jiġu eżaminati.

3.2       Il-korp innotifikat għandu jwettaq l-eżamijiet u t-testijiet adegwati, jew iqabbad lil min jagħmilhom, sabiex jikkontrolla l-konformità tas-sottosistemi jew il-komponenti tas-sigurtà mat-tip approvat deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE u mar-rekwiżiti xierqa ta’ dan ir-Regolament.

L-eżamijiet u t-testijiet biex tiġi vverifikata l-konformità tas-sottosistemi jew il-komponenti tas-sigurtà mar-rekwiżiti xierqa ser jitwettqu, skont kif jagħżel il-manifattur, jew permezz ta’ eżami u ttestjar ta’ kull sottosistema jew komponent tas-sigurtà kif speċifikat fil-punt 4, jew bl-eżami u l-ittestjar tas-sottosistemi jew il-komponenti tas-sigurtà fuq bażi ta’ statistika, kif speċifikat fil-punt 5.

4. Il-verifika tal-konformità bl-eżami u bl-ittestjar ta’ kull sottosistema jew komponent tas-sigurtà.

4.1. Is-sottosistemi jew il-komponenti tas-sigurtà kollha għandhom jiġu eżaminati individwalment u għandhom jitwettqu t-testijiet xierqa stipulati fl-istandard(s) armonizzat(i) rilevanti jew testijiet ekwivalenti biex tkun ivverifikata l-konformità mat-tip approvat u deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE u mar-rekwiżiti xierqa ta’ dan ir-Regolament.

Fin-nuqqas ta’ tali standard armonizzat, il-korp innotifikat ikkonċernat għandu jiddeċiedi dwar it-testijiet xierqa li għandhom jitwettqu.

4.2. Il-korp innotifikat għandu joħroġ ċertifikat tal-konformità fir-rigward tal-eżamijiet u tat-testijiet imwettqa, u għandu jwaħħal jew iqabbad lil min iwaħħlu, taħt ir-responsabbiltà tiegħu, in-numru ta’ identifikazzjoni tiegħu ma’ kull sottosistema jew komponent tas-sigurtà approvat.

Il-manifattur għandu jżomm iċ-ċertifikati ta’ konformità disponibbli għall-ispezzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali għal perjodu ta’ 30 sena wara li s-sottosistema jew il-komponent tas-sigurtà jkun tqiegħed fis-suq.

5. Il-verifika statistika tal-konformità

5.1. Il-manifattur għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex il-proċess tal-manifatturar u s-sorveljanza tiegħu jiżguraw l-omoġeneità ta’ kull lott prodott, u għandu jippreżenta s-sottosistema jew il-komponent tas-sigurtà tiegħu għall-verifika fil-forma ta’ lottijiet omoġenji.

5.2. Minn kull lott għandu jittieħed kampjun fuq bażi każwali, skont ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. Is-sottosistemi jew il-komponenti tas-sigurtà kollha fil-kampjun għandhom jiġu eżaminati individwalment u għandhom isiru testijiet adegwati, kif stabbilit fl-istandard(s) armonizzat(i) rilevanti u/jew fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, jew għandhom isiru testijiet ekwivalenti, biex tiġi vverifikata l-konformità mat-tip approvat deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE u mar-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament u biex jiġi ddeterminat jekk il-lott jiġix aċċettat jew irrifjutat. Fin-nuqqas ta’ tali standard armonizzat, il-korp innotifikat ikkonċernat għandu jiddeċiedi fuq it-testijiet xierqa li għandhom jitwettqu.

5.3. Jekk lott jiġi aċċettat, is-sottosistemi jew il-komponenti tas-sigurtà kollha tal-lott għandhom jitqiesu approvati, ħlief dawk is-sottosistemi jew il-komponenti tas-sigurtà mill-kampjun li jkun instab li ma jissodisfawx it-testijiet.

Il-korp innotifikat għandu joħroġ ċertifikat tal-konformità fir-rigward tal-eżamijiet u tat-testijiet imwettqa, u għandu jwaħħal in-numru ta’ identifikazzjoni tiegħu ma’ kull sottosistema jew komponent tas-sigurtà approvat, jew iqabbad lil min iwaħħlu, taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

Il-manifattur għandu jżomm iċ-ċertifikati tal-konformità għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, għal perjodu ta’ 30 sena wara li s-sottosistema jew il-komponent tas-sigurtà jkun tqiegħed fis-suq.

5.4. Jekk lott jiġi rifjutat, il-korp innotifikat jew l-awtorità kompetenti għandu/ha jieħu/tieħu l-miżuri adegwati biex ma jħallix/tħallix li dak il-lott jitqiegħed fis-suq. Fil-każ ta’ rifjut frekwenti tal-lottijiet, il-korp innotifikat jista’ jissospendi l-verifika statistika u jieħu miżuri xierqa.

6. It-tikketta CE u d-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE

6.1. Il-manifattur għandu jwaħħal it-tikketta CE u, taħt ir-responsabbiltà tal-korp innotifikat imsemmi fil-punt 3, in-numru ta’ identifikazzjoni ta’ dan tal-aħħar għal kull sottosistema jew komponent tas-sigurta individwali li hu f’konformità mat-tip approvat fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE u jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament.

6.2. Il-manifattur għandu jfassal dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE bil-miktub għal kull sottosistema jew komponent tas-sigurtà u jżommha għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, għal perjodu ta’ 30 sena wara li s-sottosistena jew il-kompenent tas-sigurtà jkun tqiegħed fis-suq. Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandha tidentifika s-sottosistema jew il-komponent tas-sigurtà li għalih tkun tfasslet.

Fuq talba, għandha titqiegħed kopja tad-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet rilevanti.

Fuq talba, għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni kopja tad-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE.

Jekk il-korp innotifikat imsemmi fil-punt 3 jaqbel, u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, il-manifattur jista’ wkoll iwaħħal mas-sottosistemi jew il-komponenti tas-sigurtà, in-numru ta’ identifikazzjoni tal-korp innotifikat.

7. Il-manifattur, jekk il-korp innotifikat jaqbel u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, jista’ jwaħħal in-numru ta’ identifikazzjoni tal-korp innotifikat mas-sottosistemi jew il-komponenti tas-sigurtà waqt il-proċess tal-manifattura.

8. Rappreżentant awtorizzat

L-obbligi tal-manifattur kif stabbiliti fil-punti 2 u 5.1, jistgħu jiġu ssodisfati mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, f’ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, sakemm dawn ikunu speċifikati fil-mandat.

ANNESS VII

PROĊEDURI TA’ VALUTAZZJONI TAL-KONFORMITÀ GĦAS-SOTTOSISTEMI U L-KOMPONENTI TAS-SIGURTÀ: IL-MODULU G: KONFORMITÀ ABBAŻI TAL-VERIFIKA TA’ UNITÀ

1. Il-konformità abbażi tal-verifika ta’ unità hija l-proċedura ta’ valutazzjoni ta’ konformità, li permezz tagħha l-manifattur jissodisfa l-obbligi stabbiliti fil-punti 4.2, 4.3 u 4.5, u jiżgura, u jiddikjara taħt ir-responsabbiltà unika tiegħu, li s-sottosistema jew il-komponent tas-sigurtà kkonċernat, li ġie soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-punt 4.4, huwa konformi mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

2. Il-manifatturar

Il-manifattur għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex id-disinn u l-proċess ta’ manifatturar tiegħu jiżguraw il-konformità tas-sottosistema jew il-komponent tas-sigurtà manifatturat mar-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament.

3. Il-verifika

3.1. Il-manifattur għandu jippreżenta applikazzjoni għall-verifika tal-unità ta’ sottosistema jew komponent tas-sigurtà lill-korp innotifikat tal-għażla tiegħu.

L-applikazzjoni għandha tinkludi:

(a) l-isem u l-indirizz tal-manifattur u, jekk l-applikazzjoni titressaq mir-rappreżentant awtorizzat, l-isem u l-indirizz tiegħu wkoll;

(b) dikjarazzjoni bil-miktub li l-istess applikazzjoni ma ġiet ippreżentata lil ebda korp innotifikat ieħor;

(c) id-dokumentazzjoni teknika għas-sottosistema jew il-komponent tas-sigurtà skont l-Anness IX;

(d) id-dettalji tal-post fejn is-sottosistema jew il-komponent tas-sigurtà (huwa manifatturat) jistgħu jiġu eżaminati.

3.2       Il-korp innotifikat għandu jeżamina d-dokumentazzjoni teknika għas-sottosistema jew il-komponenti tas-sigurtà u għandu jwettaq l-eżamijiet u t-testijiet xierqa, kif stabbilit fl-istandards armonizzati u/jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti , jew testijiet ekwivalenti, sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament, jew iqabbad lil min jagħmilhom. Fin-nuqqas ta’ tali standard armonizzat u/jew speċifikazzjoni teknika, il-korp innotifikat ikkonċernat għandu jiddeċiedi dwar it-testijiet adegwati li għandhom jitwettqu.

Il-korp innotifikat għandu joħroġ ċertifikat ta’ konformità fir-rigward tal-eżamijiet u tat-testijiet imwettqa, u għandu jwaħħal, jew iqabbad lil min iwaħħal, taħt ir-responsabbiltà tiegħu, in-numru ta’ identifikazzjoni tiegħu mas-sottosistema jew komponent tas-sigurtà approvat.

Jekk il-korp innotifikat jirrifjuta li joħroġ iċ-ċertifikat ta’ konformità, dan għandu jiddikjara fid-dettall ir-raġunijiet għal dan ir-rifjut u għandu jindika l-miżuri korrettivi meħtieġa li għandhom jittieħdu.

Meta l-manifattur jerġa’ japplika għall-verifika tal-unità tas-sottosistema jew il-komponent tas-sigurtà kkonċernat, hu għandu japplika għand l-istess korp innotifikat.

Jekk jintalab jagħmel dan, il-korp innotifikat għandu jipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri b’kopja taċ-ċertifikat ta’ konformità.

Il-manifattur għandu jżomm id-dokumentazzjoni teknika u kopja taċ-ċertifikat ta’ konformità għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, għal perjodu ta’ 30 sena wara li s-sottosistema jew il-komponent tas-sigurtà jkun tqiegħed fis-suq.

4. It-tikketta CE u d-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE

4.1. Il-manifattur għandu jwaħħal it-tikketta CE u, taħt ir-responsabbiltà tal-korp innotifikat imsemmi fil-punt 4, in-numru ta’ identifikazzjoni ta’ dan tal-aħħar ma’ kull sottosistema jew komponent tas-sigurtà li jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament.

4.2. Il-manifattur għandu jfassal dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE u jżommha għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, għal perjodu ta’ 30 sena wara li s-sistema jew il-kompenent tas-sigurtà jkun tqiegħed fis-suq. Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandha tidentifika s-sottosistema jew il-komponent tas-sigurtà li għalih tkun tfasslet.

Fuq talba, għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet rilevanti, kopja tad-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE.

5. Rappreżentant awtorizzat

L-obbligi tal-manifattur stabbiliti fil-punti 3.1 u 4 jistgħu jiġu sodisfatti mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, f’ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, sakemm dawn ikunu speċifikati fil-mandat.

ANNESS VIII

PROĊEDURI TA’ VALUTAZZJONI TAL-KONFORMITÀ GĦAS-SOTTOSISTEMI U L-KOMPONENTI TAS-SIGURTÀ: IL-MODULU H: KONFORMITÀ ABBAŻI TAL-ASSIGURAZZJONI SĦIĦA TAL-KWALITÀ

1.         Il-konformità abbażi tal-assigurazzjoni sħiħa tal-kwalità hija l-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità li biha l-manifattur jissodisfa l-obbligi stabbiliti fil-punti 2 u 5, u jiżgura u jiddikjara taħt ir-responsabbiltà unika li s-sottosistemi jew il-komponenti tas-sigurtà jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

2. Il-manifatturar

Il-manifattur għandu jħaddem sistema ta’ kwalità approvata għad-disinn, il-manifattura u l-ispezzjoni finali tal-prodott u l-ittestjar tas-sottosistemi jew il-komponenti tas-sigurtà kif speċifikat fil-punt 3 u għandu jkun soġġett għas-sorveljanza kif speċifikat fil-punt 4.

3. Is-sistema ta’ kwalità

3.1. Il-manifattur għandu jippreżenta applikazzjoni għall-valutazzjoni tas-sistema ta’ kwalità tiegħu lill-korp innotifikat tal-għażla tiegħu, għas-sottosistemi jew il-komponenti tas-sigurtà kkonċernati.

L-applikazzjoni għandha tinkludi:

(a) l-isem u l-indirizz tal-manifattur u, jekk l-applikazzjoni tiġi ppreżentata mir-rappreżentant awtorizzat, l-isem u l-indirizz tiegħu wkoll;

(b) l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar is-sottosistemi jew il-komponenti tas-sigurtà li għandhom jiġu manifatturati;

(c) id-dokumentazzjoni teknika skont l-Anness IV għal tip rappreżentattiv wieħed ta’ kull kategorija ta’ sottosistema jew komponent tas-sigurtà li għandhom jiġu manifatturati.

(d) id-dokumentazzjoni dwar is-sistema ta’ kwalità;

(e) id-dettalji tal-post fejn is-sottosistemi jew il-komponenti tas-sigurtà huma ddisinjati, manifatturati, spezzjonati u ttestjati;

(f) dikjarazzjoni bil-miktub li l-istess applikazzjoni ma ġietx ippreżentata lil ebda korp innotifikat ieħor.

3.2. Is-sistema ta’ kwalità għandha tiżgura l-konformità tas-sottosistema jew il-komponent tas-sigurtà mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament li japplikaw għaliha.

L-elementi, ir-rekwiżiti u d-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-manifattur għandhom ikunu ddokumentati b’mod sistematiku u ordnat fil-forma ta’ politiki, proċeduri u struzzjonijiet bil-miktub. Id-dokumentazzjoni tas-sistema ta’ kwalità għandha tippermetti interpretazzjoni konsistenti tal-programmi, il-pjanijiet, il-manwali u r-rekords ta’ kwalità.

Għandu jkun fiha b’mod partikolari deskrizzjoni adegwata ta’:

(a) il-miri tal-kwalità u l-istruttura organizzattiva, ir-responsabbiltajiet u s-setgħat tal-amministrazzjoni fir-rigward tad-disinn u l-kwalità tal-komponenti tas-sottosistemi u l-komponenti tas-sigurtà;

(b) l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tad-disinn, inklużi l-istandards, li ser jiġu applikati, u fejn l-istandards armonizzati rilevanti mhux ser ikunu applikati kompletament, il-mezzi li ser jintużaw biex jiġi żgurat li r-rekwiżiti essenzjali ta’ dan ir-Regolament ser jiġu sodisfatti;

(c) il-kontroll tad-disinn u t-teknika tal-verifikazzjoni tad-disinn, il-proċessi u l-azzjonijiet sistematiċi li jintużaw meta jkunu qegħdin jiġu ddisinjati s-sottosistemi jew il-komponenti tas-sigurtà.

(d) it-tekniki, il-proċessi u l-azzjonijiet sistematiċi korrispondenti tal-manifattura, il-kontroll tal-kwalità u tal-assigurazzjoni tal-kwalità li ser jintużaw;

(e) l-eżamijiet u t-testijiet li għandhom jitwettqu qabel, matul jew wara l-manifattura, u l-frekwenza li jsiru biha;

(f) ir-rekords ta’ kwalità, bħar-rapporti ta’ spezzjonijiet u dejta tat-testijiet, dejta tal-kalibrar, ir-rapporti dwar il-kwalifiki tal-persunal ikkonċernat, eċċ.;

(g) il-mezzi li bihom jiġu ssorveljati t-twettiq tad-disinn meħtieġ u l-kwalità tal-prodott kif ukoll it-tħaddim effettiv tas-sistema ta’ kwalità.

3.3. Il-korp innotifikat għandu jivvaluta s-sistema ta’ kwalità sabiex jiddetermina jekk din tissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fil-punt 3.2. Dan għandu jippreżumi l-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti fir-rigward tal-elementi tas-sistema ta’ kwalità li jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet korrispondenti tal-istandard nazzjonali li jimplimenta l-istandard armonizzat u/jew l-ispeċifikazzjoni teknika rilevanti.

Il-verifika għandha tinkludi żjara ta’ valutazzjoni fil-post fejn huma ddisinjati, immanifatturati, spezzjonati jew ittestjati s-sottosistemi jew il-komponenti tas-sigurtà.

Minbarra esperjenza fis-sistemi ta’ ġestjoni tal-kwalità, it-tim ta’ verifika għandu jkollu mill-anqas membru wieħed b’esperjenza bħala assessur fil-qasam tal-installazzjonijiet b’rotta b’kablaġġ u fit-teknoloġija tas-sottosistemi jew il-komponenti tas-sigurtà kkonċernati, u l-għarfien tar-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament.

It-tim ta’ verifika għandu jeżamina d-dokumentazzjoni teknika msemmija fil-punt 3.1, biex jivverifika l-kapaċità tal-manifattur li jidentifika r-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament u biex jagħmel l-eżamijiet meħtieġa bil-għan li jiżgura l-konformità tas-sottosistemi jew il-komponenti tas-sigurtà ma’ dawk ir-rekwiżiti.

Il-korp innotifikat għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu lill-manifattur jew lir-rappreżentant awtorizzat tiegħu. In-notifika għandu jkun fiha l-konklużjonijiet tal-verifika u d-deċiżjoni motivata tal-valutazzjoni.

3.4. Il-manifattur għandu jimpenja ruħu li jaqdi l-obbligi li jirriżultaw mis-sistema ta’ kwalità kif approvata u li jżommha sabiex tibqa’ adegwata u effiċjenti.

3.5       Il-manifattur għandu jżomm informat lill-korp innotifikat li approva s-sistema ta’ kwalità, b’kull tibdil maħsub fis-sistema ta’ kwalità.

Il-korp innotifikat għandu jevalwa kwalunkwe bidla proposta u għandu jiddeċiedi jekk is-sistema ta’ kwalità modifikata hix ser tkompli tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fil-punt 3.2 jew jekk hemmx bżonn ta’ valutazzjoni ġdida.

Dan għandu jinnotifika lill-manifattur bl-eżitu tal-evalwazzjoni. F’każ ta’ valutazzjoni ġdida, għandu jinnotifika lill-manifattur bid-deċiżjoni tiegħu. In-notifika għandu jkun fiha l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni u d-deċiżjoni motivata tal-valutazzjoni.

4. Is-sorveljanza taħt ir-responsabbiltà tal-korp innotifikat

4.1. L-iskop tas-sorveljanza huwa li jiġi żgurat li l-manifattur jaqdi b’mod xieraq l-obbligi li joħorġu mis-sistema approvata ta’ kwalità.

4.2. Il-manifattur għandu, għal skopijiet ta’ valutazzjoni, jippermetti l-aċċess lill-korp innotifikat fis-siti tal-manifattura, tal-ispezzjoni, tal-ittestjar u tal-ħażna u għandu jagħti l-informazzjoni kollha rilevanti meħtieġa, b’mod partikolari:

(a) id-dokumentazzjoni tas-sistema ta’ kwalità;

(b) ir-rekords ta’ kwalità previsti fil-parti tad-disinn tas-sistema ta’ kwalità, bħal riżultati ta’ analiżi, kalkoli, testijiet, eċċ.;

(c) ir-rekords ta’ kwalità kif ipprovduti mill-parti tal-manifatturar tas-sistema ta’ kwalità, bħal rapporti ta’ spezzjoni u dejta tat-test, dejta tal-kalibrar, rapporti ta’ kwalifiki dwar il-persunal ikkonċernat, eċċ.

4.3. Il-korp innotifikat għandu jagħmel il-verifiki perjodiċi sabiex ikun żgur li l-manifattur iżomm u japplika s-sistema ta’ kwalità u għandu jipprovdi lill-manifattur rapport ta’ verifika. Il-frekwenza ta’ verifiki perjodiċi għandha tkun tali li ssir valutazzjoni sħiħa mill-ġdid kull tliet snin.

4.4. Barra minn hekk, il-korp innotifikat jista’ jagħmel żjarat mhux mistennija lill-manifattur.

Matul tali żjarat, il-korp innotifikat jista’, fejn ikun meħtieġ, iwettaq jew iqabbad lil xi ħadd jagħmillu testijiet, sabiex jivverifika li s-sistema ta’ kwalità tkun qiegħda taħdem tajjeb. Dan għandu jipprovdi lill-manifattur b’rapport taż-żjara u, jekk ikunu twettqu t-testijiet, b’rapport tat-test.

5.         It-tikketta CE u d-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE

5.1.      Il-manifattur għandu jwaħħal it-tikketta CE u, taħt ir-responsabbiltà tal-korp innotifikat imsemmi fil-punt 3.1, in-numru ta’ identifikazzjoni ta’ dan tal-aħħar għal kull sottosistema jew komponent tas-sigurta individwali li jkun f’konformità mat-tip kif deskritt fl-UE fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE u jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament.

Il-manifattur, jekk il-korp innotifikat jaqbel u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, jista’ jwaħħal in-numru ta’ identifikazzjoni tal-korp innotifikat fuq is-sottosistemi jew il-komponenti tas-sigurtà waqt il-proċess tal-manifattura.

5.2.      Il-manifattur għandu jfassal dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE bil-miktub għal kull sottosistema jew komponent tas-sigurtà u jżomm kopja tagħha għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, għal perjodu ta’ 30 sena wara li s-sottosistema u l-kompenent tas-sigurtà jkunu tqiegħdu fis-suq. Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandha tidentifika s-sottosistema jew il-komponent tas-sigurtà li għalih tkun tfasslet.

Fuq talba, għandha titqiegħed kopja tad-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet rilevanti.

6. Il-manifattur għandu, għal perjodu ta’ 30 sena wara li l-aħħar sottosistema jew komponent tas-sigurtà jkun tqiegħed fis-suq, iżomm għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali:

(a) id-dokumentazzjoni teknika msemmija fil-punt 3.1(c);

(b) id-dokumentazzjoni li tikkonċerna s-sistema ta’ kwalità msemmija fil-punt 3.1;

(c) id-dokumentazzjoni relatata mal-bidla msemmija fil-punt 3.5, kif approvata;

(d) id-deċiżjonijiet u r-rapporti tal-korp innotifikat imsemmi fil-punti 3.3, 3.5, 4.3 u 4.4.

7. Kull korp innotifikat għandu jinforma lill-awtoritajiet notifikanti tiegħu bl-approvazzjonijiet tas-sistema ta’ kwalità maħruġa jew irtirati, u, perjodikament jew jekk jintalab jagħmel dan, għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet notifikanti tiegħu, il-lista tal-approvazzjonijiet tas-sistemi ta’ kwalità li jkunu ġew irrifjutati, sospiżi jew b’xi mod ieħor limitati.

Kull korp innotifikat għandu jinforma lill-korpi nnotifikati l-oħra bl-approvazzjonijiet tas-sistema ta’ kwalità li jkun irrifjuta, issospenda jew irtira, u, fuq talba, bl-approvazzjonijiet tas-sistema ta’ kwalità maħruġa minnu.

8.         Rappreżentant awtorizzat

L-obbligi tal-manifattur stabbiliti fil-punti 3.1 3.5, 5 u 6 jistgħu jiġu sodisfatti mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, f’ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, sakemm dawn ikunu speċifikati fil-mandat.

ANNESS IX

DOKUMENTAZZJONI TEKNIKA GĦAS-SOTTOSISTEMI U L-KOMPONENTI TAS-SIGURTÀ:

(1) Id-dokumentazzjoni teknika għandha tagħmilha possibbli li tiġi vvalutata l-konformità tas-sottosistema jew il-komponent tas-sigurtà mar-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament u għandha tinkludi analiżi xierqa u valutazzjoni tar-riskji. Id-dokumentazzjoni teknika għandha tispeċifika r-rekwiżiti applikabbli u għandha tkopri, sakemm ikun rilevanti għall-valutazzjoni tal-konformità, id-disinn, il-manifattura u t-tħaddim tas-sottosistema jew il-komponent tas-sigurtà.

(2) Id-dokumentazzjoni teknika għandu jkollha, fejn ikun applikabbli, għallinqas l-elementi li ġejjin:

(a) deskrizzjoni ġenerali tas-sottosistema jew il-komponent tas-sigurtà,

(b) disinn u tpinġijiet tal-manifattura u dijagrammi ta’ komponenti, sottoassemblaġġi, ċirkwiti, eċċ., deskrizzjonijiet u spjegazzjonijiet neċessarji biex wieħed jifhem dawk id-disinji u dijagrammi u tat-tħaddim tas-sottosistema jew il-komponent tas-sigurtà,

(c) lista tal-istandards armonizzati u/jew speċifikazzjonijiet tekniċi oħra, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, applikati kollha jew f’parti minnhom, u deskrizzjonijiet tas-soluzzjonijiet adottati biex jiġu sodisfatti r-rekwiżti essenzjali ta’ dan ir-Regolament jekk dawk l-istandards armonizzati ma ġewx applikati. Fil-każ ta’ standards armonizzati applikati parzjalment, id-dokumentazzjoni teknika għandha tispeċifika l-partijiet li ġew applikati;

(d) l-evidenza ta’ appoġġ għall-adegwatezza tad-disinn, inkluż ir-riżultati ta’ kwalunkwe kalkolu ta’ disinn, eżaminazzjoni jew test imwettqa mill-manifattur jew għalih u r-rapporti relatati;

(e) kopja tal-manwal tal-istruzzjonijiet għas-sottosistema jew il-komponent tas-sigurtà;

(f) għas-sottosistemi, kopja tad-Dikjarazzjonijiet ta’ konformità tal-UE għall-komponenti tas-sigurtà inkorporati fis-sottosistema.

ANNESS X

DIKJARAZZJONI TA’ KONFORMITÀ TAL-UE GĦAS-SOTTOSISTEMI U L-KOMPONENTI TAS-SIGURTÀ

(1) Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandha takkumpanja s-sottosistema jew il-komponent tas-sigurtà. Għandha titfassal bl-istess lingwa jew lingwi bħall-manwal imsemmi fil-punt 7.1.1 tal-Anness II.

(2) Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandu jkun fiha l-elementi li ġejjin:

(a) Il-mudell tas-sottosistema/komponent tas-sigurtà (prodott, lott, tip jew in-numru tas-serje).

(b) Isem u indirizz tal-manifattur u, fejn ikun applikabbli, ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu.

(c) Din id-dikjarazzjoni ta’ konformità tinħareġ taħt ir-responsabbiltà unika tal-manifattur.

(d) L-għan tad-dikjarazzjoni (l-identifikazzjoni tas-sottosistema jew il-komponent tas-sigurtà li jippermettu t-traċċabbiltà. Din tista’, fejn ikun meħtieġ għall-identifikazzjoni tas-sottosistema jew il-komponent tas-sigurtà, tinkludi stampa):

– deskrizzjoni tas-sottosistema jew il-komponent tas-sigurtà (it-tip, eċċ.);

– proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità segwita;

– l-isem u l-indirizz tal-korp innotifikat li jkun wettaq il-valutazzjoni ta’ konformità;

– referenza għaċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE bid-dettalji, inkluż id-data, u fejn ikun xieraq, l-informazzjoni dwar id-durata u l-kundizzjonijiet tal-validità tiegħu;

– id-dispożizzjonijiet kollha rilevanti li magħhom il-komponent għandu jikkonforma, u b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet tal-użu.

(e) L-għan tad-dikjarazzjoni deskritt hawn fuq huwa konformi mal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni rilevanti tal-Unjoni: ……………. (referenza għall-Atti tal-Unjoni l-oħrajn applikati):

(f) Ir-referenzi għall-istandards ta’ armonizzazzjoni rilevanti użati jew ir-referenzi għall-ispeċifikazzjonijiet li fir-rigward tagħhom hi ddikjarata l-konformità:

(g) Il-korp innotifikat jew il-korpi nnotifikati ... (l-isem, l-indirizz, in-numru) ... wettaq ... (deskrizzjoni tal-intervent) ... u ħareġ iċ-ċertifikat(i): …

(h) - l-identifikazzjoni tal-persuna bis-setgħa li tiffirma f’isem il-manifattur jew tar-rappreżentant maħtur minnu;.

(i) Informazzjoni addizzjonali:

Iffirmat għal u f’isem: …………………….

(post u data tal-ħruġ):

(isem, funzjoni) (firma):

ANNESS XI

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Id-Direttiva 2000/9/KE || Dan ir-Regolament

___ || Artikolu 1

Artikolu 1(1) || Artikolu 2(1)

Artikolu 1(2) || Artikolu 3(1)

Artikolu 1(3) || Artikolu 3(7) sa 3(9)

Artikolu 1(4), l-ewwel u t-tieni sottoparagrafu || ___

Artikolu 1(4), it-tielet sottoparagrafu || Artikolu 8(3)

Artikolu 1(5) || Artikolu 3(1), (3) sa (6)

Artikolu 2 || ___

Artikolu 3 || Artikolu 6

___ || Artikolu 3(10) sa (27)

Artikolu 4 || Artikolu 8

Artikolu 5(1) || Artikolu 4(1) u (2)

Artikolu 5(2) || Artikolu 3

Artikolu 6 || Artikolu 7

Artikolu 7 || Artikolu ___

Artikolu 8 || Artikolu 4(1) u (2)

Artikolu 9 || Artikolu 4(1) u (2)

Artikolu 10 || ___

Artikolu 11(1) || Artikolu 9(1)

Artikolu 11(2) || Artikolu 4(2)

Artikolu 11(3) || ___

Artikolu 11(4) || ___

Artikolu 11(5) || ___

Artikolu 11(6) || ___

Artikolu 11(7) || ___

___ || Artikolu 11

___ || Artikolu 12

___ || Artikolu 13

___ || Artikolu 14

___ || Artikolu 15

___ || Artikolu 16

Artikolu 12 || Artikolu 9(4)

Artikolu 13 || Artikolu 10(1)

Artikolu 14 || Artikolu ___

Artikolu 15 || Artikolu 10(2)

Artikolu 16 || ___

___ || Artikolu 17

___ || Artikolu 18

___ || Artikolu 19

___ || Artikolu 20

___ || Artikolu 21

___ || Artikolu 22

___ || Artikolu 23

___ || Artikolu 24

___ || Artikolu 25

___ || Artikolu 26

___ || Artikolu 27

___ || Artikolu 28

___ || Artikolu 29

___ || Artikolu 30

___ || Artikolu 31

___ || Artikolu 32

___ || Artikolu 33

___ || Artikolu 34

___ || Artikolu 35

___ || Artikolu 36

___ || Artikolu 37

___ || Artikolu 38

Artikolu 17 || Artikolu 39

Artikolu 18 || ___

Artikolu 19 || ___

Artikolu 20 || ___

Artikolu 21 || ___

Artikolu 22 || ___

Artikolu 23 || ___

___ || Artikolu 40___

___ || Artikolu 41

___ || Artikolu 42

___ || Artikolu 43

Anness I || Anness I

Anness II || Anness II

Anness III || Anness III

Anness IV || Anness IX

Anness V || Annessi IV sa VIII

Anness VI || Anness IX

Anness VII || Annessi IV sa VIII

Anness VIII || __

Anness IX || __

__ || Anness X