21.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 19/24


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – L-innovazzjoni fl-Ekonomija Blu: inwettqu l-potenzjal tal-ibħra u l-oċeani tagħna għall-impjiegi u t-tkabbir

(2015/C 019/05)

Relatur

Relatur: is-Sur Adam Banaszak, Membru tal-Assemblea Reġjonali ta' Kujawsko-Pomorskie (PL/KRE)

Dokument ta' referenza

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-innovazzjoni u l-Ekonomija Blu: inwettqu l-potenzjal tal-ibħra u l-oċeani tagħna għall-impjiegi u t-tkabbir

COM(2014) 254 final/2

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

Il-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

iqis li l-isfruttar tal-potenzjal tat-tkabbir blu huwa opportunità tajba biex tissaħħaħ l-ekonomija lokali u biex jinħolqu impjiegi ta' kwalità għolja fis-setturi ekonomiċi msejsa fuq l-għarfien u l-investiment;

2.

jinnota li l-ħarsien tal-ambjent naturali għandu jkompli jkun wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Istrateġija Ewropea tat-tkabbir blu;

3.

iqis li l-valutazzjoni tad-data xjentifika tista' tkun kontribut konsiderevoli fl-implimentazzjoni b'suċċess tar-riforma tal-politika komuni tas-sajd u hija waħda mill-kundizzjonijiet ewlenin għat-twettiq tal-komponent tar-reġjonalizzazzjoni tal-politika;

4.

jikkonferma l-fehma tiegħu li l-iżvilupp u l-appoġġ tal-akkwakultura Ewropea hija element ewlieni għall-ħolqien ta' impjiegi fl-oqsma strutturalment dgħajfa u tiżgura l-provvista ta' frott il-baħar ta' kwalità għolja għall-konsumaturi Ewropej;

5.

japprova l-isforz tal-Kummissjoni Ewropea fl-inizjattivi biex tistimola t-tkabbir tal-ekonomija blu;

6.

jenfasizza l-bżonn li jintuża approċċ transsettorjali integrat fil-koordinazzjoni tal-politika tar-riċerka, il-politika ekonomika, il-politika komuni tas-sajd u l-politika tat-trasport. Sabiex il-miżuri tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ekonomija blu jkunu iktar effettivi, il-politiki msemmija m'għandhomx jiġu trattati biss bħala oqsma separati. L-iżgurar tas-sinerġiji bejniethom iwassal biex l-inizjattivi adottati jkunu iktar effettivi u jagħtu valur miżjud ikbar;

7.

jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-applikazzjoni tar-riċerka xjentifika fl-implimentazzjoni tar-riforma tal-politika komuni tas-sajd, permezz tal-ħarsien tal-ekosistemi tal-baħar u l-ġestjoni tar-riskju f'sitwazzjonijiet ta' kriżi. Madankollu, jenfasizza li l-użu tar-riċerka xjentifika u l-implimentazzjoni tal-innovazzjoni għandhom jiffokaw l-iktar fuq it-tkabbir blu, li ma għandux jiġi interpretat biss bħala tkabbir ekonomiku fl-ekonomija tal-baħar, iżda wkoll bħala tkabbir li jkollu impatt pożittiv fuq partijiet oħra tal-ekonomija;

8.

jiġbed l-attenzjoni li filwaqt li l-isfruttar tal-potenzjal tal-ibħra u l-oċeani fit-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda huwa meħtieġ u mixtieq, m'għandux iwassal għad-degradazzjoni tal-ambjent naturali u l-qerda tal-ekosistemi tal-baħar;

9.

jappella għal fokus usa' fuq is-settur tal-akkwakultura u t-trasport marittimu, kostali u tal-kruċieri meta tiġi introdotta l-innovazzjoni, bil-għan li jkun hemm tkabbir ekonomiku ikbar u jinħolqu impjiegi ġodda;

10.

jappella għal koordinazzjoni usa' u iktar effettiva bejn l-istrateġija tat-tkabbir blu u strateġiji u programmi oħra tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Istrateġija Ewropa 2020;

Ir-riċerka xjentifika u l-innovazzjoni għat-tkabbir blu

11.

jenfasizza li filwaqt li l-proċess tar-riċerka xjentifika u l-introduzzjoni tal-innovazzjoni huma intiżi biex jiżviluppaw it-tkabbir blu, dawn m'għandux ikollhom biss impatt fuq l-ekonomija tal-baħar iżda anke fuq partijiet oħra tal-ekonomija;

12.

jappella għall-ħolqien ta' Komunità speċifika ta' Għarfien u Innovazzjoni għall-Ekonomija Blu bħala miżura addizzjonali għall-iżvilupp tal-ħiliet u biex l-ideat mir-riċerka tal-baħar jiġu trasferiti għas-settur privat;

13.

jaqbel li l-lakuni fl-għarfien u d-data dwar l-istat tal-ibħra u l-oċeani tagħna, ir-riżorsi ta' qiegħ il-baħar, il-ħajja marittima u t-theddid għall-ħabitats u l-ekosistemi jirrappreżentaw waħda mill-problemi ewlenin li qed ixekklu l-iżvilupp tal-ekonomija blu. Iktar għarfien dwar l-ibħra tagħna ser iħeġġeġ it-tkabbir tal-ekonomija blu, kemm permezz ta' għarfien aħjar tar-riżorsi tagħha kif ukoll fehim aħjar dwar l-użu tagħhom filwaqt li jinkisbu l-għanijiet fil-qasam tal-ħarsien ambjentali;

14.

jisħaq fuq ir-rwol tal-aċċess għad-data dwar l-istat tal-ibħra u l-oċeani tagħna fl-iżvilupp tal-ekonomija blu. Jekk tiżdied id-data u ssir iktar aċċessibbli, tingħata spinta lill-innovazzjoni u l-kompetittività u s-sitwazzjonijiet ta' kriżi jkunu jistgħu jiġu ġestiti b'mod iktar effettiv filwaqt li jitnaqqsu l-inċertezzi relatati mal-oqsma marittimi;

15.

iqis li l-aċċess għad-data dwar l-istat tal-ibħra u l-oċeani tagħna m'għandux ikun limitat għall-informazzjoni ġenerali, rilevanti biss għal-livell tal-UE jew għall-Istati Membri individwali. Huwa kruċjali li jitqiesu l-ħtiġiet tar-reġjuni individwali u li iktar informazzjoni ssirilhom disponibbli fil-qasam imsemmi, li jistgħu jużawha b'mod effettiv mhux biss fis-settur pubbliku iżda anke fis-settur privat;

16.

jiġbed l-attenzjoni li għalkemm huwa importanti li d-data dwar l-istat tal-ibħra u l-oċeani tagħna tkun disponibbli fil-livell reġjonali, lokali u nazzjonali, il-proċess sħiħ għandu jiġi koordinat fil-livell tal-UE. B'hekk l-applikazzjoni tad-data ssir iktar effettiva u jkun jista' jsir skambju ta' informazzjoni adatt bejn il-partijiet interessati;

17.

jappella biex il-Kummissjoni Ewropea testendi l-użu tar-riċerka xjentifika fl-isforzi tagħha għar-reġjonalizzazzjoni tal-politika komuni tas-sajd. Użu iktar mifrux tar-riċerka xjentifika l-ewwel nett jirrifletti l-prinċipju ta' approċċ transsettorjali għall-ekonomija blu u t-tieni nett itejjeb il-ġestjoni razzjonali tar-riżorsi tal-ħut;

18.

jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha tkompli tappoġġja l-akkwakultura bħala wieħed mis-setturi li qed jiżviluppaw l-iktar malajr fil-produzzjoni tal-ikel. Ir-riċerka xjentifika adatta li tagħti lill-kumpaniji informazzjoni ġdida u estensiva dwar l-istat tal-ibħra u l-oċeani b'hekk tista' tgħin biex issaħħaħ il-kompetittività tagħhom bir-riżultat li jiżdiedu l-impjiegi, b'mod partikolari fl-oqsma li huma strutturalment dgħajfa;

19.

jenfasizza li l-ġbir u l-iskambju tal-informazzjoni dwar l-istat tal-ibħra u l-oċeani m'għandhomx joħolqu żvantaġġi jew piż amministrattiv addizzjonali għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-operaturi ekonomiċi;

20.

jinnota li l-aċċess adegwat għall-informazzjoni dwar l-istat tal-ibħra u l-oċeani mhuwiex importanti biss għall-implimentazzjoni ta' miżuri innovattivi, il-ħarsien ambjentali jew il-ġestjoni tar-riżorsi tal-ħut u l-akkwakultura iżda jista' jkun ukoll fattur abilitanti importanti għall-ġestjoni tar-riskju u l-adozzjoni ta' attivitajiet adatti ta' appoġġ f'sitwazzjonijiet ta' kriżi. B'rabta ma' dan il-Kumitat tar-Reġjuni jappella biex jittieħdu passi biex jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-użu ta' data ta' immaġni bis-satellita mis-servizz tal-programm tas-satelliti Copernicus biex jgħinu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-reazzjoni inizjali tagħhom f'każ ta' diżastri naturali;

21.

jenfasizza l-importanza li jsir monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-innovazzjoni u t-tkabbir tal-ekonomija blu fuq bażi kontinwa biex jiġi żgurat li l-azzjoni li tittieħed tkun effettiva kemm jista' jkun possibbli. Għalhekk il-Kumitat tar-Reġjuni jirrakkomanda li jiġu żviluppati indikaturi ta' prestazzjoni definiti b'mod ċar għat-tkabbir u l-innovazzjoni fl-ekonomija blu. L-indikaturi definiti b'dan il-mod ma jkunux utli biss għall-Kummissjoni iżda jgħinu wkoll jidentifikaw għanijiet adatti għall-Istati Membri u r-reġjuni;

Il-ħarsien ambjentali tal-ibħra u l-oċeani

22.

jiġbed l-attenzjoni li l-kwistjoni ewlenija tal-ekonomija blu mhijiex biss l-użu tal-għarfien marittimu bil-għan li jissaħħaħ it-tkabbir ekonomiku iżda hija l-iktar dwar l-użu tiegħu biex jiġu preservati l-ekosistemi tal-baħar u tinżamm il-kwalità tal-ambjent marittimu. Il-ħarsien u l-konservazzjoni tal-ekosistemi tal-baħar għandhom ikunu elementi ewlenin tal-politiki marittimi Ewropej;

23.

jenfasizza li l-ambjent marittimu għandu jkun nadif u f'saħħtu. Għalhekk l-idea li jitfasslu pjani għat-tneħħija ta' residwi ta' materjal militari u skart kimiku li jintrema fil-baħar, kif stabbilit f'Opinjoni preċedenti tal-Kumitat tar-Reġjuni (1), għandha tiġi kunsidrata uffiċjalment, filwaqt li l-informazzjoni dwar l-ibħra u l-oċeani għandha tintuża wkoll bil-għan li l-ambjent tal-baħar jitnaddaf u jiġġedded, ħaġa li tgħin tiżgura l-bijodiversità u l-fertilità tiegħu;

24.

jenfasizza li ambjent marittimu nadif u f'saħħtu abbażi taż-żoni tal-baħar protetti huwa importanti wkoll għall-iżvilupp tat-turiżmu, pereżempju l-għadis sostenibbli, li jirrappreżenta għodda strateġika għall-ksib tal-għarfien dwar l-ambjent tal-baħar u għas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwaru;

25.

iqis li iktar kompetittività u impjiegi fis-settur tal-akkwakultura jwasslu għal żvilupp iktar dinamiku f'dan is-settur. Madankollu dan m'għandux iwassal għal kwalunkwe deterjorament fil-kwalità tal-prodotti tal-baħar favur il-kwantità. B'rabta ma' dan għandha tittieħed kull azzjoni neċessarja biex jiġi żgurat li l-konsumaturi Ewropej jiġu provduti bi prodotti ta' kwalità għolja. B'mod partikolari dan ifisser nuqqas ta' awtorizzazzjoni biex il-konsumaturi jiġu provduti organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM);

Il-parteċipazzjoni tal-intrapriżi tas-settur privat fl-ekonomija blu

26.

japprezza l-importanza tal-inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea intiżi biex jinfirex l-użu tar-riċerka xjentifika u l-innovazzjoni fl-istrateġija tat-tkabbir blu. Madankollu, huwa importanti li niftakru li r-riżultat ewlieni u l-iktar mixtieq tal-istrateġija tat-tkabbir blu għandu jkun li tiġi żviluppata intraprenditorija bbażata fuq il-potenzjal mhux sfruttat tal-ibħra u l-oċeani tagħna;

27.

iqis li l-Komunikazzjoni ma tqisx ċerti oqsma li għandhom l-ikbar sehem tal-ekonomija blu, pereżempju l-industrija tal-bini tal-bastimenti, it-trasport marittimu u l-enerġija blu. Huwa ċar li l-Komunikazzjoni qed twitti t-triq għal inizjattivi futuri fix-xjenza u l-innovazzjoni iżda s-setturi ekonomiċi msemmija hawn fuq għadhom l-ixpruni tal-ekonomija blu;

28.

iqis li, meta jiġu analizzati l-possibbiltajiet tal-introduzzjoni tal-innovazzjoni fl-ekonomija blu, għandha tingħata kunsiderazzjoni partikolari lill-iżvilupp tat-trasport marittimu u t-turiżmu marittimu li għandhom potenzjal enormi mil-lat taż-żieda fl-impjiegi;

29.

jenfasizza li l-kumpaniji fis-settur privat jistgħu jaqdu rwol kruċjali fil-ħolqien tal-innovazzjoni u fl-użu tagħhom bil-għan li jiżdied it-tkabbir ekonomiku u jinħolqu iktar impjiegi u impjiegi aħjar. B'mod partikolari, l-intrapriżi mis-settur tal-SMEs jistgħu jaqdu rwol importanti f'dan il-qasam;

30.

jiġbed l-attenzjoni li l-pjani tal-Kummissjoni biex iżżid il-parteċipazzjoni tal-SMEs fl-ekonomija blu għandhom jiġu appoġġjati minn għajnuna finanzjarja adegwata minn programmi kemm eżistenti kif ukoll futuri. Il-bżonn tal-finanzjament toħroġ fid-dieher b'mod partikolari fis-settur tal-akkwakultura fejn il-mikrointrapriżi jirrappreżentaw 90 % ta' dan is-settur u huma kapaċi jiġġeneraw il-livell mixtieq ta' innovazzjoni;

31.

jeħtieġ li jkun hemm qafas imsaħħaħ ta' politika għall-inklużjoni tal-intrapriżi privati fl-ekonomija blu. Sabiex tiġi żgurata l-aħjar sinerġija possibbli bejn is-settur pubbliku u l-ħtiġiet tas-settur privat, l-intrapriżi għandu jkollhom il-possibbiltà li jsemmgħu leħinhom sew fl-identifikazzjoni tal-ħtiġiet tar-riċerka u fit-tfassil ta' normi, standards u soluzzjonijiet adatti għall-intrapriżi;

32.

iqis li l-inklużjoni usa' ta' intrapriżi privati fl-ekonomija blu għandha ssir mingħajr l-ebda piż bla bżonn għas-settur privat;

33.

jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu biex itejbu l-kompetittività tal-atturi ekonomiċi Ewropej fis-settur marittimu. Jekk nifhmu l-ħtiġiet tas-settur privat fir-rigward tal-parteċipazzjoni fl-ekonomija blu, għandu jkun eħfef li nadattaw miżuri u politiki fil-livell tal-UE u dak nazzjonali u reġjonali biex jissodisfaw dawn il-ħtiġiet;

34.

jenfasizza li l-intraprenditorija fl-ekonomija l-blu tmur lil hinn mill-attivitajiet fl-ibħra u l-oċeani tagħna. Huwa importanti li jsir ippjanar adatt għall-appoġġ tal-intrapriżi fuq l-art tal-kumpaniji involuti fl-ekonomija blu, bħall-impjanti lokali tal-ipproċessar tal-ħut, sabiex jinħoloq ambjent kummerċjali sostenibbli għas-sajjieda lokali;

35.

jinnota li l-introduzzjoni tal-innovazzjonijiet fl-ekonomija blu għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi teħtieġ l-għażla ta' nies b'ħiliet adatti. Sabiex ix-xogħol marbut mal-baħar isir iktar popolari u attraenti għaż-żgħażagħ huwa kruċjali li ssir koordinazzjoni mill-qrib bejn it-tfassil tal-politika, l-edukazzjoni u l-kummerċ;

36.

jenfasizza li l-benefiċċji li jinbtu mill-ekonomija blu ser jinħassu kemm fis-settur pubbliku kif ukoll dak privat. Madankollu, kull finanzjament pubbliku għandu l-limiti tiegħu. Għalhekk huwa importanti li jinħoloq kapital privat biex jiġu finanzjati l-attivitajiet f'dan il-qasam. F'dan il-kuntest, għandha tiġi mħeġġa kooperazzjoni wiesgħa bejn is-settur pubbliku u dak privat, fost oħrajn permezz tas-sħubijiet pubbliċi-privati, fejn is-settur pubbliku jista' jgawdi mill-kapaċità finanzjarja tas-settur privat kif ukoll l-għarfien, l-esperjenza kummerċjali, il-ħiliet maniġerjali u l-potenzjal intellettwali tiegħu sabiex jiġu żviluppati u implimentati soluzzjonijiet innovattivi għall-ekonomija blu;

37.

jenfasizza li, minħabba d-differenzi li jeżistu bejn l-Istati Membri individwali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-arranġamenti legali għas-sħubijiet pubbliċi privati, il-Kummissjoni taqdi rwol partikolarment importanti fil-promozzjoni ta' prattiki tajbin u soluzzjonijiet għall-użu tas-sħubijiet pubbliċi privati fis-settur tal-ekonomija blu. Għandha tingħata kunsiderazzjoni partikolari lill-possibbiltà li jiġu implimentati sħubijiet pubbliċi-privati istituzzjonalizzati fid-dawl tal-ħolqien potenzjali ta' impjiegi ġodda;

38.

jinnota li mhux ser ikun possibbli li jiġu involuti rappreżentanti tas-settur privat – inklużi dawk tal-SMEs – bil-kooperazzjoni tas-settur pubbliku, sakemm kooperazzjoni bħal din ma tiġix promossa fil-livell reġjonali u lokali. Jeħtieġ ukoll li jiġu faċilitati u appoġġjati l-attivitajiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-involviment tar-rappreżentanti tas-settur privat fit-twettiq ta' proġetti li jsiru fil-forma ta' sħubijiet pubbliċi-privati;

39.

jinnota li s-sħubijiet pubbliċi-privati fl-ekonomija blu m'għandhomx jintużaw biss biex jiġu akkwistati intrapriżi kbar bħala msieħba privati. Biex jiġu implimentati sew, is-sħubijiet pubbliċi-privati għandhom jikkunsidraw il-potenzjal finanzjarju u l-kapaċità tal-ġestjoni tar-riskju adattati għas-settur tal-SMEs, ħaġa li tippermetti lill-awtoritajiet iżgħar jużaw ir-riżorsi ta' dawn l-intrapriżi;

40.

jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, kif inhuma mniżżla fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u l-Artikoli 3 u 4 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ġew rispettati fil-Komunikazzjoni.

Brussell, 3 ta' Diċembru 2014.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Michel LEBRUN


(1)  CDR 2203/2012, Opportunitajiet ta' tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu, relatur: Adam Banaszak (PL/KRE).