52014DC0584

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-implimentazzjoni tal-Komunikazzjjoni tal-Kummissjoni, mill-24 ta' Ġunju 2009, dwar Azzjoni Kontra l-Kanċer:Sħubija Ewropea [COM (2009) 291 final] u t-Tieni Rapport ta' Implimentazzjoni dwar ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2003 dwar l-iskrining għall-kanċer (2003/878/KE) /* COM/2014/0584 final */


SOMMARJU EŻEKUTTIV

Il-kanċer huwa suġġett ewlieni inkwetanti fil-qasam tas-saħħa pubblika madwar l-Istati Membri, u huwa wkoll prijorità ewlenija tal-politika dwar is-saħħa tal-UE. F'Diċembru tal-2003 il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar l-iskrining għall-kanċer[1] F'Ġunju tal-2009, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni dwar Azzjoni kontra l-Kanċer: Sħubija Ewropea[2]. Dan ir-rapport jagħti taqsira tal-kisbiet ewlenin fil-ġlieda kontra l-kanċer fl-UE fil-qafas taż-żewġ inizjattivi biex tintlaħaq il-mira li l-inċidenza tal-kanċer titnaqqas bi 15% sal-2020.

Ø It-tmexxija: Il-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri – 24 minn 28 - laħqu l-mira li jipproduċu Pjan Nazzjonali għall-Kontroll tal-Kanċer (PNKK) qabel l-2013.

Ø Appoġġ lill-Istati Membri: permezz ta' Azzjoni Konġunta fil-programm tas-Saħħa ġiet żviluppata gwida għall-Istati Membri biex jiżviluppaw il-pjanijiet nazzjonali dwar il-kanċer u dwar il-kura tal-pazjenti bil-kanċer. Azzjoni Konġunta ġdida li se titniehed fl-2014 se twassal għal Gwida Ewropea dwar it-Titjib tal-Kwalità fil-Kontroll Komprensiv tal-Kanċer.  Id-Direttiva dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali tagħti aktar opportunitajiet ta' żieda fil-kooperazzjoni permezz ta' Netwerks ta' Referenza Ewropej bejn dawk li jipprovdu l-kura tas-saħħa u ċentri ta' għarfien espert.

Ø Il-prevenzjoni: Dalwaqt se tiġi ppubblikata r-raba' verżjoni tal-Kodiċi Ewropew Kontra l-Kanċer appoġġat mill-Kummissjoni Ewropea permezz ta' ftehimiet amministrattivi mal-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer.

Ø L-iskrinjar: Abbażi ta' dak li hemm previst bħalissa, bejn l-2010 u l-2020 fl-UE se jkunu saru aktar minn 500 miljun eżaminazzjoni bl-iskrinjar għall-kanċer tas-sider, għall-kanċer ċervikali u/jew għal dak kolorettali bħala parti minn programmi pubbliċi.  Tfasslu Linji Gwida Ewropej għall-assigurazzjoni ta' kwalità tajba ta' skrinjar u dijanjożi tal-kanċer tas-sider (2006, b'suppliment fl-2013), tal-kanċer ċervikali (2008, it-tieni edizzjoni fl-2014) u tal-kanċer kolorettali (2010).

Ø Garanzija tal-kwalità: Il-Kummissjoni qiegħda tiżviluppa skema ta' Garanzija tal-Kwalità għas-Servizzi tal-Kanċer tas-Sider ibbażata fuq il-qafas leġiżlattiv Ewropew.

Ø Riċerka: Tul dawn l-aħħar seba' snin, l-UE investiet aktar minn EUR 1,4 biljun fir-riċerka marbuta mal-kanċer. Aktar minn nofs dan l-ammont - EUR 770 miljun – ġew investiti fi proġetti ta' riċerka kollaborattivi biex jinsabu modi ġodda ta' kif niġġieldu l-kanċer u kif jiġu appoġġati l-pazjenti.

Ø Informazzjoni dwar il-kanċer: Fl-2012, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni ngħata l-mandat li jikkoordina s-Sistema Ewropea tal-Informazzjoni dwar il-Kanċer u li jkun ir-repożitorju tad-dejta u l-għodod tal-Unjoni Ewropea.

Ø Koordinazzjoni: Biex titjieb il-koordinazzjoni tal-medda kollha tal-inizjattivi kontra l-kanċer fil-livell tal-UE, fl-2014 il-Kummissjoni Ewropea waqqfet Grupp ta' Esperti tal-Unjoni Ewropea dwar il-Kontroll tal-Kanċer.

1. DAĦLA

1.1 Introduzzjoni

Fit-2 ta' Diċembru 2003 il-Kunsill adotta unanimament ir-Rakkomandazzjoni dwar l-iskrining għall-kanċer[3] (minn hawn 'il quddiem ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill) li tafferma kemm is-sinifikanza tal-piż tal-kanċer kif ukoll l-evidenza tal-effikaċja tal-iskrinjar għall-kanċer tas-sider, ċervikali u kolorettali. Ir-Rakkomandazzjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu azzjoni komuni biex jimplimentaw programmi nazzjonali ta' skrinjar għall-kanċer fost il-popolazzjonijiet tagħhom, bl-assigurazzjoni tal-kwalità dovuta, bi qbil mal-linji gwida Ewropej għall-aħjar prattiki. Tistieden ukoll lill-Kummissjoni Ewropea tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-programmi ta' skrinjar għall-kanċer, tivvaluta l-effikaċja tal-miżuri proposti, u tivvaluta hemmx bżonn ta' aktar azzjoni. Fl-2008 ġie ppubblikat l-ewwel rapport dwar l-Implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni[4]; dan kopra s-snin 2003-2007.

Fl-10 ta' April 2008, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar il-ġlieda kontra l-kanċer fl-UE mkabbra, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tnaqqis fil-piż tal-kanċer fl-Ewropa ġew adottati fl-10 ta' Ġunju 2008. Abbażi ta' dan, fl-24 ta' Ġunju 2009, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar Azzjoni kontra l-Kanċer: Sħubija Ewropea[5] (minn hawn 'il quddiem il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni) biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jiġġieldu l-kanċer billi tipprovdi qafas għall-identifikazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni, tal-kapaċità u tal-għarfien espert fil-prevenzjoni u l-kontroll tal-kanċer, u billi timmobilizza l-partijiet ikkonċernati madwar l-Unjoni Ewropea fi sforz kollettiv. Bi qbil mal-punt 3.1 ta' din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni se tressaq rapport dwar il-ħidma li tkun saret, u dan se jkun il-bażi li fuqu jiġu deċiżi l-azzjonijiet dwar il-kanċer li se tieħu l-UE fil-ġejjieni.

1.2 Il-piż tal-kanċer fl-Unjoni Ewropea

Fl-2012 ġie stmat li kien hemm kemxejn aktar minn 2,6 miljun każ ġdid (minbarra l-kanċer tal-ġilda li mhux melanoma) ta' kanċer fl-Unjoni Ewropea (UE27)[6], 54% (1,4 miljun) fl-irġiel u 46% (1,2 miljun) fin-nisa.

L-iżjed partijiet tal-ġisem komuni għall-kanċer kienu s-sider (364 000 każ stmat, 18,8% tal-każijiet kollha ta' kanċer), imbagħad il-prostata (359 000, 13,7%), il-kolorettali (342 000, 13,0%), u l-pulmun (309 000, 11,8%). Dawn l-erba' tipi ta' kanċer kienu jirrappreżentaw nofs (52,3%) il-piż totali tal-kanċer fl-Unjoni Ewropea fl-2012.

L-iżjed partijiet tal-ġisem ewlenin fl-irġiel, skont l-istimi tal-2012, kienu l-prostata (25,1% tat-total), il-pulmun (211 000, 14,7%), il-kolorettali (192 000, 13,4%) u l-bużżieqa tal-awrina (96 000, 6,7%). Fin-nisa, in-neoplażma misjuba l-aktar frekwenti kienet il-kanċer tas-sider (364 000, 30,4% tat-total), imbagħad il-kanċer kolorettali (151 000, 12,5%), dak tal-pulmun (98 000, 8,2%), u dak fl-utru (64 000, 5,4%).

L-għadd totali stmat ta' mwiet marbutin mal-kanċer fl-Unjoni Ewropea (UE27) fl-2012 kien ta' 1 263 miljun, li minnhom 56% (708 000) kienu rġiel u 44% (555 000) kienu nisa. Il-kanċer tal-pulmun, b'għadd stmat ta' mwiet ta' 310 000 (24,5% tat-total) kien l-aktar kaġun frekwenti ta' mwiet mill-kanċer fl-Ewropa fl-2012, segwit mill-kanċer kolorettali (150 000 imwiet, 11,9%), mill-kanċer tas-sider (91 000, 7,2%) u mill-kanċer fl-istonku (58 000, 4,6%). Il-kanċer tal-pulmun baqa' l-aktar kaġun komuni ta' mwiet tal-irġiel mill-kanċer (183 000, 25,9%); warajh il-kanċer kolorettali (82 000, 11,6%) u mbagħad dak tal-prostata (71 000, 10%). Fin-nisa, il-kaġun ewlieni tal-imwiet mill-kanċer kien il-kanċer tas-sider (91 000, 16,3%); warajh il-kanċer kolorettali (68 000, 12,3%), imbagħad il-kanċer fil-pulmun (81 000, 14,7%) u l-kanċer fl-ovarji (30 000, 5,4%).

Is-sopravvivenza mill-kanċer tvarja ħafna minn pajjiż Ewropew għall-ieħor, minkejja t-titjib fid-dijanjostikar u fit-trattament tal-kanċer fl-ewwel għaxar snin tas-seklu 21. Tul is-snin, l-għadd ta' adulti li jibqgħu jgħixu għal mill-inqas ħames snin wara d-dijanjożi baqa' jiżdied b'mod regolari madwar l-Unjoni Ewropea kollha, u dan jirrifletti l-avvanzi kbar li saru fil-maniġġar tal-kanċer, bħalma huma l-programmi organizzati ta' skrinjar għall-kanċer  u trattamenti aħjar. Madankollu għad hemm differenzi kbar fost il-pajjiżi, u d-differenzi fis-sopravvivenza internazzjonali qegħdin jiċkienu biss għal għadd żgħir ta' tipi ta' kanċer, bħal dak tas-sider, tar-rektum, tal-prostata u l-melanoma tal-ġilda[7].

1.3 L-ispiża tal-kanċer fl-Unjoni Ewropea

Huwa stmat li fl-2009 l-Istati Membri tal-UE nefqu EUR 126 biljun fuq il-kanċer, minn dawn, EUR 51,0 biljun intnefqu fuq il-kura tas-saħħa (40%)[8]. Madwar l-UE, l-ispiża tal-kura tas-saħħa għall-kanċer kienet stmata daqs EUR 102 kull ċittadin, iżda kienet tvarja ħafna, minn EUR 16 kull persuna fil-Bulgarija sa EUR 184 kull persuna fil-Lussemburgu.

It-telfiet fil-produttività minħabba mwiet bikrija ġew stmati li swew EUR 42 6 biljun, u l-jiem ta' xogħol mitlufa swew EUR9 43 biljun. Il-kura informali ġiet stmata li swiet EUR 23,2 biljun. Il-kanċer fil-pulmun ġie stmat li jiswa l-iżjed ekonomikament (EUR 18,8 biljun, 15% tat-total tal-ispiża fuq il-kanċer), warajh il-kanċer tas-sider (EUR 15,0 biljun, 12%), il-kanċer kolorettali (EUR 13,1 biljun, 10%), u l-kanċer tal-prostata (EUR 8,43 biljun, 7%). Ir-riċerkaturi josservaw li dawn l-istimi huma konservattivi, billi xi kategoriji ta' spejjeż tal-kura tas-saħħa, bħalma huma l-programmi ta' skrinjar, ma kinux inklużi minħabba li mhuwiex possibbli li tinkiseb id-dejta għall-pajjiżi kollha fl-istudju.

2. IR-RIŻULTATI TAL-AZZJONI RRAKKOMANDATA MILL-KUNSILL U FIL-KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

2.1 Programmi Nazzjonali tal-Kontroll tal-Kanċer

L-għanijiet tal-azzjoni: Bħala azzjoni orizzontali, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tistabbilixxi l-għan li sa tmiem l-Isħubija l-Istati Membri kollha għandhom ikunu integraw il-Programmi Nazzjonali għall-Kontroll tal-Kanċer (PNKK). Jekk dawn il-pjanijiet jiġu attwati jkun kontribut sostenibbli għat-tnaqqis fil-piż tal-kanċer fl-UE biex tinkiseb il-mira ta' tnaqqis ta' 15% sal-2020 (510 000 inqas każijiet ġodda).

Il-PNKK huma programmi tas-saħħa pubblika mfasslin biex jiżguraw l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ġestiti b'mod ċentralizzat ta' strateġiji għall-prevenzjoni, is-sejba bikrija, id-dijanjożi, it-trattament, ir-riabilitazzjoni, it-taffija tal-uġigħ u r-riċerka bbażati fuq l-evidenza. Fl-2009, il-Kummissjoni Ewropea affermat mill-ġdid l-impenn tagħha fil-ġlieda kontra l-kanċer bit-tnedija ta' Azzjoni Konġunta tal-Isħubija Ewropea għall-Azzjoni Kontra l-Kanċer (EPAAC). L-għan ġenerali tal-Azzjoni Konġunta tal-EPAAC (2009-2013) kien li tappoġġa lill-Istati Membri u partijiet ikkonċernati oħra fl-isforzi tagħhom biex jiġġieldu b'aktar effiċjenza kontra l-kanċer, u li tkun qafas għall-identifikazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni, tal-kapaċità u tal-għarfien espert fil-prevenzjoni u l-kontroll tal-kanċer, biex jinkisbu s-sinerġiji u biex jiġu evitati azzjonijiet iżolati u sforzi rduppjati. L-isħubija involviet medda wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati, u kull waħda minn dawn kellha l-esperjenzi u l-għarfien espert speċifiċi tagħha xi żżid mal-bażi ta' evidenza. Kien hemm fost il-partijiet ikkonċernati istituzzjonijiet ta' riċerka medika u xjentifika, rappreżentanti tal-industrija u koalizzjonijiet tal-pazjenti mhux governattivi minn madwar l-UE kollha.

L-azzjonijiet implimentati: Il-maġġoranza tal-Istati Membri laħqu l-mira li jipproduċu PNKK qabel l-2013. Mit-28 Stat Membru, 24 kellhom xi tip ta' PNKK jew programm jew strateġija sal-2013. L-erbgħa l-oħra qegħdin fl-istadju li jiffinalizzaw il-PNKK rispettivi tagħhom. Il-PNKK ivarjaw ħafna fl-ambitu tagħhom, fis-suġġetti inklużi fil-programm, fil-preżenza tal-indikaturi għall-monitoraġġ u/jew għall-evalwazzjoni tagħhom, fit-tul tal-pjan/programm/strateġija, fit-tul tal-perjodu ta' tħejjija u f'kemm jinvolvu lill-pazjenti.

L-EPAAC ta tliet riżultati ewlenin li huma utli biex jiġu żviluppati aktar il-PNKK u biex tkompli tittejjeb il-kwalità tagħhom:

Rapport dwar l-istat kurrenti tal-PNKK fl-Unjoni Ewropea[9] Gwida għall-produzzjoni ta' PNKK ta' Kwalità fl-Unjoni Ewropea[10] Indikaturi għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-modifikazzjoni tal-PNKK[11].

Ġew investiti sforzi sinifikanti fl-Istati Membri kollha biex jipproduċu l-PNKK, u dawn huma element ewlieni fil-kontribut sostenibbli għat-tnaqqis tal-piż tal-kanċer fl-UE billi jawtorizzaw l-istrutturi bażiċi li huma meħtieġa għall-kontroll tal-kanċer u joħolqu mekkaniżmu għar-responsabbiltà. Huma jirrappreżentaw ukoll qafas għall-introduzzjoni ta' linji gwida, metodi ta' kura, u mekkaniżmi ta' kooperazzjoni ġodda, li jiffavorixxu l-progress fit-trattament tal-kanċer madwar l-UE.

2.2 Terz tal-mard tal-kanċer jista' jiġi evitat – l-iżjed reazzjoni kosteffikaċi

L-għanijiet tal-azzjoni: Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Isħubija biex tadotta strateġija orizzontali fejn tingħata attenzjoni fuq kwistjonijiet li jiddeterminaw is-saħħa, bħala element essenzjali biex titrażżan iż-żieda fil-piż tal-kanċer madwar l-Unjoni Ewropea. Il-kanċer huwa kkaġunat minn bosta fatturi u, għalhekk, il-prevenzjoni trid tindirizza l-istil tal-ħajja u kaġuni okkupazzjonali u ambjentali. Ġie stmat[12] li madwar terz tal-każijiet kollha ta' kanċer jistgħu jiġu evitati jekk dak li jkun ibiddel jew jevita l-fatturi ta' riskju ewlenin.  Dawn il-fatturi jinkludu t-tipjip, il-ħxuna, nuqqas ta' frott u ħaxix fl-ikel, nuqqas ta' attività fiżika[13], il-konsum tal-alkoħol, l-esponiment waqt ix-xogħol għal karċinoġeni kimiċi u l-esponiment għax-xemx.

Element ewlieni tar-reazzjoni Ewropea huwa l-Kodiċi Ewropew Kontra l-Kanċer[14]. Dan jagħti żewġ messaġġi ċari:

ċerti tipi ta' kanċer jistgħu jiġu evitati – u s-saħħa b'mod ġenerali tista' titjieb – permezz tal-adozzjoni ta' stili ta' ħajja aktar tajbin għas-saħħa; kif ukoll il-kanċer jista' jitfejjaq, jew il-prospetti tal-fejqan jistgħu jiżdiedu sew, kemm-il darba dan jinqabad fi stadju bikri.

Il-Kodiċi, li huwa ppubblikat b'mod li ċ-ċittadini faċilment jifhmuh, huwa għodda ewlenija ta' komunikazzjoni fil-prevenzjoni tal-kanċer, u għandu jservi ta' mezz ewlieni għad-disseminazzjoni tal-miżuri preventivi u biex jgħin ibiddel il-perċezzjoni tal-kanċer.

L-azzjonijiet implimentati: Il-promozzjoni tas-saħħa fuq il-bażi ta' determinanti ewlenin tas-saħħa hija prijorità fit-tul għall-Kummissjoni Ewropea, u din tinkludi strateġiji għan-nutrizzjoni, għall-ħxuna żejda u għall-kwistjonijiet ta' saħħa marbutin mal-obeżità[15], u l-ħsara relatata mal-alkoħol[16]. Il-Kummissjoni żviluppat politika għall-kontroll tal-użu tat-tabakk ambizzjuża[17] bil-għan li tiskoraġġixxi lit-tfal u liż-żgħażagħ milli jibdew ipejpu, li tarmonizza s-suq intern tal-prodotti tat-tabakk, u li tappoġġa l-isforzi li jagħmlu l-gvernijiet nazzjonali biex jipproteġu liċ-ċittadini tagħhom kontra l-esponiment għad-duħħan tal-pejjiepa, filwaqt li tippromwovi l-promozzjoni tas-saħħa mfassla apposta għal popolazzjonijiet u gruppi fil-mira speċifiċi.

Fil-qasam okkupazzjonali, l-evalwazzjoni tal-istrateġija tal-UE għas-saħħa u s-sikurezza 2007-2012, l-Istrateġija tal-UE għas-Saħħa u s-Sikurezza (EU Health and Safety Strategy) 2007-2012[18], uriet li din kienet kisbet l-għanijiet rilevanti u identifikat il-ħtieġa li tkompli tiffoka fuq il-prevenzjoni ta' mard okkupazzjonali, bil-kanċer jingħata l-importanza ewlenija, u dan fil-qafas tal-azzjonijiet ikkoordinati ma' Strateġiji oħrajn dwar is-Saħħa u l-Ambjent. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni adottat Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali 2014-2020[19] ġdid.

Barra minn hekk, id-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għall-karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol[20] tistabbilixxi għadd ta' miżuri preventivi li jeliminaw jew inaqqsu kemm jista' jkun l-esponiment marbut max-xogħol għall-karċinoġeni u l-mutaġeni kimiċi. Minbarra dan, fil-Parti 3 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1272/2008 (CLP) dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet[21], qed tiġi aġġornata l-lista ta' sustanzi karċinoġeni jew mutaġeni skont l-evidenza xjentifika.

B'mod aktar speċifiku, l-Azzjoni Konġunta tal-EPAAC reġgħet nediet il-Ġimgħa Ewropea Kontra l-Kanċer[22] biex twassal messaġġi meħudin mill-Kodiċi Ewropew Kontra l-Kanċer għall-promozzjoni tas-saħħa.

Inbdiet il-ħidma fuq ir-raba' edizzjoni tal-Kodiċi Ewropew kontra l-Kanċer (l-ewwel verżjoni ħarġet fl-1987, it-tieni fl-1994, it-tielet fl-2003), appoġġata mill-Kummissjoni Ewropea permezz ta' ftehimiet amministrattivi mal-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer (IARC), u din għadha għaddeja.

2.3 L-iskrinjar u s-sejba bikrija tal-kanċer

L-għanijiet tal-azzjoni: Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tirrikkmanda l-iskrinjar tal-popolazzjonijiet għall-kanċer tas-sider, għall-kanċer ċervikali u għall-kanċer kolorettali abbażi tal-evidenza tal-effikaċja, suġġett għall-implimentazzjoni ta' sistemi xierqa ta' kontroll tal-kwalità. Fl-2011 id-WHO approvat dawn ir-rakkomandazzjonijiet għat-53 Stat Membru tagħha fir-Reġjun Ewropew[23].

F'xi Stati Membri, l-iskrinjar organizzat għall-kanċer ċervikali ilu jsir mill-1963. Il-programmi ta' skrinjar għall-kanċer tas-sider bdew jiġu implimentati fl-aħħar tat-tmeninijiet. Iżda l-programmi ta' skrinjar għall-kanċer kolorettali ġew stabbiliti biss fis-snin 2000, u għadhom qegħdin isiru fi proporzjon żgħir biss tal-Ewropa.

Skont l-ewwel rapport tal-implimentazzjoni dwar ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, il-volum tal-eżaminazzjonijiet annwali permezz ta' skrinjar fl-UE dak iż-żmien kien konsiderevoli; iżda dan il-volum kien inqas min-nofs l-għadd annwali minimu tal-eżaminazzjonijiet li wieħed għandu jippretendi kieku t-testijiet ta' skrinjar speċifikati fir-Rakkomandazzjoni kienu disponibbli għaċ-ċittadini kollha tal-UE tal-etajiet rilevanti (madwar 125 miljun eżaminazzjoni fis-sena). Barra minn hekk, dak iż-żmien, inqas minn nofs il-volum ta' eżaminazzjonijiet (41%) kien sar bħala parti minn programmi bbażati fuq il-popolazzjonijiet li joffru qafas organizzattiv fejn tista' tiġi implimentata assigurazzjoni komprensiva tal-kwalità meħtieġa mir-Rakkomandazzjoni.

L-azzjonijiet implimentati: Fuq il-previżjonijiet kurrenti, jidher li hemm titjib sostanzjali fil-kopertura tal-iskrinjar fl-UE f'dawn l-aħħar snin. Bejn l-2010 u l-2020 se jkunu saru aktar minn 500 miljun eżaminazzjoni bl-iskrinjar għall-kanċer tas-sider u għall-kanċer ċervikali u/jew kolorettali fl-UE bħala parti minn programmi pubbliċi awtorizzati, fl-UE waħedha.  It-tliet tipi ta' kanċer li tittratta dwarhom ir-Rakkomandazzjoni (tas-sider, dak ċervikali u dak kolorettali) huma l-kaġun ta' kważi waħda minn kull ħamest imwiet minħabba l-kanċer, jew 400 000 każ mill-1,8 miljun fir-Reġjun Ewropew (IARC 2008).

L-ewwel dejta li ħarġet mill-ewwel Mewġa ta' stħarriġ permezz ta' intervisti dwar l-istat tas-saħħa fl-Ewropa (EHIS)[24] dwar l-iskrinjar għall-kanċer tas-sider, il-kanċer ċervikali u dak kolorettali[25] ġiet ippubblikata f'Diċembru tal-2010. Skont din id-dejta[26] l-perċentwal tan-nisa ta' bejn il-50 u d-69 sena li saritilhom mammografija fil-pajjiżi li ġew evalwati kien hekk: l-akbar proporzjon kien fi Franza (92,9 %), warajha Spanja (92,3 %), imbagħad l-Awstrija u l-Ġermanja (90 %), il-Belġju (89,5 %) u l-Ungerija (86,9 %); il-Bulgarija (19,5%) u r-Rumanija (13,5%) kellhom l-iċken perċentwali.

L-adozzjoni tal-linji gwida Ewropej tal-aħjar prattiki ġiet identifikata fir-Rakkomandazzjoni bħala l-aktar attività importanti għall-implimentazzjoni tal-programmi ta' skrinjar biex ikun faċilitat aktar żvilupp tal-aħjar prattiki għall-programmi ta' kwalitàta' skrinjar għall-kanċer, f'livell nazzjonali, u fejn rilevanti, f'livell reġjonali. Fl-2006 diġà kienet ġiet prodotta r-raba' edizzjoni tal-European Guidelines for Quality Assurance in Breast Cancer Screening and Diagnosis (Linji Gwida Ewropej għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Iskrinjar u d-Dijanjożi tal-Kanċer tas-Sider)[27]. Sa mill-publikazzjoni tal-aħħar rapport tal-implimentazzjoni, il-ħidma fuq il-linji gwida baqgħet prijorità:

Fl-2008, il-Kummissjoni Ewropea, b'kooperazzjoni mal-IARC u n-Netwerk Ewropew għall-Iskrinjar tal-Kanċer Ċervikali pproduċiet it-tieni edizzjoni tal-European Guidelines for Quality assurance in Cervical Cancer Screening[28](Linji gwida Ewropej għall-assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Iskrinjar għall-Kanċer Ċervikali). Dawn il-linji gwida jinkludu aġġornamenti estensivi dwar id-dettalji tekniċi u d-dokumentazzjoni, kif ukoll evalwazzjoni tat-teknoloġiji l-ġodda, eż. ċitoloġija bbażata fuq il-likwidu, interpretazzjoni awtomatika ta' kampjun ta' ċelluli ċervikali (Pap smear) u testijiet għall-vajrus tal-papilloma uman. L-ambitu tal-linji gwida twessa' biex jinkludi struzzjonijiet komprensivi għat-tobba ġenerali, għall-ġinekologi u għaċ-ċitopatoloġisti, imħejjin minn tim ta' esperti multidixxiplinarju. Fl-2010, il-Kummissjoni Ewropea, b'kooperazzjoni mal-IARC ipproduċiet L-ewwel edizzjoni tal-European Guidelines for Quality Assurance in Colorectal Cancer Screening and Diagnosis (Linji gwida Ewropej għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità tal-Iskrinjar u d-Dijanjożi tal-Kanċer Kolorettali)[29]. L-għan tal-Linji gwida tal-UE dwar l-iskrinjar għall-kanċer kolorettali huwa li jittejbu l-istandards tal-kwalità billi jipprovdu prinċipji gwida u rakkomandazzjonijiet għall-assigurazzjoni tal-kwalità bbażati fuq l-evidenza, li għandhom jissegwew meta jsiru l-programmi ta' skrinjar għall-kanċer kolorettali fl-Istati Membri tal-UE. Dawn jittrattaw il-proċess kollu tal-iskrinjar - mill-istedina u l-organizzazzjoni sad-dijanjożi u t-trattament tal-leżjonijiet li jinstabu. Dawn jiffokaw fuq elementi li huma essenzjali għall-iskrinjar, iżda jinkludu wkoll prinċipji li huma daqstant importanti fid-dijanjożi: it-taħriġ, ix-xogħol f'tim multidixxiplinarju, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, il-kosteffikaċja, it-tnaqqis kemm jista' jkun tal-effetti ħżiena, u l-bikrija taż-żmien li bihom isiru aktar investigazzjonijiet fil-fond.

Fl-2013, il-Kummissjoni Ewropea, b'kooperazzjoni mal-IARC, EUREF, il-Grupp ta' Ħidma Ewropew fuq il-Patoloġiji tal-Iskrinjar tas-Sider, u l-Azzjoni Konġunta tal-EPAAC, ippubblikat is-Supplements to the 4th edition of the European Guidelines for Quality Assurance in Breast Cancer Screening and Diagnosis[30] (Supplimenti għar-raba' edizzjoni tal-Linji Gwida Ewropej għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Iskrinjar u d-Dijanjożi għall-Kanċer tas-Sider. L-ewwel suppliment (Aġġornament tal-mammografija diġitali) jirreaġixxi għall-iżvilupp teknoloġiku rapidu li sar wara li ġiet ippubblikata r-raba' edizzjoni, u li ġie flimkien ma' żieda kbira fl-użu tal-immaġnijiet diġitali fl-iskrinjar u d-dijanjostikar permezz ta' mammografiji. It-tieni suppliment jittratta dwar bosta suġġetti li għandhom x'jaqsmu mal-assigurazzjoni tal-kwalità tal-iskrinjar u d-dijanjożi għall-patoloġiji fil-kanċer tas-sider, fejn ħarġu l-problemi u s-soluzzjonijiet prattiċi, u tekniki ġodda u progress ieħor f'dawn l-aħħar snin. Fl-2014, il-Kummissjoni Ewropea, b'kooperazzjoni mal-IARC u n-Netwerk Ewropew tal-Iskrinjar għall-Kanċer Ċervikali (ECCSN) biħsiebha toħroġ it-tieni edizzjoni tal-European Guidelines for Quality Assurance of Cervical Cancer Screening and Diagnosis ­– Supplements (it-tieni edizzjoni tas-Supplimenti għal-Linji Gwida Ewropej għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Iskrinjar u d-Dijanjożi tal-Kanċer Ċervikali) li jittrattaw l-ittestjar primarju tal-HPV fl-iskrinjar għall-kanċer ċervikali u l-organizzazzjoni tal-ittestjar tal-vajrus tal-papilloma uman (HPV) u ċ-ċitoloġija konvenzjonali fl-iskrinjar għall-kanċer ċervikali.

Wieħed mill-għanijiet tal-Azzjoni Konġunta tal-EPAAC kien li jiġi stabbilit kors komprensiv ta' taħriġ fl-immaniġġar ta' programmi tal-iskrinjar għall-kanċer. Inħalaq netwerk ta' Skejjel Ewropej tal-Immaniġġar tal-Iskrinjar (ESSM) biex jagħti appoġġ espert fit-tifsil u l-iggwidar tal-kors ta' taħriġ intensiv[31].

Il-Programm tas-Saħħa tal-UE appoġġa wkoll il-proġett AURORA[32] biex jidentifika strateġija komuni u fattibbli dwar kif għandu jiġi promoss l-Iskrinjar għall-Kanċer Ċervikali fl-Istati Membri l-ġodda tal-UE, immirat lejn in-nisa ta' bejn it-30 u d-69, u li jiżgura li jiġu inklużi gruppi li diffiċli jintlaħqu, u li jgħin lill-Istati Membri l-ġodda tal-UE jimplimentaw l-iskrinjar għall-kanċer ċervikali bbażat fuq l-evidenza filwaqt li jippromwovi skambju Ewropew tal-informazzjoni u tal-għarfien espert.

Fl-2012, Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea nieda stħarriġ dwar is-servizzi tal-kanċer tas-sider fil-pajjiżi Ewropej[33]biex issir mappa tas-servizzi tal-kanċer li joffru skrinjar u kura fil-pajjiżi Ewropej. Skont ir-riżultati ta' dan l-istħarriġ, 22 pajjiż għandhom programmi ta' skrinjar għall-kanċer tas-sider li, fosthom, 21 huma organizzati skont id-definizzjonijiet fil-linji gwida. Minn 25 pajjiż, 15 għandhom programmi ta' skrinjar għall-kanċer kolorettali, u erbgħa oħra qegħdin fil-fażi tranżizzjonali biex jagħmlu programm organizzat. Minn 25 pajjiż, 19 għandhom programmi ta' skrinjar għall-kanċer ċervikali, u xi wħud minnhom qegħdin jikkonvertu l-attivitajiet kurrenti li mhumiex sistematiċi fi programm ta' skrinjar tal-popolazzjoni ta' kwalità assigurata.

2.4 L-akkreditazzjoni tas-servizzi tal-kanċer fl-Unjoni Ewropea

L-għanijiet tal-azzjoni: Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tistqarr l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiżviluppa skema Ewropea pilota volontarja ta' akkreditazzjoni tal-iskrinjar għall-kanċer tas-sider u ta' segwitu, fuq il-mudell tal-linji gwida għall-iskrinjar u d-dijanjożi tal-kanċer tas-sider (u l-edizzjonijiet tagħhom preċedenti, li huma l-iktar linji gwida żviluppati u li ilhom stabbiliti ħafna f'din iż-żona).

Din issegwi l-approċċ tar-Rakkomandazzjoni biex tippromwovi l-iskrinjar għall-kanċer ibbażat fuq l-evidenza permezz ta' approċċ sistematiku bbażat fuq il-popolazzjoni u ta' kwalità assigurata. Wara din, fl-2008 nħarġu l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tnaqqis tal-piż tal-kanċer[34] li stiednu lill-Kummissjoni tesplora l-potenzjal għall-iżvilupp ta' skema pilota Ewropea għall-akkreditazzjoni tal-iskrinjar u segwitu tiegħu għall-kanċer tas-sider, ibbażata fuq il-linji gwida Ewropej għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità.

L-azzjonijiet implimentati: F'Diċembru tal-2012, il-JRC ġie assenjat il-ħidmiet li ġejjin:

Li jiżviluppa edizzjoni ġdida tal-Linji gwida Ewropej għall-Iskrinjar u d-Dijanjożi tal-Kanċer tas-Sider, u Li jiżviluppa skema ta' assigurazzjoni tal-kwalità għas-Servizzi tal-Kanċer tas-Sider, ibbażata fuq il-qafas leġiżlattiv Ewropew dwar l-akkreditazzjoni, kif iddefinit fir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti[35].

Dan il-proġett, li għadu qed isir, għandu l-mira li jistabbilixxi sett minimu ta' rekwiżiti tal-kwalità, għall-kura mis-servizzi tas-saħħa madwar l-UE, tal-kanċer tas-sider, ibbażati fuq edizzjoni ġdida tal-European Guidelines for Breast Cancer Screening and Diagnosis (Linji Gwida Ewropej għall-Iskrinjar u d-Dijanjożi tal-Kanċer tas-Sider), li għandha tkun disponibbli fl-2016. Barra minn hekk, il-JRC se jiżviluppa Pjattaforma Ewropea għal-Linji Gwida biex tospita linji gwida eżistenti dwar stadji aktar avvanzati mill-iskrinjar u d-dijanjożi fil-kura tal-kanċer; dawn ikopru t-trattament, ir-riabilitazzjoni, is-segwitu – li jinkludi s-sorveljanza u, fejn jeħtieġ, l-immaniġġar tal-uġigħ, u aspetti bħall-appoġġ psikoloġiku u kura palljattiva, li huma essenzjali għal kunċett ta' kwalità ċċentrat fuq il-pazjenti.

2.5 L-applikazzjoni fil-prattika tal-aħjar strateġiji fil-kura tas-saħħa – l-identifikazzjoni u t-tixrid ta' prattiki tajba

L-għanijiet tal-azzjoni: Il-Komunikazzjoni tipprevedi tnaqqis tal-inugwaljanzi fil-mortalità kkaġunata mill-kanċer billi tnaqqas id-differenza bejn l-Istati Membri bl-aħjar riżultati u dawk li għandhom l-agħar riżultati b'70% sal-2020[36]. Din il-mira għandha tkun appoġġjata mill-iżvilupp ta' linji gwida għall-mudelli tal-aħjar prattika fil-kura marbuta mal-kanċer, waqt li tqis il-kuntesti nazzjonali, reġjonali u lokali.

L-azzjonijiet implimentati: L-EPAAC żviluppat bosta inizjattivi fil-qasam tal-kura tas-saħħa, fosthom billi fasslet mappa komprensiva tal-kura tal-kanċer fl-Ewropa:

Biex tidentifika l-aħjar prattiċi fis-servizzi tas-saħħa Ewropej, filwaqt li tippromwovi approċċi innovattivi ta' netwerks għall-iskambju tal-esperjenzi: Ġiet żviluppata Policy statement on multidisciplinary cancer care[37] (stqarrija politika dwar it-trattament tal-kanċer multidixxiplinarju) biex tiddefinixxi l-elementi ewlenin li għandhom jinkludu t-timijiet multidixxiplinarji kollha li jittrattaw it-tumuri. Barra minn hekk twaqqfet sistema kompjuterizzata dwar it-trattament tas-sintomi u l-appoġġ għad-deċiżjonijiet għall-immaniġġar tas-sintomi fil-kura palljattiva. Biex tiżviluppa linji gwida għat-trattament tal-kanċer pedjatriku: L-Azzjoni Konġunta ħadmet mill-qrib mas-Soċjetà Ewropea għall-Onkoloġija Pedjatrika (SIOP) fuq il-promozzjoni ta' linji gwida għat-titjib tal-onkoloġija pedjatrika. Dan l-aħħar twettaq stħarriġ tal-Istati Membri biex tiġi evalwata l-implimentazzjoni ta' dawn il-linji gwida bl-użu tar-riżultati ta' stħarriġ simili mill-SIOP fl-2008 bħala kejl ta' referenza. Ir-riżultati ta' dan it-tqabbil huma mistennija li joħorġu fl-2014. L-evidenza u l-użu ta' mediċina komplementarja u alternattiva fit-trattament tal-kanċer: Qed isir stħarriġ tal-istrutturi u ċ-ċentri Ewropej li jipprovdu mediċina komplementarja u alternattiva fil-qafas tal-onkoloġija integrattiva. Biex tiżviluppa, tirrevedi u tarmonizza l-kontenut u l-implimentazzjoni tal-linji gwida kliniċi: L-isħab fl-azzjoni konġunta iffokaw fuq żewġ oqsma fl-iżvilupp tagħhom ta' linji gwida kliniċi għat-trattament tal-kanċer: in-nutrizzjoni u t-tipi rari tal-kanċer. Dwar in-nutrizzjoni, il-linji gwida li rriżultaw mill-istudji dwar in-nutrizzjoni tqassmu liċ-ċentri Ewropej tat-trattament tal-kanċer mill-JRC[38]. Biex timplimenta strateġija ta' taħriġ għat-titjib ta' ħiliet psikosoċjali u ta' komunikazzjoni fost dawk li jaħdmu fil-qasam tal-kura tas-saħħa: Għadd ta' organizzazzjonijiet sħab ikkontribwixxew għal eżerċizzju ta' mmappjar tar-riżorsi tas-servizzi tal-kura tas-saħħa f'dak li għandu x'jaqsam mal-kura onkoloġika psikosoċjali, ħiliet ta' komunikazzjoni fost il-professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa, u attivitajiet ta' taħriġ tal-psikoonkoloġija, minbarra li taw l-informazzjoni dwar id-distakki eżistenti bejn id-domanda mqabbla mal-kapaċità. Ir-riżultati jindikaw li f'20 mis-26 pajjiż li wieġbu għall-istħarriġ, il-kura onkoloġika psikosoċjali hija inkluża fl-NCCP, iżda 10 biss minnhom għandhom baġit speċifikat għal dan[39].

Biex ikun hemm kontinwità tal-isforzi biex jitjieb il-kontroll tal-kanċer, b'mod speċjali fil-qasam tas-servizzi tal-kura tas-saħħa, fl-2014 il-Kummissjoni nediet Azzjoni Konġunta ġdida ta' tliet snin għall-kontroll tal-kanċer, iffinanzjata mit-Tieni Programm dwar is-Saħħa tal-UE. L-għan ewlieni tagħha huwa li tipproduċi Gwida Ewropea għat-Titjib tal-Kwalità fil-Kontroll Komprensiv tal-Kanċer, minbarra li toħloq Pjattaforma għall-Istati Membri li tkun tipprovdi l-ispazju għal diskussjonijiet marbutin mal-kwistjoni tal-kanċer.

Huwa previst li l-Gwida u d-dokumenti ta' pożizzjoni li se jiġu żviluppati jkun fihom kemm prattiċi tajba kif ukoll rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq l-evidenza biex jgħinu jrawmu titjib fil-kwalità, fil-kontroll, u fit-trattament tal-kanċer fil-livell nazzjonali, u biex jikkontribwixxu biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi. Il-Gwida se tindirizza dawn is-suġġetti: il-programmi ta' skrinjar ibbażati fuq l-evidenza u fuq il-kwalità, l-organizzazzjoni ta' Netwerk Komprensiv dwar il-Kanċer, il-kura tal-kanċer fil-Komunità, u s-Sopravivenza. L-Istati Membri se jirċievu gwida dwar l-implimentazzjoni ta' diversi aspetti ta' programmi ta' skrinjar ta' kwalità, bi qbil mal-linji gwida Ewropej għall-assigurazzjoni tal-kwalità fil-programmi ta' skrinjar għall-kanċer ċervikali, tas-sider u kolorettali, u gwida għal programmi tal-iskrinjar oħrajn possibbli (eż. kanċer fil-pulmun, tal-prostata). L-Istati Membri se jingħataw mudell ta' Netwerk Komprensiv dwar il-Kanċer li mbagħad ikunu jistgħu jaddattaw għall-kuntesti tagħhom.

Il-Kummissjoni trid ukoll tappoġġa soluzzjonijiet permezz tas-Saħħa elettronika, partikolarment permezz tan-Netwerk tas-Saħħa elettronika u tal-Pjan ta' Azzjoni tas-Saħħa elettronika, billi s-Saħħa elettronika għandha l-potenzjal li toffri trattament tal-kanċer aktar personalizzat u mmirat, effikaċi u effiċjenti, u tista' tgħin biex jitnaqqsu l-iżbalji. Intwerew benefiċċji ta' dan it-tip bl-użu tal-mediċina telefonika għall-immaniġġar tal-mard, kif ukoll għall-promozzjoni tas-saħħa. F'qasam ieħor ta' azzjoni dwar il-forniment tal-kura tas-saħħa, il-Kummissjoni qiegħda tesplora soluzzjonijiet tekniċi u finanzjarji għall-forniment ta' isotopi mediċi, wara li kien hemm każijiet ta' nuqqas ta' forniment madwar l-Ewropa. Wara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill "Towards the Secure Supply of Radioisotopes for Medical Use in the European Union" li ġew adottati fis-6 ta' Diċembru 2010[40], twaqqaf Osservatorju Ewropew biex jgħin biex jindirizza kwistjonijiet dwar il-katina tal-forniment li jkollhom impatt dirett fuq il-ħtiġiet tas-servizzi tal-kura tas-saħħa.

2.6 Tipi rari ta' kanċer

L-għanijiet tal-azzjoni: Il-Komunikazzjoni tenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi fil-mortalità kkaġunata mill-kanċer li jistgħu jitranġaw bil-kura tas-saħħa billi titnaqqas id-differenza bejn l-Istati Membri li għandhom l-aħjar u l-agħar riżultati. Il-każ tat-tipi ta' kanċer rari huwa msemmi bħala qasam ta' valur miżjud tal-UE bbażat fuq kooperazzjoni fil-ġejjieni f'Netwerks ta' Referenza Ewropej, pereżempju fil-qasam tal-mard rari, li jinkludi ħafna tipi ta' kanċer rari.

Fil-prinċipju, it-tumuri rari għandhom jiġu ddefiniti bl-istess mod bħall-mard rari. Dan huwa ddefinit bħala l-kundizzjonijiet li għandhom prevalenza ta' inqas minn 5 f'kull 10 000 ruħ mill-popolazzjoni Ewropea. It-tipi ta' kanċer rari jirrappreżentaw madwar 22% tal-kanċer kollhu dijanjostikat fis-sena. B'kuntrast mal-kanċer tal-adulti, kważi t-tipi kollha ta' kanċer tat-tfal huma rari iżda severi. Madwar 40 000 tifel u tifla jingħataw dijanjożi ta' kanċer kull sena fl-UE. Dawn it-tumuri huma ta' piż speċjali għall-pazjenti, u jirrikjedu għarfien espert tad-dijanjostikar u tat-trattament li jista' ma jkunx faċilment disponibbli viċin ta' fejn joqogħdu. Xi drabi l-pazjenti jkollhom jivvjaġġaw distanzi twal biex ikollhom aċċess għal dijanjożi patoloġika xierqa u trattament multidixxiplinarju, u ma tantx ikollhom okkażjoni li jieħdu opinjoni differenti mingħand tabib ieħor.

L-azzjonijiet implimentati: Il-politika tal-UE fil-qasam tal-mard rari tfittex li tindirizza l-isfidi marbutin mat-trattament ta' tumuri rari. Din hija bbażata fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Mard Rari tal-2008: L-isfidi tal-Ewropa[41], u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2009 dwar azzjoni fil-qasam tal-mard rari[42]. L-azzjoni tal-Unjoni Ewropea f'dan il-qasam hija mmirata biex iżżid l-aċċess li jkollhom il-pazjenti għal dijanjożi bikrija, informazzjoni u kura. F'dan il-qasam, l-azzjoni Ewropea tista' tkun aktar effettiva minn azzjonijiet ta' Stati Membri individwali.

Barra minn hekk, id-Direttiva dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali[43] tiċċara x'inhuma d-drittijiet tal-pazjenti biex jieħdu trattament sigur u ta' kwalità 'l barra mill-fruntieri ta' pajjiżhom fl-UE, u biex jieħdu rimborż tiegħu. Din hija bażi għal aktar kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tas-saħħa nazzjonali permezz ta' għadd ta' azzjonijiet. Xi wħud mid-dispożizzjonijiet jindirizzaw il-mard rari. B'mod partikolari, l-Artikolu 12 jipprevedi kooperazzjoni mtejba bejn l-Istati Membri u jagħti l-mandat lill-Kummissjoni biex tappoġġa lill-Istati Membri biex jiżviluppaw Netwerks ta' Referenza Ewropej (NRE) bejn dawk li jagħtu s-servizz tal-kura tas-saħħa u ċ-ċentri ta' għarfien espert fil-pajjiżi tal-UE għal mard ta' prevalenza baxxa, mard kumpless jew mard rari.

Żewġ Deċiżjonijiet[44] [45] li ġew adottati f'Marzu 2014 jistabbilixxu l-kriterji għall-istabbiliment tal-NRE u tal-membri tagħhom, kif ukoll il-proċess biex dawn jiġu vvalutati, evalwati u approvati. In-netwerks li jkunu approvati skont dawn ir-rekwiżiti legali biss jiġu rikonoxxuti formalment mill-UE, u dawn jingħataw il-logo tal-NRE tal-UE, li hu marka kummerċjali rreġistrata proprjetà tal-Unjoni Ewropea.

Fuq il-bażi tal-qafas dwar il-mard rari, il-Kummissjoni Ewropea appoġġat bosta inizjattivi fil-Programm tas-Saħħa kif jidher hawn taħt:

Fl-2012, il-proġett RARECARENET (Netwerk ta' Informazzjoni dwar Tipi Rari ta' Kanċer)[46], li kompla xi wħud mill-attivitajiet tal-Proġett RARECARE (is-Sorveljanza ta' Tipi Rari ta' Kanċer fl-Ewropa)[47] li kien jipprovdi stimi tal-inċidenza, tas-sopravvivenza, tal-prevalenza u tal-mortalità għat-tipi kollha ta' kanċer rari. Il-proġett huwa mmirat biex (i) jagħti indikaturi aġġornati tal-piż tat-tipi rari ta' kanċer, (ii) jiġbor u jiddissemina l-informazzjoni dwar il-metodi ta' kura għat-tipi rari ta' kanċer, (iii) jidentifika l-kriterji għaċ-ċentri ta' għarfien espert għat-tipi rari ta' kanċer, (iv) jipproduċi u jiddissemina l-informazzjoni dwar id-dijanjożi u t-trattament ta' tipi rari ta' kanċer, (v) jiżviluppa bażi tad-dejta klinika dwar it-tipi ta' kanċer li huma rari ħafna, (vi) jipprovdi għarfien ġdid dwar dawn it-tipi ta' mard u t-trattament kliniku tagħhom, u (vii) jiżviluppa u jiddissemina l-informazzjoni għall-pazjenti, li tinkludi lista ta' assoċjazzjonijiet tal-pazjenti ddedikati għat-tipi rari tal-kanċer. Fl-2013, twaqqaf in-Netwerk Ewropew tal-Esperti fl-Onkoloġija Pedjatrika ta' Referenza għad-Dijanjostikar u t-Trattament (ExPO-r-NeT) li jagħti għajnuna dwar il-kura ta' tfal u żgħażagħ bil-kanċer fi Stat Membru barra dak li hu affiljat, meta l-għarfien espert dwar ċerti kundizzjonijiet tal-kanċer ikun rari u l-volum tal-każijiet ikun żgħir. Dan jgħin biex il-popolazzjonijiet ta' tfal li jkollhom kanċer rari jingħataw l-aħjar kura transkonfinali.

Barra minn hekk twaqqfet ukoll ir-Rare Cancers Europe[48], inizjattiva ta' diversi partijiet ikkonċernati li tindirizza l-isfidi speċifiċi ta' tipi rari ta' kanċer.

2.7 Il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fir-riċerka dwar il-kanċer

L-għanijiet tal-azzjoni: Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni titlob li jiġi żviluppat approċċ ikkoordinat lejn ir-riċerka dwar il-kanċer madwar l-UE, u timmira li tikseb il-koordinazzjoni fost terz tar-riċerka ffinanzjata mis-sorsi kollha sal-2013.

L-azzjonijiet implimentati: L-UE għandha rwol importanti ħafna bħala finanzjatur tar-riċerka dwar il-kanċer. Tul dawn l-aħħar seba' snin, permezz tas-Seba' Qafas għar-Riċerka (2007 – 2013) tagħha, il-Kummissjoni investiet aktar minn EUR 1,4 biljun fir-riċerka internazzjonali kollaborattiva, fir-riċerka pijuniera, fi programmi ta' mobbiltà, fi sħubiji pubbliċi privati u fil-koordinazzjoni ta' sforzi nazzjonali ta' riċerka marbuta mal-kanċer. Aktar minn nofs dan il-baġit - EUR 770 miljun – intuża biex iħeġġeġ lill-atturi ewlenin minn madwar l-Ewropa u lil hinn minnha biex jingħaqdu fi "proġetti ta' riċerka kollaborattiva", biex jinstabu mezzi ġodda fil-ġlieda kontra l-kanċer u ta' sostenn għall-pazjenti. Dawn il-proġetti qegħdin jgħinu biex ikun hemm fehim aħjar ta' kif joħorġu t-tipi diversi ta' kanċer u kif għandhom jiġu ddijanjostikati u trattati b'aktar suċċess.

L-Ewropa hija waħda mir-reġjuni ewlenin tad-dinja fir-riċerka dwar il-kanċer. Il-biċċa l-kbira ta' din ir-riċerka tiġi ffinanzjata u titwettaq f'pajjiżi individwali. L-UE tiffinanzja inizjattivi bħall-immappjar ta' fondi nazzjonali ddedikati għall-kanċer permezz tan-netwerk TRANSCAN[49], biex tgħin il-koordinazzjoni u l-konnessjoni tal-għadd kbir ta' sforzi nazzjonali diversi; ittejjeb u tikkollega kemm jista' jkun ir-reġistri tal-kanċer nazzjonali u reġjonali permezz tan-netwerk EUROCOURSE[50]; u tiffaċilita l-iskambju ta' esperti u tgħin biex tittrasferixxi l-aħjar prattiki minn pajjiż għal ieħor.

Barra minn hekk, l-EPAAC nediet il-ħidma dwar ir-riċerka tal-kanċer bi tliet miri speċifiċi:

Biex tidentifika u tipprijoritizza l-oqsma fir-riċerka tal-kanċer li jibbenefikaw mill-koordinazzjoni u mill-kollaborazzjoni transkonfinali; Biex tidentifika l-mekkaniżmi ħalli kulħadd jagħmel sforz flimkien biex, sal-2013, terz tal-finanzjament kollu ddedikat għar-riċerka jintuża b'mod ikkoordinat; Biex tiżviluppa proġetti pilota ta' riċerka kkoordinata f'ċerti oqsma magħżulin.

F'dan il-kuntest, ġew żviluppati l-proġetti pilota elenkati hawn taħt: il-koordinazzjoni Ewropea tar-riċerka tal-kanċer fir-riċerka klinika tal-fażi bikrija; pjattaforma Ewropea għar-riċerka dwar ir-riżultati tal-kanċer; u ċentru ta' għarfien Ewropew dwar l-epidemjoloġija u r-riċerka tal-kanċer fil-qasam tas-saħħa pubblika: il-koordinazzjoni tar-riċerka u l-iskambju ta' informazzjoni.

Kien jidher ċar mill-bidu li ma setgħetx tintuża metodoloġija waħda biss għall-koordinazzjoni tal-oqsma kollha tar-riċerka tal-kanċer madwar il-pajjiżi kollha. Għaldaqstant, l-isfida kienet li jitfasslu l-metodoloġiji ta' koordinazzjoni apposta għas-suġġetti speċifiċi tar-riċerka u għall-ħtiġiet tal-partijiet ikkonċernati, bl-użu tal-prinċipju ta' kunsens għall-koordinazzjoni.

2.8 Il-forniment tal-informazzjoni komparattiva meħtieġa għall-politika u għall-azzjoni

L-għanijiet tal-azzjoni: Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni titlob li tkun assigurata dejta preċiża u komparabbli dwar l-inċidenza, il-prevalenza, il-morbidità, il-fejqan, is-sopravvivenza, u l-mortalità tal-kanċer fl-UE sal-2013. Għal dan l-għan, ġiet rikonoxxuta l-ħtieġa ta' Sistema tal-informazzjoni Ewropea dwar il-kanċer (ECIS) li tlaqqa' flimkien l-istituzzjonijiet u r-riżorsi marbutin mal-informazzjoni dwar il-kanċer u d-dejta biex tforni l-għarfien meħtieġ biex jittejbu l-attivitajiet ta' kontroll tal-kanċer. L-ECIS għandha tikkoordina u tiggwida l-proċess kollu tal-ġbir tad-dejta: il-kontroll tal-kwalità, l-immaniġġar, l-analiżi u d-disseminazzjoni.

Biex tiżdied il-komparabbiltà tad-dejta epidemjoloġika tal-kanċer, tnejn mill-ewwel proġetti appoġġati mill-Kummissjoni Ewropea fil-qafas tal-programm L-Ewropa Kontra l-Kanċer, fl-1987, kienu l-istabbiliment tan-Netwerk Ewropew ta' Reġistri tal-Kanċer, il-European Network of Cancer Registries (ENCR)[51] u l-EUROCARE (Europe Cancer REgistry-based study on survival and care of cancer patients)[52]. L-ENCR jippromwovi l-kollaborazzjoni bejn ir-reġistri tal-kanċer, jiddefinixxi l-istandards għall-ġbir tad-dejta, jipprovdi t-taħriġ għall-persunal tar-reġistru tal-kanċer u regolarment jiddissemina l-informazzjoni dwar l-inċidenza tal-kanċer u l-mortalità minħabba fih fl-Unjoni Ewropea u fl-Ewropa kollha[53].

Id-disseminazzjoni tal-informazzjoni komparabbli dwar il-kanċer hija sostnuta wkoll mill-bażijiet tad-dejta madwar l-Ewropa dwar il-kanċer bħala kaġun tal-imwiet, miżmumin mill-EUROSTAT[54], li huwa responsabbli mill-ġbir u l-omoġenizzazzjoni tal-istatistika dwar il-mortalità minħabba l-kanċer, skont l-età, is-sess, in-nazzjonalità u r-reġjun; barra minn hekk, id-dejta tal-ENCR[55] tikkostitwixxi sistema komprensiva ta' informazzjoni dwar il-piż tal-kanċer fl-Ewropa (b'mod ewlieni l-inċidenza u l-mortalità), u din hija kkomplementata bid-dejta tal-EUROCARE dwar is-sopravvivenza, il-prevalenza, u l-mudelli tat-trattament.

Fl-aħħar nett, u biex tinħalaq sistema ta' indikaturi tal-kanċer komparabbli, il-proġett EUROCHIP (European Cancer Health Indicators) Project[56] iffinanzjat mill-Programm għas-Saħħa tal-UE, żviluppa l-indikaturi għall-monitoraġġ tal-kanċer. Fil-Proġett EUROCOURSE, il-websajt tal-Osservatorju Ewropew tal-Kanċer (ECO) ġie żviluppat bħala entratura (gateway) ċentralizzata għall-immaniġġar u d-disseminazzjoni tad-dejta awtomatiċizzata tar-reġistru tal-kanċer. Id-dejta ġenerali marbuta mas-saħħa, li hi meħtieġa għal interpretazzjoni tajba tal-indikaturi tal-kanċer, tiġi organizzata fil-websajts tas-saħħa tal-UE[57]. Id-dejta ekonomika ġenerali u dik speċifika dwar is-saħħa huma miġburin fil-bażi tad-dejta tas-saħħa tal-OECD[58]. Finalment, il-komunità xjentifika Ewropea qiegħda fuq quddiem fir-riċerka metodoloġika dwar l-epidemjoloġija bbażata fuq il-popolazzjoni u dwar is-saħħa pubblika, mill-analiżi u l-previżjoni tax-xejriet tal-inċidenza u tal-mortalità, sal-analiżi tas-sopravvivenza, l-istima tal-prevalenza, l-ippjanar u t-twettiq ta' studji ta' riżoluzzjoni għolja, u fl-istudju dwar l-effett tal-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi fuq is-saħħa.

L-azzjonijiet implimentati: L-Azzjoni Konġunta tal-EPAAC ipprijoritizzat tliet għanijiet ewlenin biex tikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-Sistema tal-Informazzjoni Ewropea dwar il-Kanċer:

Li timmappja s-sorsi ewlenin tad-dejta dwar il-kanċer fl-Ewropa u li tidentifika s-suġġetti li għandhom jiġu appoġġati bi prijorità mill-Isħubija; Li tagħqad fi pjattaforma komuni l-indikaturi tal-piż tal-kanċer (l-inċidenza, il-mortalità, is-sopravvivenza u l-prevalenza) fornuti mill-attivitajiet Ewropej eżistenti; Li toħloq grupp ta' ħidma għall-investigazzjoni tal-kost tal-kanċer fl-Ewropa bbażat fuq il-popolazzjoni.

Fl-2009, l-Azzjoni Konġunta tal-EPAAC ingħatat il-mandat li sal-2013 tressaq proposta li tkun tifforma l-bażi ta' Sistema Ewropea tal-Informazzjoni dwar il-Kanċer fil-ġejjieni, bil-kunsens tal-partijiet ikkonċernati kollha fil-kwistjoni tal-kanċer (il-fornituri tad-dejta, il-professjonisti fil-qasam tas-saħħa, il-gvernijiet, iċ-ċittadini, il-pazjenti u r-riċerkaturi).

Fl-2012, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni ngħata r-responsabbiltà li jgħin id-diskussjoni dwar l-ECIS u li jkun ir-repożitorju tad-dejta u l-għodod tal-Unjoni Ewropea. Ir-rapport "Developing a European Cancer Information System: a proposal from the European Partnership for Action Against Cancer (EPAAC)"[59] li tħejja bħala riżultat tal-EPAAC, iservi bħala bażi għall-ħidma taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC).

Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka se jiżgura s-sostenibbiltà tal-ECIS u jikkoordina l-iżvilupp ulterjuri tiegħu. Il-JRC qiegħed jaħdem b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati ewlenin kollha fil-qasam tal-kanċer, qiegħed isostni n-Netwerk Ewropew tar-Reġistri tal-Kanċer (ENCR) li ħa s-segretarjat tiegħu fl-2012, u qed jikkollabora mal-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka tal-Kanċer (IARC) u netwerks u proġetti xjentifiċi oħrajn fil-livell Ewropew, bħalma huma l-EUROCARE, il-CONCORD (Sorveljanza dinjija dwar is-sopravvivenza mill-kanċer)[60], l-Azzjoni Konġunta PARENT (Inizjattiva ta' Reġistri Transkonfinali tal-Pazjenti)[61] u gruppi oħrajn, biex jiddefinixxi l-iktar għażliet effettivi għall-funzjonijiet ewlenin kollha tal-ECIS, bħall-kontroll tal-kwalità tad-dejta, l-analiżi tal-istatistika, id-disseminazzjoni tal-informazzjoni dwar il-kanċer, eċċ.

Illum il-ġurnata, hemm aktar minn 200 reġistru tal-kanċer ikkollegat fl-ENCR fl-Ewropa. Minħabba li s-sistemi tal-ġbir tad-dejta fil-pajjiżi differenti jirriflettu l-organizzazzjoni speċifika tas-sistemi tas-saħħa nazzjonali, u għad fadal xi ostakli għall-aċċess għad-dejta, huwa diffiċli li wieħed imur mil-livell nazzjonali għal dak Ewropew, billi mhux l-indikaturi kollha huma komparabbli madwar l-UE. Fil-preżent, huma r-reġistri li jipprovdu l-biċċa l-kbira tad-dejta epidemjoloġika dwar il-kanċer, iżda dawn ma jingħatawx biżżejjed fondi, ħafna minnhom ma għandhomx biżżejjed persunal, u twaqqfu mingħajr ippjanar kif għandu jkun.

2.9 Naħdmu flimkien fi Sħubija

L-għanijiet tal-azzjoni: Il-Komunikazzjoni tiddefinixxi r-rwol tal-Kummissjoni Ewropea li tiżgura l-istrateġija kooperattiva u orjentata lejn l-azzjoni tal-Isħubija, u li taċċerta li l-azzjonijiet u l-attivitajiet proposti huma xierqa għall-azzjoni f'livell tal-UE.

L-azzjonijiet implimentati: L-azzjonijiet konġunti huma attivitajiet fil-Programm dwar is-Saħħa, li jitwettqu mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Membri. Għat-tul tal-Isħubija, l-istrutturi konsultattivi tal-Azzjoni Konġunta tal-EPAAC ippermettew skambju wiesa' ta' fehmiet u kooperazzjoni kostruttiva bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri.

Biex iżżid il-viżibbiltà u ttejjeb il-koordinazzjoni tal-medda kollha tal-inizjattivi kontra l-kanċer fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea waqqfet Grupp ta' Esperti tal-Unjoni Ewropea dwar il-Kontroll tal-Kanċer[62].

Din hija reazzjoni għat-talbiet tal-Istati Membri u tal-partijiet ikkonċernati għal koordinazzjoni mtejba fid-dawl tal-ħidma dwar il-kanċer li dejjem tikber. Barra minn hekk, l-iskambju tal-għarfien u l-informazzjoni jistgħu jgħinu jsolvu ftit mill-problemi li qegħdin jiffaċċaw l-Istati Membri fil-kontroll tal-kanċer, u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti.

3. KONKLUŻJONIJIET

L-azzjoni tal-UE dwar il-kanċer ibbażata fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni saħħet il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati rilevanti u ġġenerat il-valur miżjud Ewropew fl-oqsma rilevanti (PNKK, l-iskrinjar, is-sistema tal-informazzjoni dwar il-kanċer, it-tipi rari ta' kanċer, eċċ.) u ffurmat bażi prattika biex inkomplu nespandu l-mekkaniżmi għall-kooperazzjoni. Din il-kooperazzjoni f'oqsma strateġiċi ipprovdiet qafas li ta kontribut sostenibbli biex inaqqas il-piż tal-kanċer fl-UE u biex tinżamm il-mira li jkun hemm tnaqqis ta' 15% fl-inċidenza tal-kanċer sal-2020. Skont l-aħħar dejta disponibbli, bejn l-2000 u l-2010, l-inċidenza tat-tipi ta' kanċer l-iżjed komuni (jiġifieri tas-sider, tal-pulmun, tal-prostata u dak kolorettali) naqset b'madwar 10%.

Biex din il-kooperazzjoni tkompli timxi 'l quddiem, dan ir-Rapport iddeskriva xi passi li jmiss:

Ø It-Tielet Programm tal-UE dwar is-Saħħa joffri l-opportunitajiet biex tiġi promossa l-azzjoni dwar il-kanċer mis-servizzi tas-saħħa pubblika.

Ø L-Orizzont 2020, b'mod partikolari l-għan dwar is-Saħħa, il-bidliet fid-demografija u l-benessri, joffri l-opportunitajiet biex issir aktar riċerka dwar il-kanċer u mard kroniku ewlieni ieħor.

Ø Il-Kummissjoni tkompli tappoġġa l-iżvilupp ta' Pjanijiet Nazzjonali ta' kwalità dwar il-Kanċer fl-Unjoni Ewropea.

Ø Jeħtieġ li tiġi sostnuta d-disseminazzjoni tar-raba' edizzjoni tal-Kodiċi Ewropew Kontra l-Kanċer bħala għodda ewlenija għall-prevenzjoni tal-kanċer u l-promozzjoni tal-attivitajiet kontra l-kanċer fl-UE.

Ø Se jkun importanti li d-Direttiva l-ġdida dwar il-Prodotti tat-Tabakk titħaddem bis-sħiħ billi niżguraw l-użu sħiħ tal-poteri delegati u implimentattivi tagħha kif ukoll billi nappoġġaw l-implimentazzjoni tagħha mill-Istati Membri biex jitnaqqas it-tipjip madwar l-UE u hekk tonqos l-inċidenza tal-kanċer.

Ø Jeħtieġ li tittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-oqsma tas-Saħħa Pubblika, tal-Ambjent u tas-Saħħa Okkupazzjonali biex jiġu indirizzati l-kaġuni tal-kanċer li jistgħu jiġu evitati minn perspettiva usa'. 

Ø Il-Kummissjoni qiegħda tappoġġa l-edizzjoni l-ġdida tal-European Guidelines for Breast Cancer Screening and Diagnosis (Linji Gwida Ewropej tal-Iskrinjar u d-Dijanjożi tal-Kanċer tas-Sider), li hija pjattaforma Ewropea għal-linji gwida ta' kwalità dwar il-kanċer tas-sider bbażati fuq l-evidenza, li jkopru stadji u aspetti oħra tal-kura, u Skema volontarja tal-Assigurazzjoni ta' Kwalità Ewropea għas-Servizzi marbutin mal-Kanċer tas-Sider.

Ø Billi nediet l-Azzjoni Konġunta CANCON (Gwida Ewropea dwar Titjib fil-Kwalità tal-Kontroll Komprensiv tal-Kanċer), ir-riżultat tanġibbli ewlieni huwa l-Gwida Ewropea għat-Titjib fil-Kwalità tal-Kontroll Komprensiv tal-Kanċer.

Ø Il-partijiet ikkonċernati għandhom jikkunsidraw jużawx id-Direttiva dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali biex joħolqu Netwerks ta' Referenza Ewropej anki dwar it-tumuri rari. Il-Kummissjoni biħsiebha torganizza sejħiet għan-Netwerks fl-2014 u fl-2015.

Ø Jidher ċar li l-qagħda fil-qasam tal-iskrinjar għall-kanċer tjiebet f'dawn l-aħħar snin u speċjalment mill-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Madankollu s-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea huma tal-fehma li l-ħidma fil-qasam tal-implimentazzjoni u tal-aġġornament tal-programmi ta' skrinjar u ta' netwerking bejn iċ-ċentri u l-esperti għadha għan ewlieni tas-saħħa pubblika, fil-livelli tal-UE, nazzjonali u reġjonali, għas-snin li ġejjin.

Ø Barra minn hekk, biex jiġi appoġġat trattament ugwali għall-pazjenti li jkunu qed isofru minn tumuri rari, ikun hemm valur miżjud jekk titqies Azzjoni speċifika dwar it-Tipi ta' Kanċer Rari.

Ø Ikun importanti li tiġi żviluppata s-sistema Ewropea għall-informazzjoni dwar il-kanċer (ECIS) biex tipprovdi l-għarfien meħtieġ biex jittejbu l-attivitajiet tal-kontroll tal-kanċer.

Ø Il-Kummissjoni qiegħda tiżviluppa strateġija kkoordinata madwar l-UE għall-attivitajiet ta' riċerka dwar il-kanċer.

Ø Jeħtieġ li s-Saħħa elettronika tintuża aktar u dan sabiex ikun hemm immaniġġar effiċjenti tal-mard u biex jissaħħu prattiki effettivi ta' prevenzjoni.

Se jitqiesu wkoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-Istati Membri u tal-partijiet ikkonċernati fil-qafas tal-Grupp ta' Esperti tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Kontroll tal-Kanċer.

Kif inhu mistqarr fil-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea għad għandha fil-mira tagħha li tnaqqas il-piż tal-kanċer fl-UE, u għadha tal-fehma li l-mira ta' tnaqqis ta' 15% fl-inċidenza tal-kanċer sal-2020 (510 000 każ ġdid) huwa riżultat li jista' jinkiseb.

[1] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2003:327:0034:0038:EN:PDF

[2] http://ec.europa.eu/health/ph_information/dissemination/diseases/docs/com_2009_291.mt.pdf

[3] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2003:327:0034:0038:EN:PDF

[4] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2008:0882:FIN:EN:PDF

[5] http://ec.europa.eu/health/ph_information/dissemination/diseases/docs/com_2009_291.en.pdf

[6] Cancer incidence and mortality patterns in Europe: Estimates for 40 countries in 2012, European Journal on Cancer, February 2013.

[7] http://press.thelancet.com/EUROCARE1.pdf

[8] Economic burden of cancer across the European Union: a population-based cost analysis. The Lancet Oncology, Volum 14, Ħarġa 12, Pagni 1165 - 1174, Novembru 2013

[9] http://www.epaac.eu/from_heidi_wiki/Final_Report_on_National_Cancer_Control_Programmes.pdf

[10]http://www.epaac.eu/images/END/Final_Deliverables/WP_10_Annex_17_European_Guide_on_Quality_National_Cancer_Control_Programmes.pdf

[11] http://www.epaac.eu/from_heidi_wiki/Final_Report_on_National_Cancer_Control_Programmes.pdf

[12] http://www.who.int/cancer/prevention/en/

[13] Dan l-għan jingħaqad mal-għanijiet politiċi tal-UE ddefiniti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2013 dwar il-promozzjoni transettorjali ta' attività fiżika favur is-saħħa, ĠU C 354, 4.12.2013, pp. 1-5.

[14] http://www.cancercode.eu/

[15] http://ec.europa.eu/health/nutrition_physical_activity/policy/strategy_en.htm

[16] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/site/en/com/2006/com2006_0625en01.pdf

[17] http://ec.europa.eu/health/tobacco/introduction/index_mt.htm

[18] http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=10965&langId=en

[19] http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52014DC0332

[20] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:32004L0037:mt:NOT

[21] http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/ALL/?uri=OJ:L:2008:353:TOC

[22] http://www.europeancancerleagues.org/ewac/european-week-against-cancer-2013.html

[23] http://www.euro.who.int/en/health-topics/noncommunicable-diseases/cancer/policy/screening-and-early-detection

[24] Il-mewġa 2 tal-EHIS qed issir fl-Istati Membri kollha tal-UE bejn l-2013 u l-2015 skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 141/2013: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2013:047:0020:0048:MT:PDF.

[25] http://appsso.eurostat.ec.europa.eu/nui/show.do?dataset=hlth_ehis_hc2&lang=en

http://appsso.eurostat.ec.europa.eu/nui/show.do?dataset=hlth_ehis_hc3&lang=mt

http://appsso.eurostat.ec.europa.eu/nui/show.do?dataset=hlth_ehis_hc4&lang=en

[26] http://epp.eurostat.ec.europa.eu/statistics_explained/index.php/Breast_cancer_screening_statistics

[27] http://ec.europa.eu/health/archive/ph_projects/2002/cancer/fp_cancer_2002_ext_guid_01.pdf

[28]http://bookshop.europa.eu/is-bin/INTERSHOP.enfinity/WFS/EU-Bookshop-Site/mt_MT/-/EUR/ViewPublication-Start?PublicationKey=ND7007117

[29] http://bookshop.europa.eu/is-bin/INTERSHOP.enfinity/WFS/EU-Bookshop-Site/mt_MT/-/EUR/ViewPublication-Start?PublicationKey=ND3210390

[30] http://bookshop.europa.eu/en/european-guidelines-for-quality-assurance-in-breast-cancer-screening-and-diagnosis-pbND0213386/

[31] http://www.epaac.eu/from_heidi_wiki/ESSM_firstannouncement0619.pdf

[32] http://www.aurora-project.eu/mt/web/cervical-cancer-screening-608

[33] http://bookshop.europa.eu/en/report-of-a-european-survey-on-the-organisation-of-breast-cancer-care-services-pbLBNA26593

[34] http://www.eu2008.si/en/News_and_Documents/Council_Conclusions/June/0609_EPSCO-cancer.pdf

[35] http://eur-lex.europa.eu/Notice.do?val=477184:cs&lang=en&list=511806:cs,480690:cs,477184:cs,&pos=3&page=1&nbl=3&pgs=10&hwords=

[36] http://www.oecd.org/health/cancer-care.htm

[37] http://www.ejcancer.com/article/S0959-8049(13)01007-1/abstract

[38] https://ec.europa.eu/jrc/en/news/making-diet-count-cancer-prevention

[39] http://www.epaac.eu/healthcare

[40] http://ec.europa.eu/energy/nuclear/radiation_protection/medical/doc/2012_council_radioisotopes.pdf

[41] http://ec.europa.eu/health/ph_threats/non_com/docs/rare_com_mt.pdf

[42] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2009:151:0007:0010:EN:PDF (mhux disponibbli bil-Malti)

[43] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2011:088:0045:0065:mt:PDF

[44] http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=OJ:JOL_2014_147_R_0006

[45] http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=OJ:JOL_2014_147_R_0007

[46] http://www.rarecarenet.eu/rarecarenet/

[47] http://www.rarecare.eu/aims/aims.asp

[48] http://www.rarecancerseurope.org/

[49] http://www.transcanfp7.eu/transcan/index.php

[50] http://www.eurocourse.org/

[51] http://www.encr.eu/

[52] http://www.eurocare.it/

[53] http://unstats.un.org/unsd/methods/m49/m49regin.htm#europe

[54] Il-ġbir tad-dejta dwar il-kaġuni tal-imwiet mill-Eurostat issa qed isir skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 328/2011: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2011:090:0022:0024:MT:PDF.

[55] http://eco.iarc.fr/Default.aspx

[56] http://www.tumori.net/eurochip/

[57] http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/health/introduction

[58] http://www.oecd.org/health/health-systems/oecdhealthdata.htm

[59] http://www.epaac.eu/cancer-data-and-information

[60] http://www.lshtm.ac.uk/eph/ncde/cancersurvival/research/concord/concord_2.html

[61] http://www.patientregistries.eu/

[62] http:// Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014 C/167 05, tat-3 ta' Ġunju 2014. ec.europa.eu/health/major_chronic_diseases/docs/com2014_c167_05_mt.pdf