RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Report dwar l-implimentazzjoni u r-rilevanza tal-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2011-14 /* COM/2014/0535 final */
RAPPORT
MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U
SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Report
dwar l-implimentazzjoni u r-rilevanza tal-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2011-14 1.
DAĦLA Il-kultura u
d-diversità tal-espressjoni kulturali huma fost l-akbar preġji tal-Ewropa.
Bħala għajn ta' valuri, identità u sens ta' ċittadinanza, il-kultura
tikkontribwixxi għall-benessri taċ-ċittadini, kif ukoll għall-koeżjoni u
għall-inklużjoni soċjali. Il-kultura tixpruna wkoll it-tkabbir ekonomiku,
il-ħolqien tal-impjiegi u l-kummerċ internazzjonali. Fl-2007, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li
tfassal il-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-kultura fuq tliet għanijiet
strateġiċi fl-Aġenda Ewropea għall-Kultura: ·
il-promozzjoni
tad-diversità kulturali u tad-djalogu interkulturali;
il-promozzjoni
tal-kultura bħala katalist għall-kreattività u għat-tkabbir; u
l-promozzjoni
tal-kultura bħala element essenzjali fir-relazzjonijiet internazzjonali
tal-UE.
Din l-Aġenda
ġiet approvata mill-Kunsill, u l-prijoritajiet tagħha ġew riflessi mbagħad
f'żewġ pjanijiet ta' ħidma tal-Kunsill għall-kultura. Fl-2010, wara li
wasal għall-konklużjoni li l-Pjan ta' Ħidma tal-Kunsill għall-Kultura 2008-2010
kien jikkostitwixxi fażi ġdida u importanti fl-iżvilupp tal-kooperazzjoni
tal-Istati Membri fil-kultura filwaqt li tejjeb il-koerenza u l-viżibbiltà
tal-azzjoni Ewropea f'dan il-qasam, il-Kunsill adotta t-tieni pjan ta' ħidma
għas-snin 2011-2014. Ankrat sew
f'dawn it-tliet għanijiet ewlenin, dan il-pjan ta' ħidma ġdida kien imsejjes
ukoll fuq it-tisħiq, min-naħa tal-Istati Membri tal-UE, fuq kemm il-kultura taf
tikkontribwixxi għall-ksib tal-miri tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir
intelliġenti, sostenibbli u inklussiv. Meta adotta
l-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura attwali f'Diċembru 2010, il-Kunsill stieden
lill-Kummissjoni tressaq rapport finali dwar l-implimentazzjoni u r-rilevanza
tiegħu sa tmiem l-ewwel nofs tal-2014, abbażi ta' kontributi volontarji
mingħand l-Istati Membri. Ir-rapport maħsub biex ikun bażi għat-tħejjija
tal-pjan ta' ħidma li jmiss. Dan ir-rapport
jagħti ħarsa, l-ewwel nett, lejn il-progress li sar fl-implimentazzjoni
tas-sitt oqsma settorjali prijoritarji tal-pjan ta' ħidma, permezz tal-metodi
ta' ħidma previsti mill-Kunsill, fosthom il-metodu miftuħ ta' kollaborazzjoni
(OMC, "open method of collaboration"). Wara dan, ir-rapport
jippreżenta t-tagħlimiet meħuda fir-rigward tar-rilevanza tal-pjan ta' ħidma u
l-istrumenti tiegħu, billi jislet minn valutazzjoni indipendenti li evalwat
l-OMC bħala għodda għall-implimentazzjoni tal-Aġenda għall-Kultura[1], kif
ukoll mill-kontributi mressqa mill-Istati Membri tal-UE fi stħarriġ
tal-Kummissjoni fl-2014. L-aħħar kapitlu joffri rakkomandazzjonijiet
għall-passi li għandhom jittieħdu fir-rigward tal-kontenut u l-metodi ta' ħidma
tal-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura li jmiss, għall-2014 'il quddiem. 2. PROGRESS LEJN L-GĦANIJIET TAL-PJAN
TA' ĦIDMA GĦAS-SNIN 2011-2014 Il-Pjan
ta' Ħidma għall-Kultura għas-snin 2011-2014 jistipula qafas ambizzjuż għall-kooperazzjoni,
u jispeċifika sitt oqsma prijoritarji għall-azzjoni lejn l-għanijiet tal-Aġenda
Ewropea għall-Kultura, kif ukoll lejn l-għan tal-istrateġija Ewropa 2020 ta'
tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv. Dawn l-oqsma prijoritarji huma:
id-diversità kulturali, id-djalogu interkulturali, u
l-kultura aċċessibbli u inklussiva;
l-industriji
kulturali u kreattivi;
il-ħiliet
u l-mobbiltà;
il-wirt
kulturali, inkluża l-mobbiltà tal-kollezzjonijiet kulturali;
il-kultura
fir-relazzjonijiet internazzjoanli; u
l-istatistika
dwar il-kultura.
It-taqsima li
jmiss tagħti daqqa t'għajn lejn il-progress li sar fl-implimentazzjoni
tal-azzjonijiet ewlenin previsti fil-pjan ta' ħidma għal kull waħda minn dawn
is-sit prijoritajiet settorjali. 2.1. Id-diversità kulturali, id-djalogu interkulturali, u
l-kultura aċċessibbli u inklussiva Id-djalogu
interkulturali huwa għan ewlieni tal-Aġenda Ewropea għall-Kultura; barra minn
hekk, id-djalogu interkulturali u s-sehem f'attivitajiet kulturali jistgħu
jsaħħu l-koeżjoni soċjali u jikkontribwixxu għat-tkabbir inklussiv. L-esperti
tal-Istati Membri ffukaw l-ewwel nett fuq ir-rwol tal-istituzzjonijiet
kulturali ffinanzjati pubblikament fl-promozzjoni tal-aċċess għall-kultura,
permezz tal-metodu OMC. L-analiżi li wettqu, ta' iktar minn 80 politika u
prattika — miġburin f'manwal ta' prassi tajba ppubblikat fl-2013 [2] —
wasslitilhom biex jikkonkludu li l-kwistjoni tal-aċċess hija wkoll kwistjoni
ta' nuqqas ta' domanda pubblika, u li għaldaqstant, għandu jitħeġġeġ
l-"iżvilupp tal-udjenza". Abbażi
ta' dawn il-konklużjonijiet, it-tieni grupp espert tal-OMC iffoka fuq politiki
u prattiċi tajba għall-istituzzjonijiet pubbliċi tal-arti u tal-kultura bħala
faċilitaturi ta' skambji fost il-kulturi u l-gruppi soċjali. Ikkonkluda li
l-istituzzjonijiet kulturali għandhom jadattaw l-ipprogrammar tagħhom (eż.
spettakli teatrali, wirjiet, eċċ.) sabiex jiżguraw li huwa rilevanti għal
udjenza mżewqa. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet kulturali:
irid
ikollhom persunal li jifhem bżonnijiet diversi;
iridu
jagħmlu sforzi biex jilħqu udjenzi ġodda; u
iridu
joħolqu spazji għat-tlaqqigħ mal-istituzzjonijiet.[3]
Billi l-immirar
lejn it-tfal tal-iskola u ż-żgħażagħ huwa l-aktar mod ovvju kif tibni udjenzi
futuri, it-tielet grupp ta' ħidma tal-OMC bħalissa qiegħed jikkonċentra fuq
l-iżvilupp tal-kuxjenza u l-espressjoni kulturali permezz tal-edukazzjoni
fil-livelli kollha.[4]
2.2. Is-setturi kulturali u kreattivi Is-setturi
kulturali u kreattivi (CCSs) huma fornituri ewlenin tad-diversità kulturali, u
jirrappreżentaw 4.5 % tal-PDG tal-UE. Billi jirrikonoxxu l-fatt li s-CCSs
jistgħu jgħinu biex tintlaħaq il-mira tal-istrateġija Ewropa 2020 ta' tkabbir
intelliġenti u sostenibbli, is-CCSs huma t-tieni prijorità tal-pjan ta' ħidma.
Il-pjan ta' ħidma jipprovdi għal firxa wiesgħa ta' azzjonijiet li għandhom jiġu
implimentati mill-Kummissjoni u mill-gruppi tal-OMC. Fl-2012,
il-Kummissjoni ppubblikat strateġija komprensiva biex tippromwovi s-setturi
kulturali u kreattivi tal-UE u ssarrafhom f'impjiegi u tkabbir[5],
strateġija li kompliet tibni fuq ir-risposti għall-Green Paper tal-2010 dwar
"L-esplojtazzjoni tal-potenzjal tal-industriji kulturali u
kreattivi".[6]
Din l-istrateġija stiednet lill-Istati Membri jiżviluppaw mudelli ġodda ta'
governanza fil-livelli nazzjonali u reġjonali, abbażi tal-kooperazzjoni fost
setturi u politiki differenti, bil-għan li jiġi sfruttat il-potenzjal tas-CCSs
u li dawn ikunu megħjuna jilqgħu għall-isfidi tal-globalizzazzjoni u
tad-diġitizzazzjoni. L-istrateġija
wittiet it-triq ukoll għal aktar kooperazzjoni fil-qasam tas-CCSs, fost
inizjattivi rilevanti ta' dipartimenti differenti tal-Kummissjoni. Pereżempju,
l-Alleanza tal-Industriji Kreattivi Ewropej, li kkombinat it-tagħlim
tal-politika u l-ittestjar ta' mudelli għall-aċċess għall-finanzjament u
l-innovazzjoni, ġiet mistiedna taqsam ir-riżultati tagħha ma' esperti
fil-gruppi tal-OMC rilevanti. Tliet gruppi
tal-OMC ħadmu fuq dan il-qasam prijoritarju. Żewġ gruppi tal-OMC ħarġu rapporti
tal-aqwa prassi, wieħed dwar l-użu strateġiku tal-fondi strutturali biex jiġi
sfruttat kemm jista' jkun il-potenzjal tas-CCSs (2012)[7], u
wieħed dwar l-istrateġiji ta' appoġġ għall-esportazzjoni u ta'
internazzjonalizzazzjoni tas-CCSs. [8]
Iż-żewġ rapporti saru għodod siewja għal min ifassal il-politika fuq il-livelli
nazzjonali u reġjonali, u jiġu kkwotati ta' spiss bħala dokumenti ta'
referenza. It-tielet grupp
ta' ħidma tal-OMC jikkunċentra fuq skemi eżistenti ta' finanzjament għas-CCSs
fl-Istati Membri tal-UE. Dan il-grupp twaqqaf fl-2014, u ser joħroġ rapport ta'
prassi tajba dwar inġinerija finanzjarja għall-SMEs fis-CCSs sa tmiem l-2014. B'hekk, bħal gruppi oħra tal-OMC, se jgħin biex jinbena
korp ta' rakkomandazzjonijiet ta' politika li jistgħu jgħinu fid-disinn ta'
politiki li jsaħħu l-kontribut tas-CCSs lejn tkabbir intelliġenti u
sostenibbli. 2.3. Il-ħiliet u l-mobbiltà Meta jivvjaġġjaw u jaħdmu fl-UE,
l-artisti jgħinu biex tinħoloq żona kulturali komuni Ewropea. Il-mobbiltà żżid
ukoll l-opportunitajiet tal-artisti biex iwessgħu l-udjenzi tagħhom, javvanzaw
fil-karriera, u jikkontribwixxu b'mod aktar ġenerali lejn il-kreattività u
l-innovazzjoni. Fl-2012, biex
jikkontribwixxi għat-titjib tal-qafas ta' politika, grupp ta' ħidma tal-OMC
ħareġ rapport li jipprovdi konsulenza konċiża u prattika lil min ifassal
il-politika, bit-titlu "Building a strong
framework for artists’ mobility: five key principles"[9]. Grupp
ta' ħidma tal-OMC ieħor, imwaqqaf fl-2013, se jippubblika sa tmiem l-2014
manwal ta' prassi tajba għar-residenzi tal-artisti. L-artisti li jivvjaġġjaw fi ħdan l-UE jħabbtu wiċċhom
ma' ħafna sfidi, fosthom nuqqas ta' tagħrif komprensiv dwar kwistjonijiet
amministrattivi bħall-viżi u s-sigurtà soċjali. Għaldaqstant, bħala parti
mill-pjan ta' ħidma, grupp espert imlaqqa' mill-Kummissjoni ħoloq standards
komuni għal servizzi ta' informazzjoni u konsulenza għall-artisti u
l-professjonisti tal-kultura li jixtiequ jkunu iktar mobbli[10]. Dan
is-sett ta' standards issa jista' jintuża mill-Istati Membri biex joħolqu jew
jirrevedu portali eżistenti ta' informazzjoni. Dan huwa l-każ, pereżempju,
tal-Ġermanja u tal-Awstrija. Madankollu, anki fejn l-informazzjoni tinsab disponibbli,
ir-regoli dwar il-viżi, is-sigurtà soċjali u t-tassazzjoni transfruntiera
jibqgħu kumplessi, partikularment għall-artisti li jaħdmu bi proġetti jew
perjodi qosra, bi status ta' impjieg li jvarja minn pajjiż għall-ieħor. Għal
din ir-raġuni, bħala parti mill-pjan ta' ħidma, il-Kummissjoni organizzat żewġ
seminars fl-2013 u l-2014, li laqqgħu persunal rilevanti mill-Kummissjoni, mill-Istati
Membri tal-UE u mis-settur kulturali. L-għan tagħhom kien li jiffaċilitaw
l-iskambju ta' prassi tajba, u li jipproponu għadd ta' rakkomandazzjonijiet.
Dawn jinkludu, pereżempju, il-ħolqien ta' iktar portali tal-informazzjoni
multilingwi fl-Istati Membri, jew il-ħtieġa ta' koordinazzjoni mtejba fost
l-amministratturi, u aktar konformità mal-leġiżlazzjoni l-aktar riċenti tal-UE
dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali. Fil-livell
tal-UE, fl-1 ta' April 2014, il-Kummissjoni adottat "pakkett dwar il-viża",
li jinkludi tip ġdid ta' "viża itineranti" li tkun tippermetti
liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jidħlu legalment fiż-żona Schengen u
jiċċirkolaw fiha għal mhux aktar minn sena[11].
Din il-viża tkun tapplika, pereżempju, għall-artisti tal-ispettakli diretti u
taċ-ċirklu. Rigward it-tassazzjoni, il-grupp espert imwaqqaf mill-Kummissjoni
li fih se jiġi rrappreżentat is-settur tal-ispettakli diretti, se
jikkontribwixxi fl-identifikazzjoni tal-problemi ta' tassazzjoni li jħabbtu
wiċċhom magħhom individwi li huma attivi minn fruntiera għall-oħra fl-UE, kif
ukoll fl-identifikazzjoni ta' prattiki tajbin. Dan
il-qasam prijoritarju jiffoka wkoll fuq il-ħiliet. Il-kwistjonijiet ittrattati
inkludew il-promozzjoni ta' sħubijiet kreattivi, l-identifikazzjoni u l-iżvilupp
ta' ħiliet permezz ta' kunsilli tas-settur kulturali, u l-promozzjoni
tal-litteriżmu fil-mezzi ta' komunikazzjoni. Fl-2013,
grupp tal-OMC ħareġ
ktejjeb ta' politika [12] li jidentifika u jimmudella
sħubijiet u prattiki kreattivi ta' suċċess, sabiex iħeġġeġ l-interazzjoni bejn
is-setturi kulturali u kreattivi u bejn setturi oħra bħall-edukazzjoni u
t-taħriġ, kif ukoll in-negozju. Il-grupp sab li s-sħubijiet kreattivi jkunu
għodod b'impatt qawwi u b'kost baxx, li jistgħu jgħinu jiżviluppaw
atteġġjamenti li jkunu essenzjali għall-innovazzjoni u għall-kreattività, u
jistgħu jgħinu wkoll biex jipprevjenu jew jirrimedjaw it-tluq bikri
mill-iskola. 2.4. Il-wirt kulturali, inkluża l-mobbiltà
tal-kollezzjonijiet kulturali Il-wirt
kulturali tal-Ewropa huwa ħafna iktar minn sempliċi senduq ta' għarfien; huwa
wkoll riżorsa maqsuma, u ben komuni. Il-wirt jagħti kontribut kbir lejn
id-definizzjoni tal-identità taċ-ċittadini Ewropej, u huwa riżorsa
għall-koeżjoni soċjali u għall-iżvilupp ekonomiku. Għaldaqstant, jista' jikkontribwixxi
lejn il-ksib tal-għanijiet tal-istrateġija Ewropea 2020. Fl-2012, grupp tal-OMC eżamina mezzi biex jiġi
ssemplifikat il-proċess ta' self tal-oġġetti kulturali fost l-Istati Membri
tal-UE. Ħareġ rakkomandazzjonijiet prattiċi u kaxxa tal-għodda li fiha l-linji
gwida għall-introduzzjoni ta':
skemi
ta' indennizz statali, responsabbiltà maqsuma u valutazzjoni tar-riskji;
checklist
ta' evalwazzjoni;
l-aqwa
prassi fil-valutazzjoni tar-riskji u fit-tnaqqis tal-kostijiet
tat-trasport; u
glossarju
multilingwi.
Għat-tlestija
ta' din il-ħidma, saret riċerka komparattiva biex tanalizza sistemi
għall-finijiet ta' pprezzar ta' arti għall-assigurazzjoni, indennizz statali, u
responsabbiltà maqsuma[13]. Id-diġitizzazzjoni
kienet qasam ewlieni ieħor ta' ħidma, b'enfażi fuq il-wirt ċinematografiku u
l-Europeana, il-biblijoteka u arkivju diġitali tal-Europa[14].
Fl-2011, il-Kummissjoni adottat rakkomandazzjoni dwar il-preżervazzjoni
diġitali u d-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà fuq l-internet tal-materjal
kulturali. Talbet lill-Istati Membri jkattru l-isforzi tagħhom u biex jinvolvu
aktar lis-settur privat fid-diġitizzazzjoni tal-materjal kulturali. Min-naħa
tagħha, il-Kummissjoni inkludiet l-Europeana bħala waħda mill-infrastrutturi
ta' servizz diġitali eliġibbli għall-appoġġ fil-qafas tal-Faċilità Nikkollegaw
l-Ewropa. Il-Kummissjoni żgurat ukoll l-aċċessibbiltà tal-interfaċċa u
l-kontenut tal-Europeana għall-persuni b'diżabbiltà. Fl-aħħar
nett, grupp espert ad hoc imwaqqaf mill-Kummissjoni ta ħarsa lejn il-vjabbiltà
tat-tfassil ta' linji gwida u kodiċi tal-etika Ewropej dwar id-diliġenza dovuta
fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tal-beni kulturali. Dan il-grupp
issuġġerixxi li wieħed jistenna sakemm tiġi adottata d-Direttiva 93/7/KEE[15]
rriveduta fuq ir-ritorn ta' oġġetti ta' kultura illegalment imneħħija
mit-territorju ta' Stat Membru qabel ma tittieħed iktar azzjoni. Biex
akkumpanjament u tkomplija ta' din il-ħidma, f'Ġunju 2014 il-Kummissjoni
ressqet dokument ta' politika li jsejjaħ għal kooperazzjoni msaħħa fil-livell
tal-UE, li tkun tippermetti approċċ integrat li jkun jista' jgħin lis-settur
tal-wirt Ewropew jaffaċċja l-isfidi attwali, u jistieden lill-partijiet
ikkonċernati fil-qasam tal-wirt jaqbdu b'idejhom it-tnejn l-opportunitajiet ta'
programmi ta' finanzjament tal-UE li jinsabu fis-seħħ[16]. 2.5. Il-kultura fir-relazzjonijiet internazzjonali tal-UE L-Aġenda
għall-Kultura identifikat il-kultura bħala element essenzjali
fir-relazzjonijiet internazzjonali tal-UE. Il-Pjan ta' Ħidma pprovda għal
attivitajiet varji f'dan il-qasam, bħall-organizzazzjoni ta' laqgħat informali
konġunti bejn l-uffiċjali għolja tal-Ministeri tal-Kultura u tal-Affarijiet
Barranin. Dawn l-attivitajiet ikunu jappoġġjaw ukoll l-għanijiet
tal-istrateġija Ewropa 2020 u tal-Aġenda għall-Kultura. Ġew organizzati
diversi laqgħat ta' dan it-tip mill-Presidenza tal-UE, li għenu biex ġie
żviluppat approċċ strateġiċi lejn il-kultura fir-relazzjonijiet internazzjonali
tal-UE. Barra minn hekk, fl-2012 il-Kummissjoni laqqgħet grupp espert biex jistħarreġ
dan il-qasam. Ħareġ sett ta' rakkomandazzjonijiet u prinċipji għall-iżvilupp
ta' approċċ strateġiku għall-kultura fir-relazzjonijiet internazzjonali tal-UE,
biċ-Ċina bħala każ ta' prova. Il-ministri tal-kultura tal-UE taw l-appoġġ
tagħhom għal dan l-approċċ waqt dibattitu ta' politika f'Mejju 2013. Ir-ratifikazzjoni
u l-għanijiet tal-Konvenzjoni tal-Unesco tal-2005 dwar il-protezzjoni u
l-promozzjoni tad-diversità tal-espressjoni kulturali ġew promossi
fir-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi, bħall-konferenza ministerjali ta' Tbilisi
ta' Ġunju 2013[17],
jew permezz tad-dikjarazzjonijiet konġunti dwar il-kultura ffirmat mas-sħab
strateġiċi tal-UE[18].
2.6. Statistika dwar il-kultura Statistika li
titsta' titqabbel dwar il-kontribut tal-kultura lejn l-ekonomija u l-koeżjoni
soċjali jkunu essenzjali għal politiki bbażati fuq l-evidenza. Madankollu, ma
teżisti l-ebda sistema Ewropea reali għall-istatistika dwar il-kultura. L-unika
dejta li tista' tintuża hija dik prodotta mill-Istati Membri, u huwa diffiċli
ħafna li wieħed iqabbel din id-dejta, fost l-oħrajn minħabba differenzi
fid-definizzjoni tal-qasam kulturali u l-konfini tiegħu. F'Mejju 2012,
il-proġett "ESSnet culture"[19]
ippropona qafas metodoloġiku għall-produzzjoni ta' dejta kulturali li tista'
titqabbel mal-UE kollha. L-implimentazzjoni ta' dan il-qafas ikun jeħtieġ aktar
ħidma min-naħa tal-Eurostat, kif ukoll għajnuna mill-uffiċċji nazzjonali
tal-istatistika. F'dan ir-rigward, fil-Eurostat diġà bdiet ħidma biex jiġi
prodott sett ta' statistika regolari Ewropea dwar il-kultura, ħidma li
mistennija tagħti l-frott mill-2015 'il quddiem. Fl-2011, il-Eurostat
ippubblika wkoll edizzjoni ġdida tal-ktejjeb tiegħu dwar l-istatistika
fil-qasam tal-kultura[20]. Il-pjan ta'
ħidma talab ukoll lill-Kummissjoni ttejjeb l-istatistika dwar il-mobbiltà
tal-artisti. Madankollu, grupp espert imlaqqa' mill-Kummissjoni kkonkluda li
ċerti problemi metodoloġiċi ħarbtulhom milli jiżviluppaw approċċ affidabbli
għall-kampjunar biex ikejlu l-mobbiltà tal-artisti u tal-professjonisti tal-kultura. 3.
METODI TA' ĦIDMA L-għodda u
l-metodi ta' ħidma għall-implimentazzjoni tal-pjan ta' ħidma kienu jinkludu
gruppi ta' ħidma ta' esperti mill-Istati Membri li jiltaqgħu għal laqgħat OMC,
gruppi ta' esperti mlaqqgħin mill-Kummissjoni, laqgħat għolja uffiċjali
organizzati mill-Presidenzi tal-UE, studji, u rapporti. 3.1
Il-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni (OMC) L-OMC huwa qafas
flessibbli u mhux vinkolanti għall-istrutturar tal-kooperazzjoni fost l-Istati
Membri fil-qasam tal-kultura, li huwa mfassal fuq għanijiet strateġiċi u fuq
it-trawwim ta' skambji tal-aqwa prassi. L-OMC kien l-iktar metodu użat
għall-produzzjoni ta' riżultati taħt il-Pjan ta' Ħidma għas-snin 2011-14. Bħala medja,
il-gruppi kienu magħmulin minn 25 espert, li jirrappreżentaw għadd ekwivalenti
ta' Stati Membri. L-esperti kienu ġejjin minn sfondi differenti, u kienu
jirrappreżentaw ministeri nazzjonali, id-dinja akkademika u s-soċjetà ċivili. Il-membri kollha
tal-gruppi tal-OMC ġew mistiedna jxerrdu fil-wisa' r-riżultati tagħhom
fil-livelli nazzjonali u reġjonali. Kienu ta' siwi wkoll il-pjanijiet biex
jinxterdu r-riżultati, introdotti wara suġġeriment tal-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni żvolġiet rwol attiv ukoll fit-tixrid tar-riżultati fil-livell
Ewropew u f'konferenzi rilevanti, bħall-Forums tal-Kultura Ewropea tal-2011 u
l-2013. 3.2
Djalogu strutturat mas-soċjetà ċivili Il-konklużjonijiet
tal-Kunsill li adottaw il-pjan ta' ħidma talbu lill-Kummissjoni u lill-Istati
Membri jikkonsultaw u b'mod regolari mal-partijiet ikkonċernati u jinformawhom
dwar il-progress u r-riżultati miksuba fl-implimentazzjoni tal-pjan ta' ħidma. Il-Kummissjoni
stiednet regolarment lill-pjattaforma għal Ewropea interkulturali,
lill-pjattaforma għall-aċċess għall-kultura, u lill-pjattaforma
għall-industriji kulturali u kreattivi biex jattendu l-laqgħat tal-OMC. Dawn
il-pjattaformi huma parti mid-djalogu strutturat li l-Kummissjoni ilha twettaq
mas-soċjetà ċivili mill-2008. Ċerti Stati
Membri, bħall-Awstrija, organizzaw seminars biex ixerrdu pubblikament
ir-riżultati tal-OMC lill-partijiet ikkonċernati rilevanti. 3.3 Informazzjoni lil pajjiżi terzi Il-pajjiżi
kandidati, il-membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA), u
pajjiżi oħra li jipparteċipaw fil-programm Kultura tal-UE, inżammu infurmati
dwar il-ħidma mwettqa fil-qafas tal-pjan ta' ħidma.
4.
TAGĦLIM MIKSUB 4.1
Rilevanza u impatt tal-pjan ta' ħidma għas-snin 2011-2014 Fl-2013,
il-Kummissjoni talbet rapport estern ta' valutazzjoni[21]
sabiex jagħti ħarsa lejn ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u
s-sostenibbiltà tal-OMC bħala għodda għall-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea
għall-Kultura u tal-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura. Ir-rapport
ikkonkluda li l-firxa tal-attivitajiet imwettqa u l-livell ta' parteċipazzjoni
u impenn iġġenerati wrew li l-proċess tal-OMC ikkontribwixxa sew għall-kisba
tal-miri ta' politika tal-Aġenda għall-Kultura. Ir-rapport
issottolinja li, kollox ma' kollox, it-temi u s-suġġetti koperti miż-żewġ
ġenerazzjonijiet[22]
tal-proċess tal-OMC irriżultaw rilevanti, b'mod indaqs, għat-tfassil ta'
politika fil-livelli nazzjonali u tal-UE, u li l-gruppi ta' ħidma kienu qed
ilaħħqu mad-domanda għal opportunitajiet reċiproċi ta' tagħlim. L-evidenza
ssuġġeriet li kienet qiegħda tinqeda ħtieġa doppja: it-tixrid u t-tagħlim ta'
prattiki f'pajjiżi oħra, u t-tagħlim u l-parteċipazzjoni fl-iżvilupp
tal-politiki tal-UE f'oqsma ta' rilevanza partikulari għall-interessi
nazjonali. B'mod ġenerali,
il-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-OMC kienet sodisfaċenti. It-taħlita ta'
uffiċjali, prattikanti u esperti esterni saħħew il-kwalità tal-attivitajiet
imwettqa. L-evalwaturi indikaw li wieħed mill-aktar fatturi importanti li
għandhom jitqiesu f'termini tal-profil tal-parteċipanti għandu x'jaqsam
mal-konnettività tal-individwi ma' min jieħu d-deċiżjonijiet ewlenin fil-pajjiż
tagħhom (eż. fil-ministeri). L-evalwaturi
kkonkludew li l-benefiċċji u l-impatt tal-OMC kienu marbutin l-aktar
mat-tagħlim reċiproku, mal-iskambji tal-aqwa prassi, u mal-bini ta' netwerks
Ewropej ta' għarfien dwar suġġetti kulturali speċifiċi. Qiesu li, filwaqt li
kien diffiċli li wieħed ikejjel safejn wasal l-impatt ġenerali tal-OMC, ċerti
attivitajiet u riżultati taw kontribut lejn politiki nazzjonali, u proporzjon
minn dawn ir-riżultati dehru li setgħu jiġu attribwiti direttament għall-OMC. L-evalwaturi
nnutaw ukoll li kien hemm potenzjali biex jintlaħaq impatt ikbar, permezz ta'
konnessjonijiet aktar f'saħħithom ma' kanali aħjar ta' tixrid ta' informazzjoni
bejn il-parteċipanti tal-OMC u min jieħu d-deċiżjonijiet ewlenin fil-livell
nazzjonali. Fl-2014, il-Kummissjoni
wettqet stħarriġ li fih ħadu sehem l-Istati Membri kollha tal-UE. Dan
l-istħarriġ wera li 86 % tal-Istati Membri qiesu li l-pjan ta' ħidma kien
iffoka fuq il-prijoritajiet it-tajbin, filwaqt li 85 % kienu tal-fehma li
l-implimentazzjoni tagħhom kienet laħqet l-aspettattivi tal-gvernijiet tagħhom.
Barra minn hekk, 75 % qablu li l-pjan ta' ħidma kellu impatt pożittiv fuq
is-settur kulturali f'pajjiżhom, u li kien rilevanti għall-iżvilupp
tal-politika kulturali f'pajjiżhom. Għadd simili ta' persuni li wieġbu
(72 %) stqarru li l-pjan ta' ħidma kien rilevanti għall-implimentazzjoni
tal-politika kulturali f'pajjiżhom; 21 % ikkunsidraw li dan ma kienx
il-każ. L-Istati Membri
esprimew fehma kemxejn iktar imħallta rigward ir-rwol li żvolġa l-pjan ta'
ħidma fil-koordinazzjoni tal-politika kultura fil-livell tal-UE, b'67 %
iqisu li l-koordinazzjoni kienet tjiebet, u b'25 % iqisu li ma kinitx
tjiebet. B'mod simili, 68 % qablu li l-pjan ta' ħidma kien wassal għal
rikonoxximent aħjar tal-kontribut tal-kultura lejn il-ksib tal-għanijiet
ġenerali tal-istrateġija Europa 2020, filwaqt li 18 % ma qablux ma' din
il-fehma. 65 % qablu li l-pjan ta' ħidma tejbet il-koordinazzjoni bejn l-UE u
l-partijiet ikkonċernati kulturali; 10 % biss ikkunsidraw li dan ma kienx
il-każ. 4.2.
Rilevanza u impatt tal-għodod u tal-metodi ta' ħidma 86 %
tal-Istati Membri kkundisraw li l-pjan ta' ħidma uża l-istrutturi u l-metodi
ta' ħidma t-tajbin. L-evalwaturi
esterni analizzaw total ta' 10 gruppi tal-OMC. Ikkonkludew li r-riżultati
tat-tieni ġenerazzjoni tal-OMC (2011-14) tqiesu bħala titjib sinifikanti,
b'enfażi fuq il-ħruġ ta' iktar materjal prattiku bħal gwidi, ktejbiet, għodod,
eċċ. Innutaw li kien hemm riskju li l-pressjoni tal-ħin tolqot ħażin il-kwalità
tar-riżultati fil-ġejjieni, u rrakkomandaw li jiġi estiż jekk possibbli
d-dewmien (u/jew l-għadd ta' laqgħat) ta-ċiċlu tal-grupp ta' ħidma tal-OMC. L-evalwaturi
nnutaw li, kollox ma' kollox, kien hemm appoġġ wiesa' għall-mod kif jaħdem
illum l-OMC, riżultat li ġie kkonfermat mill-istħarriġ tal-Kummissjoni
fir-rigward tal-Istati Membri, fejn 93 % kellhom fehma pożittiva
tal-prestazzjoni tal-OMC u r-rwol tiegħu fl-implimentazzjoni tal-pjan ta'
ħidma. L-evalwaturi sabu li l-organizzazzjoni u l-ġestjoni tal-proċess tal-OMC
kienu effiċjenti, u l-appoġġ offrut mill-Kummissjoni tqies pożittiv ħafna. L-evalwaturi
ssuġġerew li jsiru iktar żjarat ta' studju bħala parti mill-proċess tal-OMC,
biex b'hekk ikomplu jiżdiedu l-interazzjoni u l-impenn. Issuġġerew ukoll
l-adottar ta' approċċ iktar eżawrjenti, ibbażat fuq l-evidenza, sabiex tkompli
tittejjeb il-kwalità tar-riżultati. L-evalwaturi
nnutaw li l-interazzjoni bejn il-gruppi ta' ħidma tal-OMC u l-proċess ta'
djalogu strutturat li jinvolvi lis-soċjetà ċivili kienu limitati, u li kien
għad hemm vantaġġi potenzjali ta' iktar integrazzjoni. L-evalwaturi nnutaw
ukoll li r-riġidità u l-istituzzjonalizzazzjoni bla meħtieġ għandhom jiġu
evitati, u li għandha tiddaħħal aktar flessibbiltà fejn possibbli. Dan ikun
jippermetti li ċerti temi għad-diskussjoni jiġu aġġustati abbażi tal-ħtiġijiet
tal-parteċipanti, u li l-parteċipazzjoni ssir iktar flessibbli, b'mod li
l-organizzazzjonijiet interessati kollha jkollhom l-opportunità biex
jikkontribwixxi għad-djalogu. 5. LEJN PJAN
TA' ĦIDMA ĠDID GĦALL-KULTURA 5.1 Tul
ta' żmien u metodi ta' ħidma Skont
l-istħarriġ tal-Kummissjoni tal-2014, 68 % tal-Istati Membri tal-UE
jixtiequ li l-pjan ta' ħidma ġdid għall-kultura jkopri erba' snin, u 73 %
jixtiequ jaraw valutazzjoni ta' nofs it-term. Għaldaqstant,
il-Kummissjoni tixtieq tipproponi li l-pjan ta' ħidma ġdid ikopri erba' snin
mill-2015, u li jkun maqsum f'żewġ fażijiet ta' sentejn kull waħda. Fl-2016,
reviżjoni fil-fond ta' nofs it-term tkun tippermetti li l-pjan ta' ħidma jiġi
emendat fid-dawl ta' sfidi ġodda, jew li jitreġġa' lura għal kwistjonijiet li
kienu ġew ittrattati fi pjanijiet ta' ħidma preċedenti iżda ma kinux
prijoritajiet immedjati fl-2015. Kull fażi għandu jkollha massimu ta' erba'
gruppi esperti tal-OMC jaħdmu b'mod parallel, sabiex il-Kummissjoni tkun tista'
tappoġġja b'effiċjenza l-proċess, u sabiex il-Kunsill u l-Presidenza jkunu
jistgħu jużaw ir-riżultati tal-pjan ta' ħidma. Titjib potenzjal ieħor għandu
jiġu eżaminat meta jkun qed jitfassal il-pjan ta' ħidma għall-2015 'il quddiem. 5.2.
L-isfidi li għandhom jiġu indirizzati u l-prijoritajiet tematiċi Sar dibattitu
ta' politika fil-laqgħa tal-Kunsill ta' Mejju 2014, sabiex tħejja l-Pjan ta'
Ħidma tal-Kunsill għall-Kultura. Il-Ministeri tal-Kultura tal-UE identifikaw
għadd ta' sfidi li għandhom jiġu indirizzati mill-kooperazzjoni Ewropea
fil-qasam tal-kultura:
l-impatt
tal-bidla diġitali fuq il-kultura u fuq l-operaturi kulturali;
l-esplorazzjoni
ta' mudelli ġodda ta' finanzjament għall-kultura, bi tweġiba għal kuntest
finanzjarju varjabbli;
il-promozzjoni
tal-aċċess u l-parteċipazzjoni fil-kultura, inkluż b'mezzi diġitali;
l-ittrattar
ta' mudell varjabbli ta' governanza kulturali;
fehim
u kejl aħjar tal-impatt tal-kultura; u
il-promozzjoni
tar-rilevanza tal-kultura bħala politika transsettorjali ("mainstreaming"
jew "integrazzjoni").
Il-ministeri
kkonfermaw l-interess tagħhom fil-wirt kulturali, kif ukoll fl-iżvilupp
tas-setturi kulturali u kreattivi. Qablu wkoll li s-salvagwardja tad-diversità
kulturali hija raġuni ewlenija biex l-azzjoni tiġi kkoordinata aħjar. Ġiet
issottolinjata wkoll il-ħtieġa li tibda t-tħejjija għall-fażi li jmiss
tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment. Dawn l-oqsma ta'
azzjoni huma għalkollox bi qbil mal-għanijiet essenzjali tal-Aġenda Ewropea
għall-Kultura u tal-istrateġija Ewropa 2020. Pjan ta' ħidma razzjonalizzat, li
jikkonċentra fuq għadd ta' prijoritajiet limitati iżda ta' livell għoli, ikun
jippermetti li jinkisbu riżultati b'valur miżjud iktar evidenti. Għaldaqstant,
il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-pjan ta' ħidma l-ġdid ikopri l-oqsma
prijoritarji li ġejjin:
l-appoġġ
għad-diversità kulturali u għall-aċċess għall-kultura;
il-wirt
kulturali;
il-promozzjoni
tal-innovazzjoni fis-setturi kulturali u kreattivi, inkluża l-innovazzjoni
diġitali; u
t-titjib
tal-governanza u tal-integrazzjoni tal-kultura.
Dawn
il-proposti, fost l-oħrajn, se jiġu diskussi meta jitfassal il-pjan ta' ħidma
li jmiss. 5.3
Metodi ta’ ħidma Il-Metodu
Miftuħ ta' Koordinazzjoni (OMC) Filwaqt li
l-Istati Membri huma sodisfatt bil-mod kif ħadem l-OMC, jistgħu jsiru għadd ta'
titjibiet żgħar fil-funzjonament tiegħu, kif jixhdu l-valutazzjoni indipendenti
esterna u l-istħarriġ tal-Kummissjoni. Kull proċess tal-OMC suppost ikollu
riżultati prattiċi u ddefiniti biċ-ċar, u fejn possibbli, il-Kummissjoni se
tikkummissjona riċerka biex tappoġġja l-ħidma tagħhom, sabiex tissaħħaħ il-bażi
tal-evidenza. Il-perjodi tal-gruppi ta' ħidma tal-OMC għandhom jittawlu ftit,
minn sena u nofs sa sentejn, b'total ta' sitt laqgħat. It-tagħlim bejn il-pari
jista' jittejjeb ukoll permezz ta' żjarat ta' studju li jistgħu jiddaħħlu matul
l-OMC. Djalogu
strutturat mas-soċjetà ċivili Bi qbil
mar-rakkomandazzjonijiet mill-evalwaturi esterni, il-Kummissjoni beħsiebha
tkompli tilqa' djalogu regolari mas-soċjetà ċivili, għalkemm ser temenda
l-proċess biex tippermetti kontributi iktar miftuħin, inklussivi u flessibbli
mingħand is-soċjetà ċivili. Il-Kummissjoni se timplimenta djalogu strutturat
mill-ġdid, li jiffoka fuq inizjattivi u temi speċifiċi marbutin ma' dawk il-Pjan
ta' Ħidma l-ġdid, b'appoġġ minimu għall-funzjonijiet amministrattivi. Ladarba
jkun implimentat, id-djalogu strutturat mill-ġdid u l-parteċipanti tiegħu ser
jipprovdu konsulenza esperta li tista' tixxered mal-gruppi esperti tal-OMC
rilevanti. Il-Kummissjoni
beħsiebha wkoll tkompli tuża l-Forums Ewropej tal-Kultura ta' kull sentejn
sabiex tagħti aktar viżibbiltà lir-riżultati tal-pjan ta' ħidma fost
il-partijiet ikkonċernati Ewropej. 5.4
L-użu tar-riżultati fil-livelli nazzjonali u Ewropew Filwaqt li l-OMC
irriżulta qafas tajjeb għan-netwerking u għat-tagħlim reċiproku fost
l-amministrazzjonijiet tal-UE, il-kanalizzazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet
tal-gruppi esperti fit-tfassil tal-politika fil-livelli nazzjonali u Ewropew
għadha sfida. Biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni, it-tixrid tar-riżultati
fil-livelli reġjonali, nazzjonali u Ewropew għandu jkun waħda
mill-prijoritajiet tal-pjan ta' ħidma l-ġdid. L-organizzazzjoni ta'
diskussjonijiet regolari dwar is-sejbiet tal-OMC mal-Istati Membri u
mad-Diretturi Ġenerali tal-Kummissjoni għall-kultura jistgħu jgħinu f'dan
ukoll. Ċerti Stati
Membri pproponew ukoll it-tisħiħ tar-rabta bejn il-prijoritajiet politiċi
tal-UE u r-riżultati tal-pjan ta' ħidma. Dan jista' jsir billi jiġi introdotti
konklużjonijiet rilevanti tal-OMC fl-aġenda tal-laqgħat tal-Kunsill, u billi
jiġi żgurat li l-prijoritajiet tal-pjan ta' ħidma jkunu integrati iktar biċ-ċar
mal-prijoritajiet għat-Triji ta' Presidenzi. 6.
KONKLUŻJONI Il-Parlament
Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni
huma mistiedna jieħdu nota ta' dan ir-rapport. Il-Kunsill huwa
mistieden jieħu dan ir-rapprot bħala bażi għat-tħejjija tal-Pjan ta' Ħidma li
jmiss għall-Kultura tal-UE, u li jqis il-proposti rigward l-isfidi li għandhom
jiġu milqugħa, kif ukoll l-arranġamenti ta' ħidma rriveduti li stipula dan
ir-rapport. [1] "Evaluation of the
open method of coordination and the structured dialogue as the Agenda for
Culture’s implementing tools at EU level", minn Ecorys, impriża
tal-konsulenza internazzjonali (2013). [2] http://ec.europa.eu/culture/policy/strategic-framework/documents/omc-report-access-to-culture_en.pdf [3] http://ec.europa.eu/culture/library/reports/201405-omc-diversity-dialogue_en.pdf [4] Dan il-grupp tal-OMC
mistenni jlesti ħidmietu fl-2015. [5] COM(2012) 537. [6] COM(2010) 183. [7] http://ec.europa.eu/culture/policy/strategic-framework/documents/structural-funds-handbook_en.pdf [8] http://ec.europa.eu/culture/library/reports/eac-omc-executive-summary-ccs-strategies_en.pdf [9] http://ec.europa.eu/culture/policy/strategic-framework/documents/omc-report-mobility-of-artists_en.pdf [10] http://ec.europa.eu/culture/library/publications/mobility-info-standards_en.pdf [11] Dan,
madankollu, mingħajr ma jibqgħu fi Stat Membru wieħed għal iktar minn 90 jum
tul perjodu ta' 180 jum. [12] http://ec.europa.eu/culture/library/reports/creative-partnerships_en.pdf [13] http://ec.europa.eu/culture/policy/strategic-framework/documents/omc-report-mobility-of-collections_en.pdf; http://ec.europa.eu/culture/policy/strategic-framework/documents/toolkit-mobility-of-collections_en.pdf [14] http://www.europeana.eu/ [15] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:31993L0007:mt:HTML [16] Il-Komunikazzjoni
tal-Kummissjoni "Lejn approċċ integrat għall-Ewropa lejn il-wirt
kulturali", COM (2014) 477 finali. [17] Fil-konferenza
ministerjali tas-Sħubija tal-Lvant dwar il-kultura li saret fil-Ġeorġja f'Ġunju
2013, is-sħab tal-Lvant ikkonfermaw l-impenn tagħhom biex jimplimentaw
il-konvenzjoni bis-sħiħ, bħal [18] pereżempju, il-Brażil,
iċ-Ċina u l-Messiku. [19] http://ec.europa.eu/culture/library/reports/ess-net-report_en.pdf [20] http://epp.eurostat.ec.europa.eu/cache/ITY_OFFPUB/KS-32-10-374/EN/KS-32-10-374-EN.PDF [21] "Evaluation
of the open method of coordination and the structured dialogue as the Agenda
for Culture’s implementing tools at EU level", minn Ecorys, impriża
tal-konsulenza internazzjonali. [22] 2008-2010
u 2011-2014.