52014DC0451

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Għarfien aħjar tas-sitwazzjoni permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza marittima: il-passi li jmiss fi ħdan l-Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni għad-dominju marittimu tal-UE /* COM/2014/0451 final */


KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Għarfien aħjar tas-sitwazzjoni permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza marittima: il-passi li jmiss fi ħdan l-Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni għad-dominju marittimu tal-UE

1. Introduzzjoni

It-tkattir tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza marittima huwa wieħed mill-objettivi strateġiċi ewlenin tal-Unjoni li jaqa’ taħt il-Politika Marittima Integrata u pedament importanti tal-Istrateġija tas-Sigurtà Marittima[1]. It-tisħiħ tas-sigurtà tal-ibħra u l-oċeani tagħna huwa wkoll parti essenzjali mill-aġenda tat-tkabbir blu għall-ħolqien ta’ tkabbir u impjiegi.

L-iżvilupp tal-ambjent komuni għall-qsim ta’ informazzjoni għad-dominju marittimu tal-UE (CISE Marittimu) huwa proċess kollaborattiv kurrenti li diġà kien is-suġġett ta’ żewġ Komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni fl-2009 u l-2010[2]. Ir-riżultati pożittivi jinkludu kooperazzjoni msaħħa bejn l-aġenziji tal-UE, inizjattivi minn bosta setturi marittimi fil-livell tal-UE, kif ukoll bosta inizjattivi fil-livell nazzjonali. Is-CISE Marittimu huwa appoġġjat minn partijiet ikkonċernati fl-Istati Membri, mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew[3].

L-awtoritajiet tal-Istati Membri jwettqu ħafna kompiti differenti ta’ sorveljanza operazzjonali, b’ħafna minnhom biex jiġu ssodisfati obbligi tal-liġi tal-UE u biex jiġu żgurati s-sikurezza u s-sigurtà tal-ibħra u l-oċeani tagħna. Dawn il-kompiti jeħtieġu assi u kompetenzi speċifiċi f’bosta oqsma: id-difiża, id-dwana, il-kontroll tal-fruntieri, l-infurzar tal-liġi ġenerali, il-kontroll tas-sajd, il-protezzjoni tal-ambjent marittimu/il-ġlieda kontra t-tniġġis, is-sigurtà u s-sikurezza marittimi.

Ir-riskju u t-theddid marittimu ma jirrispettawx il-fruntieri nazzjonali jew dawk amministrattivi u għalhekk jistgħu jieħdu vantaġġ mill-ispazju marittimu miftuħ. F’kuntest fejn dawn l-awtoritajiet jaffaċċjaw riskji marittimi dejjem ikbar u għandhom riżorsi operazzjonali u finanzjarji limitati, l-iskambju ta’ informazzjoni ottimizzat jista’ jkun iktar effettiv u kosteffiċjenti. L-ambizzjoni għal dawk kollha involuti f’attivitajiet ta’ sorveljanza operazzjonali hija li jingħata aċċess fil-ħin għall-iktar informazzjoni preċiża u relevanti sabiex iwettqu l-attivitajiet tagħhom u biex isir skambju ta' informazzjoni mingħajr xkiel bejn is-sistemi, iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kif ukoll l-assi ta’ pattulja u sorveljanza (bħal bastimenti, ajruplani u satelliti, eċċ.) tagħhom.

L-objettiv ta’ din il-Komunikazzjoni huwa li titqies is-sitwazzjoni attwali u jiġu identifikati oqsma fejn hemm bżonn isir iktar xogħol abbażi tal-kisbiet attwali.

2. X’inhu s-CISE Marittimu u x’inhuma l-benefiċċji?

Is-CISE Marittimu huwa proċess kollaborattiv volontarju fl-Unjoni Ewropea li għandu l-għan li jsaħħaħ u jħeġġeġ iktar il-qsim ta’ informazzjoni relevanti bejn l-awtoritajiet involuti fis-sorveljanza marittima. Mhuwiex qed jieħu post jew jirrepeti sistemi u pjattaformi ta’ skambju u qsim ta’ informazzjoni, iżda qed jibni fuqhom. L-iskop aħħari tiegħu huwa li jżid l-effiċjenza, il-kwalità, ir-rispons u l-koordinazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ sorveljanza fid-dominju marittimu Ewropew u jħeġġeġ l-innovazzjoni, għall-prosperità u s-sigurtà tal-UE u ċ-ċittadini tagħha.

Is-CISE Marittimu la se jkollu impatt fuq l-istrutturi amministrattivi tal-Istati Membri u lanqas fuq il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE f’dan il-qasam jew fl-implimentazzjoni ta’ inizjattivi kurrenti fil-livell tal-UE, b’mod partikolari mhux fuq dawk ibbażati fuq rekwiżiti legali tal-Unjoni. Peress li l-istrutturi amministrattivi fl-Istati Membri huma differenti, l-isforzi amministrattivi biex tiġi implimentata din l-inizjattiva f’livell nazzjonali se jiddependu fuq is-sitwazzjoni f’kull Stat Membru.

L-objettiv huwa li jiġi żgurat li l-informazzjoni ta’ sorveljanza marittima miġbura minn awtorità marittima waħda u meqjusa neċessarja għall-attivitajiet operazzjonali ta’ oħrajn tkun tista’ tinqasam u tkun soġġetta għal bosta użi, minflok ma tinġabar u tiġi prodotta bosta drabi, jew tinġabar u tinżamm għal skop wieħed. L-informazzjoni ta’ sorveljanza marittima tista’ tkun dejta mhux maħduma jew mhux ipproċessata f’format speċjali, jew informazzjoni li tkun ġejja minn dejta li ġiet ittrattata u li ħadet ċerta tifsira. L-informazzjoni tista’ tkun bażika jew rikka. Id-dejta ta’ informazzjoni ta’ sorveljanza marittima tkopri, eż. pożizzjonijiet ta’ bastimenti u tfassil ta’ rotot, dejta dwar il-merkanzija, dejta sensorjali, karti u mapep, dejta meteoċeanika eċċ. F’każijiet meta t-tali dejta tidentifika individwu jew tagħmlu identifikabbli, se jkollhom jiġu applikati[4] l-istrumenti tal-UE ta’ protezzjoni tad-dejta[5]. Bl-użu tad-dejta għal bosta skopijiet u billi s-sistemi attwali ta’ sorveljanza marittima jsiru interoperabbli[6], il-ġbir tad-dejta se jsir eżerċizzju li jieħu inqas ħin u riżorsi u, fl-aħjar każ, l-awtoritajiet dejjem se jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-aqwa informazzjoni disponibbli dwar is-sitwazzjoni tal-baħar.

Id-duplikazzjoni ta’ sforzi ta’ ġbir tad-dejta tista’ tkun ir-riżultat indirett ta’ kooperazzjoni subottimali bejn l-awtoritajiet. Dan jista’ jaffettwa wkoll ix-xiri, il-manutenzjoni u l-iskjerament ta’ assi ta’ sorveljanza bħal radars, sistemi ta’ komunikazzjoni, bastimenti, ħelikopters, ajruplani u satelliti. L-iskambju msaħħaħ ta’ informazzjoni jista’ jgħin biex jiġi evitat li t-tali riżorsi jinxtraw darbtejn, tiġi analizzata l-istess żona tal-baħar darbtejn, jew tinġabar l-istess informazzjoni bosta drabi u jitwettqu missjonijiet fuq il-baħar li jidħlu f’xulxin.

It-twittija tat-triq għal qsim msaħħaħ ta’ informazzjoni hija prerekwiżit għall-kooperazzjoni prattika mingħajr xkiel fil-baħar bejn l-awtoritajiet nazzjonali involuti fis-sorveljanza marittima.

Il-kisbiet sa issa wrew li s-CISE Marittimu jkollu għadd ta’ vantaġġi ċari. B’mod partikolari, l-iskambju msaħħaħ ta’ informazzjoni huwa kundizzjoni importanti sabiex:

· Jissaħħaħ u jitjieb l-għarfien tas-sitwazzjoni marittima. It-tnejn jistgħu jkattru l-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għal inċidenti tas-sigurtà marittima relatati mal-kriminalità transfruntiera u organizzata (eż. it-traffikar, is-sajd illegali,il- piraterija, is-serq b’armi u t-terroriżmu), is-sikurezza marittima u r-rimi illegali jew it-tniġġis aċċidentali tal-baħar. Valutazzjonijiet li jinvolvu esperti tal-Istati Membri[7] wrew biċ-ċar li l-awtoritajiet jamministraw l-attivitajiet ta' sorveljanza marittima b’mod iktar effettiv jekk matul l-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-attivitajiet operazzjonali jkollhom għad-dispożizzjoni l-informazzjoni relevanti kollha. Dan potenzjalment jista’ jwassal għat-tnaqqis ta' dan it-theddid u r-riskji b’medja ta’ 30 %. Eżempji pertinenti huma l-qsim ta' informazzjoni bejn awtoritajiet ċivili u militari dwar l-influss ta’ migranti fiż-Żona Schengen mill-baħar Mediterran; jew li għodod komuni ta’ sorveljanza ta’ rutina u ġestjoni f’emerġenza madwar il-baċir tal-baħar jistgħu jiġu kollegati bi ‘klikk’ wieħed f’każ ta’ emerġenza.

· Jitnaqsu b'mod sostanzjali l-isforzi ta’ ġbir ta’ dejta. Il-partijiet ikkonċernati indikaw li hemm domanda kbira għall-iskambju ta’ dejta addizzjonali b’mod partikolari bejn l-awtoritajiet ċivili u militari u li iktar minn 40 % tad-dejta miġbura fl-UE tinġabar minn bosta awtoritajiet fl-istess ħin, bħall-informazzjoni dwar l-identifikazzjoni ta’ bastimenti u l-miri mhux kooperattivi.

· Jitnaqsu l-ispejjeż amministrattivi u operazzjonali tal-attivitajiet ta’ sorveljanza marittima. Il-kalkoli mill-esperti tal-Istati Membri wrew li l-iffrankar potenzjali ta’ spejjeż għall-iskambju msaħħaħ ta’ informazzjoni jista’ jrendi benefiċċji ġenerali lill-ekonomija Ewropea li jammontaw għal madwar EUR 400 miljun fis-sena u l-iffrankar dirett għall-awtoritajiet pubbliċi jammonta għal tal-inqas EUR 40 miljun fis-sena. Il-kostijiet ta’ investiment korrispondenti jkunu jammontaw għal madwar EUR 10 miljun fis-sena għall-ewwel għaxar snin.

3. Progress lejn sorveljanza marittima msaħħa – X’ġara s’issa?

L-inizjattivi biex jitjieb l-iskambju ta’ informazzjoni għad-dominju marittimu ilhom għaddejjin għal ċertu żmien. Mill-2002, ittieħdu passi importanti kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak tal-Unjoni, b’mod partikolari min-naħa ċivili. Diġà sar progress permezz ta’ għadd ta’ strumenti leġiżlattivi fil-livell tal-UE li jdaħħlu fis-seħħ sistemi li jaqdu oqsma politiki differenti u f’ċerti każijiet imorru lil hinn minn settur wieħed.

Dawn is-sistemi jinkludu: is-sistema ta’ skambju u informazzjoni marittima tal-Unjoni, SafeSeaNet, li tipprovdi servizzi marittimi integrati[8], fost l-oħrajn, għall-monitoraġġ tat-traffiku (għarfien tas-sitwazzjoni) u li tiżgura l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, ospitata mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) u amministrata mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Mobilità u t-Trasport (MOVE) flimkien mal-Istati Membri tal-UE/taż-ŻEE fil-Grupp ta’ Tmexxija ta’ Livell Għoli[9]; is-Sistema Komuni ta’ Komunikazzjoni u Informazzjoni f'każ ta’ Emerġenza (CECIS) li tħaffef il-komunikazzjoni matul inċidenti u diżastri marittimi amministrata mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili (ECHO); is-Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Bastimenti amministrata mill-Istati Membri, id-Data Exchange Highway (DEH) u l-Fisheries Language for Universal eXchange (FLUX) amministrati mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Affarijiet Marittimi (MARE), li jsostnu l-Politika Komuni tas-Sajd; in-netwerk ta’ Sorveljanza Marittima (MARSUR) amministrat mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) li jsostni l-Politika Esterna u ta' Sigurtà Komuni; is-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR) li ttejjeb l-għarfien tas-sitwazzjoni u l-kapaċità ta’ reazzjoni tal-Istati Membri u tal-Aġenzija tal-Fruntieri tal-UE (FRONTEX) fil-fruntieri esterni kif ukoll l-Applikazzjoni ta' Netwerk Sikur għall-Iskambju ta’ Informazzjoni (SIENA), is-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni tal-EUROPOL, u l-pjattaforma Blue Hub taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka li ssostni r-R&Ż tal-UE fis-sorveljanza marittima u l-għarfien tas-sitwazzjoni u l-esperimentazzjoni b’sorsi ta’ dejta ġodda li ma kinux użati fl-imgħoddi.

Ta’ interess partikolari fil-livell tal-UE hija d-Direttiva dwar il-Formalitajiet tar-Rapportar[10], li tistabbilixxi punti uniċi ta' servizz nazzjonali (National Single Windows). Dawk il-punti, meta jkunu kompletament operazzjonali f’Ġunju 2015, se jkunu qed jipprovdu pjattaformi ta’ skambju ta’ informazzjoni nazzjonali ċentrali għar-rapportar u l-qsim ta’ informazzjoni relatata mal-bastimenti bejn l-awtoritajiet kompetenti kollha u se jkunu kollegati mas-sistema ta’ skambju u informazzjoni marittima tal-Unjoni u sistemi oħrajn, biex b’hekk jipprovdu informazzjoni transettorjali u transnazzjonali relevanti fid-dominju marittimu għall-awtoritajiet kollha, b’mod partikolari min-naħa ċivili. Inizjattivi oħrajn li għandhom l-għan li jtejbu l-qsim ta’ informazzjoni huma l-Istrateġija li ġejja dwar l-immaniġġjar tar-riskji tad-dwana u s-sigurtà tal-katina tal-provvista fir-rigward tal-kodiċi doganali tal-Unjoni fost oħrajn[11], id-dispożizzjonijiet previsti fir-Regolament Komuni l-ġdid dwar is-Sajd[12], u n-Netwerk Ewropew ta’ Osservazzjoni u Dejta Marittima (EMODNET)[13].

L-esperjenzi fl-imgħoddi wrew li hemm valur miżjud għal kooperazzjoni msaħħa. Eżempju minnhom huwa l-użu operazzjonali tas-servizzi marittimi integrati (stampa iktar sħiħa tal-għarfien marittmu) ipprovduti mill-EMSA lill-FRONTEX u l-EFCA. Dawn jistgħu jservu ta’ ispirazzjoni għal kif tista’ tissokta l-kooperazzjoni fil-livell nazzjonali.

Fil-livell nazzjonali, bosta Stati Membri diġà daħħlu fis-seħħ mekkaniżmi bħal ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni li jinvolvu l-awtoritajiet relevanti kollha (ċivili u militari) sabiex itejbu l-koordinazzjoni. Dawn iċ-ċentri jistgħu jaħdmu bħala ispirazzjoni għall-oħrajn.

Mill-Komunikazzjoni tal-2010 dwar is-CISE, sar progress lejn l-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali dwar is-CISE. L-Istati Membri ħadmu flimkien mill-qrib fil-proġetti ‘BlueMassMed’, ‘MARSUNO’ u ‘Cooperation’.[14]

L-Istati Membri[15] involuti fi BlueMassMed żviluppaw il-kunċett ta’ ‘nodi informatiċi’ nazzjonali li fil-ġejjieni jistgħu jaġixxu bħala ċentri nazzjonali ta’ informazzjoni.

L-Istati Membri[16] involuti f’MARSUNO b’mod partikolari għamlu progress fir-reviżjoni tas-sitwazzjoni legali u għamlu suġġerimenti għal struttura ta’ governanza possibbli.

L-Istati Membri[17] involuti fil-proġett Cooperation ikkalkolaw il-valur miżjud ekonomiku potenzjali ta’ CISE Marittimu f’xenarji ta’ sorveljanza marittima fil-ħajja reali. Għamlu wkoll studju fuq id-drittijiet ta’ aċċess tal-awtoritajiet għal skambju ta’ informazzjoni, u żviluppaw kunċett għal ‘lingwa komuni tal-kompjuter’ flessibbli (mudell ta’ dejta komuni) u li tista’ tintuża, fejn hemm bżonn, biex tiżgura l-interoperabbiltà ta’ sistemi ta’ informazzjoni ta’ sorveljanza.

Dawn l-inizjattivi kkonfermaw u għenu fl-irfinar tal-ħtieġa operazzjonali għall-iskambju ta’ informazzjoni transettorjali u ġew diskussi b’mod regolari fi Grupp ta’ Esperti tal-Istati Membri dwar is-Sorveljanza marittima u fil-Grupp Konsultattiv Tekniku tas-CISE (TAG), imsawwar minn rappreżentanti ta’ awtoritajiet pubbliċi marittimi differenti u aġenziji tal-UE, sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp koerenti tiegħu.

4. Il-passi li jmiss għal CISE Marittimu

Il-progress li sar sa issa jipprovdi bażi biex issir ħidma ulterjuri u b’mod partikolari biex ikun hemm fokus fuq l-isfidi li fadal, u dan juri li l-viżjoni tas-CISE Marittimu qed titwettaq kemm f’livell nazzjonali kif ukoll tal-UE. Waħda mill-iktar ħtiġijiet importanti hija li jitjieb l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet militari u ċivili. L-inklużjoni tal-komunità tad-difiża u l-identifikazzjoni ta’ informazzjoni li tista’ tiġi skambjata bejn awtoritajiet ċivili u militari f’CISE Marittimu se jkunu importanti peress li l-awtoritajiet militari huma wħud mid-detenturi ewlenin ta’ dejta ta’ sorveljanza marittima.

L-oqsma ta’ prijorità għal kooperazzjoni transfruntiera u transettorjali ulterjuri ġew identifikati mill-proġetti MARSUNO, BlueMassMed u Cooperation imsemmijin iktar ’il fuq. Fost l-oħrajn, dawn l-oqsma jkopru:

- Il-qsim f’ħin reali tal-pożizzjonijiet ta’ bastimenti u inġenji tal-ajru ta’ pattulja u speċifikazzjonijiet funzjonali biex jiġi żgurat l-iktar rispons veloċi possibbli għal operazzjonijiet ta’ salvataġġ tal-massa u/jew avvenimenti oħrajn fil-baħar,

- Għodod kollaborattivi għall-immaniġġjar ta’ kriżijiet transfruntiera,

- Konsolidazzjoni ta’ dejta u skambju ta’ informazzjoni fuq bastimenti suspettużi li jbaħħru f’ilmijiet tal-UE, u

- Reġistri nazzjonali ta’ dgħajjes ta’ rikreazzjoni: l-ipproċessar ta’ talbiet għal informazzjoni bil-kompjuter bejn l-Istati Membri.

Se jkun essenzjali li jitkompla l-bini fuq għodod u kisbiet eżistenti sabiex jiġu evitati sforzi doppji.

Azzjonijiet oħrajn għandhom l-għan li jħaffu l-iskambju ta’ informazzjoni u għalhekk la għandhom joħolqu xi obbligi ta’ ġbir ta’ dejta ġodda, u lanqas ma għandhom ikunu preskrittivi fuq l-informazzjoni li trid tiġi skambjata. Huwa f’idejn sid id-dejta li jiddeċiedi.

Il-Kummissjoni beħsiebha tieħu l-azzjonijiet ulterjuri li ġejjin:

· Il-Kummissjoni tippjana li tniedi proġett fl-2014 skont is-Seba’ Programm Kwadru tal-UE għar-Riċerka (FP7) sabiex tittestja CISE Marittimu fuq skala kbira, b’mod partikolari bejn awtoritajiet ċivili u militari. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se trawwem il-ħruġ ta’ innovazzjonijiet iffinanzjati mill-programmi qafas tal-Unjoni Ewropea għar-riċerka u l-innovazzjoni.

· Il-Kummissjoni, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, se tiżviluppa manwal dwar is-CISE Marittimu mhux vinkolanti sa tmiem l-2016 b’rakkomandazzjonijiet dwar l-aħjar prattika u tagħrif siewi fuq kif jiġi applikat is-CISE Marittimu. Ir-rakkomandazzjonijiet huma fost affarijiet oħrajn, maħsuba biex jippromwovu kultura ta’ “kooperazzjoni fil-qsim ta’ informazzjoni” madwar u bejn setturi differenti fost awtoritajiet nazzjonali involuti fis-sorveljanza marittima. Il-manwal se jipprovdi wkoll gwida dwar l-immaniġġjar rakkomandat ta’ informazzjoni personali jew kummerċjali sensittiva mill-awtoritajiet relevanti. Il-manwal għandu jqis ir-riżultati ta' bosta azzjonijiet preparatorji bħall-proġett FP7, il-Proġett Cooperation, u l-proġetti pilota bħal Marsuno, Bluemassmed u proġett iffinanzjat mill-Programm tal-Politika Marittima Integrata (PMI) ‘Evoluzzjoni ta’ SafeSeaNet għas-sostenn tas-CISE u komunitajiet oħrajn’, fost l-oħrajn.

· Il-Kummissjoni se ssostni miżuri għall-iżvilupp, il-manutenzjoni u t-tixrid ta’ standards li jippermettu sabiex is-sistemi ta’ sorveljanza marittima jsiru interoperabbli. Dawn l-istandards se jħaffu l-iskambju ta’ informazzjoni marittima bejn awtoritajiet ta’ sorveljanza u l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet informatiċi, xi ħaġa li hija sfida kbira għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, l-iżvilupp tal-industrija u l-kompetittività. Ikunu jinkludu t-tiswir ta’ mudell tad-dejta komuni[18], imsejjes fuq soluzzjonijiet teknoloġiċi diġà stabbiliti u meħtieġa mil-Liġi tal-Unjoni, biex iservi ta’ għodda ta’ traduzzjoni bejn sistemi ta’ informazzjoni tas-sorveljanza marittima, b’mod partikolari bejn sistemi ċivili u militari. Sa tmiem l-2017 se titfassal arkitettura ta’ referenza teknika għas-servizzi pubbliċi, b’konformità mal-Arkitettura ta’ Referenza tal-Interoperabbiltà Ewropea żviluppata mill-programm dwar is-“Soluzzjonijiet ta’ Interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej” (programm ISA), fi ħdan il-qafas tal-aġenda Diġitali għall-Ewropa. Se jkun hemm bżonn ukoll ta’ speċifikazzjonijiet li jsostnu l-kollaborazzjoni virtwali mis-sistemi informatiċi eżistenti[19].

· B’mod parallel, l-Istati Membri għandhom jitħeġġu sabiex ikomplu bil-ħidma ta’ modernizzazzjoni tas-sistema informatika ta’ sorveljanza marittima tagħhom, fejn hemm bżonn, u sabiex ikomplu jsaħħu l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet involuti fis-sorveljanza marittima. Hemm ċertu finanzjament disponibbli fil-livell tal-UE biex isostni titjib żgħir.

· L-Istati Membri għandhom jinvolvu wkoll lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-protezzjoni tad-dejta malajr kemm jista’ jkun biex jiżguraw li l-mezzi operazzjonali u l-objettivi jikkonformaw mar-rekwiżiti nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-dejta. Valutazzjonijiet tal-impatt minn qabel jistgħu jkunu mod ta’ appoġġ għal inizjattivi nazzjonali sabiex jiġi żgurat li jiddaħħlu fis-seħħ l-iktar miżuri effettivi kosteffiċjenti.

· Il-Kummissjoni se tkompli tirrevedi l-leġiżlazzjoni settorjali eżistenti fil-livell tal-UE sabiex tneħħi l-ostakoli legali possibbli li fadal għall-qsim ta’ informazzjoni transettorjali filwaqt li tiżgura konformità mar-rekwiżiti relevanti ta’ protezzjoni tad-dejta. Għalkemm il-Kummissjoni temmen li ħafna minnhom diġà ġew indirizzati, xorta jista’ jkun li għad fadal fil-livell nazzjonali. Dawn jistgħu jippersistu minħabba l-istrutturi organizzazzjonali tal-awtoritajiet tal-Istati Membri.[20]

· Hemm bżonn li tkompli ssir riflessjoni fuq l-istrutturi amministrattivi meħtieġa biex jiġi amministrat CISE Marittimu, b’mod partikolari l-ħtieġa ta' ftehimiet fil-livell tas-servizzi bejn awtoritajiet nazzjonali.

Sal-2018, il-Kummissjoni se tniedi wkoll proċess ta’ reviżjoni biex tivvaluta l-implimentazzjoni ta’ CISE Marittimu u l-ħtieġa ta’ azzjoni ulterjuri.

Il-Kummissjoni tisħaq li hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jiżguraw is-sorveljanza effettiva tal-ilmijiet taħt is-sovranità u l-ġurisdizzjoni tagħhom, u fl-ibħra miftuħa, jekk relevanti. L-iżgurar tal-iskambju operazzjonali tas-servizzi ta’ informazzjoni tas-sorveljanza marittima bejn dawn l-awtoritajiet huwa r-responsabbiltà tal-Istati Membri, u f’ċerti każijiet l-aġenziji tal-UE jistgħu jħaffu u jsostnu dan il-proċess. B’hekk, l-aspetti operazzjonali ta' dan l-iskambju ta’ informazzjoni jridu jiġu deċentralizzati fil-parti l-kbira għall-awtoritajiet nazzjonali skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

Fl-istess ħin, hemm bżonn li tittieħed ukoll azzjoni fil-livell tal-UE peress li l-iskambju ta’ informazzjoni għandu komponent transnazzjonali li normalment jinvolvi kooperazzjoni f’livell reġjonali jew tal-baċir tal-baħar. Barra minn hekk, regoli u kundizzjonijiet għall-qsim ta’ ċerta informazzjoni diġà huma rregolati fil-livell tal-UE. Għalhekk, minbarra r-rwol tagħha li tiżgura l-implimentazzjoni u t-tħaddim tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li diġà hemm fis-seħħ, ir-rwol tal-Kummissjoni għandu jkun li tkompli taġixxi bħala faċilitatur u koordinatur tal-proċess tas-CISE Marittimu biex tkompli ssaħħaħ u tippromwovi skambju relevanti ta’ informazzjoni b’mod partikolari bejn l-awtoritajiet ċivili u militari involuti fis-sorveljanza marittima u biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ sorveljanza marittima fil-livell tal-UE, filwaqt li tibni fuq is-sistemi u s-soluzzjonijiet eżistenti mingħajr ma toħloq sistema ġdida.

5. Konklużjoni

Is-CISE Marittimu huwa pedament importanti tal-Istrateġija prevista tal-UE dwar is-Sigurtà Marittima u jissodisfa l-prinċipji u l-objettivi tagħha bħala inizjattiva transettorjali, koerenti u kosteffiċjenti. Huwa essenzjali li jiġu appoġġjati l-attivitajiet ta’ sorveljanza marittima fid-dominju marittimu tal-UE. Il-ħidma ulterjuri se tkompli taderixxi mal-prinċipji ġenerali ta’ evitar ta’ xogħol doppju u użu ta’ soluzzjonijiet effiċjenti u kosteffiċjenti, tkun ibbażata fuq l-azzjonijiet spjegati f’din il-Komunikazzjoni u fuq l-esperjenza importanti tal-funzjonijiet u l-awtoritajiet kollha fl-Istati Membri u l-Aġenziji relevanti. F’dan l-istadju, il-Kummissjoni ma tarax il-ħtieġa li tiġi implimentata inizjattiva leġiżlattiva transettorjali.

L-implimentazzjoni tas-CISE Marittimu se tkompli teħtieġ ħidma kemm f’livell tal-UE kif ukoll nazzjonali.

L-azzjoni se jkollha tittieħed f’livell nazzjonali biex tiżgura li jkun jista’ jseħħ it-tali skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet relevanti, b’mod partikolari bejn l-awtoritajiet ċivili u militari. Għalhekk, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jitgħallmu minn xulxin u jiġu ispirati mill-esperjenzi fl-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi nazzjonali ta’ koordinazzjoni diġà introdotti f’bosta pajjiżi, u sabiex jimplimentaw ambjent komuni ta’ qsim ta’ informazzjoni fid-dominju marittimu f’livell nazzjonali skont l-approċċ żviluppat fil-livell tal-UE fil-kuntest tas-CISE Marittimu u billi jieħdu l-benefiċċji sħaħ mill-mekkaniżmi eżistenti ta’ skambju ta’ informazzjoni.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sabiex jipprovdu gwida politika u jikkonfermaw ir-rieda tagħhom li jsostnu l-proposti stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni.

[1]              Komunikazzjoni Konġunta mill-Kummissjoni u s-SEAE tas-6 ta’ Marzu 2014. Join (2014) 9 final.

[2]              COM (2009) 538 finali u COM (2010) 584 finali.

[3]              Ara, pereżempju, l-hekk imsejħa dikjarazzjoni ta’ Limassol adottata fl-2013 mill-Ministri Ewropej u approvata mill-Kunsill tal-Ministri u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-sorveljanza marittima 2009-2013 imsemmijin ukoll fil-valutazzjoni tal-impatt.

[4]              Id-Direttiva (KE) Nru 46/1995, id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI u r-Regolament (KE) Nru 45/2001.

[5]              Informazzjoni ta’ sorveljanza marittima li hija soġġetta għal regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta hija pereżempju informazzjoni dwar il-kaptan u membri oħrajn tal-ekwipaġġ fuq bastiment. F’dawn il-każijiet, id-dejta tista’ tiġi skambjata biss għal skopijiet ferm speċifiċi u għandha tkun limitata, skont il-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-dejta, għal sitwazzjonijiet fejn hemm ħtieġa operazzjonali definita.

[6]              Mezzi interoperabbli sabiex l-informazzjoni tkun tista’ tintbagħat b’mod awtomatiku mis-sistema ta’ awtorità ta’ sorveljanza marittima għal oħra.

[7]              Rapporti ta’ azzjonijiet preparatorji u proġetti msemmija fit-taqsima 3.

[8]              SafeSeaNet, CleanseaNet, Ċentru tad-Dejta LRIT tal-UE u THETIS

[9]              Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/584/KE

[10]             Id-Direttiva (UE) Nru 65/2010.

[11]             Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013.

[12]             Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

[13]             www.emodnet.eu

[14]             www.bluemassmed.net, www.marsuno.eu, http://www.coopp.eu/

[15]             Franza, il-Greċja, l-Italja, Malta, il-Portugall u Spanja.

[16]             L-Isvezja, il-Belġju, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Latvja, il-Litwanja, in-Norveġja u l-Polonja, bir-Russja bħala osservatur

[17]             Il-Finlandja, il-Bulgarjia, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, in-Norveġja, il-Portugall, ir-Rumanija, l-Isvezja u Spanja.

[18]             Jiġifieri lista ta’ termini, tifsiriet, konvenzjonijiet dwar l-għoti ta’ ismijiet, formats tad-dejta u relazzjonijiet bejn id-dejta

[19]             Messaġġi istantanji, xandir bil-vidjo, vidjo u awdjokonferenzi.

[20]             Ostakolu komuni identifikat permezz ta’ azzjonijiet preparatorji huwa li l-mandat ta’ Uffiċjali ta’ sorveljanza marittima fl-Istati Membri huwa limitat għal funzjoni settorjali waħda, u b’hekk ma jkunux jistgħu jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni ma’ awtoritajiet oħrajn. Għalhekk, il-Kummissjoni se tippromwovi t-tneħħija ta’ dawn il-limitazzjonijiet legali fil-livell nazzjonali.