52014DC0387

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Arranġament ġdid għad-Difiża Ewropea Pjan Direzzjonali ta' Implimentazzjoni għall-Komunikazzjoni COM (2013) 542; Lejn settur tad-difiża u tas-sigurtà aktar kompetittiv u aktar effiċjenti /* COM/2014/0387 final */


1.           Introduzzjoni

F’Lulju 2013, il-Kummissjoni ressqet il-Komunikazzjoni “Lejn settur tad-difiża u tas-sigurtà aktar kompetittiv u effiċjenti” COM (2013) 542 bħala kontribut għall-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2013. Hija ħabbret ukoll pjan direzzjonali dettaljat b’azzjonijiet u kronoloġiji konkreti għall-oqsma ddefiniti f’dik il-Komunikazzjoni. Dan ir-rapport jissodisfa dan l-impenn.

Il-Kunsill Ewropew, fil-Konklużjonijiet tiegħu ta’ Diċembru 2013, li approvaw ukoll il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2013, laqa’ l-Komunikazzjoni u ddeċieda li jirrevedi l-progress fl-oqsma kollha rilevanti f’Ġunju 2015. Il-Kummissjoni tieħu l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew bħala l-bażi biex jintlaħqu l-objettivi li ġejjin:

Suq Intern għad-Difiża fejn il-kumpaniji Ewropej jistgħu joperaw b’mod liberus u mingħajr diskriminazzjoni fl-Istati Membri kollha; Reġim tas-sigurtà tal-provvista fl-UE kollha fejn il-forzi armati jistgħu jkunu ċerti li jkollhom provvisti suffiċjeni fiċ-ċirkostanzi kollha irrispettivament mill-Istat Membru fejn il-fornituri tagħhom huma stabbiliti; Azzjoni Preparatorja fuq riċerka relatata mal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni biex tesplora l-potenzjal ta’ programm Ewropew tar-riċerka li, fil-futur, jista’ jkopri kemm is-sigurtà u d-difiża.  Dan huwa minbarra l-isfruttar tas-sinerġiji kollha possibbli bejn ir-riċerka ċivili u militari eżistenti; u Politika industrijali li tippromovi l-kompetittività tal-industriji tad-difiża Ewropea u tgħin biex twassal bi prezzijiet raġonevoli l-ħiliet kollha li l-Ewropa teħtieġ biex tiggarantixxi s-sigurtà tagħha.

Biex jintlaħqu dawn l-objettivi, dan ir-Rapport jistabbilixxi pjan direzzjonali għall-attivitajiet stipulati fil-Komunikazzjoni. Dan jinkludi varjetà wiesgħa ta’ azzjonijiet minn politiki differenti, li madankollu spiss huma relatai ma’ xulxin: it-titjib tas-sigurta tal-provvista bejn l-Istati Membri, pereżempju, se jiffaċilita l-aċċess transfruntier għas-suq għall-kumpaniji tad-difiża; l-istandardizzazzjoni aħjar se tippromwovi l-interoperabbiltà u l-ftuħ tas-suq; iċ-ċertifikazzjoni komuni se ttejjeb il-kompetittività tal-industrija, eċċ. Meħudin flimkien, dawn l-azzjonijiet kollha se jikkontribwixxu biex is-settur Ewropew tad-difiża u s-sigurtà jkun aktar effiċjenti u b’hekk tissaħħaħ il-Politika ta’ Sigurta u ta’ Difiża Komuni tal-Unjoni (PSDK)[1].

Kemm għall-iżvilupp kif ukoll għall-implimentazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet il-Kummissjoni se tikkoopera mill-qrib mal-Istati Membri, mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża. Dan jinkludi laqgħat regolari fil-livell strateġiku biex issegwi l-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali globalment, u konsultazzjonijiet fil-livell tekniku għal azzjonijiet speċifiċi. B’mod parallel, il-Kummissjoni se tkompli tgħarraf lill-Istati Membri b’mod regolari permezz tal-korpi rilevanti tal-Kunsill, tad-Diretturi tal-Politika tad-Difiża u tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża. Il-Parlament Ewropew u l-industrija ukoll se jiġu kkonsultati fuq bażi regolari.

Il-Kunsill Ewropew jirrikonoxxi l-ħtieġa għal kooperazzjoni msaħħa fid-difiża Ewropea, b’komplementarjetà sħiħa man-NATO. Permezz tal-implimentazzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni se tikkontribwixxi għal bażi industrijali robusta għal din il-kooperazzjoni.

2.           Pjan direzzjonali

2.1        Is-Suq Intern

Il-monitoraġġ tas-swieq

Is-sorveljanza tas-suq hija kruċjali kemm biex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tad-Direttiva 2009/81/KE dwar l-Akkwist tad-Difiża kif ukoll biex jiġi evalwat l-impatt tad-Direttiva. Huwa wkoll importanti li jitkejjel il-progress tal-Kummissjoni dwar il-politika industrijali f’dan is-settur.

L-approċċ u r-riżultati

Il-Kummissjoni se tevalwa sistematikament l-akkwisti ppubblikati fit-TED (Tenders Electronic Daily) tal-UE u r-rapporti ta’ statistika mibgħuta mill-Istati Membri. Dan jinkludi kemm l-analiżi kwantitattiva u kwalitattiva. B’mod parallel, il-Kummissjoni se tissorvelja l-akkwisti għad-difiża u s-sigurtà mhux ippubblikati fit-TED, inter alia permezz tal-istampa speċjalizzata u l-informazzjoni pprovduta minn operaturi tas-suq.

Dawn l-attivitajiet se jgħinu biex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tad-Direttiva 2009/81/KE. Se jħejju wkoll il-bażi għar-rapport dwar l-implimentazzjoni tagħha li l-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa Awwissu 2016.[2] F’dan ir-rapport, il-Kummissjoni se tevalwa safejn “l-għanijiet ta’ din id-Direttiva ġew miksuba fir-rigward tal-funzjonament tas-suq intern u l-iżvilupp ta’ suq Ewropew tat-tagħmir tad-difiża u ta’ Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea, filwaqt li titqies il-qagħda tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju...”

Kjarifika ta’ ċerti esklużjonijiet

L-użu korrett tal-esklużjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/81/KE huwa kruċjali għall-effettività tagħha. F’dan il-kuntest, il-bejgħ minn gvern għal ieħor (l-Artikolu 13.f) u xiri skont ftehimiet internazzjonali (l-Artikolu 12.a), u permezz ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali (l-Artikolu 12.c) huma rilevanti b’mod partikolari peress li dawn jikkonċernaw partijiet importanti tas-suq.

L-approċċ u r-riżultati

Bejgħ minn gvern għal gvern: F’Diċembru 2013 il-Kummissjoni bdiet eżerċizzju ta’ tiftix ta’ fatti dwar il-bejgħ minn gvern għal ieħor fl-Ewropa. Bħala l-pass li jmiss, il-Kummissjoni se torganizza żewġ workshops mal-Istati Membri fil-ħarifa tal-2014. Abbażi ta’ dan il-Kummissjoni se tiżviluppa nota ta’ gwida dwar l-użu tal-esklużjoni. Id-data fil-mira għall-finalizzazzjoni ta’ din in-nota fil-bidu tal-2015.

Arranġamenti internazzjonali u organizzazzjonijiet: Il-ħidma fuq din il-kjarifika se tibda fl-2015 u se ssegwi l-istess approċċ. Il-ħidma se tiġi kkomplementata minn diskussjonijiet diretti mal-Aġenzija tal-Appoġġ tan-NATO (NSPA) u mal-Organizzazzjoni Konġunta għall-Kooperazzjoni fl-Armamenti (OCCAR). Id-data fil-mira għall-finalizzazzjoni ta’ din in-nota hija fl-aħħar tal-2015.

Il-kumpensi

Ir-rekwiżiti għal kumpensi ekonomiċi, irrispettivament minn kif jiġu ttikkettjati, joħorġu b’kuntrast kemm għall-prinċipji tat-Trattat tal-UE u kemm għall-metodi effettivi tal-akkwist. Il-Kummissjoni qed taħdem għall-eliminazzjoni rapida ta’ din il-prattika u għall-promozzjoni ta’ miżuri oħra mhux diskriminatorji biex tiffaċilita l-aċċess transfruntier għas-suq għall-SMEs.

L-approċċ u r-riżultati

Għal bosta snin, il-Kummissjoni ħadmet mal-Istati Membri fuq ir-reviżjoni tar-regoli nazzjonali tal-kumpens. Din il-ħidma saret b’mod parallel għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Akkwist tad-Difiża u tkompli ma’ dawk l-Istati Membri li għadhom ma rrevedewx il-leġiżlazzjoni tagħhom dwar il-kumpens. B’mod parallel il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib il-prattika tal-akkwist tal-Istati Membri u se tintervjeni, kif meħtieġ, sabiex jiġu evitati rekwiżiti diskriminatorji mingħajr ġustifikazzjoni.

Il-Kummissjoni se tippromwovi ukoll alternattivi għal kumpensi biex jiġi ffaċilitat l-aċċess transfruntier għas-suq għall-SMEs. Biex jintlaħaq dan l-għan, fi Frar 2014 il-Kummissjoni organizzat workshop mal-partijiet interessati. Dan id-djalogu se jkompli. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tippjana l-ħolqien ta’ Grupp Konsultattiv ad hoc mal-Istati Membri u l-industrija (integraturi tas-sistema u SMEs) biex jidentifika l-għażliet li jippromwovu katini transfruntiera tal-provvista. Il-Kummissjoni se timmonitorja speċifikament ukoll l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar is-subkuntrattjar tad-Direttiva 2009/81/KE. Inizjattivi dwar kif jista’ jittejjeb l-aċċess għas-suq għall-SMEs jistgħu jitressqu lill-Kunsill Ewropew f’Ġunju 2015.

Is-sigurtà tal-provvista

Is-sigurtà tal-provvista hija kruċjali kemm għall-effikaċja tal-forzi armati kif ukoll għall-funzjonament tajjeb tas-Suq Intern. Huwa kunċett wiesa’ li jista’ jkopri firxa wiesgħa ta’ diversi aspetti industrijali, teknoloġiċi, legali u politiċi.

L-approċċ u r-riżultati

Pjan direzzjonali għal reġim komprensiv tas-Sigurtà tal-Provvista fl-UE kollha: F’konformità mal-Komunikazzjoni u mat-talba tal-Kunsill Ewropew li “tiżviluppa mal-Istati Membri u f’kooperazzjoni mar-Rappreżentant Għoli u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża pjan direzzjonali għal reġim komprensiv tal-provvista tas-sigurtà fl-UE kollha”, il-Kummissjoni se:

a) tqis l-oqsma li għandhom jiġu koperti minn reġim bħal dan u l-istrumenti eżistenti tas-sigurtà tal-provvista;

b) tikkonsulta mal-Istati Membri b’mod estensiv;

c) tidentifika azzjonijiet possibbli fl-oqsma ta’: 1) il-provvista bejn l-Istati Membri; 2) il-provvista ta’ Stati Membri minn pajjiżi terzi u 3) il-kontroll ta’ assi industrijali u teknoloġiċi fl-UE, li huma kollha elementi ewlenin ta’ reġim komprensiv tas-sigurtà tal-provvista. 

Il-pjan direzzjonali se jiġi ffinalizzat għall-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2015, b’mod parallel ma’ dawn l-azzjonijiet:

Trasferimenti ta’ difiża: Id-Direttiva 2009/43 introduċiet sistema ta’ liċenzji biex tiffaċilita il-moviment ta’ prodotti relatati mad-difiża fi ħdan is-Suq Intern. F’Jannar 2014, il-Kummissjoni nediet studju dwar kif tista’ tiġi promossa l-adozzjoni tal-istrumenti ewlenin tad-Direttiva (liċenzji ġenerali u ċ-ċertifikazzjoni ta’ kumpaniji), fost l-awtoritajiet nazzjonali u l-industrija. Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni estendiet l-ambitu tad-dejtabejż Certider[3] biex tippermetti lill-Istati Membri jinfurmaw aħjar lill-partijiet interessati dwar intrapriżi ċertifikati u liċenzji ġenerali maħruġa. Il-Kummissjoni se tipproponi aktar miżuri li jsaħħu l-implimentazzjoni tad-Direttiva fuq il-bażi tar-riżultati ta’ studju li huma mistennija f’Lulju 2014.

Evalwazzjoni aktar komprensiva tad-Direttiva se titnieda kmieni fl- 2015. Din se tifforma l-bażi għar-rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva li l-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill sa Ġunju 2016.

Kontroll ta’ assi: Fid-difiża u s-sigurtà, il-kontroll ta’ assi industrijali u teknoloġiċi jista’ jkun kruċjali għas-sigurtà tal-provvista ta’ kapaċitajiet kritiċi. Xi Stati Membri għandhom mekkaniżmi għall-kontroll ta’ investimenti f’dan is-settur. Madankollu approċċ purament nazzjonali jista’ jxekkel kemm il-kooperazzjoni transfruntiera tal-industrija kif ukoll il-ftuħ tas-swieq tad-difiża tal-Istati Membri għall-kompetizzjoni fl-UE kollha. Jista’ għalhekk ikun meħtieġ approċċ Ewropew għat-tisħiħ tas-Suq Intern. Dan jista’ jkun meħtieġ ukoll sabiex jiġi żgurat livell xieraq ta’ awtonomija Ewropea għad-difiża u s-sigurtà.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se toħroġ Green Paper dwar nuqqasijiet possibbli tas-sistema attwali tal-kontroll tal-assi u biex tesplora l-għażliet għal azzjoni fl-EU kollha, inklużi l-mekkaniżmi ta’ notifika u l-konsultazzjoni bejn l-Istati Membri. Id-data mmirata għall-adozzjoni tal-Green Paper huwa għall-aħħar ta’ din is-sena.

Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tinvolvi l-partijiet interessati mill-bidu nett u li tikkonsultahom diġà b’mod wiesgħa għall-preparazzjoni tal-Green Paper.

2.2        Il-promozzjoni ta’ industrija tad-difiża aktar kompetittiva

L-istandardizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni

Il-Kummissjoni qiegħda tappoġġja l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża biex hi tiżviluppa approċċ komuni għall-istandardizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni. Dan għandu jsir bi ftehim mal-Istati Membri fejn jittieħed kont sħiħ tas-sovranità nazzjonali u jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda duplikazzjoni man-NATO.

L-approċċ u r-riżultati

L-istandardizzazzjoni: L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, b’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, qiegħda tipprepara proċess ġdid biex tiżviluppa standards tad-difiża u tal-ibridi fl-Ewropa, li jorbot mekkaniżmi ta’ standardizzazzjoni eżistenti nazzjonali, Ewropej u internazzjonali (eż. in-NATO) b’mod strutturat u mhux burokratiku. Din il-metodoloġija hija bbażata fuq approċċ proattiv bl-użu ta’ esperti nazzjonali, li jimmoniterjaw l-iżviluppi tal-istandardizzazzjoni Ewropea tad-difiża u jagħmlu rakkomandazzjonijiet biex jiġu indirizzati kwistjonijiet speċifiċi hekk kif iqumu. Il-Kummissjoni qiegħda tikkontribwixxi għal dan il-proċess permezz tal-kompetenzi tagħha fl-istandardizzazzjoni ċivili.

Il-Kummissjoni se tidentifika wkoll standards komuni li jistgħu jappoġġjaw proġetti Ewropej f’oqsma speċifiċi. Pereżempju, l-Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni (CISE) għad-dominju marittimu tal-UE (diskuss f’taqsima 2.4) standards komuni se jistabbilixxu mudell tad-dejta komuni neċessarju biex jiżgura komunikazzjoni effettiva bejn sistemi nazzjonali differenti ta’ informazzjoni dwar is-sorveljanza marittima.

Iċ-ċertifikazzjoni:          Il-Kummissjoni flimkien mal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) se tappoġġja wkoll l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u l-Istati Membri fl-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti tal-ajrunavigabbiltà militari sabiex tikseb, fejn hu possibbli, konverġenza tas-sistema ta’ ċertifikazzjoni militari mar-rekwiżiti ċivili applikabbli. Il-Kummissjoni flimkien mal-EASA se tkompli tinkoraġġixxi l-użu tal-esperjenza ċivili u l-istandards tal-EASA fil-proċess għaċ-ċertifikazzjoni ta’ prodotti militari, f’kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u l-Istati Membri.

Bil-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż u li tiġi evitata d-duplikazzjoni, u biex tiġi ffaċilitata l-operazzjoni konġunta ta’ inġenji tal-ajru ċivili u militari fl-ispazju tal-ajru mhux segregat, l-EASA tista’ tiġi fdata biċ-ċertifikazzjoni komuni ċivili Ewropea ta’ ċerti prodotti militari fejn il-manifatturi u l-Istati Membri jixtiequ, filwaqt li l-Istati Membri se jkomplu jkunu responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni ta’ sistemi militari abbord.

Il-Kummissjoni, b’koordinazzjoni mal-EASA, fuq il-bażi ta’ talbiet mill-industrija, se tiddefinixxi xi każijiet pilota għall-involviment tal-EASA fiċ-ċertifikazzjoni ċivili ta’ prodotti ta’ użu doppju li jwasslu għal approċċ aktar kosteffiċjenti u aktar simplifikat, bħal ċerti sistemi ta’ inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (Remotely Piloted Aircraft Systems - RPAS), li jirrappreżentaw parti dejjem aktar importanti ta’ prodotti futuri tal-inġenji tal-ajru[4].  Il-passi lejn approċċ bħal dan se jkunu bbażati fuq analiżi ta’ fattibbiltà biex jiġu eżaminati l-implikazzjonijiet għar-riżorsi għall-EASA kif ukoll l-aspetti legali u ta’ sikurezza li jirriżultaw mir-responsabbiltajiet maqsuma bejn l-awtoritajiet ċivili/militari/tal-UE u nazzjonali.

Il-Materja Prima

Aċċess għall-materja prima hija sfida dejjem tikber għall-ekonomija Ewropea. Din qiegħda dejjem tiġi indirizzata mill-istrateġija tal-UE għall-materja prima li tinkludi l-lista reċentament riveduta tal-materja prima kritika[5].

L-approċċ u r-riżultati

Ħafna minn dawn il-materjali, bħal l-elementi terrestri rari u l-ġermanju, huma wkoll kontributi essenzjali għal applikazzjonijiet relatati mad-difiża (bħal l-immirar bil-lejżer). Għaldaqstant il-Kummissjoni se tiskrinja l-materja prima li hi kritika għas-settur tad-difiża. Din l-analiżi se ssir miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u l-industrija. Hi mistennija li tiġi ffinalizzata sa nofs l-2015 u tista’ twitti t-triq għal azzjonijiet futuri ta’ politika f’dan il-qasam.

L-SMEs, ir-raggruppamenti u r-reġjuni

Il-Kunsill Ewropew enfasizza l-importanza li jkunu appoġġjati n-netwerks reġjonali tal-SMEs u raggruppamenti strateġiċi. Il-Kummissjoni se ddaħħal fis-seħħ miżuri biex tappoġġja dawn l-objettivi.

L-approċċ u r-riżultati

Xogħol f’dan il-qasam se jsir f’koordinazzjoni mill-qrib mal-attivitajiet relatati mal-SMEs mħabbra skont il-kapitolu tas-Suq Intern ta’ dan ir-rapport.  Il-Kummissjoni se tuża n-Netwerk Ewropa għall-Intrapriżi u l-Isħubija ta’ Raggruppamenti Strateġiċi Ewropej, iffinanzjati taħt il-programm tagħha COSME[6], biex tappoġġja avvenimenti ta’ tlaqqigħ, netwerking, tiftix ta’ sħab ġodda tan-negozju ġewwa u barra l-UE.

Il-Kummissjoni se tikkjarifika wkoll ir-regoli li bis-saħħa tagħhom il-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment (ESIF) jistgħu jappoġġjaw proġetti b’użu doppju, kemm f’termini ta’ proġetti ta’ investiment (il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali – baġit ta’ EUR 140 biljun) u ta’ ħiliet (il-Fond Soċjali Ewropew – baġit ta’ EUR 74 biljun).

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se trawwem applikazzjonijiet minn raggruppamenti transkonfinali u netwerks għall-programm ta’ Kooperazzjoni Territorjali Ewropea b’baġit totali ta’ EUR 8.7 biljuni (2014-2020).

Huwa f’idejn il-kumpaniji, ir-raggruppamenti, u r-reġjuni li jagħmlu użu minn dawn l-opportunitajiet. Madankollu, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u mal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Aġenziji tal-Iżvilupp Reġjonali (Association of Regional Development Agencies - EURADA):

· se toħloq sensibilizzazzjoni dwar dawn l-opportunitajiet permezz ta’ avvenimenti mmirati. L-ewwel laqgħa saret fit-12 ta’ Mejju fi Brussell bit-tieni waħda ppjanata għal Novembru 2014.

· f’Lulju 2014 se tippubblika ktieb ta’ gwida għall-awtoritajiet reġjonali u għall-SMEs fejn tiġi kkjarifikata l-possibbiltà li l-ESIF jintużaw b’appoġġ għall-proġetti b’użu doppju.

· se tappoġġja l-ħolqien ta’ netwerk reġjonali relatat mad-difiża, li jibni fuq ix-xogħol magħmul s’issa mal-awtoritajiet reġjonali interessati u r-raggruppamenti bl-objettiv li jkun stabbilit mekkaniżmu biex ikun hemm skambju tal-aħjar prattiki fil-valutazzjoni tal-ESIF u li d-difiża tiġi integrata fi strateġiji intelliġenti speċjalizzati.

L-għan aħħari ta’ dawn l-azzjonijiet huwa li tiżdied ir-rata ta’ applikazzjonijiet b’suċċess għall-proġetti b’użu doppju minn SMEs relatati mad-difiża u raggruppamenti għall-finanzjament tal-UE, b’mod partikolari taħt l-ESIF u l-COSME. Dan imbagħad jgħin lill-SMEs biex jintegraw aħjar fir-raggruppamenti u l-industriji relatati fl-UE kollha li jwassal għal katina tal-provvista aktar diversifikata.

Il-Ħiliet

Is-suċċess tas-settur tad-difiża tal-Ewropa jiddependi fuq iż-żamma tal-persunal b’ħiliet ewlenin u li jirrekluta dawk bil-ħiliet meħtieġa għall-futur. Titjib fil-mobbiltà tal-forza tax-xogħol tal-UE jista’ wkoll tipprovdi vantaġġ kompetittiv lis-settur.  Xi ftit oqsma diġà qegħdin jesperjenzaw nuqqasijiet ta’ ħiliet minħabba rtirar ta’ persunal u d-diffikultajiet li jiġu attirati professjonisti ġodda kkwalifikati.

L-approċċ u r-riżultati

Ħafna mill-ħiliet meħtieġa fid-difiża huma simili għal dawk meħtieġa f’setturi oħra industrijali. Dan jipprovdi skop usa’ għall-użu tal-istrumenti tal-UE li oriġinarjament tnisslu għall-industriji ċivili.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni se tippromwovi l-użu ta’ programmi ta’ “Alleanzi tal-Ħiliet tas-Settur” u “Alleanzi tal-Għarfien” minn kumpaniji u faċilitajiet edukattivi relatati mad-difiża. Dan se jsir permezz ta’:

Kampanja ta’ komunikazzjoni dwar il-finanzjament tal-UE ta’ inizjattivi relatati mal-ħiliet. Din se titħejja f’kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u l-korpi rilevanti inklużi l-AeroSpace u l-Assoċjazzjoni tal-Industriji tad-Difiża tal-Ewropa (ASD) u t-trejdjunjin Ewropea IndustriAll; L-inkoraġġiment tal-użu tal-ESIF għat-taħriġ u l-iżvilupp mill-ġdid tal-ħiliet tal-ħaddiema; b’mod partikolari billi jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-ħiliet u l-antiċipazzjoni tar-ristrutturar. Dan se jkun enfasizzat fil-gwida fil-gwida imsemmija li qiegħed titħejja għall-awtoritajiet reġjonali u l-SMEs; u Fl-2015, se jitnieda studju dwar il-kompetenzi attwali u futuri u l-provvista u d-domanda tal-ħiliet fis-settur tad-difiża bħala bażi għall-ħidma li jmiss f’dan il-qasam.

L-objettiv ewlieni huwa li jiġi żviluppat ftehim komprensiv tal-ħtiġijiet tal-ħiliet attwali u futuri tas-settur Ewropew tad-difiża sabiex il-politiki Ewropej, nazzjonali u reġjonali jkunu jistgħu jiġu mmirati b’mod aktar effettiv.

2.3        L-Isfruttar tal-Potenzjal tal-Użu Doppju tar-Riċerka u t-Tisħiħ tal-Innovazzjoni

Il-Komunikazzjoni u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew identifikaw in-nuqqas ta’ investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni bħala theddida għall-kompetittivita fit-tul tal-industrija Ewropea tad-difiża u għall-kapaċitajiet tad-difiża tal-Ewropa.

L-approċċ u r-riżultati

Il-Kummissjoni identifikat għadd ta’ modi kif tista’ tappoġġa riċerka relatati mal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni, li huma deskritti hawn taħt.  Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tiżviluppa skemi ta’ akkwist prekummerċjali li, fejn xieraq, jistgħu jintużaw bħala mod ta’ kif jitnaqqas id-distakk bejn ir-riċerka u s-suq.

Riċerka b’użu doppju: il-Kummissjoni se timmassimizza sinerġiji fiż-żewġ direzzjonijiet bejn ir-riċerka ċivili ta’ Orizzont 2020 u r-riċerka dwar id-difiża koordinata mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża fil-kamp ta’ applikazzjoni permess mir-regoli tat-tnejn. Għal dan il-għan se teżamina wkoll il-possibbiltajiet kif jista’ jiġi mwessa’ il-kamp ta’ applikazzjoni u l-istatus tal-ftehim ta’ Qafas eżistenti tal-Kooperazzjoni Ewropea mal-Aġenżija Ewropea għad-Difiża.     

Wara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni bdiet tidentifika numru ta’ oqsma u applikazzjonijiet ta’ innovazzjoni li jikkontribwixxu għalihom teknoloġiji abilitanti essenzjali (key enabling technologies - KETs) trasversali, inkluż firxa ta’ setturi ċivili li huma ta’ interess qawwi għall-industriji tad-difiża u tas-sigurtà. Dan jindika li hemm potenzjal ċar għad-difiża biex tkun involuta f’kuntest usa’ ta’ innovazzjoni u teknoloġija. B’mod partikolari, il-Kummissjoni qiegħda tikkonsulta mal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-KETs[7] (li reċentement stabbilixxa sottogrupp dwar il-potenzjal b’użu doppju tal-KETs) li għandu jirrapporta sal-aħħar tal-2014.

Azzjoni Preparatorja:   L-iskop tal-Azzjoni Preparatorja huwa li turi l-valur miżjud tal-kontribut tal-UE fl-oqsma ġodda tar-riċerka – dan jikkomplementa r-riċerka ċivili relatata mal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni għaddejja bħalissa fil-qafas tal-programm Orizzont 2020. L-Azzjoni Preparatorja se ddum sa massimu ta’ tliet snin. L-ammont totali tal-finanzjament se jiddependi mir-riżorsi baġitarji disponibbli fil-ħin tal-adozzjoni u se jkun meħtieġ li jiġu rispettati l-limiti tar-Regolament Finanzjarju 1081/2010 tal-UE għall-Azzjoni Preparatorja. Jekk tkun ta’ suċċess, l-Azzjoni Preparatorja se tħejji l-bażi għal tema ta’ riċerka possibbli relatata mal-PSDK li tista’ tkun iffinanzjata fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss. Filwaqt li dan ma jistax jissostitwixxi l-investiment nazzjonali fir-riċerka u l-iżvilupp tad-difiża, għandu jippromwovi sinerġiji mal-isforzi nazzjonali tar-riċerka u għandu jħeġġeġ il-kooperazzjoni industrijali.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Azzjoni Preparatorja se jkun iddefinit b’konsultazzjoni mal-Istati Membri, mal-Parlament Ewropew, mal-Aġenżija Ewropea għad-Difiża, mal-SEAE u mal-industrija. Sabiex l-Azzjoni Preparatorja tirnexxi, huwa meħtieġ li jiġu rrikonoxxuti l-ispeċifiċitajiet tar-riċerka relatata mad-difiża inklużi: l-oqsma u l-mudelli tar-riċerka, id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, il-kunfidenzjalità tar-riżultati, il-kofinanzjament u r-regoli tal-parteċipazzjoni, l-irwol tal-Istati Membri, filwaqt li tiżgura li tattira l-parteċipazzjoni mill-industrija. Il-mistoqsija tal-governanza se tkun kwistjoni ċentrali.

Il-Kummissjoni temmen li dawn il-prinċipji u kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-AP jistgħu jiġu kkunsidrati minn korp kunsultattiv indipendenti magħmul minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u esperti tal-ogħla livell. Dan il-“Grupp ta’ Personalitajiet” se jkun jikkonsisti f’madwar 20 rappreżentant għoli mill-Istati Membri, il-Parlament Ewropew, l-industrija u l-qasam akkademiku.

2.4        L-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet

Fil-Komunikazzjoni l-Kummissjoni enfasizzat il-bżonn li jiġu indirizzati l-firxa kollha tal-bżonnijiet tal-kapaċitajiet biex jintlaħqu l-ħafna sfidi li l-Ewropa qiegħda taffaċċja. Filwaqt li din hi r-responsabbiltà tal-Istati Membri u tal-Aġenżija Ewropea għad-Difiża, il-Kummissjoni tista’ tagħti kontribut importanti, f’konformità mal-kompetenzi tagħha fil-qasam tas-sigurtà mhux militari (eż. kontra t-terroriżmu, protezzjoni tal-fruntieri esterni, sorveljanza marittima u protezzjoni ċivili).

L-approċċ u r-riżultati

Valutazzjoni konġunta tal-ħtiġijiet tal-kapaċitajiet:     il-Kummisjoni, flimkien mar-Rappreżentant Għoli u mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, se tagħmel valutazzjoni konġunta tal-ħtiġijiet tal-kapaċitajiet b’użu doppju għall-politiki tas-sigurtà u tad-difiża tal-UE. L-objettiv huwa li jiġu enfasizzati oqsma fejn il-ħtiġijiet tal-kapaċitajiet militari u mhux militari huma simili u jiġi identifikat il-potenzjal għal sinerġiji, li se jqis ukoll dawk l-oqsma tal-kapaċità enfasizzati mill-Kunsill Ewropew, inkluż RPAS, SatCom u ċ-Ċibersigurtà.

Ambjent Komuni għall-Iskambju ta’ Informazzjoni (CISE) għall-qasam marittimu tal-UE: Komunikazzjoni, ippjanata għall-adozzjoni f’Lulju 2014, fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà Marittima[8], se tipprovdi pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni għas-CISE. Barra minn hekk, proġett ippjanat li se jitmexxa mill-Istati Membri se jiżviluppa, japplika u jittestja s-CISE fuq skala akbar qabel l-implimentazzjoni tiegħu fl-2020.

Kooperazzjoni bejn iċ-ċivil u l-militar:                sabiex tiġi mtejba, b’modi prattiċi, il-kooperazzjoni ċivili / militari bbażata fuq in-netwerks eżistenti tal-UE, il-Kummissjoni stabbilixxiet grupp ta’ koordinazzjoni informali mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża biex tintensifika aktar is-sinerġiji u tidentifika l-oqsma għal aktar kooperazzjoni. Ir-riflessjoni bikrija turi li t-teknoloġiji: Kimika, Bijoloġika, Radjoloġika, Nukleari - Splussivi (CBRN-E) u ta’ detezzjoni jikkostitwixxu oqsma promettenti għall-iżvilupp ta’ sinerġiji bejn politiki tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà interna u l-ħidma tal-Aġenzija.  Fil-5 ta’ Mejju l-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni tagħha dwar approċċ ġdid għad-detezzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji CBRN-E (COM(2014)247) li enfasizzat ukoll il-ħtieġa għal kooperazzjoni ċivili-militari msaħħa f’dawn l-oqsma.  Diskussjonijiet mal-Istati Membri se jitmexxew permezz tal-Grupp Konsultattiv eżistenti dwar is-CBRN-E tal-Kummissjoni.

2.5        L-Ispazju u d-Difiża

L-iżvilupp tal-kapaċitajiet spazjali Ewropej u nazzjonali qiegħed jieħu rwol ċentrali dejjem akbar biex nilqgħu għall-isfidi tagħna tas-sigurtà. Filwaqt li uħud mill-kapaċitajiet spazjali għandhom jibqgħu taħt il-kontroll esklussiv nazzjonali/militari, il-Kummissjoni temmen li hemm benefiċċji potenzjali sinifikanti, f’termini ta’ spejjeż imnaqqsa u aktar effikaċja, minn sinerġiji miżjuda bejn il-kapaċitajiet spazjali Ewropej u dawk nazzjonali.

L-approċċ u r-riżultati

Il-Kummissjoni se tkompli bil-ħidma tagħha biex tipproteġi l-infrastruttura spazjali u se tappoġġja l-iżvilupp tal-ġenerazzjoni li jmiss tal-Komunikazzjonijiet bis-Satellita (SATCOM).

Sorveljanza u Traċċar Spazjali (SST): proposta tal-Kummissjoni għal Qafas ta’ Appoġġ għall-SST biex tipproteġi l-infrastruttura spazjali ġiet adottata fit-2 ta’ April 2014. Din se tappoġġja l-isforzi nazzjonali biex jiffurmaw konsorzju SST u biex iwasslu servizzi SST fuq il-livell Ewropew. Ladarba dan il-konsorzju jiġi stabbilit, il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi, permezz ta’ Orizzont 2020, l-iżvilupp u t-tiġdid tal-assi SST.

Komunikazzjonijiet bis-Satellita (SATCOM): f’dan il-qasam, f’konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, ġie stabbilit grupp ta’ utenti li jikkonsistu mis-servizzi tal-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u l-Aġenzija Spazjali Ewropea. Dan il-grupp ta’ utenti qiegħed jindirizza l-kwistjoni tal-frammentazzjoni tad-domanda għas-sigurtà SATCOM u se jgħin biex jiġu appoġġjati l-Istati Membri fit-tħejjija tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ SATCOM Governattiva.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-grupp ta’ utenti, se tniedi studju biex tiġi mmappjata d-domanda għas-SATCOM kemm mill-utenti tas-sigurtà ċivili kif ukoll mill-infrastrutturi kbar tal-UE. Ir-riżultati huma mistennija fl-2015.

Fl-aħħar nett, fil-limiti tal-kompetenza tagħha, il-Kummissjoni se tesplora l-possibbiltà li jikkontribwixxi biex jitjieb l-aċċess tal-UE għall-Immaġnijiet bis-Satellita ta’ Riżoluzzjoni Għolja, b’appoġġ għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PESK u tal-PSDK.

2.6       L-Applikazzjoni tal-Politiki tal-Enerġija u tal-Istrumenti ta’ Appoġġ tal-UE fis-Settur tad-Difiża

Il-forzi armati għandhom interess qawwi fit-tnaqqis tal-impronta tal-enerġija tagħhom u għaldaqstant jistgħu jagħtu kontribut importanti lejn il-miri tal-enerġiji tal-UE.

L-approċċ u r-riżultati

Fl-2013 il-Kummissjoni bdiet diskussjonijiet mal-Istati Membri u mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża dwar l-istabbiliment ta’ Forum Konsultattiv għall-Enerġija fis-Settur tad-Difiża u s-Sigurtà. Il-missjoni ta’ dan il-Forum Konsultattiv se tkun li tgħaqqad il-kompetenza fl-iżvilupp tal-politiki, u inizjattivi oħra dwar l-enerġija mar-rekwiżiti speċifiċi u l-ambjent tal-forzi armati.

Il-Forum Konsultattiv huwa mistenni jsir operattiv sal-aħħar tal-2014. Fil-ħarifa, il-punti ta’ kuntatt uniċi nazzjonali dwar kwistjonijiet tal-enerġija għandhom jiġu stabbiliti fil-ministeri tad-difiża u/jew fl-istituzzjonijiet assoċjati. Il-finanzjament tal-UE għall-Forum Konsultattiv hu provviżorjament riżervat għall-2014-2015 b’estensjoni possibbli jekk l-inizjattiva tkun utli għall-Istati Membri.

Diskussjonijiet mal-esperti nazzjonali żvelaw bżonn ta’ informazzjoni dwar kif il-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-enerġija tal-UE jistgħu jiġu implimentati fis-settur tad-difiża biex itejbu l-kapaċitajiet tal-forzi armati u biex jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi nazzjonali u tal-EU dwar (1) l-effiċjenza fl-enerġija, (2) l-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u (3) il-protezzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija kritika.

Għalhekk, sal-aħħar tal-2015, il-Forum ta’ Konsultazzjoni se jiżviluppa għadd ta’ riżultati, inklużi:

· dokumenti ta’ gwida dwar a) l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-enerġija tal-UE rilevanti u b) investimenti ta’ finanzjament tal-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija rinnovabbli fis-settur tad-difiża;

· kunċetti u rakkomandazzjonijiet għall-azzjonijiet konġunti bejn l-Istati Membri biex titjieb il-protezzjoni tal-infrastrutturi tal-enerġija kritika.

2.7       It-Tisħiħ tad-Dimensjoni Internazzjonali

Billi fis-snin reċenti l-baġits tad-difiża kienu qegħdin dejjem jonqsu fl-Ewropa, l-esportazzjonijiet lejn swieq terzi saru iżjed importanti għall-industrija Ewropea biex jikkumpensaw għad-domanda mnaqqsa fuq is-suq intern.

L-approċċ u r-riżultati

Kompetittività fis-swieq terzi: Il-Kummissjoni se tiddiskuti mal-partijiet interessati dwar kif tiġi appoġġjata l-industrija tad-difiża Ewropea fis-swieq interni. Kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati jinkludu: l-impatt ta’ rekwiżiti ta’ kumpensi f’pajjiżi terzi fuq is-settur tad-difiża Ewropea; l-ostakli li l-industrija Ewropea tiffaċċja meta tikkompetti għall-kuntratti f’pajjiżi terzi u l-kontribut tal-ftehimiet tal-kummerċ u tal-investiment tal-UE; l-appoġġ li kompetituri minn pajjiżi terzi jirċievu, u l-limitu safejn appoġġ simili jista’ jiġu pprovdut lill-kumpaniji tal-UE.

Sabiex jiġu diskussi dawn il-kwistjonijiet, fir-raba’ trimestru tal-2014, il-Kummissjoni se tistabbilixxi forum li jġib flimkien lil rappreżentanti mill-gvern u l-industrija. Abbażi tar-riżultati ta’ dan id-djalogu, il-Kummissjoni se tevalwa l-bżonn ta’ passi addizzjonali. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll tinvolvi lill-partijiet interessati fuq bażi regolari, notevolment fil-kuntest tan-negozjati dwar il-ftehimiet tal-kummerċ u l-investiment ma’ pajjiżi terzi.

Kontroll tal-esportazzjoni b’użu doppju: Wara rapport lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 428/2009[9] , fl-24 ta’ April 2014, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar ir-reviżjoni tal-politika dwar il-kontroll tal-esportazzjoni.[10] Din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li timmappja d-direzzjoni tal-kontrolli tal-esportazzjoni strateġika tal-UE u tidentifika għażliet ta’ politika konkreti għall-immodernizzar tagħhom.

Bħala pass ulterjuri fir-reviżjoni tal-politika, il-Kummissjoni se twettaq valutazzjoni tal-impatt dwar l-għażliet ta’ reviżjoni varji identifikati fil-Komunikazzjoni. Dan l-eżerċizzju se jkun appoġġjat minn studju estern u jinkludi konsultazzjoni pubblika mmirata, kif ukoll “forum tal-industrija” għall-partijiet interessati. Il-Kummissjoni beħsiebha tlesti l-valutazzjoni tal-impatt fl-ewwel nofs tal-2015, biex b’hekk twitti t-triq għal azzjoni futura possibbli.

3.           Konklużjoni

Dan ir-rapport isegwi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni adottata f’Lulju 2013 u jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2013. Fl-istess waqt, jiżgura l-kontinwità tal-attivitajiet tal-Kummissjoni fil-qasam tad-difiża u s-sigurtà u jipprovdi ħolqa għall-kontribut tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2015.

B’mod partikolari permezz tal-politiki tagħha dwar is-suq intern, l-industrija, ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tagħti kontribut importanti biex issaħħaħ is-settur Ewropew tad-difiża u s-sigurtà. Dan huwa minnu speċjalment peress li r-relazzjoni bejn id-dinja ċivili u dik tad-difiża qiegħda ssir aktar intensiva hekk kif il-linji diviżorji jsiru aktar mċajpra. Dan hu partikolarment evidenti fil-missjonijiet PSDK li ħafna drabi jkunu ċivili u jeħtieġu kooperazzjoni ċivili / militari mill-qrib biex ikunu effettivi. Dan qed iżid id-domanda għal sinerġiji ċivili / militari akbar f’oqsma bħall-komunikazzjoni, it-trasport strateġiku, is-sorveljanza, l-RPAS eċċ. L-UE, u speċjalment il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli u l-Aġenżija Ewropea għad-Difiża huma f’pożizzjoni tajba biex iwieġbu għal din l-isfida.

Fl-istess ħin l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp fuq id-difiża qiegħed dejjem jonqos. Fl-2012, in-nefqa fir-riċerka u l-iżvilupp fl-UE kollha naqset b’38 % meta mqabbla mal-2011. Parzjalment bħala konsegwenza ta’ dan, id-diskrepanza bejn ir-riċerka u l-iżvilupp fid-difiża u r-riċerka u l-iżvilupp ċivili qiegħda tiżdied. Għalhekk id-dipendenza tal-industrija tad-difiża fuq it-teknoloġiji b’oriġini ċivili qiegħda tiżdied bħalma hi t-tendenza li jkun hemm diversifikazzjoni fin-negozji ċivili. Sadanittant il-kumpaniji ċivili qegħdin jixtru t-teknoloġiji, bħar-robotika, li huma wkoll ta’ interess għall-kumpaniji tad-difiża. Għalhekk, it-teknoloġiji essenzjali bħal dawk li jirrelataw mal-“big data”, il-bijoloġija sintetika, l-istampar 3D, eċċ., se jsiru sors importanti ta’ innovazzjoni kemm għall-industriji tad-difiża kif ukoll għal dawk ċivili.

Filwaqt li jibqa’ diffiċli biex wieħed ibassar kif se jiżviluppa s-settur Ewropew tad-difiża u s-sigurtà fl-20 sa 30 sena li ġejjin, huwa ċar li x-xena industrijali qiegħda tinbidel. L-attivitajiet tad-difiża se jibqgħu jkollhom l-ispeċifiċitajiet tagħhom, imma l-elementi ċivili se jsiru aktar importanti għas-settur. Din ix-xejra tirrendi ħafna mill-politiki tal-Kummissjoni aktar rilevanti għad-difiża u toffri opportunitajiet għal sinerġiji ġodda u effiċjenza msaħħa li l-Ewropa m’għandhiex titlef.

[1] L-azzjonijiet previsti fil-pjan direzzjonali ma għandhom l-ebda impatt fuq il-baġit tal-UE lil hinn mill-approprjazzjonijiet diġà previsti fil-programmazzjoni finanzjarja uffiċjali tal-Kummissjoni u huma kompatibbli mal-programmi Ewropej rilevanti inklużi fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2014 – 2020.  Kull azzjoni ppreżentata f’dan il-pjan direzzjonali hija koerenti u kompatibbli ma’ strumenti finanzjarji rilevanti stabbiliti fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali.

[2] L-Artikolu 73 tad-Direttiva 2009/81/KE.

[3] Ir-Reġistru ta’ Intrapriżi Ċertifikati Relatati mad-Difiża (Certider).  Aktar tagħrif huwa disponibbli hawn: http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/defence/certider/

[4] Din hija parti mill-kuntest usa’ tal-ħidma tal-Kummissjoni f’dan il-qasam biex tistabbilixxi qafas għat-tħaddim tal-RPAS ċivili kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tagħha tat-8 ta’ April(COM (2014) 207).  B’dan l-għan il-Kummissjoni se tħeġġeġ l-użu sħiħ tal-istrumenti tal-UE biex tiżgura approċċ komprensiv u biex jiġu massimizzati s-sinerġiji inklużi billi tippermetti l-integrazzjoni sikura tal-ispazju tal-ajru mhux segregat tagħha.

[5] COM(2014) 297

[6] COSME – Competitiveness of Enterprises and Small and Medium-sized Enterprises. (Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs.) b’baġit ta’ EUR 2.3 biljuni għall-2014 - 2020.

[7] Il-Grupp kien stabbilit fi Frar 2013 biex jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar modi kif tkattar l-użu tal-KETs fl-Ewropa.

[8] Komunikazzjoni tas-6 ta’ Marzu 2014 (JOIN (2014) 9).

7               COM(2013)710, 16.10.2013.

[10]             COM(2014)244, 24.4.2014.