RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Arranġament ġdid għad-Difiża Ewropea Pjan Direzzjonali ta' Implimentazzjoni għall-Komunikazzjoni COM (2013) 542; Lejn settur tad-difiża u tas-sigurtà aktar kompetittiv u aktar effiċjenti /* COM/2014/0387 final */
1. Introduzzjoni F’Lulju 2013,
il-Kummissjoni ressqet il-Komunikazzjoni “Lejn settur tad-difiża u
tas-sigurtà aktar kompetittiv u effiċjenti” COM (2013) 542 bħala
kontribut għall-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2013.
Hija ħabbret ukoll pjan direzzjonali dettaljat b’azzjonijiet u
kronoloġiji konkreti għall-oqsma ddefiniti f’dik il-Komunikazzjoni.
Dan ir-rapport jissodisfa dan l-impenn. Il-Kunsill
Ewropew, fil-Konklużjonijiet
tiegħu ta’ Diċembru 2013, li approvaw ukoll
il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2013, laqa’
l-Komunikazzjoni u ddeċieda li jirrevedi l-progress fl-oqsma kollha
rilevanti f’Ġunju 2015. Il-Kummissjoni tieħu l-Konklużjonijiet
tal-Kunsill Ewropew bħala l-bażi biex jintlaħqu l-objettivi li ġejjin:
Suq Intern
għad-Difiża fejn il-kumpaniji Ewropej jistgħu joperaw b’mod
liberus u mingħajr diskriminazzjoni fl-Istati Membri kollha;
Reġim
tas-sigurtà tal-provvista fl-UE kollha fejn il-forzi armati jistgħu
jkunu ċerti li jkollhom provvisti suffiċjeni
fiċ-ċirkostanzi kollha irrispettivament mill-Istat Membru fejn
il-fornituri tagħhom huma stabbiliti;
Azzjoni
Preparatorja fuq riċerka relatata mal-politika ta’ sigurtà u ta’
difiża komuni biex tesplora l-potenzjal ta’ programm Ewropew
tar-riċerka li, fil-futur, jista’ jkopri kemm is-sigurtà u
d-difiża. Dan huwa minbarra l-isfruttar tas-sinerġiji kollha
possibbli bejn ir-riċerka ċivili u militari eżistenti; u
Politika
industrijali li tippromovi l-kompetittività tal-industriji tad-difiża
Ewropea u tgħin biex twassal bi prezzijiet raġonevoli
l-ħiliet kollha li l-Ewropa teħtieġ biex tiggarantixxi
s-sigurtà tagħha.
Biex
jintlaħqu dawn l-objettivi, dan ir-Rapport jistabbilixxi pjan direzzjonali
għall-attivitajiet stipulati fil-Komunikazzjoni. Dan jinkludi varjetà
wiesgħa ta’ azzjonijiet minn politiki differenti, li madankollu spiss huma
relatai ma’ xulxin: it-titjib tas-sigurta tal-provvista bejn l-Istati Membri,
pereżempju, se jiffaċilita l-aċċess transfruntier
għas-suq għall-kumpaniji tad-difiża; l-istandardizzazzjoni
aħjar se tippromwovi l-interoperabbiltà u l-ftuħ tas-suq;
iċ-ċertifikazzjoni komuni se ttejjeb il-kompetittività
tal-industrija, eċċ. Meħudin flimkien, dawn l-azzjonijiet kollha
se jikkontribwixxu biex is-settur Ewropew tad-difiża u s-sigurtà jkun
aktar effiċjenti u b’hekk tissaħħaħ il-Politika ta’ Sigurta
u ta’ Difiża Komuni tal-Unjoni (PSDK)[1].
Kemm
għall-iżvilupp kif ukoll għall-implimentazzjoni ta’ dawn
l-azzjonijiet il-Kummissjoni se tikkoopera mill-qrib mal-Istati Membri,
mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u mal-Aġenzija Ewropea
għad-Difiża. Dan jinkludi laqgħat regolari fil-livell
strateġiku biex issegwi l-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali
globalment, u konsultazzjonijiet fil-livell tekniku għal azzjonijiet
speċifiċi. B’mod parallel, il-Kummissjoni se tkompli tgħarraf
lill-Istati Membri b’mod regolari permezz tal-korpi rilevanti tal-Kunsill,
tad-Diretturi tal-Politika tad-Difiża u tal-Aġenzija Ewropea
għad-Difiża. Il-Parlament Ewropew u l-industrija ukoll se jiġu
kkonsultati fuq bażi regolari. Il-Kunsill
Ewropew jirrikonoxxi l-ħtieġa għal kooperazzjoni
msaħħa fid-difiża Ewropea, b’komplementarjetà sħiħa
man-NATO. Permezz tal-implimentazzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni,
il-Kummissjoni se tikkontribwixxi għal bażi industrijali robusta
għal din il-kooperazzjoni. 2. Pjan direzzjonali 2.1 Is-Suq Intern Il-monitoraġġ
tas-swieq Is-sorveljanza
tas-suq hija kruċjali kemm biex tiġi żgurata l-applikazzjoni
korretta tad-Direttiva 2009/81/KE dwar l-Akkwist tad-Difiża kif ukoll biex
jiġi evalwat l-impatt tad-Direttiva. Huwa wkoll importanti li jitkejjel
il-progress tal-Kummissjoni dwar il-politika industrijali f’dan is-settur. L-approċċ
u r-riżultati Il-Kummissjoni
se tevalwa sistematikament l-akkwisti ppubblikati fit-TED (Tenders Electronic
Daily) tal-UE u r-rapporti ta’ statistika mibgħuta mill-Istati Membri. Dan
jinkludi kemm l-analiżi kwantitattiva u kwalitattiva. B’mod parallel,
il-Kummissjoni se tissorvelja l-akkwisti għad-difiża u s-sigurtà mhux
ippubblikati fit-TED, inter alia permezz tal-istampa speċjalizzata u
l-informazzjoni pprovduta minn operaturi tas-suq. Dawn
l-attivitajiet se jgħinu biex tiġi żgurata l-applikazzjoni
korretta tad-Direttiva 2009/81/KE. Se jħejju wkoll il-bażi
għar-rapport dwar l-implimentazzjoni tagħha li l-Kummissjoni
għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa Awwissu
2016.[2]
F’dan ir-rapport, il-Kummissjoni se tevalwa safejn “l-għanijiet ta’ din
id-Direttiva ġew miksuba fir-rigward tal-funzjonament tas-suq intern u
l-iżvilupp ta’ suq Ewropew tat-tagħmir tad-difiża u ta’
Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea, filwaqt li
titqies il-qagħda tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju...” Kjarifika
ta’ ċerti esklużjonijiet L-użu
korrett tal-esklużjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni
tad-Direttiva 2009/81/KE huwa kruċjali għall-effettività
tagħha. F’dan il-kuntest, il-bejgħ minn gvern għal ieħor
(l-Artikolu 13.f) u xiri skont ftehimiet internazzjonali
(l-Artikolu 12.a), u permezz ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali
(l-Artikolu 12.c) huma rilevanti b’mod partikolari peress li dawn jikkonċernaw
partijiet importanti tas-suq. L-approċċ
u r-riżultati Bejgħ
minn gvern għal gvern: F’Diċembru 2013
il-Kummissjoni bdiet eżerċizzju ta’ tiftix ta’ fatti dwar
il-bejgħ minn gvern għal ieħor fl-Ewropa. Bħala l-pass li
jmiss, il-Kummissjoni se torganizza żewġ workshops mal-Istati Membri
fil-ħarifa tal-2014. Abbażi ta’ dan il-Kummissjoni se tiżviluppa
nota ta’ gwida dwar l-użu tal-esklużjoni. Id-data fil-mira
għall-finalizzazzjoni ta’ din in-nota fil-bidu tal-2015. Arranġamenti
internazzjonali u organizzazzjonijiet:
Il-ħidma fuq din il-kjarifika se tibda fl-2015 u se ssegwi l-istess
approċċ. Il-ħidma se tiġi kkomplementata minn
diskussjonijiet diretti mal-Aġenzija tal-Appoġġ tan-NATO (NSPA)
u mal-Organizzazzjoni Konġunta għall-Kooperazzjoni fl-Armamenti
(OCCAR). Id-data fil-mira għall-finalizzazzjoni ta’ din in-nota hija
fl-aħħar tal-2015. Il-kumpensi
Ir-rekwiżiti
għal kumpensi ekonomiċi, irrispettivament minn kif jiġu
ttikkettjati, joħorġu b’kuntrast kemm għall-prinċipji
tat-Trattat tal-UE u kemm għall-metodi effettivi tal-akkwist.
Il-Kummissjoni qed taħdem għall-eliminazzjoni rapida ta’ din
il-prattika u għall-promozzjoni ta’ miżuri oħra mhux
diskriminatorji biex tiffaċilita l-aċċess transfruntier
għas-suq għall-SMEs. L-approċċ
u r-riżultati Għal bosta
snin, il-Kummissjoni ħadmet mal-Istati Membri fuq ir-reviżjoni
tar-regoli nazzjonali tal-kumpens. Din il-ħidma saret b’mod parallel
għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Akkwist tad-Difiża u
tkompli ma’ dawk l-Istati Membri li għadhom ma rrevedewx il-leġiżlazzjoni
tagħhom dwar il-kumpens. B’mod parallel il-Kummissjoni se timmonitorja
mill-qrib il-prattika tal-akkwist tal-Istati Membri u se tintervjeni, kif
meħtieġ, sabiex jiġu evitati rekwiżiti diskriminatorji mingħajr
ġustifikazzjoni. Il-Kummissjoni se
tippromwovi ukoll alternattivi għal kumpensi biex jiġi
ffaċilitat l-aċċess transfruntier għas-suq għall-SMEs.
Biex jintlaħaq dan l-għan, fi Frar 2014 il-Kummissjoni organizzat
workshop mal-partijiet interessati. Dan id-djalogu se jkompli. F’dan il-kuntest,
il-Kummissjoni tippjana l-ħolqien ta’ Grupp Konsultattiv ad hoc mal-Istati
Membri u l-industrija (integraturi tas-sistema u SMEs) biex jidentifika
l-għażliet li jippromwovu katini transfruntiera tal-provvista.
Il-Kummissjoni se timmonitorja speċifikament ukoll l-applikazzjoni
tad-dispożizzjonijiet dwar is-subkuntrattjar
tad-Direttiva 2009/81/KE. Inizjattivi dwar kif jista’ jittejjeb
l-aċċess għas-suq għall-SMEs jistgħu jitressqu
lill-Kunsill Ewropew f’Ġunju 2015. Is-sigurtà
tal-provvista Is-sigurtà tal-provvista
hija kruċjali kemm għall-effikaċja tal-forzi armati kif ukoll
għall-funzjonament tajjeb tas-Suq Intern. Huwa kunċett wiesa’ li
jista’ jkopri firxa wiesgħa ta’ diversi aspetti industrijali,
teknoloġiċi, legali u politiċi. L-approċċ
u r-riżultati Pjan
direzzjonali għal reġim komprensiv tas-Sigurtà tal-Provvista fl-UE
kollha: F’konformità mal-Komunikazzjoni u
mat-talba tal-Kunsill Ewropew li “tiżviluppa mal-Istati Membri u
f’kooperazzjoni mar-Rappreżentant Għoli u l-Aġenzija Ewropea
għad-Difiża pjan direzzjonali għal reġim komprensiv
tal-provvista tas-sigurtà fl-UE kollha”, il-Kummissjoni se: a)
tqis l-oqsma li għandhom jiġu
koperti minn reġim bħal dan u l-istrumenti eżistenti tas-sigurtà
tal-provvista; b)
tikkonsulta mal-Istati Membri b’mod
estensiv; c)
tidentifika azzjonijiet possibbli
fl-oqsma ta’: 1) il-provvista bejn l-Istati Membri; 2) il-provvista ta’ Stati
Membri minn pajjiżi terzi u 3) il-kontroll ta’ assi industrijali u
teknoloġiċi fl-UE, li huma kollha elementi ewlenin ta’ reġim
komprensiv tas-sigurtà tal-provvista. Il-pjan
direzzjonali se jiġi ffinalizzat għall-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju
2015, b’mod parallel ma’ dawn l-azzjonijiet: Trasferimenti
ta’ difiża: Id-Direttiva 2009/43
introduċiet sistema ta’ liċenzji biex tiffaċilita il-moviment
ta’ prodotti relatati mad-difiża fi ħdan is-Suq Intern. F’Jannar
2014, il-Kummissjoni nediet studju dwar kif tista’ tiġi promossa
l-adozzjoni tal-istrumenti ewlenin tad-Direttiva (liċenzji ġenerali u
ċ-ċertifikazzjoni ta’ kumpaniji), fost l-awtoritajiet nazzjonali u
l-industrija. Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni estendiet l-ambitu
tad-dejtabejż Certider[3]
biex tippermetti lill-Istati Membri jinfurmaw aħjar lill-partijiet
interessati dwar intrapriżi ċertifikati u liċenzji ġenerali
maħruġa. Il-Kummissjoni se tipproponi aktar miżuri li
jsaħħu l-implimentazzjoni tad-Direttiva fuq il-bażi
tar-riżultati ta’ studju li huma mistennija f’Lulju 2014. Evalwazzjoni
aktar komprensiva tad-Direttiva se titnieda kmieni fl- 2015. Din se tifforma
l-bażi għar-rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva li
l-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill sa
Ġunju 2016. Kontroll
ta’ assi: Fid-difiża u s-sigurtà,
il-kontroll ta’ assi industrijali u teknoloġiċi jista’ jkun
kruċjali għas-sigurtà tal-provvista ta’ kapaċitajiet
kritiċi. Xi Stati Membri għandhom mekkaniżmi għall-kontroll
ta’ investimenti f’dan is-settur. Madankollu approċċ purament
nazzjonali jista’ jxekkel kemm il-kooperazzjoni transfruntiera tal-industrija
kif ukoll il-ftuħ tas-swieq tad-difiża tal-Istati Membri
għall-kompetizzjoni fl-UE kollha. Jista’ għalhekk ikun
meħtieġ approċċ Ewropew għat-tisħiħ tas-Suq
Intern. Dan jista’ jkun meħtieġ ukoll sabiex jiġi żgurat
livell xieraq ta’ awtonomija Ewropea għad-difiża u s-sigurtà. F’dan
il-kuntest, il-Kummissjoni se toħroġ Green Paper dwar nuqqasijiet
possibbli tas-sistema attwali tal-kontroll tal-assi u biex tesplora
l-għażliet għal azzjoni fl-EU kollha, inklużi
l-mekkaniżmi ta’ notifika u l-konsultazzjoni bejn l-Istati Membri. Id-data
mmirata għall-adozzjoni tal-Green Paper huwa għall-aħħar
ta’ din is-sena. Il-Kummissjoni
għandha l-intenzjoni li tinvolvi l-partijiet interessati mill-bidu nett u
li tikkonsultahom diġà b’mod wiesgħa għall-preparazzjoni
tal-Green Paper. 2.2 Il-promozzjoni ta’ industrija
tad-difiża aktar kompetittiva L-istandardizzazzjoni
u ċ-ċertifikazzjoni Il-Kummissjoni
qiegħda tappoġġja l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża
biex hi tiżviluppa approċċ komuni għall-istandardizzazzjoni
u ċ-ċertifikazzjoni. Dan għandu jsir bi ftehim mal-Istati Membri
fejn jittieħed kont sħiħ tas-sovranità nazzjonali u jiġi
żgurat li ma jkun hemm l-ebda duplikazzjoni man-NATO. L-approċċ
u r-riżultati L-istandardizzazzjoni: L-Aġenzija Ewropea
għad-Difiża, b’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, qiegħda
tipprepara proċess ġdid biex tiżviluppa standards
tad-difiża u tal-ibridi fl-Ewropa, li jorbot mekkaniżmi ta’
standardizzazzjoni eżistenti nazzjonali, Ewropej u internazzjonali
(eż. in-NATO) b’mod strutturat u mhux burokratiku. Din
il-metodoloġija hija bbażata fuq approċċ proattiv bl-użu
ta’ esperti nazzjonali, li jimmoniterjaw l-iżviluppi
tal-istandardizzazzjoni Ewropea tad-difiża u jagħmlu
rakkomandazzjonijiet biex jiġu indirizzati kwistjonijiet
speċifiċi hekk kif iqumu. Il-Kummissjoni qiegħda tikkontribwixxi
għal dan il-proċess permezz tal-kompetenzi tagħha
fl-istandardizzazzjoni ċivili. Il-Kummissjoni
se tidentifika wkoll standards komuni li jistgħu jappoġġjaw
proġetti Ewropej f’oqsma speċifiċi. Pereżempju, l-Ambjent
Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni (CISE) għad-dominju marittimu
tal-UE (diskuss f’taqsima 2.4) standards komuni se jistabbilixxu mudell
tad-dejta komuni neċessarju biex jiżgura komunikazzjoni effettiva
bejn sistemi nazzjonali differenti ta’ informazzjoni dwar is-sorveljanza
marittima. Iċ-ċertifikazzjoni: Il-Kummissjoni flimkien
mal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) se
tappoġġja wkoll l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u
l-Istati Membri fl-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti tal-ajrunavigabbiltà
militari sabiex tikseb, fejn hu possibbli, konverġenza tas-sistema ta’
ċertifikazzjoni militari mar-rekwiżiti ċivili applikabbli.
Il-Kummissjoni flimkien mal-EASA se tkompli tinkoraġġixxi l-użu
tal-esperjenza ċivili u l-istandards tal-EASA fil-proċess
għaċ-ċertifikazzjoni ta’ prodotti militari, f’kooperazzjoni
mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u l-Istati Membri. Bil-għan li
jitnaqqsu l-ispejjeż u li tiġi evitata d-duplikazzjoni, u biex
tiġi ffaċilitata l-operazzjoni konġunta ta’ inġenji
tal-ajru ċivili u militari fl-ispazju tal-ajru mhux segregat, l-EASA
tista’ tiġi fdata biċ-ċertifikazzjoni komuni ċivili Ewropea
ta’ ċerti prodotti militari fejn il-manifatturi u l-Istati Membri
jixtiequ, filwaqt li l-Istati Membri se jkomplu jkunu responsabbli
għaċ-ċertifikazzjoni ta’ sistemi militari abbord. Il-Kummissjoni,
b’koordinazzjoni mal-EASA, fuq il-bażi ta’ talbiet mill-industrija, se
tiddefinixxi xi każijiet pilota għall-involviment tal-EASA
fiċ-ċertifikazzjoni ċivili ta’ prodotti ta’ użu doppju li
jwasslu għal approċċ aktar kosteffiċjenti u aktar
simplifikat, bħal ċerti sistemi ta’ inġenji tal-ajru ppilotati
mill-bogħod (Remotely Piloted Aircraft Systems - RPAS), li
jirrappreżentaw parti dejjem aktar importanti
ta’ prodotti futuri tal-inġenji tal-ajru[4].
Il-passi lejn approċċ bħal dan se jkunu bbażati fuq
analiżi ta’ fattibbiltà biex jiġu eżaminati l-implikazzjonijiet
għar-riżorsi għall-EASA kif ukoll l-aspetti legali u ta’
sikurezza li jirriżultaw mir-responsabbiltajiet maqsuma bejn
l-awtoritajiet ċivili/militari/tal-UE u nazzjonali. Il-Materja
Prima Aċċess
għall-materja prima hija sfida dejjem tikber għall-ekonomija Ewropea.
Din qiegħda dejjem tiġi indirizzata mill-istrateġija tal-UE
għall-materja prima li tinkludi l-lista reċentament riveduta
tal-materja prima kritika[5]. L-approċċ
u r-riżultati Ħafna minn
dawn il-materjali, bħal l-elementi terrestri rari u l-ġermanju, huma
wkoll kontributi essenzjali għal applikazzjonijiet relatati
mad-difiża (bħal l-immirar bil-lejżer). Għaldaqstant
il-Kummissjoni se tiskrinja l-materja prima li hi kritika għas-settur
tad-difiża. Din l-analiżi se ssir miċ-Ċentru Konġunt
tar-Riċerka tal-Kummissjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija
Ewropea għad-Difiża u l-industrija. Hi mistennija li tiġi
ffinalizzata sa nofs l-2015 u tista’ twitti t-triq għal azzjonijiet futuri
ta’ politika f’dan il-qasam. L-SMEs,
ir-raggruppamenti u r-reġjuni Il-Kunsill
Ewropew enfasizza l-importanza li jkunu appoġġjati n-netwerks
reġjonali tal-SMEs u raggruppamenti strateġiċi. Il-Kummissjoni
se ddaħħal fis-seħħ miżuri biex tappoġġja
dawn l-objettivi. L-approċċ
u r-riżultati Xogħol
f’dan il-qasam se jsir f’koordinazzjoni mill-qrib mal-attivitajiet relatati
mal-SMEs mħabbra skont il-kapitolu tas-Suq Intern ta’ dan ir-rapport.
Il-Kummissjoni se tuża n-Netwerk Ewropa għall-Intrapriżi u
l-Isħubija ta’ Raggruppamenti Strateġiċi Ewropej, iffinanzjati
taħt il-programm tagħha COSME[6],
biex tappoġġja avvenimenti ta’ tlaqqigħ, netwerking, tiftix ta’
sħab ġodda tan-negozju ġewwa u barra l-UE. Il-Kummissjoni
se tikkjarifika wkoll ir-regoli li bis-saħħa tagħhom il-Fondi
Ewropej Strutturali u ta’ Investiment (ESIF) jistgħu jappoġġjaw
proġetti b’użu doppju, kemm f’termini ta’ proġetti ta’
investiment (il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali –
baġit ta’ EUR 140 biljun) u ta’ ħiliet (il-Fond
Soċjali Ewropew – baġit ta’ EUR 74 biljun). Barra minn hekk,
il-Kummissjoni se trawwem applikazzjonijiet minn raggruppamenti transkonfinali
u netwerks għall-programm ta’ Kooperazzjoni Territorjali Ewropea
b’baġit totali ta’ EUR 8.7 biljuni (2014-2020). Huwa f’idejn
il-kumpaniji, ir-raggruppamenti, u r-reġjuni li jagħmlu użu minn
dawn l-opportunitajiet. Madankollu, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib
mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u mal-Assoċjazzjoni
Ewropea tal-Aġenziji tal-Iżvilupp Reġjonali (Association of
Regional Development Agencies - EURADA): ·
se toħloq sensibilizzazzjoni dwar
dawn l-opportunitajiet permezz ta’ avvenimenti mmirati. L-ewwel laqgħa
saret fit-12 ta’ Mejju fi Brussell bit-tieni waħda ppjanata
għal Novembru 2014. ·
f’Lulju 2014 se tippubblika ktieb ta’
gwida għall-awtoritajiet reġjonali u għall-SMEs fejn tiġi
kkjarifikata l-possibbiltà li l-ESIF jintużaw b’appoġġ
għall-proġetti b’użu doppju. ·
se tappoġġja l-ħolqien
ta’ netwerk reġjonali relatat mad-difiża, li jibni fuq ix-xogħol
magħmul s’issa mal-awtoritajiet reġjonali interessati u
r-raggruppamenti bl-objettiv li jkun stabbilit mekkaniżmu biex ikun hemm
skambju tal-aħjar prattiki fil-valutazzjoni tal-ESIF u li d-difiża
tiġi integrata fi strateġiji intelliġenti speċjalizzati. L-għan
aħħari ta’ dawn l-azzjonijiet huwa li tiżdied ir-rata ta’
applikazzjonijiet b’suċċess għall-proġetti b’użu
doppju minn SMEs relatati mad-difiża u raggruppamenti
għall-finanzjament tal-UE, b’mod partikolari taħt l-ESIF u l-COSME.
Dan imbagħad jgħin lill-SMEs biex jintegraw aħjar
fir-raggruppamenti u l-industriji relatati fl-UE kollha li jwassal għal
katina tal-provvista aktar diversifikata. Il-Ħiliet Is-suċċess
tas-settur tad-difiża tal-Ewropa jiddependi fuq iż-żamma
tal-persunal b’ħiliet ewlenin u li jirrekluta dawk bil-ħiliet
meħtieġa għall-futur. Titjib fil-mobbiltà tal-forza
tax-xogħol tal-UE jista’ wkoll tipprovdi vantaġġ kompetittiv
lis-settur. Xi ftit oqsma diġà qegħdin jesperjenzaw nuqqasijiet ta’
ħiliet minħabba rtirar ta’ persunal u d-diffikultajiet li jiġu
attirati professjonisti ġodda kkwalifikati. L-approċċ
u r-riżultati Ħafna
mill-ħiliet meħtieġa fid-difiża huma simili għal dawk
meħtieġa f’setturi oħra industrijali. Dan jipprovdi skop usa’
għall-użu tal-istrumenti tal-UE li oriġinarjament tnisslu
għall-industriji ċivili. B’mod
partikolari, il-Kummissjoni se tippromwovi l-użu ta’ programmi ta’
“Alleanzi tal-Ħiliet tas-Settur” u “Alleanzi tal-Għarfien” minn
kumpaniji u faċilitajiet edukattivi relatati mad-difiża. Dan se jsir
permezz ta’:
Kampanja
ta’ komunikazzjoni dwar il-finanzjament tal-UE ta’ inizjattivi relatati
mal-ħiliet. Din se titħejja f’kooperazzjoni mal-Aġenzija
Ewropea għad-Difiża u l-korpi rilevanti inklużi l-AeroSpace
u l-Assoċjazzjoni tal-Industriji tad-Difiża tal-Ewropa (ASD) u
t-trejdjunjin Ewropea IndustriAll;
L-inkoraġġiment
tal-użu tal-ESIF għat-taħriġ u l-iżvilupp
mill-ġdid tal-ħiliet tal-ħaddiema; b’mod partikolari billi
jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-ħiliet u
l-antiċipazzjoni tar-ristrutturar. Dan se jkun enfasizzat fil-gwida
fil-gwida imsemmija li qiegħed titħejja għall-awtoritajiet
reġjonali u l-SMEs; u
Fl-2015, se
jitnieda studju dwar il-kompetenzi attwali u futuri u l-provvista u
d-domanda tal-ħiliet fis-settur tad-difiża bħala bażi
għall-ħidma li jmiss f’dan il-qasam.
L-objettiv
ewlieni huwa li jiġi żviluppat ftehim komprensiv
tal-ħtiġijiet tal-ħiliet attwali u futuri tas-settur Ewropew
tad-difiża sabiex il-politiki Ewropej, nazzjonali u reġjonali jkunu
jistgħu jiġu mmirati b’mod aktar effettiv. 2.3 L-Isfruttar tal-Potenzjal
tal-Użu Doppju tar-Riċerka u t-Tisħiħ tal-Innovazzjoni Il-Komunikazzjoni
u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew identifikaw in-nuqqas ta’
investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni bħala theddida
għall-kompetittivita fit-tul tal-industrija Ewropea tad-difiża u
għall-kapaċitajiet tad-difiża tal-Ewropa. L-approċċ
u r-riżultati Il-Kummissjoni
identifikat għadd ta’ modi kif tista’ tappoġġa riċerka
relatati mal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni, li huma deskritti
hawn taħt. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tiżviluppa skemi ta’
akkwist prekummerċjali li, fejn xieraq, jistgħu jintużaw
bħala mod ta’ kif jitnaqqas id-distakk bejn ir-riċerka u s-suq. Riċerka
b’użu doppju: il-Kummissjoni
se timmassimizza sinerġiji fiż-żewġ direzzjonijiet bejn
ir-riċerka ċivili ta’ Orizzont 2020 u r-riċerka dwar
id-difiża koordinata mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża
fil-kamp ta’ applikazzjoni permess mir-regoli tat-tnejn. Għal dan
il-għan se teżamina wkoll il-possibbiltajiet kif jista’ jiġi
mwessa’ il-kamp ta’ applikazzjoni u l-istatus tal-ftehim ta’ Qafas
eżistenti tal-Kooperazzjoni Ewropea mal-Aġenżija Ewropea
għad-Difiża. Wara
l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni bdiet tidentifika
numru ta’ oqsma u applikazzjonijiet ta’ innovazzjoni li jikkontribwixxu
għalihom teknoloġiji abilitanti essenzjali (key enabling technologies
- KETs) trasversali, inkluż firxa ta’ setturi ċivili li huma ta’
interess qawwi għall-industriji tad-difiża u tas-sigurtà. Dan jindika
li hemm potenzjal ċar għad-difiża biex tkun involuta f’kuntest
usa’ ta’ innovazzjoni u teknoloġija. B’mod partikolari, il-Kummissjoni
qiegħda tikkonsulta mal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-KETs[7] (li
reċentement stabbilixxa sottogrupp dwar il-potenzjal b’użu doppju
tal-KETs) li għandu jirrapporta sal-aħħar tal-2014. Azzjoni
Preparatorja: L-iskop
tal-Azzjoni Preparatorja huwa li turi l-valur miżjud tal-kontribut tal-UE
fl-oqsma ġodda tar-riċerka – dan jikkomplementa r-riċerka
ċivili relatata mal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni
għaddejja bħalissa fil-qafas tal-programm Orizzont 2020. L-Azzjoni
Preparatorja se ddum sa massimu ta’ tliet snin. L-ammont totali
tal-finanzjament se jiddependi mir-riżorsi baġitarji disponibbli
fil-ħin tal-adozzjoni u se jkun meħtieġ li jiġu rispettati
l-limiti tar-Regolament Finanzjarju 1081/2010 tal-UE għall-Azzjoni
Preparatorja. Jekk tkun ta’ suċċess, l-Azzjoni Preparatorja se
tħejji l-bażi għal tema ta’ riċerka possibbli relatata
mal-PSDK li tista’ tkun iffinanzjata fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss.
Filwaqt li dan ma jistax jissostitwixxi l-investiment nazzjonali
fir-riċerka u l-iżvilupp tad-difiża, għandu jippromwovi
sinerġiji mal-isforzi nazzjonali tar-riċerka u għandu
jħeġġeġ il-kooperazzjoni industrijali. Il-kamp ta’
applikazzjoni tal-Azzjoni Preparatorja se jkun iddefinit b’konsultazzjoni
mal-Istati Membri, mal-Parlament Ewropew, mal-Aġenżija Ewropea
għad-Difiża, mal-SEAE u mal-industrija. Sabiex l-Azzjoni Preparatorja
tirnexxi, huwa meħtieġ li jiġu rrikonoxxuti
l-ispeċifiċitajiet tar-riċerka relatata mad-difiża
inklużi: l-oqsma u l-mudelli tar-riċerka, id-drittijiet ta’ proprjetà
intellettwali, il-kunfidenzjalità tar-riżultati, il-kofinanzjament u
r-regoli tal-parteċipazzjoni, l-irwol tal-Istati Membri, filwaqt li
tiżgura li tattira l-parteċipazzjoni mill-industrija. Il-mistoqsija
tal-governanza se tkun kwistjoni ċentrali. Il-Kummissjoni
temmen li dawn il-prinċipji u kwistjonijiet speċifiċi relatati
mal-AP jistgħu jiġu kkunsidrati minn korp kunsultattiv indipendenti
magħmul minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u esperti
tal-ogħla livell. Dan il-“Grupp ta’ Personalitajiet” se jkun jikkonsisti
f’madwar 20 rappreżentant għoli mill-Istati Membri, il-Parlament
Ewropew, l-industrija u l-qasam akkademiku. 2.4 L-Iżvilupp
tal-Kapaċitajiet Fil-Komunikazzjoni
l-Kummissjoni enfasizzat il-bżonn li jiġu indirizzati l-firxa kollha
tal-bżonnijiet tal-kapaċitajiet biex jintlaħqu l-ħafna
sfidi li l-Ewropa qiegħda taffaċċja. Filwaqt li din hi
r-responsabbiltà tal-Istati Membri u tal-Aġenżija Ewropea
għad-Difiża, il-Kummissjoni tista’ tagħti kontribut importanti,
f’konformità mal-kompetenzi tagħha fil-qasam tas-sigurtà mhux militari
(eż. kontra t-terroriżmu, protezzjoni tal-fruntieri esterni,
sorveljanza marittima u protezzjoni ċivili). L-approċċ
u r-riżultati Valutazzjoni
konġunta tal-ħtiġijiet tal-kapaċitajiet: il-Kummisjoni,
flimkien mar-Rappreżentant Għoli u mal-Aġenzija Ewropea
għad-Difiża, se tagħmel valutazzjoni konġunta
tal-ħtiġijiet tal-kapaċitajiet b’użu doppju
għall-politiki tas-sigurtà u tad-difiża tal-UE. L-objettiv huwa li
jiġu enfasizzati oqsma fejn il-ħtiġijiet tal-kapaċitajiet
militari u mhux militari huma simili u jiġi identifikat il-potenzjal
għal sinerġiji, li se jqis ukoll dawk l-oqsma tal-kapaċità
enfasizzati mill-Kunsill Ewropew, inkluż RPAS, SatCom u
ċ-Ċibersigurtà. Ambjent Komuni għall-Iskambju ta’ Informazzjoni
(CISE) għall-qasam marittimu tal-UE: Komunikazzjoni,
ippjanata għall-adozzjoni f’Lulju 2014, fil-kuntest tal-Istrateġija
Ewropea tas-Sigurtà Marittima[8],
se tipprovdi pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni għas-CISE. Barra
minn hekk, proġett ippjanat li se jitmexxa mill-Istati Membri se
jiżviluppa, japplika u jittestja s-CISE fuq skala akbar qabel
l-implimentazzjoni tiegħu fl-2020. Kooperazzjoni
bejn iċ-ċivil u l-militar: sabiex tiġi
mtejba, b’modi prattiċi, il-kooperazzjoni ċivili / militari
bbażata fuq in-netwerks eżistenti tal-UE, il-Kummissjoni
stabbilixxiet grupp ta’ koordinazzjoni informali mal-Aġenzija Ewropea
għad-Difiża biex tintensifika aktar is-sinerġiji u tidentifika
l-oqsma għal aktar kooperazzjoni. Ir-riflessjoni bikrija turi li
t-teknoloġiji: Kimika, Bijoloġika, Radjoloġika, Nukleari -
Splussivi (CBRN-E) u ta’ detezzjoni jikkostitwixxu oqsma promettenti
għall-iżvilupp ta’ sinerġiji bejn politiki tal-Kummissjoni dwar
is-sigurtà interna u l-ħidma tal-Aġenzija. Fil-5 ta’ Mejju
l-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni tagħha dwar approċċ
ġdid għad-detezzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji CBRN-E
(COM(2014)247) li enfasizzat ukoll il-ħtieġa għal kooperazzjoni
ċivili-militari msaħħa f’dawn l-oqsma. Diskussjonijiet
mal-Istati Membri se jitmexxew permezz tal-Grupp Konsultattiv eżistenti
dwar is-CBRN-E tal-Kummissjoni. 2.5 L-Ispazju u d-Difiża L-iżvilupp
tal-kapaċitajiet spazjali Ewropej u nazzjonali qiegħed jieħu
rwol ċentrali dejjem akbar biex nilqgħu għall-isfidi tagħna
tas-sigurtà. Filwaqt li uħud mill-kapaċitajiet spazjali għandhom
jibqgħu taħt il-kontroll esklussiv nazzjonali/militari,
il-Kummissjoni temmen li hemm benefiċċji potenzjali sinifikanti,
f’termini ta’ spejjeż imnaqqsa u aktar effikaċja, minn sinerġiji
miżjuda bejn il-kapaċitajiet spazjali Ewropej u dawk nazzjonali. L-approċċ
u r-riżultati Il-Kummissjoni
se tkompli bil-ħidma tagħha biex tipproteġi l-infrastruttura
spazjali u se tappoġġja l-iżvilupp tal-ġenerazzjoni li
jmiss tal-Komunikazzjonijiet bis-Satellita (SATCOM). Sorveljanza u Traċċar Spazjali (SST):
proposta tal-Kummissjoni għal Qafas ta’ Appoġġ għall-SST
biex tipproteġi l-infrastruttura spazjali ġiet adottata
fit-2 ta’ April 2014. Din se tappoġġja l-isforzi
nazzjonali biex jiffurmaw konsorzju SST u biex iwasslu servizzi SST fuq
il-livell Ewropew. Ladarba dan il-konsorzju jiġi stabbilit, il-Kummissjoni
se tinkoraġġixxi, permezz ta’ Orizzont 2020, l-iżvilupp u
t-tiġdid tal-assi SST. Komunikazzjonijiet bis-Satellita (SATCOM): f’dan
il-qasam, f’konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, ġie
stabbilit grupp ta’ utenti li jikkonsistu mis-servizzi tal-Kummissjoni,
is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, l-Aġenzija Ewropea
għad-Difiża u l-Aġenzija Spazjali Ewropea. Dan il-grupp ta’
utenti qiegħed jindirizza l-kwistjoni tal-frammentazzjoni tad-domanda
għas-sigurtà SATCOM u se jgħin biex jiġu appoġġjati
l-Istati Membri fit-tħejjija tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ SATCOM
Governattiva. Barra minn hekk,
il-Kummissjoni, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-grupp ta’ utenti, se tniedi
studju biex tiġi mmappjata d-domanda għas-SATCOM kemm mill-utenti
tas-sigurtà ċivili kif ukoll mill-infrastrutturi kbar tal-UE.
Ir-riżultati huma mistennija fl-2015. Fl-aħħar
nett, fil-limiti tal-kompetenza tagħha, il-Kummissjoni se tesplora
l-possibbiltà li jikkontribwixxi biex jitjieb l-aċċess tal-UE
għall-Immaġnijiet bis-Satellita ta’ Riżoluzzjoni Għolja,
b’appoġġ għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PESK u
tal-PSDK. 2.6 L-Applikazzjoni
tal-Politiki tal-Enerġija u tal-Istrumenti ta’ Appoġġ tal-UE
fis-Settur tad-Difiża Il-forzi armati
għandhom interess qawwi fit-tnaqqis tal-impronta tal-enerġija
tagħhom u għaldaqstant jistgħu jagħtu kontribut importanti
lejn il-miri tal-enerġiji tal-UE. L-approċċ
u r-riżultati Fl-2013
il-Kummissjoni bdiet diskussjonijiet mal-Istati Membri u mal-Aġenzija
Ewropea għad-Difiża dwar l-istabbiliment ta’ Forum Konsultattiv
għall-Enerġija fis-Settur tad-Difiża u s-Sigurtà. Il-missjoni
ta’ dan il-Forum Konsultattiv se tkun li tgħaqqad il-kompetenza
fl-iżvilupp tal-politiki, u inizjattivi oħra dwar l-enerġija
mar-rekwiżiti speċifiċi u l-ambjent tal-forzi armati. Il-Forum
Konsultattiv huwa mistenni jsir operattiv sal-aħħar tal-2014.
Fil-ħarifa, il-punti ta’ kuntatt uniċi nazzjonali dwar kwistjonijiet
tal-enerġija għandhom jiġu stabbiliti fil-ministeri
tad-difiża u/jew fl-istituzzjonijiet assoċjati. Il-finanzjament
tal-UE għall-Forum Konsultattiv hu provviżorjament riżervat
għall-2014-2015 b’estensjoni possibbli jekk l-inizjattiva tkun utli
għall-Istati Membri. Diskussjonijiet
mal-esperti nazzjonali żvelaw bżonn ta’ informazzjoni dwar kif
il-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-enerġija tal-UE jistgħu
jiġu implimentati fis-settur tad-difiża biex itejbu
l-kapaċitajiet tal-forzi armati u biex jikkontribwixxu għall-kisba
tal-objettivi nazzjonali u tal-EU dwar (1) l-effiċjenza fl-enerġija,
(2) l-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u (3) il-protezzjoni
tal-infrastruttura tal-enerġija kritika. Għalhekk,
sal-aħħar tal-2015, il-Forum ta’ Konsultazzjoni se jiżviluppa
għadd ta’ riżultati, inklużi: ·
dokumenti ta’ gwida dwar a)
l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-enerġija tal-UE
rilevanti u b) investimenti ta’ finanzjament tal-effiċjenza
fl-enerġija u l-enerġija rinnovabbli fis-settur tad-difiża; ·
kunċetti u rakkomandazzjonijiet
għall-azzjonijiet konġunti bejn l-Istati Membri biex titjieb
il-protezzjoni tal-infrastrutturi tal-enerġija kritika. 2.7 It-Tisħiħ
tad-Dimensjoni Internazzjonali Billi fis-snin
reċenti l-baġits tad-difiża kienu qegħdin dejjem jonqsu
fl-Ewropa, l-esportazzjonijiet lejn swieq terzi saru iżjed importanti
għall-industrija Ewropea biex jikkumpensaw għad-domanda mnaqqsa fuq
is-suq intern. L-approċċ
u r-riżultati Kompetittività
fis-swieq terzi: Il-Kummissjoni se tiddiskuti
mal-partijiet interessati dwar kif tiġi appoġġjata l-industrija
tad-difiża Ewropea fis-swieq interni. Kwistjonijiet li għandhom
jiġu indirizzati jinkludu: l-impatt ta’ rekwiżiti ta’ kumpensi
f’pajjiżi terzi fuq is-settur tad-difiża Ewropea; l-ostakli li
l-industrija Ewropea tiffaċċja meta tikkompetti għall-kuntratti
f’pajjiżi terzi u l-kontribut tal-ftehimiet tal-kummerċ u
tal-investiment tal-UE; l-appoġġ li kompetituri minn pajjiżi
terzi jirċievu, u l-limitu safejn appoġġ simili jista’ jiġu
pprovdut lill-kumpaniji tal-UE. Sabiex jiġu
diskussi dawn il-kwistjonijiet, fir-raba’ trimestru tal-2014, il-Kummissjoni se
tistabbilixxi forum li jġib flimkien lil rappreżentanti mill-gvern u
l-industrija. Abbażi tar-riżultati ta’ dan id-djalogu, il-Kummissjoni
se tevalwa l-bżonn ta’ passi addizzjonali. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll
tinvolvi lill-partijiet interessati fuq bażi regolari, notevolment
fil-kuntest tan-negozjati dwar il-ftehimiet tal-kummerċ u l-investiment
ma’ pajjiżi terzi. Kontroll
tal-esportazzjoni b’użu doppju: Wara rapport
lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament
Nru 428/2009[9]
, fl-24 ta’ April 2014, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni
dwar ir-reviżjoni tal-politika dwar il-kontroll tal-esportazzjoni.[10] Din
il-Komunikazzjoni għandha l-għan li timmappja d-direzzjoni
tal-kontrolli tal-esportazzjoni strateġika tal-UE u tidentifika
għażliet ta’ politika konkreti għall-immodernizzar tagħhom. Bħala pass
ulterjuri fir-reviżjoni tal-politika, il-Kummissjoni se twettaq
valutazzjoni tal-impatt dwar l-għażliet ta’ reviżjoni varji
identifikati fil-Komunikazzjoni. Dan l-eżerċizzju se jkun
appoġġjat minn studju estern u jinkludi konsultazzjoni pubblika
mmirata, kif ukoll “forum tal-industrija” għall-partijiet interessati.
Il-Kummissjoni beħsiebha tlesti l-valutazzjoni tal-impatt fl-ewwel nofs
tal-2015, biex b’hekk twitti t-triq għal azzjoni futura possibbli. 3. Konklużjoni Dan ir-rapport
isegwi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni adottata f’Lulju 2013 u jikkontribwixxi
għall-implimentazzjoni tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill
Ewropew ta’ Diċembru 2013. Fl-istess waqt, jiżgura
l-kontinwità tal-attivitajiet tal-Kummissjoni fil-qasam tad-difiża u
s-sigurtà u jipprovdi ħolqa għall-kontribut tal-Kummissjoni
lill-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2015. B’mod
partikolari permezz tal-politiki tagħha dwar is-suq intern, l-industrija,
ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tagħti kontribut
importanti biex issaħħaħ is-settur Ewropew tad-difiża u
s-sigurtà. Dan huwa minnu speċjalment peress li r-relazzjoni bejn id-dinja
ċivili u dik tad-difiża qiegħda ssir aktar intensiva hekk kif
il-linji diviżorji jsiru aktar mċajpra. Dan hu partikolarment
evidenti fil-missjonijiet PSDK li ħafna drabi jkunu ċivili u
jeħtieġu kooperazzjoni ċivili / militari mill-qrib biex ikunu
effettivi. Dan qed iżid id-domanda għal sinerġiji ċivili /
militari akbar f’oqsma bħall-komunikazzjoni, it-trasport strateġiku,
is-sorveljanza, l-RPAS eċċ. L-UE, u speċjalment il-Kummissjoni u
r-Rappreżentant Għoli u l-Aġenżija Ewropea
għad-Difiża huma f’pożizzjoni tajba biex iwieġbu għal
din l-isfida. Fl-istess
ħin l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp fuq id-difiża
qiegħed dejjem jonqos. Fl-2012, in-nefqa fir-riċerka u
l-iżvilupp fl-UE kollha naqset b’38 % meta mqabbla mal-2011.
Parzjalment bħala konsegwenza ta’ dan, id-diskrepanza bejn ir-riċerka
u l-iżvilupp fid-difiża u r-riċerka u l-iżvilupp
ċivili qiegħda tiżdied. Għalhekk id-dipendenza
tal-industrija tad-difiża fuq it-teknoloġiji b’oriġini ċivili
qiegħda tiżdied bħalma hi t-tendenza li jkun hemm diversifikazzjoni
fin-negozji ċivili. Sadanittant il-kumpaniji ċivili qegħdin
jixtru t-teknoloġiji, bħar-robotika, li huma wkoll ta’ interess
għall-kumpaniji tad-difiża. Għalhekk, it-teknoloġiji
essenzjali bħal dawk li jirrelataw mal-“big data”, il-bijoloġija sintetika,
l-istampar 3D, eċċ., se jsiru sors importanti ta’ innovazzjoni kemm
għall-industriji tad-difiża kif ukoll għal dawk ċivili. Filwaqt li
jibqa’ diffiċli biex wieħed ibassar kif se jiżviluppa s-settur
Ewropew tad-difiża u s-sigurtà fl-20 sa 30 sena li ġejjin, huwa
ċar li x-xena industrijali qiegħda tinbidel. L-attivitajiet
tad-difiża se jibqgħu jkollhom l-ispeċifiċitajiet
tagħhom, imma l-elementi ċivili se jsiru aktar importanti
għas-settur. Din ix-xejra tirrendi ħafna mill-politiki
tal-Kummissjoni aktar rilevanti għad-difiża u toffri opportunitajiet
għal sinerġiji ġodda u effiċjenza msaħħa li
l-Ewropa m’għandhiex titlef. [1] L-azzjonijiet
previsti fil-pjan direzzjonali ma għandhom l-ebda impatt fuq il-baġit
tal-UE lil hinn mill-approprjazzjonijiet diġà previsti fil-programmazzjoni
finanzjarja uffiċjali tal-Kummissjoni u huma kompatibbli mal-programmi
Ewropej rilevanti inklużi fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali
għall-2014 – 2020. Kull azzjoni ppreżentata f’dan il-pjan
direzzjonali hija koerenti u kompatibbli ma’ strumenti finanzjarji rilevanti
stabbiliti fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali. [2] L-Artikolu 73
tad-Direttiva 2009/81/KE. [3] Ir-Reġistru
ta’ Intrapriżi Ċertifikati Relatati mad-Difiża (Certider).
Aktar tagħrif huwa disponibbli hawn: http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/defence/certider/ [4] Din
hija parti mill-kuntest usa’ tal-ħidma tal-Kummissjoni f’dan il-qasam biex
tistabbilixxi qafas għat-tħaddim tal-RPAS ċivili kif stabbilit
fil-Komunikazzjoni tagħha tat-8 ta’ April(COM (2014) 207).
B’dan l-għan il-Kummissjoni se tħeġġeġ l-użu
sħiħ tal-istrumenti tal-UE biex tiżgura approċċ
komprensiv u biex jiġu massimizzati s-sinerġiji inklużi billi
tippermetti l-integrazzjoni sikura tal-ispazju tal-ajru mhux segregat
tagħha. [5] COM(2014) 297 [6] COSME
– Competitiveness of Enterprises and Small and Medium-sized Enterprises.
(Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs.) b’baġit ta’
EUR 2.3 biljuni għall-2014 - 2020. [7] Il-Grupp
kien stabbilit fi Frar 2013 biex jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar modi
kif tkattar l-użu tal-KETs fl-Ewropa. [8] Komunikazzjoni tas-6 ta’ Marzu 2014 (JOIN (2014) 9). 7 COM(2013)710, 16.10.2013. [10] COM(2014)244,
24.4.2014.