52014DC0335

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Ħajja diċenti għal kulħadd: minn viżjoni għal azzjoni kollettiva /* /2014/0XXX */


"Ħajja DIċenti Għal Kulħadd:

Minn viżjoni għal azzjoni kollettiva"

1. Introduzzjoni

Il-qerda tal-faqar u l-kisba ta’ żvilupp sostenibbli huma sfidi globali fundamentali li jaffettwaw il-ħajja tal-ġenerazzjonijiet attwali u dawk futuri u l-futur tal-pjaneta kollha. Dawn l-isfidi huma universali u interkonnessi u jeħtieġu rispons globali. Biex jiġu indirizzati jinħtieġu impenn politiku sod u azzjoni determinata fil-livelli kollha u min-naħa tal-partijiet ikkonċernati kollha.  

Din l-aġenda għandha tkun adatta biex tindirizza d-dinja globalizzata u interkonnessa tagħna, billi mhuwiex possibbli li kollox jibqa' għaddej kif inhu kemm f’termini tad-dinjità tal-bniedem, tal-ekwità, tal-ugwaljanza u tas-sostenibbiltà. L-UE u l-Istati Membri tagħha enfasizzaw l-impenn tagħhom li jaħdmu b’mod inklużiv flimkien mas-sħab u l-partijiet ikkonċernati kollha biex jibnu kunsens għal aġenda trasformattiva ġdida wara l-2015. Fil-ħidma li għaddejja bħalissa fil-Grupp ta’ Ħidma Miftuħ tan-NU (OWG - Open Working Group) dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs - Sustainable Development Goals), l-UE ilha żmien tipprovdi, u ser tkompli tipprovdi, input dwar it-triq 'il quddiem permezz ta’ interventi mill-UE u mill-Istati Membri li huma membri tal-OWG.

Din il-Komunikazzjoni tibni fuq il-pożizzjoni eżistenti tal-UE, kif stipulat fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Ġunju 2013. Din tfittex li tkompli telabora l-prinċipji ewlenin, biex jiġu stabbiliti oqsma ta’ prijorità possibbli u suġġetti potenzjali fil-mira għall-qafas għal wara l-2015, biex tipproponi għażliet għall-għaqda ta' dawn l-oqsma prijoritarji u tindirizza l-ħtieġa ta' sħubija globali ġdida.  Fl-istess ħin, iżżomm il-flessibbiltà sabiex tirrispondi għal żviluppi futuri f’diskussjonijiet internazzjonali. Għandha titqies bħala kontribut fil-proċess biex jiġi rfinat l-approċċ tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, permezz tal-istadji finali tal-ħidma fl-OWG dwar l-SDGs u l-ħidma tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-Finanzjament tal-Iżvilupp Sostenibbli. Se tikkontribwixxi wkoll għad-diskussjonijiet li jmiss tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti qabel in-negozjati li jwasslu għas-Summit fl-2015.

Din tibni fuq ir-riżultat ta’ diskussjonijiet internazzjonali riċenti u rilevanti dwar l-iżvilupp sostenibbli u l-qerda tal-faqar, inklużi l-Konferenza ta’ Rio + 20, il-proċess ta’ reviżjoni tal-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millennju (MDGs), ir-rapport tal-Panel ta’ Livell Għoli tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (SĠNU) dwar l-Aġenda għall-Iżvilupp għal wara l-2015 u r-rapport tas-SĠ tan-NU “Ħajja b'Dinjità Għal Kulħadd”.  Tibbaża fuq diskussjonijiet mal-Istati Membri tal-UE. Tqis ukoll il-proposti ewlenin imressqa fil-livell internazzjonali, inklużi diskussjonijiet li saru s’issa fil-Grupp ta’ Ħidma Miftuħ dwar l-SDGs u r-riżultati ta’ diversi konsultazzjonijiet tal-partijiet interessati.

2. Viżjoni u prinċipji

Fil-qalba tal-viżjoni[1] tal-UE jinsab il-fatt li d-dinja għandha t-teknoloġija u r-riżorsi biex sakemm indumu ħajjin aħna stess, jinqered il-faqar estrem u d-dinja titqiegħed f'mogħdija ta' sostenibbiltà biex tiġi żgurata ħajja diċenti għal kulħadd sal-2030. Jintħieġ il-qafas it-tajjeb biex din il-viżjoni ssir realtà. Għandu jkollha aspirazzjoni u kopertura globali u tkun applikabbli b'mod universali għall-pajjiżi kollha, filwaqt li tibbaża fuq is-sjieda nazzjonali u tqis il-kuntesti nazzjonali, il-kapaċitajiet u l-livelli ta’ żvilupp differenti. Għandha tkun ibbażata fuq id-drittijiet u tkun iffukata fuq in-nies. Għandha tagħraf u tindirizza n-natura ta’ rinforz reċiproku bejn il-qerda tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli. Għandha tintegra t-tliet dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli (dik ekonomika, ambjentali u soċjali) b’mod ibbilanċjat.

1. Universalità u Differenzjazzjoni abbażi taċ-ċirkostanzi nazzjonali

L-isfidi tal-qerda tal-faqar u tal-iżvilupp sostenibbli huma kemm komuni — billi huma ta’ tħassib u rilevanza universali għall-pajjiżi u l-persuni kollha inklużi l-ġenerazzjonijiet futuri; u kemm globali — billi f’dinja interdipendenti, bosta sfidi jirrikjedu azzjoni kollettiva u soluzzjonijiet globali. Aġenda universali u trasformattiva għandha tinbena fuq għanijiet u miri li huma ta’ tħassib u rilevanza għall-pajjiżi kollha. Barra minn hekk, il-partijiet ikkonċernati kollha għandhom ikunu involuti fl-implimentazzjoni tagħha.

Jinħtieġ li l-qafas jirrifletti r-realtajiet globali li qed jinbidlu.  Minn mindu tfasslu l-MDGs, l-isfidi globali saru aktar interkonnessi u l-pajjiżi evolvew fir-rigward tal-ekonomiji, is-soċjetajiet u kapaċitajiet tagħhom biex jagħtu kontribut lill-aġenda globali. L-UE se tkompli tirrispetta l-Prinċipji tad-Dikjarazzjoni ta’ Rio tal-1992. Billi l-ambitu tal-prinċipju ta’ responsabbiltajiet komuni iżda differenzjati huwa limitat għad-degradazzjoni ambjentali globali, dan il-kunċett mhuwiex utli biex jiġu indirizzati l-isfidi usa’ tal-qafas għal wara l-2015. Fl-istess ħin, l-UE hija lesta li tkun involuta flimkien mas-sħab tagħha fir-rigward tal-implikazzjonijiet konkreti u l-applikazzjoni tal-universalità u d-differenzjazzjoni għall-pajjiżi kollha għall-kamp ta' applikazzjoni sħiħ tal-Qafas, filwaqt li tqis l-importanza li l-pajjiżi l-inqas żviluppati u pajjiżi vulnerabbli oħra ma jitħallewx barra.

Għalhekk, filwaqt li l-iffissar tal-għanijiet u tal-miri għandu jkun għal kulħadd, fl-implimentazzjoni tal-qafas universali għandhom jitqiesu r-rilevanza u ċ-ċirkostanzi nazzjonali differenti u għandhom jiġu rispettati l-politiki u l-prijoritajiet nazzjonali. Hemm diversi modi kif din id-differenzjazzjoni tista' sseħħ, fost affarijiet oħra, permezz ta’ approċċi differenti biex jintlaħqu l-miri, jew permezz ta’ indikaturi differenzjati biex jitkejjel il-progress. F’dan il-kuntest, is-suġġetti fil-mira mressqin f’din il-Komunikazzjoni jirriflettu l-mod li bih l-universalità u d-differenzjazzjoni jistgħu jiġu applikati fil-prattika mal-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli kollh. Finalment, il-ħidma fil-livell tal-miri, inklużi l-indikaturi għandhom jitfasslu b’tali mod li jixprunaw it-trasformazzjoni meħtieġa fil-pajjiżi kollha fil-livelli diversi ta’ żvilupp sabiex jinkisbu l-għanijiet universali. Dan jimplika li għandhom jiġu kkunsidrati l-punti ta’ tluq u l-kapaċitajiet differenti tal-pajjiżi u l-ħtieġa li l-għanijiet jitħaddnu mill-pajjiżi differenti, ikunu jistgħu jitkejlu, u jistgħu jinkisbu.

2. Aġenda ta’ trasformazzjoni li tintegra t-tliet dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli u tindirizza wkoll sfidi ġodda

Jeħtieġ li l-qafas universali l-ġdid ikun trasformazzjoni biex ikun jista' jilqa' l-isfidi l-ġodda b’mod xieraq. Dan jinkludi l-indirizzar ta’ kwistjonijiet ta’ tħassib globali li ma kinux koperti biżżejjed fl-MDGs, bħat-tkabbir inklużiv u sostenibbli, l-inugwaljanzi, il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, il-migrazzjoni u l-mobbiltà, ix-xogħol diċenti, l-inklużjoni diġitali, is-saħħa u l-protezzjoni soċjali, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, it-tibdil fil-klima, ir-reżiljenza għad-diżastri u l-ġestjoni tar-riskju, u l-għarfien u l-innovazzjoni. Qafas għal wara l-2015 għandu jiżgura wkoll approċċ ibbażat fuq id-drittijiet li jinkludu d-drittijiet tal-bniedem kollha, u jindirizza l-ġustizzja, l-ugwaljanza u l-ekwità, il-governanza tajba, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, u jindirizza s-soċjetajiet paċifiċi u l-ħelsien mill-vjolenza. Minħabba l-effett amplifikat tat-tibdil fil-klima fuq l-isfidi marbuta kemm mal-qerda tal-faqar u mal-iżvilupp sostenibbli, il-qafas il-ġdid għandu jirreaġixxi għat-tibdil fil-klima bħala kwistjoni trażversali. Il-qafas għal wara l-2015 għandu jinkludi l-isforzi biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u jinkludi l-isforzi u l-azzjonijiet meħtieġa billi jintegra l-objettivi dwar it-tibdil fil-klima, u b’mod partikolari l-objettiv “taħt 2 C” miftiehem internazzjonalment, tul is-sett kollu ta’ għanijiet u miri. Għandu jappoġġa u jikkomplementa, iżda mhux ifixkel, in-negozjati dwar il-klima tal-UNFCCC kurrenti.

Jinħtieġ li l-għanijiet u l-miri jinkludu t-tliet dimensjonijiet kollha tal-iżvilupp sostenibbli u l-interkonnessjonijiet tagħhom b’mod ibbilanċjat. Ir-rikonoxximent u l-indirizz ta' dawn l-interkonnessjonijiet se jgħin biex wieħed jasal għal qafas aktar integrat u inqas frammentat. Se jinħtieġu sforzi ikbar biex ikun hemm koerenza tal-politika fil-livelli kollha (nazzjonali, reġjonali u globali).

3. Responsabbiltà

Ir-rekwiżiti fundamentali tal-qafas li ġej għandhom ikunu r-responsabbiltà, it-trasparenza u r-reviżjoni effettiva tal-progress. Il-qafas il-ġdid għandu jinkludi l-azzjonijiet li jżidu b’mod sinifikattiv il-kapaċità li n-nies jipparteċipaw f’għażliet ta’ politiki li jaffettwawhom u l-kapaċità li l-gvernijiet u atturi oħra jinżammu responsabbli għall-progress. L-istabbiliment ta' regoli u istituzzjonijiet xierqa se jkun ċentrali f’dan ir-rigward. Ir-responsabbiltà tinkludi wkoll ir-rispett tal-impenji nazzjonali u internazzjonali dwar l-implimentazzjoni, kemm f’termini ta’ politiki sodi, l-użu effettiv ta’ riżorsi finanzjarji, u kemm fit-titjib reali u tanġibbli ta’ ħajjet in-nies.

Qafas ġdid jipprovdi wkoll opportunità biex jiġi żviluppat mekkaniżmu globali approvat u appoġġat fl-ogħla livell politiku biex ikun żgurat li l-gvernijiet nazzjonali u atturi oħra, inkluż is-settur privat, jinżammu responsabbli għall-implimentazzjoni tal-qafas għar-reviżjoni tal-progress b’mod rigoruż, li jħaffef l-azzjoni u għall-ixprunar ta' azzjonijiet addizzjonali fejn jinħtieġu. Is-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet lokali u s-settur privat għandu jkollhom rwol ewlieni fl-avvanz tal-azzjonijiet u tar-responsabbiltà. Il-ġbir, il-pubblikazzjoni, il-valutazzjoni u l-aċċessibbiltà faċli tad-dejta u l-informazzjoni dwar il-pass tal-progress li jkun sar fil-livell nazzjonali u dak internazzjonali huma elementi ewlenin li jippromwovu t-trasparenza.

Dan jimplika l-ħtieġa ta' reviżjonijiet regolari tal-progress, tal-impenji u tal-implimentazzjoni permezz ta’ qafas istituzzjonali sod, li jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati kollha. Min-naħa tiegħu, dan jirrikjedi l-ġbir u l-analiżi tad-dejta b'mod effettiv li jinvolvi lill-komunità xjentifika u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika fil-pajjiżi. Biex jiġi jiżgurat li ħadd ma jitħalla barra, dan għandu jinkludi l-ġbir ta’ dejta diżaggregata b’mod xieraq.

3. Oqsma ta’ Prijorità u Miri għall-qerda tal-faqar u għall-kisba tal-iżvilupp sostenibbli

1. Qafas ibbażat fuq il-miri għal bidla trasformattiva

Id-dibattitu internazzjonali qed isir aktar speċifiku dwar il-prijoritajiet tematiċi ewlenin li l-aġenda għal wara l-2015 għandha tkopri, inkluż fil-livell tal-miri. Bħala l-ewwel pass lejn viżjoni komuni dwar l-oqsma ta’ prijorità, il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2013 ipprovdew orjentazzjonijiet tematiċi wiesgħa. Il-Kunsill ħtieġ qafas li jiżgura l-istandards bażiċi tal-għajxien, li jippromwovi l-ixprunaturi tal-ekonomija ekoloġika fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli, inklużi t-trasformazzjoni ekonomika strutturali, u li jiżgura l-użu sostenibbli, il-ġestjoni u l-protezzjoni tar-riżorsi naturali tad-dinja u l-ekosistemi li jipprovdu. Qafas għal wara l-2015 għandu jiżgura wkoll approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u jindirizza l-ġustizzja, l-ugwaljanza u l-ekwità, il-governanza tajba, id-demokrazija u l-istat tad-dritt u jindirizza l-paċi u s-sigurtà u l-ħelsien mill-vjolenza. 

Wara li qieset dawn l-orjentazzjonijiet u kif ukoll id-diskussjonijiet fil-livell tan-NU, b’mod partikolari tal-Grupp ta’ Ħidma Miftuħ, il-Kummissjoni identifikat l-oqsma ta' prijorità ewlenin li jistgħu jiġu inklużi fil-qafas għal wara l-2015, minħabba l-kontribuzzjoni ewlenija tagħhom għall-objettiv prevalenti tal-qerda tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli kif definiti hawn taħt. Dawn l-oqsma jirriflettu firxa komprensiva ta’ pubblikazzjonijiet xjentifiċi u tekniċi u l-materjal ta’ sfond żviluppat fil-livell Ewropew u dak f'internazzjonali, inklużi d-diversi konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, u dan jipprovdi aktar dettalji dwar ir-rwol ċentrali ta' dawn l-oqsma fil-kisba tal-qerda tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli. Huma maħsuba sabiex jiggwidaw azzjoni globali għal bidla trasformattiva fil-livelli kollha. L-identifikazzjoni ta’ dawn l-oqsma ta' prijorità hija stadju intermedjarju lejn l-għażla ta’ sett limitat ta’ għanijiet. 

Din it-taqsima tidentifika wkoll it-temi potenzjali fil-mira li jikkorrispondu mal-oqsma ta’ prijorità. Dawn it-temi fil-mira jiddeskrivu l-azzjonijiet ewlenin meħtieġa u l-progress imfittex f’kull żona partikolari. Dawn huma "famużi" billi jinkludu l-kwistjonijiet ewlenin li jikkontribwixxu għal għan, u għandhom jaġixxu bħala xprunaturi tal-bidla.

2. Miri potenzjali u oqsma ta’ prijorità

Il-faqar

 Il-qerda tal-faqar hija riżoluzzjoni ċentrali tad-Dikjarazzjoni tal-Millennju.  Jinħtieġ li l-ħidma mibdija permezz tal-MDGs titkompla u tiġi msaħħa, permezz ta’ viżjoni multidimensjonali tal-faqar li tindirizza l-kawżi multipli tiegħu fil-pajjiżi kollha. It-temi potenzjali fil-mira jistgħu jkunu:

· Il-qerda tal-faqar estrem

· Jitnaqqas il-proporzjon ta’ nies vulnerabbli għall-faqar estrem u li qed jgħixu b’inqas minn $2 fil-ġurnata

· Jitnaqqas il-proporzjon ta' nies li qed jgħixu taħt is-soll nazzjonali tal-faqar, inklużi dawk il-persuni li jagħmlu parti minn gruppi vulnerabbli

· Titnaqqas l-ispiża tar-rimessi u titnaqqas l-ispiża tal-migrazzjoni, inklużi l-ispejjeż tar-reklutaġġ

· Jiġu żgurati d-drittijiet siguri għall-art, għall-proprjetà, u għal assi oħra

· Tinbena r-reżiljenza u jitnaqqsu l-imwiet u t-telf ekonomiku kkawżati mid-diżastri

L-inugwaljanza

Hemm aktar ċans li s-soċjetajiet li jkunu aktar inklużivi u ekwi jgħixu b'mod paċifiku, biex jiġi ġġenerat żvilupp sostenibbli u tkabbir fit-tul u biex jirkupraw aktar malajr minn tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Il-benefiċċji tat-tkabbir u l-iżvilupp għandhom ikunu kondiviżi b’mod wiesa’ għall-benefiċċju tal-membri kollha tas-soċjetà. Għandhom jiġu indirizzati d-differenzi bejn min għandu introjtu u ġid u min ma għandux. Jinħtieġ li l-aġenda għal wara l-2015 tippromwovi investiment adegwat fin-nies kollha, b’mod partikolari f'dawk li huma l-iktar żvantaġġati, fuq il-bażi ta’ drittijiet u opportunitajiet indaqs, billi tipprovdi s-sigurtà tal-introjtu u l-aċċess universali u mhux diskriminatorju għas-servizzi soċjali. It-temi potenzjali fil-mira jistgħu jkunu:

· L-iżgurar li gruppi b'inqas introjtu jibbenefikaw mit-tkabbir fl-introjtu nazzjonali daqs gruppi b'introjtu ogħla

· Tintemm id-diskriminazzjoni u l-inugwaljanzi fit-twassil tas-servizz pubbliku u l-ħajja ekonomika

· Il-gruppi ta' nies emarġinati, fosthom il-minuranzi etniċi, il-migranti u r-refuġjati, jingħataw s-setgħa u jiġu inklużi.

Is-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni, l-agrikoltura sostenibbli

Il-ġlieda kontra n-nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel u l-malnutrizzjoni tista' tilqa' t-trażmissjoni tal-faqar minn ġenerazzjoni għall-oħra. Biex tkun żgurata s-sigurtà tal-ikel jeħtieġ li l-bdiewa ż-żgħar, b’mod partikolari n-nisa, jkollhom aċċess għall-art, għar-riżorsi, għall-investiment u għas-swieq, ikollhom aċċess għal ikel nutrittiv u għal sistemi tas-saħħa xierqa, kif ukoll tinħtieġ azzjoni multisettorjali dwar l-imġiba u t-tendenzi tad-dieta. Il-qafas jeħtieġ li jippromwovi prattiki sostenibbli ta' agrikoltura, ta' sajd u ta' akkwakultura, l-użu effiċjenti tar-riżorsi u reżiljenza mtejba. Agrikoltura sostenibbli, inkluż sajd sostenibbli, hija fundamentali għall-iżvilupp sostenibbli u għas-sigurtà tal-ikel, kif ukoll sabiex ikun żgurat l-adattament b'suċċess għat-tibdil fil-klima.  Għandhom jiġu indirizzati wkoll it-telf ta’ wara l-ħsad u l-ħela tal-ikel. It-temi potenzjali fil-mira jistgħu jkunu:

· L-iżgurar ta' aċċess is-sena kollha għal ikel sikur, biżżejjed, affordabbli u nutrittiv biex jinqered il-ġuħ

· It-tmiem tal-malnutrizzjoni, tan-nuqqas ta' żvilupp fit-tfal u tal-ħela

· It-titjib fil-produttività tal-agrikoltura, tas-sajd u tal-akkwakultura b'mod sostenibbli.

· It-tnaqqis tat-telf u l-ħela tal-ikel.

Is-saħħa

Is-saħħa, iddefinita bħala l-benesseri u mhux biss bħala nuqqas ta’ mard, hija kundizzjoni għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali kif ukoll riżultat tiegħu. Il-kisba ta’ kopertura ekwa u universali tas-servizzi tas-saħħa ta’ kwalità, flimkien mal-protezzjoni kontra r-riskju finanzjarju personali minħabba nfiq eċċessiv fuq is-saħħa, huma essenzjali sabiex id-dritt li għandu kulħadd għall-ogħla standard possibbli ta’ saħħa isir realtà. L-isfidi prinċipali huma l-kisba ta' kopertura ekwa u universali tas-servizzi tas-saħħa ta’ kwalità u l-aċċess għalihom, u l-protezzjoni mir-riskju finanzjarju min-nefqa fuq is-saħħa mhux mistennija. Jinħtieġ li jiġu indirizzati l-piż tal-mard (kemm dak li jittieħed kif ukoll dak li ma jitteħidx), l-istil ta’ ħajja, il-fatturi determinanti tas-saħħa li huma ta’ natura soċjali u ambjentali, inkluż l-indirizzar tal-kawżi tal-mard permezz ta’ approċċ ta’ saħħa fil-politiki kollha.  It-temi potenzjali fil-mira jistgħu jkunu:

· It-tnaqqis tal-mortalità tat-tfal u tal-ommijiet u li jiġu żgurati s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi universali

· It-tnaqqis tal-piż tal-mard li jittieħed u li ma jitteħidx

· Il-kisba ta' kopertura universali effettiva u ekwa b'servizzi tas-saħħa ta' kwalità għal kulħadd, inkluż għal nies vulnerabbli, bħall-persuni b'diżabbiltajiet jew l-anzjani

· L-iżgurar li ħadd ma jispiċċa f'faqar estrem jew jibqa' jgħix f'faqar estrem minħabba l-infiq fuq il-kura tas-saħħa. 

L-Edukazzjoni

Aċċess għal edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għat-tfal, għaż-żgħażagħ u għall-adulti kollha huwa dritt fundamentali tal-bniedem, prerekwiżit biex jitkissru ċ-ċikli interġenerazzjonali tal-faqar, u strumentali fit-trawwim ta’ ċittadinanza attiva u li tippermetti soċjetajiet bbażati fuq l-għarfien u l-innovazzjoni. L-isfidi ewlenin jinkludu l-iżgurar ta' aċċess ekwu għal-livelli kollha tal-edukazzjoni, it-tlestija tagħha, u t-titjib fil-kwalità tal-edukazzjoni f’perspettiva ta’ tagħlim tul il-ħajja. Barra minn hekk, l-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ u l-ħiliet rilevanti huma kruċjali biex iż-żgħażagħ u l-adulti jitħejjew għas-suq tax-xogħol. Jibqgħu l-isfidi biex jintlaħqu l-persuni marġinalizzati, inklużi dawk affettwati minn kunflitt, l-għeluq tad-distakki bejn is-sessi, u l-iżgurar tal-litteriżmu tal-adulti fil-pajjiżi kollha. It-temi potenzjali fil-mira jistgħu jkunu:

· L-iżgurar tal-aċċess għal ċiklu sħiħ ta' edukazzjoni bażika ta' kwalità inkluża l-edukazzjoni sekondarja inferjuri, u t-tlestija tagħha bl-istess mod għas-subien u għall-bniet

· L-iżgurar ta' ħiliet komprensivi bażiċi, trasferibbli u tekniċi għal kulħadd biex jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà

· It-tnaqqis tar-rata tal-illitteriżmu fost il-popolazzjoni adulta

· It-tneħħija tal-inugwaljanzi fl-edukazzjoni, filwaqt li jittieħdu miżuri speċifiċi biex jintlaħqu l-individwi żvantaġġati u l-gruppi fir-riskju ta' diskriminazzjoni, inklużi l-persuni b'diżabbiltà, il-minuranzi etniċi, il-migranti u r-refuġjati

· It-tisħiħ tar-rabiet bejn l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni u t-tħeġġiġ tal-ħolqien u t-tixrid tal-għarfien.

L-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa

L-ugwaljanza bejn is-sessi, l-għoti tas-setgħa lin-nisa u t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tan-nisa u l-bniet fil-pajjiżi kollha huma kundizzjonijiet essenzjali għall-iżvilupp sostenibbli, għall-qerda tal-faqar u biex tiġi indirizzata l-ħidma mhux mitmuma tal-MDGs. Il-kwistjonijiet ewlenin jinkludu ż-żamma ta' livell għoli ta’ impenn politiku u r-rikonoxximent li l-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi, l-għoti tas-setgħa lin-nisa u tad-drittijiet tal-bniedem lill-bniet huma responsabbiltà universali; it-tisħiħ tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u l-governanza; u ż-żieda fl-investiment fl-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa u l-bniet. Il-ġbir ta’ dejta maqsuma skont is-sess, se tikkontribwixxi għall-għan tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi. It-temi potenzjali fil-mira jistgħu jkunu:

· Il-prevenzjoni u t-tneħħija ta' kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet

· It-tmiem ta' kull forma ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet 

· Iż-żieda tar-rappreżentanza, tal-parteċipazzjoni u tat-tmexxija min-nisa fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet f'kull livell u f'kull sfera

· L-iżgurar ta' aċċess universali u ugwali għan-nisa u l-bniet għas-servizzi essenzjali

· l-għeluq u t-tneħħija tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa fis-settur pubbliku u dak privat

L-ilma u s-sanità

Jinħtieġ li l-qafas jippromwovi l-aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb u għas-sanità, il-ġestjoni integrata tal-ilma, inkluża l-effiċjenza tal-użu tal-ilma, għall-ġestjoni tal-isfidi tat-tibdil fil-klima u l-iskarsezza tal-ilma. It-temi potenzjali fil-mira jistgħu jkunu:

· Il-kisba ta' aċċess universali għall-ilma tajjeb għax-xorb

· Il-kisba ta' aċċess universali għas-sanità u l-iġjene

· It-titjib fil-ġestjoni integrata tar-riżorsi tal-ilma

· It-titjib fl-effiċjenza tal-użu tal-ilma fis-setturi kollha

· It-titjib fil-kwalità tal-ilma u t-tnaqqis tat-tniġġis

L-enerġija sostenibbli

Il-mixja lejn sistemi ta’ enerġija sostenibbli u b’livelli baxxi ta' karbonju tista' twassal għal kisbiet kbar fil-qerda tal-faqar u fl-iżvilupp sostenibbli, u hija element ċentrali tal-isforzi biex jittaffa t-tibdil fil-klima. L-isfidi ewlenin jinkludu l-aċċess għal enerġija nadifa, affordabbli u sostenibbli, it-titjib fl-effiċjenza tal-użu tal-enerġija, infrastruttura reżiljenti u ż-żieda tas-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija (skont l-inizjattiva Enerġija Sostenibbli għal Kulħadd). Kwistjoni importanti hija l-indirizzar tas-sussidji tal-fjuwil ta’ ħsara, li ma jsostnux l-ifqar iżda jippromwovu sistemi tal-enerġija mhux sostenibbli. It-temi potenzjali fil-mira jistgħu jkunu:

· L-iżgurar ta' aċċess universali għal servizzi tal-enerġija moderni

· Iż-żieda fir-rata globali tat-titjib fl-effiċjenza tal-użu tal-enerġija

· Iż-żieda fis-sehem tal-enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija globali

· L-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji fuq il-fjuwils fossili ta' ħsara.

Impjieg sħiħ u produttiv u xogħol diċenti għal kulħadd

L-impjiegi huma essenzjali biex wieħed joħroġ mill-faqar u jikkontribwixxu għall-ugwaljanza, l-ekwità, il-ġustizzja, il-paċi u s-sigurtà. Il-ħolqien ta’ impjiegi diċenti, b’mod partikolari f’perspettiva ta’ żvilupp fit-tul, isaħħaħ it-tkabbir. L-isfidi ewlenin jinkludu l-qgħad, b’mod partikolari taż-żgħażagħ u tal-anzjani u tal-persuni b’diżabbiltà, u l-kwalità tal-impjiegi formali u informali. Din tal-aħħar tinkludi l-paga, il-kundizzjonijiet, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali, kif ukoll il-ħtieġa li jinħolqu impjiegi ekoloġiċi diċenti. It-temi potenzjali fil-mira jistgħu jkunu:

· Iż-żieda fil-kwantità u l-kwalità tax-xogħol u t-titjib tas-sostenibbiltà u l-għajxien adegwat b'mod partikolari għaż-żgħażagħ, l-anzjani, in-nisa u l-gruppi f'riskju ta' diskriminazzjoni

· Iż-żieda fis-sehem tal-impjieg produttiv u tax-xogħol diċenti fl-impjieg totali skont il-pilastri tal-aġenda tax-xogħol diċenti

· Iż-żieda fil-kopertura tal-bażi ta' protezzjoni soċjali u l-implimentazzjoni gradwali ta' standards ogħla tal-garanziji soċjali

· Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-migranti ħaddiema u l-persuni spustati f'konformità man-normi u l-istandards tal-ILO.

It-tkabbir inklużiv u sostenibbli

It-tnaqqis tal-faqar fit-tul u l-prosperità komuni għal kulħadd jeħtieġu tkabbir inklużiv u sostenibbli.  It-tkabbir għandu joħloq impjiegi diċenti, isir bl-effiċjenza tar-riżorsi u fil-limiti tal-pjaneta, u għandu jappoġġa l-isforzi biex jittaffa t-tibdil fil-klima. Il-kwistjonijiet ewlenin huma l-promozzjoni ta’ ambjenti favorevoli għall-intraprenditorija, għan-negozju, għall-investiment fil-kummerċ u għall-innovazzjoni, inklużi sistemi tat-taxxa effiċjenti, regolatorji u ġudizzjarji, l-investiment pubbliku, l-aċċess għas-swieq u għall-finanzi u l-promozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda. It-temi potenzjali fil-mira jistgħu jkunu:

· Il-promozzjoni tat-trasformazzjoni strutturali tal-ekonomija u ta' ambjent li jippermetti l-innovazzjoni, l-intraprenditorija, in-negozju u l-kummerċ

· L-iżgurar ta' aċċess għas-swieq u għall-finanzi, u għat-teknoloġiji u n-netwerks tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni

· Il-promozzjoni tal-investiment pubbliku f'infrastruttura reżiljenti

· Il-faċilitazzjoni tal-migrazzjoni sikura, ikkontrollata u regolari permezz ta' kooperazzjoni internazzjonali mtejba

· Il-provvista ta' aċċess ħieles mid-dazju u mit-tariffi għall-prodotti li joriġinaw minn pajjiżi anqas żviluppati.

Il-bliet u l-insedjamenti umani sostenibbli

F’dinja dejjem aktar urbanizzata, il-bliet jipprovdu sfidi ewlenin għall-iżvilupp sostenibbli.  Jinħtieġu proċessi tal-ippjanar u l-iżvilupp sostenibbli, iffaċilitati minn awtoritajiet pubbliċi effettivi. Dan jinkludi ppjanar u implimentazzjoni għat-tnaqqis u l-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri u għaż-żoni rurali li l-bliet jinteraġixxu magħhom. Il-miżuri ewlenin jinkludu t-tnaqqis tal-għadd ta’ persuni li jgħixu fil-bassifondi, l-indirizzar tat-tniġġis tal-arja, il-bini ta’ akkommodazzjonijiet u infrastruttura reżiljenti u t-titjib tal-ġestjoni tal-iskart. It-titjib fl-ippjanar u l-governanza urbana sostenibbli jeħtieġ teħid ta’ deċiżjonijiet b'mod demokratiku, trasparenti u responsabbli. It-trasport urban u rurali sostenibbli huma essenzjali wkoll.  Il-miri potenzjali jistgħu jkunu:

· It-titjib fl-aċċess għat-trasport sikur u sostenibbli, dan jinkludi trasport pubbliku affordabbli

· It-tnaqqis ta' persuni li jgħixu fil-bassifondi billi jiġu żgurati akkomodazzjonijiet sikuri, affordabbli u reżiljenti u s-sigurtà tal-pussess tal-art

· It-titjib tal-implimentazzjoni u l-ippjanar tal-użu tal-art u l-ippjanar urban b'mod sostenibbli u aċċessibbli

· It-titjib tal-kwalità tal-arja.

Il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli

Ix-xejriet attwali tal-produzzjoni u tal-konsum mhumiex sostenibbli. Għall-konsum, l-azzjonijiet prinċipali huma l-promozzjoni tal-użu ta' prodotti li jużaw l-enerġija u r-riżorsi b'mod effiċjenti u ekoloġiku, l-eliminazzjoni b’mod gradwali ta’ sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent u l-akkwist pubbliku sostenibbli. Il-kwistjonijiet dwar il-produzzjoni jinkludu l-promozzjoni ta’ produzzjoni innovattiva u effiċjenti fil-konsum tar-riżorsi, ir-rappurtar korporattiv dwar is-sostenibbiltà, il-valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti, il-kostruzzjoni sostenibbli, l-iskart u l-ġestjoni tas-sustanzi kimiċi u l-promozzjoni tal-ekointraprenditorija u l-ekoinnovazzjoni.  It-temi potenzjali fil-mira jistgħu jkunu:

· It-tnaqqis, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart

· It-titjib tal-produttività tar-riżorsi

· It-tnaqqis tal-impatti tal-konsum fuq l-ambjent

· L-iżgurar ta' ġestjoni soda tas-sustanzi kimiċi matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom

· Is-sustanzi kimiċi perikolużi: it-tnaqqis tal-esponiment tal-bniedem u tar-rilaxx fl-ambjent

· It-titjib tal-prestazzjoni tas-sostenibbiltà tal-kumpaniji, tal-prodotti u s-servizzi

L-oċeani u l-ibħra

Il-ġestjoni sostenibbli tal-oċeani tipprovdi benefiċċji ekonomiċi u soċjali għall-bnedmin kollha.  Tinħtieġ azzjoni ewlenija biex ikunu żgurati oċeani b’saħħithom permezz ta’ approċċ għall-ġestjoni tal-attivitajiet kollha tal-bniedem li għandhom impatt fuq l-oċeani bbażat fuq l-ekosistema u l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, u biex tippromwovi s-sajd sostenibbli. L-isfidi jinkludu t-tniġġis, l-aċidifikazzjoni, iż-żieda fil-livell tal-baħar, l-istabbiliment ta’ għodod għall-ġestjoni addattati għaż-żoni individwali, inklużi żoni marini protetti, inklużi żoni lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali, l-indirizzar tas-sajd eċċessiv u tal-kapaċità żejda, tas-sajd illegali, mhux irregolat u mhux rapportat, l-indirizzar tal-ekosistemi ta' ħsara, tal-impatti ambjentali u tal-aċċess għas-sajd u s-swieq minn sajjieda żgħar li kemm kemm jgħejjxu lilhom innfushom u lill-familji tagħhom.  It-temi potenzjali fil-mira jistgħu jkunu:

· Il-protezzjoni u r-ristawr tas-saħħa tal-oċeani u ż-żamma tal-bijodiversità marina billi jitnaqqsu l-impatti mill-attività tal-bniedem

· L-iżgurar ta' sajd sostenibbli (stokkijiet b'saħħithom tal-ħut)

· L-iżgurar tal-aċċess għas-sajd fil-livelli lokali, reġjonali u globali minn sajjieda żgħar u li jaqbdu biss biżżejjed għall-għajxien tagħhom

· It-tnaqqis tat-tniġġis u ż-żibel marin inkluż dak minn sorsi bbażati fuq l-art

Il-bijodiversità u l-foresti

Il-bijodiversità hija element essenzjali ta’ sistema ta’ sostenn tal-ħajja fid-dinja, u hija partikolarment mhedda mit-tibdil fil-klima.  Tinħtieġ azzjoni biex titnaqqas ir-rata ta’ telf tal-ħabitats naturali kollha u tal-ispeċijiet mhedda (inkluż permezz tat-traffikar tal-annimali selvaġġi u l-qbid illegali) u biex tiġi integrata l-bijodiversità f’oqsma ewlenin tal-politika (inklużi l-agrikoltura u s-sajd). It-telf tal-kopertura ta' foresti madwar id-dinja għandu jitreġġa’ lura, it-telf ta’ foresti primarji jitwaqqaf u jiġi eliminat il-qtugħ illegali tas-siġar u l-kummerċ assoċjat. It-temi potenzjali fil-mira jistgħu jkunu:

· Is-salvagwardja u r-ristawr tal-ekosistemi li jipprovdu servizzi essenzjali

· Il-prevenzjoni tal-estinzjoni ta' speċijiet li huma magħrufa bħala mhedda u t-titjib tal-istatus tal-konservazzjoni

· It-tnaqqis tar-rata ta' telf, ta' degradazzjoni u ta' frammentazzjoni tal-ħabitats naturali kollha

· It-tnaqqis tad-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-foresti abbażi ta' ġestjoni sostenibbli tal-foresti

· It-tnaqqis tal-livelli tal-kummerċ illegali fl-annimali selvaġġi u fl-injam.

Id-degradazzjoni tal-art, inkluża d-deżertifikazzjoni u n-nixfa

Id-degradazzjoni tal-art, inklużi d-deżertifikazzjoni u n-nixfa huma oqsma ta’ tħassib globali persistenti u huma aggravati mit-tibdil fil-klima. Il-prijorità hija l-kisba ta' dinja newtrali fir-rigward tad-degradazzjoni tal-art. Dan jeħtieġ li jitnaqqas it-telf tal-kapital naturali tal-art, it-titjib tal-governanza (inkluż dwar l-aċċess u l-pussess) u żieda fir-reżiljenza.  It-temi potenzjali fil-mira jistgħu jkunu:

· Il-mixja lejn dinja newtrali fir-rigward tad-degradazzjoni tal-art

· Il-protezzjoni tal-ħamrija

· Il-prevenzjoni u t-tnaqqis tan-nixfa.

Id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u l-istituzzjonijiet effettivi

Approċċ ibbażat fuq id-drittijiet, li jinkludi d-drittijiet kollha tal-bniedem, se jikktribwixxi b'mod deċiżiv għat-titjib fil-kwalità tal-governanza, għat-tnaqqis tal-inugwaljanza u l-esklużjoni u għat-twettiq tal-miri u l-azzjonijiet maħsuba ta' din l-aġenda permezz tal-parteċipazzjoni, it-trasparenza u r-responsabbiltà. Ir-rekwiżiti ewlenin huma t-tisħiħ tas-sistemi politiċi parteċipattivi li jagħtu vuċi lin-nies, speċjalment lill-gruppi vulnerabbli u marġinalizzati, f’għażliet ta’ politika u fit-teħid ta’ deċiżjonijiet li jaffettwawhom, u l-iżgurar li dawk responsabbli jistgħu jinżammu responsabbli. Approċċ ta' dan it-tip isir aktar importanti f'dinja interkonnessa. Dan ikun jippermetti li n-nies jibnu ħajjithom, jikkapitalizzaw fuq l-opportunitajiet ekonomiċi u b'hekk jipparteċipaw b’mod produttiv u paċifiku fil-ħajja politika, ekonomika u soċjali. It-temi potenzjali fil-mira jistgħu jkunu:

· L-iżgurar tar-reġistrazzjoni ċivili ħielsa u universali u t-titjib tas-sistemi tal-istatistika vitali

· L-iżgurar tal-libertà tal-esprezzjoni, l-assoċjazzjoni, id-djalogu soċjali, il-protesta paċifika, il-parteċipazzjoni sinifikanti tal-pubbliku

· L-iżgurar tat-trasparenza u l-garanzija tad-dritt tal-aċċess pubbliku għat-tagħrif, għad-dejta tal-gvern, għal midja indipendenti u għall-internet miftuħ

· L-adozzjoni tal-qafas legali xieraq għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-iktar gruppi u individwi vulnerabbli, inklużi r-refuġjati u l-persuni spustati internament

· L-iżgurar tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' qafas legali xieraq u politiki nazzjonali li jnaqqsu l-korruzzjoni

· L-iżgurar li l-istituzzjonijiet ġudizzjarji jkunu aċċessibbli, imparzjali u indipendenti u li jirrispettaw id-drittijiet ta' proċess ġust.

Is-soċjetajiet paċifiċi

Il-paċi hija prerekwiżit għall-iżvilupp sostenibbli u għall-qerda tal-faqar fit-tul.  Il-kawżi bażiċi tal-kunflitti u l-vjolenza huma marbuta b’mod qawwi ma’ governanza fqira, mal-esklużjoni politika u soċjali, mal-inugwaljanzi, mal-korruzzjoni u man-nuqqas ta' provvista ta’ servizzi bażiċi. Il-prijoritajiet jinkludu t-tnaqqis tal-inċidenza ta’ vjolenza u ta' mwiet vjolenti u l-indirizzar ta’ theddid transfruntiera bħalma hija l-kriminalità organizzata u l-kummerċ illegali. Il-bini ta’ istituzzjonijiet xierqa biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi huwa kritiku. It-temi potenzjali fil-mira jistgħu jkunu:

· It-tnaqqis tal-imwiet vjolenti u tal-għadd ta' persuni affettwati mill-vjolenza

· It-titjib tal-kapaċità, tal-professjonaliżmu u tar-responsabbiltà tal-pulizija, u tal-istituzzjonijiet tal-ġustizzja u tas-sigurtà 

· It-tnaqqis tal-fluss illeċitu ta' armi żgħar u armi letali

· It-tnaqqis tal-kriminalità organizzata internazzjonali, inklużi l-flussi finanzjarji illeċiti u t-traffikar tad-drogi, tan-nies tal-annimali selvaġġi u tar-riżorsi naturali.

Fil-qafas għal wara l-2015 iridu jitqiesu wkoll ħafna kwistjonijiet trażversali bħalma huma t-tibdil fil-klima, id-diżastri u r-reżiljenza, id-dinamika tal-popolazzjoni u l-migrazzjoni. Dawn kollha jista' jkollhom impatt kbir fuq l-ekonomija kif ukoll fuq il-benessri u fuq is-sigurtà taċ-ċittadini, u jeħtieġ li jiġu indirizzati fil-qafas b’mod li ma jtennix jew jinterferixxi fil-proċessi internazzjonali u l-ftehimiet rispettivi. Din l-integrazzjoni tidher ukoll fis-sett ta' temi potenzjali fil-mira proposti hawn fuq, li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet kritiċi.  

Il-qafas għandu jinkludi l-isforzi u l-azzjonijiet meħtieġa biex jindirizza t-tibdil fil-klima, speċifikament dawk li ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-proċess tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC). Għalhekk, l-oqsma u l-miri ta' prijorità eventwali għal wara l-2015 għandhom jitfasslu b'tali mod li jappoġġaw l-isforzi għat-taffija tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih.

L-Anness jagħti sommarju tat-temi fil-mira u tal-elementi ewlenin relatati ma’ kull wieħed.

3. L-iżvilupp tal-miri u l-indirizzar tal-interkonnesssjonijiet

It-taqsima preċedenti tipprovdi l-oqsma ta’ prijorità u t-temi fil-mira li huma meqjusa bħala importanti sabiex wieħed jasal għal aġenda trasformattiva għal wara l-2015.  Filwaqt li l-ħidma lejn miri konkreti qed tavvanza, hemm għadd ta’ kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati:

L-objettivi għandhom ikunu speċifiċi, li jistgħu jitkejlu, li jistgħu jintlaħqu, jkunu rilevanti u marbuta biż-żmien (SMART). Dawn għandhom ikunu msejsa fuq l-evidenza u mibnija fuq id-dejta disponibbli, jew dejta li x’aktarx issir disponibbli fil-futur qarib, u jkunu bbażati fuq indikaturi li permezz tagħhom il-progress ikun jista' jiġi kkwantifikat u espress f’ċifri speċifiċi, fi skedi ta’ żmien u f'perċentwali. Filwaqt li l-miri se jkopru l-prijoritajiet ewlenin, l-aspetti dettaljati tal-implimentazzjoni għandhom jiġu espressi permezz ta’ indikaturi li jippermettu l-kejl tal-progress. Se jkun hemm bżonn ta’ kompromessi bejn il-komprensività u l-impatti politiċi u operattivi, u b’hekk f’xi każijiet, jinħtieġ li l-miri jirrappreżentaw indikaturi għall-kwistjonijiet l-aktar kritiċi.

Il-miri għandhom jitfasslu b'tali mod li jkollhom kopertura universali, bil-fehim li jkunu jistgħu jiġu implimentati b'mod differenti f'ċirkostanzi differenti, pereżempju permezz ta' skedi ta' żmien jew modi ta implimentazzjoni differenti. Xi miri, jew xi partijiet minnhom, jistgħu jkunu iktar applikabbli f’kuntest jew f'ieħor, u dan jista’ jiġi indirizzat b'għażla xierqa ta’ indikaturi.  Il-pajjiżi ma għandhomx jingħataw permess li jagħżlu kif iridu huma minn lista ta' miri; dan hu essenzjali sabiex ikun żgurat li l-isforzi mlaqqgħin tal-pajjiżi jkunu biżżejjed biex jintlaħqu l-għanijiet u l-miri, u b'hekk ikun żgurat il-progress massimu possibbli f'kull pajjiż skont il-kapaċitajiet tiegħu. Il-miri għandhom prinċipalment japplikaw għall-pajjiżi, iżda l-implimentazzjoni tagħhom se tirrikjedi wkoll azzjoni mill-partijiet ikkonċernati kollha.

Il-miri għandhom jirriflettu wkoll l-interkonnessjonijiet multipli bejn l-oqsma differenti tal-qafas għal wara l-2015. L-identifikazzjoni u l-indirizzar tal-interkonnessjonijiet huma meħtieġa biex tiġi evitata l-ħidma iżolata u sabiex ikun żgurat progress bilanċjat tul it-tliet dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli. Billi kull qasam ta’ prijorità huwa relatat mal-oqsma l-oħra kollha, l-involviment fil-livell tal-miri huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu r-rabtiet b’mod sinifikattiv u operattiv.

Il-miri żviluppati skont prijoritajiet partikolari (pereżempju l-aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb u s-sanità) se jkun ukoll direttament rilevanti għal prijoritajiet oħra (eż. is-saħħa). Dan jimplika li, minbarra l-objettivi ewlenin magħżula u identifikati għal kull għan, il-qafas għal wara l-2015 għandu jenfasizza l-kontroreferenzi b’mod koerenti. Pereżempju, għan dwar is-sigurtà tal-ikel, in-nutrizzjoni u l-agrikoltura sostenibbli, minbarra l-miri ewlenin magħżula jista’ jkollu referenzi għal miri oħra bħall-effiċjenza tal-użu tal-ilma, id-degradazzjoni tal-art, l-ugwaljanza bejn is-sessi, u l-governanza.   

4. Raggruppament possibbli tal-oqsma ta’ prijorità

Fil-bidu, il-ħidma fi ħdan l-UE ffokat fuq l-identifikazzjoni ta' għadd ta’ oqsma ta' prijorità u t-temi fil-mira relatati. Sabiex isir progress lejn sett limitat ta’ għanijiet, kif miftiehem fi ħdan l-UE u fil-kuntest tan-NU, l-istadju li jmiss huwa r-raggruppament tal-oqsma ta’ prijorità. Il-kriterju ewlieni għar-raggruppament għandu jkun l-interkonnessjonijiet b'saħħithom bejn l-oqsma ta’ prijorità u t-temi fil-mira relatati tagħhom, filwaqt li titqies il-kontribuzzjoni tagħhom lejn il-qerda tal-faqar u lejn l-iżvilupp sostenibbli.  Ir-rikonoxximent ta' dawn il-ħafna interkonnessjonijiet fil-qafas għal wara l-2015 jista' jgħin billi jġib flessibbiltà fl-isforz kollettiv biex jintlaħaq kunsens fuq sett limitat ta’ miri.

Bħala eżempju ta’ raggruppament fuq din il-bażi, it-tkabbir sostenibbli inklużiv jista’ jitlaqqa' mal-impjiegi, filwaqt li l-bijodiversità u l-foresti jistgħu jitlaqqgħu mad-deżertifikazzjoni li tinkludi d-degradazzjoni tal-art u n-nixfa, u l-bliet sostenibbli jistgħu jiġu integrati fil-qafas kollu.

5. Sħubija Globali ġdida

Sħubija globali ġdida u msaħħa għandha tkun inklużiva u timmobilizza azzjoni fil-livelli kollha mill-pajjiżi kollha u l-partijiet ikkonċernati kollha, inkluż is-settur privat, is-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet xjentifiċi u tal-għarfien, il-parlamenti u l-awtoritajiet lokali. L-UE għandha tibqa’ waħda mill-ixprunaturi li jwasslu għall-mobilizzazzjoni ta' azzjoni interna u madwar id-dinja u hija esprimiet ripetutament l-appoġġ tagħha għal Sħubija Globali ġdida.

L-ewwel nett, għandna bżonn valutazzjoni ta’ liema huma l-miżuri ewlenin li jixprunaw il-progress lejn il-kisba tal-għanijiet u l-objettivi u, it-tieni, tinħtieġ diskussjoni dwar kif jiġi żgurat li dawn il-miżuri ewlenin jingħataw l-attenzjoni dovuta lokalment kif ukoll internazzjonalment. Ambjent favorevoli, b’politiki b'saħħithom u koerenti kemm fil-livell domestiku u dak internazzjonali, huwa eżempju ta’ kwistjoni kritika.

Ambjent ta’ politika favorevoli

L-UE tibqa’ impenjata li tiżgura aktar Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD), filwaqt li jitqiesu l-objettivi tal-iżvilupp f’dawk il-politiki li x’aktarx jolqtu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Is-sħab kollha fid-dinja żviluppata u dik li qed tiżviluppa huma mħeġġa biex jippromwovu l-koerenza fil-politika u biex jirrevedu l-politiki tagħhom, kif inhu rilevanti għalihom individwalment, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tagħhom mal-isforzi għall-qerda tal-faqar u mal-iżvilupp sostenibbli bħala kontribuzzjoni importanti għall-implimentazzjoni tal-qafas globali.

Bħala eżempju wieħed, minbarra li hija l-iktar suq miftuħ għall-esportazzjonijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-UE tippromwovi wkoll l-akkwist, il-kummerċ u l-użu ta’ riżorsi naturali u ta' materja prima li huma responsabbli, sostenibbli u aktar trasparenti. F’Ġunju tal-2013, l-UE adottat leġiżlazzjoni dwar it-trasparenza u r-responsabbiltà li jeħtieġu li l-kumpaniji estrattivi kbar fis-settur tal-forestrija jiżvelaw pubblikament il-pagamenti lill-gvernijiet fuq bażi ta’ pajjiż b’pajjiż. Din il-leġiżlazzjoni tagħti lill-UE u lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw għodda effettiva biex tkun miġġielda l-korruzzjoni, u dan għaqndu jwassal biex ikun hemm aktar riżorsi domestiċi disponibbli għall-iżvilupp. Barra minn hekk, hemm proposta riċenti għal approċċ integrat dwar l-akkwist responsabbli tal-minerali minn żoni affettwati mill-kunflitti u minn żoni ta’ riskju għoli.

Bħala eżempju ieħor għall-PCD, sħubija globali ġdida għandha trawwem djalogu u kooperazzjoni msaħħa fost l-istati u l-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħra biex toħloq ambjent li jippermetti li jiżdiedu l-benefiċċji tal-migrazzjoni internazzjonali għall-iżvilupp tal-bniedem permezz ta’ azzjoni f’oqsma bħalma huma t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-migrazzjoni u tat-trasferimenti tar-rimessi jew il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kontra l-migranti. L-UE se tkompli bl-isforzi tagħha biex tissieħeb ma’ pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jimmassimizzaw l-impatt tal-iżvilupp tal-migrazzjoni fil-kuntest tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobbiltà.

Ir-rwol tal-kummerċ u l-ftuħ tal-kummerċ fil-kuntest ta’ politiki u riformi domestiċi sodi huma ċentrali għall-qerda tal-faqar u għall-iżvilupp sostenibbli. Il-valur ta’ sistema bbażata fuq ir-regoli stabbilita mid-WTO f’dan ir-rigward għandu jiġi affermat mill-ġdid. L-UE tkompli bl-inizjattivi tagħha biex tappoġġa l-integrazzjoni tas-suq mill-ifqar pajjiżi permezz ta’ azzjoni mmirata, pereżempju permezz tal-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi, inkluża l-inizjattiva Kollox ħlief Armi (EBA) u l-arranġament speċjali għal appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba (GSP +), Għajnuna għall-Kummerċ u ftehimiet kummerċjali bilaterali u reġjonali. Aħna ninkoraġġixxu lis-sħab tagħna, b'mod partikolari dawk l-ekonomiji żviluppati u dawk li qegħdin fi stadju avvanzat ta' żvilupp, biex jipprovdu aċċess Mingħajr Dazju u Mingħajr Kwoti (DFQF) u aċċess għas-suq għal prodotti li joriġinaw mill-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs) wkoll. Is-sħubija globali għandha tirrikonoxxi l-importanza li jitnaqqsu l-ostakli għall-kummerċ Tramuntana-Nofsinhar, Nofsinhar-Nofsinhar u l-kummerċ reġjonali li lkoll huma ugwalment rilevanti għall-integrazzjoni fl-ekonomija dinjija. F’dan ir-rigward għandha tiġi promossa aktar trasparenza bbażata fuq id-disponibbiltà ta’ statistika komprensiva.

Ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni (STI) u l-bini tal-kapaċità għandhom ikunu strumenti essenzjali u xprunaturi tal-aġenda għal wara l-2015. Il-politiki favur il-ħolqien u t-tixrid tal-għarfien huma komponenti ċentrali tal-aġenda. L-UE tappoġġa approċċ integrat u effettiv għall-STI skont il-viżjoni tal-istrateġija Ewropa 2020. Fil-livell internazzjonali, il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE — Orizzont 2020 — jippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-UE u s-sħab internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni. It-titjib tal-kapaċitajiet tal-STI huwa importanti. L-UE ilha tħeġġeġ l-iżvilupp u t-trasferiment ta’ teknoloġiji nodfa u ambjentalment sikuri permezz tat-tnaqqis tal-ostakoli għall-kummerċ u permezz ta’ inċentivi, tal-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika u tal-bini tal-kapaċità. Sabiex jiġu evitati sforzi doppji, hemm ambitu wiesa' fejn nistgħu nibnu fuq mekkaniżmi eżistenti. Minbarra STI, il-bini tal-kapaċità huwa qasam essenzjali għall-kapitalizzazzjoni fuq l-għarfien eżistenti u biex jiġi żgurat li l-progress lejn l-għanijiet għal wara l-2015 ikun sostenibbli. Il-Pjan Strateġiku ta’ Bali għall-Appoġġ tat-Teknoloġija u l-Bini tal-Kapaċità li ġie adottat mill-kunsill governattiv tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) fl-2005 għandu jkun element importanti għal riflessjoni ulterjuri.

Moblizzazzjoni tar-riżorsi finanzjarji meħtieġa

Il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi finanzjarji wkoll se tkun ta’ importanza kbira. Minħabba l-isfidi li tiffaċċja d-dinja, jeħtieġ li jsir użu sħiħ mir-riżorsi kollha disponibbli (domestiċi u barranin, pubbliċi u privati). Il-gvernijiet nazzjonali għandhom ir-responsabbiltà ewlenija li jimmobilizzaw u jagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi tagħhom permezz ta’ politiki nazzjonali. L-UE hija lesta li tappoġġa l-isforzi ta' dawk il-pajjiżi li huma l-iktar fil-bżonn. F’dan il-kuntest, hija tirrikonixxi r-rwol ewlieni ta’ Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) u kkonfermat l-impenn tagħha biex tintlaħaq il-mira ta’ 0,7 % sal-2015.

Hekk kif tevolvi d-diskussjoni dwar il-finanzjament ta' qafas għal wara l-2015, hemm il-ħtieġa ta' approċċ komprensiv u integrat għall-finanzjament tal-qerda tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli, kif iddefinit f’Komunikazzjoni tal-2013 u fil-konklużjonijiet tal-Kunsill rispettivi. L-elementi li ġejjin huma essenzjali f’dan ir-rigward:

§ Il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi hija l-mekkaniżmu ewlieni biex tiffinanzja l-infiq għal għanijiet ta’ politika. It-tisħiħ tal-politika u l-amministrazzjoni fiskali, il-ġlieda kontra l-flussi illeċiti u l-korruzzjoni u t-titjib tal-ġestjoni tar-riżorsi naturali għandhom ikunu fost l-ewwel prijoritajiet.

§ Il-finanzi pubbliċi internazzjonali se jibqgħu ta’ importanza partikolari sabiex jikkumplimentaw il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi fejn din ma tkunx biżżejjed u biex jinħolqu riżorsi addizzjonali u investiment fejn ikun l-aktar xieraq. Dan il-potenzjal katalittiku tal-ODA għandu jiġi sfruttat aħjar permezz ta’ mekkaniżmi bħat-taħlit.

§ Is-settur privat jibqa’ l-mutur ewlieni ta’ tkabbir inklużiv u sostenibbli. Il-gvernijiet għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet ipprovduti mis-settur privat fil-livell nazzjonali u internazzjonali, inkluż permezz tal-aħjar użu ta’ lievi regolatorji u operattivi li jżidu l-kontribuzzjoni tagħhom lejn l-miri pubbliċi.

Id-diskussjonijiet dwar il-finanzjament fil-kuntest ta’ Sħubija Globali ġdida għandhom jibnu fuq il-ħidma tal-Kumitat Intergovernattiv ta’ Esperti dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp Sostenibbli, b’koordinazzjoni mill-qrib mat-tħejjijiet tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp li jmiss, u jqisu l-proċessi relatati f’fora oħra bħalma huma l-UNFCCC, il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-bijodiversità u l-qafas internazzjonali għal wara l-2015 għat-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri (wara l-Qafas ta' Hyogo għal Azzjoni ) u jkunu koerenti magħhom. 

L-impenji li saru fir-Raba' Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna li sar f’Busan fl-2011 u fl-ewwel laqgħa ta’ livell għoli tas-Sħubija Globali fl-2014 għandhom jiffurmaw il-bażi għall-kooperazzjoni effettiva għall-iżvilupp fil-kuntest ta’ wara l-2015. Il-prinċipji ta’ Busan, li huma rilevanti wkoll għal donaturi mhux tradizzjonali, se jwasslu għal riżultati aktar effettivi tal-iżvilupp. L-UE tkompli timplimenta l-politiki tagħha biex jiżdiedu l-impatt u l-effettività tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħha.

Monitoraġġ tal-progress u r-responsabbiltà

Sabiex il-qafas għal wara l-2015 ikun implimentat b’suċċess, għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi b’saħħithom ta’ obbligi ta’ rendikont biex il-progress jiġi segwit. Ir-responsabbiltà reċiproka fil-livell nazzjonali u internazzjonali għandha tkun fil-qalba ta’ dan il-mekkaniżmu, inkluż il-monitoraġġ tal-progress dwar l-għanijiet u l-miri għal wara l-2015.  Dan għandu jinkludi kontribut ta’ azzjonijiet u ta’ finanzjament minn gvernijiet nazzjonali, l-azzjonijiet internazzjonali u l-kontribut tas-settur privat lejn l-isforzi nazzjonali favur il-kisba tal-għanijiet globali.

Ir-responsabbiltà fil-livell nazzjonali u l-istatistika uffiċjali prodotta mill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika rilevanti għandhom ikunu l-bażi għall-monitoraġġ tal-progress. Fil-livell internazzjonali, reviżjoni tal-progress perjodika u ta' livell għoli, inkluż fil-kuntest ta’ Forum Politiku ta’ Livell Għoli (HLPF) dwar l-iżvilupp sostenibbli, se tkun ċentrali. Għandhom jiġu evitati sforzi internazzjonali li jtennu l-proċessi l-oħra ta’ responsabbiltà reċiproka bħalma hu l-proċess tal-Finanzjament Uffiċjali għall-Iżvilupp

Barra minn hekk, il-monitoraġġ tal-progress annwali u komprensiv li jibni fuq il-ħidma tal-Inter-Aġenzija u l-Grupp ta’ Esperti dwar l-indikaturi tal-MDG (IAEG) se tkun importanti. It-tisħiħ tal-użu ta’ dejta eżistenti u l-iżgurar tal-ġbir ta' aktar dejta li tkun aħjar, flimkien mal-kapitalizzazzjoni fuq teknoloġiji u softwer ġodda, huwa kruċjali. Il-pjanijiet strateġiċi u l-mekkaniżmi eżistenti biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-istatistika, bħall-OECD Pariġi 21, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Istatistika Busan kif ukoll l-Istrateġiji Nazzjonali għall-Iżvilupp tal-Istatistika (NSDS) għandhom ikunu l-punt tat-tluq għal aktar azzjoni.

6. Il-passi li jmiss

L-approċċ żviluppat f’din il-Komunikazzjoni jipprovdi firxa ta’ elementi rilevanti għall-istadji finali tal-ħidma tal-OWG dwar l-SDGs, biex jikkontribwixxu fil-ħidma tal-Kumitat ta’ Esperti dwar Finanzjament għall-Iżvilupp Sostenibbli, kif ukoll għad-diskussjoni dwar il-qafas għal wara l-2015 fil-UNGA 69 li jmiss minn Settembru 2014. Din il-Komunikazzjoni tibni fuq il-konklużjonijiet tal-Kunsill li kien hemm qbil dwarhom is-sena li għaddiet u tipprovdi l-bażi biex il-Kunsill jiżviluppa aktar il-pożizzjoni tal-UE. Hija tipprovdi elementi ta’ sustanza li għandhom ikunu utli għal żmien medju, filwaqt li tqis li l-pożizzjoni tal-UE trid tkompli tiġi żviluppata fid-dawl tar-rapporti finali tal-OWG u tal-Kumitat ta’ Esperti u r-rapport ta’ sinteżi tas-Segretarjat Ġenerali tan-NU aktar tard fl-2014.

L-UE u l-Istati Membri tagħha jibqgħu impenjati bis-sħiħ biex jiżvolġu rwol attiv u kostruttiv fid-diskussjonijiet dwar il-qafas għal wara l-2015 u se jikkontribwixxu aktar elaborazzjoni tal-kwistjonijiet u t-tħassib ta’ prijorità waqt li l-qafas jiġi ddefinit aktar. Il-pożizzjoni komprensiva tal-UE għandha tipprovdi l-bażi meħtieġa biex jintlaħqu u jiġu involuti b’mod kostruttiv il-pajjiżi sħab, il-partijiet ikkonċernati u ċ-ċittadini.

[1] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar "L-Aġenda Ġenerali ta' Wara l-2015" Ġunju 2013; Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Ħajja Diċenti Għal Kulħadd" Frar 2013; Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Lil hinn mill-2015: lejn approċċ komprensiv u integrat għall-finanzjament tal-qerda tal-faqar u tal-iżvilupp sostenibbli"; Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2013 "Il-finanzjament tal-qerda tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli lil hinn mill-2015". 

Oqsma ta' prijorità || Temi potenzjali fil-mira (b'eżempji li jispjegaw l-elementi koperti)

Il-qerda tal-faqar || Il-qerda tal-faqar estrem Jistgħu jiġu inklużi l-faqar estrem tal-introjtu u multidimensjonali || It-tnaqqis tal-proporzjon ta' nies vulnerabbli għall-faqar estrem u li qed jgħixu b'inqas minn $2 kull ġurnata Jistgħu jiġu koperti s-soll "fir-riskju tal-faqar" u l-limiti ogħla tal-faqar || It-tnaqqis tal-proporzjon ta' nies li qed jgħixu taħt is-soll nazzjonali tal-faqar, inklużi dawk il-persuni li jagħmlu parti minn gruppi vulnerabbli Jistgħu jiġu koperti s-soll tal-faqar assolut u tal-faqar relattiv skont id-definizzjonijiet nazzjonali tal-faqar || It-tnaqqis tal-ispiża tar-rimessi u t-tnaqqis tal-ispiża tal-migrazzjoni, inklużi l-ispejjeż tar-reklutaġġ Jistgħu jiġu inklużi l-ispejjeż tat-tranżazzjoni, l-ispejjeż tar-reklutaġġ, u dawk tal-inklużjoni finanzjarja tal-migranti u l-familji tagħhom || L-iżgurar ta' drittijiet siguri għall-art, għall-proprjetà, u għal assi oħra Jistgħu jiġu inklużi l-pusses tal-art, l-infrastruttura, l-inklużjoni finanzjarja u l-istaġjonalità tal-introjtu || Il-bini ta' reżiljenza u t-tnaqqis tal-imwiet u tat-telf ekonomiku mid-diżastri Jistgħu jiġu inklużi l-valutazzjoni tar-riskju u l-ġestjoni tar-riskju ta' diżastri; is-sistemi ta' twissija bikrija; il-mekkaniżmi finanzjarji u l-qafas ta' rkupru; u t-tlaqqigħ tas-sokkors, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp

Inugwaljanza || Jiġi żgurat li gruppi b'inqas introjtu jibbenefikaw b'mod indaqs mit-tkabbir fl-introjtu nazzjonali meta mqabbla ma' gruppi b'introjtu ogħla Jista' jiġi kopert paragun tal-gruppi tal-popolazzjoni skont il-kwintili tal-introjtu u l-faqar relattiv || Jintemmu d-diskriminazzjoni u l-inugwaljanzi fit-twassil tas-servizz pubbliku u l-ħajja ekonomika Tista' tiġi koperta d-diskriminazzjoni, fost affarijiet oħra, abbażi tal-ġens , tal-etniċità, tal-orjentazzjoni sesswali, tad-diżabbiltà, tal-oriġini nazzjonali u ta' xi status ieħor. || L-għoti tas-setgħalil gruppi emarġinati, inklużi l-minuranzi etniċi, il-migranti u r-refuġjati, u l-inklużjoni tagħhom Jistgħu jiġu inklużi l-punt sa fejn il-migranti u r-refuġjati għandhom aċċess għas-servizzi pubbliċi, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni eċċ. (meta mqabbel maċ-ċittadini nazzjonali) u l-indikaturi tal-integrazzjoni tal-migranti u r-refuġjati || || ||

Is-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni, l-agrikoltura sostenibbli || Ikun żgurat aċċess is-sena kollha għal ikel sikur, biżżejjed, affordabbli u nutrittiv biex jinqered il-ġuħ Jistgħu jkunu inklużi wkoll iż-żoni rurali u urbani, il-gruppi soċjali żvantaġġati, u r-reżiljenza tal-provvisti tal-ikel || Jintemmu l-malnutrizzjoni, in-nuqqas ta' żvilupp fit-tfal u l-ħela Jistgħu jkunu inklużi n-nuqqas ta' żvilupp fit-tfal, il-ħela u l-obeżità || Titjieb il-produttività tal-agrikoltura, tas-sajd u tal-akkwakultura b'mod sostenibbli Jistgħu jiġu inklużi l-produttività, l-irrigazzjoni, it-teknoloġiji, is-sidien iż-żgħar, il-kompetittività, il-volatilità tal-prezzijiet, in-nisa, il-prattiki tal-agrikoltura sostenibbli, il-ħamrija, l-ilma, it-tniġġis, il-bijodiversità, ir-reżiljenza (inkluż għat-tibdil fil-klima), id-deforestazzjoni, il-metodi tradizzjonali || Jitnaqqsu t-telf u l-ħela tal-ikel Jistgħu jiġu inklużi t-telf ta' wara l-ħsad u tal-ipproċessar, it-trasport, il-ħażna, id-distribuzzjoni u l-bejgħ, u l-ħela tal-konsumaturi || ||

Is-saħħa || Titnaqqas il-mortalità tat-tfal, il-mortalità tal-ommijiet u jiġu żgurati s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi universali Jistgħu jiġu inklużi l-mortalità tat-tfal u tal-ommijiet, il-fertilità tal-adolexxenti u l-aċċess għall-ippjanar tal-familja || Jitnaqqas il-piż tal-mard li jittieħed u ta' dak li ma jitteħidx Jista' jiġi inkluż il-mard ewlieni li jittieħed u dak li ma jitteħidx || Tinkiseb kopertura universali effettiva u ekwa b'servizzi tas-saħħa ta' kwalità għal kulħadd, inkluż għal nies vulnerabbli, bħall-persuni b'diżabbiltajiet jew l-anzjani Jistgħu jiġu inklużi l-promozzjoni tas-saħħa, is-servizzi ta' prevenzjoni, it-trattament u r-riabilitazzjoni u d-disponibbiltà u l-kwalità tal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa || Jiġi żgurat li ħadd ma jispiċċa f'faqar estrem jew jibqa' jgħix f'faqar estrem minħabba l-infiq għall-kura tas-saħħa Jista' jiġi inkluż it-tifqir minħabba pagamenti minn but dak li jkun || ||

L-edukazzjoni || Jiġu żgurati l-aċċess għal u t-tlestija ta' ċiklu sħiħ ta' edukazzjoni bażika ta' kwalità inkluża l-edukazzjoni sekondarja inferjuri, bl-istess mod għas-subien u għall-bniet Jistgħu jiġu inklużi l-iżvilupp bikri tat-tfal, it-tlestija tal-edukazzjoni primarja u sekondarja inferjuri, it-tranżizzjoni bejn l-edukazzjoni primarja u l-edukazzjoni sekondarja inferjuri || Jiġu żgurati ħiliet komprensivi bażiċi, trasferibbli u tekniċi għal kulħadd biex jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà jistgħu jiġu inklużi r-riżultati tat-tagħlim, id-disponibbiltà u l-kwalifiki tal-għalliema, it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għad-dinja tax-xogħol, l-opportunitajiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-adulti || Titnaqqas ir-rata tal-illitteriżmu fost il-popolazzjoni adulta Jistgħu jiġu inklużi l-litteriżmu għall-adulti u ż-żgħażagħ u d-disparitajiet bejn is-sessi || Jitneħħew l-inugwaljanzi fl-edukazzjoni, filwaqt li jittieħdu miżuri speċifiċi biex jintlaħqu l-individwi żvantaġġati u l-gruppi fir-riskju ta' diskriminazzjoni, inklużi l-persuni b'diżabbiltà, il-minuranzi etniċi, il-migranti u r-refuġjati Jistgħu jiġu inklużi d-diżaggregazzjoni tar-reġistrazzjoni, it-tlestija u r-riżultati tat-tagħlim skont is-sess, il-gruppi rurali/urbani, il-kwintili tal-ġid, il-pożizzjoni ġeografika u gruppi vulnerabbli speċifiċi oħra skont il-kuntest tal-pajjiż, kif ukoll l-ispiża tal-edukazzjoni || Jissaħħu r-rabiet bejn l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni u jitħeġġeġ il-ħolqien u t-tixrid tal-għarfien Jistgħu jiġu inklużi l-kollaborazzjoni bejn in-negozji u l-akkademiċi, il-kurrikula innovattivi u t-taħriġ relatat mal-ekonomiji u s-soċjetajiet ekoloġiċi, diġitali u sostenibbli ||

L-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa || Il-prevenzjoni u t-tneħħija ta' kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet Jistgħu jiġu inklużi l-vjolenza sesswali, iż-żwieġ tat-tfal, il-mutilazzjoni tal-ġenitali femminili u l-femminiċidju, u l-aċċess għall-ġustizzja || Tintemm kull forma ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet Jistgħu jiġu inklużi l-aċċess għall-opportunitajiet ekonomiċi, għall-assi produttivi u għall-introjtu, il-leġiżlazzjoni u d-drittijiet, id-diviżjoni tar-responsabbiltajiet bejn in-nisa u l-irġiel || Jiżdiedu r-rappreżentanza, il-parteċipazzjoni u t-tmexxija tan-nisa fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet f'kull livell u f'kull sfera Jistgħu jiġu inklużi r-rappreżentazzjoni politika, in-nisa f'pożizzjoni ta' tmexxija u fi professjonijiet ewlenin bħall-qasam ġudizzjarju, il-pulizija u d-dinja akkademika || Jiġi żgurat aċċess universali u ugwali għas-servizzi essenzjali għan-nisa u l-bniet Jistgħu jiġu inklużi l-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-ippjanar tal-familja, l-edukazzjoni, l-enerġija, l-ilma u s-sanità, u servizzi oħra, inklużi l-ICT u t-taħriġ relatat || Tingħalaq u titneħħa d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa fis-settur pubbliku u dak privat Jistgħu jiġu inklużi l-livelli tal-pagi tan-nisa meta mqabbla ma' dawk tal-irġiel, il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ||

L-ilma u s-sanità || Jinkiseb aċċess universali għall-ilma tajjeb għax-xorb Jistgħu jiġu inklużi d-dimensjonijiet rurali u urbani, il-gruppi żvantaġġati, il-faċilitajiet pubbliċi bħall-isptarijiet, l-iskejjel, il-kampijiet tar-refuġjati u l-parametri tal-kwalità || Jinkiseb aċċess universali għall-faċilitajiet tas-sanità u għall-iġjene Jistgħu jiġu inklużi l-aċċess għall-faċilitajiet tas-sanità u t-tmiem tal-ipporgar fil-beraħ || Titjieb il-ġestjoni integrata tar-riżorsi tal-ilma Jistgħu jiġu inklużi l-pjanijiet ta' ġestjoni għall-baċiri tax-xmajjar, il-pjanijiet għall-għargħar u n-nixfiet, it-telf relatat mad-diżastri, il-kapaċità tal-ħżin u t-teħid ta' deċiżjonijiet parteċipattivi || Titjieb l-effiċjenza tal użu tal-ilma fis-setturi ewlenin kollha Jistgħu jiġu inklużi l-baċiri tax-xmajjar fejn l-ilma hu skars, il-livelli ta' rtirar sostenibbli, il-produttività tal-ilma fis-setturi ewlenin (l-agrikoltura, l-enerġija, l-industrija, id-djar) u l-ispiża tal-irkupru || Titjieb il-kwalità tal-ilma u jitnaqqas it-tniġġis Jistgħu jiġu inklużi l-qagħda tal-ilma, is-setturi ewlenin għat-tniġġis tal-ilma, it-tniġġis kimiku u t-tniġġis minħabba n-nutrijenti u l-ilma mormi  ||

L-enerġija sostenibbli || Jiġi żgurat aċċess universali għal servizzi moderni tal-enerġija Jistgħu jiġu inklużi s-servizzi moderni tal-enerġija u r-reżiljenza tal-infrastruttura || Tiżdied ir-rata globali tat-titjib fl-effiċjenza tal-użu tal-enerġija Jistgħu jiġu koperti l-investiment fl-effiċjenza tal-enerġija skont is-settur, it-teknoloġija l-ġdida, l-oqfsa tal-politika u dawk istituzzjonali, ir-rinnovazzjoni tal-bini, l-effiċjenza tas-sistemi tat-tisħin u tat-tkessiħ, l-effiċjenza tal-prodotti li jużaw l-enerġija || Jiżdied is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija globali Jistgħu jiġu koperti l-ishma tal-enerġiji rinnovabbli, l-investiment skont is-settur, it-teknoloġija l-ġdida, l-inċentivi, l-oqfsa tal-politika u dawk istituzzjonali || L-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji tal-fjuwils fossili ta' ħsara Jistgħu jiġu koperti l-livelli, is-setturi u r-reġjuni, l-aċċess, il-prezz, l-istrateġiji ta' eliminazzjoni gradwali || ||

Impjieg sħiħ u produttiv u xogħol diċenti għal kulħadd || Jiżdiedu l-kwantità u l-kwalità tax-xogħol u jitjiebu s-sostenibbiltà u l-għajxien adegwat b'mod partikolari għaż-żgħażagħ, għall-anzjani, għan-nisa u għall-gruppi f'riskju ta' diskriminazzjoni Jistgħu jiġu inklużi l-impjieg informali, iż-żgħażagħ u l-bniet/in-nisa li mhux jingħataw edukazzjoni jew taħriġ u li ma għandhomx impjieg produttiv || Jiżdied is-sehem tal-impjieg produttiv u tax-xogħol diċenti fl-impjieg totali skont il-pilastri tal-aġenda tax-xogħol diċenti Jistgħu jiġu inklużi l-impjieg bi ħlas, l-impjieg informali, it-tħaddim tat-tfal, ix-xogħol sfurzat u l-istandards fundamentali tax-xogħol || Jiżdiedu l-kopertura bażika tal-protezzjoni soċjali u l-implimentazzjoni gradwali ta' standards ogħla tal-garanziji soċjali Jistgħu jiġu inklużi l-appoġġ għal min hu qiegħed, għall-familji bit-tfal, għall-foqra, is-sigurtà soċjali u l-pensjonijiet, kif ukoll l-istrumenti tal-ġestjoni tar-riskju || Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-migranti ħaddiema u l-persuni spustati f'konformità man-normi u l-istandards tal-ILO Jistgħu jiġu koperti t-trattament ugwali u l-aċċess għal xogħol diċenti għall-migranti li jaħdmu u s-sehem ta' migranti f'impjieg formali meta mqabbel mal-impjiegi totali || ||

It-tkabbir inklużiv u sostenibbli || Jitħeġġu t-trasformazzjoni strutturali tal-ekonomija u ambjent li jippermetti l-innovazzjoni, l-intraprenditorija, in-negozju u l-kummerċ Jistgħu jiġu inklużi r-riforma regolatorja u fiskali, il-kontijiet soċjali u ambjentali nazzjonali, il-promozzjoni ta' emissjonijiet baxxi, l-istrateġiji tal-iżvilupp, iż-żieda fil-produttività tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju fis-setturi formali u informali, l-aċċess għall-impjiegi mhux rurali u t-titjib ta' katini ta' valur lokali || Jiġi żgurat l-aċċess għas-swieq u l-finanzi, u għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u n-netwerks Jistgħu jiġu inklużi l-aċċess għas-servizzi finanzjarji, għall-infrastruttura fiżika, għall-komunikazzjonijiet elettroniċi u għall-internet permezz tal-iżvilupp ta' ambjenti regolatorji ġusti u li jippermettu t-trasparenza, għal investimenti reżiljenti u bl-informazzjoni dwar ir-riskju, l-investiment fix-xjenza, fit-teknoloġija u fl-innovazzjoni || Jitħeġġeġ l-ivestiment pubbliku f'infrastruttura sostenibbli u reżiljenti Jistgħu jiġu koperti s-setturi (it-trasport, l-enerġija, l-irrigazzjoni eċċ.), il-livelli u l-kwalità tal-investiment, is-Sħubijiet Pubbliċi Privati, il-ħtieġijiet mhux issodisfati, ir-reżiljenza || Titħaffef il-migrazzjoni sikura, ikkontrollata u regolari permezz ta' kooperazzjoni internazzjonali mtejba Jistgħu jiġu koperti l-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' ftehimiet dwar il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol u ftehimiet dwar il-portabbiltà tal-pensjonijiet u benefiċċji soċjali oħra kif ukoll l-indikaturi tal-progress fir-rigward tal-għarfien tal-ħiliet u l-kwalifiki || Il-provvista ta' aċċess ħieles mid-dazju u mit-tariffi għall-prodotti li joriġinaw minn pajjiżi anqas żviluppati Jistgħu jiġu koperti d-dazji u t-tariffi skont is-settur, l-importazzjoni u l-pajjiż ta' oriġini ||

Il-bliet u l-insedjamenti umani sostenibbli || Jitjieb l-aċċess għal trasport sikur u sostenibbli inkluż it-trasport pubbliku affordabbli Jistgħu jiġu inklużi t-trasport, l-istorbju, is-sikurezza tat-triq u l-aċċessibbiltà għal kulħadd || Jitnaqqas l-għadd ta' persuni li jgħixu fil-bassifondi billi jiġu żgurati akkomodazzjonijiet sikuri, affordabbli u reżiljenti u s-sigurtà tal-pussess tal-art Jistgħu jiġu inklużi l-akkomodazzjoni sostenibbli u s-sigurtà tal-pussess tal-art || Jitjiebu l-implimentazzjoni u l-ippjanar tal-art u l-ippjanar urban b'mod sostenibbli u aċċessibbli Jistgħu jiġu inklużi l-pjanijiet ta' tfassil urban sostenibbli, il-ġestjoni tar-riskju ta' diżastru integrata, ir-reżiljenza urbana u l-adattament tal-klima, iż-żoni ekoloġiċi urbani, l-interkonnessjonijiet bejn iż-żoni rurali, kif ukoll l-ambjenti urbani aċċessibbli || Titjieb il-kwalità tal-arja Jistgħu jiġu inklużi l-materja partikolata fina u l-ożonu u t-tniġġis tal-arja ta' ġewwa u ta' barra || ||

Il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli || Innaqqsu, nużaw mill-ġdid u nirriċiklaw l-iskart Jistgħu jiġu inklużi l-prevenzjoni, l-aċċess għall-iskemi ta' ġbir, ir-riċiklaġġ u t-tnaqqis tal-miżbliet || Titjieb il-produttività tar-riżorsi  Jistgħu jiġu inklużi l-proporzjon tal-PDG għall-konsum tal-materja prima, it-tnaqqis tal-intensità tad-diossidu tal-karbonju, it-tekniki tal-prestazzjoni ambjentali || Jitnaqqsu l-impatti tal-konsum fuq l-ambjent Jistgħu jiġu inklużi l-impronti ambjentali, l-istrumenti ekonomiċi, l-esponiment tossiku, u ż-żibel || Tiġi żgurata ġestjoni soda tal-kimiki matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom Jistgħu jiġu inklużi l-approċċi għaċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti, ir-reġistrazzjoni u l-approvazzjoni tal-kimiki, l-iskart perikoluż, l-oqfsa regolatorji u l-faċilitajiet tal-ġestjoni || Il-kimiki perikolużi: jitnaqqas l-esponiment tal-bniedem u r-rilaxx fl-ambjent Jistgħu jiġu inklużi l-livelli ta' kontaminazzjoni fin-nies/fl-ikel u fl-ambjent, u t-tnaqqis ta' siti tossiċi || Titjieb il-prestazzjoni tas-sostenibbiltà tal-kumpaniji, tal-prodotti u s-servizzi Jistgħu jiġu inklużi r-rappurtar ta' kumpaniji dwar is-sostenibbiltà, l-akkwist pubbliku sostenibbli, it-tikkettar ċertifikat, l-investiment fis-setturi ekoloġiċi

L-oċeani u l-ibħra || Il-protezzjoni u r-ristawr tas-saħħa tal-oċeani u ż-żamma tal-bijodiversità marina billi jitnaqqsu l-impatti mill-attività tal-bniedem Jistgħu jiġu inklużi l-approċċ ta' ekosistema għall-ġestjoni tal-attivitajiet, id-degradazzjoni tal-ħabitats, l-ispeċijiet mhedda, l-iżgurar ta' żoni ġestiti bi protezzjoni u b'mod sostenibbli fil-ġurisdizzjonijiet nazzjonali u lil hinn minnhom || Jiġi żgurat sajd sostenibli (stokkijiet b'saħħithom tal-ħut) Jistgħu jiġu inklużi r-ristawr tal-istokkijiet tal-ħut għal-livelli li jistgħu jipproduċu rendiment massimu sostenibbli, il-kapaċità żejda tal-flotta, is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, il-qbid inċidentali u r-rimi, u l-użu ta' approċċi tal-ekosistema || Jiġi żgurat l-aċċess għas-sajd fil-livelli lokali, reġjonali u globali minn sajjieda fuq skala żgħira u ta' sussistenza Jistgħu jiġu inklużi s-sajjieda fuq skala żgħira u f’livell ta’ artiġjanat, in-nisa ħaddiema fis-sajd, kif ukoll persuni indiġeni u l-komunitajiet tagħhom || Jitnaqqas it-tniġġis u ż-żibel marin inkluż dak minn sorsi bbażati fuq l-art Jistgħu jiġu inklużi s-sorsi bbażati fuq l-art, il-fdalijiet fl-ambjent tal-baħar || ||

Il-bijodiversità u l-foresti || Is-salvagwardja u r-ristawr tal-ekosistemi li jipprovdu s-servizzi essenzjali Jistgħu jiġu inklużi ż-żoni ta' konservazzjoni, ir-ristawr, l-ispeċijiet ewlenin u s-servizzi tal-ekosistema || Nilqgħu l-estinzjoni ta' speċijiet mhedda magħrufin u ntejbu l-istatus tal-konservazzjoni Jistgħu jiġu inklużi l-fokus fuq l-ispeċijiet mhedda ewlenin, il-konservazzjoni, il-qtil illegali u l-kummerċ illegali || Titnaqqas ir-rata ta' telf, degradazzjoni u frammentazzjoni tal-ħabitats naturali kollha Jistgħu jiġu inklużi ż-żoni protetti u l-frammentazzjoni tal-ħabitats naturali || It-tnaqqis tad-deforestazzjoni u ddegradazzjoni tal-foresti abbażi ta' ġestjoni sostenibbli tal-foresti Jistgħu jiġu inklużi d-degradazzjoni tal-foresti, it-tibdil fil-kopertura tal-foresti, l-qtugħ illegali tas-siġar, iż-żoni protetti u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti || Jitnaqqsu l-livelli tal-kummerċ illegali fl-annimali selvaġġi u fl-injam Jistgħu jiġu inklużi t-tnaqqis tad-domanda, il-kapaċità tal-infurzar, l-implimentazzjoni u l-kriminalità organizzata ||

Id-degradazzjoni tal-art, inkluża d-deżertifikazzjoni u n-nixfa || Nimxu lejn dinja newtrali fir-rigward tad-degradazzjoni tal-art Jistgħu jiġu inklużi l-prevenzjoni tad-degradazzjoni tal-art, ir-ristawr ta' art degradata jew kontaminata || Nipproteġu l-ħamrija Jistgħu jiġu inklużi l-kwalità tal-ħamrija, l-erożjoni tal-ħamrija, il-materja organika tal-ħamrija u l-ġestjoni tal-art fertili || Il-prevenzjoni u t-tnaqqis tan-nixfa Jistgħu jiġu inklużi l-ippjanar tar-riskju tal-baċiri tax-xmajjar u tan-nixfa, il-miżuri tal-effiċjenza tal-ilma || || ||

Id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u l-istituzzjonijiet effettivi || Tiġi żgurata r-reġistrazzjoni ċivili ħielsa u universali u jitjiebu s-sistemi tal-istatistika vitali Jistgħu jiġu inklużi r-reġistrazzjoni tat-twelid u l-identità legali || Jiġu żgurati l-libertà tal-esprezzjoni, l-assoċjazzjoni, id-djalogu soċjali, il-protesta paċifika, il-parteċipazzjoni sinifikanti tal-pubbliku Jistgħu jiġu inklużi l-parteċipazzjoni fil-politika u fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet, il-libertà tal-assoċjazzjoni u tal-espressjoni, l-aċċess għall-istituzzjonijiet u s-servizzi pubbliċi u tal-istat u d-djalogu soċjali || Tiġi żgurata t-trasparenza u jiġi garantit id-dritt tal-aċċess pubbliku għat-tagħrif, id-dejta tal-gvern, il-midja indipendenti u l-internet miftuħ Jistgħu jiġu inklużi l-aċċess għat-tagħrif u għad-dejta tal-gvern, il-libertà tal-midja kif ukoll l-internet miftuħ || L-adozzjoni tal-qafas legali xieraq għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-iktar gruppi u individwi vulnerabbli, inklużi r-refuġjati u l-persuni spustati internament. Jistgħu jiġu koperti l-aċċess għall-ġurtizzja u għas-servizzi pubbliċi, il-libertà tal-espressjoni u t-tagħrif tal-gruppi vulnerabbli || Jiġu żgurati l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' qafas legali xieraq u politiki nazzjonali li jnaqqsu l-korruzzjoni Jistgħu jiġu inklużi l-korruzzjoni, il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u l-istabbiliment ta' mekkaniżmi ta' responsabbiltà || Jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet ġudizzjarji jkunu aċċessibbli, imparzjali u indipendenti u li jirrispettaw id-drittijiet ta' proċess ġust Jistgħu jiġu inklużi t-teħid ta' deċiżjonijiet abbażi tal-istat tad-dritt mingħajr diskriminazzjoni, it-tfassil ta' liġijiet prevedibbli u trasparenti, l-infurzar tal-liġi, l-aċċess għall-ġustizzja

Is-soċjetajiet paċifiċi || Jitnaqqsu l-imwiet vjolenti u l-għadd ta' persuni affettwati mill-vjolenza Jistgħu jiġu inklużi l-omiċidji u l-imwiet minn kunflitti, il-vjolenza kontra gruppi vulnerabbli || Jitjiebu l-kapaċità, il-professjonaliżmu u r-responsabbiltà tal-pulizija, l-istituzzjonijiet tal-ġustizzja u tas-sigurtà Jistgħu jiġu inklużi l-fiduċja tal-pubbliku fit-twettiq tal-ġustizzja, fil-pulizija u fl-istituzzjonijiet tas-sigurtà || Jitnaqqas il-fluss illeċitu ta' armi żgħar u armi letali Jistgħu jiġu inklużi t-trasferiment u t-traffikar tal-armi || Titnaqqas il-kriminalità organizzata internazzjonali, inklużi l-flussi finanzjarji illeċiti u t-traffikar tad-drogi, tan-nies tal-annimali selvaġġi u tar-riżorsi naturali Jistgħu jiġu inklużi ż-żoni tat-traffikar u tal-kriminalità organizzata relatata mad-drogi, mal-komoditajiet u mal-annimali selvaġġi, it-tnaqqis tal-flussi illeċiti u l-evażjoni fiskali kif ukoll l-irkupru ta' assi misruqa || ||