52014DC0214

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport Komprensiv dwar il-Funzjonament tal-Fond ta' Garanzija /* COM/2014/0214 final */


Werrej

1............ Il-Fond li jħares il-baġit tal-Unjoni minn talbiet minħabba inadempjenzi sa mill-1994. 2

2............ Il-karatteristiċi ewlenin tal-mekkaniżmu ta’ proviżjonament 2

2.1......... Proviżjonament ibbażat fuq l-iżborżamenti netti 3

2.2......... Il-mekkaniżmu ta’ livellar 3

2.3......... Il-valuri ta’ attivazzjoni 3

3............ It-tħaddim tal-Fond. 3

3.1......... Operazzjonijiet koperti mill-Fond. 3

3.1.1...... Self estern tal-BEI kopert mill-Fond – il-volumi u l-karatteristiċi ewlenin tar-riskju tal-garanziji mogħtija lill-BEI. 4

3.1.2...... Self ta' Assistenza Makrofinanzjarja kopert mill-Fond. 4

3.1.3...... Operazzjonijiet tal-Euratom koperti mill-Fond. 5

3.2......... L-evoluzzjoni tar-riskju tal-kreditu. 5

4. .......... avvenimenti li kellhom impatt fuq il-fond matul il-perjodu 2010 – 2013. 5

4.1......... L-inadempjenzi tas-self garantit lis-Sirja. 5

4.2......... Il-Kroazja saret membru tal-UE fl-2013. 6

5............ Il-ġestjoni tal-assi tal-Fond f’ambjent diffiċli tas-suq. 6

5.1......... Il-prestazzjoni tal-Fond. 6

5.2......... Żvilupp tad-daqs tal-Fond. 6

6............ Il-prospetti għall-mandat il-ġdid 2014-2020. 7

6.1......... Il-mandat tal-BEI. 7

6.2......... Assistenza Makrofinanzjarja. 7

6.3......... Euratom.. 8

6.4......... Proposta ta' proviżjonament għall-QFP tal-2014-2020. 8

7............ rata ta' proviżjonament fil-mira. 10

8............ Konklużjoni 11

1.         Il-Fond li jħares il-baġit tal-Unjoni minn talbiet minħabba inadempjenzi sa mill-1994

Il-Fond ta’ Garanzija għall-azzjonijiet esterni ("il-Fond") kien stabbilit fl-1994 bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2728/94 tal-31 ta’ Ottubru 1994[1] sabiex iħares il-baġit tal-Unjoni fil-każ ta’ inadempjenza mill-benefiċjarji tas-self mogħti jew garantit mill-Unjoni Ewropea. Ir-Regolament ġie emendat tliet darbiet[2] u bħalissa l-Fond qed jiġi operat taħt ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 480/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009[3] (verżjoni kodifikata).

Il-funzjonament tal-Fond ġie rieżaminat erba' darbiet (fl-1998, fl-2003, fl-2006 u fl-2010). B’segwitu għar-rieżami fl-2006, ġie implimentat mekkaniżmu ġdid ta’ proviżjonament. Dan daħal fis-seħħ fl-2007. Dan ir-rapport jippreżenta l-ħames rieżami tal-Fond u kien tħabbar fil-konklużjoni tar-rapport tal-2010. Informazzjoni addizzjonali dwar l-attività u l-funzjonament tal-Fond jistgħu jinstabu fir-rapporti annwali dwar il-ġestjoni tal-Fond u dwar il-garanziji koperti mill-baġit tal-UE.

Dan ir-rapport huwa strutturat kif ġej: iż-żewġ taqsimiet li ġejjin (2 u 3) ifakkru l-karatteristiċi ewlenin tal-mekkaniżmu attwali ta' proviżjonament u l-funzjonament tal-Fond. Imbagħad, it-Taqsima 4 tenfasizza l-avvenimenti ewlenin li kellhom impatt fuq il-Fond mill-aħħar rapport komprensiv fl-2010 filwaqt li t-Taqsima 5 tkopri l-ġestjoni tal-assi tal-Fond. It-Taqsima 6 tagħti l-perspettiva ta’ operazzjonijiet koperti mill-Fond u l-impatt tagħhom fuq il-ħtiġijiet ta’ proviżjonament għall-QFP 2014-2020. It-Taqsima 7 tagħmel rieżami tar-rata ta’ proviżjonament fil-mira filwaqt li t-Taqsima 8 tikkonkludi. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (DĦP) jikkomplementa dan ir-rapport billi jipprovdi l-graffs u t-tabelli.

2.           Il-karatteristiċi ewlenin tal-mekkaniżmu ta’ proviżjonament

Tliet fatturi ewlenin tal-mekkaniżmu l-ġdid introdott fl-2007 huma (a) il-proviżjonament fuq il-bażi ta’ żborżamenti netti, (b) mekkaniżmu ta' livellar u (c) valuri ta’ attivazzjoni.

2.1.        Proviżjonament ibbażat fuq l-iżborżamenti netti

Il-mekkaniżmu ta' proviżjonament attwali introdott fl-2007 bidel ir-regoli tal-proviżjonament għall-Fond billi ġab fi tmiemha l-prattika ta’ qabel tal-proviżjonament tal-Fond fuq il-bażi ta' projezzjonijiet tas-self iffirmat b’mod indipendenti mill-iżborżamenti attwali. Il-mekkaniżmu ta' proviżjonament minn dakinhar ġie bbażat fuq l-iżborżamenti netti. L-għan ta' dan it-tibdil kien li jsir titjib fil-funzjonament tal-Fond billi l-għadd ta' trasferimenti annwali jonqsu għal darba biss bejn il-baġit tal-Unjoni u l-Fond u b'hekk tiżdied l-effiċjenza tal-flussi baġitarji.

2.2.        Il-mekkaniżmu ta’ livellar

Sabiex il-baġit tal-UE jitħares minn xokkijiet, il-mekkaniżmu ta’ proviżjonament jipprevedi mekkaniżmu ta’ livellar li għandu l-għan li jillimita l-ammont annwali trasferit lejn il-Fond fil-każ ta’ inadempjenzi maġġuri.

Il-mekkaniżmu ta' livellar jiffunzjona kif ġej: jekk b’riżultat ta’ inadempjenza waħda jew iktar, l-ammont li għandu jiġi kopert mill-Fond jaqbeż il-EUR 100 miljun f’sena waħda (b’impatt fuq il-baġit għall-bidu tas-sena n+2 wara l-iżborż), l-l-eċċess fuq il-EUR 100 miljun jitħallas gradwalment fil-Fond. B'mod partikolari, id-daqs tal-ħlas parzjali annwali jkun l-inqas minn EUR 100 miljun, jew l-ammont dovut li jkun jonqos (l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 480/2009).

Il-mekkaniżmu ta' livellar għadu ma ġiex attivat minħabba li l-Fond għadu ma ntalabx għal ammonti li jeċċedu l-EUR 100 miljun kull sena bħala konsegwenza ta' inadempjenza waħda jew aktar.

2.3.        Il-valuri ta’ attivazzjoni

Barra dan, ġew introdotti l-hekk imsejħa valuri ta' attivazzjoni. Il-funzjoni tagħhom hija li jżommu lill-awtorità baġitarja infurmata dwar telf maġġuri fil-Fond (attivat meta l-valur tal-Fond jaqa' taħt it-80% tal-ammont fil-mira) jew li jipprokuraw rapport mill-Kummissjoni dwar miżuri eċċezzjonali li jistgħu jkunu meħtieġa biex jerġa’ jimtela l-Fond (attivati meta l-Fond jaqa' taħt is-70% tal-ammont fil-mira). Il-valuri ta’ attivazzjoni għadhom ma ġewx milħuqa s’issa.

3.           It-tħaddim tal-Fond

Din it-Taqsima tistipula l-operazzjonijiet koperti mill-Fond u l-evoluzzjoni tar-riskju ta’ kreditu tas-self garantit.

3.1.        Operazzjonijiet koperti mill-Fond

L-operazzjonijiet ta' self koperti mill-Fond jirrigwardaw tliet strumenti differenti li jibbenefikaw minn garanzija mill-baġit tal-Unjoni Ewropea: garanziji lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għas-self jew garanziji ta' self lil operazzjonijiet f'pajjiżi terzi, self tal-Euratom lil pajjiżi terzi u self ta' Assistenza Makrofinanzjarja (AMF) tal-UE lil pajjiżi terzi. Iċ-ċart fid-DĦP (it-Taqsima 1) tiddeskrivi l-funzjonament tal-Fond u l-flussi finanzjarji kollha li għandhom impatt fuq il-valur tiegħu.

3.1.1.     Self estern tal-BEI kopert mill-Fond – il-volumi u l-karatteristiċi ewlenin tar-riskju tal-garanziji mogħtija lill-BEI

Madwar 97% tal-ammont totali pendenti kopert mill-Fond huma garanziji maħruġa fuq self mogħti mill-BEI għal proġetti f’pajjiżi terzi. Abbażi tat-twettiq imbassar tal-mandat, din il-predominanza tal-garanziji tal-BEI fir-riskju kopert mill-Fond mhux se tinbidel fil-ġejjieni. Jekk ir-riċevitur ta’ self garantit jonqos milli jagħmel pagament fid-data ta' maturità u lanqas ma jħallas fi żmien tliet xhur wara, il-BEI jitlob lill-Kummissjoni biex tħallas l-ammonti dovuti mid-debitur inadempjent skont il-ftehim ta’ garanzija bejn il-BEI u l-UE. Jekk il-BEI ikollu garanti ieħor pubbliku jew privat flimkien mal-garanzija tal-UE, dan il-garanti jiġi attivat qabel issir it-talba għall-garanzija tal-UE.

Graff 1: Sehem tal-operazzjonijiet tal-BEI koperti mill-Fond fl-aħħar tal-2012 (kapital u mgħax dovut)

L-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI f’pajjiżi terzi konklużi ma’ Stat, konklużi ma’ entità tas-settur pubbliku jew tas-settur privat kopert b’garanzija mill-Istat, jew konkluż ma’ awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew ma' intrapriżi pubbliċi jew istituzzjonijiet tal-Gvern u/jew ikkontrollati mill-Gvern b'riskju ta’ kreditu adattat, huma koperti minn garanzija komprensiva. Għal tipi oħra ta’ operazzjonijiet, l-aktar l-operazzjonijiet tas-settur privat, il-garanzija hija limitata għal avvenimenti ta’ riskju politiku definiti sew.

3.1.2.     Self ta' Assistenza Makrofinanzjarja kopert mill-Fond

Assistenza makrofinanzjarja (AMF) qed tiġi provduta, fil-forma ta’ self u/jew għotjiet mhux rimborsabbli, biex tagħti sostenn lil pajjiżi li huma kandidati, kandidati potenzjali u tal-viċinat tal-UE biex isolvu l-problemi tal-bilanċ tal-pagamenti fuq perjodu ta’ żmien qasir biex jistabbilizzaw il-finanzi pubbliċi, u biex tinkoraġġixxi l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali. Il-AMF tingħata fuq bażi eċċezzjonali u temporanja fuq kundizzjonalità stretta tal-politika ekonomika, li tipikament tikkumplementa l-programmi ta’ aġġustament tal-FMI. L-operazzjonijiet tal-AMF iridu jiġu awtorizzati individwalment mill-Kunsill u l-Parlament.

Jekk pajjiż benefiċjarju jonqos milli jonora l-obbligi ta’ ripagament tas-self tiegħu, il-Kummissjoni tista’ tattiva l-Fond sabiex jitħallas lura s-self korrispondenti.

Fl-2012, is-sehem tal-operazzjonijiet tal-AMF kien limitat ħafna (madwar 2%) meta mqabbel mal-ammont totali ta' kapital u imgħax pendenti kopert mill-Fond (ara l-Graff 1).

3.1.3.     Operazzjonijiet tal-Euratom koperti mill-Fond

Il-faċilità tas-self tal-Euratom tista’ tintuża biex tiffinanzja proġetti fl-Istati Membri (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/270/Euratom) jew f’ċerti pajjiżi terzi (l-Ukraina, ir-Russja jew l-Armenja) (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/179/Euratom). Fl-1990 il-Kunsill illimita s-self għal EUR 4 biljuni, li minnhom madwar EUR 3,7 biljuni ġew iffirmati u EUR 3,4 biljuni ġew imqassma. Il-Kummissjoni tinforma lill-Kunsill u tipproponi limitu ta’ self ġdid meta l-valur totali tat-tranżazzjonijiet jilħaq it-EUR 3,8 biljuni.

Bħal fil-każ tal-AMF, il-Fond jista’ jissejjaħ jekk benefiċjarju jonqos milli jonora l-obbligi ta’ ripagament tas-self tiegħu.

Fl-2012, is-sehem tal-operazzjonijiet tal-Euratom kien marġinali (inqas minn 1%) meta mqabbel mal-ammont totali pendenti ta’ kapital u imgħax kopert mill-Fond (ara l-Graff 1).

3.2         L-evoluzzjoni tar-riskju tal-kreditu

Il-Fond ikopri r-riskju ta’ self u garanziji fuq self lill-pajjiżi terzi. Sa mill-bidu tal-implimentazzjoni tal-mandat estern tal-BEI[4] għall-2007-2013, l-ammont pendenti kopert żdied b’medja ta’ 13,5% kull sena għal madwar EUR 23,1 biljun fl-2013 (self pendenti biż-żieda tal-imgħax akkumulat). It-tkabbir tal-ammont pendenti koperti mill-Fond ma jfissirx neċessarjament li l-Fond iġorr riskju proporzjonalment ogħla fi proporzjon maż-żieda fl-ammont kopert, peress li r-riskju tal-kreditu globali jrid jiġi evalwat ukoll abbażi tal-kwalità ta’ min qed jissellef. Meta wieħed jivvaluta l-evoluzzjoni tar-riskju ta’ kreditu matul iż-żmien jista’ jikkonkludi li fi tmiem Ottubru 2013 kien hemm titjib modest fil-profil tar-riskju ta’ kreditu tas-self kopert meta mqabbel mal-2009. B’mod partikolari, il-proporzjon tas-self garantit mill-Fond li hu relatat ma' dawk li jissellfu li għandhom grad ta' kwalità għolja ta' investiment żdied matul iż-żmien (ara t-Taqsima 5 tad-DĦP). Din l-osservazzjoni hija waħda mill-elementi li jirfdu l-konklużjoni li jinżamm livell ta’ 9 % għar-rata tal-mira.

4.            avvenimenti li kellhom impatt fuq il-fond matul il-perjodu 2010 – 2013

Żewġ avvenimenti li kellhom impatt fuq il-Fond fil-perjodu kienu l-inadempjenzi tas-self garantit mogħtija mill-BEI lis-Sirja u s-sħubija mal-UE tal-Kroazja li huma ddettaljati hawn taħt.

4.1.        L-inadempjenzi tas-self garantit lis-Sirja

B'riżultat tad-deterjorament tas-sitwazzjoni fis-Sirja, fl-2011 il-Kunsill għall-Affarijiet Barranin, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ħadu ċerti deċiżjonijiet rigward il-pajjiż. B’mod partikolari, huma pprojbew milli jsiru żborzi mill-BEI b’rabta mal-ftehimiet ta’ self eżistenti. Din id-Deċiżjoni kienet imbagħad ikkonsolidata fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/782/PESK tal-1 ta’ Diċembru, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat-18 ta’ Jannar 2012 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal-31 ta’ Mejju 2013.

Billi fis-snin ta' qabel is-Sirja kienet tħallas is-self tagħha lill-BEI kompletament u fil-ħin, minn Novembru 2011, il-bank beda jiffaċċa arretrati fuq self għall-proġetti fis-Sirja. B’konsegwenza ta’ dan, u f’konformità mal-Ftehim ta' Garanzija bejn l-UE u l-BEI, fl-2012 il-BEI għamel 4 talbiet lill-Fond għal ammont totali ta’ madwar EUR 42 miljun. Matul l-2013, saru tmien talbiet supplimentari lill-Fond, għal ammont totali ta’ EUR 82,5 miljun. Ammont ta’ EUR 2,1 miljuni kien irkuprat fl-2012.

Il-kapital totali pendenti ta’ self garantit pendenti relatat mas-Sirja jammonta għal madwar EUR 551 miljun, bl-aħħar self jimmatura fl-2030. F’konformità mal-Ftehim ta’ Garanzija, meta l-UE tkun għamlet pagament taħt il-Garanzija tal-UE, hija tissurroga fid-drittijiet u r-rimedji tal-BEI. Proċeduri ta’ rkupru għandhom jitwettqu mill-BEI fir-rigward ta’ somom surrogati, b'konformità mal-Ftehim ta' Rkupru bejn l-UE u l-BEI.

4.2.        Il-Kroazja saret membru tal-UE fl-2013

Wara l-adeżjoni tal-Kroazja fl-UE f’Ġunju 2013, ir-riskju assoċjat ma’ dan il-pajjiż qed ikompli jkun kopert mill-baġit tal-UE iżda mhux se jibqa’ jiġi kopert mill-Fond. Konsegwentement, ammont ta’ madwar EUR 30,3 miljun li jikkorrispondi għal skopertura tal-Kroazja ta’ madwar EUR 337 miljun (ammonti pendenti flimkien mal-imgħax akkumulat) ġie trasferit mill-Fond għall-Baġit tal-UE fl-2013.

5.           Il-ġestjoni tal-assi tal-Fond f’ambjent diffiċli tas-suq

Din it-taqsima tivvaluta l-prestazzjoni u l-evoluzzjoni tal-assi tal-Fond matul il-perjodu 2010-2013.

5.1.        Il-prestazzjoni tal-Fond

Matul il-perjodu kollu 2010- Ġunju 2013, il-Fond kellu medja ta’ redditu assolut globali ta’ 2,42% fis-sena. Matul l-istess perjodu il-punt ta' riferiment tal-Fond kellu medju ta’ redditu ta' 1,86% fis-sena. Il-punt ta’ riferiment tal-Fond huwa taħlita magħmula l-aktar minn indiċijiet iBoxx (b’mod partikolari indiċijiet EUR tas-Sovrani taż-Żona Euro u EUR Kollateralizzati Koperti) u Euribid għall-iskopertura ta' terminu qasir. Il-prestazzjoni tal-Fond eċċediet il-punt ta' riferiment b'medja ta' 0,56 punt bażi kull sena. Il-prestazzjoni tal-Fond inkisbet fil-kuntest tal-aktar kriżi serja fis-swieq finanzjarji globali ta’ kriżi fl-istorja riċenti. L-assi tal-Fond fil-31 ta’ Diċembru 2012 kienu jammontaw għal madwar EUR 2 biljuni (li minnhom madwar EUR 155,7 miljun kienu jirrappreżentaw il-kontribuzzjoni li għandha titħallas mill-baġit tal-UE kmieni fl-2013). Is-sensittività tal-portafoll għar-riskju tar-rata tal-imgħax, kif imkejla skont it-tul ta' żmien, kienet limitata għal madwar 1,45 fit-30 ta’ Ġunju 2013.

5.2.        Żvilupp tad-daqs tal-Fond

Il-Graff 2 fid-DĦP turi li l-volum tal-Fond fl-2007 u 2008 naqas wara l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu l-ġdid ta’ proviżjonament u żdied mill-2008 'l hawn biex laħaq madwar EUR 2 miljuni fl-2012. It-tnaqqis fl-2007 huwa spjegat mill-andament kajman tal-iżborżamenti tas-self fil-bidu tal-mandat estern kurrenti tal-BEI (iżda relatat mal-mandati preċedenti) li wassal għal eċċess ta’ EUR 125,75 miljun li ġie trasferit mill-Fond għall-Baġit tal-UE. L-aċċelerazzjoni fir-ritmu tal-iżborżamenti tal-mandat tas-self estern fl-2010 u t-tkabbir tal-operazzjonijiet tal-AMF minħabba l-kriżi finanzjarja jispjegaw din iż-żieda fid-daqs tal-assi tal-Fond (ara t-Taqsima 6 Tabella 1 tad-DĦP).

Barra l-proviżjonament, is-sors ewlieni l-ieħor tal-introjtu tal-Fond huwa r-redditu li jaqla’ minn fuq l-assi tiegħu. Ir-redditu li sar fuq l-assi tal-Fond waqa’ mill-2007 'l hawn minħabba t-tnaqqis ġenerali fir-rati tal-imgħax tas-suq għal livelli storikament baxxi. Ir-redditu li sar matul il-perjodu 2007-2013 kien jammonta għal EUR 281 miljun (ara t-Tabella 1 Kolonna b, tad-DĦP, dħul u ħruġ ta' flus mill-ħolqien tal-Fond 'l hawn).

6.           Il-prospetti għall-mandat il-ġdid 2014-2020

Din it-taqsima teżamina l-prospetti tal-operazzjonijiet ta’ self koperti mill-Fond (BEI, AMF, Euratom) u l-impatt potenzjali tal-proviżjonament matul l-QFP 2014-2020.

6.1.        Il-mandat tal-BEI

Il-mandat tal-BEI jirrappreżenta aktar minn 95% tal-portafoll kopert mill-Fond. Il-mekkaniżmu ta' proviżjonament tal-Fond, li għandu l-għan li jżomm il-Fond f’livell ta’ 9% tal-iżborsamenti ta' self pendenti, fil-fatt joħloq limitu fid-daqs tal-mandat estern tal-BEI kopert mill-garanzija tal-baġit tal-UE.

Il-Kummissjoni għamlet proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta' garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra t-telf minn operazzjonijiet ta' finanzjament li jappoġġaw proġetti ta' investiment barra l-Unjoni [COM(2013) 293 tat-23.05.2013]. Din il-proposta tissuġġerixxi limitu massimu ta’ EUR 28 biljun għal operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI koperti minn garanzija tal-UE, matul il-perjodu 2014-2020 u taqsam il-limitu f’żewġ partijiet:

(i) limitu fiss ta' ammont massimu ta' EUR 25 biljun; kif ukoll

(ii) ammont addizzjonali fakultattiv ta' EUR 3 biljuni.

L-impatt baġitarju tal-attivazzjoni possibbli tal-limitu addizzjonali fakultattiv jkollu jiġi kkalkulat skont it-tbassir aġġornat dwar il-ħtiġijiet ta' proviżjonament tal-Fond fil-mument tar-rieżami ta' nofs it-term.

Negozjati sussegwenti dwar il-mandat il-ġdid ġew konklużi bejn il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni fis-17 ta’ Diċembru 2013 bil-ftehim li jiżdied il-limitu massimu fiss b’EUR 2 biljuni, li jitla’ għal ammont massimu ta’ EUR 27 biljun. Dan il-ftehim jeħtieġ li jiġi approvat formalment mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew matul l-2014.

6.2.        Assistenza Makrofinanzjarja

Mill-2011 'l hawn il-Kummissjoni adottat erba' proposti leġiżlattivi għal assistenza makrofinanzjarja (AMF): tnejn fl-2011, għall-Ġeorġja f'Jannar 2011 u għar-Repubblika Kirgiża f'Diċembru 2011, u tnejn fl-2013, għall-Ġordan f'April u għat-Tuneżija f'Diċembru

Mit-tieni nofs tal-2011, il-kundizzjonijiet tal-finanzjament għas-swieq kapitali globali esperjenzaw deterjorament sinifikanti. Barra minn hekk, ir-Rebbiegħa Għarbija u t-taqlib politiku u ekonomiku li rriżulta fil-pajjiżi Għarab Mediterranji msieħba qiegħed pressjoni akbar fuq il-baġits u l-pożizzjonijiet esterni ta’ dawn l-ekonomiji. Dawn l-iżviluppi wasslu biex fl-2012 u fl-2013 żdiedet id-domanda għall-AMF. L-ewwel każ kien it-talba mill-Gvern Eġizzjan għal AMF ta’ EUR 500 miljun, li inizjalment ġiet trażmessa f’Ġunju 2011 u mġedda fi Frar u Novembru 2012. It-tieni każ kien it-talba mill-Ġordan f’Diċembru 2012 għal AMF f’forma ta’ self sa EUR 200 miljun. Barra minn hekk, f’Awwissu 2013, l-awtoritajiet tat-Tuneżija talbu għal AMF sa EUR 500 miljun. Wara li għamlet stima, flimkien mal-FMI, tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament estern residwu tal-Ġordan u tat-Tuneżija, il-Kummissjoni adottat f’April 2013 (il-Ġordan) u Diċembru 2013 (it-Tuneżija) proposti leġiżlattivi għal assistenza ta’ EUR 180 miljun u EUR 250 miljun rispettivament, fil-forma ta’ self. F'Diċembru 2013, id-deċiżjoni leġiżlattiva dwar l-assistenza lill-Ġordan ġiet adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. L-għajnuna għandha tiġi żborżata matul l-2014. L-AMF ippjanata għat-Tuneżija għandha tiġi rilaxxata fl-2014 u l-2015.

Wara l-iżviluppi diffiċli fl-Ukarina, il-Kumissjoni pproponiet operazzjoni ta' emerġenza tal-AMF addizzjonali ta' sa EUR 1 biljun f'self, li tikkomplementa l-programm tal-AMF li jeżisti diġà ta' EUR 610 miljun f'self. L-iżborżamenti tal-fondi għaż-żewġ operazzjonijiet huma previsti għa matul l-2014-2015.

Barra minn hekk, fi Frar 2014 l-awtoritajiet Armeni wkoll bagħtu talba għal operazzjoni ġdida tal-AMF.

L-iżborżamenti projettati stmati ta’ self tal-AMF matul il-perjodu 2014-2015 (minħabba n-natura eċċezzjonali tal-assistenza tal-AMF, ma jeżisti l-ebda tbassir għall-perjodu lil hinn mill-2015) jirrappreżentaw madwar EUR 2,6 biljun li minnhom EUR 1,7 biljun huma stmati għall-2014 u EUR 0,9 biljun għall-2015 (dawn iċ-ċifri jinkludu l-aħħar operazzjoni proposta għall-Ukraina).. L-iżborżamenti taħt dan is-self se jkollhom impatt fuq il-proviżjonament tal-Fond mhux aktar kmieni mill-2016 skont ir-ritmu tal-iżborż tas-self.

6.3.        Euratom

Fl-2012, ma saru l-ebda żborżamenti ta' self taħt il-faċilità ta’ self tal-Euratom.

F'Awwissu 2013 ġew iffirmati faċilità ta’ self u ftehim ta' garanzija (EUR 300 miljun) mal-Ukraina biex itejbu l-kwalità tas-sigurtà tal-impjanti nukleari tagħhom. L-ewwel porzjon ta’ din il-faċilità ta’ self hija mistennija li titħallas fl-2014.

Fil-perjodu 2014-2020, proġett jew tnejn fl-Istati Membri jew f’ċerti Stati Mhux Membri speċifiċi jistgħu jibbenefikaw mill- EUR 326 miljun li jifdal li għadhom disponibbli taħt il-faċilità.

Il-Kummissjoni jkollha tinforma lill-Kunsill u tagħmel proposta għal limitu ġdid ta' self meta l-ammonti aggregati ta’ self jilħqu EUR 3,8 biljuni (bħalissa EUR 3,7 biljuni).

6.4.        Proposta ta' proviżjonament għall-QFP tal-2014-2020

Kif jidher fit-Tabella 2 tad-DĦP, matul il-perjodu tal-qafas finanzjarju 2007-2013, ir-riżorsi baġitarji annwali disponibbli previsti fil-QFP 2007-2013 (EUR 200 miljun fis-sena fi prezzijiet attwali) kienu ġeneralment biżżejjed għall-proviżjonament tal-Fond fil-maġġoranza s-snin. Il-proporzjon bejn it-total tat-trasferimenti mill-baġit tal-UE għall-Fond u l-allokazzjoni totali tal-baġit huwa mistenni li jkun madwar 44% fi tmiem il-perjodu 2007-2013.

Dan il-livell ta' utilizzazzjoni kien affettwat mill-adozzjoni tal-mekkaniżmu l-ġdid tal-proviżjonament fl-2007 li temm il-proviżjonament eċċessiv strutturali. Barra minn hekk, ir-ritmu tal-iżborżamenti ta' self tal-BEI ffirmati taħt il-mandat attwali osservati fil-perjodu 2007-2009 ma kienx mgħaġġel daqs kemm kien mistenni. Fl-2011, il-mandat fakultattiv fil-qasam tat-tibdil fil-klima (EUR 2 biljun fi prezzijiet kurrenti) ġie attivat; barra minn hekk, il-limitu għall-pajjiżi Mediterranji ġie miżjud b’EUR 1,6 biljun fi prezzijiet kurrenti (id-Deċiżjoni Nru 1080/2011/UE). Madankollu, dawn it-tibdiliet se jkollhom impatt fuq il-proviżjonament tal-QFP 2014-2020.

Skont il-proposta tal-Kummissjoni tat-23.05.2013 għal mandat estern ġdid tal-BEI, il-limitu massimu totali għall-proviżjonament tal-Fond għall-mandat 2014-2020 ikun jammonta għal EUR 1,193 biljun, meta mqabbel ma’ EUR 1,4 biljun taħt il-qafas finanzjarju 2007-2013 (iż-żewġ ammonti fi prezzijiet kurrenti).

Il-ftehim sussegwenti tas-17 ta' Diċembru 2013 (f'negozjati bejn il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni, li għad irid jiġi adottat mill-koleġiżlatur) biex il-limitu massimu fiss tal-Garanzija tal-UE lill-BEI jiżdied b'EUR 2 biljuni jipprevedi wkoll ammont addizzjonali ta' EUR 110 miljun[5] fi dħul assenjat[6] biex ikopri il-ħtiġijiet addizzjonali ta' proviżjonament tal-Fond.

L-ammont ta’ proviżjonament totali għall-QFP 2014-2020 huwa mistenni li jkopri l-ħtiġijiet tal-Fond matul il-perjodu 2014-2020, abbażi tal-informazzjoni disponibbli meta kien qed jinkiteb dan ir-rapport u fuq il-bażi ta’ xejriet mistennija ta’ żborżamenti u rimborżi lura ta’ self garantit.

Il-ħtiġijiet annwali effettivi għall-proviżjonament tal-Fond fl-2014-2020 se jiddependu fl-aħħar mill-aħħar mir-ritmu attwali tal-firem, l-iżborsamenti u r-rimborżi tas-self fuq it-tliet attivitajiet koperti mill-Fond (is-self garantit tal-BEI, il-QFP u l-Euratom).

Fattur importanti ieħor li għandu impatt fuq il-bidla potenzjali fil-ħtiġijiet tar-riżorsi baġitarji għal dan il-perjodu huwa l-impatt tat-talbiet fuq l-assi tal-Fond b'segwitu għal inadempjenzi fil-pagamenti fuq is-self garantit lis-Sirja mill-2011 'l hawn. Il-ħtiġijiet ta’ proviżjonament mistennja għall-2014-2020 iqisu l-impatt tat-talbiet attwali relatati ma’ self Sirjan mhux irkuprat li seħħet fl-2012 u l-2013, kif ukoll l-ipoteżi li l-inadempjenzi fuq il-pagamenti li jimmaturaw ikomplu sa nofs l-2015. Meta jitqies il-fatt li din l-ipoteżi hija inevitabbilment arbitrarja, it-talbiet relatati mal-inadempjenzi tas-Sirja jistgħu jintemmu qabel jew ikomplu wara dan il-perjodu.

Fl-aħħar nett, ir-riżorsi tal-Fond se jkunu kkomplementati mir-redditu miksub billi jiġu investiti l-assi tal-Fond. Madankollu, minħabba livelli ta' rati storikament baxxi tal-imgħax prevalenti fiż-żmien tat-tħejjija ta’ dan ir-rapport, ir-redditi jistgħu jkunu aktar baxxi minn dawk fil-perjodi preċedenti.

7.           rata ta' proviżjonament fil-mira

Bejn Settembru 2009 u Frar 2010 saret evalwazzjoni tal-Fond. L-għan tal-evalwazzjoni kien li tiġi evalwata r-rilevanza, l-effettività u l-effiċjenza tal-Fond, b’mira partikolari fuq kemm huma adattati l-livelli attwali tal-parametri ewlenin tal-Fond, notevolment ir-rata fil-mira. L-istudju kkonferma li l-livell kurrenti ta’ 9% kien adattat fir-rigward tar-riskju ta’ kreditu kurrenti fuq is-self u l-operazzjonijiet tas-self garantit koperti mill-Fond.

Anki fix-xenarju ta' ritmu mgħaġġel ta’ telf[7], il-valutazzjoni kwantitattiva imwettqa bħala parti mill-evalwazzjoni msemmija hawn fuq tindika li anke telf kbir improbabbli jista' potenzjalment ikun kopert mill-Fond. Fil-passat, il-BEI qatt ma aċċellera t-talbiet fuq self inadempjenti garantit f’kuntest fejn il-garanzija tal-UE tipprovdi serħan il-moħħ li pagamenti pendenti dovuti minn min jissellef ikunu koperti anke jekk dan tal-aħħar ikompli bl-inadempjenza.

Il-Fond ikopri r-riskju ta’ kreditu tal-inadempjenzi fi 42 pajjiż. L-għaxar pajjiżi ewlenin li għalihom il-Fond għandu l-akbar skopertura jiffurmaw madwar 81% tal-iskopertura totali. Id-distribuzzjoni ġeografika tal-operazzjonijiet ta’ għoti b’self koperti mill-Fond kienet relattivament stabbli matul il-perjodu 2000-2013. Id-distribuzzjoni reġjonali tal-mandat tal-BEI tispjega din l-istabbilità minħabba li l-qsim mill-ġdid tal-operazzjonijiet tas-self bejn il-mandat ta’ qabel u dak attwali huwa simili. Madwar 83% tal-operazzjonijiet ta’ self huma ffukati fuq il-pajjiżi kandidati potenzjali u kandidati tal-Mediterran (ara l-Graff 3 fid-DĦP).

L-analiżi tal-evoluzzjoni l-profil tar-riskju tal-kreditu tas-self kopert mill-Fond sa tmiem l-2012 tissuġġerixxi li l-parametru ewlieni tal-Fond (ir-rata "fil-mira" ta' 9%) huwa ffissat f’livell suffiċjenti fir-rigward tar-riskju li jġorr il-Fond. B’mod partikolari, il-profil tar-riskju ta’ kreditu tal-operazzjonijiet ta' self, kif imkejla mill-klassifikazzjoni medja peżata, tjieb xi ftit meta mqabbel mas-sena ta’ qabel (ara 3.2 hawn fuq u t-Taqsima 5 fid-DĦP). Dan il-profil ta’ riskju iktar baxx huwa wieħed mir-raġunijiet li jappoġġaw il-livell attwali tar-rata fil-mira.

Filwaqt li l-profil tar-riskju ta’ kreditu ġenerali tjieb fis-snin riċenti, f’Ottubru 2013 madwar 49% tas-self tal-portafoll garantit kellhom klassifikazzjoni tal-kreditu taħt il-grad ta’ investiment. Dan jimplika li l-probabbiltà ta’ inadempjenza f’sena waħda mhix negliġibbli, skont rati standard għal kumulattivi storiċi għal klassifikazzjonijiet tal-kreditu differenti għar-riskji sovrani fuq possibbilitajiet ta’ limiti ta' żmien differenti ppubblikati mill-aġenziji l-kbar tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Madankollu, dan ir-riskju huwa meqjus indirizzat mir-rata ta’ proviżjonament fil-mira ta’ 9%.

Matul il-perjodu 1994-2011, il-Fond intalab għall-ammont kumulattiv ta’ madwar EUR 478 miljun u kellu rata tal-irkupru ta’ 100% (ara t-Tabella 1 tad-DĦP). L-aħħar talbiet ġew irreġistrati fl-2012 u fl-2013 b’relazzjoni mas-Sirja. Fl-2012, intalab ammont ta’ EUR 42 miljun, li minnhom ġew irkuprati EUR 2,1 miljuni u tħallsu EUR 24 miljun. Huwa stmat li t-talbiet għall-2013 huma ta’ madwar EUR 82,5 miljun.

Abbażi tal-analiżi f'dan ir-rapport, il-parametru ewlieni tal-Fond (ir-rata "fil-mira" ta’ 9%), huwa ffissat f’livell suffiċjenti biex iqis ir-riskju li jġorr il-Fond u l-evoluzzjoni potenzjali ta’ dan ir-riskju ta’ kreditu minħabba l-impatt tal-kriżi finanzjarja.

8.           Konklużjoni

Il-mekkaniżmu kurrenti ta’ proviżjonament qed ikompli jwassal it-titjib imwiegħed fil-proċess baġitarju bi proviżjonament ibbażat fuq l-iżborżamenti netti osservati. Dan irriżulta fi proċess baġitarju mtejjeb għall-proviżjonament tal-Fond.

L-analiżi kwantitattiva tar-riskju kopert mill-Fond u r-rata fil-mira ta’ 9% tal-Fond uriet li din ir-rata fil-mira, flimkien ma' karatteristiċi ewlenin l-oħra tal-Fond, huma adattati. Il-Kummissjoni għalhekk ma tarax il-bżonn li tbiddel ir-rata fil-mira jew il-karatteristiċi l-oħra tal-Fond.

Madankollu din ir-rata fil-mira għandha tiġi eżminata minn żmien għal żmien sabiex jiġi vvalutat jekk għadhiex proporzjonata mal-profil tar-riskju li jġorr il-Fond.

Din l-analiżi ssir fi żmien meta jsir l-eżami ta’ nofs it-terminu tal-mandat estern. Jekk din l-analiżi tikkonkludi li bidliet fil-funzjonament tal-Fond huma meħtieġa, jinħareġ rapport komprensiv dwar il-funzjonament tal-Fond.

[1]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2728/94 (ĠU L 293, tas-12.11.1994, p. 1).

[2]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1149/1999 (ĠU L 139, 2.6.1999, p. 1); Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2273/2004 (ĠU L 396, 31.12.2004, p. 28); Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 89/2007 (ĠU L 22, tas-31.1.2007, p. 1).

[3]               ĠU L 145, 10.6.2009, p. 10.

[4]               Id-Deċiżjoni Nru 1080/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn self u garanziji għal self għal proġetti 'l barra mill-Unjoni u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 633/2009/KE (ĠU L 280, 27.10.2011, p. 1).

[5]               Ammont ta’ EUR 110 miljun, li joriġina minn operazzjonijiet konklużi qabel l-2007, imħallas lura lill-kont fiduċjarju stabbilit għall-Faċilità Ewro-Mediterranja ta’ Investiment u Sħubija (FEMIP) u attribwibbli għall-appoġġ mill-baġit, għandu jikkostitwixxi dħul assenjat estern (għall-mandat estern tal-BEI 2014-2020) skont l-Artikolu 21(4) tar-Regolament Finanzjarju u għandu jintuża għall-Fond.

[6]               Minħabba li dħul assenjat jagħti lok għal approprjazzjonijiet tan-nefqa addizzjonali mingħajr il-ħtieġa li jinġabru riżorsi proprji addizzjonali ma għandux jgħodd kontra l-limiti massimi tal-QFP, ara l-Premessa 8 tar-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020: "Il-QFP m’għandux iqis il-partiti tal-baġit iffinanzjati mid-dħul assenjat fit-tifsira tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ("ir-Regolament Finanzjarju")."

[7]               Normalment il-Fond jissejjaħ biss biex jikkumpensa għall-ammont tal-ħlas maqbuż (imgħax u/jew kapital) f’data partikolari meta dovut. Dan ifisser li l-ammont kollu tal-ħlasijiet dovuti fil-ġejjieni jaffettwaw il-Fond biss maż-żmien hekk kif dawn il-ħlasijiet jiġu dovuti. Teoretikament, wara li jinqabeż pagament, il-kreditur ta’ self jista' jitlob il-pagamenti futuri kollha. Sabiex jiġi simulat stress massimu fuq il-Fond, l-analiżi kwantitattiva ssimulat ukoll xenarju li fih il-pagamenti maqbuża jattivaw aċċelerazzjoni tal-pagamenti kollha dovuti fil-ġejjieni.