52014DC0209

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-UE għall-Istrateġiji ta' Integrazzjoni Nazzjonali tar-Rom /* COM/2014/0209 final */


1.           Introduzzjoni

Il-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma fl-2020[1] adottat f’April 2011 ġab bidla fl-approċċ tal-inklużjoni tar-Rom: għall-ewwel darba ġie żviluppat qafas komprensiv u bbażat fuq l-evidenza marbut b’mod ċar mal-istrateġija Ewropa 2020. Il-Qafas tal-UE huwa għall-Istati Membri kollha iżda jrid jitfassal għal kull sitwazzjoni nazzjonali.

Il-Kapijiet ta’ Stat u Gvern tal-UE approvaw il-Qafas tal-UE[2], u konsegwentement, għall-ewwel darba, l-Istati Membri bdew jikkoordinaw l-isforzi tagħhom biex jitnaqqas id-distakk bejn ir-Rom u dawk li mhumiex fl-aċċess għall-edukazzjoni, l-impjiegi, il-kura tas-saħħa u d-djar. Il-Kummissjoni stabbiliet mekkaniżmu ta’ rapportar annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex teżamina l-progress li sar sal-2020. B’mod parallel, hija stabbiliet strutturi biex jakkompanjaw lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom, b’mod partikolari n-netwerk ta’ Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali Rom fejn Punti ta’ Kuntatti Nazzjonali Rom minn kull 28 Stat Membru jiltaqgħu regolarment kif ukoll ir-Rom Task Force tal-Kummissjoni interna ppreseduta mid-Direttorat Ġenerali tal-Ġustizzja (mad-Direttorat Ġenerali għall-Impjieg, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni bħala viċi kap) li jiġbor flimkien ir-rappreżentanti għoljin mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni kif ukoll minn diversi Direttorati Ġenerali, inkluż dawk responsabbli mill-politika reġjonali u urbana, l-edukazzjoni u l-kultura, l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, is-saħħa u l-konsumaturi, it-tkabbir, l-affarijiet interni, l-istatistika, il-baġit, il-komunikazzjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) sabiex tiżgura koerenza u konsistenza.

Dan ir-rapport ikejjel għall-ewwel darba l-progress li sar fl-erba’ oqsma ewlenin tal-edukazzjoni, l-impjiegi, il-kura tas-saħħa u d-djar, kif ukoll fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-użu tal-finanzjament. Huwa jevalwa wkoll il-progress li sar fil-livell tal-UE.

2.           Progress fil-livell tal-UE

2.1.        Mainstreaming tal-integrazzjoni tar-Rom fil-politika u l-finanzjament

Id-daqs u s-sitwazzjoni tal-popolazzjoni tar-Rom ivarjaw minn Stat Membru wieħed għall-ieħor. Barra minn hekk, f’xi Stati Membri, l-integrazzjoni tal-komunitajiet tar-Rom li waslu reċentement, toħloq sfidi ġodda li jeħtieġu li jiġu indirizzati. Skont il-qafas tal-UE, l-Istati Membri kollha[3] żviluppaw l-istrateġiji tagħhom għall-integrazzjoni tar-Rom[4] imfassla skont il-bżonnijiet tal-popolazzjoni tar-Rom f’pajjiżhom. Billi ħafna mir-Rom iħabbtu wiċċhom mal-faqar u l-esklużjoni soċjali, il-Kummissjoni torbot l-integrazzjoni tar-Rom mal-aġenda usa’ tagħha ta’ tkabbir, l-istrateġija Ewropa 2020. Fis-Semestru Ewropew, il-Kunsill Ewropew ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi[5] dwar l-integrazzjoni tar-Rom għall-Istati Membri li għandhom popolazzjoni mdaqqsa tar-Rom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet, u l-Kunsill adotta, l-ewwel strument legali dwar ir-Rom, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar miżuri effettivi ta’ integrazzjoni tar-Rom fl-Istati Membri[6]. Din ir-Rakkomandazzjoni tidentifika miżuri speċifiċi, inkluż l-azzjoni pożittiva biex ittejjeb is-sitwazzjoni tar-Rom.

It-Task Force tar-Rom tal-Kummissjoni tiżgura li l-aspetti kollha tal-integrazzjoni tar-Rom jiġu indirizzati, speċjalment bl-użu ta’ fondi differenti tal-UE. Il-Qafas Finanzjarju pluriennali l-ġdid għall-2014-2020[7] jiffaċilita l-użu tal-fondi tal-UE għall-integrazzjoni tar-Rom. Ir-Regolament tad-Dispożizzjonijiet Komuni għall- Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment (ESI)[8] kollha jagħti l-possibbiltà li fondi differenti tal-UE jkunu kkombinati biex jaħdmu fl-erba’ oqsma ewlenin ta’ politika tal-Qafas tal-UE. Il-fondi rilevanti ewlenin għall-integrazzjoni tar-Rom huma l-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR). Ir-Regolamenti finanzjari[9] stabbilixxew li mill-inqas 23.1% tal-baġit tal-politika ta’ Koeżjoni jiġu allokati għall-investiment fin-nies – permezz tal-Fond Soċjali Ewropew, bl-allokazzjoni ta’ mill-inqas 20% ta’ dan l-ammont f’kull Stat Membru għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Barra minn hekk, ir-Regolamenti l-ġodda dwar l-infiq tal-Fondi tal-UE issa jinkorporaw mekkaniżmi mtejba ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni biex jiksbu informazzjoni iktar preċiża dwar jekk il-Fondi Strutturali humiex qed jilħqu l-għanijiet definiti ta’ inklużjoni tar-Rom.

Il-Kummissjoni ħarget ukoll Kodiċi tal-Kondotta Ewropea dwar is-Sħubija[10], li tkopri l-fondi kollha ESI, u tipprovdi kriterji dettaljati għall-organizzazzjoni tas-sħubiji, għall-ippjanar, l-implimentazzjoni, u s-segwitu tal-programmi. Barra minn hekk, ir-Regolament tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE)[11] jitlob li ammont xieraq ta’ fondi mill-FSE jintużaw f’reġjuni ta’ tranżizzjoni u inqas żviluppati biex isaħħu l-kapaċità tal-imsieħba soċjali u l-NGOs fl-implimentazzjoni tal-programmi.

Fl-aħħar nett, abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni dwar it-Twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ[12] u l-Istati Membri ġew mitluba speċifikament biex iqisu r-Rom bħala grupp ta’ mira ewlenija skont id-daqs u s-sitwazzjoni tal-popolazzjoni tar-Rom tagħhom.

2.2.        Ħidma mill-qrib mal-partijiet interessati kollha

Il-Kummissjoni waqqfet djalogu permanenti mal-Istati Membri permezz ta’ netwerk ta’ 28 Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali Rom. Dan in-netwerk jirrappreżenta pass importanti ’il quddiem biex jappoġġa l-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji, u l-azzjonijiet fil-prattika. Huwa jippermetti wkoll lill-Istati Membri biex jaqsmu l-esperjenza u l-għarfien tagħhom mal-Kummissjoni, u jrawmu kooperazzjoni transnazzjonali u l-iskambju ta’ prattiki tajbin.

Barra minn hekk, il-laqgħat tal-Pjattaforma Ewropea għall-Inklużjoni tar-Rom żviluppaw f’forum għad-diskussjoni u l-iskambju tal-esperjenza bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, il-pajjiżi ta’ tkabbir u s-soċjetà ċivili. Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-partijiet interessati kollha, se tkompli tirrifletti dwar kif dan il-forum jista’ saħansitra jkun iktar effiċjenti u tikkontribwixxi aħjar fit-tfassil tal-politiki Ewropej ta’ integrazzjoni tar-Rom.

Biex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom f’livelli lokali u reġjonali, il-Kummissjoni tipparteċipa f’Koalizzjoni tal-organizzazzjonijiet internazzjonali[13]. F’din il-Koalizzjoni, il-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew jingħaqdu flimkien biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-awtoritajiet lokali għat-tfassil, il-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji lokali għall-inklużjoni tar-Rom li jibdew mit-titjib tal-governanza lokali[14] u l-parteċipazzjoni tal-komunità permezz tal-medjazzjoni[15].

3.           Progress fl-Istati Membri – il-Valutazzjoni tal-Kummissjoni

Tliet snin wara l-adozzjoni tal-Qafas tal-UE, il-progress, għalkemm għadu fil-bidu, qed jibda jieħu għamla f’bosta Stati Membri. Dan ir-rapport iħares b’mod partikolari lejn liema miżuri ġew implimentati, jekk il-gwida pprovduta fir-rapporti preċedenti ta’ progress tal-Kummissjoni ġietx segwita, u jekk hemmx impatt reali fil-prattika. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż jinkludi ħarsa ġenerali dettaljata mill-Istat Membru, u l-ewwel valutazzjoni tal-istrateġija nazzjonali tal-Kroazja tal-integrazzjoni tar-Rom, imressqa wara l-adeżjoni tagħha fl-UE fl-1 ta’ Lulju 2013.

Il-valutazzjoni tuża b’mod partikolari informazzjoni mill-Istati Membri permezz ta’ Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali Rom, mis-soċjetà ċivili u min-Netwerk Ewropew ta’ Esperti Indipendenti dwar l-Inklużjoni Soċjali. L-istħarriġ tal-FRA tal-2011 dwar is-sitwazzjoni fil-prattika hija l-punt tat-tluq li minnu jitkejjel il-progress.

3.1.        L-edukazzjoni

Fil-Qafas tal-UE, il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri biex jiżguraw, bħala minimu, it-tlestija tal-iskola primarja, biex iwessgħu l-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura ta’ kwalità fit-tfulija bikrija, jiżguraw li t-tfal tar-Rom ma jkunux soġġetti għad-diskriminazzjoni jew is-segregazzjoni u jnaqqsu n-numru ta’ dawk li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien. L-Istati Membri ġew mitluba wkoll biex jinkoraġġixxu liż-żgħażagħ Rom jipparteċipaw fl-edukazzjoni sekondarja u terzjarja.

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tiżvela li l-Istati Membri ħadu serje ta’ miżuri speċifiċi li taw riżultati fuq dan. Pereżempju, ir-rapporti juru tendenza ġenerali pożittiva u ċara fir-rigward tal-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura fit-tfulija bikrija.

Madankollu, għad fadal ħafna xi jsir biex titwettaq bidla fuq skala akbar. L-iktar sfidi serji identifikati minn qabel mill-Qafas tal-UE jibqgħu rilevanti u jeħtieġu aktar sforzi kontinwi. Sabiex jinkiseb progress sinifikanti, is-sistemi tal-edukazzjoni integrata għandhom isiru iktar inklużivi u adattati aktar għall-ħtiġijiet tal-istudenti Rom.

Il-persistenza tas-segregazzjoni tat-tfal Rom fi skejjel jew klassijiet speċjali[16] tibqa’ sfida ewlenija, mingħajr soluzzjonijiet sempliċi u ċari. Id-desegregazzjoni teħtieġ impenn politiku, il-ħin, il-preparazzjoni bir-reqqa u l-pjanijiet tal-implimentazzjoni, li jqisu ċ-ċirkostanzi lokali. Il-miżuri li indirettament iwasslu għas-segregazzjoni għandhom jiġu eliminati sistematikament. L-Istati Membri l-iktar ikkonċernati (eż. ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, l-Ungerija, ir-Rumanija, il-Bulgarija u l-Greċja) se jkollhom jimplimentaw miżuri iktar b’saħħithom biex itemmu u jreġġgħu lura din is-sitwazzjoni permezz ta’ sistema ta’ edukazzjoni inklużiva integrata, aċċessibbli u ta’ kwalità.

L-importanza tal-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura ta’ kwalità fit-tfulija bikrija (ECEC) hija issa mifruxa u rikonoxxuta. Serje ta’ miżuri leġiżlattivi (eż. is-snin obbligatorji qabel il-primarja, l-inċentivi tal-flus kontanti) ġew implimentati wkoll f’diversi Stati Membri. Xi Stati Membri setgħu jirrapportaw riżultati pożittivi ċari. Pereżempju, fil-Finlandja, fi żmien għaxar snin, il-parteċipazzjoni tat-tfal Rom fl-iskola ta’ qabel il-primarja żdiedet minn 2% għal 60%. L-istess japplika għall-Ungerija, fejn ir-rata ta’ reġistrazzjoni tat-tfal Rom qabel il-primarja hija għolja (79%) u x’aktarx li tkompli tittejjeb billi l-liġi l-ġdida dwar l-edukazzjoni pubblika tbaxxi l-età tal-bidu tal-edukazzjoni obbligatorja tat-trabi għal 3 snin. Min-naħa l-oħra, f’ċerti Stati Membri, il-miżuri implimentati għadhom insuffiċjenti (eż. is-Slovakkja) jew saħansitra ineżistenti (eż. il-Greċja).

It-tnaqqis tan-numru tar-Rom li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien jeħtieġ ukoll sforzi addizzjonali, inklużi attivitajiet ekstrakurrikulari u kooperazzjoni mill-qrib mal-familji. Is-sitwazzjoni tat-tfal li jkunu qegħdin f’territorju b’mod illegali tista’ tkun saħansitra agħar, meta n-nuqqas ta’ dokumenti uffiċjali meħtieġa, bħall-permess ta’ residenza validu jew rekords mediċi jistgħu jipprevjenu r-reġistrazzjoni tat-tfal fl-edukazzjoni primarja. Ir-rapport tal-ombudsman Franċiż[17] indika numru ta’ każijiet fejn l-awtoritajiet lokali fixklu l-aċċess tat-tfal Rom għall-edukazzjoni primarja għal dawn ir-raġunijiet. Barra minn hekk, iċ-ċaqliq frekwenti tar-Rom u l-familji vjaġġaturi wassal għal interruzzjonijiet fl-edukazzjoni, li wasslu għal nuqqasijiet fit-tagħlim u rati għoljin ta’ tluq bikri mill-iskola.

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tikkonferma li l-isforzi kontinwi jistgħu jwasslu għal impatt sinifikanti fuq is-sitwazzjoni tar-Rom fl-edukazzjoni. Pereżempju, fi tliet snin (2010-2013), proġett Bulgaru edukattiv naqqas in-numru tat-tfal li abbandunaw l-iskola bi kważi 80%. Hemm aktar prattiki tajbin, bħall-edukazzjoni matul il-jum kollu fil-Bulgarija u s-Slovakkja jew attivitajiet wara l-ħin tal-iskola speċifikament għat-tfal żvantaġġati fl-Ungerija, l-użu ta’ medjaturi fil-Finlandja, l-inklużjoni tal-kultura Rom fil-kurrikuli fis-Slovakkja u l-Ungerija, il-provvediment ta’ appoġġ lingwistiku fil-Bulgarja u Franza, il-provvediment tal-edukazzjoni bilingwi (Romani-Rumen), il-preparazzjoni tal-għalliema tal-lingwa Romani fir-Rumanija, u t-taħriġ għall-għalliema fis-Slovakkja, l-Ungerija u l-Bulgarija. Barra minn hekk, l-estensjoni ta’ proġetti edukattivi għat-tfal li l-familji tagħhom iċċaqalqu minn Stat Membru għal ieħor huwa żvilupp pożittiv.

Madankollu, il-prattiki eżistenti għandhom kamp ta’ applikazzjoni limitat u l-isfida ewlenija tagħhom tibqa’ fl-aġġornament ta’ dawn l-inizjattivi u l-iżgurar ta’ finanzjament fit-tul. Jinħtieġu iktar sforzi fir-rigward tal-edukazzjoni tal-għalliema u l-introduzzjoni ta’ metodoloġiji ta’ tagħlim inklużiv, li jqisu l-ħtiġijiet ta’ tagħlim individwali. Użu aktar sistematiku ta’ assistenti u medjaturi pedagoġiċi Rom u involviment akbar mal-komunitajiet lokali u l-ġenituri għandhom itejbu l-aċċess tat-tfal Rom għal edukazzjoni integrata ta’ kwalità. Jeħtieġ li tiġi żgurata koerenza ta’ politiki integrati bl-għanijiet stabbiliti fl-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom (eż. fl-Ungerija).

Lil hinn mill-edukazzjoni obbligatorja, id-differenzi tar-reġistrazzjoni bejn ir-Rom u dawk li mhumiex saru akbar. Dan huwa partikolarment detrimentali għall-integrazzjoni tar-Rom u jagħmel differenza fis-suq tax-xogħol billi n-nuqqas ta’ ħiliet u kwalifiki professjonali jipprevjenu l-adulti Rom milli jaċċessaw impjiegi ta’ kwalità. Hemm ftit miżuri sistemiċi li jħeġġu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ Rom fl-edukazzjoni ulterjuri, jew li jgħinu l-istudenti Rom biex jerġgħu jintegraw mill-ġdid fis-sistema edukattiva wara li jkunu ħarġu minnha. Għalkemm il-miżuri tal-Polonja, tal-Finlandja u tal-Isvezja ġew implimentati biex jiżdied in-numru ta’ studenti li jtemmu l-edukazzjoni sekondarja u dik ogħla u biex itejbu l-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ tal-adulti Rom, f’ħafna Stati Membri, miżuri simili huma pjuttost sporadiċi u prinċipalment jikkonsistu mill-boroż ta’ studju għall-istudenti b’talent. Fil-qasam taż-żgħażagħ, it-tagħlim mhux formali u dak informali huma strumenti importanti wkoll biex jiżviluppaw kapaċitajiet u jżidu l-impjiegi fost iż-żgħażagħ.[18]

Eżempji fil-qasam tal-edukazzjoni Il-Bulgarija u l-Ungerija – Fil-Bulgarija ġew introdotti sentejn obbligatorji qabel il-primarja; fl-Ungerija se tiġi introdotta l-fażi obbligatorja ta’ qabel il-primarja mill-età ta’ tliet snin mis-sena skolastika 2-14-2015. Il-miżura integrata hija promettenti fir-rigward tal-edukazzjoni tat-tfal Rom għall-edukazzjoni primarja, iżda kapaċitajiet suffiċjenti u persunal ta’ kwalità huma kruċjali biex ikun hemm riżultati fit-tul. Id-Danimarka – Il-proġett ‘Hold On Tight Caravan’, amministrat mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, huwa ffokat li jġib iktar żgħażagħ minn minoranzi etniċi li jibdew u jlestu programm ta’ Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali. L-inizjattiva hija amministrata fl-iskejjel mill-koordinaturi li jiżguraw approċċ individwali lil kull żagħżugħ fir-riskju li jmur ħażin fl-iskola jew iħalli l-iskola. Il-proġett huwa implimentat fid-Danimarka kollha. Mindu beda dan il-proġett fl-2009, ir-rati globali ta’ tluq mill-iskola u mit-taħriġ naqset minn 20% għal inqas minn 15%, filwaqt li d-distakk mal-istudenti Daniżi etniċi ċkien. Il-kontribuzzjoni tal-FSE għall-‘Hold On Tight Caravan’ kien ta’ €3,214,000 matul l-2009-2013. Ir-Rumanija – Il-programm ta’ azzjoni pożittiva għar-Rom fl-edukazzjoni għolja jkompli. Dawn il-programmi integrati joffru postijiet iddedikati għar-Rom għall-ammissjoni fl-universitajiet pubbliċi (fis-sena akkademika 2010/11 ingħataw 555 post, u 564 post fl-2012/13). L-Isvezja – L-Assoċjazzjoni tal-Edukazzjoni għall-Adulti f’Göteborg (Studieförbundet Vuxenskolan i Göteborg) toffri tagħlim għar-Rom li ma jkunux lestew l-edukazzjoni primarja jew sekondarja.

Għalkemm sar progress, b’mod partikolari fl-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura fit-tfulija bikrija, għad fadal ħafna xi jsir sabiex jitnaqqas l-iżvantaġġ edukattiv tar-Rom. Għall-Istati Membri b’popolazzjoni sinifikanti tar-Rom għandha tingħata prijorità lill-ġlieda kontra s-segregazzjoni, li tiġġieled għal dawk li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien u li jsiru sistemi ta’ edukazzjoni integrati iktar inklużivi. Li tippermetti ż-żgħażagħ Rom biex jiksbu l-ħiliet u l-kwalifiki kummerċjabbli, għall-inqas fil-livell sekondarju u li tiżgura t-tagħlim tul il-ħajja tal-adulti Rom għandha tkun għan ċar ta’ miżuri kemm integrati kif ukoll dawk b’mira. Barra minn hekk, l-azzjonijiet pożittivi bl-għan li jżidu l-livell edukattiv tar-Rom għandhom jinżammu u jitkabbru biex jippermettu ż-żgħażagħ Rom jiksbu kwalifiki professjonali.

3.2.        L-impjieg

Biex jingħalaq id-distakk tal-impjieg bejn ir-Rom u dawk li mhumiex, il-qafas tal-UE jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw l-aċċess mhux diskriminatorju tar-Rom għas-suq tax-xogħol miftuħ, impjieg indipendenti u mikrokreditu, u taħriġ vokazzjonali. L-Istati Membri kienu mħeġġa biex jiżguraw l-aċċess ugwali effettiv għar-Rom biex jintegraw servizzi ta’ impjieg pubbliku, flimkien ma’ gwida personalizzata u mmirata u l-medjazzjoni għar-Rom li qed ifittxu xogħol, u biex jappoġġaw l-impjieg ta’ impjegati ċivili kkwalifikati Rom.

Għalkemm hemm diversi inizjattivi promettenti fost l-Istati Membri, l-impatt mistenni għadu ma ntlaħaqx. Titjib viżibbli fil-parteċipazzjoni u l-kisba edukattiva naqsu milli jissarrfu fit-titjib tal-prospetti tal-impjieg fost ir-Rom[19]. F’xi każijiet, il-qagħda tal-impjieg tar-Rom iddeterjorat iktar, għalkemm din hija parzjalment minħabba ż-żieda ġenerali ta’ qgħad f’diversi Stati membri tal-UE matul l-aħħar ftit snin. F’dan il-kuntest, ir-Rom, u sa ċertu punt l-aktar in-nisa Rom[20], ġew partikolarment affettwati billi ħafna drabi ma jkollhomx il-ħiliet u l-kwalifiki kummerċjabbli. Barra minn hekk, l-opportunitajiet għar-Rom fis-suq tax-xogħol huma limitati minn diskriminazzjoni diretta u indiretta[21]. L-avvanz f’din is-sitwazzjoni ta’ sfida teħtieġ azzjoni ddeterminata u investiment fil-kapital uman mill-Istati Membri, bħall-miżuri li jiżguraw aċċess ugwali għas-servizzi soċjali, u li jipprovdu gwida u skemi tal-impjieg ippersonalizzati. Il-potenzjal għall-ħolqien tax-xogħol għar-Rom permezz ta’ impjieg indipendenti, intraprenditorija (soċjali), u bl-użu ta’ strumenti finanzjarji innovattivi bilkemm ġew sfruttati. L-innovazzjoni soċjali għandha tiġi rinforzata billi jiġu ttestjati l-approċċi ta’ politika ġodda u l-aġġornament ta’ inizjattivi ta’ suċċess, permezz tal-bini tal-kooperazzjoni bejn atturi differenti f’livelli lokali u reġjonali.

Jistgħu jittieħdu tagħlimiet minn proġetti ta’ suċċess bħal, pereżempju, biex insemmu biss ftit, il-pjattaforma ta’ informazzjoni Thara fl-Awstrija, il-proġett pilota li jistimula l-attivazzjonijiet soċjali u professjonali fil-Belġju, iċ-Ċentri għall-Iżvilupp tal-Komunità biex jiġu eliminati l-ostakli għas-suq tax-xogħol fil-Bulgarija jew il-pjanijiet ta’ azzjoni integrata tan-Nordrhein-Westfalen u ta’ Berlin. Madankollu, dawn il-proġetti huma mibdija l-iktar minn awtoritajiet reġjonali u lokali u huma implimentati mill-NGOs, għalhekk ir-riżultat tagħhom huwa limitat għal territorju mogħti u s-sostenibbiltà tagħhom tibqa’ inċerta.

Il-valutazzjoni turi li għad hemm biss ftit miżuri sistematiċi stabbiliti f’livell nazzjonali, għalkemm hemm xi eżempji tajbin: Il-kunsilliera tal-impjieg Rom taħt il-Ministeru tal-Impjieg fil-Finlandja, ir-riallokazzjoni tar-riżorsi għall-programm Spanjol Acceder, jew proġetti pilota f’xi wħud mill-muniċipalitajiet fir-Repubblika Ċeka li jintroduċu l-konsiderazzjonijiet soċjali fl-akkwist pubbliku.

Eżempji fil-qasam tal-impjieg Il-Bulgarija – Iċ-Ċentri għall-Iżvilupp tal-Komunità (CDC) għandhom l-għan li jagħtu s-setgħa u jippromwovu l-impjieg għaż-żgħażagħ u n-nisa fil-komunitajiet tar-Rom marġinalizzati. L-inizjattiva ġiet implimentata miċ-Ċentru AMALIPE għad-Djalogu u t-Tolleranza Interetniċi bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea sa mill-2011. Iċ-Ċentri għall-Iżvilupp tal-Komunità ġew stabbiliti fi 11-il muniċipalità. Franza (Lyon) – Il-proġett Andatu b’diversi msieħba mmobilizza l-involviment nazzjonali, ċivili u lokali kif ukoll il-finanzjament tal-UE u jikkombina t-taħriġ, l-aċċess għall-impjieg u d-djar. Billi l-programm jimmira lejn ċittadini mobbli tal-UE, jiġu offruti korsijiet tal-lingwa Franċiża. Il-programm jiffinanzja wkoll taħriġ qasir professjonali u jipprovdi appoġġ individwalizzat. Il-Fond Soċjali Ewropew appoġġa t-tnedija tal-programm bi EUR 350,000. Bħalissa jilħaq it-73 benefiċjarju, l-intervent huwa ppjanat li jiġi estiż għal 400 parteċipant li jirrikjedi baġit totali ta’ EUR 1.2 miljun. L-Ungerija – il-programm integrat tas-Servizz għall-Impjieg Pubbliku bil-għan li jtejjeb il-kapaċità għall-impjieg ta’ dawk żvantaġġati jimmira lejn diversi sottogruppi fost in-nies qiegħda rreġistrati, bil-prijorità tar-Rom bħala wieħed mill-gruppi fil-mira. Il-programm jipprovdi taħlita personalizzata tas-sussidji u s-servizzi, bħall-konsulenza fis-suq tax-xogħol, il-mentoring, it-taħriġ vokazzjonali u s-sussidji tal-paga li jimmiraw lejn ir-riintegrazzjoni tas-suq miftuħ tax-xogħol. Skont l-evalwazzjoni esterna mill-esperti, il-probabbiltà tal-impjieg se tiżdied b’40% wara li jiġi segwit dan il-programm.

Minkejja s-suċċess ta’ diversi miżuri, l-ebda impatt mifrux tanġibbli għadu ma nkiseb fuq dan. Biex jingħalaq id-distakk fl-impjieg bejn ir-Rom u dawk li mhumiex, jinħtieġ li l-Istati Membri jimmiraw simultanjament lejn kemm il-provvista u kemm id-domanda tas-suq tax-xogħol. Fir-rigward tal-provvista, il-livelli baxxi ta’ ħiliet ta’ persuni Rom li qed ifittxu impjieg iridu jiġu indirizzati b’konsulenza u taħriġ vokazzjonali, li jikkombinaw il-miżuri mmirati u l-aċċess effettiv għall-integrazzjoni tas-servizzi tal-impjieg. Fir-rigward tad-domanda, jinħtieġu miżuri biex jagħtu inċentivi lill-impjegati, bħas-sussidji għar-reklutaġġ, il-prova tax-xogħol u l-iskemi tal-apprendistat. Mizuri oħrajn jistgħu jinkludu l-mira tar-Rom taħt l-iskemi ta’ garanzija għaż-żgħażagħ, l-introduzzjoni tal-kunsiderazzjonijiet soċjali fl-akkwist pubbliku, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol u l-impjieg tar-Rom fis-servizz ċivili lokali u nazzjonali, b’tali mod li ma tinħoloqx sistema parallela tax-xogħol. L-użu tal-potenzjal tal-ekonomija soċjai u l-innovazzjoni soċjali tista’ tippromwovi d-dħul (mill-ġdid) fis-suq tax-xogħol.

3.3.        Is-saħħa

Biex jitnaqqas id-distakk tas-saħħa bejn ir-Rom u l-bqija tal-popolazzjoni, il-Qafas tal-UE jappella lill-Istati Membri biex jipprovdu aċċess għall-kwalità tal-kura tas-saħħa speċjalment għan-nisa u t-tfal, u l-kura preventiva u s-servizzi soċjali f’livell simili u bl-istess kundizzjonijiet bħall-bqija tal-popolazzjoni.

Il-kundizzjoni ħażina tas-saħħa tar-Rom hija marbuta ħafna mal-fatturi soċjali, ekonomiċi u ambjentali. Persuni f’sitwazzjonijiet vulenerabbli spiss ikollhom problemi ta’ navigazzjoni fis-sistema tas-saħħa u fl-artikolazzjoni tal-ħtiġijiet tagħhom. L-ostakli jinkludu aċċessibbiltà fqira tas-servizzi tas-saħħa f’termini ta’ distanza (eż. ż-żoni remoti fejn jistabbilixxu ruħhom ir-Rom jew ir-Rom mingħajr komunità), in-nuqqas ta’ aċċess minħabba diffikultajiet finanzjarji (affordabbiltà tal-mediċini), in-nuqqas tar-reġistrazzjoni mal-awtoritajiet lokali, in-nuqqas ta’ għarfien speċjalment dwar is-servizzi preventivi, id-differenzi kulturali u d-diskriminazzjoni. In-nuqqas ta’ kopertura tas-saħħa ħafna drabi tfisser ukoll in-nuqqas ta’ tilqim għat-tfal, li mbagħad jista’ jipprevenihom milli jiġu aċċettati mill-iskejjel u l-iskejjel għat-trabi.

Ftit mill-Istati Membri pprovdew informazzjoni li tippermetti l-paragun tas-saħħa tar-Rom mal-popolazzjoni ġenerali. Filwaqt li hemm numru ta’ raġunijiet għal dan, huwa madankollu essenzjali li l-Istati Membri rilevanti kollha jistgħu jimmonitorjaw is-saħħa tal-popolazzjoni Rom. Eżempju tajjeb huwa l-istħarriġ tas-saħħa u l-benesseri li l-Finlandja se tiżviluppa.

L-informazzjoni disponibbli turi differenzi sinifikanti kbar fost l-Istati Membri kemm f’termini ta’ punti tat-tluq[22] u l-progress. L-iżgurar tal-kopertura bażika tas-saħħa għadha sfida f’xi wħud mill-Istati Membri, b’mod partikolari fil-Bulgarija, fir-Rumanija kif ukoll fil-Greċja. Biż-żieda fil-qgħad f’dawn il-pajjiżi, żdied ukoll in-numru tal-familji li m’għandhomx kopertura tas-saħħa. L-impatt tat-tnaqqis baġitarju, ir-ristrutturar u l-kanċellazzjoni tas-servizzi fil–politika tas-saħħa ġenerali f’xi wħud mill-Istati Membri kellhom konsegwenzi ulterjuri fuq gruppi vulnerabbli, inklużi r-Rom. Fi Franza, il-gvern ikkommetta ruħu li jnaqqas l-ostakli finanzjarji għall-aċċess tal-kura tas-saħħa għal dawk l-iktar vulnerabbli.

Rapporti minn diversi Stati Membri juru sforzi sinifikanti fil-ġlieda kontra l-mard li jittieħed fost ir-Rom. Filwaqt li l-progress f’dan il-qasam jintlaqa’ tajjeb, hemm bżonn ukoll ta’ iktar attenzjoni dwar il-prevenzjoni u t-trattament tal-mard mhux komunikabbli u dwar il-kampanji tas-saħħa ġenerali b'fokus fuq il-promozzjoni ta' stili ta' ħajja tajbin għas-saħħa. Barra minn hekk, miżuri ta’ suċċess iridu jiġu sistematizzati.

Li tħarreġ lill-professjonisti tas-saħħa (eż. fir-Repubblika Ċeka) u tinvolvi l-medjaturi tas-saħħa Rom huwa mod wieħed biex tindirizza l-aċċess għas-servizzi tal-kura tas-saħħa għall-popolazzjoni Rom. Diversi Stati Membri (eż. ir-Rumanija, Spanja) investew b’suċċess fil-medjaturi Rom - madankollu f’ħafna każi, hemm bżonn li jimxu minn finanzjament temporanju għal wieħed integrat u jiżguraw rikonoxximent professjonali adegwat. Fl-2013, il-Kummissjoni nediet inizjattiva biex tiżviluppa pakketti ta’ taħriġ għall-professjonisti tas-saħħa għall-immigranti u l-minoranzi etniċi, inklużi r-Rom.

Eżempji fil-qasam tas-saħħa Ir-Repubblika Ċeka – Korsijiet tal-komunikazzjoni li jiffukaw fuq ambjent soċjokulturali speċifiku ta’ pazjent huwa obbligatorju fil-kurrikuli tal-mediċina, id-dentistrija u l-farmaċewtika. Persunal mediku ieħor huwa mħarreġ ukoll permezz ta’ programmi Professjonali (Interpersonální dovednosti specialisty) u Edukattivi (Edukace) ta’ Ħiliet Interpersonali. L-Ungerija – Qed jiġi żviluppat taħriġ għal dawk li jaħdmu fis-servizzi tal-kura tas-saħħa bażika: fl-2013, 250 viżitatur tas-saħħa ħadu sehem fil-korsijiet ta’ taħriġ, u xi 4830 speċjalist huma mistennija li jitħarrġu permezz tagħhom fl-ewwel nofs tal-2014. Franza – F’Jannar 2013, il-gvern involva ruħu biex jirreaġixxi għall-inugwaljanzi tas-saħħa li qed jikbru fid-dawl tal-kriżi u biex inaqqas l-ostakli finanzjarji għall-aċċess għall-kura tas-saħħa. Ir-Rumanija – Kampanji ta' sensibilizzazzjoni u bdil fl-imġiba b'fokus fuq is-saħħa tal-poplu Rom huma operati permezz ta' programm ta' medjazzjoni tal-kura tas-saħħa. Spanja – Medjaturi tas-saħħa wrew li jikkontribwixxu għat-titjib tas-saħħa tal-poplu Rom fi Spanja. L-eżempju ta' Navarra li ilu jaħdem snin twal intgħażel bħala prattika tajba mid-WHO[23]

Wara l-analiżi tal-miżuri tas-saħħa, jista’ jiġi konkluż li l-kura tas-saħħa u l-kopertura bażika għas-sigurtà soċjali għadha mhijiex estiża għal kulħadd. L-investiment fil-kura tas-saħħa adegwata u miżuri preventivi għar-Rom kollha, b’mod partikolari għat-tfal, huwa essenzjali billi jipprevjeni problemi ulterjuri ta’ saħħa fit-tul. Inizjattivi promettenti għandhom jiġu estiżi u mmultiplikati biex jagħmlu impatt reali fuq dan.

3.4.        Id-djar

Biex jingħalaq id-distakk bejn ir-Rom u dawk li mhumiex, il-Qafas tal-UE jsejjaħ lill-Istati Membri biex jippromwovu l-aċċess mhux diskriminatorju għad-djar, inklużi d-djar soċjali u l-utilitajiet pubbliċi (bħall-ilma, l-elettriku u l-gass)[24]. Barra minn hekk, il-Qafas tal-UE enfasizza l-bżonn li jindirizza l-kwistjoni tad-djar bħala parti mill-approċċ integrat għall-inklużjoni soċjali u d-desegregazzjoni.

Spiss, l-interventi għad-djar kienu l-iktar elementi dgħajfa fl-istrateġiji nazzjonali . In-nuqqas tal-progress huwa l-iktar minħabba: żoni griżi li jikkonċernaw il-leġiżlazzjoni tad-djar eżistenti u tas-siti għall-waqfa, kif jidher mill-kawżi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem[25]; in-nuqqas li jiġi stabbilit djalogu reali kemm mal-komunitajiet lokali Rom u dawk integrati (eż. fil-Bulgarija); l-iskarsezza tal-fondi nazzjonali pubbliċi u l-ftit użu tal-fondi disponibbli tal-UE minkejja l-gwida tal-Kummissjoni[26]; il-bżonn li jiżviluppaw iktar is-settur tad-djar soċjali f’diversi Stati Membri. Wieħed mill-ostakli ewlenin li jiltaqgħu magħhom fl-użu tal-finanzjament tal-FEŻR kien id-disinn tal-proġetti integrati dwar id-djar.

Minkejja dan il-kuntest ta’ sfida, hemm ukoll prattiki promettenti. Bl-għajnuna tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) inbnew postijiet temporanji ta’ kwalità bl-involviment tal-komunità Rom fi Franza. Fil-Ġermanja, proġetti tad-djar jinkludu wkoll miżuri li jippromwovu l-integrazzjoni tal-familji Rom fil-viċinat. Fil-Belġju, il-medjaturi jaħsbu biex jiksbu l-fiduċja kemm tar-Rom kif ukoll ta’ dawk li mhumiex għall-interventi aċċettabbli għad-djar. Fl-Ungerija, il-bliet huma mitluba jippreparaw pjan ta’ desegregazzjoni bħala parti mill-istrateġiji tal-iżvilupp.

Eżempji fil-qasam tad-djar Il-Belġju – F’Jannar 2013, 38 medjatur/persuna pont (jiġifieri medjaturi interkulturali), rappreżentanti tal-viċinat, mexxejja tal-proġetti, u konsulenti ħadmu fir-Reġjun tal-Kapital ta’ Brussell u r-Reġjun tal-Fjandri (impjegati miċ-Ċentri Pubbliċi għall-Ħarsien Soċjali, id-Dipartiment tal-Edukazzjoni, l-Aġenzija tal-Impjieg, il-Pulizija, is-Servizzi tal-Integrazzjoni jew l-NGOs lokali) biex jiksbu l-appoġġ kemm tar-Rom kif ukoll ta’ dawk li mhumiex għall-interventi tad-djar. Il-Ġermanja – F'Kiel, il-proġett tad-djar ‘Maro Temm e.G.’ jgħin lis-Sinti u r-Rom ta’ kull ġenerazzjoni biex jgħixu flimkien u jippreservaw il-kultura u l-lingwa tagħhom (Romani) mingħajr ma jiġu segregati. Attivitajiet ulterjuri bħall-għajnuna fix-xogħol tad-dar, attivitajiet ta’ divertiment u ċelebrazzjonijiet kulturali żgħar huma offruti. F’Berlin, il-proġett "Task Force Okerstraße" għandu l-għan li jiżgura li r-Rom ikunu aċċettati bħala ġirien u jiġu integrati fil-komunità. Il-familji Rom jiġu mogħtija pariri, megħjuna fir-relazzjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet u assistiti fit-tilwim mas-sidien tagħhom. Madankollu, tiġi offruta l-kura lit-tfal, u ż-żgħażagħ jiġu mħeġġa biex jieħdu sehem fl-attivitajiet ta’ divertiment. L-Ungerija – Il-bliet huma mitluba jippreparaw l-hekk imsejjaħ Pjan Lokali għall-Opportunitajiet Ugwali (Desegregazzjoni) bħala parti mill-Istrateġiji integrati għall-Iżvilupp Urban. Pjan ta’ Desegregazzjoni jidentifika interventi sistemiċi (rilevanti għall-belt kollha) biex iwaqqaf jew inaqqas is-segregazzjoni. Il-Pjanijiet Lokali għall-Opportunitajiet Ugwali saru rekwiżit statutorju għall-gvernijiet lokali skont l-Att dwar l-Opportunitajiet Ugwali. Il-fondi tal-FEŻR jappoġġaw il-proġetti integrati tad-djar għar-Rom u komunitajiet marġinalizzati oħrajn.

Bħal f’oqsma oħrajn, il-proġetti fuq skala żgħira joffru tagħlimiet utli ta’ politika iżda jridu jiġu estiżi biex jilħqu r-riżultati mistennija. Biex jintlaħaq progress tanġibbli u sostenibbli fis-settur tad-djar, l-Istati Membri għandhom jindirizzaw b’iktar effiċjenza l-ostakli identifikati hawn fuq. F’xi Stati Membri, il-leġiżlazzjoni hija meħtieġa biex tikkjarifika l-istatus legali ta’ djar eżistenti. Barra minn hekk, l-interventi regolari tal-ippjanar urban biex jeliminaw u jipprevjenu l-formazzjoni tal-ghettos fil-bliet għandhom jiġu appoġġati mill-gvernijiet nazzjonali, filwaqt li r-riskju sproporzjonat tal-esklużjoni soċjali fiż-żoni rurali jirrikjedi sforzi iktar b’saħħithom. Sabiex il-proġetti kollha jirnexxu, l-involviment kemm tar-Rom kif ukoll ta’ dawk li mhumiex huwa essenzjali. Minħabba l-iskarsezza tar-riżorsi pubbliċi, speċjalment billi d-djar huma kompetenza tal-muniċipalitajiet f’ħafna Stati Membri, għandu jsir użu aħjar mill-fondi disponibbli mill-FEŻR.

3.5.        Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni b’mod konvinċenti

Il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni huwa wieħed mill-prinċipji ewlenin tal-Unjoni Ewropea tagħna. Tlettax-il sena wara l-adozzjoni tad-direttivi importanti tal-UE kontra d-diskriminazzjoni fl-2000, id-diskriminazzjoni kontra r-Rom għadha mifruxa[27]. M’hemmx post għal dan fl-Unjoni Ewropea. Ħafna drabi, is-sitwazzjoni tan-nisa Rom[28] hija agħar minn dik tal-irġiel Rom, minħabba t-tendenza li jħabbtu wiċċhom ma’ diskriminazzjoni multipla. Is-sitwazzjoni tat-tfal Rom ħafna drabi tqajjem tħassib addizzjonali[29].

Problemi speċifiċi tar-Rom ġeneralment mhumiex minħabba lakuni fil-leġiżlazzjoni, iżda aktar minħabba l-implimentazzjoni tagħha. Sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, il-leġiżlazzjoni għandha tiġi kkombinata mal-miżuri finanzjarji u ta’ politika. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (l-artikoli 2.1 sa 2.5) tipproponi miżuri speċifiċi ulterjuri lill-Istati Membri, inkluż l-azzjoni pożittiva biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni. Din ir-Rakkomandazzjoni għandha timmarka l-bidu ta' sforzi politiċi iktar b’saħħithom mill-Istati Membri kollha biex tintemm id-diskriminazzjoni kontra r-Rom u tiżgura l-kwalità fil-prattika. Ir-rapporti ta’ progress li jmiss tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta’ integrazzjoni nazzjonali tar-Rom se jistudjaw bir-reqqa l-oqsma enfasizzati fir-Rakkomandazzjoni.

Ir-rapport reċenti tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-direttivi dwar l-Ugwaljanza jikkonfermaw li l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu aħjar tal-possibbiltà li jadottaw miżuri jew jikkompensaw għall-iżvantaġġi (azzjoni pożittiva). Dawn il-miżuri jistgħu jiġġieldu b’mod utli d-diskriminazzjoni kontra r-Rom.

L-indirizzar tat-traffikar tal-bnedmin jista’ jgħin ukoll biex tissolva l-problema tad-diskriminazzjoni u l-esklużjoni soċjali tar-Rom. In-nisa u t-tfal l-iktar li qegħdin f'riskju li jsiru vittmi. Tinħtieġ attenzjoni ugwali fil-prevenzjoni tat-traffikar, fil-protezzjoni, l-assistenza u l-appoġġ tal-vittmi, u biex jiġi involut kull min jista’ jgħin biex tiġi indirizzata din il-problema: l-ispetturi tas-saħħa, il-pulizija, l-esperti tal-edukazzjoni u l-professjonisti legali. L-Istrateġija tal-UE lejn l-Eliminazzjoni tat-Traffikar tal-Bnedmin 2012-2016, għenet lill-Istati Membri jħarsu l-obbligi tagħhom skont id-Direttiva 2011/36/UE kontra t-traffikar.

Ħafna Stati Membri ħadu inizjattivi biex iqajmu għarfien dwar il-kultura u l-istorja Rom; b’mod partikolari, fi snin reċenti, għadd minnhom li qed jiżdied organizzaw attivitajiet biex ifakkru l-Olokawst tar-Rom. Fl-aħħar nett, għandhom jittieħdu miżuri effettivi biex jiġi miġġieled id-diskors retoriku u ta’ mibegħda fl-Istati Membri kollha.

F’xi Stati Membri, il-korpi għall-promozzjoni tat-trattament ugwali kellhom rwol attiv partikolari biex iqajmu għarfien, jirrapportaw jew imexxu ’l quddiem każijiet tal-vittmi tad-diskriminazzjoni Rom (eż. il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, Franza, il-Greċja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Litwanja, ir-Rumanija, Spanja u l-Isvezja). Kif propost fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-miżuri effettivi ta’ integrazzjoni tar-Rom fl-Istati Membri, ix-xogħol u l-kapaċità istituzzjonali tal-korpi għall-promozzjoni tat-trattament ugwali għandhom jiġu msaħħa, u d-djalogu regolari bejn il-Punti ta’ Kuntatti Nazzjonali Rom u dawn il-Korpi għandhom jitkomplew, kif diġà nbdew mill-Kummissjoni.

Barra minn hekk, f’diversi Stati Membri, l-għodod effettivi jridu jiġu żviluppati biex jagħtu s-setgħa lir-Rom.

Eżempju fil-qasam ta’ kontra d-diskriminazzjoni Is-Slovakkja – L-emenda tal-Att kontra d-Diskriminazzjoni introduċiet miżuri temporanji ta’ rikonoxximent (azzjoni pożittiva) li tista’ tiġi adottata għal raġunijiet ta’ etniċità fl-oqsma kollha protetti mill-Att, jiġifieri l-impjieg, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, is-sigurtà soċjali u l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi.

Hemm in-nuqqasijiet fl-Istati Membri kważi kollha meta jiġu għall-ġlieda effettiva kontra d-diskriminazzjoni. Din m’għandhiex tiġi kkunsidrata bħala politika indipendenti, iżda għandha tiġi integrata fil-politiki kollha. Għandha tingħata attenzjoni addizzjonali lill-komunikazzjoni pubblika li tista’ tippromwovi l-benefiċċji tad-diversità u biex din tiġi aċċettata fis-soċjetà. Barra minn hekk, l-Istati Membri jridu juru tmexxija politika ċara u jiżguraw li l-ebda manifestazzjoni ta’ razziżmu mhi se tiġi tollerata fit-territorji tagħhom.

3.6.        L-iżgurar ta’ appoġġ finanzjarju għal politiki sostenibbli

L-integrazzjoni tar-Rom hija sfida fit-tul. Il-politiki u l-miżuri bil-għan tal-integrazzjoni tar-Rom iridu jkunu sostenibbli fit-tul. Il-Qafas tal-UE jistieden lill-Istati Membri biex jallokaw finanzjament suffiċjenti mill-baġits nazzjonali, u biex jagħmlu użu tajjeb mill-finanzjament internazzjonali u tal-UE.

Fis-snin reċenti, il-volum tal-fondi li l-Istati Membri jimmiraw lejn l-integrazzjoni tar-Rom żdied b’mod sinifikanti. Filwaqt li m’hemmx dubju dwar il-progress f’termini ta’ impenn u ppjanar, jibqa’ jkun hemm il-problemi fl-implimentazzjoni. Il-pajjiżi b’popolazzjoni kbira tar-Rom għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi kbar fl-użu tal-fondi tal-UE. Il-gravità tal-problemi fl-oqsma tal-politika unika u l-interdipendenzi tagħhom titlob approċċ integrat, li jikkombina investimenti fl-impjieg, fl-edukazzjoni, fil-kura tas-saħħa, u fid-djar, permezz ta’ fondi differenti.

Fil-perjodu bejn l-2007-2013, l-użu potenzjali tal-fondi tal-UE għadu ma ġiex eżawrit b’mod sħiħ biex jappoġġa l-integrazzjoni tar-Rom. Ir-raġunijiet huma varji: id-diffikultajiet biex jinstab kofinanzjament nazzjonali u biex jiġu kkombinati l-fondi, l-istrutturi amministrattivi kumplessi żżejjed, in-nuqqas ta’ kapaċità amministrattiva u ta’ kompetenza, l-użu insuffiċjenti tal-assistenza teknika għall-użu tal-fondi tal-UE, u l-kooperazzjoni fqira bejn l-awtoritajiet u r-Rom. Għalkemm l-adozzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom hija pass kbir fil-provvediment tal-qafas għall-inklużjoni tar-Rom, l-esperjenza turi li l-allinjament bejn il-politiki ġenerali u speċifiċi tar-Rom u l-finanzjament għandu jiġi mtejjeb aktar, il-bini fuq monitoraġġ aħjar tar-riżultati u l-impatt fuq l-interventi ffinanzjati mill-UE. Fejn hu rilevanti, dan l-approċċ integrat jista’ jiġi msaħħaħ iktar billi jiġi introdott approċċ territorjali, li jiffoka fuq l-iktar mikroreġjuni żvantaġġati.

Għall-perjodu ta’ programmazzjoni tal-2014-2020, sar sforz biex jiġu indirizzati dawn id-defiċjenzi, billi jiġi żgurat li sehem xieraq tal-baġit tal-politika ta’ koeżjoni jkun allokat għall-investiment fil-kapital uman, l-impjieg u l-inklużjoni soċjali. Għall-perjodu tal-2014-2020, EUR 343 biljun ġew allokati lill-Istati Membri mill-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni.

Mill-inqas EUR 80 biljun minn dawn se jiġu allokati għall-investiment fil-kapital uman, l-impjieg u l-inklużjoni soċjali permezz tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE). Ġie deċiż li f’kull pajjiż, mill-inqas 20% (meta mqabbel mas-sehem attwali ta’ madwar 17%) tal-FSE jrid jiġi allokat għall-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u l-faqar, jiġifieri madwar EUR 16-il biljun. Ġiet stabbilita prijorità ta’ investiment speċifiku għall-integrazzjoni tal-komunitajiet marġinalizzati bħar-Rom. Persuni żvantaġġati, inklużi r-Rom, se jibbenefikaw ukoll minn miżuri ffinanzjati skont il-prijoritajiet ta’ investiment tal-FSE li jimmiraw lejn l-edukazzjoni bikrija ta’ kwalità għat-tfal, it-tnaqqis u l-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola, il-promozzjoni tal-aċċess għall-impjieg u t-tisħiħ tal-impjieg taż-żgħażagħ permezz ta’ garanzija taż-żgħażagħ. Biex jiżguraw li l-FSE jilħaq l-benefiċjarji fil-mira, huwa meħtieġ li l-oqfsa istituzzjonali u regolatorji jkunu diġà fis-seħħ. L-Istati Membri jistgħu jtejbu l-kwalità ta’ kif jużaw dawn il-fondi tal-UE billi jiskambjaw l-aħjar prattiki, permezz ta’ djalogu permanenti mal-partijiet interessati, l-evalwazzjonijiet u l-osservazzjonijiet minn studji akkademiċi.

Fir-rigward tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) il-prijorità ta’ investiment taħt l-objettiv tematiku tal-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar u kull diskriminazzjoni, jippermetti r-riġenerazzjoni tal-appoġġ fiżiku, ekonomiku u soċjali tal-komunitajiet deprivati fiż-żoni rurali u urbani. Dan jista’ jiġi użat biex jitkompla t-tip ta’ skemi integrati tad-djar għall-benefiċċju tal-komunitajiet marġinalizzati, inklużi r-Rom, li bdew mill-finanzjament tal-FEŻR fil-perjodu 2007-2013. Prijoritajiet oħrajn ta’ investiment bħal fil-qasam tal-infrastruttura tal-edukazzjoni, tas-saħħa u dik soċjali jistgħu jappoġġaw l-investimenti fil-hardware biex jimplimentaw l-għanijiet ta’ integrazzjoni tar-Rom, inkluż l-involviment tar-Rom fl-azzjonijiet integrati. L-appoġġ tal-FEŻR għall-bliet li jindirizzaw sfidi soċjali u demografiċi bħala parti mill-istrateġiji sostenibbli integrati tal-iżvilupp urban jista’ jkun rilevanti wkoll.

Bħala parti mill-mekkaniżmu ta’ kondizzjonalità ex-ante għall-Politika ta’ Koeżjoni 2014-2020, il-qafas nazzjonali tal-inklużjoni tar-Rom irid ikun stabbilit meta l-fondi jkunu pprogrammati għall-integrazzjoni tar-Rom. Dan jistabbilixxi rabta diretta bejn il-qafas ta’ politika tal-UE u l-finanzjament u għandu l-għan li jimmassimizza l-effettività tal-finanzjament.

Fin-negozjati mal-Istati Membri dwar il-Ftehim ta’ Sħubija, il-Kummissjoni tiżgura li l-isfidi għall-inklużjoni tar-Rom identifikata fis-Semestru Ewropew huma adegwatament riflessi fil-prijoritajiet ta’ finanzjament tal-programmi futuri. Barra minn hekk, biex jittejbu l-kompetenzi u l-kapaċitajiet amministrattivi, l-Istati Membri jistgħu jużaw għotjiet globali biex jafdaw il-ġestjoni u l-implimentazzjoni ta’ xi partijiet tal-programmi tagħhom mal-korpi intermedjarji b’esperjenza ppruvata u t-tagħrif dwar dan[30].

F’bosta Stati Membri, parti kbira tal-komunitajiet Rom marġinalizzati jgħixu f’zoni rurali. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri dwar il-possibiltajiet eżistenti biex jappoġġaw l-integrazzjoni tal-gruppi żvantaġġati, inkluż ir-Rom, skont il-politika tal-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR). Fi ħdan il-qafas tad-djalogu informali dwar il-Ftehim ta’ Sħubija u l-programmi għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, is-servizzi tal-Kummissjoni staqsew lill-Istati Membri l-iktar ikkonċernati biex iqajmu l-Punti ta’ Kuntatti Nazzjonali Rom tagħhom fid-diskussjoni[31].

Barra minn hekk, il-possibilitajiet ta’ finanzjament tal-programm Erasmus+ għandhom jiġu eżawriti b’mod sħiħ[32].

Is-Seba’ Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp[33] jipprovdi wkoll opportunitajiet ulterjuri biex jissaħħu l-politiki koerenti u kosteffiċjenti f’dan il-qasam.

Il-Bulgarija – Il-muniċipalità ta’ Kavarna huwa eżempju ta’ investiment fl-integrazzjoni tal-Istrateġiji tal-Iżvilupp Lokali. Il-muniċipalità ta’ Kavarna investiet fi żvilupp tal-infrastruttura, tejbet l-aċċess tat-tfal Rom għall-edukazzjoni bikrija u l-kura ta’ kwalità, l-edukazzjoni tas-saħħa u l-kooperazzjoni ma’ bliet oħrajn u impjegati privati li jippromwovu l-impjieg Rom. Id-diversifikazzjoni tar-riżorsi, miżuri sistematiċi u l-impenn politiku qawwi tat-tmexxija muniċipali kkontribwew għall-kisba ta’ riżultati fl-oqsma kollha tal-politika (li jvarjaw minn kwalità mtejba tas-servizzi pubbliċi, il-kisba mtejba tal-iskola, it-tnaqqis tar-rata tal-mortalità u ż-żieda fl-impjiegi tar-Rom kemm fis-settur privat kif ukoll f’dak pubbliku). Il-Fondi Ewropej għall-Istruttura u l-Investiment għenu wkoll biex jiżguraw is-sostenibbiltà tar-riżultati billi jipprovdu EUR 3.1 miljun għall-investimenti fl-infrastruttura fiżika u l-kapital uman.

Spanja – Fi ħdan il-Programm Operattiv tal-FSE dwar il-Ġlieda kontra d-Diskriminazzjoni, l-organizazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ Fundación Secretariado Gitano kellha r-rwol prinċipali fl-integrazzjoni soċjali u tax-xogħol tal-persuni Rom bħala korp intermedju tal-programm. L-implimentazzjoni permezz tal-organizzazjoni mhux governattiva bħala korp intermedju wriet li hija kruċjali għall-ġestjoni effiċjenti u effettiva tal-finanzjament tal-UE, l-isħubiji b’saħħithom, operazzjonali u fit-tul stabbiliti mal-kumpaniji privati, il-flessibbiltà u l-adattazzjoni tal-programm għall-bżonnijiet soċjali ġodda u l-proġetti ta’ innovazzjoni soċjali u l-implimentazzjoni. Fir-rigward tal-PO kollu, in-numru ta’ ftehimiet mal-entitajiet u l-organizzazzjonijiet kiber għal 1400 ftehim attiv, inkluż in-negozji b’domanda għall-impjegati (71%), l-amministrazzjonijiet pubbliċi (20%) u l-entitajiet tat-Tielet Settur (9%).

Suċċess dejjiemi jinkiseb biss meta l-investimenti fl-edukazzjoni jkunu akkompanjati mill-investimenti fl-impjieg u d-djar, bil-Komunitajiet Rom bħala mira espliċita iżda mhux esklussiva. It-tħaddin tal-approċċ multisettorjali, ta’ diversi partijiet interessati u l-approċċ ta’ fondi multipli (li huwa ffaċilitat bil-ġenerazzjoni l-ġdida tal-Fondi tal-UE) huwa ewlieni għall-inklużjoni tar-Rom. Fl-istess ħin, biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet lokali u jinbnew il-kapaċitajiet ta’ NGOs żgħar, iridu jiġu żgurati opportunitajiet ta’ finanzjament mhux kompetittivi għal proġetti lokali żgħar. Għotjiet globali għandhom jiġu promossi, speċjalment f’dawk l-Istati Membri b’iktar kapaċitajiet amministrattivi limitati. Fil-kuntatti tagħha mal-Istati Membri, il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet lokali u r-rappreżentanti tar-Rom biex jaħdmu flimkien mill-bidu fuq l-istrateġiji tal-inklużjoni lokali.

4.           Pajjiżi tat-tkabbir

Hemm madwar 10-12-il miljun Rom fl-Ewropa, li minnhon xi 4 miljuni jinsabu fit-Turkija u 1 miljun fil-Balkani tal-Punent. Ir-Rom huma ħafna drabi vittmi tar-razziżmu, id-diskriminazzjoni u l-esklużjoni soċjali u jgħixu f’faqar kbir, mingħajr aċċess suffiċjenti għall-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u t-taħriġ, id-djar u l-impjiegi. Il-pajjiżi ta’ tkabbir għalhekk jeħtiġilhom ikattru l-isforzi tagħhom biex jintegraw iktar mal-popolazzjoni Rom tagħhom, inklużi r-refuġjati u l-persuni spustati internament, li ħafna minnhom huma Rom. L-esklużjoni tar-Rom għandha konsegwenzi f’termini ta’ għadd akbar ta’ Rom li jemigraw temporanjament lejn l-Istati Membri tal-UE b’reġim mingħajr l-obbligu tal-viża u dan jista’ jkollu impatt negattiv fuq il-liberalizzazzjoni tal-viża, li huwa kisba kbira lejn l-integrazzjoni tal-Balkani tal-Punent[34] fl-UE. Il-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-pajjiżi kollha ta’ tkabbir biex tirrevedi l-progress fl-implimentazzjoni tal-impenji tagħhom lejn l-inklużjoni tar-Rom.

Fil-perjodu 2007-2013, ġew provduti iktar minn EUR 100 miljun ta’ assistenza ta’ qabel l-adeżjoni skont l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) biex jappoġġaw l-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni tar-Rom fil-pajjiżi ta’ tkabbir, inklużi d-djar. Biex jittejjeb il-koordinament, l-effiċjenza u l-viżibbiltà tal-appoġġ finanzjarju għall-inklużjoni tar-Rom skont l-IPA II il-ġdid, azzjonijiet imfassla apposta se jkomplu jiġu ffinanzjati skont il-programmi nazzjonali rilevanti permezz ta’ approċċ settorjali u bħala parti mill-envelopp globali tal-IPA (“faċilità tal-inklużjoni tar-Rom”). Dan se jiġi akkumpanjat minn monitoraġġ rigoruż li jinvolvi l-gvernijiet u l-partijiet interessati kollha inkluża s-soċjetà ċivili.

Sabiex tappoġġa l-pajjiżi ta’ tkabbir f’dawn l-isforzi kollha, il-Kummissjoni se:

– Tkompli tappoġġa u torganizza flimkien ma’ kull pajjiż nazzjonali sessjonijiet ta’ segwitu għas-"seminars tal-inklużjoni tar-Rom" tal-2011 bil-monitoraġġ rigoruż tal-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet operazzjonali milħuqa flimkien;

– Iżżid u timmira aħjar l-azzjonijiet tal-IPA II permezz tal-“faċilità tal-inklużjoni tar-Rom” biex tiffinanzja l-miżuri enfasizzati fid-Dokumenti ta’ Strateġija tal-Pajjiż jew maqbula fis-seminars nazzjonali u biex ittejjeb il-kooperazzjoni mal-partijiet interessati esterni; il-finanzjament li jimxi mill-appoġġ għall-politika tal-iżvilupp u l-bini tal-istituzzjoni għall-azzjonijiet li direttament jagħmlu impatt fuq il-ħajjiet tal-persuni individwali Rom, b’fokus parikolari fuq l-edukazzjoni, id-djar u l-inklużjoni soċjali;

– Tagħti premjijiet lill-NGOs għall-proġetti innovattivi u ta’ suċċess għall-inklużjoni tar-Rom.

Il-Kummissjoni se tkompli ssegwi mill-qrib l-iżviluppi fil-pajjiżi ta’ tkabbir fir-rapporti ta’ progress annwali, u se tappoġġa l-pajjiżi ta’ tkabbir biex jittraduċu l-impenn politiku għall-inklużjoni tar-Rom f’attivitajiet konkreti u dejjiema fuq dan.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-miżuri effettivi tal-integrazzjoni tar-Rom fl-Istati Membri hija rilevanti għall-pajjiżi ta’ tkabbir, billi tifforma parti integrali mill-acquis tal-UE. Il-pajjiżi ta’ tkabbir għandhom bżonn ukoll jieħdu azzjonijiet mmirati biex jitneħħa d-distakk bejn ir-Rom u l-bqija tal-popolazzjoni fl-aċċess għall-edukazzjoni, l-impjieg, il-kura tas-saħħa u d-djar, akkumpanjati minn politiki trażversali ta’ rilevanza partikolari għal dawn il-pajjiżi bħall-provvediment tad-dokumenti personali u t-tisħiħ tal-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u d-djalogu mal-organizzazzjonijiet ċivili.

Id-deċenju tal-Inklużjoni tar-Rom[35] kien ta’ ispirazzjoni kbira għall-Qafas tal-UE. Kellu rwol pożittiv ħafna fl-immobilizzar tas-soċjetà ċivili u fl-iżgurar tat-tranżizzjoni mingħajr intoppi tal-pajjiżi ta’ tkabbir fil-Qafas tal-UE. Ix-xogħol tal-koalizzjonijiet ċivili kkoordinati u appoġġati mis-Segretarjat għad-Deċenju tal-Inklużjoni tar-Rom wera wkoll valur addizzjonali b’saħħtu.

5.           konklużjonijiet – it-triq 'il quddiem

Il-qafas tal-UE tal-2011 fassal proċess fit-tul. Huwa jitlob impenn politku kontinwu mill-partijiet interessati kollha biex jagħmlu differenza fil-ħajja tal-persuni Rom sal-2020.

L-ewwel pass f’din it-triq twila ttieħed meta kull Stat membru żviluppa l-istrateġija nazzjonali tal-integrazzjoni tar-Rom. L-implimentazzjoni ta’ dawn l-istrateġiji bdew issa.

B’segwitu tal-gwida tal-Kummissjoni, l-Istati Membri bdew jistabbilixxu l-prekundizzjonijiet importanti strutturali li huma indispensabbli biex jimplimentaw b’suċċess l-istrateġiji tagħhom[36]. Għall-ewwel darba, l-Istati Membri kollha tal-UE taw bidu għall-istrateġiji tal-inklużjoni tar-Rom u ħafna mill-proġetti mwettqa mill-Istati Membri kollha tal-UE juru li l-inklużjoni tar-Rom hija possibbli.

Bħala t-tieni pass, bidla tanġibbli fis-sitwazzjoni tar-Rom tinkiseb biss jekk l-Istati Membri:

· Juru rieda politika u determinazzjoni biex jibqgħu fit-triq li twassal għar-riżultati mistennija għar-Rom f’livell lokali sal-2020 u b’mod persistenti jonoraw l-impenji li ħadu fl-ogħla livelli politiċi;

· Jgħaqqdu l-leġiżlazzjoni mal-miżuri finanzjarji u politiċi; Itejbu u jsaħħu l-istrutturi li jiżguraw implimentazzjoni effettiva tal-istrateġiji nazzjonali tar-Rom, b’mod partikolari f’termini ta’ governanza, kooperazzjoni mal-partijiet interessati u l-monitoraġġ. Dawn l-istrutturi hemm bżonn li jiġu ankrati sew fl-amministrazzjonijiet nazzjonali għas-snin li ġejjin;

· Flimkien mal-Kummissjoni, jiżguraw il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-użu effettiv tal-Fondi Ewropew għall-Istruttura u l-Investiment skont il-qafas regolatorju rilevanti għall-immaniġġjar kodiviż;

· Jipparteċipaw b’mod attiv fin-netwerk tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali Rom u jipprovdu l-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali Rom tagħhom b’mandat adegwat u r-riżorsi;

· Jimmonitorjaw il-progress u jinformaw lill-Kummissjoni, fid-dawl tar-rapporti annwali tal-Kummissjoni.

Il-Qafas tal-UE u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-miżuri effettivi ta’ integrazzjoni tar-Rom fl-Istati Membri witta t-triq lejn l-inklużjoni tar-Rom. L-UE se tkompli tipprovdi tmexxija politika u se tagħti appoġġ prattiku lill-isforzi tal-Istati Membri, inkluż permezz tal-fondi tal-UE. Madankollu, dan bħalissa huwa biss il-bidu u l-Kummissjoni se twettaq ir-rwol tagħha biex tiżgura li din it-triq tkompli tiġi segwita. B’mod partikolari hija se:

· Tipprovdi gwida annwali tal-politika fl-istrateġija tal-Ewropa 2020, toħroġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għar-Rom u għall-pajjiżi speċifiċi fejn xieraq, u permezz ta’ rapporti tal-progress fl-oqsma enfasizzati fir-Rakkomandazzjoni, li se jiġu eżaminati dwar in-neċessità ta’ reviżjoni jew aġġornament sal-1 ta’ Jannar 2019;

· Tipprovdi appoġġ metodoloġiku u trawwem skambju ta’ esperjenza u prattika tajba fin-netwerk tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali Rom;

· Tkompli djalogu regolari mas-soċjetà ċivili, tappoġġa l-NGOs fil-livell lokali permezz tal-proġett Pilota tal-Parlament Ewropew, u tinvolvi s-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ tal-progress;

· Tippromwovi l-użu tal-fondi disponibbli tal-UE[37] u ssaħħaħ il-kapaċità tal-awtoritajiet fil-livelli kollha biex tuża l-fondi tal-UE b’mod effiċjenti;

· Tipprovdi appoġġ speċifiku għal-livell lokali billi: tagħmel aċċessibbli faċilment (onlajn) l-informazzjoni dwar il-fondi disponibbli tal-UE għall-inklużjoni soċjali; tipproċedi fuq analiżi tal-ħtiġijiet tal-awtoritajiet lokali fi 8 Stati Membri f’termini ta’ tqajjim ta’ għarfien u kooperazzjoni transnazzjonali; u ssaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tagħhom;

· F’kooperazzjoni mal-Istati Membri u, fejn xieraq, organizzazzjonijiet oħrajn, inkluż il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, tiżviluppa inizjattivi biex il-finanzjament ikollu miri aħjar għall-miżuri integrati u mainstream għall-inklużjoni tar-Rom matul il-bidu tal-perjodu tal-programmazzjoni 2014-2020. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tal-esperjenza matul dan il-perjodu, tesplora modi biex tkompli ttejjeb l-effettività u l-integrazzjoni tal-appoġġ finanzjarju tal-UE għall-inklużjoni tar-Rom wara l-2020, inkluż il-faċilità speċifika.

Fl-aħħar nett, l-integrazzjoni tar-Rom se tiddependi wkoll minn sforzi kontinwi mis-soċjetà ċivili tar-Rom biex jinvolvu ruħhom mal-popolazzjoni integrata, kif ukoll fuq l-azzjonijiet konġunti mill-partijiet interessati kollha u l-awtoritajiet reġjonali, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-akkademiċi, il-knejjes u s-settur privat.

L-ewwel snin ta’ implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE juri li l-azzjoni favur l-integrazzjoni tar-Rom hija attiva fl-Istati Membri kollha. Hija għandha tkun il-pedament għal aktar bini ta’ sforzi konġunti u għall-kisba ta’ progress sinifikanti sal-2020.

[1]               COM(2011) 173 finali ĠU L 76/68, 22.3.2011

[2]              Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew EUCO 23/11 tat-23 u l-24 ta’ Ġunju 2011, wara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Impjieg, il-Politika Soċjali, is-Saħħa u l-Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO) dwar Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom fl-2020, 106665/11 tad-19 ta’ Mejju 2011.

[3]              Malta ma adottatx l-Istrateġija Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom billi ddikjarat li ma hemmx popolazzjoni sinifikanti tar-Rom fit-territorju tagħha, għalkemm se tindirizza l-integrazzjoni tar-Rom jekk ikun hemm bżonn.

[4]              F’din il-komunikazzjoni t-terminu “strateġiji” jkopri s-settijiet integrati tal-miżuri u l-istrateġiji politiċi.

[5]               Fl-2013 il-Kunsill Ewropew ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-inklużjoni tar-Rom għall-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, is-Slovakkja u r-Rumanija. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jindirizzaw l-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali tal-Integrazzjoni tar-Rom fil-qafas tal-politiki orizzontali kif ukoll bħala żviluppi speċifiċi tal-politika fil-qasam tal-edukazzjoni u l-impjieg għar-Rom.

[6]               Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Diċembru 2013 dwar miżuri ta’ integrazzjoni tar-Rom effettivi fl-Istati Membri, ĠU C 378, 14.12.2013, 01.

[7]              Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020, Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013. ĠU L 347/884 20.12.2013

[8]              Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006. ĠU L 347, 20.12.2013

[9]              Inkluż ir-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006. ĠU L 347, 20.12.2013

[10]             Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) tas-7 ta’ Jannar 2014 dwar il-kodiċi tal-kondotta Ewropea dwar sħubija fil-qafas ta’ Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej; C(2013) 9651.

[11]             Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006. ĠU L 347, 20.12.2013

[12]             Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar it-twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ, 2013/C 120/01.

[13]             Bħall-Kunsill tal-Ewropa, il-bank ta’ Żvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Bank Dinji, in-Nazzjonijiet Uniti, il-UNICEF, l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) u l-Fondazzjoni għas-Soċjetà Miftuħa.

[14]             Il-proġett ROMACT li ġie mniedi f’Ottubru 2013 f’madwar 40 muniċipalità f’5 Stati Membri, jimmira li jibni rieda politika u impenn kontinwu lejn il-politika f’livell lokali, li jsaħħaħ il-parteċipazzjoni demokratika u t-tisħiħ tal-komunitajiet lokali tar-Rom, bil-għan li jassisti d-disinn u l-implimentazzjoni tal-proġetti bl-appoġġ tal-fondi nazzjonali u tal-UE.

[15]             Il-programm ROMED, iffinanzjat mill-Programm fil-qasam tat-Tagħlim tul il-Ħajja, imniedi fl-2011, sal-ġurnata tal-lum ħarreġ kważi 1,300 medjatur fil-qasam tal-iskola, il-kultura u s-saħħa. Għall-2013-2014, il-medjazzjoni qed tiffoka fuq l-istabbiliment tal-kuntatti mal-awtoritajiet lokali (muniċipalitajiet, skejjel, eċċ.).

[16]             Is-segregazzjoni fl-iskejjel integrati li jattendu fihom ir-Rom: SK: 58%, HU: 45%, EL: 35%, CZ: 33%, BG: 29%, RO: 26%, FR: 24%, ES: 10%, IT: 8%, PT: 7%, PL:3%. – is-segregazzjoni fi skejjel speċjali: It-tfal Rom li jattendu skejjel speċjali prinċipalment mar-Rom: CZ: 23%, SK: 20%, FR: 18%, BG: 18%, eċċ. Sors: FRA, L-Edukazzjoni: Is-sitwazzjoni tar-Rom fi 11-il Stat Membru. Taħriġ tar-Rom – Fokus fuq id-dejta (li se ssir fl-2014).

[17]             Le Défenseur des Droits, Bilan d'application de la circulaire interministérielle du 26 août 2012 relative à l'anticipation et à l'accompagnement des opérations d'évacuation des campements illicites août 2012 – mai 2013 (juin 2013).

[18]             Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali fil-qasam Ewropew taż-żgħażagħ (ĠU C 398/1, 22.12.2012) tinkoraġixxi l-użu tal-istrumenti għar-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki miksuba permezz tal-esperjenzi tat-tagħlim.

[19]             FRA, Il-Faqar u l-Impjieg: Is-sitwazzjoni tar-Rom fi 11-il Stat Membru, Stħarriġ dwar ir-Rom – Fokus fuq id-dejta (li se jsir fl-2014).

[20]             Fost l-Istati Membri mistħarrġa, 21% tan-nisa Rom kellhom impjieg bi ħlas meta mqabbla ma' 35 % tal-irġiel Rom. FRA, Analiżi ta' FRA Stħarriġ tar-Rom fuq is-Sessi (Settembru 2013).

[21]             Sehem tar-Rom li esperjenzaw diskriminazzjoni fl-aħħar ħames snin meta fittxew ix-xogħol: CZ 74%, EL 68%, IT 66%, FR 65%, PL 64%, PT 56%, HU 51%, SK 49%, BG 41%, RO 39%, ES 38%. FRA, Il-Faqar u l-Impjieg: Is-sitwazzjoni tar-Rom fi 11-il Stat Membru. Stħarriġ dwar ir-Rom – Fokus fuq id-dejta (li se jsir fl-2014).

[22]      Pereżempju, 59% tan-nisa Rom fil-Bulgarija, 47% fir-Rumanija u 38% fil-Greċja qalu li ma kellhom l-ebda assigurazzjoni medika meta mqabbla ma’ 22% tan-nisa mhux Rom fil-Bulgarija u r-Rumanija, u 7% tan-nisa mhux Rom fil-Greċja. Analiżi tal-FRA tal-Istħarriġ tal-FRA tar-Rom skont is-Sess (Settembru 2013).

[23]             Fil-pubblikazzjoni tagħha “Poverty and social exclusion in the WHO European Union: Health systems respond.” http://www.navarra.es/NR/rdonlyres/D4DFA3BA-F54F-40DE-8C5F-9F24A003868E/233965/2_Spain_06Feb09casopublicado2010.pdf

[24]             42% tar-Rom li ġew mistħarrġa qalu li huma jew ma kellhomx ilma tal-pajp jew dranaġġ jew elettriku fid-dar tagħhom. FRA, Is-sitwazzjoni tar-Rom fi 15-il Stat Membru u l-Kroazja (2013).

[25]             Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Yordanova u oħrajn v. il-Bulgarija Nru 25446/06, kawża tal-24 ta’ April 2012,) ikkonkludiet li għalkemm ir-Rom ikkonċernati għexu f’post illegali, l-iżgumbrament tagħhom kien ksur tal-artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet Umani (dwar il-ħajja privata u l-proprjetà privata): id-djar tagħhom, għalkemm mibnija hemmhekk b’mod illegali, kellhom jiġu kkunsidrati bħala l-proprjetà tagħhom u d-deċiżjoni biex jiġu żgumbrati kienet sproporzjonata. “Fil-kuntest tal-Artikolu 8, f’każijiet bħal dan, l-ispeċifità tal-applikanti bħala grupp soċjali u l-bżonnijiet tagħhom trid tkun waħda mill-fatturi rilevanti fil-valutazzjoni tal-proporzjonalità li l-awtoritajiet nazzjonali qegħdin fid-dmir li jagħmlu.” Din il-pożizzjoni meħuda mill-Qorti f'Yordanova kienet ikkonfermata u żviluppata iktar f’kawża iktar reċenti fil-kawża Winterstein u oħrajn v. Franza (il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-bniedem, Nru 27013/07 tas-17 ta’ Ottubru 2013. Vjolazzjoni simili tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet Umani (l-artikolu 8) ġiet osservata mid-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet tas-SK (Ombudswoman) fl-eżaminazzjoni tagħha tal-iżgumbrament furzat u l-likwidazzjoni tal-komunità tar-Rom imwettqa fl-2012 f’Kosice, is-Slovakkja (rapport tat-23 ta’ Lulju 2013).

[26]             Nota ta' gwida fuq l-implimentazzjoni ta' interventi integrati dwar id-djar favur komunitajiet marġinalizzati taħt il-FEŻR tat-28 ta' Jannar 2011. http://ec.europa.eu/regional_policy/information/search/detail.cfm?LAN=EN&id=354&lang=en

[27]             Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lir-Rapport Konġunt tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (“Id-Direttiva għall-Ugwaljanza tar-Razza”) u d-Direttiva tal-Kunsill 2000/79/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (“Direttiva għall-Ugwaljanza fl-Impjieg”).

[28]             Il-Parlament Ewropew ġibed l-attenzjoni wkoll għas-sitwazzjoni tan-nisa Rom fir-Riżoluzzjoni tiegħu dwar l-Aspetti tal-Ġeneru tal-Qafas Ewropew għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Inklużjoni tar-Rom adottata fl-10 ta’ Diċembru 2013.

[29]             Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ. C(2013)778 tal-20 ta’ Frar 2013 li jipprovdi gwida ta’ politika biex tgħin lill-UE u lill-Istati Membri jiffokaw fuq l-investiment soċjali ta’ suċċess lejn it-tfal.

[30]             Regolament (UE) Nru 1303/2013 tas-17 ta’ Diċembru 2013 op. cit.

[31]             L-Istati Membri ġew mitluba jistiednu l-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali Rom biex jipparteċipaw fil-korpi tax-xogħol li jiddiskutu l-Programmi tal-Iżvilupp Rurali tal-futur, kif ukoll fil-Kumitati tal-Monitoraġġ futuri ta’ dawn il-programmi.

[32]             Il-programm Erasmus + jibbenefika minn 40% ta’ żieda fil-baġit tiegħu (jiġifieri EUR 14.7 biljun) fil-perjodu 2014-2020. B’mod partikolari, il-proġetti ta’ kooperazzjoni tranżnazzjonali fil-qasam tal-isħubiji strateġiċi (Azzjoni Ewlenija II) u l-inizjattivi prospettivi (Azzjoni Ewlenija III) jgħinu biex jiżviluppaw approċċi ġodda u innovattivi biex jindirizzaw l-isfidi edukattivi ffaċċati mill-komunitajiet Rom.

[33]             http://romani.humanities.manchester.ac.uk/migrom/

[34]             Kif ġie rrakomandat mill-Kummissjoni fir-Raba’ Rapport dwar il-Monitoraġġ ta’ wara l-Liberalizzazzjoni tal-Viża għall-Pajjiżi tal-Balkani tal-Punent (l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja) COM(2013) 836 finali, skont id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Novembru 2010.

[35]             Flimkien mas-seba’ Stati Membri tal-UE dawn il-pajjiżi ta’ tkabbir li ġejjin huma membri tal-Għaxar Snin tal-Inklużjoni tar-Rom: l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja.

[36]             Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni Passi ’l quddiem għall-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom (COM(2013)454 tas-26 ta’ Ġunju 2013.

[37]             Inkluż permezz tan-netwerk EURom, magħmul mir-rappreżentanti tat-tnax-il Stat Membru bil-għan li jippromwovi l-użu tal-Fondi Strutturali biex itejbu l-effettività tal-politika li jimmira lejn ir-Rom u jippromwovi l-inklużjoni soċjali.