52014DC0130

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Evalwazzjoni tal-istrateġija tal-Ewropa 2020_x000b_ għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv /* COM/2014/0130 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Evalwazzjoni tal-istrateġija tal-Ewropa 2020  għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv

Introduzzjoni[1]

Fil-bidu tal-2010, il-Kummissjoni pproponiet l-istrateġija Ewropa 2020, li ġiet varata bħala l-istrateġija tal-UE għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv.[2] L-għan kien li tittejjeb il-kompetittività tal-UE filwaqt li jinżamm il-mudell tas-suq soċjali tagħha u tittejjeb b'mod sinifikanti l-effiċenzja tar-riżorsi tagħha  Meta tnediet, l-istrateġija Ewropa 2020 kienet minn ta' quddiem fil-promozzjoni ta’ mudell ta’ tkabbir li jmur lil hinn minn sempliċement żieda fil-PDG. Illum ħafna korpi jippromwovu tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv bħala element kruċjali tal-iżvilupp ekonomiku. 

L-istrateġija Ewropa 2020 nbdiet fil-kuntest ta’ livelli ta’ produttività u tkabbir aktar baxxi milli f'pajjiżi żviluppati oħra u ambjent ekonomiku u soċjali li kien qed jiddeterjora b'pass mgħaġġel, wara l-agħar kriżi finanzjarja globali li l-UE qatt ħabbtet wiċċha magħha. Hija tgħallmet mill-Istrateġija ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi li tnediet fis-sena 2000, u li ġġeddet fl-2005 u kienet fis-seħħ sal-2010. Id-dokument bażiku għamilha ċara li “l-prijorità għal żmien qasir (kienet) li noħorġu mill-kriżi b’suċċess”, iżda li “biex ikollna ġejjieni sostenibbli”, l-UE kellha bżonn “tittratta d-dgħufijiet strutturali tagħha” u “tibda tħares sew 'il quddiem”. L-ambizzjoni kienet "li noħorġu aktar b'saħħitna mill-kriżi u nittrasformaw lill-Ewropa f'ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklussiva li tikseb livelli għoljin fl-oqsma tal-impjiegi, tal-produttività u tal-koeżjoni soċjali."[3]

L-istrateġija nħolqot bħala sħubija bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, b’sett ta’ għanijiet iffokati lejn il-prijoritajiet ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, u sistema ta’ konsenja speċifika. Hija ppreżentat ħames miri ewlenin interrelatati li l-UE għandha tikseb sal-2020 fl-oqsma tal-impjiegi, ir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż), it-tibdil fil-klima u l-enerġija, l-edukazzjoni, u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Il-miri ma kinux eżawrjenti iżda kienu meqjusa eżemplari tat-tip ta’ bidla dinamika promossa fl-istrateġija.

Sabiex jiġi kkatalizzat il-progress fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni ppreżentat seba’ inizjattivi ewlenin[4], li kienu jinkludu programmi ta’ ħidma speċifiċi f’oqsma identifikati bħala strument importanti għat-tkabbir. Barra minn hekk, l-istrateġija serviet bħala qafas ta’ referenza għal azzjoni fil-livell tal-UE fl-oqsma tas-suq uniku, il-baġit tal-UE għall-2014-2020 u l-aġenda tal-politika esterna tal-UE.

Kwalunkwe reviżjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 trid tqis il-kriżi finanzjarja u ekonomika ta’ dawn l-aħħar snin u r-reazzjoni tal-UE għaliha (ara l-Kaxxa 1). Hekk kif il-kriżi nfirxet u ħadet forom ġodda, sfida partikolari għall-UE kienet li jitkisser iċ-ċirku vizzjuż bejn livelli li qed jiżdiedu ta’ dejn sovran, l-instabbiltà finanzjarja kontaġjuża u tkabbir baxx jew saħansitra anke tkabbir negattiv Dan kien jeħtieġ azzjoni immedjata u sistemika, b’mod partikolari fiż-żona tal-euro, bħall-istabbiliment ta’ kapaċità ta’ self għall-pajjiżi f’diffikultajiet finanzjarji u regoli aktar b’saħħithom għall-governanza ekonomika kif ukoll is-superviżjoni finanzjarja.

Kaxxa 1. Azzjoni tal-UE biex tingħeleb il-kriżi finanzjarja u ekonomika 2008-2013 F’Novembru 2008, il-Kummissjoni nediet Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku biex iżżid l-investimenti fl-infrastruttura u setturi ewlenin oħrajn, u pproponiet li l-Istati Membri jikkoordinaw il-pakketti ta’ stimolu baġitarju nazzjonali tagħhom. Il-pakkett totali rrappreżenta madwar EUR 200 biljun jew 1.5 % tal-PDG tal-UE. Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u r-regoli għall-użu tal-fondi tal-UE kienu wkoll aġġustata sabiex jiffaċilitaw il-mobilizzazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Billi l-irkupru ma damx wisq u minħabba r-riskji li l-kriżi finanzjarja, ekonomika u tad-dejn sovran tinfirex għalkollox, ittieħdu diversi deċiżjonijiet, fosthom: - Ġie stabbilit mekkaniżmu għar-riżoluzzjoni tal-kriżijiet biex jitnaqqas ir-riskju ta’ kontaġju u l-fraġilità finanzjarja madwar l-Istati Membri. F'Mejju 2010, ġew stabbiliti żewġ mekkaniżmi ta' riżoluzzjoni tal-kriżi: il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM) u l-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (EFSF). Fl-2012, l-Istati Membri taż-żona tal-euro ddeċidew li joħolqu mekkaniżmu permanenti ta’ riżoluzzjoni tal-kriżijiet, u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES), b'saħħa finanzjarja ta’ EUR 500 biljun, li ġie stabbilit f’Ottubru 2013. Is-self ingħata lil pajjiżi f’diffikultà finanzjarja. - L-UE daħlet għal riforma ambizzjuża u sostanzjali tas-sistema finanzjarja tagħha. L-UE ssikkat is-superviżjoni tas-swieq finanzjarji billi stabbilixxiet Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji (SESF) magħmula minn tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) speċifiċi għas-settur u minn għassies makroprudenzjali, il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS). Saru wkoll passi kbar lejn “Unjoni Bankarja”, li jinkludu mekkaniżmu ċentralizzat għas-superviżjoni tal-banek, b’effett minn Novembru 2014, u ftehim dwar modi kif banek li qed ifallu jiġu rristrutturati u solvuti. - Il-governanza ekonomika tal-UE kienet imsaħħa b’mod sinifikanti billi ġew integrati bis-sħiħ il-komponenti varji tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja taħt is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Fl-2011, pakkett leġiżlattiv[5] introduċa Proċedura għall-Iżbilanċ Makroekonomiku (MIP) ġdida biex jiġu evitati u kkoreġuti l-iżbilanċi ekonomiċi. Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) ġie wkoll raffurzat. Sett ta’ Regolamenti kumplimentari[6] daħlu fis-seħħ f’Mejju 2013, u jipprovdu fost l-oħrajn għall-iskrutinju tal-Kummissjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro. Fit-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (EMU), l-Istati Membri taż-żona tal-euro (u xi Stati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro) intrabtu li jintegraw il-prinċipji ewlenin tal-SGP fl-ordni legali nazzjonali tagħhom. F’Diċembru 2013, tabella ta' valutazzjoni ġdida ta’ indikaturi ewlenin li għandhom x'jaqsmu mal-impjiegi u indikaturi ewlenin soċjali ġew approvati mill-Kunsill u integrati fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi.

Kriżi fuq l-iskala ta’ dawn l-aħħar snin kienet teħtieġ reazzjoni politika qawwija u immedjata biex tissupplimenta l-għanijiet fit-tul tal-Istrateġija ta' Ewropa 2020. Mill-Istħarriġiet Annwali dwar it-Tkabbir tagħha, fejn stabbiliet prijoritajiet għall-UE kollha għas-sena li ġejja, għall-preżentazzjoni ta’ proposti leġiżlattivi mmirati u l-ħruġ ta’ gwida speċifika għal kull pajjiż, il-Kummissjoni kienet favur taħlita ta’ azzjonijiet li jistabbilizzaw  is-settur finanzjarju flimkien ma’ strateġiji ta’ rkupru, sforzi ta’ konsolidazzjoni fiskali u riformi strutturali aġġustati għall-ispeċifikazzjonijiet tal-pajjiż u li jirriflettu l-interdipendenzi tal-ekonomiji tal-UE.

Biex jissorveljaw u jmexxu bl-implimentazzjoni nazzjonali tal-Istrateġija Ewropa 2020, l-Istati Membri ġew mistiedna jistabbilixxu l-miri tagħhom u jispjegaw azzjonijiet aktar dettaljati bħala parti mill-programmi nazzjonali ta' riforma tagħhom. Dawn huma riveduti kull sena fil-livell tal-UE bħala parti mis-Semestru Ewropew tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Maħsub bħala mod kif tissaħħaħ il-governanza ekonomika tal-UE, l-ewwel semestru Ewropew beda kmieni fl-2011 u l-mekkaniżmu malajr stabbilixxa ruħu bħala  ċ-ċiklu annwali tal-politika ta' gwida u monitoraġġ tal-ekonomija fil-livell tal-UE (ara hawn taħt u l-Anness 1). Hemm djalogu regolari mal-Parlament Ewropew u d-diversi formazzjonijiet tal-Kunsill, li jirrifletti approċċ ta’ sħubija.

Erba’ snin wara t-tnedija tal-istrateġija Ewropa 2020, l-għan ta’ din il-Komunikazzjoni huwa li tevalwa s-sitwazzjoni.[7] Il-Kunsill Ewropew huwa mistenni jagħmel l-ewwel diskussjoni fil-laqgħa tiegħu f’Marzu 2014, li warajha l-Kummissjoni se tniedi konsultazzjoni pubblika biex tiġbor il-fehmiet tal-partijiet interessati kollha biex jgħinuha tiżviluppa l-istrateġija għall-perjodu 2015-2020.

1.           Fejn tinsab l-Ewropa wara erba’ snin?

Fl-2009, l-ekonomija Ewropea ħadet daqqa bla preċedent: kontrazzjoni ta' 4.5% fil-PDG. L-irkupru temporanju fit-tnaqqis ekonomiku fl-2010 ma damx wisq u x-xejriet negattivi baqgħu għaddejjin mill-2011 għall-2012. Mill-2013 'il quddiem kien hemm irkupru gradwali u dan mistenni jkompli, bil-PDG reali mbassar li jikber għal darb’oħra b’1.5 % fl-2014 u 2.0 % fl-UE fl-2015.[8] Il-medja tal-UE esprimiet trajettorji tat-tkabbir differenti u esperjenzi differenti ħafna matul il-kriżi fost l-Istati Membri, b’xi pajjiżi li ntlaqtu ħażin ħafna u oħrajn li rpiljaw matul iż-żmien.

Fit-tnedija tal-Istrateġija Ewropa 2020 fl-2010, il-kobor u t-tul tal-kriżi kienu għadhom, fil-biċċa l-kbira tagħhom, mhux magħrufa. Kienu kkunsidrati diversi xenarji għad-deċennju li jmiss, li jvarjaw minn ritorn għal tkabbir “ b'saħħtu”, xenarju ta’ rkupru “letarġiku” jew ir-riskju ta’ “deċennju mitluf”. Ħafna kien jiddependi fuq il-kapaċità tal-UE li toħroġ mir-riċessjoni tal-2009 malajr u bis-saħħa.[9]

Grafika 1. Il-livell reali tal-PDG fiż-żona tal-euro u fl-UE matul l-2000-2020 (Indiċi 2010 = 100)

Erba’ snin wara, qed jidher ċar li t-trajettorja probabbli tat-tkabbir għall-UE matul 2010-2020 hija eqreb lejn it-tieni xenarju (jiġifieri madwar 1.3% fis-sena). Kif tindika l-grafika 1, il-produzzjoni ekonomika fl-UE fl-2014 hija mistennija tilħaq l-istess livell bħal fl-2008 bit-telf mit-tnaqqis issa kkumpensat bi rkupru kontinwu. Madankollu, l-impatt tal-kriżi huwa kemm immedjat u kif ukoll fit-tul: din diġà ssarrfet f'telf ta' ġid għall-Ewropa u kielet ukoll mill-potenzjal tagħha għall-ħolqien ta' impjiegi, negozji u ntilef "know-how" 

Skont l-aħħar tbassir, it-tkabbir annwali tal-PDG tal-UE jista' jkun ta’ 1.6 % tul il-perjodu 2014-2020, meta mqabbel ma’ 2.3 % matul l-2001-2007 (qabel il-kriżi).[10] It-tkabbir annwali medju fl-UE espress fi PDG per capita, għalhekk ikun ta’ 0.9 % matul il-perjodu 2014-2020, meta mqabbel ma’ 1.8 % matul il-perjodu 2001-2007.

Wieħed mill-ewwel passi kritiċi fit-tfassil ta' strateġija tat-tkabbir ta' wara l-kriżi għall-UE huwa li tifhem b'mod ċar l-impatt sħiħ tal-kriżi u taqsam djanjożi komuni tal-qagħda tal-Ewropa. Meta tagħmel hekk, huwa importanti wkoll li żżomm f'moħħha li terġa' lura għall-"mudell" tat-tkabbir tad-deċennju preċedenti jkun kemm illużjoni u kif ukoll ta' ħsara: żbilanċi fiskali ; bżieżaq immobiljari ; inugwaljanzi soċjali dejjem akbar ; nuqqas ta' intraprenditorija u innovazzjoni biżżejjed ; sistemi finanzjarji li ma jiffunzjonawx sew ; dipendenza dejjem akbar fuq l-enerġija pressjonijiet multipli fuq l-użu tar-riżorsi u tal-ambjent; żieda qawwija fil-qgħad; dgħufijiet fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ; amministrazzjonijiet pubbliċi bi prestazzjoni dgħajfa – dawn kienu kwistjonijiet li kienu qed jiġu osservati iżda li ma nstabux soluzzjonijiet għalihom fil-passat. Dawn ikkontribwew għall-kollass ta’ partijiet sħaħ tal-ekonomiji tagħna meta faqqgħet il-kriżi.

Wara ċ-ċifri ewlenin fuq il-PDG, huwa essenzjali wkoll li wieħed iħares lejn, u xi kultant jerġa' jiskopri t-tendenzi sottostanti u t-tibdil strutturali li jiddeterminaw il-kapaċità tal-Ewropa li tikber. Din hija wkoll ir-raġuni għaliex il-fatturi tal-għarfien u l-istimulu li jġibu l-progress lejn il-miri ta’ Ewropa 2020 huma ta’ importanza kritika.

1.1.        L-impatt tal-kriżi

Is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u privati hija f’riskju

Id-defiċits tal-gvern laħqu 6.5 % tal-PDG bħala medja fl-2010 fl-UE u huma mistennija li jonqsu għal 2.7 % fl-2015.[11] Dan jirrifletti l-isforzi enormi f’diversi Stati Membri, partikolarment fl-2011 u l-2012, biex terġa’ tinkiseb is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tagħhom.[12] Madankollu, minħabba l-akkumulazzjoni tad-defiċits u t-tnaqqis fit-tkabbir, proporzjonijiet tad-dejn sovran żdiedu ħafna, minn 60 % tal-PDG bħala medja qabel il-kriżi, għal 80 % fl-2010 u huma mbassra li jilħqu 89.5 % fl-2015.[13] Bit-tkabbir għaddej u d-defiċits jonqsu, id-dejn gross tal-gvern mistenni jibda jonqos fl-2015. Li tittejjeb il-kwalità tan-nefqa pubblika u li ssir enfasi akbar fuq l-effiċjenza tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u li s-sistemi tat-taxxa jiffavorixxu aktar it-tkabbir, inkluż billi jċaqilqu ulterjorment il-piż fiskali minn fuq ix-xogħol għal fuq il-bażijiet tat-taxxa marbuta mal-konsum, il-proprjetà u t-tniġġis, se jkollhom rwol dejjem aktar importanti fis-salvagwardja u fl-iffurmar tal-mudelli tat-tkabbir u l-mudelli soċjali Ewropew fil-futur.

Livelli ta' dejn privat – fl-unitajiet domestiċi u l-kumpaniji – kienu wkoll partikolarment għolja f'xi pajjiżi qabel il-kriżi u komplew jiżdiedu b'riżultat ta' dan. Li titnaqqas l-iskopertura finanzjarja hija prijorità għal ħafna atturi privati. Madankollu, dan jista’ jkollu l-effetti sekondarju negattiv ta’ tkabbir bil-mod għal xi żmien, b’mod partikolari f’kuntest ta’ tkabbir baxx u inflazzjoni baxxa.

Minkejja xi stabbilizzazzjoni fis-settur finanzjarju, l-aċċess għall-finanzi għadu wieħed limitat f’xi partijiet tal-UE

Is-sitwazzjoni globali fis-swieq finanzjarji wriet żviluppi inkoraġġanti f’dawn l-aħħar xhur iżda dawn għad iridu jittraduċu ruħhom fl-ekonomija reali u xi dgħufijiet jibqgħu jippersistu fi ħdan is-settur finanzjarju. Wara 24 trimestru suċċessiv ta’ ssikkar mill-2008, is-self mill-banek lill-impriżi żgħar u medji (SMEs) wera l-ewwel sinjali ta’ rilassament fl-ewwel kwart tal-2014.[14] Madankollu, l-aċċess għall-finanzi għadu ta’ tħassib f’partijiet kbar tal-UE u jvarja bejn l-Istati Membri, li jindika kwistjoni ta’ frammentazzjoni tas-suq.

Il-livelli tal-qgħad u l-faqar qed jogħlew

Il-qgħad żdied ħafna fl-Ewropa bħala riżultat tal-kriżi, minn rata ta’ 7.1 % fl-2008 sal-ogħla livell ta’ 10.9 % fl-2013. Minħabba d-diskrepanza taż-żmien bejn l-irkupru u l-ħolqien nett ta’ impjiegi, ir-rata tal-qgħad hija mistennija tonqos biss bil-mod fil-futur prevedibbli (10.4 % fl-2015[15]).

Is-sitwazzjoni saret aktar integrata matul iż-żmien. Il-qgħad fit-tul – jiġifieri l-perċentwali tal-popolazzjoni attiva qiegħda għal aktar minn sena – żdiedet b'2.1 punti perċentwali bejn l-2008 u l-2012 (minn 2.6% għal 4.7%). Dan jista’ jwassal għal żieda fil-livell ta’ qgħad strutturali, li għandu impatt wiesa’ fuq il-forza tax-xogħol u t-tkabbir potenzjali tal-ekonomija, u anke għan-nisġa politika u soċjali tal-UE – b’mod partikolari f’termini ta’ livelli dejjem ogħla ta’ faqar u esklużjoni soċjali (ara hawn taħt).

Is-sitwazzjoni tvarja b’mod sinifikanti minn pajjiż u reġjun għall-ieħor, u r-rati tal-qgħad ivarjaw minn 5.0 % fl-Awstrija għal 27.6 % fil-Greċja fl-2013. Huma kkonċernati l-gruppi ta’ età kollha iżda s-sitwazzjoni hija partikolarment diffiċli għal persuni li għandhom aktar minn 55 sena u għaż-żgħażagħ, bir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ – il-perċentwali ta’ żgħażagħ qiegħda li għandhom bejn 15 u 24 sena – jilħaq medja ta’ 23.3 % fl-UE fl-2013, u saħansitra 59.2 % fil-Greċja u 55.7 % fi Spanja. Is-sehem dejjem akbar ta' żgħażagħ li la huma impjegati u lanqas qed jieħdu xi edukazzjoni jew taħriġ (NEETs) ta’ 13.2 % fl-2012, huwa sors ieħor ewlieni ta’ tħassib.

Sitwazzjonijiet diversi madwar l-UE

Għalkemm diġà kienu jeżistu differenzi sinifikanti madwar l-UE qabel il-kriżi, is-severità tagħha wriet serje ta' żbilanċi akkumulati matul is-snin. Il-kriżi kompliet tkabbar diverġenza li dejjem qed tikber bejn l-Istati Membri u spiss ġo fihom stess. Li ssir distinzjoni bejn ix-xejriet ċikliċi u dawk strutturali huwa partikolarment diffiċli fi żminijiet ta’ ċirkostanzi negattivi estremi, u hemm riskju li bosta effetti negattivi tal-kriżi jibqgħu fit-tul. Waħda minnhom hija UE aktar varjata fit-termini tal-qagħda u l-prestazzjoni ekonomika. Din id-diversità hija wkoll apparenti fir-reviżjoni tal-progress lejn il-miri tal-Ewropa 2020.

1.2.        Ix-xejriet fit-tul li jaffettwaw it-tkabbir ekonomiku

L-istrateġija Ewropa 2020 tnediet b’viżjoni tal-isfidi fit-tul li qed tħabbat wiċċha magħhom l-UE. Filwaqt li xi wħud minn dawn l-isfidi kienu enfasizzati matul il-kriżi, oħrajn xi kultant ġew traskurati minħabba l-ħafna kwistjonijiet urġenti oħra li għandhom prijorità netta fl-aġenda politika. Ħafna mill-isfidi identifikati fl-2010 għadhom magħna u xi wħud saħansitra intensifikaw.

Bidla fis-soċjetà

Is-soċjetà Ewropea hija trasformata mill-forzi globali u domestiċi, li kulħadd qed jadatta għalihom: forom ġodda ta' ħajja urbana u rurali, xejriet tal-konsum u l-mobilità ġodda, għaqdiet familjari ġodda u aktar diversi, il-preżenza dejjem akbar tat-teknoloġija fil-ħajja ta' kuljum, eċċ. Żewġ xejriet, b'mod partikolari, se jiffurmaw il-qafas tal-istrateġija Ewropa 2020.

L-ewwel nett, it-tixjiħ tal-popolazzjoni Ewropea joħloq kuntest ġdid, kemm b'opportunitajiet kif ukoll bi sfidi. It-tixjiħ huwa proċess gradwali iżda ferm palpabbli: l-età medja fl-Ewropa – l-età li tifred il-popolazzjoni f'żewġ nofsijiet – żdiedet minn 35.7 sena għal 41.5 fl-2012 u jaf tilħaq it-52.3 sal-2050. Il-popolazzjoni ta’ bejn il-65 sena hija mistennija li tirdoppja fl-UE mill-1990 sal-2050.

It-tixjiħ għandu impatt profond fuq is-soċjetà u l-ekonomija Ewropea. Il-migrazzjoni netta hi u se tkun meħtieġa minħabba żviluppi demografiċi. Sa mill-1992 il-migrazzjoni netta qabżet iż-żieda naturali tal-popolazzjoni (id-differenza bejn it-twelid u l-imwiet) u issa tammonta għal żewġ terzi tat-tkabbir tal-popolazzjoni tal-Ewropa. Id-dipendenza ekonomika – il-proporzjon bejn l-għadd ta’ persuni li m’għandhomx impjieg u dawk li għandhom – huwa mistenni jiżdied minn 1.32 fl-2010 għal 1.47 fl-2030, bid-dipendenza tax-xjuħija toħloq sfidi mingħajr preċedent għall-adegwatezza soċjali u s-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistemi tal-għajnuna soċjali. Il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol mistennija tonqos u kulma jmur se tikkonsisti minn ħaddiema ikbar fl-età. Dan jillimita l-potenzjal tat-tkabbir tal-Ewropa sakemm l-UE ma tkunx kapaċi tħaddem aktar nies u tiżgura li dawn jaħdmu b’mod aktar produttiv u għal żmien itwal, skont iż-żieda fl-istennija tal-ħajja u s-snin ta’ ħajja b’saħħitha.

It-tieni, il-kriżi tefgħet dawl fuq il-kwistjoni li ilha teżisti tal-effikaċja u l-ġustizzja tal-ġid prodott u mqassam permezz tat-tkabbir. Filwaqt li b'mod ġenerali l-PDG u l-ġid komplew jiżdiedu, l-inugwaljanza fl-Ewropa żdiedet ukoll – bħal f'pajjiżi żviluppati oħra – minn nofs is-snin tmenin 'l hawn. Issa hemm inugwaljanzi kbar fid- distribuzzjoni tal-introjtu fl-UE: bħala medja, l-aqwa 20% qalgħu 5.1 darbiet aktar mill-agħar 20% fl-2012. Dan il-proporzjon kien ivarja b’mod sinifikanti madwar l-UE, mit-3.4 fis-Slovenja u t-3.5 fir-Repubblika Ċeka għal aktar minn 6.0 fil-Greċja, ir-Rumanija, il-Latvja u l-Bulgarija u laħaq il-quċċata ta’ 7.2 fi Spanja. Hu mistenni li l-kriżi wasslet għal żieda ulterjuri fl-inugwaljanza u li rrestrinġiet is-sistemi ta’ ridistribuzzjoni saħansitra aktar. Il-kwistjoni ta’ ġustizzja distributtiva, min-naħa l-oħra, iżżid id-diffikultà li jiġu indirizzati l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom l-ekonomiji tal-Ewropa.

Il-globalizzazzjoni u l-kummerċ

L-UE hija l-ikbar esportatur dinji u l-akbar kummerċjant tal-prodotti. Hija wkoll l-akbar kummerċjant f’servizzi fejn għad għandha potenzjal qawwi biex tikber. Huwa stmat li fi żmien 10 u 15-il sena oħra, 90 % tat-tkabbir fid-dinja se jiġi minn barra l-UE, għalhekk l-UE għandha kull interess biex tiżgura li l-kumpaniji tagħha jibqgħu kompetittivi ferm u jkunu jistgħu jaċċessaw swieq ġodda u jibbenefikaw minn dawn is-sorsi ta’ tkabbir.

Il-globalizzazzjoni mhix biss l-iffaċilitar tal-kummerċ u l-iskambji. Hija wkoll li wieħed jingħaqad fil-katini tal-valur globali u jipprovdi prodotti, servizzi u teknoloġiji li l-ebda pajjiż individwali ma jkun jista' jipproduċi waħdu. Hija wkoll il-ħolqien ta' kundizzjonijiet għal sħubija bbilanċjata u l-iżvilupp madwar il-pajjiżi, li jibda mill-viċinat tal-Ewropa.

Il-kapaċità tal-UE li tikkompeti b’mod internazzjonali tibda fil-livell lokali. L-UE tgawdi minn benefiċċji sinifikanti mill-integrazzjoni tagħha fl-ekonomija mondjali, li nbniet fuq is-suq intern tagħha stess: żewġ terzi tal-kummerċ f'merkanzija tal-UE jsir ġol-fruntieri tal-UE. Għaldaqstant, is-suċċess globali tad-ditti Ewropej fil-kummerċ internazzjonali, jirrifletti mhux biss is-saħħa nazzjonali iżda, permezz ta’ katini ta’ valur transfruntieri, l-involviment tal-fornituri f’pajjiżi oħra tal-UE, li jipprovdu kontribuzzjonijiet importanti għall-kompetittività. Barra minn hekk, l-evidenza turi li l-SMEs li huma attivi fis-swieq internazzjonali jikbru aktar malajr u huma iktar innovattivi minn dawk li jillimitaw l-attivitajiet tagħhom għas-swieq lokali.

Fil-kriżi, l-UE gawdiet direttament mill-kummerċ bħala magna tat-tkabbir u kienet kapaċi żżomm pożizzjoni b’saħħitha fis-swieq dinjin. Fl-2015, minkejja l-ħafna dipendenza tagħha fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija, l-ekonomija tal-UE mistennija tirreġistra bilanċ pożittiv fil-kont kurrenti ta’ madwar 1.5 % tal-PDG (aġġustat għall-kummerċ intra-UE) meta mqabbel ma’ defiċit ta’ 0.5 % tal-PDG fl-2010. Din ix-xejra tirrifletti wkoll il-fatt li ħafna Stati Membri issa rnexxielhom jirbħu lura l-kompetittività u jżidu l-esportazzjonijiet.

Żviluppi fil-produttività u l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT)

It-tkabbir tal-Ewropa waqa’ lura fejn dak ta’ ekonomiji avvanzati oħra għal dawn l-aħħar tletin sena u ħafna minn dan id-distakk li dejjem qed jikber huwa dovut għal tkabbir dgħajjef fil-produttività. Il-produzzjoni taż-żona tal-euro laħqet 90 % tal-PDG per capita tal-Istati Uniti fl-1980 iżda issa tinsab madwar 70 % u għal bosta ekonomiji taż-żona tal-euro anqas minn 60 %.[16] Ħafna drabi huwa stmat li riformi fis-swieq tal-prodotti, tas-servizzi u tax-xogħol li huma kalibrati sew u sekwenzati għall-ħtiġijiet tal-ekonomija, għandhom il-potenzjal li joħolqu żidiet sinifikanti fil-produttività fil-medda twila taż-żmien. Il-benefiċċji jkunu ikbar fil-pajjiżi tal-periferija minħabba kamp ta’ applikazzjoni usa’ għar-riforma iżda wkoll għal effetti pożittivi li jinxterdu mill-qalba taż-żona tal-ewro. It-titjib tal-kwalità tal-kapital uman, il-prestazzjoni tar-riċerka, is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-kapaċità tagħhom li jrawmu l-innovazzjoni hija wkoll fattur ewlieni għall-promozzjoni tal-produttività. Il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol tal-Ewropa li qed tixjieħ u qed tonqos tagħmilha saħansitra iktar urġenti li tittejjeb il-produttività bħala sors ta’ tkabbir.

Komunikazzjonijiet elettroniċi moderni u servizzi online, inkluż il-gvern-e, huma setturi ekonomiċi importanti fihom infushom iżda huma wkoll l-ixprun kruċjali tat-tkabbir u l-produttività għall-ekonomija kollha kemm hi. Inqas investiment fl-ICT u inqas użu minnu fl-Ewropa jammonta għall-parti kbira tad-distakk fil-produttività tax-xogħol bejn l-UE u l-Istati Uniti. L-investiment tal-UE f’infrastruttura tal-komunikazzjoni avvanzata wkoll waqa' lura minn dak tal-kompetituri ewlenin tagħha, speċjalment fir-rigward tal-infrastruttura tal-mowbajls. Il-medja tal-veloċità tad-dejta tal-mowbajls fl-UE hija nofs dik tal-Istati Uniti,[17] u l-Ewropa għandha biss 6 % tal-abbonamenti tal-mowbajl 4G tad-dinja kollha. Fil-Korea t’Isfel, 58 % tad-djar huma konnessi bil-fibra mad-dar, iżda fl-Ewropa dawn huma biss 5 %. 54 % tad-djar Ewropej għandhom aċċess għal netwerks tal-ġenerazzjoni li jmiss, li jistgħu jipprovdu 30 Mbps. Fl-ekonomija l-ġdida bbażata fuq id-dejta, il-kumpaniji Ewropej huma kważi assenti mill-katina tal-valur.

Il-pressjoni fuq ir-riżorsi u l-kwistjonijiet ambjentali

Matul is-seklu għoxrin, l-użu tal-fjuwils fossili fid-dinja żdied b’fattur ta’ 12, waqt li kienu estratti 34 darba aktar riżorsi materjali. Fl-UE, illum il-ġurnata, kull persuna tuża 15-il tunnellata ta’ materjal fis-sena filwaqt li tiġġenera 5 tunnellati ta' żibel, b'nofshom jispiċċaw fil-miżbliet. In-negozji qed iħabbtu wiċċhom ma’ spejjeż dejjem akbar għall-materja prima, l-enerġija u l-minerali, u n-nuqqas ta’ sigurtà tal-provvista u l-volatilità tal-prezzijiet tkun tolqot lill-ekonomija b'mod ħażin. Is-sorsi tal-minerali, tal-metalli u tal-enerġija, kif ukoll l-istokkijiet tal-ħut, tal-injam, tal-ilma, tal-ħamrija għammiela, tal-arja nadifa, tal-bijomassa u tal-bijodiversità, ilkoll jinsabu taħt pressjoni u l-istess jgħodd għall-istabbiltà tas-sistema tal-klima. Id-domanda għall-ikel, l-għalf u l-fibra jaf tiżdied b’70 % sal-2050, iżda 60 % tal-ekosistemi ewlenin tad-dinja li jgħinu fil-produzzjoni ta’ dawn ir-riżorsi diġà ġew iddegradati jew qed jintużaw b’mod li mhuwiex sostenibbli.[18] Il-kwalità tal-ilma u l-livelli tat-tniġġis fl-arja għadhom problematiċi f’ħafna partijiet tal-Ewropa. L-użu insostenibbli tal-art qed jikkonsma l-ħamrija fertili, filwaqt li tissokta d-degradazzjoni tal-ħamrija, u l-użu tal-infrastruttura ekoloġika jibqa’ anqas minn ottimali. Bl-istess mod, l-użu insostenibbli tal-ibħra jhedded il-bilanċ fraġli tal-ekosistemi tal-baħar u jaffettwa l-attivitajiet ekonomiċi relatati, bħas-sajd u t-turiżmu.

Is-sistema ekonomika tagħna għadha tinkuraġġixxi l-użu tar-riżorsi b’mod mhux effiċjenti, billi xi wħud minn dawn ir-riżorsi huma pprezzati f’livell li huwa inqas minn kemm jiswew verament. Il-Kunsill Kummerċjali Dinji għall-Iżvilupp Sostenibbli jistma li, sal-2050, se tkun meħtieġa żieda ta’ bejn 4 u 10 darbiet fl-użu effiċjenti tar-riżorsi, u sal-2020 diġà se jkun hemm bżonn ta’ titjib sinifikanti. Il-promozzjoni ta' użu effiċjenti tar-riżorsi jagħmel ħafna sens f’termini ta’ negozju u għandu jgħin il-kompetittività u l-profitabbiltà tan-negozji. Dan jista' jżid l-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku: matul il-kriżi, azzjoni biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika fis-settur residenzjali wriet li kienet ta' għajnuna partikolarment tajba fit-tkattir tad-domanda lokali għal impjiegi lokali u fil-ħolqien ta' tfaddil finanzjarju maż-żmien.

1.3.        Progress lejn il-miri ta' Ewropa 2020

Kontra dan l-isfond, il-progress lejn il-miri ta’ Ewropa 2020 kien inevitabbilment wieħed varjat (ara l-Anness 2). Il-kriżi ħalliet impatt ċar, b’mod partikolari fuq l-impjieg u l-livelli tal-faqar, u waqqfet il-progress lejn il-miri l-oħra tiegħu, bl-eċċezzjoni tal-effett tagħha fuq it-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Din kabbret ukoll id-differenzi fil-prestazzjoni bejn l-Istati Membri f'bosta oqsma, bħall-impjiegi u r-R&Ż. Il-progress kien affettwat ukoll minn grad li jvarja ta' reazzjoni politika madwar l-UE.

Minkejja l-kriżi, kien hemm xejriet strutturali aktar pożittivi, pereżempju fil-livelli tal-edukazzjoni, li jibnu taħlita ta' enerġija aktar sostenibbli u t-tnaqqis fl-intensità tal-karbonju tal-ekonomija. Ir-reżiljenza relattiva tar-rata tal-impjieg matul il-kriżi f'għadd ta' pajjiżi, flimkien mal-progress miksub fil-perjodu preċedenti, tista' wkoll tiġi interpretata bħala sinjal ta' prestazzjoni aħjar tas-suq tax-xogħol meta mqabbla mal-passat. 

It-taqsima li ġejja tistabbilixxi l-iżviluppi ewlenin f’kull waħda mill-ħames żoni fil-mira.

Inżidu r-rata tal-impjieg tal-popolazzjoni ta’ bejn 20-64 għal mill-inqas 75 %

Ir-rata tal-impjieg tal-UE kienet ta’ 68.4 % fl-2012, meta mqabbla ma' 68.5 % fl-2010 u 70.3 % fis-sena tal-quċċata tal-2008. Skont ix-xejriet reċenti, din mistennija tiżdied għal madwar 72 % fl-2020. It-twettiq tal-miri nazzjonali kieku jtellgħuha sa 74 %, ftit inqas mill-objettiv tal-2020.

Il-prestazzjoni nazzjonali huma eteroġenji ħafna, bl-Isvezja u l-Ġermanja juru rati għoljin ta’ impjieg u li qed joqorbu lejn il-miri nazzjonali tagħhom, filwaqt li Spanja, il-Greċja, il-Bulgarija u l-Ungerija huma l-aktar ’il bogħod. Ħafna minn dawk li kienu l-aħjar f’termini ta’ impjieg irreġistraw progress notevoli mill-2000 'il quddiem. Madankollu, bejn l-2000 u l-2012 ħafna mill-Istati Membri li bħalissa għandhom l-iktar rati baxxi ntlaqtu minn tnaqqis qawwi fl-impjiegi. Is-sitwazzjoni tal-impjiegi wkoll tvarja ħafna minn reġjun għall-ieħor, u dan jindika diskrepanzi u r-realtà tal-mobilità ġeografika limitata madwar l-UE.  Madankollu, matul il-kriżi, bosta Stati Membri bdew jimplimentaw riformi fis-suq tax-xogħol li se jagħmlu s-swieq tax-xogħol aktar flessibbli fil-ġejjieni, anki jekk ir-riżultati jieħdu ż-żmien.

Biex tintlaħaq il-mira ta’ 75 % hemm bżonn ta' madwar 16-il miljun raġel u mara addizzjonali. Proporzjon kbir ta’ żgħażagħ u nies b’edukazzjoni tajba se jkun disponibbli għax-xogħol, imma l-progress lejn il-mira se jkun jeħtieġ ukoll l-użu tal-forza tax-xogħol potenzjali li jikkonsistu fil-biċċa l-kbira minn nisa, anzjani u kif ukoll adulti inattivi, inklużi migranti. Dawn l-aħħar żewġ gruppi għandhom it-tendenza li jkunu inqas edukati mill-bqija tal-forza tax-xogħol bħala medja. Dan ifisser li tista' tkun iktar diffiċli li dawn jiġu attivati, iżda wkoll li dawn x’aktarx li jingħaqdu mal-parti tal-forza tax-xogħol l-inqas esperjenzata, minkejja evidenza li tissuġġerixxi li d-domanda fil-futur se tkun tikkonċentra aktar fuq xogħol b'livell għoli ta' ħiliet milli xogħol b'livell baxx ta' ħiliet. Politiki attivi tas-suq tax-xogħol, flimkien ma’ strateġiji ta’ tagħlim tul il-ħajja u politiki ta’ integrazzjoni komprensivi, b’hekk jibqgħu essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-impjiegi.

Inżidu l-investiment pubbliku u privat fir-R&Ż għal 3 % tal-PDG

B’livell ta’ 2.06 % fl-2012, u progress limitat matul iż-żmien, huwa improbabbli li l-mira ta’ 3 % għall-2020 tintlaħaq. L-investiment fir-R&Ż hu previst li jiżdied għal 2.2 % sal-2020. Jekk l-Istati Membri jilħqu l-miri nazzjonali tagħhom, dan is-sehem jista’ jammonta għal 2.6 %.

Mill-2000 'l hawn, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri żiedu l-livell ta’ investiment pubbliku u privat fir-R&Ż (bl-eċċezzjoni ta’ xi pajjiżi bħall-Kroazja, il-Lussemburgu, ir-Renju Unit u l-Isvezja). L-Estonja wriet l-akbar żieda bejn l-2000 u l-2012 u bħalissa tinsab 'il fuq mill-medja tal-UE f’dan il-qasam.

Innaqqsu l-gassijiet b’effett serra b’tal-anqas 20 % meta mqabbel mal-livelli tal-1990, inżidu s-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija għal 20 %, u nimxu lejn żieda ta’ 20 % fl-effiċjenza tal-enerġija

B'mod ġenerali, dawn il-miri jistgħu jinkisbu sal-2020 u l-progress huwa diġà evidenti:

§ L-UE diġà laħqet tnaqqis ta' 18 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2012. Il-politiki kurrenti dwar il-klima u l-enerġija ġabu l-progress, filwaqt li t-tnaqqis ekonomiku ħalla effett sinifikanti fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet. Minkejja l-irkupru attwali u minħabba t-titjib strutturali, jista’ jkun mistenni progress ulterjuri sal-2020 u dan iwassal għal tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sa 24 % meta mqabbla mal-1990, u għalhekk il-mira tista' anke tinqabeż.[19] Madankollu, skont il-projezzjonijiet nazzjonali, il-politiki eżistenti fi 13-il Stat Membru ma jkunux suffiċjenti biex jintlaħqu l-miri nazzjonali sal-2020.

§ Minn 7.5 % fl-2000[20], is-sehem tal-enerġiji rinnovabbli diġà laħaq 14.4 % fl-2012[21]. Il-mira ta' sehem ta' 20 % sal-2020 tidher li tista' tintlaħaq u tista’ tinqabeż (madwar 21 %). Dan il-progress ifisser li l-UE hija l-mexxejja dinjija globali f’termini tal-investiment fl-enerġiji rinnovabbli. Pereżempju, l-UE installat madwar 44 % tal-elettriku rinnovabbli tad-dinja (eskluża l-idroelettriċità) sa tmiem l-2012.

§ Il-konsum tal-enerġija primarja naqas b'madwar 8 % bejn l-2006 u l-2012. Ikun meħtieġ tnaqqis ulterjuri ta’ 6.3 % sal-2020 biex il-mira tintlaħaq. Parti kbira mit-tnaqqis fil-konsum hija funzjoni tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, u għalhekk l-irkupru jista’ jillimita l-progress lejn il-mira. Madankollu, qed isir ukoll xi ċaqliq strutturali: l-intensità tal-enerġija tal-ekonomija tal-UE naqset b'24% bejn l-1995 u l-2011 filwaqt li t-titjib mill-industrija kien ta' madwar 30%.

B’mod ġenerali, lil hinn mill-impatt tal-kriżi fuq perjodu ta’ żmien qasir, l-UE qiegħda tissepara b'mod kostanti t-tkabbir f’attivitajiet ekonomiċi u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra – bejn l-1990 u l-2012, il-PDG tal-UE kiber b’45 % u l-emissjonijiet naqsu bi 18 %.

Innaqqsu r-rati tat-tluq bikri mill-iskola għal inqas minn 10 % u nżidu is-sehem tal-popolazzjoni bejn 30-34 li jkunu lestew l-edukazzjoni terzjarja għal mill-inqas 40 %

B'mod ġenerali, dawn il-miri jistgħu jintlaħqu sew sal-2020:

§ Is-sehem ta’ dawk li jitilqu kmieni mill-iskola naqas minn 15.7 % fl-2005 għal 12.7 % fl-2012, b’nofs l-Istati Membri li diġà kisbu jew qegħdin qrib li jiksbu l-miri tagħhom. Filwaqt li parti minn dan it-tnaqqis jista’ jiġi attribwit għal ambjent tax-xogħol aktar diffiċli, teżisti wkoll evidenza ta’ titjib strutturali u x-xejra mistennija tissokta, minkejja li b’ritmu aktar kajman.

§ L-għadd ta’ żgħażagħ li lestew l-edukazzjoni terzjarja żdied minn 27.9 % fl-2005 għal 35.7 % fl-2012. Filwaqt li dan jista’ jvarja minn pajjiż għall-ieħor, it-tendenza hija wkoll meqjusa bħala strutturali u l-mira tal-2020 mistennija li tintlaħaq.

Noħorġu mill-inqas 20 miljun persuna mir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni

L-għadd ta’ nies f’riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali fl-UE (li jinkludi nies f’riskju ta’ faqar finanzjarju, li qed jesperjenzaw id-deprivazzjoni materjali jew li jgħixu f’unitajiet domestiċi bla xogħol) żdied minn 114-il miljun fl-2009[22] għal 124 miljun fl-2012.

Għaldaqstant, l-UE tbiegħdet aktar mill-mira – ekwivalenti tagħha għal numru ta' 96.4 miljun ruħ sal-2020 – u ma hemm l-ebda sinjal ta' progress fil-pront biex is-sitwazzjoni tiġi rimedjata – in-numru ta' persuni f'riskju ta' faqar jista' jibqa' qrib il-100 miljun sal-2020. Is-sitwazzjoni hija partikolarment gravi f’ċerti Stati Membri kaġun ta' żieda f'deprivazzjoni materjali qawwija u fis-sehem ta’ unitajiet domestiċi bla xogħol. Il-kriżi wriet il-ħtieġa ta' sistemi effettivi tal-protezzjoni soċjali.

2.           L-istrateġija Ewropa 2020 ħadmet?

Jekk, u sa liema punt l-istrateġija Ewropa 2020 kellha rwol fix-xejriet ta’ hawn fuq jibqa' miftuħ għal skrutinju. Il-konsultazzjoni pubblika mbassra aktar tard din is-sena se tkun importanti biex tinġabar evidenza u jkun ipprovdut kontribut għall-proċess ta’ reviżjoni. Madankollu huwa possibbli li wieħed jieħu għadd ta’ lezzjonijiet tentattivi dwar il-karatteristiċi ewlenin tal-istrateġija.

2.1.        Ir-rwol tal-miri

Il-ħames miri ewlenin stabbiliti fl-2010 tressqu bħala għanijiet politiċi tal-UE li huma ambizzjużi iżda li jistgħu jintlaħqu. L-indikaturi huma wkoll strumentali sabiex jintraċċaw it-tendenzi madwar l-Istati Membri. Lil hinn minn dak li hu kwantifikabbli, huma jikkontribwixxu wkoll għall-bidla fil-kwalità u n-natura tal-mudell ta' tkabbir tal-Ewropa. Kif muri hawn fuq, il-progress s'issa kien wieħed varjat.

L-użu ta’ miri u indikaturi huwa regolarment suġġett ta’ diskussjoni fil-livell tal-UE. Dan l-aħħar dan ingħata attenzjoni partikolari fil-kuntest tal-ħidma fuq it-tisħiħ tal-governanza ekonomika tal-UE u l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM). Il-Kummissjoni rrappurtat dwar il-firxa tal-indikaturi użati u disponibbli fil-livell tal-UE.

Il-miri ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 jippreżentaw diversi limitazzjonijiet intrinsiċi:

Il-miri mhumiex eżawrjenti. Ħafna għanijiet u indikaturi kwantifikati jeżistu fil-livell tal-UE biex jimmonitorjaw il-prestazzjoni matul iż-żmien, bejn il-pajjiżi u bejn oqsma ta’ politika. Fost l-aktar ikkummentati, xi indikaturi ewlenin jintużaw għall-valutazzjoni tal-finanzi pubbliċi skont il-PST. Tabella ta' valutazzjoni ġdida kienet żviluppata wkoll sabiex tappoġġa l-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, bħala parti mill-Proċedura għall-Iżbilanċ Makroekonomiku ġdid tal-UE, flimkien ma’ tabella ta' valutazzjoni ġdida ta' impjiegi ewlenin u indikaturi soċjali. Jeżistu wkoll miri oħra f’diversi oqsma ta’ politika, ħafna drabi miftiehma bejn formazzjonijiet tal-Kunsill matul is-snin, pereżempju għall-kopertura tal-broadband tal-internet fil-kuntest tal-inizjattiva prinċipali “Aġenda Diġitali għall-Ewropa”. Għalhekk hemm tendenza li tissuġġerixxi li jiżdiedu jew jiġu sostitwiti indikaturi matul iż-żmien, iżda l-isfida – kif kien il-każ għall-Istrateġija ta’ Lisbona – hija li tiġi evitata d-dilwizzjoni tal-prijoritajiet u li l-enfasi jibqa' fuq dak li hu essenzjali. Il-miri mhumiex politikament vinkolanti. Għall-kuntrarju tal-PST, jew anke l-Proċedura għall-Iżbilanċ Makroekonomiku tal-UE l-ġdida, fejn valuri jew limiti referenzjarji huma stabbiliti f'qafas legalment vinkolanti, inklużi sanzjonijiet possibbli. il-miri ta' Ewropa 2020 huma essenzjalment miri politiċi. Madankollu, hemm żewġ distinzjonijiet notevoli: il-miri tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tal-użu tal-enerġija rinnovabbli, li huma appoġġati b'qafas legalment vinkolanti fil-livell tal-UE, inklużi valuri li jridu jintlaħqu fil-livell nazzjonali sal-2020. In-natura politika tal-miri jirrifletti r-rwol ewlieni li l-gvernijiet nazzjonali huma mistennija jkolhom fl-istrateġija, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Pereżempju, kien diffiċli li wieħed jaqbel dwar il-miri tal-edukazzjoni fil-livell tal-UE u ma kienx possibbli għall-Istati Membri li jaqblu fuq indikatur wieħed biex jesprimi l-mira fuq it-tnaqqis fin-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar, u għalhekk jintuża komunament indikatur magħmul minn tliet komponenti. Tibqa’ meħtieġa valutazzjoni kwalitattiva. Kull mira għandha l-limiti tagħha. Il-mira fuq ir-R&Ż hija essenzjalment mira “input” fejn is-sehem tal-infiq pubbliku u privat jiġi rrapportat. Huwa għalhekk li, sabiex jikkumplimenta din il-mira, il-Kunsill Ewropew talab, u l-Kummissjoni Ewropea qiegħda tiżviluppa indikatur kumplementari li jħares ukoll lejn ir-"riżultati" tal-innovazzjoni[23]. Bl-istess mod, il-miri fuq l-impjiegi u l-edukazzjoni ma jgħidux wisq dwar il-kwalità tax-xogħol okkupat jew il-livelli jew l-adegwatezza tal-ħiliet miksuba. Barra minn hekk, il-medji fil-livell tal-UE jew nazzjonali ta’ spiss jaħbu differenzi ferm sinifikanti fl-età, is-sess jew ir-reġjun. Indikaturi kumplimentari, analiżi aktar speċifika kif ukoll informazzjoni kwalitattiva huma għalhekk importanti biex jinterpretaw il-miri u s-sitwazzjoni attwali fl-Istati Membri. Huwa wkoll importanti li wieħed iżomm f'moħħu li xi miri – bħal dawk fuq l-edukazzjoni – jinsabu b'mod aktar dirett fil-qasam tal-awtoritajiet pubbliċi, filwaqt li oħrajn – bħall-impjiegi u l-infiq fuq ir-R&Ż – jirriflettu xejriet ekonomiċi aktar wiesa'.

Il-miri prinċipali, madankollu, għandhom bosta vantaġġi ċari:

Il-miri juru bidla dinamika promossa mill-istrateġija Ewropa 2020. Għalkemm l-UE m'għandha l-ebda nuqqas ta' indikaturi, is-sett attwali tal-miri ppermetta li tingħata attenzjoni partikolari lil tliet dimensjonijiet tal-mudell ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv promoss minn din l-istrateġija. F’dan ir-rigward, il-miri jesprimu d-direzzjoni aktar fit-tul neċessarja biex issostni l-ġejjieni tal-Ewropa u jservu bħala punt ta’ riferiment biex jiggwidaw il-politika. Barra minn hekk, dawn huma interrelatati mill-qrib u awtorinforzanti, bil-progress f’dimensjoni waħda li jwassal għall-progress f’oħra. Il-miri jaqdu r-rwol tagħhom bħala ankri tal-politika. Kif jidher fl-Anness, l-Istati Membri sarrfu l-miri tal-UE fil-miri tagħhom stess fil-livell nazzjonali. L-eżistenza tagħhom tippermetti paragun trasparenti, bejn temi u pajjiżi, għalkemm il-grad ta’ pubbliċità mogħti lilhom u l-livelli ta’ ambizzjoni jvarjaw bejn il-pajjiżi. Pereżempju, minbarra l-għan tal-impjieg ġenerali, xi Stati Membri (il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, Spanja, Franza, il-Litwanja) għażlu li jistabbilixxu miri nazzjonali maqsuma skont is-sess, u b’hekk jipprovdu miri tar-rata ta’ impjieg għan-nisa. Madankollu, il-miri nazzjonali mhumiex ambizzjużi biżżejjed biex b’mod kumulattiv jilħqu ambizzjoni fil-livell tal-UE. Huma jgħinu wkoll sabiex jimmonitorjaw u jiddiskutu l-progress fil-livell tal-UE. Pereżempju, huma diġà kienu strumentali fl-analiżi li ssostni r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u fid-diskussjoni dwar il-prijoritajiet għall-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej matul il-perjodu 2014-2020 (ara hawn taħt). Il-miri huma faċli li jiġu sorveljati. Il-fatti u ċ-ċifri dwar il-miri – kif ukoll ammont vast ta' indikaturi relatati – huma faċilment aċċessibbli mill-Eurostat, l-uffiċċju statistiku tal-UE. L-esperjenza ta’ istituzzjonijiet internazzjonali oħra, bħall-OECD fix-xogħol tagħha dwar “il-kwalità tal-ħajja” jew l-istħarriġ PISA dwar il-litteriżmu, jew il-ħidma tal-Bank Dinji dwar l-iffaċilitar tan-negozju, uriet ukoll li analiżijiet iffukati huma għodda effettivi tal-komunikazzjoni.

Il-miri mhumiex għanijiet fihom infushom. Filwaqt li l-limitazzjonijiet tagħhom huma magħrufa, jista’ jingħad li l-miri ewlenin tal-Ewropa 2020 jgħinu biex ikejlu u jiggwidaw l-aspetti differenti tal-istrateġija, u b’hekk jgħinu biex jidderieġu l-għarfien politiku u l-enfasi politika kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE.

2.2.        Ir-rwol ta’ inizjattivi ewlenin u lievi relatati fil-livell tal-UE

L-inizjattivi ewlenin ppreżentati fl-2010 kienu miniprogrammi ta’ ħidma għall-oqsma ewlenin tal-istrateġija. Dawn jistipulaw għadd ta’ azzjonijiet speċifiċi kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livelli nazzjonali f’oqsma tematiċi (ara l-Anness 3). Il-biċċa l-kbira tal-inizjattivi maħsuba mill-bidu nett, s'issa ġew ippreżentati mill-Kummissjoni u ħafna oħrajn ġew adottati, iżda għadu kmieni wisq biex tkun tista' tivvaluta l-impatt u s-segwitu tagħhom.

Il-Kummissjoni ressqet azzjonijiet ewlenin ta' politika u leġiżlattivi fil-livell tal-UE bħala parti mill-programm ta’ ħidma annwali tagħha u ġew diskussi ma’ istituzzjonijiet oħra, b'hekk inevitabilment kien meħtieġ xi żmien għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom. Inizjattivi “soft-law” oħra, xi kultant appoġġati mill-finanzjament tal-UE,  ġew żviluppati wkoll, spiss b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-ministeri settorjali u l-partijiet interessati fl-oqsma ta’ politika rispettivi, u seta’ kellhom impatt aktar immedjat fil-post. Matul il-perjodu ta’ konsultazzjoni l-Kummissjoni se taħdem biex tiġbor evidenza dwar l-impatt tagħhom.

Minbarra r-rwol tagħhom bħala katalisti għall-azzjoni fil-livell tal-UE, dawn l-inizjattivi ewlenin iġorru magħhom ċertu legat:

Huma kkontribwixxew għat-tagħlim reċiproku u l-għarfien tematiku fil-livell tal-UE, fosthom permezz ta’ netwerking u ġbir ta’ evidenza. Pereżempju, ġie żviluppat mekkaniżmu ta’ monitoraġġ apposta sabiex jevalwa l-progress tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni taż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Eżempji oħra huma l-Assemblea Diġitali li tlaqqa' flimkien partijiet interessati diġitali, it-tabella tal-valutazzjoni tal-Aġenda Diġitali u enfasi akbar fuq kwistjonijiet ta’ kompetittività industrijali f’diversi oqsma ta’ politika. Dawn ġieli servew ta' gwida għall-użu tal-finanzjament tal-UE għall-perjodu 2007-2013 u pprovdew qafas għat-tfassil ta’ fondi tal-UE għall-2014-2020. Eżempju ta’ dan it-tip huwa t-tnedija, mill-Kummissjoni f’Jannar 2012, tat-Timijiet ta’ Azzjoni taż-Żgħażagħ biex jgħinu l-Istati Membri l-aktar milquta miż-żieda fil-livelli ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ biex jipprogrammaw mill-ġdid il-fondi tal-UE lejn din il-prijorità. Eżempji oħra jinkludu l-approċċ integrat il-ġdid tal-programm Erasmus+ u l-programm Orizzont 2020 l-ġdid – il-programm ta' finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE – li jenfasizza l-eċċellenza fix-xjenza, it-tmexxija industrijali u l-importanza li l-isfidi tas-soċjetà jiġu trattati u għalhekk jikkumplimenta l-objettivi tas-Sħubijiet tal-Innovazzjoni previsti fl-inizjattivi ewlenin. Barra minn hekk, ġiet introdotta l-allokazzjoni speċifika tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għal investimenti f’ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju. Ħafna minnhom qanqlu jew ispiraw azzjoni politika fl-Istati Membri, inkluż fil-livelli reġjonali u nazzjonali biex jikkomplementaw l-inizjattivi tal-UE, pereżempju f’oqsma bħall-ekonomija diġitali jew ir-riċerka u l-innovazzjoni. Pereżempju, l-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti fil-livell nazzjonali u reġjonali jikkontribwixxi għal tkabbir ibbażat fuq il-post. Barra minn hekk, aktar minn 20 Stat Membru, kif ukoll reġjuni, nedew programmi tal-Aġenda Diġitali.

Minbarra inizjattivi ewlenin, l-għanijiet u l-mezzi tal-istrateġija Ewropa 2020 ġew promossi permezz ta’ tliet politiki fil-livell tal-UE ewlenin:

Is-suq uniku Ewropew, b’aktar minn 500 miljun konsumatur, jibqa’ l-aktar strument qawwi ta’ tkabbir fil-livell tal-UE u ttieħdu passi ġodda sabiex jiġi sfruttat aħjar il-potenzjal tiegħu. L-Atti tas-Suq Uniku I u II identifikaw 24 azzjoni ewlenija, bħal fil-qasam tal-ekonomija diġitali, l-enerġija, it-trasport, l-akkwist pubbliku u l-ħarsien tal-konsumatur, li ġew jew dalwaqt jiġu adottati mil-leġiżlatur. Kull sena jsir rapport dwar l-istat tal-integrazzjoni li jimmonitorja l-progress u jidentifika oqsma ta’ azzjoni. Il-politika ta’ kompetizzjoni kienet qed tappoġġa wkoll l-objettivi tas-suq uniku. It-tfassil u l-konsultazzjoni strateġiċi tnedew ukoll f’oqsma bħall-finanzjament fit-tul tal-ekonomija.  Għalkemm il-baġit tal-UE jammonta biss għal madwar 1 % tal-PDG tal-UE, dan jista’ jaġixxi ta' katalist importanti għat-tkabbir. Il-qafas finanzjarju tal-UE għall-2014-2020 huwa allinjat mill-qrib mal-prijoritajiet tal-istrateġija Ewropa 2020, kif jidher fid-disinn mill-ġdid tal-programmi fil-livell tal-UE u l-għażla ta’ prijoritajiet għall-investiment tal-fondi tal-UE fl-Istati Membri, inkluż f’termini ta’ kondizzjonalità tal-għajnuna tal-UE.  L-aġenda esterna tal-UE hija sors importanti ta’ tkabbir potenzjali u impjiegi, għalkemm hemm lok għal passi ulterjuri sabiex l-Aġenda interna u esterna tal-UE jiġu konnessi aħjar u jkun żgurat li l-Ewropa titkellem b’vuċi waħda. Il-kummerċ sar strument kruċjali għat-tkabbir u l-impjiegi minħabba r-rwol ta’ domanda esterna u l-iskala wiesgħa tal-aġenda tal-UE. Negozjati mal-Istati Uniti u l-Ġappun għandhom iwasslu għal ftehimiet ambizzjużi u jiġġeneraw qligħ ekonomiku mdaqqas. F’oqsma bħall-politika tal-iżvilupp, standards globali, it-tnaqqis tar-riskji ta' diżastri jew il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, l-UE kienet u se tibqa’ msieħba attiva ħafna fix-xena globali, li tippromwovi l-għanijiet, il-valuri u l-interessi tagħha.

2.3.        L-irwol tas-Semestru Ewropew

Mill-adozzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020, il-governanza ekonomika tal-UE ssaħħet b’mod sinifikanti (ara l-kaxxa 1). Is-Semestru Ewropew sar essenzjali għat-twettiq ta’ riformi bejn il-livelli nazzjonali u tal-UE, permezz ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika, li tiżgura li l-UE u l-Istati Membri jikkoordinaw il-politiki ekonomiċi tagħhom u l-isforzi tagħhom biex jippromwovu t-tkabbir u l-impjiegi.

Il-passi prinċipali tas-Semestru Ewropew huma deskritti fl-anness 1: iċ-ċiklu jitnieda kull sena mill-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-Kummissjoni li jistabbilixxi l-prijoritajiet għall-UE; dawn iwasslu għad-diskussjoni tal-Istati Membri fil-mixja lejn il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa u għall-preparamenti tal-programmi ta' riforma nazzjonali tagħhom u l-programmi ta' stabbiltà u konverġenza tagħhom, li huma ppreżentati f'April. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-programmi hija riflessa fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u mbagħad approvata mill-Kunsill u l-Kunsill Ewropew. Il-Parlament Ewropew sar jinvolvi ruħu b’mod attiv fil-proċess, pereżempju permezz tal-“ġimgħa parlamentari" tiegħu kmieni f’Jannar biex jiddiskuti l-prijoritajiet wiesgħa kif ukoll permezz ta’ “djalogi ekonomiċi” regolari li huwa jorganizza mal-atturi ewlenin fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. L-involviment tal-imsieħba soċjali fis-Semestru Ewropew issaħħaħ ukoll.[24]

L-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 huma diskussi bħala parti mis-Semestru Ewropew u inkorporati fil-passi varji tiegħu: dawn jikkontribwixxu għall-għażla tal-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir; huma jiffurmaw parti integrali mill-analiżi li ssostni r-rakkomandazzjonijiet annwali speċifiċi għall-pajjiżi; L-Istati Membri huma mistiedna jirrappurtaw il-progress lejn il-miri tagħhom fil-programmi nazzjonali ta’ riforma.

Xi wħud mill-ewwel kisbiet jistgħu jiġu rikonoxxuti:

Is-Semestru Ewropew jipprovdi qafas kredibbli għall-implimentazzjoni tal-politika annwali, b’rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li jagħti l-ewwel riżultati f’termini ta’ riformi fil-politika, kif muri fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2014.[25] Il-kombinazzjoni ta’ prijoritajiet tal-UE u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi hija essenzjali biex ikun jista' jittieħed kont taċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull Stat Membru. Filwaqt li għanijiet komuni jistabbilixxu d-direzzjoni u jgħinu biex jiffaċilitaw il-progress lejn riforma u aġenda tal-modernizzazzjoni komuni, l-UE ma ssegwix l-approċċ "universali" iżda pjuttost tħejji l-gwida tagħha għal kull Stat Membru, kif ukoll matul iż-żmien. Is-Semestru Ewropew jipprovdi sorveljanza integrata u jgħin biex jirrikonċilja l-prijoritajiet ekonomiċi u baġitarji. Fi kliem ieħor, huwa jenfasizza l-importanza li jinkisbu u jinżammu finanzi pubbliċi sodi u li jitwettaq il-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomiji, filwaqt li jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet fil-livell tal-UE u dawk speċifiċi għal kull pajjiż. Is-Semestru kkontribwixxa għal tisħiħ tal-kuntatti bejn l-UE u l-livell nazzjonali u l-interazzjoni akbar bejn l-Istati Membri, li jgħinu biex iżommu l-UE maqgħuda. L-iskeda u l-proċeduri tas-Semestru Ewropew ġew irfinati u issa qegħdin jistabbilizzaw ruħhom. Is-Semestru jipprevedi diskussjonijiet proattivi fil-livell tal-UE biex jiġi evitat li jinqalgħu u jiżviluppaw problemi (qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet nazzjonali) u monitoraġġ regolari tal-progress (bi gwida u l-impożizzjoni possibbli ta’ sanzjonijiet f’każijiet fejn hija meħtieġa azzjoni korrettiva). L-analiżi u l-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ ġew imsaħħa fil-livell tal-UE. Il-governanza ekonomika ġdida tal-UE tissejjes fuq bażi ta’ evidenza aktar b’saħħitha u aktar integrata għall-implimentazzjoni, tagħmel użu aħjar mill-oqfsa analitiċi komuni, indikaturi u evalwazzjonijiet ta’ politika. L-esperjenza tal-pajjiżi taħt programmi ta' aġġustament makroekonomiku, b'hekk barra mill-proċeduri formali tas-Semestru Ewropew, jipprovdu eżempju estrem imma sinifikanti: il-Kummissjoni u ħafna Stati Membri kellhom jimmobilitaw riżorsi importanti, inkluż fuq l-art, biex jipprovdu appoġġ dirett u konkret lil dawn l-Istati Membri, permezz ta' parir politiku u assistenza teknika fil-livell amministrattiv. Din hija eżemplari tal-kamp ta’ applikazzjoni għall-għarfien espert komuni li jista' jiġi mobilizzat fi ħdan l-UE. Xi ideat għadhom qed jiġu diskussi biex titlesta l-arkitettura tal-UEM, bħal mekkaniżmu li jiffaċilita l-koordinazzjoni ex-ante ta' pjanijiet ta’ riforma ekonomiċi ewlenin li jista' jkollhom effetti sekondarji sinifikanti fuq Stati Membri oħra, kif ukoll l-ideat ta’ arranġamenti kuntrattwali miftiehma b’mod reċiproku u mekkaniżmi assoċjati ta’ solidarjetà (jiġifieri inċentivi finanzjarji).

Xi sfidi u limitazzjonijiet inizjali huma evidenti wkoll:

Il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-immedjatezza tal-kriżi xi kultant għamlitha diffiċli li urġenzi fuq terminu qasir jiġu rikonċiljati ma’ ħtiġijiet fuq terminu itwal. Hija n-natura tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li jiffokaw biss fuq oqsma magħżula u jissuġġerixxu passi konkreti li għandhom jittieħdu fis-sena li tkun issegwi, b’fehim ċar li ma jistax isir kollox f'daqqa. Fl-istess ħin, huwa essenzjali li dawn il-passi jissejsu fuq viżjoni ċara ta’ fejn ikunu qed iwasslu fit-tul. F’numru ta’ każi, ir-rakkomandazzjonijiet tal-2013 speċifiċi għall-pajjiżi jenfasizzaw il-ħtieġa li tkun ippreservata n-nefqa li ttejjeb it-tkabbir filwaqt li jkunu konformi mal-miri fiskali. Hekk kif l-Ewropa qiegħda tirkupra mill-kriżi, l-għażla tal-prijoritajiet għandha tkun tista' titbiegħed minn sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Biex ikun effettiv, is-Semestru jiddependi mhux biss fuq l-impenn ta’ kull Stat Membru, speċjalment għat-twassil tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu, iżda wkoll fuq il-kapaċità kollettiva ta' atturi tal-UE biex jittrattaw dawn il-kwistjonijiet bħala kwistjonijiet ta’ interess komuni u tiġi żgurata sorveljanza multilaterali b’saħħitha. F’dan ir-rigward, ir-rwol tal-atturi differenti jista’ jiġi ċċarat u msaħħaħ. Pereżempju, il-formazzjonijiet differenti tal-Kunsill saħħew ir-reviżjonijiet bejn il-pari u s-sorveljanza multilaterali. L-għarfien u s-sjieda tal-atturi – gvernijiet, parlamenti, awtoritajiet reġjonali u lokali, u sħab soċjali rilevanti kollha u l-partijiet interessati kollha – huwa prerekwiżit kruċjali għas-suċċess. F'bosta Stati Membri, l-involviment ta' diversi partijiet interessati fl-implimentazzjoni tal-istrateġija xorta waħda jista' jittejjeb. F’dan il-kuntest, ir-rwol tal-programmi nazzjonali ta’ riforma għandhom jiġu vvalutati mill-ġdid. Fil-livell Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni kienu partikolarment attivi permezz ta’ monitoraġġ mill-qrib tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 u permezz tal-azzjoni ta' mobilizzazzjoni fl-Istati Membri, inkluż fil-livelli reġjonali u lokali u li jirrifletti l-istruttura ta’ governanza f’diversi livelli tal-UE. Il-Kummissjoni rrinfurzat ukoll ir-rappreżentazzjonijiet tagħha fl-Istati Membri biex issaħħaħ il-kwalità tal-impenn tagħha mal-awtoritajiet u l-partijiet interessati fl-Istati Membri. Il-multiplikazzjoni tal-proċeduri, dokumenti u passi legali fil-livell tal-UE tirriskja li titfa' pressjoni żejda fuq il-proċess u li tagħmel ħsara liċ-ċarezza tiegħu. Bidliet fl-iskeda jistgħu jkunu wkoll ta' detriment għas-sjieda ta’ ċerti atturi. Għalhekk, l-isfida fis-snin li ġejjin hija li tissaħħaħ l-infrastruttura istituzzjonali u amministrattiva li fuqha jissejjes is-Semestru Ewropew, filwaqt li jkun żgurat li dan jibqa’ jkun proċess mmexxi mill-politika u ffukat (u mhux wieħed burokratiku).

Ir-reviżjoni tas-Semestru Ewropew flimkien mar-reviżjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 din is-sena hija għalhekk f’waqtha.

Konklużjoni

Ir-raġunijiet għalfejn għandu jkollna Strateġija Ewropa 2020 huma urġenti fl-2014 daqs kemm kienu fl-2010. 

Tul diversi għexieren ta’ snin, l-UE kienet sinonima ma' integrazzjoni ekonomika aktar profonda, li rriżultat f’żieda fil-flussi tal-prodotti, is-servizzi u l-finanzi madwar l-UE. Dan stimola l-konverġenza fl-introjtu u l-istandards tal-għejxien madwar il-pajjiżi, li wasslet biex l-UE tiġi karatterizzata bħala “magna tal-konverġenza”[26] unika fid-dinja. Ir-ritmu ta' dan il-proċess ta’ konverġenza naqas u saħansitra mar lura f’partijiet tal-Ewropa minħabba l-akkumulu tal-iżbilanċi u minħabba l-pressjoni tal-kriżi.

Hekk kif tinsab ħierġa minn l-agħar kriżi ekonomika u finanzjarja f'ġenerazzjoni sħiħa, l-UE teħtieġ li ssaħħaħ l-istrateġija tat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv tagħha sabiex tkun tista’ tissodisfa l-aspettattivi taċ-ċittadini tagħha u żżomm r-rwol tagħha fid-dinja. Issa huwa żmien tajjeb biex tevalwa l-istrateġija sabiex il-prijoritajiet ta' politika ta’ wara l-kriżi jkunu jistgħu jiġu ffissati għall-UE fit-tieni nofs tad-deċennju ta’ qabel l-2020.

L-analiżi stabbilita f’din il-Komunikazzjoni turi li l-esperjenza mal-miri u l-inizjattivi prinċipali tal-istrateġija Ewropa 2020 kienu mħallta. L-UE tinsab fi triqitha biex tissodisfa jew toqrob lejn il-miri tagħha għall-edukazzjoni, il-klima u l-enerġija iżda mhux fuq l-impjiegi, ir-riċerka u l-iżvilupp jew fuq it-tnaqqis tal-faqar. Madankollu, dawn il-miri tal-UE għenu biex issir enfasi fuq fatturi aktar fit-tul u sottostanti li huma kruċjali għall-ġejjieni tas-soċjetà u l-ekonomija tal-UE. Li dawn il-miri ssarrfu fil-livell nazzjonali għen ukoll biex jiġu enfasizzati bosta xejriet skomdi – diskrepanza dejjem akbar bejn l-Istati Membri li jkunu sejrin l-aħjar u dawk li ma tantx ikunu sejrin tajjeb u d-distakk dejjem akbar bejn ir-reġjuni fi ħdan u madwar l-Istati Membri. Il-kriżi enfasizzat ukoll l-inugwaljanzi dejjem akbar fid-distribuzzjoni tal-ġid u tal-introjtu. L-esperjenza wrietna wkoll li l-involviment u l-parteċipazzjoni attiva tar-reġjuni u tal-ibliet – li huma responsabbli biex jipprovdu bosta politiki tal-UE – s'issa kienu kruċjali fil-ħidma lejn l-objettivi ta' Ewropa 2020.  Dawn huma sfidi li għandhom jiġu indirizzati fir-reviżjoni u l-aġġustament sussegwenti tal-istrateġija.

Il-governanza ekonomika tal-UE, implimentata kull sena permezz tas-Semestru Ewropew, kienet imsaħħa b’mod konsiderevoli f’dawn l-aħħar snin u hija strument potenzjalment qawwi fil-kisba tal-prijoritajiet ta’ wara l-kriżi li se jkunu bżonnjużi biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020. Politiki ewlenin tal-UE bħall-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020 u l-programmi varji tiegħu tfasslu b'tali mod li jieħdu inkunsiderazzjoni l-lezzjonijiet li ħarġu mis-Semestru Ewropew u biex jappoġġaw il-kisba tal-miri ta' Ewropa 2020, biex b'hekk jipprovdu bażi li fuqha tista’ tinbena l-politika tal-futur kemm fil-livelli nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE.

F’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni stabbiliet l-analiżi tagħha dwar dak li ġara fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 s’issa. F’ħafna aspetti, dan il-perjodu ntuża biex jibni l-pedamenti għar-riżultati li għandna naraw fis-snin li ġejjin. Il-Kummissjoni fittxet ukoll li turi l-impatt tal-kriżi fuq ir-riżultati mistennija.

Il-Kummissjoni ma għamlitx konklużjonijiet ta’ politika u lanqas ma għamlet rakkomandazzjonijiet ta’ politika f’dan l-istadju. Minħabba l-kobor tal-bidla li għaddew minnha l-UE, l-Istati Membri, l-ibliet u r-reġjuni tagħha kaġun tal-kriżi, il-Kummissjoni tqis neċessarju li tniedi konsultazzjoni madwar l-UE kollha tal-partijiet interessati kollha fuq dak li wieħed għandu jitgħallem u dwar il-fatturi ewlenin li għandhom isawru l-istadji li jmiss tal-istrateġija ta’ tkabbir ta’ wara l-kriżi tal-UE. Il-Kummissjoni ser tagħmel konsultazzjoni pubblika, ibbażata fuq l-analiżi f’din il-Komunikazzjoni, fejn tistieden lill-partijiet interessati kollha biex jagħtu l-fehmiet tagħhom. Wara l-konsultazzjoni, il-Kummissjoni se tagħmel proposti għat-twettiq tal-istrateġija kmieni fl-2015.

[1]               Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, is-sors taċ-ċifri kkwotati f'din il-Komunikazzjoni huwa Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-UE, u l-medji tal-UE jirreferu għall-UE28.

[2]               Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2010)2020 tat-3 ta' Marzu 2010. L-istrateġija ġenerali u l-miri tagħha ġew diskussi mill-Parlament Ewropew u kienu approvati fil-laqgħat tal-Kunsill Ewropew rispettivament f’Marzu u Ġunju 2010. Aktar informazzjoni tinsab fil-websajt: http://ec.europa.eu/europe2020/index_mt.htm

[3]               COM(2010)2020 tat-3 ta' Marzu 2010.

[4]               "Aġenda Diġitali għall-Ewropa", "Unjoni għall-Innovazzjoni", "Żgħażagħ Attivi", "Riżorsi Effiċjenti għall-Ewropa", "Politika Industrijali għall-era tal-Globalizzazzjoni", "Aġenda għal Ħiliet Ġodda u Impjiegi" u "l-Pjattaforma Ewropea Kontra l-Faqar".

[5]               ĠU L 289, 23 ta' Novembru 2011.

[6]               ĠU L 289, 27 ta' Mejju 2013.

[7]               Aktar informazzjoni fuq il-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin hija pprovduta fl-Anness.

[8]               Għal dejta aktar riċenti u dettaljata, ara t-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni għax-xitwa 2014, European Economy 2/2014.

[9]               Ara l-preżentazzjoni ta' J.M. Barroso lill-Kunsill Ewropew informali tal-11 ta' Frar 2010, disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/europe2020/documents/documents-and-reports/subject/europe-2020-presentations/index_mt.htm

[10]             Għal dejta aktar riċenti u dettaljata, ara t-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni għax-xitwa 2014, European Economy 2/2014.

[11]             Għad-dejta l-aktar riċenti u l-aktar dettaljata, ara t-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni tax-xitwa 2014, European Economy 2/2014.

[12]             COM(2013)800.

[13]             Għad-dejta l-aktar riċenti u l-aktar dettaljata, ara t-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni tax-xitwa 2014, European Economy 2/2014.

[14]             Il-Bank Ċentrali Ewropew, l-Istħarriġ tas-Self Bankarju, Jannar 2014

[15]             Għad-dejta l-aktar riċenti u l-aktar dettaljata, ara t-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni tax-xitwa 2014, European Economy 2/2014.

[16]             FMI, "Jobs and Growth: supporting European Recovery", 2014.

[17]             "The state of the Internet", Akamai (Q4 2012), Cisco VNI Mobile forecast (2013).

[18]             COM(2011)571.

[19]             F’Jannar 2014 il-Kummissjoni varat qafas għal politiki dwar l-enerġija u l-klima sal-2030. Tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG) ta' 40 % taħt il-livell tal-1990, objettiv vinkolanti għall-UE kollha għall-enerġija rinnovabbli ta’ mill-inqas 27 % it-tiġdid tal-ambizzjonijiet għall-politiki tal-effiċjenza fl-enerġija huma fost l-għanijiet prinċipali tal-qafas il-ġdid – COM(2014)15.

[20]             Studju kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea

[21]             EurObserv'ER.

[22] Dejta UE27.

[23]             COM(2013)624

[24]             COM (2013) 690, It-Tisħiħ tad-Dimensjoni Soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, 2.102.2013.

[25]             COM(2013)800.

[26]             Il-Bank Dinji, “Golden growth – restoring the lustre of the European economic model”, 2012.