52014DC0057

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Deċiżjonijiet Qafas 2008/909/ĠAI, 2008/947/ĠAI u 2009/829/ĠAI dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi dwar pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà, dwar sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta' sorveljanza ta' miżuri ta' probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi u dwar miżuri ta’ superviżjoni bħala alternattiva għal detenzjoni provviżorja /* COM/2014/057 final */


WERREJ

1........... Introduzzjoni................................................................................................................ 3

2........... L-isfond tad-Deċiżjonijiet Qafas: pakkett leġiżlattiv koerenti u kumplimentari.......... 4

3........... Is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni u l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ traspożizzjoni            5

4........... Evalwazzjoni preliminari tal-liġijiet ta’ traspożizzjoni rċevuti...................................... 6

4.1........ L-irwol tal-persuna kkonċernata fil-proċess ta' trasferiment......................................... 7

4.2........ Il-prinċipju tal-fiduċja reċiproka: fil-prinċipju l-ebda adattament tas-sentenza............ 7

4.3........ Deċiżjonijiet sussegwenti: differenzi fl-eżekuzzjoni tas-sentenza................................ 8

4.4........ L-obbligu li jiġi aċċettat trasferiment, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet għar-rifjut. 9

4.5........ Il-limitu taż-żmien......................................................................................................... 9

4.6........ Ir-rabta bejn id-Deċiżjonijiet Qafas u l-Mandat ta’ Arrest Ewropew......................... 10

4.7........ Dikjarazzjonijiet dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji................................................. 11

5........... Spazju ġudizzjarju ġdid biex jiżgura li l-liġi tat-tielet pilastru tiġi applikata fil-prattika 11

6........... Konklużjoni................................................................................................................ 11

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Deċiżjonijiet Qafas 2008/909/ĠAI, 2008/947/ĠAI u 2009/829/ĠAI dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi dwar pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà, dwar sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta' sorveljanza ta' miżuri ta' probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi u dwar miżuri ta’ superviżjoni bħala alternattiva għal detenzjoni provviżorja

1.           Introduzzjoni

Fi spazju komuni Ewropew tal-ġustizzja bbażat fuq il-fiduċja reċiproka, l-UE ħadet azzjoni biex tiżgura li persuni mhux residenti soġġetti għal proċeduri kriminali ma jiġux ittrattati b’mod differenti minn persuni residenti. Dan huwa partikolarment importanti minħabba n-numru sinifikattiv ta’ ċittadini tal-UE li jinsabu l-ħabs fi Stati Membri oħra.

Huwa f’dan l-ispirtu li l-UE fl-2008 u l-2009 adottat tliet Deċiżjonijiet Qafas kumplimentari li d-data ta' traspożizzjoni rispettiva tagħhom skadiet:

– Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI[1] dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f'materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bl-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (Trasferiment ta' Priġunieri) kellha tiġi implimentata sal-5 ta' Diċembru 2011. Minn naħa waħda, din tawtorizza Stat Membru biex jeżegwixxi sentenza ta’ priġunerija maħruġa minn Stat Membru ieħor kontra persuna li tibqa’ fl-ewwel Stat Membru. Min-naħa l-oħra, din tistabbilixxi sistema għat-trasferiment ta’ ħabsin li ngħataw kundanna lura lejn dak l-Istat Membru li huma ċittadini tiegħu jew li normalment jirrisjedu fih (jew lejn Stat Membru ieħor li għandhom rabtiet mill-qrib miegħu) biex iservu s-sentenza ta’ ħabs tagħhom.

– Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI [2] dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta’ sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi (Probation u Sanzjonijiet Alternattivi) kellha tiġi implimentata sas-6 ta' Diċembru 2011. Id-Deċiżjoni tapplika għal ħafna alternattivi għall-kustodja u għal miżuri li jiffaċilitaw il-ħelsien bikri (pereż. l-obbligu li persuna ma tidħolx f’ċerti lokalitajiet, tagħmel servizz fil-komunità jew issegwi struzzjonijiet relatati mar-residenza jew taħriġ jew attivitajiet professjonali). Id-deċiżjoni dwar il-perjodu ta’ probation jew dwar sanzjonijiet alternattivi oħrajn jistgħu jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor, sakemm il-persuna tagħti l-kunsens tagħha.

– Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/829/ĠAI dwar[3] l-applikazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku għal deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ superviżjoni bħala alternattiva għal detenzjoni provviżorja (Ordni ta' Superviżjoni Ġudizzjarja) kellha tiġi implimentata sal-1 ta' Diċembru 2012. Din id-Deċiżjoni tikkonċerna l-ħelsien provviżorju fl-istadju ta' qabel il-proċess. Dan għandu jippermetti li miżura mhux ta’ kustodja (pereż. l-obbligu li persuna tibqa’ f’post speċifiku jew l-obbligu li persuna tirrapporta f’ħinijiet speċifiċi lil awtorità speċifika) tiġi ttrasferita mill-Istat Membru fejn il-persuna mhux residenti hija ssuspettata li tkun wettqet reat, lejn Stat Membru ieħor fejn dik il-persuna tirresjedi normalment. B'hekk, persuna ssuspettata tista’ tiġi suġġetta għal miżura ta’ superviżjoni fl-Istat Membru tagħha sakemm jibda l-proċess fi Stat Membru ieħor, minflok ma titqiegħed f’detenzjoni provviżorja qabel is-smigħ tal-proċess.

L-evalwazzjoni tal-bosta tweġibiet dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni ta’ Ġunju 2011 dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ġustizzja kriminali fil-qasam tad-detenzjoni[4], uriet li l-implimentazzjoni xierqa u f’waqtha tad-Deċiżjonijiet Qafas għandu jkollha l-prijorità assoluta.

L-għan ta’ dan ir-rapport għalhekk huwa doppju: l-ewwel nett, biex jivvaluta l-istat ta’ implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet Qafas fl-isfond tas-setgħa tal-Kummissjoni biex tibda proċeduri ta’ ksur mill-1 ta’ Diċembru 2014[5]; it-tieni nett, biex issir evalwazzjoni preliminari tal-liġijiet ta’ traspożizzjoni nazzjonali diġà rċevuti mill-Kummissjoni.

2.           L-isfond tad-Deċiżjonijiet Qafas: pakkett leġiżlattiv koerenti u kumplimentari

Kull sena għexieren ta’ eluf ta’ ċittadini tal-UE jiġu mixlija b'allegati reati jew misjuba ħatja fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea. Ħafna drabi, il-qrati kriminali jordnaw id-detenzjoni ta’ persuni mhux residenti minħabba l-biża' li ma jidhrux fil-ġurnata tal-proċess. Persuna suspettata residenti fil-pajjiż f’sitwazzjoni simili s-soltu tibbenefika minn miżura ta’ sorveljanza inqas koerċittiva, bħal rapport lill-pulizija jew projbizzjoni tal-ivvjaġġar.

Id-Deċiżjonijiet Qafas għandhom jitqiesu bħala pakkett ta’ leġiżlazzjoni koerenti u kumplimentari li jindirizza l-kwistjoni ta’ detenzjoni ta’ ċittadini tal-UE fi Stati Membri oħra u li għandu l-potenzjal li jwassal għal tnaqqis fid-detenzjoni ta’ qabel is-smigħ tal-proċess, jew jiffaċilita r-riabilitazzjoni soċjali tal-priġunieri f’kuntest transfruntier. Hemm rabtiet operattivi bejn it-tliet Deċiżjonijiet Qafas, iżda wkoll bejn id-Deċiżjonijiet Qafas u d-Deċiżjoni Qafas dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew[6].

Bl-implimentazzjoni xierqa tal-Ordni ta' Superviżjoni Ġudizzjarja mill-Istati Membri kollha, persuni suspettati li huma suġġetti għal Mandat ta’ Arrest Ewropew ma jdumux ma jmorru lura lejn il-pajjiż ta’ residenza tagħhom waqt li jkunu qed jistennew il-proċess fi Stat Membru ieħor. Dan jevita detenzjoni twila qabel is-smigħ tal-proċess f’pajjiż barrani wara l-eżekuzzjoni ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew u qabel ma jibda l-proċess innifsu. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni xierqa tal- Probation u Sanzjonijiet Alternattivi se tħeġġeġ lill-Imħallfin, li jistgħu jserrħu rashom li persuna tkun se tkun sorveljata kif jixraq fi Stat Membru ieħor, biex jimponu sanzjoni alternattiva biex tiġi eżegwita barra mill-pajjiż minflok piena ta' ħabs.

Hemm ukoll rabta bejn l-Ordni ta' Superviżjoni Ġudizzjarja u l-Probation u Sanzjonijiet Alternattivi. Tabilħaqq, ladarba l-akkużat jkun diġà ġie mibgħut lura skont l-Ordni ta' Superviżjoni Ġudizzjarja fl-istadju ta’ qabel il-proċess u wera li kkonforma mal-kundizzjonijiet imposti fuqu fl-istadju ta’ qabel il-proċess, l-Imħallef naturalment ikun aktar inklinat li jimponi sanzjoni alternattiva (minflok priġunerija) li tista’ tiġi eżegwita barra mill-pajjiż wara l-istadju tal-proċess.

Barra minn hekk, l-Artikolu 25 tat-Trasferiment ta' Priġunieri jipprovdi għal rabta mal-Mandat ta' Arrest Ewropew. Permezz ta' din id-dispożizzjoni, flimkien mal-Artikolu 4(6) u 5(3) tal- Mandat ta' Arrest Ewropew, Stat Membru jista' jirrifjuta li jċedi ċ-ċittadini jew residenti tiegħu jew persuni li joqogħdu f'dak l-Istat Membru jekk dak l-Istat Membru jobbliga ruħu li jeżegwixxi s-sentenza ta’ ħabs skont it-Trasferiment ta' Priġunieri.

L-użu sħiħ tal-potenzjal ta’ dan il-pakkett leġiżlattiv jeħtieġ it-traspożizzjoni xierqa tad-Deċiżjonijiet Qafas fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

3.           Is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni u l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ traspożizzjoni

Fi żmien tal-kitba ta’ dan id-dokument, rispettivament 10, 14 u 16-il Stat Membru għad iridu jittrasponu d-Deċiżjonijiet Qafas, aktar minn sentejn u sena wara d-data tal-implimentazzjoni. Il-Kummissjoni kienet irċeviet notifiki dwar liġijiet ta’ traspożizzjoni nazzjonali minn dawn l-Istati Membri li ġejjin biss:

– Trasferiment ta' Priġunieri: mid-DK, il-FI, l-IT, il-LU u r-UK sad-data tal-implimentazzjoni u mill-AT, il-BE, ir-CZ, FR, il-HR, l-HU, il-LV, MT, il-NL, il-PL, ir-RO, is-SI u s-SK wara d-data ta' implimentazzjoni.

– Probation u Sanzjonijiet Alternattivi: Mid-DK u l-FI sad-data ta’ implimentazzjoni u mill-AT, il-BE, il-BG, ir-CZ, il-HR, l-HU, il-LV, il-NL, il-PL, ir-RO, is-SI u s-SK wara d-data tal-implimentazzjoni.

– Ordni ta' Superviżjoni Ġudizzjarja: mid-DK, il-FI, il-LV u l-PL sad-data ta' implimentazzjoni u mill-AT, ir-CZ, il-HR, l-HU, il-NL, ir-RO, is-SI u s-SK wara d-data ta' implimentazzjoni.

L-ebda notifika ma saret mill-Istati Membri li ġejjin[7]:

– Trasferiment ta' Priġunieri: il-BG, CY, il-DE, l-EE, il-EL, ES, l-IE, il-LT, il-PT u l-SE.

– Probation u Sanzjonijiet Alternattivi: CY, il-DE, l-EE, il-EL, ES, FR, l-IE, l-IT, il-LT, il-LU, MT, il-PT,  l-SE u r-UK.

– Ordni ta' Superviżjoni Ġudizzjarja: il-BE, il-BG, CY, il-DE, l-EE, il-EL, ES, FR, l-IE, l-IT, il-LT, il-LU, MT, il-PT, l-SE u r-UK.

Tabella dwar il-qagħda attwali tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet Qafas tinsab fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż flimkien ma’ tabella bid-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Istati Membri f’dan il-kuntest.

Id-Deċiżjonijiet Qafas għandhom jiġu implimentati mill-Istati Membri bħal kull element ieħor tal- acquis tal-UE. Min-natura tagħhom, id-Deċiżjonijiet Qafas jorbtu lill-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mar-riżultat li jrid jinkiseb, imma jħallu l-għażla ta' forom u metodi tal-implimentazzjoni f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali. Id-Deċiżjonijiet Qafas mhumiex direttament applikabbli. Madankollu l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi hu obbligatorju f’dak li għandu x’jaqsam mad-Deċiżjonijiet Qafas adottati fil-kuntest tat-Titolu VI tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea l-antik[8].

Dawk l-Istati Membri li jkunu implimentaw b’mod xieraq id-Deċiżjonijiet Qafas ma jistgħux jibbenefikaw minn dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni tagħhom fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ dawk l-Istati Membri li ma implimentawhomx fil-ħin. Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li huwa s-sies fil-qasam ġudizzjarju tal-ġustizzja, jeħtieġ traspożizzjoni reċiproka; dan ma jistax jaħdem jekk l-istrumenti ma jkunux ġew implimentati b’mod korrett fiż-żewġ Stati Membri kkonċernati. Bħala konsegwenza, meta jikkooperaw ma’ Stat Membru li ma jkunx implimenta l-istrument fil-ħin, anki dawk l-Istati Membri li għamlu dan se jkollhom ikomplu japplikaw il-konvenzjonijiet korrispondenti tal-Kunsill tal-Ewropa waqt it-trasferiment ta’ priġunieri tal-UE jew sentenzi lejn Stati Membri oħra.

4.           Evalwazzjoni preliminari tal-liġijiet ta’ traspożizzjoni riċevuti

Matul il-laqgħat tal-Esperti mal-Istati Membri, ħareġ ċar li ċerti kwistjonijiet u dispożizzjonijiet ġuridiċi jeħtieġu iktar attenzjoni. Dan ġie kkonfermat ukoll mill-analiżi preliminari tal-leġiżlazzjoni implimentattiva ta’ Stati Membri diġà rċevuti mill-Kummissjoni.

Għaldaqstant, dan ir-rapport jiffoka fuq Artikoli li jiffurmaw il-qalba tad-Deċiżjonijiet Qafas fid-dawl tal-għanijiet tagħhom. Billi dan ir-rapport ikopri t-tliet Deċiżjonijiet Qafas, l-Artikli huma miġbura skont is-suġġett.

Billi din hija valutazzjoni preliminari, huwa kmieni wisq biex wieħed jasal għal konklużjonijiet ġenerali dwar il-kwalità ta’ implimentazzjoni. Dan ukoll minħabba li bosta Stati Membri għadhom ma ssodisfawx l-obbligu tagħhom li jittrasponu d-Deċiżjonijiet Qafas.

Barra minn hekk, sa issa l-Istati Membri ftit għandhom esperjenza prattika fl-applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet Qafas. Fi żmien tal-kitba ta’ dan id-dokument, il-Kummissjoni kienet irċeviet informazzjoni indikattiva limitata dwar l-applikazzjoni prattika tad-Deċiżjonijiet Qafas minn tliet Stati Membri (il-BE, il-FI u l-NL). Iċ-ċifri limitati disponibbli juru li t-Trasferiment tal-Priġunieri diġà jintuża filwaqt li sa issa għadu ma sar l-ebda trasferiment skont il-Probation u Sanzjonijiet Alternattivi u l-Ordni ta' Superviżjoni Ġudizzjarja.

L-isforzi tal-Istati Membri li implimentaw id-Deċiżjonijiet Qafas fiż-żmien stabbilit għandhom jiġu enfasizzati u l-kummenti dwar dawk l-Istati Membri għandhom jinftiehmu fid-dawl tal-approċċ tal-Kummissjoni biex tipprovdi l-għajnuna fil-proċess ta’ implimentazzjoni.

4.1.        L-irwol tal-persuna kkonċernata fil-proċess ta' trasferiment

(L-Artikolu 6 Trasferiment ta’ Priġunieri, l-Artikolu 5 Probation u Sanzjonijiet Alternattivi u l-Artikolu 9 Ordni ta’ Superviżjoni Ġudizzjarja)

Minħabba l-importanza tar-riabilitazzjoni soċjali bħala prinċipju ewlieni tad-Deċiżjonijiet Qafas, il-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni tal-Istati Membri għandha tiżgura li l-persuna kkonċernata tiġi kkonsultata kif jixraq f’deċiżjonijiet ta’ trasferiment.

Madankollu, l-Artikolu 6 it-Trasferiment tal-Priġunieri jipprovdi għall-possibbilità tat-trasferiment mingħajr il-kunsens tal-persuni kkundannati f'ċerti ċirkostanzi. Billi dan huwa aspett ġdid meta mqabbel mal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-1983[9], huwa importanti li l-Istati Membri jipproduċu r-rapporti ttrasponew kif suppost din id-dispożizzjoni. Il-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni għandha tipprovdi biss għat-trasferiment tal-persuna kkundannata mingħajr il-kunsens tagħha fit-tliet ċirkostanzi limitati kif indikat f’dan l-Artikolu. Għandu jkun hemm bħala minimu dispożizzjonijiet dwar il-konsiderazzjoni tal-opinjoni tal-persuna kkundannata (fejn tkun għadha fl-Istat emittenti); dwar l-għoti ta’ informazzjoni lill-persuna kkundannata; dwar il-konsultazzjoni bejn l-Awtoritajiet Kompetenti; u dwar il-possibbiltà għall-awtoritajiet tal-Istat ta’ eżekuzzjoni biex jagħtu opinjoni motivata.

Mill-analiżi preliminari tal-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni tal-Istati Membri, jidher li mhux dejjem huwa espressament previst li l-persuna trid tiġi nnotifikata u tingħata l-opportunità li tesprimi l-opinjoni tagħha, ħaġa li trid tiġi meqjusa.

Skont il-Probation u Sanzjonijiet Alternattivi l-kunsens tal-persuna kkundannata huwa dejjem meħtieġ, sakemm il-persuna ma tkunx marret lura lejn l-Istat ta’ eżekuzzjoni, meta l-kunsens tagħha jsir impliċitu. Dan huwa importanti billi din id-Deċiżjoni Qafas ma tistax tintuża kontra r-rieda tal-persuna kkonċernata. Ir-raġuni għal dan hija li din id-Deċiżjoni Qafas għandha effett biss jekk il-persuna tkun diġà ġiet irrilaxxata fl-Istat emittenti u tixtieq tirritorna bħala “persuna libera” lejn pajjiżha u hija lesta li tikkoopera mal-awtoritajiet ta’ sorveljanza. L-istess japplika għall-Ordni ta' Superviżjoni Ġudizzjarja li għandu x’jaqsam mal-istadju ta’ qabel il-proċess fejn il-persuna tkun għadha meqjusa innoċenti.

Il-Kummissjoni se tivvaluta jekk l-Istati Membri stabbilixxewx b’mod korrett fil-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni tagħhom proċedura biex jagħtu rwol lill-persuna kkundannata fil-proċess ta' trasferiment.

4.2.        Il-prinċipju tal-fiduċja reċiproka: fil-prinċipju l-ebda adattament tas-sentenza

(L-Artikolu 8 Trasferiment ta’ Priġunieri, l-Artikolu 9 Probation u Sanzjonijiet Alternattivi u l-Artikolu 13 Ordni ta’ Superviżjoni Ġudizzjarja)

Huwa importanti li jinstab bilanċ ġust bejn ir-rispett tas-sentenza oriġinarjament mogħtija u t-tradizzjonijiet ġuridiċi tal-Istati Membri sabiex ma jirriżultawx kunflitti li jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv il-funzjonament tad-Deċiżjonijiet Qafas. Billi d-Deċiżjonijiet Qafas huma bbażati fuq il-fiduċja reċiproka tas-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri l-oħra, id-deċiżjoni tal-Imħallef fl-Istat emittenti għandha tiġi mħarsa u, fil-prinċipju, ma għandu jkun hemm l-ebda reviżjoni jew adattament ta’ din id-deċiżjoni. Huwa biss meta t-tul jew in-natura tas-sentenza ma jkunux kompatibbli mal-liġi nazzjonali tal-Istat ta’ eżekuzzjoni (bħal sentenza massima legali), li din is-sentenza tista' tiġi adattata. Madankollu, is-sentenza adattata għandha tikkorrispondi mill-aktar viċin possibbli mas-sentenza oriġinali. Adattament ma jistax jaggrava sentenza mogħtija fl-Istat emittenti f’dak li għandu x'jaqsam man-natura jew it-tul ta’ żmien tagħha.

Xi Stati Membri kabbru l-possibbiltajiet ta’ adattament billi żiedu kundizzjonijiet addizzjonali (PL, LV). Dan jiftaħ il-possibbiltà għall-Istat ta’ eżekuzzjoni biex jivvaluta jekk is-sentenza mogħtija fl-Istat emittenti tikkorrispondix jew le mas-sentenza li normalment tingħata għal dak ir-reat fl-Istat ta’ eżekuzzjoni. Dan jidher li huwa kontra l-ittra u l-ispirtu tad-Deċiżjonijiet Qafas.

Fir-rigward ta’ sentenzi mhux ta’ kustodja, il- Probation u Sanzjonijiet Alternattivi tiżgura li sanzjoni alternattiva tkun tista' tiġi trasferita anki jekk din is-sanzjoni ma teżistix jew ma tingħatax għal reat simili fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Madankollu, billi l-Istati Membri jridu jipprovdu għal mill-inqas il-miżuri ta’ probation u s-sanzjonijiet alternattivi kif imsemmija fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, effett sekondarju pożittiv se jkun il-promozzjoni u approssimazzjoni ta’ alternattivi għad-detenzjoni fl-Istati Membri differenti. Valutazzjoni preliminari dwar il-leġiżlazzjonijiet turi li xi Stati Membri ma implimentawx il-miżuri obbligatorji kollha (il-BG, il-PL).

L-istess japplika għall-Ordni ta' Superviżjoni Ġudizzjarja li bih l-Istati Membri jridu jipprovdu għal mill-inqas sitt miżuri obbligatorji kif stabbilit fl-Artikolu 8(1). L-HU tippermetti biss it-trasferiment ta’ tliet miżuri ta’ superviżjoni.

4.3.        Deċiżjonijiet sussegwenti: differenzi fl-eżekuzzjoni tas-sentenza

(L-Artikolu 17 Trasferiment ta’ Priġunieri, l-Artikolu 14 Probation u Sanzjonijiet Alternattivi u l-Artikolu 18 Ordni ta’ Superviżjoni Ġudizzjarja)

Kemm iddum il-ħabs il-persuna kkundannata jiddependi ħafna fuq id-dispożizzjonijiet dwar ir-rilaxx bikri u kundizzjonali fl-Istat ta’ eżekuzzjoni. Id-differenzi bejn l-Istati Membri huma konsiderevoli f’dan ir-rigward: f’xi Stati Membri l-persuna kkundannata tinħeles wara li tiskonta żewġ terzi tas-sentenza, f’oħrajn wara terz tas-sentenza.

Fil-prinċipju, isegwi mill-Artikolu 17 tat- Trasferiment tal-Priġunieri li l-infurzar ta’ sentenza inklużi r-raġunijiet għar-rilaxx bikri u kundizzjonali għandu jkun regolat mil-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni. Madankollu, dan l-Istat Membru għandu jinforma, jekk hekk mitlub, lill-Istat Membru li ta s-sentenza oriġinali bir-regoli tal-Istat ta' eżekuzzjoni dwar ir-rilaxx bikri u kundizzjonali. Jekk l-Istat emittenti jibża’ li t-trasferiment jista' jwassal għal dak li kieku l-partijiet jikkunsidraw bħala rilaxx bikri, huwa jista’ jiddeċiedi li ma jittrasferixxix lill-persuna kkonċernata u li jirrevoka ċ-ċertifikat. Għalhekk huwa importanti li l-Istati Membri jkunu implimentaw sewwa dan l-obbligu li jipprovdu din l-informazzjoni wara talba għal dan qabel it-trasferiment u l-eżekuzzjoni tal-piena, li mhuwiex il-każ fil-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni ta' xi Stat Membri.

Il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi l-iskambju tal-informazzjoni dwar ir-rilaxx bikri u kundizzjonali permezz ta’ bażi tad-dejta b’kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-partijiet interessati.

4.4.        L-obbligu li jiġi aċċettat trasferiment, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet għar-rifjut

(L-Artikolu 9 Trasferiment ta’ Priġunieri, l-Artikolu 11 Probation u Sanzjonijiet Alternattivi u l-Artikolu 15 Ordni ta’ Superviżjoni Ġudizzjarja)

Waħda mill-affarijiet innovattivi dwar id-Deċiżjonijiet Qafas hija li jimponu fil-prinċipju l-obbligu li jiġu aċċettati t-talbiet għal trasferiment. Dan ġej mill-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li fuqu huma bbażati d-Deċiżjonijiet Qafas u li huwa rifless fid-dispożizzjoni komuni għal dawn id-Deċiżjonijiet Qafas li l-Istat ta’ eżekuzzjoni għandu jirrikonoxxi sentenza li ġiet mgħoddija mill-Istat emittenti. It-trasferimenti jistgħu jkunu rifjutati biss f’ċirkostanzi limitati, pereżempju jekk japplikaw ir-raġunijiet għar-rifjut kif imsemmija fid-Deċiżjonijiet Qafas differenti. Għall-kuntrarju, ma hemm l-ebda obbligu għall-Istat emittenti biex jgħaddi sentenza (ara l-Artikolu 4(5) Trasferiment tal-Priġunieri).

Analiżi preliminari tal-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni fl-Istati Membri turi li jeżistu varjazzjonijiet wiesgħa fit-traspożizzjoni tar-raġunijiet għal rifjut. Xi Stati Membri ma implimentawx ir-raġunijiet kollha għal rifjut, kif indikat fid-Deċiżjonijiet Qafas (HU, LU, NL, DK, LV) filwaqt li oħrajn żiedu raġunijiet addizzjonali (AT, BE, DK). Xi Stati Membri implimentaw b’mod korrett ir-raġunijiet għar-rifjut bħala fakultattivi għall-awtorità kompetenti (FI, LV, BG), oħrajn implimentawhom bħala obbligatorji (AT, IT, MT, SK) u fit-tielet grupp ir-riżultat finali jikkonsisti f'tip ta’ “għażla selettiva” bejn raġunijiet fakultattivi u obbligatorji (BE, DK, HU, LU, NL, PL).

L-implimentazzjoni ta' raġunijiet addizzjonali għar-rifjut li wara jsiru obbligatorji, mal-ewwel daqqa t’għajn donnhom imorru kontra kemm l-ittra u kemm l-ispirtu tad-Deċiżjonijiet Qafas.

Dwar il-kwistjoni dwar jekk l-applikazzjoni tar-raġunijiet għar-rifjut għandhiex tkun fakultattiva għall-awtoritajiet kompetenti, li eventwalement jieħdu d-deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar, it-test tad-Deċiżjonijiet Qafas jgħid b’mod ċar li l-awtorità kompetenti “tista’” tirrifjuta li tirrikonoxxi s-sentenza u tinfurzaha jekk ir-raġunijiet għar-rifjut japplikaw. Dan il-kliem jindika li l-awtorità kompetenti għandu jkollha d-diskrezzjoni li tiddeċiedi każ b’każ jekk għandhiex tapplika jew le raġuni għar-rifjut, billi tikkunsidra r-riabilitazzjoni soċjali komuni għat-tliet Deċiżjonijiet Qafas. Ir-raġunijiet għar-rifjut għandhom għalhekk jiġu implimentati bħala fakultattivi għall-awtorità kompetenti.

Dan l-approċċ huwa fl-ispirtu tad-Deċiżjonijiet Qafas, li jeħtieġu li t-trasferiment għandu jtejjeb il-prospetti ta’ riabilitazzjoni soċjali u jista’ jsir wara talba espliċita tal-persuna akkużata jew misjuba ħatja. F'dan il-każ, l-obbligu li jiġi rifjutat tali trasferiment minħabba li tapplika waħda mir-raġunijiet għar-rifjut, normalment ma jkunx fl-interess tal-persuna kkundannata nnifisha.

4.5.        Il-limitu taż-żmien

(L-Artikolu 12 Trasferiment ta’ Priġunieri, l-Artikolu 12 Probation u Sanzjonijiet Alternattivi u l-Artikolu 12 Ordni ta’ Superviżjoni Ġudizzjarja)

Id-Deċiżjonijiet Qafas joħolqu sistema ġdida ssimplifikata u aktar effettiva għat-trasferiment ta’ sentenzi biex tiġi ffaċilitata u mħaffa l-kooperazzjoni ġudizzjarja. Għalhekk, huma jipprovdu għal limiti taż-żmien fissi biex isir trasferiment.

Il-limiti taż-żmien għandhom jiġu implimentati mill-Istati Membri b’tali mod li bħala regola ġenerali, id-deċiżjoni finali, inkluż il-proċedura ta' appell, tintemm fil-limitu taż-żmien stabbilit. Il-limitu taż-żmien jista’ jinqabeż biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali.

Għalkemm hija ħaġa komuni li l-Istati Membri kollha għandhom jiżguraw li l-persuni kkundannati jkollhom aċċess għal drittijiet u rimedji ġuridiċi skont il-liġi nazzjonali tagħhom, l-AT, l-HU u l-LV ma għandhomx dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni tagħhom dwar il-limitu ta’ żmien massimu għad-deċiżjonijiet tal-Qorti superjuri dwar trasferimenti.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rimedji fis-sistema tagħhom għandhom ikunu bilanċjati mal-importanza li jiġu rispettati l-limiti ta’ żmien fid-Deċiżjonijiet Qafas[10].

4.6.        Ir-rabta bejn id-Deċiżjonijiet Qafas u l-Mandat ta’ Arrest Ewropew

(L-Artikolu 25 Trasferiment ta’ Priġunieri u l-Artikolu 21 Ordni ta’ Superviżjoni Ġudizzjarja)

L-Artikolu 25 tat-Trasferiment tal-Priġunieri flimkien mal-Artikoli 4(6) u 5(3) tal-Mandat ta' Arrest Ewropew jippermetti lill-Istati Membri li jirrifjutaw li jċedu persuna taħt Mandat ta’ Arrest Ewropew (jew jippermettu l-konsenja tagħha bil-kundizzjoni li tiġi rritornata lil dak l-Istat Membru) fejn il-persuna rikjesta tkun ċittadin, residenti jew toqgħod f’dak l-Istat Membru jekk dak l-Istat Membru jimpenja ruħu li jinforza sentenza ta’ ħabs skont it- Trasferiment tal-Priġunieri.

Xi Stati Membri ma indikawx fil-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni tagħhom li d-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom li jittrasponu t-Trasferiment ta' Priġunieri għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet imsemmija hawn fuq (id-DK, l-HU, il-LU, il-LV, MT u s-SK). L-AT tipprovdi biss għal din il-possibbiltà meta t-talba għaċ-ċediment ikollha x’taqsam maċ-ċittadini tiegħu stess. Minflok jirrispettaw l-obbligu li jinfurzaw is-sentenza kif mogħtija fl-Istat emittenti, il-NL irriservaw id-dritt li jagħmlu valutazzjoni dwar jekk is-sentenza ta’ kustodja imposta taqbilx mas-sentenza li kieku kienet tingħata fil-Pajjiżi l-Baxxi għal dan ir-reat. Dan jidher li huwa kontra l-ittra u l-ispirtu tad-Deċiżjonijiet Qafas.

L-Artikolu 21 tal- Ordni ta' Superviżjoni Ġudizzjarja jistabbilixxi l-possibbiltà li jinħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew biex ireġġa’ lura persuna ladarba tkun mitluba tidher quddiem il-Qorti jew jekk tiġi mitluba tirritorna għaliex ma tissodisfax il-kundizzjonijiet kif imposti permezz tal-Ordni ta’ Superviżjoni Ġudizzjarja. Mhux l-Istati Membri kollha implimentaw l-Artikolu 21 (l-HU, il-LV u l-PL).

Dan huwa ta’ dispjaċir minħabba li min-natura tiegħu l-Ordni ta’ Superviżjoni Ġudizzjarja jkun utli ħafna biex persuni li qed jistennew proċess għal reati relattivament żgħar imorru lura lejn pajjiżhom. Minħabba din ir-realtà, l-Artikolu 21 tal-Ordni ta' Superviżjoni Ġudizzjarja ma japplikax ir-rekwiżit ġenerali għal ħruġ ta' Mandat ta' Arrest Ewropew ta' att punibbli b'sentenza ta’ kustodja ta’ mill-inqas 12-il xahar[11].

4.7.        Dikjarazzjonijiet dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji

(L-Artikolu 28 dwar it-Trasferiment ta’ Priġunieri)

L-Artikolu 28 dwar it-Trasferiment ta’ Priġunieri jippermetti lill-Istati Membri, fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, li jagħmlu dikjarazzjoni li tindika li, fir-rigward ta’ sentenzi finali maħruġa qabel data speċifika (mhux aktar tard mill-5 ta’ Diċembru 2011), se jkomplu japplikaw l-istrumenti legali eżistenti dwar it-trasferiment ta’ persuni kkundannati. Id-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas kienet is-27 ta’ Novembru 2008.

Isegwi mill-informazzjoni kif mibgħuta lill-Kummissjoni li erba’ Stati Membri (IE, MT, NL u PL) għamlu dikjarazzjonijiet bħal dawn. Madankollu, skont l-aħħar tagħrif li wasal mill-Kummissjoni l-IE, MT u l-PL għamlu dan wara d-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru, jiġifieri s-27 ta' Novembru 2008. Fil-fehma tal-Kummissjoni, dawn id-dikjarazzjonijiet mhumiex validi u l-ħin il-limitazzjoni għandhom jitneħħew mill-Istati Membri eżistenti tagħhom jew proposta leġiżlazzjoni ta’ Implimentazzjoni minnufih.

5.           Spazju ġudizzjarju ġdid biex jiżgura li l-liġi tat-tielet pilastru tiġi applikata fil-prattika

Id-Deċiżjonijiet Qafas li ġew adottati taħt l-hekk imsejjaħ “tielet pilastru” ġew miftiehma unanimament mill-Istati Membri kollha li obbligaw ruħhom li jimplimentawhom qabel l-iskadenza tad-data ta' traspożizzjoni.

Għaldaqstant l-Istati Membri ħolqu ordni legali li jorbot fuqhom, bħal f'oqsma oħra tal-liġi tal-UE, anki jekk l-ebda mekkaniżmu ta' infurzar mhu disponnibbli sa meta jiskadi l-perjodu tranżitorju skont il-Protokoll 36 tat-Trattat ta’ Lisbona.

Hija ħaġa komuni li l-forza eżekuttiva tal-liġi tal-UE, inklużi l-miżuri adottati taħt it-tielet pilastru, ma jistgħux ivarjaw minn Stat Membru għall-ieħor skont il-livell tal-implimentazzjoni fid-dritt nazzjonali, mingħajr ma titfixkel il-kisba ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja effettiva.

Mill-1 ta’ Diċembru 2014, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE se jkollha ġurisdizzjoni sħiħa, inklużi d-deċiżjonijiet preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni, fil-qasam ta’ kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali. Il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri se jkunu intitolati li jniedu proċeduri ta’ ksur kontra dawk l-Istati Membri li ma implimentawx jew ma implimentawx b’mod korrett il-liġi tal-UE.

Dawn l-opportunitajiet ġodda se jkunu partikolarment rilevanti għall-aktar leġiżlazzjonijiet importanti li kienu jeżisti qabel it-Trattat ta’ Lisbona fil-qasam tal-ġustizzja kriminali, li għaliha jappartjenu t-tliet Deċiżjonijiet Qafas, skont il-Kummissjoni.

6.           Konklużjoni

Filwaqt li jiġu rikonoxxuti l-isforzi li saru minn xi Stati Membri sa issa, il-livell ta’ implimentazzjoni ta’ dawn it-tliet biċċiet ta’ leġiżlazzjoni importanti għad jonqsu ħafna biex jitqies sodisfaċenti.

L-għan ta' żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini kollha tal-UE kif stipulat fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ma jistax jintlaħaq jekk l-Istati Membri ma jimplimentawx korrettament l-istrumenti kollha li qablu dwarhom.

It-traspożizzjoni parzjali u mhux kompleta tad-Deċiżjonijiet Qafas tfixkel l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku fil-qasam tal-ġustizzja kriminali. Barra minn hekk, hija tmur kontra l-aspettattivi leġittimi taċ-ċittadini tal-UE billi huma jitilfu għodda prezzjuża biex jitnaqqas l-impatt negattiv fuq ħajjithom jekk ikunu suspettati jew akkużati fi Stat Membru ieħor, b’mod partikolari dawk iċ-ċittadini li huma soġġetti għal Mandat ta’ Arrest Ewropew fl-istadju ta’ qabel il-proċess. Fl-istess ħin l-għanijiet tad-Deċiżjonijiet Qafas, sabiex jiżguraw li ssir ġustizzja, li l-vittmi u x-xhieda jiġu protetti, l-evidenza tiġi ppreservata u l-persuni suspettati ma jinħelsux mill-prosekuzzjoni, ma jistgħux jintlaħqu.

Fl-aħħar nett, l-implimentazzjoni li ssir tard hija ta’ dispjaċir għaliex id-Deċiżjonijiet Qafas għandhom il-potenzjal li jwasslu għal tnaqqis f’sentenzi ta’ ħabs mogħtija mill-Imħallfin għal persuni mhux residenti. It-tnaqqis tas-sentenzi mhux biss inaqqas l-iffullar fil-ħabsijiet u b’hekk jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, iżda wkoll — bħala konsegwenza — iwassal għal iffrankar konsiderevoli fil-baġits li l-Istati Membri jonfqu fuq il-ħabsijiet.

Meta tiġi kkunsidrata s-setgħa tal-Kummissjoni li tagħti bidu għal proċeduri ta’ ksur mill-1 ta’ Diċembru 2014, huwa importanti ħafna għall-Istati Membri kollha li jqisu dan ir-Rapport u jagħtu tagħrif ieħor rilevanti kollu lill-Kummissjoni, sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont it-Trattat. Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi wkoll lil dawk l-Istati Membri li indikaw li qegħdin jippreparaw il-leġiżlazzjoni relevanti biex jippromulgaw u jinnotifikaw dawn il-miżuri nazzjonali kemm jista' jkun malajr. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri kollha li għadhom ma għamlux hekk biex jieħdu azzjoni malajr biex jimplimentaw bis-sħiħ dawn id-Deċiżjonijiet Qafas. Barra minn hekk, hija tistieden lil dawk li ttrasponewhom b’mod inkorrett biex jirreveduhom u jiżguraw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ implimentazzjoni tagħhom tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjonijiet Qafas.

[1]               Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI ġiet adottata fis-27 ta' Novembru 2008 (ĠU L 327, 5.12.2008, p. 27).

[2]               Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI ġiet adottata fis-27 ta' Novembru 2008 (ĠU L 337, 16.12.2008, p. 102).

[3]               Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/829/ĠAI ġiet adottata fit-23 ta' Ottubru 2009 (ĠU L 294, 11.11.2009, p. 20).

[4]               COM(2011) 327 finali. http://ec.europa.eu/justice/newsroom/criminal/opinion/110614_en.htm.

[5]               Id-data tal-iskadenza tal-perjodu tranżitorju skont il-Protokoll 36 tat-Trattat ta’ Lisbona (ara t-Taqsima 5).

[6]               Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (Mandat ta' Arrest Ewropew), ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1.

[7]               Xi Stati Membri informaw lill-Kummissjoni bil-proċess ta' preparazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti fuq livell nazzjonali. Madankollu, l-ebda wieħed minn dawn l-Istati Membri ma adotta l-leġiżlazzjoni jew innotifika lill-Kummissjoni qabel Ottubru 2013.

[8]               Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, 16 ta’ Ġunju 2005, il-Kawża C-105/03, Pupino.

[9]               Il-Protokoll Addizzjonali tal-1997 għal din il-Konvenzjoni diġà kien jipprovdi għat-trasferiment ta' priġunieri mingħajr il-kunsens tagħhom f'ċirkostanzi limitati. Iżda, dan il-Protokoll ma kienx ratifikat mill-Istati Membri kollha.

[10]             Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, 30 ta’ Mejju 2013, il-Kawża C-168/13 PPU, Jeremy F. v. Premier ministre.

[11]             Ara l-Artikolu 2(1) tal- Mandat ta' Arrest Ewropew.