52014DC0015

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta' bejn l-2020 u l-2030 /* COM/2014/015 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta' bejn l-2020 u l-2030

1.            Introduzzjoni

Minn meta l-UE adottat l-ewwel pakett ta' miżuri għall-klima u l-enerġija fl-2008, inkisbu ħafna affarijiet. Illum l-UE qiegħda fit-triq it-tajba biex tilħaq il-miri tal-2020 tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass serra u enerġija rinnovabbli u sar titjib sinjifikanti fl-intensità tal-użu tal-enerġija grazzi għal binjiet, prodotti, proċessi industrijali u vetturi aktar effiċjenti. Dawn il-kisbiet huma aktar u aktar sinjifikanti fid-dawl li l-ekonomija tal-Ewropea kibret b'madwar 45% f'termini reali mill-1990. Il-miri 20/20/20 għall-emissjonijiet ta' gass serra, enerġija rinnovabbli u ffrankar tal-enerġija, kellhom rwol ewlieni bħala l-mutur ta' dan il-progress u biex isostnu l-impjieg ta' aktar minn 4,2 miljun persuna f'diversi ekoindustriji[1], bi tkabbir kontinwu matul il-kriżi.

Kaxxa 1: Il-kisbiet ewlenin tal-qafas preżenti ta' politika dwar l-enerġija u l-klima L-Unjoni stabbiliet tliet miri li hi stess trid tilħaq sal-2020 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass serra (20%), is-sehem tal-enerġija rinnovabbli (20%) u titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija (20%). Il-politiki preżenti dwar l-enerġija u l-klima qed iwettqu progress sostanzjali biex jintlaħqu dawn il-miri 20/20/20: · L-emissjonijiet ta' gass serra fl-2012 naqsu bi 18% meta mqabbla mal-emissjonijiet tal-1990 u mistennija li jonqsu aktar għal livelli ta' 24% u 32% anqas mill-1990 sal-2020 u fl-2030 rispettivament fuq il-bażi tal-politiki preżenti. · Is-sehem tal-enerġija rinnovabbli żdied bi 13% fl-2012 bħala proporzjon tal-enerġija finali kkunsmata u mistenni jiżdied iżjed sa 21% fl-2020 u 24% fl-2030. · L-UE installat madwar 44% tal-elettriku rinnovabbli tad-dinja (minbarra l-idroenerġija) fi tmiem l-2012. · L-intensità tal-enerġija tal-ekonomija tal-UE naqset b'24% bejn l-1995 u l-2011 filwaqt li t-titjib mill-industrija kien ta' madwar 30%. · L-intensità tal-karbonju tal-ekonomija tal-UE naqset bi 28% bejn l-1995 u l-2010.

Inbidlu ħafna affarijiet ukoll mill-2008. L-aktar bidla ovvja kien l-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja li laqtet il-kapaċità tal-Istati Membri li jinvestu. Il-prezzijiet tal-fjuwils fossili baqgħu għolja u jaffettwaw negattivament il-bilanċ kummerċjali u l-kostijiet tal-enerġija tal-Unjoni. Fl-2012, il-kont tal-importazzjoni taż-żejt u tal-gass tal-UE kien jammonta għal aktar minn EUR 400 biljun jew madwar 3,1% tal-PDG tal-Unjoni. Kien hemm ċaqliqa f'saħħitha fiċ-ċentru tal-gravità tad-domanda globali tal-enerġija lejn l-ekonomiji emerġenti, partikolarment iċ-Ċina u l-Indja.  Fl-istess waqt, l-unitajiet domestiċi u l-utenti industrijali huma dejjem aktar imħassba bil-prezzijiet tal-enerġija li dejjem jogħlew u bid-differenzjalità tal-prezzijiet ma' ħafna mill-imsieħba kummerċjali tal-UE partikolarment l-USA. Is-suq intern tal-enerġija żviluppa imma xirfu riskji ġodda għall-frammetazzjoni. Is-Sistema tal-UE tan-Negozjar ta' Emissjonijiet (ETS) mhijiex tidderieġi tajjeb l-investimenti fit-teknoloġiji b'użu baxx tal-karbonju u qed tagħti lok għal żieda fil-politiki nazzjonali li jimminaw il-kundizzjonijiet ugwali li l-ETS ħasbet biex tistabbilixxi. Filwaqt li t-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli mmaturaw u l-kostijiet naqsu sostanzjalment, l-iżvilupp mgħaġġel tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli issa qed jippreżenta sfidi ġodda għas-sistema tal-enerġija. Bosta prodotti li jużaw l-enerġija llum huma aktar effiċjenti u l-konsumaturi qed jibbenefikaw minn iffrankar reali ta' enerġija u ta' flus.

Fl-istess waqt, kien hemm konferma ulterjuri tal-impatt probabbli tal-influwenza umana fuq it-tibdil fil-klima u l-ħtieġa ta' tnaqqis sostanzjali u sostnut tal-emissjonijiet ta' gass serra biex jitrażżnu tibdiliet ulterjuri fil-klima tad-dinja[2].

Għalhekk issa hu l-waqt li ssir riflessjoni fuq dawn l-iżviluppi u l-qafas ta' politika li għandna bżonn għall-2030. B'konformità mar-reazzjonijiet tal-partijiet interessati għall-Green Paper[3], hemm bżonn li wieħed ikompli jidderieġi l-progress lejn ekonomija b'użu baxx tal-karbonju li tiżgura enerġija kompetittiva u affordabbli għall-konsumaturi kollha, toħloq opportunitajiet ġodda għat-tkabbir u l-impjiegi u tipprovdi sigurtà akbar ta' fornimenti tal-enerġija u tnaqqis tad-dipendenza fuq l-importazzjoni għall-Unjoni b'mod ġenerali. Hemm bżonn li nagħmlu impenn ambizzjuż biex innaqqsu aktar l-emissjonijiet ta' gass serra f'konformità mal-mogħdija kosteffettiva deskritta fil-pjanijiet direzzjonali tal-2050, u biex dan isir fil-ħin għan-negozjati li ġejjin dwar ftehim internazzjonali dwar il-klima[4]. Hemm bżonn li nipprovdu ċertezza regolatorja kmieni kemm jista' jkun għall-investituri fit-teknoloġiji b'użu baxx tal-karbonju, nagħtu spinta lir-riċerka bl-iżvilupp u l-innovazzjoni u l-aġġornar u l-industrijalizzazzjoni ta' katini ta' forniment għal teknoloġiji ġodda. Dan kollu jrid isir b'mod li jikkunsidra r-realtajiet ekonomiċi u politiċi prevalenti u jibni fuq l-esperjenza tagħna tal-qafas kurrenti ta' politika.

F'dan l-isfond, il-qafas ta' politika tal-2030 għandu jkun imsejjes fuq l-implimentazzjoni sħiħa tal-miri 20/20/20 u dan li ġej:

· Impenn ambizzjuż biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gass serra b'konformità mal-pjanijiet direzzjonali tal-2050. It-twettiq ta' dan l-impenn għandu jsegwi approċċ kosteffiċjenti li jirrispondi għall-isfidi tal-affordabilità, il-kompetittività, is-sigurtà tal-forniment u s-sostenibilità, u li jikkunsidra ċ-ċirkostanzi ekonomiċi u politiċi preżenti.

· Is-simplifikazzjoni tal-qafas Ewropew ta' politika filwaqt li jittejbu l-komplimentarjetà u l-koerenza bejn l-objettivi u l-istrumenti. 

· Fi ħdan dan il-qafas tal-UE, l-għoti ta' flessibilità lill-Istati Membri biex jiddefinixxu tranżizzjoni ta' użu baxx tal-karbonju adegwata għaċ-ċirkostanzi speċifiċi, it-taħlita ppreferuta tal-enerġija, il-ħtiġijiet f'termini ta' sigurtà tal-enerġija, u li jitħallew iżommu l-kostijiet f'livell minimu.

· It-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali bejn l-Istati Membri se jgħinhom biex jegħlbu l-isfidi komuni dwar l-enerġija u l-klima b'mod aktar kost-effettiv filwaqt li tiżdied l-integrazzjoni tas-suq u tiġi pprevenuta d-distorsjoni tas-suq.

· Il-bini fuq il-momentum wara l-iżvilupp tas-sorsi rinnovabbli b'politika bbażata fuq approċċ iżjed kosteffettiv li jsaħħaħ id-dimensjoni Ewropea tal-politika u li fil-qalba tiegħu għandu l-integrazzjoni ulterjuri tas-suq tal-enerġija u kompetizzjoni bla xkiel.

· Fehim ċar tal-fatturi li jiddeterminaw il-kostijiet tal-enerġija sabiex il-politika tkun ibbażata fuq il-fatti u l-evidenza sabiex inkunu ċari dwar dak li jista' jiġi influwenzat permezz tal-politika nazzjonali u tal-Unjoni u x'ma jistax. L-iżgurar li l-kompetittività tan-negozji u l-affordabilità tal-enerġija għall-konsumaturi jkunu fil-qalba tad-determinazzjoni tal-objettivi tal-qafas u l-istrumenti li jimplimentawh.

· It-titjib tas-sigurtà tal-enerġija, filwaqt li tiġi pprovduta sistema b'użu baxx tal-karbonju u kompetittiva, permezz ta' azzjoni komuni, swieq integrati, diversifikazzjoni tal-importazzjoni, żvilupp sostenibbli ta' sorsi indiġeni tal-enerġija, investimenti fl-infrastruttura meħtieġa, u ffrankar tal-enerġija mill-utent aħħari u l-appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni.

· It-tisħiħ taċ-ċertezza tal-investituri billi jiġu pprovduti sinjali ċari issa dwar kif se jinbidel il-qafas tal-politika wara l-2020 u billi jiġi żgurat li t-tibdiliet sostanzjali għall-objettivi u l-istrumenti eżistenti ma jidħlux qabel din id-data.

· Il-kondiviżjoni ġusta tal-isforzi bejn l-Istati Membri li tirrifletti ċ-ċirkostanzi u l-kapaċitajiet speċifiċi tagħhom.

Din il-komunikazzjoni tiżviluppa qafas għall-politiki futuri tal-UE dwar l-enerġija u l-klima u tniedi proċess biex wieħed jasal għal ftehim komuni dwar kif dawn il-politiki għandhom jiġu żviluppati fil-ġejjieni.

2.           L-elementi ewlenin tal-Qafas

Il-Green Paper tal-Kummissjoni talbet għal opinjonijiet dwar il-firxa u l-istruttura l-aktar addattata għall-miri dwar il-klima u l-enerġija għall-2030. Kien hemm kunsens wiesa' fost il-partijiet interessati li hemm xewqa għal miri ġodda dwar l-emissjonijiet ta' gass serra għalkemm hemm fehmiet differenti dwar il-livell ta' ambizzjoni[5]. Kien hemm ukoll opinjonijiet differenti dwar jekk il-miri l-ġodda għall-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija kinux meħtieġa biex isir progress ulterjuri fil-perspettiva tal-2030.

L-analiżi tal-valutazzjoni tal-impatt ippubblikata flimkien ma' dan il-Qafas ivvalutat il-miri varji tat-tnaqqis tal-GHG (35%, 40%, u 45%). Ikkonfermat il-konklużjonijiet tal-Pjan Direzzjonali tal-Enerġija 2050[6], partikolarment li l-kostijiet tat-tranżizzjoni għall-użu baxx tal-karbonju mhumiex sostanzjalment differenti mill-kostijiet li kieku jiġġarbu f'kul każ minħabba l-ħtieġa li tiġġedded is-sistema tal-enerġija li qed teqdiem, il-prezzijiet dejjem telgħin tal-fjuwils fossili u l-aderenza għall-politiki eżistenti dwar il-klima u l-enerġija. Xorta waħda, il-kostijiet tas-sistema tal-enerġija huma mistennija li jogħlew matul il-perjodu sal-2030 għal livell ta' madwar 14% tal-PDG meta mqabbla ma' 12,8% fl-2010. Madankollu, se jkun hemm caqliqa kbira lil hinn min-nefqa fuq il-fjuwil lejn tagħmir innovattiv li għandu valur miżjud ogħla li se jistimula l-investimenti fi prodotti u servizzi innovattivi, joħloq l-impjiegi u t-tkabbir u jtejjeb il-bilanċ kummerċjali tal-Unjoni. Qafas ekonomiku favorevoli u politika industrijali immirata bħal dik spjegata fil-Komunikazzjoni dwar Rinaxximent Industrijali[7] ma' dan id-dokument, għandha tgħin lill-industrija u n-negozju biex jisfruttaw dawn l-opportunitajiet.

L-esperjenza bil-qafas preżenti 2020 tindika li waqt li l-miri Ewropej u nazzjonali jistgħu jidderieġu azzjoni f'saħħitha mill-Istati Membru u tkabbir fl-industriji emerġenti, huma mhux dejjem żguraw l-integrazzjoni tas-suq, il-kosteffiċjenza u kompetizzjoni mingħajr distorsjonijiet. Il-valutazzjoni tal-impatt tindika li l-mira ewlenija għat-tnaqqis fl-emissjonijiet ta' gass serra tirrappreżenta l-mogħdija tal-inqas kostijiet lejn ekonomija b'użu baxx tal-karbonju li minnha nnifisha għandha tidderieġi sehem akbar ta' enerġija rinnovabbli u ffrankar tal-enerġija fl-Unjoni.

Fid-dawl tal-evidenza u l-esperjenza tal-politiki kurrneti, il-Kummissjoni tipproponi mira ġdida ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tal-GHG ta' 40% meta mqabbla mal-1990, li għandha tinqasam bejn is-settur tal-ETS u non-ETS[8], bħala l-qofol tal-politika dwar l-enerġija u l-klima tal-UE għall-2030. Il-mira non-ETS tkun allokata fost l-Istati Membri (ara isfel).  Tkun akkumpanjata minn mira koerenti ewlenija fil-livell Ewropew għall-enerġija rinnovabbli ta' mill-anqas 27% bi flessibilità għall-Istati Membri biex jiffissaw l-objettivi nazzjonali. Il-mistoqsija ta' kif l-aħjar wieħed jista' jikseb l-iffrankar ottimali tal-enerġija fl-2030 se tkun analizzata f'aktar dettall f'rieżami tad-Direttiva dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija li għandha tintemm aktar tard fl-2014.

Il-flessibilità miżjuda tal-Istati Membri se tkun kombinata b'qafas f'saħħtu Ewropew ta' governanza biex iwettaq l-objettivi tal-UE tal-enerġija rinnovabbli u l-iffrankar tal-enerġija b'mod li jkun konsistenti mal-kisba tal-miri Ewropej tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass serra u koerenti mal-prinċipji aktar wiesgħa tal-politika Ewropea tal-enerġija, inkluż l-operazzjoni u l-integrazzjoni ulterjuri tas-suq tal-enerġija u t-twettiq ta' sistema ta' enerġija kompetittiva, sikura u sostenibbli.

 2.1        Il-mira tal-emissjonijiet ta' gass serra

Il-Kummissjoni tipproponi li tiffissa mira ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass serra għall-emissjonijiet domestiċi tal-UE ta' 40% fl-2030 meta tqabbilhom mal-emissjonijiet fl-1990. Huwa importanti li wieħed jinnota li l-politiki u l-miżuri implimentati u maħsuba mill-Istati Membri b'rabta mal-obbligi preżenti tagħhom biex inaqqsu l-emissjonijiet ta' gass serra se jkomplu fis-seħħ wara l-2020. Dawn il-miżuri jekk jiġu implimentati u jkunu effettivi kompletament huma mistennija li jiksbu tnaqqis ta' 32% meta mqabbla mal-emissjonijiet tal-1990. Dan jirrikjedi sforz kontinwu imma fl-istess waqt juri li l-mira proposta għall-2030 hija realistika. Madankollu, se tkun importanti evalwazzjoni kontinwa biex titqies id-dimensjoni internazzjonali u biex jiġi żgurat li l-Unjoni tibqa' ssegwi l-mogħdija tal-anqas kostijiet lejn ekonomija b'użu baxx tal-karbonju.

Il-mira fil-livell tal-UE għandha tkun kondiviża bejn l-ETS u dak li għandhom jiksbu l-Istati Membri b'mod kollettiv fis-setturi li huma barra mill-ETS. Is-settur tal-ETS għandu jikseb tnaqqis ta' 43% fil-GHG fl-2030 u s-settur tan-non-ETS tnaqqis ta' 30% it-tnejn bi tqabbil mal-2005. Sabiex wieħed jikseb it-tnaqqis mitlub tal-emissjonijiet fis-settur tal-ETS, il-fattur annwali li bih il-limitu fuq l-emissjonijiet massimi permessi fi ħdan l-ETS irid jiżdied minn 1,74% kif qiegħed bħalissa għal 2,2% wara l-2020.

L-isforz kollettiv tas-settur non-ETS għandu jiġi allokat ukoll fost l-Istati Membri individwali b'mod addattat u f'waqtu. Fil-preżent, l-attribuzzjoni ssir fuq il-bażi tal-ġid relattiv bl-użu tal-PDG ras għal ras li jirriżulta f'firxa wiesgħa ta' obbligi li tvarja minn tnaqqis ta' 20% għal zieda ta' 20% fl-emissjonijiet. L-analiżi li tirfed il-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni tipprovdi allokazzjoni kosteffettiva ta' sforz bejn l-Istati Membri.  Tikkonferma li l-kostijiet u l-investimenti se jkunu relattivament ogħla fl-Istati Membri bi dħul baxx filwaqt li jiġu mminimizzati l-kostijiet għall-Unjoni b'mod ġenerali. Dan jirrifletti l-intensità relattivament għolja tal-użu tagħhom tal-karbonju, effiċjenza aktar baxxa tal-enerġija kif ukoll kapaċità iċken għall-investiment. Pereżempju, l-analiżi tindika li l-pajjiżi b'PDG taħt id-90% tal-medja tal-UE jeħtieġu li jagħmlu investimenti fil-perjodu 2021-2030, f'livelli stmati li huma xi EUR 3 biljuni kull sena ogħla miż-żieda medja tal-UE fil-perjodu 2021-2030.

Il-Kummissjoni tikkunsidra, għalhekk, li fl-implimentazzjoni tal-qafas tal-2030, kull mira ta' tnaqqis tal-GHG mill-Istati Membri għandha tkompli tikkunsidra dawn il-fatturi ta' distribuzzjoni filwaqt li tiżgura l-integrità tas-suq intern, pereżempju, b'rabta mal-prodotti tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-użu tal-enerġija. Fid-dawl tal-importanza tal-investimenti futuri, se jkunu meħtieġa soluzzjonijiet li jikkontribwixxu għal titjib fil-finanzi (ara hawn taħt).

Il-Kummissjoni ma tara l-ebda mertu li tipproponi "mira kundizzjonali" ogħla qabel in-negozjati internazzjonali. Jekk ir-riżultat tan-negozjati jkun jirrikjedi mira aktar ambizzjuża għall-Unjoni, dan l-isforz addizzjonali jista' jiġi bbilanċjat billi jiġi permess l-aċċess għall-krediti internazzjonali.

2.2         Mira għall-enerġija rinnovabbli fil-livell tal-UE

L-enerġija rinnovabbli għandu jibqa' jkollha rwol fundamentali fit-tranżizzjoni lejn sistema tal-eneġija aktar kompetittiva, sikura u sostenibbli. It-tranżizzjoni mhix se tkun possibbli mingħajr sehem ogħla b'mod sinjifikanti ta' enerġija rinnovabbli. Sakemm il-prodotti rinnovabbli huma ġġenerati fl-UE, huma jistgħu wkoll inaqqsu d-defiċit tal-UE fil-prodotti bażiċi tal-enerġija, l-esponiment għat-tħarbit fil-forniment u għall-prezzijiet volatili tal-fjuwils fossili. Għandhom ukoll il-potenzjal li jidderieġu t-tkabbir fit-teknoloġiji innovattivi, joħolqu l-impjiegi fis-setturi emerġenti u jaqqsu t-tniġġis tal-arja.

L-iżvilupp rapidu tal-enerġija rinnovabbli diġà jippreżenta sfidi għas-sistema tal-elettriku b'mod partikolari, li għandha bżonn tadatta għal produzzjoni dejjem iżjed deċentralizzata u varjabbli (solari u tar-riħ). Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tal-prodotti rinovabbli fl-UE huma misjuqa minn skemi nazzjonali ta' appoġġ, li fuq naħa jistgħu jindirizzaw l-ispeċifiċitajiet nazzjonali u reġjonali imma fl-istess waqt jistgħu jxekklu l-integrazzjoni tas-suq u jnaqqsu l-kosteffiċjenza. L-iżvilupp rapidu tas-sorsi tal-enerġia rinnovabbli jaffettwa wkoll il-kompetittività tas-sorsi l-oħra tal-enerġija li se jibqgħu fundamentali għas-sistema tal-enerġija tal-UE u jnaqqas l-inċentivi għall-investiment fil-kapaċità ta' ġenerazzjoni li se jkun hemm bżonnhom għat-tranżizzjoni lejn sistema ta' enerġija aktar kompetittiva, sikura u sostenibbli (pereżempju bħala backup għall-enerġija varjabbli rinnovabbli).

Fil-futur, il-benefiċċji tal-enerġija rinnovabbli għandhom jiġu sfruttati b'mod li kemm jista' jkun, ikun misjuq mis-suq. Il-funzjonament tal-ETS u l-kontribut tat-tnaqqis tal-GHG mill-enerġija rinnovabbli huma marbutin mill-qrib u kumplimentari. Mira ta' tnaqqis ta' gass serra ta' 40% minnha nnifisha għandha tinkoraġġixxi sehem akbar ta' enerġija rinnovabbli fl-UE ta' mill-anqas 27% Għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li din għandha tkun il-mira tal-UE għas-sehem tal-enerġija rinnovabbli kkunsmata fl-UE. Filwaqt li tkun vinkolanti fuq l-UE, ma tkunx vinkolanti fuq l-Istati Membri individwali imma tintlaħaq permezz ta' impenji ċari li jiddeċiedu l-Istati Membri nfushom li għandhom ikunu ggwidati mill-ħtieġa li kollha flimkien jilħqu l-mira tal-UE u jibnu fuq dak li kull Stat Membru għandu jwettaq b'rabta mal-miri preċedenti tagħhom għall-2020. Dawn l-impenji ġodda għall-2030 se jkunu rieżaminati bħala parti mill-proċess ta' governanza deskritt fit-taqsima 3, u, jekk ikun hemm bżonn, jistgħu jkunu kkumplimentati minn azzjoni u strumenti ulterjuri tal-UE biex jiżguraw it-twettiq tal-mira tal-UE.

Il-mira tal-livell tal-UE se tidderieġi t-tkomplija tal-investiment fl-enerġija rinnovabbli jiġifieri, pereżempju, li s-sehem tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tal-elettriku jiżdied minn 21% kif inhu llum għal mill-anqas 45% fl-2030. Mhux l-istess bħall-qafas preżenti, il-mira tal-UE ma tkunx tradotta f'miri nazzjonali permezz ta' leġiżlazzjoni tal-UE, għaldaqstant tħalli flessibilità akbar għall-Istati Membri li jilħqu l-miri tat-tnaqqis tal-gass serra b'mod mill-aktar kosteffettiv u b'konformità maċ-ċirkostanzi speċifiċi , taħlit tal-enerġija u kapaċitajiet tagħhom biex tiġi prodotta enerġija rinnovabbli.

Il-Kummissjoni ma taħsibx li hu xieraq li tistabbilixxi miri ġodda għall-enerġija rinnovabbli jew l-intensità tal-gass serra tal-fjuwils użati fis-settur tat-trasport jew kull subsettur ieħor wara l-2020. Il-valutazzjoni ta' kif jiġu mminimizzati l-emissjonijiet mit-tibdil tal-użu indirett tal-art għamlitha ċara li l-ewwel ġenerazzjoni ta' bijofjuwils għandha rwol limitat fid-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport. Il-Kummissjoni indikat diġà, pereżempju, li l-bijofjuwils ibbażati fuq l-ikel ma għandhomx jirċievu appoġġ pubbliku wara l-2020[9]. Hemm bżonn firxa ta' fjuwils rinnovabbli alternattivi u taħlita ta' miżuri ta' politika mmirati li jibnu fuq il-White Paper tat-Trasport biex jindirizzaw l-isfidi tas-settur tat-trasport f'perspettiva tal-2030 u lil hinn. Il-lenti tal-iżvilupp tal-politika jrid ikun fuq it-titjib tal-effiċjenza tas-sistema tat-trasport, żvilupp u mobilizzazzjoni ulterjuri tal-vetturi tal-elettriku, bijofjuwils tat-tieni u t-tielet ġenerazzjoni u fjuwils sostenibbli alternattivi oħra bħala parti minn aproċċ aktar ħolistiku u integrat. Dan hu konformi mal-istrateġija tal-fjuwils alternattivi[10] u għandu jkun ikkunsidrat fir-rieżamijiet u reviżjonijiet futuri tal-leġiżlazzjoni relevanti għall-perjodu ta' wara l-2020.

Iż-żieda fil-flessibilità għall-Istati Membri għandha tkun ikkombinata ma' żieda fl-enfasi tal-ħtieġa li jiġi kkompletat is-suq intern fil-qasam tal-eneġija. Hemm bżonn li jkunu rrazzjonalizzati l-iskemi nazzjonali differenti biex jiġu aktar koerenti mas-suq inten, aktar kosteffettivi u jipprovdu ċertezza legali akbar għall-investituri. Il-kisba tal-mira Ewropea għar-rinnovbbli tkun żgurata permezz ta' qafas ġdid ta' governanza bbażat fuq il-pjanijiet nazzjonali għal enerġija kompetittiva, sikura u sostenibbli mħejjija mill-Istati Membri kif deskritt aktar tard. Xi Stati Membri diġà stabbilixxew objettivi ambizzjużi għar-rinnovabbli għall-2030 u lil hinn li se jġibu progress sostanzjali lejn il-mira tal-UE. Kull Stat Membru se jagħmel l-impenn ċar tiegħu lejn l-enerġija rinnovabbli, u jindika kif dan se jitwettaq filwaqt li jikkunsidra l-ħtieġa li jikkonforma mar-regoli dwar il-kompetizzjoni u tal-għajnuna mill-Istat biex jevita d-distorsjonijiet tas-suq u jiżgura kosteffettività kif deskritt fit-taqsima 2.5 hawn taħt.

Fl-istess waqt, l-UE u l-Istati Membri se jkollhom bżonn li jiżviluppaw ulterjorment l-oqfsa ta' politika tagħhom biex jiffaċilitaw it-trasformazzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija b'aktar interkonnessjonijiet transfruntieri, potenzjal ta' ħżin u grilji intelliġenti biex jamministraw id-domanda u jiżguraw forniment sikur tal-enerġija f'sistema b'sehem akbar ta' enerġija varjabbli rinnovabbli. 

Dan l-approċċ ifisser li d-Direttiva dwar is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli se jkollha tiġi riveduta sostanzjalment għall-perjodu ta' wara l-2020 biex tagħti lill-UE l-mezzi biex tiżgura li tilħaq il-mira fuq il-livell tal-UE tal-2030. Politika mtejba tal-bijomassa se tkun ukoll meħtieġa biex timmassimizza l-użu effiċjenti tar-riżorsi tal-bijomassa għall-kisba ta' ffrankar robust u verifikabbli ta' gass serra u biex tkun permessa kompetizzjoni ġusta bejn l-użi varji tar-riżorsi tal-bijomassa fis-settur tal-kostruzzjoni, tal-industriji tal-karta u tal-polpa, u tal-produzzjoni tal-bijokimika u tal-enerġija. Dan għandu wkoll jinkludi l-użu sostenibbli tal-art, il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti b'konformità mal-istrateġija tal-UE tal-foresti[11] u jindirizza l-effetti tal-użu indirett tal-art kif ukoll bil-bijofjwils.

2.3         Effiċjenza fl-użu tal-enerġija

L-effiċjenza mtejba tal-enerġija tagħmel kontribuzzjoni essenzjali għall-objettivi l-kbar kollha tal-politiki tal-UE dwar l-enerġija u l-klima: kompetittività imtejba; sigurtà tal-provvista; sostenibilità; u t-tranżizzjoni lejn ekonomija b'użu baxx tal-karbonju. Hemm kunsens politiku wiesa' dwar l-importanza ta' dan. Il-mira tal-UE għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija mhijiex vinkolanti u qed isir progress permezz ta' miżuri politiċi speċifiċi fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali inkluż għall-apparati u l-vetturi domestiċi u industrijali u għall-istokk tal-bini. Id-Direttiva dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tieħu approċċ aktar ħolistiku għall-iffrankar tal-enerġija fl-UE. Filwaqt li l-iskandenza tat-traspoizzjoni mhix qabel Ġunju 2014 (u mhux l-Istati Membri kollha għadhom implimentawha) intalbet valutazzjoni mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew sa nofs l-2014. Din il-valutazzjoni se tifli l-progress li sar lejn l-issodisfar tal-mira tal-2020. Bħalissa, hu previst nuqqas fil-konfront tal-mira ta' 20%.  Ladarba jsir ir-rieżami, il-Kummissjoni se tikkunsidra jekk hux neċessarju li tipproponi emendi għad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Użu tal-enerġija.

Filwaqt li dan ir-rieżami se jkun meħtieġ biex jistabbilixxi l-ambizzjoni eżatta tal-politika futura dwar l-iffrankar tal-enerġija u l-miżuri meħtieġa biex titwettaq, dan se jibni fuq l-analiżi li tirfed din il-Komunikazzjoni u l-miri u l-objettivi tat-tnaqqis tal-gass serra u l-enerġija rinnovabbli. L-iffrankar tal-enerġija għandu jikkumplimenta l-mobilizzazzjoni tal-enerġija rinnovabbli mill-Istati Membri bħala parti mill-pjanijiet tagħhom biex jiffrankaw il-gass serra li għandhom jidentifikaw ukoll miżuri nazzjonali biex itejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. L-analiżi tal-Kummissjoni turi li l-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass serra ta' 40% tirrikjedi livell miżjud ta' ffrankar tal-enerġija ta' madwar 25% fl-2030.

F'xi setturi, bħall-vetturi tal-industrija u tal-passiġġieri, it-titjib osservat fis-snin reċenti għandu jibqa' għaddej; filwaqt li f'xi setturi bħall-akkomodazzjoni, mezzi oħra ta' trasport, u tagħmir tal-elettriku se jkun hemm il-ħtieġa ta' aċċellerazzjoni sinjifikanti tal-isforzi kurrenti biex jesploraw il-potenzjal sinifikanti mhux sfruttat. Dan ikun jirrikjedi investimenti kbar fis-settur tal-bini (li jwasslu għal kostijiet orħos ta' ġestjoni), kundizzjonijiet ta' qafas u informazzjoni li tinkoraġġixxi lill-konsumaturi biex jakkwistaw prodotti u servizzi innovattivi u strumenti finanzjarji xierqa biex jiġi żgurat li l-konsumaturi kollha tal-enerġija jibbenefikaw mit-tibdiliet li jirriżultaw.

L-UE teħtieġ li tkompli tikkumplimenta l-isforzi nazzjonali bi standards ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija madwar l-UE għall-apparat domestiku, tagħmir, bini u standards tas-CO2 għall-vetturi. Bl-użu tal-ekonomiji ta' skala tas-suq intern, dan jista' jkun ta' benefiċċju għall-manifatturi tal-UE u jgħinhom biex jibqgħu minn ta' quddiem nett fit-teknoloġija.

Ir-rieżami se jikkunsidra wkoll jekk it-titjib fl-intensitajiet tal-enerġija tal-ekonomija u tas-setturi ekonomiċi, jew l-iffrankar assolut tal-enerġija jew ibridu tat-tnejn jirrappreżentawx valur referenzjarju aħjar biex jinkwadra l-objettiv tal-2030.

2.4         Ir-riforma tas-Sistema għan-Negozjar ta' Emissjonijiet

Fl-2012, il-Kummissjoni ppubblikat rapport dwar il-funzjonament tas-suq tal-karbonju flimkien ma' diversi alternattivi biex jiġi indirizzat l-eċċess akkumulat tal-kwoti. L-eċċess sar minħabba t-tnaqqis fl-attività ekonomika matul il-kriżi, l-aċċess faċli għall-krediti internazzjonali u, sa ċertu punt, l-interazzjoni ma' politiki oħra tal-klima u l-enerġija. Fl-2012, il-Kummissjoni ppreżentat ukoll proposta biex il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tipposponi l-irkant ta' 900 miljun kwota tal-emissjonijiet sal-2019/2020. Il-Parlament u l-Kunsill qablu ma' din il-proposta f'Diċembru tal-2013.

Filwaqt li dan hu pass sinjifikanti 'l quddiem, l-eċċess strutturali se jibqa' sew fil-perjodu kummerċjali wara l-2020 (fażi 4) fl-assenza ta' miżuri ulterjuri biex tiġi rriformata l-ETS, u din hi mistennija li tkompli tnaqqas mir-rwol tagħha bħala mutur newtrali għat-teknoloġija, kosteffettiv u preżenti fl-UE kollha għall-investiment b'użu baxx tal-karbonju. Fit-tweġibiet tagħhom għall-Green Paper tal-Kummissjoni, kien hemm kunsens wiesa' fost il-partijiet interessati li l-ETS għandha tibqa' bħala l-istrument ċentrali biex iġġib it-tranżizzjoni lejn ekonomija b'użu baxx tal-karbonju.  Biex l-ETS tkun effettiva fil-promozzjoni ta' investimenti għall-użu baxx tal-karbonju bl-anqas kost għas-soċjetà hemm bżonn ta' deċiżjoni bikrija biex l-ETS terġa' tiġi strument aktar robust. Il-Kummissjoni hi tal-opinjoni li l-aħjar mod biex dan jinkiseb hu li tiġi stabilita riżerva tal-istabbilità tas-suq fil-bidu tal-kummerċ fil-fażi 4 fl-2021. Qed tiġi ppreżentata proposta għal-leġiżlazzjoni b'mod parallel ma' din il-Komunikazzjoni[12]. Ir-riżerva għall-istabilità tas-suq se tipprovdi aġġustament awtomatiku għall-forniment ta' kwoti irkantati 'l isfel jew 'il fuq, fuq il-bażi ta' sett ta' regoli definiti minn qabel li għandhom iżidu r-reżiljenza għax-xokkijiet tas-suq u jtejbu l-istabbilità tas-suq. Ma jkunx hemm element ta' ġestjoni diskrezzjonarja tal-forniment. Ir-riżerva tipprovdi wkoll għodda flessibbli biex jiżdied il-forniment ta' kwoti f'każ ta' żidiet ħesrem u temporanji fid-domanda biex b'hekk jittaffew l-impatti fuq l-industrija u s-setturi f'riskju ta' rilaxx tal-karbonju.

Peress li r-riżerva ta' stabilità għandha tibda taħdem biss fl-2021, hemm bzonn dispożizzjonijiet speċifiċi biex jiġi ttrattat qofol potenzjali ta' forniment li jista' jirriżulta fl-2020 mir-ritorn ta' kwoti fl-aħħar tal-perjodu tard fil-perjodu kummerċjali kif ukoll effetti oħra marbuta mat-tranżizzjoni bejn il-perjodi kummerċjali.

2.5         L-iżgurar tal-kompetizzjoni fis-swieq integrati

L-ikkompletar tas-suq intern tal-enerġija kemm għall-elettriku kif ukoll għall-gass jibqa' prijorità immedjata għall-Kummissjoni. Suq intern tal-enerġija kompetittiv u integrat jipprovdi l-ambjent neċessarju u s-sinjali tal-kostijiet għall-kisba tal-objettivi tal-politika tal-enerġija b'mod kosteffiċjenti.

Il-Kummissjoni dan l-aħħar adottat gwida fuq l-intervent pubbliku fis-swieq tal-elettriku sabiex timminimizza l-impatt ta' distorsjoni[13]. Il-linji gwida għall-għajnuna mill-Istat għall-enerġija u l-ambjent għandhom ukoll jevolvu biex jippromwovu approċċi orjentati aktar lejn is-suq li jirriflettu l-istruttura tal-kostijiet tat-teknoloġiji tal-enerġija li qed tevolvi u żieda fil-kompetittività tal-kostijiet fis-suq intern. Bħala tali, is-sussidji għat-teknoloġiji tal-enerġija maturi, inklużi dawk għall-enerġija rinnovabbli, għandhom gradwalment jitneħħew kompletament sal-perjodu 2020-2030. Is-sussidji għal teknoloġiji ġodda u immaturi li għandhom potenzjal sinjifikanti biex jikkontrbwixxu b'mod kost-effettiv għall-volumi tal-enerġija rinnovabbli se jibqgħu permessi xorta. Il-Kummissjoni fil-preżent qed tikkonsulta dwar reviżjoni tal-linji gwida tal-għajnuna mill-Istat għall-ambjent u l-enerġija għall-perjodu sal-2020[14].

Is-suq intern tal-enerġija għen biex iżomm taħt kontroll il-prezz tal-operaturi tal-enerġija (partikolarment tal-elettriku) matul l-aħħar ħames snin meta mqabbel maż-żieda fil-kostijiet sottostanti tal-fjuwils fossili. Żidiet fl-ammonti tal-elettriku ġġenerat mir-riħ u mix-xemx eżerċitaw pressjoni 'l isfel fuq il-prezzijiet tal-operaturi partikolarment fir-reġjuni b'ishma għoljin ta' dawn is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli filwaqt li kkontribwew ukoll għal prezzijiet ogħla fis-suq tal-imnut hekk kif il-kostijiet tal-iskemi ta' appoġġ jgħaddu għand il-konsumatur. Barra minn hekk, is-segment bl-imnut għadu kkaratterizzat minn livelli għoljin ta' konċentrazzjoni tas-suq u regolamentazzjoni tal-prezzijiet fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, li effettivament jillimita l-kompetizzjoni u l-għażla tal-konsumatur. Id-distribuzzjoni tal-gass u l-elettriku hija wkoll monopolju naturali u l-konċessjonijiet għandhom jingħataw b'mod non diskriminatorju u kompetittiv.

Livelli għolja ta' kompetizzjoni fis-suq intern tal-enerġija se jkunu vitali biex isir progress fil-kisba tal-objettivi kollha tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni fil-perjodu tal-2030. Se tipprovdi għodod ewlenin biex iżżomm taħt kontroll il-prezzijiet tal-enerġija għan-negozji u l-unitajiet domestiċi. Suq tal-enerġija integrat u kompletament kompetittiv jista' jirriżulta fi ffrankar tal-kostijiet ta' bejn l-EUR40-70 biljun sal-2030 meta mqabbel mal-lum. Sabiex il-konsumaturi jkollhom benefiċċju sħiħ mis-swieq tal-enerġija deregolati, is-swieq fil-livell tal-konsumatur kemm għall-elettriku kif ukoll għall-gass iridu jsiru aktar dinamiċi u kompetittivi. Il-konsumaturi jrid ikollhom kontroll tad-dejta tal-konsum u jkunu liberi li jagħżlu l-fornituri tal-enerġija jew li jipprovdu l-enerġija sostenibbli tagħhom stess. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-konċentrazzjoni tas-swieq fil-livell tal-operaturi u tal-konsumaturi tal-elettriku u tal-gass u tiżgura kontroll effettiv tal-antitrust u tal-fużjonijiet.

Kaxxa 2: Tibdiliet fil-medja peżata tal-UE tal-prezzijiet fil-livell tal-konsumtatur tal-elettriku għall-unitajiet domestiċi u l-konsumaturi industrijali fil-perjodu 2008-2012 Il-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku (inklużi taxxi u imposti) għall-konsumaturi industrijali żdiedu bi 3,3% u 15% rispettivament matul il-perjodu 2008 sal-2012 waqt li dawk għall-unitajiet domestiċi żdidu bi 13,6% u 18%. 

Sors: Eurostat. Inklużi taxxi fil-każ tal-unitajiet domestiċi; eskluża l-VAT u taxxi oħra rikoverabbli fil-każ tal-industrija, eżenzjonijiet oħra tal-industrija mhumiex inklużi (mhux disponibbli). It-taxxi u l-imposti jirrappreżentaw madwar 30% tal-prezzijiet finali tal-elettriku għall-unitajiet domestiċi ('il fuq minn 26% fl-2008) u madwar 18% għall-konsumaturi industrijali. Il-komponent tat-taxxi u l-imposti tal-kostijiet tal-elettriku tal-industrija żdied b'127% matul il-perjodu espress bħala medja peżata tal-UE. (Filwaqt li dejta nazzjonali konsistenti mhix disponibbli, diversi Stati Membri jipprovdu eżenzjonijiet sinjifikanti minn taxxi u imposti). Il-kostijiet sottostanti tal-enerġija jibqgħu relattivament stabbli sa madwar nofs il-kont globali tal-elettriku għall-unitajiet domestiċi u l-utenti industrijali filwaqt li l-kostijiet sottostanti tan-netwerk jinkludu l-parti li jifdal tal-kont tal-elettriku. Teżisti diverġenza sostanzjali fost l-Istati Membri għal kull wieħed mill-komponenti varji tal-kostijiet tal-elettriku li jippreżentaw sfida għas-suq intern tal-enerġija. Pereżempju, fl-2012, il-kontribuzzjoni tat-taxxi u l-imposti għall-prezzijiet tal-elettriku tal-unitajiet domestiċi kienet matul il-firxa ta' bejn il-5% u s-56%.

 2.6      Enerġija kompetittiva u affordabbli għall-konsumaturi kollha

L-enerġija hija importanti għall-kompetittività tal-ekonomiji tal-Istati Membri peress li taffettwa l-kostijiet tal-produzzjoni tal-industriji u s-servizzi u l-poter tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi. F'dawn l-aħħar snin żdied id-distakk fil-prezzijiet tal-enerġija bejn l-UE u l-imsieħba ekonomiċi kbar tagħha. Id-disponibbiltà tal-gass tax-shale fl-USA raħħas sostanzjalment il-prezzijiet tal-gass naturali hemmhekk kif ukoll l-elettriku ġġenerat mill-gass naturali. Id-differenza kbira fil-prezz ma' pajjiżi bħaċ-Ċina u l-Korea mhijiex tiżdied imma għadhom jeżistu żvantaġġi komparattivi. Disparitajiet bħal dawn fil-prezzijiet tal-enerġija jistgħu jnaqqsu l-livelli tal-produzzjoni u tal-investiment u jċaqilqu l-mudelli globali kummerċjali sakemm ma jkunux ikkumpensati b'titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

Dan ir-riskju hu partikolarment għoli għal industriji li għandhom sehem kbir tal-kostijiet tal-enerġija u li huma esposti għall-kompetizzjoni internazzjonali. Fl-istess waqt, il-manifattura fl-UE turi kost baxx ta' enerġija operazzjonali b'relazzjoni kemm mal-output kif ukoll mal-valur miżjud. Dan hu dovut l-aktar għall-intensitajiet baxxi tal-enerġija tal-produzzjoni industrijali u għall-iffukar fuq prodotti b'valur miżjud ogħla. L-industriji tal-manifattura irrispondew għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija permezz ta' titjib sostnut fl-intensità tal-enerġija u b'hekk żammew pożizzjoni relattivament favorevoli. Madankollu mill-2005, seħħet ir-ristrutturazzjoni lejn setturi b'kostijiet aktar baxxi tal-enerġija. Fir-rigward tal-pożizzjoni relattiva tal-USA u l-UE, filwaqt li l-US tejbet il-bilanċ kummerċjali tagħha tal-enerġija s'issa għad ma hemm l-ebda caqliqa kbira fil-bilanċ kummerċjali fil-prodotti bejn l-UE u l-US jew xi tibdil sinjifikanti fl-istruttura globali tal-industriji tal-manifattura.  Dan ma għandux ifisser li l-effetti ma jistgħux jitfaċċaw minħabba d-distakk dejjem jikber fil-prezzijiet tal-enerġija partikolarment minħabba li jista' jmajna t-titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

L-analiżi tal-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija (li huma ppubblikati maġenb din il-Komunikazzjoni)[15] juru li ftit kien hemm impatt fuq il-kompetittività relattiva tal-UE li tista' tiġi attribwita direttament lejn prezzijiet ogħla tal-enerġija u l-prezz tal-karbonju taħt l-ETS, minħabba titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Madankollu, dan ivarja minn settur għall-ieħor u effetti indiretti bħaż-żidiet fil-kostijiet tal-enerġija kellhom impatt fuq l-utenti intensivi tal-elettriku bħall-produtturi tal-aluminju. Il-politiki preżenti biex jiġi pprevenut ir-rilaxx tal-karbonju, bħall-allokazzjoni ta' kwoti b'xejn fl-ETS, irnexxew ukoll. Ix-xenarji futuri kollha jissuġġerixxu li se jkun hemm pressjoni 'l fuq tal-kostijiet tal-enerġija fl-UE, mhux lanqas minħabba l-bżonn li tiġi sostitwita l-infrastruttura li qed teqdiem, xejriet ta' prezzijiet ogħla ta' fjuwils fossili, implimentazzjoni ta' politiki eżistenti dwar il-klima u l-enerġija u l-impatti kollha li jista' jkun hemm minħabba prezz ogħla tal-karbonju.

Għalhekk huwa prudenti li jinżamm il-qafas ta' politika preżenti għal dawk is-setturi industrijali li huma l-aktar fir-riskju ta' rilaxx tal-karbonju sa tmiem il-kummerċ fil-fażi 3.  Għalhekk il-Kummissjoni fi ħsiebha tippreżenta abbozz ta' deċiżjoni dwar ir-rieżami tal-lista tar-rilaxx tal-karbonju lill-Kumitat Regolatorju li se jżomm kif inhuma l-kriterji attwali u s-suppożizzjonijiet eżistenti. Dan jiggarantixxi kontinwità fil-kompożizzjoni tal-lista.  Sakemm ma jeżistux sforzi komparabbli li qed jittieħdu fl-ekonomiji l-kbar l-oħra, wara l-2020 se jkun hemm bżonn ta' politiki simili (inkluża sistema imtejba għall-allokazzjoni b'xejn ta' kwoti b'iffukar aħjar) sabiex tiġi żgurata l-kompetittività tal-industriji Ewropej li jużaw l-enerġija b'mod intensiv. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-applikazzjoni tar-regoli eżistenti tar-rilaxx tal-karbonju u miżuri relevanti oħra biex timplimenta dan il-qafas u tikkunsidra s-sitwazzjoni ekonomika ġenerali u l-progress miksub fin-negozjati internazzjonali dwar il-klima.

2.7         Il-Promozzjoni tas-sigurtà tal-forniment tal-enerġija

Is-sigurtà tal-forniment tal-enerġija tfisser l-iżgurar ta' forniment kontinwu u adegwat ta' enerġija mis-sorsi kollha għall-utenti kollha. Għall-fjuwils fossili l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija tipprojjetta dipendenza li qed tiżdied min-naħa tal-UE fuq iż-żejt impurtat minn madwar 80% illum sa aktar minn 90% sal-2035. Bl-istess mod, id-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-gass mistennija tiżdied minn 60% għal aktar minn 80%. Id-domanda li qed tiżdied għall-enerġija fuq skala globali u kompetizzjoni insuffiċjenti fis-swieq tal-enerġija tal-UE sostnew prezzijiet għoljin tal-komoditajiet. Fl-2012, il-kont tal-importazzjoni taż-żejt u tal-gas tal-Ewropa ammonta għal aktar minn EUR 400 biljun li jirrappreżenta xi 3,1% tal-PDG tal-UE meta mqabbel ma madwar EUR 180 biljun bħala medja fil-perjodu 1990-2011. Dan iżid il-vulnerabilità tal-UE għax-xokkijiet tal-provvista u fil-prezzijiet tal-enerġija.

Il-politiki biex tittejjeb is-sigurta tal-forniment tal-Unjoni iridu jsegwu approċċ li jistrieħ fuq tliet pilastri. L-ewwel, il-produzzjoni nieżla tal-UE taż-żejt u tal-gass qed tagħmel l-isfruttament ulterjuri tas-sorsi indiġeni sostenibbli tal-enerġija bħala neċessità. Il-kontribuzzjonijiet jistgħu jiġu minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli, riżervi domestiċi ta' fjuwils fossili konvenzjonali u mhux konvenzjonali (primarjament gass naturali) u nukleari skont il-preferenza tal-Istati Membri għat-taħlita tal-enerġija tagħhom u skont il-qafas ta' suq integrat b'kompetizzjoni mhux distorta. Fejn huma sfruttati s-sorsi indiġeni, dan għandu jirrispetta l-qafas tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni u l-impenji internazzjonali bħal dak adottat mill-G20 biex jinqatgħu gradwalment is-sussidji tal-fjuwils fossili. Il-Kummissjoni stabbiliet qafas li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni għall-isfruttament tal-gass shale sikur u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent[16].

It-tieni, l-Istati Membri għandhom jaġixxu flimkien biex jiddeversifikaw il-pajjiżi u r-rotot tal-forniment tagħhom tal-fjuwils fossili impurtati. Il-kompetizzjoni fis-swieq tal-enerġija għandha wkoll tissaħħaħ permezz ta' aktar liberalizzazzjoni, tlestija tas-suq intern tal-enerġija inkluż l-iżvilupp ta' infrastruttura tat-trasport tal-enerġija inklużi interkonnetturi transfruntieri li jistgħu jkunu aktar effiċjenti fl-iżgurar tas-sigurtà tal-forniment milli l-appoġġ għal-kapaċità ta' ġenerazzjoni domestika. Il-proġetti maqbula ta' interess komuni taħt ir-Regolament tal-Infrstruttura tal-Enerġija għandhom iwasslu biex il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jilħqu l-livell ta' 10% tal-interkonnetturi maqbula fl-2002 bħala sehem mill-kapaċità installata ta' produzzjoni.

It-tielet, hemm bżonn ta' sforzi akbar biex tittejjeb l-intensità tal-enerġija tal-ekonomija m'mod kosteffettiv u biex jiġi ġġenerat l-iffrankar tal-enerġija permezz ta'prestazzjoni mtejba tal-enerġija tal-bini, il-prodotti u l-proċessi. Ir-rieżami tal-politiki għall-iffrankar tal-enerġija fl-2014 se jipprovdi aktar ċarezza fuq l-azzjonijiet u l-objettivi futuri f'dan il-qasam.

3.           Governanza Ewropea għall-qafas tal-2030

3.1         Pjanijiet nazzjonali għal enerġija kompetittiva, sikura u sostenibbli.

Filwaqt li l-Istati Membri jeħtieġu flessibilità biex jagħżlu l-politiki li jkunu l-aktar xierqa għat-taħlita u l-preferenzi nazzjonali tagħhom tal-enerġija, din il-flessibilità għandha tkun kompatibbli ma' integrazzjoni ulterjuri tas-suq, iżjed kompetizzjoni u l-kisba tal-objettivi tal-klima u l-enerġija fil-livell tal-Unjoni.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li hemm il-ħtieġa li jiġu ssimplifikati u kkordinati l-proċessi attwali separati għall-irrappurtar tal-enerġija rinnovabbli, effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tnaqqis tal-gass serra għall-perjodu ta' wara l-2020, u li jkun hemm proċess ta' governanza kkonsolidat mal-Istati Membri. L-ilħuq tal-miri relevanti jiltaqa' ma taħlita ta' miżuri tal-Unjoni u miżuri nazzjonali deskritti fil-pjanijiet nazzjonali tal-Istati Membri għal enerġija kompetittiva, sikura u sostenibbli li:

– Jiżguraw li l-objettivi ta' politika tal-UE għall-klima u l-enerġija jitwettqu

– Jipprovdu koerenza akbar għall-approċċi tal-Istati Membri

– Jippromwovu integrazzjoni u kompetizzjoni ulterjuri tas-suq

– Jipprovdu ċertezza għall-investituri għall-perjodu ta' wara l-2020.

Dawn il-pjanijiet għandhom jistabbilixxu approċċ ċar għall-kisba tal-objettivi domestiċi dwar l-emissjonijiet tal-gass serra fis-settur non-ETS, enerġija rinnovabbli, iffrankar tal-enerġija, sigurtà tal-enerġja, riċerka u innovazzjoni u għażliet importanti oħra bħall-enerġija nukleari, gass tax-shale, il-ġbir u ħżin tal-karbonju. L-għan espliċitu għandu jkun li tinħoloq aktar ċertezza għall-investituri u trasparenza akbar; li tissaħħaħ il-koerenzaa, koordinazzjoni u ssorveljar tal-UE, inkluża l-valutazzjoni ta' pjanijet bħal dawn kontra l-objettivi dwar il-klima u l-enerġija fil-livell tal-Unjoni, u progress lejn l-objettivi tas-suq intern tal-enerġija u l-linji gwida tal-għajnuna mill-Istat. Se jkun hemm bżonn ta' struttura ċara ta' governanza bi proċess iterattiv immexxi mill-Kummissjoni biex jivvaluta l-pjanijiet tal-Istati Membri dwar dawn il-kwistjonijiet komuni u biex jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet skont il-ħtieġa.

Huma maħsuba tliet passi biex jiġi implimentat dan il-proċess.

Pass 1 Se tiġi żivluppata gwida dettaljata mill-Kummissjoni dwar it-tħaddim tal-proċess il-ġdid ta' governanza u l-kontenut tal-pjanijiet nazzjonali b'mod partikolari.

Se jkun importanti li wieħed jiddefinixxi l-ambitu u l-objettivi tal-pjanijiet u l-kondizzjonijiet qafas li għandhom joperaw fi ħdanhom. Il-kontenut għandu jkopri aspetti importanti għal sistema ta' enerġija kompetittiva, sikura u sostenibbli u juri l-kontribuzzjoni tagħhom biex iwettqu l-obettivi tal-klima u l-enerġija fil-livell tal-UE. B'mod partikolari, il-pjanijiet jiddeskrivu kif Stat Membru jkun fi ħsiebu li jwettaq it-tnaqqis neċessrju fl-emissjonijiet tal-gass serra kif ukoll jindikaw l-ammont ta' enerġija rinnovabbli u ffrankar ta' enerġija li l-Istat membru jkun fi ħsiebu jikseb fl-2030 bil-konsiderazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-politiki eżistenti tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-pjanijiet għandhom jiddeskrivu l-politiki li jaffettwaw it-taħlita nazzjonali tal-enerġija bħal kapaċità nukleari ġdida, il-mobilizzazzjoni ta' ġbir u ħżin tal-karbonju, iċ-ċaqliqa lejn fjuwils li huma anqas intensivi fil-karbonju, l-iżilvupp ta' fornimenti ta' enerġija indiġena, pjanijiet ta' infrastruttura bħal interkonnetturi ġodda, tassazzjoni nazzjonali u skemi ta' appoġġ li għandhom effett dirett jew indirett u l-użu tal-grilji intelliġenti,eċċ.

Pass 2: It-tħejjija tal-pjanijiet tal-Istati Membri permezz ta' proċess iterattiv.

Il-konsultazzjoni ma' pajjiżi ġirien għandha tkun element ewlieni fit-tħejjija tal-pjanijiet. Approċċi reġjonali (ibbażati fuq gruppi reġjonali tal-elettriku pereżempju) għandhom jiġu promossi peress li se jikkontrbwixxu biex iżidu l-integrazzjoni tas-suq minn deċiżjonijiet konġunti dwar il-mobilizzazzjoni tar-rinnovabbli, l-ibbilanċjar tas-swieq, il-ġenerazzjoni tal-adegwatezza u l-kostruzzjoni tal-interkonnetturi. Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri se ttejjeb ukoll il-kosteffettività tal-investimenti u ssaħħaħ l-istabbilità tal-grilji.

Pass 3: Valutazzjoni tal-pjanijiet u l-impenji tal-Istati Membri.

Bħala t-tielet pass, il-Kummissjoni se twettaq rieżami tal-pjanijiet nazzjonali biex tivvaluta jekk l-azzjonijiet u l-wegħdi tal-SM individwali humiex suffiċjenti biex iwettqu l-miri u l-objettivi tal-klima u l-enerġija tal-Unjoni. Jek il-pjan jitqies bħala insuffiċjenti, isir proċess iterattiv aktar fil-fond mal-Istat Membru kkonċernat bil-għan li jissaħħaħ il-kontenut tiegħu.

B'mod ġenerali, il-Kummissjoni tqis li l-pjanijiet nazzjonali għandhom ikunu operazzjonali sew qabel l-2020 sabiex jiggwidaw l-azzjonijiet tal-Istati Membri fi żmien tajjeb għall-perjodu 2020-2030 u biex jinkoraġġixxu l-investimenti. L-aġġornament tal-pjanijiet nazzjonali għandu jkun ippjanat mill-anqas darba fil-perjodu sal-2030 biex jiġu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi li jinbidlu imma jitqiesu wkoll l-aspettattivi leġittimi tal-investituri.

Filwaqt li se jkun hemm rabtiet u kumplimetarijiet ċari bejn dan il-proċess ta' governanza u l-politiki nazzjonali rrappurtati taħt is-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni temmen li ż-żewġ proċessi, filwaqt li huma kumplimentari, għandhom jiġu ġestiti separatament minħabba l-karattru differenti u speċifiku tal-oqsma tal-enerġija u l-klima u l-perjodiċità differenti taż-żewġ proċessi. L-istruttura ta' governanza jista' jkollha bżonn li tiġi ffissata f'leġiżlazzjoni f'data aktar tard jekk l-approċċ ta' kooperazzjoni ppjanat ma jkunx effettiv.  Il-Kummissjoni se tiżviluppa l-proposti tagħha għal struttura ta' governanza bħal din billi tqis ukoll l-opinjionijiet tal-Parlament Ewropew, l-Istati Membri u l-imsieħba interessati

3.2         Indikaturi u objettivi għal enerġija kompetittiva, sikura u sostenibbli.

Filwaqt li ishma ogħla ta' rinnovabbli u sistema ta' enerġija aktar effiċjenti se jikkontribwixxu kemm għall-kompetittività kif ukoll għas-sigurtà tal-forniment tal-enerġija (barra mill-impatt pożittiv tal-GHG u l-emissjonijiet li jniġġsu), fihom infushom mhumiex biżżejjed biex jiżguraw progress suffiċjenti lejn l-aspetti kollha ta' dawn l-objettivi fil-perspettiva tal-2030. Hu meħtieġ monitoraġġ sistematiku b'indikaturi ewlenin biex jivvaluta l-progress matul iż-żmien u biex jinforma kull intervent futur ta' politika. Dawn l-indikaturi jinkludu:

· Id-differenzi kbar fil-prezz tal-enerġija bejn l-UE u l-imsieħba kummerċjali kbar tagħha filwaqt li nibnu fuq ir-rapport dwar il-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija.

· Id-diversifikazzjoni tal-importazzjoni tal-enerġija u s-sehem tas-sorsi indiġeni tal-enerġija użati fil-konsum tal-enerġija matul il-perjodu sal-2030 għandhom jiġu mmonitorjati wkoll.

· Il-mobilizzazzjoni tal-grilji intelliġenti u l-interkonnessjonijiet bejn l-Istati Membri, b'urġenza partikolari bejn dawk li huma l-aktar 'il bogħod milli jilħqu l-objettiv maqbul diġà għall-Istati Membri biex jiġi zgurat livell ta' interkonnessjonijiet ta' elettriku ekwivalenti għal 10% jew aktar minn hekk tal-kapaċità nstallata tal-produzzjoni tagħhom.

· L-akkoppjar fi ħdan l-UE tas-swieq tal-enerġija, li jibni fuq il-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-gass u l-elettriku miksuba diġà mil-leġiżlazzjoni tal-UE.

· Il-kompetizzjoni u l-konċentrazzjoni tas-suq fis-swieq tal-enerġija fil-livell nazzjonali u f'reġjuni b'akkoppjar li jaħdem fil-livell tal-operaturi.

· Innovazzjoni teknoloġika (nefqa tar-R&Ż, brevetti tal-UE, sitwazzjoni kompetittiva fuq it-teknoloġiji meta mqabbla ma' pajjiżi terzi).

Il-Kummissjoni se tippreżenta rapportar perjodiku u, fejn ikun hemm bżonn, miżuri ta' akkumpanjament dwar dawn l-indikaturi.

4.           Politiki kumplimentari ewlenin

4.1         Trasport

Il-White Paper dwar it-Trasport[17] stabbiliet mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gas serra mis-settur tat-trasport b’60 % sal-2050 meta mqabbel mal-1990 u b’madwar 20 % sal-2030 meta mqabbel mal-emissjonijiet fl-2008. L-emissjonijiet tal-gass serra żdiedu bi 33 % matul il-perjodu mill-1990 sal-2007, iżda minn dak iż-żmien naqsu minħabba prezzijiet għolja taż-żejt, żieda fl-effiċjenza tal-karozzi tal-passiġġieri u tkabbir aktar bil-mod ta' mobbiltà. Din ix-xejra hija mistennija li tkompli sal-2020 iżda se jinħtieġu sforzi ikbar wara l-2020 biex jintlaħqu l-miri tal-White Paper.

Aktar tnaqqis ta’ emissjonijiet mit-trasport ser jeħtieġu trasformazzjoni gradwali tas-sistema ta’ trasport kollha lejn integrazzjoni aħjar bejn il-mezzi, l-isfruttament akbar ta’ alternattivi mhux tat-triq, immaniġġjar aħjar tal-flussi tat-traffiku permezz ta’ sistemi tat-trasport intelliġenti, u innovazzjoni estensiva u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda ta’ propulsjoni u ta’ navigazzjoni u fjuwils alternattivi. Dan jeħtieġ li jiġi appoġġjat b’disinn ta' infrastruttura moderna u koerenti u pprezzar aktar intelliġenti għall-użu tal-infrastruttura. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw ukoll kif it-tassazzjoni fuq il-fjuwil u l-vetturi tista' tintuża biex tappoġġja t-tnaqqis tal-gass serra fis-settur tat-trasport skont il-proposta tal-Kummissjoni dwar it-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija.[18]

Fuq livell internazzjonali, l-UE għandha tipparteċipa b’mod attiv fi ħdan l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili bil-għan li sal-2016, jinħoloq mekkaniżmu globali bbażat fuq is-suq fis-settur tal-avjazzjoni li se jitħaddem mill-2020. Dwar l-emissjonijiet marittimi, il-Kummissjoni se timplimenta l-istrateġija tagħha biex tintegra s-settur fil-politiki tal-UE għat-tnaqqis tal-gass serra[19], u taħdem mal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali dwar approċċ globali sabiex jinkiseb it-tnaqqis meħtieġ fl-emissjonijiet permezz tal-miżuri l-aktar xierqa.

4.2         Il-biedja u l-użu tal-art

Is-setturi tal-agrikoltura, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija jservu objettivi multipli bħall-produzzjoni tal-ikel, l-għalf, il-materja prima u l-enerġija, itejbu l-kwalità tal-ambjent u jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni u l-adattament tal-klima. Is-setturi flimkien, it-tnejn jipproduċu emissjonijiet kif ukoll ineħħu l-gass serra mill-atmosfera. Pereżempju, l-emissjonijiet huma assoċjati mal-produzzjoni tal-bhejjem u l-użu tal-fertilizzant waqt li l-ġestjoni tal-bwar jew il-miżuri tal-agroforestrija jistgħu jneħħu s-CO2 mill-atmosfera.

Attwalment, dawn l-emissjonijiet u l-assorbimenti huma ttrattati f’partijiet differenti tal-politika tal-UE dwar it-tibdil fil-klima. L-emissjonijiet non-CO2 mill-agrikoltura huma ttrattati fid-Deċiżjoni dwar il-Qsim tal-Isforz filwaqt li l-emissjonijiet u l-assorbimenti tas-CO2 marbuta mal-użu tal-art u l-forestrija huma esklużi mill-mira ta' tnaqqis domestiku tal-UE imma huma kkunsidrati taħt l-impenji internazzjonali. Biex jiġi żgurat li s-setturi kollha jikkontribwixxu b’mod kosteffettiv għall-isforzi ta' mitigazzjoni, l-agrikoltura, l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija għandhom jiġu inklużi l-mira tat-tnaqqis tal-GHG għall-2030. Se titwettaq analiżi ulterjuri bil-għan li tivvaluta l-potenzjal tal-mitigazzjoni u l-aħjar approċċ ta’ politika li jista', pereżempju, juża Deċiżjoni futura dwar il-Qsim tal-Isforz li tirregola l-emissjonijiet tal-GHG non-ETS jew pilastru espliċitu separat, jew taħlita tat-tnejn.  Il-miżuri ta’ politika ta’ akkumpanjament għandhom jibnu wkoll fuq l-esperjenzi mit-“titjib ekoloġiku” taħt il-Politika Agrikola Komuni u jiżguraw koerenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni.

4.3         Qbid u Ħżin tad-Diossidu tal-Karbonju (CCS)

L-emissjonijiet tal-gass serra mill-industriji tal-UE li jagħmlu użu intensiv mill-karbonju u l-enerġija jridu jitnaqqsu b’mod sinifikanti biex ikunu kompatibbli ma’ l-objettiv fit-tul tal-GHG tal-UE. Peress li qed jintlaħqu l-limiti teoretiċi tal-effiċjenza u l-emissjonijiet relatati mal-proċess huma inevitabbli f’xi setturi, is-CCS jista’ jkun l-unika għażla disponibbli biex inaqqsu emissjoni diretta mill-proċessi industrijali fuq l-iskala kbira meħtieġa fuq medda itwal ta’ żmien. L-isforzi akbar tar-R&Ż u d-dimostrazzjoni kummerċjali tas-CCS huma, għalhekk, essenzjali matul l-għaxar snin li ġejjin sabiex ikun tista’ tiġi implimentata matul il-perjodu tal-2030.  Se jkun meħtieġ qafas  ta’ appoġġ tal-UE permezz tat-tkomplija u t-tisħiħ tal-użu ta' dħul mill-irkanti.

Fis-settur tal-enerġija, is-CCS tista’ sservi ta’ teknoloġija ewlenija għall-ġenerazzjoni bbażata fuq il-fjuwils fossili li tista’ tipprovdi kemm kapaċità ta' tagħbija bażi kif ukoll dik ta' bilanċ f’sistema tal-elettriku varjabbli b’sehem akbar ta’ enerġija rinnovabbli. L-Istati Membri b’riżervi ta' fossili u/jew b'sehem għoli ta' fjuwils fossili fit-taħlita tagħhom tal-enerġija għandhom jappoġġjaw lis-CCS permezz tal-istadju ta’ qabel il-kummerċjalizzazzjoni sabiex iraħħsu l-kostijiet u jippermettu l-iskejrament kummerċjali sa nofs id-deċennju li jmiss. Dan għandu jinkludi l-iżvilupp ta’ infrastruttura adegwata ta' ħżin u trasport ta' CO2 li tista' tibbenefika minn finanzjament tal-UE bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u kwalunkwe suċċessur potenzjali.

4.4         Innovazzjoni u finanzjament

Skont il-Qafas tal-2020, il-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija (Pjan SET) żied l-investimenti fl-R&Ż madwar l-Unjoni minn EUR 3,2 għal EUR 5,4 biljun fis-sena u qiegħed miexi bi progress lejn pjan direzzjonali uniku u integrat biex jiggwida investimenti futuri. Għall-perjodu 2014-2020, l-Unjoni qed iżżid l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp marbuta mal-enerġija u l-klima taħt Orizzont 2020, il-programm ġdid tal-Unjoni dwar ir-riċerka u innovazzjoni, kważi EUR 6 biljun se jkunu ddedikati għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u teknoloġiji sikuri, nodfa u b’livell baxx ta’ karbonju u għal bliet u komunitajiet intelliġenti. Se jkunu disponibbli wkoll fondi miżjuda għall-istrumenti finanzjarji, partenarjati bejn il-pubbliku u l-privat u proġetti tal-SMEs.

Madankollu, l-UE se jkollha tkompli żżid l-isforzi tagħha fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni biex tappoġġja l-qafas ta' wara l-2020 dwar il-klima u l-enerġija. Għandhom jibdew diġà r-riflessjonijiet, li jibnu fuq il-progress taħt il-Pjan SET attwali, dwar kif inhu l-aħjar mod li dan isir u x’għandhom ikunu l-prijoritajiet. Enfasi partikolari għandha tkun dwar l-aċċellerazzjoni ta' tnaqqis tal-kostijiet u l-kummerċjalizzazzjoni ta' teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju (l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, u proċessi industrijali b’livell baxx ta’ karbonju minn firxa ta’ setturi). Dan għandu jiffoka fuq żieda fl-iskala tal-investimenti f’dimostraturi fuq skala kbira, li jistimulaw id-domanda għal teknoloġiji innovattivi, u jiżguraw oqfsa regolatorji xierqa madwar is-suq uniku. L-evidenza turi li hu mistenni tnaqqis fil-kostijiet ta’ bejn 30 u 80 % hekk kif jimmaturaw it-teknoloġiji tal-enerġija l-ġodda.

Dawn l-attivitajiet jistgħu jinvolvu l-użu tad-dħul iġġenerat permezz tal-ETS biex jiffinanzjaw proġetti ta’ dimostrazzjoni b’livell baxx ta’ karbonju li jkopru, pereżempju, l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, u billi jiġi attirat aktar investiment privat permezz tal-Bank Ewropew tal-Investiment. Pjanijiet direzzjonali b’livell baxx ta’ karbonju elaborati mis-setturi industrijali wrew ħtieġa ċara għall-iżvilupp u dimostrazzjoni ta’ skala kbira ta’ proċessi industrijali innovattivi b’livell baxx ta’ karbonju, kif ukoll valur miżjud għoli ġdid għal prodotti b’livell baxx ta’ karbonju. Skont il-politiki tal-Unjoni tal-innovazzjoni u dawk industrijali, se jiġi esplorat il-kunċett ta’ sistema NER300 estiża bħala mezz biex id-dħul mill-ETS jiġi dirett lejn id-dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi b’livell baxx ta’ karbonju fl-industrija u setturi tal-ġenerazzjoni tal-enerġija. Sehem mid-dħul tal-irkant għandu jintuża wkoll biex jinċentiva aktar miżuri ta’ mitigazzjoni tal-GHG, pereżempju l-ingranaġġ ta konverġenza u konsistenza ta’ skemi ta’ inċentivi nazzjonali dwar l-enerġija rinnovabbli, jew għall-estensjoni tal-interkonnessjonijiet u l-użu ta’ grilji intelliġenti, b'iffokar fuq dawk l-Istati Membri li għandhom anqas kapaċità biex jinvestu.

Huwa ċar li hemm opportunitajiet konsiderevoli għall-Istati Membri skont il-programmi l-ġodda tal-Unjoni maqbula biex jippromwovu l-enerġija rinnovabbli u għat-titjib fil-livelli minimi ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Finanzjament tal-UE matul il-perjodu mill-2014 sal-2020 huwa disponibbli taħt il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, fejn twarrab minimu ta’ EUR 23 biljun għall-Objettiv Tematiku “Bidla lejn ekonomija b’użu baxx tal-karbonju” . Dan jirrappreżenta żieda sinifikanti fl-appoġġ tal-UE għal skjerament massiv ta' soluzzjonijiet ta' enerġija rinnovabbli, effiċjenza fl-użu tal-enerġija u trasport urban b'użu baxx ta’ karbonju u ta’ grilji intelliġenti fl-UE. Għandu jkun hemm enfasi ħafna aktar b’saħħitha fuq l-istrutturar u l-iskjerar ta’ strumenti finanzjarji ġodda (jew rikapitalizzazzjoni ta' dawk eżistenti) , li se jrawmu l-fiduċja tal-investitur sabiex il-finanzi pubbliċi jkunu jistgħu jintużaw biex jiġi attirat il-kapital mis-settur privat b’mod aktar effettiv.

Madankollu, jeħtieġ li jibdew riflessjonijiet dwar l-istrumenti li se jkunu meħtieġa għall-perjodu ta' wara l-2020 biex jiġu indirizzati kwistjonijiet relatati mal-klima u l-enerġija inklużi l-implikazzjonijiet tal-kostijiet differenti għall-Istati Membri kif deskritt fit-taqsima 2.1. Se jkun ukoll importanti li wieħed jiżviluppa inġinerija finanzjarja biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament tal-SMEs. Strumenti bħal dawn għandhom ukoll jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jinvestu u jisfruttaw l-opportunitajiet b’livell baxx ta’ karbonju kif huwa l-każ attwalment bl-inizjattiva tal-Unjoni bliet intelliġenti li se tappoġġa bliet u reġjuni fit-teħid ta’ miżuri ambizzjużi u innovattivi lejn tnaqqis ta’ 40 % tal-emissjonijiet ta’ gass serra fl-2020 permezz tal-użu u l-produzzjoni sostenibbli tal-enerġija.[20]

5.           Kuntest internazzjonali

Il-qafas ġdid tal-2030 għandu jqis is-sitwazzjoni internazzjonali attwali u l-iżviluppi previsti. Ix-xenarju tal-enerġija għaddej minn bidliet kbar. Huwa ċar li fil-perjodu sal-2030 id-domanda għall-enerġija fid-dinja se tiżdied, b’mod partikolari fl-Asja, b’żieda kbira mistennija tal-importazzjonijiet tal-idrokarburi f’pajjiżi bħaċ-Ċina u l-Indja. Hu mistenni li t-tkabbir fid-domanda tal-enerġija jintlaħaq parzjalment permezz tal-iżvilupp ta’ riżorsi ġodda li huma possibbli permezz ta’ avvanzi teknoloġiċi (deep offshore, tekniki msaħħa tal-irkupru, riżorsi mhux konvenzjonali) u d-diversifikazzjoni ġeografika relatata ta' produzzjoni u rotot ta’ kummerċ (notevolment għall-Gass Naturali Likwifikat). Il-flussi tal-kummerċ tal-enerġija u l-prezzijiet tal-enerġija huma profondament affettwati minn dawn l-iżviluppi u se jkollhom konsegwenzi għall-UE minħabba d-dipendenza għolja tagħha fuq l-importazzjonijiet. Fl-istess waqt, il-globalizzazzjoni tal-flussi tal-enerġija u ż-żieda fil-varjetà ta’ atturi internazzjonali qed joħolqu momentum biex jiġi żviluppat approċċ ġdid lejn il-governanza tal-enerġija bbażata fuq ir-regoli madwar id-dinja.

L-isforzi min-naħa tal-imsieħba internazzjonali tal-Unjoni li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra huma mħallta. In-natura “minn isfel għal fuq" tal-proċess tal-wegħdiet li sar f'Copenhagen-Cancun kien pass’ il quddiem sinifikanti, għalkemm inadegwat, lejn reġim iktar inklużiv, li ra liċ-Ċina, l-Indja, il-Brażil, l-USA, l-UE u aktar minn 100 pajjiż ieħor (li jirrappreżentaw iktar minn 80 % tal-emissjonijiet globali) jimpenjaw ruħhom b’mod kollettiv għal politiki speċifiċi tal-klima. B’mod ġenerali, madankollu, l-azzjoni dwar il-klima kienet frammentata u mfassla apposta għal kundizzjonijiet ekonomiċi speċifiċi. Tmienja u tletin pajjiż żviluppat, inkluża l-UE, l-Istati Membri u l-Islanda, ħadu l-impenji legalment vinkolanti tal-emissjonijiet għat-tieni perjodu taħt il-Protokoll ta’ Kyoto li jammontaw għal tnaqqis medju ta’ mill-inqas 18 % taħt il-livelli tal-1990. Filwaqt li dan huwa wieħed aktar milli skont l-ewwel perjodu ta’ impenn, il-Ġappun, New Zealand u l-Federazzjoni Russa ma għamlux impenji ġodda.

Kaxxa 3: Progress internazzjonali għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gass serra. Fl- 2012, l-emissjonijiet globali tad-diossidu tal-karbonju żdiedu b'1,1 % għalkemm b’rata li kienet aktar baxxa miż-żieda medja annwali ta’ 2,9 % matul l-aħħar għaxar snin. L-ikbar emittenti tas-CO2 issa huma taċ-Ċina (29 % tal-emissjonijiet globali), l-Istati Uniti (16 %), l-UE (11 %), l-Indja (6 %), il-Federazzjoni Russa (5 %) u l-Ġappun (3,8 %). Mill-1990, l-emissjonijiet tas-CO2 fiċ-Ċina, kibru b’mod ċar b’madwar 290 % u b’madwar 70 % mill-2005. L-emissjonijiet ras għal ras issa huma bejn wieħed u ieħor fuq l-istess livell ta’ dawk tal-UE b’madwar 7 tunnellati. Fl-2012, l-emissjonijiet tal-Istati Uniti tas-CO2 naqsu b’4 % u niżlu b’iktar minn 12 % mill-2005 'l hawn.  L-emissjonijiet per capita huma, madankollu, ħafna ogħla b'16,4 tunnellata fl-2012. It-tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet huwa l-aktar dovut għall-isfruttament tal-gass shale domestiku li wassal għall-ispustjar tal-faħam fis-settur tal-ġenerazzjoni tal-enerġija. L-emissjonijiet fl-Indja kibru b'6,8 % fl-2012, b'53 % mill-2005 sal-2012 u b’200 % mill-1990 għalkemm l-emissjonijiet ras għal ras għadhom ferm iżgħar milli fl-UE b’anqas minn 2 tunnellati.  L-emissjonijiet tal-Ġappun baqgħu l-istess matul il-perjodu 2005 sa 2012, iżda żdiedu mill-1990, u kulma jmur telgħin il fuq. Il-Ġappun reċentement qasqas b’mod sinifikanti l-pjanijiet tiegħu li jnaqqas il-gassijiet serra sal-2020 fil-kuntest ta’ rieżami tal-politika tal-enerġija wara l-inċident nukleari ta' Fukishima. L-Awstralja u l-Kanada għamlu l-istess.

Iċ-Ċina issa, flimkien mal-UE, hi l-akbar investitur fl-enerġija rinnovabbli u nediet sensiela ta’ sistemi reġjonali ta' skambju ta' kwoti tal-emissjonijiet li jkopru l-akbar reġjuni ekonomiċi bil-għan li tiġi żviluppata sistema nazzjonali b'enfasi primarja fuq it-tniġġis lokali tal-arja u s-sigurtà tal-enerġija. L-Istati Uniti rat l-emissjonijiet tal-GHG jonqsu b’konformità mal-mira tagħha li tnaqqas bi 17 % sal-2020 meta mqabbla mal-2005, misjuqa mhux biss minn bidla mill-faħam għall-gass iżda wkoll mit-tisħiħ tal-istandards tas-CO2 għall-karozzi, żieda fl-iskjerament tar-rinnovabbli, u minn settur privat attiv li jinvesti ħafna fit-teknoloġiji ġodda u l-innovazzjoni. Il-Brażil għamel progress biex iwaqqaf id-deforestazzjoni fuq skala kbira. Filwaqt li fil-preżent l-UE hi fuq quddiem nett fit-teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju, ekonomiji ewlenin u oħrajn li qed jikbru malajr identifikaw interess strateġiku biex jikkompetu f’dawn is-swieq ġodda. L-ambizzjoni mġedda tal-klima u l-enerġija se tippermetti lill-Ewropa biex iżomm il-vantaġġ ta' pjunier tagħha f'dawn is-swieq globali li qed jikbru malajr.

Kollox ma' kollox, għad hemm distakk sinjifikanti fl-ambizzjoni bejn l-azzjonijiet ippjanati ta' mitigazzjoni u dak li hemm bżonn biex jillimita lit-tempertatura globali milli titla' anqas minn 2°C[21]. Għal din ir-raġuni, il-Partijiet tal-UNFCCC, fl-2011 nedew proċess immirat biex jikkonkludu ftehim internazzjonali ġdid f’Pariġi f’Diċembru tal-2015 li jkun applikabbli għall-partijiet kollha u jkopri l-perjodu ta’ wara l-2020. Il-Partijiet għandhom ikunu lesti biex iressqu l-kontribuzzjonijiet tagħhom sal-ewwel kwart tal-2015 biex ikun hemm ħin biżżejjed għal diskussjoni u valutazzjoni kontra l-għan miftiehem li tiġi limitata ż-żieda fit-temperatura globali għal inqas minn 2°C. L-Unjoni għandha tkun lesta li tagħmel il-parti tagħha u tieħu aktar azzjonijiet ambizzjużi biex tnaqqas l-emissjonijiet tagħha ta’ gassijiet serra u biex tippromwovi l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Huwa fl-interess tagħna stess li nagħmlu dan iżda għandna nistiednu lill-imsieħba internazzjonali tagħna biex jagħmlu l-istess u biex jingħaqdu fl-isfida gobali tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.  Azzjoni internazzjonali akbar tgħin ukoll biex tiġi sostnuta l-kompetittività fit-tul tal-bażi industrijali tal-Unjoni.

6.           Il-Passi li Jmiss

Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-elementi ewlenin ta’ qafas ġdid għall-2030 dwar il-klima u l-enerġija għandu jinkludi l-mira għat-tnaqqis tal-gass b’effett serra fil-livell tal-UE li jinqasam b’mod ġust fost l-Istati Membri fil-forma ta’ miri nazzjonali vinkolanti; riforma tas-Sistema għan-Negozjar ta' Emissjonijiet; mira fil-livell tal-UE għas-sehem tal-enerġija rinnovabbli u proċess Ewropew ġdid ta’ governanza għall-politiki dwar l-enerġija u l-klima bbażati fuq il-pjanijiet tal-Istati Membri għall-enerġija kompetittiva, sikura u sostenibbli. L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija se tkompli jkollha rwol sinjifikanti fit-twettiq tal-objettivi tal-Unjoni tal-klima u l-enerġija u dan se jkun is-suġġett ta’ rieżami li għandu jiġi konkluż iktar tard fl-2014.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jiftiehmu sa tmiem l- 2014, li l-UE għandha twiegħed tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass serra ta’ 40 % minn kmieni fl-2015 bħala parti min-negozjati li jikkonkludu f’Pariġi f’Diċembru 2015. l-Unjoni għandha wkoll tkun ippreparata li tikkontribwixxi b’mod pożittiv għas-summit ospitat mis-Segretarju Ġenerali tan-NU f’Settembru 2014. 

Il-Kummissjoni tistieden ukoll lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex japprovaw mira fil-livell tal-UE li sal-2030 is-sehem tal-enerġija rinnovabbli li għandha tiġi kkunsmata fl-UE jkun mill-inqas ta' 27 % u dan għandu jitwettaq  permezz ta’ impenji ċari deċiżi mill-Istati Membri nfushom, sostnuti minn mekkaniżmi msaħħa ta’ twettiq u indikaturi fil-livell tal-UE.

Il-Kummissjoni tistieden ukoll lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex japprovaw l-approċċ tal-Kummissjoni għall-politika tal-ġejjieni dwar il-klima u l-enerġija u l-proposta tagħha biex tistabbilixxi sistema ta' governanza ssimplifikata iżda effettiva għat-twettiq tal-objettivi tal-klima u l-enerġija.

[1]               Id-dejta tal-Eurostat dwar is-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali.

[2]               Tibdil fil-Klima 2013: Il-Bażi tax-Xjenza Fiżika; Grupp ta' Ħidma I tal-IPCC; Sommarju għal Dawk li Jfasslu l-Politika, Ottubru 2013.

[3]               COM(2013) 169: Green Paper dwar qafas għal politiki tal-klima u tal-enerġija sal-2030

[4]               COM(2011) 885 Pjan Direzzjonali tal-Enerġija 2050; COM(2011) 112 Pjan Direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050.

[5]               http://ec.europa.eu/energy/consultations/20130702_green_paper_2030_en.htm

[6]               COM(2011) 885

[7]               COM(2014) 14

[8]               Is-settur tal-ETS ikopri 11,000 stallazzjoni fissa involuti fil-ġenerazzjoni u l-manifattura tal-enerġija u li huma utenti sinjifikanti tal-enerġija.

[9]               COM(2012) 595

[10]             COM(2013) 17

[11]             COM(2013) 659

[12]             COM(2014) 20

[13]             C(2013) 7243

[14]             http://ec.europa.eu/competition/consultations/2013_state_aid_environment/index_mt.html

[15]             COM(2014) 21; SWD(2014) 19; SWD(2014) 20.

[16]             COM(2014) 23, C(2014) 267

[17]             COM(2011) 144

[18]             COM(2011) 169

[19]             COM (2013) 479

[20]             http://setis.ec.europa.eu/set-plan-implementation/technology-roadmaps/european-initiative-smart-cities

[21]             UNEP: Ir-Rapport tal-2013 dwar id-Distakk tal-Emissjonijiet