19.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 271/87


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Ir-riformi strutturali tal-banek tal-UE u t-trasparenza fl-ibbankjar parallel

2014/C 271/15

Relatur

:

Is-Sur Kool (NL/PSE), Membru tal-Eżekuttiv Muniċipali tal-Aja

Dokumenti ta' referenza

:

Proposti għal regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar:

Miżuri strutturali li jtejbu r-reżiljenza ta' istituzzjonijiet ta' kreditu tal-UE

COM(2014) 43 final

Ir-rapportar u t-trasparenza ta' tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli

COM(2014) 40 final

I.   PUNTI ĠENERALI

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jikkooperaw mill-qrib mal-istituzzjonijiet bankarji biex jiffinanzjaw il-proġetti fil-perjodu medju u fit-tul tagħhom. Peress li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma responsabbli għal żewġ terzi tal-investiment pubbliku kollu fl-UE u peress li fl-2011 biss dan irrappreżenta EUR 179 biljun jew 1,4 % tal-PDG tal-UE, aktar mill-baġit kollu tal-Unjoni (1 %), huwa evidenti li r-reżiljenza tal-banek hija ta' interess primordjali għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u li r-riforma attwali tar-regolamentazzjoni bankarja ser ikollha impatt qawwi fuqhom;

2.

il-politika u x-xjenza ekonomika jappoġġjaw b'mod mifrux il-fehma li s-superviżjoni tal-banek u l-monitoraġġ tar-riformi jkunu aktar effettivi jekk jiġu implimentati fil-livell Ewropew milli fil-livell nazzjonali;

3.

jilqa' r-Regolamenti tal-Kummissjoni dwar il-miżuri strutturali li jtebju r-reżiljenza tal-istituzzjonijiet ta' kreditu tal-UE u dwar ir-rapportar u t-trasparenza ta' tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli; jenfasizza li huwa ta' importanza kruċjali li jkun evitat il-ħolqien ta' piżijiet regolatorji u amminstrattivi;

4.

madankollu jiddispjaċih li l-kamp ta' applikazzjoni u l-ambizzjoni tas-suġġerimenti li saru mill-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli, maħtur mill-Kummissjoni fi Frar 2012, tnaqqsu b'mod konsiderevoli; jinnota li l-proposti ftit li xejn ser ikollhom impatt fuq il-banek immirati, meta wieħed iqis b'mod partikolari li Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit diġà adottaw riformi nazzjonali simili (1);

Is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità

5.

jinnota li ż-żewġ Abbozzi ta' Regolamenti ppreżentati mill-Kummissjoni għandhom l-għan li jarmonizzaw ċerti regoli intiżi biex isaħħu l-qafas regolatorju dwar l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji. Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mifruxa bejn l-entitajiet immirati u r-riskju sistemiku li jistgħu jirrappreżentaw, dawn ir-regolamenti jistgħu biss jiġu implimentati fil-livell tal-Unjoni Ewropea. Il-KtR għalhekk jemmen li l-bażi legali (l-Artikolu 114 tat-TFUE) hija korretta u li l-proposta leġislattiva hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

II.A.    Rakkomandazzjonijiet komuni

Ir-rwol tal-banek fil-finanzjament tal-iżvilupp lokali

6.

itenni l-importanza tal-kreditu għall-finanzjament tal-investiment pubbliku mill-awtoritajiet lokali u reġjonali fi proġetti ta' interess ġenerali bħall-infrastruttura, ir-riċerka u l-edukazzjoni; josserva li dawn l-investimenti jirrappreżentaw sehem sostanzjali tan-nefqa pubblika u huma vitali għat-tkabbir u l-benesseri taċ-ċittadini;

7.

jenfasizza l-ispeċifiċità tas-self ikkuntrattat mill-awtoritajiet lokali u reġjonali. L-awtoritajiet lokali u reġjonali bl-ebda mod ma jistgħu jiġu assimilati mal-konsumaturi privati jew kummerċjali u n-natura, l-ammonti u l-perjodu ta' dan is-self għalhekk jirrikjedu għarfien espert speċifikament immirat mill-banek;

8.

jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-banek speċjalizzati lokali, reġjonali u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp u l-finanzjament tar-reġjuni u l-muniċipalitajiet. Dawn jiżguraw appoġġ fundamentali għall-iżvilupp ekonomiku lokali billi jappoġġjaw lill-SMEs, l-assoċjazzjonijiet u l-ekonomija soċjali;

9.

jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea jipproteġu u jsaħħu l-mudell kummerċjali lokali ta' intrapriżi mutwi, kooperattivi u istituzzjonijiet ta' tfaddil, speċjalment il-banek iż-żgħar li jaqdu rwol essenzjali fl-ekonomija reali bis-saħħa tal-preżenza densa u bbilanċjata tagħhom fil-komunitajiet lokali u reġjonali;

10.

ma jaqbilx mal-espansjoni sproporzjonata u mhux ikkontrollata ta' xi banek lokali u reġjonali li pperikolaw b'mod serju ħafna l-ekonomiji tat-territorji tal-oriġini tagħhom minħabba akkwisti ta' assi tossiċi;

Konsegwenzi tal-kriżi tal-kreditu fuq l-iżvilupp lokali

11.

jinnota tnaqqis fil-provvista ta' self mill-banek lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huwa espress mhux biss f'volumi iżgħar u marġnijiet ogħla iżda wkoll fi tnaqqis inkwetanti fit-tul tas-self; dan jista' jirrifletti ċirku vizzjuż fejn il-banek universali jnaqqsu l-involviment tagħhom fl-ekonomija reali u għaldaqstant ikun aktar probabbli li jieħdu sehem f'attivitajiet bankarji “paralleli” u ta' negozjar;

12.

jinsab imħasseb dwar id-differenza sostanzjali fir-rata tal-imgħax bejn ir-rata tal-bank tal-BĊE (0,25 % minn Novembru 2013) u r-rati offruti mill-banek lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, fid-dawl tal-fatt li din id-differenza mhijiex ibbażata fuq valutazzjoni oġġettiva tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-lokalità kkonċernata, filwaqt li r-riskju ta' inadempjenza jibqa' relattivament baxx;

13.

iqis li dawn il-kundizzjonijiet ta' sikkatura jagħmlu pressjoni konsiderevoli fuq il-baġits tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u jagħmluha dejjem aktar diffiċli biex dawn l-awtoritajiet jibbilanċjaw il-baġits tagħhom, jiksbu kapaċità ta' assorbiment tajba u jiffinanzjaw proġetti fit-tul li jgħinu biex jipprovdu għat-tkabbir u l-impjieg;

14.

għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, fi stadju sussegwenti, proposta leġislattiva biex jiġu introdotti miżuri effettivi li jindirizzaw il-kriżi tal-kreditu għall-SMEs u l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

Strumenti finanzjarji maħruġa mill-awtoritajiet lokali u reġjonali

15.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li xi awtoritajiet lokali u reġjonali joħorġu strumenti finanzjarji bħall-bonds bħala mezz biex jiffinanzjaw l-attivitajiet u l-politiki tagħhom;

16.

jiddeplora l-fatt li xi banek ħeġġew lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jixtru prodotti finanzjarji tossiċi u kumplessi fi proporzjonijiet eċċessivi, waqt li kienu jafu sew ir-riskji involuti; jenfasizza li, minħabba nuqqas ta' għarfien espert adatt, il-biċċa l-kbira tal-awtoritajiet lokali u reġjonali m'għandhomx l-għarfien tekniku meħtieġ biex jifhmu kompletament dawn il-prodotti; għalhekk jiddispjaċih li l-piż li jirriżulta mill-falliment ta' dawn l-assi jaqa' kompletament fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-kontribwenti tagħhom;

17.

jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea jħeġġu lill-banek jadottaw approċċ komprensiv, ġust u resposabbli fil-konfront tal-awtoritajiet lokali u reġjonali meta jkunu qed jagħtuhom pariri dwar ir-riskji li jiġġarrbu; jitlob ukoll li jiġu żviluppati strumenti finanzjarji sempliċi u trasparenti għall-awtoritajiet lokali u reġjonali b'termini u kundizzjonijiet definiti b'mod ċar meta jiġi ffirmat il-kuntratt; jitlob li dawn l-istrumenti joffru rati leġġibbli sabiex ikun hemm trasparenza fil-proċess demokratiku tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

II.B.    Miżuri strutturali li jtejbu r-reżiljenza ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-UE

18.

jaqbel mal-għan li jissaħħu l-istabbiltà u r-reżiljenza tal-banek billi jiġi projbit in-negozjar proprjetarju u tiġi provduta l-kapaċità biex jiġu separati l-attivitajiet ta' negozjar riskjużi;

19.

jappoġġja l-objettivi, kif iddikjarat fl-Artikolu 1, tal-prevenzjoni tar-riskju sistemiku, l-istress finanzjarju u l-falliment ta' entitajiet interkonnessi, kumplessi u kbar fis-sistema finanzjarja;

20.

jistieden lill-Kummissjoni teżamina jekk huwiex possibbli li l-applikazzjoni ta' regoli simili tiġi estiża għall-banek ta' kull daqs, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-piż u l-ispejjeż amministrattivi, peress li tali inizjattivi jistgħu jagħmlu lill-banek iżgħar aktar siguri wkoll;

21.

jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni għall-projbizzjoni tan-negozjar proprjetarju fl-istrumenti finanzjarji u l-materja prima, jiġifieri l-kummerċ bi skop purament ta' profitt għall-bank fid-dawl tal-fatt li d-Direttiva dwar is-swieq ta' strumenti finanzjarji (COM(2011) 0656) (l-hekk imsejħa MiFiD II) ma tindirizzax b'mod speċifiku n-negozjar propjetarju. Il-ħruġ ta' dawn l-istrumenti għandu jkun strettament riżervat għall-operaturi tas-suq li kapaċi juru li dawn il-prodotti ser jintużaw biex ikopru r-riskji kummerċjali jew industrijali tagħhom stess. Inkella jkun hemm ir-riskju kemm ta' tfixkil tar-rwol bejn l-attivitajiet ta' konsulenza u ta' investiment tal-banek, u b'hekk effett ta' inċentiva lejn iżjed spekulazzjoni u volatilità ta' prezzijiet, kif ukoll riskji sistemiċi għas-sistema bankarja;

22.

jinsab imħasseb dwar il-kummerċ ta' frekwenza għolja li jista' joħloq riskji serji għas-sistema bankarja u jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jimplimentaw miżuri effettivi biex jirregolaw dan il-qasam;

Separazzjoni tal-attivitajiet ta' negozjar

23.

itenni li l-kamp ta' applikazzjoni tal-Proposta għal Regolament tnaqqas b'mod konsiderevoli peress li l-Istati Membri diġà adottaw regoli nazzjonali ta' natura simili jew qed jikkunsidraw jadottawhom u li r-rakkomandazzjonijiet tal-grupp Liikanen tnaqqsu notevolment;

24.

jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata uniformità fil-livell tal-UE f'settur li huwa daqstant integrat, sabiex il-piż ta' konformità u l-ispejjeż jibqgħu kemm jista' jkun minimi, jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni u jiġu prevenuti distorsjonijiet fil-kompetizzjoni u t-tħaddim tas-suq intern f'dan is-settur;

25.

jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li dawn ir-regoli jkunu soġġetti għal reviżjoni wara li jiġu implimentati u jitlob li ssir investigazzjoni bir-reqqa tar-riperkussjonijiet negattivi potenzjali, b'mod partikolari fuq il-finanzjament tal-ekonomija reali fil-bliet u r-reġjuni tal-UE;

26.

jiddubita jekk il-fatt li d-deċiżjoni dwar is-separazzjoni ta' ċerti attivitajiet ta' negozjar tikkonsisti f'test ristrett huwiex ser jipprovdi mezzi legali biżżejjed biex jinkisbu l-objettivi ġenerali tar-regolament u jekk ikunx aħjar kieku dawn ġew indirizzati permezz ta' test usa' li jinkludi l-objettivi kollha;

27.

għandu dubji dwar l-effikaċja tal-approċċ estremament kumpless adottat li, minn naħa, jista' jagħmilha diffiċli u ta' spiża biex tiġi valutata u monitorjata l-implimentazzjoni tar-regoli u, min-naħa l-oħra, jippermetti eżenzjonijiet mir-regolament u opportunitajiet għat-twettiq ta' arbitraġġ regolatorju;

28.

jiddeplora l-kamp ta' applikazzjoni mnaqqas tal-applikazzjoni tal-abbozz ta' regolament u prinċipalment l-esklużjoni tan-negozjar tad-derivattivi mill-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Fil-fatt, hemm tħassib li n-negozjar ċ spekulattiv eċċessiv qed iwassal għal swieq kbar wisq u qed joħloq distorsjonijiet fis-suq finanzjarju kif ukoll fl-ekonomija reali. Dawn id-distorsjonijiet jistgħu jwasslu għall-ipprezzar ħażin fis-swieq tad-derivattivi tal-komoditajiet agrikoli, tal-enerġija u tal-metalli, li huma essenzjali għall-ekonomija lokali u reġjonali;

29.

jistieden lill-Kummissjoni teskludi s-sistemi ta' pussess tat-titoli fil-perjodu twil (l-hekk imsejħa xiri u żamma) mid-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 5.4 tar-Regolament dwar il-miżuri strutturali li jtejbu r-reżiljenza ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-UE, peress li huma parti mill-attivitajiet bankarji ewlenin;

Il-prinċipju ta’ simetrija

30.

jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-prinċipju ta' simetrija fil-mekkaniżmi ta' riżoluzzjoni bankarja tagħha. Dan ifisser li l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni bankarja jingħataw il-possibbiltà li jġiegħlu lill-kredituri iġarrbu t-telf, bl-istess mod kif jibbenefikaw minn kwalunkwe qligħ; dan għandu japplika b'mod ugwali għat-tipi kollha ta' kredituri;

II.C.    Ir-rapportar u t-trasparenza ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli

31.

jappoġġja r-Regolament dwar ir-rapportar u t-trasparenza ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli u jidentifika dawn il-miżuri bħala komplementari għar-riformi strutturali tal-banek li huma essenzjali biex timtela lakuna legali li diġà ġiet identifikata;

32.

jirrikonoxxi li jinħtieġu r-regolamenti minħabba l-konnessjonijiet mill-qrib bejn il-banek tradizzjonali u s-sistemi bankarji paralleli u l-fatt li dawn tal-aħħar iwettqu l-istess funzjonijiet ekonomiċi bħall-banek, jiġifieri: intermedjazzjoni kreditizja, trasferiment tar-riskju ta' kreditu, trasformazzjoni ta' maturità u likwidità, mingħajr kontrolli adegwati;

33.

iħeġġeġ lill-BĊE, lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Istati Membri jissoktaw b'mod intensiv l-isforzi tagħhom biex jiżguraw li jiksbu informazzjoni biżżejjed u komprensiva dwar is-sistemi bankarji paralleli. L-informazzjoni hija l-fattur ewlieni li għandu jippermetti li l-awtoritajiet pubbliċi jkunu jistgħu jirreaġixxu b'mod suffiċjenti huma u jirregolaw is-sistema, minkejja r-ritmu frenetiku tal-evoluzzjoni u t-tentattivi biex tiġi evitata l-liġi;

Ir-reġistrazzjoni u s-superviżjoni ta' repożitorju tat-tranżazzjonijiet

34.

jilqa' l-proposta tal-obbligu ta' rapportar tat-tranżazzjonijiet kollha f'bażi tad-data komuni u jqis li dan ser jgħin biex jittejbu l-monitoraġġ tar-riskji u l-iżvelar b'rabta ma' tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli; jilqa' l-fatt li dawn il-miżuri ser ukoll itejbu t-trasparenza għall-investituri u jipprovdulhom għodda biex jagħmlu deċiżjonijiet ta' investiment ibbażati fuq sensibilizzazzjoni akbar tal-karatteristiċi tat-tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli;

It-trasparenza tar-riipotekazzjoni

35.

jappoġġja l-istabbiliment ta' kundizzjonijiet minimi li ser itejbu t-trasparenza tar-riipotekazzjoni billi jiġi żgurat li l-klijenti jagħtu l-kunsens tagħhom u li jagħmlu d-deċiżjonijiet tagħhom waqt li jkunu jafu bis-sħiħ ir-riskji li dawn jistgħu joħolqu;

III.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU EMENDI

III.A.    Miżuri strutturali li jtejbu r-reżiljenza ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-UE COM(2014) 43

Emenda 1

Premessa ġdida wara Premessa 21

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

Il-ħruġ u l-bejgħ ta' strumenti finanzjarji marbuta mal-kummerċ ta' materja prima għandu jkun strettament riżervat għall-konsumaturi li kapaċi juru li dawn il-prodotti ser jintużaw biex ikopru r-riskji kummerċjali jew industrijali tagħhom stess.

Raġuni

Emenda 2

Premessa ġdida wara Premessa 24

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

Il-każ tal-kummerċ ta' frekwenza għolja jqajjem tħassib partikolari peress li jidher li jista' jisparixxi mill-ewwel u li xi negozji ma jikkunsidrawx ir-riskji bis-serjetà li jistħoqqilhom meta joħorġu, b'mod kostanti u mill-ewwel, algoriżmi ta' kummerċ ġodda u traskurati. In-nuqqas ta' dixxiplina ta' xi atturi li jiddependu minn partijiet interessati kummerċjali oħra biex jikkompensaw għall-kummerċ żbaljat tagħhom jew għall-algoriżmi li ma jistgħux jiġu kkontrollati juri li l-ġestjoni tar-riskju għadu essenzjali biex il-banek jiġu protetti minn użu ħażin tal-prodotti tagħhom stess u b'hekk jobbliga lill-awtoritajiet pubbliċi jieħdu azzjoni. L-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeċiedu li jimponu aktar miżuri simili regolatorji biex jikkontrollaw dan is-suq.

Raġuni

Evidenti.

Emenda 3

Premessa 27

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Il-gruppi li jikkwalifikaw bħala impriżi mutwali, istituzzjonijiet ta' tfaddil jew gruppi simili għandhom struttura ekonomika u ta' sjieda speċifika. L-imponiment ta' wħud mir-regoli relatati mas-separazzjoni jista' jkun jeħtieġ li jkun hemm bidliet profondi fl-organizzazzjoni strutturali ta’ dawn l-entitajiet li l-kosti tagħhom jistgħu ma jkunux proporzjonati mal-benefiċċji. Sakemm dawn il-gruppi jaqgħu taħt l-ambitu tar-Regolament, l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li tippermetti li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu prinċipali li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 49(3)(a) jew (b) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 iżommu strumenti kapitali jew drittijiet tal-vot f’entità ta' negozjar fejn l-awtorità kompetenti tqis li ż-żamma ta’ dawn l-istrumenti kapitali jew id-drittijiet tal-vot tkun indispensabbli għall-funzjonament tal-grupp u li l-istituzzjoni ta' kreditu prinċipali tkun ħadet biżżejjed miżuri sabiex jittaffew b’mod xieraq ir-riskji rilevanti.

Il-gruppi li l-mudelli kummerċjali tagħhom huma min-natura tagħhom jikkwalifikaw bħala impriżi mutwali, kooperattivi jew istituzzjonijiet ta' tfaddil jew gruppi simili għandhom struttura ekonomika u ta' sjieda speċifika. L-imponiment ta' wħud mir-regoli relatati mas-separazzjoni jista' jkun jeħtieġ li jkun hemm bidliet profondi fl-organizzazzjoni strutturali ta’ dawn l-entitajiet li l-kosti tagħhom jistgħu ma jkunux proporzjonati mal-benefiċċji. Sakemm dawn il-gruppi jaqgħu taħt l-ambitu tar-Regolament, l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li tippermetti li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu prinċipali li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 49(3)(a) jew (b) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 iżommu strumenti kapitali jew drittijiet tal-vot f’entità ta' negozjar fejn l-awtorità kompetenti tqis li ż-żamma ta’ dawn l-istrumenti kapitali jew id-drittijiet tal-vot tkun indispensabbli għall-funzjonament tal-grupp u li l-istituzzjoni ta' kreditu prinċipali tkun ħadet biżżejjed miżuri sabiex jittaffew b’mod xieraq ir-riskji rilevanti.

Raġuni

Huwa importanti li jiġi żgurat li dawn l-istituzzjonijiet ma jinħbewx wara l-istatuti tagħhom biex jipprattikaw attivitajiet li mhumiex effettivi fl-ekonomija reali, u b'hekk idgħajfu l-għanijiet tal-Proposta għal Regolament.

Emenda 4

Premessa 29

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Irrispettivament mis-separazzjoni, l-istituzzjoni ta' kreditu prinċipali għandha xorta tkun kapaċi timmaniġġja r-riskju tagħha stess. Għaldaqstant, ċerti attivitajiet ta' negozjar għandhom jiġu permessi sal-punt li jkunu mmirati lejn immaniġġjar prudenti tal-kapital, il-likwidita u l-finanzjament tal-istituzzjoni ta’ kreditu prinċipali u ma joħolqux tħassib għall-istabbiltà finanzjarja tagħha. B’mod simili, jeħtieġ li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu prinċipali jkunu jistgħu jipprovdu ċerti servizzi meħtieġa ta’ mmaniġġjar tar-riskji lill-klijenti tagħhom. Madankollu, dan għandu jsir mingħajr ma l-istituzzjoni ta’ kreditu prinċipali tiġi esposta għal riskji bla bżonn u mingħajr ma jinħoloq tħassib għall-istabbiltà finanzjarja tagħha. L-attivitajiet tal-iħħeġġjar eliġibbli għall-fini ta’ mmaniġġjar b’mod prudenti tar-riskju proprju u għall-provvediment ta’ servizzi ta' mmaniġġjar tar-riskju għall-klijenti jistgħu, iżda ma għandhomx għalfejn, jikkwalifikaw bħala kontabilità għall-iħħeġġjar skont l-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju.

Irrispettivament mis-separazzjoni, l-istituzzjoni ta' kreditu prinċipali għandha xorta tkun kapaċi timmaniġġja r-riskju tagħha stess. Għaldaqstant, ċerti attivitajiet ta' negozjar għandhom jiġu permessi sal-punt li jkunu mmirati lejn immaniġġjar prudenti tal-kapital, il-likwidita u l-finanzjament tal-istituzzjoni ta’ kreditu prinċipali u ma joħolqux tħassib għall-istabbiltà finanzjarja tagħha. B’mod simili, jeħtieġ li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu prinċipali jkunu jistgħu jipprovdu ċerti servizzi meħtieġa ta’ mmaniġġjar tar-riskji lill-klijenti tagħhom. Madankollu, dan għandu jsir mingħajr ma l-istituzzjoni ta’ kreditu prinċipali tiġi esposta għal riskji bla bżonn u mingħajr ma jinħoloq tħassib għall-istabbiltà finanzjarja tagħha. Barra minn hekk, b'konformità mal-prinċipju ta' simetrija, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jingħataw il-possibbiltà li jġiegħlu lill-kredituri iġarrbu t-telf, bl-istess mod kif jibbenefikaw minn kwalunkwe qligħ. L-attivitajiet tal-iħħeġġjar eliġibbli għall-fini ta’ mmaniġġjar b’mod prudenti tar-riskju proprju u għall-provvediment ta’ servizzi ta' mmaniġġjar tar-riskju għall-klijenti jistgħu, iżda ma għandhomx għalfejn, jikkwalifikaw bħala kontabilità għall-iħħeġġjar skont l-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju.

Raġuni

Evidenti

Emenda 5

Artikolu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar:

(a)

il-projbizzjoni ta’ negozjar proprjetarju;

(b)

is-separazzjoni ta’ ċerti attivitajiet ta' negozjar.

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar:

(a)

il-projbizzjoni ta' negozjar proprjetarju;

(b)

il-projbizzjoni tal-ispekulazzjoni fil-materja prima;

(b) (c)

is-separazzjoni ta’ ċerti attivitajiet ta' negozjar.

Raġuni

Emenda 6

Artikolu 5(4)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

“negozjar proprjetarju” tfisser l-użu ta’ kapital proprju jew flus mislufa biex jittieħdu pożizzjonijiet f’kull tip ta’ tranżazzjoni biex jinxtraw, jinbiegħu jew jiġu akkwistati jew ċeduti mod ieħor kwalunkwe strument finanzjarju jew komodità għall-iskop uniku li jkun hemm qligħ għall-kont proprju, u mingħajr kwalunkwe konnessjoni mal-attività tal-klijenti attwali jew antiċipata jew għall-fini ta’ ħħeġġjar tar-riskju tal-entità bħala riżultat ta’ attività tal-klijenti attwali jew antiċipata, permezz tal-użu ta’ uffiċċji, unitajiet, diviżjonijiet jew negozjanti individwali iddedikati speċifikament għal dan it-teħid ta' pożizzjonijiet u qligħ, anke permezz ta' pjattaformi ta' negozjar proprjetarji ddedikati u bbażati fuq l-Internet;

“negozjar proprjetarju” tfisser l-użu ta’ kapital proprju jew flus mislufa biex jittieħdu pożizzjonijiet f’kull tip ta’ tranżazzjoni biex jinxtraw, jinbiegħu jew jiġu akkwistati jew ċeduti mod ieħor kwalunkwe strument finanzjarju jew komodità għall-iskop uniku li jkun hemm qligħ fil-perjodu qasir għall-kont proprju, u mingħajr kwalunkwe konnessjoni mal-attività tal-klijenti attwali jew antiċipata jew għall-fini ta’ ħħeġġjar tar-riskju tal-entità bħala riżultat ta’ attività tal-klijenti attwali jew antiċipata, permezz tal-użu ta’ uffiċċji, unitajiet, diviżjonijiet jew negozjanti individwali iddedikati speċifikament għal dan it-teħid ta' pożizzjonijiet u qligħ, anke permezz ta' pjattaformi ta' negozjar proprjetarji ddedikati u bbażati fuq l-Internet;

Raġuni

Peress li s-sistemi ta' pussess ta' titoli fil-perjodu twil (l-hekk imsejħa xiri u żamma) huma parti mill-attivitajiet bankarji ewlenin, għandhom jiġu esklużi mid-definizzjoni mogħtija.

Emenda 7

Artikolu 5(4)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

l-ispekulazzjoni f'materja prima” permezz ta' negozjar propjetarju mill-banek tfisser l-użu ta' negozjar ta' kuntratti futuri għall-iskop uniku ta' profitt; dan jeskludi attivitajiet diretti jew indiretti bejn il-produtturi u l-konsumaturi li jistgħu juru li dawn il-prodotti ser jintużaw biex ikopru riskji kummerċjali jew industrijali;

Emenda 8

Artikolu 6(1)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

1.   Entitajiet imsemmija fl-Artikolu 3 ma:

1.   Entitajiet imsemmija fl-Artikolu 3 ma:

(a)

jinvolvux ruħhom f’negozjar proprjetarju;

(a)

jinvolvux ruħhom f’negozjar proprjetarju;

(b)

bil-kapital proprju tagħhom jew flus mislufa u għall-iskop uniku li jagħmlu profitt għall-kont proprju:

(b)

spekulazzjoni f'materja prima agrikola;

(b) (c)

bil-kapital proprju tagħhom jew flus mislufa u għall-iskop uniku li jagħmlu profitt għall-kont proprju:

(i)

jakkwistaw jew iżommu unitajiet jew ishma ta’ AIFs kif definiti fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/61/UE;

(ii)

jinvestu f’derivattivi, ċertifikati, indiċi jew kwalunkwe strument finanzjarju ieħor li l-prestazzjoni tiegħu tkun marbuta ma’ ishma jew unitajiet ta’ AIFs;

(iii)

iżommu unitajiet jew ishma f’entità li timpenja ruħha f’negozju proprjetarju jew li jakkwista unitajiet jew ishma f’AIFs.

(i)

jakkwistaw jew iżommu unitajiet jew ishma ta’ AIFs kif definiti fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/61/UE;

(ii)

jinvestu f’derivattivi, ċertifikati, indiċi jew kwalunkwe strument finanzjarju ieħor li l-prestazzjoni tiegħu tkun marbuta ma’ ishma jew unitajiet ta’ AIFs;

(iii)

iżommu unitajiet jew ishma f’entità li timpenja ruħha f’negozju proprjetarju jew li jakkwista unitajiet jew ishma f’AIFs.

Raġuni

Relatata mal-emenda 2.

Emenda 9

Artikolu 6(2)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

2.   Il-projbizzjonijiet fil-punt (a) tal-paragrafu 1 ma japplikawx għal:

2.   Il-projbizzjonijiet fil-punt (a) tal-paragrafu 1 ma japplikawx għal:

(a)

strumenti finanzjarji maħruġa minn gvernijiet ċentrali ta’ Stati Membri jew minn entitajiet elenkati fil-punt (2) tal-Artikolu 117 u l-Artikolu 118 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(a)

strumenti finanzjarji maħruġa minn gvernijiet ċentrali ta’ Stati Membri, strumenti finanzjarji maħruġa mill-gvernijiet reġjonali tal-Istati Membri, li l-iskoperturi għalihom ikunu assenjati ponderazzjoni tar-riskju ta' 0 fil-mija skont l-Artikolu 115 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jew minn entitajiet elenkati fil-punt (2) tal-Artikolu 117 u l-Artikolu 118 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(b)

sitwazzjoni fejn entità msemmija fl-Artikolu 3 tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(b)

sitwazzjoni fejn entità msemmija fl-Artikolu 3 tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(i)

hija tuża l-kapital proprju tagħha bħala parti mill-proċessi ta' mmaniġġjar ta' flus;

(ii)

hija esklużivament tixtri, tbigħ jew takkwista mod ieħor jew tiddisponi minn flus jew assi ekwivalenti ta' flus. L-assi ekwivalenti ta’ flus iridu jkunu investimenti likwidi ħafna miżmuma fil-munita bażi ta’ kapital proprju, ikunu konvertibbli faċilment għal ammont magħruf ta’ flus, ikunu soġġetti għal riskju insinifikanti ta’ tibdil fil-valur, ikollhom maturità li ma taqbiżx it-397 jum u jipprovdu redditu mhux akbar mir-rata ta’ redditu ta' bonds tal-gvern ta’ kwalità għolja ta’ tliet xhur.

(i)

hija tuża l-kapital proprju tagħha bħala parti mill-proċessi ta' mmaniġġjar ta' flus;

(ii)

hija esklużivament tixtri, tbigħ jew takkwista mod ieħor jew tiddisponi minn flus jew assi ekwivalenti ta' flus. L-assi ekwivalenti ta’ flus iridu jkunu investimenti likwidi ħafna miżmuma fil-munita bażi ta’ kapital proprju, ikunu konvertibbli faċilment għal ammont magħruf ta’ flus, ikunu soġġetti għal riskju insinifikanti ta’ tibdil fil-valur, ikollhom maturità li ma taqbiżx it-397 jum u jipprovdu redditu mhux akbar mir-rata ta’ redditu ta' bonds tal-gvern ta’ kwalità għolja ta’ tliet xhur.

Raġuni

M'hemm l-ebda raġuni oġġettiva għala l-istrumenti finanzjarji maħruġa mill-gvernijiet ċentrali jiġu trattati b'mod differenti minn dawk maħruġa mill-gvernijiet reġjonali tal-Istati Membri, li l-iskoperturi għalihom ikunu assenjati ponderazzjoni ta’ riskju ta’ 0 fil-mija skont l-Artikolu 115 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Emenda 10

Artikolu 6(4) (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

4.   Il-limitazzjonijiet stabbiliti fil-punt (b) tal-paragrafu 1 mhux ser japplikaw għall-operaturi tas-suq li jkunu jistgħu juru li n-negozjar tagħhom ta' materja prima agrikola ser jintuża biex ikopri riskji kummerċjali jew industrijali;

Raġuni

Relatata mal-emenda 2.

Emenda 11

Artikolu 6(6)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

6.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 36 biex teżenta mill-projbizzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1:

(a)

strumenti finanzjarji oħrajn għajr dawk imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 2 maħruġa mill-gvernijiet ta’ pajjiżi terzi li japplikaw arranġamenti superviżorji u regolatorji tal-inqas ekwivalenti għal dawk applikati fl-Unjoni, li l-iskoperturi għalihom ikunu assenjati ponderazzjoni ta’ riskju ta’ 0 fil-mija skont l-Artikolu 115 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(b)

strumenti finanzjarji maħruġa minn gvernijiet reġjonali tal-Istati Membri, li l-iskoperturi għalihom ikunu assenjati ponderazzjoni ta’ riskju ta’ 0 fil-mija skont l-Artikolu 115 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

6.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 36 biex teżenta mill-projbizzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1:

(a)

strumenti finanzjarji oħrajn għajr dawk imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 2 maħruġa mill-gvernijiet ta’ pajjiżi terzi li japplikaw arranġamenti superviżorji u regolatorji tal-inqas ekwivalenti għal dawk applikati fl-Unjoni, li l-iskoperturi għalihom ikunu assenjati ponderazzjoni ta’ riskju ta’ 0 fil-mija skont l-Artikolu 115 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;.

(b)

strumenti finanzjarji maħruġa minn gvernijiet reġjonali tal-Istati Membri, li l-iskoperturi għalihom ikunu assenjati ponderazzjoni ta’ riskju ta’ 0 fil-mija skont l-Artikolu 115 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Raġuni

M'hemm l-ebda raġuni oġġettiva għala l-istrumenti finanzjarji maħruġa mill-gvernijiet ċentrali jiġu trattati b'mod differenti minn dawk maħruġa mill-gvernijiet reġjonali tal-Istati Membri, li l-iskoperturi għalihom ikunu assenjati ponderazzjoni ta’ riskju ta’ 0 fil-mija skont l-Artikolu 115 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

III.B.    Ir-rapportar u t-trasparenza ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli – COM(2014) 40

Emenda 1

Premessa ġdida wara Premessa 12

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

Barra minn hekk, peress li t-tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli jistgħu jinbiegħu direttament lill-SMEs, lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u lill-individwi permezz ta' strumenti finanzjarji, huwa indispensabbli li l-entitajiet bankarji u l-entitajiet bankarji paralleli jadottaw approċċ komprensiv, ġust u responsabbli fil-konfront ta' dawn il-korpi meta jkunu qed jagħtuhom parir dwar ir-riskji li jiġġarrbu.

Raġuni

Peress li huma involuti partijiet interessati sofistikati, l-SMEs, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-individwi jistgħu jkunu direttament involuti f'dawn it-tipi ta' strumenti. Il-provvista ta' informazzjoni tajba hija rwol ewlieni għall-banek u għall-entitajiet li jistgħu jaqdu l-istess rwol bħall-banek.

Brussell, 26 ta' Ġunju 2014

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Michel LEBRUN


(1)  Dawn it-tliet pajjiżi għandhom 16 mit-30 l-akbar bank tal-UE ikklassifikati skont l-assi totali (ir-regolament ikopri madwar 30 bank).