14.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 230/77


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-White Paper – Lejn kontroll aktar effettiv tal-fużjonijiet tal-UE”

(COM(2014) 449 final)

(2015/C 230/12)

Relatur:

is-Sur Mendoza CASTRO

Nhar is-16 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-White Paper – Lejn kontroll aktar effettiv tal-fużjonijiet tal-UE

COM(2014) 449 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-19 ta’ Novembru 2014.

Matul il-503 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta’ Diċembru 2014 (seduta tal-10 ta Diċembru 2014), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’137 vot favur, vot 1 (wieħed) kontra u astensjoni 1 (waħda).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-White Paper peress li ssaħħaħ wieħed mill-pilastri tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u tissemplifika l-proċeduri.

1.2.

F’din il-White Paper, il-Kummissjoni tfittex li jkun hemm bilanċ bejn l-interess pubbliku li timtela lakuna fis-sistema regolatorja u l-interess tal-intrapriżi li l-ispejjeż jibqgħu fl-iżjed livell baxx possibbli. Madankollu, għandu jiġi evitat li l-ambitu wiesa’ tal-emendi għar-Regolament dwar il-fużjonijiet ikun jikkontradixxi dan. Għandu jitqies ukoll il-benefiċċju li l-fużjonijiet jirrappreżentaw għall-intrapriżi.

1.3.

Abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-prattika amministrattiva, il-KESE jissuġġerixxi li t-teorija tal-ħsara li fuqha tissejjes il-White Paper:

(a)

tikkonsisti fl-identifikazzjoni kif dovut ta’ kif il-kompetizzjoni, u għaldaqstant eventwalment il-konsumaturi, tista’ ssirilhom ħsara;

(b)

tkun koerenti internament;

(c)

tikkunsidra l-benefiċċji li jimmotivaw il-partijiet kollha; u

(d)

tkun konsistenti (jew, tal-inqas, ma tkunx kontradittorja) mal-evidenza empirika.

1.4.

Il-KESE jirrakkomanda li, fil-qafas regolatorju l-ġdid, jitqiesu wkoll ir-riperkussjonijiet soċjali, b’mod partikolari l-impjieg u l-kapaċità kompetittiva tal-intrapriżi fis-swieq dinjija.

1.5.

Fil-fehma tal-Kumitat, fis-sistema ta’ trasparenza “fil-mira” proposta mill-Kummissjoni, dawn il-kunċetti għandhom jiġu ċċarati kif imiss: “kompetitur” skont il-kriterju applikat fil-miżuri tal-antitrust; “kumpanija relatata b’mod vertikali” (jiġi kkunsidrat l-iffissar ta’ livelli limitu); in-natura tar-relazzjonijiet b’mod li l-akkwiżizzjonijiet tal-parteċipazzjonijiet ikunu “sinifikattivi” u l-każ tal-gruppi korporattivi b’attivitajiet f’firxa ta’ setturi.

1.6.

Il-KESE huwa tal-fehma li għandha tinżamm ir-reputazzjoni prestiġjuża tas-sistema tal-kontroll tal-fużjonijiet fl-UE u, saħansitra, tissaħħaħ.

1.7.

Filwaqt li huwa minnu li l-White Paper hija pass fit-triq it-tajba, għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li tadotta approċċ iżjed wiesa’ fid-dawl tat-tibdil li seħħ f’dawn l-aħħar 25 sena (żieda fil-każijiet u fl-awtoritajiet ta’ kontroll) u tal-ħtiġijiet tal-ekonomija Ewropea fis-seklu 21.

1.8.

Attwalment, jeżistu 28 awtorità ta’ kontroll fl-UE (31 jekk wieħed iqis iż-ŻEE kollha kemm hi) u l-kriterji li jħaddnu mhumiex uniformi. Għaldaqstant, il-KESE jissuġġerixxi li l-White Paper tiġi kkunsidrata mill-ġdid b’mod li tħaddan:

l-armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Istati Membri;

analiżi mill-ġdid tal-esiġenzi fil-qasam tan-notifiki obbligatorji; u

iżjed progress lejn sistema ta’ “punt ta’ kuntatt waħdieni”.

1.9.

Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon it-tibdil proċedurali mħabbar fil-White Paper. Dan it-tibdil jikkonċerna:

is-semplifikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-rinviju ta’ qabel in-notifika mill-Istati Membri lill-Kummissjoni;

it-tneħħija tal-hekk imsejjaħ “element ta’ awtoinkriminazzjoni” fir-rinviji ta’ qabel in-notifika mill-Kummissjoni lill-Istati Membri; u

tibdil tar-rinviji ta’ wara n-notifika mill-Istati Membri lill-Kummissjoni.

1.9.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll il-miżuri għas-semplifikazzjoni tal-proċeduri, li huma kontinwazzjoni ta’ dawk introdotti mill-“pakkett tas-semplifikazzjoni” tal-2013, b’mod partikolari fil-każ tal-impriżi konġunti (joint ventures) lil hinn miż-ŻEE.

2.   Il-kontenut tal-White Paper

2.1.

F’din il-White Paper, għaxar snin wara r-reviżjoni radikali tar-Regolament tal-2004 dwar il-fużjonijiet (1), il-Kummissjoni tqis kif it-test sostantiv ta’ “tfixkil sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva” (SIEC – significant impediment of effective competition) ġie applikat u tagħti perspettiva dwar kif jista’ jkompli jippromovi konverġenza u kooperazzjoni akbar bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Hija tressaq ukoll proposti għal emendi speċifiċi mmirati sabiex jagħmlu l-kontroll tal-UE tal-fużjonijiet aktar effettiv.

2.2.

L-ewwel nett tipproponi l-iżgurar li r-Regolament dwar il-fużjonijiet jindirizza s-sorsi kollha ta’ ħsara possibbli lill-kompetizzjoni u, għalhekk, anke lill-konsumaturi, ikkawżati minn fużjonijiet jew ristrutturar korporattiv, inklużi dawk li jirriżultaw minn akkwiżizzjonijiet ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji mhux kontrollanti.

2.3.

It-tieni nett, għandha l-għan li tikseb kooperazzjoni iżjed mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (“ANK”) u tqassim xieraq tal-kompiti fil-qasam tal-kontroll tal-fużjonijiet, b’mod partikolari billi jiġu ssemplifikati r-regoli għat-trasferiment ta’ każijiet ta’ fużjonijiet mill-Istati Membri lill-Kummissjoni u viċi versa.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-White Paper peress li r-riformi proposti għandhom l-għan li jsaħħu wieħed mill-pilastri tal-politika tal-kompetizzjoni u, fuq kollox, peress li tinkludi miżuri li jikkontribwixxi għas-semplifikazzjoni tal-proċeduri.

3.2.

Il-Kummissjoni ssejjes il-proposta ċentrali tal-White Paper – li testendi s-setgħat tagħha b’mod li jiġi inkluż ukoll il-kontroll tal-parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji antikompetittivi – fuq il-fatt li r-Regolament (KE) Nru 139/2004 jista’ jiġi applikat biss meta l-fużjonijiet jikkostitwixxu “bidla fil-kontroll fuq bażi dewwiema” (Artikolu 3(1)), li mhuwiex il-każ hawnhekk. Barra minn hekk, il-Kumitat huwa tal-fehma li l-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE waħedhom ma jikkostitwixxux bażi legali adegwata biżżejjed biex jiġi trattat il-każ tal-parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji.

3.3.

B’mod ġenerali, permezz ta’ din il-White Paper, il-Kummissjoni tfittex li jkun hemm bilanċ bejn l-interess pubbliku li timtela lakuna fis-sistema regolatorja tal-fużjonijiet korporattivi u l-interess tal-intrapriżi li l-ispejjeż ammimnistrattivi jibqgħu fl-iżjed livell baxx possibbli.

3.4.

Madankollu, fil-fehma tal-KESE, għandu jiġi żgurat li l-ambitu wiesa’ tal-proposti fil-forma attwali tagħhom ma jwassalx fil-fatt għal żieda fl-ispejjeż. Iżda dan għandu jiġi vvalutat fid-dawl tal-benefiċċji li l-intrapriżi jiksbu mid-dispożizzjonijiet ġodda.

3.5.

Il-KESE huwa tal-fehma wkoll li jeħtieġ li ċerti aspetti tal-White Paper jiġu ċċarati biex jiġi żgurat li r-riżultat ma jmurx kontra l-intenzjoni li jiġi ffaċilitat il-kontroll tal-fużjonijiet mingħajr ma jiżdiedu l-ispejjeż amministrattivi.

3.6.

Il-qafas biex jiġu vvalutati l-operazzjonijiet tal-fużjonijiet stabbilit fil-White Paper huwa t-“teorija tal-ħsara”, li l-Kummissjoni inkludiet sa mill-2002 wara li esperjenzjat tfixkil ġudizzjarju (2). It-teorija tal-ħsara titlob li l-applikazzjoni tagħha:

(a)

tikkonsisti fl-identifikazzjoni dovuta ta’ kif il-kompetizzjoni, u għaldaqstant eventwalment il-konsumaturi, tista’ ssirilhom ħsara;

(b)

tkun koerenti internament;

(c)

tikkunsidra l-benefiċċji li jimmotivaw lill-partijiet kollha; u

(d)

tkun konsistenti (jew, tal-inqas, ma tkunx kontradittorja) mal-evidenza empirika (3).

3.6.1.

Dawn il-prinċipji – li huma appoġġjati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-prattika amministrattiva tal-Kummissjoni (4) – għandhom japplikaw ukoll għall-każijiet ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji.

3.7.

Peress li l-White Paper tipproponi li jiġu estiżi b’mod sostanzjali s-setgħat tal-Kummissjoni, il-KESE jirrakkomanda li l-analiżi tal-proċeduri tal-fużjonijiet iqisu wkoll ir-riperkussjonijiet soċjali u, b’mod iżjed speċifiku, dawk marbutin mal-impjieg.

4.   L-UE teħtieġ Żona Ewropea tal-Fużjonijiet li jissodisfa l-ħtiġijiet tas-suq intern fis-seklu 21

4.1.

Is-sistema tal-kontroll tal-fużjonijiet tal-Unjoni Ewropea kisbet reputazzjoni tajba tul is-snin u sservi bħala mudell f’kontinenti oħra. Fil-fehma tal-KESE, huwa importanti li tinżamm din ir-reputazzjoni u, saħansitra, tissaħħaħ.

4.2.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta fil-White Paper li tittejjeb il-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-ANK u titwitta t-triq għal Żona Ewropea tal-Fużjonijiet li tiffaċilita t-trattament uniformi tal-fużjonijiet u tikkontribwixxi għaċ-ċertezza legali. Madankollu, jeħtieġ li l-miżuri proposti jmorru lil hinn mir-riformi ad hoc fir-Regolament u, minflok, issir reviżjoni iżjed wiesa’ tas-sistema attwali ta’ kontroll.

4.3.

F’dawn l-aħħar 25 sena, żdied b’mod konsiderevoli l-kontroll tal-fużjonijiet fl-UE, filwaqt li l-intrapriżi Ewropej ukoll żdiedu f’dawk li huma daqs u firxa globali. Fl-1989, kien hemm biss tliet awtoritajiet nazzjonali kompetenti f’dan il-qasam; fl-2000, kien hemm 14, inkluża l-Kummissjoni; attwalment hemm 28 (jew 31, jekk ninkludu ż-ŻEE).

4.4.

Id-disparitajiet fir-regoli u l-kriterji ta’ applikazzjoni jirrappreżentaw piż addizzjonali għall-intrapriżi li, f’bosta każijiet, mhumiex meħtieġa: inqas minn 5 % tat-tranżazzjonijiet tal-fużjonijiet notifikati lill-Kummissjoni ġew stmati li kienu potenzjalment dannużi għall-kompetizzjoni (5). Is-sistema tal-kontroll għandha tagħmel il-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti kompatibbli mal-ħtieġa imperattiva għall-intrapriżi Ewropej li jikkompetu fis-swieq globali.

4.5.

Għalhekk, il-KESE jissuġġerixxi li l-White Paper tiġi kkunsidrata mill-ġdid, u tiġi inkluża f’qafas usa’ li jħaddan:

armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Istati Membri sabiex jiġu evitati d-dispariajiet fil-kriterji ta’ applikazzjoni;

analiżi mill-ġdid tal-esiġenzi fil-qasam tan-notifiki obbligatorji, ġaladarba l-esperjenza turi li, f’bosta każijiet, mhumiex meħtieġa; u

iżjed progress lejn sistema ta’ “punt ta’ kuntatt waħdieni” fid-dawl taż-żieda sostanzjali fl-għadd ta’ awtoritajiet ta’ kontroll.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.   Is-sistema ta’ trasparenza “fil-mira”

5.1.1.

Il-Kummissjoni qed tipproponi sistema ta’ trasparenza “fil-mira” abbażi ta’ żewġ kriterji kumulattivi bil-għan li jiġi stabbilit jekk teżistix il-ħtieġa obbligatorja tal-SIEC:

(a)

l-akkwiżizzjonijiet ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji f’kompetitur jew kumpanija relatata b’mod vertikali; u

(b)

ir-rabta titqies bħala “sinifikanti” jekk il-parteċipazzjoni azzjonarja tkun “madwar” 20 % jew bejn il-5 % u “madwar” l-20 %, iżda akkumpanjata minn fatturi oħrajn bħal drittijiet li jagħtu lill-akkwirent “minoranza li timblokka”de facto, siġġu fil-bord tad-diretturi, jew aċċess għal informazzjoni kummerċjalment sensittiva tal-mira.

5.1.2.

Il-KESE jissuġġerixxi li l-aspetti li ġejjin jiġu ċċarati meta jkunu qed jitfasslu l-emendi għar-Regolament:

L-ewwel nett, il-kunċett ta’ “kompetitur”, li għandu jiġi kkunsidrat mil-lat tad-definizzjoni applikabbli għall-miżuri tal-antitrust fi swieq ġeografikament distinti.

It-tieni nett, il-parametri li għandhom jiġu kkunsidrati għall-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “kumpanija relatata b’mod vertikali”. Għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jiġu stabbiliti limiti speċifiċi, fid-dawl tal-fatt li l-formula ġenerika tista’ twassal għal żieda konsidervoli fl-għadd ta’ noti ta’ informazzjoni esiġiti mir-Regolament.

It-tielet nett, in-natura legali li għandu jkollhom ir-rabtiet sabiex l-akkwiżizzjoni tal-parteċipazzjonijiet azzjonarji tkun ikkunsidrata “sinifikanti”.

Fl-aħħar nett, jekk l-analiżi tal-SIEC għandhiex tinkludi wkoll l-attivitajiet globali tal-gruppi korporattivi li joperaw f’setturi differenti tal-ekonomija.

5.2.   Is-semplifikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-rinviju ta’ qabel in-notifika mill-Istati Membri lill-Kummissjoni

5.2.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta li titneħħa l-proċedura attwali f’żewġ fażijiet esiġita mill-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 (sottomissjoni motivata segwita minn notifika) u tiġi sostitwita b’notifika diretta lill-Kummissjoni. In-numru baxx ħafna ta’ vetos li huma intitolati għalihom l-Istati Membri jiġġustifika dan it-tibdil li għandu jħaffef il-pass tal-proċeduri.

5.2.2.

Aspett pożittiv ieħor huwa l-proposta li jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni billi jiġi trasmess id-dokument inizjali ta’ informazzjoni mill-partijiet jew fil-każ ta’ talba għal allokazzjoni lill-Istati Membri sabiex ikunu konxji tat-tranżazzjoni matul il-kuntatti ta’ qabel in-notifika.

5.3.   Rinviji tal-Kummissjoni lill-Istati Membri qabel in-notifika

5.3.1.

Qed jiġi propost li jitneħħa mill-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 l-“element ta’ awtoinkriminazzjoni” li, permezz tiegħu, il-partijiet involuti f’fużjoni jew akkwist ta’ kontroll (takeover) jistgħu jressqu sottomissjoni motivata li tinforma lill-Kummissjoni li l-fużjoni tista’ taffettwa l-kompetizzjoni b’mod sinifikanti f’suq distint fi Stat Membru partikolari. Bis-saħħa tar-riforma, ikun biżżejjed li jintwera li t-tranżazzjoni probabbilment ikollha l-ikbar impatt tagħha fuq dan is-suq.

5.3.2.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li t-tneħħija ta’ dan ir-rekwiżit dissważiv jista’ jinkoraġġixxi l-użu ta’ din id-dikjarazzjoni volontarja, fehma li jaqbel magħha l-Kumitat.

5.4.   Rinviji mill-Istati Membri lill-Kummissjoni wara n-notifika

5.4.1.

Il-White Paper tipproponi li jiġi emendat l-Artikolu 22 tar-Regolament b’mod li biss dawk l-Istati Membri bil-kompetenza li jivvalutaw tranżazzjoni ta’ fużjoni (attwalment “wieħed jew aktar” jistgħu jagħmlu dan) ikunu jistgħu jiddeċiedu li jirreferuha quddiem il-Kummissjoni fi żmien ħmistax-il ġurnata ta’ xogħol u b’konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li taċċetta jew tirrifjuta talba ta’ rinviju. Jekk taċċetta t-talba, il-Kummissjoni jkollha ġurisdizzjoni fil-livell taż-ŻEE. Madankollu, jekk Stat Membru kompetenti wieħed jew iżjed kellhom jopponu r-rinviju (mingħajr ma jkunu obbligati jagħtu raġuni), il-Kummissjoni tirrinunċja l-ġurisdizzjoni fil-livell taż-ŻEE u l-Istati Membri jżommu tagħhom.

5.4.2.

Fil-fehma tal-KESE, għalkemm il-proposta tista’ tissemplifika l-proċeduri, l-effettività tagħha hija limitata peress li fi ħdan l-UE, il-Ġermanja, l-Awstrija u r-Renju Unit biss huma rikonoxxuti bħala li għandhom kompetenza fil-każ ta’ akkwiżizzjonijiet ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji minoritarji mhux kontrollanti.

5.4.3.

It-tibdil fir-rinviji ta’ wara n-notifika jinvolvu wkoll it-twessigħ tas-setgħat tal-Kummissjoni, li l-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon: jekk ma jkun hemm l-ebda oġġezzjoni minn Stati Membri oħra u l-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni, hija tkun responsabbli biex tanalizza mill-ġdid it-tranżazzjonijiet fiż-ŻEE kollha u mhux biss fit-territorju tal-Istat Membru ta’ referenza (sakemm l-awtorità ta’ Stat Membru ma tkunx diġà pproċessat it-tranżazzjoni fit-territorju tagħha qabel ma l-Kummissjoni tassumi r-responsabbiltà).

5.5.   Emendi oħra

5.5.1.

Wara l-adozzjoni tal-“pakkett tas-semplifikazzjoni” tal-2013 (6), il-White Paper qed tipproponi miżuri oħra bl-istess għan, li jistħoqqilhom l-approvazzjoni tal-KESE.

5.5.2.

L-iżjed importanti fost dawn il-miżuri hija l-intenzjoni li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament il-ftehimiet għat-twaqqif ta’ impriżi konġunti barra ż-ŻEE li ma għandhom l-ebda impatt fuq il-kompetizzjoni fi ħdan iż-ŻEE.

5.5.3.

Tissemma wkoll il-possibbiltà li l-Kummissjoni tingħata eżenzjoni min-notifika obbligatorja ta’ qabel għal ċerti kategoriji ta’ tranżazzjonijiet li normalment ma jaqilgħux problemi ta’ kompetizzjoni.

Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Regolament (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi – ĠU L 24, 29.1.2004.

(2)  B’mod partikolari, il-kawżi: T-342/99 Airtours plc v. Commission, 2002 E.C.R. II-2585; T-310/01 Schneider Electric SA v. Commission, 2002 E.C.R. II-4071; u T-5/02 Tetra Laval v. Commission, 2002 E.C.R. II-4381.

(3)  V. Hans Zenger u Mike Walker: “Theories of Harm in European Competition Law” http://papers.ssrn.com/sol3/papers.cfm?abstract_id=2009296

(4)  Kawża IV/M.938 Guinness/Grand Metropolitan (15.10.1997) u Kawża IV/M.1524 Airtours/First Choice (22.9.1999).

(5)  http://ec.europa.eu/competition/mergers/statistics.pdf

(6)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1269/2013 tal-5 ta’ Diċembru 2013, ĠU L 336, 14.12.2013, p. 1 u Avviż mill-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5; rettifika: ĠU C 11, 15.1.2014, p. 6.