15.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 12/69


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 604/2013 rigward id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ta' minuri mhux akkumpanjati mal-ebda membru tal-familja, aħwa jew qraba legalment preżenti fi Stat Membru”

(COM(2014) 382 final – 2014/0202 (COD))

(2015/C 012/11)

Relatur:

is-Sinjura Attard

Amministratur:

is-Sinjura Walentynowicz

Nhar it-3 ta' Lulju 2014, il-Parlament Ewropew iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 604/2013 rigward id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ta' minuri mhux akkumpanjati mal-ebda membru tal-familja, aħwa jew qraba legalment preżenti fi Stat Membru

COM(2014) 382 final – 2014/0202 (COD)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-30 ta' Settembru.

Matul il-502 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2014 (seduta tal-15 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'143 vot favur u vot 1.

1.   Rakkomandazzjonijiet u kunsiderazzjonijiet

1.1

Il-KESE jappoġġja l-proposta biex jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 604/2013. Madankollu, ostakli bħalma huma l-kumplessità tas-sistemi amministrattivi, ġudizzjarji u sistemi oħra fl-Istati Membri, in-nuqqas ta' informazzjoni, u l-biża' li jiġu rrappurtati, fost affarijiet oħra, iridu jiġu indirizzati biex jiġi żgurat li l-ebda tifel jew tifla ma jitħalla f'sitwazzjoni ta' inċertezza legali jew ta' apolidija.

1.2

Il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ li l-prinċipju ta' “l-aħjar interessi tat-tifel jew tifla” għandu jieħu preċedenza fuq kull liġi nazzjonali u internazzjonali oħra.

1.3

Il-KESE jinnota li l-proposta attwali ma tipprovdix kriterji dwar “kif” u “min” se jistabbilixxi “l-aħjar interessi tat-tifel jew tifla”. Din id-definizzjoni għandha ssegwi r-regoli u l-istandards tal-konvenzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem.

1.4

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-persunal li qed jittratta minuri mhux akkumpanjati għandu jkun imħarreġ sew biex jirrispetta d-drittijiet tat-tfal.

1.5

Sabiex jiġu evitati l-kunflitti ta' interess u jkun żgurat persunal kwalifikat, l-entità li tiddetermina l-aħjar interessi tat-tifel jew tifla għandha tkun entità indipendenti li mhix konnessa mal-awtoritajiet tal-immigrazzjoni. Preferibbilment għandha tkun l-entità nazzjonali responsabbli minn kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tat-tfal (1).

1.6

Il-KESE jenfasizza li l-waqfien mid-detenzjoni tat-tfal għandu jiġi indirizzat bħala prijorità urġenti, kemm jekk dawn ikunu akkumpanjati jew le, u irrispettivament taħt liema proċedura jaqgħu.

1.7

It-tfal mhux akkumpanjati u mifruda ma għandhom qatt jiġu rrifjutati d-dħul f'pajjiż, skont l-obbligi tan- non-refoulement li joħorġu mid-drittijiet tal-bniedem internazzjonali, id-dritt umanitarju u tar-refuġjati.

1.8

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi proċeduri uniformi u limiti ta' żmien adegwati u flessibbli għal każijiet li jirrigwardaw il-paragrafi 4b, 4c u 4d fl-iżgurar ta' ftehimiet bejn l-Istati Membri abbażi tal-aħjar interessi tat-tifel jew tifla.

1.9

Jeħtieġ li t-termini “jinforma” u “opportunità effettiva” jiġu definiti b'mod ċar biex ikun żgurat li l-minuri jkun assistit minn assistenti soċjali mħarrġa sew, interpreti indipendenti u rappreżentant kwalifikat li jaġixxi bħala kustodju legali sabiex il-minuri jifhem l-implikazzjonijiet tal-proċess kollu tal-preżentazzjoni ta' applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi kwalunkwe Stat Membru tal-UE.

1.10

Il-KESE jikkunsidra li kustodju legali għandu jkun “rappreżentant kwalifikat” li għandu jkollu esperjenza mal-minuri u għarfien dwar il-liġi nazzjonali dwar il-barranin u l-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni tat-tfal.

1.11

Il-KESE jħeġġeġ bis-sħiħ lill-Istati Membri biex jiżguraw li kwalunkwe proċedura ta' valutazzjoni tal-età tkun ibbażata fuq l-aħjar interess tal-minuri, bl-għan primarju li jiżguraw li l-minuri jingħataw id-drittijiet u l-protezzjoni li huma intitolati għalihom. Il-valutazzjoni għandha titwettaq fil-preżenza ta' kustodju legali.

1.12

Il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ li f'sitwazzjonijiet fejn il-minuri jsir adult waqt il-proċess biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli għall-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, l-età tal-persuna għandha tittieħed bħala dik fid-data tal-applikazzjoni inizjali.

1.13

Jeħtieġ li tiġi riveduta firxa ta' aġendi ta' politika tal-UE għall-protezzjoni ta' minuri mingħajr dokumenti f'sitwazzjoni ta' migrazzjoni (2). Dawn jinkludu r-regolarizzazzjoni bħala għodda ta' politika tal-migrazzjoni, l-infurmar u l-appoġġ għall-familji li m'għandhomx dokumenti, il-bini ta' bażi ta' data ta' evidenza, ir-reġistrazzjoni tat-twelid u l-protezzjoni tad-data kif ukoll id-dritt għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, is-servizzi tas-saħħa u l-akkomodazzjoni.

1.14

Il-KESE jqis li hemm il-ħtieġa għal definizzjoni aktar komprensiva ta' “tfal mhux akkumpanjati f'sitwazzjoni ta' migrazzjoni irregolari” biex tkopri d-diversi sitwazzjonijiet li jkunu ġraw fil-prattika u li mhumiex koperti mir-regolament propost.

1.15

Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-konsultazzjoni mal-esperti mis-soċjetà ċivili, il-professjonisti legali u l-prattikanti b'esperjenza fil-qasam tat-tfal migranti u jistenna bil-ħerqa li jikkollabora mal-Kummissjoni f'dan il-proċess.

2.   Sommarju tal-Proposta tal-Kummissjoni

2.1

F'din il-proposta l-Kummissjoni għandha l-għan li temenda l-Artikolu 8, paragrafu 4 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (minn hawn 'il quddiem: ir-Regolament ta' Dublin III).

2.2

Il-proposta saret fid-dawl tas-sentenza riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (3), li tikkjarifika liema Stat Membru huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjonijiet magħmula minn minuri mhux akkumpanjati. Din għandha ttejjeb is-sitwazzjoni ta' dawk il-minuri mhux akkumpanjati li ma għandhom l-ebda familja, aħwa jew qraba fit-territorju tal-Istati Membri.

2.2.1

Il-paragrafu 4a huwa tfassil mill-ġdid tas-sentenza tal-Qorti fil-kawża C-648/11 li tistabbilixxi li “meta l-minuri mhux akkumpanjat ma għandu l-ebda membru tal-familja, aħwa jew qraba legalment preżenti fi Stat Membru kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2, l-Istat Membru responsabbli jkun dak fejn il-minuri mhux akkumpanjat ikun iddepożita applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali u fejn jinsab preżenti, sakemm dan ikun fl-aħjar interess tal-minuri”.

2.2.2

Il-paragrafu 4b jindirizza sitwazzjoni meta minuri li jkun applika għall-protezzjoni internazzjonali kif imsemmi fil-paragrafu 4a hu preżenti fit-territorju ta' Stat Membru mingħajr ma jippreżenta applikazzjoni f'dak l-Istat Membru. Dak l-Istat Membru għandu jinforma lill-minuri mhux akkumpanjat bid-dritt li japplika u jipprovdilu opportunità effettiva biex jippreżenta applikazzjoni f’dak l-Istat Membru, sakemm dan ikun fl-aħjar interess tal-minuri.

2.2.3

B'hekk il-minuri għandu żewġ għażliet: jew japplika għall-protezzjoni internazzjonali f'dak l-Istat Membru jew ma japplikax.

2.2.4

Skont il-paragrafu 4c, f'dan l-aħħar każ, jiġifieri fil-każ ta’ minuri li jiddeċiedi li ma jippreżentax applikazzjoni ġdida fl-Istat Membru fejn ikun preżenti li mhijiex indirizzata bil-Kawża C-648/11, il-minuri għandu jiġi trasferit lill-Istat Membru fejn il-konsiderazzjoni tal-aħjar interessi tal-minuri tindika bħala l-aktar wieħed xieraq. Din ir-regola għandha l-għan li tiżgura li jkun hemm ċertezza biex jiġi stabbilit l-Istat Membru responsabbli, bl-introduzzjoni ta' regola li hija ċerta u prevedibbli u li l-proċedura ma tiħux fit-tul għal xejn. Il-garanziji għall-minuri previsti fl-Artikolu 6 tar-Regolament 604/2013 japplikaw għall-minuri kollha li huma soġġetti għall-proċeduri ta' dan ir-Regolament, iżda l-proposta tintroduċi wkoll, fil-paragrafu 4c, obbligu li l-Istat Membru mitlub biex jieħu lura persuna minuri mhux akkumpanjata jikkoopera mal-Istat Membru fejn il-minuri mhux akkumpanjat ikun preżenti sabiex jivvalutaw l-aħjar interessi tal-minuri.

3.   Kuntest

3.1

L-isfidi li jiffaċċjaw il-minuri mhux akkumpanjati huma diversi u kumplessi, u jirrikjedu approċċi multilaterali, komprensivi u olistiċi.

3.2

Il-KESE jirrakkomanda li kull tifel jew tifla għandhom jingħataw informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom adatti għall-età tagħhom, abbażi tal-Konvenzjoni rilevanti tan-NU, biex b'hekk ikun żgurat li l-minuri, b'mod speċjali l-minuri “inviżibbli” li m'huma qegħdin taħt l-ebda kura adegwata, jistgħu jingħataw is-setgħa li jfittxu protezzjoni.

3.3

Fl-2013, madwar 1 20  000 applikant għall-asil fl-UE kienu minuri, li jirrappreżentaw aktar minn kwart tal-għadd totali ta' applikanti għall-asil. 12  685 applikant għall-asil kienu minuri mhux akkumpanjati (4). Il-proporzjon ta' minuri mhux akkumpanjati li jitolbu l-asil fl-Ewropa baqgħet stabbli matul l-aħħar 10 snin b'madwar 5 % tan-numru totali ta' talbiet għall-asil magħmula fl-Ewropa.

3.4

L-istatus ta' “tfal mobbli” jista' jvarja f'diversi stadji waqt il-vjaġġ tagħhom, u dawn jistgħu jiltaqgħu ma’ ħafna sitwazzjonijiet differenti ta’ vulnerabbiltà (5), li kollha jridu jiġu indirizzati.

3.5

Dawn jistgħu jkunu qed jivvjaġġaw mal-familja tagħhom, jew b'mod indipendenti, jew ma' persuni mhux membri tal-familja, jew tħallew waħidhom wara li jkunu daħlu fit-territorju tal-Istat Membru. Il-ġenituri jew il-kuraturi ta' dawn it-tfal jistgħu wkoll ikunu bla dokumenti, pereżempju dawk li jkunu daħlu irregolarment jew baqgħu għal iktar żmien mill-permess ta' residenza jew tal-viżi bħala familja. Il-ġenituri jew il-kuraturi tagħhom jista' jkollhom ukoll status ta' migrazzjoni regolari, pereżempju meta t-tfal jiġu l-Ewropa biex jerġgħu jingħaqdu mal-familja tagħhom iżda ma jaqgħux taħt skemi ta' riunifikazzjoni. It-tfal li jitwieldu fl-Ewropa jistgħu wkoll ikunu bla dokumenti, minħabba li l-ġenituri tagħhom huma mingħajr dokumenti. Barra minn hekk, it-tfal jistgħu jitħallew l-art f'każ ta' deportazzjoni.

3.6

L-Istati Membri huma legalment obbligati li jiżguraw li s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, partikolarment fil-kawża C-648/11 rilevanti għar-Regolament Nru 604/2013 u l-protezzjonijiet u l-istandards tal-Konvenzjoni tan-NU, ikunu adottati fil-leġislazzjoni nazzjonali u għandhom jagħtu każ żewġ prinċipji globali tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal: (i) il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni (l-Artikolu 2) u (ii) l-aħjar interessi għat-tfal (l-Artikolu 3). Kwalunkwe politika jew prattika li tmur kontra l-liġijiet internazzjonali u/jew Ewropej għandha tiġi kkontestata bħala illegali, u għandhom jibdew proċeduri ta' ksur kull meta jinkisru d-drittijiet tat-tfal.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Ir-regolament propost se jiżgura li l-Istati Membri jikkonformaw mal-Kumment Ġenerali Nru 6 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (CRC), li jittratta t-trattament tat-tfal mhux akkumpanjati u mifruda barra l-pajjiż ta' oriġini tagħhom.

4.2

It-THC 1996 (6) tiddikjara li irrispettivament mil-leġislazzjoni nazzjonali, il-limitu tal-età ta' “tfal” jew “minuri” huwa DEJJEM 18-il sena.

4.3

Il-prinċipji fundamentali fir-rigward tad-drittijiet tat-tfal għandhom bżonn jiġu integrati fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-liġijiet, il-politiki, il-proċeduri u l-prattiki li jaffettwaw lit-tfal migranti mhux akkumpanjati.

4.4

Il-minuri li l-applikazzjoni tagħhom tkun ġiet preċedentement miċħuda fi kwalunkwe Stat Membru għandhom ikunu koperti minn din il-leġislazzjoni proposta.

4.5

Il-persunal li jkollu x'jaqsam ma' minuri mhux akkumpanjati (l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet ġudizzjarji, dawk li jagħmlu l-intervisti, l-interpreti, il-ħaddiema soċjali u dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ, il-professjonisti tas-saħħa, il-gwardjani, ir-rappreżentanti legali, l-uffiċjali tal-pulizija u l-gwardjani tal-fruntieri, fost oħrajn) għandhom ikunu mħarrġa kif xieraq biex jirrispettaw id-drittijiet tat-tfal.

4.6

Il-Konvenzjoni tan-NU tobbliga lill-istati biex jittrattaw it-tfal mingħajr dokumenti bl-istess mod bħat-tfal “kollha”, mingħajr distinzjoni. Madankollu fil-prattika teżisti tensjoni bejn l-oqfsa legali nazzjonali li jirregolaw il-kontroll tal-immigrazzjoni u dawk dwar il-protezzjoni tat-tfal. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li tfal f'sitwazzjoni irregolari jitqiesu u jiġu protetti bħala tfal, l-ewwel u qabel kollox, skont is-sistemi nazzjonali għall-ħarsien tat-tfal.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Il-KESE diġà esprima b'mod qawwi l-fehma tiegħu dwar politiki u prattiki marbuta mad-drittijiet fundamentali tal-migranti f'sitwazzjoni regolari jew irregolari, f'firxa wiesgħa ta' opinjonijiet tal-KESE (7) u permezz tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni.

5.2

Għandhom jiġu żgurati kondizzjonijiet ta' akkoljenza tat-tfal, skont il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-NU u Konvenzjonijiet Internazzjonali oħra, bħalma hija l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, għat-tfal migranti kollha jew tfal f'sitwazzjoni ta' migrazzjoni irregolari, kemm jekk huma bid-dokumenti jew mingħajrhom, anke f'każ ta' migrazzjoni bejn pajjiż u ieħor fl-Ewropa stess.

5.3

Immedjatament wara l-wasla ta' tifel jew tifla mifrudin jew mhux akkumpanjati, għandha tingħata għajnuna legali b'xejn u għandu jinħatar kustodju legali kwalifikat u indipendenti biex jappoġġjahom, jagħtihom il-pariri u jipproteġihom sakemm jerġgħu jingħaqdu mal-familja tagħhom, jew ikunu rċevew post adatt għall-kura.

5.4

Għalkemm il-liġi tal-UE tirrikonoxxi l-importanza tal-kustodja legali, hija ma tiddefinixxix id-dmirijiet ta' kustodju legali. Il-kustodju legali għandu jkun “rappreżentant kwalifikat” li għandu esperjenza fit-trattament ta' minuri u għarfien tal-liġi nazzjonali dwar il-barranin u l-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni tat-tfal, bl-awtorità li jirrappreżenta lit-tifel jew tifla fil-proċessi kollha ta' teħid ta' deċiżjonijiet, dejjem jekk it-tifel jew tifla jagħtu l-kunsens tagħhom (8). Il-kustodju għandu jkollu r-riżorsi finanzjarji biex jinvolvi aktar għarfien speċjalizzat jekk ikun meħtieġ fl-aħjar interess tal-minuri.

5.5

Matul il-proċess għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, il-minuri mhux akkumpanjati għandu jkollhom aċċess għal akkomodazzjoni, edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, u servizzi tas-saħħa fuq bażi ugwali bħal tfal oħra fi ħdan il-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru riċeventi, b'kunsiderazzjoni partikolari tal-istat psikoloġiku tat-tifel jew tifla.

5.6

Jeħtieġ li l-opinjoni tat-tfal u n-narrazzjoni tal-esperjenzi tagħhom jiġu inkorporati fir-reazzjonijiet ta' formulazzjoni tal-politika u l-pjani ta' azzjoni għat-tfal. Ir-riċerka dwar il-ħtieġa għal evidenza li tiffoka fuq it-tfal, inkluż id-dritt tat-tfal li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom b'mod ħieles fuq il-kwistjonijiet kollha li jaffettwaw lit-tfal, ipprovdiet evidenza diretta għall-Pjan ta' Azzjoni Ewropew dwar il-minuri mhux akkumpanjati (2010-2014) (9).

5.7

It-termini “jinforma” u “opportunità effettiva” jeħtieġ li jiġu definiti b'mod ċar biex ikun żgurat (i) li l-minuri jkun assistit minn assistenti soċjali mħarrġa sew, interpreti indipendenti u kustodju legali biex dan jifhem l-implikazzjonijiet tal-proċess kollu tal-preżentazzjoni ta' applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fi kwalunkwe Stat Membru tal-UE, f'lingwa li jista' jifhimha, u (ii) li hu għandu jagħti jew jiċħad il-kunsens tiegħu bil-miktub jekk meħtieġ.

5.8

Fl-ebda fażi tal-proċess ta' applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali m'għandhom il-minuri jinżammu f'detenzjoni. Barra minn hekk, id-detenzjoni mhux se tippermettilhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jiċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor sabiex japplikaw hemmhekk (10).

5.9

Kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed skont ir-Regolamenti Dublin II u III dwar il-minuri mhux akkumpanjati li qed ifittxu l-asil għandha tkun konformi mal-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (11).

5.10

Il-ftehimiet u l-protokolli ma' Stati Membri differenti mitluba fir-regolament propost għandhom jikkonformaw mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

5.11

Il-KESE jaqbel bis-sħiħ li wara l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament emendat, il-Kummissjoni għandha twettaq reviżjoni tal-Atti Delegati, kif stipulat fir-Regolament Dublin III u fuq il-bażi tal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

5.12

It-terminu “l-aħwa adulti” irid jiġi ċċarat fil-kunsiderazzjoni tad-dritt tal-minuri għar-riunifikazzjoni tal-familja biex jiġi żgurat li l-adult jista' jwettaq id-dmirijiet tiegħu lejn il-minuri b'mod responsabbli skont il-liġi.

5.13

Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jipprovdu l-appoġġ meħtieġ u l-kura speċjalizzata għal tfal vulnerabbli inklużi t-tfal bi problemi psikoloġiċi, diżabilità mentali jew fiżika u/jew problemi ta' saħħa, kif ukoll tfal f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, inklużi tfal li ġejjin minn reġjuni ta' kunflitt fejn huma jew il-familja tagħhom għaddew minn esperjenzi trawmatiċi, kif ukoll adolexxenti tqal jew ġenituri żgħażagħ taħt l-età ta' 18-il sena.

5.14

Il-KESE jħeġġeġ bis-sħiħ lill-Istati Membri biex jiżguraw li kwalunkwe proċedura ta' valutazzjoni tal-età (i) tkun ibbażata fuq l-aħjar interess tal-minuri (12), (ii) tirrikjedi l-preżenza ta' kustodju legali, u (iii) tkun ipproċessata minn professjonisti indipendenti inklużi psikologi tat-tfal, ħaddiema soċjali u esperti legali, bħala parti minn tim ta' esperti rġiel u nisa. Il-proċess ta' valutazzjoni u d-deċiżjoni għandhom jiġu dokumentati b'mod preċiż.

5.15

Sakemm din il-valutazzjoni tkun lesta, kull persuna li tistqarr li hi minuri għandha tkun meqjusa u trattata bħala minuri.

5.16

Il-valutazzjoni tal-età għandha titwettaq primarjament fuq il-bażi tal-evidenza mid-dokumenti. Sentenza riċenti mill-Qorti Spanjola stabbilixxiet li d-dokumentazzjoni m'għandhiex tiġi ddubitata.

5.17

Il-minuri għandu jiġi infurmat bis-sħiħ dwar il-proċess ta' valutazzjoni tal-età u l-konsegwenzi tiegħu, u l-fehmiet tal-minuri għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni xierqa skont l-età u l-maturità tiegħu.

5.18

Fin-nuqqas ta' dokumentazzjoni jew fil-każijiet ta' dubju serju dwar l-età tal-minuri, jistgħu jitwettqu investigazzjonijiet mediċi/fiżiċi bħala l-aħħar miżura, filwaqt li jiġu rispettati l-kultura, id-dinjità, l-integrità fiżika u morali, tal-minuri, peress li wħud mill-valutazzjonijiet fiżiċi jistgħu jkunu partikolarment stressanti, invażivi u trawmatiċi. Meta l-investigazzjonijiet mediċi/fiżiċi jitqiesu bħala neċessarji għandu jintalab u jinkiseb il-kunsens. L-investigazzjoni medika/fiżika għandha tiġi akkumpanjata minn valutazzjoni soċjopedagoġika minn esperti. Iż-żewġ proċeduri għandhom ikunu kumulattivi.

5.19

Is-sejbiet ta' kwalunkwe proċedura għandhom ikunu soġġetti għal appell.

5.20

Il-pożizzjoni legali ta' minuri mhux akkumpanjat li jsir adult hija kumplessa, u tvarja bejn l-Istati Membri. Għalkemm ir-regoli proċedurali huma stabbiliti f'Direttiva dwar l-asil dwar din il-kwistjoni, hemm bżonn li jiġu stabbiliti regoli dwar id-drittijiet ta' persuna li tagħlaq it-18-il sena matul il-proċedura.

5.21

Il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ li f'sitwazzjonijiet bħal dawn, l-età għandha tiġi determinata fl-istadji inizjali tal-applikazzjoni, sabiex jitnaqqas ir-riskju li l-minuri jispiċċa bi status irregolari u jisparixxi.

5.22

Ir-rispons tal-istati għall-kwistjoni tat-traffikar tat-tfal m'għandux jiġi determinat mill-istatus ta' immigrazzjoni tat-tfal u l-applikazzjoni għall-asil tagħhom, iżda fl-aħjar interessi tat-tfal.

5.23

It-tfal f'sitwazzjoni ta' migrazzjoni irregolari m'għandhom qatt ikunu soġġetti għal proċedimenti kriminali għal raġunijiet marbuta biss mal-istatus tal-immigrazzjoni tagħhom jew fejn l-involviment tagħhom f'attività kriminali huwa r-riżultat ta' sfruttament.

5.24

L-Istati Membri għandhom sal-aħħar ta' Lulju 2015 sabiex jimplimentaw id-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-asil li tinkludi, fost affarijiet oħra, l-obbligi tal-Istati Membri li jidentifikaw każijiet ta' tfal mhux akkumpanjati vulnerabbli fi stadju bikri.

Brussels, 15 ta' Ottubru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Bħall-Oficina de Proteccion de Menores fi Spanja jew l-Uffiċċji għall-Benesseri taż-Żgħażagħ fil-Ġermanja.

(2)  Dr Sarah Spencer, Compas, Università ta' Oxford.

(3)  Kawża C-648/11 MA and Others vs Secretary of State for the Home Department, UK.

(4)  Eurostat (2014), Asylum Statistics, http://epp.eurostat.ec.europa.eu/statistics_explained/index.php/Asylum_statistics.

(5)  Dokument ta' sfond tal-European Forum on the Rights of the Child (2012) – http://ec.europa.eu/justice/fundamental-rights/files/background_cps_children_on_the_move_en.pdf

(6)  Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 dwar il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Kooperazzjoni fir-rigward tar-Responsabbiltà Parentali u Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal, (THC 1996), http://www.hcch.net/index_en.php?act=conventions.text&cid=70

(7)  (ĠU C 128/29, 18.5.2010), (ĠU C C48/6, 15.2.2011), (ĠU C 67, 6.3.2014.), (ĠU C 317/110, 23.12.2009).

(8)  THC 1996.

(9)  FRA (2009) Developing indicators for the protection, respect and promotion of the Rights of the Child in the European Union (L-iżvilupp ta’ indikaturi għall-ħarsien, ir-rispett u l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal fl-Unjoni Ewropea).

(10)  Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, General Comment No 6, Treatment of unaccompanied minors and separated children outside their country of origin CRC/GC/2005/6.

(11)  Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, 6 ta' Ġunju 2013, kawża C-648/11.

(12)  ENOC European Network of Ombudspersons for Children – www.ombudsnet.org