14.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 230/9


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Strateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Alpi”

(Opinjoni esploratorja)

(2015/C 230/02)

Relatur:

is-Sur Palmieri

Fis-27 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jħejji opinjoni esploratorja dwar

Strateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Alpi (EUSALP).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-18 ta’ Novembru 2014.

Matul il-503 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u fil-11 ta’ Diċembru 2014 (seduta tal-10 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’132 vot favur, l-ebda (0) vot kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) japprezza l-attenzjoni partikolari mogħtija lit-tiswir ta’ strateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Alpi (EUSALP) maħsuba biex tappoġġja l-koeżjoni u l-kompetittività fid-dawl tal-isfidi li ma jistgħux jiġu solvuti b’mod sodisfaċenti minn Stati Membri waħedhom jew minn reġjuni waħedhom bil-mezzi tas-soltu.

1.2.

Il-KESE jirrimarka kemm id-dinamika tal-iżvilupp tar-Reġjun tal-Alpi hija marbuta mal-katina tal-Alpi, anke meta jiġu kkunsidrati l-elementi li joħolqu l-identità tar-reġjun u jagħmluh rikonoxxibbli. Dan jikkostitwixxi l-ħolqa li jorbot it-territorji kollha involuti fl-istrateġija, mil-lat ekonomiku, soċjali u ambjentali.

1.3.

Il-KESE jinnota l-impenn politiku qawwi fl-EUSALP tal-Istati kkonċernati u l-livell għoli ta’ għarfien u ta’ parteċipazzjoni fil-livell tal-gvern, kemm nazzjonali kif ukoll reġjonali. Din is-sensibilità hija l-effett ta’ proċess ta’ kooperazzjoni li beda fiż-żona mis-snin sebgħin ‘l hawn.

1.4.

Il-KESE jikkunsidra l-karatteristiċi speċifiċi tar-Reġjun tal-Alpi, bħall-preżenza ta’ sistemi territorjali mill-iżjed kompetittivi fid-dinja, l-iżbilanċji ekonomiċi u soċjali bejn iż-żoni rurali u muntanjużi u ż-żoni urbani u l-bliet, il-wirt naturali u kulturali u l-konċentrazzjoni enormi ta’ flussi ta’ trasport, li huma aspetti li jiddeterminaw u li jikkaratterizzaw iż-żona.

1.5.

Jekk minn lat il-KESE jaqbel mal-implimentazzjoni ġenerali tal-istrateġija, u jaħseb li l-objettivi, il-pilastri u l-prijoritajiet huma koerenti ma’ dak li huwa ppreżentat fid-dokument ta’ diskussjoni, mil-lat l-ieħor jaħseb li fit-tfassil tal-pjan ta’ azzjoni dawn iridu jiġu integrati u mtejba.

1.6.

Il-KESE jieħu nota tal-fatt li l-ispazju territorjali li fuqu se topera l-EUSALP huwa karatterizzat minn livelli ta’ żvilupp ekonomiku, sostenibilità ambjentali u koeżjoni soċjali superjuri ħafna mill-medja Ewropea. Minkejja dawn il-karatteristiċi, il-kriżi ekonomika u finanzjara u t-trasformazzjonijiet li ġabet magħha l-globalizzazzjoni fl-ekonomija u fis-swieq joħolqu sfidi importanti u delikati għall-mikroreġjun inkwistjoni. Għal dawn ir-raġunijiet, il-KESE jaħseb li t-tilħiq tal-objettiv ġenerali tal-EUSALP jiggarantixxi li dan ir-reġjun jibqa’ wieħed miż-żoni l-iżjed attraenti fl-Ewropa, li jisfrutta bl-aħjar mod ir-riżorsi tiegħu u juża l-opportunitajiet ta’ żvilupp sostenibbli u l-innovazzjoni (1) u li dan huwa importanti ħafna biex tiġi appoġġjata l-kompetittività ekonomika u l-koeżjoni soċjali tal-Ewropa.

1.7.

Il-KESE jqis li għandu jissaħħaħ b’mod fundamentali l-approċċ olistiku għall-iżvilupp attwali fl-EUSALP, permezz ta’ definizzjoni ta’ objettivi ġodda u iżjed kwalifikati, kif imsemmi fil-punt 4.4.

1.8.

Il-KESE jittama li fid-definizzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-EUSALP jiġu rinforzati l-interdipendenza u l-koerenza bejn il-prijoritajiet li jirriferu għall-kompetittività (Pilastru 1) u dawk orjentati lejn is-sostenibbilità (Pilastru 3), u b’hekk jiġi assigurat it-tilħiq tal-objettivi tal-iżvilupp mingħajr madankollu ma jiġu kompromessi l-ħtiġijiet u l-opportunitajiet tal-ġenerazzjonijiet futuri.

1.9.

Fir-rigward tal-ewwel pilastru, il-KESE jaħseb li huwa essenzjali li jiġi assigurat tkabbir sostenibbli u jiġu promossi l-impjieg sħiħ, l-innovazzjoni, il-kompetittività u l-koeżjoni tar-Reġjun tal-Alpi permezz ta’ solidarjetà reċiproka bejn żoni muntanjużi u żoni urbani. Fir-rigward tal-prijoritajiet jirriferi għall-punt 5.2.

1.10.

Fir-rigward tat-tieni pilastru, il-KESE jisħaq dwar il-promozzjoni ta’ żvilupp territorjali bbażat fuq il-kooperazzjoni bejn sistemi territorjali interni u esterni, fuq l-aċċessibilità tas-servizzi, il-mobilità sostenibbli u fuq il-potenzjar tat-trasport u l-infrastrutturi għall-komunikazzjoni. Fir-rigward tal-prijoritajiet jirriferi għall-punt 5.3.

1.11.

Fir-rigward tat-tielet pilastru, il-KESE jaħseb li huwa fundamentali li jissaħħaħ l-impenn immirat lejn il-ġestjoni sostenibbli u l-protezzjoni tal-ambjent, barra mill-isfruttar tal-kapitali territorjali taż-żona. Fir-rigward tal-prijoritajiet jirriferi għall-punt 5.4.

1.12.

Il-KESE jaħseb li mingħajr governanza b’saħħitha u riżorsi finanzjarji speċifiċi sabiex jiġu appoġġjati l-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità, l-EUSALP hija fil-periklu li titlef l-effikaċja u l-istrateġiċità tagħha. Minn dan il-lat, f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill, il-KESE japprova d-definizzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni msejjes fuq il-komplementarjetà bejn programmi ta’ finanzjament, il-koordinazzjoni tal-istrumenti istituzzjonali u d-definizzjoni ta’ proġetti ġodda fl-ambitu makroreġjonali (2).

1.13.

Il-KESE, filwaqt li jfakkar fil-konklużjonijiet tal-Opinjoni “Governanza tal-istrateġiji makroreġjonali” (3), huwa tal-fehma li d-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-EUSALP jitolbu sistema ta’ governanza speċifika msejsa fuq il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni. F’dan id-dawl, sabiex tiġi assigurata l-effikaċja tal-istrateġija, il-KESE jaħseb li huwa neċessarju li l-EUSALP ikollha governanza f’diversi livelli effettiva (4) li tista’ tagħti valur b’mod konġunt lid-“dimensjoni orizzontali” (parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili) li tintegra u tikkwalifika d-“dimensjoni vertikali” (parteċipazzjoni tar-reġjuni u l-awtoritajiet lokali) fir-rispett sħiħ tal-prinċipju tas-“sussidjarjetà u l-proporzjonalità” (5).

1.14.

Il-KESE jappoġġja l-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata fl-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità u jqis bħala pożittiv it-twaqqif ta’ forum permanenti ta’ rappreżentanza u appoġġ tal-partijiet soċjali u ekonomiċi tar-Reġjun tal-Alpi.

1.15.

Il-KESE jqis li huwa fundamentali li jiġi appoġġjat l-impjieg, b’referenza partikolari għaż-żgħażagħ u dawk li jinsabu qiegħda għal żmien twil, kif ukoll l-interventi mmirati lejn l-appoġġ tal-investimenti soċjali u l-adattament tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali.

2.   L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Alpi: kummenti ġenerali

2.1.

L-għan ta’ din l-opinjoni huwa li jiġi evalwat id-dokument ta’ konsultazzjoni pubblika dwar “L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Alpi” (6), minn hawn ‘il quddiem EUSALP, anke b’referenza għall-opinjonijiet dwar l-istrateġiji makroreġjonali diġà adottati mill-Kumitat.

2.2.

Ir-Reġjun tal-Alpi jinkludi 5 Stati Membri (l-Italja, Franza, l-Awstrija, il-Ġermanja u l-Islovenja) u żewġ pajjiżi terzi (l-Isvizzera u Liechtenstein) u jkopri erja ta’ 4 50  000 km2 li fiha jgħixu 70 miljun ruħ.

2.2.1.

Is-sistemi reġjonali kkonċernati fl-EUSALP huma marbutin mill-qrib mal-muntanji tal-Alpi, li barra milli huma aspett li jidentifika r-reġjun u jagħmlu rikonoxxibbli, jikkostitwixxu ħolqa li tghaqqad dawn it-territorji mil-lat ekonomiku, loġistiku u ambjentali (7).

2.3.

Fl-ambitu tal-politika makroreġjonali li l-UE ilha tmexxi ‘l quddiem mill-2009 “l hawn, il-pożizzjoni ġeografika tal-EUSALP barra milli għandha valur strateġiku fid-dawl tal-politika ta’ koeżjoni Ewropea, u ta’ kontinwità fir-rigward tal-Istrateġija għall-Baltiku – EUSBR” (8), l-Istrateġija għad-Danubju – EUSDR’ (9) u l-Istrateġija għall-Adrijatiku u l-Baħar Jonju – EUSAIR’ (10), tirrappreżenta element ta’ importanza fundamentali biex jiġi mwettaq il-kunċett tal-makroreġjonalità lejn il-punent tal-Mediterran (11).

2.4.

Mis-snin sebgħin ‘l hawn ir-reġjuni taż-żona tal-Alpi, filwaqt li għelbu l-konfini nazzjonali li storikament minn dejjem qasmuhom, żviluppaw kuxjenza komuni fir-rigward tal-ħtieġa li joħolqu kunċett ta’ sistema reġjonali tal-Alpi bħal entità waħda li għandha tiġi mħarsa u mogħtija l-valur tagħha. Għal din ir-raġuni ġiet imnedija sensiela ta’ inizjattivi ta’ kooperazzjoni interreġjonali, transnazzjonali u transkonfinali li kellha bħala objettiv ewlieni l-promozzjoni tal-għarfien reċiproku tal-popli kkonċernati, biex b’hekk jiġu megħluba d-distinzjonijiet lingwistiċi, soċjoekonomiċi u etniċi, u tiġi favorita integrazzjoni akbar fil-livell Ewropew (12).

2.5.

Il-proċess tal-implimentazzjoni tal-EUSALP, li għandha tikkonkludi bl-approvazzjoni mill-Kunsill mistennija lejn l-aħħar tal-2015 (13), kellu stadji fundamentali bħall-Konferenza tal-Alpi ta’ Bad Ragaz (Ġunju 2012) u l-Konferenza ta’ Grenoble (Ottubru 2013).

2.5.1.

Fl-okkażjoni tal-Konferenza ta’ Grenoble (14), permezz tar-Riżoluzzjoni Politika għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Alpi, ġew identifikati l-objettivi, l-opportunitajiet li jistgħu jiġu sfruttati u l-isfidi li jridu jiġu ffaċċjati fir-rigward ta’ tliet temi ewlenin: “il-kompetittività u l-innovazzjoni, l-agrikoltura u l-forestrija u t-turiżmu”, “l-ilma, l-enerġija, l-ambjent u l-klima” u “l-aċċessibilità, il-komunikazzjoni u t-trasport”.

3.   Id-dokument ta’ konsultazzjoni: qafas ġenerali, għanijiet u objettivi

3.1.

Fl-istrateġija EUSALP, il-katina tal-Alpi tirrappreżenta l-element li jikkaratterizza l-ambitu kollu ta’ kooperazzjoni. Il-varjetà mifruxa madwar it-territorju hija waħda mill-karatteristiċi ewlenin li tiddistingwi lir-Reġjun tal-Alpi minn partijiet oħra fl-Ewropa: iż-żoni muntanjużi u l-għoljiet fil-bażi tal-muntanji, il-widien aċċessibbli u dawk remoti, l-artijiet baxxi u l-pjanuri, iż-żoni metropolitani u l-bliet.

3.1.1.

Sabiex jiġu identifikati aħjar l-oqsma li lejhom għandhom jiġu mmirati l-objettivi u l-prijoritajiet tal-EUSALP, għandhom jiġu meqjusa l-ħames tipoloġiji ta’ kuntesti reġjonali li jikkaratterizzaw ir-Reġjun tal-Alpi: “metropoli Alpini”, “bliet Alpini”, “żoni rurali li qed jikbru”, “żoni rurali li qed jiċkienu”, “żoni turistiċi”.

3.2.

Ir-Reġjun tal-Alpi għandu ħafna karatteristiċi speċifiċi li jistħoqqilhom attenzjoni partikolari u li jiddistinwgu l-EUSALP mill-istrateġiji makroreġjonali għall-Baltiku, id-Danubju u l-Adrijatiku-Jonju: il-preżenza ta’ wħud mir-reġjuni l-iżjed żviluppati fid-dinja, b’ekonomiji kompetittivi, livelli għoljin ta’ kwalità tal-ħajja, stabilità soċjali u politika; il-preżenza ta’ żbilanċji ekonomiċi u soċjali ċari bejn iż-żoni rurali, il-pjanuri u ż-żoni urbani; wirt naturali u ekosistemi uniċi; wirt kulturali li jirrappreżenta element fundamentali għall-koeżjoni soċjali u għall-iżvilupp tar-Reġjun tal-Alpi stess; konċentrazzjoni ta’ flussi ta’ traffiku li saret problema minħabba l-konġestjoni tat-trasport u l-ħarsien ambjentali.

3.3.

L-objettiv ġenerali tal-istrateġija tal-EUSALP huwa li jiġi garantit li dan ir-reġjun jibqa’ waħda miż-żoni l-iżjed attraenti fl-Ewropa, li tisfrutta bl-aħjar mod ir-riżorsi proprji tagħha u tuża l-opportunitajiet ta’ żvilupp sostenibbli u innovazzjoni.

3.3.1.

Dan l-objettiv se jintlaħaq permezz ta’ attivitajiet li jsiru b’rabta mat-tliet pilastri tematiċi: “Titjib tal-kompetittività, il-prosperità u l-koeżjoni”, “Garanzija tal-aċċessibilità u l-konnettività għall-abitanti kollha” u “Garanzija tas-sostenibbiltà”.

3.3.2.   L-ewwel pilastru: Titjib tal-kompetittività, il-prosperità u l-koeżjoni tar-Reġjun tal-Alpi

3.3.2.1.

Minkejja li r-Reġjun tal-Alpi jikkostitwixxi l-ikbar ċentru ekonomiku u produttiv Ewropew, b’potenzjal għoli ta’ żvilupp, in-nuqqas ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali għadu problema. Il-muntanji jikkostitwixxu sfida għall-iżvilupp omoġenju taż-żona. L-EUSALP għandha l-għan li tappoġġja l-iżvilupp ekonomiku innovattiv fir-reġjun, permezz ta’ definizzjoni ta’ mudell iktar bilanċjat li jqis fl-istess waqt id-diversità u l-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni. Jenħtieġ li tiġi appoġġjat ekonomija kompetittiva kapaċi tikkombina l-prosperità, l-effiċjenza enerġetika, il-kwalità tal-ħajja u l-valuri tradizzjonali li jikkaraterizzaw iż-żona.

3.3.3.   It-tieni pilastru: Garanzija tal-aċċessibilità u l-konnettività għall-abitanti kollha tar-Reġjun tal-Alpi

3.3.3.1.

Jenħtieġ li jiġi appoġġjat żvilupp reġjonali bilanċjat permezz ta’ mudelli ta’ mobilità ekokompatibbli, sistemi ta’ trasport sostenibbli, servizzi ta’ komunikazzjoni u infrastrutturi. Fil-qafas tat-trasport Ewropew, ir-Reġjun tal-Alpi għandu pożizzjoni strateġika, peress li jaqsam kemm il-fus tramuntana-nofsinhar kif ukoll dak punent-lvant. Fiż-żona hemm ċentri tat-trasport mill-iktar importanti fl-Ewropea u għadd sostanzjali ta’ punti ta’ dħul u ħruġ konfinali fl-Alpi li jinvolvu sistemi territorjali karatterizzati minn punti ambjentali vulnerabbli speċifiċi. Huwa fundamentali li tiġi implimentata politika koordinata kapaċi tissodisfa l-esiġenzi tat-trasport, il-benessri tal-popolazzjoni u l-bilanċ ambjentali. Fir-Reġjun tal-Alpi, fid-dawl tal-varjetà mifruxa u l-aspetti ta’ kumplessità reġjonali li jeżistu fir-reġjun, il-kunċett ta’ konnettività jrid jiġi estiż anke għall-infrastrutturi u s-servizzi ta’ komunikazzjoni.

3.3.4.   It-tielet pilastru: Garanzija tas-sostenibbiltà fir-Reġjun tal-Alpi

3.3.4.1.

Il-ħarsien tal-wirt tal-Alpi u l-promozzjoni ta’ użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u kulturali huma elementi meħtieġa għar-reġjun. L-ilma, ir-riżorsi minerali, diversità ta’ pajsaġġi ta’ bijodiversità wiesgħa u wirt kulturali rikk u diversifikat huma elementi speċifiċi li għandhom jiġu mħarsu u mogħtija l-valur tagħhom. L-isfruttar tal-potenzjal tar-riżorsi bħall-ilma u l-bijomassa, jekk isir b’mod ekoloġiku, huwa fundamentali sabiex jiġu megħjuna l-kompetittività u l-koeżjoni taż-żona billi jiġu jappoġġjaw it-twettiq ta’ għanijiet strateġiċi bħall-awtosuffiċjenza fl-enerġija u l-kapaċitajiet reġjonali għall-ħażna tal-enerġija.

4.   Kummenti speċifiċi dwar id-dimensjoni makroreġjonali tar-Reġjun tal-Alpi

4.1.

L-istrateġija tar-Reġjun tal-Alpi tgawdi minn impenn politiku qawwi u minn sensibilizzazzjoni fil-pajjiżi involuti, u tirrappreżenta mhux biss sfida, iżda wkoll opportunità kbira għall-UE stess. Il-missjoni tal-EUSALP hija li tiżviluppa l-ekonomija, tikkollega t-territorji u tħares l-ambjent ta’ żona importanti ħafna għall-kompetittività ekonomika u l-koeżjoni soċjali tal-Ewropa.

4.2.

Il-proċess ta’ żvilupp tal-EUSALP jeħtieġ djalogu strutturat bejn l-atturi diversi involuti sabiex jiġu identifikati u indirizzati b’mod konġunt il-ħtiġijiet speċifiċi. Il-karatteristiċi ambjentali, kulturali, ekonomiċi u soċjali, kif ukoll l-interdipendenzi qawwija bejn iż-żoni urbani u rurali, għandhom jiġu meqjusa b’attenzjoni kbira. Għaldaqstant, għandu jiġi mniedi djalogu wiesa’ u miftuħ bejn il-partijiet interessati sabiex tiġi żviluppata strateġija aċċettata globalment.

4.2.1.

Huwa importanti li l-politiki jkunu koordinati favur il-koeżjoni territorjali. Uħud mill-kwistjonijiet li jikkonċernaw l-innovazzjoni ekonomika, il-modalitajiet tat-trasport u l-ambjent huma interdipendenti bejniethom u ma jistgħux jiġu indirizzati waħedhom fil-livell lokali, iżda minflok jeħtieġ approċċ aktar wiesa’ li jista’ joffri l-livell makroreġjonali.

4.2.2.

B’riferiment għall-Komunikazzjoni “Il-governanza tal-istrateġiji makroreġjonali” (15), hemm bżonn li l-“governanza f’diversi livelli” tal-EUSALP tingħata “dimensjoni orizzontali” ġenwina (parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili) li ssaħħaħ u taġġorna “d-dimensjoni vertikali” (parteċipazzjoni tar-reġjuni u l-awtoritajiet lokali) fir-rispett sħiħ tal-prinċipju tas-“sussidjarjetà u l-proporzjonalità”.

4.3.

Il-KESE jaħseb li l-EUSALP hija strument fundamentali għall-appoġġ tal-azzjoni tar-Reġjun tal-Alpi fir-rigward ta’ oqsma bħall-globalizzazzjoni ekonomika, it-tibdil fil-klima, is-soċjetà tal-informazzjoni, l-ekonomija tal-għarfien, it-tibdil demografiku, il-mobilità tal-prodotti u tal-persuni.

4.4.

Permezz tal-EUSALP se jkun possibbli li l-iżvilupp tar-Reġjun tal-Alpi jiġi kwalifikat permezz tal-implimentazzjoni ta’ approċċ olistiku li bis-saħħa tiegħu d-dimensjoni ekonomika, ambjentali u soċjali jaħdmu flimkien u jkunu interdipendenti. Skont dan il-ħsieb, il-KESE, sabiex jirrappreżenta l-approċċ olistiku permezz ta’ għanijiet speċifiċi, identifika ħames objettivi strateġiċi li għandhom ikunu rappreżentati fil-pjan ta’ azzjoni:

promozzjoni ta’ sistema ta’ SMEs dinamika u intraprenditorjalità b’saħħitha li tista’ tgħin fl-impjieg;

appoġġ għat-tilħiq tal-potenzjal tal-kapaċitajiet imsejsa fuq it-tradizzjonijiet u d-diversità soċjali;

promozzjoni tal-bilanċ u l-ugwaljanza fl-aċċess għas-servizzi ta’ interess ġenerali fir-Reġjun tal-Alpi kollu;

appoġġ tar-responsabbiltajiet maqsuma u l-kooperazzjoni ugwali bejn it-territorji fl-Alpi;

appoġġ tal-ħarsien u l-ġestjoni sostenibbli tal-bijodiversità, tal-pajsaġġi u tar-riżorsi naturali.

4.4.1.

Promozzjoni ta’ sistema ta’ SMEs dinamika u intraprenditorjalità b’saħħitha li tista’ tgħin fl-impjieg. L-EUSALP trid tgħin il-kapaċitajiet tas-sistemi territorjali inkwistjoni biex jikkompetu f’ekonomija globali u b’hekk jiġu appoġġjati ż-żamma u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità ġodda.

4.4.2.

Appoġġ għat-tilħiq tal-potenzjal tal-kapaċitajiet imsejsa fuq it-tradizzjonijiet u d-diversità soċjali. L-EUSALP trid tappoġġja ż-żamma tal-valuri li jidentifikaw u jikkaratterizzaw ir-reġjuni inkwistjoni, u fl-istess waqt tippromovi l-kapitalizzazzjoni tal-għarfien u t-tradizzjonijiet lokali f’lievi ta’ żvilupp ekonomiku u inklużjoni soċjali.

4.4.3.

Promozzjoni tal-bilanċ u l-ugwaljanza fl-aċċess għal servizzi ta’ interess ġenerali fir-Reġjun tal-Alpi kollu; Permezz tal-EUSALP jiġu appoġġjati ż-żamma u l-adattament tal-qafas tas-servizzi ta’ interess ġenerali sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-persuni li jgħixu fiż-żona, b’attenzjoni speċifika mogħtija lil dawk ir-residenti fit-territorji li huma karatterizzati bħala “ġeografikament żvantaġġati”.

4.4.4.

Appoġġ tar-responsabbiltajiet maqsuma u l-kooperazzjoni bejn it-territorji fl-Alpi. Permezz tal-EUSALP għandhom jiġu appoġġjati approċċi ġodda ta’ responsabbiltà maqsuma u ta’ kooperazzjoni ugwali bejn it-territorji fi ħdan ir-Reġjun tal-Alpi, bħal pereżempju r-rabtiet vertikali bejn il-metropoli u ż-żoni rurali u turistiċi.

4.4.5.

Appoġġ tal-ħarsien u l-ġestjoni sostenibbli tal-bijodiversità, tal-pajsaġġi u tar-riżorsi naturali. Permezz tal-EUSALP għandhom jiġu appoġġjati l-ħarsien u l-ġestjoni sostenibbli tal-bijodiversità, il-pajsaġġi u r-riżorsi naturali b’bilanċ adatt bejn l-interventi mmirati lejn il-konservazzjoni u dawk li jimmiraw lejn l-użu razzjonali tas-servizzi u tal-prodotti ekosistemiċi. Huwa neċessarju wkoll li tiġi promossa l-adozzjoni ta’ mudelli ekokumpatibbli ta’ ġestjoni mmirati lejn distribuzzjoni iktar ekwa tal-vantaġġi miksuba mill-użu ta’ prodotti u servizzi ekosistemiċi bejn id-dimensjonijiet territorjali differenti tar-Reġjun tal-Alpi.

4.5.

Il-KESE jaħseb li l-EUSALP trid tiġi implimentata f’konformità mad-deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill, u għaldaqstant, jekk minn naħa l-istrateġija makroreġjonali m’għandhiex teħtieġ la riżorsi żejda, la normi ulterjuri u lanqas korpi ta’ ġestjoni ġodda (it-tliet “le”), min-naħa l-oħra huwa neċessarju li jiġi definit pjan ta’ azzjoni msejjes fuq il-komplementarjetà bejn il-programmi ta’ finanzjament, il-koordinazzjoni tal-istrumenti istituzzjonali u d-definizzjoni ta’ proġetti ġodda f’ambitu makroreġjonali. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità.

4.5.1.

Il-KESE jaħseb li huwa fundamentali li fil-bini tal-kapaċità jiġu involuti mhux biss l-amministrazzjonijiet pubbliċi iżda wkoll ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata. Din l-attività tista’ ssir permezz tat-twaqqif ta’ forum permanenti b’rappreżentanza tal-partijiet soċjali u ekonomiċi.

4.5.2.

Il-KESE jaħseb li l-finanzjament konsiderevoli li diġà ġie allokat mill-UE għall-programmi reġjonali, permezz tal-fondi strutturali u ta’ investiment Ewropej għall-2014-2020 (16), jirrappreżenta mezzi adegwati li jridu jintużaw b’mod effettiv għall-implimentazzjoni tal-istrateġija, permezz ta’ azzjonijiet aktar koordinati u mmirati li jkunu soġġetti għal approċċ strateġiku unifikat. Fil-perijodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, se jkunu disponibbli opportunitajiet ta’ finanzjament ulterjuri permezz ta’ strumenti Komunitarji bħal ORIZZONT 2020 (17), COSME (18)., CEF (19), EaSI (20), Erasmus+ (21)u LIFE (22).

5.   Kummenti speċifiċi dwar it-tliet pilastri

5.1.

Bil-għan li jiġi appoġġjat it-tilħiq tal-objettivi strateġiċi definiti fid-dokument ta’ konsultazzjoni u tal-objettivi speċifiċi msemmija fil-punt 4 ta’ din l-Opinjoni, il-KESE jaħseb li huwa fundamentali li jiġu definiti prijoritajiet iżjed speċifiċi b’referenza għat-tliet pilastri tal-EUSALP.

5.1.1.

L-isfida prinċipali li trid tiġi indirizzata mill-istrateġija għar-Reġjun tal-Alpi tirrigwarda l-armonizzazzjoni u t-tisħiħ tal-bilanċ bejn l-objettivi ta’ sostenibbilità ekonomika, ambjentali u soċjali.

5.2.   Pilastru 1: Żvilupp tal-Alpi – Titjib tal-kompetittività, il-prosperità u l-koeżjoni tar-Reġjun tal-Alpi

5.2.1.

Il-KESE jaħseb li huwa essenzjali li jiġi assigurat tkabbir sostenibbli u jiġi promoss l-impjieg sħiħ, l-innovazzjoni, il-kompetittività u l-koeżjoni tar-Reġjun tal-Alpi, u jiġu konsolidati u diversifikati attivitajiet ekonomiċi speċifiċi fid-dawl ta’ solidarjetà reċiproka bejn żoni muntanjużi u żoni urbani.

5.2.2.   Prijoritajiet

5.2.2.1.

L-appoġġ tal-innovazzjoni u l-kompetittività fl-SMEs biex jitjiebu s-sistemi ta’ aċċess għal kreditu, tissaħħaħ il-kapaċità tal-impriżi li jidentifikaw l-opportunitajiet offruti mill-programmi Komunitarji 2014-2020 u s-sistemi tal-akkwist għall-innovazzjoni (b’referenza speċifika għall-“akkwist prekummerċjali” (23)).

5.2.2.2.

L-appoġġ tat-tisħiħ tal-proċessi ta’ żvilupp marbuta mal-ekonomija ekoloġika, anke permezz tal-ħolqien ta’ impriżi ġodda, abbażi tal-ispeċifiċitajiet ambjentali tar-Reġjun tal-Alpi u l-kapaċità produttiva u ta’ innovazzjoni qawwija li jikkaratterizzaw iż-żona.

5.2.2.3.

Il-promozzjoni tal-prodotti tar-Reġjun tal-Alpi b’politika ta’ “brand awareness”, jiġifieri permezz ta’ marki individwali b’tikketti ta’ appartenenza u l-marketing territorjali. L-għoti ta’ valur lil prodotti u servizzi ekosistemiċi (24) jirrappreżenta valur miżjud ulterjuri li jappoġġja l-kompetittività taż-żona.

5.2.2.4.

It-tisħiħ ta’ kollaborazzjonijiet bejn parks tax-xjenza u tat-teknoloġija, universitajiet, ċentri tar-riċerka u SMEs, u t-twettiq tal-potenzjal tal-kapaċità tal-infrastruttura tar-riċerka u r-rabtiet tagħha mal-istituzzjonijiet fil-livell dinji. Fid-definizzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-EUSALP għandha tiġi inkluża l-identifikazzjoni ta’ prijorità trażversali li tappoġġja l-attivitajiet ta’ Riċerka u Innovazzjoni.

5.2.2.5.

L-iżvilupp ta’ strateġija komuni sabiex l-ispazju makroreġjonali tal-Alpi jiġi trasformat f’destinazzjoni turistika sostenibbli ta’ livell dinji, abbażi ta’ valorizzazzjoni tal-wirt naturali, kulturali u storiku.

5.2.2.6.

Appoġġ tal-importanza ċentrali tal-prijorità ta’ “xogħol” fl-EUSALP, b’attenzjoni partikolari mogħtija liż-żgħażagħ u l-persuni li jinsabu qiegħda għal żmien twil. Huwa fundamentali li jiġi appoġġjat il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda stabbli u ta’ kwalità, biex b’hekk tiġi indirizzata wkoll il-problema marbuta mal-impjieg staġjonali li jikkaratterizza fuq kollox iż-żoni turistiċi tal-muntanji u rurali fir-Reġjun tal-Alpi.

5.2.2.7.

L-appoġġ ta’ inizjattivi mmirati lejn il-ħolqien ta’ spazju uniku għax-xogħol, il-mobilità tal-ħaddiema, it-twaqqif ta’ apprendistati transnazzjonali, id-definizzjoni ta’ proċessi ta’ taħriġ u l-iżvilupp tal-karriera f’ħafna pajjiżi, u r-rikonoxximent sħiħ tal-kwalifiki professjonali. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-kwalifiki tal-ħaddiema fis-settur tat-turiżmu, li ħafna minnhom huma soġġetti iktar mill-bqija għall-problemi marbuta max-xogħol staġjonali.

5.2.2.8.

L-appoġġ tal-kooperazzjoni bejn diversi dimensjonijiet territorjali li jikkaratterizzaw ir-Reġjun tal-Alpi u jsaħħu r-rwol taż-żoni metropolitani u tal-bliet bħala xprun tal-kompetittività u l-koeżjoni soċjali.

5.2.2.9.

Għajnuna fit-twettiq ta’ interventi mmirati lejn l-appoġġ ta’ investimenti soċjali u l-adattament tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali permezz tal-iżvilupp ta’ politiki koerenti mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar “Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni” (25).

5.2.2.10.

Jiġu appoġġjati l-azzjonijiet immirati li jappoġġjaw l-inklużjoni tal-persuni b’diżabbilità u li jevitaw id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini razzjali jew etnika, l-età, l-orjentazzjoni sesswali u l-ġeneru.

5.3.   Pilastru 2: Garanzija tal-aċċessibilità u l-konnettività għall-abitanti kollha tar-Reġjun tal-Alpi

5.3.1.

Il-KESE jisħaq dwar il-promozzjoni ta’ żvilupp reġjonali bbażat fuq il-kooperazzjoni bejn sistemi reġjonali interni u esterni, dwar l-aċċessibilità tas-servizzi, il-mobilità sostenibbli u l-potenzjar tat-trasport u l-infrastrutturi għall-komunikazzjoni.

5.3.2.   Prijoritajiet

5.3.2.1.

L-appoġġ għall-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi sabiex jiġu assigurati s-servizzi bażiċi għaż-żoni muntanjużi u rurali (istruzzjoni, saħħa, servizzi soċjali u mobilità), għall-eliminazzjoni tal-qasma diġitali u l-iżvilupp tal-broadband fiż-żona kollha.

5.3.2.2.

It-tisħiħ tal-applikazzjoni tat-teknoloġiji ICT fl-oqsma kollha ta’ interess ġenerali (l-amministrazzjoni, is-servizzi tas-saħħa, is-servizzi ta’ riċerka għal opportunitajiet ta’ xogħol, it-tagħlim mill-bogħod, il-kummerċ elettroniku ta’ prodotti tal-Alpi, eċċ.) u jiġi assigurat livell ta’ disponibbiltà tas-servizzi pubbliċi biżżejjed biex jilqgħu għall-bżonnijiet tas-sistemi territorjali differenti tar-Reġjun tal-Alpi, filwaqt li jitqies il-bilanċ ġust bejn id-densità u l-aċċessibilità ta’ dawn is-servizzi.

5.3.2.3.

Il-promozzjoni ta’ sistemi tat-trasport integrat b’appoġġ tal-iskambji fl-intern tas-sistemi territorjali diversi u t-titjib tal-ġestjoni tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri sabiex jitnaqqas l-impatt fuq l-ambjent u jiżdiedu l-benefiċċji għall-komunitajiet lokali. Uħud mill-elementi fundamentali sabiex jiġi megħjun l-iżvilupp sostenibbli tat-trasport tar-Reġjun tal-Alpi huma rappreżentati mit-trasferiment tat-trasport tal-merkanzija mit-triq għall-ferroviji u mill-miżuri mmirati biex jillimitaw l-użu ta’ kuruturi sekondarji tal-Alpi (pereżempju nollijiet unifikati għall-kuruturi kollha ta’ tranżitu fl-Alpi).

5.3.2.4.

Jiġu żviluppati pjani għall-interoperabilità loġistika fil-livell ta’ makroreġjuni u l-potenzjar tal-kollegamenti multimodali taċ-ċentri infrastrutturali (portijiet, ajruporti u interportijiet) man-netwerk globali u b’ħolqiet mal-passaġġi tal-ilma interni.

5.3.2.5.

Il-promozzjoni ta’ netwerks tematiċi transnazzjonali dwar aspetti rilevanti għall-iżvilupp tal-Alpi, pereżempju l-ġestjoni tar-riskji, it-turiżmu, l-isport, il-forestrija, l-agrikoltura, l-enerġija u s-servizzi teknoloġiċi.

5.3.2.6.

Il-governanza tal-Alpi enfasizzata permezz ta’ parteċipazzjoni iktar attiva tas-soċjetà ċivili, b’appoġġ fl-istess waqt tas-sensibilizzazzjoni u t-titjib tal-għarfien taċ-ċittadini dwar it-temi prinċipali li jirrigwardaw ir-Reġjun tal-Alpi.

5.4.   Pilastru 3: Protezzjoni tar-Reġjun tal-Alpi – Garanzija tas-sostenibbiltà fir-Reġjun tal-Alpi

5.4.1.

Il-KESE jaħseb li huwa fundamentali li jissaħħaħ l-impenn immirat lejn il-ġestjoni sostenibbli u l-protezzjoni tal-ambjent, barra mill-isfruttar tal-kapitali territorjali taż-żona.

5.4.2.   Prijoritajiet

5.4.2.1.

Jiġu allinjati l-azzjonijiet immirati lejn l-appoġġ tal-iżvilupp ekonomiku tar-Reġjun tal-Alpi mal-impenji li ttieħdu fir-rigward tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, is-separazzjoni tat-tkabbir u l-kompetittività tas-sistemi territorjali interessati tal-EUSALP mill-konsum tar-riżorsi naturali u l-materja prima.

5.4.2.2.

Tiżdied is-sensibilità tal-komunitajiet lokali tar-Reġjun tal-Alpi b’referenza għall-valur tas-servizzi ekosistemiċi u l-ġestjoni ugwali u sostenibbli tal-kapital naturali. L-Alpi jikkostitwixxu ż-żona ta’ forniment tal-ilma l-iżjed importanti tal-Ewropa: u għalhekk huwa fundamentali li jissaħħu l-interventi mmirati lejn it-titjib tal-ġestjoni tar-riżerva tal-ilma u tal-baċiri tal-iskular tar-Reġjun tal-Alpi.

5.4.2.3.

L-appoġġ ta’ inizjattivi mmirati lejn l-armonizzazzjoni bejn l-interventi li għandhom l-għan li jikkonservaw il-bijodiversità u l-pajsaġġi tar-Reġjun tal-Alpi u u dawk orjentati lejn użu ekokompatibbli.

5.4.2.4.

L-iżvilupp ta’ strumenti u proċeduri transnazzjonali għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tar-riskji (għargħar, ċedimenti tal-art, valangi, nirien fil-foresti, eċċ.), il-ġestjoni integrata tal-foresti (kemm f’termini ta’ valur ekoloġiku u naturali, kif ukoll bħala riżorsa ekonomika) u l-problemi li jinħolqu mill-konsum tal-ħamrija (it-tirsis tal-ħamrija u d-dispersjoni urbana).

5.4.2.5.

L-għajnuna tal-konversjoni għal sistema tal-enerġija ta’ wara l-karbonju bis-saħħa tal-implimentazzjoni ta’ inizjattivi għall-effiċjenza enerġetika, għat-twettiq ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni deċentralizzata msejsa fuq riżorsi rinnovabbli u għat-titjib ta’ mudelli ta’ abitazzjoni u trasporti pubbliċi msejsa fuq il-kunċett tal-iffrankar tal-enerġija.

5.4.2.6.

L-iżvilupp u t-twettiq ta’ sistemi ta’ mobilità integrata sabiex titnaqqas id-dipendenza fuq il-karozza u l-użu tagħha, bl-appoġġ tat-trasport pubbliku bħala servizzi ta’ interess ġenerali u, fejn possibbli, tipi ta’ mobilità rinnovabbli.

Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Kummissjoni Ewropea, dokument ta’ konsultazzjoni “Strateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Alpi (EUSALP)”.

(2)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, EUCO 23/1/11 REV 1, 23 u 24 ta’ Ġunju 2011.

(3)  ĠU C 12, 15 ta’ Jannar 2015, p. 64.

(4)  White Paper tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Governanza f’Diversi Livelli, CONST – IV – 020, 2009.

(5)  Kummissjoni Ewropea: “Kodiċi tal-kondotta Ewropea dwar sħubija fil-qafas ta’ Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej”, C(2013) 9651 final.

(6)  http://ec.europa.eu/regional_policy/consultation/eusalp/index_en.cfm

(7)  http://ec.europa.eu/regional_policy/consultation/eusalp/index_en.cfm

(8)  http://www.balticsea-region-strategy.eu

(9)  http://www.danube-region.eu

(10)  http://www.ai-macroregion.eu

(11)  Opinjoni tal-KESE: “Lejn strateġija makroreġjonali tal-UE għall-iżvilupp tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fil-Mediterran”, ĠU C 170, 5.6.2014, p 1.

(12)  Arge-Alp; Alpe-Adria; Alp-Med; Euregio Tirolo-Alto Adige-Trentino; Konvenzjoni tal-Alpi; Programm “Spazio alpino”; Kooperazzjoni transkonfinali.

(13)  Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta’ Diċembru 2013 – p. 26.

(14)  Konferenza li saret f’Grenoble fit-18 ta’ Ottubru 2013 fejn ipparteċipaw ir-rappreżentanti tal-gvernijiet u l-presidenti tar-reġjuni involuti fl-EUSALP.

(15)  Il-Governanza tal-istrateġiji makroreġjonali, COM(2014) 284 final.

(16)  Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013.

(17)  Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013.

(18)  Regolament (UE) Nru 1287/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013.

(19)  Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013.

(20)  Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013.

(21)  Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013.

(22)  Regolament (UE) Nru 1293/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013.

(23)  L-Artikolu 131 tar-Regolament Finanzjarju tal-UE Nru 966/2012.

(24)  Il-prodotti manifatturati mill-ekosistemi jinkludu, ngħidu aħna, l-ikel, l-ilma, il-karburanti u l-injam; is-servizzi, min-naħa l-oħra, jinkludu l-provvista tal-ilma u l-purifikazzjoni tal-arja, ir-riċiklaġġ naturali tal-iskart, il-formazzjoni tal-ħamrija, id-dakkir u ħafna mekkaniżmi regolatorji naturali oħra.

(25)  COM(2013) 83 final.