15.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 12/105


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Evalwazzjoni tal-istrateġija tal-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv”

(COM(2014) 130 final)

(2015/C 012/17)

Relatur:

is-Sur Palmieri

Nhar is-16 ta' Mejju 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Evalwazzjoni tal-istrateġija tal-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv

COM(2014) 130 final.

Is-sottokumitat Evalwazzjoni tal-istrateġija tal-Ewropa 2020, inkarigat sabiex jipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adotta l-Opinjoni tiegħu nhar il-5 ta' Settembru 2014.

Matul il-502 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2014 (seduta tal-15 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'168 vot favur, 7 voti kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Introduzzjoni

1.1

Erba' snin mill-introduzzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 (UE 2020), il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat komunikazzjoni intitolata “Evalwazzjoni tal-istrateġija tal-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” u nediet konsultazzjoni pubblika (1) għar-reviżjoni ta' nofs it-term tagħha.

1.2

Din l-Opinjoni, tweġiba formali għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tifforma wkoll parti mill-valutazzjoni integrata tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) li tindirizza t-talba għal opinjoni esploratorja dwar il-valutazzjoni ta' nofs it-term li jmiss tal-istrateġija Ewropa 2020 mressqa mill-Presidenza Taljana tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

1.3

Il-KESE qed iħejji valutazzjoni ta' nofs it-term komprensiva tal-istrateġija Ewropa 2020, u din se tkun tinkludi d-dokumenti li ġejjin:

rbracetop; rapport tal-proġett bil-għan li jistħarreġ aktar fil-fond l-aspetti kunċettwali ta' governanza tal-Ewropa 2020;

rbracetop; din l-opinjoni SC/039;

rbracetop; kontributi mis-sezzjonijiet u mis-CCMI, mill-Osservatorji u mill-Kumitat ta' Kuntatt mal-organizzazzjonijiet u n-netwerks Ewropej tas-soċjetà ċivili;

rbracetop; kontributi mill-KES nazzjonali u organizzazzjonijiet simili;

rbracetop; il-konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-istudju kkummisjonat mill-Kumitat ta' Tmexxija tal-Ewropa 2020 tal-KESE u mħejji minn Bellagamba, A.,: "Priorities, challenges and prospects for civil society: involvement in the Europe 2020 strategy beyond 2015 – Case study of four Member States (BE – FR – IT – NL).

1.4

Il-pakkett ta' dokumenti li se jkun jinkludi l-valutazzjoni ta' nofs it-term tal-istrateġija, imħejjija mill-KESE, se jiġi ppreżentat f'konferenza ta' livell għoli organizzata fi ħdan il-qafas ta' attivitajiet tal-Presidenza Taljana tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, dwar is-suġġett tal-Lejn Ewropa 2020 aktar effikaċi: il-proposti tas-soċjetà ċivili għal inklużjoni soċjali u kompetittività imtejba fl-Ewropa. Il-konferenza se ssir f'Ruma fl-4 u l-5 ta' Diċembru 2014.

1.5

Sabiex jiġu ppreżentati l-proposti għal riforma tal-istrateġija Ewropa 2020, imfassla mid-diversi korpi interni tal-KESE (2) u diskussi waqt il-laqgħat ta' “gruppi ta' ħidma”, b'mod sħiħ, “ir-rakkomandazzjonijiet” iddaħħlu fil-paragrafu 4: “Ir-rakkomandazzjonijiet tal-KESE sabiex jiġi żgurat proċess ġenwin ta' riforma tal-istrateġija Ewropa 2020”.

2.   L-istrateġija Ewropa 2020 fl-ewwel erba' snin tagħha: l-effetti tal-kriżi fit-tul

2.1

L-istrateġija Ewropa 2020 tirriżulta mill-intenzjoni, li għandha tiġi mfaħħra, li jiġi żgurat ir-rilanċ tal-kompetittività u l-impjiegi fl-UE – li jiġu miġġielda l-problemi strutturali – filwaqt li tiġi żgurata l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali għaċ-ċittadini tagħha. Kien f'dan il-kuntest, diġà diffiċli minnu, li nibtet kriżi mill-aktar severa fl-intensità u t-tul tagħha (fl-aħħar tmenin sena) li affettwat serjament il-proċess tal-istrateġija nnifisha.

2.1.1

Il-kriżi kompliet taggrava d-differenzi ekonomiċi u soċjali fl-UE li diġa kienu ċari, u b'hekk setgħu jinħassu d-differenzi f'termini ta' kompetittività u koeżjoni soċjali, u ħraxet it-tendenza favur il-polarizzazzjoni tat-tkabbir u l-iżvilupp, b'restrizzjonijiet ċari f'termini ta' ridistribuzzjoni ġusta tad-dħul, il-ġid u l-benessri, bejn l-Istati Membri u, fi ħdanhom, fost ir-reġjuni Ewropej (3).

2.2

Mill-analiżi tal-evoluzzjoni u l-konsegwenzi tal-kriżi – li jirriżultaw mill-qari tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni u l-appendiċi tagħha (4) – joħroġ kif din affettwat b'mod negattiv l-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 fl-effikaċja, l-adegwatezza u l-leġittimità tal-mudell ta' governanza tagħha u l-għanijiet tagħha.

2.3

Peress li l-istruttura tal-governanza ekonomika tal-UE hija orjentata ferm lejn il-politiki ta' awsterità, id-dixxiplina fiskali ħadet prijorità fuq il-kisba tal-għanijiet għal perjodu medju sa dak twil tal-istrateġija Ewropa 2020.

2.3.1

Filwaqt li l-KESE jikkunsidra li hija meħtieġa azzjoni biex jissaħħu l-politiki mmirati lejn il-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi ta’ xi Stati Membri, min-naħa l-oħra, il-fatti juru li l-politiki ta' awsterità jistgħu joħolqu l-effetti mixtieqa jekk jiġu implimentati f'fażi ta' “tkabbir” ekonomiku, filwaqt li jekk jiġu applikati “awtomatikament” matul perjodu ta' staġnar u anke riċessjoni ekonomika, bħal dak li qed jgħaddu minnu bħalissa bosta mill-Istati Membri, iħallu effetti negattivi fuq it-tkabbir. Prova ta' dan tidher f'ħafna Stati Membri fejn dawn il-politiki ma tawx ir-riżultati mistennija f'termini ta' konsolidazzjoni fiskali (5) jew saħansitra ittardjaw l-irkupru ekonomiku u aggravaw is-sitwazzjonijiet diġà preokkupanti tad-diżintegrazzjoni soċjali.

2.4

Il-ġestjoni tal-kriżi permezz ta' governanza ekonomika tal-UE affettwat ħażin il-progress biex jintlaħqu l-objettivi għat-terminu medju u twil tal-istrateġija. B'dan il-mod, f'xi Stati Membri tal-UE, inħolqu nuqqasijiet li f'xi każi jservu ta' tfixkil u limiti strutturali għall-iżvilupp ekonomiku u l-koeżjoni soċjali tal-Unjoni.

2.5

Illum, għalkemm hemm riżultati inkoraġġanti miksuba fil-qasam: a) tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-enerġija sostenibbli; b) tal-edukazzjoni u l-ġlieda kontra t-tluq bikri mill-iskola; jidhru sinjali qawwija li jħassbu fir-rigward tan-nefqa għar-riċerka u l-iżvilupp, is-suq tax-xogħol, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

2.5.1

Fir-rigward tan-nefqa għar-riċerka u l-innovazzjoni, jidher li l-kriżi żiedet id-distakk bejn l-Istati Membri tal-UE; l-Istati Membri li jinsabu taħt pressjoni għolja għall-konsolidazzjoni fiskali (li ħafna drabi huma dawk li jinsabu lura fl-innovazzjoni) naqqsu b'mod sinifikanti n-nefqa pubblika tagħhom fir-riċerka u l-innovazzjoni (6). Fl-UE, in-nefqa għar-riċerka u l-iżvilupp għadha kważi punt perċentwali wieħed taħt il-mira ta' 3,0 % u fit-tbassir għall-2020 jidher li se tkun 2,2 %, bl-effett negattiv tal-livell baxx ta' investiment privat u għanijiet inqas ambizzjużi mill-Istati Membri.

2.5.2

Fir-rigward tas-suq tax-xogħol, f'sitwazzjoni ta' rata tal-impjieg staġnata f'dawn l-aħħar snin – li għadha taħt il-mira stabbilita fl-istrateġija Ewropa 2020 (68,4 % fl-2013: 74,2 % għall-irġiel u 62,5 % għan-nisa) qed joħorġu sinjali partikolarment inkwetanti:

26,2 miljun persuna qiegħda;

9,3 miljun ħaddiem skoraġġuti lesti li jaħdmu imma li waqfu jfittxu x-xogħol;

12,0-il miljun persuna li ilhom qiegħda għal aktar minn sena;

mill-2008 (l-ewwel sena tal-kriżi) fl-Unjoni Ewropea ntilfu 6 miljun post tax-xogħol (b'dak kollu li dan jimplika f'termini ta' telf tal-kapaċità u tal-ħiliet professjonali);

5,5 miljun żagħżugħ (taħt il-25 sena) bla xogħol.

Din is-sitwazzjoni diġà hija fiha nnifisha partikolarment inkwetanti u, għal ċerti Stati Membri tal-UE, hemm it-tendenza li tiddeterjora fil-każ taż-żgħażagħ, dawk li ġew esklużi mis-suq tax-xogħol f'età avvanzata u n-nisa.

2.5.3

Il-persuni li jinsabu f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali żdiedu minn 114 miljun fl-2009 għal 124 miljun fl-2012. Xejra li tista' tkompli tmur għall-agħar minħabba l-effetti li jirriżultaw aktar tard fil-kriżi. Il-mira tal-UE li tnaqqas in-numru ta' persuni fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali għal 96,4 miljun – sal-2020 – jidher li diffiċli tintlaħaq minħabba li fl-2012 diġà kien hemm 28 miljun aktar mill-mira stabbilita.

2.5.4

Il-fatt li jaggrava s-sitwazzjoni diġà serja huwa ż-żieda fin-numru ta' persuni li jgħixu fi stat ta' privazzjoni materjali u l-persentaġġ ta' persuni ta' età li jaħdmu li jgħixu f'familji fejn ħadd ma jaħdem.

2.5.5

Il-kriżi żiedet id-disparitajiet li diġà kienu konsiderevoli fost l-Istati Membri, u b'hekk ħarġu differenzi sinifikanti f'termini ta' kompetittività u koeżjoni soċjali. Dawn id-differenzi juru biċ-ċar il-ħtieġa ta' proposti għal riforma li tiżgura li l-miżuri jkunu effettivi kemm jista' jkun fejn il-problemi huma l-aktar serji.

2.5.6

Dawn il-fiċ-ċifri kollha juru biċ-ċar l-importanza li ssir enfasi fuq l-investimenti għat-tkabbir biex jappoġġjaw il-kompetittività u l-kundizzjonijiet għall-kumpaniji, partikolarment l-SMEs, sabiex jinżammu u jinħolqu l-impjiegi.

3.   Analiżi tal-elementi ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020: il-governanza, l-għanijiet, il-parteċipazzjoni u l-implimentazzjoni.

3.1

L-analiżi tar-riżultati miksuba s'issa, turi strateġija li fil-biċċa l-kbira ma dehrietx li kienet biżżejjed biex jintlaħqu l-għanijiet li għaliha ġiet stabbilita. Wasal iż-żmien li ngħaddu għal proċess ta' riforma tal-istrateġija Ewropa 2020 biex tkun aktar effiċjenti u effettiva, b'hekk jitneħħa l-periklu li din tista' tfalli, kif ġara fil-każ tal-istrateġija preċedenti ta' Lisbona. Huwa importanti ħafna li ssir enfasi fuq għadd ta' objettivi, sabiex tiġi żgurata koerenza bejniethom u tiġi ggarantita l-implimentazzjoni tagħhom.

3.2

In-nuqqasijiet ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 jidhru fl-oqsma tal-governanza, l-għanijet stabbiliti, il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-implimentazzjoni tagħha.

3.3

Is-sistema ta' governanza tal-istrateġija Ewropa 2020 hija dgħajfa u mhix tant effettiva biex torbot lill-Istati Membri biex jirrispettaw l-impenji tagħhom biex jintlaħqu l-għanijiet (u l-inizjattivi ewlenin) stipulati fl-istrateġija.

3.3.1

L-istruttura ta' governanza tal-istrateġija ifformalizzat distorsjoni strutturali fejn l-aspetti ekonomiċi jieħdu preċedenza fuq il-governanza soċjali u ambjentali, u b'hekk l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 ġew subordinati għall-prijoritajiet makro-ekonomiċi tas-semestru Ewropew, u dan kien ta' theddida għall-kisba tal-għanijiet rigward il-kompetittività u l-koeżjoni soċjali tal-UE u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali.

3.3.2

Hafna drabi, fis-Semestru Ewropew, li jibda bl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (AGS) u jieqaf bit-tfassil ta' “rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż”, ġew stabbiliti prijoritajiet li ma jagħtux appoġġ effettiv biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. Barra minn hekk, “ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż” ma jiġux rispettati mill-Istati Membri fit-tfassil tal-istrateġiji nazzjonali annwali tagħhom (Programmi Nazzjonali ta' Riforma) u fid-deċiżjonijiet rilevanti dwar: il-baġit, ir-riformi strutturali, il-politiki tal-impjieg u l-politiki soċjali (7).

3.4

Fit-tfassil tal-istrateġija Ewropa 2020, l-iffissar tal-għanijiet u l-indikaturi relatati proposti, minbarra li mhumiex vinkolanti, ma għaddewx minn proċess ta' kunsens wiesa' fost iċ-ċittadini tal-UE. Sal-lum, ħlief għall-miri dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra u dwar l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli (li għandhom qafas legali vinkolanti) kull pajjiż seta' jistabbilixxi l-objettivi tiegħu b'riżultati ta' spiss ftit li xejn ambizzjużi.

3.4.1

Il-kejl kwantitattiv tal-għanijiet mhux appoġġjat b'valutazzjoni kwalitattiva: l-intelliġenza ta' sistema soċjo-ekonomika ma tistax titkejjel biss abbażi ta' indikaturi kwantitattivi bħal: nefqa għar-riċerka jew l-għadd ta' impjiegi ġodda maħluqa; iżda għandha tikkunsidra wkoll indikaturi kwalitattivi bħal: tipi ta' innovazzjonijiet introdotti fis-“suq”, u l-kwalità tal-impjiegi li nħolqu.

3.5

L-istrateġija Ewropa 2020 ma tinvolvix biżżejjed lis-soċjetà ċivili organizzata, la fil-livell nazzjonali u lanqas f'dak Ewropew. Ir-raġunijiet għal dan huma kif ġej:

in-nuqqas ta' attivitajiet ta' komunikazzjoni u tixrid ta' informazzjoni dwar l-istrateġija Ewropa 2020 li wassal biex ikunu familjari magħha u involuti fiha primarjament l-esperti fil-qasam;

in-nuqqas ta' ħeġġa ta' xi Stati Membri biex jinvolvu lis-soċjetà ċivili organizzata fil-proċess ta' programmazzjoni tal-miżuri tal-istrateġija Ewropa 2020;

in-nuqqas ta' rabta vera bejn l-azzjoni tas-soċjetà ċivili fil-livell Ewropew u dik fil-livell nazzjonali u lokali;

il-miżuri meħuda biex jindirizzaw l-effetti tal-kriżi (inkluż l-iskeda tas-“semestru Ewropew”) jikkoinċidu mal-inizjattivi tal-istrateġija Ewropa 2020, u dan jagħmilha aktar diffiċli biex l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet li jirrapreżentaw lis-soċjetà ċivili jifhmu l-proċess tal-iżvilupp ta' strateġija u jipparteċipaw fih;

in-nuqqas ta' disponibbiltà tar-riżorsi finanzjarji limitati ma jippermettix l-involviment strutturat tas-soċjetà ċivili organizzata;

parteċipazzjoni inadegwata tal-imsieħba soċjali fil-proċess ta' konsultazzjoni fil-qafas tas-Semestru Ewropew f'xi pajjiżi.

3.6

Minkejja l-proċeduri maqbula fil-livell tal-Kunsill Ewropew, l-għadd kbir ta' programmi ta' kooperazzjoni attivi fi ħdan l-UE u l-għarfien li l-isfidi u l-objettivi definiti fl-Ewropa 2020 ma jistgħux jiġu indirizzati b'mod effettiv biss permezz ta' miżuri tas-sistemi nazzjonali individwali, l-implimentazzjoni tal-Ewropa 2020 sofriet nuqqas ta' kooperazzjoni effettiva u ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri.

3.7

L-inizjattivi ewlenin setgħu taw kontribut deċiżiv fil-koordinazzjoni tal-politiki nazzjonali u Ewropej biex jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, sabiex tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi permezz ta' użu aktar effiċjenti tal-effett ta' lieva tal-iżvilupp u l-opportunitajiet mill-Fondi Strutturali (8), il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (9) u programmi taħt ġestjoni diretta. L-inizjattivi ewlenin għandhom ikunu iktar ġestibbli u intelliġibbli, b'iktar interazzjonijiet u mingħajr duplikazzjoni.

IL-KONKLUŻJONIJIET U R-RAKKOMANDAZZJONIJIET TAL-KESE BIEX JIĠI ŻGURAT LI JKUN HEMM PROĊESS TA' RIFORMA TAL-ISTRATEĠIJA EWROPA 2020.

4.   Lejn qafas kunċettwali ġdid tal-istrateġija Ewropa 2020

4.1

L-UE trid tiffaċċja sfida doppja: minn naħa waħda għandha toħroġ malajr kemm jista' jkun mill-kriżi li l-effetti tagħha kienu ta' tfixkil għas-sistema ekonomika u soċjali tagħha; min-naħa l-oħra jeħtieġ li ssaħħaħ il-mudell ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv skont l-istrateġija Ewropa 2020 sabiex tkun tista' tindirizza n-nuqqas ta' kompetittività strutturali tas-sistema Ewropea.

4.1.1

Huwa f'dan il-kuntest li l-KESE jemmen li jeħtieġ jiġi promoss mudell ta' żvilupp li permezz tiegħu l-Istati Membri tal-UE, waqt li jkomplu jsegwu riformi strutturali maħsuba għall-konsolidazzjoni u l-affidabbiltà tal-finanzi nazzjonali, fl-istess ħin jirnexxielhom ikomplu jimplimentaw il-politiki: sabiex jippromovu l-kompetittività Ewropea u tal-atturi prinċipali tagħha (ħaddiema, intrapriżi privati u intrapriżi soċjali); jiffavorixxu t-tkabbir kwantitattiv u kwalitattiv tal-investimenti Ewropej (tanġibbli, intanġibbli u soċjali); joħolqu aktar postijiet tax-xogħol u postijiet aħjar; barra milli jappoġġaw il-koeżjoni soċjali u territorjali, billi jiġġieldu d-diffikultajiet marbutin mal-livell għoli ta' qgħad u ż-żieda fil-livelli ta' faqar u esklużjoni soċjali (10).

4.1.2

Huwa f'dan il-kuntest li jeħtieġ li l-Unjoni ekonomika u monetarja ssir fattur ta' stabbiltà u tkabbir aktar robust u reżiljenti, tissaħħaħ l-attrattività ġenerali tal-Unjoni Ewropea bħala post għall-produzzjoni u l-investiment, jiġi sfruttat għal kollox il-potenzjal tas-suq uniku fl-aspetti kollha tiegħu, isiru investiment u tħejjija tal-ekonomija Ewropea għall-ġejjini, titħeġġeġ klima favur l-intraprenditorija u l-ħolqien tal-impjiegi, tiġi appoġġjata s-sostenibbiltà ambjentali u jingħata appoġġ lis-sistema ta' għajnuna soċjali fil-ġlieda kontra l-bidliet u l-problemi soċjali.

4.2

Il-KESE jikkunsidra li l-proposta għal riforma radikali fl-implimentazzjoni tal-istrateġija UE 2020 teħtieġ reviżjoni profonda tal-kunċetti u fatturi ewlenin tal-istrateġija implimentata erba' snin ilu dwar: l-istess kunċett ta' żvilupp tal-istrateġija nnifisha; l-identifikazzjoni tal-għanijiet, tal-politiki biex dawn jintlaħqu, u tal-monitoraġġ u valutazzjoni relevanti, it-tfassil ta' governanza f'diversi livelli effiċjenti u effettiva tal-istrateġija; it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

4.3

Biex l-iżvilupp promoss permezz tar-riforma tal-istrateġija Ewropa 2020 ikun verament sostenibbli, huwa essenzjali li jissaħħaħ l-approċċ olistiku tiegħu fejn l-objettivi ekonomiċi jiġu integrati ma' dawk soċjali u ambjentali. Jeħtieġ jiġi promoss approċċ li kapaċi jisfrutta kull forma ta' kapital fiż-żmien jew fl-ispazju, u b'hekk jassigura li jintlaħqu l-ħtiġijiet attwali mingħajr ma jikkomprometti dawk tal-ġenerazzjonijiet futuri.

4.3.1

Se jkun kruċjali li l-kunċett ta' żvilupp sostenibbli u l-għanijiet li jirriżultaw mill-istrateġija Ewropa 2020 jintrabtu ma' dak li huwa definit fl-Artikolu 3 (1)(2)(3) tat-“Trattat dwar l-Unjoni Ewropea” (11), għall-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali permezz ta' kooperazzjoni u solidarjetà iżjed b'saħħithom bejn l-Istati Membri u permezz ta' żvilupp sostenibbli msejjes fuq tkabbir ekonomiku bbilanċjat u ekonomija tas-suq soċjali kompetittiva ħafna u aktar adattata għall-benesseri taċ-ċittadini, maħsuba għall-kompetittività u l-impjieg sħiħ.

4.3.2

L-istrateġija Ewropa 2020 għandha tirrifletti wkoll ir-rwol tal-UE fil-kuntest globali. Ir-reviżjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 għandha torbot mill-qrib mal-Aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli wara l-2015 (12) u tipprevedi l-implimentazzjoni adatta tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli mill-UE u fl-UE.

4.3.3

Sabiex jingħata bidu lit-transizzjoni fit-tul tal-ekonomija tal-UE li tkun reżiljenti u kompetittiva, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u inklużiva, l-UE ser ikollha testendi l-orizzont tal-ippjanar tagħha lil hinn mill-2020. Għalhekk, ir-reviżjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 għandha tiġi komplementata b'mod urġenti bit-tnedija ta' proċess parteċipattiv li jwassal għal strateġija politika għal Ewropa sostenibbli f'dinja globalizzata, b'perjodu ta' żmien mill-inqas sal-2030.

4.4

B'mod parallel mal-iżvilupp ta' approċċ olistiku għall-kunċett ta' żvilupp sostenibbli fl-istrateġija Ewropa 2020 għandha tissaħħaħ aktar id-dimensjoni kwalitattiva tal-għanijiet. It-tkabbir ifisser żieda naturali fid-daqs u għaldaqstant dan jimplika dimensjoni kwantitattiva, filwaqt li l-iżvilupp ifisser żieda fil-kwalità u l-potenzjal. Id-dimensjoni kwalitattiva tal-iżvilupp tissarraf bl-isfruttar u l-iżvilupp tal-karatteristiċi speċifiċi u l-potenzjal ta' sistema soċjoekonomika.

4.4.1

L-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 ma għandhomx ikunu subordinati għal għanijiet ekonomiċi u baġitarji iżda għandhom jiġu integrati fl-istess livell, f'qafas ġdid ta' governanza ekonomika, ambjentali u soċjali, speċjalment fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u, għaldaqstant, fis-SAT, fil-programmi nazzjonali ta' riforma u fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

4.4.2

Il-KESE jtenni li huwa essenzjali li tiġi identifikata sistema ta' miżuri kumplimentari għall-PDG biex jitkejjel l-impatt tal-politiki adottati fir-rigward tas-soċjetà, il-familja u l-individwi (13). F'dan il-kuntest ser ikun meħtieġ li tiġi implimentata tabella ta' valutazzjoni soċjali u li tiġi garantita l-applikazzjoni ġenwina tagħha fis-Semestru Ewropew (14).

4.4.3

F'dan is-sens, huwa kruċjali li tiġi żviluppata sistema ta' monitoraġġ ibbażata fuq indikaturi li jqisu l-introjtu disponibbli tal-unitajiet domestiċi, il-kwalità tal-ħajja, is-sostenibbiltà ambjentali, il-koeżjoni soċjali, is-saħħa u l-benesseri tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri. Fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-ġestjoni tas-sistema ta' monitoraġġ ġdida, il-KESE jemmen li għandha tiġi stabbilita struttura ġdida li tinvolvi l-istituzzjonijiet rilevanti.

4.5

L-istrateġija Ewropa 2020 tkun suċċess biss jekk tkun mibnija fuq governanza f'diversi livelli biex tkun tista' tirreaġixxi għall-bosta sfidi li qed jitfaċċaw, u jekk il-linji gwida ġenerali, maqbula fil-livell Ewropew, jissarfu f'azzjoni nazzjonali u reġjonali konkreta.

4.5.1

Huwa f'dan il-kuntest li trid tissaħħaħ il-governanza ekonomika tal-UE b'mod ġenerali, u tal-UEM b'mod partikolari, u tiġi integrata mal-istrateġija Ewropa 2020. B'dan il-mod ser ikun possibbli li tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta' dawk ir-riformi ta' natura strutturali, permezz ta' taqssim effiċjenti u sjieda mill-Istati Membri. Għalhekk hemm bżonn li tiġi stabbilita kooperazzjoni reali fil-funzjonijiet ta' tmexxija, kondiviżjoni, u kontroll eżerċitati mill-Kunsill Ewropew, il-Kunsill Kompetizzjoni, il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew.

4.5.2

L-Istati Membri għandhom iqisu b'attenzjoni r-“rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi”, adottati mill-Kunsill Ewropew fit-tfassil tal-istrateġiji annwali definiti fil-programmi nazzjonali ta' riforma u fid-deċiżjonijiet dwar il-baġit, ir-riformi strutturali, il-politiki tal-impjieg u l-politiki soċjali.

4.6

Huwa meħtieġ li jissaħħaħ ir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata fid-diversi stadji tal-proċess ta' programmazzjoni u implimentazzjoni tal-politiki Ewropej. L-ilħuq tal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 għandu jkun appoġġjat bit-tisħiħ tar-rwol u l-involviment tas-soċjetà ċivili fl-“Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir”, fit-tfassil tal-programmi nazzjonali ta' riforma u fir-“rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi”. Dan it-tisħiħ irid isir permezz tal-adozzjoni ta' skeda tas-semestru Ewropew aktar effikaċi u f'waqtha, li tippermetti li s-soċjetà ċivili organizzata tippreżenta valutazzjonijiet fil-ħin meta jkun għadu possibbli li tikkontribwixxi b'mod effettiv fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Dan għandu jiġi żgurat fit-tliet livelli ta' governanza tal-istrateġija: dak Ewropew, nazzjonali u reġjonali.

5.   Il-politiki trasversali u settorjali b'appoġġ għall-istrateġija Ewropa 2020

5.1

Sabiex l-istrateġija Ewropa 2020 isservi ta' lieva ta' kompetittività u koeżjoni biex tgħin it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv tal-Ewropa matul il-5 snin li ġejjin, il-KESE jqis li hija meħtieġa implimentazzjoni ta' strateġija integrata magħmula minn politiki transversali (jew orizzontali) u politiki settorjali (jew vertikali).

5.1.1

Il-politiki transversali (jew orizzontali) għandu jkollhom l-għan li joħolqu l-kundizzjonijiet sabiex l-atturi ewlenin jisfruttaw ir-rilanċ tal-kompetittività Ewropea, jiġifieri l-ħaddiema u n-negozjiu l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali.

5.1.2

Il-politiki settorjali (jew vertikali) għandhom iservu ta' pilastri li permezz tagħhom jiġi żgurat rilanċ effettiv tal-istrateġija Ewropa 2020 permezz ta': rilanċ tal-politika industrijali; l-unifikazzjoni tal-politika tal-enerġija; it-tisħiħ tar-riċerka u l-innovazzjoni barra mill-promozzjoni tal-fatturi ta' tisħiħ tal-kompetittività fis-sistema Ewropea marbuta mas-sistema ta' benessri, tal-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali  (15).

5.2

L-atturi fir-rigward tal-politiki transversali tal-istrateġija Ewropa 2020 il-ġdida, għandu jkollhom il-ħaddiema, l-intrapriżi privati  (16)l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali  (17) bħala atturi ta' riferiment.

5.2.1

F'dak li għandu x'jaqsam mal-imsieħba soċjali l-istrateġija Ewropa 2020 għandu jkollha fost il-prijoritajiet ewlenin tagħha l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità bħala strument li kapaċi jindirizza l-frammentazzjoni li qed tiżdied fis-suq tax-xogħol u l-qgħad.

5.2.1.1

Huwa meħtieġ li s-sistemi tal-edukazzjoni, it-taħriġ mill-ġdid u t-taħriġ kontinwu jiġu adattati skont il-ħtiġijiet u l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol.

5.2.1.2

Hija meħtieġa edukazzjoni dwar l-intraprenditorija u l-iżvilupp ta' approċċi u sistemi ta' tagħlim ġodda, sabiex il-persuni jiksbu l-ħiliet adatti biex jagħmlu użu mill-kapital uman.

5.2.1.3

Huwa importanti li jiġu promossi u appoġġjati r-rwol tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi fil-gwida, l-inklużjoni u l-inklużjoni mill-ġdid tal-persuni fis-suq tax-xogħol.

5.2.1.4

Jeħtieġ isir sforz akbar fir-rigward tal-politiki maħsubin biex isostnu l-impjieg, speċjalment taż-żgħażagħ, ta' dawk li ħarġu mis-suq tax-xogħol f'età avvanzata, tan-nisa u tal-persuni b'diżabilitajiet. Huwa wkoll importanti li tingħata aktar attenzjoni lid-diffikultajiet ta' impjieg ta' dawk il-persuni li mhumiex inklużi fl-istatistika uffiċjali peress li huma barra mis-suq tax-xogħol (persuni bla dar jew bla saqaf, Roma, eċċ.).

5.2.1.5

Hemm bżonn li jiġi stabbilit għan ġdid fl-istrateġija Ewropa 2020: it-tnaqqis tal-qgħad fost iż-żgħażagħ b'50 % sal-2020.

5.2.2

Fir-rigward tal-intrapriżi, speċjalment l-SMEs, jeħtieġ li titħeġġeġ kultura intraprenditorjali moderna ibbażata fuq il-prijoritajiet stabbiliti mill-“Att dwar in-negozji ż-żgħar” (18) u “L-Intraprenditorija 2020” (19), li tista' tgħin lill-intrapriżi biex isarrfu l-opportunitajiet offruti mill-aċċess għal finanzjament Ewropew u l-innovazzjoni teknoloġika f'lievi ta' żvilupp li bihom isostnu l-kompetittività u l-impjiegi.

5.2.2.1

F'dan il-kuntest għandhom jiġu żgurati l-kundizzjonijiet li jiggarantixxu li l-operaturi ekonomiċi jikkompetu f'suq fejn id-distorzjonijiet marbutin mal-burokrazija eċċessiva kif ukoll il-metodi u l-prattiki inġusti u llegali jitneħħew.

5.2.2.2

Jeħtieġ ukoll li neżaminaw il-possibbiltà ta' promozzjoni ta' assistenza speċjalizzata għall-SMEs (20) għal xi rotot speċifiċi: start-up, internazzjonalizzazzjoni; l-użu tas-suq kapitali; riċerka, żvilupp u innovazzjoni.

5.2.3

L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali huma element ewlieni tal-mudell soċjali Ewropew peress li jirrappreżentaw fuq kollox fil-livell lokali u reġjonali, muturi ta' innovazzjoni soċjali u vetturi għall-ħolqien ta' impjieg, tkabbir sostenibbli u koeżjoni. Huma jdaħħlu metodi ġodda u flessibbli ta' għoti ta' servizz u innovazzjonijiet f'termini ta' prodotti, proċessi u organizzazzjoni.

5.3

Ir-rilanċ effettiv tal-istrateġija Ewropa 2020 ser jiddependi minn kemm jirnexxielna nisfruttaw il-politiki settorjali li ġejjin.

5.3.1

Permezz tar-rilanċ tal-politika industrijali Ewropea se jkun jista' jiġi żgurat titjib fil-kompetittività tas-sistema ta' produzzjoni Ewropea. L-UE għandha terġa' tibda tikkompeti f'termini ta' sistema u biex tagħmel dan, għandu jkollha politika industrijali tagħha. Is-settur tal-manifattura jrid jerġa' jikseb sehem ta' 20 % tal-PDG (fl-2012 dan kien 15,3 %).

5.3.1.1

Tinħtieġ politika industrijali li tista' tippromwovi:

rbracetop; l-integrazzjoni strateġika tal-katina tal-valur fis-setturi differenti: il-manifattura, l-agroindustrija, is-servizzi;

rbracetop; l-affermazzjoni ta' industriji b'teknoloġija avvanzata (high-tech) jew b'teknoloġija medja sa għolja (medium-high tech) u ta' servizzi intensivi fl-għarfien (knowledge intensive services);

rbracetop; l-iżvilupp ta' suq Ewropew li huwa kapaċi li jiżgura kemm kompetizzjoni ġusta għall- kwalifiki ta' livell medju sa għoli, kif ukoll jippromwovi l-mobilità tal-ħaddiema u l-professjonijiet liberi b'livell medju sa għoli ta' speċjalizzazzjoni, u s-servizzi;

rbracetop; interkonnessjonijet funzjonali bi speċjalizzazzjoni għolja bejn is-settur pubbliku u l-operaturi ta' servizzi b'livell għoli ta' speċjalizzazzjoni sabiex isir titjib fl-użu tal-produttività tas-settur pubbliku;

rbracetop; il-kapitalizzazzjoni tal-opportunitajiet ta' żvilupp li jirriżultaw mill-ekonomija ekoloġika u l-appoġġ għat-tranżizzjoni ekoloġika tal-UE lejn mudell ta' produzzjoni u konsum, konsistenti mal-prinċipju ta' tkabbir sostenibbli (permezz ta' rabtiet ma' “l-aġenda għal wara l-2015 dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli”) (21);

rbracetop; is-settur strateġiku “tal-ekonomija blu” permezz tal-innovazzjoni sabiex l-opportunitajiet ta' żvilupp marbutin mal-“katini ta' valur” ewlenin (Blue industry; Blue logistic; Blue tourism; Blue food; Blue energy; Blue resources) jissarrfu f'benefiċċji ekonomiċi, ambjentali u soċjali għall-intrapriżi u ċ-ċittadini Ewropej.

5.3.2

Huwa essenzjali li f l-UE tiġi promossa politika komuni tal-enerġija . Minħabba l-implikazzjonijiet kbar tal-enerġija għall-ekonomija, politika industrijali serja ma tistax ma tħaddanx prinċipji komuni bħal:

l-aġġustament u t-tnaqqis tad-differenzi fil-prezzijiet tal-enerġija;

it-titjib fil-kundizzjonijiet tas-suq intern tal-enerġija;

it-tnaqqis ta' dipendenza enerġetika fuq Stati terzi;

l-iżvilupp ta' enerġiji rinnovabbli.

5.3.3

L-iżvilupp ta' politiki ta' riċerka u innovazzjoni, l-użu ta' teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), kif ukoll id-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija huma oqsma fejn hemm potenzjal sinifikanti għar-rilanċ tal-kompetittività Ewropea. F'dawn is-sitwazzjonijiet huwa possibbli li jiġu attirati forom ġodda ta' kooperazzjoni effiċjenti u effettiva bejn il-pubbliku u l-privat.

5.3.3.1

F'dan il-kuntest, il-KESE jqis li jkun tajjeb li:

rbracetop; jitħeġġu aġenziji pubbliċi, flessibbli u dinamiċi, li kapaċi jippromovu l-opportunitajiet għal finanzjament fuq żmien medju u twil, u kapaċi jiżguraw ir-rabta meħtieġa bejn ix-xjenza u l-industrija;

rbracetop; tittieħed azzjoni biex jiġi sfruttat l-ICT, bħala mezz kif trawwem id-dinamiżmu ta' operaturi ekonomiċi (l-SMEs jikbru aktar malajr meta jagħmlu użu minnu);

rbracetop; jiżdied l-appoġġ finanzjarju għall-attivitajiet ta' riċerka, żvilupp u innovazzjoni u l-appoġġ fl-Istati Membri kollha għat-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-universitajiet, l-istituzzjonijiet ta' riċerka u l-intrapriżi;

rbracetop; tiġi promossa d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija, opportunità li tista' tgħaqqad l-interess privat għall-benefiċċju tal-pubbliku, peress li tippermetti li l-intraprendituri jisfruttaw bis-sħiħ l-opportunitajiet offruti mis-suq, u fl-istess ħin joffru prodotti u servizzi diġitali pubbliċi ġodda għall-pubbliku.

5.3.4

Il-KESE jemmen fil-promozzjoni ta' dawk il-fatturi li jsaħħu l-kompetittività marbutin mas-sistemi ta' ħarsien soċjali. L-implimentazzjoni ta' politiki effettivi ta' benessri tista' tirrappreżenta fattur partikolarment importanti għar-rilanċ tal-kompetittività tal-UE, minħabba li tiżgura ambjent li fih il-fatturi ta' riskju, li mhumiex sostenibbli fuq livell individwali (għaċ-ċittadini), jistgħu jiġu miġġielda permezz ta' politiki speċifiċi ta' ħarsien soċjali. Hemm bżonn li jissaħħaħ l-impenn għall-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol. Il-KESE jqis li huwa fundamentali li tiġi appoġġjata aktar l-inklużjoni tal-persuni b'diżabilità (22) u d-dimensjoni tal-ġeneri (23), u l-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni u l-forom ta' esklużjoni bbażati fuq l-oriġini ta' razza jew etniċità, l-età, ir-reliġjon u l-orjentazzjoni sesswali.

5.3.4.1

Fid-dawl tal-previżjonijiet dwar it-tixjiħ tal-popolazzjoni (24) fl-Ewropa huwa essenzjali li l-impenn li ttieħed dwar it-tibdil demografiku jinżamm u jekk possibbli jissaħħaħ. Sabiex l-aspetti pożittivi tat-tibdil demografiku iseħħu kemm għall-anzjani kif ukoll għas-soċjetà b’mod ġenerali, huwa assolutament meħtieġ li n-nies ikollhom il-possibbiltà li jixjieħu b’saħħithom u fis-sigurtà (25).

5.3.4.2

Il-KESE jemmen li l-miżuri ta' politika ekonomika għandha ssirilhom valutazzjoni tal-impatt soċjali, bħala prevenzjoni, sabiex tilqa' kontra l-interventi li jistgħu jgħollu l-livelli ta' faqar jew esklużjoni soċjali.

5.3.4.3

Barra minn hekk, għandha tiġi promossa strateġija integrata għall-inklużjoni attiva li tiżgura:

appoġġ adegwat għad-dħul;

suq tax-xogħol inklużiv;

aċċess għal xogħol u servizzi ta' kwalità u l-promozzjoni tal-innovazzjoni soċjali;

l-użu tal-ekonomija soċjali fl-oqsma strateġiċi tas-servizzi tal-kura u l-għajnuna lill-persuni.

5.4

Il-KESE jqis li l-Istrateġija Ewropa 2020 għandu jkollha magħha pjan ambizzjuż ta' investimenti materjali u immaterjali fl-infrastruttura u l-investimenti soċjali li jimmiraw b'mod esklussiv lejn l-irkupru tal-kompetittività tal-UE (26). Il-Kunsill għandu japprova l-fondi supplimentari meħtieġa biex jiġu finanzjati u l-Kummissjoni għandha tissorvelja l-effikaċja u l-effiċjenza tagħhom filwaqt li tkun qed tissorvelja r-riformi strutturali ta' kull pajjiż.

F'dan ir-rigward, il-KESE jtenni l-proposti tiegħu li jinsabu f'opinjoni reċenti (27) dwar l-importanza tal-investimenti pubbliċi tal-Istati Membri minn naħa u min-naħa l-oħra li jfittxu li jtaffu jew jissospendu b'mod temporanju, tul il-kriżi, il-politiki tal-awsterità.

F'dan l-ispirtu il-KESE jirrakkomanda li jiġu applikati r-regoli tal-Patt ta' Stabbiltà u t-Tkabbir bil-flessibbiltà kollha li s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali timponi.

5.4.1

L-investimenti infrastrutturali “materjali” għandhom jiffokaw fuq żewġ assi prinċipali. L-ewwel wieħed irid ikun li jiġu żgurati l-manutenzjoni, l-irkupru u l-immodernizzar: tal-wirt arkitettoniku, storiku u tad-djar; tan-netwerks tat-trasport (bil-ferrovija, bit-triq u bil-baħar). Ser ikunu importanti wkoll il-manutenzjoni u ż-żamma tas-sigurtà tal-wirt idroġeoloġiku u tal-kosta Ewropew. It-tieni wieħed jirrigwarda l-investimenti “intanġibbli” li jkopru l-iżvilupp tan-netwerks ta' teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni. L-iffinanzjar ta' dan il-pjan ta' investiment jista' jseħħ bil-parteċipazzjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment, il-ħruġ ta' bonds Ewropej ad hoc u r-riformulazzjoni tal-Programm Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 ippjanata għall-2016.

5.4.2

L-investiment soċjali għandu jkun kapaċi jiġġieled il-faqar u r-riskju ta' esklużjoni soċjali, u jiffavorixxi l-irkupru fl-impjieg Ewropew. Pjan ta' investiment ta' 2 % tal-PDG li jiġi eskluż mill-kalkoli tad-defiċit, li jkun monitorjat sabiex jiġu żgurati l-kundizzjonijiet ta' effiċjenza u effikaċja. Pjan li jista' jkun immirat lejn: is-servizzi sanitarji; servizzi ta' għajnuna u servizzi ta' kura b'rabta diretta mat-tendenzi demografiċi tal-Istati Membri; it-tisħiħ tas-sistema tal-edukazzjoni, it-taħriġ u t-taħriġ professjonali mill-ġdid; u l-akkomodazzjoni soċjali; eċċ. L-iffinanzjar, barra milli jiġi eskluż mill-kalkolu tad-defiċit, jista' jinġabar permezz ta' taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji.

Brussell, 15 ta' Ottubru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Ara s-sit tal-Kummissjoni Ewropea: http://ec.europa.eu/europe2020/public-consultation/index_en.htm

(2)  KESE (2014) Il-kontributi tas-Sezzjonijiet Speċjalizzati tal-KESE, l-Osservatorju tas-Suq tax-Xogħol, l-Osservatorju tas-Suq Uniku, l-Osservatorju tal-Iżvilupp Sostenibbli, is-CCMI u l-Grupp ta' Kuntatt – Għar-reviżjoni ta' nofs iż-żmien tal-Istrateġija Ewropa 2020. Kumitat ta' Tmexxija tal-Ewropa 2020

(3)  “Bħala medja fl-Ewropa, fl-2012 il-persuni fl-ogħla (il-ħames) kwintil tad-dħul kellhom kważi 40 % tad-dħul totali, u l-persuni fl-ibaxx kwintil (l-ewwel) kellhom inqas minn 10 %.” Eurostat (2014) Statistics in focus 12/2014.

(4)  F'din l-opinjoni – għal raġunijiet ta' spazju – mhix rapportata d-data statistika kollha li tinsab fiż-żewġ dokumenti msemmija: COM(2014) 130 final – Annessi 1-3.

(5)  Fit-28 Stat Membru tal-UE fil-perjodu mill- 2007 (l-aħħar sena qabel ma bdiet il-kriżi) sal-2013, id-dejn pubbliku tela' minn 58,8 % għal 87,1 %, żieda ta' 28,3 punti perċentwali. Għat-18-il Stat Membru taż-żona tal-euro iż-żieda kienet minn 66,2 % għal 92,6 %, żieda ta' 26,4 punti perċentwali. Eurostat database: General government gross debt.

(6)  Veugelers, R. (2014) Undercutting the future? European research spending in times of fiscal consolidation. Bruegel Policy Contribution. Ħarġa 2014/06.

(7)  European Parliament (2014) Study – A “traffic light approach” to the implementation of the 2011 and 2012 Country Specific Recommendations (CSRs). Economic Governance Support Unit.

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013, ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320–469.

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013, ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259–280.

(10)  Tista ssib aktar informazzjoni dwar il-proġett ta' riċerka fuq http://www.foreurope.eu/

(11)  ĠU C 83, 30.3.2010.

(12)  http://sustainabledevelopment.un.org/index.php?menu=1561

(13)  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 14–20.

(14)  It-Tisħiħ Tad-Dimensjoni Soċjali Tal-Unjoni Ekonomika U Monetarja COM(2013) 690 provviżorja.

(15)  Għal eżami iktar dettaljat tal-azzjonijiet proposti, ara: KESE (2014) op.cit.

(16)  It-terminu globali ta' intrapriżi qed jirreferi kemm għall-karatteristika ewlenija tal-intraprenditur (kemm jekk jaħdem għal rasu, professjonjist, b'impjegati u jħallas il-kontributi soċjali) kif ukoll għad-daqs (intrapriżi mikro, żgħar, medji jew kbar).

(17)  L-ekonomija soċjali tinkludi kemm l-SMEs kif ukoll intrapriżi kbar fosthom kooperattivi, soċjetajiet ta' għajnuna reċiproka, assoċjazzjonijiet, fondazzjonijiet, NGOs soċjali eċċ

(18)  “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa” – COM(2008) 394 final/2.

(19)  ĠU C 271, 19.9.2013, p. 75–80.

(20)  Il-KESE jirreferi għar-rapport “Action Lines: Bolstering the business of liberal professions” tal-“Working Group in Liberal professions” li ġie ppubblikat fit-12 ta' Marzu 2014.

(21)  http://www.wfuna.org/post-2015

(22)  Strateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020: Impenn mill-Ġdid għal Ewropa Mingħajr Ostakoli COM(2010) 636 final.

(23)  Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel COM(2010) 491 final.

(24)  Rapport tal-Kummissjoni Ewropea tal-2012 dwar it-tixjiħ

(25)  ĠU C 51, 17.2.2011, p. 55–58.

(26)  Kif propost minn Jean-Claude Junker, Kandidat għall-President tal-Kummissjoni Ewropea, fil-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni li jmiss, 15 ta' Lulju 2014, Strasburgu.

(27)  Opinjoni tal-KESE “L-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja – Il-proposti tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għal-leġislatura Ewropea li jmiss”, relaturi is-Sinjuri Van Iersel u Cedrone, adottata fid-9 ta' Lulju 2014, għadha mhux ippubblikata fil-ġurnal uffiċjali.