26.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 424/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Miżuri għall-impjieg taż-żgħażagħ — l-aħjar prattiki

(Opinjoni esploratorja fuq talba tal-Presidenza Griega tal-Kunsill)”

2014/C 424/01

Relatur:

is-Sinjura Schweng

F’ittra datata s-6 ta’ Diċembru 2013, is-Sur Theodoros Sotiropoulos, Ambaxxatur, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, f’isem il-Presidenza Griega tal-Kunsill tal-UE u b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jfassal opinjoni dwar

Miżuri għall-impjieg taż-żgħażagħ – l-aħjar prattiki

(opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-13 ta' Mejju 2014.

Matul l-499 sessjoni plenarja tiegħu li saret l-4 u l-5 ta' Ġunju 2014 (seduta tal-4 ta' Ġunju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'124 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) iqis il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ bħala prijorità politika. Sabiex iż-żgħażagħ tal-lum ikunu jistgħu jfasslu l-Ewropa ta' għada, jeħtieġu prospetti għal ħajja indipendenti, fejn ikun hemm post tax-xogħol li jikkorrespondi għall-kwalifiki tagħhom. Huwa biss permezz ta' strateġija mmirata lejn it-tkabbir, u li hija intiża għat-tisħiħ tal-kompetittività u għat-trawwim mill-ġdid tal-fiduċja tal-investituri u tal-pubbliku, kif ukoll permezz ta' investiment sostenibbli u pjan ta' rkupru li tista' tiġi stimolata d-domanda għall-forza tax-xogħol.

1.2

Jinħtieġu inċentivi adatti biex il-kumpaniji jitħeġġu jimpjegaw ħaddiema ġodda li sikwit ikunu mingħajr esperjenza, anke fi żminijiet ta' inċertezza ekonomika. Dawn jinkludu sistema edukattiva li toħloq bażi fuq livell professjonali u personali għad-dħul fix-xogħol, taħriġ vokazzjonali li jkun aktar orjentat lejn il-ħtiġjijiet tas-suq tax-xogħol kif ukoll li tippromovi l-ispirtu intraprenditorjali. Barra minn hekk, jinħtieġ suq tax-xogħol dinamiku u inklużiv, li jkun hemm nies disponibbli bil-kwalifiki essenzjali għall-kompetittività tal-ekonomija Ewropea, il-koeżjoni tas-soċjetà u għall-prospetti ta' tkabbir sostenibbli fit-tul. Ir-riformi rilevanti għandhom iwasslu biex jinkiseb bilanċ bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà. Dan jista' jiġi żgurat l-aħjar bl-involviment tal-imsieħba soċjali.

1.3

Iż-żgħażagħ għandhom jiġu appoġġjati fl-għażla tal-karriera tagħhom minn konsulent professjonali kwalifikat. Analiżi tal-bżonnijiet tal-forza tax-xogħol fil-perjodu medju tista' tinfluwenza l-għażliet ta' karriera b'mod korrispondenti, speċjalment fil-livell lokali. Matul il-kriżi, l-Istati Membri b's-sistema edukattiva li toffri edukazzjoni teoretika kif ukoll prattika wrew ukoll rati relattivament baxxi ta' qgħad fost iż-żgħażagħ meta mqabbla ma' pajjiżi Ewropej oħra. Il-KESE jinsab konvint mis-suċċess tal-mudelli ta' taħriġ vokazzjonali bbażati fuq ix-xogħol, pereżempju s-sistemi ta' taħriġ doppju li jeżistu f'xi Stati Membri. Dawn il-programmi ta' taħriġ l-iktar li jkollhom suċċess meta l-partijiet interessati kollha (l-impjegaturi, il-ħaddiema, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi u s-settur pubbliku) jwettqu r-responsabbilitajiet tagħhom.

1.4

Barra minn hekk, is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjieg għandhom rwol importanti x'jaqdu fit-tranżizzjoni mill-iskola għall-impjieg. Għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom ir-riżorsi finanzjarji u umani adatti biex mhux biss jappoġġjaw lill-persuni qiegħda li qed ifittxu impjieg iżda wkoll iżommu kuntatt mill-qrib man-naħa tad-domanda.

1.5

L-involviment tal-imsieħba soċjali fl-istrateġija tat-tkabbir, fir-riformi tas-suq tax-xogħol, fil-programmi ta' taħriġ u fir-riformi tas-servizzi pubbliċi tal-impjieg kif ukoll l-involviment tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fl-implimentazzjoni tal-garanzija taż-żgħażagħ jiżguraw l-approvazzjoni ta' parti wiesgħa tal-popolazzjoni u għaldaqstant il-paċi soċjali. Huma biss id-deċiżjonijiet kondiviżi li għandhom l-opportunità li jwasslu għal tibdil sostenibbli.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-ġlieda effettiva kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ hija waħda mill-ikbar sfidi tal-preżent. Huwa minnu li r-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ ta' bejn il-15 u l-24 sena dejjem kienu ogħla mir-rati ta' qgħad fost persuni ta' bejn 24 u 65 sena iżda l-kriżi ekonomika u finanzjarja laqtet partikolarment ħażin liż-żgħażagħ li qed ifittxu biex jidħlu għall-ewwel darba fis-suq tax-xogħol. Filwaqt li, skont il-Eurostat (1), sal-aħħar tal-2008, ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ kienet id-doppju tar-rata tal-popolazzjoni kollha, sal-aħħar tal-2012 żdiedet b'2,6 darbiet iktar mir-rata tal-qgħad tal-popolazzjoni kollha.

2.2

Ir-raġunijiet għal dan jinkludu anqas impjiegi minħabba tkabbir negattiv jew dgħajjef u t-tnaqqis fid-domanda domestika, fit-tfaddil u l-friża ta' reklutaġġ assoċjat fis-settur pubbliku. Dawn l-elementi ġew aggravati mill-fatt li, fl-oqsma tal-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol, ir-riformi strutturali ma twettqux fil-ħin, min-nuqqas ta' kwalifiki kif ukoll minn ħiliet li ma hemmx domanda għalihom fis-suq tax-xogħol.

2.3

Ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ tindika l-għadd ta' persuni ta' bejn il-15 u l-24 sena li huma qiegħda mittieħda f'persentaġġ tal-popolazzjoni attiva tal-istess età. Fl-2013 din ir-rata kienet ta' 23,3 % fl-UE-28. It-tieni indikatur tal-Eurostat (2) jikkalkola l-proporzjon ta' żgħażagħ qiegħda (jiġifieri l-proporzjon ta' żgħażagħ ta' bejn il-15 u l-24 sena li huma qiegħda mill-popolazzjoni kollha ta' din l-età). Fl-2013 dan kien jammonta għal 9,8 % fl-UE. Dan l-indikatur juri li ħafna żgħażagħ ta' din l-età jkunu qed jitħarrġu u b'hekk mhumiex disponibbli fis-suq tax-xogħol. L-Istati Membri jintlaqtu b'mod ferm differenti mill-qgħad fost iż-żgħażagħ: il-proporzjon ta' qgħad fost iż-żgħażagħ ivarja minn 4 % fil-Ġermanja sa 20,8 % fi Spanja; mentri r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ tvarja minn 7,9 % fil-Ġermanja sa 58,3 % fil-Greċja.

2.4

Għalkemm għandu jiġi ċċarat li r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ ma tispeċifikax il-persentaġġ taż-żgħażagħ kollha li huma qiegħda, għad hemm persentaġġ konsiderevoli ta' żgħażagħ li qed ifittxu xogħol.

2.5

Il-grupp ta' żgħażagħ li jaqa' taħt il-kategorija NEET (barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ) għandu jingħata aktar attenzjoni: skont il-EUROFOUND (3) iż-żgħażagħ li jaqgħu f'dan il-grupp jinsabu f'periklu ikbar li eventwalment isibu biss postijiet tax-xogħol prekarji, u l-frustrazzjoni li jesperjenzaw f'fażi bikrija tagħmilhom aktar suxxettibbli għall-faqar, l-esklużjoni soċjali u r-radikalizzazzjoni. Il-kost tan-nonparteċipazzjoni ta' dawn iż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol huwa stmat b'kawtela għal EUR 153 biljun, u dan jikkorrespondi għal 1,2 % tal-PDG Ewropew.

2.6

F'xi Stati Membri tal-UE, irrispettivament miż-żieda fil-qgħad fost iż-żgħażagħ, hemm għadd dejjem jikber ta' postijiet battala tax-xogħol li ma jistgħux jimtlew. Dan jikkonċerna x-xogħlijiet speċjalizzati f'diversi oqsma bi kwalifiki għolja fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM bl-Ingliż), iżda wkoll pożizzjonijiet ta' maniġment intermedju fejn jinħtieġu nies b'ħiliet orizzontali (ħiliet ta' komunikazzjoni, spirtu ta' ħidma f'tim, spirtu intraprenditorjali, eċċ.).

3.   Ir-reazzjoni tal-Ewropa għall-qgħad fost iż-żgħażagħ

3.1   Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ

3.1.1

L-idea ta' garanzija għaż-żgħażagħ ilha tissemma fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea (4) mill-2011. F'April 2013, il-Kunsill tal-Ministri tal-UE adotta Rakkomandazzjoni dwar it-twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ. L-implimentazzjoni tagħha għandha tiżgura li ż-żgħażagħ kollha ta' taħt il-25 sena jirċievu offerta tajba ta' impjieg, ta' iktar taħriġ, apprendistat jew traineeship fi żmien erba' xhur wara li jitilqu mill-iskola jew ikunu tilfu impjieg.

3.1.2

Il-maġġoranza tal-miżuri tal-garanzija għaż-żgħażagħ jistgħu jiġu kkofinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew. Barra minn hekk, hemm riżorsi addizzjonali mill-inizjattiva għall-impjiegi għal 20 Stat Membru minħabba rata kbira ta' qgħad fost iż-żgħażagħ fir-reġjuni tagħhom (aktar minn 25 % tal-anqas f'reġjun wieħed).

3.1.3

Fil-qafas tas-Semestru Ewropew, il-valutazzjoni u l-monitoraġġ tal-pjani ta' implimentazzjoni għandha tiġi inkorporata fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi sabiex jiġi żgurat li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ tkun armonizzata mal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020.

3.1.4

Fl-2013, il-Bank Ewropew tal-Investiment nieda l-programm “Impjiegi għaż-Żgħażagħ – Investiment fil-Ħiliet” li kellu EUR 6 biljun allokati għalih. L-istess ammont ser jiġi allokat għal dan il-programm fl-2014 u l-2015.

3.2   Pjani ta' azzjoni tal-imsieħba soċjali Ewropej għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ

F'Ġunju 2013, l-imsieħba soċjali Ewropej adottaw pjan ta' azzjoni dwar l-impjieg għaż-żgħażagħ (5). Dan huwa bbażat fuq eżempji eżistenti u ġodda ta' prattika tajba fl-erba' prijoritajiet: it-tagħlim, it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol, l-impjieg u l-intraprenditorija. B'hekk l-imsieħba soċjali nazzjonali ser ikunu ispirati jsibu soluzzjonijiet fl-ambjent tagħhom stess u jadattaw għall-kundizzjonijiet nazzjonali rispettivi tagħhom.

3.3   Il-kontribut tal-KESE

3.3.1

Il-KESE indirizza s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol f'diversi opinjonijiet (6), konferenzi u seduti (7). L-Osservatorju tas-Suq tax-Xogħol qed japplika metodu ġdid li jinvolvi t-tfassil ta' studji pilota dwar temi partikolari. Għaldaqstant tintalab l-opinjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f'xi Stati Membri sabiex ikun jista' jiġi evalwat jekk il-politiki u l-miżuri Ewropej għandhomx l-effetti mixtieqa. Il-kwistjoni importanti tal-impjieg taż-żgħażagħ hija waħda mill-ewwel suġġetti li ġew magħżula għal studju pilota.

3.3.2

Fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Pakkett għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ (8) il-Kumitat stqarr li “hija meħtieġa strateġija ta’ tkabbir reali fil-livell nazzjonali u fl-UE biex tappoġġja l-ħolqien ta’ iktar impjiegi u impjiegi iktar stabbli [...]. Dan għandu bżonn approċċ ikkordinat għall-isforzi u l-politiki kollha li għandhom l-għan li jsaħħu l-kompetittività u jġibu lura l-fiduċja tal-investituri u tal-familji.” Barra minn hekk, innota li l-finanzjament ta' EUR 6 biljun għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ mhux ser ikun biżżejjed.

3.3.3

Fl-Opinjoni tiegħu dwar “Qafas tal-Kwalità għall-Apprendistati” (9), il-KESE nnota li l-apprendistati huma importanti biex titwitta t-triq għas-suq tax-xogħol iżda mhumiex is-soluzzjoni maġika għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ. Apparti r-rekwiżit li l-apprendistati jiġu inklużi b'mod aktar b'saħħtu fil-kurrikula u li tiġi provduta protezzjoni soċjali bażika, għandhom jitfasslu wkoll linji gwida li jagħtu ħarsa ġenerali lejn l-opportunitajiet ta' finanzjament sabiex jiġu stabbiliti skemi ta' apprendistati b'responsabbiltà finanzjarja kondiviża.

3.3.4

Il-Kumitat jilqa' b'mod favorevoli d-deċiżjoni li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjieg (PES) anke minħabba l-importanza tagħhom fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ (10). Il-PES għandhom ikunu jistgħu jirreaġixxu b'mod dirett, flessibbli u kreattiv għall-bidliet fl-ambjent tagħhom u għandhom ikunu jistgħu jikkombinaw l-interventi fil-perjodu qasir ma' soluzzjonijiet sostenibbli. Dan għandu jiġi rifless fil-kapaċitajiet korrespondenti u fl-appoġġ finanzjarju suffiċjenti. Il-PES għandhom jikkonċentraw aktar fuq il-provvista tax-xogħol peress li l-impjegaturi qed isibuha dejjem aktar diffċli biex isibu l-impjegati li għandhom bżonn.

3.3.5

Fl-Opinjoni tiegħu dwar “Niftħu l-edukazzjoni” (11) il-KESE jenfasizza li approċċ diġitali fis-sistemi tal-edukazzjoni jista' jgħin biex titjieb il-kwalitià u l-kreattività tal-opportunitajiet edukattivi. Il-parteċipazzjoni tal-għalliema fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-inizjattiva, flimkien ma’ taħriġ adegwat, hija essenzjali biex “niftħu l-edukazzjoni” b’mod innovattiv bl-użu tat-teknoloġiji l-ġodda u għar-Riżorsi Edukattivi Miftuħa (OER) f’kuntest ta’ tagħlim u apprendistat għal kulħadd. Il-mobilizzazzjoni tal-atturi kollha u l-promozzjoni tal-ħolqien ta' “sħubijiet ta' tagħlim” fis-soċjetà huma essenzjali wkoll għas-suċċess.

3.3.6

Il-proġetti deskritti fit-taqsimiet li ġejjin ġew rakkomandati mill-membri tal-Kumitat. Peress li ħafna mill-proġetti huma relattivament ġodda, sikwit ma jkun hemm l-ebda data dwar l-effiċjenza u l-effikaċja tagħhom u għalhekk il-valutazzjoni hija bbażata unikament fuq il-perċezzjoni tal-membri tal-Kumitat.

3.4   Ir-riforma tas-sistemi tal-edukazzjoni

3.4.1

Bħala parti mis-Semestru Ewropew, 16-il Stat Membru ġew irrakkomandati jimmodernizzaw is-sistema tal-edukazzjoni tagħhom. Ġie rrakkomandat lil 12-il Stat Membru li jorjentaw it-taħriġ vokazzjonali aktar lejn is-suq tax-xogħol jew li jsaħħu t-taħriġ vokazzjonali doppju.

3.4.2

Is-sistemi tal-edukazzjoni huma kompetenza nazzjonali u hekk għandhom jibqgħu. Madankollu, il-livell Ewropew jista' jagħti stimolu importanti bl-iskambju tal-esperjenzi u t-tagħlim bejn il-pari kif ukoll permezz ta' inċentivi finanzjarji. Is-sistemi tal-edukazzjoni għandhom jitfasslu b'mod li jipprovdu liż-żgħażagħ mhux biss bit-tekniki kulturali bażiċi iżda jgħallmuhom ukoll jirreaġixxu b'mod awtonomu għal rekwiżiti li jinbidlu, sabiex jagħmlu t-tagħlim tul il-ħajja parti mill-ħajja individwali tagħhom.

3.4.3

L-għoti ta' pariri u informazzjoni vokazzjonali f'waqthom għandu jgħin liż-żgħażagħ jirrikonoxxu t-talenti u l-kompetenzi tagħhom u jipprovdu informazzjoni dwar l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol. Il-proġetti bħal “Wiener Töchtertag” (12), fejn it-tfajliet imorru f'intrapriża sabiex jiksbu viżjoni ta' setturi professjonali ġodda u tal-opportunitajiet ta' impjieg, jistgħu jikkontribwixxu wkoll biex it-tfajliet jinteressaw ruħhom f'taħriġ vokazzjonali tekniku.

3.4.4

It-tluq bikri mill-iskola huwa kkaġunat minn diversi kawżi u għaldaqstant jirrikjedi miżuri adatti mfassla individwalment. Il-miżuri intiżi biex jipprevenu t-tluq bikri mill-iskola bħall-“Jugendcoaching” (13) fl-Awstrija jew “Joblinge” (14) fil-Ġermanja huma eżempji fejn iż-żgħażagħ li jkunu fil-periklu li joħorġu mis-sistema jirċievu pariri u għajnuna individwali sabiex isibu taħriġ jew impjieg.

3.4.5

Fil-pajjiżi Ewropej b'rata baxxa tal-qgħad fost iż-żgħażagħ jidher li dawn għandhom sistema ta' taħriġ li tikkunsidra s-suq tax-xogħol u l-intrapriżi u toffri kwalifiki professjonali ċċertifikati li jkunu trasferibbli. B'hekk parti mit-taħriġ isir direttament fuq il-post tax-xogħol, u parti oħra l-iskola u dan kollu jsir f'diversi modi. Dan ġie rikonoxxut mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-imsieħba soċjali tal-UE li approvaw l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati (15). L-apprendistati huma wieħed mill-elementi importanti tal-iskema tal-Garanzija taż-Żgħażagħ u s-suċċess tagħhom huwa bbażat fuq sħubija wiesgħa li tlaqqa' l-partijiet interessati fil-qasam tal-intrapriżi, il-ħaddiema u l-edukazzjoni. Sabiex tinħoloq sistema doppja, li hija bbażata fuq il-ħtiġijiet tal-kumpaniji, tas-suq tax-xogħol u taż-żgħażagħ huwa essenzjali li l-organizzazzjoni u t-tħaddim tagħha jseħħu bl-involviment qawwi tal-istituzzjonijiet qrib il-livell tal-kumpaniji. Il-parteċipazzjoni qawwija tal-imsieħba soċjali twassal biex dawn jidentifikaw mas-sistema u jagħmluha tagħhom (“koproprjetarji tas-sistema”). Barra minn hekk, jinħtieġu wkoll ir-responsabbiltà u r-rieda tal-impjegaturi. Anke jekk Stati Membri oħra ma jkunux jistgħux jimplimentaw sistema ta' tagħlim komprensiva fil-perjodu qasir, jistgħu pereżempju jittestjaw korsijiet ta' taħriġ doppju ma' grupp fiss ta' kumpaniji fl-istess settur. Għaldaqstant, l-imsieħba soċjali settorjali għandhom jistabbilixxu standards u ċertifikati komuni fil-qasam tat-taħriġ. Possibbiltà oħra tista' tkun kooperazzjoni msaħħa bejn l-iskejjel individwali, fil-kuntest tal-awtonomija tagħhom, u kumpaniji individwali, bħal pereżempju l-każ fil-Polonja.

3.4.6

Tul dawn l-aħħar snin Malta ħadet passi konsiderevoli f'din id-direzzjoni bil-korsijiet tal-Malta College of Arts, Science and Technology (MCAST) fejn parti mit-taħriġ isir direttament fi ħdan il-kumpaniji. Mill-284 student li wettqu t-taħriġ prattiku tagħhom mal-Lufthansa Malta, 163 minnhom ġew offruti impjieg.

3.4.7

Rikonoxximent ta' kwalifiki miksuba b'mod informali Il-validazzjoni tal-eżiti tat-tagħlim b'mod partikolari l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi, li jinkisbu permezz tat-tagħlim mhux formali u informali jista' jkollhom rwol importanti fit-tisħiħ tal-impjegabbiltà u l-mobbiltà, kif ukoll biex tiżdied il-motivazzjoni għal tagħlim tul il-ħajja, partikolarment fil-każ ta’ persuni żvantaġġati soċjoekonomikament jew dawk bi kwalifiki baxxi.

3.4.8

Fi żmien meta l-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja kriżi ekonomika serja li kkawżat żieda fil-qgħad, speċjalment fost iż-żgħażagħ, u fil-kuntest ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ, il-validazzjoni tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi rilevanti kollha hija importanti aktar minn qatt qabel għat-titjib tal-funzjonament tas-suq tax-xogħol, il-promozzjoni tal-mobbiltà u t-tisħiħ tal-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku.

3.5   Miżuri għall-iffaċilitar tat-tranżizzjoni mill-iskola lejn l-impjieg

3.5.1

Miżuri ta' kwalifiki u taħriġ (vokazzjonali): in-nuqqas ta' esperjenza tax-xogħol huwa punt essenzjali li jżomm lill-kumpaniji lura milli jimpjegaw liż-żgħażagħ fi żminijiet ekonomiċi diffiċli. It-taħriġ purament tekniku mingħajr il-ħtieġa ta' applikazzjoni prattika tal-għarfien qiegħed dejjem jostakola l-aċċess għas-suq tax-xogħol.

3.5.2

“Thinking outside the box on recruitement” huwa proġett Litwan bil-għan li jipprepara liż-żgħażagħ għall-post tax-xogħol u jipprovdilhom taħriġ prattiku f'intrapriżi adatti. L-“Implacementstiftungen” (16) tas-Servizz tal-Impjieg Pubbliku tal-Awstrija jaħdem b'mod simili, fejn l-intrapriżi li ma jistgħux isibu l-persunal li jirrikjedu jitlaqqgħu ma' persuni li jkunu qed ifittxu impjieg u li jkun jonqoshom parti minn taħriġ għal xogħol partikolari. L-ispejjeż tat-taħriġ u tal-għajxien jinqasmu bejn is-servizz għall-impjieg u l-kumpaniji. Il-valutazzjonijiet juru li madwar 75 % tal-parteċipanti jkunu sabu xogħol tliet xhur wara l-parteċipazzjoni tagħhom f'tali programmi.

3.5.3

Il-ftehimiet li saru fi Franza fl-2011 bejn l-imsieħba soċjali interprofessjonali wasslu għat-tfassil ta' miżuri speċifiċi biex jgħinu liż-żgħażagħ li għandhom edukazzjoni skolastika sekondarja (jew terzjarja) isibu impjieg. Ingħatat enfasi prinċipali t-taħriġ fil-mili tal-applikazzjonijiet. Skont valutazzjoni minnhom l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol kienet ogħla fost dawk li pparteċipaw f'dan il-programm (65 %) – jiġifieri 18 % ogħla mill-grupp pari.

3.5.4

Fl-Irlanda, bl-għajnuna tal-programm “Job Bridge” (17), iż-żgħażagħ li jkunu rċevew minn tal-anqas 78 ġurnata ta' għajnuna soċjali ġew offruti apprendistati ta' minn 6 sa 9 xhur f'kumpanija partikolari. Dawn l-apprendisti jaqilgħu EUR 50 fil-ġimgħa flimkien mal-benefiċċji soċjali. Ta' min jikkunsidra b'mod kritiku wkoll li l-individwi li pereżempju jsegwu taħriġ u jaħdmu part-time fl-istess ħin, wara t-taħriġ tagħhom ma jistgħux jibbenefikaw minn dan il-programm għaliex mhumiex benefiċjarji ta' għajnuna soċjali. Fil-fehma tal-Kumitat il-miżuri ta' attivazzjoni għandhom jibdew aktar kmieni peress li perjodu twil ta' stennija jiskoraġġixxi lin-nies minflok iħeġġiġhom biex jaħdmu.

3.5.5

Fl-2011, l-“iScottish council for voluntary organisations” nieda l-programm “Community Jobs Scotland”. Dan huwa immirat lejn iż-żgħażagħ qiegħda u jinvolvi ħidma mal-organizzazzjonijiet tal-għajnuna soċjali biex liż-żgħażagħ bi kwalifiki għoljin kif ukoll bażiċi joffrulhom possibbiltajeit ta' impjieg ta' minn 6 sa 9 xhur f'għadd ta' setturi differenti. Iż-żgħażagħ jingħataw xogħol reali, ikollhom jgħaddu mill-proċess ta' applikazzjoni u jirċievu paga u aktar taħriġ. Ipparteċipaw aktar minn 4  000 żagħżugħ u żagħżugħa li 47,3 % minnhom ġew impjegati direttament u 63,6 % setgħu jibbenefikaw indirettament minn aktar taħriġ u volontarjat.

3.5.6

Fid-Danimarka, it-trejdjunjins u l-fondi tax-xogħol flimkien mal-impjegaturi pubbliċi u privati qed joħolqu apprendistati għaż-żgħażagħ li lestew it-taħriġ tagħhom sabiex jipprovduhom bl-esperjenza tax-xogħol u l-ispeċjalizzazzjoni fil-qasam ta' għarfien tagħhom. Medja ta' 60 % tal-persuni li jkunu wettqu apprendistati ta' dan it-tip isibu impjieg. Iċ-ċifri eżatti ser jiġu ppubblikati ma' tmiem-il proġett f'April 2014.

3.5.7

Bis-saħħa tal-proġett Sloven tal-ILO “moje Izjusnje” (18) (L-esperjenza tiegħi), li huwa pjattaforma onlajn fejn l-istudenti jistgħu jtellgħu l-esperjenza tax-xogħol tagħhom, tinħoloq rabta bejn l-istudenti u l-impjegaturi. Barra minn hekk, ser jinħarġu ċertifikati li jikkonfermaw l-esperjenza tax-xogħol.

3.5.8

Fi Spanja, il-Fondazzjoni Novia Salcedo li hija organizzazzjoni kulturali privata u mhux bi skop ta' qligħ toffri programm fejn l-apprendistati jakkumpanjaw lil gradwati professjonali f'taħlita ta' tagħlim teoretiku u esperjenza prattika tax-xogħol fil-kumpaniji. Il-valutazzjoni wriet li aktar minn 52,23 % individwu rċieva impjieg wara li lesta l-programm.

3.5.9

Fir-Repubblika Ċeka, l-impjegaturi u l-organizzazzjonijiet professjonali huma msieħba fil-proġett “POSPOLU” (“FLIMKIEN”) li jaħdem favur tibdil fil-forma organizzattiva tat-taħriġ u t-tisħiħ ta' taħriġ ibbażat fuq il-post tax-xogħol, fejn jitwaqqfu sħubijiet bejn l-iskejjel u l-intrapriżi u jitfasslu proposti għal tibdil fil-kontenut tat-taħriġ. Prinċipalment, il-proġett jiffoka fuq it-taħriġ fil-qasam tal-inġinerija mekkanika, elettrika u ċivili, it-trasport u l-IT.

3.5.10

Fil-Portugall, in-netwerk taċ-Ċentri Teknoloġiċi jippromovi żewġ proġetti (“Think Industry” u “F1 in Schools”) li jiffokaw fuq il-ħiliet industrijali ġodda meħtieġa mis-suq tax-xogħol, jużaw approċċ prattiku għall-aħħar li jinvolvi t-tisħiħ tal-użu ta' għodod u makkinarju u jipprovdu t-tagħrif meħtieġ biex tinbena karozza reali żgħira (mini) tal-F1 u biex l-idea/il-proġett jitqiegħdu fis-suq. L-iskejjel u l-industrija ħolqu sħubijiet intiżi biex ibiddlu r-reputazzjoni tal-karrieri industrijali fost l-istudenti żgħażagħ u jiddiriġuhom lejn il-bżonnijiet tas-suq (19).

3.5.11

Fl-Italja jeżisti programm għall-perjodu ta' bejn l- 2014 u l-2016 li jippermetti lill-istudenti tal-aħħar sentejn tal-iskejjel sekondarji jqattgħu perjodu f'kumpanija billi jintuża aħjar il-kuntratt tal-apprendistat.

3.5.12

Il-promozzjoni tal-mobbiltà: il-promozzjoni tal-mobbiltà transkonfinali taż-żgħażagħ għal finijiet ta' esperjenza tax-xogħol tista' tgħin ukoll biex tingħeleb il-qabża bejn l-edukazzjoni purament teoretika u l-ewwwel impjieg.

3.5.13

Il-ftehim bilaterali bejn il-Ġermanja u Spanja li ser jipprovdi opportunitajiet ta' impjieg u ta' taħriġ għal madwar 5  000 żgħażugħ u żgħażugħa Spanjoli sal-2017 huwa eżempju ta' dan. B'mod simili, l-għan tal-programmi ta' appoġġ Ġermaniżi “The job of my life” u “Make it in Germany” huwa li jġibu liż-żgħażagħ lejn il-Ġermanja biex iwettqu taħriġ f'xogħolijiet fejn m'hemmx biżżejjed professjonisti. Dawn jingħataw kors preparatorju f'pajjiżhom, u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u ta' rilokazzjoni u ta' kors tal-lingwa fil-Ġermanja jiġu rimborżati biex jippreparaw ruħhom għall-apprendistat. F'każ li l-impjegatur ikun kuntent wara t-tlestija tal-apprendistat, jista' jiġi segwit taħriġ ta' bejn 3 snin u 3 snin u nofs. Apparti r-rimborż tat-taħriġ jingħata appoġġ finanzjarju u ż-żgħażagħ jirċievu għajnuna fl-iskola, ix-xogħol u l-ħajja ta' kuljum.

3.5.14

Il-programm “Integration durch Austausch” (Integrazzjoni permezz tal-iskambju) jappoġġja l-integrazzjoni professjonali ta' gruppi ta' individwi li għandhom diffikultajiet biex jaċċessaw is-suq tax-xogħol u dan isir bl-akkwist ta' esperjenzi prattiki tax-xogħol f'pajjiżi oħra tal-UE. Ir-reviżjoni ta' nofs it-term ta' dan il-programm ikkofinanzjat mill-FSE wera li sitt xhur wara t-tkomplija tal-iskambju tal-programm IdA 41 % tal-parteċipanti sabu impjieg, 18 % lestew taħriġ, 7 % marru l-iskola u 4 % lestew kors ta' studju.

3.5.15

Sabiex ikun hemm bilanċ aħjar bejn il-provvista u d-domanda fis-suq tax-xogħol tinħtieġ riforma tal-EURES. Il-KESE ser jesprimi ruħu f'dan ir-rigward f'opinjoni oħra. Madankollu l-element ewlieni ser ikun li l-EURES jintuża bħala strument tal-politika tas-suq tax-xogħol fl-Istati Membri kollha u mhux biss f'uħud minnhom u l-postijiet battala ser jiġu ppublikati wkoll hemmhekk. L-inizjattiva “Your first EURES job” (20) hija wkoll eżempju tajjeb tal-promozzjoni tal-mobbiltà transkonfinali tal-ħaddiema żgħażagħ billi jingħataw l-ewwel impjieg (mhux taħriġ jew apprendistat) permezz ta' sovvenzjoni għall-ispejjeż addizzjonali mġarrba minħabba li jkun ġie aċċettat impjieg f'pajjiż ieħor.

3.5.16

Għat-tqabbil aħjar tal-ħiliet huwa essenzjali li jiġu stabbiliti osservatorji għall-anteċipazzjoni u l-identifikazzjoni bikrija tal-ħiliet meħtieġa. Dan għandu jsir fil-livell reġjonali u/jew settorjali bil-kooperazzjoni tal-imsieħba soċjali sabiex id-diversi bidliet ekonomiċi, legali kif ukoll tekniċi jkunu jistgħu jiġu indirizzati malajr u biex il-ħtiġijiet tal-kumpaniji u tas-suq tax-xogħol ikunu iktar ċari.

3.6   Miżuri għall-integrazzjoni taż-żgħażagħ żvantaġġati

3.6.1

Iż-żgħażagħ bi bżonnijiet speċjali jirrikjedu wkoll appoġġ speċjali sabiex isibu triqithom fis-suq tax-xogħol. Fl-Awstrija, dan jiġi żgurat permezz tal-programm “Jobcoaching” (21) li jgħin lill-persuni b'diżabbiltà jew li għandhom diffikultajiet tat-tagħlim permezz ta' għoti ta' pariri u appoġġ individwali tul l-ewwel xhur f'impjieg ġdid. Dan l-appoġġ huwa disponibbli għaż-żgħażagħ kif ukoll għall-intrapriżi.

3.6.2

F'Wales, il-proġett “Intermediate Labour Market” nħoloq speċifikament għan-NEETs u joffri liż-żgħażagħ li huma l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol programm strutturat tajjeb u opportunitajiet ta' impjieg. Dan il-proġett għandu jimmotiva liż-żgħażagħ biex isibu impjieg, irawwem fihom regoli ġenerali ta' kondotta, jipprovdilhom il-kwalifiki bażiċi u jgħinhom japplikaw għal impjieg. Minn 249 parteċipant 35 sabu xogħol.

3.6.3

Il-proġett “Equality of Opportunity” (22) imfassal għall-intrapriża U.S. Steel Kosice huwa eżempju ta' integrazzjoni tal-persuni mbiegħda ħafna mis-suq tax-xogħol. Dan il-proġett jiffoka b'mod speċifiku fuq l-impjieg u t-taħriġ tar-Rom li jkunu ġejjin miż-żona ta' madwar Kosice, li għalihom dan sikwit ikun l-ewwel kuntatt mas-suq tax-xogħol. Mill-2002 'il hawn, inħolqu aktar minn 150 impjieg għal dawn ir-Rom.

3.6.4

Il-programm Belġjan “Activa” (23) jipprovdi liż-żgħażagħ b'livell baxx ta' kwalifiki u li jkunu taħt il-25 sena u jkunu ilhom tal-inqas 12-il xahar qiegħda tnaqqis fil-kontributi soċjali tal-impjegatur kif ukoll sussidju fuq il-paga matul għoxrin xahar.

3.7   Miżuri għar-rifoma tas-suq tax-xogħol

3.7.1

Skont il-Forschungsinstitut zur Zukunft der Arbeit (Istitut ta' Riċerka dwar il-ġejjieni tax-Xogħol) “f'ħafna pajjiżi Ewropej il-kuntratti tax-xogħol definiti ilhom li ġew liberalizzati mit-tmeninijiet sabiex jinħolqu aktar opportunitajiet tax-xogħol mingħajr ma jkun hemm bżonn li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-protezzjoni kontra t-tkeċċija, li hija żviluppata sew f'ħafna pajjiżi.” (24) Dan wassal biex kull ma jmur iż-żgħażagħ qed jiġu offruti biss kuntratti tax-xogħol definiti, mingħajr ma jkollhom il-possibbiltà li jinqalbu f'kuntratti indefiniti. Għalkemm huwa minnu li fi żminijiet ta' kriżi sistema b'saħħitha ta' protezzjoni kontra t-tkeċċija tipproteġi lill-impjegati li jkunu ilhom jaħdmu minflok liż-żgħażagħ, fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika inċerta din is-sistema tikkostitwixxi ostaklu għar-reklutaġġ ta' ħaddiema żgħażagħ mingħajr esperjenza u b'hekk issaħħaħ il-frammentazzjoni tas-suq tax-xogħol.

3.7.2

Il-Kumitat jirrakkommanda li, b'mod partikolari fl-Istati Membri b'rata ogħla ta' qgħad fost iż-żgħażagħ, jkomplu jiġu implimentati riformi fis-suq tax-xogħol bl-involviment tal-imsieħba soċjali sabiex jinstab l-aħjar bilanċ bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà. Huwa minnu li r-riformi ser ikollhom impatt biss fil-perjodu medju, madankollu, fil-qafas tal-irkupru ekonomiku jistgħu jagħtu kontribut konsiderevoli għat-tnaqqis rapidu tal-qgħad fost iż-żgħażagħ.

3.8   Inċentivi għall-intrapriżi biex jirreklutaw liż-żgħażagħ

3.8.1

Sabiex tiġi ffaċilitata d-deċiżjoni tal-intrapriżi li jirreklutaw lil żgħażagħ mingħajr esperjenza jista' jkun utli li jiġu provduti inċentivi addizzjonali li sikwit jieħdu l-forma ta' sussidji tal-pagi jew tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet għall-iskemi tas-sigurtà soċjali. Huwa importanti li jiġi żgurat li dan ma jwassalx għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u għall-erożjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali. Pereżempju l-għajnuna tal-HRDA (Human Resource Development Authority of Cyprus) (25) lill-intrapriżi Ċiprijotti li jipprovdu programmi ta' taħriġ għal ħaddiema żgħażagħ. B'mod partikolari l-SMEs jistgħu jużaw din l-għajnuna biex jikkompensaw għat-telf relatat fil-produzzjoni fil-fażijiet inizjali ta' taħriġ ta' rekluti ġodda.

3.8.2

Permezz tal-karta Finlandiża “Sanssi” (26), iż-żgħażagħ kollha qiegħda u taħt it-30 sena huma żgurati li l-impjegatur jista' jitlob sussidji fil-pagi għal 10 xhur.

3.8.3

L-Ungerija għażlet li toffri inċentiv lill-kumpaniji li jiddeċiedu li jimpjegaw lil żgħażagħ ta' anqas minn 25 sena- billi tnaqqas għal perjodu determinat il-paga gross u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.

3.8.4

Fl-Italja, il-kumpaniji għandhom inċentiv fiskali għal finijiet ta' sigurtà soċjali għal 12-il xahar jekk jirreklutaw b'kuntratt indefinit żgħażagħ ta' bejn it-18 u d-29 sena li jkunu ilhom tal-anqas 6 xhur mingħajr impjieg b'paga regolari jew ma jkollhomx kwalifiki tal-iskola sekondarja jew vokazzjonali.

3.9   Miżuri ta' promozzjoni u ta' intraprenditorija

3.9.1

Il-promozzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ intraprenditorjali sabiex jiġu appoġġjati t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi huwa wieħed mit-tliet pilastri tal-“Pjan ta' Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020 – tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu tal-intraprendenza fl-Ewropa” (27) Permezz tal-“permess tal-intraprenditur (Unternehmerführerschein)” (28) iż-żgħażagħ jistgħu jiksbu taħriġ dwar in-negozju u l-ekonomija tal-intrapriżi li, wara li jkunu għamlu eżami, jissostitwixxi ċ-ċertifikati meħtieġa fl-Awstrija għat-twettiq ta' attività indipendenti.

3.9.2

Permezz tal-Programm “Junior Company” l-istudenti ta' bejn il-15 u d-19-il sena joħolqu intrapriżi ġenwini għal tul is-sena skolastika u jqiegħdu fis-suq reali prodotti u servizzi li jkunu żviluppaw huma stess. B'hekk jistgħu jesperjenzaw direttament il-kompetenzi ekonomiċi.

3.9.3

Il-proġett “Extraordinary EducationTM” jippermetti liż-żgħażagħ li jittestjaw idea ta' intrapriża f'ambjent informali u dan jittrażmettilhom kompetenzi bażiċi fil-qasam tal-intraprenditorija u l-komunikazzjoni independentament mill-età jew il-lingwa.

3.9.4

Sabiex jiġi żgurat li l-intrapriżi ġodda jkollhom aċċess għall-finanzjament u jitħeġġu joħolqu l-impjiegi, ir-Rumanija teżentahom mill-ħlas ta' spejjeż tar-reġistrazzjoni. Barra minn hekk, jingħataw eżenzjonijiet fiskali għal bejn 2 sa 4 ħaddiema, self b'limitu ta' EUR 10  000 li jkopri 50 % tal-pjan ta' attività u 80 % tas-self jiġi garantit mill-gvern. Bejn l-2011 u Marzu tal-2014 b'kollox ġew stabbiliti 12  646 SMEs u nħolqu 22  948 post tax-xogħol. Ingħalqu biss 188 SME. Dan il-programm ta' suċċess ser jitkompla wkoll fl-2014.

Brussell, 4 ta' Ġunju 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Eurostat – Unemployment statistics (Eurostat – Statistika dwar il-Qgħad) (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  Eurostat – Statistics_explained – Youth_unemployment.

(3)  Eurofound – NEETs.

(4)  Opportunitajiet għaż-żgħażagħ u l-pakkett għall-impjieg taż-żgħażagħ

(5)  Framework of actions on youth employment (Qafas ta' azzjonijiet dwar l-impjieg għaż-żgħażagħ) (mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  ĠU C 68, 6.3.2012, p. 1; ĠU 68, 6.3.2012, p. 11; ĠUC 143, 22.5.2012, p. 94; ĠU C 299, 4.10.2012, p. 97; ĠUC 191, 29.6.2012, p. 103; ĠU C 11,15.1.2013, p. 8-15; ĠU C 161, 6.6.2013, p. 67-72; ĠU C 327, 12.11.2013, p. 58-64; ĠU C 133, 9.5.2013, p. 77-80; ĠU C 271, 19.9.2013, p. 101; CCMI/118 – EESC-2013-05662-00-00-AS-TRA (Relatur: Fornea, Korelatur: Grimaldi); għad mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(7)  http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.events-and-activities-eu-policies-youth-employment

http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.events-and-activities-skill-mobility-competitiveness

(8)  ĠU C 161, 6.6.2013, p. 67

(9)  Qafas ta' Kwalità għall-Apprendistati

(10)  Is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES)

(11)  Niftħu l-edukazzjoni

(12)  Töchtertag.

(13)  NEBA – Jugendcoaching.

(14)  Joblinge.

(15)  Alleanza Ewropea għall-Apprendistati

(16)  http://www.ams.at/wien/sfu/14359.htmlhttp://www.implacement-stiftung.at/

(17)  Jobbridge.

(18)  http://youthpractices.org/assessment.php; p. 36.

(19)  http://www.f1inschools.com/

(20)  European Commission – Your first EURES job.

(21)  NEBA – Jobcoaching.

(22)  U.S. Steel Kosice – Equality of Opportunity.

(23)  Il-Belġju - Activa.

(24)  IZA – Jugendarbeitslosigkeit in Europa(Il-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa).

(25)  Ċipru - Scheme for the job placement and training of tertiary education (skema ta' kollokament f'impjieg u t-taħriġ tal-edukazzjoni terzjarja)

(26)  Finlandja – Karta Sanssi.

(27)  COM(2012) 795 final.

(28)  L-Awstrija - Unternehmerführerschein.