30.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 31/3


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-5 ta’ Diċembru 2014

dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 184/2005 dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ tal-pagamenti, kummerċ internazzjonali f’servizzi u investiment dirett barrani fejn jidħol l-għoti ta’ setgħat delegati u ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tadotta ċerti miżuri

(CON/2014/84)

(2015/C 31/04)

Introduzzjoni u bażi legali

Fil-15 ta’ Lulju 2014, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 184/2005 dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ tal-pagamenti, kummerċ internazzjonali f’servizzi u investiment dirett barrani fejn jidħol l-għoti ta’ setgħat delegati u ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tadotta ċerti miżuri (1) (minn hawn “ir-regolament propost”).

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, peress li r-regolament propost jittratta l-istatistika dwar il-ġbir tal-bilanċ tal-pagamenti (BOP) li huwa kompitu tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) b’mod konformi mal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 (2). B’mod konformi mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.   Osservazzjonijiet ġenerali

1.1.

L-istatistika Ewropea hija żviluppata, prodotta u mxerrda kemm mill-isħubija tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS) kif ukoll mis-SEBĊ u t-tnejn joperaw taħt oqfsa legali separati li jirriflettu l-istrutturi ta’ governanza rispettivi tagħhom (3).

1.2.

L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 2533/98 jalloka lill-BĊE, assistit mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊN), il-kompitu li jiġbor informazzjoni dwar, fost affarijiet oħrajn, l-istatistika tal-BOP u tal-pożizzjoni tal-investiment internazzjonali (IIP), mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew direttament mill-aġenti ekonomiċi. Ir-rekwiżiti inizjali tal-istatistika tar-rappurtar tal-BĊE fil-qasam tal-istatistika tal-BOP u tal-IIP ġew speċifikati mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE fil-Linja Gwida BĊE/1998/17 (4) u rriformulati fid-9 ta’ Diċembru 2011 mil-Linja Gwida BĊE/2011/23.

1.3.

L-istatistika tal-BOP u tal-IIP huma settijiet ta’ dejta kruċjali biex jappoġġjaw lis-SEBĊ fil-ħidmiet tagħha biex tiddefinixxi u timplimenta l-politika monetarja unika, twettaq potenzjalment operazzjonijiet ta’ kambju barrani u żżomm u tamministra r-riservi uffiċjali. Huma jappoġġjaw ukoll il-valutazzjoni tal-vulnerabilitajiet esterni u l-interkonnettività għal finijiet ta’ stabbiltà finanzjarja, it-tabella operattiva tar-riskji tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) (5) kif ukoll it- tabella ta’ valutazzjoni tal-proċedura ta’ żbilanċi makroekonomiċi (6). L-istatistika tal-BOP u tal-IIP hija parti mill-“Istandard Speċjali ta’ Tixrid tad-Dejta” u l-“Istandard Plus Speċjali ta’ Tixrid tad-Dejta” tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) (7) u li huma meħtieġa għall-“konsultazzjonijiet tal-Artikolu IV” tal-FMI taż-żona tal-euro u l-Istati Membri. Il-BĊE u l-BĊN jippubblikaw statistika tal-BOP u tal-IIP fuq bażi ta’ kull xahar u trimestrali.

1.4.

Fit-12 ta’ Jannar 2005, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 (8) dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ ta’ pagamenti, kummerċ internazzjonali f’servizzi u investiment dirett barrani. Il-Kumitat tal-Bilanċ tal-Pagamenti (minn hawn ‘il quddiem il-“Kumitat BOP”) stabbilit permezz tal-istess Regolament (9), li fuqu l-Istati Membri huma rrappreżentati prinċipalment mill-BĊN, jiżgura allinjament qawwi tar-rekwiżiti ta’ rappurtar, metodoloġija u proċessi tal-assigurazzjoni tal-kwalità relatati mal-istatistika tal-BOP u tal-IIP.

1.5.

Il-BĊN, bħala membri tas-SEBĊ, jippruduċu statistika Ewropea skont l-Artikoli 3 u 5 tal-Istatut tas-SEBĊ, kif implimentata b’mod ulterjuri fir-Regolament (KE) Nru 2533/98, u ma jipparteċipawx fil-produzzjoni tal-istatistika Ewropea skont ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 (10). Għalhekk, wara ftehim bejn il-BĊN u l-Kummissjoni (Eurostat), dejta prodotta mill-BĊN tista’ tintuża direttament jew indirettament mill-Kummissjoni (Eurostat) għall-produzzjoni tal-istatistika Ewropea.

1.6.

Billi r-Regolament (KE) Nru 2533/98 alloka l-ġbir ta’ informazzjoni dwar l-istatistika tal-BOP u tal-IIP lill-BĊE, bl-assistenza tal-BĊN, u sabiex jimminimizza l-piż tar-rappurtar u biex jiggarantixxi l-koerenza neċessarja biex jipproduċi l-istatistika Ewropea, il-Kummissjoni hija mistiedna tagħmel użu xieraq mill-istatistika tal-BOP u tal-IIP pprovduta mis-SEBĊ.

2.   Osservazzjonijiet speċifiċi

2.1.   Implimentazzjoni ta’ sistema ġdida dwar l-adozzjoni ta’ atti ddelegati u ta’ implimentazzjoni fil-qasam tal-istatistika tal-BOP u tal-IIP

2.1.1.

Ir-regolament propost jimplimenta sistema ġdida għall-adozzjoni ta’ atti ddelegati u ta’ implimentazzjoni, skont l-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat, fil-qasam tal-istatistika tal-BOP u tal-IIP. L-Artikolu 1(1) tar-regolament propost jimmira li jagħti setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti ddelegati li jemendaw ir-rekwiżiti tad-dejta għall-BOP u l-IIP, inkluża r-reviżjoni, l-estensjoni u l-eliminazzjoni ta’ flussi tad-dejta, u skadenzi ta’ sottomissjoni. Bl-istess mod, l-Artikolu 1(2) jipproponi li l-Kummissjoni tingħata setgħat implimentattivi biex tadotta l-istandards ta’ kwalità u l-kontenut u l-perjodiċità tar-rapporti ta’ kwalità għall-istatistika tal-BOP u tal-IIP.

2.1.2.

Ir-rekwiżiti tad-dejta, l-iskadenzi ta’ sottomissjoni u l-istandards tal-assigurazzjoni tal-kwalità huma elementi essenzjali tar-Regolament (KE) Nru 184/2005 u għandhom impatt dirett fuq il-piż tar-rappurtar fuq il-kompilaturi tad-dejta u l-aġenti ta’ rappurtar. Peress li s-SEBĊ ġiet allokata l-kompitu, mill-Kunsill, tal-ġbir tal-istatistika tal-BOP u tal-IIP mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew direttament mingħand aġenti ekonomiċi mill-1998, għandha tiġi żgurata kooperazzjoni mill-qrib bejn is-SEBĊ u s-SSE fid-definizzjoni, l-emendar jew l-aġġornament ta’ dik l-istatistika. Inkella, l-istatistika Ewropea tal-BOP u tal-IIP prodotta mis-SSE u s-SEBĊ tista’ tkun diverġenti mingħajr bżonn jew tkun inkonsistenti.

2.1.3.

Ir-rekwiżiti tar-rapportar tal-istatistika tal-BOP diverġenti jew inkonsistenti mhux biss iżidu l-piż tar-rappurtar għal konvenuti bħal intrapriżi żgħar u medji, iżda jistgħu wkoll jirriżultaw fi statistika differenti tal-BOP skont l-iskop tad-dejta użata. Tali differenzi ma jkunux konformi mal-prinċipju tar-rilevanza tad-dejta, il-kosteffikaċja u l-minimizzazzjoni tal-piż ta’ rappurtar stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 223/2009 u r-Regolament (KE) Nru 2533/98.

2.1.4.

Għalhekk, il-BĊE ma jappoġġjax il-proposta fl-Artikolu 1(1) tar-regolament propost li jiddelega setgħat lill-Kummissjoni biex temenda r-rekwiżiti tad-dejta għall-BOP u l-IIP, inklużi dawk relatati mal-iskadenzi ta’ sottomissjoni, reviżjonijiet, estensjonijiet u l-eliminazzjonijiet ta’ flussi tad-dejta. L-Artikoli 1(1) u 1(3) tar-regolament propost għandhom jiġu mħassra skont dan.

2.2.   Ir-rwol tal-Kumitat dwar Statistika Monetarja, Finanzjarja u tal-Bilanċ tal-Pagamenti

2.2.1.

Ir-regolament propost jabolixxi l-Kumitat tal-BOP u jittrasferixxi l-poteri kollha tal-komitoloġija lill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika, li fuqu mhumiex rappreżentati membri tas-SEBĊ (11). Barra minn hekk, il-BĊN, bħala membri tas-SEBĊ, jipproduċu statistika Ewropea skont l-Artikoli 3 u 5 tal-Istatut tas-SEBĊ, kif implimentata b’mod ulterjuri fir-Regolament (KE) Nru 2533/98, u ma jipparteċipawx fil-produzzjoni tal-istatistika Ewropea skont ir-Regolament (KE) Nru 223/2009.

2.2.2.

Sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni mill-qrib kontinwa f’dan il-qasam, il-Kumitat dwar l-Istatistika Monetarja, Finanzjarja u tal-Bilanċ tal-Pagamenti (CMFB) (12) għandu jkun fiċ-ċentru tal-kooperazzjoni reċiproka dwar BOP u statistika relatata (eż. kummerċ internazzjonali f’oġġetti, kummerċ internazzjonali f’servizzi, investiment dirett barrani, statistika ta’ affiljati barranin) u jeħtieġ li jiġi kkonsultat dwar proposti għal atti legali ġodda, inkluża l-emenda ta’ atti legali, dwar BOP u statistika relatata.

2.2.3.

Għalhekk, għandu jiddaħħal kliem xieraq fl-Artikoli 1(2) u 1(4) tar-regolament propost li jobbliga lill-Kummissjoni titlob l-opinjoni tas-CMFB qabel ma tipproponi emendi għall-elementi essenzjali tar-Regolament (KE) Nru 184/2005. B’mod partikolari, dan għandu japplika għal emendi relatati ma’: (a) ir-rekwiżiti tad-dejta, inkluż skadenzi għas-sottomissjoni kif ukoll reviżjonijiet, estensjonijiet u eliminazzjonijiet ta’ flussi tad-dejta; (B) aġġornament tad-definizzjonijiet stipulati fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 184/2005; u (c) l-istandards tal-kwalità komuni kif ukoll il-kontenut u l-perjodiċità tar-rapporti ta’ kwalità.

2.3.   Konsultazzjoni tal-BĊE

L-atti ta’ implimentazzjoni atti tal-Kummissjoni jikkwalifikaw bħala atti proposti tal-Unjoni skont it-tifsira tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(4) u l-Artikolu 282(5) tat-Trattat (13). Għalhekk, il-BĊE għandu jiġi kkonsultat, separatament mis-CMFB, dwar kwalunkwe abbozz ta’ atti ta’ implimentazzjoni li jaqgħu fl-oqsma ta’ kompetenza tiegħu. Dan il-proċess ta’ konsultazzjoni se jippermetti lill-BĊE jikkontribwixxi bil-benefiċċju sħiħ tal-esperjenza twila tiegħu u l-kompetenza fl-istatistika tal-BOP.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-5 ta’ Diċembru 2014.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  COM(2014) 379 final.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8); ara wkoll ir-Rakkomandazzjoni BĊE/2003/8 tat-2 ta’ Mejju 2003 dwar ir-rekwiżiti tar-rappurtar tal-istatistika tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam tal-bilanċ tal-pagamenti u l-istatistika tal-pożizzjoni tal-investiment internazzjonali, u l-mudell tar-riservi internazzjonali (ĠU C 126, 28.5.2003, p. 7) u l-Linja Gwida BĊE/2011/23 tad-9 ta’ Diċembru 2011 dwar ir-rekwiżiti tar-rappurtar tal-istatistika tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam tal-istatistika esterna (ĠU L 65, 3.3.2012, p. 1).

(3)  Ara l-Artikolu 338(1) tat-Trattat, l-Artikolu 5 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ‘il quddiem “l-Istatut tas-SEBĊ”) u l-premessa 8 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 dwar l-Istatistika Komunitarja, u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewrope (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

(4)  Linja Gwida BĊE/1998/17 tal-1 ta’ Diċembru 1998 dwar ir-rekwiżiti tar-rappurtar tal-istatistika tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam tal-bilanċ tal-pagamenti u l-istatistika tal-pożizzjoni ta’ investiment internazzjonali (ĠU L 115, 4.5.1999, p. 47).

(5)  Indirizzat f’att legali separat.

(6)  Ara l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

(7)  Ara d-Dokumenti ta’ Politika tal-FMI, “Revisions to the Special Data Dissemination Standard and Establishment of the Special Data Dissemination Standard Plus—Proposed Decisions”, l-4 ta’ Ottubru 2012, u “Modifications to the Special Data Dissemination Standard Plus”, id-19 ta’ Marzu 2014, disponibbli fuq is-sit web tal-FMI fuq www.imf.org

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Jannar 2005 dwa l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ ta’ pagamenti, kummerċ internazzjonali f’servizzi u investiment dirett barrani (ĠU L 35, 8.2.2005, p. 23).

(9)  Ara l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 184/2005.

(10)  Ara l-premessa 9 tiegħu.

(11)  Ara l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.

(12)  Ara l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009. Is-CMFB ġie stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/856/KE tat-13 ta’ Novembru 2006 li tistabbilixxi Kumitat dwar l-istatistika monetarja, finanzjarja u tal-bilanċ tal-pagamenti (ĠU L 332, 30.11.2006, p. 21).

(13)  L-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(4) tat-Trattat jipprovdi li l-BĊE għandu jiġi kkonsultat rigward “dwar kull att propost mill-Unjoni fl-oqsma tal-kompetanza tiegħu”. L-Artikolu 282(5) tat-Trattat jipprovdi li: “Fl-oqsma tal-kompetenzi tiegħu, il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jiġi kkonsultat fuq l-atti kollha proposti tal-Unjoni”.