19.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 459/1


OPINJONI Nru 7/2014

(skont l-Artikoli 287(4), it-tieni subparagrafu, u 322(2) TFUE)

dwar proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej

(2014/C 459/01)

WERREJ

 

Paragrafu

Paġna

INTRODUZZJONI

1

2

IR-RIŻORSI PROPRJI LI JIFFINANZJAW IL-BAĠIT TAL-UE

2

2

KALKOLU TAL-BILANĊI U L-AĠĠUSTAMENTI TAL-VAT/ING U BAĠITS EMENDATORJI

3 – 6

2

PROPOSTA TAL-KUMMISSJONI

7 – 9

3

OSSERVAZZJONIJIET

10 – 25

3

KONKLUŻJONI

26

4

IL-QORTI TAL-AWDITURI TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, u l-Artikolu 322(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-proposta tal-Kummissjoni (1),

Wara li kkunsidrat it-talba tal-Kunsill għal opinjoni dwar il-proposta msemmija hawn fuq, riċevuta mill-Qorti tal-Awdituri fit-13 ta' Novembru 2014,

Wara li kkunsidrat l-opinjonijiet preċedenti li tat il-Qorti tal-Awdituri dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (2),

Wara li kkunsidrat ir-Rapport Speċjali Nru 11/2013 tal-Qorti tal-Awdituri (3),

ADOTTAT L-OPINJONI LI ĠEJJA:

Introduzzjoni

1.

Fit-12 ta' Novembru 2014 il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 (4) li jimplimenta d-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom (5) dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej. Hija pproponiet li r-regoli eżistenti jiġu emendati biex l-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà li, taħt ċirkustanzi speċifiċi, jagħmlu disponibbli wara d-data ta' skadenza attwali l-ammonti ta' riżorsi proprji li jirriżultaw mill-bilanċi u l-aġġustamenti tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u tal-introjtu nazzjonali gross (ING).

Ir-riżorsi proprji li jiffinanzjaw il-baġit tal-UE

2.

Fil-kuntest tal-proċedura baġitarja annwali, ir-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u fuq l-ING jiġu kkalkulati bl-applikazzjoni ta' rati uniformi għad-data mbassra tal-Istati Membri. Dawn ir-riżorsi jsiru disponibbli fuq bażi ta' kull xahar permezz tal-pagament ta' “wieħed minn tnax” (6), u jiġu rreġistrati fil-baġit taħt it-Titolu 1 “riżorsi proprji”. L-iskop tar-riżors proprju ING huwa li l-baġit tal-UE jiġi bbilanċjat ex ante.

Kalkolu tal-bilanċi u l-aġġustamenti tal-VAT/ING u baġits emendatorji

3.

Wara t-trażmissjoni annwali mill-Istati Membri tad-data riveduta dwar il-VAT u l-ING fil-31 ta' Lulju (7) u fit-22 ta' Settembru (8) rispettivament, il-Kummissjoni tikkalkula l-bilanċi u l-aġġustamenti (9) skont l-Artikolu 10(4) sa 10(7) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000, suġġett għall-opinjoni tal-Kumitat tal-ING dwar ix-xerqien tad-data dwar l-ING għall-iskopijiet tar-riżorsi proprji. Din l-opinjoni ġeneralment tinħareġ fi tmiem Ottubru.

4.

L-ammonti li jirriżultaw mill-bilanċi u l-aġġustamenti tal-VAT u tal-ING għandhom isiru disponibbli mill-Istati Membri fl-ewwel jum ta' xogħol ta' Diċembru tal-istess sena (10). Din id-data ta' skadenza hija obbligatorja.

5.

Il-bilanċi u l-aġġustamenti tal-VAT u tal-ING jwasslu għal modifika fuq in-naħa tad-dħul tal-baġit. L-ammont li jirriżulta minn din il-varjazzjoni pożittiva jew negattiva (11) jista' jiġi riportat għas-sena ta' wara, biex b'hekk jitnaqqsu jew jiżdiedu l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għas-sena N+1.

6.

Kif stipulat fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000, l-ammont totali nett li jirriżulta mill-bilanċi u l-aġġustamenti tal-VAT u tal-ING jista' jiġi kkumpensat ukoll bi tnaqqis jew żieda fir-riżorsi proprji għas-sena attwali N permezz ta' baġit emendatorju. Hija prattika komuni li l-Kummissjoni temenda l-baġit sabiex il-varjazzjoni ta' dawk il-bilanċi u l-aġġustamenti tiġi assorbita (12).

Proposta tal-Kummissjoni

7.

Id-dispożizzjoni proposta li temenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 tipprevedi li taħt ċirkustanzi speċifiċi, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu disponibbli l-ammonti li jirriżultaw mill-bilanċi u l-aġġustamenti tal-VAT u l-ING, fejn dawn l-ammonti jkunu eċċezzjonalment għoljin (13), fi kwalunkwe mument bejn l-ewwel jum ta' xogħol ta' Diċembru tas-sena attwali u l-ewwel jum ta' xogħol ta' Settembru tas-sena ta' wara.

8.

L-Istati Membri jridu jinfurmaw lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħhom qabel l-ewwel jum ta' xogħol ta' Diċembru, u bid-data (jew dati) għall-pagament tal-ammonti dovuti tagħhom. Kwalunkwe dewmien mill-Istati Membri biex jagħmlu dawn ir-riżorsi disponibbli jagħti lok għal interessi taħt il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000.

9.

Din il-proposta ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni minħabba li l-kalkolu tal-bilanċi u l-aġġustamenti tal-VAT u tal-ING li sar f'Ottubru 2014 wera li jista' jkun hemm sitwazzjonijiet fejn ikollhom jitħallsu ammonti eċċezzjonalment kbar taħt is-sistema attwali tar-riżorsi proprji. Fl-2014, dan irriżulta b'mod partikolari minn reviżjonijiet sinifikanti tad-data dwar l-ING li twettqu minn xi Stati Membri minħabba f'bidliet fis-sorsi u l-metodi, u minħabba fix-xogħol fuq ir-riżervi eżistenti tal-ING stabbiliti mill-Kummissjoni (14), li għamluha possibbli li jsiru aġġornamenti tad-data għas-snin mill-2002 'l hawn (15).

Osservazzjonijiet

10.

Il-proposta tal-Kummissjoni għandha l-għan li tipprovdi aktar flessibbiltà f'termini tal-posponiment tal-pagament għall-Istati Membri li jkollhom jagħmlu disponibbli ammonti eċċezzjonalment kbar li jirriżultaw mill-bilanċi u l-aġġustamenti tal-VAT u tal-ING.

11.

Fl-Opinjoni Nru 2/2012, l-Opinjoni Nru 2/2008 u l-Opinjoni Nru 2/2006 tagħha, il-Qorti esprimiet tħassib dwar il-kumplessità u n-nuqqas ta' trasparenza tas-sistema attwali u futura tar-riżorsi proprji li jiffinanzjaw il-baġit tal-UE.

12.

Fir-Rapport Speċjali Nru 11/2013 tagħha, il-Qorti enfasizzat dgħufijiet fl-applikazzjoni tas-sistema attwali tar-riżorsi proprji li jwasslu għal inċertezza baġitarja fl-Istati Membri. B'mod partikolari, hija sabet li l-proċess twil ta' verifikazzjoni u l-użu eċċessiv minn riżervi ġenerali mill-Kummissjoni jfissru li d-data dwar l-ING tal-Istati Membri hija suġġetta għal korrezzjonijiet aktar minn 10 snin wara s-snin ikkonċernati.

13.

Filwaqt li din l-emenda proposta ma tittrattax il-kwistjoni tal-inċertezza baġitarja tal-Istati Membri li tibqa' riskju fis-sistema attwali tar-riżorsi proprji, il-Qorti tirrikonoxxi l-fatt li l-bilanċi u l-aġġustamenti tal-VAT u tal-ING jistgħu jirriżultaw f'ammonti eċċezzjonalment kbar, kif seħħ fl-2014, u tieħu nota tal-approċċ tal-Kummissjoni li jippermetti li l-Istati Membri jiddifferixxu l-pagament ta' dawn l-ammonti bl-introduzzjoni ta' paragrafu 7a ġdid fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000.

14.

Iż-żewġ kriterji stipulati mill-Kummissjoni fl-emenda proposta, li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà li għandhom jiġu ssodisfati sabiex ikun jista' jsir differiment tal-pagamenti huma adatti, għalkemm hemm trikkib parzjali (16) (ara l-paragrafu 7).

15.

Il-modifika proposta hija applikabbli taħt id-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji li hija attwalment fis-seħħ. Fis-26 ta' Mejju 2014 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom (17) tiegħu, li ssostitwixxiet id-Deċiżjoni tal-2007 msemmija hawn fuq. Meta d-Deċiżjoni l-ġdida tidħol fis-seħħ (18), ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 jitħassar u r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 (19) jiġi applikat b'mod retroattiv mill-1 ta' Jannar 2014.

16.

Il-Qorti tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-modifika proposta tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 għandha, għaldaqstant, tiġi riflessa fir-Regolament imsemmi hawn fuq. Huwa importanti li jiġi żgurat li l-emenda proposta għar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 tiġi adottata sad-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom.

17.

Filwaqt li hija konxja li l-iskeda ta' żmien għall-adozzjoni ta' din il-proposta hija qasira, il-Qorti tqis li d-dispożizzjoni attwali tal-Kummissjoni għandha tiġi kkompletata, f'konformità mal-osservazzjonijiet tal-Qorti (ara l-paragrafi 20, 23 u 25), biex jiġi fformat mekkaniżmu komplet fil-kuntest tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament il-ġdid (UE, Euratom) Nru 609/2014.

18.

Id-dispożizzjoni proposta tirreferi biss għall-posponiment tad-data ta' skadenza għall-Istati Membri biex dawn jagħmlu r-riżorsi disponibbli fil-każ li jirriżultaw ammonti sinifikanti mill-bilanċi u l-aġġustamenti “pożittivi” tal-VAT u tal-ING.

19.

Fejn l-Istati Membri jkollhom bilanċi u aġġustamenti “negattivi” kbar tal-VAT u tal-ING, il-Kummissjoni tista' tkun obbligata tiġbor dħul addizzjonali permezz ta' baġit emendatorju (ara l-paragrafi 5 — 6). Dan jista' joħloq sitwazzjoni ta' inċertezza baġitarja simili għal dik li seħħet f'Ottubru 2014.

20.

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti, fost l-Istati Membri, tal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li differixxi r-rimborż tal-ammonti li jirriżultaw minn bilanċi u aġġustamenti “negattivi” bħal dawn.

21.

Ibbażat fuq ir-regoli eżistenti, il-Kummissjoni tikkalkula l-ammonti li jirriżultaw mill-bilanċi u l-aġġustamenti tal-VAT u tal-ING f'Ottubru tas-sena N. Fejn meħtieġ, hija tniedi proċedura biex temenda l-baġit bil-ħsieb li dan jiġi approvat sa tmiem l-istess sena. Il-proposta tal-Kummissjoni tipprevedi li dawn l-ammonti jsiru disponibbli bejn il-bidu ta' Diċembru fis-sena N u l-bidu ta' Settembru fis-sena N + 1 taħt ċirkustanzi eċċezzjonali speċifiċi (ara l-paragrafu 7).

22.

Filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni li l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar id-data/dati tal-pagamenti differiti sal-ewwel jum ta' xogħol ta' Diċembru, hemm ir-riskju li l-Kummissjoni tkun tista' tistabbilixxi l-ammont finali tal-baġit emendatorju biss fi stadju tardiv ħafna fil-proċedura.

23.

Filwaqt li d-data għad-deċiżjoni tal-Istati Membri dwar il-pagamenti differiti li jirriżultaw mill-bilanċi u l-aġġustamenti tal-VAT u tal-ING ġiet stabbilita bil-ħsieb li d-dispożizzjoni l-ġdida tiġi applikata fis-sena attwali 2014, din id-data ta' skadenza għandha titressaq 'il quddiem għall-bidu ta' Novembru mill-2015 'il quddiem. Dan jinvolvi wkoll il-modifika tad-data ta' referenza għall-kalkolu tal-livelli limiti biex jiġu ssodisfati l-kriterji ta' eliġibbiltà għall-pagamenti differiti (jiġifieri qabel il-15 ta' Novembru).

24.

Il-Qorti tqis li l-proposta tal-Kummissjoni tista' żżid il-kumplessità tas-sistema tar-riżorsi proprji (ara l-paragrafu 11) u l-piż amministrattiv fuq il-Kummissjoni għall-ġbir tar-riżorsi proprji.

25.

Għaldaqstant, ir-Regolament emendat għandu jistabbilixxi skeda predeterminata komuni għal dawn il-pagamenti differiti sabiex tiġi limitata l-inċertezza fir-rigward tad-dati, tal-għadd ta' pagamenti parzjali u tal-ammonti.

Konklużjoni

26.

Il-Qorti tieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni biex ikunu jistgħu jsiru pagamenti differiti tal-bilanċi u l-aġġustamenti tal-VAT u tal-ING fil-każ ta' ċirkustanzi eċċezzjonali. Hija tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li din id-dispożizzjoni tista' żżid il-kumplessità tas-sistema tar-riżorsi proprji u l-inċertezza baġitarja tal-Istati Membri. Il-Qorti għaldaqstant tqis li din il-proposta għandha tiġi kkompletata biex jiġu indirizzati l-osservazzjonijiet li tqajmu mill-Qorti fil-kuntest tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament il-ġdid (UE, Euratom) Nru 609/2014.

Din l-Opinjoni ġiet adottata mill-Qorti tal-Awdituri fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tas-27 ta' Novembru 2014.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  COM(2014) 704 final tat-12 ta' Novembru 2014.

(2)  L-Opinjoni Nru 2/2012 (ĠU C 112, 18.4.2012, p. 1), l-Opinjoni Nru 2/2008 (ĠU C 192, 29.7.2008, p. 1), l-Opinjoni Nru 2/2006 (ĠU C 203, 25.8.2006, p. 50), l-Opinjoni Nru 4/2005 (ĠU C 167, 7.7.2005, p. 1) u l-Opinjoni Nru 7/2003 (ĠU C 318, 30.12.2003, p. 1).

(3)  Kisba ta' data korretta dwar l-introjtu nazzjonali gross (ING): approċċ aktar strutturat u ffukat aħjar itejjeb l-effettività tal-verifikazzjoni mill-Kummissjoni (http://eca.europa.eu).

(4)  ĠU L 130, 31.5.2000, p. 1, kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 105/2009 tas-26 ta' Jannar 2009 (ĠU L 36, 5.2.2009, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17).

(6)  Ara l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000.

(7)  Ara l-Artikoli 7(1) u 9(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta' Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta' riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).

(8)  Ara l-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1287/2003 tal-15 ta' Lulju 2003 fuq l-armonizzazzjoni tad-dħul gross nazzjonali bi prezzijiet tas-suq (Regolament GNI) (ĠU L 181, 19.7.2003, p. 1).

(9)  Dawn il-bilanċi u l-aġġustamenti li jirreferu għas-sena N jiġu kkalkulati billi l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri bbażati fuq il-VAT u fuq l-ING li jsiru disponibbli fis-sena N-1 jitqabblu mal-pagamenti kkalkulati bl-użu ta' data reali u aġġornata għal dawn l-aggregati.

(10)  Ara l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000.

(11)  Mill-2005 'l hawn, ir-riżultat kumplessiv ta' dawn il-bilanċi u aġġustament kien pożittiv, bl-eċċezzjoni tas-snin 2009, 2010 u 2013.

(12)  Mill-2005 'l hawn, il-bilanċi u l-aġġustamenti tal-VAT u tal-ING ġew ibbaġitjati fl-aħħar baġit emendatorju, ħlief għas-snin 2010 u 2013.

(13)  Meta jaqbżu jew tnejn minn tnax-il parti tat-total għall-kontribuzzjoni ta' Stati Membri individwali (livell limitu individwali), jew nofs wieħed minn tnax-il parti għall-kontribuzzjonijiet totali tal-Istati Membri kollha (livell limitu globali).

(14)  Ir-regoli relatati mal-kalkolu tar-riżorsi proprji jippermettu l-possibbiltà li d-data dwar il-VAT u l-ING għal sena partikolari tiġi riveduta sal-31 ta' Lulju u t-30 ta' Settembru tas-sena N + 4 rispettivament. Din ir-regola ta' erba' snin tista' tiġi estiża f'każijiet fejn il-Kummissjoni u/jew l-Istati Membri jqisu li l-kwalità tad-data għandha tittejjeb f'xi punti għal sena finanzjarja partikolari.

(15)  Bl-eċċezzjoni ta' riżerva speċifika waħda li tkopri l-perjodu 1995-2001.

(16)  Ibbażat fuq il-valutazzjoni mill-Kummissjoni tas-snin mill-2004 'l hawn, iż-żewġ kriterji kienu jiġu ssodisfati fis-sena 2007 u s-sena 2014 li kieku kienet ġiet applikata d-dispożizzjoni proposta.

(17)  ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105.

(18)  Ladarba tkun ġiet approvata mill-Istati Membri kollha skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

(19)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 tas-26 ta' Mejju 2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING, u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 39).