7.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 358/19


Sommarju Eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta dwar il-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar ir-rappurtar tal-okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili li jemenda r-Regolament u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1330/2007 u l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 996/2010

(It-test sħiħ ta' din l-Opinjoni jista' jinstab bl-EN, FR u DE fuq il-websajt tal-KEPD http://www.edps.europa.eu)

2013/C 358/11

1.   L-Introduzzjoni

1.1.   Il-konsultazzjoni tal-KEPD

1.

Fit-18 ta' Diċembru 2012, il-Kummissjoni adottat Proposta għal Regolament dwar ir-rappurtar tal-okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1330/2007 u l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 996/2010 (‘il-Proposta) (1). Din il-Proposta ntbagħtet għall-konsultazzjoni lill-KEPD fit-8 ta' Jannar 2013.

2.

Il-KEPD jilqa' l-fatt li huwa kkonsultat mill-Kummissjoni u li fil-Preambolu tal-Proposta ddaħħlet referenza għal din l-Opinjoni. Qabel l-adozzjoni tal-Proposta, il-KEPD ingħata l-opportunità li jipprovdi kummenti informali lill-Kummissjoni.

1.2.   L-għanijiet u l-kamp ta' applikazzjoni tal-Proposta

3.

It-tliet strumenti li għandhom jitħassru mill-Proposta jorganizzaw ir-rapportar tal-okkorrenzi b'dan il-mod: id-Direttiva 2003/42/KE (2) teħtieġ li kull Stat Membru jwaqqaf sistema obbligatorja ta' rapportar tal-okkorrenzi (li minn hawn 'il quddiem ser tissejjaħ “MORS”). Skont din il-leġiżlazzjoni, il-professjonisti tal-avjazzjoni huma obbligati jirrapportaw l-okkorrenzi (3) fix-xogħol operazzjonali ta' kuljum tagħhom permezz tas-sistema mwaqqfa mill-organizzazzjoni tagħhom (4). Barra minn hekk, l-Istati Membri huma mitlubin jiġbru, jaħżnu, jipproteġu u jqassmu bejniethom informazzjoni dwar l-okkorrenzi. Żewġ regoli ta' implimentazzjoni jikkompletaw din il-leġiżlazzjoni: ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 (5), li jwaqqaf Repożitorju Ċentrali Ewropew (ECR) li jiġbor fi gruppi l-okkorrenzi kollha fl-avjazzjoni ċivili miġbura mill-Istati Membri, u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1330/2007 (6), li jistabbilixxi r-regoli dwar it-tixrid tal-informazzjoni li tinsab fl-ECR.

4.

Il-Proposta tibni fuq id-Direttiva 2003/42/KE biex ittejjeb is-sistemi eżistenti ta' rapportar tal-okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak Ewropew. Fost bidliet oħrajn, tipproponi dan li ġej:

l-iżgurar li l-okkorrenzi relevanti kollha huma rrapportati u li d-dejta rrapportata u maħżuna hija sħiħa u ta' kwalità għolja;

iż-żieda ta' sistema volontarja ta' rapportar mas-sistema obbligatorja;

li mhux biss l-Istati Membri, iżda anki l-organizzazzjonijiet jintalbu jirrapportaw okkorrenzi u li tiġi organizzata t-trażmissjoni ta' dawn ir-rapporti fl-ECR;

it-tħeġġiġ tar-rapportar permezz ta' protezzjoni armonizzata minn kastig ġerarkiku jew ix-xili ta' individwi li jirrapportaw okkorrenzi;

l-iżgurar ta' aċċess adegwat għall-informazzjoni li tinsab fl-ECR.

1.3.   L-Għan tal-Opinjoni tal-KEPD

5.

Mill-Proposta joħroġ li l-okkorrenzi ser jiġu rrapportati mill-impjegati lill-organizzazzjonijiet tagħhom, li mbagħad ser jaħżnuhom f'database u jirrapportawhom lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti magħżulin jew lill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA). Dawn l-awtoritajiet, flimkien mal-EASA u l-Kummissjoni, ser jittrasferixxu l-informazzjoni fuq l-okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili lill-ECR, amministrat mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ser tipproċessa dejta relatata ma' partijiet interessati li jitolbu aċċess għall-informazzjoni maħżuna fl-ECR.

6.

Il-KEPD jirrikonoxxi l-fatt li l-iskop tal-Proposta mhuwiex li tirregola l-ipproċessar ta' dejta personali. Madankollu, l-informazzjoni li ser tinħażen, tiġi rrapportata u ttrasferita tista' tkun relatata ma' persuni fiżiċi li huma direttament jew indirettament identifikabbli, bħal dawk li jirrapportaw, partijiet terzi involuti fl-okkorrenza rrapportata u partijiet interessati li japplikaw għall-aċċess (7). L-informazzjoni rrapportata tista' ma tinvolvix biss problemi tekniċi iżda anki, ngħidu aħna, passiġġieri vjolenti, korrimenti tal-ekwipaġġ jew inċidenti tas-saħħa (8).

7.

Għalhekk, din l-Opinjoni ser tanalizza l-elementi tal-Proposta li jolqtu l-ipproċessar ta' dejta personali. Tibni fuq Opinjoni preċedenti tal-KEPD (9) dwar wieħed mir-Regolamenti li qed jittiħidilhom posthom mill-Proposta (10).

4.   Il-Konklużjonijiet

46.

Il-KEPD jilqa' l-fatt li ngħatat attenzjoni għall-protezzjoni tad-dejta personali, speċjalment permezz tal-impenn meħud biex “ma tiġix identifikata” parti kbira mid-dejta pproċessata skont ir-rapportar tal-okkorrenzi. Madankollu, ifakkar li d-dejta pproċessata xorta ser tkun dejta personali u għalhekk jilqa' r-referenzi għall-applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta. Dak li huwa stipulat ma jmurx oltre sempliċi anonimizzazzjoni parzjali.

47.

Il-KEPD jirrakkomanda li jiġi ċċarat il-kamp ta' applikazzjoni tad-“disidentifikazzjoni”. B'mod partikolari, jipproponi t-titjib li ġej fit-test:

fil-Preambolu, jiġi ċċarat li d-disidentifikazzjoni fis-sens tal-Proposta huwa relattiv u ma jikkorrispondix għal anonimizzazzjoni sħiħa. Barra minn hekk, b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet ta' hawn fuq, il-Preambolu għandu jispjega wkoll li d-disidentifikazzjoni u l-miżuri ta' anonimizzazzjoni sħiħa għandhom jiġu applikati f'kuntesti differenti;

fl-Artikolu 16: jiġi speċifikat li d-dejta disponibbli għall-ġesturi indipendenti għandha tiġi disidentifikata jew imħassra wkoll malajr kemm jista' jkun, sakemm ma jkunx hemm ġustifikazzjoni għall-ħżin tad-dejta, eż. biex tinżamm konformità ma' obbligi legali oħrajn tal-organizzazzjonijiet;

biex jiġi ċċarat il-kamp ta' applikazzjoni tad-disidentifikazzjoni, il-KEPD jirrakkomanda li fl-Artikolu 16(1) u 16(2) “dejta personali” tinbidel ma' “dettalji personali” u li tiżdied referenza għall-possibilità ta' identifikazzjoni permezz ta' dettalji tekniċi, skont l-Artikolu 2(1);

l-Artikolu 5(6) jippermetti lill-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet sabiex jistabbilixxu sistemi addizzjonali ta' rapportar. Għandu jiġi speċifikat li din l-informazzjoni wkoll għandha tiġi disidentifikata. Għalhekk, il-KEPD jirrakkomanda li fl-Artikolu 16(2) jiġi ċċarat li anki d-dejta personali li tinsab fis-sistemi ta' ġbir u pproċessar tal-informazzjoni dwar is-sikurezza mwaqqfa skont l-Artikolu 5(6) għandha tiġi disidentifikata;

fl-Artikolu 13(10): jiġi speċifikat li l-informazzjoni għandha tiġi anonimizzata (11) qabel il-pubblikazzjoni tagħha;

fl-Artikolu 11(4): jiġi speċifikat li l-informazzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-partijiet interessati fl-Anness III u mhux relatata mat-tagħmir, l-operazzjonijiet jew il-qasam tal-attività tagħhom, mhux biss għandha tiġi aggregata jew disidentifikata, kif mitlub mill-Artikolu 11(4), iżda kompletament anonimizzata.

48.

Il-KEPD jagħti parir ukoll sabiex fil-Proposta jiġi speċifikat min ser ikun il-kontrollur ta' kull database. Jirrakkomanda wkoll id-definizzjoni fl-Annessi I u II, fl-Artikolu 5(6) il-kategoriji kollha tad-dejta li għandha tiġi pproċessata u li jiġu ċċarati l-Artikoli 7(1) u 11(1) kif xieraq. Jekk mhuwiex possibbli li jiġu speċifikati l-okkorrenzi u l-entrati tad-dejta kollha li għandhom jiġu pproċessati skont l-Artikolu 7(1), 5(3), 5(6) u 11(1), dawn l-Artikoli għandhom tal-inqas isemmu li iktar informazzjoni mhux meħtieġa mill-Proposta ma għandux ikun fiha kategoriji speċjali ta' dejta kif iddefiniti mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 95/46/KE u l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 (“dejta sensittiva”).

49.

Il-KEPD jirrakkomanda wkoll li jiġu speċifikati l-perjodi li matulhom id-dejta għandha tinħażen fid-databases, id-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta u l-miżuri ta' sigurtà li għandhom jiġu implimentati.

50.

Fil-każ ta' trasferimenti lejn organizzazzjonijiet ta' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, dawn għandhom jieħdu l-impenn li jirrispettaw l-istandards adegwati li għandhom jiġu pprovduti fi strument vinkolanti. Dawn is-salvagwardji jistgħu jkunu bbażati fuq il-prinċipji ta' protezzjoni tad-dejta fil-Klawżoli Kuntrattwali Standard għat-trasferimenti ta' dejta personali lill-pajjiżi terzi adottati mill-Kummissjoni u jistgħu jiżdiedu fl-Anness tal-Proposta.

51.

Fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta ta' partijiet interessati li jitolbu li jingħatalhom aċċess għall-ECR, il-KEPD jirrakkomanda li fil-Proposta jiġu speċifikati l-miżuri ta' protezzjoni tad-dejta li ser japplikaw għall-ipproċessar ta' dejta relatata ma' partijiet terzi (eż., kemm ser iddum maħżuna d-dejta wara li jingħata jew jiġi miċħud aċċess u min għandu aċċess għal din id-dejta). Barra minn hekk, minbarra l-avviż dwar l-aċċess għall-informazzjoni (12), il-formola li tinsab fl-Anness IV għandha tinkludi avviż dwar il-privatezza.

52.

Finalment, il-ħtieġa tal-ipproċessar ta' dejta sensittiva għal xi waħda mir-raġunijiet li jinsabu fl-Artikolu 8(2-4) tad-Direttiva 95/46/KE u l-Artikolu 10(2-4) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 għandha tiġi ġġustifikata fil-Preambolu. Il-KEPD jirrakkomanda wkoll li jiġu adottati salvagwardji addizzjonali fir-rigward tal-ipproċessar ta' kategoriji speċjali ta' dejta, bħal miżuri tas-sigurtà iktar stretti, il-projbizzjoni tad-divulgazzjoni tal-kategoriji relatati ta' dejta lill-partijiet terzi mhux soġġetti għal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta u r-restrizzjoni tad-divulgazzjoni tagħha lil partijiet interessati oħrajn. Barra minn hekk, l-ipproċessar ta' dawn il-kategoriji ta' dejta jista' jkun soġġett għal verifika minn qabel mill-awtoritajiet nazzjonali tal-UE ta' protezzjoni tad-dejta u mill-KEPD.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ April 2013.

Giovanni BUTTARELLI

Assistent Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  COM(2012) 776 final.

(2)  Id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2003 dwar rapporti ta' okkorrenza fl-avjazzjoni ċivili (ĠU L 167, 4.7.2003, p. 23).

(3)  L-okkorrenzi huma kwalunkwe avveniment importanti relatat mas-sikurezza tal-avjazzjoni, inklużi inċidenti, aċċidenti u inċidenti serji (Ara l-Artikolu 2(8) tal-Proposta).

(4)  “Organizzazzjoni” hija definita fil-proposta bħala “kull organizzazzjoni li tipprovdi prodotti u/jew servizzi tal-avjazzjoni, b'mod partikolari, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru, l-organizzazzjonijiet ta' manutenzjoni approvata, l-organizzazzjonijiet responsabbli mit-tip ta' disinn u/jew mill-manifattura tal-inġenji tal-ajru, il-fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni bl-ajru u l-ajrudromi ċċertifikati” (Ara l-Artikolu 2(9)) tal-Proposta).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 tat-12 ta' Novembru 2007 li jistipula r-regoli ta’ implimentazzjoni għall-integrazzjoni ta' tagħrif dwar okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili skambjat skont id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’depożitu ċentrali ta’ tagħrif (ĠU L 294, 13.11.2007, p. 3).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1330/2007 tal-24 ta' Settembru 2007 li jistipula r-regoli implimentattivi għat-tqassim lill-partijiet interessati ta' tagħrif dwar l-okkorrenzi tal-avjazzjoni ċivili (ĠU L 295, 14.11.2007, p. 7).

(7)  Dwar dejta personali, ara b’mod partikolari t-Taqsima 3.1.

(8)  Ara l-Anness I tal-Proposta “Lista ta' inċidenti li jridu jiġu rrappurtati taħt l-iskema ta' rappurtar obbligatorju ta' okkorrenza”.

(9)  Ara l-Opinjoni tal-KEPD dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti fl-avjazzjoni ċivili (ĠU C 132, 21.5.2010, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar id-Direttiva 94/56/KE Test b’relevanza għaż-ŻEE (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 35).

(11)  Jiġifieri, jiġi żgurat li l-individwi ma jkunux identifikabbli filwaqt li jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-mezzi kollha li b'mod raġonevoli aktarx li jintużaw mill-kontrollur jew minn xi persuna oħra.

(12)  Punt 7 tal-Anness IV.