21.12.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 376/7 |
ABBOZZ TA' STRATEĠIJA DWAR IL-ĠUSTIZZJA ELETTRONIKA EWROPEA 2014-2018
2013/C 376/06
I. DAĦLA
1. |
L-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Pluriennali dwar il-Ġustizzja elettronika 2009-2013 ikkostitwixxa pass ulterjuri fl-iżvilupp tal-Ġustizzja elettronika. Id-dimaterjalizzazzjoni tal-proċedimenti legali u l-użu ta' mezzi elettroniċi fil-komunikazzjoni bejn dawk kollha involuti f'attivitajiet ġudizzjarji saret element importanti fil-funzjonament effiċjenti tal-ġudikatura fl-Istati Membri. L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom rieda komuni li jkomplu l-bini tas-sistema tal-Ġustizzja elettronika Ewropea. |
2. |
Il-Ġustizzja elettronika Ewropea timmira lejn l-użu u l-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni għas-servizz tas-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet transkonfinali, bil-ħsieb li jingħata aċċess akbar għall-ġustizzja u l-informazzjoni ġudizzjarja liċ-ċittadini, in-negozji, il-prattikanti tal-liġi u biex tiġi ffaċilitata aktar l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-Istati Membri. Hija tħabrek biex ittejjeb l-effettività tas-sistema ġudizzjarja nnifisha filwaqt li tirrispetta l-indipendenza u d-diversità tas-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri kif ukoll tad-drittijiet fundamentali. |
3. |
B'mod partikolari, jeħtieġ li l-Ġustizzja elettronika Ewropea tkompli tiġi żviluppata bħala servizz dirett għaċ-ċittadini Ewropej li se jibbenefikaw mill-valur miżjud tagħha, inkluż permezz tal-Portal tal-Ġustizzja elettronika. Għandu jiġi żgurat li l-utenti tas-sistema tal-Ġustizzja elettronika Ewropea, inkluż iċ-ċittadini, ikunu jistgħu jieħdu b'mod rapidu l-benefiċċji prattiċi tal-għodod tal-Ġustizzja elettronika. |
4. |
Ir-riżultati diġà miksuba, ir-restrizzjonijiet li jinqalgħu u l-objettivi previsti għall-futur jeħtieġu strateġija komprensiva tal-Ġustizzja elettronika Ewropea biex iwasslu l-impenn u l-parteċipazzjoni f'livell strateġiku. L-Istrateġija għall-Ġustizzja elettronika Ewropea 2014-2018 għandha l-għan li tibni fuq il-ħidma li diġà saret. |
II. KUNTEST TAL-IŻVILUPP TAL-ĠUSTIZZJA ELETTRONIKA FIL-LIVELL EWROPEW
1. Sfond
5. |
F'Ġunju 2007, il-Kunsill ĠAI ddeċieda li għandha titwettaq ħidma bil-ħsieb tal-iżvilupp, f'livell Ewropew, tal-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja, b'mod partikolari permezz tal-ħolqien ta' portal Ewropew biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ġustizzja f'sitwazzjonijiet transkonfinali. |
6. |
Bi tweġiba għall-Kunsill, il-Kummissjoni ppreżentat il-Komunikazzjoni tagħha “Lejn Strateġija Ewropea dwar il-Ġustizzja Elettronika” ta' Ġunju 2008 (1) maħsuba biex tippromwovi l-iżvilupp ta' għodod tal-Ġustizzja elettronika fil-livell Ewropew f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri. L-objettiv kien li toħloq sinerġiji bejn l-isforzi fil-livelli Ewropej u nazzjonali fil-qasam tal-Ġustizzja elettronika u li toffri ekonomiji ta' skala fil-livell Ewropew. |
7. |
Fil-laqgħa tiegħu tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2008 l-Kunsill Ewropew laqa' l-inizjattiva biex “jiġi stabbilit progressivament portal uniku tal-e-Justice tal-Unjoni Ewropea sa tmiem l-2009.” L-għan ta' dan il-Portal ikun li jiġi pprovdut punt ta' aċċess uniku, multilingwistiku, faċli għall-utenti (“punt ta' kuntatt waħdieni”) għas-sistema tal-Ġustizzja elettronika Ewropea kollha, jiġifieri għal siti elettroniċi u/jew servizzi ta' informazzjoni Ewropej u nazzjonali. |
8. |
L-ewwel Pjan ta' Azzjoni pluriennali għall-Ġustizzja Elettronika Ewropea (2009-2013), imħejji b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew, ġie adottat mill-Kunsill ĠAI f'Novembru 2008. |
9. |
Flimkien mal-adozzjoni tal-ewwel Pjan ta' Azzjoni, il-Kunsill approva l-istabbiliment ta' struttura ta' ħidma ġdida. Il-Gruppi ta' Ħidma tal-Kunsill dwar il-Leġislazzjoni elettronika sussegwentement wettaq ħidma konsiderevoli biex iwettaq il-mandat mogħti lilu mill-Kunsill. Il-biċċa l-kbira tal-għanijiet stabbiliti fl-ewwel Pjan ta' Azzjoni nkisbu u l-ħidma relatata għadha għaddejja. |
10. |
Il-Parlament Ewropew wera l-interess tiegħu fil-ħidma mwettqa fil-qasam tal-Ġustizzja elettronika. Fit-18 ta' Diċembru 2008 huwa adotta Riżoluzzjoni dwar il-Ġustizzja elettronika (2), li fiha stqarr, fost l-oħrajn, li għandu jitwaqqaf mekkaniżmu adatt biex jiżgura li leġiżlazzjoni futura titfassal b'mod li tkun tista' tintuża f'applikazzjonijiet online. Huwa adotta wkoll Riżoluzzjoni dwar il-Ġustizzja elettronika fil-laqgħa Plenarja tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2013 (3), fejn appella biex jiżdied l-użu ta' applikazzjonijiet elettroniċi, il-proviżjoni elettronika tad-dokumenti, l-użu ta' vidjokonferenzi u l-interkonnessjoni tar-reġistri ġudizzjarji u amministrattivi biex titnaqqas aktar l-ispiża tal-proċedimenti ġudizzjarji u barra mill-qorti. |
2. Kisbiet ewlenin
11. |
Il-Portal tal-Ġustizzja Elettronika, li huwa ospitat u mħaddem mill-Kummissjoni f'konformità mal-linji gwida tal-Kunsill, ġie ppreżentat fis-16 ta' Lulju 2010. Dan l-iżvilupp ta' din il-website mill-Istati Membri u l-Kummissjoni avvanza b'mod kostanti fil-forma ta' funzjonalitajiet ġodda (bħal forom elettroniċi dinamiċi) u ż-żieda regolari ta' kontenut ġdid. Il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika għandu l-għan li jservi ta' “punt ta' kuntatt waħdieni” għaċ-ċittadini u l-professjonisti legali Ewropej, li jippermettilhom jiksbu, fil-lingwa tagħhom stess, informazzjoni dwar il-proċeduri Ewropej u nazzjonali u l-funzjonament tal-ġustizzja. |
12. |
Diversi Stati Membri diġà żviluppaw u pparteċipaw f'għadd ta' proġetti pilota fil-qasam tal-Ġustizzja elettronika, pereżempju bil-ħsieb li jiġu interkonnessi r-reġistri tal-insolvenza tal-Istati Membri u jiġu introdotti żviluppi tekniċi sinifikanti. Infrastruttura għall-Ġustizzja elettronika Ewropea qed tiżviluppa gradwalment. Element importanti huwa ffurmat bl-infrastruttura teknika u organizzattiva għall-iskambju sigur tad-data legali bejn il-ġudikatura, l-organizzazzjonijiet governattivi, il-professjonisti legali, iċ-ċittadini u n-negozji fil-qafas tal-proġett tal-CODEX elettroniku. |
13. |
Għadd kbir ta' Stati Membri introduċew is-sistemi tal-vidjokonferenzi biex jaċċelleraw il-proċeduri ġudizzjarji billi jiffaċilitaw is-smigħ tax-xhieda jew tal-partijiet. Il-ħidma maħsuba biex tinkorpora s-siti elettroniċi tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali u tal-Atlas Ġudizzjarju tinsab għaddejja. Il-Kunsill adotta wkoll Deċiżjoni li tistabbilixxi l-kooperazzjoni man-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f'materji kriminali. |
14. |
Ir-riżultati tal-kwestjonarju reċenti dwar il-Ġustizzja elettronika (4) juru li dan il-qasam evolva b'mod konsiderevoli fl-Istati Membri mill-adozzjoni tal-ewwel Pjan ta' Azzjoni pluriennali għall-Ġustizzja elettronika Ewropea. L-Istrateġija dwar il-Ġustizzja elettronika Ewropea 2014-2018 ser tibni fuq dan is-suċċess. |
15. |
Fil-qasam tal-liġi elettronika ġew żviluppati moduli importanti għall-aċċessibbilità u l-interoperabbiltà semantika tar-riżorsi legali. Fl-2009 il-Kunsill adotta l-Konklużjonjiet tal-Kunsill dwar l-Identifikatur Ewropew tal-Każistika (ECLI) biex ikunu jistgħu jinstabu aħjar, u jiġi ffaċilitat l-ikkwotar inekwivoċi ta' sentenzi maħruġa mill-qrati Ewropej u nazzjonali. Bosta Stati Membri diġà implimentaw l-ECLI. Il-Kummissjoni u diversi Stati Membri qed iħejju biex jintroduċu l-interfaċċja ta' tiftix tal-ECLI Ewropew fil-Portal tal-Ġustizzja elettronika sal-ewwel kwart tal-2014. L-introduzzjoni tal-ECLI qed titħejja wkoll mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. |
16. |
Fl-2011, il-Kunsill adotta l-Konklużjonijiet dwar l-Identifikatur Ewropew tal-Każistika (ELI), li introduċa standard volontarju għall-identifikar, l-immarkar, u l-ikkwotar elettroniku tal-istrumenti legali Ewropej u nazzjonali. L-istandard ġie adottat għall-użu fil-EUR-Lex u qed jiġi introdott minn diversi Stati Membri. |
3. Konsistenza mal-qafas tal-Gvern elettroniku
17. |
Il-Ġustizzja elettronika Ewropea għandha tħabrek għal aktar konsistenza mal-qafas ġenerali tal-Gvern elettroniku, li huwa speċifikament deskritt fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM(2010) 744 final) li tintroduċi l-Istrateġija Ewropea għall-Interoperabbiltà (EIS) u l-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà. F'dawn id-dokumenti huwa ċar li interoperabbiltà msaħħa fil-livell legali, organizzattiv, semantiku u tekniku, li twassal għall-ħolqien ta' ekosistema sostenibbli, hija essenzjali biex timmassimizza l-potenzjal soċjali u ekonomiku tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni. Is-sistema tal-Ġustizzja elettronika Ewropea għandha tiġi żviluppata f'konformità mal-prinċipju ta' indipendenza ġudizzjarja u s-separazzjoni tal-poteri. |
III. PRINĊIPJI ĠENERALI
18. |
Il-ħidma fil-qasam tal-Ġustizzja elettronika Ewropea hija bbażata fuq il-prinċipji bażiċi li ġejjin: |
(a) Azzjoni volontarja
19. |
Il-parteċipazzjoni volontarja fi proġetti tal-Ġustizzja elettronika Ewropea hija fid-diskrezzjoni ta' kull Stat Membru individwali, ħlief fejn ikun ġie adottat strument leġislattiv tal-Unjoni Ewropea li jinkludi rekwiżit għall-implimentazzjoni ta' proġett speċifiku fil-kuntest tas-sistema tal-Ġustizzja elettronika Ewropea. |
(b) Deċentralizzazzjoni
20. |
Il-kunċett ta' Ġustizzja elettronika Ewropea huwa bbażat fuq il-prinċipju ta' sistema deċentralizzata fil-livell Ewropew li tgħaqqad flimkien lid-diversi sistemi nazzjonali indipendenti interoperabbli fl-Istati Membri. Skont dan il-prinċipju ġenerali ta' deċentralizzazzjoni huwa d-dover ta' kull Stat Membru li jiżgura l-implimentazzjoni teknika u l-ġestjoni tas-sistemi nazzjonali tal-Ġustizzja elettronika meħtieġa sabiex tiġi ffaċilitata l-interkonnessjoni bejn is-sistemi tal-Istati Membri. |
21. |
Madankollu, ċertu grad ta' ċentralizzazzjoni fil-livell tal-UE huwa metieġ. Iċ-ċentralizzazzjoni tista' wkoll tiġi prevista f'xi sitwazzjonijiet speċifiċi, eżempju meta din tkun soluzzjoni aktar kost-effettiva jew fejn ikun ġie adottat strument leġiżlattiv. |
(c) Interoperabbiltà
22. |
L-interoperabbiltà, li tippermetti l-interkonnessjoni tas-sistemi tal-Istati Membri u l-użu ta' soluzzjonijiet ċentralizzati fejn meħtieġ, hija element fundamentali tas-sistemi deċentralizzati. Il-kompatibbiltà bejn id-diversi aspetti tekniċi, organizzattivi, legali u semantiċi magħżulin għall-applikazzjonijiet tas-sistema ġudizzjarja għandhom jiġu żgurati, filwaqt li tiġi garantita flessibbiltà massima għall-Istati Membri. |
(d) Dimensjoni Ewropea
23. |
L-Istrateġija dwar il-Ġustizzja elettronika Ewropea hija maħsuba biex tkopri proġetti b'dimensjoni Ewropea fl-oqsma tad-dritt ċivili, kriminali u amministrattiv. |
24. |
Proġetti żviluppati skont il-Ġustizzja elettronika Ewropea, b'mod partikolari l-proġetti kollha li għandhom jiġu inklużi fil-Portal, għandu jkollhom il-potenzjal li jinvolvu lill-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri kollha għandhom jiġu inkoraġġuti jipparteċipaw fil-proġetti kollha sabiex tiġi żgurat il-vijabbiltà fit-tul u l-kost-effittività tagħhom. Il-proġetti kollha għandu jkollhom il-potenzjal li jagħtu benefiċċju prattiku dirett b'mod partikolari liċ-ċittadini, in-negozji u/jew il-ġudikatura. |
25. |
L-iżvilupp tas-sistema tal-Ġustizzja elettronika Ewropea għandu jieħu kont ukoll tal-proġetti nazzjonali li joffru valur miżjud Ewropew. |
IV. L-OBJETTIVI TAL-ĠUSTIZZJA ELETTRONIKA EWROPEA
(a) Aċċess għall-informazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja
26. |
L-objettiv huwa li jittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea. Il-Portal tal-Ġustizzja elettronika għandu rwol importanti biex jintlaħaq dan l-objettiv. |
(b) Aċċess għall-qrati u proċedimenti extraġudizzjarji f'sitwazzjonijiet transkonfinali
27. |
Il-Ġustizzja elettronika Ewropea għandu jkollha l-għan li toffri aċċess għall-qrati u li tiffaċilita l-użu ta' proċedimenti extraġudizzjarji permezz tal-użu ta' komunikazzjoni elettronika f'sitwazzjonijiet transkonfinali. |
28. |
Għalhekk jeħtieġ li tkompli l-ħidma li diġà bdiet fil-livell nazzjonali f'għadd ta' Stati Membri u li jinħolqu l-kondizzjonijiet għal servizzi ġudizzjarji transkonfinali interattivi fil-livell Ewropew. |
29. |
Id-dematerjalizzazzjoni tal-proċedimenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji għandha titkompla skont il-prinċipju ta' azzjoni volontarja mill-Istati Membri. |
(c) Komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji
30. |
Huwa ta' importanza partikolari li tiġi ssimplifikata u mħeġġa l-komunikazzjoni elettronika bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri (eżempju permezz tal-vidjokonferenzi jew skambji ta' data elettroniċi siguri. |
31. |
Il-membri tal-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom jingħataw aċċess sigur għad-diversi funzjonalitajiet riżervati għalihom; huma għandu jkollhom drittijiet tal-aċċess differenzjati u għandu jiġi applikat metodu ta' awtentikazzjoni uniformi jew interoperabbli. |
V. IMPLIMENTAZZJONI TAL-ISTRATEĠIJA
1. Il-Portal tal-Ġustizzja elettronika Ewropea
32. |
Il-Portal tal-Ġustizzja elettronika Ewropea għandu jibqa' jiġi żviluppat bħala punt ta' kuntatt waħdieni. Dan ma jipprekludix mezzi oħra ta' komunikazzjoni (eżempju permezz ta' trasmissjoni minn netwerk għal ieħor). |
33. |
Il-Portal tal-Ġustizzja elettronika Ewropea għandu jipprovdi informazzjoni liċ-ċittadini, in-negozji u l-prattikanti dwar il-liġi tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Il-Portal għandu jkun ukoll mezz li joffri aċċess għal informazzjoni relatata oħra fil-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali fil-qasam tal-ġustizzja. |
2. Interoperabbiltà
34. |
Għandha tiġi żgurata interoperabbiltà organizzattiva, teknika u semantika. Għal dan il-għan, soluzzjonijiet tekniċi għall-Ġustizzja elettronika Ewropea għandhom jiġu żviluppati għall-iskambju tad-data sigur bejn il-ġudikatura, l-amministrazzjonijiet nazzjonali, il-professjonisti legali, iċ-ċittadini u n-negozji. Standards tekniċi miftuħa disponibbli u soluzzjonijiet diġà żviluppati (eżempju proġetti bħal Codex elettroniku) għandhom jitqiesu qabel ma jiġu żviluppati oħrajn ġodda. L-Istati Membri wkoll għandu jkollhom rwol attiv fl-iżvilupp ta' dawn is-soluzzjonijiet u t-teħid ta' deċiżjonijiet dwarhom. |
3. Aspetti leġiżlattivi
35. |
Il-ħtieġa li jiġi żgurat l-użu konsistenti ta' teknoloġiji moderni tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ġdida tal-UE fil-qasam tal-ġustizzja, inklużi l-emendi u r-riformulazzjonijiet tal-leġiżlazzjoni eżistenti, għandha titqies fil-proċess leġiżlattiv. Id-data li għandha tiġi trasferita għandha tiġi deskritta bil-kontenut tagħha biss, u mhux b'xi rappreżentazzjoni viżiva possibbli. Mezzi ta' trasferiment ta' data jew dokumenti għandhom jiġu deskritti b'mod funzjonali u newtrali mill-aspett teknoloġiku. |
4. Web Semantiku legali Ewropew
36. |
L-iskambju transkonfinali ta' informazzjoni legali, u b'mod partikolari data relatata mal-leġislazzjoni Ewropea jew nazzjonali, il-każistika u l-glossarji legali, huwa mxekkel min-nuqqas ta' mezzi effettivi għall-kondiviżjoni ta' din it-tip ta' data. |
37. |
Proġetti differenti jistgħu jindirizzaw din il-kwistjoni u jżidu l-iskambju ta' u l-interoperabbiltà semantika ta' data legali fl-Ewropa kollha u lil hinn minnha. Għandha tkompli l-ħidma fuq bażi volontarja dwar l-iżvilupp tal-internet semantiku legali Ewropew, maħsub biex itejjeb l-aċċessibbiltà u l- proċessabbiltà ta' informazzjoni legali billi l-identifikazzjoni u s-semantika tad-data legali jkunu interoperabbli. |
5. Interkonnessjoni tar-reġistri
38. |
Għandha tiġi promossa l- interkonnessjoni tar-reġistri nazzjonali li fihom informazzjoni rilevanti għall-qasam tal-ġustizzja. Għandhom jiġu żgurati l-prekondizzjonijiet tekniċi u legali meħtieġa biex tali interkonnessjonijiet ikunu possibbli. |
39. |
L-azzjoni f'dan il-qasam għandha tkun iffokata fuq l-interkonnessjoni tar-reġistri li joħolqu interess għaċ-ċittadini, in-negozji, l-prattikanti legali u l-ġudikatura. |
6. Netwerks
40. |
Is-sistema tal-Ġustizzja elettronika tista' toħloq kondizzjonijiet għall-iffaċilitar ta' diversi netwerks eżistenti fil-livell Ewropew fil-qasam tal-ġustizzja, bħan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f'materji ċivili u kummerċjali u n-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f'materji kriminali. Għal dan il-għan, il-possibbiltajiet offruti mis-sistema tal-Ġustizzja elettronika Ewropea u l-Portal tal-Ġustizzja elettronika għandhom jiġu esplorati aktar f'konsultazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti. |
7. Kooperazzjoni ma' prattikanti legali u utenti oħra tal-Ġustizzja elettronika Ewropea
41. |
L-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea dwar il-Ġustizzja elettronika titlob il-parteċipazzjoni tal-ġudikatura u prattikanti legali rilevanti oħra fl-Istati Membri. Għalhekk dawn il-prattikanti legali għandhom ikunu involuti f'diskussjonijiet u proġetti fil-qasam tal-Ġustizzja elettronika Ewropea sabiex jiġi żgurat li s-soluzzjonijiet li ser jiġu żviluppati jilħqu l-bżonnijiet attwali ta' kull grupp immirat. |
42. |
Għaldaqstant, huwa essenzjali li r-rappreżentanti tal-ġudikatura tal-Istati Membri jkollhom l-opportunità li jikkontribwixxu fil-ħidma dwar il-Ġustizzja elettronika Ewropea, speċjalment dwar is-soluzzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti għall-Ġustizzja elettronika Ewropea b'tali mod li jistgħu jitqiesu l-fehmiet tagħhom u l-ħtiġijiet tal-utenti. |
43. |
Barra minn hekk, huwa mixtieq li prattikanti legali oħra, pereżempju l-avukati, in-nutara, l-uffiċjali ġudizzjarji u oħrajn, ikunu involuti f'diskussjonijiet futuri dwar il-Ġustizzja elettronika Ewropea biex jiġi żgurat li s-soluzzjonijiet li ser jiġu żviluppati jilħqu l-ħtiġijiet reali tagħhom. |
44. |
Huwa f'dan il-kuntest li għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' kooperazzjoni ma' prattikanti legali bħal dawn biex jiġi żgurat li jittieħed kont ta' kwistjonijiet ta' interess reċiproku fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropea dwar il-Ġustizzja elettronika. |
45. |
Għandu jittieħed kont ukoll biex jinġabru l-fehmiet u r-reazzjonijiet minn rappreżentanti tal-pubbliku b'mod ġenerali, inklużi l-utenti tal-Portal, kif ukoll l-operaturi tan-negozji. |
8. Traduzzjoni
46. |
It-tħassib li ċ-ċittadini Ewropej għandhom ikunu jistgħu jgawdu minn aċċess faċli għall-Ġustizzja elettronika Ewropea ser ikun ifisser li għandhom jiġu kkunsidrati miżuri kost-effettivi u b'saħħithom fuq perijodu twil li jiffokaw fuq it-traduzzjoni. Il-Portal tal-Ġustizzja elettronika għandu joffri traduzzjonijiet affidabbli tal-kontenut tiegħu fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea. |
9. Regoli u drittijiet fil-qasam tal-Ġustizzja elettronika
47. |
Żviluppi futuri fil-qasam tal-Ġustizzja elettronika Ewropea ser joħolqu sfidi ġodda għall-protezzjoni ta' data personali. Huwa previst li l-iskala tal-ġbir u l-kondiviżjoni tad-data ser jiżdied bl-implimentazzjoni tal-istrateġija futura tal-Ġustizzja elettronika Ewropea. Il-protezzjoni ta' data personali għalhekk għandha rwol importanti f'dan il-kuntest. Ħidma futura fil-qafas tal-Ġustizzja elettronika għandha tieħu kont tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u r-regoli dwar il-moviment ħieles ta' data personali. |
48. |
Ir-regoli dwar is-sjieda tal-informazzjoni għandhom jiġu stabbiliti, kif meħtieġ, biex jiġu ddeterminati r-responsabbiltajiet rigward il-kontenut tad-data li għandha tiġi ppubblikata fil-Portal tal-Ġustizzja elettronika. Fil-prinċipju, kull persuna li tipprovdi kontenut hija unikament responsabbli għal xogħolha u għandha tikkonforma mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u kwalunkwe rekwiżit legali applikabbli ieħor. |
49. |
Għandhom jiġu stabbiliti regoli simili għall-użu ta' funzjonalitajiet elettroniċi li jippermettu l-iskambju ta' informazzjoni, inkluż l-iskambju ta' data personali, bejn l-awtoritajiet ġudizzjarja tal-Istati Membri u għall-preżentazzjoni elettronika ta' dokumenti li għandhom jintużaw fi proċedimenti tal-qorti. |
50. |
F'dan il-kuntest b'mod partikolari, il-Kummissjoni hija mistiedna tkompli teżamina l-ħtieġa li tadotta proposta għal strument leġiżlattiv fil-qasam tal-Ġustizzja elettronika. Dan l-istrument għandu jiddefinixxi l-qafas legali ġenerali u l-mezzi għall-implimentazzjoni ta' strateġija konkreta dwar il-Ġustizzja elettronika fil-livell Ewropew. |
10. Promozzjoni
51. |
Fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea dwar il-Ġustizzja elettronika, għandha titqies il-promozzjoni tal-funzjonalitajiet disponibbli fost l-utenti tas-sistemi ta' Ġustizzja elettronika Ewropea. |
11. Finanzjament
52. |
L-iżvilupp tal-Ġustizzja elettronika Ewropea jeħtieġ riżorsi finanzjarji konsiderevoli. Għalhekk huwa importanti li jiġi pprovdut finanzjament adegwat fil-livell tal-UE, b'mod partikolari biex:
|
53. |
Il-finanzjament fil-livell Ewropew tal-ħidma fil-qasam tal-Ġustizzja elettronika (kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll Ewropew), inklużi l-proġetti konkreti li għandhom jiġu definiti u implimentati skont il-Pjan ta' Azzjoni futur, għandu jiġi garantit permezz tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 u b'mod partikolari l-pakkett finanzjarju għall-Programm tal-Ġustizzja 2014-2020. |
54. |
Il-proġetti relatati mal-Ġustizzja elettronika fis-sens ta' din l-istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni relatat jistgħu wkoll jiġu ffinanzjati taħt programmi eżistenti oħra tal-Unjoni dment li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti f'dawk il-programmi (5). |
12. Relazzjonijiet esterni
55. |
L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, sakemm huwa fattibbli, jiżviluppaw kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-Ġustizzja elettronika. |
56. |
Din il-kooperazzjoni possibbli għandha tiġi implimentata filwaqt li tirrispetta r-regoli istituzzjonali stabbiliti fil-livell tal-Unjoni Ewropea. |
13. Pjan ta' Azzjoni Pluriennali dwar il-Ġustizzja elettronika 2014-2018
57. |
Pjan ta' Azzjoni Pluriennali għandu jiġi adottat matul l-ewwel semestru tal-2014 sabiex tiġi implimentata din l-istrateġija u sservi ta' gwida prattika għas-segwitu tagħha. Il-Pjan ta' Azzjoni għandu jinkludi lista ta' proġetti ppjanati għall-perijodu inkwistjoni b'indikazzjonijiet ċari ta' dawk li jixtiequ jieħdu sehem, azzjonijiet għall-implimentazzjoni prattika tagħhom u tabella indikattiva li tippermetti segwitu konkret għall-Pjan ta' Azzjoni mill-Grupp ta' Ħidma dwar il-Liġi elettronika (Ġustizzja elettronika) u, fejn adatt, minn partijiet interessati rilevanti. Ir-riżultati tal-Pjan ta' Azzjoni pluriennali preċedenti dwar il-Ġustizzja elettronika u l-pjan direzzjonali relatat ser jitqiesu u, jekk adatt, jiġu segwiti fil-Pjan ta' Azzjoni ġdid. |
58. |
Il-Grupp ta' Ħidma ser iħejji l-Pjan ta' Azzjoni f'konsultazzjoni mal-Kummissjoni u tal-anqas darba kull semestru ser jagħmel monitoraġġ tal-implimentazzjoni tiegħu, li għandha tiġi adottata jekk ikun meħtieġ minn żviluppi li għaddejjin. |
59. |
Jekk meħtieġ, gruppi informali ta' Stati Membri involuti fi proġetti speċifiċi jistgħu jiltaqgħu sabiex iwettqu progress f'dawn l-oqsma ta' ħidma. Ir-riżultati ta' dawn il-laqgħat għandhom jiġu ppreżentati lill-Grupp ta' ħidma dwar il-Liġi elettronika (Ġustizzja elettronika). |
(1) COM(2008) 329 final.
(2) (2008/2125 (INI)).
(3) (2013/2852 (RSP)).
(4) Ara 15690/1/12 REV 1 EJUSTICE 73 JURINFO 46 JUSTCIV 331 COPEN 244 CONSOM 139 DRS 126 DROIPEN 159.
(5) Il-Kummissjoni hija mistiedna tippreżenta tabella tal-mekkaniżmi ta' finanzjament potenzjali kollha disponibbli għal proġetti fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali, li jistgħu jintużaw għall-finanzjament tal-Ġustizzja elettronika.