14.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 366/5


Avviż mill-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta' ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004

(2013/C 366/04)

I.   INTRODUZZJONI

1.

Dan l-Avviż jistabbilixxi proċedura semplifikata li biha l-Kummissjoni titratta ċerti konċentrazzjonijiet b'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) fuq il-bażi li ma jqajmux tħassib dwar il-kompetizzjoni. Dan l-Avviż jissostitwixxi l-Avviż dwar proċedura semplifikata għat-trattament ta' ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 ppubblikat fl-2005. (2) L-esperjenza miksuba mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 139/2004, inkluż ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 (3), li ppreċeda r-Regolament (KE) Nru 139/2004 attwali, wera li ċerti kategoriji ta' konċentrazzjonijiet innotifikati jkunu normalment liberati mingħajr ma jitqajmu l-ebda dubji sostantivi, sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi speċjali.

2.

L-għan ta' dan l-Avviż hu li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għad-deċiżjoni li normalment tadotta l-Kummissjoni f'forma qasira fejn tiddikjara li konċentrazzjoni tkun kompatibbli mas-suq komuni skont il-proċedura semplifikata u biex tipprovdi gwida dwar il-proċedura nnifisha. Meta l-kundizzjonijiet kollha neċessarji msemmija fil-punt 0 jew 6 ta' dan l-Avviż ikunu sodisfatti u sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi speċjali, il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni ta' awtorizzazzjoni b'forma mqassra fi żmien 25 jum tax-xogħol mid-data tal-Avviż, skont l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004. (4)

3.

Madankollu, il-Kummissjoni tista' tniedi investigazzjoni u/jew tadotta deċiżjoni sħiħa skont ir-Regolament (KE) Nru 139/2004 għal kull konċentrazzjoni proposta, b'mod partikolari jekk is-salvagwardji jew l-esklużjonijiet stabbiliti fil-punti minn 8 sa 19 ta' dan l-Avviż ikunu applikabbli.

4.

Billi ssegwi l-proċedura spejgata fis-sezzjonijiet li ġejjin, il-Kummissjoni għandha l-għan li tagħmel il-kontroll fuq l-amalgamazzjonijiet fl-Unjoni aktar iffokati u effettivi.

II.   KATEGORIJI TA' KONĊENTRAZZJONIJIET ADATTI GĦAL TRATTAMENT SKONT IL-PROĊEDURA SEMPLIFIKATA

Il-Konċentrazzjonijiet eliġibbli

5.

Fil-prinċipju l-Kummissjoni tapplika l-proċedura semplifikata lil kull waħda mill-kategoriji ta' konċentrazzjonijiet li ġejjin: (5)

(a)

żewġ impriżi jew aktar jakkwistaw kontroll konġunt ta' impriża konġunta, sakemm l-impriża konġunta ma jkollha l-ebda attività, eżistenti jew prevista, jew jekk ikollha xi attività din tkun negliġibbli, fit-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Każijiet ta' din ix-xorta jiġru meta:

(i)

il-fatturat tal-impriża konġunta u/jew il-fatturat tal-attivitajiet kontribwiti (6) jammonta għal inqas minn EUR 100 miljun fit-territorju taż-ŻEE fi żmien l-avviż (7); u

(ii)

il-valur totali tal-assi trasferiti lill-impriża konġunta jkun ta' inqas minn EUR 100 miljun fit-territorju taż-ŻEE fil-waqt tal-avviż (8);

(b)

żewġ impriżi jew aktar jingħaqdu, jew impriża waħda jew aktar jakkwistaw kontroll esklużiv jew konġunt ta' impriża oħra, sakemm l-ebda waħda mill-partijiet tal-konċentrazzjoni ma tkun imdaħħla f'attivitajiet kummerċjali fl-istess prodott u fl-istess suq ġeografiku, (9) jew f'suq ta'prodott li jkun upstream jew downstream mill-prodott li fih kwalunwe parti oħra tal-konċentrazzjoni hija mdaħħla; (10)

(c)

żewġ impriżi jew aktar jingħaqdu, jew impriża waħda jew aktar jakkwistaw kontroll konġunt jew esklużiv ta' impriża oħra u ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin jiġu sodisfatti:

(i)

s-sehem mis-suq kombinat tal-partijiet kollha għall-konċentrazzjoni li jkunu impenjati f'attivitajiet tan-negozju fl-istess prodott u suq ġeografiku (11) (relazzjonijiet orizzontali) ikun ta' inqas minn 20 %; (12) u

(ii)

l-ishma mis-suq individwali jew ikkombinati tal-partijiet kollha fil-konċentrazzjoni li jkunu impenjati f'attivitajiet ta' negozju f'suq ta' prodott li jkun upstream jew downstream minn suq tal-prodott li tkun involuta fih kwalunkwe parti oħra għall-konċentrazzjoni (relazzjonijiet vertikali) (13) ikunu inqas minn 30 %; (14)

(d)

il-parti tkun sejra takkwista kontroll esklużiv ta' impriża li fuqha hija diġà jkollha kontroll konġunt.

6.

Il-Kummissjoni tista' tapplika wkoll il-proċedura semplifikata fejn żewġ impriżi jew iktar jingħaqdu, jew impriża jew iktar jakkwistaw il-kontroll esklużiv jew konġunt ta' impriża oħra, u ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin jiġu sodisfatti:

(i)

is-sehem mis-suq ikkombinat tal-partijiet kollha għall-konċentrazzjoni li qegħdin f'relazzjoni orizzontali jkun inqas minn 50 %; u

(ii)

iż-żieda (“delta”) tal-Indiċi Herfindahl-Hirschman (“HHI”) li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tkun inqas minn150. (15)  (16)

7.

Għall-fini tal-applikazzjoni tal-punti 5(b), 5(c). u 6 fil-każ ta' akkwist ta' kontroll konġunt barra mill-qasam tal-attività tal-impriża konġuna, ir-relazzjonijiet li jeżistu biss bejn l-impriżi li jakkwistaw kontroll konġunt mhumiex meqjusa relazzjonijiet orizzontali jew vertikali għall-fini ta' dan l-Avviż. Dawk ir-relazzjonijiet jistgħu madankollu jwasslu għal koordinament kif imsemmi fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004; sitwazzjonijiet bħal dawn huma ttrattati fil-punt 15 ta' dan l-Avviż.

Salvagwardji u esklużjonijiet

8.

Biex tivvaluta jekk konċentrazzjoni taqax f'waħda mill-kategoriji msemmija fil-punti 0 u 6, il-Kummissjoni tiżgura li ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha jkunu stabbiliti b'mod ċar biżżejjed. Peress li definizzjonijiet ta' suq jistgħu jkunu element essenzjali f'din il-valutazzjoni, il-partijiet għandhom jipprovdu informazzjoni dwar id-definizzjonijiet ta' suq alternattivi kollha plawżibbli, ġeneralment waqt il-fażi ta' qabel l-avviż (ara l-punt 22). Il-partijiet notifikant huma responsabbli biex jiddeskrivu s-swieq ġeografiċi u s-swieq ta' prodotti rilevanti u alternattivi kollha li jistħgu jġarrbu impatt minħabba l-konċentrazzjoni notifikata u jipprovdu d-dejta u l-informazzjoni relatati mad-definizzjoni ta' dawn is-swieq (17). Il-Kummissjoni żżomm id-diskrezzjoni li tieħu d-deċiżjoni finali dwar definizzjoni ta' suq, u tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq analiżi tal-fatti tal-każ. Fejn ikun diffiċli li tiddefinixxi s-swieq rilevanti jew li tistabbilixxi l-ishma mis-suq tal-partijiet, il-Kummissjoni ma tapplikax il-proċedura semplifikata. Barra minn hekk, safejn il-konċentrazzjonijiet ikunu jinvolvu kwistjonijiet legali ta' interess ġenerali, il-Kummissjoni normalment tastjeni mill-adozzjoni ta' deċiżjonijiet fil-forma l-qasira, u normalment tmur lura għal proċedura normali ta 'amalgamazzjoni tal-ewwel fażi.

9.

Waqt li normalment jista' jkun mistenni li konċentrazzjonijiet li jaqgħu fil-kategoriji msemmija fil-punti 5 u 6 ma jkunux se jqajmu dubji serji dwar il-kompatibilità tagħhom mas-suq intern, xorta jista' jkun hemm ċerti sitwazzjonijiet li eċċezzjonalment ikunu jeħtieġu investigazzjoni aktar mill-qrib u/jew deċiżjoni sħiħa. F'dawn il-każijiet, il-Kummissjoni tista' tmur lura għal proċedura normali ta' amalgamazzjoni tal-ewwel fażi.

10.

10 Dawn li ġejjin huma eżempji indikattivi ta' tipi ta' każijiet li jistgħu jiġu esklużi mill-proċedura semplifikata.

11.

Ikun hemm inqas possibilità li l-Kummissjoni taċċetta konċentrazzjoni proposta fil-proċedura semplifikata jekk tkun teżisti kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi speċjali msemmija fil-Linji Gwida tal-Kummissjoni fuq l-istima tal-amalgamazzjonijiet orizzontali (18). Dan jinkludi każijiet fejn is-suq ikun diġà kkonċentrat, fejn il-konċentrazzjoni proposta telimina forza kompetittiva importanti, fejn il-konċentrazzjoni proposta tikkombina żewġ innovaturi importanti, fejn il-konċentrazzjoni proposta tinvolvi kumpanija li għandha prodotti promettenti li għadhom qed jiġu żviluppati jew fejn ikun hemm indikazzjonijiet li l-konċentrazzjoni proposta tippermetti lill-partijiet li jkunu qed jingħaqdu jxekklu l-espansjoni tal-kompetituri tagħhom.

12.

L-istess jista' japplika wkoll fejn mhuwiex possibbli li jiġu stabbiliti l-ishma preċiżi mis-suq tal-partijiet. Dan spiss ikun il-każ meta l-partijiet jaħdmu fi swieq ġodda jew li ma jkunux żviluppati wisq.

13.

Ċerti tipi ta' konċentrazzjonijiet jistgħu jżidu l-qawwa tal-partijiet fis-suq, billi jgħaqqdu riżorsi teknoloġiċi, finanzjarji jew oħrajn, anke jekk il-partijiet fil-konċentrazzjoni ma jkunux jaħdmu fl-istess suq. Konċentrazzjonijiet fejn mill-inqas żewġ partijiet għall-konċentrazzjoni jkunu preżenti fi swieq ġirien relatati mill-qrib (19) jista' wkoll ma jkunux adatti għal din il-proċedura semplifikata, b'mod partikolari, meta waħda jew aktar mill-partijiet tal-konċentrazzjoni jżommu individwalment sehem mis-suq ta' 30 % jew iktar fi kwalunkwe suq tal-prodott fejn ma jkun hemm l-ebda relazzjoni orizzontali jew vertikali bejn il-partijiet imma li jkun suq ġar ta' suq fejn parti oħra tkun attiva. (20)

14.

Il-Kummissjoni tista' tqis li jkun xieraq li ssir valutazzjoni sħiħa skont il-proċedura normali ta' amalgamazzjoni ta' ċerti impriżi konġunti b'fatturat ta' inqas mill-limiti massimi speċifikati fil-punt 5(a) fiż-ŻEE fil-mument tal-avviż, imma li jistgħu jkunu mistennija jaqbżu sew il-limiti massimi fiż-ŻEE fit-tliet snin ta' wara. F'każijiet li jaqgħu taħt il-punt 5(a) jista' titqies ukoll li l-proċedura normali tkun xierqa jekk ikun hemm relazzjonijiet orizzontali jew vertikali bejn il-partijiet għall-konċentrazzjoni li abbażi tagħhom ma jistax jiġi eskluż li l-konċentrazzjoni se tqajjem dubji serji dwar l-inkompatabilità tagħhom mas-suq intern jew jekk kwalunkwe wieħed miċ-ċirkostanzi speċjali previsti fil-punt 11 ikunu preżenti.

15.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tmur lura lejn valutazzjoni sħiħa skont il-proċedura normali ta' amalgamazzjoni meta tqum kwistjoni ta' koordinament, kif imsemmi fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004.

16.

L-esperjenza tal-Kummissjoni sal-lum uriet li bidla minn kontroll konġunt għal kontroll esklużiv jista' jirrikjedi eċċezzjonalment investigazzjoni iktar mill-qrib u/jew deċiżjoni sħiħa. Tħassib partikolari dwar il-kompetizzjoni jista' jinqala' f'ċirkostanzi fejn dik li kienet impriża konġunta tiġi integrata fil-grupp jew netwerk tal-uniku azzjonist kontrollanti, fejn ir-restrizzjonijiet dixxiplinari eżerċitati mill-inċentivi potenzjalment diverġenti tal-azzjonisti kontrollanti differenti jitneħħew u l-pożizzjoni strateġika tagħha fis-suq tista' tissaħħaħ. Pereżempju, f'xenarju fejn l-impriża A u l-impriża B jikkontrollaw flimkien impriża konġunta C, konċentrazzjoni li biha A takkwista l-kontroll esklużiv ta' C tista' twassal għal tħassib dwar il-kompetizzjoni fiċ-ċirkostanzi fejn C ikun il-kompetitur dirett ta' A u fejn C u A jkollhom pożizzjoni kombinata u sostanzjali fis-suq u fejn din tneħħi grad ta' indipendenza li qabel kellha C. (21) F'każijiet fejn xenarji bħal dawn jirrikjedu analiżi iktar mill-qrib, il-Kummissjoni tista' tmur lura għal proċedura normali ta' amalgamazzjoni tal-ewwel fażi. (22)

17.

Il-Kummissjoni tista' tmur lura wkoll għal proċedura normali ta' amalgamazzjoni tal-ewwel fażi fejn la l-Kummissjoni u lanqas l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ma jkunu rrivedew minn qabel l-akkwist tal-kontroll konġunt tal-impriża konġunta kkonċernata.

18.

Fil-każ tal-konċentrazzjonijiet bħal deskritti fil-punt 6, il-Kummissjoni se tiddeċiedi każ b'każ jekk, fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ ikkonċernat, iż-żieda fil-livell ta' konċentrazzjoni tas-suq indikat mill-HHI delta tkun tant li l-każ għandu jiġi eżaminat skont il-proċedura ta' normali ta' amalgamazzjoni tal-ewwel fażi.

19.

Jekk Stat Membru jesprimi tħassib sostanzjat fuq il-konċentrazzjoni notifikata fi żmien 15-il jum tax-xogħol minn meta jirċievi l-kopja tal-avviż, jew jekk parti terza tesprimi tħassib sostanzjat fil-limitu ta' żmien mogħti għal kummenti ta' din ix-xorta, il-Kummissjoni tmur lura għal proċedura normali ta' amalgamazzjoni tal-ewwel fażi.

Talbiet għal referenza

20.

Il-proċedura semplifikata ma tiġix applikata jekk Stat Membru jitlob ir-rinviju ta' konċentrazzjoni notifikata skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 jew jekk il-Kummissjoni tilqa' talba minn Stat Membru jew iktar għal rinviju ta' konċentrazzjoni notifikata skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004.

Referenza qabel in-notifika fuq talba tal-partijiet notifikanti

21.

Il-Kummissjoni tista' tapplika l-proċedura semplifikata għall-konċentrazzjonijiet, suġġetti għas-salvagwardji u l-esklużjonijiet ta' dan l-Avviż, meta:

(a)

wara sottomissjoni bl-argumenti u bir-raġunijiet skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004, il-Kummissjoni tkun iddeċidiet li ma tirreferix il-każ lil Stat Membru; jew

(b)

wara sottomissjoni bl-argumenti u bir-raġunijiet skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004, il-każ ikun ġie riferut lill-Kummissjoni.

III.   DISPOŻIZZJONIJIET PROĊEDURALI

Kuntatti qabel in-notifika

22.

Il-Kummissjoni sabet li kuntatti qabel in-notifika bejn il-partijiet notifikanti u l-Kummissjoni fuq bażi volontarja jkunu ta' benefiċċju anki f'każijiet li ma jkunux jidhru problematiċi. (23) L-esperjenza tal-Kummissjoni tal-proċedura semplifikata wriet li każijiet li jkunu kandidati għal proċedura semplifikata jistgħu jqajmu kwistjonijiet kumplessi, pereżempju tad-definizzjoni tas-suq (ara l-punt 0 ), li preferibbilment jissolvew qabel ma jsir l-avviż. Dawn il-kuntatti jippermettu li l-Kummissjoni u l-partijiet notifikanti, jistabbilixxu l-ammont preċiż ta' informazzjoni li għandha tkun provduta fin-notifika. Il-kuntatti ta' qabel in-notifika għandhom jinbdew tal-inqas ġimagħtejn qabel id-data prevista tal-avviż. Il-partijiet notifikanti huma partikolarment imħeġġa jidħlu f'kuntatti qabel in-notifika meta jkunu jixtiequ jitolbu lill-Kummissjoni tapplika l-proċedura semplifikata fis-sitwazzjoni deskritta fil-punt 6. Skont ir-Regolament (KE) Nru 139/2004, il-partijiet notifikanti huma intitolati jinnotifikaw konċentrazzjoni fi kwalunkwe mument, sakemm in-notifika tkun kompluta. Il-possibilità ta' dħul f'kuntatti ta' qabel in-notifika huwa servizz offrut mill-Kummissjoni lill-partijiet notifikanti fuq bażi volontarja biex titħejja l-proċedura formali ta' analiżi tal-amalgamazzjoni. Għalhekk, filwaqt li mhumiex obbligatorji, il-kuntatti ta' qabel in-notifika jistgħu jkunu ta' valur kbir kemm għall-partijiet notifikanti kif ukoll għall-Kummissjoni meta jiġu biex jiddeterminaw l-ammont eżatt ta' informazzjoni meħtieġa f'notifika u, fil-parti l-kbira tal-każijiet, dan iwassal sabiex tonqos sew l-informazzjoni meħtieġa.

23.

Madankollu, l-kuntatti qabel in-notifika, b'mod partikolari s-sottomissjoni ta' abbozz tal-avviż, jistgħu jkunu inqas utli f'każijiet li jaqgħu taħt il-punt 5(b), jiġifieri f'każijiet fejn ma jkun hemm l-ebda swieq affettwati (24) peress li l-partijiet mhumiex involuti f'attivitajiet ta' negozju fl-istess prodott u suq ġeografiku, jew f'suq tal-prodott upstream jew dowmstream tas-suq tal-prodott fejn kwalunkwe parti oħra fil-konċentrazzjoni tkun involuta. F'ċirkostanzi bħal dawk, il-partijiet notifikanti jistgħu jippreferu li jinnotifikaw mill-ewwel mingħajr ma joqogħdu jibagħtu abbozz ta' notifika minn qabel. (25)

24.

Id-determinazzjoni tan-nuqqas ta' swieq affettwati trid issir skont il-punt 8 ta' dan l-Avviż. Għalhekk tibqa' r-responsabilità tal-partijiet notifikanti li jibagħtu l-informazzjoni neċessarja kollha lill-Kummissjoni, biex tikkonkludi li l-konċentrazzjoni proposta ma twassalx biex suq fiż-ŻEE jkun affettwat. Il-Kummissjoni mhix se tapplika l-proċedura semplifikata fuq il-bażi tal-punt 5(b) jekk ikun diffiċli li tikkonkludi li l-konċentrazzjoni proposta ma twassalx biex xi jkun affettwat. F'każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni tista' tmur lura għall-proċedura normali u tqis l-avviż bħala mhux komplut f'punt essenzjali kif stabbilit fil-paragrafu 26 ta' dan l-Avviż.

Il-Pubblikazzjoni tal-fatt tan-notifika

25.

L-informazzjoni li trid tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea meta tasal in-notifika (26) ikun fiha: l-ismijiet tal-partijiet fil-konċentrazzjoni, il-pajjiż tal-oriġini tagħhom, in-natura tal-konċentrazzjoni u s-setturi ekonomiċi involuti, kif ukoll indikazzjoni li, fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-parti notifikanti, il-konċentrazzjoni tista' tikkwalifika għal proċedura semplifikata. Il-partijiet interessati jkollhom imbagħad l-opportunità li jissottomettu osservazzjonijiet, partikolarment fuq ċirkostanzi li jistgħu jkunu jeħtieġu investigazzjoni.

Deċiżjoni f'forma qasira

26.

Jekk il-Kummissjoni tkun sodisfatta li l-konċentrazzjoni tissodisfa l-kriterji għall-proċedura semplifikata (ara l-punti 0 u 6), hija normalment toħrog deċiżjoni f'forma qasira. Dan jinkludi każijiet xierqa li ma jqajmu l-ebda tħassib dwar il-kompetizzjoni meta tirċievi n-notifika bil-forma sħiħa. Il-konċentrazzjoni tiġi b'hekk dikjarata kompatibbli mas-suq komuni, fi żmien 25 jum tax-xogħol mid-data tal-avviż, skont l-Artikolu 10(1) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004. Il-Kummissjoni tagħmel ħilitha kollha biex toħroġ deċiżjoni fil-forma qasira malajr kemm jista' jkun wara li jiskadu l-15-il jum tax-xogħol li matulhom l-Istati Membri jistgħu jitolbu rinviju ta' konċentrazzjoni nnotifikata skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004. Madankollu, fil-perjodu li jwassal sal-iskadenza ta' 25 jum tax-xogħol, il-Kummissjoni jibqagħlha l-għażla li tmur lura għal proċedura normali ta' amalgamazzjoni tal-ewwel fażi u b'hekk tibda investigazzjonijiet u/jew li tadotta deċiżjoni sħiħa, jekk hija tiġġudika li azzjoni ta' dik ix-xorta tkun xierqa fil-każ ikkonċernat. F'dawk il-każijiet, il-Kummissjoni tista' wkoll tqis li n-notifika mhix kompluta f'punt essenzjali skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 802/2004 jekk ma tkunx irċeviet notifika fil-forma sħiħa.

Pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'forma qasira

27.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż tal-fatt tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea bħalma tagħmel għal deċiżjonijiet fejn tagħti awtorizzazzjoni kompleta. Il-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni għandha tkun disponibbli fuq il-websajt tad-DĠ Kompetizzjoni. Id-deċiżjoni f'forma qasira jkun fiha l-informazzjoni dwar il-konċentrazzjoni notifikata ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-mument tan-notifika (l-ismijiet tal-partijiet, il-pajjiż tal-oriġini tagħhom, in-natura tal-konċentrazzjoni u s-setturi ekonomiċi kkonċernati) u stqarrija li l-konċentrazzjoni hija ddikjarata kompatibbli mas-suq intern għax taqa' fl-ambitu ta' waħda jew aktar mill-kategoriji deskritti f'dan l-Avviż, billi l-kategorija/i applikabbli jkunu espliċitament identifikati.

IV.   RESTRIZZJONIJIET ANĊILLARI

28.

Il-proċedura semplifikata mhix adattata għal każijiet fejn l-impriżi kkonċernati jitolbu valutazzjoni espressa tar-restrizzjonijiet li jkunu direttament relatati mal-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni u neċessarji għaliha.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.)

(2)  ĠU C 56, 5.3.2005, p. 32.

(3)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal-21 ta' Diċembru 1989 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 395, 30.12.1989, p. 1); verżjoni kkoreġuta ĠU L 257, 21.9.1990, p. 13.

(4)  Ir-rekwiżiti tal-avviż huma stabbiliti fl-Anness I u II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 802/2004 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi.

(5)  Il-kategoriji li ġejjin japplikaw alternattivament u mhux kumulattivament, jiġifieri jekk ikunu sodisfatti l-kriterji kollha ta' kwalunkwe kategorija msemmija fil-punt 5(a), (b), (c) jew (d) jew fil-punt 6 fil-prinċipju dan ifisser li konċentrazzjoni nnotifikata tkun eliġibbli għal proċedura semplifikata. Tranżazzjoni tista' tissodisfa l-kriterji ta' iktar minn kategorija waħda deskritta f'dan l-Avviż. Għaldaqstant, il-partijiet notifikanti jistgħu jibagħtu notifika ta' tranżazzjoni fuq il-bażi ta' iktar minn kategorija waħda deskritta f'dan l-Avviż.

(6)  L-espressjoni “u/jew” tirreferi għall-varjetà ta' sitwazzjonijiet koperti; pereżempju:

fil-każ ta' akkwist konġunt ta' kumpanija fil-mira, il-fatturat li jrid jitqies huwa l-fatturat ta' din il-kumpanija fil-mira (jiġifieri l-impriża konġunta),

fil-każ tal-ħolqien ta' impriża konġunta li l-kumpaniji azzjonarji jikkontribwixxu l-attivitajiet tagħhom għaliha, il-fatturat li jrid jitqies huwa dak tal-attivitajiet ikkontribwiti,

fil-każ ta' dħul ta' parti kontrollanti ġdida f'impriża konġunta eżistenti, iridu jitqiesu l-fatturat tal-impriża konġunta u l-fatturat tal-attivitajiet ikkontribwiti mill-kumpanija azzjonarja l-ġdida (jekk ikun hemm).

(7)  Il-fatturat tal-impriża konġunta jista' jkun stabbilit skont il-kontijiet verifikati l-aktar reċenti tal-kumpanija azzjonarja, jew tal-impriża konġunta nnifisha, skont id-disponibilità ta' kontijiet separati għar-riżorsi magħquda fl-impriża konġunta.

(8)  Il-valur totali tal-assi ta' impriża konġunta jistgħu jiġu stabbiliti skont l-aħħar karta tal-bilanċ imħejjija u approvata ta' kull kumpanija azzjonarja. It-terminu “assi” jinkludi: (1) l-assi tanġibbli u intanġibbli kollha li jkunu se jiġu trasferiti lill-impriża konġunta (eżempji ta' assi tanġibbli jinkludu impjanti tal-produzzjoni, postijiet ta' bejgħ bl-ingrossa jew bl-imnut, u inventarju ta' oġġetti; eżempji ta' assi intanġibbli jinkludu proprjetà intelletwali, avvjament, eċċ.), u (2) kwalunkwe ammont ta' kreditu jew kwalunkwe obbligu tal-impriża konġunta li kwalunkwe kumpanija azzjonarja tal-impriża konġunta tkun qablet li testendi jew tiggarantixxi. Fejn l-assi trasferiti jiġġeneraw fatturat fi żmien l-avviż, allura la l-valur tal-assi u lanqas dak tal-fatturat annwali ma jista' jkun iktar minn EUR 100 miljun.

(9)  Ara l-Att tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità (ĠU C 372, 9.12.1997, p. 5). Kull referenza f'dan l-Avviż għal attivitajiet tal-impriżi fis-swieq għandhom jinftiehmu bħala attivitajiet fi swieq fit-territorju taż-ŻEE jew fi swieq li jinkludu t-territorju taż-ŻEE, imma li jistgħu jmorru wkoll lil hinn mit-territorju taż-ŻEE.

(10)  Relazzjoni vertikali normalment tippresupponi li l-prodott jew is-servizz tal-impriża attiva fis-suq upstream ikkonċernat jikkostitwixxi input importanti għall-prodott jew servizz tal-impriża attiva fis-suq downstream; ara l-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni ta' amalgamazzjonijiet mhux orizzontali taħt ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi, (ĠU C 265, 18.10.2008, p. 6) il-punt 34.

(11)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 9.

(12)  Il-parametri ta' relazzjonijiet orizzontali u vertikali japplikaw għal kull definizzjoni alternattiva plawżibbli ta' suq ġeografiku u tal-prodott li jista' jiġi kkunsidrat f'każ partikolari. Huwa importanti li d-definizzjonijiet sottostanti tas-suq stabbiliti fl-avviż ikunu preċiżi biżżejjed li jiġġustifikaw l-istima li dawn il-parametri ma jintlaħqux, u li d-definizzjonijiet tas-suq alternattivi plawżibbli kollha li jistgħu jkunu jridu jiġu kkunsidrati jissemmew (inklużi swieq ġeografiċi idjeq minn dawk nazzjonali).

(13)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 10.

(14)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 12.

(15)  L-HHI huwa kkalkolat billi jingħaddu l-kwadri tal-ishma individwali mis-suq tad-ditti kollha fis-suq; ara Linji ta' Gwida tal-Kummissjoni fuq l-istima jew kalkolu tal-amalgamazzjonijiet orizzontali taħt ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-intrapriżi, (ĠU C 31, 5.2.2004, p. 5, il-punt 16). Madankollu, biex tiġi kkalkulata l-HHI delta li jirriżulta mill-konċentrazzjoni, huwa biżżejjed li jitnaqqas mill-kwadru tas-somma tal-ishma tas-suq tal-partijiet tal-konċentrazzjoni (fi kliem ieħor, il-kwadru tas-sehem mis-suq tal-entità fuża wara l-konċentrazzjoni) is-somma tal-kwadri tal-ishma tas-suq individwali tal-partijiet (billi l-ishma tas-suq tal-kompetituri l-oħra kollha fis-suq jibqgħu l-istess u għaldaqstant ma jinfluwenzawx ir-riżultat tal-ekwazzjoni). Fi kliem ieħor, l-HHI delta jista' jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-ishma tas-suq tal-partijiet tal-konċentrazzjoni biss, mingħajr il-ħtieġa li jkunu magħrufa l-ishma tas-suq ta’ kwalunkwe kompetitur ieħor fis-suq.

(16)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 12.

(17)  Bħall-avviżi l-oħrajn kollha, il-Kummissjoni tista' tirrevoka deċiżjoni f'forma qasira jekk tkun ibbażata fuq informazzjoni li mhijiex korretta li waħda mill-impriżi kkonċernati tkun responsabbli għaliha (l-Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004).

(18)  Ara l-Linji ta' Gwida tal-Kummissjoni fuq l-istima jew kalkolu tal-amalgamazzjonijiet orizzontali taħt ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-intrapriżi, (ĠU C 31, 5.2.2004, p. 5) b'mod partikolari l-paragrafu 20.

(19)  Is-swieq ta' prodott ikunu swieq ġirien relatati mill-qrib meta l-prodotti jkunu komplementari għal xulxin jew meta dawn ikunu jappartjenu għal medda ta' prodotti li ġeneralment jinxtraw mill-istess sett ta' klijenti għall-istesss użu finali.

(20)  Ara l-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni ta' amalgamazzjonijiet mhux orizzontali taħt ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi, ĠU C 265, 18.10.2008, p. 6; b'mod partikolari l-paragrafu 25 u t-Taqsima V.

(21)  Kawża COMP/M.5141 KLM/Martinair, 17.12.2008, il-premessi 14-22.

(22)  Kawża COMP/M.2908 Deutsche Post/DHL (II)18.9.2002.

(23)  Ara l-Kodiċi tal-Aħjar Prattika għat-tmexxija tal-proċedimenti ta’ kontroll ta' fużjoni fil-KE tad-DĠ għall-Kompetizzjoni (l-Aħjar Prattika) li tista' ssibha fl-indirizz: http://ec.europa.eu/competition/mergers/legislation/proceedings.pdf

(24)  Għad-definizzjoni ta' swieq affettwati ara t-Taqsima 6.2 tas-CO f'Forma Qasira (l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 139/2004).

(25)  Fid-dawl tal-Aħjar Prattika, il-Kummissjoni xorta waħda tħeġġeġ lill-partijiet jibagħtu talba għall-allokazzjoni ta' skwadra tad-DĠ Kompetizzjoni li taħdem fuq il-każ.

(26)  L-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004.