30.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 216/1


Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta’ awwissu 2013, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat għal miżuri ta' appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (“il-komunikazzjoni dwar il-banek”)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2013/C 216/01

1.   INTRODUZZJONI

1.

Mill-bidu tal-kriżi finanzjarja, il-Kummissjoni adottat sitt komunikazzjonijiet (“Il-Komunikazzjonijiet dwar il-Kriżijiet”) (1). Dawn ipprovdew gwida dettaljata dwar il-kriterji għall-kompatibilità tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għas-settur finanzjarju matul il-kriżi finanzjarja.

2.

Il-Komunikazzjonijiet dwar il-Kriżijiet jipprovdu qafas komprensiv għal azzjoni kkoordinata b’appoġġ għas-settur finanzjarju, sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja waqt li jkunu minimizzati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn il-banek kif ukoll fl-Istati Membri fis-suq uniku. Huma jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-għajnuna mill-Istat u r-rekwiżiti li jeħtieġ li jiġu żgurati sabiex din l-għajnuna tkun kompatibbli mas-suq intern skont il-prinċipji dwar l-għajnuna mill-Istat stabbiliti fit-Trattat. Permezz tal-Komunikazzjonijiet dwar il-Kriżijiet ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li jirregolaw l-assistenza pubblika għas-settur finanzjarju ġew aġġornati regolarment fejn kien meħtieġ sabiex jiġu adattati skont l-evoluzzjoni tal-kriżi. Il-Komunikazzjonijiet dwar il-Kriżijiet jeħtieġu aġġornament ulterjuri minħabba żviluppi reċenti.

Bażi legali

3.

Il-Komunikazzjonijiet dwar il-Kriżijiet kif ukoll id-deċiżjonijiet individwali kollha dwar miżuri u skemi ta' għajnuna li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn il-Komunikazzjonijiet, kienu adottati abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat, li b'mod eċċezzjonali jipprevedi biex l-għajnuna tirrimedja taqlib serju fl-ekonomija ta' Stat Membru.

4.

Sa mill-bidu tal-kriżi ttieħdet azzjoni sinifikanti biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet tas-settur finanzjarju. L-evoluzzjoni tal-kriżi titlob li jiġu mmodifikati xi dispożizzjonijiet tal-qafas dwar l-għajnuna mill-Istat dwar is-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà, filwaqt li ma tkunx eskluża b'mod eċċezzjonali, il-possibbiltà ta’ aċċess għal appoġġ sinifikanti pubbliku. Minkejja l-użu eċċezzjonali ta’ strumenti fiskali u monetarji li għenu biex il-kriżi ma tmurx aktar għall-agħar, l-irkupru ekonomiku għadu ferm fraġli u żbilanċat fl-Unjoni Ewropea. Is-setturi finanzjarji f’ċerti Stati Membri qegħdin jaffaċċjaw sfidi ulterjuri biex ikollhom aċċess għal finanzjament fuq perjodu ta' żmien u l-kwalità tal-assi, li jirriżultaw mir-riċessjoni ekonomika u mit-tnaqqis fid-dejn pubbliku jew privat. It-tensjoni fis-swieq finanzjarji u r-riskju ta’ effetti konsekwenzjali negattivi usa' għadhom hemm.

5.

It-tensjonijiet persistenti fis-swieq tad-dejn sovran juru bil-qawwa l-volatilità kontinwa fis-swieq finanzjarji. Il-livell għoli ta' interkonnettività u interdipendenza fi ħdan is-settur finanzjarju fl-Unjoni wassal għal tħassib li s-swieq jistgħu jikkontaġġaw lil xulxin. Il-volatilità għolja tas-swieq finanzjarji u l-inċertezza dwar il-prospetti ekonomiċi kif ukoll ir-riskju kontinwu ta’ tfixkil serju li jirriżulta fl-ekonomija tal-Istati Membri, jiġġustifika li bħala xibka ta’ sikurezza tinżamm il-possibbiltà li l-Istati Membri jagħtu miżuri ta’ appoġġ relatati mal-kriżijiet abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat fir-rigward tas-settur finanzjarju.

6.

F’dawn iċ-ċirkostanzi ta’ tensjoni persistenti fis-swieq finanzjarji, u minħabba r-riskju ta’ effetti konsekwenzjali negattivi usa’, il-Kummissjoni tqis li r-rekwiżiti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat għall-għajnuna mill-Istat fis-settur finanzjarju għadhom jintlaħqu. L-applikazzjoni ta’ din id-deroga tibqa' possibbli biss, madankollu, sakemm is-sitwazzjoni ta’ kriżi tippersisti u jinħolqu ċirkostanzi ġenwinament eċċezzjonali fejn l-istabbiltà finanzjarja inġenerali tkun f’riskju.

L-istabbiltà finanzjarja bħala l-objettiv ewlieni

7.

Fit-tweġiba tagħha għall-kriżi finanzjarja, u skont il-Komunikazzjonijiet dwar il-Kriżijiet, l-istabbiltà finanzjarja kienet l-objettiv ewlieni għall-Kummissjoni, filwaqt li trid tiżgura li l-għajnuna mill-Istat u d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni bejn il-banek u bejn l-Istati Membri jkunu mill-inqas kemm jista’ jkun. L-istabbiltà finanzjarja timplika l-ħtieġa li jiġu evitati effetti konsekwenzjali negattivi maġġuri fuq il-bqija tas-sistema bankarja li jistgħu jinħolqu mill-falliment ta' istituzzjoni ta’ kreditu, kif ukoll il-bżonn li jiġi żgurat li s-sistema bankarja kollha kemm hi tkompli tipprovdi biżżejjed self lill-ekonomija reali. L-istabbiltà finanzjarja tibqa’ ta’ importanza ċentrali fil-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-għajnuna mill-Istat għas-settur finanzjarju skont din il-Komunikazzjoni. Il-Kummissjoni għandha twettaq il-valutazzjoni tagħha waqt li tqis l-evoluzzjoni tal-kriżi minn sitwazzjoni ta' emerġenza akuta u sistemika għal sitwazzjoni ta’ diffikultajiet ekonomiċi aktar fundamentali f’partijiet mill-Unjoni, b’riskju ogħla li jikkorrispondi mal-frammentazzjoni tas-suq uniku.

8.

Dan l-objettiv ewlieni jidher mhux biss meta l-banek f’diffikultà ikollhom il-possibbiltà ta' aċċess għall-għajnuna mill-Istat f'każ ta' bżonn, għall-istabbiltà finanzjarja, iżda wkoll fil-mod kif il-pjanijiet ta’ ristrutturar jiġu vvalutati. F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li l-istabbiltà finanzjarja ma tistax tkun żgurata mingħajr settur finanzjarju b’saħħtu. Il-pjanijiet għaż-żieda tal-kapital għalhekk iridu jiġu vvalutati b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtorità ta' sorveljanza kompetenti bl-għan li tiġi rkuprata l-vijabbiltà f’perjodu ta’ żmien raġjonevoli u fuq bażi solida u li ttul; inkella l-istituzzjoni li qed tfalli għandu jsirilha stralċ b'mod ordnat.

9.

Meta jiġu applikati r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-każijiet individwali, il-Kummissjoni minkejja kollox tqis l-ambjent makroekonomiku li jolqot kemm il-vijabbiltà tal-banek kif ukoll il-ħtieġa għall-ekonomija reali ta’ Stat Membru partikolari biex jibqa' jkollu aċċess għal kreditu minn banek b’saħħithom. Il-Kummissjoni, fil-valutazzjoni tagħha tal-pjanijiet ta’ ristrutturar tal-banek tkompli tqis l-ispeċifiċitajiet ta’ kull istituzzjoni u Stat Membru: B’mod partikolari, hija se tagħmel valutazzjoni proporzjonata dwar il-vijabbiltà fuq terminu twil tal-banek fejn il-ħtieġa għall-għajnuna mill-Istat ġejja mill-kriżi tad-dejn sovran u mhijiex riżultat ta’ teħid eċċessiv ta’ riskju (2), u fil-valutazzjoni tagħha se tidher il-ħtieġa li jinżammu l-kundizzjonijiet newtrali fil-kompetizzjoni ġewwa s-suq uniku, filwaqt li jitqies b’mod partikolari kif evolva l-qsim tal-piżijiet fl-Unjoni Ewropea.

10.

Barra minn hekk, meta partijiet kbar tas-settur finanzjarju ta’ Stat Membru jenħtieġu jiġu rristrutturati, il-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex tieħu approċċ kkoordinat fil-valutazzjoni tagħha tal-pjanijiet ta’ ristrutturar tal-banek individwali, sabiex tagħti risposta sistemika. B’mod partikolari, il-Kummissjoni mxiet skont dan l-approċċ għal dawk l-Istati Membri taħt programm ta’ aġġustament ekonomiku. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tqis b'mod speċifiku l-effetti aggregati tar-ristrutturar tal-istituzzjonijiet individwali fil-livell tas-settur (pereżempju f’termini ta' struttura tas-suq) u fuq l-ekonomija inġenerali, b'mod partikolari fir-rigward tal-għoti adegwat ta’ self lill-ekonomija reali fuq bażi b’saħħitha u sostenibbli.

11.

Barra minn hekk, fil-valutazzjoni tagħha dwar il-qsim tal-piżijiet u l-miżuri li jillimitaw id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tivvaluta l-fattibbiltà tal-miżuri proposti, inklużi ċ-ċessjonijiet, u l-impatt tagħhom fuq l-istruttura tas-suq u l-ostakli għad-dħul. Fl-istess ħin il-Kummissjoni trid tiżgura li s-soluzzjonijiet mfassla f’xi każ jew Stat Membru partikolari jkunu koerenti mal-għan li jiġi evitat in-nuqqas kbir ta' simmetrija fl-Istati Membri, li jista' jkompli jifframmenta lis-suq uniku u jikkawża instabbiltà finanzjarja, li jimpedixxu l-irkupru ġewwa l-Unjoni.

L-evoluzzjoni tal-qafas regolatorju u l-ħtieġa ta' reviżjoni fil-Komunikazzjonijiet dwar il-Kriżijiet

12.

Minn meta bdiet il-kriżi, l-Unjoni għamlet għadd ta' tibdiliet istituzzjonali u regolatorji bl-għan li tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-settur finanzjarju u jittejbu l-prevenzjoni, il-ġestjoni u r-riżoluzzjoni tal-kriżijiet bankarji. Il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jniedi aktar inizjattivi li jpoġġu l-Unjoni Ekonomika u Monetarja fuq sisien aktar sodi permezz tal-ħolqien ta’ Unjoni Bankarja, bl-ewwel pass ikunu mekkaniżmu superviżorju uniku (MSU) u mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stat Membru li qed jieħdu sehem fl-MSU. L-Istati Membri qablu wkoll li jwaqqfu mekkaniżmu ta’ stabbiltà li bih ikunu jistgħu jiġu pprovduti riżorsi finanzjarji lill-membri u l-banek tagħhom f’każ ta’ bżonn.

13.

Dawn il-miżuri inevitabbilment għandhom jiġu implimentati gradwalment, sabiex jippermettu pereżempju lil xi leġiżlazzjoni biex tidħol fis-seħħ jew sabiex il-fondi ta’ riżoluzzjoni jakkumulaw. Xi wħud minnhom huma limitati għaż-żona Euro. Sadanittant, iż-żieda fid-diverġenzi tal-irkupru ekonomiku fl-Unjoni, il-ħtieġa li jitnaqqas u jiġi kkonsolidat id-dejn pubbliku u privat u l-eżistenza ta’ oqsma vulnerabbli fis-settur finanzjarju, wasslu għal tensjonijiet persistenti fis-swieq finanzjarji u għall-frammentazzjoni li kabbru d-distorsjonijiet fis-suq uniku. L-integrità tas-suq uniku għandha għaldaqstant, tiġi protetta permezz ta’ reġim msaħħaħ ta' għajnuna mill-Istat. L-adattament tal-Komunikazzjonijiet dwar il-Kriżijiet jista' jgħin biex ikun hemm tranżizzjoni bla xkiel lejn ir-reġim futur skont il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (3) (“BRRD”), billi s-swieq jingħataw aktar ċarezza. Il-Komunikazzjonijiet dwar il-Kriżijiet adattati jistgħu wkoll jiżguraw ristrutturar aktar deċiżiv u qsim tal-piżijiet aktar qawwi għall-banek kollha li qed jirċievu għajnuna mill-Istat fis-suq uniku kollu.

14.

L-eżerċizzju tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat għas-settur finanzjarju xi kultant jinteraġixxi mar-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet superviżorji fl-Istati Membri. Pereżempju, f’ċerti każijiet, l-awtoritajiet superviżorji jistgħu jeħtieġu aġġustamenti fi kwistjonijiet bħal prattiki ta’ governanza korporattiva u ta’ remunerazzjoni, li ta’ spiss jkunu stipulati wkoll fil-pjanijiet ta’ ristrutturar għall-banek li jibbenefikaw minn għajnuna mill-Istat. F’każijiet bħal dawn, filwaqt li l-kontroll fuq l-għajnuna mill-Istat jibqa' biss il-kompetenza esklussiva tal-Kummissjoni, huwa importanti li jkun hemm koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet superviżorji kompetenti. Minħabba li x-xenarju regolatorju u superviżorju fl-Unjoni qed jevolvi, u b’mod partikolari fiż-żona tal-Euro, il-Kummissjoni se tikkoordina mill-qrib – kif diġà qed tagħmel issa – mal-awtoritajiet superviżorji sabiex tiżgura interazzjoni armonjuża bejn ir-rwoli u r-responsabbiltajiet differenti tal-awtoritajiet kollha involuti.

Il-qsim tal-piżijiet

15.

Il-Komunikazzjonijiet dwar il-Kriżijiet b’mod ċar jiddikjaraw li anke matul il-kriżi, il-prinċipji ġenerali tal-kontroll fuq l-għajnuna mill-Istat jibqgħu applikabbli. B'mod partikolari, sabiex jiġu limitati d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni bejn il-banek u l-Istati Membri fis-suq uniku kif ukoll jiġi indirizzat il-periklu morali, l-għajnuna għandha tkun limitata għall-minimu neċessarju u l-benefiċjarju tal-għajnuna jrid jipprovdi kontribuzzjoni proprja għall-ispejjeż ta’ ristrutturar. Il-bank u d-detenturi tal-kapital tiegħu jridu jikkontribwixxu kemm jista’ jkun għar-ristrutturar bir-riżorsi proprji tagħhom (4). Is-sostenn mill-Istat irid jingħata fuq termini li jirrappreżentaw il-qsim xieraq tal-piżijiet ma' dawk li investew fil-bank.

16.

Minn mindu bdiet il-kriżi, il-Kummissjoni, meta eżaminat il-kompatibilità tal-għajnuna lill-banek, riedet mill-inqas grad minimu ta’ qsim tal-piżijiet li jkun proporzjonat mal-ammont ta’ għajnuna li dawn il-banek ikunu rċevew, b’mod partikolari billi jassorbu t-telf bil-kapital disponibbli u billi jħallsu remunerazzjoni xierqa għall-interventi mill-Istat Barra minn hekk, sabiex jiġi evitat il-ħruġ ta’ fondi, introduċiet regoli dwar ix-xiri lura ta’ strumenti ibridi u projbizzjonijiet fuq il-kupuni u d-dividendi. Madankollu, il-Kummissjoni ma stabbilixxitx limiti ex ante għal kontribuzzjonijiet proprji jew xi rekwiżit ieħor (5).

17.

Fl-ewwel fażijiet tal-kriżi, l-Istati Membri ġeneralment ma marrux lil hinn mir-rekwiżiti minimi stipulati mir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-qsim tal-piżijiet ex ante, u l-kredituri ma kinux meħtieġa jikkontribwixxu biex jiġu salvati l-istituzzjonijiet ta’ kreditu għal raġunijiet ta’ stabbiltà finanzjarja.

18.

Il-kriżi tad-dejn sovran madankollu, uriet biċ-ċar li politika bħal din ma setgħetx tiżgura stabbiltà finanzjarja fuq terminu twil, b’mod partikolari għall-Istati Membri fejn il-kost għas-salvataġġi tal-banek dgħajjef b’mod sinifikanti l-pożizzjoni fiskali tagħhom. Tabilħaqq xi Stati Membri kellhom imorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u introduċew oqfsa legali ġodda biex jinfurzaw rekwiżiti ex ante aktar stretti għall-qsim tal-piżijiet. Dan l-iżvilupp wassal għal approċċi diverġenti fost l-Istati Membri rigward il-qsim tal-piżijiet, jiġifieri dawk li llimitaw ruħhom għar-rekwiżiti minimi skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u dawk li marru lil hinn minn dawk ir-rekwiżiti, fejn ħtieġu r-rikapitalizzazzjoni interna tal-investituri jew tal-kredituri. Dawn id-differenzi fl-approċċ għall-qsim tal-piżijiet bejn l-Istati Membri wasslu għal kostijiet ta’ finazjament diverġenti bejn il-banek li ddependew fuq jekk ipperċepixxewx ir-rikapitalizzazzjoni interna bħala parti mill-qawwa fiskali ta’ Stat Membru. Dawn huma theddida għall-integrità tas-suq uniku u qed ipoġġu f'riskju l-kundizzjonijiet newtrali fil-kompetizzjoni li l-għajnuna mill-Istat għandha l-għan li tipproteġi.

19.

Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi msemmija hawn fuq, ir-rekwiżiti minimi għal qsim tal-piżijiet għandhom jiżdiedu. Qabel ma tingħata kwalunkwe tip ta’ għajnuna lil bank, kemm jekk tkun rikapitalizzazzjoni jew miżura għall-assi danneġġati għar-ristrutturar, il-miżuri kollha li jiġġeneraw il-kapital inkluża l-konverżjoni tad-debitu subordinarju li għandu jiġi eżawrit, dejjem jekk id-drittijiet fundamentali jiġu rispettati u l-istabbiltà finanzjarja ma titqegħidx f’riskju. Billi kull għajnuna għar-ristrutturar hija meħtieġa biex tiġi evitata l-possibbiltà ta' falliment diżordinat ta’ bank, sabiex l-għajnuna titnaqqas għall-minimu għandhom jiġu rrispettati dawn il-miżuri ta’ qsim tal-piżijiet, tkun xi tkun is-solvenza inizjali tal-bank. Għaldaqstant, qabel ma tingħata għajnuna għar-ristrutturar lil bank, l-Istati Membri jridu jassiguraw li l-azzjonisti tal-Bank u d-detenturi tal-kapital subordinarju jwettqu l-kontribuzzjoni meħtieġa, jew jistabbilixxu l-qafas legali meħtieġ biex dawn il-kontribuzzjonijiet jakkwistahom.

20.

Fil-prinċipju, l-applikazzjoni ta’ miżuri biex tiġi limitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni tiddependi fuq il-grad tal-qsim tal-piżijiet, u tieħu inkonsiderazzjoni wkoll il-livell ta’ qsim tal-piżijiet li qed jevolvi tal-banek megħjuna fl-Unjoni. Jekk kollox jitqies bl-istess mod, titjib fil-qsim tal-piżijiet għaldaqstant jimplika inqas bżonn ta' miżuri li jindirizzaw id-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni għandhom ikunu kkalibrati b’tali mod li joqorbu kemm jista’ jkun lejn is-sitwazzjoni tas-suq li kienet tinħoloq kieku l-benefiċjarju tal-għajnuna kellu joħroġ mis-suq mingħajr għajnuna.

Proċedura ta' ristrutturar effettiva u aktar modernizzazzjoni tal-qafas

21.

Filwaqt li huwa meħtieġ li jinżammu ċerti faċilitajiet ta’ appoġġ għall-banek sabiex jindirizzaw it-taqlib kontinwu fis-swieq finanzjarji, ċerti proċeduri u kundizzjonijiet għandhom jitjiebu u jiġu żviluppati aktar. Huwa meħtieġ ukoll li l-qafas legali jgħaddi minn proċess ta’ allinjament mal-evoluzzjoni tas-suq, proċess li beda f’Ġunju tal-2010 permezz taż-żieda fit-tariffa tal-garanzija (6) u kompla bil-Komunikazzjoni dwar l-Estensjoni tal-2010 (7).

22.

Il-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008 ppermettiet lill-Istati Membri li jdaħħlu skemi ta' salvataġġ waqt li fl-istess ħin ma jeskludux d-disponibbiltà ta’ interventi ad hoc. Minħabba l-iskala tal-kriżi u t-tnawwir ġenerali tal-fiduċja fi ħdan is-settur finanzjarju kollu tal-UE, inter alia, bin-nixfa fis-suq interbankarju, il-Kummissjoni ddeċidiet li tapprova l-miżuri kollha meħtieġa meħuda mill-Istati Membri biex tissalvagwardja l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, inklużi l-miżuri ta’ salvataġġ u l-iskemi ta’ rikapitalizzazzjoni. L-approvazzjoni temporanja tal-għajnuna għas-salvataġġ kemm fil-forma ta’ garanziji kif ukoll bir-rikapitalizzazzjoni u bil-miżuri għall-assi danneġġati, irnexxielhom jevitaw il-paniku u ġabu mill-ġdid fiduċja fis-suq.

23.

Madankollu, fil-kundizzjonijiet tas-suq li nbidlu, hemm inqas ħtieġa għal miżuri ta’ salvataġġ strutturali li jingħataw biss abbażi ta’ valutazzjoni preliminari li tkun ibbażata fuq il-premessa li pratikament il-banek kollha jridu jiġu salvati, u li tipposponi l-valutazzjoni fil-fond tal-pjan ta’ ristrutturar għal stadju aktar tard. Filwaqt li dan l-approċċ evita li jkun hemm il-kollass irrimedjabbli tas-settur finanzjarju kollu, l-isforzi ta’ ristrutturar tal-benefiċjarji individwali ġew ħafna drabi ttardjati. Id-dewmien fl-azzjoni biex ikunu indirizzati l-problemi tal-banek rriżulta f’xi każijiet f’kont tal-aħħar ogħla għall-kontribwenti. Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-prinċipju li r-rikapitalizzazzjoni u l-miżuri għall-assi se jiġu awtorizzati biss jekk il-pjan ta’ ristrutturar tal-bank jiġi approvat. Dan l-approċċ jiżgura li l-ammont ta’ għajnuna jiġi kkalibrat b’mod aktar preċiż, li s-sorsi tal-problemi tal-bank jkunu diġà identifikati u indirizzati fi stadju bikri, u li tkun assigurata l-istabilità finanzjarja. Skemi ta’ garanzija ser ikomplu jkunu disponibbli sabiex tkun ipprovduta l-likwidità lil banek. Dawn l-iskemi jistgħu, madankollu, jservu biss bħala mezz li jipprovdi likwidità lil banek mingħajr nuqqas fil-kapital kif definit mill-awtorità ta' sorveljanza kompetenti (8).

24.

Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-emendi neċessarji għall-parametri rigward il-kompatibilità tal-għajnuna mill-Istat lill-banek, li tkun relatata mal-kriżijiet, sa mill-1 ta' Awwissu 2013. B'mod partikolari din il-Komunikazzjoni

(a)

tissostitwixxi l-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008, u tipprovdi gwida dwar il-kriterji ta’ kompatibilità għal appoġġ ta’ likwidità;

(b)

tadatta u tikkumplimenta l-Komunikazzjonijiet dwar ir-Rikapitalizzazzjoni u l-Assi Danneġġati;

(c)

tissuplimenta l-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar billi tipprovdi gwida aktar iddettaljata dwar il-qsim tal-piżijiet minn azzjonisti u kredituri subordinarji;

(d)

tistabbilixxi l-prinċipju li l-ebda rikapitalizzazzjoni jew miżura għall-protezzjoni tal-assi ma jistgħu jingħataw mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ pjan ta’ ristrutturar, u tipproponi proċedura għall-awtorizzazzjoni permanenti ta’ miżuri bħal dawn;

(e)

tipprovdi gwida dwar il-ħtiġiet ta’ kompatibilità għall-għajnuna għal-likwidazzjoni.

2.   IL-KAMP TA' APPLIKAZZJONI

25.

Il-Kummissjoni se tapplika l-prinċipji stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni u fil-Kommunikazzjonijiet dwar il-Kriżijiet kollha (9) għal “istituzzjonijiet ta’ kreditu” (magħrufa wkoll bħala “banek”) (10). L-istituzzjonijiet ta’ kreditu jesebixxu grad għoli ta’ interkonnettività billi l-falliment diżordinat ta’ istituzzjoni ta’ kreditu waħda jista’ jkollu effett negattiv qawwi fuq is-sistema finanzjarja kollha. L-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma suxxettibbli għat-telf f’daqqa tal-fiduċja li jista’ jkollu konsegwenzi serji għal-likwidità u s-solvenza tagħhom. Istituzzjoni kumplessa waħda li tkun f'diffikultà tista’ twassal għal stress sistemiku fis-settur finanzjarju, li min-naħa tiegħu jista’ jkollu wkoll impatt negattiv qawwi fuq l-ekonomija inġenerali, pereżempju permezz tar-rwol tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fis-self lill-ekonomija reali, u għalhekk jista' jipperikola l-istabbiltà finanzjarja.

26.

Il-Kummissjoni fejn meħtieġ, se tapplika mutatis mutandis għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni l-prinċipji stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni u l-Kommunikazzjonijiet dwar il-Kriżijiet kollha, skont it-tifsira tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 73/239/KEE (11), l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/83/KE (12) jew l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 98/78/KE (13).

27.

L-għajnuna kollha għal dawn l-istituzzjonijiet inkorporati fi Stat Membru, inklużi s-sussidjarji ta’ istituzzjonijiet bħal dawn, u li dawn ikollhom attivitajiet sinifikanti f’Stat Membru, se tiġi eżaminata skont din il-Komunikazzjoni.

3.   IR-RIKAPITALIZZAZZJONI U L-MIŻURI GĦALL-ASSI DANNEĠĠATI

28.

Ir-rikapitalizzazzjoni u l-miżuri għall-assi danneġġati inklużi l-garanziji għall-assi jingħataw tipikament biex ikopru nuqqas fil-kapital. “Nuqqas fil-kapital” għall-finijiet ta’ din il-Komunikazzjoni jirreferi għal nuqqas fil-kapital stabbilit f’eżerċizzju ta’ kapital, f'testijiet ta’ stress, f'rieżami tal-kwalità tal-assi jew f'eżerċizzju ekwivalenti fil-livell ta' Unjon, ta' żona tal-Euro jew fil-livell nazzjonali, kkonfermat fejn applikabbli mill-awtorità ta' sorveljanza kompetenti. Dan l-appoġġ pubbliku huwa normalment ta’ natura permanenti u ma jistax jitwarrab faċilment.

29.

Minħabba l-irriversibbiltà fil-prattika ta’ dawn il-miżuri u l-implikazzjonijiet fiskali għall-Istati Membri li jagħtu l-għajnuna u quddiem il-prattika tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni matul il-kriżi, il-Kummissjoni tista’ fil-prinċipju tawtorizzahom biss ladarba l-Istat Membru konċernat juri li l-miżuri kollha biex jillimita tali għajnuna għall-minimu neċessarju ġew sfruttati kemm jista' possibbli. Għal dan l-għan, l-Istati Membri huma mistiedna jissottomettu pjan għaż-żieda tal-kapital qabel is-sottomissjoni jew bħala parti minn pjan ta’ ristrutturar. Pjan għaż-żieda tal-kapital għandu jinkludi b’mod partikolari l-miżuri għaż-żieda tal-kapital mill-Bank u l-miżuri potenzjali għall-qsim tal-piżijiet mill-azzjonisti u l-kredituri subordinarji tal-Bank.

30.

Pjan għaż-żieda tal-kapital, flimkien ma’ rieżami dwar il-kwalità tal-assi tal-bank u valutazzjoni tal-adegwatteza progressiva tal-kapital, għandhom jippermettu lill-Istat Membru, flimkien mal-Kummissjoni u l-awtorità ta’ sorveljanza kompetenti, sabiex jiddetermina eżatt (ir-residwu) in-nuqqas fil-kapital ta’ bank li jeħtieġ jiġi kopert bl-għajnuna mill-Istat. Kwalunkwe nuqqas ta' kapital residwu li jeħtieġ jiġi kopert bl-għajnuna mill-Istat jeħtieġ is-sottomissjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar.

31.

Il-pjan għal ristrutturar li jinvolvi għajnuna għar-ristrutturar, bl-eċċezzjoni tar-rekwiżiti għaż-żieda tal-kapital u l-qsim tal-piżijiet li jridu jiġu inklużi fis-pjan għaż-żieda tal-kapital, kif stabbilit fil-punti 32 sa 34, sottomessi qabel jew bħala parti mill-pjan ta’ ristrutturar, se jkomplu jiġu evalwati abbażi tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.

3.1.   L-indirizzar ta' nuqqas fil-kapital – prenotifika u notifika ta’ għajnuna għar-ristrutturar

32.

Hekk kif jiġi identifikat nuqqas fil-kapital li x’aktarx jirriżulta f’talba għall-għajnuna mill-Istat, il-miżuri kollha biex jitnaqqas il-kost għall-Istat Membru li jirrimedja dan in-nuqqas għandhom jiġu implimentati. Għal dan l-għan, l-Istati Membri huma mistiedna biex jidħlu f’kuntatti mal-Kummissjoni qabel in-notifika. Matul dawn il-kuntatti volontarji ta’ qabel in-notifika, il-Kummissjoni se toffri l-għajnuna tagħha dwar kif tkun żgurata l-kompatibilità tal-għajnuna għar-ristrutturar u b’mod partikolari dwar kif jistgħu jiġu implimentati r-rekwiżiti tal-qsim tal-piżijiet skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-bażi għal prenotifika se tkun il-pjan għaż-żieda tal-kapital stabbilit mill-Istat Membru u mill-bank, u approvat mill-awtorità ta’ sorveljanza kompetenti. Dan għandu:

(a)

jelenka l-miżuri għaż-żieda tal-kapital li għandhom jittieħdu mill-Bank u l-miżuri (potenzjali) ta’ qsim tal-piżijiet għall-azzjonisti u l-kredituri subordinarji,

(b)

ikollu salvagwardji li jevitaw il-ħruġ ta’ fondi mill-bank li jista' pereżempju jseħħ waqt li l-Bank jakkwista ishma f’impriżi oħra jew waqt il-ħlas ta’ dividendi jew kupuni.

33.

L-Istat Membru għandu jipprovdi l-metodoloġija ddettaljata u d-dejta tal-input użati sabiex jiġi ddeterminat in-nuqqas fil-kapital, ivvalidat mill-awtorità ta’ sorveljanza kompetenti. Il-metodoloġija trid tiġi ppreżentata abbażi ta’ segment tan-negozju.

34.

Wara s-sottomissjoni ta’ pjan għaż-żieda tal-kapital u l-inkorporazzjoni tar-riżultati tar-rieżami dwar l-kwalità tal-assi tal-bank kif ukoll il-valutazzjoni tal-adegwatteza progressiva tal-kapital, l-Istat Membru għandu jiddetermina n-nuqqas fil-kapital residwu li jrid jiġi kopert mill-għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni se toffri lill-Istat Membru biex huma jiddiskutu l-pjan ta’ ristrutturar qabel in-notifika tiegħu. Ladarba jintlaħaq ftehim dwar il-pjan ta’ ristrutturar, l-Istat Membru jista’ jinnotifika uffiċjalment il-pjan ta’ ristrutturar. Il-Kummissjoni se tawtorizza kwalunkwe miżura għal rikapitalizzazzjoni jew għall-assi danneġġati bħala għajnuna għar-ristrutturar wara li jintlaħaq ftehim dwar pjan ta’ ristrutturar biss.

3.1.1.   Miżuri għaż-żieda tal-kapital mill-Bank

35.

Fil-pjan għaż-żieda tal-kapital approvat mill-awtorità ta’ sorveljanza kompetenti, il-benefiċjarju għandu jidentifika u, sa fejn ikun possibbli mingħajr ma jipperikola l-vijabbiltà, iwettaq il-miżuri għaż-żieda tal-kapital kollha li jistgħu jiġu implimentati. Miżuri bħal dawn għandhom jinkludu b’mod partikolari:

(a)

kwistjonijiet ta' drittijiet;

(b)

il-konverżjoni volontarja ta’ strumenti tad-dejn subordinat f’ekwità fuq il-bażi ta’ inċentiv relatat mar-riskju;

(c)

eżerċizzi tal-ġestjoni tal-passivi li fil-prinċipju għandhom 100 % jiġġeneraw il-kapital, jekk in-nuqqas fil-kapital ma jistax jingħeleb kollu kemm hu u għalhekk l-għajnuna mill-Istat tkun meħtieġa;

(d)

bejgħ ta’ assi u portafolji li jiġġeneraw il-kapital;

(e)

it-titolizzazzjoni tal-portafolji sabiex jiġi ġġenerat kapital minn attivitajiet li mhumiex ewlenin;

(f)

iż-żamma tal-qligħ;

(g)

miżuri oħra li jnaqqsu l-ħtiġijiet ta' kapital.

36.

Jekk il-miżuri identifikati jiġu indikati fil-pjan għaż-żieda tal-kapital bħala dawk li ma jistgħux jiġu implimentati fi żmien sitt xhur mis-sottomissjoni ta’ dan il-pjan, il-Kummissjoni se tikkonsulta lill-awtorità ta’ superviżjoni kompetenti biex tivvaluta jekk għandhiex tqis dawn il-miżuri proposti bħala miżuri għaż-żieda tal-kapital.

37.

L-amministrazzjonijiet tal-banek għandu jkollhom inċentivi biex fi żminijiet tajbin iwettqu ristrutturar estensiv, u b’hekk inaqqsu l-ħtieġa li jkollhom jirrikorru għall-appoġġ mill-Istat. Għaldaqstant, jekk ir-rikors għall-għajnuna mill-Istat seta' b'mod raġonevoli jiġi evitat permezz ta'ġestjoni xierqa u fil-ħin, kwalunkwe entità li tiddependi minn għajnuna mill-Istat għar-ristrutturar tagħha jew għall-istralċ b'mod ordnat għandha normalment tissostitwixxu l-Kap Eżekuttiv tal-Bank, kif ukoll membri oħra tal-bord skont il-każ.

38.

Għall-istess raġunijiet, dawn l-entitajiet għandhom japplikaw politiki stretti dwar ir-remunerazzjoni tal-eżekuttivi. Dan jirrikjedi limitu fuq ir-remunerazzjoni flimkien mal-inċentivi li jitħallsu lill-persunal eżekuttiv, biex jiġi żgurat li l-Bank ikun qed jimplimenta l-pjan tiegħu ta’ ristrutturar b'objettivi sostenibbli fuq terminu twil għall-kumpanija. Għalhekk, kwalunkwe bank li jirċievi għajnuna mill-Istat f’forma ta’ rikapitalizzazzjoni jew miżuri għall-assi danneġġati għandu jillimita r-remunerazzjoni totali tal-persunal, inklużi tal-membri tal-Bord u tal-maniġment superjuri, għal livell xieraq. Dan il-limitu fuq ir-remunerazzjoni totali għandu jinkludi l-komponenti u l-pensjonijiet fissi u varjabbli kollha possibbli, u jkun konformi mal-Artikoli 93 u 94 tad-Direttiva tal-UE dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital (CRD IV) (14).

Ir-remunerazzjoni totali ta’ kwalunkwe individwu ma tistax taqbeż bi 15-il darba s-salarju nazzjonali medju tal-Istat Membru fejn il-benefiċjarju jkun stabbilit (15), jew b'10 darbiet is-salarju medju tal-impjegati tal-bank benefiċjarju.

Ir-restrizzjonijiet fuq ir-remunerazzjoni għandhom japplikaw sa tmiem il-perjodu ta’ ristrutturar jew sakemm il-bank ikun ħallas lura l-għajnuna mill-Istat, skont liema minnhom iseħħ l-ewwel.

39.

Kwalunkwe bank li jirċievi għajnuna mill-Istat f’forma ta’ rikapitalizzazzjoni jew miżuri għall-assi danneġġati, m’għandux fil-prinċipju jagħmel ħlasijiet għat-temma tal-impjieg ogħla minn dawk li titlob il-liġi jew il-kuntratt.

3.1.2.   Il-qsim tal-piżijiet mill-azzjonisti u mill-kredituri subordinarji

40.

L-appoġġ mill-Istat jista’ joħloq periklu morali u jdgħajjef id-dixxiplina tas-suq. Sabiex jitnaqqas il-periklu morali, l-għajnuna għandha tingħata biss fuq termini li jinvolvu qsim tal-piżijiet adegwat minn investituri eżistenti.

41.

Il-qsim tal-piżijiet adegwat normalment jinvolvi, wara li t-telf l-ewwel jiġi assorbit mill-ekwità, kontribuzzjonijiet minn detenturi ta’ kapital ibridu u minn detenturi tad-dejn subordinat. Id-detenturi ta' kapital ibridu u tad-dejn subordinat iridu jikkontribwixxu biex inaqqsu n-nuqqas fil-kapital kemm jista' jkun possibbli. Dawn il-kontribuzzjonijiet jistgħu jieħdu l-forma ta' konverżjoni għal Grad 1 (16) tal-Ekwità Komuni, jew billi jseħħ tnaqqis fil-valur tal-istrumenti ewlenin. Fi kwalunkwe każ, il-ħruġ ta’ flus mingħand il-benefiċjarju għad-detenturi ta’ dawn it-titoli irid jiġi evitat sakemm ikun legalment possibbli.

42.

Il-Kummissjoni mhux se teħtieġ kontribuzzjoni minn detenturi tad-dejn superjuri (b’mod partikolari minn depożiti assigurati, depożiti mhux assigurati, bonds u dejn superjuri) bħala komponent obbligatorju għall-qsim tal-piżijiet skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, la permezz tal-konverżjoni f’kapital u lanqas permezz ta' tniżżil fil-valur tal-istrumenti.

43.

Fejn il-proporzjon tal-kapital, tal-Bank li għandu identifikat nuqqas fil-kapital, jibqa’ ogħla mil-livell minimu regolatorju tal-UE, il-Bank għandu normalment ikun kapaċi jtejjeb il-pożizzjoni tal-kapital bil-mezzi tiegħu stess, b’mod partikolari permezz ta’ miżuri għaż-żieda tal-kapital skont kif stabbilit fil-punt 35. Jekk m’hemmx possibilitajiet oħra, inkluża kull azzjoni superviżorja oħra bħalma huma miżuri ta’ intervent bikri jew azzjonijiet ta’ rimedju oħrajn, sabiex jingħeleb in-nuqqas ikkonfermat mill-awtorità superviżorja jew tar-riżoluzzjoni kompetenti, f'dan il-każ id-dejn subordinat għandu jiġi kkonvertit f’ekwità, fil-prinċipju qabel tingħata l-għajnuna mill-Istat.

44.

F’każijiet fejn il-bank ma jibqax jilħaq ir-rekwiżiti regolatorji minimi ta' kapital, id-dejn subordinat irid jiġi kkonvertit jew jitnaqqas, fil-prinċipju, qabel tingħata l-għajnuna mill-Istat. L-għajnuna mill-Istat ma għandhiex tingħata qabel mal-ekwità, il-kapital ibridu u d-dejn subordinat ikunu kkontribwew bis-sħiħ sabiex jiġi kkumpensat kwalunkwe telf.

45.

Tista' ssir eċċezzjoni għar-rekwiżiti tal-punti 43 u 44, meta l-implimentazzoni ta’ dawn il-miżuri tista' tipperikola l-istabbiltà finanzjarja jew twassal għal riżultati sproporzjonati. Din l-eċċezzjoni tista’ tkopri każijiet fejn l-ammont tal-għajnuna li l-bank għandu jirċievi ikun żgħir meta mqabbel mal-assi tal-bank bil-piż differenzjat skont ir-riskju u n-nuqqas fil-kapital ikun tnaqqas b’mod sinifikanti, b’mod partikolari permezz ta’ miżuri għaż-żieda tal-kapital skont kif stabbilit fil-punt 35. Jistgħu jiġu indirizzati wkoll ir-riżultati sproporzjonati jew ir-riskju għall-istabbiltà finanzjarja billi jiġi kkonsidrat mill-ġdid is-sekwenzjar tal-miżuri li jindirizzaw in-nuqqas fil-kapital.

46.

Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-punti 43 u 44, irid jinżamm “il-prinċipju li l-ebda kreditur ma jmur għall-agħar” (17). Għalhekk, kredituri subordinarji m’għandhomx jirċievu inqas f’termini ekonomiċi minn dak li l-istrument tagħhom kien ikun jiswa li kieku l-ebda għajnuna mill-Istat ma kellha tingħata.

3.1.3.   Il-prevenzjoni ta' ħruġ ta’ fondi qabel deċiżjoni ta’ ristrutturar

47.

Sabiex l-għajnuna tkun limitata għall-minimu neċessarju, il-flussi 'l barra tal-fondi jridu jiġu evitati fl-aktar stadju bikri possibbli. Għalhekk, minn meta l-ħtiġijiet kapitali jkunu magħrufa jew kellhom ikunu magħrufa għall-bank, il-Kummissjoni tqis li l-Bank għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jikkonserva l-fondi tiegħu. B’mod partikolari, minn dan il-mument 'l quddiem, dawk l-istituzzjonijiet li għandhomi identifikati ħtiġijiet ta' kapital jew li suppost għandhom identifikati ħtiġijiet ta' kapital:

(a)

m'għandhomx iħallsu dividendi fuq ishma jew kupuni fuq strumenti ta' kapital ibridu (jew kwalunkwe strument ieħor li għalih il-ħlas ta' kupun huwa diskrezzjonali);

(b)

ma jistgħux jixtru mill-ġdid kwalunkwe sehem minn tagħhom stess jew opzjoni ta' strumenti ta' kapital ibridu tul il-perjodu ta’ ristrutturar mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni; kif ukoll

(c)

ma jistgħux jixtru lura strumenti ta' kapital ibridu, jekk tali miżura, possibilment flimkien ma’ oħrajn, ma tippermettix lill-istituzzjoni biex tassorbi b’mod sħiħ in-nuqqas fil-kapital tagħha, u sseħħ f'livelli qrib tas-suq attwali (18) u f'mhux aktar minn 10 % 'l fuq mill-prezz tas-suq; kull xiri lura huwa suġġett għall-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni;

(d)

ma għandhomx iwettqu l-ebda tranżazzjoni għall-ġestjoni tal-kapital mingħajr l-approvazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni;

(e)

ma għandhomx jieħdu sehem fi prattiki kummerċjali aggressivi; kif ukoll

(f)

ma jistax ikollhom ishma fl-ebda impriża, kemm jekk ikunu assi kif ukoll jekk isir trasferiment tal-ishma. Dan ir-rekwiżit ma jkoprix: (i) l-akkwisti li jsiru fil-kors ordinarju tal-kummerċ bankarju fil-ġestjoni ta’ pretensjonijiet eżistenti fir-rigward ta' impriżi li jinsabu f’diffikultà; u (ii) l-akkwist ta’ ishma f’impriżi bil-kundizzjoni li l-prezz tax-xiri mħallas ikun inqas minn 0,01 % tal-aħħar ammont disponibbli tal-karta tal-bilanċ tal-istituzzjoni f’dak il-mument, u li l-prezzijiet tax-xiri kumulattiv mħallsa għal kull akkwist ieħor bħal dan minn dak il-mument sa tmiem il-perjodu ta’ ristrutturar tkun inqas minn 0,025 % tal-aħħar ammont disponibbli tal-karta tal-bilanċ f’dak il-mument; (iii) l-akkwist ta’ negozju, wara li tinkiseb l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, biex f’ċirkostanzi eċċezzjonali, jekk ikun meħtieġ, tissawwar mill-ġdid l-istabbiltà finanzjarja jew biex tiġi żgurata l-kompetizzjoni effikaċi;

(g)

jieqfu mir-reklamar li jirreferi għal għajnuna mill-Istat u milli jwettqu kwalunkwe strateġija kummerċjali aggressiva li mingħajr l-appoġġ tal-Istat Membru kieku ma tistax titwettaq.

48.

Billi jrid jiġi żgurat li l-għajnuna tkun limitata għall-minimu neċessarju, jekk bank iwettaq azzjonijiet li mhumiex konformi mar-rekwiżiti elenkati fil-punt 47 f’punt fiż-żmien meta l-bżonn tiegħu għal kapital addizzjonali kellujkun evidenti għal negozju amministrat b’mod tajjeb, il-Kummissjoni żżid, bil-għan li jiġu stabbiliti l-miżuri meħtieġa li jillimitaw id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, ammont ekwivalenti għall-ħruġ tal-fondi mal-ammont tal-għajnuna.

3.1.4.   L-għajnuna għar-ristrutturar li tkopri n-nuqqas fil-kapital residwu

49.

Jekk wara l-implimentazzjoni ta’ miżuri għaż-żieda tal-kapital u għall-qsim tal-piżijiet ikun għad hemm nuqqas fil-kapital, dan fil-prinċipju jista’ jiġi kopert b’rikapitalizzazzjoni pubblika, b'miżuri għall-assi danneġġati jew kombinazzjoni tat-tnejn li huma. Sabiex din l-għajnuna tkun kompatibbli, irid jitressaq lill-Kummissjoni pjan ta’ ristrutturar li jrid ikun konformi mat-taqsimiet korrispondenti tal-Kommunikazzjonijiet dwar il-Kriżijiet.

3.2.   Għajnuna għas-salvataġġ fil-forma ta’ rikapitalizzazzjoni u ta' miżuri għall-assi danneġġati

50.

Ladarba l-Kummissjoni tibda tapplika l-prinċipji stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni, Stat Membru jrid jinnotifika pjan ta’ ristrutturar lill-Kummissjoni, u jikseb approvazzjoni għall-għajnuna mill-Istat qabel ma jittieħdu miżuri għar-rikapitalizzazzjoni jew għall-assi danneġġati. Madankollu, il-Kummissjoni eċċezzjonalment tista' tawtorizza lill-Istat Membru biex fuq bażi temporanja jagħti miżuri bħal dawn, bħala għajnuna għas-salvataġġ, qabel ma pjan għar-ristrutturar jiġi approvat, jekk miżuri bħal dawn huma meħtieġa biex tinżamm l-istabbiltà finanzjarja. Jekk Stat Membru jinvoka din il-klawżola għall-istabbiltà finanzjarja, il-Kummissjoni titlob analiżi ex ante mill-awtorità ta’ sorveljanza kompetenti li tikkonferma li jeżisti attwalment (mhux fil-futur) nuqqas fil-kapital, li jġiegħel lill-kontrollur biex immedjatament jirtira l-liċenzja bankarja tal-istituzzjoni jekk ma jittieħdux miżuri bħal dawn. Barra minn hekk, kwalunkwe analiżi bħal din trid turi li r-riskju eċċezzjonali għall-istabbiltà finanzjarja ma jistax jiġi evitat b'kapital privat f’perjodu biżżejjed qasir ta’ żmien, jew permezz ta’ kwalunkwe miżura temporanja oħra li toħloq inqas distorzjoni bħal garanzija mill-Istat.

51.

Kwalunkwe miżura ta’ salvataġġ li taqa' taħt il-punt 50 trid tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni. Sabiex tkun approvata temporanjament mill-Kummissjoni, miżura bħal din għandha tikkonforma mar-regoli li jirregolaw ir-remunerazzjoni u l-qsim tal-piżijiet ta’ dawn il-miżuri stabbiliti fil-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni, il-Komunikazzjoni dwar l-Estensjoni tal-2011, u fejn applikabbli, fil-Komunikazzjoni dwar l-Assi Danneġġati.

52.

Barra minn hekk, għajnuna għas-salvataġġ fil-forma ta’ rikapitalizzazzjoni u ta' miżuri għall-assi danneġġati m’għandhomx jimpedixxu konformità mar-rekwiżiti għall-qsim tal-piżijiet stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni. Konsegwentement, jew il-miżuri meħtieġa għall-qsim tal-piżijiet iridu jiġu implimentati bħala parti mill-għajnuna għas-salvataġġ, inkella l-miżuri ta' rikapitalizzazzjoni jew għall-assi danneġġati jridu jiġu rranġati b’tali mod li jippermettu l-implimentazzjoni ex post ta’ miżuri għall-qsim tal-piżijiet. Tali implimentazzjoni ex post tista’ tinkiseb pereżempju, bir-rikapitalizzazzjoni tal-ekwità f’forma li hija superjuri għall-istrumenti eżistenti tal-kapital u tad-dejn subordinat, filwaqt li tibqa' konformi mal-qafas regolatorju u superviżorju applikabbli.

53.

Wara l-awtorizzazzjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ, l-Istat Membru għandu jissottometti pjan ta’ ristrutturar konformi mal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar fi żmien xahrejn mid-data tad-deċiżjoni li b'mod temporanju tapprova l-għajnuna. Il-pjan ta’ ristrutturar se jiġi evalwat abbażi tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, filwaqt li jitqiesu l-prinċipji ta’ qsim tal-piżijiet deskritti f’din il-Komunikazzjoni.

3.3.   Skemi ta’ rikapitalizzazzjoni u ta' ristrutturar ta' istituzzjonijiet żgħar

54.

L-għajnuna lil banek żgħar għandha t-tendenza taffettwa inqas il-kompetizzjoni mill-għajnuna mogħtija lil banek akbar. Għal din ir-raġuni u sabiex jiġi żgurat trattament amministrattiva proporzjonat, huwa xieraq li jkun hemm proċedura aktar sempliċi rigward il-banek żgħar, filwaqt li jkun żgurat li d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni jkunu limitati għall-minimu. Għalhekk, il-Kummissjoni hija lesta li tawtorizza skemi ta’ rikapitalizzazzjoni u ta' ristrutturar għall-istituzzjonijiet żgħar fejn skemi bħal dawn ikollhom ambitu ċar u jkunu limitati għal perjodu ta’ sitt xhur, dejjem jekk dawn jirrispettaw il-prinċipji stabbiliti fil-Komunikazzjonijiet dwar il-Kriżijiet u b’mod partikolari r-rekwiżiti għall-qsim tal-piżijiet ta’ din il-Komunikazzjoni. L-applikazzjoni ta’ kwalunkwe skema bħal din barra minn hekk għandha tkun ristretta għal banek b’karta tal-bilanċ li t-total tagħha mhux aktar minn EUR 100 miljun. L-ammont tal-karti tal-bilanċi tal-banek li jirċievu l-għajnuna taħt l-iskema ma għandux jaqbeż il-1,5 % tal-assi totali miżmuma mill-banek fis-suq domestiku tal-Istat Membru kkonċernat.

55.

Il-Kummissjoni se tevalwa kull skema ta' dan it-tip sabiex tivverifika jekk din tilħaqx l-objettiv tagħha u hix qed tiġi implimentata b’mod korrett. Għal dan l-għan, l-Istat Membru jrid jipprovdi rapport ta’ kull sitt xhur dwar l-użu tal-iskema, wara l-awtorizzazzjoni tal-iskema.

4.   IL-GARANZIJI U L-APPOĠĠ TA' LIKWIDITÀ, LI JMORRU LIL HINN MILL-PROVVISTA TAL-LIKWIDITÀ TAL-BANK ĊENTRALI

56.

L-appoġġ ta’ likwidità u garanziji fuq l-obbligazzjonijiet temporanjament jistabbilizzaw in-naħa tal-obbligazzjoinijiet tal-karta tal-bilanċ ta’ bank. Għalhekk, kontra r-rikapitalizzazzjoni jew il-miżuri għall-assi danneġġati, li fil-prinċipju jridu jkunu ppreċeduti bin-notifika ta’ pjan ta’ ristrutturar mill-Istat Membru kkonċernat u bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni qabel ma jkunu jistgħu jingħataw, il-Kummissjoni tista’ taċċetta li l-Istati Membri jinnotifikaw il-garanziji u l-appoġġ ta’ likwidità li għandhom jingħataw wara l-approvazzjoni temporanja tagħhom bħala għajnuna għas-salvataġġ, qabel ma pjan ta’ ristrutturar jiġi approvat.

57.

Il-garanziji u l-appoġġ ta' likwidità jistgħu jiġu nnotifikati individwalment lill-Kummissjoni; barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza wkoll skemi li jipprovdu miżuri ta’ likwidità għal perjodu massimu ta’ sitt xhur.

58.

Skemi bħal dawn iridu jkunu ristretti għal banek li ma jkollhomx nuqqqas fil-kapital. Meta bank b’nuqqas fil-kapital ikollu bżonn urġenti ta’ likwidità, hija meħtieġa notifika individwali lill-Kummissjoni (19). F’każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni se tapplika mutatis mutandis il-proċedura stabbilita fil-punti 32 sa 34, inkluż ir-rekwiżit ta’ ristrutturar jew għal pjan ta’ stralċ, jekk l-għajnuna ma titħallasx lura fi żmien xahrejn.

59.

Il-garanziji u l-appoġġ ta' likwidità sabiex jiġu approvati mill-Kummissjoni, iridu jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

il-garanziji jistgħu jingħataw biss għal kwistjonijiet ġodda ta' dejn superjuri ta' istituzzjonijiet ta’ kreditu (huwa eskluż id-dejn subordinat);

(b)

il-garanziji jistgħu jingħataw biss fuq strumenti ta’ dejn b’maturità minn tliet xhur sa ħames snin (jew il-massimu ta’ seba’ snin fil-każ ta’ bonds koperti). Garanziji b’maturità ta’ aktar minn tliet snin iridu, ħlief f’każijiet iġġustifikati kif dovut, jkunu limitati għal terz tal-garanziji pendenti mogħtija lill-Bank individwali;

(c)

il-livell minimu ta' remunerazzjoni tal-garanziji mill-Istat irid ikun konformi mal-formola stipulata fil-Komunikazzjoni dwar l-Estensjoni tal-2011;

(d)

il-pjan ta’ ristrutturar għandu jiġi sottomess lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn għal kull istituzzjoni ta’ kreditu mogħtija garanziji fuq obbligazzjonijiet ġodda jew obbligazzjonijiet mġedda, li meta tingħata l-garanzija l-ġdida għalihom, l-obbligazzjonijiet garantiti pendenti totali (inklużi l-garanziji mogħtija qabel id-data ta’ din id-deċiżjoni) jaqbżu kemm il-proporzjon ta’ 5 % tal-obbligazzjonijiet totali kif ukoll l-ammont totali ta’ EUR 500 miljun;

(e)

għal kull istituzzjoni ta’ kreditu li taqa' fuq il-garanzija, iridu jitressqu ristrutturar individwali jew pjan ta’ stralċ fi żmien xahrejn wara li l-garanzija tkun ġiet attivata;

(f)

Ir-riċevituri ta' garanziji u ta' appoġġ ta' likwidità jridu jieqfu mir-reklamar li jirreferi għall-għajnuna mill-Istat, u milli jwettqu kwalunkwe strateġija kummerċjali aggressiva li mingħajr l-appoġġ tal-Istat Membru kieku ma tistax titwettaq.

60.

Għall-garanziji u l-iskemi ta' appoġġ ta' likwidità, il-kriterji addizzjonali li ġejjin iridu jiġu sodisfatti:

(a)

l-iskema għandha tkun ristretta għall-banek li ma għandhomx nuqqas fil-kapital kif iċċertifikat mill-awtorità ta’ sorveljanza kompetenti skont il-punt 28;

(b)

Garanziji b’maturità ta’ aktar minn tliet snin iridu jkunu limitati għal terz tal-garanziji totali mogħtija lill-Bank individwali;

(c)

l-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni kull tliet xhur dwar: (i) it-tħaddim tal-iskema, (ii) kwistjonijiet dwar id-dejn iggarantit u (iii) it-tariffi realment mitluba;

(d)

l-Istati Membri jridu jissupplimentaw ir-rapporti tagħhom dwar it-tħaddim tal-iskema bl-informazzjoni disponibbli aġġornata dwar il-kost tal-ħruġ ta' dejn mhux iggarantit li jista' jiġi pparagunat (in-natura, il-volum, il-klassifikazzjoni, il-munita).

61.

F’każijiet eċċezzjonali jistgħu jiġu approvati wkoll garanziji li jkopru l-iskoperturi tal-Bank Ewropew tal-Investiment lejn banek bil-għan li jerġa' jsir mill-ġdid is-self lill-ekonomija reali f’pajjiżi li għandhom kundizzjonjiet ta’ self f’diffikultà serja meta mqabblin mal-medja tal-Unjoni. Fil-valutazzjoni ta' miżuri bħal dawn, il-Kummissjoni se teżamina b’mod partikolari jekk dawn jagħtux benefiċċju żejjed li jista' pereżempju jservi biex jiżviluppa attivitajiet oħra kummerċjali ta’ dawn il-banek. Garanziji bħal dawn jistgħu jkopru biss perjodu ta’ mhux iktar minn seba’ snin. Garanziji bħal dawn, jekk jiġu approvati mill-Kummissjoni, ma jiskattawx l-obbligu għall-bank li jippreżenta pjan ta’ ristrutturar.

5.   IL-PROVVISTA TA' LIKWIDITÀ MINN BANEK ĊENTRALI U L-INTERVENT BI SKEMI TA' GARANZIJA TAD-DEPOŻITI U B'FONDI TA' RIŻOLUZZJONI

62.

L-attivitajiet ordinarji tal-banek ċentrali relatati mal-politika monetarja, bħall-operazzjonjiet fuq is-suq miftuħ u l-faċilitajiet permanenti, ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat. Appoġġ immirat lejn istituzzjoni ta’ kreditu speċifika (komunement imsejħa “assistenza ta' emerġenza fil-likwidità”) jista’ jikkostitwixxi għajnuna sakemm ma jintleħqux il-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin (20):

(a)

l-istituzzjoni ta' kreditu tkun temporanjament nonlikwida iżda solventi fil-mument tal-provvediment tal-likwidità li jseħħ f'ċirkustanzi eċċezzjonali u li ma jkunx parti minn xi pakkett ta' għajnuna ikbar,

(b)

il-faċilità tkun kompletament garantita minn kollateral li għalih jiġi applikat tnaqqis adattat, skont il-kwalità u l-valur fis-suq tagħha,

(c)

il-bank ċentrali jkollu rata ta' imgħax li tippenalizza lill-benefiċarju,

(d)

il-miżura tiġi meħuda fuq inizjattiva tal-bank ċentrali nnifsu, u b'mod partikolari ma tkunx sostnuta b'xi kontrogaranzija mill-Istat.

63.

Interventi minn fondi ta’ garanzija tad-depożiti li jirrimborżaw lid-depożituri f’konformità mal-obbligi tal-Istati Membri skont id-Direttiva 94/19/KE dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (21) mhumiex għajnuna mill-Istat (22). Madankollu, l-użu ta’ dawn il-fondi jew fondi simili li jassistu fir-ristrutturar tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Għalkemm il-fondi inkwistjoni jistgħu jiġu mis-settur privat, jistgħu jikkostitwixxu għajnuna sal-punt li dawn jaqgħu taħt il-kontroll tal-Istat, u d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-Fondi tkun attribwibbli lill-Istat (23). Il-Kummissjoni se tivvaluta l-kompatibilità tal-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ interventi bħal dawn fid-dawl ta' din il-Komunikazzjoni.

64.

Għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ interventi permezz ta' fond ta’ riżoluzzjoni se tiġi vvalutata skont din il-Komunikazzjoni biex tiġi vvalutata l-kompatibilità tagħha mas-suq intern.

6.   KONSIDERAZZJONIJIET SPEĊIFIĊI RIGWARD L-GĦAJNUNA TA' LIKWIDAZZJONI

6.1.   Il-prinċipji ġenerali

65.

L-Istati Membri għandhom jinkuraġġixxu l-ħruġ mis-suq ta’ operaturi mhux vijabbli filwaqt li jippermettu li l-proċess ta’ ħruġ iseħħ b'mod ordnat, sabiex iħarsu l-istabbiltà finanzjarja. Il-likwidazzjoni ordnata ta’ istituzzjoni ta’ kreditu f’diffikultà għandha dejjem titqies meta l-istituzzjoni ma tistax terġa' tkun vijabbli b’mod kredibbli fuq terminu twil.

66.

Il-Kummissjoni tagħraf li, minħabba l-ispeċifiċitajiet ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u fin-nuqqas ta’ mekkaniżmi li jippermettu r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu mingħajr ma tiġi mhedda l-istabbiltà finanzjarja, jista’ ma jkunx fattibbli li tiġi llikwidata istituzzjoni ta’ kreditu skont il-proċedimenti ordinarji ta’ insolvenza. Għal din ir-raġuni, miżuri Statali li jappoġġaw il-likwidazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li qed ifallu jistgħu jitqiesu bħala għajnuna kompatibbli, jekk ikunu konformi mar-rekwiżit speċifikat fil-punt 44.

67.

L-għan ta’ likwidazzjoni ordnata jrid ikun il-waqfien tal-attivitajiet ta' istituzzjoni ta’ kreditu f’diffikultà, tul perjodu ta' żmien limitat. Dan l-għan jimplika li ma jistax isir kummerċ ġdid ma parti terza. Madankollu, dan ma jwaqqafx it-twettiq ta' kummerċ eżistenti, jekk dan inaqqas l-ispejjeż tal-likwidazzjoni. Barra minn hekk, il-likwidazzjoni għandu jkollha kemm jista' jkun possibbli l-għan li tbigħ partijiet tan-negozju jew l-assi permezz ta’ proċess kompetittiv. Fi proċedura ta’ likwidazzjoni ordnata l-proċedimenti ta’ kwalunkwe bejgħ ta’ assi jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-likwidazzjoni.

68.

L-Istati Membri jistgħu jagħżlu għadd ta’ għodod biex jorganizzaw il-likwidazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu f’diffikultà. Kwalunkwe miżura ta’ għajnuna mill-Istat implimentata biex tappoġġa likwidazzjoni bħal din għandha tikkonforma mal-prinċipji speċifikati fil-punt 69 sa 82.

6.2.   Kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna għal-likwidazzjoni

69.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu pjan għal-likwidazzjoni ordnata tal-istituzzjoni ta’ kreditu.

70.

Il-Kummissjoni ser tivvaluta l-kompatibilità tal-miżuri ta’ għajnuna li għandhom jiġu implimentati bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu fuq l-istess linji, mutatis mutandis, kif stabbiliti fit-taqsimiet 2, 3 u 4 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar għall-għajnuna għar-ristrutturar.

71.

In-natura partikolari ta’ likwidazzjoni ordnata twassal għall-kunsiderazzjonijiet stipulati f’punti 72 sa 78.

6.2.1.   Limitazzjoni tal-kostijiet ta’ likwidazzjoni

72.

L-Istati Membri għandhom jagħtu prova li l-għajnuna tippermetti lill-istituzzjoni ta’ kreditu li jsirilha stralċ b'mod ordnat, filwaqt li jillimitaw l-ammont tal-għajnuna għall-minimu meħtieġ biex iżommuha għaddejja matul il-likwidazzjoni minħabba l-għan li jrid jintlaħaq u li huwa konformi mar-rekwiżit tal-qsim tal-piżijiet ta’ din il-Komunikazzjoni.

6.2.2.   Limitazzjoni fid-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni

73.

Sabiex jiġu evitati distorsjonijiet fil-kompetizzjoni, il-fażi tal-istralċ għandha tkun limitata għall-perjodu strettament neċessarju għal likwidazzjoni ordnata.

74.

Sakemm l-istituzzjoni ta’ kreditu benefiċjarja tkompli topera, ma tistax tikkompeti b'mod attiv fis-suq jew tidħol għal attivitajiet ġodda. L-operazzjonijiet tagħha għandhom fil-prinċipju jkunu limitati għat-tkomplija u t-tlestija tal-attivitajiet pendenti għall-klijenti eżistenti. Kull attività ġdida mal-klijenti eżistenti trid tkun limitata għat-tibdil fil-kundizzjonijiet ta’ kuntratti eżistenti u għar-ristrutturar ta’ self eżistenti, dejjem jekk dawn il-bidliet itejbu l-valur preżenti nett tal-assi rispettivi.

75.

Il-politika tal-ipprezzar tal-istituzzjoni ta’ kreditu li jrid isirilha stralċ trid timmira li tinkuraġġixxi lill-klijenti jsibu alternattivi aktar attraenti.

76.

Meta hija meħtieġ liċenzja bankarja, pereżempju għal bank tal-assi ħżiena jew għal istituzzjoni temporanja stabbilita biss għal-likwidazzjoni ordnata ta' istituzzjoni ta’ kreditu (“bank tranżitorju”), din għandha tkun limitata għall-attivitajiet strettament neċessarji għall-istralċ. Il-liċenzja bankarja għandha tiġi rtirata mill-aktar fis possibbli mill-awtorità ta' sorveljanza kompetenti.

6.2.3.   Il-qsim tal-piżijiet

77.

Fil-kuntest ta’ likwidazzjoni ordnata, għandha tingħata attenzjoni sabiex jiġi mminimizzat il-periklu morali, b’mod partikolari billi għajnuna addizzjonali ma tiġix ipprovduta għall-benefiċċju tal-azzjonisti u tad-detenturi tad-dejn subordinat. Għalhekk, il-pretensjonijiet tal-azzjonisti u tad-detenturi tad-dejn subordinat ma għandhomx ikunu ttrasferiti għal xi attività ekonomika li għadha għaddejja.

78.

It-Taqsimiet 3.1.2 u 3.1.3 għandhom jiġu rrispettati mutatis mutandis.

6.3.   Il-bejgħ ta’ istituzzjoni ta’ kreditu waqt proċedura ta’ likwidazzjoni ordnata

79.

Il-bejgħ ta’ istituzzjoni ta’ kreditu waqt proċedura ta’ likwidazzjoni ordnata jista' jinvolvi għajnuna mill-Istat għax-xerrej, dejjem jekk il-bejgħ ikun effettwat permezz ta’ offerti kompetittivi miftuħa u bla kundizzjonijiet u l-assi jinbiegħu lil dak li jagħmel l-ogħla offerta. Offerti kompetittivi bħal dawn għandhom, fejn neċessarju, jippermettu l-bejgħ ta’ partijiet tal-istituzzjoni lil offerenti differenti.

80.

B’mod partikolari, meta jkun qed jiġi determinat jekk ikunx hemm għajnuna għax-xerrej tal-istituzzjoni ta’ kreditu jew ta' partijiet minnha, il-Kummissjoni se teżamina jekk:

(a)

il-proċess ta’ bejgħ huwiex miftuħ, bla kundizzjonijiet u nondiskriminatorju,

(b)

il-bejgħ isirx bil-kundizzjonijiet tas-suq,

(c)

l-istituzzjoni ta' kreditu jew il-Gvern, (skont l-istruttura magħżula) jimmassimizzawx il-prezz tal-bejgħ għall-assi u l-obbligazzjonijiet involuti.

81.

Meta l-Kummissjoni ssib li x-xerrej ġie megħjun, il-Kummissjoni se tivvaluta l-kompatibilità ta’ din l-għajnuna separatament.

82.

Jekk tingħata għajnuna lill-attività ekonomika li tkun se tinbiegħ (u mhux lix-xerrej ta’ din l-attività), il-kompatibilità ta’ din l-għajnuna se tkun suġġetta għal eżami individwali skont din il-Komunikazzjoni. Jekk il-proċess ta’ likwidazzjoni jinvolvi l-bejgħ ta’ entità ekonomika li għandha sehem sinifikanti mis-suq, il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtieġa ta' miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li l-għajnuna mogħtija lil din l-entità ekonomika tkun ġabet magħha, u se tivverifika jekk l-entità wara l-bejgħ hijiex vijabbli. Fil-valutazzjoni tal-vijabbiltà tal-entità, il-Kummissjoni se tqis b'mod xieraq id-daqs u s-saħħa tax-xerrej meta mqabblin mad-daqs u s-saħħa tan-negozju akkwistat.

6.4.   Kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta' skemi għal-likwidazzjoni ordnata

83.

L-implimentazzjoni mill-Istati Membri ta’ skemi għal istituzzjonijiet ta’ kreditu li jinsabu f’diffikulta tista' tinkludi l-possibbiltà ta' għoti ta’ għajnuna sabiex tiġi żgurata l-likwidazzjoni ordnata tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jinsabu f’diffikultà, filwaqt li jiġu limitati l-effetti negattivi fuq is-settur u fuq l-ekonomija inġenerali.

84.

Il-Kummissjoni tqis li skemi ta’ għajnuna għal-likwidazzjoni ta' istituzzjonijiet ta’ kreditu ta’ daqs limitat (24) jistgħu jiġu approvati, dejjem jekk dawn ikunu mfassla sew biex jiżguraw konformità mar-rekwiżiti għall-qsim tal-piżijiet bejn l-azzjonisti u d-detenturi tad-debitu subordinat stabbiliti fil-punt 44, u biex jitneħħa l-periklu morali u tħassib ieħor dwar il-kompetizzjoni.

85.

Il-kompatibilità ta’ skemi bħal dawn se tiġi evalwata fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti fit-taqsima 3. Meta jinnotifikaw skema lill-Kummissjoni l-Istati Membri jridu, għaldaqstant, jipprovdu informazzjoni ddettaljata dwar il-proċess u dwar il-kundizzjonijiet għall-interventi favur l-istituzzjonijiet benefiċjarji.

86.

Billi l-grad fid-distorsjoni tal-kompetizzjoni jista' jvarja skont in-natura tal-istituzzjoni benefiċjarja u l-pożizzjoni tagħha fis-suq, valutazzjoni individwali tista' tkun meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-proċess ma jwassalx għal distorsjonijiet fil-kompetizzjoni bla bżonn. Għalhekk, il-miżuri ta’ għajnuna skont skema approvata favur l-istituzzjonijiet ta’ kreditu b’assi totali ta’ aktar minn EUR 3 000 miljun iridu jiġu nnotifikati individwalment għall-approvazzjoni.

6.5.   Monitoraġġ

87.

L-Istati Membri jridu jipprovdu rapporti regolari, mill-inqas fuq bażi annwali, dwar l-operat ta’ kull skema awtorizzata skont it-Taqsima 6.4. Dawn ir-rapporti jridu jipprovdu wkoll informazzjoni għal kull istituzzjoni ta’ kreditu li tkun qed tiġi likwidata skont it-Taqsima 6.4.

88.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tagħmel monitoraġġ fuq il-progress tal-proċess ta’ likwidazzjoni ordnata, u l-impatt tiegħu fuq il-kompetizzjoni, l-Istati Membri jridu jressqu rapporti regolari (mill-inqas fuq bażi annwali) dwar l-iżviluppi fil-proċess ta’ likwidazzjoni ta’ kull bank f’likwidazzjoni, u rapport finali fl-aħħar tal-proċedura tal-istralċ. F’ċerti każijiet, fiduċjarju tal-monitoraġġ, fiduċjarju taċ-ċessjoni jew it-tnejn li huma, jistgħu jinħatru biex tiġi żgurata konformità ma’ kull kundizzjoni u obbligazzjoni li tkun il-bażi tal-awtorizzazzjoni għall-għajnuna.

7.   ID-DATA TAL-APPLIKAZZJONI U T-TUL

89.

Il-Kummissjoni se tapplika l-prinċipji stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni mill-1 ta’ Awwissu 2013.

90.

In-notifiki rreġistrati mill-Kummissjoni qabel l-1 ta’ Awwissu 2013 se jiġu eżaminati fid-dawl tal-kriterji fis-seħħ fi żmien in-notifika.

91.

Il-Kummissjoni se teżamina l-kompatibilità mas-suq intern ta’ kwalunkwe għajnuna mogħtija mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħha u għalhekk fi vjolazzjoni tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat fuq il-bażi ta' din il-Komunikazzjoni jekk parti minn din l-għajnuna, jew l-għajnuna kollha, tingħata wara l-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

92.

F’kull każ ieħor hija se tagħmel eżami fuq il-bażi tal-Kommunikazzjonijiet dwar il-Kriżijiet fis-seħħ, fi żmien l-għoti tal-għajnuna.

93.

Il-Kummissjoni se tirrevedi, meta neċessarju, din il-Komunikazzjoni, b'mod partikolari sabiex timxi mal-bidliet fil-kundizzjonijiet tas-suq jew fl-ambjent regolatorju li jistgħu jaffettwaw ir-regoli li tistipula.

94.

Il-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008 se tiġi rtirata b'effett mill-31 ta’ Lulju 2013.

95.

Il-punt 47 u l-Anness 5 tal-Komunikazzjoni dwar l-Assi Danneġġati ġew irtirati.

96.

Il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar ġiet emendata kif ġej:

Fil-Punt 4, l-ewwel sentenza tinbidel b’dan li ġej: “F’każ li istituzzjoni finanzjarja tkun irċeviet għajnuna mill-Istat, l-Istat Membru jrid iressaq pjan ta’ ristrutturar sabiex jikkonferma jew jistabbilixxi mill-ġdid il-vijabbiltà fuq terminu twil tal-banek individwali mingħajr il-bżonn tal-appoġġ mill-Istat.”

In-nota 4 ta’ qiegħ il-paġna li għandha x’taqsam mal-punt 4 tneħħiet.

Fil-punt 7, it-tielet inċiż jinbidel b'dan li ġej: "Il-Kummissjoni, waqt li tibqa' tikkunsidra s-sitwazzjoni globali tas-settur finanzjarju, se tapplika l-prinċipju bażiku tal-qsim xieraq tal-piżijiet bejn l-Istati Membri u l-banek benefiċjarji.

Il-punt 8 ġie rtirat.

Fin-nota 1 ta’ qiegħ il-paġna li għandha x’taqsam mal-punt 21, l-ewwel sentenza tinbidel b’dan li ġej: “Ara t-Taqsima 6 tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013”.

Il-punt 25 jinbidel b’dan li ġej: “Kwalunkwe deroga mill-qsim xieraq tal-piżijiet ex ante, li setgħet ingħatat b’mod eċċezzjonali qabel ma ġie approvat pjan għar-ristrutturar għal raġunijiet ta’ stabbiltà finanzjarja, trid tagħmel tajjeb għaliha kontribuzzjoni addizzjonali fi stadju ulterjuri tar-ristrutturar, pereżempju fil-forma ta’ klawżoli ta’ restituzzjoni u/jew ristrutturar aktar estiż, inklużi miżuri addizzjonali biex jillimitaw id-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni.”


(1)  Il-komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri li ttieħdu fir-rigward ta' istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja globali preżenti (“il-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008”) (ĠU C 270, 25.10.2008, p. 8); Il-komunikazzjoni dwar ir-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kriżi finanzjarja attwali: il-limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu meħtieġ u s-salvagwardji kontra distorsjonijiet fil-kompetizzjoni bla bżonn (“il-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni”) (ĠU C 10, 15.1.2009, p. 2); il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-trattament ta’ assi danneġġati fis-settur finanzjarju tal-Komunità (“il-Komunikazzjoni dwar l-Assi Danneġġati”) (ĠU C 72, 26.3.2009, p. 1); il-Komunikazzjoni fuq ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni ta’ miżuri ta’ ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (“il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar”) (ĠU C 195, 19.8.2009, p.9); Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni mill-1 ta' Jannar 2011 ta' regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li jappoġġaw miżuri favur l-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (“il-Komunikazzjoni dwar l-Estensjoni tal-2010”) (OJ C 329, 7.12.2010, p.7) u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni mill-1 ta' Jannar 2012 tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li jappoġġaw istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (“il-Komunikazzjoni dwar l-Estensjoni tal-2011”) (ĠU C 356, 6.12.2011, p.7).

(2)  Ara l-punt 14 tal-Komunikazzjoni dwar l-Estensjoni tal-2011.

(3)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta' investiment tas-6 ta’ Ġunju 2012, COM(2012) 0280 finali.

(4)  Ara pereżempju l-punt 22 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar.

(5)  Ibid, il-punt 24.

(6)  Ara d-Dokument ta' Ħidma tad-DĠ Kompetizzjoni tat-30 ta' April 2010“L-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal skemi ta' garanzija tal-Gvern li jkopru d-dejn tal-banek li għandhom jinħarġu wara t-30 ta' Ġunju 2010”.

(7)  Din il-Komunikazzjoni tistipula l-ħtieġa li jiġi sottomess pjan ta’ ristrutturar għall-banek kollha li jibbenefikaw minn għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kapital jew miżuri għall-assi danneġġati, irrilevanti mill-ammont tal-għajnuna.

(8)  “Awtorità ta' sorveljanza kompetenti” tfisser kwalunkwe awtorità nazzjonali kompetenti maħtura mill-Istati Membri parteċipanti skont id-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1) jew il-Bank Ċentrali Ewropew fil-kompiti superviżorji tiegħu kif konferiti fl-Artikolu 1 tal-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stat Membru li jipparteċipa f’Mekkaniżmu Superviżorju Uniku.

(9)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 1.

(10)  Kif definit fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (tfassil mill-ġdid).

(11)  L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 73/239/KEE tal- 24 ta’ Lulju 1973 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi marbuta mal-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju ta’ assigurazzjoni diretta ħlief għal assigurazzjoni fuq il-ħajja (ĠU L 228, 16.8.1973, p. 3).

(12)  Id-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 li tirrigwarda l-assigurazzjoni fuq il-ħajja (ĠU L 345, 19.12.2002, p. 1).

(13)  Direttiva 98/78/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 1998 dwar is-superviżjoni supplimentari ta’ intrapriżi tal-assigurazzjoni fi grupp tal-assigurazzjoni (ĠU L 330, 5.12.1998, p. 1).

(14)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, u li temenda d-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-superviżjoni supplementari ta' istituzzjonijiet ta' kreditu, impriżi ta' assigurazzjoni u ditti tal-investiment f'konglomerat finanzjarju, (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(15)  Kif ippubblikat mill-OECD fuq il-websajt tagħha taħt il-Pagi Medji Annwali fi prezzijiet kostanti għall-aħħar sena disponibbli, http://stats.oecd.org/Index.aspx

(16)  Kif definit fl-Artikolu 26 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment, (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(17)  Dan jista’ jinkiseb pereżempju bil-ħolqien ta’ Kumpanija Azzjonarja. Is-sjieda tal-Bank tkun irreġistrata fuq in-naħa tal-assi tal-kumpanija azzjonarja, filwaqt li l-ekwità, l-ibridi u d-dejn subordinat li jkunu fil-bank qabel l-intervent tal-għajnuna mill-Istat jikkostitwixxu n-naħa tal-obbligi tal-kumpanija azzjonarja bl-istess struttura superjuri bħala dik li kienet teżisti fil-bank qabel l-intervent.

(18)  pereżempju jekk ix-xiri lura jseħħ bi skont ta' ċifra doppja f'punti perċentwali tal-valur nominali mill-prezz tas-suq (jew fin-nuqqas ta’ suq, indikatur tal-prezz tas-suq) sabiex jiġu ġġenerati l-profitti, jew jekk ix-xiri lura huwa parti ta’ skambju li jipprovdi lill-istituzzjoni ta’ kreditu b'kapital ta’ kwalità ogħla li jċekken it-telf.

(19)  Banek li jkunu diġà rċevew għajnuna għas-salvataġġ approvata fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-Komunikazzjoni, li madankollu ma jkunux għadhom kisbu l-approvazzjoni finali tal-għajnuna għar-ristrutturar, jistgħu jirċievu appoġġ taħt skema ta’ likwidità mingħajr notifika individwali.

(20)  F’dawn il-każijiet, il-miżuri sussegwentement se jiġu vvalutati bħala parti mill-pjan ta’ ristrutturar.

(21)  Id-Direttiva 94/19/KE tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew dwar skemi ta' garanzija tad-depożiti, (ĠU L 135, 31.5.1994, p. 5).

(22)  Ara, b’analoġija, il-Kawża T-351/02 Deutsche Bahn vs il-Kummissjoni [2006] Ġabra II-1047, kif ukoll il-Kawża C-460/07 Puffer [2009] Ġabra I-3251, il-paragrafu 70.

(23)  Ara l-iskema Daniża ta' stralċ (ĠU C 312, 17.11.2010, p. 5).

(24)  Ara pereż. N 407/10, Danish winding-up scheme for banks (ĠU C 312, 17.11.2010, p. 7).