7.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 130/15


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50, il-paragrafu 2, il-punt a), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

2013/C 130/11

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oppożizzjoni (oġġezzjoni) skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

“RIGOTTE DE CONDRIEU”

Nru tal-KE: FR-PDO-0005-0782-07.07.2009

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Isem

“Rigotte de Condrieu”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Franza

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.3.

Ġobnijiet

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li japplika għalih l-isem fil-punt 1

Ir-“Rigotte de Condrieu” hija ġobna żgħira mmanifatturata mill-ħalib nej tal-mogħoż, intier, mhux standardizzat. Tinkiseb minn baqta tat-tip lattiku. Hija ġobna ratba, mhux ippressata.

Lejn tmiem il-perjodu minimu għall-maturazzjoni (8 ijiem li jibdew mill-ġurnata tal-ħruġ mill-qwieleb), il-ġobna hija ppreżentata f’forma tonda żgħira b'dijametru ta' bejn 4,2 u 5 ċm, u b'għoli ta’ bejn 1,9 u 2,4 ċm. Il-piż tagħha fi stadju prolongat ta’ maturazzjoni ma jistax ikun anqas minn 30 gramma.

Il-wiċċ tal-ġobna huwa magħmul mill-moffa tal-kulur ivorju, abjad jew ikħal. Hija ġobna ta’ għaġna bejn bajda u ivorju, iebsa u lixxa. Wara t-tnixxif kull ġobna ta’ 100 gramma jkun fiha 40 gramma xaħam u l-kontenut ta’ materjal niexef ma jistax ikun anqas minn 40 gramma għall kull ġobna ta’ 100 gramma.

Meta tintiegħem, it-togħmiet żviluppati huma tal-ġewż, tal-veġetazzjoni, tax-xorrox u t-togħma hija moderatament mielħa.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Ħalib nej, intier mhux standardizzat tal-mogħoż tar-razza Alpina jew ta’ Saanen, mill-popolazzjoni lokali tan-mogħoż imsejħa “chèvres du Massif Central”, jew prodotti mit-taħlit tar-razez, immanifatturat fiż-żona ġeografika.

3.4.   Għalf għall-annimali (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

L-ikel bażiku matul is-sennna tal-mogħoż huwa essenzjalment magħmul mill-għalf mhux raffinat prodott fiż-żona ġeografika.

L-għalf mhux raffinat huwa magħmul mill-ħaxix frisk, mill-ħuxlief niexef, li huma prodotti fil-mergħat permanenti jew temporanji, u b’mod aktar ġenerali mill-ħaxix ikkunsmat fl-apert, minn xnien imnixxef li r-rata ta’ proteina fih hija anqas minn 20 % u minn kultivazzjonijiet oħra ta’ għalf mhux iffermentat li ma jagħtux togħma qarsa lill-ħalib: ċereali mhux misjura, kultivazzjonijiet tal-proteina, żrieragħ taż-żjut, tuberi u legumi, iddistribwiti fl-għalf.

Minbarra dan, jista' jintuża ħaxix inmixxef fl-ikel tal-mogħoż, bil-kundizzjoni li dan tal-aħħar ikun fih minimu ta’ 55 % ta’ materjal niexef u li jkun ġej mill-ewwel ħsad tal-mergħat tal-azjenda agrikola.

Il-mogħoż jirgħu jew jitgħalfu bl-għalf aħdar li jkun ġej miż-żona ġeografika, meta l-kundizzjonijiet klimatiċi jippermettu dan, u għal perjodu minimu ta' 120 jum fis-sena.

Il-kwantità annwali ta’ ikel komplementari iddistribwit lill-mogħoż ma tistax taqbeż it-350 kilogramma ta’ materja prima għal kull mogħża. Il-lista ta’ ikel komplementari awtorizzat hija stabbilita. Il-ħaxix, il-prodotti kkombinati u l-ikel komplementari li huma awtorizzati fl-ikel tal-annimali huma biss dawk li jkunu ġejjin minn prodotti mhux transġeniċi.

Huwa ppreferut l-għalf u l-ikel komplementari mkabbar fiż-żona ġeografika.

L-għalf u l-ikel komplementari li jkunu ġejjin minn barra ż-żona ġeografika ma jistgħux jikkostitwixxu aktar minn 40 % tal-materjal niexef ikkunsmat mill-annimali. Mill-1 ta’ Jannar 2014, dan il-perċentwal se jitnaqqas għal 20 %.

3.5.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jittieħdu fiż-żona ġeografika definita

Il-produzzjoni tal-ħalib, l-ipproċessar tiegħu u l-maturazzjoni tal-ġobniet iridu jsiru fiż-żona ġeografika.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Indipendentament mit-tismija skont ir-regoli applikabbli għall-ġobnijiet kollha, kull ġobon li jgawdi mid-Denominazzjoni tal-Oriġini “Rigotte de Condrieu” jew, tal-anqas kull ġobna għall-bejgħ lill-konsumaturi hija kkumerċjalizzata bit-tikketta li turi d-denominazzjoni tal-oriġini miktuba f’karattri bid-dimensjonijiet li jkunu tal-anqas ugwali għal żewġ terzi tal-akbar karattri li jidhru fuq it-tikketta u s-simbolu DPO tal-Unjoni Ewropea.

4.   Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika definita

Ir-“Rigotte de Condrieu” hija mmanifatturata fil-Massif du Pilat, li jinsab fil-Lbiċ tal-belt ta’ Lyon. Dawn il-muntanji jikkostitwixxu ż-żewġ dipartimenti tar-Rhône u tal-Loire. Huma jjiffurmaw parti mir-Reġjun tal-Alpi tar-Rhône.

Il-produzzjoni tal-ħalib, l-ipproċessar tiegħu f’ġobon u l-maturazzjoni ta’ dan il-ġobon għandhom isiru fit-territorju ta' dawn il-“communes”:

 

Il-communes tad-dipartiment tar-Rhône :

 

It-territorju kollu tal-muniċipalitajiet ta’: Ampuis, Condrieu, Echalas, Les Haies, Loire-sur-Rhône, Longes, Sainte-Colombe, Saint-Cyr-sur-Rhône, Saint-Romain-en-Gal, Trèves, Tupin-et-Semons.

 

Partijiet mill-muniċipalitajiet, minbarra ż-żona urbana ta’: Givors, Saint-Romain-en-Gier.

 

Il-muniċipalitajiet tad-dipartiment tal-Loire:

 

It-territorju kollu tal-muniċipalitajiet ta’: Le Bessat, Bessey, Bourg-Argental, Burdignes, La Chapelle-Villars, Châteauneuf, Chavanay, Chuyer, Colombier, Doizieux, Farnay, Graix, Lupe, Maclas, Malleval, Pavezin, Pelussin, Planfoy, Roisey, Saint-Appolinard, Sainte-Croix-en-Jarez, Saint-Julien-Molin-Molette, Saint-Michel-Sur-Rhône, Saint-Paul-en-Jarez, Saint-Pierre-de-Boeuf, Saint-Sauveur-en-Rue, Tarentaise, La Terrasse-sur-Dorlay, Thélis-la-Combe, La Valla-en-Gier, Veranne, Verin, La Versanne.

 

Partijiet mill-muniċipalitajiet, minbarra ż-żona urbana ta’: Saint-Chamond, Saint-Etienne.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika tal-produzzjoni tar-“Rigotte de Condrieu” hija kkaratterizzata minn fatturi naturali u umani determinanti. Il-karatteristiċi tal-massif jagħtu lit-territorju effetti klimatiċi varji, ġeomorfoloġija inklinata ħafna, b’ħamrija kannella, aċiduża u mhux fonda u hemm ħafna bijodiversità.

Dawn il-karatteristiċi wasslu għal taħlita ta’ produzzjoni agrikola fejn it-trobbija tal-mogħoż tradizzjonalment għadha tokkupa post importanti u ppreservat dinamiżmu notevoli.

Fatturi naturali

Il-Massif du Pilat huwa medda muntanjuża fil-baxx iddefinita fil-Majjistral u fil-Lvant bil-widien (il-widien ta’ Gier, ta’ Ondaine u tar-Rhône) u fit-Tramuntana bl-għoljiet ta’ Eteize. It-totalità tal-Massif Central huwa kkaratterizzat minn struttura muntanjuża atipika ħafna, minn ġeoloġija kumplessa, minn ħamrija aċiduża u ħafifa u minn pajsaġġ verament muntanjuż u mżerżaq ħafna. F’dawn il-muntanji jinsab blat antik vulkanuż u metamorfiku. Hawnhekk jinsabu “chirats”, li huma formazzjonijiet ġeoloġiċi rari ffurmati minn mases ta’ blat karatteristiku ssolidifikat. Il-kompożizzjoni kimika tal-ħamrija hija pjuttost omeoġenja: b’ħafna silika u ftit ħadid. Dawn il-parametri jiffavorixxu l-iżvilupp tal-ħamrija aċiduża.

Il-Pilat huwa żona fejn jingħaqdu l-impatti klimatiċi kollha, jiġifieri fejn jiltaqgħu l-effetti tal-Atlantiku, tal-Mediterran u dawk Kontinentali. It-temperatura u l-inżul tax-xita huma influwenzati ħafna mit-terren ikkaratterizzat mill-għoljiet. L-ammont ta’ xita huwa moderat bejn 580 u 1 000 mm, u x-xita tinżel b'mod irregolari matul is-sena. is-sjuf huma xotti. Il-klima tal-Pilat hija kkaratterizzata mill-preżenza ta’ rjieħ qawwijin.

Il-kopertura ta’ veġetazzjoni naturali taż-żona hija tipika għall-artijiet tal-għoljiet u tal-muntanji. Minkejja l-altitudnijiet moderati u minkejja pożizzjoni kontinentali u meridjonali, il-karattru muntanjuż tal-veġetazzjoni tal-Pilat huwa stabbilit ferm.

Il-pajsaġġ taż-żona huwa organizzat madwar l-għolja. Il-villaġġi huma ggruppjati u jinsabu fil-għoli (fil-promontorji) bejn il-“crets” koperti bix-xagħri tal-altitudni u bil-foresti tar-reżin u l-widien imdaħħlin.

Nofs it-territorju huwa kopert bil-veġetazzjoni u kważi 80 % mill-erja agrikola użata li jirrappreżenta biss 36 % tat-territorju, jintuża bħala uċuħ għall-kultivazzjoni tal-għalf, li żewġ terzi minnhom huma mergħat naturali.

Id-diversità kbira ta’ flora li wieħed jista’ josserva fil-Massif ta’ Pilat (bejn 40 u 60 speċi għal kull mergħa) tippermetti l-istabbiliment ta’ għadd ta’ ħabitats tal-mergħat rikonoxxuti li huma ta’ interess komunitarju skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats naturali.

Il-flora tikkonsisti prinċipalment mill-kategorija tal-aċidofili u tal-aċidiklini. L-ispeċijiet l-aktar tipiċi huma l-pjanti tal-ħaxix bħall-ħafur, il-legumi bħal-lotus u tipi oħra bħal succisa jew scabiosa.

Fatturi umani

Fir-rigward tat-tradizzjoni kaprina, fil-Massif ta’ Pilat wieħed isib omeġenità fl-azjendi agrikoli għat-trobbija ta’ razez imħallta, fejn it-tkabbir tal-mogħoż, li inizjalment kien xogħol in-nisa, wasslet għal diversifikazzjoni.

It-trobbija tal-mogħoż, li ilha sseħħ mis-seklu tmintax, ġiet żviluppata fiż-żoni l-aktar nexfin tal-Massif ta’ Pilat, f’dawk iż-żoni li huma anqas adattati għat-trobbija tal-bovini. Tradizzjonalment, l-azjendi agrikoli taż-żona kienu jimmanifatturaw kemm il-ġobon mill-ħalib tal-baqar kif ukoll il-ġobon mill-ħalib tal-mogħoż. Il-ġobon mill-ħalib tal-baqar twarrab favur il-ġobon mill-ħalib tal-mogħoż minħabba l-valur tal-bejgħ ogħla ta' dan tal-aħħar.

F'żoni fejn il-produzzjoni hija limitata, il-mogħża tirrendi valur ta’ effiċjenza ekonomika billi tuża s-superfiċji li ma jistgħux jintużaw fil-każ tal-bovini. B’hekk tippermetti aktar produzzjoni tal-ħalib fuq l-istess erja tas-superfiċje.

Id-daqs żgħir ta’ din il-ġobna, li ġiet adattata għal tnixxif segwit minn maturazzjoni rapida huwa spjegat mill-fatt li l-postijiet tal-konsum (Lyon u Saint-Étienne) huma qrib xulxin. L-għażla tad-daqs żgħir tal-forom, ta’ madwar 7 ċentimetri dijametru, tippermetti d-distinzjoni bejn il-ġobon mill-ħalib tal-baqar u l-ġobon mill-ħalib tal-mogħoż, li għalih jintużaw qwieleb akbar. Din l-għażla hija marbuta mal-kwantitajiet żgħar ta’ ħalib tal-mogħoż prodott fl-azjenda minħabba l-merħliet żgħar.

F’konformità mat-tradizzjoni, il-ħalib li jintuża huwa l-ħalib tal-mogħoż nej, intier, mhux standardizzat. Il-proċessi ta' manifattura huma adattati għall-produzzjoni ta’ baqta tat-tip lattiku, li tinvolvi l-maturazzjoni u l-aċidifikazzjoni tal-ħalib. L-inseminazzjoni tal-batteriji lattiċi preferibbilment issir mill-laktorserum li jkun għad fadal mit-tibqit ta’ qabel. Il-qaleb għandu jirrispetta l-istruttura tal-baqta u fih ma għandu jsir l-ebda qtugħ, tqattir mill-ilma minn qabel jew taħlit tal-baqta. Il-qlib tal-baqta jsegwi tnax il-siegħa wara t-tqegħid fil-qwieleb biż-żieda tal-melħ niexef fuq iż-żewġ naħat.

Tmint (8) ijiem wara l-ħruġ tal-ġobon mill-qwieleb, ir-Rigotte de Condrieu jesibixxi l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Il-“Rigotte de Condrieu” għandha l-karatteristiċi li ġejjin:

daqs żgħir (forma tonda żgħira b'piż ta’ ftit aktar minn 30 gramma)

wiċċ fin tal-kulur abjad, ivorju jew kaħlani,

konsistenza iebsa, lixxa u mingħajr toqob li ddub fil-ħalq,

taħlita ta’ togħmiet tal-ġewż, tal-veġetazzjoni, tax-xorrox u togħma moderatament mielħa

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO), jew kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħrajn tal-prodott (għall-IĠP)

Il-ħamrija aċiduża, taflija u mhux fonda li hija tipika taż-żona, flimkien mal-kondizzjonijiet klimatiċi partikolari tal-lokal, u l-prassi ta’ trobbija ppermettew l-istabbiliment u l-manteniment tal-mergħat bil-flora diversifikata ħafna u speċifika tal-ambjent aċiduż.

Id-diversità tal-flora tal-mergħat taż-żona ġeografika u l-kompożizzjoni botanika tagħhom iħallu impatt fuq il-kontenut u l-kompożizzjoni f’komponenti liposolubbli tal-ħalib. Dawn jippermettu wkoll l-iżvilupp ta’ mikrobi tal-flora li mbagħad wieħed isib fis-serums utlizzati għall-inseminazzjoni tal-ħalib qabel il-baqta u li jippermettu l-maturazzjoni tal-ġobon l-ħolqien tal-aromi.

Il-metodi tat-trobbija utilizzati fil-qafas tal-produzzjoni tal-“Rigotte de Condrieu” li jiffavorixxu l-użu tar-riżorsi lokali, il-produzzjoni tal-għalf lokali, ir-ragħa f’postijiet fejn jikber l-għalf aħdar, u l-ħruġ tal-annimali għalhekk jippermettu l-użu ottimali tal-ispeċifiċitajiet taż-żona.

Barra minn hekk l-ipproċessar ta’ ħalib nej u intier, u l-inseminazzjoni preferenzjali bil-laktoserum ġej minn baqta preċedenti, jippreżervaw din il-flora tal-ħalib.

Il-karattru lattiku li jirriżulta mill-ipproċessar flimkien mal-użu ta’ qwieleb li jirrispettaw l-istruttura tal-baqta, jippermettu l-ksib ta’ konsistenza omoġenja u lixxa fl-għaġna tar-“Rigotte de Condrieu”. Il-qlib tal-baqta previst wara t-tqegħid fil-qwieleb u ż-żieda tal-melħ niexef fuq iż-żewġ naħat jippermettu wkoll distribuzzjoni tajba tal-melħ. Dawn it-tekniki ta’ pproċessar jippermettu l-ksib ta’ ġobna b’għaġna soda, omoġenja, u li tinħall fil-ħalq.

Is-sitwazzjoni ġeografika ta’ Pilat qrib ċentri importanti għall-konsum, l-irjieħ taż-żona (storikament ir-“Rigotte de Condrieu” kienet titqiegħed f’“chasière” sabiex titnixxef, speċi ta’ armarju bil-gradilji, fl-arja aperta), kif ukoll l-organizzazzjoni tal-azjendi agrikoli ta’ produzzjoni, wasslu għall-immanifatturar ta' ġobniet żgħar tal-mogħoż. Id-daqs żgħir tal-ġobna jinkoraġġixxi l-inxif pjuttost rapidu tiegħu, segwit mill-aħħar fażi ta' maturazzjoni.

Il-karatteristiċi tal-ambjent naturali, assoċjati mar-rwol importanti tal-għalf lokali fl-ikel tal-annimali u mal-għarfien espert fl-ipproċessar, li jiffavorixxu t-tqattir mill-ilma u jippreżervaw il-flora tal-ħalib, jagħtu lil dawn il-ġobniet (b'dijametru ta’ bejn 4,2 u 5 ċm) flora tal-wiċċ fina u b'ilwien differenti, konformi mat-tradizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ dan it-tip ta’ ġobon fl-istadji differenti ta' maturazzjoni, kif ukoll l-aromi żviluppati tal-ġewż, tal-veġetazzjoni u tax-xorrox u b'togħma moderatament mielħa.

Minħabba l-partikolaritajiet tagħha, din il-ġobna li ġiet żviluppata fil-Massif du Pilat fi tmiem is-seklu XVIII, bil-mod il-mod kisbet reputazzjoni fil-livell reġjonali. Il-ġobon l-ewwel ingħata l-isem ta’ “Rigotte” imbagħad dak ta’ “Rigotte de Condrieu”, li ġej mill-isem tad-distrett ta’ Condrieu u li sa nofs is-seklu 19, sakemm ġew żviluppati vapuri li jaħdmu bl-istim, kien għadu ċentru kummerċjali attiv ħafna bbażat fuq ir-Rhône. L-istudju tal-1927 ta’ Guicherd u Ponsart ‘L’Agriculture du Rhône en 1926’ fil-fatt diġà kien isemmi r-“Rigotte de Condrieu” bħala wieħed miż-żewġ tipi ta' ġobon tal-mogħoż famużi fid-dipartiment ta' Rhône.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (3))

https://www.inao.gouv.fr/fichier/CDCRigottedeCondrieu.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12 Mibdul bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(3)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 2.