52013SC0532

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokumenti Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni Programm għall-Arja Nadifa għall-Ewropa Proposta' għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta' ċerti sustanzi tat-tniġġis fl-arja mill-impjanti medji tal-kombustjoni Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti sustanzi tat-tniġġis atmosferiku u li temenda d-Direttiva 2003/35/KE Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-aċċettanza tal-Emenda lill-Protokoll tal-1999 mal-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja Fuq Distanza Twila sabiex titnaqqas l-aċidifikazzjoni, l-ewtrofikazzjoni u l-ożonu troposferiku /* SWD/2013/0532 final */


1.           Definizzjoni tal-problema

1.1.        Kuntest politiku

It-tniġġis tal-arja jikkawża impatti sostanzjali fuq l-ambjent u s-saħħa. Fl-2010, l-imwiet prematuri annwali ammontaw għal iktar minn 400000 u 62 % mill-erja tal-UE kienet esposta għall-ewtrofikazzjoni, inkluż 71 % tal-ekosistemi ta’ Natura 2000. It-total tal-ispejjeż esterni tal-impatti fuq is-saħħa huma fil-medda ta' EUR 330-940bn. Id-danni ekonomiċi diretti jinkludu EUR 15bn minn jiem ta' xogħol mitlufa, EUR 4bn fi spejjeż tas-servizzi tas-saħħa, EUR 3bn f'telf ta’ prodotti agrikolu u EUR 1bn ta' ħsara lill-bini.

Biex dawn jiġu indirizzati, ġie żviluppat korp ta' politika dwar it-tniġġis tal-arja fl-UE u internazzjonalment. Twettqet reviżjoni ex-post dwar l-elementi tal-politika tal-UE: l-Istrateġija Tematika dwar it-Tniġġis tal-Arja tal-2005, id-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent[1] (AAQDs), id-Direttiva dwar il-Limiti Nazzjonali tal-Emissjonijiet[2] (NECD) u firxa ta' leġiżlazzjoni għall-kontroll tat-tniġġis mis-sors.

Il-politika ġabet magħha tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet bejn l-1990 u l-2010 li ġeneralment solva l-problema tax-xita aċiduża (l-aċidifikazzjoni) tal-UE.[3] L-impatti ewlenin fuq is-saħħa, minn materja partikolata, tnaqqsu b’madwar 20 % bejn l-2000 u l-2010.[4]

L-istruttura ġenerali tal-politika dwar il-kwalità tal-arja hija koerenti, iżda jrid jiġi żgurat tqabbil aħjar bejn il-kontrolli tas-sorsi, il-limiti u l-istandards tal-kwalità tal-arja fl-ambjent biex tiġi żgurata konformità effettiva.

1.2.        Il-problemi ewlenin li fadal

Minkejja dawn l-avvanzi għad baqa' xi impatti sostanzjali. It-tniġġis tal-arja huwa l-kawża ambjentali numru wieħed ta' mwiet fl-UE, u huwa responsabbli għal għaxar darbiet iktar imwiet prematuri mill-inċidenti tat-traffiku,[5] kif ukoll għal impatti sostanzjali fuq is-saħħa u t-telf fil-produttività li jirriżulta.

Għall-ekosistemi, il-problema pendenti ewlenija hija l-ewtrofikazzjoni. Tliet kwarti mill-aktar ekosistemi prezzjużi tal-UE huma mhedda, u dan jipperikola l-EUR 200-300bn ta' benefiċċji annwali tan-netwerk Natura 2000.

Marbuta ma’ dawn hemm żewġ problemi speċifiċi. L-ewwel nett, hemm ksur sostanzjali tal-istandards tal-kwalità tal-arja: terz taż-Żoni ta' Ġestjoni tal-Kwalità tal-Arja tal-UE jisbqu l-valuri ta’ limitu għall-materja partikolata (PM10) u kwart jisbquhom għad-dijossidu tan-nitroġenu (NO2).

It-tieni, anke b’konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, l-UE mhijiex qiegħda f'sitwazzjoni li tilħaq l-għan tagħha fit-tul. Il-projezzjonijiet juru li fl-2020 se jkun għad hemm 340 000 mewta prematura mill-PM2,5 u mill-ożonu fil-livell tal-art.

1.3.        Il-motivi wara l-problema

Qbiż tal-istandards tal-kwalità tal-arja

L-emissjonijiet tad-diżil huma r-raġuni wara l-problemi tal-konformità għan-NO2 u NOx

Filwaqt li l-valuri tal-limiti tal-emissjonijiet għan-NOx għall-karozzi tal-passiġġieri tad-diżil tnaqqsu b’fattur ta’ 4 mill-1993 sal-2009 (Euro 1 u Euro 5), l-emissjonijiet medji tan-NOx fil-kundizzjonijiet reali tas-sewqan huma stmati li żdiedu ftit. Din hija r-raġuni l-aktar sinifikanti għan-nuqqas ta’ konformità attwali.

Il-kombustjoni fuq skala żgħira u t-tniġġis lokali kkonċentrat huma l-kaġun tal-agħar problemi ta’ konformità għall-PM

Il-kombustjoni domestika tal-karburant solidu huwa l-kaġun fil-każijiet fejn it-tniġġis lokali l-aktar li jaqbeż il-valuri ta’ limitu, filwaqt li ċerti postijiet ġeografiċi jikkombinaw konċentrazzjoni għolja ta’ emittenti b’topografija li tipprevjeni d-dispersjoni effettiva.[6]

Koordinazzjoni batuta bejn l-azzjoni nazzjonali u dik lokali, u n-nuqqas ta’ kapaċità fil-livell reġjonali u lokali, għamlet il-konformità aktar diffiċli u għalja

L-awtoritajiet pubbliċi ta’ spiss ħadu azzjoni tard wisq biex inaqqsu t-tniġġis tal-arja. Parti mill-problema hija n-nuqqas ta’ kapaċità għall-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' pjanijiet għat-tnaqqis tat-tniġġis. Il-koordinazzjoni bejn il-programmi NECD nazzjonali u l-pjanijiet ta’ azzjoni AAQD tista’ titjieb.

L-UE mhijiex se tilħaq l-għan fit-tul tagħha għall-kwalità tal-arja

Il-kaġun tal-impatti fuq is-saħħa li se jifdal wara l-2020 ġej minn firxa ta’ setturi

Is-setturi ewlenin kollha jikkontribwixxu għall-konċentrazzjonijiet tal-PM jew tal-ożonu u għandhom jiġu indirizzati. Il-potenzjal għat-tnaqqis kosteffettiv huwa l-akbar għal dawk is-setturi li naqqsu l-inqas (eż. l-agrikoltura, il-kombustjoni fuq skala medja, il-makkinarju mobbli mhux tat-triq u n-navigazzjoni marittima).[7]

L-emissjonijiet tal-ammonja mill-agrikoltura huma l-kaġun tal-impatti ambjentali li jifdal

L-agrikoltura hija responsabbli għal 90 % tal-emissjonijiet tal-ammonja u hija l-fattur primarju tal-ewtrofikazzjoni. Hemm potenzjal kbir għat-tnaqqis kosteffettiv li jista' jibbenefika lill-bdiewa iżda dan għadu mhux sfruttat.

It-tniġġis sostnut fl-isfond ifisser li l-azzjoni lokali waħidha ma tistax tnaqqas l-impatti effettivament

Hemm komponent sostanzjali fl-isfond[8] tal-problemi ewlenin li jmur lil hinn mill-kontroll tal-awtoritajiet kompetenti lokali. Parti minnu hija nazzjonali u tista' tiġi indirizzata f’dak il-livell, iżda s-sehem transfrutnier huwa għoli, (ogħla minn 50 % għall-PM2.5 u 60 % għall-NH3).[9]

1.4.        Kif se tiżviluppa l-problema

Il-konformità għall-PM10 u n-NO2 ser titjieb sostanzjalment sal-2020. Il-problemi persistenti huma prinċipalment f’punti 'jaħarqu' (eż. Ruma, Liżbona), u żoni oħra fejn l-użu tal-faħam għat-tisħin residenzjali għadu komuni (eż. PL, BG, CZ, SK), fejn id-densità għolja tal-popolazzjoni timplika espożizzjoni daqstant ieħor kbira tal-popolazzjoni. Huwa pprojjettat li l-Istati Membri kollha se jikkonformaw mal-limiti NEC tagħhom sal-2020.

Il-linja bażi tassumi li l-introduzzjoni tal-istandards Euro 6 se tikkontrolla l-emissjonijiet ta’ NOx fid-dinja reali mill-vetturi ħfief li jaħdmu bid-diżil mill-2017 ’il quddiem.[10] Dan huwa kruċjali għall-konformità sal-2020.

Anki b’konformità sħiħa, l-impatti fuq is-saħħa se jonqsu biss b'madwar 20 % sal-2025, u l-ewtrofikazzjoni bilkemm se tonqos.

2.           Analiżi tas-sussidjarjetà

Il-bażi ġuridika hija l-Artikolu 192(1) tat-Trattat. L-azzjoni tal-UE għadha meħtieġa minħabba n-natura transfruntiera persistenti tat-tniġġis tal-arja, u minħabba l-kontribut ta’ prodotti li jridu jiġu kkontrollati fil-livell tal-UE għar-raġunijiet tas-suq intern.

Il-benefiċċji għas-saħħa u l-ambjent tat-tnaqqis tat-tniġġis huma medjusa fid-dawl tal-ispejjeż, biex ikun żgurat li l-azzjoni tkun proporzjonata. L-aħjar distribuzzjoni tat-tnaqqis tal-emissjonijiet bejn l-Istati Membri u l-UE hija eżaminata wkoll.

3.           Għanijiet

L-għan strateġiku fit-tul huwa l-ksib ta' livelli tal-kwalità tal-arja li ma jirriżultawx f'impatti negattivi sinifikanti, jew riskji, fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent. Jeżistu żewġ għanijiet ġenerali:

· Li tkun żgurata l-konformità mal-politiki attwali tal-kwalità tal-arja, u l-koerenza mal-impenji internazzjonali, mhux iktar tard mill-2020.

· Li jinkiseb iktar tnaqqis sostanzjali fl-impatti fuq is-saħħa u l-ambjent fil-perjodu sal-2030.

4.           Għażliet Politiċi, valutazzjoni tal-impatti u paragun tal-għażliet għall-ewwel għan (2020)

4.1.        L-għażliet meqjusa

Il-linja bażi għandha twassal għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja mill-Protokoll ta’ Gothenburg rivedut. Tqiesu ħames għażliet oħra biex jissolvew il-problemi tal-konformità: leġiżlazzjoni ġdida tal-UE dwar is-sorsi; Limiti Nazzjonali tal-Emissjonijiet iktar stretti (iktar minn ta' Gothenburg); appoġġ ikbar mill-UE għall-azzjoni tal-Istati Membri; il-promozzjoni ta’ kontrolli internazzjonali aktar stretti; u l-emendar tal-AAQD.

4.2.        Valutazzjoni tal-Impatti

Il-linja bażi tiżgura l-konformità wiesgħa mal-istandards tal-kwalità tal-arja, jekk il-problema tal-emissjonijiet fid-dinja reali għall-vetturi ħfief tad-diżil tiġi solvuta bl-introduzzjoni tal-Euro 6. Mill-problemi tal-konformità li jifdal, 13-19 % taż-żoni huma fi ħdan 5µg/m3 tal-valur ta' limitu, u 6-8 % biss huma ogħla (skont is-sustanza li tniġġes). Iktar azzjoni mill-Istati Membri għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja lokali għandha tkun kapaċi tindirizza l-ewwel kategorija pjuttost faċilment. Għat-tieni, il-kombustjoni domestika (il-kwistjoni prinċipali għall-PM) tista’ tiġi rregolata bil-limitazzjoni tal-kombustjoni tal-karburanti solidi flimkien ma’ appoġġ għall-bdil tal-fjuwil, (pereżempju permezz tal-fondi strutturali), filwaqt li t-tniġġis tan-NO2 jista’ jiġi ttrattat permezz ta’ restrizzjonijiet għall-aċċess għall-vetturi diżil. L-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida dwar is-sorsi u Limiti Nazzjonali tal-Emissjonijiet aktar stretti ma jimmirawx b’mod effettiv is-sorsi lokali li huma l-kaġun għan-nuqqas ta’ konformità li jifdal. Għalhekk, dawn l-għażliet intgħażlu għall-analiżi tal-2025-30.

4.3.        Tqabbil tal-Għażliet

Il-linja bażi toffri konformità wiesgħa u l-problemi li jifdal sal-2020 huma dovuti għas-sorsi ta’ tniġġis lokali. Dawn jistgħu jiġu indirizzati b’mod effettiv b'azzjoni lokali, appoġġjata fil-livell tal-UE permezz tal-iżvilupp tal-kapaċità u l-finanzjament għall-bidliet strutturali bħall-bdil tal-fjuwil. Ma hemmx raġuni għaliex l-AAQD għandu jiġi rilassat jekk il-konformità qed tinkiseb.

5.           Għażliet Politiċi, valutazzjoni tal-impatti u paragun tal-għażliet għat-tieni għan (2025-30)

5.1.        L-għażliet meqjusa

Minbarra l-linja bażi, tqiesu ħames għażliet, kif ippreżentat fit-Tabella 1 hawn taħt.

Tabella 1 L-għażliet politiċi kkunsidrati għall-perjodu 2025-30

Għażla 1 || Għażla 6A || Għażla 6B || Għażla 6C || Għażla 6D || Għażla 6D

Linja bażi || Għeluq tad-distakk b'25 % għall-PM2.5 bejn il-linja bażi u l-MTFR || Għeluq tad-distakk b'50 % għeluq għall-PM2.5 bejn il-linja bażi u l-MTFR || Għeluq tad-distakk b'75 % għall-PM2.5 bejn il-linja bażi u l-MTFR || Għeluq tad-distakk b'100 % għall-PM2.5 bejn il-linja bażi u l-MTFR || Konformità mal-valuri ta’ gwida tal-WHO (>100 % għeluq tad-distakk għall-PM2.5)

L-enfasi hija fuq l-impatti fuq is-saħħa tal-PM, minħabba li dawn jikkawżaw l-aktar ta’ ħsara, u jistgħu jiġu stmati fi flus u, għalhekk, jistgħu faċilment jiġu mqabbla mal-ispejjeż. Iżda l-kontrolli tal-PM jaffettwaw ukoll l-inkwinanti li jikkawżaw l-ożonu, l-ewtrofikazzjoni u l-aċidifikazzjoni, u għalhekk l-għażliet se jirriżultaw fi tnaqqis fihom ukoll.

Il-ksib tal-għażla 6E, il-konformità mal-valuri ta’ gwida tal-WHO, ma jistax ikun possibbli sal-2030 mingħajr bidliet strutturali kif ukoll bidliet tekniċi. Il-potenzjal li dan l-għan jintlaħaq fit-tul huwa indirizzat aktar tard.

5.2.        Valutazzjoni tal-Impatti

Il-Valutazzjoni tal-Impatt sħiħ jippreżenta analiżi għall-2025 u għall-2030; minħabba kwistjonijiet ta' tul, qed jiġu ppreżentati hawnhekk biss ir-riżultati tal-2025,

5.2.1.     Impatti fuq is-saħħa u l-ambjent

Il-persentaġġi tat-tnaqqis fl-impatt fuq is-saħħa u l-ambjent imqabbel mal-2005 huma ppreżentati fit-Tabella 2 hawn taħt:

Tabella 2: persentaġġi tat-tnaqqis fl-impatt fuq is-saħħa u l-ambjent imqabbel mal-2005

|| 2005 || Għażla 1 || 6A || 6B || 6C || 6D

PM2,5-kroniku-imwiet prematuri || 494000 || -38 % || -42 % || -46 % || -50 % || -54 %

Ożonu-akut- imwiet prematuri || 24600 || -28 % || -29 % || -30 % || -33 % || -39 %

Ewtrofikazzjoni, mhux protetti '000 km kwadrati || 1125 || -21 % || -24 % || -28 % || -34 % || -40 %

Aċidifikazzjoni, mhux protetti '000 km kwadrati || 161 || -71 % || -77 % || -81 % || -85 % || -87 %

L-Għażla 6C tnaqqas l-impatti fuq is-saħħa tal-PM2,5 b'terz iktar mil-linja bażi (tnaqqis ta’ 50 % mqabbel ma' 38 %), filwaqt li l-impatti tal-ewtrofikazzjoni jitnaqqsu b’aktar minn nofs iktar mil-linja bażi (tnaqqis ta’ 34 % mqabbel ma' 21 %).

5.2.2.     Impatti ekonomiċi

L-impatti ekonomiċi huma murija fit-Tabella 3 hawn taħt f’miljuni ta' EUR (spejjeż iktar mill-Għażla 1 (linja bażi), u % ta' żieda meta mqabbel mal-linja bażi):

Tabella 3: impatti ekonomiċi tal-għażliet

|| Għażla 1 || Għażla 6A || Għażla 6 B || Għażla 6C || Għażla 6D

UE-28, 2025 || 87171 || - || 221 || 0,25 % || 1202 || 1,38 % || 4629 || 5,31 % || 47007 || 53,9 %

L-isforzi meħtieġa għal kull settur SNAP[11] huma murija fit-Tabella 4 ta’ hawn taħt, espressi f’miljuni ta' EUR u f'persentaġġ taż-żieda meta mqabbel mal-Għażla 1:

Tabella 4 Sforzi meħtieġa għal kull settur SNAP

|| Għażla 1 || Għażla 6A || Għażla 6B || Għażla 6C || Għażla 6D

Ġenerazzjoni tal-elettriku || 9561 || 44 || 0,46 % || 125 || 1,31 % || 470 || 4,92 % || 3519 || 37 %

Kombustjoni domestika || 9405 || 74 || 0,78 % || 497 || 5,29 % || 1680 || 18 % || 17791 || 189 %

Kombustjoni industrijali || 2513 || 19 || 0,75 % || 156 || 6,20 % || 641 || 25 % || 1811 || 71 %

Proċessi industrijali || 5017 || 17 || 0,34 % || 125 || 2,49 % || 331 || 6,61 % || 3964 || 79 %

Estrazzjoni tal-fjuwil || 695 || 0 || 0,00 % || 0 || 0,00 % || 6 || 0,81 % || 583 || 84 %

Użu tas-solventi || 1176 || 1 || 0,08 % || 2 || 0,15 % || 56 || 4,76 % || 12204 || 1038 %

Trasport fit-triq || 48259 || 0 || 0,00 % || 0 || 0 % || 0 || 0 % || 0 || 0 %

Makkinarju mhux tat-triq || 8760 || 1 || 0,01 % || 5 || 0,06 % || 145 || 1,66 % || 1451 || 17 %

Skart || 1 || 6 || 786 % || 7 || 941 % || 9 || 1154 % || 9 || 1203 %

Agrikoltura || 1783 || 59 || 3,33 % || 285 || 16 % || 1292 || 72 % || 5675 || 318 %

Total || 87171 || 221 || 0,25 % || 1202 || 1,38 % || 4629 || 5,31 % || 47007 || 54 %

Is-setturi SNAP jirrappreżentaw tipi ta’ attività (eż. il-kombustjoni, l-użu tas-solventi) li jistgħu jsiru f’setturi ekonomiċi differenti (is-settur tal-kimiċi, ir-raffineriji, eċċ). Fit-tqabbil skont is-settur ekonomiku, l-Għażla 6C teħtieġ nefqa addizzjonali ta’ 0,22 % tal-produzzjoni settorjali fl-agrikultura, 0,1 % għar-raffineriji u ħafna inqas għall-industriji l-oħra kollha.

It-Tabella 5 turi l-banefiċċji ekonomiċi diretti u l-ispejjeż esterni totali. Azzjoni addizzjonali tista’ tnaqqas l-ispejjeż esterni b’EUR 60-200 biljun/sena iktar mil-linja bażi, u minnhom aktar minn EUR 4,5 biljuni jista' jkun iffrankar ekonomiku dirett.

Tabella 5 Benefiċċji ekonomiċi li jirriżultaw mit-tnaqqis fit-tniġġis tal-arja

2025, UE28 || Għażla 6A || Għażla 6 B || Għażla 6C || Għażla 6D

Ġranet ta’ xogħol mitlufa, benefiċċji eknomiċi diretti vs linja bażi €M || 726 || 1421 || 2137 || 2831

Ħsara lill-ambjent mibni, benefiċċji eknomiċi diretti vs linja bażi €M || 53 || 106 || 145 || 162

Telf fil-valur tal-uċuħ agrikoli, benefiċċji eknomiċi diretti vs linja bażi €M || 61 || 101 || 278 || 630

Spejjeż totali tal-kura tas-saħħa, benefiċċji eknomiċi diretti vs linja bażi (fejn hemm dejta disponibbli) || 219 || 437 || 657 || 886

Benefiċċji diretti totali vs linja bażi || 1,059 || 2,065 || 3,237 || 4,509

Tnaqqis totali fl-ispejjeż esterni tat-tniġġis tal-arja vs linja bażi (valutazzjoni baxxa) || 14 997 || 29 767 || 44 686 || 59 642

Tnaqqis totali fl-ispejjeż esterni tat-tniġġis tal-arja vs linja bażi (valutazzjoni għolja) || 50 317 || 100 937 || 150 853 || 200 074

L-impatt aggregat fuq il-PDG huwa żgħir ħafna anke għall-Għażla 6C: -0,025 %. L-inklużjoni taż-żidiet fil-produttività fl-analiżi makroekonomika tibbilanċja kompletament l-impatt fuq il-PDG u l-benefiċċji diretti addizzjonali (kura tas-saħħa, uċuħ tar-raba’ u benefiċċji lill-bini) jagħtu benefiċċju ekonomiku nett ta’ 0,007 % tal-PDG.

5.2.3.     L-impatti soċjali

Fil-każijiet kollha l-effett tal-għażliet fuq l-impjiegi huwa żgħir (fl-Għażla 6C, hemm żieda ta’ 2 000 impjieg, li taqa' fi ħdan il-firxa tal-inċertezza ), anki mingħajr ma jitqiesu ż-żidiet fil-produttività tax-xogħol. Meta jitqiesu dawn, ikun hemm ħolqien nett ta’ impjiegi (minn 37 000 sa 112 000 impjieg).

5.2.4.     L-Impatti fuq il-kompetittività u l-SMEs

L-aktar setturi li se jintlaqtu huma s-settur tal-agrikoltura u dak tar-raffinar taż-żejt. Fil-każijiet kollha l-impatt ikun taħt jew daqs il-limitu ta’ 1 % tal-valur miżjud gross, u dan jindika li jkun hemm spazju biex jiġu assorbiti l-ispejjeż addizzjonali. L-impatti fuq l-SMEs huma sinifikanti għall-miżuri agrikoli u għall-miżuri fl-impjanti tal-kombustjoni fuq skala medja (MCPs). Għall-MCPs, l-impatti jistgħu jitnaqqsu għal taħt it-2,4 % tal-ammont żejjed gross operattiv (ara hawn taħt). Il-miżuri agrikoli jistgħu jkunu mmirati lejn installazzjonijiet kbar li jkopru l-biċċa l-kbira tal-kapaċità, u l-impatti li jkun jifdal jiġu ttrattati b'appoġġ xieraq mill-Fond għall-Iżvilupp Rurali.

5.2.5.     Trajjettorja biex jinkiseb l-għan fit-tul sal-2050

Il-konċentrazzjonijiet tal-PM2,5 fl-isfond taħt il-limitu ta' 10 mg/m3 tad-WHO jistgħu jinkisbu virtwalment kullimkien fl-UE (99,5 % tat-territorju u 99 % tal-popolazzjoni esposta), jekk wieħed jassumi li jsiru bidliet strutturali u iktar żvilupp teknoloġiku. It-trajettorja indikattiva għat-tnaqqis meħtieġ hija stipulata fit-Tabella 6.

Tabella 6 Trajettorja għat-tnaqqis tal-emissjonijiet lejn il-ksib tal-valuri gwida tal-WHO fl-2050; l-emissjonijiet f’kilotunnellati, it-tnaqqis imqabbel mal-emissjonijiet tal-2005

UE28 || 2005 || 2025 || 2030 || 2040 || 2050

SO2 || 8172 || -79 % || -82 % || -87 % || -91 %

NOx || 11538 || -65 % || -70 % || -78 % || -83 %

PM2,5 || 1647 || -48 % || -54 % || -64 % || -72 %

NH3 || 3928 || -30 % || -38 % || -42 % || -48 %

VOC || 9259 || -50 % || -55 % || -64 % || -71 %

5.3.        Tqabbil tal-Għażliet

It-Tabella 7 tagħti paragun tal-impatt tal-għażliet ma' dak tal-linja bażi:

Tabella 7 Paragun tal-impatt tal-għażliet mal-linja bażi

2025, UE28 || Għażla 6A || Għażla 6B || Għażla 6C || Għażla 6D

Spejjeż imqabbla mal-linja bażi €M || 221 || 1202 || 4629 || 47007

Tnaqqis addizzjonali fl-impatti fuq is-saħħa iktar mil-linja bażi (sena bażi 2005) || 10 % || 21 % || 32 % || 43 %

Tnaqqis addizzjonali fl-impatti tal-ewtrofikazzjoni iktar mil-linja bażi (sena bażi 2005) || 16 % || 33 % || 62 % || 90 %

Impatt fuq il-PDG biż-żidiet fil-produttività meqjusa || 0,007 % || 0,009 % || 0,000 % || -

Benefiċċji diretti oħrajn || 333 || 644 || 1080 || 1678

Tnaqqis totali fl-ispejjeż esterni tat-tniġġis tal-arja vs linja bażi (valutazzjoni baxxa) || 14 997 || 29 767 || 44 686 || 59 642

Tnaqqis totali fl-ispejjeż esterni tat-tniġġis tal-arja vs linja bażi (valutazzjoni għolja) || 50 317 || 100 937 || 150 853 || 200 074

Għall-Għażla 6C il-benefiċċji huma aktar mill-ispejjeż, filwaqt li l-miżuri addizzjonali fl-Għażla 6D huma iktar għaljin mill-benefiċċji li joffru. Għal din ir-raġuni, l-Għażla 6C hija ppreferuta.

5.3.1.     Analiżi tas-sensittività

Analiżi estensiva tas-sensittività tal-Għażla 6C tat il-konklużjonijiet li ġejjin:

· filwaqt li l-politika tal-klima tkun ta’ benefiċċju għall-kwalità tal-arja, waħidha mhux se tikseb l-għan fit-tul tal-kwalità tal-arja sal-2050;

· hemm lok addizzjonali lil hinn mill-Għażla 6C biex jintaqqsu l-impatti tal-ewtrofikazzjoni u l-ożonu fuq is-saħħa bi spiża raġonevoli (spiża ikbar ta’ konformità ta’ 1 %);

· hemm potenzjal li titwaqqaf mira tal-UE għat-tnaqqis tal-metan bi spiża baxxa jew żero;[12]

· l-għanijiet politiċi għad jistgħu jinkisbu f'xenarji alternattivi futuri.

5.4.        Strumenti għall-implimentazzjoni tal-għażla ppreferuta

L-istrument ewlieni għall-implimentazzjoni tal-politika ġenerali huma l-NECD, li jistgħu jinkorporaw ukoll miżuri biex ittejbu l-programmi nazzjonali għat-tnaqqis, l-inventarji u l-projezzjonijiet tal-emissjonijiet u l-monitoraġġ tal-ekosistema, bi spiża amministrattiva żgħira (EUR 6,9 miljuni inizjalment u mbagħad EUR 2,5 miljuni fis-sena).

Il-leġiżlazzjoni attwali u pendenti tal-UE dwar is-sorsi se jwasslu għal 52-75 % tat-tnaqqis meħtieġ għall-inkwinanti kollha ħlief l-ammonja, li ċ-ċifra għaliha hija biss 25 % (mill-IED).

Il-kontrolli tal-UE fuq l-impjanti tal-kombustjoni fuq skala medja (1-50 MW ta' kapaċità termali) ikunu kosteffettivi:

· Jista' jinkiseb tnaqqis sinifikanti u kosteffettiv tal-emissjonijiet tal-PM, NOx u SOx;

· L-ispejjeż annwalizzati totali għall-operaturi jistgħu jkunu limitati għal EUR 400 miljun jekk jiġi applikat kontroll sekondarju tan-NOx għal parti biss tal-impjanti ġodda;

· L-ispejjeż amministrattivi jistgħu jiġu minimizzati jekk issir obbligatorja biss ir-reġistrazzjoni tal-impjanti.

L-għażla politika ppreferuta hija t-tnaqqis tal-emissjonijiet f'mod konsistenti mal-Protokoll ta’ Gothenburg, flimkien mar-reġistrazzjoni għall-impjanti kollha. Din tnaqqas l-impatt fuq l-SMEs għal 0,1 - 2.4 % tal-ammont żejjed gross operattiv.

6.           Monitoraġġ u Evalwazzjoni

Hemm ġabra estensiva ta’ indikaturi u mekkaniżmi biex tissorvelja u tevalwa l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar il-kwalità tal-arja (eż. ir-rapporti taż-ŻEE u l-EMEP). Dawn se jintużaw biex jevalwaw il-ksib tal-għanijiet riveduti tat-tnaqqis tal-impatt. L-impenji ġodda tal-NECD se jiġu mmonitorjati b'dispożizzjonijiet imsaħħa dwar l-inventarji u l-projezzjonijiet. Il-politika se tiġi riveduta kull ħames snin u l-ewwel reviżjoni għandha ssir qabel l-2020.

[1]               2008/50/KE u 2004/107/KE

[2]               2001/81/KE

[3]               It-tnaqqis tal-emissjonijiet huma dovuti għal leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-emissjonijiet tal-kubrit minn impjanti kbar tal-kombustjoni (LCPs), u għar-rekwiżiti għall-karburant tat-trasport fit-toroq b'livell baxx ta' kubrit li ppermetta wkoll l-użu tal-konvertituri katalitiċi mill-Euro 4 ‘l quddiem.

[4]               L-imwiet prematuri mit-tniġġis tal-materja partikolata fl-2010 kienu 379 420, u mill-ożonu kien hemm 26 500.

[5]               Skont l-istatistika tal-Eurostat. l-għadd ta’ fatalitajiet tat-traffiku fis-sena 2010 kien fil-medda ta’ 35 000 fis-27 pajjiż tal-UE.

[6]               Eż. xi ċentri tal-popolazzjoni ewlenin fl-Ewropa għadhom mhumiex konformi: Milan, Madrid, Barċellona, Londra u oħrajn.

[7]               Dan huwa minnu partikolarment f’pajjiżi li għadhom ma ddikjarawx żoni ta' kontroll għall-kubrit u/jew in-NOx.

[8]               Il-livelli tat-tniġġis imkejla huma s-somma tal-kontribuzzjonijiet li joriġinaw minn sorsi lokali speċifiċi (bħal siti industrijali jew it-traffiku urban) u t-tniġġis fl-isfond, li min-naħa tiegħu huwa magħmul minn sorsi reġjonali u wkoll minn sorsi li ġejjin mill-bogħod.

[9]               L-estimi mill-Programm Ewropew għall-Monitoraġġ u l-Evalwazzjoni (EMEP).

[10]             Il-konformità Euro 6 hija inkluża fil-linja bażi minħabba li l-livell ta’ ambizzjoni huwa stabbilit fil-leġiżlazzjoni adottata; il-miżura ta' implimentazzjoni hija mekkaniżmu tekniku ta’ twassil.

[11]             Nomenklatura Magħżula għat-Tniġġis tal-Arja

[12]             Il-metan mhux meqjus fl-ottimizzazzjoni ġenerali minħabba l-ħajja differenti tiegħu (u għalhekk l-impatti tal-ożonu tiegħu għandhom perjodi ta' żmien differenti) meta mqabbel mal-prekursuri l-oħra tal-ożonu.