52013SC0460

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda Ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar u r-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea /* SWD/2013/0460 final */


DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda

Ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar u r-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda

Ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar u r-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea

1.           Definizzjoni tal-problema

L-objettivi tar-Regolament li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (minn hawn’ il quddiem “PETŻ” jew “ir-Regolament”) huma aċċess aħjar għall-ġustizzja u t-titjib tar-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali. Filwaqt li dan l-aħħar objettiv inkiseb b’suċċess permezz tal-abolizzjoni tal-exequatur, l-aċċess għall-ġustizzja f’tilwim ta’ valur baxx ma tjiebx b’mod sodisfaċenti. Mhux qed jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-benefiċċji tal-proċedura simplifikata Ewropea u l-aċċess għall-ġustizzja ma ttejjibx b'mod suffiċjenti fil-każ ta' xi partijiet interessati, b’mod partikolari l-SMEs.

Problema 1: Il-kamp t'applikazzjoni limitat tar-Regolament

Il-limitu ta' EUR 2 000 huwa baxx wisq

Il-limitu ta’ EUR 2 000 jillimita serjament id-disponibbiltà tal-proċedura għall-SMEs, li t-tilwim transfruntier tagħhom ma’ negozju ieħor jammonta għal medja ta’ EUR 39 700. Madwar 30 % tat-talbiet tan-negozji jkollhom valur ta’ bejn EUR 2 001 u EUR 10 000. Dawn in-negozji jkollhom imorru lura għal proċeduri għal talbiet żgħar jew — fejn ma jkunx hemm tali proċedura nazzjonali fis-seħħ għal każijiet transfruntiera — għal proċedimenti ċivili ordinarji. B’mod partikolari fil-każ tal-Istati Membri li ma għandhomx dispożizzjoni għal simplifikazzjonijiet proċedurali f’disputi dwar talbiet żgħar, dan iwassal għal spejjeż sproporzjonati ta’ litigazzjoni u għal proċedimenti twal , , li mbagħad jiskoraġġixxu lir-rikorrenti milli jmexxu r-rikorsi tagħhom.

Dan iwassal għal telf finanzjarju u għal anqas fiduċja biex jagħmlu negozju transfruntier.

Id-definizzjoni dejqa ta' "transfruntier" Ir-Regolament bħalissa japplika biss fil-każ ta'  tilwim fejn mill-inqas waħda mill-partijiet tkun domiċiljata jew abitwalment residenti fi Stat Membru divers mill-Istat Membru tal-qorti jew tat-tribunal fejn ikun sar ir-rikors. Dan il-limitu inaqqas  il-kamp t'applikazzjoni tar-Regolament, u jwassal biex ma jkunx disponibbili l-proċediment f’każijiet transfruntiera oħra fejn dan ikun jista’ jiffranka  spejjeż u ħin liċ-ċittadini. B’mod partikolari, fejn ir-rikorrent ikun jista’ jagħżel skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 bejn il-ġuriżdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru fejn kemm hu kif ukoll il-konvenut ikunu domiċiljati u l-ġuriżdizzjoni speċjali taħt it-Taqsima 2 tar-Regolament Brussell I, l-għażla tad-domiċilju komuni m’għandux ikollha l-effett li ċċaħħad ir-rikorrent mill-possibbiltà li juża l-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar li altrimenti kienu jkunu disponibbli.

Barra minn hekk, il-limitazzjoni tiprojbixxi applikazzjonijiet taħt il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar imressqa quddiem qrati tal-Istati Membri tal-UE minn jew kontra ċittadini ta’ pajjiżi terzi, pereżempju meta l-konsumatur ikun fl-UE, u n-negozju jkun jinstab f’pajjiż terz.

Problema 2: L-ineffiċjenzi tal-PETŻ minħabba spejjeż għoljin u t-tul tal-proċedura preżenti f’kawżi transfruntier ta’ inqas minn EUR 2 000 Ineffiċjenza li tirriżulta mill-prijorità mogħtija  lin-notifika bil-posta fuq  in-notifika elettronika: il-PETŻ hija fil-prinċipju proċedura bil-miktub. Kull meta tkun obbligatorja  n-notifika ta’ dokument, ir-Regolament jistabbilixxi n-notifika bil-posta  b’rikonoxximent tal-irċevuta bħala l-metodu ewlieni tan-notifika. Metodi oħra ta’  notifika jistgħu jiġu applikati biss jekk  in-notifika bil-posta ma tkunx possibbli.

Anki jekk is-notifika postali diġà huwa irħas minn metodi oħra ta’ notifika użati fi proċedimenti ordinarji fl-Istati Membri, xorta jiġġenera  spejjeż u dewmien li jistgħu jiġu evitati permezz tal-użu tan-notifika elettronika tad-dokumenti.

Il-ħtieġa ta' vjaġġar minħabba l-fatt li ma tantx jintużaw mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod għal seduti orali u t-teħid ta’ evidenza: għalkemm il-PETŻ hija proċedura bil-miktub, il-qorti tat-tribunal tista'  tordna seduta orali jekk tqis li dan ikun meħtieġ. Jekk il-qorti ma tużax it-teknoloġiji tal-ICT, il-persuni mħarrka jkunu obbligati li jivvjaġġaw lejn il-qorti li tista’ tkun tinstab fi Stat Membru ieħor.

Dan jista’ jinvolvi  spejjeż u dewmien addizzjonali sinifikanti għall-partijiet. L-użu ta’ teknoloġiji tal-ICT jista’ jkun soluzzjoni vijabbli għan-nuqqas ta’ prossimità u ta' aċċess ġeografiku għall-qrati.

Miżati tal-qorti sproporzjonati għall-valur tat-talba: il-maġġoranza tal-Istati Membri jimponu bil-quddiem il-miżati tal-qorti fuq il-partijiet. Il-miżati tal-qorti li jeċċedu 10 % tal-valur tat-talba jitqiesu bħala sproporzjonati u jistgħu jkunu fattur fid-deiċżjoni taċ-ċittadin li ma jirrikorrix għal azzjoni legali. F’xi Stati Membri, il-miżati tal-qorti ma jkunux proporzjonati għall-valur tat-talba, b’mod partikolari fil-każ ta' talbiet dwar valur aktar baxx, u aktar ma jkun baxx il-valur tat-talba, iktar ikunu sproporzjonati l-miżati tal-qorti.

Ostakoli prattiċi għall-pagament tal-miżati tal-qorti: il-metodi ta’ pagament huma differenti fost l-Istati Membri u jvarjaw minn pagament fiżiku attwali fil-bini tal-qorti sa trasferiment bankarju. B'mod speċjali fil-każ meta jkun meħtieġ pagament fi flus, bolol, ċekkijiet jew mill-avukati, il-partijiet jkollhom jeħlu l-ispejjeż tal-ivvjaġġar jew iqabbdu avukat fl-Istat Membru tal-qorti, ħaġa li tista' tfisser li ma jkunx jagħmel sens finanzjarju li jagħmlu t-talbiet tagħhom.

Spejjeż mhux meħtieġa ta’ traduzzjoni: il-parti li tkun qed titlob l-eżekuzzjoni ta’ sentenza għandha tipproduċi kopja oriġinali tas-sentenza u tal-Formola D (Ċertifikat li jikkonċerna sentenza fil-PETŻ). L-obbligu li tiġi tradotta l-Formola D jimponi spejjeż mhux meħtieġa peress li hija biss it-Taqsima 4.3 tal-formola (is-sustanza tas-sentenza) li għandha tiġi tradotta, peress li t-taqsimiet l-oħra jkun fihom biss ismijiet u numri. Nuqqas ta’ trasparenza ta’ informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-litigazzjoni u l-metodi ta’ pagament ta’ miżati tal-qorti f’każijiet PETŻ: ir-Regolament diġà jobbliga lill-Istati Membri biex jiskambjaw informazzjoni dwar diversi aspetti prattiċi. Madankollu, l-informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-litigazzjoni u l-metodi aċċettati  ta’ pagament tal-miżati tal-qorti skont il-PETŻ għadha mhix disponibbli:

Nuqqas ta’ trasparenza tal-informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ għajnuna prattika liċ-ċittadini: għalkemm l-Istati Membri bħalissa għandhom obbligu li jiżguraw li ċ-ċittadini jirċievu assistenza sabiex ikunu jistgħu jimlew il-formoli, fil-prattika jidher li ftit hemm trasparenza fir-rigward tal-atturi jew l-organizzazzjonijiet li huma responsabbli biex jipprovdu tali appoġġ.

Problema 3: Għarfien limitat dwar l-eżistenza u t-tħaddim tal-proċedura

Biex ikun hemm applikazzjoni b’suċċess tal-PETŻ huwa meħtieġ li l-atturi rilevanti — iċ-ċittadini, il-qrati u organizzazzjonijiet oħra li jipprovdu appoġġ u pariri — ikunu konxji tal-eżistenza tal-operat tagħha. L-evidenza turi madankollu li la ċ-ċittadini, u lanqas il-qrati għad ma huma infurmati tajjeb dwar l-eżistenza u l-proċeduri PERTŻ.

Il-Kummissjoni ppruvat tindirizza din il-problema peremzz ta' firxa ta' miżuri meħuda biex titqajjem kuxjenza u jiġi żviluppat it-taħriġ.

Huwa probabbli li dawn il-miżuri jagħtu riżultati pożittivi u li jibda jkun hemm għadd dejjem jiżdied ta’ applikazzjonijiet taħt il-PETŻ.

2.           Analiżi tas-sussidjarjetà

Il-kwistjoni indirizzata għandha aspetti transnazzjonali, li ma jistgħux b’mod sodisfaċenti jiġu ttrattati permezz ta’ azzjoni individwali mill-Istati Membri. Jeżistu differenzi kbar bejn il-proċeduri simplifikati nazzjonali, fejn dawn jeżistu  kemm f’termini ta’ limitu kif ukoll fis-simplifikazzjoni proċedurali miksuba. Fin-nuqqas ta’ standards proċedurali uniformi madwar l-UE kollha, il-kumplessità inerenti addizzjonali u l-kosti tat-twettiq ta’ pretensjoni transfruntiera tkompli tkabbar il-kosti sproporzjonati u t-tul tal-litigazzjoni. Id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern ikkawżata mill-iżbilanċi fir-rigward tal-funzjonament tal-mezzi proċedurali mogħtija lir-rikorrenti/lill-kredituri fi Stati Membri differenti toħloq il-ħtieġa ta' azzjoni tal-UE li tiggarantixxi l-parità fil-kundizzjonijiet għall-kredituri u d-debituri fl-UE kollha.

L-azzjoni fuq il-livell tal-UE tipproduċi benefiċċji ċari f’termini ta’ effettività peress li r-Regolament emendat jistabbilixxi strumenti proċedurali uniformi għat-talbiet transfruntiera kollha fl-UE, irrispettivament minn fejn fl-UE tkun tinsab il-qorti li tisma’ t-talba.

3.           L-Objettivi tal-inizjattiva tal-UE

L-objettivi ewlenin ta’ din l-inizjattiva huma li jiġi pprovdut aċċess aħjar għall-ġustizzja fil-każ ta' firxa usa’ ta’ talbiet ta’ talbiet żgħar transfruntiera u li jitnaqqas l-iżvantaġġ ekonomiku attwali għall-SMEs u l-konsumaturi li jirriżultaw minn litigazzjoni għalja.

4.           L-Għażliet ta’ politika

Ġew ikkunsidrati erba’ għażliet ta' politika. L-għażla ta’ politika 1 u 3 ġew eżaminati fid-dettall.

L-għażla ta’ politika 1 — Status quo (xenarju bażiku): ir-Regolament jibqa’ l-istess.

L-Ġħażla ta’ Politika 2 — Simplifikazzjoni billi jitħassar ir-Regolament: id-dħul fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 1215/2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ir-riformulazzjoni Brussell I) fl-10 ta’ Jannar 2015 se jwassal għall-abolizzjoni tal-proċediment exequator b’mod ġenerali fl-UE. Madankollu, il-valur miżjud tar-Regolament PETŻ huwa li joffri proċedura prevedibbli, uniformi, veloċi u sempliċi, li jkun alternattiva kosteffettiva  għall-proċeduri nazzjonali. Għal dawn ir-raġunijiet, din l-għażla twarrbet.

L-Għażla ta' Politika 3 — Reviżjoni tar-Regolament: hemm tliet elementi ewlenin li huma soġġetti għal reviżjoni u għal kull wieħed minnhom ġew ikkunsidrati diversi għażliet sekondarji.

L-ewwel nett,  l-ispejjeż sproporzjonati għal talbiet transfruntiera ta' 'l fuq minn EUR 2,000 jistgħu jiġu indirizzati billi jiżdied il-livell limitu sa 1) EUR 5,000, 2) EUR 10,000 jew 3) ‘l fuq minn EUR 10 000.

It-tieni, id-definizzjoni ristretta ta’ “każijiet transfruntiera”  tista' tiġi ndirizzat billi jitwessa’ l-kamp t'applikazzjonia biex jiġu koperti l-każijiet kollha b’element transfruntier.

It-tielet, l-ineffiċjenzi tal-proċedura attwali jistgħu jiġu indirizzati permezz ta’ għadd ta’ titjib fir-rigward ta’:

il-prijorità mogħtija lin-notifika bil-posta, billi, jew 1) in-notifika elettronika u n-notifika bil-posta jitqiegħdu fuq l-istess livell fejn ikun teżisti n-notifika elettronika fl-Istati Membri, jew 2) l-Istati Membri kollha jiġu obbligati jintroduċu n-notifika elettronika;

il-ħtieġa li wieħed jivjaġġa minħabba l-fatt li ftit jintużaw mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod għal seduti orali u t-teħid tax-xiehda, billi jiġi żgurat li s-seduti orali jkunu organizzati b’mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, bl-eċċezzjoni tal-parti li titlob li tkun preżenti fil-qorti;

il-miżati sproporzjonati tal-qorti, billi jew 1) jiġi impost livell tal-miżati tal-qorti li ma jkunx jista' jeċċedi l-5 % tal-valur tat-talba, bil-possibilita ta' limitu minimu ta' mhux aktar minn EUR 45, jew 2) jiġi impost limitu fil-livell tal-miżati tal-qorti li ma jkunx jista' jeċċedi l-10 % tal-valur tat-talba, bil-possibbiltà ta' limitu minimu ta' mhux aktar minn EUR 35;

l-ostakoli prattiċi għall-pagamenti tal-miżati tal-qorti, billi 1) tiġi żgurata l-aċċettazzjoni obbligatorja ta’ mill-inqas it-trasferimenti bankarji jew 2) tiġi żgurata l-aċċettazzjoni obbligatorja ta’ mill-inqas trasferimenti bankarji u ta' sistemi ta' pagamenti onlajn bil-karti ta' kreditu u debitu;

l-ispejjeż ta’ traduzzjoni mhux meħtieġa fl-istadju tal-eżekuzzjoni, billi jitneħħa l-obbligu tat-traduzzjoni tal-formola D, għajr għat-Taqsima 4.3 tal-Formola D (Is-sustanza tas-sentenza);

l-ispejjeż relatati ma’ nuqqas ta’ trasparenza għar-rigward tal-ispejjeż tal-litigazzjoni, il-metodu ta’ pagament tal-miżati tal-qorti u d-disponibbiltà ta' għajnuna dwar il-PETŻ, billi jiddaħħal obbligu fuq l-Istati Membri biex jinnotifikaw din l-informazzjoni lill-Kummissjoni.

L-Ġħażla ta’ Politika 4 — L-armonizzazzjoni tal-proċeduri nazzjonali tat-talbiet żgħar permezz ta’ direttiva: din l-għażla tkun tikkonsisti fil-ħolqien ta’ proċedura unika għal talbiet żgħar taħt ċertu livell limitu li tarmonizza r-regoli proċedurali nazzjonali applikabbli għal każijiet transfruntiera u domestiċi mingħajr distinzjoni. Madankollu, l-armonizzazzjoni tal-liġi proċedurali tal-Istati Membri x’aktarx li tkun ferm kontenzjuża. Għal dawn ir-raġunijiet, anki din l-għażla twarrbet.

5.           Valutazzjoni tal-impatti

Sal-lum, sar biss użu limitat tal-PETŻ, għar-raġunijiet imfissra fid-definizzjoni tal-problema hawn fuq. Madankollu, il-benefiċċji potenzjali minn użu ikbar ta’ proċedura simplifikata huma sostanzjali. Sabiex wieħed jara l-firxa ta' benefiċċji li joħorġu mill-implimentazzjoni tal-Ġħażla ta’ Politika 3, ġie preżunt li f’dawk l-Istati Membri fejn hemm proċedura nazzjonali ssimplifikata, tintuża l-proċedura PETŻ fil-każ ta' 50 % tat-talbiet li jlaħħqu sa EUR 10000. Fl-Istati Membri l-oħra, huwa preżunt li t-talbiet kollha bħal dawn isiru permezz tal-PETŻ meta wieħed iqis id-differenza sostanzjali fl-ispejjeż bejn il-preżentazzjoni ta' talba bil-PETŻ u proċedura ordinarja. L-iffrankar flimkien ta' ħin u spejjeż tal-elementi individwali tal-għażla ppreferuta jammontaw għal tnaqqis potenzjali ta’ spejjeż ta’ madwar EUR 325-418 miljun.

Kriterji ta’ valutazzjoni || Klassifikazzjoni tal-iStatus quo || Klasifikazzjoni tal--għażla ppreferuta || Tifsira

L-effettività tal-għażliet ta’ politika biex jintlaħqu l-għanijiet || 0 || 2 || Aċċess aħjar għall-ġustizzja: ir-reviżjoni mistennija twassal għal żieda sinifikanti fl-għadd ta’ applikazzjonijiet PETŻ. Billi jiżdied il-livell limitu sa EUR10 000, huwa mistenni li sa 217 500 każ ġdid jibbenefikaw minn din il-proċedura. It-tieni, it-titjib proċedurali fil-proċedura għal talbiet sa EUR2 000 ukoll aktarx iwassal għal applikazzjonijiet ġodda tal-PETŻ, li għat-tul huwa stmat li jlaħħqu għal 414 060 każ potenzjali  (minn 3 500 fl-2012). Is-simplifikazzjoni tal-proċedura bil-qorti: is-simplifikazzjoni tal-proċedura PETŻ titkompla bl-użu ta’ teknoloġija li permezz tagħha d-distanza ssir kważi irrelevanti. It-tnaqqis tal-ispejjeż u t-tul tal-litigazzjoni: l-użu ta’ teknoloġija moderna ukoll twassal għal tnaqqis tal-ispejjeż u t-tul tal-proċedura. It-titjib tat-trasparenza tal-proċedura; L-Istati Membri jkunu obbligati li jipprovdu aktar informazzjoni lill-Kummissjoni. Dan it-tagħrif il-Kummissjoni se tagħmlu disponibbli pubblikament fuq l-Internet (fuq il-portal e-Justice).

L-ispejjeż tal-implimentazzjoni || 0 || 1 || L-ispejjeż tal-implimentazzjoni jammontaw għal bejn EUR 500 u EUR 10 000 fil-każ tal-użu ta' mezzi ta' komunikazzjoni mill-bogħod għal seduti orali. L-ispejjeż biex jiddaħħlu metodi ta' pagament onlajn bl-użu ta' karti ta' kreditu jista' jvarja skont l-organizzazzjoni amministrattiva tas-sistemi tal-qorti użati f'kull Stat Membru. Huwa stmat li jkun neċessarju kost fiss ta’ EUR 14 400.

L-Impatt soċjali || 0 || 1 || Il-bidliet proposti għar-Regolament mistennija li jkollhom impatt pożittiv speċjalment għal persuni żvantaġġati ekonomikament, peress li l-eżistenza ta’ spejjeż sproporzjonati jaffettwa b’mod partikolari lil dan il-grupp soċjali.

Impatt ekonomiku usa’ || 0 || 2 || Il-bidliet proposti għar-Regolament iwasslu għal aċċess aħjar għall-ġustizzja, li jwassal għal żieda fil-fiduċja fil-kummerċ transfruntier u konsegwentement li jitjieb il-funzjonament tas-Suq Intern.

Fattibbiltà || 0 || 3 || Peress li l-PETŻ huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri, il-biċċa l-kbira ma ppromulgawx leġiżlazzjoni nazzjonali supplimentari, u għalhekk mhux se jkollhom jadattaw il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom bħala riżultat tar-reviżjoni tar-Regolament.

Drittijiet fondamentali || 0 || 1 || Is-alvagwardji proċedurali jsiru aktar importanti hekk kif il-valur tat-talba jiżdied. Din hija r-raġuni għaliex l-Għażla ta’ Politika 3 tikkumplimenta l-introduzzjoni ta’ livell limitu ogħla b’limitazzjoni fid-diskrezzjoni tal-imħallfin li jiċħdu seduta orali permezz tal-ICT taħt il-PETŻ, u l-użu ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod bil-possibbiltà għaċ-ċittadini li jużaw mezzi tradizzjonali ta’ komunikazzjoni.

6.           l-għażla ppreferuta

Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tal-impatti, l-għażla ppreferuta hija l-Għażla ta’ Politika 3 bil-kombinazzjoni li ġejja ta’ għażliet sekondarji:

Jiżdied il-livell limitu sa EUR 10 000: id-disponibbiltà tal-proċedura simplifikata wkoll fil-każ ta' talbiet stmati fil-valur ta' bejn EUR 2 000 u EUR 10 000,  l-ispejjeż tal-litigazzjoni f’każijiet transfruntiera bħal dawn jitnaqqsu. L-estensjoni tal-ambitu territorjali tar-Regolament biex il-każijiet kollha jkunu koperti li ma jkunux esklussivemant domestiċi Jiġi żgurat li n-notifika elettronika titqies fuq l-istess livel daqs in-notifika bil-posta; dan inaqqas  l-ispejjeż globali tat-trażmissjoni ta’ dokumenti;

Jiddaħħal obbligu, fil-każ li jkun neċessarju li ssir seduta orali, li dawn is-seduti jiġu organizzati permezz ta' mezzi tal-komunikazzjoni mill-bogħod, bħal ma huma l-vidjokonferenza jew it-telekonferenzi: il-vantaġġi jinkludu t-tnaqqis taż-żmien għat-trasport u l-ispejjeż għall-SMEs u l-konsumaturi.

Jiġu limitati  l-ispejjeż tal-qorti għal 10 % tal-valur tat-talba flimkien mal-possibilità li tiġi ffissata miżata minima fissa ta' mhux aktar minn EUR 35: L-iffissar ta’ miżata massima permessa għal proċeduri għal talbiet żgħar transfruntiera jnaqqas  l-ispejjeż f’dawk l-Istati Membri fejn il-miżati huma sproporzjonati meta mqabbla mal-valur ta’ tali talbiet.

Tiġi żgurata l-aċċettazzjoni obbligatorja ta’ trasferimenti bankarji u tal-karta ta’ kreditu/ta' debitu bħala mezzi ta’ pagament tal-miżati: l-effiċjenza ġenerali tas-sistema ġudizzjarja x’aktarx li jiżdied, peress li l-partijiet se jesperjenzaw inqas spejjeż u ħin u l-awtoritajiet pubbliċi x’aktarx iġarrbu l-ispejjeż tal-implimentazzjoni minuri biss.

Jitneħħa l-obbligu li tiġi tradotta l-Formola D, għajr għat-Taqsima 4.3 (is-sustanza tas-sentenza): din is-soluzzjoni tnaqqas  l-ispejjeż tal-infurzar.

Jiddaħħal obbligu li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-litigazzjoni u dwar il-metodi tal-pagament tal-miżati tal-qorti: din l-emenda ttejjeb it-trasparenza.

Jiddaħħal obbligu li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni informazzjoni dwar fejn il-partijiet jistgħu jiksbu assistenza prattika kif jimlew il-formoli: din l-emenda ttejjeb it-trasparenza.

7.           Il-Monitoraġġ u l-evalwazzjoni

Sabiex tiġi ssorveljata l-applikazzjoni effettiva tar-Regolament emendat, il-Kummissjoni tagħmel evalwazzjoni u rappurtar regolari. Biex twettaq dawn il-kompiti, il-Kummissjoni se tħejji rapporti ta’ valutazzjoni regolari dwar l-applikazzjoni tar-Regolament, imsejjsa fuq konsultazzjonijiet mal-Istati Membri, il-partijiet interessati u l-esperti esterni. Isiru wkoll laqgħat regolari tal-esperti biex jiġu diskussi problemi ta’ applikazzjoni u jsiru skambji tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri fil-qafas tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f’materji ċivili u kummerċjali.