52013SC0256

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-Impriża Konġunta ECSEL /* SWD/2013/0256 final */


DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Kunsill

dwar l-Impriża Konġunta ECSEL

Introduzzjoni

Dan id-dokument jiddeskrivi l-valutazzjoni tal-impatt għal Inizjattiva Konġunta tat-Teknoloġija (JTI - Joint Technology Initiative) dwar komponenti u sistemi elettroniċi stabbiliti bħala Impriża Konġunta abbażi tal-Artikolu 187 TFUE. Dan jorbot mal-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Orizzont 2020.

Żewġ Impriżi Konġunti (JUs - Joint Undertakings) nominati bħala ENIAC u ARTEMIS ġew stabbiliti rispettivament fl-oqsma tan-nanoelettronika u s-sistemi tal-kompjuter inkorporati, taħt is-Seba’ Programm Qafas. Dawn ippruvaw iżidu u jservu ta' lieva għall-investimenti privati u pubbliċi fir-riċerka u l-innovazzjoni f’żewġ dominji kumplimentari ta’ importanza kbira għan-nisġa industrijali fl-Ewropa.

Din l-inizjattiva, billi tibni fuq l-esperjenza miksuba b’ENIAC u ARTEMIS, hija bbażata fuq struttura unika simplifikata, ambitu ffukat fuq l-ambitu tal-azzjonijiet li jsaħħu s-sinerġiji bejn l-oqsma tal-komponenti elettroniċi u s-sistemi inkorporati, u simplifikazzjoni maġġuri tal-modalitajiet ta’ implimentazzjoni. L-inizjattiva hija pilastru ċentrali tal-istrateġija tal-UE għall-komponenti u s-sistemi elettroniċi fl-Ewropa.

Il-proċedura li ġiet segwita hija konformi mal-linji gwida tal-Kummissjoni għal valutazzjonijiet tal-impatt ex-ante.

1.         DEFINIZZJONI TAL-PROBLEMA

1.1       Kuntest

Apparti milli huma industrija sinifikanti b’iktar minn EUR 1000 biljun ta' introjtu madwar id-dinja, il-komponenti elettroniċi u s-sistemi inkorporati huma l-oriġini ta’ ħafna mit-titjib fil-produttività fl-ekonomija kollha u għandhom rwol ewlieni fl-indirizzar tal-isfidi tas-soċjetà.

B’mod aktar speċifiku, l-Ewropa qiegħda taffaċċa żewġ sfidi ewlenin fil-komponenti u s-sistemi elettroniċi. Waħda hija biex ikun hemm kontroll tal-elementi ewlenin tal-katina tal-valur (jiġifieri d-disinn, il-manifattura u l-integrazzjoni fil-prodotti finali), li huma essenzjali sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-ħolqien tal-valur mill-elettroniċi fl-Ewropa inkluż il-kompetittività ta’ ħafna setturi industrijali oħrajn Ewropej. L-oħra hija li timla d-distakki kbar fil-ktajjen tal-innovazzjoni tal-Ewropa u tittrasformaw aħjar l-eċċellenza fir-riċerka tagħha f’suċċessi kummerċjali.

Fl-indirizzar tal-isfidi msemmija hawn fuq l-Ewropa trid taffaċċa kompetizzjoni globali ħarxa, it-tnaqqis fis-sehem tas-suq tal-industrija tagħha, l-ispejjeż għoljin ta’ R&Ż&I u l-iżviluppi b’ritmu mgħaġġel tat-teknoloġija.

· Ir-relazzjoni mill-qrib bejn l-industrija tal-komponenti elettroniċi u l-bqija tan-nisġa industrijali hija ta’ importanza vitali għall-Ewropa. Dgħufija tal-industrija tal-manifattura elettronika tagħha x’aktarx se twassal għall-għibien gradwali tal-bqija tal-katina tal-valur. Dan mhux biss għandu impatt fuq l-industrija nfisha iżda se jolqot l-impjiegi u t-tkabbir f’parti kbira tal-ekonomija tagħna.

· Il-prospetti għal kumpaniji Ewropej tas-sistemi tal-kompjuters inkorporati huma iktar pożittivi għalkemm l-isfidi huma affaċċati hawnhekk ukoll, jiġifieri l-pjattaformi tal-qalba tal-ICT, fil-livell tal-applikazzjoni u l-kontenut, fil-biċċa l-kbira ddominati minn atturi li mhumiex mill-UE, u s-sistemi inkorporati dejjem aktar innetwerkjati u konnessi mal-internet, u dan iwassal għal opportunitajiet kummerċjali ġodda iżda wkoll atturi ġodda u theddid minn industriji li mhumiex tal-UE li jiddominaw l-internet illum.

· It-tkabbir tas-suq iddominat minn komponenti u sistemi elettroniċi kien ogħla minn 6 % kull sena tul dawn l-aħħar għaxar snin u għandu projezzjonijiet ekwivalenti għad-deċennju li jmiss. It-tkabbir fis-settur huwa mħeġġeġ minn innovazzjonijiet li għandhom mill-inqas 15 % tal-introjtu minfuq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp. Bl-ispejjeż li qed jiżdiedu tar-R&Ż u l-effett konsekwenzjali importanti fl-ekonomija, l-isġubiji pubbliċi-privati jsiru obbligatorji.

· Hija essenzjali li wieħed jitgħallem jifhem il-kumplessità fit-teknoloġija u l-produzzjoni li qed jiżdiedu sabiex dak li jkun, ikun jista’ jikkompeti u din tirrikjedi ħafna investimenti, fil-medda ta’ biljuni ta’ Euro kemm f’R&Ż&I kif ukoll fil-faċilitajiet tal-produzzjoni u d-disinn. L-investimenti Ewropej ma kinux biżżejjed u l-politiki huma wisq frammentat s’issa, u dan iwassal għal sehem dejjem jonqos tas-suq dinji tas-semikundutturi għall-parteċipanti Ewropej, li bħalissa huwa taħt l-10 %. L-Istati Membri għandhom il-prijoritajiet tagħhom fil-promozzjoni tal-industrija tagħhom iżda l-livell ta’ appoġġ meħtieġ għal din l-industrija imur lil hinn mir-riżorsi individwali tagħhom.

1.2       Xprunaturi tal-problema fl-implimentazzjoni

Iż-żewġ evalwazzjonijiet interim tal-JUs tal-ENIAC u ARTEMIS enfasizzaw kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati fl-istabbilment ta' JU ġdida sabiex tissaħħaħ u tittejjeb ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza, u l-kwalità tar-riċerka tagħha.

Strateġija Ewropea integrata f’komponenti u sistemi elettroniċi

It-tieni valutazzjoni interim irrakkomandat li l-JTIs jeħtieġu strateġija Ewropea tar-riċerka globali. Din l-istrateġija tkun qed tevita d-duplikazzjoni tal-isforzi, tippermetti l-iżvilupp ta’ ekosistema industrijali tal-komponenti u sistemi elettroniċi sostenibbli, u tipprovdi mezz effettiv biex il-partijiet interessati Ewropej iżżommu l-pass mat-teknoloġija, biex ikollhom aċċess għal komponenti avvanzati u biex tkun ikkonsolidata t-tmexxija fis-sistemi elettroniċi għal setturi ekonomiċi ewlenin.

Forniment ta' bażi legali għal implimentazzjoni aktar effiċjenti

Iż-żewġ evalwazzjonijiet interim irrakkomandaw l-implimentazzjoni tal-JTI futura fuq bażi legali li tkun sinkronizzata aħjar mal-ispeċifiċitajiet tas-sħubijiet pubbliċi-privati bi spejjeż amministrattivi eħfef u aktar flessibbiltà.

Governanza mtejba u ppjanar strateġiku

Iż-żewġ evalwazzjonijiet interim osservaw li l-Bord ta’ Tmexxija jaħli wisq ħin fuq monitoraġġ operattiv u ftit wisq ħin jiddiskuti l-kwistjonijiet strateġiċi. Il-piż amministrattiv għandu jitnaqqas sabiex jattira l-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti tal-industrija ta' livell għoli.

Impenn imsaħħaħ u allinjament mal-prijoritajiet tal-Istati Membri

Iż-żewġ evalwazzjonijiet interim irrakkomandaw li l-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom għal sistema ta’ finanzjament pluriennali. Din tkun tippermetti l-istabbilment ta’ aġenda strateġika u tippermetti lill-partijiet interessati biex jippjanaw minn qabel. Dan tal-aħħar huwa essenzjali meta wieħed jikkunsidra d-daqs tal-investimenti u l-bżonn ta' riċerka sostnuta fuq perjodu itwal ta’ żmien.

Armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni

L-evalwazzjonijiet interim enfasizzaw il-ħtieġa għall-armonizzazzjoni bejn il-proċeduri u l-kriterji nazzjonali bejn l-Istati Membri parteċipanti. Ir-regoli ta’ parteċipazzjoni tal-Istat Membri, ir-rati ta’ finanzjament u l-proċeduri għandhom jiġu armonizzati u sinkronizzati kull fejn ikun possibbli.

Operazzjonijiet simplifikati inkluż monitoraġġ u evalwazzjoni aħjar

Iż-żewġ evalwazzjonijiet interim irrakkomandaw diversi rakkomandazzjonijiet dwar kif għandu jiġu simplifikati l-operazzjonijiet u jipprovdu għal monitoraġġ u evalwazzjoni aħjar. B’mod partikolari huwa rrakkomandat li l-evalwazzjoni u l-proċess tal-għażla għandhom jiġu riveduti biex ikun hemm tqabbil aħjar tal-portafoll tal-proġett mal-istrateġija globali.

2.         Analiżi tas-sussidjarjetà

Din l-inizjattiva Ewropea hija propost fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ Orizzont 2020:

'Impriżi Konġunti stabbiliti fl-FP7 skont l-Artikolu 187 tat-Trattat, li għalihom jista' jiġi pprovdut iktar appoġġ taħt il-kundizzjonijiet ta' hawn fuq huma : l-Inizjattiva dwar Mediċini Innovattivi (IMI), Clean Sky, l-Impriża Konġunta għall-iżvilupp tas-sistema Ewropea ta' ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR), Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu (FCH), u Sistemi tal-kompjuter inkorporati (ARTEMIS) u Nanoelettronika (ENIAC). L-aħħar tnejn jistgħu jingħaqdu f'inizjattiva waħda.

Huwa ċar li l-ebda Stat Membru ma jospita l-kumpaniji kollha meħtieġa biex jindirizzaw il-katina sħiħa ta’ kwalunkwe industrija tal-ikazzjoni li sserraħ fuq komponenti u s-sistemi elettroniċi. Permezz tan-natura kollaborattiva tagħha, l-inizjattiva tippermetti l-ħolqien ta’ konsorzji ma’ msieħba minn madwar l-Ewropa sabiex tieħu l-aħjar mill-ekosistema Ewropea u tnaqqas il-frammentazzjoni.

Il-JUs ARTEMIS u ENIAC preżenti pprovdew opportunità kbira ta' kooperazzjoni madwar l-Ewropa, biex tinħoloq massa kritika u ingranaġġ għall-investimenti. L-ewwel u t-tieni evalwazzjonijiet interim tagħhom irrakkomandaw ħafna it-tkomplija ta' inizjattiva simili taħt Orizzont 2020.

3.         Għanijiet

L-Ewropa trid tibqa’ fuq quddiem tal-iżvilupp tat-teknoloġija u timxi b’pass iktar mgħaġġel lejn l-isfruttament sabiex tkun kompetittiva. L-inizjattiva proposta hija l-pilastru ċentrali ta’ strateġija industrijali tal-UE għall-elettroniċi li timmira li treġġa’ lura din ix-xejra ta' deterjorament tas-sehem mis-suq tal-produzzjoni fl-Ewropa, fejn fis-seba’ snin li ġejjin se toħloq ammont addizzjonali ta’ 250 000 impjiegi fis-settur u tattira aktar minn EUR 100 biljun ta’ investiment privat addizzjonali fl-innovazzjoni u l-produzzjoni fil-qasam[1]. F’aktar dettall, il-miri ta’ din l-inizjattiva huma:

· biex tikkontribwixxi għall-iżvilupp fl-Unjoni ta’ industrija ta' komponenti u sistemi elettroniċi b’saħħithom u kompetittivi globalment;

· biex tiżgura d-disponibilità ta’ komponenti u sistemi elettroniċi għal swieq ewlenin u biex tindirizza l-isfidi tas-soċjetà, billi timmira biex l-Ewropa tibqa' fuq quddiem nett tal-iżviluppi tat-teknoloġija, tnaqqas id-distakk bejn ir-riċerka u l-isfruttament, issaħħaħ il-kapaċitajiet tal-innovazzjoni u toħoloq tkabbir ekonomiku u tal-impjiegi fl-Unjoni;

· biex tallinja l-istrateġiji mal-Istati Membri biex jattiraw l-investiment privat u jikkontribwixxu għal finanzi pubbliċi sodi billi jevitaw id-duplikazzjoni bla bżonn u l-frammentazzjoni tal-isforzi, u tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni għall-atturi involuti fir-riċerka u l-innovazzjoni;

· biex tinżamm u tikber il-kapaċità ta' sistema intelliġenti tal-manifattura tas-semikondutturi fl-Ewropa, inkluż it-tmexxija fit-tagħmir tal-manifattura u l-ipproċessar tal-materjali;

· biex tiżgura pożizzjoni ta' tmexxija fl-inġinerija tad-disinn u s-sistemi inkluż it-teknoloġiji inkorporati;

· biex tipprovdi aċċess għall-partijiet interessati għal infrastruttura mill-aqwa fid-dinja għad-disinn u l-manifattura ta’ komponenti elettroniċi u integrati u sistemi intelliġenti;

· biex tibni ekosistema dinamika li tinvolvi impriżi innovattivi żgħar u medji (SMEs), issaħħaħ ir-raggruppamenti eżistenti u trawwem il-ħolqien ta’ raggruppamenti ġodda f’oqsma ġodda promettenti.

L-inizjattiva għalhekk timmira (i) li tinħoloq massa kritika ta’ investiment pubbliku u privat fil-livell tal-UE, (ii) li tnaqqas id-distakk ta' 'l hekk imsejjaħ ‘wied tal-mewt’ mir-riċerka sas-suq billi tiffaċilita l-iżvilupp tar-riċerka t-teknoloġija multidixxiplinari fil-katina sħiħa tal-innovazzjoni, li tkopri l-Livelli tat-Tlestija tat-Teknoloġija 2 sa 8, inkluż il-linji pilota u l-esperimenti tal-applikazzjoni fuq skala kbira, u (iii) li ġġib flimkien l-atturi fil-katini tal-valur u l-innovazzjoni, inkluż l-utenti u l-SMEs, biex jindirizzaw il-kumplessità inerenti fid-disinn u l-manifattura ta’ komponenti u sistemi elettroniċi.

4.         Għażliet ta’ politika

Ġew ivvalutati ħames alternattivi għall-implimentazzjoni tal-JTI dwar il-komponenti u s-sistemi elettroniċi:

· (a) Niddependu fuq l-inizjattivi eżistenti tal-ENIAC u ARTEMIS billi nħeddu u nadattaw il-mandat tagħhom fil-kuntest il-ġdid ta' Orizzont 2020;

· (b) Inwettqu l-attivitajiet ippjanati mingħajr PPP ddedikata billi nużaw il-prattiċi standard li japplikaw għall-proġetti kollaborattivi taħt Orizzont 2020;

· Invaraw PPP unika ġdida li tieħu post ENIAC u ARTEMIS, li tista' tkun fil-forma ta’:

· (c) PPP kuntrattwali (mingħajr entità legali dedikata);

· (d) PPP instituzzjonali bipartit (entità legali apposta mingħajr parteċipazzjoni tal-Istati Membri);

· (e) PPP instituzzjonali tripartit (entità legali appostabil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri).

Żewġ għażliet ġew skartati: “l-ebda azzjoni” (jiġifieri l-waqfien tal-appoġġ pubbliku kollu fil-livell tal-UE f’dan il-qasam), u ‘stralċ bikri tal-JTIs eżistenti” (jiġifieri l-waqfien tal-JUs ARTEMIS u ENIAC qabel it-tmiem tal-ħajja normali tagħhom fl-2017).

5.         Valutazzjoni tal-impatti

L-impatt ekonomiku jkopri:

· Il-kompetittività, il-kummerċ u l-aspetti tal-investiment — l-effett ta’ lieva tal-inizjattiva dwar fondi pubbliċi u privatċ, l-iskala tal-investiment u l-massa kritika, il-potenzjal għall-kooperazzjoni u t-tnaqqis tad-distakk mill-iżvilupp tat-teknoloġija sas-suq;

· Riċerka u innovazzjoni — sinerġija mal-prijoritajiet industrijali u nazzjonali, sal-limitu fejn l-inizjattiva se trawwem l-eċċellenza, li tiffaċilita l-progress lejn Żona Ewropea tar-Riċerka;

· Partijiet interessati — industrija — fornituri tat-teknoloġija u l-utenti inkluż SMEs, RTOs u universitajiet, l-UE, l-Istati Membri u r-reġjuni, u ċ-ċittadin/konsumatur li għandu jibbenefika mill-inizjattiva.

L-impatt tas-soċjetà jeżamina:

· L-impjiegi — marbuta mal-impatt ekonomiku. Is-setturi industrijali indirizzati mill-inizjattiva huma impjegatur dirett maġġuri ta’ persuni tekniċi b'ħiliet kbar;

· Il-potenzjal biex tindirizza l-isfidi tas-soċjetà f’dominji rilevanti għaċ-ċittadini tal-Ewropa (eż. it-trasport, is-saħħa, l-enerġija) - l-iżvilupp u l-użu ta’ komponenti u sistemi elettroniċi huwa kruċjali għal dawk l-ixprunaturi tas-soċjetà.

L-impatt ambjentali jirrelata prinċipalment mat-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija.

Kontribuzzjoni tal-UE ta' EUR 1.2 biljun tkun qed tillieva programm globali ta' investiment ta' madwar EUR 8 biljun sal-2020. Dan ikun parti sinifikanti tal-investiment globali mħabbar mill-industrija. L-ispiża amministrattiva għall-UE tkun fil-firxa ta’ 2 % tal-kontribuzzjoni operattiva tagħha.

6.         Tqabbil tal-għażliet

Qed jiġu ppreżentati tlett livelli interkonnessi ta’ tqabbil tal-għażliet.

L-ewwel livell jikkonċerna l-merti relattivi tal-ħames għażliet meta mqabbla mal-għażla tal-linja bażi (a) fit-tlett assi tal-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza.

|| Għanijiet || Għażla (b) || Għażla (c) || Għażla (d) || Għażla (e)

Effettività || 1.1 Tħeġġiġ tal-kompetittività || - || + || + || +

1.2 Kopertura tal-innovazzjoni u l-katina tal-valur || - || + || + || +

1.3 Soluzzjoni għall-isfidi tas-soċjetà u l-ħolqien ta' swieq ġodda || - || - || = || +

3.1 Żamma u tkabbir tal-manifattura fl-UE || - || - || - || +

3.2 Tmexxija fl-E&M || - || - || - || =

4.1 Disponibbilità tal-kompenenti elettroniċi || - || - || = || +

4.2 Tmexxija fl-inġenerija tas-sistema || - || = || + || +

Effiċjenza || 2.1 Strutturar u twettiq ta' riċerka multidixxiplinarja eċċellenti || = || = || + || +

2.3 Mobilizzazzjoni u kondiviżjoni tar-riżorsi || - || - || - || +

5.2 Implimentazzjoni effiċjenti tal-programm || + || = || + || +

5.3 Sinerġiji għall-isfruttament tar-riżultati u trawwim tat-tkabbir tal-SMEs || - || - || + || +

5.4. Iffaċilitar għall-parteċipazzjoni fil-proġetti b'dimensjoni Ewropea b'saħħitha || + || + || + || =

5.6 Kooperazzjoni u koordinazzjoni mal-partijiet interessati || - || = || + || +

Koerenza || 2.2. Allinjament tal-istrateġiji || - || = || = || +

3.3 Appoġġ għal TRLs għoljin || - || - || - || +

5.1 Iffissar tar-riċerka strateġika u l-aġenda tal-innovazzjoni || - || = || + || +

5.5. Aċċess għall-infrastruttura tad-disinn u l-manifattura || - || = || + || +

5.7 Żamma tal-ħiliet umani || = || = || = || =

It-tieni jikkonċerna l-kriterji elenkati fil-proposta għal Orizzont 2020 biex jidentifika l-PPPs:

· Għażliet (a) u (e) joffru l-ikbar valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE (l-iktar koerenza);

· L-għażla (e) għandha l-iskala tal-impatt fuq il-kompetittività industrijali, it-tkabbir sostenibbli u l-kwistjonijiet soċjoekonomiċi (l-aktar effettività) l-iktar b'saħħitha;

· L-għażliet (a) u (e) juru l-aqwa impenn fit-tul mill-imsieħba kollha dwar viżjoni kondiviża u għanijiet definiti b’mod ċar (l-aktar effettività u koerenza);

· L-għażla (e) hija l-iskala tar-riżorsi involuti u l-abbiltà ta' lieva għall-investimenti addizzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni (l-aktar effiċjenti) l-iktar b’saħħitha;

· L-għażliet (c), (d) u (e) jippermettu definizzjoni ċara tar-rwoli għal kull wieħed mill-imsieħba (l-aktar effiċjenza u koerenza).

It-tielet livell jikkonċerna l-għażliet fid-dawl tat-titjib identifikat fl-evalwazzjonijiet interim.

|| Għażla (b) || Għażla (c) || Għażla (d) || Għażla (e)

Strateġija Ewropea integrata || - || - || + || +

Possibbiltà ta' implimentazzjoni aktar effiċjenti || - || = || = || +

Governanza mtejba u ppjanar strateġiku || - || - || + || +

Impenn imsaħħaħ u allinjament mal-prijoritajiet tal-Istati Membri || - || - || - || =

Armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni || = || + || + || =

Operazzjonijiet simplifikati inkluż monitoraġġ u evalwazzjoni aħjar || = || = || + || +

Bħala konklużjoni, l-għażla ppreferuta għall-kisba tal-massa kritika and introjtu għoli fuq l-investiment hija (e) "Implimentazzjoni ta' Sħubija Pubblika Privata istituzzjonali Tripartitika', jiġifieri sħubija bbażata fuq pjan direzzjonali għar-R&Ż&I b'kamp ta' applikazzjoni mill-komponenti għas-sistema, kondiviżjoni tar-riżorsi biex jappoġġaw għadd sinifikanti ta' azzjonijiet fuq skala kbira li jgħaddu min-naħa għall-oħra tal-wied tal-mewt, u allinjament tal-istrateġiji u finanzjament (rejonali, nazzjonali u fil-livell tal-UE).

L-għażla (e) għandha tiġi implimentata permezz tal-istabbilment ta' entità legali ġdida skont l-Artikolu 187 tat-TFUE. Din tista’ tkun fil-forma ta’ ‘korp tal-PPP” skont il-mudell tar-Regolament Finanzjarju għal korpi tal-PPP imsemmija fl-Artikolu 209 tar-Regoli Finanzjarji, inkarigati bil-ġestjoni indiretta skont l-Artikolu 58.1(c)(iv). Din tkun qed tieħu f’idejha d-drittijiet u l-obbligi kollha tal-JUs preżenti ARTEMIS u ENIAC.

7          Evalwazzjoni u monitoraġġ

Se jiġu organizzati tlett livelli ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ.

Fil-livell tal-inizjattiva, il-Kummissjoni se twettaq evalwazzjoni ta’ nofs it-term u oħra finali tal-JU bl-għajnuna ta’ esperti indipendenti. Dawn l-evalwazzjonijiet se jħarsu lejn il-progress biex jintlaħqu l-għanijiet strateġiċi, l-effiċjenza/effettività tal-implimentazzjoni u l-impenn tal-membri privati fil-proġetti kif ukoll lil hinn minnhom. Il-Kummissjoni se tinnotifika lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar il-konklużjonijiet.

Fil-livell ta’ proġetti, se jitwaqqaf mekkaniżmu biex ikejjel il-progress u l-kwalità ta’ kull proġett. Barra minn hekk, l-użu u d-disseminazzjoni tar-riżultati se jkunu immonitorjati matul u wara li jispiċċa l-proġett, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-panil tat-tieni evalwazzjoni interim. Il-progress lejn is-sett ta’ għanijiet tal-JTI kif identifikati hawn fuq se jkunu mmonitorjati kull sena fi tqabbil ma' sett ta’ Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni (KPI) kif ġie identifikat fil-valutazzjoni tal-impatt.

Il-kontijiet tal-JU se jiġu eżaminati kull sena minn korp tal-awditjar indipendenti. Il-kapaċità operattiva tal-JU se tiġi vvalutata wkoll kull sena abbażi ta' rapport mid-Direttur Eżekuttiv, fi tqabbil ma' xi seba’ KPIs kif ġie identifikat fil-valutazzjoni tal-impatt.

Barra minn hekk, il-monitoraġġ kwalitattiv se jitwettaq fuq aspetti importanti oħra bħal:

· Il-ftuħ u t-trasparenza tal-proċeduri;

· Koordinazzjoni bejn il-JTI, inizjattivi oħra tal-UE, u azzjonijiet nazzjonali u reġjonali;

· Evitar ta' kunflitt ta' interess;

· Verifika finanzjarja;

· Monitoraġġ ta’ governanza tajba.

[1]               Kif imħabbar mill-industrija għall-isħubija proposta.