Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fil-Kroazja /* COM/2013/0903 final - 2013/0437 (NLE) */
2013/0437 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-eżistenza ta' defiċit
eċċessiv fil-Kroazja IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra
t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari
l-Artikolu 126(6) tiegħu, Wara li kkunsidra
l-proposta mill-Kummissjoni, Wara li kkunsidra
l-osservazzjonijiet magħmula mill-Kroazja, Billi: (1) Skont l-Artikolu 126
tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Istati Membri
għandhom jevitaw li jkollhom defiċits eċċessivi tal-gvern. (2) Il-Patt ta' Stabbiltà u
Tkabbir (PST) huwa bbażat fuq l-objettiv ta' finanzi tal-gvern sodi
bħala mezz ta' tisħiħ tal-kundizzjonijiet għall-istabbità
tal-prezzijiet u għal tkabbir qawwi sostenibbli li jwassal għall-ħolqien
tal-impjiegi. (3) Il-proċedura ta'
defiċit eċċessiv (PDE) taħt l-Artikolu 126 TFUE, kif
kjarifikata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 dwar li
titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni
tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv[1] (li tagħmel parti
mill-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir) tipprovdi għal deċiżjoni dwar
l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv. Il-Protokoll dwar
il-proċedura ta' defiċit eċċessiv anness mat-Trattat
jistipula dispożizzjonijiet ulterjuri relatati mal-implimentazzjoni
tal-PDE. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009[2] jistipula regoli u
definizzjonijiet dettaljati għall-applikazzjoni tad-dispożizzjoni ta'
dan il-Protokoll. (4) Skont l-Artikolu 126(5)
TFUE, jekk il-Kummissjoni tqis li jkun jeżisti, jew li jista' jkun hemm,
defiċit eċċessiv fi Stat Membru, hija għandha tindirizza
opinjoni lill-Istat Membru kkonċernat u lill-Kunsill kif jixraq. Wara li
kkunsidrat ir-rapport tagħha skont l-Artikolu 126(3) TFUE u wara li
kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju skont l-Artikolu 126(4)
TFUE, il-Kummissjoni kkonkludiet li jeżisti defiċit
eċċessiv fil-Kroazja. Il-Kummissjoni għaldaqstant indirizzat
tali opinjoni lill-Kroazja u infurmat lill-Kunsill
fl-10 ta' Diċembru 2013[3]. (5) L-Artikolu 126(6) TFUE
jiddikjara li l-Kunsill għandu jikkunsidra kull osservazzjoni li l-Istat
Membru kkonċernat ikun jixtieq jesprimi qabel ma jieħu
deċiżjoni, wara evalwazzjoni ġenerali, jekk ikunx jeżisti
defiċit eċċessiv. Fil-każ tal-Kroazja, din il-valutazzjoni ġenerali
twassal għall-konklużjonijiet li ġejjin. (6) Skont ir-reviżjoni
tal-baġit tal-2013 u l-abbozz tal-baġit tal-2014[4] adottati mill-gvern u
mibgħuta lill-Parlament fl-14 ta' Novembru 2013,
l-awtoritajiet Kroati jippjanaw defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ta'
5,5% tal-PDG għall-2013, wara 5% tal-PDG fl-2012, u jistennew li
l-proporzjon jibqa' l-istess fl-2014 u jonqos biss gradwalment fl-2015 u
fl-2016. It-tbassir tal-Ħarifa tal-2013 tal-Kummisssjoni, rilaxxat
fil-5 ta' Novembru, ibassar li d-defiċit tal-amministrazzjoni
pubblika se jkun b'mod sinifikanti 'l fuq mil-valur referenzjarju ta' 3%
tal-PDG fit-Trattat sa mill-2013, li jitla' 'l fuq minn 6% tal-PDG fil-perjodu
2013-2015 fin-nuqqas ta' miżuri kompensatorji. Kif indikat fir-rapport
tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 126(3) TFUE, id-defiċits ippjanati
u previsti huma 'il fuq u mhux viċin il-valur referenzjarju tat-Trattat.
L-eċċess fuq il-valur referenzjarju jista' jkun ikkonsidrat
bħala eċċezzjonali fis-sinifikat tal-PST. B'mod partikolari,
jirriżulta parzjalment minn tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku fis-sens
tal-PST. L-attivita ekonomika hija stmata li ċkienet bi kważi 12%
mill-quċċata li kienet laħqet fl-2008. Il-PDG reali huwa previst
li jkompli jonqos aktar fl-2013, bi rkupru żgħir mistenni biss
fl-2014. It-tkabbir fil-prodott potenzjali, kif stmat mis-servizzi
tal-Kummissjoni skont il-metodu maqbul komunement staġna fl-2009, sar
negattiv fl-2010, u baqa' negattiv minn dak iż-żmien 'l hawn.
Id-differenza kkalkulata fir-rendiment, li ilha negattiva mill-2009, hija
mistennija li tonqos gradwalment fuq il-perjodu tal-previżjoni iżda
tibqa' negattiva matul l-2015, li jikkonferma l-profondità u l-estensjoni
tar-riċessjoni. Madankollu, l-eċċess ippjanat fuq il-valur
referenzjajru ma jistax jitqies bħala temporanju fis-sens tal-PST. Skont
it-tbassir tal-awtoritajiet u t-tbassir tal-Ħarifa tal-2013
tal-Kummissjoni d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika se jibqa' b'mod
sinifikanti 'l fuq mill-valur referenzjajru fl-2014 u fl-2015 ukoll.
Ir-rekwiżit li jikkonċerna l-kriterju tad-defiċit tat-Trattat
għalhekk mhuwiex imwettaq. (7) Fl-abbozz tal-baġit
tal-2014, il-gvern ibassar żieda fil-proporzjon tad-dejn mal-PDG minn
58,1% fl-2013 għal 62% fl-2014 li jkompli tiela' għal 64,1% fl-2015 u
64,7% fl-2016. Dawn il-figuri huma kemmxejn ogħla minn dawk fil-Linji
Gwida Ekonomiċi u tal-Politika Fiskali ta' Settembru 2013, fejn
il-gvern ippreveda li l-proporzjon tad-dejn jilħaq 56,6% fl-2013, u 60,6%.
63,4% u 65,3% fl-2014, fl-2015 u fl-2016 rispettivament. Fit-tbassir
tal-Ħarifa tal-2013 tal-Kummissjoni, it-tbassir għall-proporzjon
tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika huwa 59,7% għall-2013. Dwar
politiki mhux mibdula, il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jitla' 'l fuq
minn 60% fl-2014, biex b'hekk jaqbeż is-60% tal-valur referenzjarju
tal-PDG fit-Trattat. Skont informazzjoni disponibbli bħalissa
l-ħruġ ta' bonds iddenominat f'USD f'Novembru 2013 iwassal
il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika biex jitla' 'il fuq
mil-limitu ta' 60% diġà sa mill-2013. L-Artikolu 2(1a)
tar-Regolament 1467/97 jistipula li r-rekwiżit taħt il-kriterju
tad-dejn ikun ikkonsidrat ukoll bħala mwettaq jekk it-tbassir baġitarju
tal-Kummissjoni jindika li t-tnaqqis meħtieġ fil-valur differenzjali
fir-rigward tal-valur referenzjarju jseħħ matul il-perjodu ta' tliet
snin inklużi s-sentejn wara s-sena finali li għaliha jkun hemm dejta
disponibbli. It-tbassir tal-awtoritajiet u tal-Kummissjoni juri li l-proporzjon
tad-dejn ħa xejra 'l fuq minħabba defiċits għolja kontinwi
u attivita ekonomika dgħajfa u huwa mistenni jibqa' hekk sa fejn jista'
jkun previst. Għalhekk il-punt ta' riferiment tad-dejn u r-rekwiżit
tat-Trattat li jikkonċerna l-kriterju tad-dejn mhumiex imwettqa. (8) B'mod konformi
mad-dispożizzjonijiet fit-Trattat, il-Kummissjoni analizzat ukoll
"fatturi rilevanti" fir-rapport tagħha skont
l-Artikolu 126(3) TFUE. Kif speċifikat fl-Artikolu 2.4
tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, għal pajjiżi bi proporzjon tad-dejn
ogħla mill-valur referenzjajru, dawn il-fatturi jistgħu jiġu
kkunsidrati biss fil-passi li jwasslu għad-deċiżjoni dwar
il-konformità mal-kriterju tad-defiċit jekk id-defiċit
tal-amministrazzjoni pubblika jibqa' viċin tal-valur referenzjarju u jekk
l-eċċess tiegħu fuq il-valur referenzjarju huwa temporanju, li
mhuwiex il-każ għall-Kroazja. Dawn il-fatturi rilevanti, b'mod
partikolari r-riċessjoni profonda u fit-tul, kontra l-isfond ta'
kundizzjonijiet esterni li mhumiex ta' appoġġ, ittieħdu in
konsiderazzjoni fil-valutazzjoni ta' konformità mal-kriterju tad-dejn. Ma
jimmodifikawx il-konklużjoni li l-kriterju tad-dejn fit-Trattat mhuwiex
imwettaq, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Minn valutazzjoni
ġenerali jirriżulta li jeżisti defiċit eċċessiv
fil-Kroazja. Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata
lir-Repubblika tal-Kroazja. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6. [2] ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1-9. [3] Id-dokumenti kollha marbuta mal-PDE għall-Kroazja
jinsabu fil-websajt li ġejja:
http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/deficit/countries/croatia_en.htm. [4] L-abbozz tal-baġit mhuwiex ippreparat skont
il-metodoloġija tal-ESA 95. L-istimi tad-defiċit
għall-2009-2012 ibbażati fuq l-ESA95 huma bejn 1,5 u 3,3 punti
perċentwali ogħla minn dawk irrappurtati skont il-metodoloġija
nazzjonali. Id-differenzi prinċipalment joħorġu mill-fatt li
ċ-ċifri tad-defiċit skont l-ESA95 jinkludu ċerti pagamenti
ta' garanziji, assunzjonijiet tad-dejn u r-rimbors tad-dejn lill-pensjonanti.