52013PC0620

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid tal-ispeċijiet aljeni invażivi /* COM/2013/0620 final - 2013/0307 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

L-ispeċijiet aljeni invażivi (Invasive alien species - IAS) huma speċijiet li inizjalment jiġu ttrasportati permezz ta' azzjoni mill-bniedem barra mill-firxa naturali tagħhom madwar ostakli ekoloġiċi, u li mbagħad jibqgħu jgħixu, jirriproduċu u jinxterdu, u li għandhom impatti negattivi fuq l-ekoloġija tal-post il-ġdid tagħhom kif ukoll konsegwenzi serji fil-livell ekonomiku u soċjali. Ġie stmat li fost l-għadd ta' aktar minn 12 000 speċi aljena li tinsab fl-ambjent Ewropew, bejn 10 u 15 % irriproduċew u nxterdu, u kkawżaw ħsara ambjentali, ekonomika u soċjali.

L-impatt tal-IAS fuq il-bijodiversità huwa sinifikanti. L-IAS huma waħda mill-kawżi ewlenin, u li qed tkompli tikber, għat-telf tal-bijodiversità u l-estinzjoni tal-ispeċijiet. F'dak li għandu x'jaqsam mal-impatti soċjali u ekonomiċi, l-IAS jistgħu jkunu vetturi ta’ mard jew jikkawżaw problemi ta’ saħħa direttament (eż. l-ażma, id-dermatite u l-allerġiji). Jistgħu jagħmlu ħsara fl-infrastruttura u fil-faċilitajiet rikreattivi, ixekklu l-foresti jew jikkawżaw telf agrikolu, biex insemmu ftit mill-ħsarat li jistgħu jikkawżaw. Huwa stmat li l-IAS jiswew lill-Unjoni tal-anqas EUR 12-il biljun fis-sena u l-ispejjeż tal-ħsarat qed ikomplu jiżdiedu.

Bl-Istrateġija għall-Bijodiversità 2020, l-Unjoni impenjat ruħha li twaqqaf it-telf tal-bijodiversità sal-2020, f’konformità mal-impenji internazzjonali adottati mill-partijiet għall-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bijoloġika fl-2010 f’Nagoya, fil-Ġappun. Fil-fatt, il-problema tal-IAS mhijiex limitata fl-Ewropa, iżda tinsab madwar id-dinja. Għall-kuntrarju ta’ wħud mis-sħab kummerċjali tagħha, l-Unjoni Ewropea bħalissa m’għandhiex qafas komprensiv biex tindirizza t-theddidiet li jġibu magħhom l-IAS.

Qafas regolatorju

S’issa m’hemm l-ebda qafas tal-UE li jindirizza l-IAS b'mod komprensiv. Ftit mill-IAS huma indirizzati bil-leġiżlazzjoni tal-UE. L-aġenti ta’ mard u l-pesti tal-annimali u l-pjanti u l-prodotti tagħhom huma koperti rispettivament bir-reġim tas-saħħa tal-annimali (diversi Regolamenti u Direttivi) u bir-reġim tas-saħħa tal-pjanti (2000/29/KE). Ir-Regolament dwar il-Kummerċ ta' Flora u Fawna Selvaġġi (338/97) jistabbilixxi restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet ta' speċijiet fil-periklu, inklużi importazzjonijiet ta' seba' IAS. Ir-Regolament dwar l-użu ta' speċi aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura (708/2007) jindirizza r-rilaxx tal-ispeċijiet aljeni għall-iskopijiet tal-akkwakultura. Ir-Regolamenti dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1107/2009) u dwar il-prodotti bijoċidali (528/2012) jindirizzaw ir-rilaxx intenzjonat ta' mikroorganiżmi bħala prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jew prodotti bijoċidali rispettivament. Fl-aħħar nett, id-Direttiva dwar l-Għasafar (2009/147/KE) u d-Direttiva dwar il-Ħabitats (92/43/KEE), id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (2000/60/KE) u d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (2008/56/KE) jeħtieġu r-ristawr tal-kundizzjonijiet ekoloġiċi u jirreferu għall-ħtieġa li jitqiesu l-IAS. Madankollu, l-azzjoni eżistenti fil-livell tal-Unjoni ma tindirizzax il-maġġoranza tal-IAS.

L-Istati Membri qed jieħdu għadd ta' miżuri sabiex jindirizzaw l-IAS, iżda din it-tip ta' azzjoni tibqa' reattiva b'mod predominanti, tfittex li tnaqqas il-ħsara li diġà qed tiġi kkawżata mingħajr ma tikkunsidra biżżejjed il-prevenzjoni jew l-identifikazzjoni u r-rispons għal theddid ġdid. L-isforzi huma frammentati, b'nuqqasijiet sostanzjali fil-kopertura tal-ispeċijiet, u ħafna drabi mhumiex koordinati sew. L-IAS ma jirrispettawx il-fruntieri u jistgħu jinxterdu faċilment minn Stat Membru għal ieħor. Għalhekk, azzjoni meħuda fil-livell nazzjonali mhix biżżejjed biex tħares l-Unjoni mit-theddid ta' ċerti IAS. Barra minn hekk, dan l-approċċ frammentat jista' jwassal biex Stat Membru jiddgħajjef minħabba nuqqas ta' azzjoni fi Stati Membri ġirien. Apparti dan, ir-restrizzjonijiet differenti fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-IAS bejn l-Istati Membri huma ineffettivi ħafna għaliex l-ispeċijiet jistgħu jiġu ttrasportati jew jinxterdu madwar il-fruntieri tal-Unjoni faċilment. Barra minn hekk, dawn il-projbizzjonijiet differenzjati qed ixekklu l-moviment ħieles tal-prodotti fis-suq intern u l-kundizzjonijiet ma jibqgħux ekwi għas-setturi li jużaw jew jinnegozjaw l-ispeċijiet aljeni.

Analiżi tal-problema

L-IAS qed jiġu introdotti fl-Unjoni permezz ta' żewġ kanali: 1) ċerti speċijiet aljeni huma mixtieqa u jiġu introdotti fl-Unjoni intenzjonalment (eż. interessi kummerċjali, għanijiet ornamentali, annimali ta' kumpanija, kontroll bijoloġiku); 2) xi speċijiet aljeni jiġu introdotti b'mod mhux intenzjonat bħala kontaminanti ta' prodotti (kummerċ fi prodotti oħra) jew jistgħu jkunu qed jirkbu jew moħbija f'vetturi ta' trasport, jew jistgħu jiġu ttrasportati bla ħsieb mill-vjaġġaturi. Xi IAS jistgħu jivvjaġġaw anke pemezz tal-infrastruttura tat-trasport (eż. il-kanal Danubju-Main).

L-IAS jaffettwaw in-negozji, iċ-ċittadini, l-awtoritajiet pubbliċi u l-ambjent. B'mod partikolari fil-każ ta' intrapriżi żgħar u mikrointrapriżi, l-IAS ta' spiss jaffettwaw il-produtturi primarji, it-trobbija tal-bhejjem, is-sajd, l-akkwakultura u l-forestrija, li bħala konsegwenza jbatu ħsara ekonomika konsiderevoli. Jiġu affettwati wkoll in-negozji marbuta mat-turiżmu u l-attivitajiet rikreattivi, li jiddependu minn pajsaġġi verġni, korpi tal-ilma nodfa u ekosistemi b'saħħithom. Minkejja dan, intrapriżi żgħar u mikrointrapriżi oħra, eż: il-kummerċjanti tal-annimali ta' kumpanija u tal-ispeċijiet otrikulturali, jibbenefikaw mill-IAS għaliex jibbażaw prinċipalment fuq il-kummerċ ta' speċijiet aljeni. L-IAS jaffettwaw ukoll is-soċjetà b'mod ġenerali, jikkawżaw telf fil-bijodiversità u jikkompromettu l-abbiltà li l-ekosistemi jipprovdu s-servizzi tagħhom. Barra minn hekk, dawn jistgħu jittrażmettu l-mard, jagħmlu ħsara lill-proprjetà u jaffettwaw il-wirt kulturali.

L-Istati Membri kollha qed jaffaċċjaw problemi kkawżati mill-IAS. Filwaqt li xi IAS jaffettwaw il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, oħrajn huma ta' problema f'ċerti reġjuni biss, jew f'ċerti kundizzjonijiet ekoloġiċi jew klimatiċi. Madankollu, l-IAS jinsabu fit-territorju ta' kull Stat Membru. L-impatti tal-IAS huma rilevanti għall-Unjoni kollha u kull Stat Membru se jkun affettwat bl-istess mod mill-IAS, għalkemm fi żminijiet differenti u minn speċijiet differenti. Għalhekk, azzjoni koordinata li tindirizza l-IAS tkun ta' benefiċċju għall-Istati Membri kollha, filwaqt li b'mod ċar jinħtieġu sforzi mill-Istati Membri kollha.

Jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni biex tiġi indirizzata l-problema, din se tmur għall-agħar billi l-IAS ġodda jistabbilixxu lilhom infushom u dawk diġà stabbiliti jkomplu jinxterdu. Dan iwassal għal żieda fl-ispejjeż tal-ħsara u fl-ispejjeż tal-ġestjoni.

Għanijiet tal-proposta

Din il-proposta għandha l-għan li tindirizza l-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq billi tistabbilixxi qafas għal azzjoni ta' prevenzjoni, tnaqqis u mitigazzjoni tal-impatti negattivi tal-IAS fuq il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistemi. Barra minn hekk, se tfittex li tnaqqas il-ħsara ekonomika u soċjali. Dan se jintlaħaq permezz ta' miżuri li jiżguraw azzjoni koordinata, iffukar tar-riżorsi fuq speċijiet ta' prijorità u fuq iż-żieda fil-miżuri ta' prevenzjoni, skont l-approċċ tal-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bijoloġika u skont ir-reġimi tas-saħħa tal-pjanti u tal-annimali tal-Unjoni. F'termini prattiċi, il-proposta tfittex li tilħaq dawn l-għanijiet permezz ta' miżuri li jindirizzaw l-introduzzjoni intenzjonata tal-IAS fl-Unjoni u r-rilaxx intenzjonat tagħhom fl-ambjent, l-introduzzjoni u r-rilaxx mhux intenzjonati tal-IAS, il-ħtieġa li tiġi stabbilita sistema ta' twissija bikrija u rispons rapidu u l-ħtieġa li jkun ġestit it-tixrid tal-IAS madwar l-Unjoni.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Proċess ta’ konsultazzjoni

Fl-2008 il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Komunikazzjoni 'Lejn strateġija tal-UE dwar speċijiet invażivi (2008)' li tistabbilixxi l-każ għall-indirizz tal-IAS. Il-Komunikazzjoni tal-2010 'L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020' tipproponi azzjoni dwar l-IAS. Saru konsultazzjonijiet bir-reqqa qabel u wara ż-żewġ Komunikazzjonijiet.

Bejn l-2008 u l-2012 twettqu għadd ta' laqgħat ta' konsultazzjoni intensivi mill-partijiet interessati, li ġibdu l-medda sħiħa ta' partijiet interessati, mill-organizzazzjonijiet li jaħdmu favur il-konservazzjoni tan-natura sa operaturi fis-settur privat, inklużi organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) li n-negozju tagħhom jiddependi mill-ispeċijiet aljeni. Saru żewġ konsultazzjonijiet pubbliċi fuq l-internet; waħda fl-2008 u l-oħra fl-2012. Fl-2008 tlaqqa' grupp ta' ħidma magħmul mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-partijiet interessati u l-akkademiċi li pproduċa dokument ta' diskussjoni[1] li jlaqqa' flimkien l-aktar tagħrif riċenti u jiġbor fil-qosor l-opinjonijiet dwar il-kwistjonijiet ewlenin. Dan il-Grupp ta' Ħidma reġa' tlaqqa' u ġie organizzat mill-ġdid fi tliet gruppi ta' ħidma bejn l-2010 u l-2011, li fasslu l-għażliet tal-politika possibbli biex jiġu indirizzati l-prevenzjoni, it-twissija bikrija/ir-rispons rapidu u l-ġestjoni tal-ispeċijiet stabbiliti rispettivament. Fl-aħħar nett, saret laqgħa ta' konsultazzjoni bejn il-partijiet interessati f'Settembru tal-2010.

Il-ħidma tal-Kummissjoni dwar l-IAS kienet appoġġata minn diversi studji u riċerka esterni[2]. Barra minn hekk, l-analiżi kollha stabbilita fil-valutazzjoni tal-impatt twettqet abbażi ta' dejta xjentifika importanti, li fil-biċċa l-kbira nġabret minn artikli xjentifiċi evalwati bejn il-pari. It-tagħrif dwar l-ispiża tal-ħsara, it-tixrid tal-ispeċijiet u l-ispejjeż tal-miżuri eżistenti kien ipprovvdut jew ivverifikat mill-Istati Membri. Saru sforzi speċjali sabiex isir kuntatt dirett mal-partijiet interessati involuti f'din il-kwistjoni, inklużi dawk is-setturi li jistgħu jintlaqtu b'mod negattiv bl-introduzzjoni tal-miżuri li jindirizzaw il-problema tal-IAS. Fl-aħħar nett, l-aqwa esperti fid-dinja dwar l-IAS kemm mill-Unjoni u kemm minn barra l-Unjoni taw il-kontribut tagħhom fl-analiżi.

Valutazzjoni tal-impatt

Ġew identifikati diversi għażliet biex jindirizzaw il-kwistjoni tal-IAS, u b'mod partikolari biex jindirizzaw l-aspetti kollha li ġew identifikati tal-problema, iżda b'livell differenti ta' ambizzjoni.

Abbażi tar-reazzjonijiet mill-konsultazzjoni, kien identifikat għadd ta' livelli ta' ambizzjoni u intervent għal kull għan operattiv indikat fl-analiżi tal-problema, li wassal għal diversi għażliet sekondarji għat-tfassil tal-istrument leġiżlattiv. Stħarriġ li sar fil-bidu wassal biex jitwarrbu l-għażliet sekondarji li ma kinux fattibbli, jew sempliċement ma kinux effettivi daqs l-oħrajn. Għal kull għażla identifikata, kull għan operattiv kien indirizzat b'mod sistematiku, filwaqt li ġew proposti miżuri prattiċi li jindirizzaw l-IAS.

Apparti l-għażla bażika (l-għażla 0), li żżomm l-istatus quo, ġew identifikati l-għażliet li ġejjin:

Għażla 1 — Tisħiħ tal-kooperazzjoni u appoġġ għall-azzjoni volontarja: Din tinkludi l-iżvilupp ta' linji gwida, kodiċijiet tal-imġiba settorjali u kampanji edukattivi u ta' sensibilizzazzjoni oħrajn. Din l-għażla tfittex ukoll li tħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-istabbiliment ta' sistema ta' twissija bikrija u rispons rapidu. Il-Kummissjoni tista' tippromvowi l-inizjattivi eżistenti f'dan il-qasam permezz ta' kampanji ta' komunikazzjoni.

Għażla 2.1 — Strument leġiżlattiv bażiku: Din tinvolvi għadd ta' obbligi legali li jipprojbixxu l-importazzjoni, iż-żamma, il-bejgħ, ix-xiri u l-iskambji ta' ċerti IAS elenkati bħala IAS li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni. Obbligi oħra huma marbuta mar-rilaxx ta' IAS li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni fl-ambjent, ir-rispons rapidu għall-IAS ġodda li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni u li jkunu qed jistabbilixxu lilhom infushom u l-ġestjoni tat-tixrid vast tal-IAS li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni.

Għażla 2.2 — Strument leġiżlattiv bażiku + permess għar-rilaxx ta' IAS li huma sors ta' tħassib għall-Istati Membri: Din l-għażla tmur lil hinn mil-lista ta' IAS li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni f'dak li għandu x'jaqsam mar-rilaxx fl-ambjent, peress li tirrekjedi permess għall-IAS li huma sors ta' tħassib għall-Istati Membri.

Għażla 2.3 — Strument leġiżlattiv bażiku + projbizzjoni ġenerali stretta fuq ir-rilaxx ta' speċijiet aljeni, diment li ma jinstabx li mhumiex ta' ħsara: Din l-għażla tmur lil hinn mil-lista ta' IAS li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni f'dak li għandu x'jaqsam mar-rilaxx fl-ambjent billi tipprojbixxi r-rilaxx ta' kwalunkwe speċi aljena diment li din ma tkunx inkluża f'lista tal-Unjoni ta' speċijiet aljeni approvati għar-rilaxx.

Għażla 2.4 — Strument leġiżlattiv bażiku + obbligu li jinqerdu rapidament l-IAS il-ġodda li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni li jkunu qed jistabbilixxu lilhom infushom: F'dak li għandu x'jaqsam mar-rispons rapidu, b'din l-għażla l-Istati Membri m'għandhomx għażla iżda obbligu li jeqirdu malajr kwalunkwe IAS ġdida li hija sors ta' tħassib għall-Unjoni li tkun qed tistabbilixxi lilha nnifisha u jxerrdu t-tagħrif. Huwa possibbli li jkun hemm xi derogi jekk ikunu approvati mill-Kummissjoni.

Inżammet l-għażla 2.4 li tinforma din il-proposta.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Bażi legali

Il-bażi legali ta' din il-proposta hija l-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jimplimenta l-għanijiet tal-UE li tippreserva, tipproteġi u ttejjeb il-kwalità tal-ambjent, tipproteġi s-saħħa tal-bniedem, tiżgura utilizzazzjoni razzjonali u prudenti tar-riżorsi naturali u tippromwovi miżuri li jindirizzaw problemi ambjentali reġjonali jew dinjija.

Sussidjarjetà

Azzjoni fil-livell tal-Unjoni hija meħtieġa għaliex il-problemi tal-IAS qed jiżdiedu u huma ta' natura transfruntiera. Fid-dawl tan-nuqqas ta' azzjoni fil-livell tal-Unjoni, l-Istati Membri qed idaħħlu fis-seħħ miżuri biex ilaħħqu mal-problema fil-livell nazzjonali. Qed jinvestu r-riżorsi u l-isforzi fil-qerda ta' IAS li jagħmlu l-ħsara iżda dawn l-isforzi jistgħu jiddgħajfu b'nuqqas ta' azzjoni fi Stat Membru ġar li l-ispeċi tkun preżenti fih ukoll. Bl-istess mod, m'hemm l-ebda azzjoni koordinata tal-Unjoni biex tiżgura li, fejn l-IAS jidħlu għall-ewwel darba fl-Unjoni, l-Istati Membri jieħdu miżuri fil-pront għall-benefiċċju tal-Istati Membri l-oħra li ma jkunux għadhom ġew affettwati. Barra minn hekk, irid jitqies ukoll il-ħarsien tas-suq intern u tal-moviment ħieles tal-prodotti. Approċċ koordinat se jiżgura wkoll ċarezza legali u kundizzjonijiet ekwi għal dawk is-setturi li jużaw jew jinnegozjaw l-ispeċijiet aljeni filwaqt li jevita l-frammentazzjoni tas-suq intern minħabba restrizzjonijiet varji fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-IAS bejn l-Istati Membri.

L-isforzi kurrenti huma frammentati u inkonsistenti ħafna b'nuqqasijiet konsiderevoli fil-politika. Dawn iwasslu għal ineffettività u ma jsolvux il-problema tal-IAS. Se tkun tinħtieġ taħlita ta' miżuri tal-Unjoni u miżuri nazzjonali, reġjonali u lokali, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Madankollu, approċċ koerenti fil-livell tal-Unjoni se jżid l-effettività tal-miżuri.

Prinċipji ta' gwida

Din il-proposta tipproponi miżuri abbażi tal-prinċipji gwida li ġejjin:

Il-prijoritizzazzjoni — Hemm 'il fuq minn 12 000 speċi aljena fl-UE li minnhom bejn 10 u 15% jagħmlu l-ħsara (dan ifisser bejn 1200 u 1800 speċi aljena invażiva) u oħrajn ġodda jibqgħu ġejjin. Hemm ambitu wiesa' għal approċċ prijoritizzat u proporzjonat, li jżid fuq l-isforżi eżistenti għaż-żieda fl-effiċjenza u fl-effettività tal-azzjoni kurrenti.

Il-bidla lejn il-prevenzjoni — Il-prevenzjoni hija magħrufa internazzjonalment bħala l-iktar metodu effettiv sabiex tiġi evitata l-problema tal-IAS. Jinħtieġ li l-miżuri li jiffukaw fuq il-prevenzjoni jkunu akkumpanjati minn sistema ta' twissija bikrija effettiva biex tittieħed azzjoni fil-pront fuq l-ispeċijiet li jaħarbu l-miżuri ta' prevenzjoni.

Nibnu fuq sistemi eżistenti — Fl-Unjoni diġà qed issir ħidma siewja kemm fil-livell nazzjonali u kemm fil-livell tal-Unjoni. Din il-proposta hija intenzjonata li żżid kemm jista' jkun l-effiċjenza tas-sistema u li tagħmel użu sħiħ minn dak li jeżisti diġà.

L-approċċ gradwali u progressiv — L-Istati Membri jeħtieġu ċertezza u assigurazzjoni legali dwar il-limitu u l-ispejjeż tal-azzjonijiet li huma mistennija jieħdu. Għaldaqstant, din il-proposta tinkludi prijoritizzazzjoni tal-ispeċijiet aljeni invażivi abbażi ta' lista ta' kriterji stretti ħafna, kif ukoll limitu massimu inizjali għall-għadd ta' speċijiet ta' prijorità li jammonta għall-ewwel 3% minn madwar 1500 speċi aljena invażiva fl-Ewropa. Minbarra dan, il-klawżola ta' analiżi se tippermetti l-iżvilupp ta' sistema progressiva u tibni fuq l-esperjenza li nkisbet diġà. Kwalunkwe żieda fil-lista ta' speċijiet li huma sors ta' tħassib għall-UE se titwettaq biss wara li ssir din l-analiżi.

Għanijiet tal-proposta

Kapitolu I — Dispożizzjonijiet ġenerali. Din it-taqsima tistabbilixxi s-suġġett, il-kamp ta' applikazzjoni u l-obbligu bażiku tal-proposta. Tipprovdi wkoll l-għodod għall-prijoritizzazzjoni tal-IAS li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni biex tippermetti li r-riżorsi tal-Unjoni jkunu prijoritizzati abbażi tar-riskju u ta' evidenza xjentifika.

Kapitolu II — Prevenzjoni. Din it-taqsima tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni tal-IAS fl-Unjoni u tal-introduzzjoni jew ir-rilaxx tal-IAS fl-ambjent.

Kapitolu III — Identifikazzjoni bikrija u qerda rapida. Din it-taqsima tistabbilixxi l-għodod li jiżguraw li l-IAS li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni jkunu identifikati minn kmieni fl-ambjent u fil-fruntieri tal-Unjoni u tiddeskrivi l-miżuri li jiġu xprunati meta jiġu identifikati l-IAS.

Kapitolu IV — Ġestjoni tal-IAS li nxterdu ħafna. Din it-taqsima tistabbilixxi l-obbligi meħtieġa biex jiġu indirizzati l-IAS li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni li diġà huma preżenti fl-Unjoni jew oħrajn ġodda li jkunu ħarbu l-miżuri ta' prevenzjoni u l-miżuri ta' identifikazzjoni bikrija u jkun irnexxielhom jinxterdu ħafna.

Kapitolu V — Dispożizzjonijiet finali Din it-taqsima tistabbilixxi l-obbligi tar-rappurtar u l-għodod legali meħtieġa li jiżguraw l-implimentazzjoni, l-infurzar u l-analiżi tal-miżuri proposti.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Se jkun hemm biss xi implikazzjoni finanzjarja limitata li se tiġi ffinanzjata skont l-Intestatura 5 tal-Qafas ta' Finanzjament Pluriennali 2014-2020 għall-Kumitat skont l-Artikolu 22. Ara l-Iskeda Finanzjarja mehmuża.

2013/0307 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid tal-ispeċijiet aljeni invażivi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[3]

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[4],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Il-feġġ ta' speċijiet aljeni, kemm jekk annimali, pjanti, fungi jew mikroorganiżmi, f'postijiet ġodda mhux dejjem hija kawża ta' tħassib. Madankollu, għadd importanti ta' speċijiet aljeni jista' jsir invażiv u jkollu impatti negattivi serji fuq il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema, kif ukoll impatti ekonomiċi u soċjali, li għandhom jiġu evitati. Madwar 12 000 speċi fl-ambjent tal-Unjoni u ta' pajjiżi Ewropej oħra hija aljena, u minnhom huwa stmat li madwar 10 sa 15% huma invażivi.

(2)       L-ispeċijiet aljeni invażivi jirrappreżentaw waħda mit-theddidiet ewlenin għall-bijodiversità u għas-servizzi tal-ekosistema, speċjalment f'ekosistemi iżolati mil-lat ġeografiku u mil-lat evoluzzjonarju, bħalma huma l-gżejjer żgħar, u r-risjki imposti minn dawn l-ispeċijiet jistgħu jkunu akbar minħabba ż-żieda fil-kummerċ globali, fit-trasport u fit-tibdil fil-klima.

(3)       It-theddida imposta mill-ispeċijiet aljeni invażivi għall-bijodiversità u għas-servizzi tal-ekosistema tista' tieħu xejriet differenti bħall-impatt serju fuq l-ispeċijiet nattivi u l-istruttura u l-funzjoni tal-ekosistema billi tibdel il-ħabitat, il-predazzjoni, il-kompetizzjoni, it-trażmissjoni tal-mard, tissostitwixxi l-ispeċijiet nattivi f'parti konsiderevoli tal-medda u bl-effetti ġenetiċi tal-ibridazzjoni. Barra minn hekk, l-ispeċijiet aljeni invażivi jista' jkollhom ukoll impatti negattivi konsiderevoli fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ekonomija. Huma biss il-kampjuni ħajjin, jew partijiet li jistgħu jirriproduċu li jirrappreżentaw theddida għall-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema, is-saħħa tal-bniedem jew l-ekonomija.

(4)       L-Unjoni, bħala parti mill-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bijoloġika, approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/626/KEE[5], hija marbuta bid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(h) tagħha, li skonthom il-Partijiet għandhom, kemm jista' jkun u fejn xieraq, 'jilqgħu l-introduzzjoni ta', jikkontrollaw jew jeqirdu dawk l-ispeċijiet aljeni li jheddu l-ekosistemi, il-ħabitats jew l-ispeċijiet'.

(5)       L-Unjoni, bħala parti mill-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni ta' Annimali Slavaġ u Ambjenti Naturali Ewropej (il-Konvenzjoni ta' Berna), approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/72/KEE[6], ħadet l-impenn li tieħu l-miżuri xierqa kollha biex tiżgura l-konservazzjoni tal-ħabitats tal-ispeċijiet ta' flora u fawna selvaġġi.

(6)       Sabiex tkun appoġġata l-kisba tal-għanijiet tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi[7], id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa[8], id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina)[9] u d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma[10], l-għan ewlieni ta' dan ir-Regolament għandu jkun il-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-mitigazzjoni tal-effetti negattivi tal-ispeċijiet aljeni invażivi fuq il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema, kif ukoll it-tnaqqis tal-impatt ekonomiku u soċjali tagħhom.

(7)       Xi speċijiet jemigraw b'mod naturali bħala rispons għal bidliet ambjentali. Għaldaqstant dawn m'għandhomx jitqiesu bħala speċijiet aljeni fl-ambjent il-ġdid tagħhom u għalhekk huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli l-ġodda dwar l-ispeċijiet aljeni invażivi.

(8)       Fil-livell tal-Unjoni, il-proposta għal Regolament ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Saħħa tal-Annimali[11] tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-mard tal-annimali, u r-Regolament il-ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti [12]jistipula regoli għall-pesti tal-pjanti, u d-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE[13] tistabbilixxi reġim applikabbli għall-organiżmi modifikati ġenetikament. Għaldaqstant, ir-regoli l-ġodda dwar l-ispeċijiet aljeni invażivi għandhom ikunu skont dawn l-atti tal-Unjoni mhux jidduplikawhom u m'għandhomx japplikaw għall-organiżmi fil-mira ta' dawk l-atti.

(9)       Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 tal-11 ta' Ġunju 2007 dwar l-użu ta' speċi aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura[14], ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali[15] u r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE[16] jistipulaw regoli dwar l-awtorizzazzjoni għall-użu ta' ċerti speċijiet aljeni għal skopijiet partikolari. L-użu ta' xi speċijiet diġà kien awtorizzat skont dawk ir-reġimi meta daħlu fis-seħħ dawn ir-regoli l-ġodda peress li dawn ma jimponux riskji inaċċettabbli għall-ambjent, is-saħħa tal-bniedem u l-ekonomija. Għalhekk, sabiex ikun żgurat qafas legali koerenti, dawk l-ispeċijiet għandhom jiġu esklużi mir-regoli l-ġodda.

(10)     Peress li l-għadd ta' speċijiet aljeni invażivi huwa kbir, huwa importanti li tingħata prijorità lil dawk l-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni. Għaldaqstant għandha tinġabar lista ta' dawn l-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni. Speċi aljena invażiva għandha titqies sors ta' tħassib għall-Unjoni jekk il-ħsara li tikkawża fl-Istati Membri milquta hija tant sinifikanti li tiġġustifika l-adozzjoni ta' miżuri ddedikati li l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom jestendi madwar l-Unjoni kollha, inkluż fi Stati Membri li ma jkunux għadhom intlaqtu jew li aktarx ma jintlaqtux. Sabiex tiżgura li l-għadd ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni jibqa' pproporzjonat, il-lista għandha tkun żviluppata skont approċċ gradwali u progressiv inkluż limitu massimu tal-għadd ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni ta' 3% minn madwar 1500 speċi aljena invażiva fl-Ewropa u tiffoka fuq dawk l-ispeċijiet li jikkawżaw jew li aktarx jikkawżaw ħsara ekonomika sinifikanti, inkluża dik li tirriżulta mit-telf tal-bijodiversità.

(11)     Il-kriterji għal-lista ta' speċijiet aljeni invażivi meqjusa bħala sors ta' tħassib għall-Unjoni huma l-istrument prinċipali għall-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli l-ġodda. Il-Kummissjoni se tagħmel l-aħjar li tista' biex tissottometti proposta għal-lista abbażi ta' dawk il-kriterji fi żmien sena mid-dħul fis-seħħ ta' din il-leġiżlazzjoni lill-Kumitat. Il-kriterji għandhom jinkludu valutazzjoni tar-riskju skont id-dispożizzjonijiet applikabbli skont il-Ftehimiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar it-tqegħid ta' restrizzjoni fil-kummerċ tal-ispeċijiet.

(12)     Sabiex tkun żgurata l-konformità mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u biex tkun żgurata l-applikazzjoni koerenti ta' dawn ir-regoli l-ġodda, għandhom jiġu stabbiliti kriterji komuni fit-twettiq tal-valutazzjoni tar-riskju. Fejn xieraq, dawk il-kriterji għandhom jużaw l-istandards nazzjonali u internazzjonali eżistenti u għandhom jiġbru flimkien aspetti differenti tal-karatteristiċi tal-ispeċijiet, ir-riskju u l-metodi tad-dħul fl-Unjoni, l-impatti negattivi fuq l-ekonomija, s-soċjetà u l-bijodiversità ta' dawn l-ispeċijiet, il-benefiċċji potenzjali tal-użu u l-ispejjeż tal-mitigazzjoni sabiex jitqabblu mal-impatti negattivi, kif ukoll tbassir kwantifikat tal-ispejjeż tal-ħsara ambjentali, ekonomika u soċjali fil-livell tal-Unjoni li juri l-importanza għall-Unjoni biex l-azzjoni tkun aktar ġustifikata. Sabiex is-sistema tkun żviluppata progressivament u tibni fuq l-esperjenza miksuba, l-approċċ ġenerali għandu jkun evalwat wara ħames snin.

(13)     Xi annimali aljeni invażivi huma inklużi fl-Anness B tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta' Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom[17], u l-importazzjoni tagħhom fl-Unjoni hija pprojbita għaliex ġie rikonoxxut il-karattru invażiv tagħhom u l-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni jkollha impatt negattiv fuq l-ispeċijiet nattivi. Dawn l-ispeċijiet huma: Callosciurus erythraeus, Sciurus carolinensis, Oxyura jamaicensis, Lithobates (Rana) catesbeianus, Sciurus niger, Chrysemys picta, Trachemys scripta elegans. Sabiex ikun żgurat qafas legali koerenti u regoli uniformi fil-livell tal-Unjoni dwar l-ispeċijiet aljeni invażivi, dawk l-annimali aljeni invażivi għandhom jitqiesu bħala kwistjoni ta' prijorità għal-lista bħala speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni.

(14)     B'mod ġenerali l-prevenzjoni hija mixtieqa aktar u hija aktar kost-effettiva mir-reazzjoni ta' wara l-fatt u għandha tingħata prijorità, u peress li l-ispeċijiet ġodda jistgħu jiġu introdotti kontinwament fl-Unjoni u l-ispeċijiet aljeni preżenti qed jinxterdu u jkabbru l-firxa tagħhom, hemm bżonn li jkun żgurat li l-lista ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni tkun riveduta kontinwament u tinżamm aġġornata.

(15)     Xi wħud mill-ispeċijiet li huma invażivi fl-Unjoni jistgħu ikunu nattivi f'xi Reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni jew viċe versa Fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Ir-reġjuni l-aktar imbiegħda: vantaġġ għall-Ewropa"[18] ġie rikonoxxut li l-bijodiversità eċċezzjonali tar-reġjuni l-aktar imbiegħda titlob l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' prevenzjoni u ta' ġestjoni tal-ispeċjiet aljeni invażivi ta' dawk ir-reġjuni kif iddefinit fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea billi titqies id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2010/718/UE tad-29 ta' Ottubru 2010 li timmodifika l-istatus tal-gżira ta’ Saint-Barthélemy fir-rigward tal-Unjoni Ewropea[19] u d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2012/419/UE tal-11 ta' Lulju 2012 li temenda l-istatus ta' Majott fir-rigward tal-Unjoni Ewropea[20]. Għaldaqstant id-dispożizzjonijiet kollha ta' dawn ir-regoli l-ġodda għandhom japplikaw għar-Reġjuni l-aktar Imbiegħda tal-Unjoni minbarra d-dispożizzjonijiet dwar l-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni li huma nattivi f'dawn ir-reġjuni. Apparti dan, sabiex tinżamm il-protezzjoni meħtieġa għall-bijodiversità ta' dawn ir-reġjuni, huwa neċessarju li l-Istat Membru kkonċernat ifassal listi speċifiċi ta' speċijiet aljeni invażivi għar-Reġjuni l-aktar Imbiegħda tiegħu li għalihom dawn ir-regoli l-ġodda għandhom japplikaw ukoll, biex jikkumplementaw il-lista ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni.

(16)     Ir-riski u t-tħassib li huma assoċjati mal-ispeċijiet aljeni invażivi jirrappreżentaw sfida transfruntiera li taffettwa l-Unjoni Ewropea kollha. Għaldaqstant huwa essenzjali li fil-livell tal-Unjoni tkun adottata projbizzjoni fuq l-introduzzjoni intenzjonata fl-Unjoni, it-trobbija, it-trasport, ix-xiri, il-bejgħ, l-użu, l-iskambju, iż-żamma u r-rilaxx tal-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-UE, sabiex ikun żgurat li tittieħed azzjoni konsistenti madwar l-Unjoni sabiex jiġu evitati d-distorsjonijiet fis-suq intern u biex tilqa' sitwazzjonijiet fejn l-azzjoni meħuda fi Stat Membru tiddgħajjef min-nuqqas ta' azzjoni fi Stat Membru ieħor.

(17)     Bil-ħsieb li jitwettqu attivitajiet ta' riċerka xjentifika u ta' konservazzjoni ex situ, hemm bżonn li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi għall-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni soġġetti għal dawk l-attivitajiet. Dawk l-attivitajiet iridu jsiru f'faċilitajiet magħluqa fejn l-organiżmi jkunu fi ^ u jittieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex tiġi evitata l-ħarba jew ir-rilaxx kontra l-liġi ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni.

(18)     Jista' jkun hemm każijiet fejn speċijiet aljeni li ma jkunux diġà magħrufa bħala speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni jidhru fil-fruntieri tal-Unjoni jew jiġu identifikati fit-territorju tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jingħataw il-possibbiltà li jadottaw ċerti miżuri ta' emerġenza abbażi tal-evidenza xjentifika disponibbli. Dan it-tip ta' miżuri ta' emerġenza jippermettu reazzjoni immedjata kontra l-ispeċijiet li jistgħu jimponu riskju marbut mal-introduzzjoni, l-istabbiliment jew it-tixrid tagħhom f'dawk il-pajjiżi, filwaqt li l-Istati Membri jivvalutaw ir-riskji effettivi imposti minnhom, skont id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-Ftehimiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, partikolarment bl-għan li dawk l-ispeċijiet jiġu rikonoxxuti bħala speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni. Hemm il-bżonn li l-miżuri ta' emerġenza nazzjonali jingħaqdu mal-miżuri ta' emerġenza fil-livell tal-Unjoni sabiex ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Barra minn hekk, bil-miżuri ta' emerġenza fil-livell tal-Unjoni, din tal-aħħar se titgħammar b'mekkaniżmu biex taġixxi bil-ħeffa f'każ ta' preżenza jew periklu imminenti ta' dħul ta' speċi aljena invażiva ġdida skont il-prinċipju ta' prekawzjoni.

(19)     L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jadottaw miżuri aktar stretti biex jindirizzaw l-ispeċijiet aljeni invażivi u jieħdu miżuri b'mod proattiv fir-rigward ta' speċijiet li mhumiex fuq il-lista ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni. Għaldaqstant, sabiex jiġi adottat approċċ aktar proattiv dwar l-ispeċijiet li mhumiex inklużi fil-lista, għandu jinħtieġ il-ħruġ ta' awtorizzazzjoni għar-rilaxx sabiex jiġu rilaxxati speċijiet aljeni invażivi fl-ambjent, li mhumiex fil-lista ta' speċijiet aljeni invażivi li huma ta' tħassib għall-Unjoni, iżda li fl-Istati Membri nstabet evidenza li jimponu riskju. Regoli dettaljati dwar l-awtorizzazzjoni ta' speċijiet aljeni li jintużaw għall-akkwakultura diġà ġew stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 708/2007 u dawn għandhom jitqiesu mill-Istati Membri f'dan il-kuntest.

(20)     Parti kbira mill-ispeċijiet aljeni invażivi huma introdotti fl-Unjoni b'mod mhux intenzjonat. Għalhekk huwa essenzjali li jkunu ġestiti l-mogħdijiet tal-introduzzjonijiet mhux intenzjonati. Jinħtieġ li l-azzjoni f'dan il-kamp tkun gradwali, billi l-esperjenza f'dan il qasam hija relattivament limitata. L-azzjoni għandha tinkludi miżuri volontarji, bħall-azzjonijiet proposti mill-Guidelines for the Control and Management of Ships' Biofouling (Linji Gwida għall-Kontroll u l-Ġestjoni ta' Organiżmi Bijoloġiċi mhux mixtieqa fuq il-Bastimenti) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, u miżuri obbligatorji u għandha tibni fuq l-esperjenza miksuba fl-Unjoni u fl-Istati Membri fil-ġestjoni ta' ċerti mogħdijiet, inklużi miżuri stabbiliti permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Kontroll u l-Ġestjoni tal-Ilma tas-Saborra u tas-Sedimenti tal-Bastimenti.

(21)     Sabiex tiġi żviluppata bażi ta' għarfien xierqa biex jiġu indirizzati l-problemi kkawżati mill-ispeċijiet aljeni invażivi, huwa importanti li l-Istati Membri jwettqu r-riċerka, l-monitoraġġ u s-sorveljanza ta' dawn l-ispeċijiet. Peress li s-sistemi ta' sorveljanza joffru l-aktar mezzi xierqa għall-identifikazzjoni bikrija tal-ispeċijiet aljeni invażivi ġodda u għall-identifikazzjoni tad-distribuzzjoni tal-ispeċijiet li diġà huma stabbiliti, dawn għandhom jinkludu stħarriġ ġenerali u kif ukoll immirat u jibbenefikaw mill-involviment ta' setturi u partijiet interessati differenti, inklużi l-komunitajiet lokali. Is-sistemi ta' sorveljanza għandhom jimplikaw li tingħata attenzjoni kontinwa lil kwalunkwe speċi aljena invażiva ġdida kullimkien fl-Unjoni. Fl-interess tal-effiċjenza u tal-kost-effettività, għandhom jiġu applikati s-sistemi eżistenti ta' kontroll, sorveljanza u monitoraġġ fil-fruntieri li diġà ġew stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, b'mod partikolari dawk stabbiliti fid-Direttivi 2009/147/KE, 92/43/KEE, 2008/56/KE u 2000/60/KE.

(22)     Għandhom jitwettqu kontrolli uffiċjali fuq l-annimali u l-pjanti biex jilqgħu l-introduzzjoni intenzjonata tal-ispeċijiet aljeni invażivi. L-annimali u l-pjanti ħajjin għandhom jidħlu fl-Unjoni mill-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntieri magħżulin mill-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru XXX/XXXX [dwar il-kontrolli uffiċjali COM(2013)265]. Sabiex ikun żgurat it-titjib fl-effiċjenza u jiġi evitat il-ħolqien ta' sistemi paralleli ta' kontrolli fuq il-fruntieri, il-verifika jekk dawn l-ispeċijiet humiex speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni għandha titwettaq ukoll mal-wasla fl-ewwel Post ta' Kontroll fuq il-Fruntiera. L-annimali u l-pjanti li ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru XXX/XXXX [dwar il-kontrolli uffiċjali COM(2013)265] jew li huma eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera, għandhom jidħlu fit-territorju tad-dwana tal-Komunità minn postijiet tad-dħul oħra u jkunu soġġetti għal verifiki fihom

(23)     Wara l-introduzzjoni tal-ispeċijiet aljeni invażivi, il-miżuri ta' identifikazzjoni bikrija u qerda rapida huma kruċjali biex jilqgħu l-istabbiliment u t-tixrid tagħhom Ħafna drabi l-aktar rispons effettiv u kosteffiċjenti huwa l-qerda tal-popolazzjoni, mill-aktar fis possibbli, waqt li l-għadd ta' kampjuni jkun għadu limitat. F'każ li l-qerda ma tkunx fattibbli jew l-ispejjeż tal-qerda jkunu akbar mill-benefiċċji ambjentali, ekonomiċi u soċjali għal żmien fit-tul, għandhom jiġu applikati l-miżuri tal-konteniment u l-kontroll.

(24)     Filwaqt li huma neċessarji, il-qerda u l-ġestjoni ta' xi speċijiet aljeni invażivi jistgħu jikkawżaw uġigħ, tensjoni, biża' jew forom oħra ta' tbatija għall-annimali, anki meta jintużaw l-aqwa mezzi tekniċi disponibbli. Għal din ir-raġuni, l-Istati Membri u kwalunkwe operatur ieħor involut fil-qerda, fil-kontroll jew fil-konteniment tal-ispeċjiet aljeni invażivi għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex inaqqsu l-uġigħ, it-tensjoni u t-tbatija tal-annimali waqt il-proċess, billi jqisu, sakemm ikun possibbli, l-aqwa prattiċi fil-qasam, pereżempju l-Prinċipji ta' Gwida dwar il-Benessri tal-Annimali żviluppati mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE).

(25)     B'mod ġenerali, l-ispeċijiet aljeni invażivi jikkawżaw ħsara fl-ekosistemi u jnaqqsu r-reżiljenza tagħhom. Għalhekk jinħtieġu miżuri ta' ristawr sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekosistemi għall-invażjonijiet, biex tissewwa l-ħsara kkawżata u biex jissaħħaħ l-istatus ta' konservazzjoni tal-ispeċijiet u l-ħabitats tagħhom skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/147/KE u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 92 43 KEE, l-istatus ekoloġiku tal-ilmijiet tal-wiċċ interni, l-ilmijiet tranżizzjonali, l-ilmijiet kostali u l-ilma ta' taħt l-art skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/60/KE u l-istatus ambjentali tal-ilmijiet marini skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/56/KE.

(26)     Is-sistema li tindirizza l-ispeċijiet aljeni invażivi għandha tiġi appoġġata minn sistema ta' informazzjoni ċentralizzata li tiġbor l-informazzjoni eżistenti dwar l-ispeċijiet aljeni fl-Unjoni u tagħti aċċess għal infomazzjoni dwar il-preżenza tal-ispeċijiet, it-tixrid tagħhom, l-ekoloġija tagħhom, l-istorja tal-invażjoni u l-informazzjoni l-oħra kollha meħtieġa biex ikunu appoġġati d-deċiżjonijiet dwar il-politiki u l-ġestjoni.

(27)     Id-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent[21] tistabbilixxi qafas għall-konsultazzjoni pubblika f'deċiżjonijiet relatati mal-ambjent. Il-parteċipazzjoni pubblika effettiva fid-definizzjoni ta' azzjoni fil-qasam tal-ispeċijiet aljeni invażivi għandha tgħin lill-pubbliku li jesprimi, u lil min jagħmel id-deċiżjoni li jqis, l-opinjonijiet u t-tħassib li jistgħu jkunu rilevanti għal dawn id-deċiżjonijiet, biex b’hekk jiżdiedu r-responsabbiltà u t-trasparenza tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet u jikkontribwixxu għas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar kwistjonijiet ambjentali u l-appoġġ għad-deċiżjonijiet meħuda.

(28)     Il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni sabiex tiżgura l-kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, għall-adozzjoni u l-aġġornament tal-lista ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni, għall-għoti ta' derogi mill-obbligu tal-qerda rapida u għall-adozzjoni ta' miżuri ta' emerġenza fil-livell tal-Unjoni. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni[22].

(29)     Sabiex jiġu kkunsidrati l-aktar żviluppi xjentifiċi riċenti fil-qasam ambjentali, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea sabiex tiddetermina l-mod li bih ikun konkluż li l-ispeċijiet aljeni invażivi huma kapaċi jistabbilixxu popolazzjonijiet vijabbli u jinxterdu kif ukoll biex tistipula l-elementi komuni għall-iżvilupp tal-valutazzjonijiet tar-riskju. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-għarfien espert. Meta tħejji u tfassal atti ddelegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f’ħin xieraq u adatta tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(30)     Sabiex tkun assigurata l-konformità ma' dan ir-Regolament, huwa importanti li l-Istati Membri jimponu sanzjonijiet dissważivi, effettivi u proporzjonati dwar il-ksur filwaqt li jikkunsidraw in-natura u l-gravità tal-ksur.

(31)     Sabiex is-sidien mhux kummerċjali jkunu jistgħu jżommu l-annimali ta' kumpanija tagħhom, li jaqgħu taħt il-lista ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni, sakemm l-annimal imut b'mod naturali, jinħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri tradizzjonali, bil-kundizzjoni li l-miżuri kollha jiddaħħlu fis-seħħ biex jilqgħu l-ħarba jew ir-riproduzzjoni.

(32)     Sabiex l-operaturi kummerċjali, li jista' jkollhom aspettattivi leġittimi, pereżempju dawk li rċevew awtorizzazzjoni b'konformità mar-Regolament (KE) Nru 708/2007, ikunu jistgħu jtemmu l-ħażna ta' speċijiet aljeni invażivi tagħhom li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni meta dawn ir-regoli l-ġodda jidħlu fis-seħħ, ikun ġust li jingħataw sentejn biex ibiċċru, ibigħu jew jagħtu l-kampjuni lill-istabbilimenti tar-riċerka jew tal-konservazzjoni ex situ.

(33)     Peress li l-għanijiet tal-azzjoni proposta, jiġifieri li tilqa' u tiġġestixxi l-ispeċijiet aljeni invażivi, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, u għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tal-miżuri, jistgħu jintlaħqu aħjar fuq il-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, hekk kif stipulat f'dak l-Artikolu, dan l-att ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1 Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-mitigazzjoni tal-impatti negattivi tal-introduzzjoni u t-tixrid kemm intenzjonati u kemm mhux intenzjonati, tal-ispeċijiet aljeni invażivi fuq il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema.

Artikolu 2 Kamp ta' applikazzjoni

1.           Dan ir-Regolament japplika għal kull speċi aljena invażiva fl-Unjoni kif iddefinit fl-Artikolu 3(2).

2.           Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

(a) l-ispeċijiet li jbiddlu l-firxa naturali tagħhom mingħajr l-intervent tal-bniedem, u bħala rispons għal tibdil fil-kundizzjonijiet ekoloġiċi jew tibdil fil-klima;

(b) l-organiżmi modifikati ġenetikament kif iddefinit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/18/KE;

(c) il-mard tal-annimali rregolat kif iddefinit fl-Artikolu 4(1)(14) tar-Regolament (UE) Nru XXX/XXXX [il-liġi dwar is-saħħa tal-annimali - COM(2013) 260 final];

(d) il-pesti tal-pjanti elenkati f'konformità mal-Artikolu 5(2) jew l-Artikolu 32(3) jew soġġetti għall-miżuri f'konformità mal-Artikolu 29(1) tar-Regolament (UE) Nru XXX/XXXX[dwar is-saħħa tal-pjanti COM(2013) 267 final];

(e) l-ispeċijiet elenkati fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 708/2007;

(f) il-mikroorganiżmi manifatturati jew importati għall-użu fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li diġà ġew approvati jew li għalihom bħalissa qed titwettaq valutazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009;

(g) il-mikroorganiżmi manifatturati jew importati għall-użu fil-prodotti bijoċidali li diġà ġew approvati jew li qed jitiqiedu fis-suq tal-Unjoni f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

Artikolu 3 Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 'speċijiet aljeni' tfisser kwalunkwe kampjun ħaj ta' speċi, sottospeċi jew grupp tassonomiku ta' annimali, pjanti, fungi jew mikroorġaniżmi introdotti barra mid-distribuzzjoni naturali mgħoddija jew attwali tagħhom; dan jinkludi kwalunkwe parti, gamete, żerriegħa, bajda jew materjal ta' propagazzjoni tat-tali speċi, kif ukoll kwalunkwe speċi ibrida, varjetà jew razza li tista' tgħix u sussegwentement tirriproduċi;

(2) 'speċi aljena invażiva' tfisser speċi aljena li permezz ta' valutazzjoni tar-riskju nstab li l-introduzzjoni jew it-tixrid tagħha jhedded il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema, u li jista' jkollha wkoll impatt negattiv fuq is-saħħa tal-bniedem jew l-ekonomija;

(3) 'speċi aljena invażiva li hija sors ta' tħassib għall-Unjoni' tfisser speċi aljena invażiva li l-impatt negattiv tagħha tqies tant negattiv li tinħtieġ azzjoni miftiehma fil-livell tal-Unjoni skont l-Artikolu 4(2);

(4) 'bijodiversità' tfisser il-varjabbiltà fost organiżmi ħajjin mis-sorsi kollha, inklużi ekosistemi terrestri, marini u ekosistemi akkwatiċi oħrajn u l-kumplessi ekoloġiċi li minnhom jagħmlu parti; dan jinkludi d-diversità fl-ispeċijiet, bejn l-ispeċijiet u tal-ekosistemi;

(5) 'servizzi tal-ekosistema' tfisser il-kontribuzzjonijiet diretti jew indiretti tal-ekosistemi għall-benessri tal-bniedem;

(6) 'introduzzjoni' tfisser il-moviment ta' speċi permezz ta' intervent mill-bniedem barra mid-distribuzzjoni naturali mgħoddija jew attwali tagħha;

(7) 'riċerka' tfisser ħidma deskrittiva jew sperimentali, li titwettaq skont kundizzjonijiet regolati sabiex jinkiseb għarfien ġdid jew biex jiġu żviluppati prodotti ġodda, inklużi l-fażijiet inizjali tal-identifikazzjoni, il-karatterizzazzjoni u l-iżolament tal-karatteristiċi ġenetiċi, minbarra l-invażività, għall-ispeċijiet aljeni invażivi biss, sakemm tkun essenzjali għar-riproduzzjoni ta' dawk il-karatteristiċi fi speċijiet mhux invażivi;

(8) 'spazju kkonfinat' tfisser iż-żamma ta' organiżmu f'faċilitajiet magħluqa li minnhom mhumiex possibbli l-ħarba jew it-tixrid;

(9) 'konservazzjoni ex situ' tfisser il-konservazzjoni ta' komponenti ta' diversità bijoloġika barra l-ħabitat naturali tagħhom;

(10) 'mogħdijiet' tfisser ir-rotot u l-mekkaniżmi tal-invażjonijiet bijoloġiċi;

(11) 'identifikazzjoni bikrija' tfisser il-konferma tal-preżenza ta' kampjuni ta' speċi aljena invażiva fl-ambjent qabel ma tinxtered b'mod vast;

(12) 'qerda' tfisser it-tneħħija sħiħa u permanenti ta' popolazzjoni ta' speċijiet aljeni invażivi b'mezzi fiżiċi, kimiċi jew bijoloġiċi;

(13) 'tixrid b'mod vast' tfisser li l-popolazzjoni ta' speċi aljena invażiva tkun marret lil hinn mill-istadju ta' naturalizzazzjoni, li fih il-popolazzjoni ssostni lilha nnifisha b'mod indipendenti, u tkun inxterdet biex tikkolonizza parti kbira mill-firxa potenzjali fejn tkun tista' tgħix u tirriproduċi;

(14) 'ġestjoni' tfisser azzjoni fiżika, kimika jew bijoloġika mmirata lejn il-qerda, il-kontroll ta' popolazzjoni jew il-konteniment ta' popolazzjoni ta' speċi aljena invażiva;

(15) 'konteniment' tfisser l-azzjonijiet immirati lejn il-ħolqien ta' ostakli li jnaqqsu r-riskju għal popolazzjoni ta' speċi aljena invażiva li tinfirex u tinxtered lil hinn miż-żona invażata;

(16) 'kontol ta' popolazzjoni' tfisser l-azzjonijiet fiżiċi kimiċi jew bijoloġiċi li jiġu applikati lil popolazzjoni ta' speċi aljena invażiva bl-għan li l-għadd ta' individwi jinżamm baxx kemm jista' jkun, sabiex, filwaqt li ma jkunx possibbli li l-ispeċi tinqered, jitnaqqsu l-kapaċità invażiva tagħha u l-impatti negattivi fuq il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema, jew fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ekonomija.

Artikolu 4 Lista ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni

1.           Għandha tiġi adottata u aġġornata lista ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni mill-Kummissjoni permezz ta' atti ta' implimentazzjoni abbażi tal-kriterji fil-paragrafu 2. L-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 22(2).

2.           L-ispeċijiet aljeni invażivi għandhom jiġu inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 1 jekk jissodisfaw il-kriterji kollha li ġejjin biss:

(a) jinstab, b'kunsiderazzjoni għall-evidenza xjentifika disponibbli, li huma aljeni għat-territorju tal-Unjoni esklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda;

(b) jinstab, b'kunsiderazzjoni għall-evidenza xjentifika disponibbli, li huma kapaċi jistabbilixxu popolazzjoni vijabbli u jinxterdu fl-ambjent fil-kundizzjonijiet klimatiċi kurrenti jew f'kundizzjonijiet ta' tibdil fil-klima prevedibbli kullimkien fl-Unjoni esklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda;

(c) jintwera permezz ta' valutazzjoni tar-riskju magħmula f'konformità mal-Artikolu 5(1) li tinħtieġ azzjoni fil-livell tal-Unjoni sabiex tilqa' l-istabbiliment u t-tixrid tagħhom.

3.           L-Istati Membri jistgħu jissottomettu lill-Kummissjoni talbiet għall-inklużjoni ta' speċijiet aljeni invażivi fil-lista msemmija fil-paragrafu 1. Dawn it-talbiet għandhom jinkludu l-kriterji kollha li ġejjin:

(a) l-isem tal-ispeċi;

(b) valutazzjoni tar-riskju magħmula f'konformità mal-Artikolu 5(1);

(c) evidenza li l-ispeċi tissodisfa l-kriterji stipulati fil-paragrafu 2.

4.           Il-lista msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi massimu ta' ħamsin speċi inkluż kwalunkwe speċi li tista' tiżdied b'konsegwenza tal-miżuri ta' emerġenza previsti mill-Artikolu 9.

Artikolu 5

Valutazzjoni tar-riskju u atti ddelegati

1.           Il-Kummissjoni jew l-Istati Membri, kif rilevanti, għandhom iwettqu l-valutazzjoni tar-riskju msemmija fl-Artikolu 4(2) u (3)(b) b'kunsiderazzjoni għall-elementi li ġejjin:

(a) deskrizzjoni tal-ispeċi bl-identità tassonomika tagħha, bl-istorja tagħha, il-firxa nattiva tagħha, il-firxa potenzjali;

(b) deskrizzjoni tax-xejriet tar-riproduzzjoni u tat-tixrid tagħha inkluża valutazzjoni dwar jekk jeżistux il-kundizzjonijiet ambjentali meħtieġa għar-riproduzzjoni u t-tixrid;

(c) deskrizzjoni tal-mogħdijiet potenzjali tad-dħul u tat-tixrid, kemm intenzjonati u kemm mhux intenzjonati, inklużi l-prodotti bażiċi li magħhom jiġu ġeneralment assoċjati l-ispeċijiet;

(d) valutazzjoni bir-reqqa tar-riskju tad-dħul, tal-istabbiliment u tat-tixrid f'reġjuni bijoġeografiċi rilevanti fil-kundizzjonijiet kurrenti u f'kundizzjonijiet ta' tibdil fil-klima prevedibbli;

(e) deskrizzjoni tad-distribuzzjoni kurrenti tal-ispeċi inkluż jekk l-ispeċi hiex diġà preżenti fl-Unjoni jew f'pajjiżi ġirien;

(f) deskrizzjoni tal-impatt negattiv fuq il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema inkluż fuq l-ispeċijiet nattivi, is-siti protetti, il-ħabitats fil-periklu, fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ekonomija inkluża valutazzjoni tal-kobor tal-impatt fil-futur;

(g) tbassir ikkwantifikat tal-ispejjeż tal-ħsara fil-livell tal-Unjoni, sabiex l-azzjoni tkun aktar iġġustifikata, għaliex il-ħsara komprensiva tkun akbar mill-ispejjeż tal-mitigazzjoni;

(h) deskrizzjoni, jekk possibbli, tal-użi u l-benefiċċji li jinkisbu minn dawk l-użi tal-ispeċijiet.

2.           Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li taddotta atti ddelegati, f'konformità mal-Artikolu 23 biex tispeċifika aktar it-tip ta' evidenza xjentifika ammissibbli msemmija fl-Artikolu 4(2)(b) u biex tipprovdi deskrizzjoni dettaljata tal-applikazzjoni tal-elementi stipulati fil-paragrafu 1(a) sa (h) ta' dan l-Artikolu, inkluża l-metodoloġija li għandha tiġi applikata fil-valutazzjoni ta' dawn l-elementi, filwaqt li tikkunsidra l-istandards nazzjonali u internazzjonali rilevanti u l-ħtieġa li tingħata prijorità lill-azzjoni kontra l-ispeċijiet assoċjati ma' jew li għandhom il-potenzjal li jikkawżaw ħsara ekonomika konsiderevoli, inkluża dik li tirriżulta mit-telf tal-bijodiversità.

Artikolu 6 Dispożizzjonijiet għar-reġjuni l-aktar imbiegħda

1.           L-ispeċijiet inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 4(1) li huma nattivi f' wieħed mir-reġjuni l-aktar imbiegħda m'għandhomx ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 7, 8, 11 u 13 sa 17 fir-reġjun l-aktar imbiegħed li fih huma nattivi.

2.           Sa mhux aktar tard minn [12-il xahar mid-data tad-sħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament - id-data għad trid tiddaħħal] kull Stat Membru bir-reġjuni bl-aktar imbiegħda għandu jadotta lista ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għal kull reġjun l-aktar imbiegħed tiegħu, b'konsultazzjoni ma' dawk ir-reġjuni.

3.           L-ispeċijiet inklużi fil-listi msemmija fil-paragrafu 2 għandhom ikunu soġġetti għall-Artikoli 7, 8, 11 u 13 sa 17 fir-reġjuni l-aktar imbiegħda rispettivi.

4.           L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw immedjatament lill-Kummissjoni u għandhom jinfurmaw lill-Istati Membri l-oħra dwar il-listi msemmija fil-paragrafu 2 u dwar kwalunkwe aġġornament ta' dawk il-listi.

Kapitolu II Prevenzjoni

Artikolu 7 Projbizzjoni fuq l-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni

1.           L-azzjonijiet li ġejjin dwar l-ispeċijiet inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 4(1) m'għandhomx isiru b'mod intenzjonat:

(a) jiddaħħlu fl-Unjoni jew jinġarru madwar it-territorju tal-Unjoni;

(b) jitħallew jirriproduċu;

(c) jiġu ttrasportati, eskluż it-trasport ta' speċijiet lejn il-faċilitajiet tal-qerda;

(d) jitqiegħdu fis-suq;

(e) jintużaw jew jiġu skambjati;

(f) jinżammu, jitrabbew, inkluż fi spazju kkonfinat;

(g) jiġu rrilaxxati fl-ambjent.

2.           L-Istati Membri għandhom jilqgħu l-introduzzjoni mhux intenzjonata ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(3) u (4).

Artikolu 8 Permessi għar-riċerka u konservazzjoni ex situ

1.           Permezz ta' deroga mill-projbizzjonijiet stipulati fil-punti (a), (b), (c), (e) u (f) tal-Artikolu 7(1), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta' permess li tippermetti li l-istabbilimenti li huma awtorizzati li jwettqu riċerka jew konservazzjoni ex situ jwettqu dawn l-attivitajiet fuq l-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni

2.           L-Istati Membri għandhom jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti li joħorġu l-permessi msemmija fil-paragrafu 1 għall-attivitajiet imwettqa fi spazju kkonfinat li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) l-ispeċi aljena invażiva li hija sors ta' tħassib għall-Unjoni tinżamm u tiġi ttrattata f'faċilitajiet magħluqa kif imsemmi fil-paragrafu 3;

(b) l-attività trid titwettaq mill-istaff li għandu l-kwalifiki xjentifiċi u tekniċi preskritti mill-awtoritajiet kompetenti;

(c) it-trasport lejn u mill-faċilità huma awtorizzati mill-awtorità kompetenti u ssir skont il-kundizzjonijiet li jeskludu l-ħarba tal-ispeċijiet aljeni invażivi;

(d) f'każ ta' speċijiet aljeni invażivi li huma annimali, għandhom jiġu mmarkati meta possibbli;

(e) ir-riskju tal-ħarba jew tat-tixrid jew it-tneħħija huwa ġestit b'mod effettiv, b'kunsiderazzjoni għall-identità, il-bijoloġija u l-mezzi tat-tixrid tal-ispeċijiet, l-attività u l-faċilità magħluqa maħsuba, l-interazzjoni mal-ambjent u fatturi rilevanti oħra relatati mar-riskju impost mill-ispeċijiet;

(f) is-sorveljanza kontinwa u t-tfassil ta' pjan ta' kontinġenza li jaħseb għall-ħarba jew it-tixrid possibbli inkluż pjan għall-qerda.

(g) Il-permess imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun limitat għal għadd ta' speċijiet u kampjuni li hu meħtieġ għar-riċerka jew għall-konservazzjoni ex situ kkonċernata u m'għandux jaqbeż il-kapaċità tal-faċilità magħluqa. Huwa għandu jinkludi r-restrizzjonijiet meħtieġa għall-mitigazzjoni tar-riskju tal-ħarba jew tat-tixrid tal-ispeċi kkonċernata. Huwa għandu jakkumpanja l-ispeċi aljena invażiva li jirreferi għaliha l-ħin kollu meta din tkun miżmuma, tiddaħħal fl-Unjoni jew tiġi ttrasportata fl-Unjoni.

3.           Għandu jiġi kkunsidrat li l-kampjuni jinżammu f'faċilitajiet magħluqa jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) huma iżolati fiżikament u ma jistgħux jaħarbu jew jinxterdu jew jitneħħew mill-faċilitajiet fejn qed jinżammu minn persuni mhux awtorizzati; il-protokolli tat-tindif u tal-manteniment għandhom jiżguraw li l-ebda kampjun jew parti riproduċibbli ma tista' taħrab, tinxtered jew titneħħa minn persuni mhux awtorizzati;

(b) it-tneħħija tagħhom mill-faċilitajiet jew ir-rimi jew il-qerda ssir b'tali mod li teskludi l-propagazzjoni jew ir-riproduzzjoni barra mill-faċilitajiet.

4.           Meta japplika għall-permess, l-istabbiliment għandu jipprovdi l-evidenza neċessarja kollha biex jippermetti li l-awtorità kompetenti tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 humiex sodifsatti.

Artikolu 9 Miżuri ta' emerġenża

1.           Meta Stat Membru jkollu evidenza dwar il-preżenza, jew il-periklu imminenti ta' dħul fit-territorju tiegħu ta' speċi aljena invażiva li mhijiex inkluża fil-lista msemmija fl-Artikolu 4(1), iżda li nstab mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti, abbażi ta' evidenza xjentifika preliminari, li aktarx din l-ispeċi tissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 4(2), b'mod immedjat huwa jista' jieħu l-miżuri ta' emerġenza, li jikkonsistu fi kwalkunwe projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 7(1).

2.           L-Istat Membru li jintroduċi l-miżuri ta' emerġenza fit-territorju nazzjonali tiegħu li jinkludu l-applikazzjoni tal-punti (a), (c) jew (d) tal-Artikolu 7(1), b'mod immedjat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar il-miżuri meħuda u l-evidenza li tiġġustifika dawk il-miżuri.

3.           Mingħajr ebda dewmien, l-Istat Membru kkonċernat għandu jwettaq valutazzjoni tar-riskju f'konformità mal-Artikolu 5 għall-ispeċi soġġetta għall-miżuri ta' emerġenza, iqis l-informazzjoni teknika u xjentifika disponibbli, u fi kwalunkwe każ fi żmien 24 xahar mill-jum tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni li tintroduċi l-miżuri ta' emerġenza, sabiex dawk l-ispeċijiet jiġu inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 4(1).

4.           Meta l-Kummissjoni tirċievi n-notifika msemmija fil-paragrafu 2 jew ikollha evidenza dwar il-preżenza jew il-periklu imminenti ta' dħul fl-Unjoni ta' speċi aljena invażiva li mhijiex inkluża fil-lista msemmija fl-Artikolu 4(1) iżda li aktarx tissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 4(2), permezz ta' att ta' implimentazzjoni, hija għandha tikkonkludi, abbażi tal-evidenza xjentifika preliminari, jekk l-ispeċi hiex se tissodisfa dawn il-kriterji u tadotta l-miżuri ta' emerġenza għall-Unjoni li jikkonsistu fi kwalunkwe projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 7(1) għal perjodu limitat skont ir-riskji imposti minn dik l-ispeċi, meta tikkonkludi li l-kriterji stipulati fl-Artikolu 4(2) aktarx li jiġu ssodisfatti. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22(2).

5.           Jekk jiġu stipulati fl-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 il-miżuri meħuda mill-Istati Membri f'konformità mal-paragrafu 1 għandhom jitħassru jew jiġu emendati.

6.           L-Istat Membru li jieħu l-miżuri ta' emerġenza jista' jżomm dawk il-miżuri sakemm jiġi adottat att ta' implimentazzjoni li jistabbilixxi miżuri ta' emerġenza fil-livell tal-Unjoni skont il-paragrafu 4 jew li jinkludi l-ispeċi fuq il-lista msemmija fl-Artikolu 4(1) abbażi ta' valutazzjoni tar-riskju mwettqa mill-Istat Membru kkonċernat f'konformità mal-paragrafu 3.

Artikolu 10 Restrizzjonijiet dwar ir-rilaxx intenzjonat ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Istati Membri

1.           L-Istati membri għandhom jipprojbixxu kwalunkwe rilaxx intenzjonat fl-ambjent, jiġifieri l-proċess li bih organiżmu jitqiegħed fl-ambjent, għal kwalunkwe skop, mingħajr il-miżuri meħtieġa biex jilqgħu l-ħarba u t-tixrid tiegħu, ta' speċijiet aljeni invażivi, minbarra l-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni, li l-Istati Membri jikkunsidraw, abbażi ta' evidenza xjentifika preliminari, li l-impatt negattiv mir-rilaxx u t-tixrid tagħhom, anki meta mhux aċċertat kompletament, huwa konsiderevoli fuq it-territorju nazzjonali tagħhom ('speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Istati Membri').

2.           L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati membri l-oħra dwar l-ispeċijiet li jqisu bħala speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Istati Membri.

3.           L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu joħorġu awtorizzazzjonijiet għal xi rilaxx intenzjonat ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Istati Membri, jekk jitqiesu għalkollox il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) ma hemm l-ebda speċi mhux invażiva alternattiva li tista' tintuża biex jinkisbu benefiċċji simili;

(b) il-benefiċċji tar-rilaxx huma għolja b'mod eċċezzjonali f'paragun mar-riskji tal-ħsara tal-ispeċi ikkonċernata;

(c) ir-rilaxx se jinkludi miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju sabiex jitnaqqas l-impatt fuq il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema kif ukoll fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ekonomija;

(d) issir sorveljanza xierqa u jitfassal pjan ta' kontinġenza għall-qerda tal-ispeċi li għandu jiġi applikat f'każ li l-ħsara kkawżata mill-ispeċi titqies inaċċettabbli mill-awtorità kompetenti.

4.           Kwalunkwe awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni ta' speċijiet aljeni invażivi għall-użu tagħhom fl-akkwakultura għandha tinħareġ skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 708/2007.

Artikolu 11 Pjanijiet ta' azzjoni dwar il-mogħdijiet tal-ispeċijiet aljeni invażivi

1.           Sa mhux aktar tard minn [18-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament - id-data għad trid tiddaħħal] l-Istati Membri għandhom iwettqu analiżi komprensiva tal-mogħdijiet tal-introduzzjoni u t-tixrid mhux intenzjonati tal-ispeċijiet aljeni invażivi fit-territorju tagħhom u jidentifikaw il-mogħdijiet li jeħtieġu azzjoni prijoritarja ('mogħdijiet ta' prijorità'), minħabba l-volum ta' speċijiet jew tal-ħsara kkawżata mill-ispeċijiet li jidħlu fl-Unjoni permezz tagħhom. Waqt li jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jiffukaw b'mod partikolari fuq l-analiżi tal-mogħdijiet tal-introduzzjoni tal-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni.

2.           Sa mhux aktar tard minn [3 snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament - id-data għad trid tiddaħħal] kull Stat Membru għandu jistabbilixxi u jimplimenta pjan ta' azzjoni biex jindirizza l-mogħdijiet ta' prijorità identifikati f'konformità mal-paragrafu 1. Il-pjan ta' azzjoni għandu jinkludi skeda ta' żmien għall-azzjoni u għandu jiddeskrivi l-miżuri li għandhom jiġu adottati biex jindirizzaw il-mogħdijiet ta' prijorità u jilqgħu l-introduzzjoni u t-tixrid mhux intenzjonati tal-ispeċijiet aljeni invażivi fl-Unjoni u fl-ambjent.

3.           Il-pjan ta' azzjoni msemmi fil-paragrafu 2 għandu jinkludi l-miżuri mfassla abbażi tal-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji kif ukoll tal-anqas dawn li ġejjin:

(a) miżuri ta' sensibilizzazzjoni;

(b) miżuri regolatorji biex inaqqsu l-kontaminazzjoni tal-ispeċijiet aljeni invażivi fl-oġġetti u l-prodotti, u kwalunkwe vettura jew tagħmir, inklużi miżuri li jindirizzaw it-trasport ta' speċijiet aljeni invażivi minn pajjiżi terzi;

(c) miżuri regolatorji li jiżguraw il-verifiki xierqa fil-fruntieri tal-Unjoni, apparti l-kontrolli uffiċjali f'konformità mal-Artikolu 13;

(d) il-miżuri tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Kontroll u l-Ġestjoni tal-Ilma tas-Saborra u tas-Sedimenti tal-Bastimenti.

4.           Il-pjan ta' azzjoni żviluppat skont il-paragrafu 2 għandu jintbagħat lill-Kummissjoni mingħajr dewmien. L-Istati Membri għandhom jirrevedu l-pjan ta' azzjoni kull erba' snin wara l-aħħar darba li jkun intbagħat u jerġgħu jibagħtuh lill-Kummissjoni.

Kapitolu III Identifikazzjoni bikrija u qerda rapida

Artikolu 12 Sistema ta' sorveljanza

1.           Sa mhux aktar tard minn [18-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament - id-data għad trid tiddaħħal] l-Istati Membri għandu jkollhom sistema ta' sorveljanza uffiċjali stabbilita li tiġbor u tirreġistra dejta dwar l-okkorrenzi fl-ambjent ta' speċijiet aljeni invażivi permezz ta' stħarriġ, monitoraġġ jew proċeduri oħra li jilqgħu t-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi fl-Unjoni.

2.           Is-sistema ta' sorveljanza msemmija fil-paragrafu 1 għandha:

(a) tkopri t-territorju tal-Istati Membri biex tistabbilixxi l-preżenza u d-distribuzzjoni ta' speċijiet aljeni invażivi ġodda jew li diġà stabbilixxew lilhom infushom, li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni;

(b) tinkludi l-ilmijiet marini kif iddefinit fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/56/KE;

(c) tkun dinamika biżżejjed biex tidentifika b'mod rapidu l-wasla fl-ambjent tat-territorju jew parti mit-territorju ta' kwalunkwe speċi aljena invażiva li hija sors ta' tħassib għall-Unjoni, u li l-preżenza tagħha ma kinitx magħrufa qabel;

(d) tagħmel użu mill-informazzjoni pprovvduta mis-sistemi eżistenti ta' sorveljanza u ta' monitoraġġ stipulati fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 92/43/KEE, l-Artikou 11 tad-Direttiva 2008/56/KE u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/60KE.

Artikolu 13

Kontrolli uffiċjali fil-fruntieri tal-Unjoni

1.           Sa mhux aktar tard minn [12-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament - id-data għad trid tiddaħħal] l-Istati Membri għandu jkollhom strutturi stabbiliti li jwettqu l-kontrolli uffiċjali fuq l-annimali u l-pjanti, inkluzi ż-żerriegħa, il-bajd u l-materjal ta' propagazzjoni tagħhom li jiddaħħlu fl-Unjoni, meħtieġa għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni intenzjonata fl-Unjoni ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni.

2.           L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom iwettqu l-kontrolli uffiċjali fil-fruntieri tal-Unjoni fuq il-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 li jiddaħħlu fl-Unjoni u jivverifikaw li jintlaħaq wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

(a) li mhumiex fuq il-lista msemmija fil-Artikolu 4(1);

(b) li l-permessi msemmija fl-Artikolu 8 huma validi;

3.           Il-verifiki, permezz ta' verifika tad-dokumenti, l-identità u fejn meħtieġa verifika fiżika, msemmija fil-paragrafu 2 għandhom isiru:

(a) fil-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera stipulati fl-Atrikolu 57 tar-Regolament (UE) Nru XXX/XXXX [dwar il-kontrolli uffiċjali COM(2013)265] f'każ ta' oġġetti msemmija fil-paragrafu 1, skont l-Artikolu 45 ta' dak ir-Regolament u li huma soġġetti għall-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera; f'dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jagħtu r-responsabbiltà lill-awtoritajiet kompetenti stipulati fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru XXX/XXXX [dwar il-kontrolli uffiċjali COM(2013)265]

(b) fil-punt tad-dħul tat-territorju tad-dwana tal-Komunità fil-każ tal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 li għalihom l-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru XXX/XXXX [dwar il-kontrolli uffiċjali COM(2013)265] ma japplikax jew li huma eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera skont l-Artikolu 46 tal-istess Regolament; f'dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jagħtu r-responsabbiltà lill-awtoritajiet doganali għat-tqegħid ta' dawn il-prodotti skont il-proċeduri doganali.

4.           L-awtoritajiet maħtura għall-kontrolli fuq il-fruntieri għandhom jingħataw ukoll is-setgħa li jaqbdu u jikkonfiskaw l-organiżmi li ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet f'konformità mal-paragrafu 2. Meta l-organiżmi jiġu kkonfiskati, dawn għandhom jiġu fdati lill-awtorità kompetenti responsabbli mill-applikazzjoni tar-Regolament. L-Istati Membri jistgħu jiddelegaw funzjonijiet speċifiċi lil awtoritajiet oħra.

5.           Ir-rekord tar-riżultat tal-kontrolli uffiċjali mwettqa u kwalunkwe deċiżjoni meħuda fuq dik il-bażi, inkluża d-deċiżjoni ta' ċaħda ta' kunsinna, għandu jikkunsidra l-konformità mar-rekwiżiti fil-paragrafu 2(a) u (b).

6.           L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri biex jiżguraw l-iskambju ta' informazzjoni rilevanti għall-kunsinni li jaslu u koordinazzjoni u kooperazzjoni effiċjenti u effettivi għall-verifiki msemmija fil-paragrafu 2 bejn l-awtoritajiet kollha involuti u l-operatur tal-kunsinna.

7.           L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw linji gwida u programmi ta' taħriġ li jiffaċilitaw l-identifikazzjoni u l-kxif ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni permezz tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kollha involuti fil-verifiki msemmija fil-paragrafu 2. Il-programmi ta' taħriġ għall-awtoritajiet doganali għandhom jinkludu informazzjoni dwar kif għandu jimtela d-Dokument Amministrattiv Uniku li fuqu ssir id-dikjarazzjoni doganali.

Artikolu 14 Notifiki tal-identifikazzjoni bikrija

1.           L-Istati Membri għandhom jużaw is-sistema ta' sorveljanza stabbilita skont l-Artikolu 12 u l-infomazzjoni miġbura fil-kontrolli uffiċjali stipulati bl-Artikolu 13 biex jappoġġaw l-identifikazzjoni bikrija tad-dħul jew il-preżenza ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni.

2.           L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miktub mingħajr dewmien dwar l-identifikazzjoni bikrija tal-preżenza tal-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni u jinfurmaw lill-Istati Membri l-oħra, b'mod partikolari:

(a) il-wasla fit-territorju tagħhom jew f'parti mit-territorju ta' kwalunkwe speċi inkluża fil-lista msemmija fl-Artikolu 4(1) li l-preżenza tagħha fit-territorju tagħhom jew f'parti mit-territorju ma kinitx magħrufa qabel;

(b) il-wasla mill-ġdid fit-territorju tagħhom jew f'parti mit-territorju ta' kwalunkwe speċi inkluża fil-lista msemmija fl-Artikolu 4(1) wara li tkun ġiet irrapurtata li ġiet meqruda.

Artikolu 15 Qerda rapida fi stadju bikri tal-invażjoni

1.           Wara l-identifikazzjoni bikrija u fi żmien tliet xhur mit-trażmissjoni tan-notifika ta' identifikazzjoni bikrija msemmija fl-Artikolu 14, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-miżuri ta' qerda u jinnotifikaw lill-Kummissjoni u jinfurmaw lill-Istati Membri l-oħra dwar dawn il-miżuri.

2.           Filwaqt li japplikaw il-mizuri ta' qerda, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-metodi użati huma effettivi biex jiksbu t-tneħħija sħiħa u permanenti tal-popolazzjoni tal-ispeċi aljena invażiva kkonċernata, u li tingħata kunsiderazzjoni xierqa lis-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u li l-annimali fil-mira jinħelsu minn kwalunkwe wġigħ, tensjoni jew tbatija li jistgħu jiġu evitati.

3.           Is-sistema ta' sorveljanza stabbilita fl-Artikolu 12 għandha titfassal u tintuża biex tissorvelja wkoll l-effettività tal-qerda.

4.           L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u jinfurmaw lill-Istati Membri meta popolazzjoni ta' speċi aljena invażiva li hija sors ta' tħassib għall-Unjoni tkun inqerdet.

5.           L-Istati Membri għandhom jinfurmaw ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar l-effettività tal-miżuri meħuda.

Artikolu 16 Derogi mill-obbligu tal-qerda rapida

1.           L-Istati Membri jistgħu jissottomettu lill-Kummissjoni applikazzjoni għal deroga mill-obbligu li japplikaw il-miżuri ta' qerda msemmija fl-Artikolu 15 għall-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni li kienu soġġetti għan-notifika tal-identifikazzjoni bikrija msemmija fl-Artikolu 14.

2.           L-applikazzjonijiet għad-derogi għandhom ikunu abbażi ta' evidenza xjentifika b'saħħitha u għandhom jiġu sottomessi biss jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) jintwera li l-qerda mhijiex teknikament fattibbli għaliex il-metodi tal-qerda disponibbli ma jistgħux jiġu applikati fl-ambjent fejn hija stabbilita l-ispeċi;

(b) l-analiżi tal-ispejjeż u tal-benefiċċji turi b'ċertu livell ta' ċertezza li, abbażi tad-dejta disponibbli, għal żmien fit-tul, l-ispejjeż se jkunu għoljin b'mod eċċezzjonali u sproporzjonati mal-benefiċċji tal-qerda;

(c) il-metodi tal-qerda mhumiex disponibbli jew huma disponibbli iżda jkollhom impatti negattivi serji fuq is-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent.

3.           L-Istati Membri għandhom jissottomettu l-applikazzjonijiet għad-deroga, debitament motivati u flimkien mal-evidenza msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 2, lill-Kummissjoni.

4.           Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni f'konformità mal-paragrafu 6, li tapprova jew tiċħad l-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 3.

5.           Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22(2).

6.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti l-miżuri ta' konteniment biex jevitaw aktar tixrid tal-ispeċi sakemm tiġi adottata deċiżjoni ta' implimentazzjoni dwar id-deroga f'konformità mal-paragrafu 3.

7.           Meta tiġi approvata deroga mill-obbligu ta' qerda, l-ispeċi għandha tkun soġġetta għall-miżuri ta' ġestjoni msemmija fl-Artikolu 17. Jekk tiġi miċħuda l-applikazzjoni għad-deroga, l-Istat Membru kkonċernat għandu japplika l-miżuri ta' qerda msemmija fl-Artikolu 15 mingħajr dewmien.

Kapitolu IV Ġestjoni ta' Speċijiet Aljeni Invażivi li nxterdu b'mod vast

Artikolu 17 Miżuri ta’ ġestjoni

1.           Sa mhux aktar tard minn 12-il xahar mill-inklużjoni ta' speċi aljena invażiva fil-lista msemmija fl-Artikolu 4(1), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-miżuri ta' ġestjoni għal dawk l-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni li fl-Istati Membri nstab li nxterdu b'mod vast fuq it-territorju tagħhom, biex b'hekk jitnaqqsu l-impatti fuq il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema, is-saħħa tal-bniedem u l-ekonomija. Dawk il-miżuri ta' ġestjoni għandhom ikunu abbażi ta' analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji u għandhom jinkludu wkoll il-miżuri ta' ristawr msemmija fl-Artikolu 18.

2.           Il-miżuri ta' ġestjoni għandhom jikkonsistu f'azzjonijiet fiżiċi, kimiċi jew bijoloġiċi mmirati lejn il-qerda, il-kontroll ta' popolazzjoni jew il-konteniment ta' popolazzjoni ta' speċi aljena invażiva. Fejn xieraq, il-miżuri ta' ġestjoni għandhom jinkludu azzjonijiet applikati fl-ekosistema li tirċievi bl-għan li jkabbru r-reżiljenza għall-invażjonijiet kurrenti jew li jseħħu fil-futur.

3.           Fl-applikazzjoni tal-miżuri ta' ġestjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-metodi użati jikkunsidraw b'mod xieraq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u jekk l-annimali jkunu fil-mira, jinħelsu minn kwalunkwe wġigħ, tensjoni jew tbatija.

4.           Is-sistema ta' sorveljanza stabbilita fl-Artikolu 12 għandha titfassal u tintuża biex tissorvelja l-effettività tal-qerda, tal-kontroll tal-popolazzjoni jew tal-miżuri ta' konteniment fit-tnaqqis tal-impatti fuq il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema, is-saħħa tal-bniedem jew l-ekonomija.

5.           Meta jkun hemm riskju konsiderevoli li xi speċji aljena invażiva li hija sors ta' tħassib għall-Unjoni se tinxtered fi Stat Membru ġar, l-Istat Membru li fih l-ispeċi nxterdet ħafna għandu jinnotifika immedjatament lill-Istati Membri ġirien u lill-Kummissjoni. Fejn xieraq, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jistabbilixxu miżuri ta' ġestjoni maqbula b'mod konġunt. Fil-każijiet fejn il-pajjiżi terzi jistgħu jkunu affettwati wkoll mit-tixrid, l-Istat Membru affettwat għandu jikkunsidra l-bżonn li jinfurma l-pajjiżi terzi kkonċernati.

Artikolu 18 Restawr ta' ekosistemi mħassra

1.           L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri ta' ristawr proporzjonati biex jgħinu l-irkupru ta' eskosistema li tkun ġiet degradata, mħassra jew meqruda minn speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni.

2.           Il-miżuri tar-ristawr imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu tal-inqas dan li ġej:

(a) miżuri li jżidu l-kapaċità ta' ekosistema esposta għad-disturb li tirreżisti, tassorbi, takkomoda lilha nnifisa għal u tirkupra mill-effetti tad-disturb;

(b) miżuri li jiżguraw il-prevenzjoni ta' invażjoni mill-ġdid wara kampanja ta' qerda.

KAPITOLU V Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 19 Rappurtar

1.           Sa mhux aktar tard minn [tliet snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament - id-data għad trid tiddaħħal] u kull erba' snin wara dik id-data, l-Istati Membri għandhom jibagħtu informazzjoni aġġornata lill-Kummissjoni dwar dan li ġej:

(a) deskrizzjoni tas-sistema ta' sorveljanza f'konformità mal-Artikolu 12 u tas-sistema uffiċjali ta' kontroll fuq l-ispeċijiet aljeni li jidħlu fl-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 13;

(b) id-distribuzzjoni tal-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni preżenti fit-territorju tagħhom;

(c) informazzjoni dwar l-ispeċijiet ikkunsidrati bħala speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 10(2);

(d) il-pjan ta' azzjoni msemmi fl-Artikolu 11(2);

(e) informazzjoni aggregata li tkopri t-territorju nazzjonali kollu dwar il-miżuri ta' qerda meħuda skont l-Artikolu 15 u l-miżuri ta' ġestjoni stipulati fl-Artikolu 17 u l-effettività tagħhom.

(f) il-format tal-permessi msemmija fl-Artikolu 8.

2.           L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u jinfurmaw lill-Istati membri l-oħra dwar l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

3.           Fi żmien 5 snin minn [data tal-adozzjoni], il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-effettività tar-Regolament kurrenti inklużi l-lista msemmija fl-Artikolu 4(1), il-pjanijiet ta' azzjoni msemmija fl-Artikolu 11(3), is-sistema ta' sorveljanza, il-verifiki fuq il-fruntieri, l-obbligu tal-qerda u l-obbligi tal-ġestjoni, u għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jista' jintbagħat flimkien ma' proposti għall-emendi tiegħu inklużi bidliet fil-lista tal-Artikolu 4(1).

Artikolu 20 Mekkaniżmu ta' appoġġ għall-informazzjoni

1.           B'mod gradwali, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi mekkaniżmu ta' appoġġ għall-informazzjoni meħtieġ biex jiffaċilita l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

2.           Fil-fażi bikrija s-sistema għandha tinkludi mekkaniżmu ta' appoġġ għad-dejta li jgħaqqad is-sistemi ta' dejta eżiżtenti dwar l-ispeċijiet aljeni invażivi, li jagħti attenzjoni partikolari lill-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni sabiex jiffaċilita r-rappurtar f'konformità mal-Artikolu 19.

3.           Fit-tieni fażi, il-mekkaniżmu ta' appoġġ għad-dejta msemmi fil-paragrafu 2 għandu jsir għodda li tassisti lill-Kummissjoni fil-ġestjoni tan-notifiki rilevanti meħtieġa fl-Artikolu 14(2).

4.           Fit-tielet fażi, il-mekkaniżmu ta' appoġġ għad-dejta msemmi fil-paragrafu 2 għandu jsir mekkaniżmu għall-iskambju tal-infomrazzjoni dwar aspetti tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 21 Parteċipazzjoni pubblika

1.           Meta jiġu stabbiliti pjanijiet ta' azzjoni f'konformità mal-Artikolu 11 u meta jiġu stabbiliti miżuri f'konformità mal-Artikolu 17, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pubbliku jingħata opportunitajiet effettivi minn kmieni biex jipparteċipa fil-preparazzjoni, l-modifiki jew ir-reviżjoni tagħhom billi jintużaw l-arranġamenti li diġà ġew stabbiliti mill-Istati Membri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2003/35/KE.

Artikolu 22 Kumitat

1.           Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011[23].

2.           Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 23 Eżerċizzju tad-delega

1.           Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.           Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 5(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien mhux definit mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

3.           Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 5(2) tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att iddelegat diġà fis-seħħ.

4.           Mal-adozzjoni ta' att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.           Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 5(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhux sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 24 Miżuri u sanzjonijiet amministrattivi

1.           L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-miżuri u s-sanzjonijiet amministrattivi applikabbli għall-ksur ta' dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu infurzati: Il-miżuri u s-sanzjonijiet stipulati iridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 25 Setgħat ta' sanzjonar

1.           L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħa li jimponu miżuri u sanzjonijiet amministrattivi fuq kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament.

2.           Mingħajr preġudizzju lejn is-setgħat superviżorji tagħhom, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħa li jimponu tal-anqas il-miżuri u s-sanzjonijiet amministrattiv li ġejjin:

(a) ordni li teħtieġ lill-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ksur li twaqqaf l-imġiba u li ma terġax tirrepeti dik l-imġiba;

(b) ordni li teħtieġ il-konfiska tal-ispeċi aljena invażiva inkwistjoni, li hija sors ta' tħassib għall-Unjoni u li mhix konformi;

(c) projbizzjoni temporanja fuq xi attività;

(d) irtirar permanenti tal-awtorizzazzjoni għal xi attività;

(e) sanzjonijiet pekunarji ammistrattivi;

(f) ordni li teħtieġ lill-persuna fiżika jew ġuridika li tieħu miżuri ta' rimedju.

3.           Meta jiġu biex jiddeterminaw it-tip ta’ miżuri u sanzjonijiet amministrattivi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsideraw iċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, inklużi:

(a) is-serjetà u d-dewmien tal-ksur;

(b) il-grad tal-involviment tal-persuna responsabbli għall-invażjoni;

(c) l-introjtu li l-persuna fiżika jew ġuridika kisbet mill-ksur;

(d) il-ħsara ambjentali, soċjali u ekonomika kkawżata mill-ksur;

(e) il-livell ta' kooperazzjoni tal-persuna responsabbli mal-awtorità kompetenti;

(f) ksur preċedenti mill-persuna responsabbli.

4.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti f’konformità ma' dan l-Artikolu jkunu soġġetti għad-dritt ta' appell.

Artikolu 26 Dispożizzjonijiet tranżitorji għas-sidien mhux kummerċjali

1.           Permezz ta' deroga mill-Artikolu 7(1)(c) u (f), is-sidien ta' annimali ta' kumpanija li ma jkunux miżmuma għal skopijiet kummerċjali u li huma speċi inkluża fil-lista msemmija fl-Artikolu 4(1) għandhom jitħallew iżommuhom sat-tmiem tal-ħajja naturali tal-annimali, sakemm ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) il-kampjuni kienu miżmuma qabel l-inklużjoni fil-lista msemmija fl-Artikolu 4(1);

(b) il-kampjuni jinżammu fi spazju kkonfinat u jitwettqu l-miżuri xierqa kollha li jiżguraw li r-riproduzzjoni jew il-ħarba mhumiex possibbli.

2.           L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lis-sidien mhux kummerċjali dwar ir-riskji imposti miż-żamma tal-kampjuni msemmija fil-paragrafu 1 u l-miżuri li għandhom jittieħdu biex jitnaqqas ir-riskju tar-riproduzzjoni u tal-ħarba permezz ta' programmi ta' sensibilizzazzjoni u edukazzjoni organizzati mill-Istati Membri.

3.           L-Istati Membri għandhom joffru lis-sidien mhux kummerċjali li ma jistgħux jiżguraw li l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 ikunu sodisfatti, l-possibbiltà li l-kampjuni jittieħdu mingħandhom u għandhom iqisu b'mod xieraq il-benessri tal-annimali fil-ġestjoni tagħhom.

Artikolu 27 Dispożizzjonijiet tranżitorji għal ħażniet kummerċjali

1.           L-indokraturi ta' ħażna kummerċjali ta' kampjuni ta' speċijiet aljeni invażivi miksuba qabel l-inklużjoni tagħhom fil-lista msemmija fl-Artikolu 4(1) għandhom jingħataw perjodu ta' sentejn wara l-inklużjoni tal-ispeċi f'dik il-lista biex iżommu u jittrasportaw biex ibigħu jew biex jagħtu l-kampjuni ħajjin jew il-partijiet riproduċibbli ta' dawk l-ispeċijiet lill-istituzzjonijiet tar-riċerka jew tal-konservazzjoni ex situ msemmija fl-Artikolu 8, sakemm il-kampjuni jinżammu u jiġu ttrasportati fi spazju kkonfinat

2.           Meta jkun inħareġ permess skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 708/2007 għal speċi tal-akkwakultura li sussegwentement tkun inkluża fil-lista ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni, u t-tul taż-żmien tal-permess ikun itwal mill-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, l-Istat membru għandu jirtira l-permess skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 708/2007 sa tmiem il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 28 Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-[1 ta' Jannar jew l-1 ta' Lulju] wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

Dikjarazzjoni Finanzjarja Simplifikata

Titolu tal-abbozz ta’ proposta:

Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid tal-ispeċijiet aljeni invażivi.

Qasam (oqsma) ta' politika u attività(ijiet) ABB ikkonċernati:

Titolu 07 Ambjent

07.01.02 Nefqa għal persunal estern u nefqa oħra relatata mat-tmexxija li hija marbuta mal-qasam tal-politika dwar l-Ambjent

Bażi legali

            ¨ Awtonomija amministrattiva                      X Oħrajn: Artikolu 192(1) tat-TFUE

Deskrizzjoni u ġustifikazzjonijiet:

L-ispeċijiet aljeni invażivi (IAS) huma speċijiet li jiġu ttrasportati madwar il-limiti ekoloġiċi, b'mod intenzjonat jew mhux intenzjonat permezz ta' azzjoni mill-bniedem, barra mid-distribuzzjoni tagħhom u li jistabbilixxu u jinxterdu fil-post il-ġdid tagħhom sal-punt li jkollhom impatt negattiv fuq il-bijodiversità, iżda wkoll fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ekonomija. L-IAS huma kawża ewlenija tat-telf tal-bijodiversità, minbarra li jikkawżaw ħsara soċjali u ekonomika, u huwa essezjali li jiġu indirizzati sabiex tintlaħaq il-mira tal-UE li jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità sal-2020. Barra minn hekk, ġie stmat li l-IAS qed jiswew lill-UE EUR 12-il biljun fis-sena f'dawk li huma spejjeż ta' ħsara u kontroll. Għalhekk l-iskop ta' dan l-abbozz ta' Regolament huwa li jiġi stabbilit qafas tal-UE għall-prevenzjoni, t-tnaqqis u l-mitigazzjoni tal-impatti negattivi tal-IAS fuq il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema u li jipprova jtaffi l-ħsara soċjali u ekonomika. L-Istati Membri diġà qed jieħdu miżuri biex jindirizzaw l-IAS, iżda l-azzjoni tibqa' reattiva b'mod predominanti, tfittex li tnaqqas il-ħsara li diġà qed tiġi kkawżata mingħajr ma tikkunsidra biżżejjed il-prevenzjoni jew l-identifikazzjoni u r-rispons għal theddid ġdid. L-isforzi huma frammentati u ma jkoprux l-UE kollha u spiss mhumiex koordinati sew, li jfisser li l-effettività globali tagħhom qed titnaqqas. Bħalissa ma jeżistix qafas legali komprensiv li jindirizza l-IAS fil-livell tal-UE. Dan l-abbozz ta' Regolament għandu l-għan li jindirizza dan in-nuqqas fil-politika, f'konformità mal-impenji internazzjonali tiegħu skont il-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bijoloġika.

Tul ta' żmien u stima tal-impatt finanzjarju:

Perjodu tal-applikazzjoni:

¨      Proposta b'tul ta' żmien limitat: fis-seħħ minn [data] sa [data]

X       Proposta għal tul ta' żmien indefinit: fis-seħħ minn [imbassar 2015 għad irid jiġi kkonfermat]

Impatt baġitarju stmat:

L-abbozz tal-proposta jinvolvi:

¨      l-iffrankar

X       l-ispejjeż addizzjonali (jekk iva, speċifika l-intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali kkonċernat): Intestatura 5 tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020

Kontribuzzjonijiet mill-partijiet terzi għall-finanzjament tal-abbozz tal-proposta:

Il-proposta ma tipprevedi l-ebda kofinanzjament minn partijiet terzi

Spjegazzjoni taċ-ċifri:

L-implimetazzjoni tal-aspetti ta' dan l-abbozz ta' Regolament se teħtieġ it-tmexxija ta' Kumitat. Abbażi tal-ispejjez tat-tmexxija ta' Kumitati simili, ġew stmati l-ispejjeż li ġejjin taħt l-intestatura 07 01 02 11 03 - Kumitati (ara t-tabella iktar 'l isfel)

- laqgħat/sena

- 1 rappreżentant/SM

- spiża massima għall-ivvjaġġar u l-alloġġ ta' EUR 800 għal kull SM/laqgħa

Dan iwassal għal spiża ta' madwar EUR 80 000/sena għall-Kummissjoni.

Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali preżenti:

X       Il-proposta hi kompatibbli mal-programmazzjoni finanzjarja eżistenti.

¨      Il-proposta se tinvolvi programmar mill-ġdid tal-intestatura rilevanti fil-qafas finanzjarju pluriennali.

¨      Il-proposta teħtieġ l-użu tal-istrument tal-flessibbiltà jew reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali[24].

Impatt fuq l-iffrankar jew spejjeż addizzjonali għall-allokazzjoni tar-riżorsi:

¨      Ir-riżorsi se jinkisbu permezz ta' riallokazzjoni interna fid-dipartimenti.

X       Ir-riżorsi diġà huma allokati lid-dipartiment(i) kkonċernat(i)

¨      Riżorsi li se jintalbu waqt il-proċedura ta’ allokazzjoni li jmiss.

Ir-riżorsi umani u amministrattivi meħtieġa se jintlaħqu mill-istaff tad-DĠ li diġà ġie assenjat il-ġestjoni tal-azzjoni, bl-appoġġ ta' staff li diġà ġie riallokat għall-ħidma fuq aspetti relatati mal-implimentazzjoni ta' dan l-abbozz ta' Regolament. L-inkarigi ewlenin tal-uffiċjali assenjati se jkunu: it-tmexxija tal-Kumitat, it-tmexxija tal-interazzjoni mal-Istati Membri, il-koordinazzjoni taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) u b'mod ġenerali l-appoġġ għal implimentazzjoni korretta ta' dan l-abbozz ta' Regolament.

Din is-sistema hija mfassla biex tiġbor flimkien ir-riżorsi u l-għarfien espert minn servizzi differenti tal-Kummissjoni, li se jippermetti li s-sistema titmexxa b'riżorsi limitati ta' staff dedikat: B'mod partikolari, il-politika dwar l-IAS se tibbenefika mill-kontribuzzjoni tal-istaff tal-JRC involut fil-proġett EASIN[25], kif ukoll mill-għarfien espert tas-servizzi l-oħra tal-Kummissjoni u l-aġenziji li jaħdmu f'oqsma rilevanti għall-politika dwar l-IAS (partikolarment, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għandha staff iddedikat għall-ħidma dwar l-IAS li se jkun disponibbli għall-appoġġ tal-ħidma ta' implimentazzjoni). Jekk jinħtieġ, l-istaff se jkun riallokat abbażi tal-allokazzjonijiet li jistgħu jingħataw lid-DĠ li jkun qed imexxi skont il-proċedura ta' allokazzjoni annwali fid-dawl tar-restrizzjonijiet baġitarji eżistenti.

STIMA TAL-IMPATT FINANZJARJU (iffrankar jew spejjeż addizzjonali) FUQ L-APPROPRJAZZJONIJIET TA’ NATURA AMMINISTRATTIVA JEW GĦAR-RIŻORSI UMANI

FTE f’persuni/sena || Sena || Sena || Sena || Sena || Sena || Sena || Sena || Total

2015 || 2016 || 2017 || 2018 || 2019 || 2020 || 2021

Intestatura 5 || EFT || approp. || EFT || approp. || EFT || approp. || EFT || approp. || EFT || approp. || EFT || approp. || EFT || approp. || ||

Karigi tal-pjan ta’ stabbiliment (uffiċjali u/jew persunal temporanju)

07 01 01 01 (Il-Kwartieri Ġenerali u l-Uffiċċji tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni) || || 0.199* || || 0.199 || || 0.199 || || 0.199 || || 0.199 || || 0.199 || || 0.199 || || 1.393

07 01 01 02 (Delegazzjonijiet) || || || || || || || || || || || || || || || ||

Staff estern ||

07 01 02 01 (‘pakkett kumplessiv’) || || 0.002** || || 0.002 || || 0.002 || || 0.002 || || 0.002 || || 0.002 || || 0.002 || || 0.014

07 01 02 02 (Delegazzjonijiet) || || || || || || || || || || || || || || || ||

Linji baġitarji oħra (speċifika) || || || || || || || || || || || || || || || ||

Subtotal - Intestatura 5 || || 0.201 || || 0.201 || || 0.201 || || 0.201 || || 0.201 || || 0.201 || || 0.201 || || 1.407

Barra mill-Intestatura 5 ||

Karigi tal-pjan ta’ stabbiliment (uffiċjali u/jew persunal temporanju)

07 01 05 01 (Riċerka indiretta) || || || || || || || || || || || || || || || ||

10 01 05 01 (Riċerka diretta) || || || || || || || || || || || || || || || ||

Staff estern

07 01 04 ss || || || || || || || || || || || || || || || ||

Kwartieri ġenerali || || || || || || || || || || || || || || || ||

Delegazzjonijiet || || || || || || || || || || || || || || || ||

07 01 05 02 (Riċerka indiretta) || || || || || || || || || || || || || || || ||

10 01 05 02 (Riċerka diretta) || || || || || || || || || || || || || || || ||

Linji baġitarji oħra (speċifika) || || || || || || || || || || || || || || || ||

Subtotal – Barra mill-Intestatura 5 || || || || || || || || || || || || || || || ||

TOTAL || || 0.201 || || 0.201 || || 0.201 || || 0.201 || || 0.201 || || 0.201 || || 0.2014 || || 1.407 għall-ewwel 7 snin

EFT=Ekwivalenti għal Full-Time                                                                                                 EUR miljun (sa 3 punti deċimali)

"L-approprjazzjonijiet tar-riżorsi umani meħtieġa se jiġu sodisfatti mill-approprjazzjonijiet mid-DĠ li huma diġà assenjati għall-immaniġġjar tal-azzjoni u/jew ġew riallokati fi ħdan id-DĠ, flimkien, jekk dan ikun meħtieġ, ma’ kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ li jkun qed imexxi l-azzjoni skont il-proċedura ta’ allokazzjoni annwali u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.

*L-istima tal-approprjazzjoni tinkludi l-istaff mid-DĠ ENV kif ukoll EFT fil-JRC **Medja ta' allokazzjoni ta' END

Approprjazzjonijiet amministrattivi oħra                                                                                     EUR miljun (sa 3 punti deċimali)

|| Sena || Sena || Sena || Sena || Sena || Sena || Sena || TOTAL

2015 || 2016 || 2017 || 2018 || 2019 || 2020 || 2021

Intestatura 5 || || || || || || || ||

Kwartieri ġenerali: || || || || || || || ||

07 01 02 11 01 - Spejjeż tal-missjoni u tar-rappreżentazzjoni || || || || || || || ||

07 01 02 11 02 - Spejjeż tal-konferenzi tal-laqgħat || || || || || || || ||

07 01 02 11 03 – Kumitati || 0.08 || 0.08 || 0.08 || 0.08 || 0.08 || 0.08 || 0.08 || 0.56 għall-ewwel 7 snin

07 01 02 11 04 - Studji u konsultazzjonijiet || || || || || || || ||

07 01 03 01 03 – Tagħmir tal-ICT[26] || || || || || || || ||

07 01 03 01 04 – servizzi tal-ICT2 || || || || || || || ||

Linji oħra tal-baġit (speċifika fejn ikun meħtieġ) || || || || || || || ||

Delegazzjonijiet: || || || || || || || ||

07 01 02 12 01 – Spejjez tal-missjonijiet, tal-konferenzi u tar-rappreżentazzjoni || || || || || || || ||

07 01 02 12 02 - Aktar taħriġ għall-istaff || || || || || || || ||

07 01 03 02 01 – Xiri, kiri u nfiq relatat || || || || || || || ||

07 01 03 02 02 Tagħmir, għamara, provvisti u servizzi || || || || || || || ||

Subtotal - Intestatura 5 || 0.08 || 0.08 || 0.08 || 0.08 || 0.08 || 0.08 || 0.08 || 0.56 għall-ewwel 7 snin

Barra mill-Intestatura 5 || || || || || || || ||

07 01 04 ss – Nefqa fuq assistenza teknika u amministrattiva (eskluż l-istaff estern) mill-approprazzjonijiet tal-operat (dawk li kienu linji 'BA') || || || || || || || ||

- Kwartieri ġenerali || || || || || || || ||

- Delegazzjonijiet || || || || || || || ||

07 01 05 03 - Nefqa maniġerjali oħra għal riċerka indiretta || || || || || || || ||

10 01 05 03 - Nefqa maniġerjali oħra għal riċerka diretta || || || || || || || ||

Linji oħra tal-baġit (speċifika fejn ikun meħtieġ) || || || || || || || ||

Subtotal – Barra mill-Intestatura 5 || || || || || || || ||

IS-SOMMA FINALI || 0.08 || 0.08 || 0.08 || 0.08 || 0.08 || 0.08 || 0.08 || 0.56 għall-ewwel 7 snin

[1]               http://www.acceptance.ec.europa.eu/environment/nature/invasivealien/docs/ias_discussion_paper.pdf

[2]               L-istudji kollha huma aċċessibbli minn hawn http://ec.europa.eu/environment/nature/invasivealien/index_en.htm.

[3]               ref ĠU

[4]               ref ĠU

[5]               ĠU L 309, 13.12.1993, p. 1.

[6]               ĠU L 38, 10.2.1982, p. 1.

[7]               ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7.

[8]               ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.

[9]               ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19.

[10]             ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.

[11]             COM(2013) 260 final

[12]             COM(2013) 267 final

[13]             ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1.

[14]             ĠU L 168, 28.6.2007, p. 1.

[15]             ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

[16]             ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

[17]             ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1.

[18]             COM (2008) 642 finali.

[19]             ĠU L 325, 9.12.2010, p. 4.

[20]             ĠU L 204, 31.7.2012, p. 131.

[21]             ĠU L 156, 25.6.2003, p. 17.

[22]             ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

[23]             ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

[24]             Ara l-punti 19 u 24 tal-Ftehim Interistituzzjonali għall-perjodu 2007-2013.

[25]             In-Netwerk Ewropew ta' Informazzjoni dwar l-Ispeċijiet Aljeni (European Alien Species Information Network - EASIN) għandu l-għan li jżid l-aċċess għad-dejta u l-informazzjoni dwar l-ispeċijiet aljeni fl-Ewropa. L-EASIN jiffaċilita l-esplorazzjoni tal-informazzjoni dwar l-ispeċijiet aljeni eżistenti minn sorsi mqassma permezz ta' netwerk ta' servizzi fuq l-internet interoperabbli, u jsegwi standards u protokolli rikonoxxuti fuq livell internazzjonali. Il-proġett tnieda b'appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija għall-Bijodiversità u d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina u sar disponibbli għall-pubbliku minn Mejju 2012.

[26]             ICT: It-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni