52013PC0618

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal-25 ta' Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta' atti kriminali u ta' pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta' drogi, rigward id-definizzjoni ta' droga /* COM/2013/0618 final - 2013/0304 (COD) */


MT

|| IL-KUMMISSJONI EWROPEA ||

Brussell, 17.9.2013

COM(2013) 618 final

2013/0304 (COD)

 

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal-25 ta' Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta' atti kriminali u ta' pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta' drogi, rigward id-definizzjoni ta' droga

{SWD(2013) 319 final}

{SWD(2013) 320 final}

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1.      Il-kuntest ġenerali

It-traffikar illeċitu tad-droga u l-abbuż tad-droga huma theddid serju għas-saħħa u s-sigurtà tal-individwi u tas-soċjetajiet fl-UE. Dawn jaffettwaw l-istruttura soċjali u ekonomika u jdgħajjfu l-kwalità tal-ħajja tal-individwu, kif ukoll is-sigurtà tal-Istati Membri. Għalkemm il-konsum ta’ sustanzi kkontrollati skont il-Konvenzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-droga[1], bħall-kokaina, l-ecstasy jew il-kannabis (“drogi kontrollati”), jidher li sar stabbli f’dawn l-aħħar snin[2], għalkemm f’livelli għolja, sfida ewlenija hija li jkunu indirizzati sustanzi ġodda li qed jitfaċċaw fis-suq b’pass imgħaġġel.

Sustanzi psikoattivi ġodda, li jimitaw l-effetti ta’ drogi kontrollati u ta’ sikwit jinbiegħu bħala alternattivi legali għalihom minħabba li mhumiex soġġetti għal miżuri ta’ kontroll simili, u li għandhom ħafna użu fl-industrija, huma dejjem aktar disponibbli fl-Unjoni. Bejn l-1997 u l-2012, l-Istati Membri rrappurtaw madwar 290 sustanza, b’aktar minn sustanza ġdida notifikata kull ġimgħa fl-2012. In-numru ta' sustanzi nnotifikati żdied bi tliet darbiet bejn l-2009 u l-2012 (minn 24 għal 73).

Għadd dejjem jikber ta’ individwi, b’mod partikolari ż-żgħażagħ, jikkunsmaw sustanzi psikoattivi ġodda. Madankollu, dawn is-sustanzi jistgħu jikkawżaw ħsara lis-saħħa u s-sigurtà tal-individwi u jistgħu jkunu ta' piż fuq is-soċjetà, eżatt bħalma jagħmlu drogi kkontrollati. Ir-riskji li sustanzi psikoattivi ġodda jista' jkollhom wasslu lill-awtoritajiet nazzjonali biex jagħmluhom soġġetti għal miżuri ta' restrizzjoni. Madankollu, miżuri ta’ restrizzjoni nazzjonali bħal dawn għandhom effettività limitata, billi dawn is-sustanzi jistgħu jiċċaqalqu b’mod ħieles fis-suq intern — madwar 80 % tas-sustanzi nnotifikati nstabu f’aktar minn Stat Membru wieħed.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Lejn reazzjoni Ewropea għad-droga aktar b'saħħitha"[3], adottata f'Ottubru 2011, identifikat sustanzi psikoattivi ġodda bħala waħda mill-problemi li teħtieġ reazzjoni soda fil-livell tal-UE.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI tal-10 ta' Mejju 2005[4] tipprovdi mekkaniżmu biex jiġu indirizzati r-riskji li joħolqu s-sustanzi psikoattivi ġodda, li jistgħu jwasslu għas-sottomissjoni tas-sustanzi għal miżuri ta' kontroll u pieni kriminali fl-Unjoni. Biex tiġi indirizzata b'mod aktar sostenibbli l-preżenza ta' sustanzi psikoattivi ġodda u l-firxa mgħaġġla tagħhom fl-Unjoni, l-Kummissjoni pproponiet regoli aktar bsaħħithom, skont [ir-Regolament (UE) Nru .../... dwar sustanzi psikoattivi ġodda].

Biex titnaqqas b'mod effettiv id-disponibilità ta' sustanzi psikoattivi ġodda perikolużi, li jikkostitwixxu riskji severi għas-saħħa, għas-soċjetà u għas-sigurtà għall-individwi u s-soċjetà, u biex jiġi skoraġġut it-traffikar f'dawn is-sustanzi kif ukoll l-involviment f'organizzazzjonijiet kriminali fil-produzzjoni jew it-tqassim tagħhom, flimkien ma' drogi kkontrollati, huwa neċessarju li sustanzi psikoattivi ġodda jiġu koperti minn dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali.

Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal-25 ta' Ottubru 2004[5] tipprovdi approċċ komuni għall-ġlieda kontra t-traffikar ta' droga illeċitu. Hija tistabbilixxi regoli komuni minimi dwar id-definizzjoni ta' offiżi u sanzjonijiet ta' traffikar ta' droga biex jiġi evitat li jinqalgħu problemi fil-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri minħabba li r-reat jew ir-reati in kwistjoni ma jistgħux jiġu kkastigati skont il-liġijiet kemm tal-Istat li jirrikjedi kif ukoll ta’ dak li qed jiġi rikjest. Madankollu, filwaqt li d-dispożizzjonijiet japplikaw għal sustanzi koperti mill-Konvenzjonijiet tan-NU u għal drogi sintetiċi sottomessi għall-kontroll skont l-Azzjoni Konġunta 97/396/ĠAI tas-16 ta' Ġunju 1997[6], ma japplikawx għal sustanzi ġodda pskoattivi.

Sabiex il-qafas legali applikabbli għad-drogi jkun konformi u jiġi ċċarat, l-aktar sustanzi psikoattivi ġodda perikolużi għandhom ikunu koperti mill-istess dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali kkontrollati skont il-Konvenzjonijiet tal-UE.

Huwa għalhekk neċessarju li jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni tad-Deċizjoni Qafas 2004/757/ĠAI għal sustanzi psikoattivi ġodda soġġetti għal miżuri ta' kontroll skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI kif ukoll għal dawk is-sustanzi soġġetti għal miżuri ta' restrizzjoni ta' suq permanenti skont ir-Regolament (UE) Nru .../... dwar sustanzi psikoattivi ġodda.

Proposta leġiżlattiva dwar it-traffikar ta' drogi illeċiti kienet prevista fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni tal-2012.

1.2.      Il-bażi tal-proposta u l-għanijiet tagħha

Din il-proposta temenda d-Deċiżjoni Qafas 2004/757/ĠAI biex tinkludi sustanzi psikoattivi ġodda li huma ta' riskju kbir fil-kamp ta' applikazzjoni.

Din il-proposta takkumpanja l-proposta għal [ir-Regolament (UE) Nru.../... dwar sustanzi psikoattivi ġodda]. Iż-żewġ proposti huma magħqudin sabiex is-sustanzi psikoattivi ġodda li huma ta' riskju kbir għas-saħħa, għas-soċjetà u għas-sigurtà u li għalhekk huma sottomessi għar-restrizzjoni ta' suq permanenti skont ir-Regolament jiġu wkoll soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali dwar traffikar ta' droga illeċitu stabbiliti mid-Deċiżjoni Qafas 2004/757/ĠAI.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

2.1.        Il-konsultazzjoni mal-partijiet involuti

Konsultazzjonijiet wiesa' mal-partijiet involuti u esperti u konsultazzjoni pubblika bbażata fuq l-internet infurmaw ix-xogħol preparatorju għal din il-proposta.

Il-Kummissjoni kkonsultat lill-Istati Membri kollha fil-valutazzjoni tat-tħaddim tad-Deċiżjonijiet Qafas 2004/757/ĠAI u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI. Aktar minn hekk, fil-kuntest ta' studji esterni dwar traffikar ta' drogi illeċitu u sustanzi psikoattivi ġodda, il-Kummissjoni ġabret u analizzat l-opinjonijiet ta' firxa wiesa' ta' partijiet involuti, prattikanti u esperti, inklużi l-aġenziji tal-UE involuti fl-implimentazzjoni ta' dawn l-istrumenti.

Il-Kummissjoni organizzat ukoll żewġ laqgħat għall-esperti dwar it-traffikar tad-drogi illeċitu fl-10 ta' Novembru 2011 u fid-29 ta' Frar 2012 u żewġ laqgħat tal-esperti dwar sustanzi psikoattivi ġodda, fil-15 ta' Diċembru 2011 u fl-1 ta' Marzu 2012. Matul dawn il-laqgħat, esperti akkademiċi u prattikanti enfasizzaw l-importanza tad-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali bħala għajnuna biex tirreprimi u tiskoraġġixxi t-traffikar illeċitu tad-droga, u biex tindirizza l-firxa ta' sustanzi psikoattivi ġodda perikolużi. Fl-istess ħin, irrimarkaw li l-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi psikoattiv l-ġodda għandha tkun proporzjonata u kkalibrata għal-livelli differenti ta' riskji li jikkostitwixxu.

Fl-2011 sar stħarriġ fost iż-żgħażagħ (ta' bejn il- 15 u l-24 sena) permezz tal-Ewrobarometru "Youth atitudes on drugs". Kważi nofs dawk li wieġbu (47 %) ħasbu li huma biss dawk is-sustanzi ppruvati li huma ta' riskju għas-saħħa li għandhom jiġu ristretti, filwaqt li 34 % sostnew li s-sustanzi kollha li jimitaw l-effetti ta' drogi kkontrollati għandhom jiġu ristretti.

2.2.        Valutazzjoni tal-impatt

Il-Kummissjoni vvalutat l-impatti ta' din il-proposta għal emenda tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757/ĠAI f'valutazzjoni tal-impatt dwar sustanzi psikoattivi ġodda. L-analiżi kkonkludiet li, bħal skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI, sustanzi psikoattivi ġodda perikolużi (dawk li huma ta' riskju kbir għas-saħħa, għas-soċjetà u għas-sigurtà) għandhom ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali. Ikkonkludiet ukoll li għandhom għalhekk ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali dwar traffikar ta' droga illeċitu. Dan irrappreżenta parti mill-għażla ta' politika ppreferuta li tipprevedi numru gradat ta' miżuri restrittivi li huma proporzjonati mal-livell ta' riskju mis-sustanzi psikoattivi ġodda, u li ma jikkawżawx ostakoli għal kummerċ leġittimu fis-suq intern.

3.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

3.1.        Il-bażi legali

Din il-proposta hija bbażata fuq Artikolu 83(1) TFUE li jagħti setgħa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jistabbilixxu regoli minimi dwar id-definizzjoni ta' reati u sanzjonijiet fil-qasam ta' traffikar tad-droga illeċitu, permezz ta' Direttiva adottata skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

3.2.        Is-sussidjarjetà, il-proporzjonalità u r-rispett għad-drittijiet fundamentali

L-UE qiegħda f'pożizzjoni aħjar mill-Istati Membri biex tieħu azzjoni u tirrestrinġi d-disponibilità fis-suq intern ta' sustanzi psikoattivi ġodda perikolużi għall-konsumaturi, filwaqt li fl-istess ħin tiżgura li l-kummerċ leġittimu ma jiġix miċħud.

Dan għaliex individwalment, l-Istati Membri ma jistgħux jindirizzaw b'mod effettiv u sostenibbli l-preżenza u l-firxa mgħaġġla ta' dawn is-sustanzi. Azzjoni nazzjonali mhux koordinata u l-proliferazzjoni ta' reġimi nazzjonali diversi fuq sustanzi psikoattivi ġodda tista' tipproduċi effetti indiretti fuq Stati Membri oħra (spostament ta' sustanzi perikolużi) u jista' jkun ta' riskju fil-kooperazzjoni bejn awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali u aġenziji tal-infurzar tal-liġi.

Il-proposta hija proporzjonata u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex tilħaq l-objettivi għaliex tindirizza biss permezz tal-liġi kriminali dawk is-sustanzi psikoattivi ġodda li huma ta' tħassib serju fil-livell tal-UE.

Din il-proposta għandha impatt indirett fuq ċerti drittijiet u prinċipji fundamentali minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, għaliex tespandi l-kamp ta' applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757/ĠAI, li d-dispożizzjonijiet tagħha għandhom impatt fuq id-drittijiet u l-prinċipji fundamentali li jmiss: id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà (l-Artikolu 6), id-dritt għall-proprjetà (l-Artikolu 17), id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust (l-Artikolu 47), il-preżunzjoni ta' innoċenza u d-dritt għal difiża (l-Artikolu 48), u l-prinċipju ta' leġalità u proporzjonalità ta' reati u pieni kriminali (l-Artikolu 49). Dawn id-drittijiet u libertajiet jistgħu jkunu suġġetti għal limitazzjonijiet, iżda biss skont il-limiti u l-ħtiġijiet stabbiliti mill-Artikolu 52(1) tal-Karta tal-UE.

3.3.        L-għażla ta’ strument

Skont l-Artikolu 83(1) TFUE, Direttiva hija l-għodda xierqa biex tiġi żgurata armonizzazzjoni minima fil-livell tal-UE fil-qasam tat-traffikar tad-droga illeċitu, filwaqt li tħalli l-flessibilità għall-Istati Membri meta timplimenta l-prinċipji, ir-regoli u l-eżenzjonijiet tagħhom f'livell nazzjonali.

3.4.        Dokumenti ta’ spjegazzjoni li jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni

L-Istati Membri huma mitluba jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-miżuri nazzjonali adottati biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva.

L-Istati Membri mhumiex mitluba jissottomettu lill-Kummissjoni dokumenti ta' spjegazzjoni (inklużi tabelli ta' korrelazzjoni) li jakkumpanjaw in-notifika ta' miżuri nazzjonali adottati għat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva. Dan mhux neċessarju minħabba l-kamp ta' applikazzjoni mnaqqas tal-emenda proposta. Is-sottomissjoni ta' dokumenti oħra ta' spjegazzjoni żżid piż amministrattiv mhux ġustifikat fuq l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri

3.5.        Dispożizzjonijiet prinċipali

L-Artikolu 1 — din id-dispożizzjoni tistabbilixxi emendi għad-Deċiżjoni Qafas 2004/757/ĠAI li għandhom x'jaqsmu mat-terminu "droga", għad-dispożizzjoni li tkopri bil-liġi kriminali sustanzi ġodda psikoattivi li huma ta' riskju kbir għas-saħħa, għas-soċjetà u għas-sigurtà, u għall-valutazzjoni tal-implimentazzjoni u impatt tad-Deċiżjoni Qafas mill-Kummissjoni.

L-Artikolu 2 — din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

L-Artikoli 3 u 4 — dawn id-dispożizzjonijiet għandhom x’jaqsmu mad-dħul fis-seħħ u destinatarji tad-Direttiva.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni.

2013/0304 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal-25 ta' Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta' atti kriminali u ta' pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta' drogi, rigward id-definizzjoni ta' droga

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 83(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva,

Billi:

(1)       Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal-25 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti u pieni kriminali fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi[7] tipprovdi approċċ komuni għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tad-droga, li joħloq theddida għas-saħħa, sikurezza u kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tal-Unjoni, u għall-ekonomija legali, l-istabbiltà u s-sigurtà tal-Istati Membri. Tistabbilixxi regoli komuni minimi dwar id-definizzjoni ta' reati u sanzjonijiet ta' traffikar ta' droga biex jiġi evitat li jinqalgħu problemi fil-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri minħabba li r-reat jew ir-reati in kwistjoni ma jistgħux jiġu kkastigati skont il-liġijiet kemm tal-Istat li jirrikjedi kif ukoll ta’ dak li qed jiġi rikjest.

(2)       Id-Deċiżjoni Qafas 2004/757/ĠAI tapplika għal sustanzi koperti mill-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1961 dwar id-Drogi Narkotiċi, kif emendata mill-protokoll tal-1972, u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar sustanzi psikotropiċi (“Konvenzjonijiet tan-NU”), kif ukoll drogi sintetiċi soġġetti għal kontroll madwar l-Unjoni skont l-Azzjoni Konġunta 97/396/ĠAI tas-16 ta’ Ġunju 1997 li tikkonċerna l-iskambju ta’ informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll tad-drogi sintetiċi ġodda[8], li jippreżentaw riskji għas-saħħa pubblika komparabbli ma’ dawk ikkawżati mis-sustanzi skedata skont konvenzjonijiet tan-NU.

(3)       Id-Deċiżjoni Qafas 2004/757/ĠAI għandha tapplika wkoll għas-sustanzi suġġetti għal miżuri ta’ kontroll u pieni kriminali skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI tal-10 ta’ Mejju 2005 dwar l-iskambju ta’ informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda[9], li jippreżentaw riskji għas-saħħa pubblika komparabbli ma’ dawk ikkawżati mis-sustanzi skedata skont konvenzjonijiet tan-NU.

(4)       Sustanzi psikoattivi ġodda, li jimitaw l-effetti ta' sustanzi skedati skont il-Konvenzjonijiet tan-NU, qed ikunu preżenti spiss u qed jinfirxu b'rata mgħaġġla fl-Unjoni. Ċerti sustanzi psikoattivi ġodda huma ta' riskju kbir għas-saħħa, għas-soċjetà u għas-sigurtà, kif aċċertat minn [ir-Regolament (UE) Nru .../... dwar sustanzi psikoattivi ġodda]. Skont dan ir-Regolament, jistgħu jittieħdu miżuri biex jipprojbixxu l-produzzjoni, il-manifattura, it-tqegħid għad-disponibilità fis-suq inkluża l-importazzjoni lejn l-Unjoni, it-trasport, u l-esportazzjoni mill-Unjoni ta’ sustanzi psikoattivi ġodda li huma ta' riskji gravi għas-saħħa, għas-soċjetà u għas-sigurtà. Biex titnaqqas b'mod effettiv id-disponibilità ta’ sustanzi psikoattivi ġodda li huma ta' riskji serji għall-individwi u s-soċjetà, u biex ma jitħalliex it-traffikar ta' dawn is-sustanzi madwar l-Unjoni, kif ukoll l-involviment tal-organizzazzjonijiet kriminali, miżuri ta' restrizzjoni tas-suq permanenti adottati skont dak ir-Regolament għandhom ikunu sostnuti minn dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali.

(5)       Sustanzi psikoattivi ġodda suġġetti għal restrizzjoni tas-suq permanenti skont ir-[Regolament (UE) Nru .../... dwar sustanzi psikoattivi ġodda] għandhom, għalhekk, ikunu koperti mid-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali tal-Unjoni dwar it-traffikar ta’ drogi illeċitu. Dan jgħin ukoll biex il-qafas legali tal-Unjoni jkun konformi u jiġi ċċarat hekk kif l-istess dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali japplikaw għas-sustanzi koperti mill-Konvenzjonijiet tan-NU u għas-sustanzi psikoattivi l-ġodda l-aktar perikolużi. Id-definizzjoni ta' "droga" fid-Deċiżjoni Qafas 2004/757/ĠAI għandha għalhekk tiġi emendata.

(6)       Sabiex tiġi indirizzata malajr kemm jista' jkun il-preżenza u l-firxa ta' sustanzi psikoattivi ġodda perikolużi fl-Unjoni, l-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2004/757/ĠAI għas-sustanzi psikoattivi l-ġodda li huma ta' ħsara kbira għas-saħħa, soċjetà u sigurtà fi żmien tnax-il xahar mis-sottomissjoni tagħhom għal restrizzjonijiet ta' suq permanenti skont [ir-Regolament (UE) Nru .../... dwar sustanzi psikoattivi ġodda].

(7)       Minħabba li l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri biex tiġi estiża l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali tal-Unjoni li japplikaw għat-traffikar ta' droga illeċita għal sustanzi psikoattivi ġodda li huma ta' periklu kbir għas-saħħa, għas-soċjetà u għas-sigurtà, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri meta jaġixxu waħedhom, u għalhekk jista' jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lilhinn minn dak li hu meħtieġ biex tilħaq l-għan tagħha.

(8)       Din id-direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tirrispetta l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u l-aktar id-dritt għal rimedju effettiv u għal smiegħ ġust, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt ta' difiża, id-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew jingħata piena darbtejn fi proċeduri kriminali għall-istess reat u l-prinċipji ta' legalità u proporzjonalità tal-offiżi kriminali.

(9)       [F'konformità mal-Artikoli 3 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.]

U/JEW

(10)     [Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u bla preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokol, ir-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u mhumiex marbutin biha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.]

(11)     F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(12)     Id-Deċiżjoni Qafas 2004/757/ĠAI għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni Qafas 2004/757/ĠAI hija b’dan emendata kif ġej:

(1) Fl-Artikolu 1, il-punt 1 jinbidel b'dan li ġej:

"id-droga” tfisser:

(a) kwalunkwe mis-sustanzi koperti mill-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi Narkotiċi tal-1961 (kif emendata mill-Protokoll tal-1972) u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Sustanzi Psikotropiċi tal-1971;

(b) kwalunkwe sustanza elenkata fl-Anness;

(c) kwalunkwe sustanza psikoattiva ġdida li hija ta' riskju gravi għas-saħħa, għas-soċjetà u għas-sigurtà, soġġetta għal restrizzjoni tas-suq permanenti fuq il-bażi ta’ [l-Artikolu 13 (1) tar-Regolament (UE) Nru .../... dwar sustanzi psikoattivi ġodda];”

(2) Fl-Artikolu 9, jiżdiedu l-paragrafi 3 u 4 li ġejjin:

"3.      Fir-rigward ta’ sustanzi psikoattivi ġodda soġġetti għal restrizzjoni tas-suq permanenti fuq il-bażi ta’ [l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru .../... dwar sustanzi psikoattivi ġodda], l-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas li dawn is-sustanzi psikoattivi ġodda fi żmien 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tas-suq permanenti restrizzjoni. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Deċiżjoni Qafas jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

4.       Fi żmien [ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva u kull ħames snin minn hemm’il quddiem], il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-punt sa fejn l-Istati Membri jkunu ħadu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni Qafas u tippubblika rapport.”

(3) Kif ġie stabbilit fl-Anness ma' din id-Direttiva, għandu jiżdied Anness

Artikolu 2

Traspożizzjoni

L-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ]. Huma jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

Artikolu 3

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-[istess ġurnata tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru .../... dwar sustanzi ġodda psikoattivi].

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri b'konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

ANNESS

Lista ta’ sustanzi msemmija fil-punt (1)(b) tal-Artikolu 1

(a) P-Methylthioamphetamine jew 4-Methylthioamphetamine, kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/615/ĠAI tat-13 ta’ Settembru 1999 li tiddefinixxi 4-MTA bħala droga sintetika ġdida li għandha tkun soġġetta għal miżuri ta’ kontroll u pieni kriminali[10].

(b) Paramethoxymethylamphetamine jew N-methyl-1- (4-methoxyphenyl) -2-aminopropane, kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/188/ĠAI tat-28 ta’ Frar 2002 dwar miżuri ta’ kontroll u sanzjonijiet kriminali fuq id-droga sintetika l-ġdida PMMA[11].

(c) 2,5-dimethoxy-4-iodophenethylamine, 2,5-dimethoxy-4-ethylthiophenethylamine, 2,5-dimethoxy-4- (n) -propylthiophenethylamine u 2,4,5-trimethoxyamphetamine, kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/847/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar miżuri ta’ kontroll u sanzjonijiet kriminali rigward drogi sintetiċi ġodda 2C-I, 2C-T-2, 2C-T-7 u TMA-2[12].

(d) 1-benzylpiperazine jew 1-benzyl-1,4-diazacyclohexane jew N-benzylpiperazine jew benzylpiperazine kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/206/ĠAI tat-3 ta' Marzu 2008 li tiddefinixxi 1-benzylpiperazine (BZP) bħala sustanza psikoattiva ġdida li għandha tkun soġġetta għal miżuri ta' kontroll u dispożizzjonijiet kriminali[13].

(e) 4-methylmethcathinone, kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/759/UE tat-2 ta’ Diċembru 2010 dwar il-preżentazzjoni tal-4-metilmetkatinon (mefedron) għal miżuri ta’ kontroll[14].

(f) 4-methylmethcathinone, kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/129/UE tas-7 ta' Marzu 2013 dwar il-preżentazzjoni tal-4-metamfetamina għal miżuri ta’ kontroll[15].

(g) 5- (2-aminopropyl)indole, kif imsemmi fi [id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/.../ĠAI ta’... dwar il-preżentazzjoni ta' 5- (2-aminopropyl) indole għal miżuri ta’ kontroll[16]].

[1]               Il-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Drogi Narkotiċi tal-1961 (kif emendata bil-protokoll tal-1972) u tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Sustanzi Psikotropiċi tal-1971.

[2]               Iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga, The state of the drugs problem in Europe, Rapport Annwali 2012 http://www.emcdda.europa.eu/publications/annual-report/2012.

[3]               COM(2011) 689 finali.

[4]               ĠU L 127, 20.5.2005, p. 32.

[5]               ĠU L 335, 11.11.2004, p. 8.

[6]               ĠU L 167, 25.6.1997, p. 1.

[7]               ĠU L 335, 11.11.2004, p. 8.

[8]               ĠU L 167, 25.06.1997, p. 1.

[9]               ĠU L 127, 10.05.2005, p. 32.

[10]             ĠU L 244, 16.09.1999, p. 1.

[11]             ĠU L 063, 06.03.2002, p. 14.

[12]             ĠU L 321, 6.12.2003, p. 64.

[13]             ĠU L 63, 7.03.2008, p. 45.

[14]             ĠU L 322, 8.12.2010, p. 44.

[15]             ĠU L 72, 15.03.2013, p. 11.

[16]             ĠU L […], […], p. […].