52013PC0449

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-fatturar elettroniku fl-akkwist pubbliku /* COM/2013/0449 final - 2013/0213 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

· Kuntest tal-politika

Bidla lejn amministrazzjoni pubblika mingħajr karti, b’mod partikolari fil-livell transfruntier, hija objettiv importanti għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri. Il-fatturar elettroniku huwa qasam partikolarment promettenti biex jintlaħaq dan l-objettiv.

Il-benefiċċji rikonoxxuti ferm tal-fatturar elettroniku wasslu bosta Stati Membri tal-UE (id-Danimarka, l-Awstrija, l-Isvezja u l-Finlandja) biex jitolbu s-sottomissjoni tal-fatturi elettroniċi fl-akkwist pubbliku fis-settur pubbliku kollu jew f'parti minnu. Madankollu, dawn l-inizjattivi minn isfel għal fuq huma fil-parti l-kbira bbażati fuq standards nazzjonali, li ħafna minnhom mhumiex interoperabbli. Per sè, dawn iwasslu għal żieda fil-kumplessità u l-kostijiet għall-kumpaniji li jixtiequ jipparteċipaw f'akkwist transfruntier, u b’hekk jiġġeneraw ostakli għall-aċċess għas-suq. Ir-riżultat globali huwa li l-adozzjoni tal-fatturar elettroniku fl-Ewropa għadha limitata ħafna, b'bejn 4 u 15 % tal-fatturi kollha skambjati. Inizjattiva fil-qasam tal-fatturar elettroniku fl-akkwist pubbliku kieku tipprevjeni aktar frammentazzjoni tas-suq intern u tiffaċilita l-adozzjoni tal-fatturar elettroniku. Meta jitqies il-fatt li l-akkwist pubbliku kopert mid-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku jirrappreżenta madwar 3,7 % tal-PDG tal-UE, l-implimentazzjoni ta’ inizjattiva mmirata lejn l-eliminazzjoni tal-ostakli għall-aċċess għas-suq fil-fatturar elettroniku fl-akkwist pubbliku tagħmel is-settur pubbliku “suq ewlieni” f’dan il-qasam u tpoġġi fuq quddiem nett l-użu wiesa’ tiegħu fl-ekonomija.

Matul dawn l-aħħar ftit snin, għadd sinifikanti ta’ atturi sejħu għal azzjoni fil-livell Ewropew sabiex jiġi stimulat is-suq tal-fatturar elettroniku madwar l-UE, speċjalment fir-rigward tal-iskambju ta' fatturi mill-gvernijiet. Fil-Komunikazzjoni "Nisfruttaw il-vantaġġi tal-fatturar elettroniku għall-Ewropa", COM(2010) 712, il-Kummissjoni rrakkomandat li l-fatturar elettroniku jsir il-metodu ta' fatturar predominanti fl-UE sal-2020. F’riżoluzzjoni ta' April 2012, il-Parlament Ewropew sejjaħ biex il-fatturar elettroniku jsir obbligatorju fl-akkwist pubbliku sal-2016, filwaqt li l-Istati Membri sejħu għal miżuri li jippromwovu l-fatturar elettroniku fil-Kunsill tal-Kompetittività Informali ta’ Frar 2012 u fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2012. Għaldaqstant l-okkażjoni tidher li hija adatta biex titwettaq l-inizjattiva proposta dwar il-fatturar elettroniku fl-akkwist pubbliku u biex jitneħħew b'mod effikaċi l-ostakli għall-aċċess għas-suq li huma kaġun ta' interoperabilità insuffiċjenti tal-fatturat elettroniku.

Proposta f’dan il-qasam tkun tikkumplimenta wkoll il-modernizzazzjoni li għaddejja bħalissa tar-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku; azzjoni ewlenija skont l-"Att dwar is-Suq Uniku I", b’mod partikolari fir-rigward tal-proposti dwar tranżizzjoni kompluta lejn l-akkwist elettroniku. Fl-aħħar nett, azzjoni fil-promozzjoni tal-adozzjoni tal-fatturar elettroniku fl-akkwist pubbliku hija meqjusa bħala prijorità għall-Kummissjoni . Dan huwa rifless fl-inklużjoni ta’ inizjattiva dwar il-fatturar elettroniku fl-akkwist pubbliku fl-"Att dwar is-Suq Uniku II” bħala waħda mill-Azzjonijiet Prinċipali tagħha.

· Rabtiet ma’ kwistjonijiet ta’ standardizzazzjoni

Il-proposta tipprevedi li l-istandard Ewropew il-ġdid tal-fatturar elettroniku se jitfassal mill-korp Ewropew għat-twaqqif tal-istandards rilevanti, f’dan il-każ il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (KES). Dan se jsir fuq il-bażi ta’ mandat mill-Kummissjoni Ewropea li se jitħejja fi stadju aktar avvanzat. Il-mandat se jinkludi lista ta’ rekwiżiti minimi li se jkollhom jiġu inkorporati fl-istandard. Ix-xogħol imbagħad se jsir f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

· Konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati

Il-kontenut ta’ din il-proposta jkompli jibni fuq konsultazzjonijiet estensivi mal-partijiet interessati. Saru żewġ laqgħat tal-Forum Multilaterali Ewropew għal Partijiet Interessati (EMSF) dwar il-fatturar elettroniku fi Brussell (fis-26 ta’ Settembru 2012 u fis-7 ta’ Marzu 2013) u dawn ipprovdew forum importanti biex jiġu diskussi l-elementi ta’ tiswir tal-inizjattiva potenzjali tal-UE dwar il-fatturar elettroniku fl-akkwist pubbliku. Il-karti tad-diskussjoni ta’ erba’ Gruppi ta’ Attività tal-EMSF ipprovdew rispons prattiku mir-rappreżentanti ta’ fora multilaterali nazzjonali għal partijiet interessati u prattikanti, bħall-fornituri tas-servizzi u l-kumpaniji. Barra minn hekk, ġie ċċirkolat kwestjonarju fost il-membri tal-EMSF li pprova jiġbor dejta dwar is-sistemi ta’ fatturar elettroniku eżistenti, u dwar l-effikaċja, il-kostijiet u l-benefiċċji tagħhom. L-20 tweġiba li waslu (19 minn fora nazzjonali u waħda minn korp għat-twaqqif tal-istandards) kienu wkoll użati b'mod estensiv fil-Valutazzjoni tal-Impatt.

Il-kontenut tal-inizjattiva ġie ppreżentat u diskuss mal-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti Pubbliċi (ACPC), magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri, matul laqgħa fid-19 ta’ Settembru 2012. Saru wkoll aktar laqgħat bilaterali informali ma’ rappreżentanti ta’ diversi assoċjazzjonijiet tal-industrija, inkluża l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Fornituri ta’ Servizzi tal-Fatturar Elettroniku (EESPA), Business Europe u l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Artiġjanat u tal-Impriżi Żgħar u Medji (UEAPME).

Fl-aħħar nett, saret konsultazzjoni onlajn permezz tal-għodda Interattiva għat-Tfassil tal-Politika (IPM) bejn it-22 ta’ Ottubru 2012 u l-14 ta’ Jannar 2013 biex tinġabar informazzjoni dwar l-użu kurrenti tal-fatturar elettroniku u l-opinjonijiet dwar l-inizjattiva potenzjali tal-UE f’dan il-qasam. Ir-rispons pubbliku għall-konsultazzjoni kien pożittiv ħafna, b’aktar minn 700 risposta.

Id-diversi konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati ppermettew lill-Kummissjoni tieħu idea tajba tal-opinjonijiet tal-varji partijiet interessati.

· Il-Valutazzjoni tal-Impatt

Il-Valutazzjoni tal-Impatt ġiet ippreżentata lill-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt ("BVI") fi Frar 2013. Matul il-laqgħa tal-20 ta’ Marzu 2013, il-BVI qajjem għadd ta’ kwistjonijiet li fl-opinjoni tal-bord jeħtieġ li jiġu indirizzati ulterjorment, u talab sottomissjoni mill-ġdid tal-Valutazzjoni tal-Impatt.

Il-Valutazzjoni tal-Impatt riveduta ġiet sottomessa mill-ġdid lill-BVI fid-19 ta’ April 2013. L-emendi ewlenin b’rispons għall-opinjoni tal-BVI kienu jirrigwardaw it-tisħiħ tad-definizzjoni tal-problema u l-analiżi tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, it-titjib tal-analiżi tal-impatti u preżentazzjoni aħjar tal-opinjonijiet tal-partijiet interessati.

Fit-8 ta' Mejju 2013, il-BVI ħareġ opinjoni pożittiva.

Wara li analizzat ħames alternattivi differenti, il-Valutazzjoni tal-Impatt ikkonkludiet li l-aktar soluzzjoni xierqa tkun l-impożizzjoni ta' obbligu fuq l-awtoritajiet kontraenti u fuq l-entitajiet kontraenti li jaċċettaw li jirċievu fatturi elettroniċi li jikkonformaw ma’ standard Ewropew ġdid u komuni għall-fatturar minn data partikolari. Dan jgħin biex tingħeleb il-frammentazzjoni inerenti għad-diversità attwali ta' sistemi nazzjonali tal-fatturar elettroniku u jiggarantixxi l-integrità tas-suq intern. L-approċċ magħżul ikun jikkombina stimolu qawwi ta’ obbligu li jiżgura l-interoperabilità tal-fatturar elettroniku fl-akkwist pubbliku ma' approċċ aktar flessibbli bħala l-aktar mezz adattat għall-iżgurar tal-użu tal-fatturar elettroniku per sè.

Ir-rapport finali tal-Valutazzjoni tal-Impatt u s-sommarju eżekuttiv tiegħu huma ppubblikati ma' din il-proposta.

3.           L-ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

· Il-bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Billi tipprevedi t-twaqqif ta’ standard komuni Ewropew u billi tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti ma jirrifjutawx il-wasla ta' fatturi elettroniċi li jikkonformaw mat-tali standard Ewropew, din il-proposta se telimina l-ostakli għall-aċċess għas-swieq f’akkwist pubbliku transfruntier u l-ostakli għall-kummerċ. B'hekk se jittejbu l-kundizzjonijiet għall-funzjonament tas-suq intern.

· Il-prinċipju ta' sussidjarjetà

Skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà, l-Unjoni tista’ taġixxi biss jekk u sa fejn l-objettivi tal-azzjoni proposta ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-UE. Għar-raġunijiet spjegati fid-dettall hawn taħt, l-azzjoni tal-UE hija meħtieġa sabiex jitneħħew l-ostakli li jxekklu s-suq u l-ostakli għall-kummerċ li jirriżultaw mill-eżistenza ta’ regoli u standards nazzjonali differenti u kif ukoll biex tiġi żgurata l-interoperabilità. Għalhekk, il-proposta hija konformi mal-prinċipju ta' sussidjarjetà. L-għadd ta' standards, rekwiżiti, u soluzzjonijiet li jeżistu jibqa’ kbir ħafna u n-netwerks tal-fatturar elettroniku stabbiliti tul il-fruntieri nazzjonali jidhru li qed ikompli jikbru, mhux jonqsu. L-inizjattivi minn isfel għal fuq tal-Istati Membri ggravaw l-problema tal-interoperabilità, hekk kif fis-suq tfaċċaw aktar standards tal-fatturar elettroniku, u b’hekk il-kostijiet u l-kumplessità biex tiġi żgurata l-interoperabilità komplew jiżdiedu. Bħala konsegwenza ta' dan, l-azzjonijiet imwettqa mill-Istati Membri mhumiex biżżejjed biex jiżguraw l-interoperabilità tal-fatturar elettroniku fl-akkwist transfruntier.

Ir-raġuni fundamentali għal azzjoni mill-UE toriġina min-natura transnazzjonali tal-problema ta’ interoperabilità insuffiċjenti bejn is-sistemi nazzjonali (u proprjetarji) tal-fatturar elettroniku. Minħabba n-natura transfruntiera tat-tranżazzjonijiet marbuta mal-akkwist pubbliku koperti mid-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku u meta jitqies li l-isforzi ta’ xi Stati Membri biex isolvu kwistjonijiet ta’ interoperabilità ftit li xejn taw riżultati sinifikanti, azzjoni tal-UE dwar il-fatturar elettroniku fl-akkwist pubbliku tidher li hija l-unika soluzzjoni disponibbli biex jiġu kkoordinati l-azzjonijiet tagħhom u biex tiġi evitata frammentazzjoni ulterjuri tas-suq intern. Barra minn hekk, l-UE biss tista’ taġixxi bħala arbitru imparzjali fid-diskussjoni dwar l-interoperabilità u b'mod oġġettiv tirrakkomanda l-aħjar approċċ biex jiġu eliminati l-ostakli fis-suq.

Ftit hemm indikazzjoni li, mingħajr azzjoni tal-UE, is-sitwazzjoni attwali dwar il-fatturar elettroniku fl-akkwist pubbliku se tinbidel jew taqleb għall-aħjar fil-futur qarib.

· Il-prinċipju ta' proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju ta' proporzjonalità għaliex ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-objettiv li jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern.

Ġew ivvalutati alternattivi ta’ politika differenti fil-Valutazzjoni tal-Impatt, li wasslu għall-konklużjoni li l-alternattiva ppreferuta hija wkoll l-aqwa waħda f’termini ta’ proporzjonalità - l-approċċ magħżul jikkombina stimolu qawwi ta’ obbligu fl-iżgurar tal-interoperabilità tal-fatturar elettroniku fl-akkwist pubbliku ma' approċċ aktar flessibbli fbħala l-aktar mezz adattat għall-iżgurar tal-użu tal-fatturar elettroniku per sè.

· L-għażla tal-istrumenti

L-għażla tal-forma ġuridika għall-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni hija ddeterminata kemm skont il-bażi ġuridika magħżula u kif ukoll mill-kontenut tal-proposta. Kif imsemmi qabel, l-Artikolu 114 tat-TFUE huwa l-bażi ġuridika adatta għal din il-proposta. Fil-prinċipju, dan l-Artikolu jħalli l-libertà li wieħed jagħżel bejn direttiva jew regolament bħala l-forma ġuridika tal-proposta. Madankollu, peress li l-objettiv tal-proposta jista’ jintlaħaq b'mod suffiċjenti bl-impożizzjoni ta' obbligu ta' riżultat fuq l-Istati Membri filwaqt li l-għażla tal-forma u tal-metodi titħalla f'idejhom, l-għażla ta’ direttiva hija l-aktar waħda xierqa.

· Miżuri ta’ traspożizjoni u dokumenti ta’ spjegazzjoni

X’aktarx li jkunu meħtieġa miżuri nazzjonali f'livelli differenti (leġiżlattivi, regolatorji, amministrattivi u tekniċi), sabiex tiġi trasposta din id-Direttiva u biex jiġi permess b’mod konkret lill-awtoritajiet kontraenti u lill-entitajiet kontraenti li japplikawha. L-Istati Membri biss jistgħu jispjegaw kif dawn il-miżuri differenti jittrasponu d-Direttiva u kif dawn jinteraġixxu flimkien. Għalhekk, jeħtieġ li n-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tiġi akkumpanjata minn tali dokumenti ta’ spjegazzjoni.

4.           L-IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

L-implikazzjonijiet baġitarji kollha li huma marbuta mal-iżvilupp ta’ standard Ewropew mill-organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni huma diġà koperti mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012. Din il-proposta m’għandha l-ebda impatt finanzjarju addizzjonali lil hinn mir-riżorsi diġà allokati għal azzjonijiet ta’ standardizzazzjoni fil-Qafas Finanzjarju Pluriannwali attwali u f'dak li ġej.

2013/0213 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-fatturar elettroniku fl-akkwist pubbliku

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[2],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Jeżistu diversi standards globali, nazzjonali, reġjonali u proprjetarji fuq il-fatturi elettroniċi u bħalissa dawn qed jintużaw fl-Istati Membri. L-ebda wieħed minn dawn l-istandards ma jipprevali, u ħafna minnhom mhumiex interoperabbli.

(2)       Fin-nuqqas ta’ standard komuni, l-Istati Membri jiddeċiedu, huma u jippromwovu l-użu tal-fatturi elettroniċi fl-akkwist pubbliku jew meta jagħmluh obbligatorju, li jiżviluppaw is-soluzzjonijiet tekniċi tagħhom stess ibbażati fuq standards nazzjonali separati. Għaldaqstant, l-għadd ta’ standards differenti koeżistenti madwar l-Istati Membri kollha qed jiżdied u aktarx se jkompli jiżdied fil-futur.

(3)       Il-multipliċità ta’ standards mhux interoperabbli tirriżulta f’kumplessità eċċessiva, f'inċertezza ġuridika u f'kostijiet operattivi addizzjonali għall-operaturi ekonomiċi li jużaw fatturi elettroniċi madwar l-Istati Membri. L-operaturi ekonomiċi li jkunu jixtiequ jwettqu attivitajiet ta’ akkwist transfruntiera, ta’ spiss, jiġu mitluba jikkonformaw ma’ standard tal-fatturar elettroniku ġdid kull darba li jaċċessaw suq ġdid. Ir-rekwiżiti legali u tekniċi diverġenti li jikkonċernaw il-fatturi elettroniċi jikkostitwixxu ostaklu għall-aċċess għas-suq fl-akkwist pubbliku transfruntier u ostaklu għall-kummerċ, billi dawn jiskoraġġixxu l-operaturi ekonomiċi milli jipparteċipaw f'attivitajiet ta’ akkwist transfruntiera. Dawn jostakolaw il-libertajiet fundamentali u għalhekk għandhom effett dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern.

(4)       Dawn l-ostakli għall-kummerċ fl-Unjoni aktarx se jiżdiedu fil-futur, billi qed jiġu żviluppati aktar standards nazzjonali u proprjetarji mhux interoperabbli u billi l-użu ta’ fatturi elettroniċi fl-akkwist pubbliku qed isir aktar mifrux jew qed isir obbligatorju fl-Istati Membri.

(5)       L-ostakli għall-kummerċ li jirriżultaw mill-koeżistenza ta’ diversi rekwiżiti legali u ta' standards tekniċi dwar il-fatturi elettroniċi u min-nuqqas ta’ interoperabilità, għandhom jitneħħew jew jitnaqqsu. Sabiex jintlaħaq dan l-objettiv, għandu jiġi żviluppat standard komuni Ewropew għall-mudell semantiku tad-dejta tal-fattura elettronika bażika.

(6)       Il-Kummissjoni għandha tapplika d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea[3] li jitolbu lill-organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni rilevanti biex tabbozza standard Ewropew għall-mudell semantiku tad-dejta tal-fattura elettronika bażika. Fit-talba tagħha lill-organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni rilevanti, il-Kummissjoni għandha titlob li tali standard Ewropew ikun teknoloġikament newtrali, sabiex tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni fil-kompetizzjoni. Billi l-fatturi elettroniċi jistgħu jinkludu dejta personali, il-Kummissjoni għandha titlob ukoll li tali standard Ewropew jiggarantixxi l-protezzjoni tad-dejta personali, f'konformità mad-Direttiva 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta[4]. Apparti dawn ir-rekwiżiti minimi, fit-talba tagħha lill-organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni rilevanti, il-Kummissjoni għandha tiddetermina rekwiżiti ulterjuri fir-rigward tal-kontenut ta’ tali standard Ewropew u skadenza għall-adozzjoni tiegħu.

(7)       L-istandard Ewropew għall-mudell semantiku tad-dejta tal-fattura elettronika bażika għandu jkompli jibni fuq l-ispeċifikazzjonijiet eżistenti, inkluż b’mod partikolari dawk żviluppati minn organizzazzjonijiet Ewropej jew internazzjonali bħall-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni - CEN (CWA 16356 u CWA 16562), ISO (Fattura Finanzjarja bbażata fuq il-metodoloġija tal-ISO 20022), u UN/CEFACT (CII v. 2.0). Dan m’għandux jirrikjedi firem elettroniċi. Tali standard Ewropew għandu jiddefinixxi l-elementi semantiċi tad-dejta li jirreferu, b’mod partikolari, għad-dejta kumplimentari dwar il-bejjiegħ u x-xerrej, għall-identifikaturi tal-proċess, għall-attributi tal-fattura, għad-dettalji tal-fattura, għall-informazzjoni dwar it-twassil tagħha, u għad-dettalji u l-kundizzjonijiet tal-pagament. Għandu jkun kompatibbli wkoll mal-istandards eżistenti għall-pagamenti sabiex jippermetti l-ipproċessar awtomatiku tal-pagamenti.

(8)       Hekk kif l-istandard Ewropew, imfassal mill-organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni rilevanti, jissodisfa r-rekwiżiti li jinsabu fit-talba tal-Kummissjoni, ir-referenzi ta’ tali standard Ewropew għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(9)       L-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti m’għandhomx jirrifjutaw li jirċievu fatturi elettroniċi li jikkonformaw ma’ tali standard komuni Ewropew, għal raġunijiet ta’ nonkonformità ma’ rekwiżiti tekniċi oħra (pereżempju, rekwiżiti nazzjonali jew speċifiċi għal xi settur partikolari).

(10)     Din id-Direttiva għandha tapplika għall-fatturi elettroniċi li jkunu waslu għand l-awtoritajiet kontraenti u għand l-entitajiet kontraenti, u li jkunu nħarġu b'konsegwenza tal-eżekuzzjoni ta' kuntratti mogħtija f'konformità mad-Direttiva [li tissostitwixxi d-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi[5]], mad-Direttiva [li tissostitwixxi d-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali[6]], jew mad-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE[7].

(11)     L-għan tal-interoperabilità huwa li tippermetti li l-informazzjoni tkun ippreżentata u pproċessata b’mod konsistenti bejn sistemi ta' negozju, tkun xi tkun it-teknoloġija, l-applikazzjoni jew il-pjattaforma tagħhom. L-interoperabilità sħiħa tinkludi l-abbiltà interoperabbli f’termini ta’ kontenut (semantika), format (sintassi), u trażmissjoni. L-interoperabilità semantika timplika li t-tifsira preċiża tal-informazzjoni skambjata tkun miżmuma u mifhuma sew, b'mod mhux ambigwu, indipendentement mill-mod li bih tkun fiżikament rappreżentata jew trażmessa.

(12)     Billi tiżgura l-interoperabilità semantika u ttejjeb iċ-ċertezza ġuridika, din id-Direttiva se tippromwovi wkoll l-adozzjoni tal-fatturar elettroniku fl-akkwist pubbliku, u b’hekk tippermetti lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet kontraenti, lill-entitajiet kontraenti u lill-operaturi ekonomiċi biex jiksbu benefiċċji sinifikanti f’termini ta’ ffrankar, ta' impatt ambjentali, u ta' tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi.

(13)     Il-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu tat-28 u tad-29 ta’ Ġunju 2012, iddikjara li l-prijorità għandha tingħata lill-miżuri mmirati lejn żvilupp ulterjuri tal-kummerċ transfruntier onlajn, inkluż billi tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għall-fatturi elettroniċi.

(14)     Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ April 2012, iffoka fuq il-frammentazzjoni tas-suq li tirriżulta mir-regoli nazzjonali dwar il-fatturar elettroniku, enfasizza l-benefiċċji sostanzjali li jġib miegħu l-fatturar elettroniku, u saħaq fuq l-importanza taċ-ċertezza ġuridika, tal-ambjent tekniku ċar u ta' soluzzjonijiet dwar il-fatturar elettroniku miftuħa u interoperabbli, ibbażati fuq rekwiżiti legali, proċessi tan-negozju u standards tekniċi komuni. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Parlament Ewropew talab li l-fatturar elettroniku fl-akkwist pubbliku jsir obbligatorju sas-sena 2016.

(15)     Il-Forum Multilaterali Ewropew għal Partijiet Interessati dwar il-Fatturar Elettroniku (fatturar elettroniku), imwaqqaf bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Novembru 2010[8] adotta Rakkomandazzjoni dwar l-interoperabilità għall-fatturar elettroniku permezz tal-użu ta’ mudell semantiku tad-dejta f’[xahar] 2013.

(16)     Billi l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti se jkunu jistgħu jaċċettaw fatturi elettroniċi li jikkonformaw ma’ standards oħra għajr l-istandard komuni Ewropew, kif ukoll fatturi stampati, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, din id-Direttiva ma timponix kostijiet jew piż addizzjonali fuq l-impriżi, inklużi l-mikroimpriżi u l-impriżi ta' daqs żgħir u medju, skont it-tifsira tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 li tirrigwarda d-definizzjoni ta’ mikroimpriżi u ta' impriżi ta' daqs żgħir u medju[9].

(17)     Ir-regoli dwar il-fatturar elettroniku diġà jinsabu fid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud[10]. Għandu jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-ħruġ u l-aċċettazzjoni ta' fatturi elettroniċi għal skopijiet ta’ VAT, ma jiġux affettwati minn xi dispożizzjoni f’din id-Direttiva.

(18)     Sabiex l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jkunu jistgħu jieħdu miżuri tekniċi li, wara li jkun ġie stabbilit l-istandard Ewropew, huma meħtieġa biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, skadenza tat-traspożizzjoni ta’ 48 xahar hija ġġustifikata.

(19)     Peress li l-objettivi li jitneħħew ostakli tas-suq u ostakli għall-kummerċ li jirriżultaw mill-eżistenza ta’ regoli u standards nazzjonali differenti, u li tiġi żgurata l-interoperabilità, ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif previst f'dan l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(20)     F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni tat-28 ta' Settembru 2011 dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni[11], l-Istati Membri refgħu r-responsabbiltà li jakkumpanjaw, f’każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew iktar li jispjega(w) ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dawn id-dokumenti hija ġġustifikata,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1 Il-kamp ta' applikazzjoni

Din id-Direttiva tapplika għall-fatturi elettroniċi li jkunu nħarġu b'konsegwenza tal-eżekuzzjoni ta' kuntratti mogħtija f'konformità mad-Direttiva [li tissostitwixxi d-Direttiva 2004/18/KE], mad-Direttiva [li tissostitwixxi d-Direttiva 2004/17/KE], jew mad-Direttiva 2009/81/KE.

Artikolu 2 Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet segwenti:

(1) “fattura elettronika” tfisser fattura li tkun inħarġet u ntbagħtet bi kwalunkwe format elettroniku;

(2) “mudell semantiku tad-dejta” tfisser sett strutturat u loġikament interrelatat ta’ termini u tifsiriet li jispeċifika l-kontenut skambjat f’fatturi elettroniċi;

(3) “fattura elettronika bażika” tfisser subsett ta’ informazzjoni li jkun jinsab f’fattura elettronika, li huwa essenzjali għall-interoperabilità transfruntiera, inkluża l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi żgurata l-konformità ġuridika;

(4) “awtoritajiet kontraenti” tfisser awtoritajiet kontraenti kif definit fl-Artikolu [2] tad-Direttiva [li tissostitwixxi d-Direttiva 2004/18/KE];

(5) “entitajiet kontraenti” tfisser entitajiet kontraenti kif definit fl-Artikolu [4] tad-Direttiva [li tissostitwixxi d-Direttiva 2004/17/KE];

(6) “standard Ewropew” tfisser standard Ewropew kif definit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

Artikolu 3 L-istabbiliment ta' standard Ewropew

1.           Il-Kummissjoni titlob lill-organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni rilevanti biex tfassal standard Ewropew għall-mudell semantiku tad-dejta tal-fattura elettronika bażika.

Il-Kummissjoni teżiġi li l-istandard Ewropew għall-mudell semantiku tad-dejta tal-fattura elettronika bażika jkun teknoloġikament newtrali, u jiggarantixxi l-protezzjoni tad-dejta personali f’konformità mad-Direttiva 95/46/KE.

It-talba tiġi adottata f'konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 10(1) sa (5) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

2.           Hekk kif l-istandard Ewropew, imfassal b'segwitu għat-talba msemmija fil-paragrafu 1, jissodisfa r-rekwiżiti li jinsabu fiha, il-Kummissjoni tippubblika r-referenza għal tali standard Ewropew f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4 Il-fatturi elettroniċi li jikkonformaw mal-istandard Ewropew

L-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti ma jirrifjutawx li jirċievu fatturi elettroniċi li jikkonformaw mal-istandard Ewropew, li r-referenza għalih ġiet ippubblikata skont l-Artikolu 3(2).

Artikolu 5 Id-Direttiva 2006/112/KE

Din id-Direttiva hija bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 2006/112/KE.

Artikolu 6 It-traspożizzjoni

1.           L-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jiġu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn 48 xahar wara d-dħul fis-seħħ. Huma jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn ikunu jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.           L-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 7 Ir-rieżami

Il-Kummissjoni teżamina mill-ġdid l-effetti ta’ din id-Direttiva fuq is-suq intern u fuq l-adozzjoni tal-fatturar elettroniku fl-akkwist pubbliku u tirraporta dwarhom lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-30 ta’ Ġunju 2023. Fejn xieraq, ir-rapport jiġi akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva.

Artikolu 8 Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 9 Dawk indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               ĠU C , , p. .

[2]               ĠU C , , p. .

[3]               ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.

[4]               ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

[5]               ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114.

[6]               ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1.

[7]               ĠU L 216, 20,8.2009, p. 76.

[8]               ĠU C 326, 3.12.2010, p. 13.

[9]               ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

[10]             ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

[11]             ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.