15.12.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 468/120 |
P7_TA(2013)0578
Ir-reżiljenza u t-tnaqqis tar-riskji ta' diżastri fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-approċċ tal-UE għar-reżiljenza u t-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw: nitgħallmu mill-kriżijiet tas-sigurtà tal-ikel (2013/2110(INI))
(2016/C 468/16)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 210 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), |
— |
wara li kkunsidra il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp tal-20 ta’ Diċembru 2005, |
— |
wara li kkunsidra l-Konsensus Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja tat-18 ta’ Diċembru 2007, |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Diċembru 2010 bit-titolu “Ir-Reviżjoni ta’ nofs it-term tal-Kunsens Ewropew dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Għajnuna Umanitarja – l-implimentazzjoni ta’ azzjoni umanitarja tal-UE effettiva u bbażata fuq il-prinċipji”(COM(2010)0722), |
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “L-approċċ tal-UE għar-reżiljenza: nitgħallmu mill-kriżijiet tas-sigurtà tal-ikel” tat-3 ta’ Ottubru 2012 (COM(2012)0586) (minn issa ’l quddiem imsejħa: Komunikazzjoni dwar ir-Reżiljenza tal-2012), |
— |
wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu “Pjan ta’ azzjoni għar-reżiljenza fil-pajjiżi suxxettibbli għall-kriżijiet 2013-2020” tad-19 ta’ Ġunju 2013 (SWD(2013)0227), |
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-approċċ tal-UE għar-reżiljenza tat-28 ta’ Mejju 2013, |
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “L-Istrateġija tal-UE ta’ sostenn għat-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw” tat-23 ta’ Frar 2009 (COM(2009)0084), |
— |
wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu “Il-pjan ta’ implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE ta’ sostenn għat-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw 2011 2014” tas-16 ta’ Frar 2011(SEC(2011)0215), |
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija tal-UE ta’ sostenn għat-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw tat-18 ta’ Mejju 2009, |
— |
wara li kkunsidra l-Qafas Hyogo tan-NU għall-Azzjoni tal-2005-2015, kif adottat fil-Konferenza Dinjija dwar it-Tnaqqis tad-Diżastri f’Jannar 2005 ġewwa Hyogo, il-Ġappun, u approvat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fir-Riżoluzzjoni A/RES/60/195 tagħha, u r-reviżjoni ta’ nofs it-term, |
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Ir-rabta bejn l-għajnuna, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp – valutazzjoni” tat-23 ta’ April 2001 (COM(2001)0153), |
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu ‘Il-protezzjoni soċjali fil-koperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea’ tal-20 ta’ Awwissu 2012 (COM(2012)0446), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Settembru 2010 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Approċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem (1), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ Settembru 2011 bit-titolu “Lejn rispons Ewropew aktar b’saħħtu għad-diżastri: ir-rwol tal-protezzjoni ċivili u l-assistenza umanitarja” (2), |
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Ħajja diċenti għal kulħadd: neqirdu l-faqar u nagħtu lid-dinja futur sostenibbli” tas-27 ta’ Frar 2013 (COM(2013)0092), |
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Inżidu l-impatt tal-politika tal-UE għall-iżvilupp: aġenda għall-bidla” tat-13 ta’ Ottubru 2011 (COM(2011)0637) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwarha tal-14 ta’ Mejju 2012, |
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim il-Ġdid għall-Impenn fl-Istati Fraġli kif stabbilit fl-Isħubija ta’ Busan għall-Kooperazzjoni favur l-Iżvilupp Effettiv adottat fil-5 Forum ta’ Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna f’Busan, il-Korea t’Isfel, li ġie organizzat mid-29 ta’ Novembru sal-1 ta’ Diċembru 2011, |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Ġunju 2013 dwar l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp – id-definizzjoni tal-qafas wara l-2015 (3), |
— |
wara li kkunsidra il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “L-aġenda ewlenija għal wara l-2015” tal-25 ta’ Ġunju 2013, |
— |
wara li kkunsidra l-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli – Il-futur li rridu, li ġiet organizzata f’Ġunju 2012 f’Rio de Janeiro, il-Brażil (Rio+20), u b’mod partikolari għad-deċiżjonijiet tagħha relatati mat-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri, |
— |
wara li kkunsidra r-raba’ sessjoni tal-Pjattaforma Globali għat-Tnaqqis tar-Riskju tad-Diżastri, li ġiet organizzata bejn id-19 u t-23 ta’ Mejju 2013 f’Ġinevra, l-Isvizzera, |
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-12 ta' Marzu 2013 bit-titolu, “Intejbu n-Nutrizzjoni Materna u dik tat-Tfal fl-Assistenza Esterna: Qafas Politiku tal-UE” (COM(2013)0141),, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0375/2013), |
A. |
billi l-Kummissjoni ddefinixxiet ir-reżiljenza fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2012 dwar ir-Reżiljenza bħala “l-kapaċità ta’ individwu, familja, komunità, pajjiż jew reġjun sabiex jirreżistu, jadattaw, u jirkupraw malajr minn stress u xokkijiet”; |
B. |
billi t-Tnaqqis tar-Riskju tad-Diżastri (DRR) huwa komponent ewlieni fil-kisba tar-reżiljenza; billi d-DRR jinvolvi l-analiżi u l-immaniġġjar ta’ perikli sabiex titnaqqas il-vulnerabbiltà għad-diżastri, u jkopri attivitajiet li jassistu fil-preparazzjoni, il-prevenzjoni u l-mitigazzjoni fil-livelli kollha minn dak lokali għal dak internazzjonali; |
C. |
billi r-rabta bejn l-assistenza, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp (LRRD) hija għodda importanti fl-approċċ għar-reżiljenza, li tgħin biex jingħelbu l-lakuni operattivi u ta’ finanzjament bejn il-fażijiet ta’ għajnuna u ta’ żvilupp; |
D. |
billi l-Qafas Hyogo għall-Azzjoni huwa strument imprezzabbli biex iwassal l-aġenda tad-DRR mad-dinja u billi huwa jiskadi fl-2015; billi huwa mistenni li l-qafas għad-DRR għal wara l-2015 se jiġi adottat fil-Konferenza Dinjija dwar it-Tnaqqis tar-Riskju tad-Diżastri fil-Ġappun fil-bidu tal-2015; |
E. |
billi r-reviżjoni ta’ nofs it-term tal-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja nnotat li sar progress bis-saħħa tad-DRR, iżda li aktar progress prattiku huwa essenzjali; |
F. |
billi, skont in-NU, mill-1992, 4,4 biljun persuna ġew affettwati minn diżastri, ġew ikkawżati USD 2 triljuni ta’ ħsara u nqatlu 1,3 miljun persuna; billi l-ispiża ta’ telf minn diżastri kienet ’il fuq minn USD 300 biljun– fl-2011; billi kull dollaru investit fit-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri f’żona suxxettibbli għall-kriżijiet, jiffranka tal-anqas erba’ dollari fi spejjeż ta’ għajnuna u r-riabilitazzjoni fil-futur, skont l-estimi tal-Bank Ażjatiku tal-Iżvilupp; |
G. |
billi l-katini tal-provvista interkonnessi tad-dinja globalizzata tal-lum tfisser li t-telf ekonomiku sostnut f’reġjun wieħed ikollu riperkussjonijiet globali; huwa stmat, pereżempju, li l-għargħar tal-2011 fit-Tajlandja tefa’ lura l-produzzjoni industrijali globali b’2,5 %; |
H. |
billi l-ispiża tad-diżastri qed tiżdied hekk kif il-bidla fil-klima tiġġenera aktar avvenimenti severi relatati mat-temp, flimkien mal-urbanizzazzjoni ġestita b’mod mgħaġġel u inadegwat, it-tkabbir tal-popolazzjoni, id-degradazzjoni tal-art u l-iskarsezza tar-riżorsi naturali; billi l-kriżijiet marbuta mal-ikel u man-nutrizzjoni qed isiru aktar frekwenti f’ħafna reġjuni tad-dinja li qed tiżviluppa; |
I. |
billi l-isforzi għad-DRR u r-reżiljenza għandhom ikunu addizzjonali għall-isforzi tal-pajjiżi żviluppati biex inaqqsu l-kontribut tagħhom għat-tibdil fil-klima, u mhux jissostitwixxuhom; |
J. |
billi fi żminijiet ta’ konsolidazzjoni finanzjarja hemm il-ħtieġa sinifikanti li r-riżorsi jintużaw b’mod effettiv u effiċjenti; billi l-finanzjament għad-DRR jeħtieġ li jkollu perspettiva fit-tul u għandu jirrifletti r-riskji reali b’enfasi ewlenija fuq l-għajnuna għal dawk l-aktar vulnerabbli għax-xokkijiet; |
K. |
billi ċ-Ċina nefqet USD 3,15 biljun fuq it-tnaqqis tal-impatt tal-għargħar, b’hekk evitat it-telf stmat ta’ USD 12-il biljun; billi eżempji oħra ta’ suċċess jinkludu l-Bangladexx, Kuba, il-Vjetnam u l-Madagaskar, li kienu kapaċi jnaqqsu b’mod sinifikanti l-impatt ta’ perikli meteoroloġiċi bħal maltempati tropikali u l-għargħar permezz ta’ sistemi mtejba ta’ twissija bikrija, il-preparazzjoni għad-diżastri u miżuri oħra ta’ tnaqqis tar-riskju; |
L. |
billi f’ħafna pajjiżi l-investiment mis-settur privat jirrappreżenta sehem kbir tal-investiment totali u billi l-iżvilupp ekonomiku nazzjonali u r-reżiljenza għad-diżastri jiddependu fuq l-investiment mis-settur privat sensittiv għar-riskju tad-diżastri; |
M. |
billi n-NU tbassar li l-popolazzjoni urbana tad-dinja se tiżdied bi 72 % sal-2050, u li l-aktar tkabbir urban se jseħħ fil-pajjiżi anqas żviluppati, b’hekk ikompli jiżdied in-numru ta’ persuni esposti għal riskju tad-diżastri; |
N. |
billi d-diżastri jistgħu jikkontribwixxu għal firxa ta’ problemi oħra bħall-faqar estrem, in-nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel u n-nuqqas ta’ nutriment; |
O. |
billi l-ippjanar u l-prattiki tal-iżvilupp tal-passat mhux sostenibbli wasslu għal żieda fil-vulnerabbiltà għad-diżastri għal ħafna popolazzjonijiet; billi l-valutazzjoni tar-riskju tad-diżastri teħtieġ li tkun prekundizzjoni għall-ippjanar u l-programmi tal-iżvilupp; |
P. |
billi n-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE u pajjiżi donaturi oħra f’sitwazzjonijiet wara kriżi jnaqqas l-impatt tal-isforzi magħquda; billi żieda fil-koordinazzjoni tad-donaturi kemm f’sitwazzjonijiet ta’ wara kriżi kif ukoll fl-isforzi għall-bini tar-reżiljenza tista’ tiġġenera ffrankar sinifikanti u effiċjenza mtejba fl-għanijiet għall-iżvilupp; |
Q. |
billi r-Rapport dwar il-Valutazzjoni Globali issa huwa stabbilit bħala sors globali kredibbli għall-analiżi tar-riskji ta’ periklu u t-tendenzi ta’ vulnerabbiltà; billi n-nuqqas ta’ dejta preċiża dwar telf minn diżastru, madankollu, jibqa' sfida ewlenija; |
R. |
billi l-integrazzjoni reġjonali hija sors ta’ suċċess ekonomiku, politiku u soċjali; |
S. |
billi l-prattika tat-trasferiment tal-art għandha tkun suġġetta għal regolamentazzjoni sabiex ma tagħmilx ħsara lill-popolazzjoni rurali; |
L-approċċ tal-UE għar-reżiljenza
1. |
Jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2012 dwar ir-Reżiljenza u l-għanijiet tagħha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issegwi b’mod attiv l-proposti fil-komunikazzjoni u sabiex tiżgura li approċċ fit-tul għall-bini tal-reżiljenza u d-DRR huwa żviluppat aktar li jinkludi kemm flussi umanitarji kif ukoll ta’ żvilupp u jippreżenta rabta ċara bejn it-tnejn; |
2. |
Jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni għar-Reżiljenza fil-Pajjiżi Suxxettibbli għall-Kriżijiet 2013-2020 u l-prijoritajiet tiegħu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), biex jimplimentaw il-proposti u l-prijoritajiet tagħha u biex jiżguraw li jsir progress konsistenti fit-twettiq tal-għanijiet tagħha; |
3. |
Huwa mħasseb li r-reżiljenza, u b’mod aktar speċifiku d-DRR, jissemmew biss fil-qosor fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “L-aġenda ewlenija għal wara l-2015”; jemmen li għandu jkun hemm aktar enfasi fuq dawn il-kwistjonijiet fl-aġenda għal wara l-2015; |
4. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tintegra b’mod attiv miżuri ta’ reżiljenza kemm fil-parti umanitarja kif ukoll fil-parti tal-iżvilupp tal-ipprogrammar; jenfasizza li jeħtieġ li jkun hemm rabta aktar b’saħħitha bejn ir-reazzjonijiet umanitarji għal perjodu qasir ta’ żmien u l-ipprogrammar għall-iżvilupp aktar fit-tul u li dan għandu jagħmel parti mill-approċċ ta’ reżiljenza ġenerali tal-UE; |
5. |
iqis li l-enfasi ewlenija tal-approċċ ta’ reżiljenza tal-UE għandha tkun fuq il-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli, l-aktar foqra u l-aktar emarġinati, li għandhom esponiment għoli għar-riskji, l-aktar għad-diżastri naturali, u ftit protezzjoni kontra dawn ix-xokkijiet, inkluż avvenimenti li jseħħu bil-mod; jenfasizza li approċċ ta’ reżiljenza fit-tul jeħtieġ li jindirizza l-kawżi ewlenin tal-vulnerabbiltà tar-riskju u li jnaqqas b’mod sinifikanti fatturi ta’ riskju sottostanti; |
6. |
Jenfasizza li l-approċċ ta’ reżiljenza fit-tul tal-UE għandu jindirizza d-degradazzjoni tal-ekosistema, b’mod partikolari l-agrikoltura, l-ilma, il-bijodiversità u r-riżorsi tas-sajd, u jistieden lill-UE biex tadotta politika koerenti li tnaqqas il-vulnerabbiltà permezz tal-istrateġija għat-tnaqqis tar-riskju tagħha, li jista’ jintlaħaq billi jiġu adottati metodi u sistemi ta’ produzzjoni agrikola sostenibbli, bħal rotazzjoni tal-uċuħ tar-raba’, agroekoloġija, agrosilvikultura, agrikoltura organika u rziezet żgħar; |
7. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex fl-aġenda ta’ reżiljenza tagħha tiffoka fuq pajjiżi fraġli u suxxettibbli għall-kriżijiet u biex tinvesti fit-tisħiħ ta’ istituzzjonijiet lokali sabiex tinkiseb l-istabbiltà u tiżgura li s-servizzi bażiċi huma pprovduti għal popolazzjonijiet vulnerabbli; |
8. |
Jenfasizza li d-differenza bejn il-fażijiet tal-assistenza u tal-iżvilupp tista’ tingħeleb permezz tal-LRRD, li tfittex li tiżgura sinerġija bejn ix-xogħol umanitarju u dak ta’ żvilupp; huwa tal-fehma li huwa importanti li jiġu indirizzati f’aktar dettall l-istrateġiji ta’ tranżizzjoni u l-konnessjonijiet paralleli bejn l-għajnuna umanitarja u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, b’mod speċjali f’pajjiżi li għandhom tendenza li jesperjenzaw diżastri, f’kriżijiet fit-tul u f’pajjiżi li ħerġin minn diżastri; |
9. |
Jinsisti li l-pajjiżi suxxettibbli għad-diżastri għandu jkollhom rwol ewlieni u għandhom ikunu l-atturi prinċipali fid-definizzjoni tal-prijoritajiet u l-istrateġiji ta’ tranżizzjoni tagħhom minn għajnuna umanitarja għal strateġija ta’ żvilupp fit-tul, peress li huma jafu aħjar ir-realtà lokali biex jiddefinixxu x’inhu l-aħjar għall-komunitajiet tagħhom stess; |
10. |
Jenfasizza li l-bidla fil-klima qed taggrava l-fatturi ta’ riskju sottostanti u għalhekk jeħtieġ li tiġi kkunsidrata fl-istrateġiji ta’ reżiljenza, b’mod partikolari l-adattament tal-klima; |
Tnaqqis tar-riskju tad-diżastri bħala komponent essenzjali ta’ reżiljenza
11. |
Jenfasizza li l-investiment fil-miżuri tad-DRR qabel iseħħu d-diżastri huwa ferm aktar kosteffikaċi mill-finanzjament tar-rispons għad-diżastri wara l-avveniment; għaldaqstant iħeġġeġ aktar investiment fid-DRR u l-istrateġiji ta’ reżiljenza f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, b’mod partikolari fiż-żoni l-aktar vulnerabbli, u l-inklużjoni tagħha fil-pjanijiet ta’ żvilupp nazzjonali; |
12. |
Jenfasizza li ġestjoni effettiva tar-rispons għad-diżastri tikkunsidra l-istabbilment ta’ qafas li jippermetti l-mobilizzazzjoni immedjata tar-riżorsi kollha meħtieġa; |
13. |
Jenfasizza li d-DRR għandu jingħata prijorità kif xieraq fl-ipprogrammar tal-iżvilupp futur u jiġi integrat fl-ipprogrammar tal-iżvilupp u dak umanitarju fil-pajjiżi fraġli u li huma esposti għar-riskji; |
14. |
Jistieden lill-UE, l-Istati Membri tagħha u l-gvernijiet tal-pajjiżi msieħba tagħha biex itejbu u jiżviluppaw strateġiji tad-DRR f’pajjiżi li qed jiżviluppaw billi jimplimentaw programmi ta’ valutazzjoni tar-riskju u jsaħħu s-sistemi ta’ twissija bikrija, b’mod partikolari f’pajjiżi fraġli u suxxettibbli għall-kriżijiet, billi jiġu msaħħa l-preparazzjoni għad-diżastri bil-għan li jkun hemm reazzjonijiet effettivi fil-livelli kollha u billi jiġi appoġġjat l-ippjanar tal-iżvilupp aktar sostenibbli fil-pajjiżi msieħba; |
15. |
Jistieden lill-pajjiżi msieħba biex jistabbilixxu sistemi ta’ kontabbiltà li kapaċi jirreġistraw telf lokali u qsim ta’ informazzjoni bejn il-livelli lokali u nazzjonali għall-ippjanar u għal skopijiet ta’ statistika; jinnota li ċertu grad ta’ standardizzazzjoni jista’ jgħin biex jiġi rreġistrat telf aħjar fil-livell reġjonali u b’hekk jappoġġja l-kooperazzjoni reġjonali; |
16. |
Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, kif ukoll lill-pajjiżi msieħba biex jikkunsidraw is-sostenibbiltà ambjentali u l-ġestjoni tar-riskju tad-diżastri fi programmi ta’ riforma tal-governanza tal-art u mekkaniżmi ta’ reġistrazzjoni tal-art; |
17. |
Jieħu nota li d-DRR u l-adattament għat-tibdil fil-klima huma kwistjonijiet interrelatati u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-atturi kollha biex jintegraw aktar l-istrateġiji tad-DRR u tal-adattament għat-tibdil fil-klima, fost l-oħrajn, il-Programmi Nazzjonali ta’ Azzjoni għall-Adattament (NAPA) eżistenti u biex jinkluduhom fil-fażi tal-ippjanar għall-11-il FEŻ; ifittxu appoġġ finanzjarju konkret, pereżempju permezz tal-implimentazzjoni tal-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima u jikkoordinaw l-isforzi biex jiġu armonizzati dawn l-attivitajiet; |
18. |
Jappoġġja approċċ kumplimentari u koerenti mal-oqfsa tal-MDG u tad-DRR ta’ wara l-2015; jikkunsidra li l-proċessi ta’ wara l-MDG u ta’ wara l-HFA (il-qafas Hyogo għall-azzjoni) jeħtieġ li jikkunsidraw ir-riżultati tal-oqfsa attwali u biex jindirizzaw l-esperjenzi li jħabbtu wiċċhom magħhom dawk l-aktar milquta mid-diżastri u l-kriżijiet; itenni li d-DRR, il-ġestjoni tar-riskju fil-klima u r-reżiljenza jeħtieġ li jiġu integrati bis-sħiħ fil-qafas ta’ wara l-2015; |
L-iżvilupp sostenibbli, il-protezzjoni soċjali u r-reżiljenza tal-komunità
19. |
Jenfasizza li l-approċċ ta’ reżiljenza għandu jwassal għal benefiċċji sostenibbli għas-sezzjonijiet l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà, b’mod partikolari dawk li jgħixu f’faqar estrem u dawk li jgħixu f’abitati informali jew f’kwartieri fqar u l-popolazzjonijiet indiġeni li huma ferm esposti għal riskji tad-diżastri; |
20. |
Jenfasizza li l-iżvilupp sostenibbli għandu jitqies bħala element essenzjali tad-DRR; jirrikonoxxi li l-progress fit-tul jista’ jitwettaq biss jekk jiġu indirizzati l-fatturi sottostanti li jagħmlu komunitajiet jew individwi aktar vulnerabbli, bħal pereżempju l-ġestjoni ħażina ambjentali, l-infrastruttura inadegwata, id-degradazzjoni tal-art u l-ippjanar urban fqir; |
21. |
Jifhem li fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment pajjiżi bi dħul baxx, proporzjon kbir ta’ familji li jgħixu fi stat ta’ faqar persistenti m’għandhom l-ebda protezzjoni soċjali jew ftit li xejn b’mod ġenerali u għalhekk huma aktar esposti fil-każ ta’ diżastri naturali jew diżastri kkawżati mill-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi aktar l-attivitajiet tal-protezzjoni soċjali fil-programmi ta’ kooperazzjoni tagħha għall-iżvilupp, b’attivitajiet speċifiċi biex itejbu s-sistemi ta’ proprjetà statali, miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ assigurazzjoni għal diżastri naturali u diżastri kkawżati mill-bniedem; |
22. |
Jinkoraġġixxi aktar attenzjoni għad-diżastri fuq skala żgħira bħala mira ewlenija fl-approċċ ta’ reżiljenza u viżibbiltà mtejba għall-ħsara li d-diżastri fuq skala żgħira jikkaġunaw lill-komunitajiet, u l-impatt tagħhom fuqhom; |
23. |
Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi msaħħa u żviluppata l-edukazzjoni fil-kuntest tad-diżastri u l-emerġenzi u li jiġu mtejba t-tixrid, il-kumpilazzjoni u l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni u għarfien li għandhom jgħinu biex tinbena r-reżiljenza tal-komunità u jippromwovu bidliet fl-imġiba u kultura ta’ preparazzjoni għad-diżastri; |
24. |
Jenfasizza r-rwol importanti li l-awtoritajiet lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u nazzjonali jistgħu jwettqu fil-bini tar-reżiljenza, b’mod partikolari f’pajjiżi fraġli u suxxettibbli għall-kriżijiet, u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet lokali biex jiżviluppaw, f’konsultazzjoni mal-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali, proċessi koerenti u koordinati għall-implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ reżiljenza; |
25. |
Jenfasizza l-fatt li l-mekkaniżmi ta’ responsabbiltà qawwija u ta’ monitoraġġ għandhom jiġu stabbiliti bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali, l-imsieħba għall-iżvilupp, ix-xjenzati, is-soċjetà ċivili, il-midja u l-pubbliku ġenerali sabiex jiġi mtejjeb l-aċċess għall-informazzjoni u għall-bini tal-għarfien dwar il-ħtieġa għal strateġiji tad-DRR u ta’ reżiljenza; jitlob għall-ġbir regolari tad-dejta, fost l-oħrajn, dejta meteoroloġika, dejta dwar il-ħsad, il-bhejjem, il-funzjonament tas-swieq, il-kundizzjoni nutrizzjonali tat-tfal u tal-membri tal-aktar foqra tas-soċjetà kif ukoll il-mekkaniżmi tad-DRR eżistenti u l-aċċess għal servizzi bażiċi; jinkoraġġixxi r-rappurtar u l-pubblikazzjoni regolari ta’ din id-dejta fuq pjattaformi disponibbli għall-pubbliku biex ikun iffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni, it-twissija bikrija u t-titjib tas-sitwazzjoni; |
Nitgħallmu mill-kriżijiet tas-sigurtà tal-ikel u mid-diżastri preċedenti
26. |
Jinnota li d-diżastri u l-emerġenzi spiss huma segwiti minn kriżijiet tal-ikel u l-malnutrizzjoni fost il-popolazzjonijiet milquta, b’mod speċjali t-tfal; jenfasizza wkoll li l-kriżijiet tal-ikel huma diżastri fihom infushom u li l-approċċ ta’ reżiljenza, li jiffoka fuq it-titjib tas-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni, għandu jiġi inkorporat sistematikament fid-deċiżjonijiet tal-ipprogrammar; |
27. |
Jistieden lill-UE biex titgħallem mid-deċennji passati tal-politika ta’ kooperazzjoni tagħha u tressaq proposti biex tippromwovi l-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp fil-prattika billi torbot l-għajnuna għall-iżvilupp u oqsma ta’ politika tal-UE oħra, bħall-agrikoltura, il-kummerċ, it-tassazzjoni, it-tibdil fil-klima u l-investiment; |
28. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintegra l-kwistjoni tal-ħtif tal-art fid-djalogu politiku tagħha mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex tagħmel il-Koerenza tal-Politiki l-bażi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell internazzjonali u tevita l-esproprjazzjoni ta’ bdiewa żgħar, żieda fil-vulnerabbiltà tal-foqra f’żoni rurali u l-użu mhux sostenibbli tal-art u l-ilma; |
29. |
Jinnota li l-kriżijiet tal-ikel u tan-nutrizzjoni qed isiru iktar frekwenti fir-reġjun tas-Saħel u fil-Qarn tal-Afrika, fejn miljuni ta’ nies m’għandhomx aċċess għal ikel adegwat; jinnota li l-kriżi tal-ikel tal-2011 fil-Qarn tal-Afrika u l-kriżi tal-ikel tal-2012 fis-Saħel urew li l-assistenza umanitarja biss la tista’ tkisser iċ-ċiklu tal-ġuħ kroniku u l-malnutrizzjoni u lanqas tindirizza l-kawżi ewlenin tiegħu; jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati l-kawżi sottostanti tan-nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel persistenti f’dawn ir-reġjuni, jiġifieri l-aċċess fqir għas-servizzi bażiċi u l-edukazzjoni xierqa, il-faqar akut, l-appoġġ inadegwat għall-agrikoltura fuq skala żgħira u għat-trobbija tal-bhejjem, il-problemi tal-aċċess għall-art, id-degradazzjoni ambjentali, it-tkabbir mgħaġġel tal-popolazzjoni, il-fallimenti tas-suq, il-produzzjoni tal-ikel per capita li dejjem tonqos u l-governanza dgħajfa; jenfasizza li l-kawżi sottostanti li jwasslu għall-kriżijiet tal-ikel illum huma aktar kumplessi mill-passat, ma’, pereżempju, xokkijiet relatati mas-suq u mal-prezzijiet aktar frekwenti u b’aktar probabbiltà li jaffettwaw lin-nies foqra; |
30. |
Jinnota li n-nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel u tan-nutriment kroniku huwa l-ewwel u l-aktar fattur importanti tal-vulnerabbiltà għall-kriżijiet tal-ikel, minħabba li jnaqqas il-kapaċità tan-nies biex jippreparaw għal riskji, biex jifilħu l-kriżijiet u biex iqumu lura fuq saqajhom wara dawn; jinnota wkoll li n-nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel u tan-nutriment kroniku jipproduċi effetti negattivi fit-tul li jnaqqsu l-kapital uman billi jwaqqfu t-tkabbir tat-tfal u li jaffettwaw il-kapaċità tas-soċjetajiet li jiżviluppaw; jirrikonoxxi li l-kriżijiet tal-prezzijiet tal-ikel għolja u ferm volatili huma għaljin u kumplessi biex jiġu indirizzati; jinnota li l-approċċ għar-reżiljenza stabbilit mill-Kummissjoni sejjer fid-direzzjoni t-tajba biex jindirizza l-kawżi ewlenin tal-vulnerabbiltà, li l-aktar importanti fosthom in-nuqqas tas-sigurtà tal-ikel u tan-nutriment kroniku; |
31. |
Huwa tal-fehma li l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għar-reżiljenza għandu jkollu l-għan li jimplimenta l-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp u jindirizza kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-ikel u r-reżiljenza għall-klima billi jiġu eliminati prattiki mhux sostenibbli bħad-dumping ta’ prodotti agrikoli u regoli tal-kummerċ inġusti; jistieden lill-UE tindirizza l-agrikoltura sostenibbli b’mod olistiku fil-livelli nazzjonali u internazzjonali; |
32. |
Jilqa’ kemm l-approċċ ta’ żvilupp umanitarju konġunt kif ukoll l-approċċ reġjonali fl-inizjattiva tal-UE “Appoġġ għar-Reżiljenza fil-Qarn tal-Afrika” (SHARE) u fl-Alleanza Globali tal-UE għall-Inizjattiva tar-Reżiljenza (AGIR) għar-reġjun tas-Saħel; jitlob li tingħata aktar attenzjoni lil dawn ir-reġjuni u għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni aħjar fost il-gvernijiet nazzjonali, id-donaturi internazzjonali, is-soċjetà ċivili u s-settur privat biex jitkissru l-ostakli bejn l-approċċ tal-iżvilupp u l-approċċ umanitarju, bejn ir-reazzjonijiet “normali” u r-reazzjonijiet għal “kriżi”; |
33. |
Jitlob għal approċċ effettiv għar-reżiljenza, li jrid ikun multiistituzzjonali, koordinat, komprensiv u sistematiku u jinkludi numru ta’ elementi bħall-provvista ta’ xbieki ta’ sigurtà soċjali prevedibbli u mmirati għal dawk l-aktar vulnerabbli, li mhux biss jiżguraw li familji għandhom aċċess immedjat għall-ikel waqt il-kriżijiet, iżda jiggarantixxu wkoll l-irkupru mgħaġġel u reżiljenza għal xokkijiet futuri; jitlob għat-tnaqqis tan-nuqqas ta’ nutriment tat-tfal li għandu jsir ċentrali għar-reżiljenza permezz ta’ pjanijiet nazzjonali koordinati li jagħtu prijorità b’mod partikolari lit-tfal taħt is-sentejn u n-nisa tqal; |
34. |
Jinnota li evidenza min-Niger, Burkina Faso u l-Mali tindika li tekniki agroekoloġiċi bi prezz baxx, b’mod partikolari l-agroforestrija u l-konservazzjoni tal-ħamrija u tal-ilma, tejbu r-reżiljenza tal-bdiewa fuq skala żgħira fir-rigward tan-nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel; jenfasizza, madankollu, li l-agrikoltura agroekoloġika weħidha ma tistax tegħleb il-kawżi strutturali tan-nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel; jitlob biex komponenti mhux agrikoli jiġu inkorporati fl-interventi agrikoli u sabiex dan jiġi żgurat li n-nutrizzjoni mtejba tkun għan espliċitu tal-programmi agrikoli; barra minn hekk jitlob li jiġi żgurat li l-bdiewa nisa jibbenefikaw ukoll mill-programmi billi jiġi żgurat li l-ostakli maħluqa minn inugwaljanzi bejn is-sessi (bħal aċċess għall-art, kreditu, servizzi ta’ estensjoni u dħul) jiġu kkunsidrati fit-tfassil tal-programmi agrikoli; |
Koordinazzjoni aħjar tal-isforzi u metodi ta’ finanzjament imtejba
35. |
Jinnota li huwa kruċjali għall-Istati Membri u għall-istituzzjonijiet tal-UE biex jikkoordinaw aħjar l-attivitajiet tal-iżvilupp u l-attivitajiet umanitarji tagħhom u jaħdmu flimkien biex l-għajnuna tagħhom tkun aktar effettiva; jindika l-istudju ta’ Ġunju 2013 “Il-prezz tan-non-Ewropa fil-Politika tal-Iżvilupp” tal-Parlament Ewropew, li jistima li EUR 800 miljun jistgħu jiġu ffrankati kull sena fil-kostijiet ta’ tranżazzjoni jekk id-donaturi jikkonċentraw l-isforzi tagħhom ta’ assistenza fuq inqas pajjiżi u attivitajiet, u li EUR 8,4 biljun oħra fl-iffrankar annwali jistgħu jinkisbu permezz ta’ mudelli aħjar ta’ allokazzjoni bejn il-pajjiżi; |
36. |
Jinnota l-kontribut importanti ta’ persuni mobbli li jrabbu l-annimali fuq skala żgħira fil-produzzjoni tal-laħam, il-ħalib u d-demm f’żoni li mhumiex xierqa għal forom oħra ta’ agrikoltura; jenfasizza r-rwol importanti tagħhom għall-ikel tal-komunitajiet kif ukoll il-kontribut pożittiv tagħhom għas-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni, kif evidenzjat f'artijiet aridi u semiairidi li juri li tfal f’żoni pastorali għandhom it-tendenza li jkollhom sigurtà tal-ikel aħjar minn dawk li joqogħdu fil-bliet u l-irħula; jitlob għalhekk li d-drittijiet u l-ħtiġijiet ta’ dawk il-popolazzjonijiet pastorali jiġu kkunsidrati fit-tfassil tal-interventi u l-programmi agrikoli; |
37. |
Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied il-kapaċità tal-irziezet żgħar bil-promozzjoni ta’ investimenti pubbliċi/privati, inkluż bl-għoti ta' mikrokrediti lin-nisa; |
38. |
Huwa tal-fehma li l-iffrankar magħmul minn koordinazzjoni aħjar tad-donaturi jista’, pereżempju, jintuża għall-użu fl-attivitajiet tad-DRR u li dawn, min-naħa tagħhom jiġġeneraw qligħ sinifikanti, u b’hekk jinħoloq ċirku virtuż; |
39. |
Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni fil-Pjan ta’ Azzjoni għar-Reżiljenza tal-2013 li għandu jinżamm Forum dwar ir-Reżiljenza tal-UE; iħares lejn dan bħala opportunità biex jikkoordina l-isforzi ta’ reżiljenza fost l-istituzzjonijiet pubbliċi, inklużi l-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew, is-settur privat, u l-NGOs u s-soċjetà ċivili, sabiex ikun hemm progress koordinat sew fir-rigward tad-DRR u tar-reżiljenza, bl-atturi kollha jaħdmu flimkien; |
40. |
Jinkoraġġixxi aktar kollaborazzjoni bejn is-settur pubbliku u s-settur privat dwar id-DRR u r-reżiljenza; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-involviment tas-settur privat billi toħloq inċentivi u l-ambjent ġust biex l-entitajiet privati jaqsmu l-kompetenza tagħhom fuq ir-reżiljenza tal-bini u t-tnaqqis tar-riskju; madankollu f’dan ir-rigward iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tabbozza proposta li tistabbilixxi regoli dwar is-sħubija pubblika/privata, inklużi valutazzjonijiet tal-impatt soċjali u ekoloġiku, biex tipprevjeni pereżempju l-aggravar tal-kunflitti dwar l-użu tal-art jew tal-kunflitti dwar l-aċċess għall-ilma, b’mod partikolari biex tipproteġi lill-bdiewa ż-żgħar; iħeġġeġ, barra minn hekk, l-offerta ta' appoġġ għall-pajjiżi tal-AKP sabiex il-kuntratti ma' investituri multinazzjonali jgħaddu minn skrutinju; barra minn hekk, jinkoraġġixxi t-trasparenza tal-investimenti u l-objettivi fil-mira tal-investiment, fuq pjattaformi disponibbli għas-soċjetà ċivili; |
41. |
Jirrakkomanda aktar kollaborazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ istituzzjonijiet internazzjonali u reġjonali fir-rigward tal-preparazzjoni għad-diżastri, kif ukoll fir-rigward tar-rispons għad-diżastri u r-rikostruzzjoni; jappoġġja t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tnaqqis tar-Riskju tad-Diżastri (UNISDR) bil-għan li tittejjeb l-azzjoni tal-UE dwar il-kwistjonijiet tad-DRR; |
42. |
Jenfasizza li filwaqt li l-UE u l-organizzazzjonijiet internazzjonali jistgħu jagħmlu progress fir-rigward tad-DRR u tar-reżiljenza fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz tal-programmi tagħhom, hija primarjament ir-responsabbiltà tal-gvernijiet nazzjonali li jiżguraw is-sikurezza taċ-ċittadini tagħhom, u li għalhekk il-pajjiżi msieħba jeħtieġ li jkollhom impenn politiku qawwi għall-appoġġ u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet li jtejbu r-reżiljenza u d-DRR; |
o
o o
43. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |
(1) ĠU C 50 E, 21.2.2012, p. 30.
(2) ĠU C 56 E, 26.2.2013, p. 31.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0283.