12.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 55/71


P7_TA(2013)0215

L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Mejju 2013 dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva (2012/2132(INI))

(2016/C 055/09)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali adottata mill-Organizzazzjoni Edukattiva, Xjentifika u Kulturali tan-Nazzjonijiet Uniti (UNESCO) fl-20 ta’ Ottubru 2005,

wara li kkunsidra l-Protokoll dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri, anness mat-Trattat ta' Amsterdam li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej u ċerti atti relatati,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (1),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (2),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern ('Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku') (3),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (id-Direttiva Servizz Universali) (4) kif emendata mid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 (5),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (6),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1718/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2006 dwar l-implimentazzjoni ta’ programm ta' appoġġ lis-settur awdjoviżiv Ewropew (MEDIA 2007) (7),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni dwar ċerti aspetti tad-dispożizzjonijiet dwar ir-reklamar televiżiv fid-Direttiva “Televiżjoni mingħajr Fruntieri” (8),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 2006/952/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni tal-minuri u tad-dinjità tal-bniedem u dwar id-dritt ta' tweġiba fir-rigward tal-kompetittività tal-industrija Ewropea tas-servizzi awdjoviżivi u tal-informazzjoni online (9),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tat-tfal fid-dinja diġitali (10),

wara li kkunsidra l-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (COM(2011)0785),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-1 ta' Diċembru 2008, bit-titlu “Lejn soċjetà tal-informazzjoni aċċessibbli”(COM(2008)0804),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010, bit-titolu “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Awwissu 2010, “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” (COM(2010)0245/2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-litteriżmu medjatiku fid-dinja diġitali (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Novembru 2010 dwar ix-xandir għas-servizz tal-pubbliku fl-era diġitali: il-futur tas-sistema doppja (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar iċ-ċinema Ewropea fl-era diġitali (13),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar strateġija għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-konsumaturi vulnerabbli (14),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2012 dwar id-distribuzzjoni onlajn ta’ xogħlijiet awdjoviżivi fl-Unjoni Ewropea (15),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Novembru 2012 dwar il-protezzjoni tat-tfal fid-dinja diġitali (16),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/625/KE tal-20 ta’ Awwissu 2009 dwar il-litteriżmu medjatiku fl-ambjent diġitali għal industrija awdjoviżiva u tal-kontenut aktar kompetittiva u soċjetà tal-għarfien inklussiva (17),

wara li kkunsidra l-Ewwel Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-24 ta’ Settembru 2012 dwar l-Applikazzjoni tal-Artikoli 13, 16 u 17 tad-Direttiva 2010/13/UE għall-perjodu 2009-2010, Promozzjoni tax-xogħlijiet Ewropej fis-servizzi tal-midja awdjoviżiva fuq talba u skedati tal-UE (COM(2012)0522),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Settembru 2012“Il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi għal tkabbir u l-impjiegi fl-UE” (COM(2012)0537),

wara li kkunsidra l-Ewwel Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-4 ta’ Mejju 2012 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2010/13/UE “Id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva”, Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva u Apparat Konness: Perspettivi Passati u Futuri (COM(2012)0203/2),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0055/2013),

A.

billi d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (AVMSD) hija l-bażi tar-regolamentazzjoni tal-midja tal-UE;

B.

billi s-servizzi tal-midja awdjoviżiva, minbarra li huma servizzi ekonomiċi, huma wkoll servizzi kulturali;

C.

billi l-AVMSD hija bbażata fuq il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika u għalhekk tkopri s-servizzi kollha b’kontenut awdjoviżiv tkun xi tkun it-teknoloġija użata biex jitwassal il-kontenut, u b’hekk tiggarantixxi kundizzjonijiet ekwi għall-fornituri kollha tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva;

D.

billi l-AVMSD tiggarantixxi fluss ħieles ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva bħala strument tas-suq intern, u tirrispetta d-dritt għal-libertà tal-espressjoni u għall-aċċess għall-informazzjoni filwaqt li tħares l-objettivi ta’ interess pubbliku, inklużi d-drittijiet tal-awtur, il-libertà tal-midja, il-libertà tal-informazzjoni u l-libertà tal-kelma.

E.

billi l-AVMSD tqis in-natura kulturali tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva, li huma ta' importanza partikolari għas-soċjetà u d-demokrazija bħala vetturi tal-identitajiet u l-valuri, u għandha wkoll l-għan li tħares id-diversità kulturali indipendenti fl-Istati Membri filwaqt li tissalwagwardja d-diversità kulturali fl-Unjoni, b'mod partikolari permezz ta' armonizzazzjoni minima u l-promozzjoni ta' xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej;

F.

billi l-konverġenza teknoloġika tfisser li l-konsumaturi fil-ġejjieni se jiddistingwu dejjem inqas bejn servizzi lineari u servizzi mhux lineari;

G.

billi l-għan għandu jkun li jintlaħqu kundizzjonijiet ekwi, peress li l-livelli differenti ta' regolamentazzjoni għal servizzi lineari u servizzi mhux lineari m'għadhomx rikonoxxibbli għall-konsumaturi, u dan jista' jwassal għal tgħawwiġ tal-kompetizzjoni;

H.

billi s-swieq tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva qed ikomplu jesperjenzaw bidliet sinifikanti fit-teknoloġija kif ukoll żviluppi fi prattiki u mudelli tan-negozju, u b’hekk jinfluwenzaw il-mod kif il-kontenut jitwassal u jiġi aċċessat mill-ispettaturi;

I.

billi l-aċċessibbiltà għas-servizzi tal-midja awdjoviżiva hija essenzjali biex jiġi ggarantit id-dritt ta’ persuni b’diżabilità u tal-anzjani li jipparteċipaw u jintegraw fil-ħajja soċjali u kulturali tal-UE, b’mod partikolari bl-iżvilupp ta’ pjattaformi ġodda li jwasslu kontenut bħall-IPTV u t-televiżjoni konnessa;

J.

billi għandu jkun hemm enfasi speċifika fuq il-litteriżmu medjatiku fil-kuntest tal-pass dejjem aktar mgħaġġel tal-iżviluppi teknoloġiċi u l-konverġenza tal-pjattaformi tal-midja;

K.

billi l-bidliet teknoloġiċi li għaddejjin bħalissa wasslu sabiex il-protezzjoni tal-minorenni ssir kwistjoni saħansitra aktar urġenti u li toħloq sfidi;

L.

billi xi Stati Membri ma ttrasponewx l-AVMSD fil-ħin jew għadhom ma implimentawhiex bis-sħiħ jew b’mod korrett;

M.

billi t-traspożizzjoni tal-Artikolu 13 tal-AVMSD dwar il-promozzjoni ta' xogħlijiet Ewropej permezz ta' servizzi 'on-demand' mhijiex preskrittiva biżżejjed fil-parti l-kbira tal-Istati Membri sabiex ikun jista’ jintlaħaq l-objettiv ta’ diversità kulturali msemmi fid-Direttiva;

N.

billi għalhekk la valutazzjoni sħiħa tal-implimentazzjoni tal-AVMSD u lanqas evalwazzjoni bir-reqqa tal-effikaċja tagħha ma jistgħu jitwettqu;

O.

billi l-espansjoni tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva mal-iżvilupp ta’ servizzi ibridi tippreżenta sfidi ġodda fir-rigward ta' firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet, bħall-kompetizzjoni, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-iżvilupp u l-emerġenza ta’ forom ġodda ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi, u r-reklamar li jidher waqt vidjow (overlay advertising) li huwa ta’ sfida għall-integrità tal-programm u jqajjem dubji dwar l-adegwatezza u l-effikaċja tal-AVMSD, kif ukoll dwar ir-relazzjoni tagħha ma’ strumenti oħrajn tal-liġi tal-UE;

P.

billi d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 tal-AVMSD jibbilanċjaw l-interessi tal-partijiet interessati kollha b’mod ġust billi jiżguraw ir-rispett tad-dritt tal-pubbliku għal aċċess għall-informazzjoni, minn naħa, u d-dritt għall-proprjetà u l-libertà tat-tmexxija ta' negozju min-naħa l-oħra;

Sitwazzjoni attwali

1.

Ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-impenn tagħha lejn l-aġenda dwar ir-regolamentazzjoni intelliġenti, u l-importanza li jsiru kontrolli ex post fil-ħin u rilevanti tal-leġiżlazzjoni tal-UE sabiex il-kwalità tar-regolamentazzjoni tiġi ġestita fiċ-ċiklu politiku kollu;

2.

Jinnota f'dan ir-rigward li, skont l-Artikolu 33 tal-AVMSD, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li tippreżenta r-rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva mhux iktar tard mid-19 ta’ Diċembru 2011;

3.

Jinnota li l-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport ta’ applikazzjoni tagħha pjuttost tard, fl-4 ta’ Mejju 2012;

4.

Jinnota wkoll li l-Istati Membri implimentaw l-AVMSD b’mod partikolarment differenti;

5.

Jenfasizza li l-AVMSD tibqa’ l-istrument adegwat biex tiġi rregolata l-koordinazzjoni mal-UE kollha tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-midja awdjoviżiva kollha u biex jinżammu l-prinċipji tal-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali;

6.

Jinnota b’mod partikolari li l-prinċipju ta’ “pajjiż tal-oriġini”, meta jiġi applikat kif xieraq, jagħti lix-xandara ċarezza u ċertezza importanti dwar l-arranġamenti operattivi tagħhom;

7.

Jikkundanna l-fatt li r-rapport ta' applikazzjoni tal-Kummissjoni ma jevalwax il-ħtieġa għal adattament possibbli tal-AVMSD fid-dawl ta' dawn ir-riżultati kif meħtieġ mill-Artikolu 33;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ l-implimentazzjoni konsistenti u sħiħa tal-AVMSD fl-Istati Membri, u b'mod partikolari tiżgura li jittieħed kont xieraq tad-definizzjonijiet speċifiċi li jinsabu fil-premessi ta' din id-Direttiva meta tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali;

9.

Jappoġġa bis-sħiħ approċċ newtrali mil-lat teknoloġiku fid-dawl tal-evoluzzjoni tad-drawwiet tat-telespettaturi u tal-offerta sabiex il-konsumaturi jkollhom għażla ikbar; jitlob, f'dan ir-rigward, li s-sitwazzjoni attwali tas-suq u l-qafas regolatorju jkunu soġġetti għal valutazzjoni sħiħa tal-impatt;

10.

Jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li fil-jiem li ġejjin tippubblika dokument politiku dwar il-konverġenza b'rabta mat-televiżjoni konnessa u mal-apparat konness, li se jniedi konsultazzjoni pubblika dwar il-kwistjonijiet kollha li jirriżultaw minn dawn l-iżviluppi ġodda;

11.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, f'każ ta' xi rieżami tal-AVMSD, teżamina sa liema punt, jekk dan ikun il-każ, inċertezzi u n-nuqqas ta’ preċiżjoni fid-definizzjonijiet wasslu għal diffikultajiet fl-implimentazzjoni fl-Istati Membri, sabiex tkun tista' tinstab soluzzjoni għal dawn il-kwistjonijiet fil-kuntest ta' dan ir-rieżami;

12.

Jinnota, fir-rigward tax-xandir esaġerat ta' kontenut awdjoviżiv, li jeħtieġ li jiġi speċifikat xi tfisser “partijiet interessati”, li jistgħu jkunu l-kumpaniji tat-televiżjoni pubblika u dik privata, il-fornituri tal-internet, il-konsumaturi u d-diretturi tal-programmi;

13.

Jitlob lill-Kummissjoni tibqa' tiżgura li, meta titqies in-natura doppja tagħhom bħala fornituri ta’ servizzi kulturali kif ukoll ekonomiċi, is-servizzi tal-midja awdjoviżiva jibqgħu esklużi mil-liberalizzazzjoni taħt in-negozjati dwar il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS);

Aċċessibbiltà

14.

Jenfasizza li r-rapport tal-applikazzjoni tal-Kummissjoni jonqos milli jindirizza b’mod sostanzjali l-kwistjoni tal-aċċessibbiltà kif imsemmi fl-Artikolu 7 tal-AVMSD, u jiddispjaċih mill-fatt li l-effikaċja tar-regoli ta’ implimentazzjoni tal-Istati Membri f’dan ir-rigward ma ġietx indirizzata;

15.

Jinnota li f'ħafna Stati Membri, l-infrastruttura għall-provvista ta' tali servizzi għadha ma teżistix u hemm bżonn ta' iktar żmien biex ċerti Stati Membri jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti; iħeġġeġ lill-Istati Membri kkonċernati jindirizzaw din il-kwistjoni mill-iktar fis biex jippermettu l-implimentazzjoni prattika tal-Artikolu 7;

16.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tindirizza dan in-nuqqas billi tipprovdi ħarsa ġenerali regolari tal-miżuri li ttieħdu mill-Istati Membri u valutazzjoni tal-effikaċja tagħhom, sabiex jiġi żgurat li s-servizzi tal-midja awdjoviżiva kontinwament isiru aktar aċċessibbli;

17.

Jenfasizza l-fatt li, f’ambjent li kulma jmur aktar qed isir wieħed diġitali, is-servizzi tal-midja pubblika jwettqu rwol kruċjali billi jiżguraw li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jaċċessaw informazzjoni onlajn, u jagħraf f'dan ir-rigward il-fatt li l-forniment ta’ servizzi tal-internet mis-servizzi tal-midja pubblika jikkontribwixxu direttament għall-missjoni tagħhom;

18.

Huwa tal-fehma li l-konċentrazzjoni tas-sjieda tal-midja tista’ tippreġudika l-libertà tal-informazzjoni, u b’mod partikolari, id-dritt li wieħed jirċievi l-informazzjoni;

19.

Huwa tal-fehma li għandu jinkiseb bilanċ xieraq bejn l-objettivi tal-AVMSD u l-ħtieġa li tiġi ssalvagwardjata l-libertà tad-distribuzzjoni tal-kontenut u l-aċċess għalih biex jiġu evitati r-riskji ta' konċentrazzjoni u ta' telf tad-diversità;

20.

Jirrikonoxxi l-mudelli differenti ta' negozju li jiġu applikati biex jiġi ffinanzjat il-kontenut u jenfasizza l-importanza li l-aċċess ikun affordjabbli għal konsumaturi differenti;

21.

Jirrimarka dwar il-bżonn ta' aktar aċċessibbiltà għall-programmi, b’mod partikolari dawk li jsiru permezz ta’ servizzi fuq talba, permezz ta’ aktar żvilupp, fost affarijiet oħrajn fid-deskrizzjoni tal-awdjo, is-sottotitoli tal-awdjo/mitkellma, il-lingwa tas-sinjali u n-navigazzjoni fil-menu, b’mod partikolari ta’ gwidi ta' programmi elettroniċi (EPGs);

22.

Jirrikonoxxi wkoll li l-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-fornituri tas-servizzi tal-midja u l-manifatturi ta’ apparat ta’ appoġġ taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom biex jagħmlu s-servizzi tagħhom aktar aċċessibbli, b’mod partikolari għall-anzjani u għal persuni b’diżabilitajiet, bħal persuni neqsin mis-smigħ jew b'vista batuta;

23.

Jilqa' l-impenn personali li ħa l-Kummissarju Barnier fir-rigward tan-negozjati li għaddejjin dwar Trattat dwar il-limitazzjonijiet tad-drittijiet tal-awtur u l-eċċezzjonijiet għall-persuni b'vista batuta u l-persuni b'diżabilitajiet relatati mal-kelma stampata;

24.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-għajnuniet għall-persuni b’vista batuta jkunu disponibbli b’mod ġenerali għall-aċċess għall-prodotti u s-servizzi awdjoviżivi;

25.

Jemmen li l-Artikolu 7 tal-AVMSD għandu jiġi riformulat sabiex jinkludi lingwaġġ iktar b'saħħtu u vinkolanti li jirrikjedi li l-fornituri tas-servizzi tal-midja jiżguraw li s-servizzi tagħhom ikunu disponibbli għall-persuni b'diżabilitajiet;

26.

Jenfasizza madankollu li s-suq għal servizzi mhux lineari għadu jinsab fi stadju relattivament bikri tal-iżvilupp tiegħu, u li kwalunkwe obbligu ġdid impost fuq il-fornituri għandu jirrifletti dan il-fatt;

Drittijiet esklussivi u rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor

27.

Jistieden lill-Kummissjoni biex fir-rapport tagħha li jmiss dwar l-applikazzjoni tal-AVMSD, tevalwa jekk l-Istati Membri implimentawx din id-Direttiva b'tali mod li jinżamm il-bilanċ neċessarju u eżistenti bejn, minn naħa l-waħda, is-salvagwardja tal-prinċipju tal-libertà tal-aċċess għall-informazzjoni, speċjalment fir-rigward ta' avvenimenti ta' interess kbir għas-soċjetà u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tad-detenturi tad-drittijiet;

28.

Jilqa’ l-approċċ li ħadu l-Kummissjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea b’rabta mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 14 tal-AVMSD; jitlob li tibqa’ tingħata interpretazzjoni wiesgħa għat-terminu “avvenimenti li huma meqjusa […] bħala ta’ importanza maġġuri għas-soċjetà”, inklużi avvenimenti sportivi u ta' divertiment li jkunu ta' interess ġenerali, u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jfasslu listi ta' tali avvenimenti;

29.

Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tinkludi fir-rapport tagħha li jmiss valutazzjoni tal-mezzi kif l-Istati Membri implimentaw l-Artikolu 15 tal-AVMSD, billi tħares b'mod partikolari lejn kif żguraw li avvenimenti ta' interess kbir għall-pubbliku li huma trażmessi fuq bażi esklussiva minn xandar taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom jintużaw għall-iskopijiet ta' rapporti tal-aħbarijiet fil-qosor fi programmi tal-aħbarijiet ġenerali;

30.

Jittama li l-Istati Membri, fl-applikazzjoni tagħhom tal-Artikolu 15 tad-Direttiva, jippromwovu livell għoli ta' diversità fl-għadd ta' avvenimenti ta' interess pubbliku sinifikanti li jintwerew fi programmi tal-aħbarijiet ġenerali permezz ta' rapporti tal-aħbarijiet fil-qosor;

Promozzjoni ta' xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej

31.

Jenfasizza li ħafna Stati Membri jikkonformaw mar-regoli relatati mal-promozzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej, iżda li għadha qed tingħata prijorità lil xogħlijiet nazzjonali filwaqt li l-persentaġġ ta’ xogħlijiet indipendenti fuq it-televiżjoni qed jonqos;

32.

Jiddispjaċih mill-fatt li d-data provduta mhix biżżejjed biex wieħed jasal għal konklużjonijiet dwar il-promozzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej minn fornituri ta’ servizzi fuq talba;

33.

Jitlob, f’dan ir-rigward, biex ir-rekwiżit ta’ rappurtar dwar ix-xogħlijiet Ewropej ikun jinkludi mill-inqas tqassim skont il-kategorija – produzzjoni ċinematografika, produzzjoni tat-televiżjoni dwar ġrajjiet fittizji u mhux fittizji, u formati ta' xows jew divertiment – u skont il-mezz tad-distribuzzjoni, u jħeġġeġ b'urġenza lill-Istati Membri biex jipprovdu data relevanti f'dan ir-rigward;

34.

Jenfasizza n-nuqqas ta’ rappurtar dettaljat skont l-Artikolu 13 tal-AVMSD dwar l-obbligu doppju li jiġi promoss l-aċċess għal, u l-promozzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej f’servizzi fuq talba, u jitlob lill-Kummissjoni biex tikkjarifika dan il-punt filwaqt li tqis ukoll li tali servizzi għadhom jinsabu fi stadju bikri u li huwa diffiċli li wieħed jasal għal konklużjonijiet dwar l-effikaċja tal-kriterji ta' promozzjoni applikati għal servizzi fuq talba;

35.

Jistieden għalhekk lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jaġixxu b'urġenza biex jiżguraw l-implimentazzjoni effikaċi tal-Artikolu 13 tal-AVMSD;

36.

Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri effettivi biex jippromwovu sinerġiji aħjar fost l-awtoritajiet regolatorji, il-fornituri tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva u l-Kummissjoni, sabiex il-films tal-UE jkunu jistgħu jilħqu udjenza aktar wiesgħa kemm fi ħdan l-UE kif ukoll barra mill-UE fuq servizzi lineari kif ukoll fuq servizzi mhux lineari;

37.

Jirrakkomanda t-tisħiħ tar-rwol tal-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew, billi dan ikun soluzzjoni xierqa għall-ġbir ta' data rigward il-promozzjoni tax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej;

Xogħlijiet indipendenti

38.

Jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 17 tal-AVMSD b’mod sodisfaċenti fir-rigward tal-ħin medju ta' xandir tax-xogħlijiet Ewropej minn produtturi indipendenti, u jenfasizza l-awtonomija tal-Istati Membri f'dan ir-rigward; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lix-xandara biex jaqbżu l-livell minimu ta' 10 % ssuġġerit fid-Direttiva;

Il-protezzjoni tal-minorenni

39.

Jieħu nota ta’ inizjattivi awtoregolatorji u kodiċi ta’ kondotta maħsuba biex jillimitaw l-esponiment tat-tfal u l-minorenni għall-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar tal-ikel, bħal dawk imnedija fil-qafas tal-Pjattaforma għal Azzjoni tal-Kummissjoni dwar id-Dieta, l-Attività Fiżika u s-Saħħa;

40.

Jirrikonoxxi l-isforzi magħmula mill-industrija tar-reklamar u l-membri tal-EU Pledge, bħala tweġiba għat-talba tal-AVMSD biex ikun hemm kodiċijiet ta' kondotta għal komunikazzjonijiet kummerċjali, li jakkumpanjaw programmi għat-tfal jew inklużi fihom, ta’ prodotti tal-ikel u x-xorb b'kontenut għoli ta' xaħam, zokkor u melħ;

41.

Jenfasizza li l-inizjattivi koregolatorji u awtoregolatorji, b'mod partikolari fil-qasam tar-reklamar indirizzat lil minorenni, mhux l-inqas fid-dawl tal-istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR), li hija definita bħala “r-responsabbiltà tal-intrapriżi għall-impatti li jħallu fuq is-soċjetà”, jirrappreżentaw progress fir-rigward tas-sitwazzjoni preċedenti peress li joffru mezz kif wieħed jirreaġixxi aktar malajr għall-iżviluppi fid-dinja tal-midja li qed tinbidel b'rata mgħaġġla.

42.

Jinnota, madankollu, li inizjattivi bħal dawn mhux dejjem jistgħu jkunu effettivi biżżejjed fl-Istati Membri kollha u li għandhom jitqiesu bħala li jikkomplementaw id-dispożizzjonijiet legali fil-kisba tal-għanijiet tal-AVMSD, b’mod partikolari f’kuntest onlajn;

43.

Jenfasizza li hu essenzjali li jinstab il-bilanċ korrett bejn il-miżuri volontarji u r-regolamentazzjoni obbligatorja f'dan ir-rigward;

44.

Jenfasizza għaldaqstant li inizjattivi bħal dawn jeħtieġ li jsirilhom monitoraġġ regolari sabiex ikun żgurat li jiġu infurzati, flimkien ma’ rekwiżiti legalment vinkolanti futuri li jistgħu jkunu meħtieġa biex jiżguraw il-protezzjoni effettiva tal-minorenni;

45.

Jistieden lill-Kummissjoni biex, f'każ ta' reviżjoni tal-AVMSD, tagħti lil dawn l-istrumenti regolatorji relattivament ġodda rwol ikbar fil-protezzjoni tal-minorenni fil-midja, u fir-regolamentazzjoni tar-reklamar; dan, madankollu, mingħajr ma jiġu evitati għalkollox ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi;

46.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jibqgħu jinkoraġġixxu lill-fornituri tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva biex jiżviluppaw kodiċi ta' kondotta fir-rigward tal-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi inadegwati fil-programmi tat-tfal;

47.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra kif ir-rekwiżiti bażiċi tal-AVMSD applikabbli għal servizzi mhux lineari jistgħu jiġu estiżi għal kontenut u servizzi oħra onlajn li bħalissa jinsabu barra l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, u liema passi għandhom jittieħdu biex tinħoloq sitwazzjoni ekwa għall-operaturi kollha; jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta r-riżultati tar-riflessjonijiet tagħha lill-Parlament mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2013;

48.

Jirrikonoxxi l-kisbiet tal-Istati Membri fil-protezzjoni kontra l-kontenut li jinċita l-mibegħda għal raġunijiet ta' razza, sess, nazzjonalità u reliġjon;

49.

Jenfasizza l-ħtieġa għal studju komparattiv u pan-Ewropew biex jipprovdi fehim ulterjuri dwar kif qed tevolvi l-imġiba tat-tfal, l-adoloxxenti u l-adulti f'dak li għandu x'jaqsam mal-konsum tal-midja; jemmen li studju bħal dan ikun ta’ benefiċċju għal min ifassal il-politika awdjoviżiva fil-livell tal-UE u fl-Istati Membri;

Reklamar

50.

Jinnota li l-limitu ta’ 12-il minuta reklamar fis-siegħa nkiser f'xi Stati Membri;

51.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri kkonċernati biex jimplimentaw bis-sħiħ, b’mod korrett u mingħajr dewmien id-dispożizzjonijiet tal-AVMSD f’dan ir-rigward;

52.

Itenni li l-proporzjon tar-reklami televiżivi u l-ispots tat-telebejgħ m'għandux ikun iktar minn 12-il minuta fis-siegħa;

53.

Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-limitu ta' 12-il minuta qed jinkiser regolarment f'xi Stati Membri;

54.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, minbarra l-monitoraġġ tal-konformità mar-regoli eżistenti li jistabbilixxu stipulazzjonijiet kwantitattivi u kwalitattivi dwar ir-reklamar, tqis ukoll sfidi futuri, pereżempju dik tat-televiżjoni konnessa mal-Internet, f'termini tal-kompetittività u tal-finanzjament sostenibbli tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva;

55.

Jenfasizza b’mod partikolari l-ħtieġa li jitwettaq monitoraġġ tal-formati kummerċjali maħsuba biex tiġi evitata din ir-restrizzjoni, speċjalment ir-reklamar bil-moħbi, li jista' jfixkel lill-konsumaturi;

56.

Jitlob lill-Kummissjoni tressaq mill-aktar fis possibbli l-kjarifiki meħtieġa fir-rigward tal-kwistjonijiet li hija identifikat fil-qasam tal-komunikazzjonijiet kummerċjali rigward l-isponserizzazzjoni, l-awtopromozzjoni u t-tqegħid ta’ prodotti;

57.

Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-effikaċja tar-regolamenti fis-seħħ u twettaq monitoraġġ tal-konformità mar-regoli dwar ir-reklamar li jindirizza lit-tfal u lill-minorenni;

58.

Jitlob, barra minn hekk, li jiġi pprojbit ir-reklamar li jippreġudika, bħal dak deskritt fl-Artikolu 9 tal-AVMSD, fil-programmi għaż-żgħażagħ u t-tfal; jirrakkomanda, bħala l-bażi għal riformi futuri tal-qafas leġiżlattiv, li jiġu eżaminati l-aħjar prattiki f'dan il-qasam f'ċerti pajjiżi;

59.

Jiddispjaċih li l-verżjoni aġġornata meħtieġa tal-komunikazzjoni interpretattiva dwar ċerti aspetti tad-dispożizzjonijiet dwar ir-reklamar televiżiv għadha ma nħarġitx;

60.

Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li taġġorna l-komunikazzjoni interpretattiva tagħha dwar ċerti aspetti tad-dispożizzjonijiet dwar ir-reklamar televiżiv fl-2013;

Litteriżmu medjatiku

61.

Jieħu nota tas-sejbiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-livell ta' litteriżmu medjatiku fl-Istati Membri;

62.

Jinnota li l-aċċess għall-istazzjonijiet televiżivi, u l-għażla tas-servizzi awdjoviżivi, żdiedu b'mod sinifikanti;

63.

Jenfasizza li, sabiex jinkiseb suq uniku diġitali reali fl-Ewropa, huma meħtieġa aktar sforzi fil-qasam tat-tijib tal-litteriżmu medjatiku fost iċ-ċittadini, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-litteriżmu medjatiku għaċ-ċittadini tal-UE kollha, b’mod partikolari t-tfal u l-minorenni, permezz ta’ inizjattivi u azzjonijiet ikkoordinati, sabiex jiżdied il-fehim kritiku tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva, u jiġu stimulati d-dibattitu pubbliku u l-parteċipazzjoni ċivika, filwaqt li titħeġġeġ il-parteċipazzjoni attiva tal-partijiet interessati kollha, b’mod partikolari tal-industrija tal-midja;

64.

Iħeġġeġ b’mod partikolari lill-Istati Membri biex jintegraw il-litteriżmu medjatiku u l-kompetenzi diġitali, speċjalment b'rabta mal-midja diġitali, fil-kurrikuli tal-iskola rispettivi tagħhom;

L-isfidi tal-futur

65.

Jiddispjaċih li l-Kummissjoni wettqet biss parzjalment il-kompitu ta’ rappurtar tagħha skont l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 33 tal-AVMSD, u jitlob għal valutazzjoni interim qabel ir-rapport tal-applikazzjoni tal-Kummissjoni li jmiss;

66.

Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fil-kuntest tal-kumitat ta' kuntatt, kif stabbilit fl-Artikolu 29 tal-AVMSD, sabiex tiżdied l-implimentazzjoni effiċjenti u koerenti;

67.

Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq monitoraġġ mill-qrib tas-servizzi ibridi fl-UE, b’mod partikolari t-televiżjoni konnessa, biex tistabbilixxi fil-Green Paper tagħha dwar it-televiżjoni konnessa, id-diversi kwistjonijiet li jqajmu u biex tkompli tittratta dawn il-kwistjonijiet permezz ta' konsultazzjoni pubblika;

68.

Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra l-aspetti li ġejjin meta tniedi konsultazzjonijiet pubbliċi dwar it-televiżjoni konnessa jew ibrida: l-istandardizzazzjoni, in-newtralità teknoloġika, l-isfida tas-servizzi personalizzati (speċjalment għal persuni b’diżabilitajiet), il-problemi relatati mas-sigurtà tal-multicloud, l-aċċessibbiltà għall-utenti, il-protezzjoni tat-tfal u d-dinjità tal-bniedem;

69.

Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza b'mod partikolari l-inċertezzi relatati mal-użu tat-terminu “servizzi tal-midja awdjoviżiva fuq talba” u, bl-għan taż-żieda fil-konsistenza fil-leġiżlazzjoni tal-UE li taffettwa s-servizzi awdjoviżivi fuq talba u l-iżviluppi li x’aktarx iseħħu fil-konverġenza tal-midja, biex tistabbilixxi definizzjoni aktar ċara tat-terminu sabiex l-objettivi regolatorji tal-AVMSD ikunu jistgħu jintlaħqu b'mod iktar effettiv;

70.

Jinsab konvint, meta jitqiesu kemm il-prattiki fis-suq tal-fornituri tas-servizzi tal-midja u l-operaturi tal-pjattaformi kif ukoll il-potenzjal dejjem ikbar tat-teknoloġija rilevanti, li l-livell ta' protezzjoni tad-data għandu jittejjeb u jiġi standardizzat madwar l-UE, filwaqt li tibqa' tiġi pprovduta l-anonimità fl-użu tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva bħala regola ġenerali;

o

o o

71.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.

(2)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 21.

(3)  ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.

(4)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 51.

(5)  ĠU L 337, 18.12.2009, p. 11.

(6)  ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.

(7)  ĠU L 327, 24.11.2006, p 12.

(8)  ĠU C 102, 28.4.2004, p. 2.

(9)  ĠU L 378, 27.12.2006, p. 72.

(10)  ĠU C 372, 20.12.2011, p. 15.

(11)  ĠU C 45 E, 23.2.2010, p. 9.

(12)  ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 50.

(13)  Testi adottati, P7_TA(2011)0506.

(14)  Testi adottati, P7_TA(2012)0209.

(15)  Testi adottati, P7_TA(2012)0324.

(16)  Testi adottati, P7_TA(2012)0428.

(17)  ĠU L 227, 29.8.2009, p. 9.