6.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/16


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ċittadinanza aktar inklużiva miftuħa għall-immigranti” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2014/C 67/04

Relatur: is-Sur PARIZA CASTAÑOS

Nhar l-14 ta’ Frar 2013, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Ċittadinanza aktar inklużiva miftuħa għall-immigranti

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta' Ottubru 2013.

Matul l-493 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Ottubru 2013 (seduta tas-16 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'176 vot favur, 10 voti kontra u 14 astensjoni.

1.   Rakkomandazzjonijiet u proposti

1.1

Il-KESE jinnota li fl-aħħar għaxar snin saru passi importanti ħafna fl-UE favur l-ugwaljanza tad-drittijiet, il-libertajiet u l-garanziji marbutin mal-istatus ta' ċittadinanza Ewropea, bit-tisħiħ tal-kriterju tar-residenza b'rabta ma' dak tan-nazzjonalità. Iċ-ċittadinanza Ewropea qed tiżviluppa lejn ċittadinanza ta' residenza, b'rabta mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-valuri u l-prinċipji tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

1.2

Il-Kumitat jemmen li wasal il-waqt li ssir valutazzjoni u analiżi dwar liema ħidmiet ma tlestewx u l-ostakli li għadhom jippersistu sabiex ċittadinanza Ewropea aktar inklużiva, parteċipattiva u ċivika tkun miftuħa għall-inklużjoni ta' kull persuna li tgħix fl-UE b'mod stabbli.

1.3

L-Ewropej tas-seklu 21 iridu jħabbtu wiċċhom ma’ sfida kbira: it-twessigħ tal-bażijiet tad-demokraziji tagħna, bl-integrazzjoni ta’ ċittadini ġodda li jkollhom l-istess drittijiet u obbligi, u għalhekk id-dritt għan-nazzjonalità tal-Istati Membri u għaċ-ċittadinanza Ewropea għandu jinkludi lill-persuni kollha li jkunu ġejjin minn sfond ta’ immigrazzjoni u li joħolqu diversità nazzjonali, etnika, reliġjuża u kulturali kbira. Il-Kumitat jemmen li d-demokraziji Ewropej huma soċjetajiet liberi u miftuħa, u għandhom ikunu bbażati fuq l-inklużjoni taċ-ċittadini kollha, ikunu xi jkunu l-oriġini u r-referenzi tagħhom.

1.4

Il-KESE jipproponi li tinfetaħ diskussjoni dwar jekk il-bażijiet legali u politiki attwali tal-politika Ewropea ta' immigrazzjoni, ċittadinanza u integrazzjoni humiex biżżejjed għas-soċjetajiet Ewropej tal-lum, li kulma jmur qegħdin dejjem jiżdiedu u li huma mogħnija b'diversità kbira.

1.5

Il-kriżi ekonomika mbuttat 'il barra mill-aġenda politika 'l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, l-integrazzjoni u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni. Il-KESE jwissi dwar ir-riskji taż-żieda fl-intolleranza, ir-razziżmu u l-ksenofobija fir-rigward tal-immigranti u l-minoranzi. Biex dawn jiġu evitati, huwa importanti li l-politiċi, il-mexxejja soċjali u l-mezzi ta' komunikazzjoni jaġixxu b'responsabbiltà kbira u li jagħtu eżempju politiku u soċjali għall-prevenzjoni ta' dawn l-imġibiet, kif ukoll li l-istituzzjonijiet tal-UE jaġixxu b'mod deċiżiv favur il-ħarsien tad-Drittijiet Fundamentali.

1.6

Il-Kumitat jixtieq jibgħat messaġġ ċar lil dawk li, abbażi ta' nazzjonaliżmu li jeskludi, jiddefinixxu l-identità nazzjonali u l-identità Ewropea b'mod li ċċaħħad id-drittijiet ta' ċittadinanza lil miljuni ta' nies, u tħallihom bi status legali dgħajjef minħabba l-oriġini nazzjonali tagħhom. Għandha tittejjeb il-kwalità tad-demokrazija fl-Ewropa billi jitwessa' l-aċċess għan-nazzjonalità tal-Istati Membri u għaċ-ċittadinanza Ewropea.

Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri:

1.7

Peress li ħafna Stati Membri għandhom leġislazzjonijiet restrittivi rigward l-aċċess għan-nazzjonalità, il-KESE jirrakkomanda li jiġu adottati liġijiet u proċeduri amministrattivi aktar flessibbli, biex iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom l-istatus ta' residenza għal żmien twil (1) ikollhom aċċess għan-nazzjonalità.

1.8

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu ftehimiet mal-pajjiżi ta' oriġini tal-immigranti biex dawn ikunu jistgħu jkollhom nazzjonalità doppja.

1.9

L-Istati Membri jridu jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni Ewropea dwar iċ-Ċittadinanza tal-1997, il-Konvenzjoni dwar is-sehem tal-barranin fil-ħajja pubblika fil-livell lokali tal-1992, kif ukoll jirrispettaw il-prinċipji ta' proporzjonalità, ħarsien legali effettiv u n-nondiskriminazzjoni fil-politiki tagħhom ta' aċċess għan-nazzjonalità u tat-telf tagħha.

1.10

Il-KESE jinnota l-ostakli li għad għandhom varji Stati Membri għad-drittijiet politiċi: id-dritt għall-vot, ta' sħubija u ta' parteċipazzjoni politika. Huwa jirrakkomanda li dawn il-liġijiet jinbidlu biex iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jgħixu fil-post b'mod stabbli jkollhom id-drittijiet politiċi.

Proposta għar-riforma tat-Trattat:

1.11

Il-Kumitat jipproponi lill-Unjoni Ewropea li, fil-ġejjieni, meta jsir proċess ġdid ta' riforma tat-TFUE, hija tibdel l-Artikolu 20 biex anke persuni minn pajjiżi terzi li joqogħdu b'mod stabbli u li jkollhom status ta' residenza għat-tul fl-UE jkunu jistgħu jsiru ċittadini tal-Unjoni.

1.12

Il-kriterju tar-residenza tal-persuni għandu jintuża biex tinkiseb iċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Kif il-KESE indika f'Opinjoni preċedenti (2), fil-liġi Ewropea r-residenza diġà hija kriterju għall-għoti ta' diversi drittijiet u libertajiet ekonomiċi, soċjali, kulturali u ċivili lil ċittadini ta' pajjiżi terzi. Ħafna minn dawn id-drittijiet huma simili għaċ-ċittadinanza Ewropea. Madankollu, xi drittijiet politiċi, bħad-dritt għall-vot, bħalissa huma esklużi. Il-KESE jixtieq itenni li "ir-residenza legali stabbli wkoll għandha tkun mod kif wieħed ikollu aċċess għaċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea" (3).

Proposta għall-istituzzjonijiet Ewropej:

1.13

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE hija vinkolanti u toħloq qafas ġdid għall-politiki Ewropej ta' immigrazzjoni, integrazzjoni u ċittadinanza. Il-Kummissjoni trid tanalizza kif il-Karta taffettwa l-istatus u d-drittijiet taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, biex tkun tista' tniedi inizjattivi ġodda li jadattaw il-leġislazzjoni tal-immigrazzjoni għall-garanziji tal-Karta.

1.14

Il-Karta tistabbilixxi l-pedament għal kunċett ġdid ta' ċittadinanza ċivika (sett komuni ta' drittijiet u obbligi bażiċi) għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi. Il-Kumitat jipproponi li l-iżvilupp ta' din iċ-ċittadinanza għandha tkun waħda mill-prijoritajiet tal-programm politiku ġdid ta' wara l-Programm ta' Stokkolma mill-2014 'il quddiem.

1.15

L-UE għandha tadotta Kodiċi għall-Immigrazzjoni li jġib miegħu aktar trasparenza u ċarezza legali dwar id-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jgħixu fl-UE. Il-Kumitat jemmen li l-leġislazzjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni għandha tiggarantixxi t-trattament ugwali u l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni.

1.16

Il-Kummissjoni għanda tevalwa l-problemi li għad fadal fil-prattika fl-Istati Membri għall-ħarsien tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, speċjalment rigward id-drittijiet soċjali, il-mobbiltà u l-aċċess għal ħarsien legali effettiv.

1.17

Il-Kummissjoni għandha tinvestiga l-ostakli li għad għandhom xi Stati Membri għall-applikazzjoni tal-istatus għat-tul u għall-Karta Blu (4), u tikkonkludi b'mod effettiv il-proċeduri ta' ksur kontra dawk l-Istati Membri li ma jirrispettawx il-leġislazzjoni Ewropea.

1.18

Fil-qafas tal-Aġenda għall-Integrazzjoni, il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni tal-proċeduri u l-ostakli li għandhom l-Istati Membri għall-kisba u t-telf tan-nazzjonalità, u l-impatt tagħhom fuq iċ-ċittadinanza tal-Unjoni.

1.19

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tfassal rapport dwar is-sitwazzjoni tad-dibattiti fl-UE rigward il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-ħarsien tal-ħaddiema migranti u l-familji tagħhom (5). Il-Kummissjoni għandha tħejji l-kundizzjonijiet għar-ratifika tagħha.

2.   Iċ-ċittadinanza Ewropea

2.1

Is-sena 2013 ġiet iddikjarata bħala s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini. Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija wieħed mill-aktar strumenti effettivi biex titrawwem identità komuni għall-Ewropej kollha. Il-Kumitat iqis li l-filosofija politika li fuqha twaqqfet l-UE, meta Jean Monnet qal li "mhux qed nagħmlu koalizzjoni ta' Stati, iżda qed ngħaqqdu lin-nies", għadha attwali ħafna.

2.2

Iċ-ċittadinanza Ewropea mhijiex kunċett bla tifsira, iżda jirrappreżenta status legali u politiku speċifiku magħmul minn drittijiet u libertajiet. Id-demokrazija, il-libertà, l-istat tad-dritt, l-ugwaljanza u d-drittijiet tal-bniedem huma l-valuri fundamentali tal-Unjoni, imnaqqxin fl-Artikolu 2 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea.

2.3

Il-KESE jemmen li, f'dawn il-mumenti daqstant diffiċli, bil-kriżi ekonomika, soċjali u politika gravi li qed tagħfas lill-Ewropa, hemm bżonn li jinbdew strateġiji innovattivi għall-promozzjoni ta' ċittadinanza aktar miftuħa u inklużiva u t-tisħiħ tal-fiduċja ta' dawk kollha li jgħixu fl-Unjoni Ewropea.

2.4

Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat it-tieni rapport dwar iċ-ċittadinanza Ewropea "Ċittadini Ewropej: id-drittijiet tiegħek, il-ġejjieni tiegħek", li fih jiġu analizzati wħud mill-ostakli u l-problemi li jeżistu bħalissa. Il-KESE jilqa' dan ir-rapport bi pjaċir, iżda jinnota n-nuqqas ta' azzjoni politika b'rabta maċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li għandhom drittijiet u libertajiet Ewropej simili, iżda mhux ċittadinanza sħiħa.

2.5

Il-Kumitat qiegħed iniedi għadd ta' inizjattivi għall-promozzjoni ta' ċittadinanza Ewropea aktar attiva, iżda jiġbed l-attenzjoni għall-gravità tal-problema li ħafna żgħażagħ, li huma dixxendenti ta' immigranti tat-tieni jew it-tielet ġenerazzjoni, qed ibatu minn sitwazzjonijiet gravi ta' diskriminazzjoni u esklużjoni li jdgħajfu bil-kbir is-sentiment ta' appartenenza għal soċjetà li tqishom bħala "ċittadini tat-tieni klassi".

3.   L-aġenda Ewropea għall-integrazzjoni: is-sehem tal-immigranti fil-proċess demokratiku

3.1

Għaxar snin ilu l-KESE kien ippropona li l-integrazzjoni tagħmel parti fundamentali mill-politika komuni ta' immigrazzjoni u talab li tinbeda aġenda Ewropea. Fl-2004, il-Kunsill approva l-prinċipji bażiċi komuni għall-integrazzjoni, fosthom: "L-aċċess tal-immigranti għall-istituzzjonijiet kif ukoll għall-ġid u s-servizzi pubbliċi u privati, bl-istess kundizzjonijiet taċ-ċittadini nazzjonali u mingħajr diskriminazzjonijiet, huwa rekwiżit essenzjali għal integrazzjoni aħjar." u "Il-parteċipazzjoni tal-immigranti fil-proċess demokratiku u fit-tfassil tal-politiki u l-miżuri ta' integrazzjoni, speċjalment fil-livell lokali, tgħinhom biex jintegraw."

3.2

Il-Kummissjoni Ewropea, f'kollaborazzjoni mal-KESE, qed tiżviluppa l-aġenda Ewropea għall-integrazzjoni u tippromovi għadd kbir ta' attivitajiet ta' appoġġ għall-Istati Membri. Il-KESE u l-Kummissjoni stabbilixxew il-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni (6) biex jiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-immigranti u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

3.3

Il-Kumitat ikkontribwixxa għall-aġenda tal-integrazzjoni permezz tat-tfassil ta' diversi Opinjonijiet (7).

3.4

Il-Forum analizza l-importanza għall-integrazzjoni li għandha l-parteċipazzjoni tal-immigranti fil-proċess demokratiku u huwa tal-fehma li dawk l-Istati Membri li jiffaċilitaw l-aċċess għad-drittijiet ta' ċittadinanza għall-immigranti jtejbu l-integrazzjoni. Għalhekk, il-Kumitat jirrakkomanda lill-Istati Membri biex fil-qafas tal-leġislazzjonijiet nazzjonali tagħhom jadottaw leġislazzjonijiet aktar flessibbli, biex iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom l-istatus ta' residenza għal żmien twil ikollhom aċċess għan-nazzjonalità.

3.5

Il-Kumitat japprezza li t-trejdjunjins, l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u l-NGOs għandhom attitudni favur l-integrazzjoni u li jiffaċilitaw is-sehem tal-immigranti fil-ħajja demokratika tal-organizzazzjonijiet tagħhom. Is-soċjetà ċivili tindirizza liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi biex dawn ikunu membri attivi tal-organizzazzjonijiet.

3.6

L-integrazzjoni hija proċess soċjali bidirezzjonali ta’ adattament reċiproku tal-immigranti u s-soċjetà ta’ akkoljenza, li għandu jiġi appoġġjat permezz ta’ governanza tajba fl-Unjoni Ewropea, fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Approċċ komuni Ewropew għandu valur miżjud kbir billi jorbot l-integrazzjoni mal-valuri u l-prinċipji tat-Trattat, mat-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni, mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u mal-Aġenda Ewropa 2020.

3.7

Il-leġislazzjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni għandha tiggarantixxi t-trattament ugwali u l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni. F'dan ir-rigward, ta' min isemmi l-kwistjoni tad-drittijiet u l-possibbiltajiet lingwistiċi u reliġjużi. Il-Kumitat huwa tal-fehma li huwa pass pożittiv ħafna li l-Kummissjoni pproponiet Direttiva (8) dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema.

3.8

Iżda l-KESE ppropona li dawk kollha li jgħixu fl-UE għandhom jirċievu trattament ġust, indipendentement mill-istatus migratorju jew in-nazzjonalità tagħhom. Għaldaqstant għandhom jingħelbu xi wħud mir-restrizzjonijiet għaċ-ċittadinanza tal-Unjoni li jeżistu bħalissa.

4.   Nazzjonalità, residenza u ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea

4.1

Il-Kumitat jixtieq li jaġġorna d-dibattitu dwar in-natura taċ-ċittadinanza Ewropea rigward iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jgħixu fl-UE legalment u b'mod stabbli. Hemm bżonn li nerġgħu lura għall-approċċ li kien ġie adottat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Tampere (9). It-trattament ġust u ndaqs bejn iċ-ċittadini Ewropej u ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi definit f'Tampere (10) għadu s'issa waħda mill-prijoritajiet politiċi, peress li l-għanijiet ma ntlaħqux matul l-erbatax-il sena tal-iżvilupp tal-politika komuni tal-immigrazzjoni.

4.2

Huma l-Istati Membri li jridu jagħtu n-nazzjonalità abbażi tal-leġislazzjoni tagħhom, peress li t-Trattat bħalissa ma jagħti l-ebda kompetenza lill-UE għall-armonizzazzjoni leġislattiva; għaldaqstant dan huwa qasam ta' sovranità nazzjonali.

4.3

Iżda fl-Istati Membri kollha, l-organizzazzjonijiet tal-immigranti, it-trejdjunjins u l-NGOs qed iwettqu inizjattivi u dibattiti biex jitnaqqsu ż-żminijiet u biex il-proċeduri għan-naturalizzazzjoni u l-aċċess għan-nazzjonalità jkunu aktar flessibbli għall-immigranti, u tiġi faċilitata l-integrazzjoni, bil-fehim li s-soċjetajiet u l-Istati ma jrawmux l-integrazzjoni jekk jiċħdu t-trattament indaqs u d-drittijiet ta' parteċipazzjoni lil għadd ta' persuni li jgħixu hemm b'mod stabbli.

4.4

Il-kunċett ta' ċittadinanza Ewropea jinsab imnaqqax fil-fond fit-Trattati, fil-leġislazzjoni tal-UE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. It-Trattat (TFUE), b'mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu, jgħid li "Kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru hija ċittadina tal-Unjoni. Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni għandha tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex." In-nazzjonalità, li l-mod kif tinkiseb u tintilef jiġi determinat skont il-leġislaturi nazzjonali differenti, għalhekk hija l-"muftieħ universali" għall-aċċess għaċ-ċittadinanza tal-UE (11).

4.5

Ir-rabta mill-qrib bejn l-istatus ta' ċittadinanza Ewropea u n-nazzjonalità tal-Istati Membri kienet is-suġġett ta' diversi dibattiti u kritiki minn mindu twaqqfet iċ-ċittadinanza Ewropea fl-1992 bit-Trattat ta' Maastricht. Fil-prinċipju, din ir-rabta timplika l-esklużjoni formali taċ-ċittadinanza tal-Unjoni għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jgħixu fl-UE legalment, u huwa għalhekk li dawn in-nies baqgħu "inviżibbli" fid-dibattiti Ewropej dwar iċ-ċittadinanza, u fil-parteċipazzjoni fil-politika u fil-ħajja demokratika.

4.6

Interpretazzjoni restrittiva taċ-ċittadinanza tal-Unjoni tgħid li hemm grupp omoġenju u identifikabbli b'mod ċar ta' persuni msejħa ċittadini Ewropej u grupp ieħor ta' persuni kklassifikati bħala ċittadini ta' pajjiżi terzi li mhumiex meqjusa bħala ċittadini tal-Ewropa.

4.7

Iżda min huma dawn iċ-"ċittadini" Ewropej? Huwa tajjeb li nillimitaw l-ambitu personali taċ-ċittadinanza tal-Unjoni għal dawk in-nies li għandhom in-nazzjonalità tal-Istati Membri? Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi għandhom xi drittijiet u libertajiet li huma komparabbli għal dawk li għandhom iċ-ċittadini Ewropej? X'inhuma l-limiti u l-isfidi attwali taċ-ċittadinanza tal-Unjoni? X'inhu r-rwol tal-parteċipazzjoni politika u d-dritt għall-vot f'dan il-kuntest? Għaliex ħafna żgħażagħ dixxendenti ta' immigranti għadhom "ċittadini tat-tieni klassi"? Jekk il-parteċipazzjoni tal-immigranti fil-proċess demokratiku tiffaċilita l-integrazzjoni tagħhom, għaliex huma esklużi?

4.8

Sal-lum kienu l-Istati Membri li b'mod indirett iddeċidew min huwa ċittadin tal-Unjoni u min mhuwiex. Dan irid jinbidel biex iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tkun fil-qalba tal-integrazzjoni Ewropea.

5.   Ċittadinanza Ewropea "ċivika"

5.1

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tistabbilixxi l-bażijiet ġenerali ta' kunċett ġdid ta' ċittadinanza ċivika, inklużiva u parteċipattiva, u l-Kumitat jemmen li hemm bżonn tiġi żviluppata.

5.2

Il-Kummissjoni stqarret li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali hija r-referenza għall-iżvilupp tal-kunċett ta' "ċittadinanza ċivika" għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi (b'sett komuni ta' drittijiet u obbligi bażiċi).

5.3

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE hija vinkolanti, b'valur legali simili għal dak tat-Trattati. Il-Karta ttrasformat u kkonsolidat il-karatteristiċi tal-istatus ta' ċittadinanza tal-Unjoni. L-ambitu personali ta' applikazzjoni tagħha jinkludi kemm iċ-ċittadini Ewropej kif ukoll iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi. It-Titolu V huwa ddedikat għad-drittijiet taċ-ċittadini, iżda anke hawn l-Artikolu 41 (Id-dritt għal amministrazzjoni tajba) u l-Artikolu 45.2 (Il-libertà ta' moviment u ta' residenza) jinkludu wkoll lil ċittadini ta' pajjiżi terzi.

5.4

Il-KESE jemmen li l-bqija tad-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għal kulħadd, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom. Il-Karta tillimita s-setgħa ta' diskrezzjoni tal-Istati Membri rigward kwistjonijiet marbutin mas-sigurtà tar-residenza, ir-riunifikazzjoni mal-familja, it-tkeċċija u anke l-kisba u t-telf tan-nazzjonalità. Wieħed mill-aspetti fundamentali huwa l-Kapitolu VI dwar il-ġustizzja, li jinkludi d-dritt għal rimedju effettiv u l-protezzjoni legali effettiva jekk jinkisru xi drittijiet fundamentali u taċ-ċittadinanza.

5.5

Il-KESE jemmen li bejniethom, iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u l-Karta, jistgħu jħallu effetti profondi fuq it-twessigħ tal-ambitu personali tal-istatus taċ-ċittadinanza Ewropea. Waħda mill-ikbar sfidi li għad trid tiġi indirizzata hija dik li jiġi żgurat aċċess għal protezzjoni legali effettiva taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom ikunu ġew soġġetti għal eżenzjonijiet jew miksura mill-Istati Membri u l-awtoritajiet tagħhom fl-ambitu tal-liġi Ewropea (12).

5.6

Matul il-ħidmiet preparatorji tal-Konvenzjoni Ewropea, il-KESE adotta Riżoluzzjoni li fiha ppropona "… Hemm bżonn li jittejbu l-politiki ta' integrazzjoni tal-immigranti. Il-Kumitat jappella biex il-Konvenzjoni tanalizza l-possibbiltà li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni tingħata liċ-ċittadini ta’ pajjiż terzi li jkollhom status ta’ residenti għat-tul…" (13).

5.7

Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar politika tal-migrazzjoni għall-UE (14), il-Kummissjoni stabbilixxiet l-għan li jiġi żviluppat qafas legali Ewropew għall-ammissjoni u r-residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u status legali komuni li jkun ibbażat fuq il-prinċipju li d-drittijiet u r-responsabbiltajiet jingħataw fuq bażi ta' ugwaljanza maċ-ċittadini Ewropej, iżda li ssir differenza fit-tul ta' żmien ta' kemm wieħed ikun ilu joqgħod.

5.8

Jekk l-emigranti jitħallew jiksbu ċ-ċittadinanza ladarba jkunu għaddew mill-inqas ħames snin fil-pajjiż, dan jista' jkun garanzija biżżejjed biex ħafna emigranti jistabbilixxu ruħhom tajjeb fis-soċjetà, jew jista' jkun l-ewwel pass lejn il-kisba tan-nazzjonalità tal-Istat Membru.

5.9

Fl-Opinjoni tiegħu dwar "L-aċċess għaċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea", il-KESE indika li din id-definizzjoni wiesgħa taċ-ċittadinanza Ewropea taqbel ma' dik adottata mill-Kummissjoni Ewropea u li ssejħet "ċittadinanza ċivika".

5.10

Il-KESE jaqbel li "ċittadinanza ċivika" fil-livell Ewropew għandha tinftiehem bħala "ċittadinanza parteċipattiva u inklużiva" għal kull min joqgħod b'mod stabbli fit-territorju tal-Unjoni, u fejn wieħed mill-prinċipji ewlenin ikun li kulħadd huwa l-istess quddiem il-liġi. Fl-Opinjoni tiegħu dwar "L-aċċess għaċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea" l-KESE diġà stqarr li b'hekk ser jintlaħaq "kompromess dwar it-trattament indaqs sabiex tiġi promossa u ffaċilitata l-integrazzjoni ċivika taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi stabbiliti b'mod stabbli u regolari f'xi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (ugwaljanza quddiem il-liġi)" u ser tkompli l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni attwali li jbatu ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi.

6.   Għaxar snin wara għadhom jippersistu l-problemi li jridu jiġu solvuti

6.1

Matul l-aħħar għaxar snin, l-Ewropa stabbilixxiet politiki, adottat leġislazzjonijiet u waqqfet każistika li huma rilevanti ħafna kemm għaċ-ċittadinanza tal-Unjoni kif ukoll għall-istatus taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi. Dawn il-proċessi fissru espansjoni gradwali tad-drittijiet, il-libertajiet u l-garanziji taċ-ċittadinanza Ewropea, fuq il-bażi tar-residenza. Madankollu l-KESE jemmen li din l-espansjoni mhijiex kompleta u għandha wisq limitazzjonijiet.

6.2

Wieħed mill-aktar passi importanti fil-qasam legali kienet l-adozzjoni tad-Direttiva dwar iċ-ċittadinanza 2004/38, li armonizzat fi strument legali wieħed il-qafas regolatorju Ewropew dwar il-moviment liberu u r-residenza li qabel kien imferrex u maqsum. L-UE kienet partikolarment attiva fir-rikonoxximent tad-drittijiet u d-dispożizzjonijiet kontra d-diskriminazzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma qraba ta' ċittadini Ewropej. Id-Direttiva tirrikonoxxi espressament diversi drittijiet u libertajiet għall-qraba li huma ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma simili għal dawk taċ-ċittadini Ewropej.

6.2.1

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li waħda mill-iktar sfidi importanti hija li d-drittijiet previsti fid-Direttiva jkunu aċċessibbli għal kulħadd fil-ħajja ta' kuljum, billi jitneħħew ċerti prattiki nazzjonali ħżiena, u billi tingħata protezzjoni legali effettiva lil dawk kollha li l-libertajiet ta' ċittadinanza tagħhom ikunu ġew miksura.

6.2.2

Filwaqt li dawn id-"drittijiet ta' ċittadinanza" jinbtu direttament mir-relazzjoni familjari, l-aċċess għalihom jista' jseħħ biss meta ċ-ċittadini Ewropej u l-familji tagħhom jeżerċitaw il-moviment liberu jew jemigraw lejn Stat Membru ieħor. L-eżerċizzju tal-mobbiltà intra-Ewropea għadu waħda mill-kundizzjonijiet biex il-qraba jingħataw il-protezzjoni mogħtija miċ-ċittadinanza Ewropea (15). Id-Direttiva tirrikonoxxi wkoll id-dritt ta' residenza permanenti għal dawn il-qraba wara perjodu ta' ħames snin ta' residenza.

6.2.3

Madankollu, il-KESE jqis li l-awtoritajiet nazzjonali għad għandhom liġijiet u prattiki li jxekklu l-libertà tal-moviment u tar-residenza tal-qraba taċ-ċittadini Ewropej. Barra minn hekk, għadhom jeżistu sitwazzjonijiet ta' diskriminazzjoni bil-maqlub li jsofru minnhom il-qraba ta' ċittadini Ewropej li huma barranin, li għandhom jiġu solvuti (16).

6.3

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE kienet attiva ħafna u kellha rwol pożittiv fil-ħarsien u l-interpretazzjoni b'mod proattiv tar-regoli u d-drittijiet individwali marbutin maċ-ċittadinanza Ewropea (17). Il-QĠUE stqarret li ċ-ċittadinanza Ewropea hija destinata li ssir l-istatus fundamentali taċ-ċittadini Ewropej (18).

6.3.1

Il-KESE jilqa' bi ħġaru l-każistika li nstiltet mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar iċ-ċittadinanza u jinnota li l-biċċa l-kbira tal-każistika tal-QĠUE ġiet inkorporata bl-adozzjoni tad-Direttiva, peress li ġabret flimkien is-sentenzi l-aktar rilevanti tagħha dwar is-suġġetti relatati mal-moviment liberu u ċ-ċittadinanza Ewropea sal-2004.

6.3.2

Il-QĠUE ipproduċiet ukoll każistika estensiva dwar il-prinċipji ġenerali tal-liġi Ewropea (19), bħal dawk b'rabta mal-proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni, li jridu jiġu applikati għal kulħadd, indipendentement min-nazzjonalità jew l-istatus migratorju tagħhom, li jiġu affettwati minn azzjonijiet jew liġijiet tal-Unjoni. Il-każistika misset saħansitra l-kompetenzi tal-Istati Membri dwar kwistjonijiet tal-kisba jew it-telf tan-nazzjonalità, u l-implikazzjonijiet ta' dan fuq iċ-ċittadinanza Ewropea u d-drittijiet marbutin magħha.

6.3.3

Il-Qorti nnutat diversi drabi li, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha dwar kwistjonijiet ta' nazzjonalità, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jagħtu attenzjoni speċjali lill-konsegwenzi tal-leġislazzjoni u d-deċiżjonijiet tagħhom fil-qafas tal-liġi Ewropea dwar iċ-ċittadinanza u l-moviment liberu, b'mod partikolari, l-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet u l-libertajiet marbutin maċ-ċittadinanza tal-Unjoni (20).

6.4

Sa mill-2003 hemm fis-seħħ pakkett ta' liġijiet Ewropej dwar l-immigrazzjoni, bi strumenti legali relatati mal-kundizzjonijiet tad-dħul u r-residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi. Uħud mid-drittijiet u l-garanziji huma simili għal dawk taċ-ċittadinanza Ewropea. Id-Direttiva 2003/109  (21) dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul stabbilixxiet status legali komuni għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li joqogħdu b'mod legali u bla interruzzjonijiet fit-territorju tal-Istat Membru għal perjodu ta' ħames snin.

6.4.1

Il-KESE jinnota li l-approċċ tad-Direttiva kien it-tqarrib tal-istatus taċ-ċittadini Ewropej u dak ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma residenti għat-tul, kif ukoll il-protezzjoni tas-sigurtà tar-residenza tagħhom fl-Unjoni. Madankollu, l-istatus komuni għadu ma joffrix ugwaljanza u ċittadinanza sħiħa lil dawn il-persuni, iżda "kważi ugwaljanza" jew "ugwaljanza ta' terza klassi" soġġetta għal għadd ta' kundizzjonijiet (22). Kif innutat il-Kummissjoni Ewropea fir-rapport tagħha dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva (23), filwaqt li l-Artikolu 11 tad-Direttiva jipprevedi trattament kważi ugwali bejn ir-residenti għat-tul u ċ-ċittadini, hemm nuqqas ta' informazzjoni dwar il-mod kif ser jiġi applikat, u dan joħloq problemi għall-implimentazzjoni effettiva tiegħu.

6.4.2

Min-naħa l-oħra, id-Direttiva tipprevedi, bħala wieħed mill-aspetti tal-valur miżjud tagħha, il-possibbiltà li jiġi eżerċitat il-"moviment liberu" jew il-mobbiltà lejn it-tieni Stat Membru u li jinkiseb trattament "kważi ugwali". L-inklużjoni ta' dimensjoni ta' mobbiltà intra-Ewropea jew moviment liberu tfakkarna fl-istess mudell ta' ċittadinanza tal-Unjoni li segwew il-liġijiet Ewropej taċ-ċittadinanza biex jippromovu l-mobbiltà intra-Ewropea.

6.5

Direttivi oħra marbutin mal-liġi Ewropea dwar l-immigrazzjoni wkoll jinkludu approċċ u dimensjoni ta' "mobbiltà intra-Ewropea" simili għal dawk tal-istatus għat-tul, biex is-swieq tax-xogħol Ewropej isiru aktar attraenti, bħad-Direttiva 2009/50 tal-Karta Blu għall-immigranti kkwalifikati ħafna.

6.6

Madankollu l-KESE jqis li, minħabba li ċerti Stati Membri japplikaw id-Direttivi b'mod ħażin, il-kundizzjonijiet u l-kriterji applikabbli għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u l-familji tagħhom biex jgħixu u jaħdmu fit-tieni Stat Membru li jkun differenti minn dak li kien tahom il-permess Ewropew għadhom 'il bogħod milli jkunu ekwivalenti għal-libertà tal-moviment transkonfinali taċ-ċittadini Ewropej.

6.7

Barra minn hekk, in-natura frammentata u settorjali tal-qafas leġislattiv fil-qasam tal-immigrazzjoni legali ma jgħinx it-trattament indaqs u biex ikun hemm qafas uniformi ta' drittijiet għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jgħixu u jixtiequ jeżerċitaw il-moviment liberu fl-UE (24).

7.   Id-djalogu mal-pajjiżi ta’ oriġini

7.1

F'Opinjonijiet oħra l-Kumitat ippropona li jittejjeb id-djalogu politiku u soċjali mal-pajjiżi ta' oriġini tal-immigranti li jiġu l-Ewropa. Il-KESE jilqa' l-fatt li ġew iffirmati diversi ftehimiet.

7.2

Dan id-djalogu għandu jinkludi wkoll id-drittijiet taċ-ċittadinanza. Il-Kumitat jemmen li l-ftehimiet bejn l-Istati li jippermettu n-nazzjonalità doppja huma pożittivi ħafna biex iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jkunu jistgħu jgawdu mid-drittijiet ċivili, soċjali u politiċi.

7.3

Iżda xi Stati Membri ma jagħtux id-drittijiet politiċi jekk dawn ma jkunux reċiproċi. Il-Kumitat jinnota li, għalkemm il-ftehimiet huma strument pożittiv, f'xi każijiet iwasslu għal limitazzjoni tad-drittijiet tal-persuni meta l-pajjiżi ta' oriġini ma jsegwux il-kriterju tar-reċiproċità.

7.4

Il-KESE jixtieq li l-politika esterna tal-UE tieħu l-impenn sħiħ li tħeġġeġ governanza dinjija tal-migrazzjoni internazzjonali fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) abbażi, fost strumenti legali internazzjonali applikabbli oħra, tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni Internazzjonali tan-NU dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom (il-Kumitat ippropona (25) li l-UE tirratifika din il-Konvenzjoni), il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u l-konvenzjonijiet tal-ILO.

Brussell, 16 ta’ Ottubru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Direttiva 2003/109.

(2)  ĠU 208 C, 3.9.2003, p. 76 (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  ĠU 208 C. 3,9.2003, p. 76, punt 4.3 (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Direttiva 2009/50.

(5)  Assemblea Ġenerali tan-NU tat-18.12.1990.

(6)  http://ec.europa.eu/ewsi/en/policy/legal.cfm

(7)  ĠU C 318, 29.10.2011, p. 69–75; ĠU C 48, 15.2.2011, p. 6–13; ĠU C 354, 28.12.2010, p. 16–22; ĠU C 347, 18.12.2010, p. 19–27; ĠU C 128, 18.5.2010, p. 29–35; ĠU C 27, 3.2.2009, p. 95–98; ĠU C 318, 23.12.2006, p. 128-136; ĠU C 125, 27.5.2002, p. 112-122

(8)  COM(2013) 236 final.

(9)  Kunsill Ewropew ta' Tampere, Konklużjonijiet tal-Presidenza, 15 u 16 ta' Ottubru 1999.

(10)  Il-punt 18 jgħid:

"L-Unjoni Ewropea għandha tiggarantixxi trattament ġust għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jgħixu legalment fit-territorju tal-Istati Membri tagħha. Politika ta' integrazzjoni aktar qawwija għandha timmira li tagħtihom drittijiet u obbligi simili għal dawk taċ-ċittadini tal-Unjoni. Għandha wkoll trawwem in-nondiskriminazzjoni fil-ħajja ekonomika, soċjali u kulturali u tiżviluppa miżuri kontra r-razziżmu u l-ksenofobija."

Il-punt 21 tal-konklużjonijiet stabbilixxa l-prijorità li:

"L-istatut legali taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi għandu jqarreb għal dak taċ-ċittadini tal-Istati Membri. Il-Kunsill Ewropew jappoġġja l-għan li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu għexu legalment matul perjodu twil ta' żmien jingħataw il-possibbiltà li jiksbu n-nazzjonalità tal-Istat Membru fejn jgħixu."

(11)  De Groot, G.R. (1998), "The relationship between the nationality legislation of the Member States of the European Union and European Citizenship", kapitlu VI, f'M. La Torre (ed.), European Citizenship: An Institutional Challenge, The Hague: Kluwer International Law.

(12)  S. Carrera, M. De Somer u B. Petkova (2012), The Court of Justice of the European Union as a Fundamental Rights Tribunal: Challenges for the Effective Delivery of Fundamental Rights in the Area of Freedom, Security and Justice, CEPS Policy Brief, Centre for European Policy Studies, Brussell.

(13)  ĠU C 61, 14.3.2003, p. 170, punt 2.11 (mhux disponibbli bil-Malti).

(14)  COM(2000) 757 final.

(15)  Guild, E. (2004), The Legal Elements of European Identity: EU Citizenship and Migration Law, The Hague: Kluwer Law International, European Law Library.

(16)  Ir-Rapport Ewropew Annwali dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Ewropa 2010-2011, K. Groenendijk et al., Jannar 2012, Kummissjoni Ewropea, DĠ Impjiegi. Ara http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=475&langId=en.

(17)  Kostakopoulou, T. (2007), "European Citizenship: Writing the Future", European Law Journal, edizzjoni speċjali dwar iċ-ċittadinanza tal-UE, Vol. 13, nru 5, pp. 623-646.

(18)  C-184/99, Grzelczyk.

(19)  De Groot, G.R. (2005), "Towards a European Nationality Law", f'H. Schneider (ed.), Migration, Integration and Citizenship: A Challenge for Europe’s Future, Vol. I, pp. 13-53.

(20)  Ara pereżempju l-kawżi C-369/90,Micheletti, C-192/99, Kaur jew C-135/08, Rottmann. Ara J. Shaw (ed) (2012), Has the European Court of Justice Challenged Member States Sovereignty in Nationality Law?, EUI Working Paper RSCAS 2011/62, l-Osservatorju taċ-Ċittadinanza EUDO, Firenze.

(21)  Għal analiżi dwar id-Direttiva u l-oriġini tagħha, ara S. Carrera (2009), In Search of the Perfect Citizen? The intersection between integration, immigration and nationality in the EU, Martinus Nijhoff Publishers: Leiden.

(22)  Ara l-Artikolu 11 tad-Direttiva. Groenendijk, K. (2006), "The Legal Integration of Potential Citizens: Denizens in the EU in the final years before the implementation of the 2003 directive on long-term resident third country nationals", f'R. Bauböck, E. Ersboll, K. Groenendijk y H. Waldrauch (eds), Acquisition and Loss of Nationality, Volume I: Comparative Analyses: Policies and Trends in 15 European Countries, Amsterdam: Amsterdam University Press, p. 385-410.

(23)  COM(2011) 585: Rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/109.

(24)  S. Carrera et al. (2011), Labour Immigration Policy in the EU: A Renewed Agenda for Europe 2020, CEPS Policy Brief, Ċentru għall-Istudji tal-Politika Ewropea, Brussell.

(25)  ĠU C 302, 7.12.2004, p. 49