5.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 170/23


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Introjtu minimu Ewropew u indikaturi tal-faqar (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2014/C 170/04

Relatur: is-Sur DASSIS

Korelatur: is-Sur BOLAND

Nhar l-14 ta’ Frar 2013, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, li jħejji Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Introjtu minimu Ewropew u indikaturi tal-faqar

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-20 ta' Novembru 2013.

Matul l-494 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Diċembru (seduta tal-10 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’155 vot favur, 93 vot kontra u 12-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Nuqqas ta' riformi strutturali, flimkien mal-impatt soċjali u ekonomiku negattiv tal-kriżi li jżid il-faqar u l-esklużjoni soċjali fl-Ewropa f'kuntest ta' tixjiħ demografiku u ta' żieda fil-flussi migratorji u fl-ewroxettiċiżmu, jagħmlu estremament urġenti l-ħtieġa ta' perspettiva politika kapaċi ssaħħaħ is-solidarjetà u l-valuri fundamentali tal-kisbiet soċjali tal-Ewropa.

F'dan il-kuntest il-KESE:

1.2

jemmen li f'dan il-punt daqstant kruċjali, il-ħolqien ta' introjtu minimu Ewropew ser jgħin biex tiġi żgurata l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, biex jiġu protetti d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, biex jiġi garatit bilanċ bejn l-għanijiet ekonomiċi u soċjali u biex ir-riżorsi u l-introjtu jitqassmu mill-ġdid b'mod ekwu;

1.3

jiġbed l-attenzjoni li għaddejja diskussjoni importanti fil-livell tal-korpi tal-KESE u jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li fl-Unjoni Ewropea jiġi garantit introjtu minimu adegwat, permezz ta' direttiva qafas maħsuba biex tiġġieled il-faqar b'mod effikaċi billi tiffaċilita l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol, kif intalab mill-Kumitat tar-Reġjuni (1) u minn diversi organizzazzjonijiet li jaħdmu kontra l-faqar (2), u jistieden lill-Kummissjoni sabiex twettaq azzjoni kollettiva li twieġeb għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-2011 (3);

1.4

jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibbiltajiet ta' finanzjament għal introjtu minimu Ewropew billi tiffoka b'mod partikolari fuq il-prospett li jinħoloq Fond Ewropew adatt;

1.5

jitlob li jittieħdu aktar miżuri sabiex l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 fil-qasam tal-impjieg, il-faqar u l-esklużjoni soċjali jinkisbu tassew. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu: 1) it-tkomplija tal-ksib tal-miri tal-impjieg orizzontali, 2) it-twaqqif ta' objettivi għal tnaqqis fir-rata tat-tliet indikaturi li flimkien jikkostitwixxu l-indikatur konġunt tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, 3) it-twaqqif ta' sottoobjettivi, fil-livell Ewropew u nazzjonali, għall-gruppi li jippreżentaw riskju ta' faqar ogħla minn dak tal-popolazzjoni globali – bħat-tfal jew il-familji b'ġenitur wieħed – kif ukoll għall-ħaddiema foqra, 4) evalwazzjoni ta' kif l-Istati Membri jikkalkolaw il-livelli tal-faqar u jissettjaw il-miri nazzjonali tagħhom, u 5) it-tiġdid min-naħa tal-Istati Membri tal-impenn tagħhom biex il-miżuri li jkun ħa kull wieħed minnhom, meta jingħaqdu flimkien iwasslu biex tintlaħaq il-mira globali tal-Unjoni Ewropea;

1.6

jitlob li ssir valutazzjoni effettiva tal-impatt soċjali tal-miżuri inklużi fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma (PNR) u fir-Rapporti Soċjali Nazzjonali (RSN), kif ukoll tal-pakketti ta' miżuri ta' riabilitazzjoni finanzjarja, sabiex jiġi evitat li dawn jaggravaw il-faqar jew l-esklużjoni soċjali u bil-għan li tiġi żgurata parteċipazzjoni akbar tas-soċjetà ċivili fit-tħejjija tal-PNR u l-RSN;

1.7

jitlob li jsir monitoraġġ aħjar tal-faqar u l-esklużjoni soċjali li qed jaggravaw u jistieden lill-Kummissjoni biex, fejn ikun hemm bżonn, tipproponi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż individwali rigward l-inklużjoni soċjali fil-qafas tal-valutazzjoni tagħha tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma u tar-Rapporti Soċjali Nazzjonali. Dawn għandhom japplikaw bl-istess mod fil-każ ta' Stati li jkunu parti minn programm speċjali ta' assistenza mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-Fond Monetarju Internazzjonali;

1.8

jenfasizza li l-impjieg diċenti huwa l-aħjar garanzija kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex f'kooperazzjoni mal-Istati Membri timplimenta miżuri mill-Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi sabiex jissaħħu t-tkabbir, il-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissarju Tajani sabiex jitwaqqaf patt industrijali sabiex jissaħħu l-industrija fl-UE u l-potenzjal tagħha għall-ħolqien tal-impjiegi;

1.9

jenfasizza b'mod partikolari li huwa importanti li tiżdied il-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja mill-ħaddiema, dawk li huma qegħda u l-gruppi soċjali vulnerabbli kollha u li jitjieb il-livell tal-kwalifiki professjonali u l-akkwist ta' ħiliet ġodda, li jistgħu jwasslu għal integrazzjoni aktar mgħaġġla fis-suq tax-xogħol, żjieda fil-produttività u għajnuna lin-nies biex isibu xogħol aħjar.

2.   Sfond

2.1

L-introjtu minimu garantit huwa appoġġ għall-introjtu li mhuwiex ibbażat fuq il-ħlas ta' kontribuzzjonijiet u jipprovdi mekkaniżmu ta' sikurezza għal dawk li mhumiex eleġibbli għas-servizzi tas-sigurtà soċjali (4). Huwa l-aħħar ostaklu għall-faqar, u huwa marbut b'mod inseparabbli mad-dritt għal ħajja dinjituża tal-persuni li m'għandhom l-ebda mezz ieħor biex jiżguraw l-introjtu tagħhom u tal-persuni taħt ir-responsabbiltà tagħhom (5). Huwa importanti li ma jitħalltux flimkien il-kunċett ta' “introjtu minimu garantit” u dak ta' “paga minima” stabbilita permezz ta' ftehimiet kollettivi jew minn dawk li jfasslu l-liġijiet.

2.2

L-Artikolu 10(2) tal-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema (1989) (6) jistabbilixxi d-dritt għal servizzi u riżorsi suffiċjenti li minnhom iridu jgawdu l-persuni esklużi mis-suq tax-xogħol u li m'għandhomx biżżejjed mezzi biex isostnu lilhom infushom.

2.3

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (2000), li hi legalment vinkolanti bħala parti integrali mit-Trattat emendat il-ġdid, tistabbilixxi li: “id-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli. Hija għandha tkun irrispettata u protetta.” (Artikolu 1) u li “sabiex jiġu miġġielda l-esklużjoni soċjali u l-faqar, l-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għal għajnuna soċjali u għal għajnuna għall-akkomodazzjoni sabiex tiżgura l-eżistenza dinjituża għal dawk kollha li huma neqsin minn riżorsi suffiċjenti” (Artikolu 34(3)).

2.4

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Artikolu 153(1)(h)) jawtorizza lill-Unjoni tfassal liġijiet biex ssostni u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri għal dak li għandu x'jaqsam mal-integrazzjoni ta’ persuni esklużi mis-suq tax-xogħol. Fost il-kwistjonijiet li l-Unjoni għandha tqis biex tiddefinixxi u twettaq il-politiki u l-azzjonijiet tagħha, il-klawżola soċjali orizzontali (tal-Artikolu 9) ssemmi b'mod partikolari l-livell għoli ta' impjieg, protezzjoni soċjali xierqa u l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali.

2.5

Ir-Rakkomandazzjoni 92/441/CEE (7) tistieden lill-Istati Membri biex jagħrfu d-dritt fundamentali tal-persuni għal riżorsi u għajnuna soċjali suffiċjenti u affidabbli, biex jadattaw is-sistema ta' protezzjoni soċjali tagħhom u jistabbilixxu kriterji komuni għall-implimentazzjoni, iżda mingħajr ma jiġi definit livell minimu għall-UE.

2.6

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2008 (8) tirrikonoxxi li l-għajnuna għal introjtu adegwat tifforma waħda mit-tliet pilastri tal-inklużjoni attiva, filwaqt li tenfasizza li l-benefiċjarji għandhom ikunu disponibbli għax-xogħol, għat-taħriġ jew għal kwalunkwe miżura oħra ta' inklużjoni soċjali.

2.7

Il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali hija objettiv prijoritarju tal-Istrateġija Ewropa 2020, li ħolqot “Il-pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali” (9). Għall-ewwel darba din stabbiliet objettiv għat-tnaqqis tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, jiġifieri tnaqqis ta' mill-inqas 20 miljun persuna sal-2020, fuq il-bażi ta' tliet indikaturi: ir-riskju tal-faqar (definit bħala l-persentaġġ tal-popolazzjoni li jinsab taħt il-livell ta' 60 % tal-introjtu medjan nazzjonali), it-tiċħid materjali sever (li jikkonsisti f'nuqqas ta' riżorsi, determinat skont lista predefinita ta' affarijiet), u, fl-aħħar, l-intensità baxxa ħafna ta' xogħol (jiġifieri l-fatt li wieħed jgħix f'familja mingħajr impjieg) (10). Il-KESE laqa' bi pjaċir dan l-impenn u saħaq li l-politiki tal-UE m'għandhomx iżidu r-riskju tal-faqar (11).

2.8

L-għan ewlieni stabbilit mill-Istrateġija Ewropa 2020 għat-tnaqqis tal-faqar u l-esklużjoni soċjali jistrieħ fuq tnaqqis preċiż fl-għadd ta' persuni, li huwa differenti mill-approċċ segwit għall-għanijiet ewlenin l-oħrajn tal-Istrateġija (12): dawn huma stabbiliti f'termini ta' perċentwali, li jagħmluha aktar faċli għall-Istati Membri biex jilħqu l-istess persentaġġ immirat.

2.9

Huma l-Istati Membri li jiddeċiedu kif jiddefinixxu l-miri nazzjonali tagħhom u x'approċċi ser jadottaw biex dawn jintlaħqu. Madankollu, il-miri nazzjonali miġburin flimkien jinsabu sew taħt il-mira tal-Ewropa 2020 ta' 20 miljun persuna: huwa kkalkulat li hemm differenza ta' bejn 5 u 8 miljuni bejn il-mira ewlenija tal-Istrateġija Ewropa 2020 u t-total tal-miri nazzjonali (13). Barra minn hekk, ħafna Programmi Nazzjonali ta' Riforma mhumiex ċari biżżejjed dwar kif se tintlaħaq il-mira tal-faqar u għandhom nuqqas ta' miżuri adatti għall-inklużjoni soċjali (14). Il-pajjiżi li jirċievu għajnuna speċjali mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Bank Ċentrali Ewropew jew mill-Fond Monetarju Internazzjonali mhumiex obbligati jibagħtu Programmi Nazzjonali ta' Riforma speċifiċi (15): huma jridu jagħtu rendikont biss abbażi tat-termini ta' kull Memorandum ta’ Ftehim, u dawn ma jipprevedu l-ebda miżura għat-tnaqqis tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali.

2.10

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2010 (16), il-Parlament Ewropew stieden lill-Istati Membri jintroduċu skemi li jiżguraw introjtu minimu ta' 60 % tal-introjtu medjan nazzjonali u talab sabiex l-UE toħroġ rakkomandazzjonijet aktar qawwija, filwaqt li r-riżoluzzjoni tal-2011 (17) ħeġġet lill-Kummissjoni tniedi konsultazzjoni dwar il-possibbiltà ta' inizjattiva leġislattiva għal introjtu minimu adegwat.

3.   Faqar, esklużjoni soċjali u qgħad fl-UE

3.1

Il-KESE jagħraf li l-faqar huwa vjolazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u li dan iżid il-bżonn li jsiru iżjed sforzi biex jintlaħqu l-miri stabbiliti fl-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u jqis li l-qerda tal-faqar hija sfida tal-Ewropa kollha kemm hi.

3.2

Mill-2008 'l hawn, in-nuqqas ta' riformi strutturali u l-kriżi wasslu għal żieda fir-riskji ta' faqar u esklużjoni soċjali u mis-suq tax-xogħol (18) f'ħafna pajjiżi: l-aktar ċifri reċenti tal-Eurostat (19) jikkonfermaw li 24,2 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea – jiġifieri 119,7 miljun persuna – jinsabu fir-riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali (20). Fl-2011, din ir-rata għoliet f'19-il Stat Membru, u bejn l-2008 u l-2011, l-għadd ta' persuni fil-faqar jew l-esklużjoni soċjali żdied b'4 miljuni. It-tliet indikaturi li jirrappreżentaw “riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali” marru għall-agħar ukoll mill-2008 'l hawn u qegħdin 17 % għar-riskju ta' faqar, 9 % għat-tiċħid materjali sever, u 10 % għall-persuni fi djar b'intensità baxxa ħafna ta' xogħol. F'ħafna pajjiżi l-fqar qed jiftaqru aktar (21).

3.3

B'rata ta' 27,1 %, it-tfal (taħt it-18-il sena) huma fost il-gruppi l-aktar fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali mill-popolazzjoni ġenerali (22). F'ċerti pajjiżi, ir-rata tar-riskju ta' faqar hija relattivament għolja għall-persuni li għandhom 'il fuq minn 65 sena (23).

3.4

Id-differenzi fl-introjti u l-inugwaljanzi soċjali qed jikbru kemm fi ħdan kull Stat Membru kif ukoll bejn l-Istati u r-reġjuni differenti, u ggravaw ħafna minħabba l-kriżi (24). Il-gruppi tal-popolazzjoni li diġà kienu żvantaġġati qabel il-kriżi qed imorru għall-agħar (25).

3.5

Il-kriżi titfa' d-dawl fuq forom ġodda ta' faqar, bħall-persuni mingħajr dar, il-faqar enerġetiku, l-esklużjoni finanzjarja (nuqqas ta' aċċess għal servizzi bankarji bażiċi u għal kreditu) u familji mdejnin wisq, filwaqt li l-esponiment għar-riskji soċjali huwa ogħla fil-każ tan-nisa milli għall-irġiel. Fl-istess waqt, il-gruppi tal-popolazzjoni l-aktar vulnerabbli, bħall-anzjani (b'mod partikolari dawk anzjani ħafna u n-nisa anzjani), il-persuni b'diżabbiltà, il-persuni b'mard kroniku serju, il-familji b'ġenitur wieħed, il-familji b'introjtu baxx kif ukoll l-immigranti u ċerti minoranzi etniċi, bħar-Rom, jintlaqtu b'mod sproporzjonat minn diversi forom ta' tiċħid.

3.6

L-impjieg u l-qagħda soċjali fl-Unjoni Ewropea jinsabu f'livelli kritiċi. Il-qgħad qed ikompli jiżdied: f'Jannar tal-2013 kien hemm 26,2 miljun persuna qiegħda, jiġifieri 10,8 % tal-popolazzjoni attiva tal-Unjoni (u 19-il miljun jew 11,9 % tal-popolazzjoni attiva fiż-żona tal-euro), filwaqt li l-qagħda ekonomika tal-familji hija allarmanti (26). Il-qgħad fost iż-żgħażagħ jinsab f'livelli rekord madwar l-Unjoni Ewropea kollha: 23,6 % taż-żgħażagħ fl-età tax-xogħol huma qiegħda u għandhom tendenza li jibqgħu f'din is-sitwazzjoni għal perjodi dejjem itwal.

3.7

Il-KESE jinsab imħasseb serjament dwar l-għadd dejjem jikber ta' ħaddiema foqra, li huwa kkawżat, fost affarijiet oħra, mit-tixrid ta' impjiegi prekarji u pagi baxxi. Fl-2011, 8,9 % ta' dawk li kellhom impjieg kienu qed jgħixu taħt il-limitu tal-faqar u kienu jirrappreżentaw terz tal-adulti kollha fl-età tax-xogħol fir-riskju tal-faqar (27).

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE ħareġ diversi Opinjonijiet (28) dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw direttament jew indirettament l-introjtu minimu u l-faqar, u fassal rakkomandazzjonijiet adegwati. L-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li għamel fl-1989 (29) illum saru aktar urġenti minħabba l-effett negattiv tal-kriżi. Fost oħrajn, huwa jappoġġja l-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali għax iqis li l-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni flimkien mal-klawżola soċjali orizzontali jistgħu jagħtu kontribut biex jiġi żgurat introjtu minimu u jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

4.2

In-neċessità urġenti ta' skema ta' introjtu minimu ġiet enfasizzata matul seduta pubblika (30) li l-KESE organizza meta kien qed ifassal l-Opinjoni tiegħu u ġabar esperti u attivisti għal diskussjoni dwar kif il-faqar jista' jitkejjel aħjar u dwar l-isfidi li jridu jingħelbu biex tiġi adottata skema Ewropea ta' introjtu minimu.

4.3

In-natura multidimensjonali tal-faqar u l-esklużjoni soċjali (31) titlob li tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-governanza Ewropea: politiki makroekonomiċi soċjalment sostenibbli huma prerekwiżit biex noħorġu mill-kriżi u biex tiġi żgurata l-koeżjoni soċjali. Il-faqar u l-esklużjoni li jdumu fit-tul huma ta' ħsara għall-ekonomija għax inaqqsu l-introjtu disponibbli u d-domanda, idgħajfu l-kompetittività u jagħmlu pressjoni fuq il-baġits nazzjonali.

4.4

F'dan ir-rigward, il-KESE huwa konvint mill-bżonn ta' evalwazzjoni mill-ġdid tal-prijoritajiet u l-politiki, b'mod partikolari l-politiki monetarji, inklużi l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, il-politiki tal-kompetizzjoni u l-kummerċ barrani, kif ukoll il-politiki baġitarji u fiskali.

4.5

Il-KESE jilqa' bi pjaċir il-Pakkett ta' Investiment Soċjali aġġornat tal-20 ta' Frar 2013 (32), li jistieden lill-Istati Membri biex ifasslu għajnuna għall-introjtu effiċjenti u adegwata, ibbażata fuq il-ħtiġijiet soċjali tal-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali, u biex jiġu stabbiliti baġits ta' referenza li jinkludu lista ta' oġġetti u servizzi neċessarji għal familja ta' daqs jew għamla partikolari biex tgħix f'ċertu livell ta' benesseri, flimkien mal-ispejjeż stmati tagħhom għal kull xahar jew sena.

4.6

Il-KESE jinsisti mal-Kummissjoni biex din iżżid il-pass tat-twettiq tal-wegħda li għamlet (33) li tappoġġja l-azzjoni tal-Istati Membri billi ssegwi r-riformi dwar l-inklużjoni attiva, billi tfassal metodu għat-tfassil tal-baġits ta' referenza u billi tiżgura l-pertinenza tal-għajnuna għall-introjtu billi tirrikorri għal dawn il-baġits malli jitfasslu f'kollaborazzjoni mal-Istati Membri.

4.7

Il-KESE jinsab verament konvint li l-aqwa mod kif jitnaqqas il-faqar u tiġi evitata l-esklużjoni soċjali huwa billi jerġa' jitnieda t-tkabbir, tissaħħaħ il-kompetittività u jinħolqu kundizzjonijiet qafas favorevoli għall-kumpaniji Ewropej (inklużi pereżempju li jiġu evitati piżijiet amministrattivi eċċessivi, kif ukoll jiġi żgurat aċċess għall-finanzjament), bil-għan li jkunu jistgħu jespandu u joħolqu impjiegi għall-persuni li għandhom il-ħiliet adegwati.

4.8

Il-Kumitat jenfasizza l-ħtieġa li l-programmi tat-tagħlim tul il-ħajja jingħataw importanza partikolari bħala għodda bażika fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, billi dawn isaħħu l-impjegabbiltà u l-aċċess għall-għarfien u għas-suq tax-xogħol. Huwa importanti li tiżdied il-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja mill-ħaddiema, dawk li huma qegħda u l-gruppi soċjali vulnerabbli kollha u li jitjieb il-livell tal-kwalifiki professjonali u l-akkwist ta' ħiliet ġodda, li jistgħu jwasslu għal integrazzjoni aktar mgħaġġla fis-suq tax-xogħol, żjieda fil-produttività u għajnuna lin-nies biex isibu xogħol aħjar.

4.9

Il-KESE jaqbel li jkun hemm approċċ komprensiv għall-intraprenditorija soċjali, b'fondi miżjuda għall-Fond ta' Intraprenditorija Soċjali u ambjent legali u amministrattiv imtejjeb sabiex jitrawmu impriżi tal-ekonomija soċjali li jistgħu jiġġieldu kontra l-esklużjoni, billi jixprunaw it-tkabbir, l-innovazzjoni u l-impjieg.

4.10

Il-KESE jilqa' bi pjaċir ir-Rakkomandazzjoni reċenti dwar il-faqar fost it-tfal (34), imma jiddispjaċih li l-fatt li bosta tfal huma bħalissa esposti għar-riskju tal-faqar mgħoddi lilhom minn ġenerazzjoni għal oħra juri n-nuqqasijiet tal-politiki eżistenti.

4.11

Il-KESE huwa mħasseb għaliex il-mira tal-faqar u l-esklużjoni soċjali kif stabbilita mill-Istrateġija Ewropa 2020 (tnaqqis ta' 20 miljun persuna fqira fl-Unjoni sal-2020) mhux ser tintlaħaq.

4.12

Il-KESE diġà nnota li l-livelli ta' parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fit-tħejjija tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma jvarjaw ħafna bejn l-Istati Membri u xi wħud minnhom ftit jinkludu dispożizzjonijiet biex ikun hemm din il-parteċipazzjoni (35).

4.13

In-nuqqas ta' data aġġornata dwar l-introjtu u l-kundizzjonijiet tal-għajxien ixekkel l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020.

5.   Ir-rwol tal-introjtu minimu fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali

5.1

Il-KESE huwa konxju li l-għoti ta' rwol ċentrali speċifiku għall-Unjoni Ewropea rigward il-protezzjoni ta' introjtu minimu jkun ħidma politika kumplessa u mhux tas-soltu minħabba d-differenzi fl-ekonomiji bejn Stat Membru u ieħor, id-diversità tal-iskemi ta' introjtu minimu (36) u tal-istrutturi tal-protezzjoni soċjali, is-sussidjarjetà, ix-xibka ta' drittijiet u obbligi marbutin mal-protezzjoni permezz tal-introjtu minimu u r-relazzjoni kumplessa bejn, minn naħa, il-politiki eżistenti u r-riżultati li jagħtu, u min-naħa l-oħra, il-kunċett tas-“solidarjetà” fl-UE.

5.2

Madankollu, il-KESE jara l-ħtieġa li jiddaħħlu skemi ta' introjtu minimu u jissaħħu dawk eżistenti, għaliex tnejn u għoxrin sena wara r-Rakkomandazzjoni 92/441/KΕE, mhux l-Istati Membri kollha għandhom skemi ta' introjtu minimu, u l-aċċessibiltà u l-mod kif jaħdmu mhumiex garantiti kullimkien, filwaqt li l-objettivi akkumulati tal-Istati Membri biex jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali huma inqas mill-mira tal-Ewropa 2020 b'mod sinifikanti (37).

5.3

B'kunsiderazzjoni tal-interazzjoni bejn il-faqar u l-ekonomija, il-KESE jenfasizza l-potenzjal tal-iskemi ta' introjtu minimu biex jagħtu stabbiltà li tista' kemm ittaffi l-impatt soċjali tal-kriżi kif ukoll tħalli impatt antiċikliku minħabba li tipprovdi aktar riżorsi biex titħeġġeġ id-domanda fis-suq intern.

5.4

Il-KESE wisq jibża' li l-iskemi ta' introjtu minimu, li jvarjaw ħafna fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rigward il-kopertura, l-universalità u l-effikaċja tagħhom, mhux jirnexxilhom itaffu biżżejjed il-faqar u jinkwieta li jekk ma jintużawx, l-effikaċja tagħhom ser tkompli tonqos (38).

5.5

Il-KESE jilqa' r-riżultati pożittivi tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni fil-qasam soċjali, iżda jiddispjaċih li l-istrumenti u l-istrutturi eżistenti għadhom ma ġewx eżaminati bir-reqqa kompletament u li l-progress sinifikanti fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali kien limitat.

5.6

Sabiex jiġi komplementat il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni fil-qasam tal-politika soċjali, il-KESE jappoġġja l-introduzzjoni ta' direttiva Ewropea li testendi l-iskemi ta' introjtu minimu fl-Istati Membri kollha, ittejjeb l-adegwatezza tal-iskemi eżistenti b'kunsiderazzjoni tal-kuntesti nazzjonali differenti, u b'hekk tibgħat messaġġ qawwi dwar il-pilastru soċjali tal-UE.

5.7

Id-direttiva proposta għandha tistabbilixxi standards u indikaturi komuni, tipprovdi metodi għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħha u tippermetti l-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali, il-benefiċjarji u partijiet interessati oħrajn meta jitwaqqfu jew jiġu riveduti l-iskemi nazzjonali ta' introjtu minimu.

5.8

Il-KESE huwa tal-fehma li, bħala prerekwiżit biex jissaħħu s-solidarjetà u l-koeżjoni soċjali fi ħdan l-Istati Membri u bejniethom, il-politiki baġitarji u makroekonomiċi, fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-politiki eżistenti, għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-għanijiet ta' investiment soċjali tal-Ewropa 2020, waqt li jintużaw l-istrumenti u l-istrutturi eżistenti.

5.9

Il-KESE huwa konvint li l-isforzi tal-Unjoni Ewropea biex ittejjeb il-protezzjoni permezz tal-introjtu minimu għandha tikkonsisti f' għajnuna lill-Istati Membri – b'mod partikolari dawk li jeħtiġuha l-aktar – biex jiftħu s-swieq tagħhom u jimplimentaw politiki makroekonomiċi effikaċi, kif ukoll l-użu tal-fondi eżistenti b'mod iżjed effiċjenti u mmirat u evalwazzjoni mingħajr dewmien tal-possibbiltajiet biex jiżdiedu l-fondi meħtieġa.

5.10

Il-KESE jfakkar li, jekk huwa veru li l-iskemi ta' introjtu minimu huma marbutin direttament mas-sistemi ta' protezzjoni soċjali, huma m'għandhomx iwasslu għal dipendenza fuqhom, u jtenni l-kundizzjonijiet li kien stabbilixxa sa mill-1989 (39). Għaldaqstant, l-iskemi ta' introjtu minimu għandhom ikunu akkumpanjati minn politiki ġenerali u dispożizzjonijiet immirati, bħall-politiki attivi fis-suq tax-xogħol maħsubin biex jgħinu lill-persuni qiegħda jerġgħu jsibu xogħol, servizzi għat-tfittxija tax-xogħol, ġestjoni tal-allokazzjonijiet u tal-programmi maħsubin għas-suq tax-xogħol, bħat-taħriġ u l-ħolqien tal-impjiegi appoġġjati minn strateġiji ta' attivazzjoni adegwati, sabiex dawk li jkunu qed ifittxu xogħol ikollhom aktar ċans li jsibu xogħol. Huwa essenzjali wkoll li jkun hemm istituzzjonijiet effettivi għas-suq tax-xogħol, il-kura tas-saħħa u l-politiki tad-djar, kif ukoll servizzi pubbliċi li jkunu aċċessibbli, ta' kwalità għolja u bi prezz li jintlaħaq.

Brussell, 10 ta' Novembru 2013

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali”, ĠU C 166, 7.6.2011, p. 18. Ara paġna 19, punt 7.

(2)  ATD Fourth World, in-Netwerk Ewropew Kontra l-Faqar (European Anti-Poverty Network – EAPN), il-federazzjoni Ewropea tal-organizzazzjonijiet nazzjonali li jaħdmu mal-persuni mingħajr dar (FEANTSA), is-sezzjoni Ewropea ta' Emmaus, eċċ.

(3)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Novembru 2011 dwar Il-pjattaforma Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali (2011/2052(INI)) ĠU C 153E, 31.5.2013, p. 57–78.

(4)  Il-politiki l-oħra ta' din il-kategorija huma: a) l-introjtu universali bażiku jew introjtu ta' integrazzjoni, li hi allokazzjoni permanenti ta' ammont determinat minn qabel li jingħata b'mod regolari lil kull ċittadin adult, tkun xi tkun is-sitwazzjoni ekonomika jew soċjali tiegħu jew id-disponibbiltà li wieħed jaħdem, u b) it-taxxa fuq l-introjtu negattiv, li tistrieħ fuq il-kunċett ta' rata tat-taxxa marġinali.

(5)  Hugh Frazer u Eric Marlier. Minimum Income Schemes Across EU Member States (Skemi ta' introjtu minimu fl-Istati Membri differenti tal-UE), rapport sommarju, Netwerk ta' esperti indipendenti dwar l-inklużjoni soċjali tal-UE, Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Opportunitajiet Indaqs, Ottubru 2009.

(6)  Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, il-Lussemburgu, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, 1990 (mhux disponibbli bil-Malti).

(7)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/441/KEE tal-24 ta' Ġunju 1992 dwar il-kriterji komuni rigward ir-riżorsi u l-għajnuna soċjali suffiċjenti fis-sistemi ta' protezzjoni soċjali, ĠU L 245, 26.8.1992, p. 46–48 (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol (notifikata bin-numru C(2008) 5737), ĠU L 307, 18.11.2008, p. 11–14.

(9)  “Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv”, COM(2010) 2020 final, Brussell, 3.3.2010.

(10)  Flimkien, dawn it-tliet indikaturi jiddefinixxu grupp ġenerali mmirat ta' persuni li jinsabu fil-periklu tal-faqar u l-esklużjoni, bl-implikazzjoni li kull min jikkorrispondi għal wieħed minn dawn il-kriterji, ikun xi jkun, jaqa' taħt din il-kategorija, u dan jiġri darba biss.

(11)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali”, COM(2011) 758 final, ĠU C 248, 25.8.2011, p. 130–134.

(12)  Fl-oqsma tal-impjieg, l-edukazzjoni, it-tibdil fil-klima, ir-riċerka u l-iżvilupp, il-miri huma stabbiliti f'persentaġġi u dan jippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu miri simili f'termini ta' persentaġġi.

(13)  Kummissjoni Ewropea, “Rapport dwar l-iżviluppi fl-impjieg u fis-sitwazzjoni soċjali fl-Ewropa”, 2012.

(14)  Frazer u Marlier. 2011. Assessment of Progress towards the Europe 2020 social inclusion objectives: Main Findings and Suggestions on the Way Forward (Valutazzjoni tal-progress lejn l-għanijiet tal-inklużjoni soċjali tal-Ewropa 2020: Sejbiet u suġġerimenti ewlenin għat-triq 'il quddiem), netwerk ta' esperti indipendenti tal-UE dwar l-inklużjoni soċjali, Brussell, Kummissjoni Ewropea.

(15)  Kummissjoni Ewropea, Guidance for the National Reform Programmes (Gwida għall-Programmi Nazzjonali ta' Riforma), 18 ta' Jannar 2012.

(16)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar ir-rwol tal-introjtu minimu fil-ġlieda kontra l-faqar u l-promozzjoni ta’ soċjetà inklużiva fl-Ewropa (2010/2039(INI)), ĠU C 70E, 8.3.2012, p. 8–18.

(17)  Ara nota 3 f'qiegħ il-paġna.

(18)  Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Evidence on Demographic and Social Trends. Social Policies' Contribution to Inclusion, Employment and the Economy, SWD(2013) 38 final, l-ewwel parti.

(19)  Eurostat, 2013. Indikaturi ewlenin t2020_50, t2020_51, t2020_52, t2020_53, aġġornati fit-3 ta' Ottubru 2013.

(20)  L-ogħla rati jidhru fil-Bulgarija (49 %), ir-Rumanija u l-Latvja (it-tnejn 40 %), il-Litwanja (33 %), il-Greċja u l-Ungerija (it-tnejn 31 %), kif ukoll l-Italja (28,2 %).

(21)  Kummissjoni Ewropea, Social Europe: Current Challenges and the Way Forward, Annual Report of the Social Protection Committee (2012).

(22)  Ara nota 18 f'qiegħ il-paġna.

(23)  Ibid.

(24)  ETUI (l-Istitut Ewropew tat-Trejdjunjins) u ETUC (Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejdjunjins)Benchmarking Working Europe, 2013.

(25)  Eurofound, Quality of Life in Europe: Impacts of the Crisis, 3rd European Quality of Life Survey, il-Lussemburgu, 2012.

(26)  Kummissjoni Ewropea, “Reviżjoni Trimestrali dwar l-Impjieg u s-Sitwazzjoni Soċjali tal-UE”, Marzu 2013.

(27)  Ara n-nota 21 f'qiegħ il-paġna.

(28)  Ara ĠU C 44, 11.2.2011, p. 23-27; ĠU C 166, 7.6.2011, p. 18-22; ĠU C 24, 28.1.2012, p. 35-39; ĠU C 318, 23.12.2009, p. 52-56; ĠU C 48, 15.2.2011, p. 57-64; ĠU C 44, 11.2.2011, p. 90-98; ĠU C 44, 11.2.2011, p. 34-39; ĠU C 318, 29.10.2011, p. 43-49; ĠU C 132, 3.5.2011, p. 26-38; ĠU C 128, 18.5.2010, p. 10-17.

(29)  ĠU C 221, 28.8.1989, p. 10–15 (mhux disponibbli bil-Malti).

(30)  28 ta' Mejju 2013, http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.fr.events-and-activities-european-minimum-income.

(31)  L-indikatur tar-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali huwa magħmul minn tliet parametri: ir-riskju tal-faqar, it-tiċħid materjali sever u l-intensità baxxa ħafna ta' xogħol.

(32)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2013) 83 tal-20 ta' Frar 2013 bl-isem “Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020”. Il-“Pakkett ta' Investiment Soċjali” jinkludi wkoll ir-Rakkomandazzjoni “L-investiment fit-tfal” (C (2013) 778 final), dokumenti ta' ħidma dwar is-suġġetti “Long-term care in ageing societies – Challenges and policy options”, “Investing in Health”, “Follow-up on the implementation by the Member States of the 2008 European Commission recommendation on active inclusion of people excluded from the labour market”, kif ukoll “3rd Biennial Report on Social Services of General Interest”.

(33)  Komunikazzjoni COM(2013) 83 final, punt 2.2.

(34)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 bl-isem “L-Investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ”, ĠU L 59, 2.3.2013, p. 5-16.

(35)  KESE: “Civil Society Involvement in the National Reform Programmes” (Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma), Rapport sommarju, Brussell, 28 ta' Frar 2011.

(36)  Għal ħarsa aktar dettaljata, ara Frazer u Marlier, op. cit., 2009.

(37)  Il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, op. cit.

(38)  SWD(2013) 39 final.

(39)  Ara l-Opinjoni msemmija fin-nota 29 f'qiegħ il-paġna.


APPENDIĊI

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti:

Punt 1.4

Ibdel it-test kif ġej:

jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-aħjar prattiki eżistenti sabiex tgħin lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji għall-inklużjoni attiva li jinkludu appoġġ għall-introjtu li jkun biżżejjed u adegwat, miżuri ta' attivazzjoni u miżuri li jindirizzaw il-faqar, waqt li tiġi rispettata r-responsabbiltà primarja tagħhom fid-dawl tal-prattiki nazzjonali u ta' sussidjarjetà. Fl-istess ħin għandha teżamina l-possibbiltajiet ta' finanzjament u l-użu effiċjenti u mmirat tagħhom għal introjtu minimu Ewropew billi tiffoka b'mod partikolari fuq il-prospett li jinħoloq Fond Ewropew adatt;

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

:

112

Kontra

:

134

Astensjonijiet

:

10

Punt 4.2

Ibdel it-test kif ġej:

“In-neċessità urġenti t' li tiġi indirizzata skema ta' introjtu minimu ġiet enfasizzata matul seduta pubblika30 li l-KESE organizza meta kien qed ifassal l-Opinjoni tiegħu u ġabar esperti u attivisti għal diskussjoni dwar kif il-faqar jista' jitkejjel aħjar u dwar l-isfidi li jridu jingħelbu biex tiġi adottata skema Ewropea ta' introjtu minimu fil-livell nazzjonali.”

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

:

110

Kontra

:

132

Astensjonijiet

:

13

Punt 5.3

Ibdel it-test kif ġej:

“B'kunsiderazzjoni tal-interazzjoni bejn il-faqar u l-ekonomija, il-KESE jinnota jenfasizza l-potenzjal tal-iskemi ta' introjtu minimu biex jagħtu stabbiltà li tista' kemm ittaffi l-impatt soċjali tal-kriżi kif ukoll tħalli impatt antiċikliku minħabba li tipprovdi aktar riżorsi biex titħeġġeġ id-domanda fis-suq intern.”

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

:

110

Kontra

:

139

Astensjonijiet

:

8

Punt 5.6

Ibdel it-test kif ġej:

Il-KESE jappella għal skambju tal-aħjar prattiċi fil-qasam tal-iskemi ta' introjtu minimu u l-linji gwida fil-livell nazzjonali sabiex l-Istati Membri jiġu appoġġjati jistabbilixxu skemi ta' introjtu minimu u jagħmluhom iffukati u effiċjenti b'mod adegwati Sabiex jiġi komplementat il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni fil-qasam tal-politika soċjali, il-KESE jappoġġja l-introduzzjoni ta' direttiva Ewropea li testendi l-iskemi ta' introjtu minimu fl-Istati Membri kollha, ittejjeb l-adegwatezza tal-iskemi eżistenti b'kunsiderazzjoni tal-kuntesti nazzjonali differenti, u b'hekk tibgħat messaġġ qawwi dwar il-pilastru soċjali tal-UE.”Barra minn dan, it-tabella soċjali li għadha kif ġiet introdotta tista' tgħin biex tipprevjeni d-differenzi potenzjali."

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

:

115

Kontra

:

138

Astensjonijiet

:

9

Punt 5.7

Ibdel it-test kif ġej:

Il-miżuri proposti għandhom jistabbilixxuId-direttiva proposta għandha tistabbilixxi standards u indikaturi gwidakomuni , jipprovdutipprovdi metodi għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom ajippermettutippermetti l-parteċipazzjoni ta' imsieħba soċjali, benefiċjarji u partijiet interessati oħrajn meta jitwaqqfu jew jiġu riveduti skemi nazzjonali ta' introjtu minimu.”

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

:

115

Kontra

:

139

Astensjonijiet

:

5