19.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 65/182


P7_TA(2013)0238

It-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Alexander Alvaro

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Alexander Alvaro (2013/2106(IMM))

(2016/C 065/28)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Alexander Alvaro, imressqa fit-8 ta’ Mejju 2013 mill-Ministeru tal-Ġustizzja Federali Ġermaniż, b’rabta mal-proċediment pendenti quddiem il-Kap Prosekutur Pubbliku ta’ Cologne (Ġermanja), u mħabbra fis-seduta plenarja tat-23 ta’ Mejju 2013,

wara li kkunsidra li Alexander Alvaro ngħata l-opportunità li jinstema’ skont l-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

wara li kkunsidra l-Artikolu 46 tal-Liġi Bażika Ġermaniża (Grundgesetz),

wara li kkunsidra l-Artikoli 6(2) u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0188/2013),

A.

billi l-Kap Prosekutur Pubbliku ta’ Cologne (Ġermanja) talab li titneħħa l-immunità parlamentari ta’ Alexander Alvaro, Membru u Viċi President tal-Parlament Ewropew, b’rabta mal-ftuħ ta’ proċedimenti investigattivi rigward reat allegat;

B.

billi t-talba mill-Kap Prosekutur Pubbliku hija marbuta mal-investigazzjonijiet f’inċidenti tat-traffiku serju li fih kien involut Alexander Alvaro;

C.

billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri jgawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament ta' pajjiżhom;

D.

billi, skont l-Artikolu 46(2) tal-Liġi Bażika Ġermaniża (Grundgesetz), Membru ma jistax jinżamm responsabbli ta’ reat kastigabbli mingħajr il-permess tal-Parlament sakemm ma jinqabadx fil-fatt iwettaq ir-reat jew inkella l-għada;

E.

billi, konsegwentement, il-Parlament jista’ jneħħi l-immunità parlamentari ta’ Alexander Alvaro jekk il-proċedimenti kontrih għandhom isiru;

F.

billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 46(2) tal-Grundgesetz Ġermaniża ma jipprekludux it-tneħħija tal-immunità ta’ Alexander Alvaro;

G.

billi għaldaqstant ikun tajjeb li fil-każ ikkonċernat, l-immunità parlamentari titneħħa;

1.

Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Alexander Alvaro;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lil Alexander Alvaro.