52013DC0833

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Lejn l-eliminazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili /* COM/2013/0833 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Lejn l-eliminazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili

WERREJ

1........... Introduzzjoni................................................................................................................ 4

2........... Lejn fehim aħjar tal-MĠF fl-UE................................................................................... 5

3........... Il-promozzjoni ta' bidla soċjali sostenibbli għall-prevenzjoni tal-MĠF........................ 6

4........... Appoġġ għall-Istati Membri fil-prosekuzzjoni iktar effettiva tal-MĠF........................ 8

5........... Tiġi żgurata protezzjoni ta' nisa f'riskju fit-territorju tal-UE......................................... 9

6........... Il-promozzjoni globali tal-eliminazzjoni tal-MĠF....................................................... 10

7........... Implimentazzjoni, monitoraġġ u evalwazzjoni........................................................... 12

8........... Konklużjoni................................................................................................................ 12

1. Introduzzjoni

Kull sena, miljuni ta' nisa u bniet madwar id-dinja kollha jkollhom il-kwalità tal-ħajja tagħhom mibdula drastikament bil-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF). Il-proċedura tinvolvi tneħħija parzjali jew totali tal-ġenitali esterni tagħhom jew korriment ieħor fuq l-organi ġenitali tagħhom għal raġunijiet mhux mediċi[1]. Eluf ta' nisa u bniet li jgħixu l-Ewropa huma affettwati jew f'riskju.

L-MĠF hija rikonoxxuta internazzjonalment bħala ksur tad-drittijiet umani tan-nisa u forma ta' abbuż fuq it-tfal. Bħall-forom l-oħra ta' vjolenza bbażata fuq is-sess tal-persuna, "tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali għall-ħajja, il-libertà, id-dinjità, l-ugwaljanza bejn nisa u irġiel, in-nondiskriminazzjoni u l-integrità fiżika u mentali"[2]. Tikser ukoll id-drittijiet tat-tfal kif definit fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

Madwar id-dinja, qed jissaħħu s-sejħiet għat-tneħħija tal-MĠF. Taħt it-tmexxija tal-grupp Afrikan u b'appoġġ qawwi mill-UE, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (AĠNU) adottat Riżoluzzjoni ta' importanza kbira fl-2012: "L-intensifikazzjoni ta' sforzi globali għat-tneħħija ta' mutilazzjonijiet ġenitali femminili"[3]. Dikjarazzjoni ta' segwitu mill-grupp Afrikan fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Ġunju 2013, appoġġata mill-Istati Membri tal-UE, tiffoka fuq l-isfidi li l-komunità dinjija għandha bżonn tindirizza biex tilħaq tolleranza żero għall-MĠF. Barra minn hekk, il-monitoraġġ tal-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Kastigi Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra jagħti attenzjoni speċjali għall-MĠF.

Id-drittijiet fundamentali u l-ugwaljanza bejn is-sessi huma valuri ċentrali tal-Unjoni Ewropea. L-UE ilha impenjata biex telimina l-vjolenza bbażata fuq is-sess tal-persuna u l-vjolenza kontra t-tfal, kif stipulat f'"L-istrateġija tagħha għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel"[4], fid-Direttiva dwar id-drittijiet tal-vittmi[5] u fl-Aġenda tal-UE għad-drittijiet tat-tfal[6].

Din il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-MĠF tibni fuq xogħol li l-UE għamlet matul ħafna snin u fuq rapport mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE)[7]. Hija tibbenefika wkoll mill-kontribut ta' Mejda Tonda ta' Livell Għoli dwar l-MĠF[8], kontribuzzjonijiet mis-soċjetà ċivili, organizzazzjonijiet internazzjonali, akkademiċi u korpi ta' ugwaljanza għal konsultazzjoni pubblika[9] u opinjoni bil-miktub tal-Kumitat Konsultattiv tal-UE dwar Opportunitajiet Ugwali għan-Nisa u l-Irġiel[10]. Din il-Komunikazzjoni tkopri politiki interni kif ukoll esterni u tiżviluppa approċċ olistiku u integrat, b'enfasi partikolari fuq il-prevenzjoni.

2. Lejn fehim aħjar tal-MĠF fl-UE

Skont l-UNICEF[11], bħalissa aktar minn 125 miljun mara madwar id-dinja qed jgħixu bil-konsegwenzi tal-MĠF. Il-prattika hi l-aktar komuni fir-reġjuni tal-punent, tal-lvant, u tal-grigal tal-Afrika, f'ċerti pajjiżi tal-Asja u fil-Lvant Nofsani, u madwar id-dinja kollha fost xi migranti minn dawk in-naħat. Fl-UE, spiss tissemma l-figura ta' 500 000 vittma[12].

Hija diffiċli li ssir stima tan-numru ta' bniet f'riskju. Bniet li jkunu emigraw minn pajjiż fejn hija prattikata l-MĠF, jew li jkunu twieldu minn ġenitur wieħed jew tnejn li joriġinaw minn pajjiż bħal dan jistgħu jitqiesu bħala f'riskju[13]. Madankollu, valutazzjoni preċiża tad-determinanti tar-riskju għandha tikkonsidra fatturi oħrajn, bħal bidliet fl-imġiba tal-ġenituri jew fit-twemmin wara l-migrazzjoni.

Prevalenza tal-MĠF fl-Istati Membri tal-UE[14]

Il-pajjiż || Sena tal-pubblikazzjoni || Numru ta' nisa b'MĠF || Numru ta' bniet f'riskju ta' MĠF || Numru ta' każijiet fil-qorti kriminali[15]

Il-Belġju || 2011 || 6 260 || 1 975 ||

Id-Danimarka || || Ebda dejta disponibbli || 1

Il-Ġermanja || 2007 || 19 000 || 4 000 ||

L-Irlanda || 2011 || 3 170 || Mhux disponibbli ||

Spanja || || Ebda dejta disponibbli || 6

Franza || 2007 || 61 000 || Mhux disponibbli || 29

L-Italja || 2009 || 35000 || 1 000 || 2

L-Ungerija || 2012 || 170 – 350 || Mhux disponibbli ||

Il-Pajjiżi l-Baxxi || 2013 || 29 210 || 40 – 50 kull sena || 1

L-Isvezja || || Ebda dejta disponibbli || 2

Ir-Renju Unit || 2007 || 65 790 || 30 000 ||

Barra minn hekk, hemm nuqqas ta' evidenza dwar iċ-ċirkustanzi ta' mutilazzjonijiet imwettqa fuq bniet li qed jgħixu fl-UE. Fl-aħħar tas-sebgħinijiet u fil-bidu tat-tmeninijiet, bosta każijiet imressqa quddiem il-qorti fi Franza[16] pprovdew evidenza ta' mutilazzjonijiet imwettqa f'territorju Franċiż. Aktar tard, kundanni ta' ġenituri u persuni li jwettqu l-qtugħ[17] setgħu wasslu familji biex jaqtgħu l-bniet tagħhom fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom jew fi Stati Membri tal-UE fejn il-leġiżlazzjoni jew l-infurzar huma iktar dgħajfa. L-iktar każijiet tal-qorti riċenti fl-UE juru mutilazzjonijiet ikkawżati kemm barra (każijiet mill-Italja, Spanja, id-Danimarka, u l-Isvezja) u kemm fl-UE (każijiet minn Spanja, Franza).

Objettiv:

Fehim aħjar tal-MĠF fl-UE.

Azzjonijiet:

Il-Kummissjoni Ewropea se:

– titlob lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi biex jiżviluppa metodoloġija u indikaturi komuni u biex iqis il-prevalenza tal-MĠF, biex jistima in-numru ta' nisa u bniet f'riskju li jiġu mutilati u n-numru ta' nisa affettwati mill-MĠF fl-UE;

– tivvaluta l-fattibilità li jiġi żviluppat stħarriġ kif ukoll riċerka kwantitattiva u kwalitattiva dwar l-MĠF;

– tinkoraġġixxi l-Istati Membri biex jiżviluppaw indikaturi speċifiċi dwar l-MĠF bħala parti mis-segwitu tal-UE tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing tan-NU;

3. Il-promozzjoni ta' bidla soċjali sostenibbli għall-prevenzjoni tal-MĠF 3.1. Il-promozzjoni ta' bidla soċjali sostenibbli għall-prevenzjoni tal-MĠF

L-MĠF hija norma soċjali li għandha għeruq profondi li tagħmel pressjoni fuq il-familji biex jikkonformaw mal-aspettattivi tal-pari. Hija relatata mal-kontroll soċjali fuq is-sesswalità tan-nisa, kif ukoll ma' firxa wiesgħa ta' kundanni u biżgħat. Minkejja l-konsegwenzi fiżiċi u psikoloġiċi ħorox fil-perjodu l-qasir u f'dak twil tal-mutilazzjoni, l-MĠF hija ħafna drabi prattikata bit-twemmin li hija ta' benefiċċju għat-tifla. Fil-kuntest tal-migrazzjoni, tista' wkoll tkun mod kif tinżamm rabta mal-pajjiż ta' oriġini u tiġi preservata l-identità kulturali. L-MĠF hija kwistjoni intima u ħafna drabi għadha suġġett tabù fost il-komunitajiet affettwati. Għalhekk huwa kruċjali li jitqiesu l-kumplessitajiet tagħha.

Oqfsa leġiżlattivi u infurzar huma neċessarji iżda mhux biżżejjed sabiex jiġi żgurat li l-MĠF tiġi abbandunata. Hemm bżonn ta' bidliet fl-attitudnijiet u t-twemmin fost il-komunitajiet rilevanti. Ir-riżultati ta' bosta proġetti ffinanzjati mill-programmi Daphne tal-UE[18] juru li għandhom bżonn jiġu żviluppati miżuri ffokati biex iqajmu għarfien mal-komunitajiet affettwati u fi ħdanhom. Dawn għandhom bżonn jinvolvu kemm irġiel u kemm nisa, mexxejja reliġjużi u tal-komunità, personalitajiet rispettati u influwenti fil-komunitajiet differenti, vittmi li huma lesti li jitkellmu, żgħar u kbar. Il-miżuri għandhom jibnu fuq oppożizzjoni eżistenti għall-MĠF fil-popolazzjoni affettwata u jgħaqqdu l-UE mal-pajjiżi ta' oriġini.

Rapport riċenti[19] juri li hemm prevalenza iktar għolja tal-MĠF fost familji foqra jew fost dawk li l-ġenituri għandhom livell edukattiv baxx. Għalhekk, l-għoti tal-poter lin-nisa sabiex jingħataw l-opportunità li jieħdu deċiżjonijiet infurmati għalihom infushom u għat-tfal tagħhom huwa għalhekk kwistjoni prinċipali meta jitfasslu miżuri biex jgħinu biex jiġi żgurat li l-prattika tiġi abbandunata.

3.2. Tiġi żviluppata kooperazzjoni multidixxiplinarja

Jidher li eluf ta' bniet li qed jgħixu fl-UE jistgħu jkunu f'riskju li jiġu mmutilati. Firxa wiesgħa ta' professjonijiet jinsabu f'kuntatt magħhom, b'mod partikolari fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni, il-protezzjoni tat-tfal, is-servizzi soċjali, il-ġudikatura, l-immigrazzjoni u l-asil. Jekk se joffru protezzjoni u appoġġ xierqa, hemm bżonn ta' kooperazzjoni multidixxiplinarja bbażata fuq għarfien sod tal-MĠF. Skont ir-rwol u r-responsabbiltà tagħhom, il-professjonisti għandhom ikunu kapaċi jidentifikaw bniet f'riskju u nisa soġġetti għall-MĠF u jirrapportaw lill-awtoritajiet rilevanti biex jiġu mobilizzati mekkaniżmi ta' protezzjoni u appoġġ xierqa. Sabiex dan isir, is-suġġett ta' din il-vjolenza bbażata fuq is-sess, inkluża l-MĠF, għandu bżonn ikun fil-kurrikuli edukattivi għall-professjonijiet kollha li potenzjalment jiġu f'kuntatt mal-komunitajiet affettwati. Għandhom bżonn jiġu żviluppati materjal u taħriġ edukattivi, għandu jiġi żgurat l-appoġġ tal-NGOs li jindirizzaw is-suġġett, u jiġu attwati protokolli multisettorjali effettivi. Linji gwida ċari dwar is-segretezza professjonali u l-kundizzjonijiet għall-iżvelar huma essenzjali.

L-MĠF imwettqa minn prattikanti fil-qasam tas-saħħa hija raġuni ta' tħassib dinjija li qed tikber. Xi NGOs qajmu wkoll il-kwistjoni tan-nisa li jkunu reinfibulati[20] fl-isptar wara li jwelldu, wara talba mingħand il-mara jew il-familja tagħha, minkejja l-fatt li hi projbita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fl-UE.

Barra minn hekk, ħafna nisa li għaddew mill-MĠF jistgħu wkoll jesperjenzaw forom oħra ta' vjolenza, bħal żwieġ prematur, waqt li jkunu għadhom tfal jew furzat jew vjolenza domestika. Bħala migranti, xi kultant dipendenti fuq l-irġiel, missirijiet jew qraba oħra tagħhom, jistgħu jkunu partikolarment vulnerabbli. L-Istati Membri huma mħeġġa li jiffaċilitaw l-aċċess għall-benefiċċji u s-servizzi tal-protezzjoni soċjali għalihom fejn xieraq, kif ukoll l-aċċess għal opportunitajiet ta' edukazzjoni.

Il-maġġoranza ta' dawk li jgħaddu mill-MĠF ikollhom bżonn ikampaw ma' konsegwenzi tal-proċedura kemm ta' perjodu qasir u kemm ta' perjodu twil. Il-bżonnijiet tagħhom ivarjaw skont l-età jew is-sitwazzjoni tagħhom. Jekk jingħataw appoġġ xieraq dan jgħin biex jitqajjem l-għarfien tagħhom dwar il-konsegwenzi ta' detriment għas-saħħa tal-prattika. Ċerti Stati Membri (bħall-Belġju, Franza, l-Italja, l-Isvezja jew ir-Renju Unit[21]) waqqfu ċentri tas-saħħa li jispeċjalizzaw fil-kura għall-vittmi tal-MĠF, li jipprovdu prinċipalment servizzi ġinekoloġiċi, b'mod partikolari għan-nisa tqal. Madankollu, jidher li hemm nuqqas ta' servizzi li jipprovdu approċċ olistiku, inkluż, pereżempju, appoġġ psikoloġiku, psikosesswali jew posttrawmatiku.

L-Istati Membri huma mħeġġa li jqajmu l-għarfien tal-professjonisti tas-saħħa rigward l-MĠF (identifikazzjoni, prevenzjoni, trattament, kura tas-saħħa adegwata waqt it-tqala u l-ħlas), inkluż is-segwitu tat-tarbija b'saħħitha. Huma mħeġġa li jipprovdu rappurtaġġ xieraq dwar l-MĠF, b'mod partikolari billi jagħmlu użu sħiħ tal-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Mard tal-WHO.

Objettiv:

Li tiġi promossa prevenzjoni effettiva u miżuri ta' appoġġ għall-vittmi, inkluż permezz tal-bidla ta' normi soċjali kif ukoll tal-għoti tas-setgħa lin-nisa.

Azzjonijiet:

Il-Kummissjoni Ewropea se:

– tippromwovi l-iżvilupp ta' moduli ta' taħriġ, gwidi u protokolli multisettorjali permezz tal-programm futur tad-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza. Dawn se jimmiraw lejn professjonisti rilevanti u jippruvaw jipprevjenu l-MĠF u jagħtu appoġġ lill-vittmi;

– tinkoraġġixxi l-Istati Membri biex isaħħu s-sistemi ta' protezzjoni tat-tfal tagħhom billi jiżguraw koordinazzjoni aħjar u kooperazzjoni bejn servizzi biex isiru aktar integrati u mgħammra aħjar biex jittrattaw ma' każijiet veri ta', jew riskji ta', abbuż tat-tfal, inkluża l-MĠF.

– bħala segwitu għall-programm Daphne tal-UE, tagħmel użu sħiħ mill-programm tad-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza l-ġdid tal-UE[22] biex tiffinanzja attivitajiet żviluppati minn NGOs li jimmiraw li jipprevjenu l-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal, kif ukoll tinforma t-tfal bid-drittijiet tagħhom u trawwem ir-rispett tad-dritt tagħhom li jiġu mismugħa;

– bħala segwitu għall-programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja u Żgħażagħ fl-Azzjoni, tagħmel użu sħiħ tal-programm Erasmus+ u għodod ta' finanzjament Ewropej oħra biex tiffinanzja, fejn xieraq, żieda fl-għarfien u kambjamenti fl-attitudnijiet (speċjalment tal-ġenituri) li jinvolvu għalliema, edukaturi, familji u komunitajiet. L-attivitajiet jistgħu jimmiraw li jagħtu s-setgħa lil nisa migranti żgħażagħ, li jtejbu t-taħriġ tal-għalliema u professjonisti oħra li jiġu f'kuntatt mal-komunitajiet affettwati u li jipprevjenu l-vjolenza kontra n-nisa;

– tippromwovi azzjonijiet taħt il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Asil futur immirat biex jagħti s-setgħa lil nisa u bniet migranti u jqawwi l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetajiet destinatarji;

– tinkludi vjolenza bbażata fuq is-sess, inkluża l-MĠF, f'kull xogħol futur relatat mal-linji gwida tal-UE dwar is-sistemi ta' protezzjoni tat-tfal;

– tiżviluppa moduli ta' taħriġ speċifiċi, inklużi dwar kwistjonijiet relatati mal-MĠF, għal professjonisti tas-saħħa li jaħdmu mal-migranti.

4. Appoġġ għall-Istati Membri fil-prosekuzzjoni iktar effettiva tal-MĠF

Ir-Riżoluzzjoni tan-NU "L-intensifikazzjoni ta' sforzi globali għall-eliminazzjoni tal-mutilazzjonijiet ġenitali femminili"[23] tħeġġeġ l-istati biex idaħħlu fis-seħħ u jinfurzaw leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-MĠF.

L-MĠF huwa reat li jista' jwassal għal tħarrik fl-Istati Membri kollha tal-UE, jew permezz ta' leġiżlazzjoni kriminali ġenerali jew permezz ta' dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali speċifiċi[24]. Prinċipju ta' ekstraterritorjalità huwa ħafna drabi inkluż, li jagħmel il-prosekuzzjoni tal-MĠF possibbli meta ssir barra mill-pajjiż, jekk il-vittma u/jew il-persuna/i li jwettqu jew li jippjanaw il-proċedura jkunu ċittadini tal-pajjiż li jkun qed jinvestiga.

Madankollu, każijiet ta' liġi kriminali relatati mal-MĠF fil-qrati huma rari, prinċipalment minħabba n-nuqqas ta' rieda tal-vittmi biex iressqu kwerela. Hemm ukoll nuqqas ta' servizzi b'għarfien espert suffiċjenti u għarfien biex jiġi pprovdut appoġġ lil vittmi li jippreżentaw ruħhom. Regolamenti dwar segretezza professjonali kif ukoll in-nuqqas ta' mekkaniżmi biex jiġu riferuti b'mod xieraq il-bniet f'riskju jew li għaddew mill-MĠF biex jiġu appoġġjati servizzi jimpedixxu wkoll is-segwitu xieraq għall-vittmi.

Il-leġiżlazzjoni, il-prosekuzzjoni effettiva, u l-kundanni ta' ġenituri u persuni li jwettqu l-qtugħ ħatja jidhru li huma essenzjali bħala deterrenti biex jiddiswadu l-ġenituri milli jimmutilaw il-bniet tagħhom u biex jgħinuhom jirreżistu l-pressjoni mill-familji u l-komunitajiet tagħhom.

Hemm raġunijiet biex jiġu eżaminati kemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali u kemm il-kawżi tal-qorti rilevanti, għax jipprovdu ħsibijiet f'ċerti kwistjonijiet legali prinċipali tal-MĠF. Pereżempju, fi Spanja, ġenituri kienu riċentement sanzjonati minħabba li mmutilaw it-tifla tagħhom qabel il-migrazzjoni tagħha lejn l-Ewropa. Il-kwistjoni tal-aħjar interessi tat-tifla għandha tkun imqajma bħala preokkupazzjoni primarja matul kull proċediment legali (mill-investigazzjoni sal-għoti tas-sentenza), eż. biex jiġi pprevenut li tifla ssir vittma darbtejn, l-ewwel minħabba l-MĠF u mbagħad minħabba li tiġi meħuda mill-kura tal-ġenituri.

Objettiv:

Appoġġ għall-infurzar tal-liġijiet li jipprojbixxu l-MĠF tal-Istati Membri.

Azzjonijiet:

Il-Kummissjoni Ewropea se:

– tanalizza liġijiet kriminali u każijiet tal-qorti relatati mal-MĠF u torganizza skambju ta' prattika tajba bejn l-Istati Membri biex tevalwa x'azzjonijiet fuq livell ta' UE jġibu valur miżjud;

– tqassam materjal ta' taħriġ eżistenti għal professjonisti legali permezz ta' pjattaformi xierqa;

– tinforza d-drittijiet tal-vittmi ta' atti kriminali stipolati fid-direttiva dwar id-drittijiet tal-vittmi[25], b'mod partikolari d-dritt li jkollhom aċċess għal servizzi ta' appoġġ ġeneriċi u speċjalizzati.

5. Tiġi żgurata protezzjoni ta' nisa f'riskju fit-territorju tal-UE

Id-Direttiva dwar il-Kwalifikazzjoni tal-UE[26] tiżgura eliġibilità għal protezzjoni internazzjonali għal nisa li għandhom biża' fondata sew ta' persekuzzjoni jew li jiffaċċjaw ir-riskju li jsofru mill-MĠF. Din testendi għal ġenituri li jibżgħu mill-persekuzzjoni jew li jiffaċċjaw riskju reali li jsofru minn ħsara serja għax jirrifjutaw li jagħtu kunsens biex it-tifla tagħhom tgħaddi mill-MĠF. "Id-Direttiva dwar il-Kwalifikazzjoni riveduta"[27] ssaħħaħ il-protezzjoni għal dawk li jibżgħu mill-MĠF. Din espliċitament tirrikonoxxi li kwistjonijiet ġejjin mis-sess tal-applikant għandhom jingħataw kunsiderazzjoni mistħoqqa jekk ikunu relatati mal-biża' fondata sew ta' persekuzzjoni tal-applikant. Kwistjonijiet bħal dawn jinkludu l-identità u l-orjentazzjoni sesswali, li jistgħu jkunu relatati ma' ċerti tradizzjonijiet u drawwiet legali, li jirriżultaw fil-mutilazzjoni ġenitali, pereżempju.

Id-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil riformulata[28] tagħmel il-proċeduri għall-asil sensittivi għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi. B'mod partikolari, i) l-applikanti femminili kollha se jingħataw il-possibbiltà li jaċċessaw il-proċedura tal-asil, biex il-każijiet tagħhom jiġu eżaminati individwalment u biex jirċievu protezzjoni effettiva jekk eliġibbli; ii) l-awtoritajiet responsabbli għandhom ikunu ppreparati b'mod xieraq biex jieħdu inkonsiderazzjoni l-kumplessità ta' talbiet relatati mas-sess tal-persuna; iii) l-applikanti femminili għandu jkollhom opportunità effettiva biex jiżvelaw l-esperjenzi personali tagħhom lill-awtoritajiet tal-asil f'ambjent sigur u kunfidenzjali u biex jibbenefikaw minn garanziji proċedurali vitali, bħal servizzi ta' interpretazzjoni u pariri legali; iv) vittmi ta' tortura jew ta' forom oħra severi ta' vjolenza sesswali, fiżika jew psikoloġika jiġu pprovduti b'biżżejjed ħin u appoġġ biex jippreparaw għal intervisti personali u passi kruċjali oħra fil-proċeduri.

Id-Direttiva riformulata dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza għal Dawk li Jfittxu Asil[29] tintroduċi kundizzjonijiet ta' akkoljenza speċifiċi għas-sess tal-persuna li se jkunu qed japplikaw ukoll għal dawk li jibżgħu mill-MĠF, jiġifieri: i) il-bżonnijiet speċjali tal-applikanti femminili vulnerabbli kollha se jkollhom bżonn jiġu identifikati b'mod f'waqtu; ii) dawk soġġetti għal atti ta' vjolenza serji għandu jkollhom aċċess għal servizzi ta' riabilitazzjoni biex jieħdu l-appoġġ psikoloġiku u mediku neċessarju; u iii) faċilitajiet ta' akkomodazzjoni għandhom ikunu sensittivi għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi.

Bħala għajnuna għal dawn il-miżuri amministrattivi, l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) jista' jippromwovi l-aħjar prattiċi u approċċ komuni dwar il-kwistjonijiet relatati mal-ġeneru, b'mod partikolari li jikkonċernaw it-taħriġ ta' persunal tas-servizz tal-asil u informazzjoni tal-pajjiż ta' oriġini.

Il-Fond Ewropew għar-Refuġjati u l-Fond għall-Migrazzjoni u l-Asil futur jipprovdu għal inċentivi finanzjarji għal Stat Membru biex jerġa' jissistema mill-ġdid (jittrasferixxi) kategoriji speċifiċi ta' nies, inklużi tfal u nisa f'riskju, għal dak l-Istat Membru fuq bażi volontarja.

Objettiv:

Il-garanzija ta' protezzjoni għan-nisa f'riskju ġewwa l-qafas leġiżlattiv tal-UE eżistenti dwar l-asil.

Azzjonijiet:

Il-Kummissjoni Ewropea se:

– tkompli tissorvelja t-traspożizzjoni f'waqtha u tirranġa l-implimentazzjoni tal-qafas leġiżlattiv tal-UE, filwaqt li tiggarantixxi protezzjoni għan-nisa f'riskju;

– tiżgura li l-għodda ta' taħriġ u l-informazzjoni tal-pajjiż ta' oriġini mfassla mill-EASO jinkludu dimensjoni tas-sessi, inklużi referenzi għall-MĠF, fejn rilevanti;

– tkompli tinkoraġġixxi l-Istati Membri biex jagħmlu użu mill-inċentivi finanzjarji pprovduti fl-istrumenti leġiżlattivi eżistenti biex iqajmu l-għarfien ta' professjonisti li jaħdmu fil-qasam tal-asil;

– tinkoraġġixxi l-Istati Membri biex ikomplu, jibdew jew iżidu l-użu tal-inċentivi finanzjarji għas-sistemazzjoni mill-ġdid ta' tfal u nisa f'riskju, inklużi dawk f'riskju ta' vjolenza bbażata fuq is-sess tal-persuna.

6. Il-promozzjoni globali tal-eliminazzjoni tal-MĠF

L-UE pparteċipat b'mod attiv f'kooperazzjoni internazzjonali biex tiġi promossa l-eliminazzjoni tal-MĠF għal ħafna snin. Fuq livell globali, l-UE kkontribwixxiet biex jiġu żviluppati impenji qawwija li jikkonvinċu l-pajjiżi kollha biex jipprojbixxu, jikkastigaw u jimpenjaw ruħhom biex jieħdu azzjoni xierqa biex jinbidlu n-normi soċjali li huma ta' bażi għall-MĠF. Pereżempju, hija appoġġat ir-Riżoluzzjoni tal-AĠNU dwar l-eliminazzjoni tal-MĠF[30] u fl-2012 ingħaqdet mal-grupp Afrikan fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU biex tagħti aktar saħħa biex jintlaħqu l-impenji fir-Riżoluzzjoni.

L-Unjoni Ewropea tippromwovi wkoll protezzjoni internazzjonali mtejba ta' nisa u bniet f'riskju ta' MĠF madwar id-dinja kollha fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi mhux fl-UE u fil-fora internazzjonali.

L-azzjoni tal-UE dwar l-MĠF barra mill-Ewropa hija msaħħa b'impenji ta' politika tal-UE speċifiċi u gwida (linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza kontra n-nisa, il-Qafas Strateġiku u Pjan ta' Azzjoni tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, Strateġiji tal-Pajjiżi tad-Drittijiet tal-Bniedem fejn l-MĠF hi prijoritizzata f'pajjiżi rilevanti). Il-prevenzjoni tal-MĠF hi wkoll inkluża bħala kwistjoni għal kooperazzjoni fil-qafas tal-Ftehim ta' Cotonou, l-aktar ftehim ta' sħubija komprensiv bejn l-UE u 79 pajjiż Afrikan, tal-Karibew u tal-Paċifiku. Barra minn hekk, il-kawżi fundamentali tal-MĠF huma indirizzati permezz tal-appoġġ tal-UE għal objettivi ta' żvilupp aktar wiesa' għall-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa, b'mod partikolari l-edukazzjoni tal-bniet u n-nisa, id-drittijiet umani tagħhom u s-saħħa sesswali u riproduttiva tagħhom.

Mill-2006 sal-2012, 17-il proġett li jindirizza l-MĠF fi 18-il pajjiż ibbenefika minn fondi tal-UE ta' madwar EUR 8 miljun, filwaqt li ġew appoġġati l-isforzi ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u gvernijiet, kif ukoll organizzazzjonijiet tan-NU, speċjalment l-UNICEF.

Ġeneralment, hemm tendenza pożittiva lejn l-abbandun gradwali tal-MĠF fit-28 pajjiż l-aktar affettwat. Sal-lum, 42 pajjiż għadda liġijiet li speċifikament jikkundannaw l-MĠF. Iż-żieda ta' ingaġġ b'saħħtu mill-gvernijiet konċernati kienet kruċjali f'dan ir-rigward. Organizzazzjonijiet reġjonali, partikolarment l-Unjoni Afrikana (UA), kellhom rwol prinċipali. Il-Protokoll tal-UA dwar id-drittijiet tan-nisa, ratifikat minn 33 pajjiż, jistipula li l-miżuri leġiżlattivi neċessarji kollha u miżuri oħra għandhom jittieħdu biex tiġi eradikata l-MĠF, inkluż il-qawmien tal-għarfien pubbliku, il-projbizzjoni permezz ta' miżuri leġiżlattivi msaħħa b'sanzjonijiet, u l-appoġġ għall-vittmi.

L-UE se tkompli tieħu azzjoni biex tippromwovi l-abbandun tal-MĠF, iggwidata minn prattiċi tajbin dokumentati dwar dak li hu l-aħjar biex jinkiseb progress. Se tibbaża l-azzjoni fuq avvanzi storiċi kif ukoll riċenti fil-konsensus globali dwar il-bżonn li tissaħħaħ id-determinazzjoni tal-komunità tad-dinja biex tintemm l-MĠF. Ir-rabta tal-MĠF mal-għotja tas-setgħa u l-edukazzjoni lill-bniet u n-nisa, mas-saħħa sesswali u riproduttiva tagħhom, u mal-prevenzjoni ta' żwieġ prematur, waqt li jkunu għadhom tfal u furzat uriet li tiffaċilita l-abbandun.

Objettiv:

Il-promozzjoni tal-eliminazzjoni dinjija tal-MĠF u t-tkabbir tal-protezzjoni għal nisa f'riskju f'pajjiżi barra mill-UE.

Azzjonijiet:

Il-Kummissjoni Ewropea u s-Servizzi Ewropej ta' Azzjoni Esterna se:

– jinkludu l-MĠF fi djalogi annwali tal-UE ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f'pajjiżi msieħba rilevanti;

– ifasslu nota ta' gwida lill-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-UE f'pajjiżi msieħba rilevanti dwar l-MĠF;

– jintegraw l-MĠF fit-taħriġ tad-drittijiet tas-sessi u tat-tfal għal persunal tal-UE li jaħdmu f'delegazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi affettwati;

– jappoġġjaw kampanja reġjonali dwar l-eliminazzjoni tal-MĠF;

– ikomplu jaħdmu mill-qrib mal-Unjoni Afrikana u l-grupp Afrikan fin-NU dwar inizjattivi ulterjuri biex tissaħħaħ il-ġlieda globali kontra l-MĠF;

– ikomplu jappoġġjaw il-promozzjoni għal leġiżlazzjoni nazzjonali mtejba dwar l-MĠF fejn ikun hemm bżonn;

– ikomplu jappoġġjaw inizjattivi tal-bini ta' kapaċità għal organizzazzjonijiet pubbliċi u tas-soċjetà ċivili;

– ikomplu jindirizzaw kwistjonijiet relatati mal-MĠF fi djalogi politiċi, tad-drittijiet umani u tal-politika ma' pajjiżi msieħba rilevanti oħra, inklużi dawk fejn is-saħħa hija settur ċentrali għall-kooperazzjoni;

– ikomplu jippromwovu wkoll protezzjoni internazzjonali mtejba ta' nisa u bniet f'riskju tal-MĠF madwar id-dinja kollha fir-relazzjonijiet tagħhom ma' pajjiżi mhux fl-UE u fil-fora internazzjonali.

7. Implimentazzjoni, monitoraġġ u evalwazzjoni

Biex jiġi żgurat progress rapidu u biex jintlaħqu l-objettivi ta' din il-Komunikazzjoni, grupp ad hoc tal-grupp tal-interservizz tal-Kummissjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi se jirrevedi, jevalwa u jissorvelja l-azzjonijiet f'din il-Komunikazzjoni u jirrapporta annwalment dwar il-miżuri implimentati. Sentejn wara li l-Komunikazzjoni tiġi adottata, il-Kummissjoni tevalwa l-miżuri stabbiliti u tiddeċiedi fuq segwitu.

Apparti dan il-monitoraġġ intern, il-Kummissjoni Ewropea se tikkonsulta ma' NGOs u esperti attivi f'dan il-qasam fuq bażi regolari. Fil-fatt, organizzazzjonijiet mhux governattivi kellhom u se jkompli jkollhom rwol ta' importanza kbira, billi jipproteġu l-bniet f'riskju, jipprovdu t-taħriġ lil professjonisti, iqajmu għarfien b'mod sensittiv fil-komunitajiet affettwati, jiżviluppaw għarfien, materjali u prattika tajba, ipoġġu l-kwistjoni fuq l-aġenda ta' min ifassal il-politika u jibnu pontijiet bejn l-Ewropa u l-pajjiżi ta' oriġini. Madwar l-UE, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jaffaċċjaw sfidi komuni u għandhom bżonn opportunitajiet biex jiskambjaw informazzjoni u prattika tajba, jiżviluppaw proġetti u metodi, kif ukoll jagħmlu evalwazzjoni bejn il-pari ta' xogħolhom.

Objettiv:

Jiġu implimentati l-azzjonijiet ippjanati fil-Komunikazzjoni u tiġi żgurata attenzjoni sostenibbli għall-kwistjoni.

Azzjonijiet:

Il-Kummissjoni Ewropea se:

– tissorvelja r-riżultati f'waqthom tal-azzjonijiet ippjanati f'din il-Komunikazzjoni u tieħu rendikont kull sena madwar is-6 ta' Frar, il-Jum Internazzjonali tat-toleranza żero tal-MĠF;

– tiffaċilita l-iskambju ta' esperjenzi u l-prattika tajba dwar kwistjonijiet tal-MĠF bejn NGOs u esperti;

– tinkuraġġixxi l-Presidenzi tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex ipoġġu l-MĠF fuq l-aġenda tal-laqgħat tal-Kapijiet Uffiċjali Mediċi tal-UE u l-Kapijiet Uffiċjali tal-Infermerija tal-UE;

– torganizza sessjoni ta' ħidma dwar l-MĠF bħala parti mill-Forum Ewropew tal-2013 dwar id-drittijiet tat-tfal;

– tpoġġi l-MĠF fuq l-aġenda tal-grupp espert informali tal-Istati Membri tal-2014 dwar id-drittijiet tat-tfal.

8. Konklużjoni

B'din il-Komunikazzjoni dwar l-MĠF, il-Kummissjoni Ewropea u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jtennu l-impenn tagħhom biex jikkumbattu l-vjolenza kontra n-nisa u jeliminaw l-MĠF kemm ġewwa u kemm barra l-UE, filwaqt li jirrikonoxxu li r-rabta bejn il-komunitajiet affettwati fl-UE u l-pajjiżi ta' oriġini tagħhom għandha bżonn tittieħed inkonsiderazzjoni.

L-UE se tkompli tqajjem il-kwistjoni fil-futur u se tappoġġa dawk li kienu impenjati b'mod attiv f'dan il-qasam għal ħafna snin, b'mod partikolari organizzazzjonijiet internazzjonali, Stati Membri u NGOs. L-UE se tkompli tiżviluppa politiki u timplimenta miżuri, filwaqt li żżomm f'moħħha li l-MĠF għandha aspetti multidimensjonali, li għandhom bżonn miżuri multidixxiplinari u kooperazzjoni mill-qrib mal-komunitajiet fejn tiġi prattikata.

[1]               Kif definit mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).

[2]               Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa, u l-Għoti ta' Servizzi ta' Appoġġ għall-Vittmi tal-Vjolenza Domestika adottati fis-6 ta' Diċembru 2012.

[3]               Ir-Riżoluzzjoni tal-AĠNU 67/146 adottata fl-20 ta' Diċembru 2012.

[4]               COM(2010) 491 finali.

[5]               Id-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi dwar id-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità.

[6]               COM(2011) 60 finali.

[7]               EIGE 2013. Mutilazzjoni Ġenitali Femminili fl-Unjoni Ewropea u l-Kroazja.

[8]               Uħud mill-attivisti ewlenin fid-dinja kontra l-MĠF kienu mistiedna għal mejda tonda fis-6 ta' Marzu 2013 sabiex jagħtu ħsibijiet u pariri. .

[9]               Ir-riżultati tal-konsultazzjoni huma disponibbli hanwhekk: http://ec.europa.eu/justice/newsroom/gender-equality/opinion/130306_en.htm.

[10]             http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/other-institutions/advisory-comittee.

[11]             UNICEF Female Genital Mutilation/Cutting: A Statistical Overview and Exploration of the Dynamics of Change, New York, 2013.

[12]             Il-Parlament Ewropew: Riżoluzzjoni dwar it-tmiem tal-mutilazzjoni ġenitali femminili mill-14/06/2012 (2012/2684(RSP)). Innota li mhux il-pajjiżi kollha għandhom stimi, u dawn l-istimi mhumiex neċessarjament komparabbli.

[13]             EIGE 2013, Mutilazzjoni ġenitali femminili fl-Unjoni Ewropea u l-Kroazja.

[14]             Sors: EIGE 2013 ħlief mill-Pajjiżi l-Baxxi: Exterkate2013 — Female Genital Mutilation in the Netherlands. Prevalence, incidence and determinants. Pharos — Centre of Expertise on Health for Migrants and Refugees.

[15]             Każijiet fil-qorti kriminali, inklużi kundanni, irreġistrati sa Jannar 2012.

[16]             EIGE 2012 — Studju biex tiġi traċċata s-sitwazzjoni u x-xejriet attwali tal-MĠF: rapporti tal-pajjiżi.

[17]             Il-persuna (ġeneralment mara) li twettaq l-MĠF.

[18]             Id-Deċiżjoni Nru 779/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 li tistabbilixxi għall-perjodu 2007-2013 programm speċifiku sabiex jipprevjeni u jikkumbatti l-vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa u sabiex jipproteġi l-vittmi u l-gruppi f’riskju (il-programm Daphne III) bħala parti mill-Programm Ġenerali Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja. Ara wkoll http://ec.europa.eu/justice/grants/programmes/daphne/

[19]             UNICEF 2013.

[20]             Skont il-WHO, l-infibulazzjoni hu l-proċess ta' tidjiq tal-fetħa vaġinali permezz tal-ħolqien ta' siġill li jgħatti. Is-siġill jiġi fformat billi jinqatgħu u jiġu pożizzjonati mill-ġdid il-labia ta' ġewwa jew ta' barra, bit-tneħħija jew mingħajr tal-klitoride. Il-fetħa vaġinali trid tinfetaħ mill-ġdid biex ikun hemm rapport sesswali u għat-twellid, proċedura magħrufa bħala "defibulazzjoni". F'ċerti każijiet, din tiġi segwita bir-reinfibulazzjoni

[21]             EIGE 2013.

[22]             COM(2011) 758 finali.

[23]             Riżoluzzjoni tal-AĠNU 67/146

[24]             BE, DK, IE, ES, IT, CY, AT, SE, UK u HR għandhom dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-MĠF.

[25]             Id-Direttiva 2012/29/UE

[26]             Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE dwar standards minimi biex ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni bla stat jikkwalifikaw għall-istatus bħala refuġjati jew bħala persuni li b’xi mod jinħtieġu ħarsien internazzjonali u l-kontenut tal-ħarsien li jingħata.

[27]             Id-Direttiva 2011/95/UE dwar standards għall-kwalifikazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija.

[28]             Id-Direttiva 2013/32/UE dwar il-proċeduri komuni għall-għotja u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali.

[29]             Id-Direttiva 2013/33/UE tistabbilixxi standards għall-akkoljenza ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali.

[30]             Riżoluzzjoni tal-AĠNU 67/146. .