52013DC0820

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-progress fl-Aġenda tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tas-Salvagwardji Proċedurali mogħtija lil Persuni Suspettati jew Akkużati - It-Tisħiħ tas-Sisien tal-Ispazju Ewropew għall-Ġustizzja Kriminali /* COM/2013/0820 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-progress fl-Aġenda tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tas-Salvagwardji Proċedurali mogħtija lil Persuni Suspettati jew Akkużati - It-Tisħiħ tas-Sisien tal-Ispazju Ewropew għall-Ġustizzja Kriminali

Hemm proverbju Ingliż magħruf ferm li jgħid li "il-ġustizzja mhux biss trid tiġi eżegwita, iżda trid tiġi eżegwita b'mod viżibbli" ("justice must not only be done, but be seen to be done"). Fl-ispazju Ewropew għall-ġustizzja, ir-riżultat naturali ta' dan il-proverbju huwa li ċ-ċittadini mhux biss irid ikollhom id-dritt għal proċess ġust fi kwalunkwe post fl-Unjoni Ewropea, iżda jrid ikollhom fiduċja fih ukoll meta jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jiċċaqalqu b'mod liberu fl-Unjoni Ewropea. Jeħtieġ ukoll li l-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Istati Membri jkunu jistgħu jafdaw fis-sistemi ta' ġustizzja ta' xulxin, biex ikunu jistgħu jaħdmu b'mod ġust.

Sabiex tiżviluppa dan l-ispazju ta' ġustizzja msejjes fuq ir-rikonoxximent reċiproku u l-fiduċja reċiproka, fil-Programm ta' Stokkolma[1], il-Kummissjoni ntalbet tressaq proposti dwar it-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali tal-persuni suspettati jew akkużati.[2] Dan il-mandat politiku, għal iffukar qawwi fuq it-tisħiħ tad-drittijiet taċ-ċittadini fil-proċeduri kriminali, sabiex jiġi ggarantit id-dritt għal proċess ġust mal-Unjoni Ewropea kollha, wassal biex ġiet stabbilita l-Aġenda tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet Proċedurali.

Il-pakkett attwali jkompli fuq programm leġiżlattiv ta' suċċess. Pass wara pass, sar ħafna progress u l-Unjoni Ewropea adottat tliet Direttivi dwar id-drittijiet proċedurali.

· Fl-2010, ġiet adottata Direttiva dwar id-dritt għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni fil-proċeduri kriminali, u din trid tiġi trasposta sas-27 ta' Ottubru 2013.[3] L-imputati se jiġu pprovduti b'servizz ta' interpretazzjoni mingħajr ħlas, mhux biss matul il-proċess iżda wkoll waqt l-interrogazzjoni tal-pulizija u għal laqgħat importanti mal-avukat tagħhom, u se jingħataw traduzzjoni bil-miktub tad-dokumenti meħtieġa għall-eżerċitar tad-dritt tagħhom għad-difiża.

· Imbagħad fl-2012, ġiet adottata Direttiva dwar id-dritt għall-informazzjoni fil-proċeduri kriminali, u din trid tiġi implimentata sat-2 ta' Ġunju 2014.[4] Il-persuni suspettati li jiġu arrestati għandhom dejjem jiġu pprovduti b'Ittra tad-Drittijiet miktuba b'lingwaġġ sempliċi ta' kuljum, li tkun tinkludi tagħrif dwar id-drittijiet tagħhom. Din se tiġi tradotta, jekk ikun meħtieġ.

· F'Ottubru 2013, ġiet adottata Direttiva dwar id-dritt ta' aċċess għal avukat u d-dritt li wieħed jikkomunika meta jiġi mċaħħad mil-libertà.[5] Din il-miżura tinsab fil-qalba tal-Aġenda dwar id-Drittijiet Proċedurali. Persuna kwalunkwe li tkun suspettata se tiġi ggarantita d-dritt li tikkonsulta ma' avukat mill-aktar stadji bikrija tal-proċeduri sa ma dawn jintemmu. Barra minn hekk, kull min jiġi miċħud mil-libertà għandu l-opportunità li jikkomunika mal-familja tiegħu u, jekk jiġi arrestat f'pajjiż ieħor tal-UE, li jikkomunika mal-konsolat.

Dawn id-Direttivi huma emblematiċi għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali taċ-ċittadini tal-UE. L-elementi l-ġodda li ġab miegħu t-Trattat ta' Lisbona fil-qasam tal-liġi kriminali, inklużi l-votazzjoni b'maġġoranza kkwalifikata fil-Kunsill u r-rwol tal-Parlament Ewropew bħala koleġiżlatur, wasslu għal dawn l-istrumenti pilota, li nħolqu bi sforz kollaborattiv bejn l-istituzzjonijiet.

Barra minn hekk, f'Ġunju 2011 ġiet ippubblikata Green Paper dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-ġustizzja kriminali fir-rigward tal-arrest, li tesplora r-rabtiet bejn l-arrest u l-fiduċja reċiproka fl-UE. Il-kundizzjonijiet ta' arrest jista' jkollhom impatt dirett fuq il-funzjonament mingħajr intoppi tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, billi kundizzjonijiet ta' arrest ta' standard baxx jistgħu jwasslu biex l-imħallef jirrifjuta li jċedi persuna mitluba pereż. fi proċeduri ta' Mandat ta' Arrest Ewropew.[6] Ir-risposti u analiżi ta' dawn ir-risposti ġew ippubblikati fuq il-websajt tal-Kummissjoni. Ġie konkluż illi, filwaqt li ż-żamma taħt arrest preventiv u l-promozzjoni ta' alternattivi għaliha huma kwistjonijiet importanti, mqajma mill-Istati Membri u mis-soċjetà ċivili, l-implimentazzjoni xierqa u f'waqtha tal-leġiżlazzjoni attwali tal-UE għandha l-prijorità.[7]

Din il-Komunikazzjoni tintroduċi pakkett ta' ħames miżuri legali biex isir żvilupp fuq l-Aġenda dwar id-Drittijiet Proċedurali u biex jissaħħu ulterjorment is-sisien tal-ispazju Ewropew għall-ġustizzja kriminali. Dan il-pakkett qed isir b'segwitu għall-adozzjoni riċenti ta' suċċess tat-tliet Direttivi dwar id-drittijiet proċedurali.

Huwa jikkonsisti fi tliet proposti għal Direttivi dwar:

(1) it-tisħiħ ta' ċerti aspetti tal-preżunzjoni ta' innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti fil-proċess matul il-proċeduri kriminali,

(2) salvagwardji speċjali għat-tfal suspettati jew akkużati fi proċeduri kriminali, u

(3) l-għajnuna legali provviżorja għall-persuni suspettati jew akkużati miċħuda mil-libertà u l-għajnuna legali fi proċeduri ta' Mandat ta' Arrest Ewropew.

Minħabba li l-miżuri meħuda jridu jkunu proporzjonali għall-għan tal-azzjoni tal-UE, hemm ukoll żewġ Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni:

(4) is-salvagwardji proċedurali għall-persuni vulnerabbli li jkunu suspettati jew akkużati fi proċeduri kriminali, u

(5) id-dritt għall-għajnuna legali għal persuni suspettati jew akkużati fil-preċeduri kriminali.

1.           Ir-raġunament wara l-azzjoni fil-livell tal-UE

· Il-bażi komuni: il-Karta tal-UE u l-KEDB

L-UE għandha tradizzjoni b'saħħitha ta' żvilupp u ta' promozzjoni tad-drittijiet fundamentali. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta tal-UE) u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) jiffurmaw il-bażi għall-protezzjoni tad-drittijiet ta' persuni suspettati jew akkużati fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali fl-Unjoni Ewropea. It-Trattat irendi l-Karta tal-UE legalment vinkolanti[8] u jipprovdi li l-Unjoni Ewropea se taderixxi mal-KEDB.[9] L-Istati Membri kollha huma firmatarji tal-KEDB. Id-dritt għal rimedju effettiv, id-dritt għal proċess ġust, id-dritt li wieħed jiġi preżunt innoċenti u d-dritt għad-difiża, stipulati fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tal-UE u fl-Artikolu 6 tal-KEDB, iridu jiġu sostnuti fl-ispazju tal-UE għall-ġustizzja. Dan ifisser li għad-drittijiet koperti f'dan il-pakkett hemm qafas legali sostanzjali li huwa rikonoxxut fl-Istati Membri.

Bidla fil-prijorità: il-konsolidazzjoni tas-sigurtà permezz tad-drittijiet proċedurali u tal-fiduċja reċiproka bħala rekwiżit għar-rikonoxximent reċiproku

Fid-deċennju qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-leġiżlazzjoni tal-UE kienet tikkonċentra fuq dak li tista' tagħmel biex tiffaċilita l-ġlieda kontra l-kriminalità, u dan irriżulta f'għadd impressjonanti ta' strumenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja u għar-rikonoxximent reċiproku sabiex jiġu mħarrka dawk li jikkommettu reat. L-aktar strument magħruf huwa d-Deċiżjoni Kwadru dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew, li jippermetti li l-persuni mitluba jiġu trasferiti malajr kemm jista' jkun minn Stat Membru għal ieħor. L-għan ewlieni tiegħu huwa li jiġi żgurat li l-moviment ħieles taċ-ċittadini minn fruntiera tal-UE għal oħra ma jfixkilx l-infurzar tal-liġi transfruntiera.

Dawn l-istrumenti tal-UE jippermettu lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali jirrikonoxxu reċiprokament, faċilment u minnufih il-miżuri ta' investigazzjoni u d-deċiżjonijiet punittivi kontra l-imputati mal-Unjoni Ewropea kollha. Huma jissoponu li t-talba tkun rikonoxxuta u eżegwita minħabba li kull Stat Membru għandu sistema ta' ġustizzja li tiggarantixxi, b'livell relattivament simili, id-drittijiet għal proċess ġust.

Is-sistema ta' rikonoxximent reċiproku tista' topera b'mod sodisfaċenti biss jekk l-Istati Membri jafdaw fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta' xulxin. Madankollu, il-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali tal-persuni suspettati u akkużati għadha tvarja b'mod sinifikanti bejn Stat Membru u ieħor. Din is-sitwazzjoni toħloq lakuni fil-kisba tal-fiduċja reċiproka meħtieġa bejn l-Istati Membri tal-UE. Sabiex timla dawn il-lakuni, l-Unjoni Ewropea trid tiżgura li l-Istati Membri kollha jirrispettaw livell minimu komuni ta' drittijiet proċedurali, u li dawn id-drittijiet jistgħu jiġu infurzati permezz tal-liġi tal-UE.

Huwa għalhekk li t-Trattat ta' Lisbona jippermetti li tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE fir-rigward tad-drittijiet tal-individwi fil-proċeduri kriminali, fl-Artikolu 82(2)(b) tat-TFUE. Dan huwa ppreċiżat ukoll fil-mandat li l-Kunsill Ewropew ta lill-Kummissjoni għall-perjodu 2010-2014: "...sar ħafna progress fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja fir-rigward tal-miżuri li jiffaċilitaw il-prosekuzzjoni. Issa huwa l-mument li tittieħed azzjoni biex jittejjeb il-bilanċ bejn dawn il-miżuri u l-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali tal-individwu. Jaqbel li jsiru sforzi biex jissaħħu l-garanziji proċedurali u r-rispett għall-istat tad-dritt fil-proċeduri kriminali, independentement minn fejn jiddeċiedu li jsiefru, jistudjaw, jaħdmu jew jgħixu ċ-ċittadini, fl-Unjoni Ewropea."[10]

· Il-fiduċja taċ-ċittadini fl-eżistenza ta' kundizzjonijiet indaqs fid-drittijiet proċedurali

Il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet għal proċess ġust tal-persuni suspettati jew akkużati għandha dimensjoni transfruntiera ċara. Madwar 14-il miljun ċittadin punt wieħed tal-UE jgħixu b'mod permanenti barra mill-pajjiż ta' oriġini tagħhom,[11] 10 % taċ-ċittadini tal-UE għexu jew kienu jaħdmu barra minn pajjiżhom għal xi żmien matul ħajjithom u 13 % marru barra minn pajjiżhom għal skopijiet edukattivi jew ta' taħriġ.[12] Billi n-nies qed jivvjaġġaw u jiċċaqalqu kontinwament minn fruntiera għal oħra fl-Unjoni Ewropea u jirriskjaw jiġu involuti fi proċeduri kriminali barra minn pajjiżhom stess, l-Unjoni Ewropea trid tiżgura li jkun hemm kundizzjonijiet indaqs fir-rigward tad-drittijiet proċedurali fil-proċeduri kriminali.

2.           Wasal il-mument li jittieħdu miżuri maħsuba sew biex isir progress fir-rigward tal-Aġenda tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet Proċedurali

· Għalfejn għandha tittieħed azzjoni ulterjuri fil-livell tal-UE?

Hekk kif jiġu implimentati mill-Istati Membri, id-Direttivi dwar id-drittijiet proċedurali li ġew adottati riċentement se jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati jibbenefikaw minn firxa wiesgħa ta' garanziji essenzjali. Iżda jeħtieġ li l-Aġenda dwar id-Drittijiet Proċedurali tiġi msaħħa.

· Il-persuni suspettati jew akkużati se jiġu mgħarrfa minnufih li għandhom id-dritt li jibqgħu siekta, iżda x'jiġri jekk jagħmlu użu minn dan id-dritt? F'ċerti Stati Membri, l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu jikkunsidraw dan is-skiet bħala konferma ta' kwalunkwe evidenza li jkun hemm kontra l-persuna kkonċernata. Id-drittijiet għal proċess ġust iridu jserrħu fuq bażi soda u trid tiġi żgurata l-protezzjoni tal-preżunzjoni ta' innoċenza mal-UE kollha.

· Dawk li ma jistgħux jitkellmu jew li ma jifhmux il-lingwa użata fil-proċeduri kriminali, se jiġu pprovduti b'servizzi ta' interpretazzjoni jew ta' traduzzjoni, iżda x'jiġri minn dawk li pereżempju, minħabba li jkunu għadhom żgħar jew li jkollhom diżabbiltà mentali, ma jkunux jistgħu jsegwu u jipparteċipaw kif suppost fil-proċeduri kriminali? Id-Direttivi tal-UE eżistenti dwar is-salvagwardji għall-persuni suspettati u akkużati japplikaw ukoll għat-tfal. Madankollu, minħabba l-vulnerabbiltà inerenti tagħhom, il-partijiet interessati u l-Istati Membri jirrikonoxxu b'mod ġenerali li, it-tfal jeħtieġu protezzjoni speċifika aktar intensa; pereżempju, assistenza obbligatorja minn avukat jekk ikollhom jiffaċċjaw il-pulizija jew is-sistema tal-ġustizzja kriminali.[13] Preżentament, id-drittijiet għal proċess ġust tat-tfal u tal-persuni vulnerabbli mhumiex garantiti biżżejjed fl-UE - ma teżistix protezzjoni wiesgħa. Il-Programm ta' Stokkolma jipprevedi espliċitament li għandha tiġi adottata miżura speċifika li tipprovdi regoli minimi komuni għall-persuni vulnerabbli. Regoli minimi bħal dawn se jsaħħu l-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistema tal-ġustizzja kriminali ta' Stati Membri oħrajn u b'hekk se jgħinu biex ikun hemm titjib fir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet li jittieħdu fi kwistjonijiet kriminali. Jinħtieġu salvagwardji speċjali biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tat-tfal u tal-persuni vulnerabbli matul il-proċeduri kriminali.

· Id-Direttiva dwar id-dritt ta' aċċess għal avukat tagħti lil kwalunkwe persuna suspettata jew akkużata, id-dritt għal avukat mill-aktar stadji bikrija tal-proċeduri, u pereż. meta tiġi interrogata mill-pulizija. Iżda x'jiġri jekk dawn il-persuni ma jkunux jifilħu jħallsu għal avukat? Dawn tkun trid tingħatalhom għajnuna legali sabiex jaċċertaw ruħhom li d-dritt tagħhom ta' aċċess għal avukat jiġi rrispettat.

· Il-ħtieġa ta' azzjoni bbilanċjata

Il-Kummissjoni qed tippreżenta pakkett ibbilanċjat ta' miżuri li jikkunsidra u jirrispetta d-differenzi bejn it-tradizzjonijiet u s-sistemi legali tal-Istati Membri, kif stipulat fl-Artikolu 82(2) tat-TFUE, u li jfittex li jrawwem fiduċja reċiproka filwaqt li jirrispetta l-prinċipju ta' proporzjonalità (l-Artikolu 5 tat-TUE). Kull element ġie vvalutat bir-reqqa biex jiġi deċiż jekk għandhiex tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE, u jekk iva, f'liema livell u b'liema forma għandha tkun, inklużi l-ispejjeż potenzjali għall-Istati Membri. Huwa partikolarment evidenti li jrid ikun hemm kawtela fi żminijiet ta' konsolidazzjoni tat-taxxa, meta jeħtieġ li jiġu vvalutati bir-reqqa l-implikazzjonijiet finanzjarji. Din hija r-raġuni għalfejn, pereżempju fil-qasam tal-għajnuna legali, il-Kummissjoni, fil-pakkett ta' miżuri, ma tipproponi l-ebda parametru legalment vinkolanti għall-ittestjar tal-eliġibbiltà għall-għajnuna legali f'Direttiva. L-ispejjeż li jġarrbu l-Istati Membri biex jipprovdu għajnuna legali proviżorja u għajnuna legali fi proċeduri ta' Mandat ta' Arrest Ewropew se jkunu limitati.

· Perspettiva usa': is-salvagwardji proċedurali u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

Dan il-pakkett se jikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ tas-salvagwardji legali għall-individwi fil-proċeduri li jsiru mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. Il-proposta ppreżentata dan l-aħħar għal Regolament tal-Kunsill[14] tikkjarifika li persuna suspettata għandha d-drittijiet kollha rikonoxxuti mil-leġiżlazzjoni tal-UE, mill-Karta tal-UE u mil-liġi nazzjonali applikabbli, u tirreferi b'mod espliċitu għad-dritt għall-għajnuna legali u għad-dritt li wieħed ikun preżunt innoċenti. L-introduzzjoni tat-tisħiħ tad-drittijiet se tirrinforza s-salvagwardji proċedurali li japplikaw għall-proċeduri mmexxija mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u se trawwem il-fiduċja pubblika fil-funzjonament tajjeb ta' dan l-Uffiċċju.

3.           L-elementi prinċipali tal-proposta

3.1.        Sisien b'saħħithom għad-drittijiet għal proċess ġust - il-preżunzjoni ta' innoċenza

· Il-preżunzjoni ta' innoċenza — prinċipju fundamentali tal-ġustizzja

Il-prinċipju li l-imputati jkunu preżunti innoċenti sakemm jinstabu ħatja minn qorti f'sentenza finali u li l-prosekuzzjoni hija dik li trid tipprova l-ħtija tagħhom huwa wieħed mill-aktar prinċipji qodma u importanti fil-proċeduri kriminali, u dan jinsab inkorporat fl-istrumenti internazzjonali u reġjonali ewlenin kollha tad-drittijiet tal-bniedem. Ispirat mill-Artikolu 6(2) tal-KEDB, u mill-Artikolu 11(1) tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Artikolu 48(1) tal-Karta tal-UE jiddikjara li: "Kull imputat għandu jkun preżunt innoċenti sakemm jinstab ħati skont il-liġi".

Matul is-snin, il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) iċċarat il-kamp ta' applikazzjoni tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta' innoċenza. L-Artikolu 6(2) tal-KEDB jinkorpora tliet kwistjonijiet ewlenin:[15] id-dritt li persuna ma ssirx referenza għaliha bħala ħatja mill-awtoritajiet pubbliċi qabel ma tingħata s-sentenza finali,[16] il-fatt li l-oneru tal-prova jaqa' fuq il-prosekuzzjoni u li kull dubju raġjonevoli dwar il-ħtija tal-persuna mħarrka għandu jkun ta' vantaġġ għall-akkużat,[17] u d-dritt li persuna tiġi infurmata bl-akkuża li tkun saret kontra tagħha.[18] Il-preżunzjoni ta' innoċenza hija prerekwiżit essenzjali għal proċess ġust u l-QEDB iddikjarat li ksur tal-preżunzjoni ta' innoċenza jdgħajjef id-dritt għal proċess ġust.[19] Dan b'mod partikolari japplika għad-dritt li wieħed ma jinkriminax lilu nnifsu, id-dritt li wieħed ma jikkooperax u d-dritt li wieħed jibqa' sieket.[20]

Id-dritt li wieħed jiġi preżunt innoċenti jinkorpora ħtiġijiet u livelli differenti ta' protezzjoni fir-rigward ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, kif rikonoxxut mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dritt li wieħed ma jinkriminax lilu nnifsu.[21] Il-proposta għal Direttiva tieħu inkunsiderazzjoni dawn id-differenzi u għaldaqstant tapplika biss għall-persuni fiżiċi.

· Il-preżunzjoni ta' innoċenza bħala l-pedament u s-siment tad-drittijiet stipulati fid-Direttivi dwar id-drittijiet proċedurali

Id-drittijiet għal proċess ġust imsemmija fl-istrumenti tal-UE eżistenti, inklużi d-dritt li wieħed jiġi infurmat, id-dritt li wieħed ikun jista' jifhem u jsegwi l-proċeduri u d-dritt ta' aċċess għal avukat, għaldaqstant jikkumplimentaw il-preżunzjoni ta' innoċenza, u huma essenzjali daqs din tal-aħħar biex jiġu żgurati proċess ġust u l-fiduċja reċiproka.

Il-Programm ta' Stokkolma stieden lill-Kummissjoni biex teżamina elementi ulterjuri tad-drittijiet proċedurali minimi għall-persuni suspettati jew akkużati, u semma, b'mod partikolari, il-preżunzjoni ta' innoċenza. F'Direttiva li tirrigwarda ċerti aspetti tal-preżunzjoni ta' innoċenza fil-proċeduri kriminali, il-Kummissjoni tipproponi li jissaħħu dawk l-aspetti li huma marbuta mill-qrib u li huma indispensabbli biex id-drittijiet proċedurali u l-istrumenti ta' rikonoxximent reċiproku jaħdmu f'atmosfera ta' fiduċja reċiproka. Hija se tkompli trawwem, fost il-professjonisti, kultura li tillimita li wieħed jirrikorri għal ċerti miżuri bħalma hija ż-żamma taħt arrest preventiv.

· It-tisħiħ ta' ċerti aspetti tad-dritt li wieħed jiġi preżunt innoċenti fil-livell tal-UE

Id-Direttiva proposta tiffoka fuq ċerti aspetti tal-preżunzjoni ta' innoċenza li tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-QEDB, u fuq fejn hemm il-ħtieġa li jiġu stabbiliti standards minimi komuni biex tiġi żgurata l-fiduċja reċiproka. Din isservi ta' bażi soda għal strumenti ta' drittijiet proċedurali oħra li diġà ġew adottati jew li qed jiġu proposti flimkien ma' din id-Direttiva.

Barra minn hekk, minħabba li d-dritt li l-persuna akkużata tkun preżenti matul il-proċess huwa dritt essenzjali għad-difiża u minħabba li jagħmel parti mid-dritt għal proċess ġust, skont kif interpretat mill-QEDB,[22] it-tisħiħ ta' dan id-dritt se jikkontribwixxi biex jiġi rinfurzat id-dritt għal proċess ġust, u huwa indirizzat ukoll fil-proposta.

Il-livell ta' salvagwardji fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri huwa, b'mod ġenerali, aċċettabbli u jidher li ma hemm l-ebda problema sistematika f'dan il-qasam. Madankollu, għad iridu jissaħħu s-salvagwardji legali fuq ċerti aspetti. Barra minn hekk, il-ksur tal-preżunzjoni ta' innoċenza għadu jseħħ wisq ta' spiss madwar l-Unjoni Ewropea.

(a) Ma jkunx hemm akkużi pubbliċi qabel ma tingħata l-kundanna

Stqarrija pubblika min-naħa tal-pulizija jew tal-awtoritajiet ġudizzjarji li tagħti x'jifhem li persuna li tkun għadha ma ġietx ikkundannata, hija ħatja, tħammeġ ir-reputazzjoni ta' dik il-persuna u tista' tinfluwenza lill-ġurija jew lill-qorti li tkun qed tiddeċiedi dwar il-kawża.

B'konformità mal-ġurisprudenza tal-QEDB,[23] id-Direttiva tistabbilixxi bi prinċipju strett li, qabel ma tingħata l-kundanna finali, kwalunkwe deċiżjoni u dikjarazzjoni uffiċjali magħmula pereżempju mill-pulizija u mill-awtoritajiet ġudizzjarji, ma għandhiex tippreżenta lill-persuna suspettata jew akkużata bħala li hija ħatja. B'hekk hija tħares ir-reputazzjoni u l-privatezza ta' dawk li jkunu qed jiffaċċjaw proċeduri kriminali.

(b) L-oneru tal-prova - kwalunkwe dubju dwar il-ħtija għandu jkun ta' vantaġġ għall-persuna suspettata jew akkużata

Fil-proċeduri kriminali, l-oneru tal-prova għandu jaqa' fuq il-prosekuzzjoni u kwalunkwe dubju dwar il-ħtija għandu jkun ta' vantaġġ għall-persuna suspettata jew akkużata, bla ħsara għall-indipendenza tal-ġudikatura matul il-valutazzjoni tal-ħtija tal-persuna suspettata jew akkużata. Il-ġudikatura għandha tibbaża s-sentenza tagħha fuq ix-xhieda li titressaq quddiemha u mhux fuq allegazzjonijiet jew suppożizzjonijiet. Madankollu, il-QEDB aċċettat li f'każijiet speċifiċi u limitati, l-oneru tal-prova jista' jaqa' fuq id-difiża, u d-Direttiva se tieħu inkunsiderazzjoni dan l-istandard, filwaqt li żżomm bilanċ bejn l-interess pubbliku fl-effikaċja tal-prosekuzzjoni u d-drittijiet tad-difiża. [24]

(c) Id-dritt li wieħed jibqa' sieket - bla sfurzar biex wieħed jinkrimina lilu nnifsu jew jikkoopera

Id-dritt li wieħed jibqa' sieket, id-dritt li ma jinkriminax lilu nnifsu u d-dritt li ma jikkooperax huma "b'mod ġenerali, rikonoxxuti bħala standards internazzjonali li jinsabu fil-qalba tal-kunċett ta' proċess ġust."[25] Dawn jiggarantixxu li persuna suspettata jew akkużata ma tistax tiġi sfurzata, bla bżonn, biex tipproduċi xhieda - fatt illi jkun imur kontra l-prinċipju li l-oneru tal-prova jaqa' fuq il-prosekuzzjoni.

Id-Direttiva proposta, mhux biss tappoġġja dawn il-prinċipji b'rispett lejn il-persuni fiżiċi, iżda tipprevedi wkoll rimedju speċifiku. Kwalunkwe xhieda li tkun inkisbet permezz ta' ksur ta' wieħed minn dawn id-drittijiet, tiġi eskluża, minbarra f'każijiet eċċezzjonali fejn l-użu ta' tali xhieda ma jkun jippreġudika l-ġustizzja ġenerali tal-proċeduri.

(d) Id-dritt li wieħed ikun preżenti fil-proċess - standard minimu komuni u rimedju

Jekk persuna suspettata jew akkużata tiġi ġġudikata in absentia, jiġifieri, ma tkunx preżenti fil-proċess, id-dritt għad-difiża jkun ipperikolat: l-imputat b'hekk jiġi miċħud mill-opportunità li jagħti l-verżjoni tiegħu tal-fatti fil-qorti, u li jikkontesta x-xhieda.

Id-Deċiżjoni Qafas 2009/299/ĠAI[26] tejbet il-protezzjoni li diversi strumenti oħra tal-UE dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji joffru lil tali imputati, b'konformità mal-istandards tal-QEDB,[27] billi stabbilixxiet raġuni possibbli għal ċaħda f'każ ta' kooperazzjoni ġudizzjarja, jekk ċerti standards minimi komuni ma jkunux ġew rispettati.

Konsegwentement id-Direttiva proposta tieħu d-dritt fundamentali tal-persuna akkużata li tkun preżenti waqt il-proċess, skont kif stabbilit mill-QEDB, u tagħmlu standard minimu tal-UE li jkun applikabbli anke fi proċeduri kriminali domestiċi. Huwa soġġett għal eċċezzjonijiet limitati ħafna, biex jiġi żgurat li l-ġustizzja ma tiħux iktar żmien milli jmissha minħabba imputati li jkunu qed jaġixxu in mala fede. Rimedju konkret fl-għamla ta' proċess mill-ġdid huwa previst, hekk kif stabbilit mill-QEDB[28], f'kawżi fejn id-dritt li wieħed ikun preżenti fil-proċess ma jkunx ġie rispettat.

3.2.        Il-protezzjoni għal dawk li l-aktar għandhom bżonnha - salvagwardji speċjali għall-persuni vulnerabbli

· Min jeħtieġ il-protezzjoni speċjali, u għalfejn?

Il-Programm ta' Stokkolma jenfasizza l-ħtieġa li fil-proċeduri kriminali jissaħħu d-drittijiet tal-individwi li huma vulnerabbli: "huwa importanti li tingħata attenzjoni speċjali lil persuni suspettati jew akkużati li ma jistgħux jifhmu jew isegwu l-kontenut jew it-tifsira tal-proċedimenti, minħabba pereżempju l-età tagħhom, il-kondizzjoni mentali jew fiżika."[29]

L-istandards internazzjonali u l-ġurisprudenza tal-QEDB jirrikonoxxu l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom. Persuna tista' tkun vulnerabbli għax ma tkunx tista' tipparteċipa b'mod effettiv fil-proċeduri kriminali: "'il-parteċipazzjoni effettiva' f'dan il-kuntest tassumi li l-persuna akkużata għandha fehim wiesa' tan-natura tal-andament tal-proċess u ta' x'inhuma r-riskji tagħha, inkluż is-sinifikat ta' kwalunkwe penali li jistgħu jiġu imposti."[30]

It-tfal jitqiesu bħala vulnerabbli billi, skont id-definizzjoni, ikunu għadhom żgħar fl-età,  ma jkunux għadhom żviluppaw totalment kemm fiżikament kif ukoll psikoloġikament u għax ikunu immaturi emozzjonalment.[31] It-tfal jirriskjaw li jiġu ttrattati ħażin u li jkollhom problemi ta' saħħa aktar minn persuni suspettati jew akkużati oħra; u għandu mnejn ma jkunux kapaċi jesprimu sew id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom jew il-problemi ta' saħħa li jkollhom. Għalhekk l-Istati Membri kollha jqisu li fil-proċeduri kriminali t-tfal jirrikjedu salvagwardji u protezzjoni speċjali.

Is-sitwazzjoni hija differenti għall-adulti. Ir-raġunijiet għalfejn adult ma jistax jipparteċipa b'mod effettiv fil-proċeduri jistgħu jkunu diversi, pereżempju, mard mentali jew diżabilità fiżika jew diffikultajiet fit-trawwim. Fl-Istati Membri tal-UE, ma hemm l-ebda definizzjoni standard ta' min huwa meqjus bħala adult vulnerabbli fil-proċeduri kriminali.

· Direttiva li tiffoka fuq salvagwardji kruċjali għat-tfal

It-tliet Direttivi dwar id-Drittijiet Proċedurali li diġà ġew adottati, japplikaw għall-persuni suspettati jew akkużati kollha, inklużi t-tfal. Madankollu, anke jekk dawn jipprevedu ċerti salvagwardji speċifiċi għat-tfal, ma jieħdux inkunsiderazzjoni biżżejjed il-ħtiġijiet speċifiċi li jista' jkollhom, pereż. li jsibuha bi tqila jew impossibbli li jifhmu u jsegwu l-proċeduri u r-riskju akbar ta' trattament ħażin minħabba l-vulnerabbiltà tagħhom.

Id-Direttiva proposta se tiżgura li:

· is-salvagwardji proċedurali japplikaw għat-tfal mill-mument li fih jiġu suspettati jew akkużati li jkunu kkommettew reat (il-kamp ta' applikazzjoni);

· meta jiġu arrestati, it-tfal jiġu assistiti mill-ġenituri tagħhom jew minn persuni oħra adegwati, u li kemm it-tfal u kemm il-ġenituri tagħhom jiġu infurmati bid-drittijiet tagħhom;

· it-tfal ma jistgħux jirrinunzjaw għad-dritt li jiġu assistiti minn avukat, billi jkun hemm riskju kbir li ma jifhmux il-konsegwenzi tal-azzjonijiet tagħhom; l-aċċess obbligatorju għal avukat huwa l-miżura ewlenija tad-Direttiva proposta;

· is-sitwazzjoni personali tagħhom u ta' familthom u l-ħtiġijiet tagħhom jiġu vvalutati qabel ma tingħata' s-sentenza u li t-tfal issirilhom eżaminazzjoni medika jekk jiġu miċħuda mil-libertà; li matul il-proċeduri kollha, l-interrogazzjoni ssir taħt ċirkostanzi li jqisu l-età tat-tifel/tifla kkonċernat(a) u l-livell ta' maturità tiegħu/tagħha u li ssir reġistrazzjoni awdjoviżiva tal-interrogazzjoni mill-pulizija, sakemm dan ma jkunx proporzjonali;

· it-tfal ma jistgħux jiġu ġġudikati jekk ma jkunux preżenti; dan biex jiġi żgurat li t-tfal ma jinstabux ħatja mingħajr ma jkollhom l-opportunità li jikkontestaw ir-raġunijiet wara tali kundanna, u li jifhmu x'inhuma r-raġunijiet li għalihom jistgħu jinstabu ħatja, bil-għan li jiġi evitat li jerġgħu jitwettqu reati mit-tfal u li titrawwem l-integrazzjoni soċjali.

· l-awtoritajiet ġudizzjarji li jieħdu ħsieb lil dawn it-tfal jingħataw taħriġ speċjalizzat; li l-privatezza tat-tfal tiġi protetta sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà, pereż. billi jiġi żgurat li, fil-prinċipju, il-proċeduri li jinvolvu t-tfal ma jkunux miftuħa għall-pubbliku;

· it-tfal jiġu miċħuda mil-libertà biss f'każ li ma jkunx hemm għażla oħra, u li t-tfal jinżammu taħt arrest separatament mill-adulti.

L-istandards internazzjonali jindikaw li t-tfal li jkollhom jiffaċċjaw is-sistema tal-ġustizzja kriminali, għandhom jibbenefikaw minn miżuri alternattivi ta' priġunerija u minn miżuri ta' edukazzjoni, u għandhom jiġu miċħuda mil-libertà biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali. It-tfal ikunu f'pożizzjoni partikolarment vulnerabbli meta jiġu miċħuda mil-libertà minħabba r-riskji inerenti għall-iżvilupp fiżiku, mentali u soċjali tagħhom. Sabiex jiġu evitati t-trattament ħażin u l-abbuż f'każ ta' ċaħda mil-libertà, għandhom jiġu previsti ċerti miżuri ta' protezzjoni. Minħabba dawn il-ħtiġijiet speċifiċi tat-tfal, id-Direttiva fiha regoli speċjali dwar it-trattament speċifiku tat-tfal f'każ ta' ċaħda mil-libertà.

Għaldaqstant id-Direttiva se tippromwovi d-drittijiet tat-tfal, filwaqt li żżomm f'moħħha l-linji gwidi u r-rakkomandazzjonijiet internazzjonali dwar il-ġustizzja adattata għat-tfal, u tifforma parti mill-Aġenda tal-UE għad-Drittijiet tat-Tfal.[32] Id-Direttiva mhux se taffettwa r-regoli nazzjonali li jiddeterminaw ir-responsabbiltà kriminali[33].

· Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li tiżgura li l-persuni vulnerabbli jiġu rikonoxxuti u li l-ħtiġijiet tagħhom jiġu kkunsidrati

F'dan l-istadju, għadu mhux possibbli jiġi definit għalfejn xi persuni jistgħu jitqiesu bħala vulnerabbli fil-proċeduri kriminali - apparti minħabba l-età żgħira - kwalunkwe definizzjoni tista' saħansitra tiġi kkritikata li qed tistigmatizza lill-persuni kkonċernati. Din kienet il-konklużjoni li ħarġet mid-diversi konsultazzjonijiet u laqgħat li saru mal-partijiet interessati u mal-Istati Membri.

Madankollu, fl-istess ħin, il-partijiet interessati, b'mod ġenerali jirrikonoxxu li ċertu persuni għandhom bżonn ta' salvagwardji speċjali fil-proċeduri kriminali biex jiġi żgurat li jkunu qed jifhmu d-drittijiet tagħhom u jeżerċitawhom. Jekk persuna ma tifhimx xi jkun għaddej fil-proċeduri jew il-konsegwenzi ta' ċertu azzjonijiet bħal meta tammetti l-ħtija, jew għax il-vulnerabbiltà tagħha ma tkunx ġiet identifikata jew għax is-salvagwardji speċjali ma jkunux qed jitħaddmu, dan iwassal għal nuqqas ta' "parità tal-armi", li jnaqqsilha l-possibbiltà li jkollha proċess ġust u jkun ta' theddida għall-integrità tal-proċess ġudizzjarju kollu. Jekk ma titteħidx azzjoni fil-livell tal-UE, jibqa' jippersisti livell żbilanċat ta' protezzjoni mal-UE kollha. Għalhekk, Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li trawwem id-drittijiet ewlenin tal-persuni vulnerabbli fil-proċeduri kriminali, hija l-uniku approċċ ibbilanċjat li jlaqqa' flimkien il-kunsiderazzjonijiet ta' proporzjonalità u sussidjarjetà u l-ħtieġa li jissaħħaħ il-livell ta' protezzjoni għall-persuni vulnerabbli.

· Fil-qalba tar-Rakkomandazzjoni hemm it-tfassil ta' mekkaniżmi ta' valutazzjoni biex jiġi żgurat li, fil-proċeduri kriminali, il-persuni vulnerabbli jkunu identifikati u rikonoxxuti u li l-ħtiġijiet speċjali tagħhom jiġu ssodisfati. Huwa rrakkomandat li l-valutazzjoni titwettaq minn espert indipendenti, sabiex jiġi żgurat li l-grad ta' vulnerabbiltà jiġi kkonfermat kif xieraq u li l-ħtiġijiet speċifiċi tal-persuna jiġu rikonoxxuti.

· Jiġu stabbiliti s-salvagwardji adegwati għall-persuni vulnerabbli: ir-Rakkomandazzjoni tistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw salvagwardji konkreti skont dak li jkun irriżulta mill-valutazzjoni, bħall-aċċess obbligatorju għal avukat, l-assistenza minn persuna terza adegwata, ir-reġistrazzjoni awdjoviżiva tal-interrogazzjoni tal-pulizija u l-assistenza medika.

Filwaqt li r-Rakkomandazzjoni tagħti lill-Istati Membri iktar flessibbiltà minn Direttiva, hija xorta waħda tikkontribwixxi biex jogħlew l-istandards dwar id-drittijiet proċedurali tal-adulti vulnerabbli u biex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka. Il-Kummissjoni se tivvaluta sa fejn l-Istati Membri ħadu miżuri biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni erba' snin wara li tiġi ppubblikata u, jekk ikun meħtieġ, se tipproponi miżuri leġiżlattivi biex jissaħħu d-drittijiet proċedurali tal-persuni vulnerabbli.

3.3.        Dritt effettiv ta' aċċess għal avukat - id-dritt għall-għajnuna legali

Abbażi tal-Artikolu 6(3)(c) tal-KEDB, l-Artikolu 47(3) tal-Karta tal-UE jiddikjara li "Għandha tingħata għajnuna legali lil dawk li ma jkollhomx mezzi biżżejjed, fil-każijiet fejn din l-għajnuna hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja."

Id-dritt għall-għajnuna legali huwa marbut intrinsikament mad-dritt ta' aċċess għal avukat. Għall-persuni li ma jkollhomx mezzi biex iħallsu, l-aċċess għal avukat ma jkunx effettiv ħlief jekk l-Istat jipprovdilhom l-għajnuna legali biex tiġi żgurata l-assistenza legali. Għaldaqstant, sabiex id-dritt ta' aċċess għal avukat ikun effettiv, u biex tissaħħaħ ulterjorment il-fiduċja reċiproka fl-Unjoni Ewropea, l-għajnuna legali trid tkun disponibbli għal dawk li jeħtiġuha.

Direttiva li tiffoka fuq ċerti aspetti tad-dritt għall-għajnuna legali

· Il-garanzija ta' għajnuna legali biex ikun hemm aċċess għal avukat meta jkun meħtieġ l-aktar - "l-għajnuna legali proviżorja"

Il-persuna suspettata jew akkużata tkun partikolarment vulnerabbli fl-istadji bikrija tal-proċeduri, speċjalment jekk tiġi miċħuda mil-libertà. L-aċċess għal avukat f'dawn l-istadji huwa ta' importanza kbira biex jiġu protetti d-drittijiet għal proċess ġust, inkluż id-dritt li wieħed ma jinkriminax lilu nnifsu, kif stipulat fil-ġurisprudenza tal-KEDB. L-Artikolu 6 tal-KEDB jirrikjedi li, bħala regola, il-persuni suspettati jew akkużati jingħataw aċċess għall-assistenza legali minn meta jittieħdu fil-kustodja tal-pulizija jew miż-żamma taħt arrest preventiv, u li jekk ikun hemm bżonn, din l-assistenza tingħata b'mod uffiċjali. Sabiex jingħataw aċċess għal avukat ma għandhomx joqogħdu jistennew li l-applikazzjoni tagħhom għall-għajnuna legali tiġi pproċessata u li l-eliġibbiltà tagħhom tiġi vvalutata.

Għalhekk, id-Direttiva proposta dwar id-dritt għall-għajnuna legali tipprevedi aċċess għall-għajnuna legali proviżorja għall-persuni suspettati jew akkużati li jkunu miċħuda mil-libertà, f'dawn l-istadji bikrija tal-proċeduri u sakemm l-awtorità kompetenti tkun ħadet id-deċiżjoni finali tagħha dwar l-applikazzjoni għall-għajnuna legali.

· Tingħata attenzjoni partikolari lil dawk li huma soġġetti għall-proċeduri ta' Mandat ta' Arrest Ewropew

Id-Direttiva dwar l-aċċess għal avukat tipprevedi d-dritt li wieħed ikollu rappreżentanza legali doppja fil-proċeduri ta' Mandat ta' Arrest Ewropew, jiġifieri kemm fl-Istati Membri ta' eżekuzzjoni kif ukoll f'dawk emittenti, bil-għan li tingħata spinta lill-fiduċja reċiproka mal-Unjoni Ewropea kollha. Madankollu, sabiex dan ikun effettiv, jeħtieġ li jiġi garantit l-aċċess għall-għajnuna legali fil-proċeduri ta' Mandat ta' Arrest Ewropew.

Il-persuni mfittxija fil-qafas ta' Mandat ta' Arrest Ewropew jridu jgawdu wkoll mid-dritt għall-għajnuna legali proviżorja meta jiġu miċħuda mil-libertà fl-Istat Membru ta' eżekuzzjoni, mingħajr ma joqogħdu jistennew, biex jingħataw parir legali, li tiġi indirizzata l-applikazzjoni tagħhom għall-għajnuna legali.

Rakkomandazzjoni dwar xi kwistjonijiet ulterjuri li jikkonċernaw l-għajnuna legali fil-proċeduri kriminali

· Lejn konverġenza akbar fil-kriterji involuti biex jingħata d-dritt għall-għajnuna legali

Skont l-Artikolu 47(3) tal-Karta tal-UE u l-Artikolu 6(3)(c) tal-KEDB, l-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw jekk persuna li ma jkollhiex biżżejjed mezzi (it-"test tal-mezzi"), għandhiex dritt għall-għajnuna legali jew le, u/jew jekk l-interessi tal-ġustizzja jirrikjedux li tingħata l-għajnuna legali, pereżempju f'kawża kumplessa jew minħabba s-sitwazzjoni personali tal-persuna suspettata, il-gravità tar-reat jew is-severità tal-piena potenzjali (it-"test tal-merti").

Il-mod li bih jiġu kkombinati u vvalutati dawn il-kriterji ta' eliġibbiltà jvarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor. Hemm xi Stati Membri li japplikaw biss it-test tal-mezzi, oħrajn li japplikaw it-test tal-merti, filwaqt li oħrajn jikkombinaw lit-tnejn li huma f'daqqa. Hemm ukoll differenzi konsiderevoli fil-mod kif jiġu interpretati u mifhuma t-test tal-mezzi u t-test tal-merti.

Din il-kwistjoni qed tiġi indirizzata f'Rakkomandazzjoni, minħabba li hemm varjetà kbira ta' sistemi ta' għajnuna legali u minħabba l-ħtieġa li l-miżuri jinżammu proporzjonali, speċjalment fi żminijiet ta' sfidi ekonomiċi u finanzjarji. Din tipprovdi kriterji oġġettivi komuni li għandhom jiġu kkunsidrati meta tiġi vvalutata l-eliġibbiltà għall-għajnuna legali. Hi tiċċara l-qafas għall-valutazzjoni kif żviluppata mill-ġurisprudenza tal-QEDB u tippromwovi l-konverġenza bejn is-sistemi ġuridiċi differenti, bil-ħsieb li tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka.

· L-iżgurar tal-kwalità u tal-effettività tas-servizzi ta' għajnuna legali

Il-QEDB sostniet li l-obbligu tal-Istat li jipprovdi assistenza legali bla ħlas, mhuwiex issodisfat bis-sempliċi ħatra ta' avukat iffinanzjat permezz tal-fondi pubbliċi.[34] L-Istat irid jiżgura li l-assistenza pprovduta minn avukati tal-għajnuna legali tkun prattika u effettiva. Għal dan il-għan, ir-Rakkomandazzjoni tistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi biex jiżguraw servizzi ta' għajnuna legali ta' kwalità tajba, jippromwovu sistemi għall-akkreditament tal-avukati u joffru taħriġ professjonali kontinwu għall-professjonisti u l-avukati li jipprovdu l-għajnuna legali. L-implimentazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni se ttejjeb il-kwalità u l-effettività tas-servizzi ta' għajnuna legali u se żżid il-fiduċja reċiproka fis-sistemi tal-ġustizzja ta' Stati Membri oħra.

Sabiex tiżviluppa l-effett u l-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni se tirrikorri għall-grupp ta' esperti eżistenti dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali. Il-grupp għandu mnejn jassisti lill-Kummissjoni fit-tfassil tal-linji gwida għall-applikazzjoni tagħha u jiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prassi bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tivvaluta sa fejn l-Istati Membri ħadu miżuri biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni erba' snin wara li tiġi ppubblikata u, jekk ikun meħtieġ, se tipproponi miżuri leġiżlattivi biex jissaħħaħ id-dritt għall-għajnuna legali fil-proċedurali kriminali.

4.           Konklużjoni

Dan il-pakkett jindika l-istandards minimi komuni għad-dritt għal proċess ġust fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li jikkontribwixxi għall-progress tal-Aġenda tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet Proċedurali. Flimkien mal-firxa wiesgħa ta' strumenti li hemm fis-seħħ biex jikkonkretizzaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera f'ambjent ta' fiduċja reċiproka, permezz ta' standards minimi komuni, hija trawwem l-iżvilupp tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja

Ir-reġim il-ġdid introdott mit-Trattat ta' Lisbona dalwaqt se jkun kompletament effettiv. Ir-reġim tranżitorju tat-Trattat għall-ġustizzja u l-affarijiet interni - kopert minn dak li kien jissejjaħ "it-tielet pilastru" - jiskadi fit-30 ta' Novembru 2014. Minn din id-data 'l hemm, il-Kummissjoni se jkollha setgħat ta' infurzar fuq l-acquis kollu tal-ġustizzja u l-affarijiet interni, u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea se jkollha ġuriżdizzjoni sħiħa fuq l-istrumenti ta' rikonoxximent reċiproku ta' qabel it-Trattat ta' Lisbona. Din l-evoluzzjoni, flimkien mat-twaqqif ta' sistema ta' prosekuzzjoni mifruxa mal-UE kollha biex tiġi indirizzata l-frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-UE, se tbiddel ix-xenarju tal-ispazju Ewropew tal-ġustizzja kriminali.

Minħabba l-internazzjonalizzazzjoni tal-kriminalità, din għandha tirriżulta f'żieda tat-talbiet għall-investigazzjonijiet u tal-infurzar ta' deċiżjonijiet fi kwistjonijiet kriminali mal-UE kollha, li joħorġu mill-implimentazzjoni tal-ħafna miżuri ta' rikonoxximent reċiproku. Aktar u aktar hemm għalfejn isir progress fir-rigward tal-Aġenda Ewropea dwar id-Drittijiet Proċedurali permezz tal-adozzjoni rapida ta' dan il-pakkett il-ġdid.

Fuq terminu twil ta' żmien, dan il-qafas ta' drittijiet proċedurali fil-livell tal-UE se jiġi traspost f'liġi nazzjonali. Fil-prattika, l-impatt tiegħu fuq ir-rispett tad-dritt għal proċess ġust se jkollu jiġi vvalutat bir-reqqa, u kwalunkwe lakuni jridu jiġu identifikati, possibbilment bil-ħsieb li titfassal proposta konsolidata dwar id-drittijiet għal proċess ġust.

[1]               ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.

[2]               ĠU C 291, 4.12.2009, p. 1.

[3]               Id-Direttiva 2010/64/UE tal-20 ta' Ottubru 2010, ĠU L 280, 26.10.2010, p. 1–7.

[4]               Id-Direttiva 2012/13/UE tat-22 ta' Mejju 2012, ĠU L 142, 1.6.2012, p. 1–10.

[5]               Id-Direttiva 2013/48/UE tat-22 ta' Ottubru 2013, ĠU L 294, 6.11.2013, p. 1-12.

[6]               Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' ċediment bejn l-Istati Membri, ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1-18.

[7]               http://ec.europa.eu/justice/newsroom/criminal/opinion/110614_en.htm.

[8]               L-Artikolu 6(1) TUE.

[9]               L-Artikolu 6(3) TUE.

[10]             Il-premessa 10, ĠU C 291, 4.12.2009, p. 1.

[11]             Eurostat, L-istatistiċi dwar il-migrazzjoni u l-popolazzjoni migratorja (Marzu 2013).

[12]             Ewrobarometru 337/2010.

[13]             Ara pereż. il-Linji Gwida tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ġustizzja adattata għat-tfal.

[14]             Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew COM(2013) 534 final; 17.7.2013.

[15]             Barberà, Messegué u Jabardo vs. Spanja, l-Applikazzjonijiet Nru 10588/83, 10589/83 u 10590/83, is-sentenza tas-6 ta' Diċembru 1988.

[16]             Minelli vs. l-Isvizzera, l-Applikazzjoni Nru 8660/79, is-sentenza tal-25 ta' Marzu 1983.

[17]             Ara n-nota f'qiegħ il-paġna Nru 14.

[18]             Dan huwa indirizzat fid-Direttiva 2012/13/UE tat-22 ta' Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali.

[19]             John Murray vs. ir-Renju Unit, l-Applikazzjoni Nru 18731/91, is-sentenza tas-26 ta' Jannar 1996.

[20]             Murray vs. ir-Renju Unit, ara supra, Funke vs. Franza, l-Applikazzjoni Nru 10828/84, is-sentenza tal-25 ta' Frar 1993, Saunders vs. ir-Renju Unit, l-Applikazzjoni Nru 19187/91, is-sentenza tas-17 ta' Diċembru 1996.

[21]             Ara inter alia l-Kawża C-301/04 P il-Kummissjoni vs. SGL Carbon [2006] Ġabra I-5915 u l-Kawża T-112/98 Mannesmannröhren-Werke vs. il-Kummissjoni [2001] Ġabra II-732.

[22]             Colozza vs. l-Italja, l-Applikazzjoni Nru 9024/80, is-sentenza tat-12 ta' Frar 1985.

[23]             Minelli vs. l-Isvizzera, l-Applikazzjoni Nru 8660/79, sentenza tal-25 ta' Marzu 1983; Allenet de Ribemont vs. Franza, l-Applikazzjoni Nru 15175/89, sentenza tal-10 ta' Frar 1995; Pandy vs. il-Belġju, l-Applikazzjoni Nru 13583/02, sentenza tal-21 ta' Settembru 2006; Garlicki vs. il-Polonja, l-Applikazzjoni Nru 36921/07, sentenza tal-14 ta' Ġunju 2011.

[24]             Salabiaku vs. Franza, l-Applikazzjoni Nru 10519/83, is-sentenza tas-7 ta' Ottubru 1988; Barberà, Messegué u Jabardo vs. Spanja, l-Applikazzjoni Nru 10590/83, is-sentenza tas-6 ta' Diċembru 1988.

[25]             Heaney u McGuiness vs. l-Irlanda, l-Applikazzjoni Nru 34720/97, is-sentenza tal-21 ta' Diċembru 2000.

[26]             Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 li temenda d-Deċiżjonijiet Kwadru 2002/584/ĠAI, 2005/214/ĠAI, 2006/783/ĠAI, 2008/909/ĠAI u 2008/947/ĠAI, ĠU L 81, 27.3.2009, p. 24-36.

[27]             Colozza vs. l-Italja, l-Applikazzjoni Nru 9024/80, is-sentenza tat-12 ta' Frar 1985.

[28]             Ara n-nota f'qiegħ il-paġna Nru 25.

[29]             ĠU C 291, 4.12.2009, p. 1

[30]             S.C. vs. ir-Renju Unit, l-Applikazzjoni Nru 60958/00, is-sentenza tal-10 ta' Novembru 2004.

[31]             Skont l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li ġiet ratifikata mill-Istati Membri kollha tal-UE u mill-UE, persuni li ma jaqbżux it-18-il sena għandhom jitqiesu bħala tfal.

[32]             Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, 15.2.2011, COM(2011) 60 final

[33]             Din hija l-età meta t-tfal isiru responsabbli, fuq livell kriminali, għall-azzjonijiet tagħhom.

[34]             QEDB il-kawża Pavlenko vs. ir-Russja, l-Applikazzjoni Nru 42371/02, is-sentenza tal-4 ta' Ottubru 2010, il-paragrafu 99.