KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW dwar l-Evalwazzjoni ta' regolamentazzjonijiet nazzjonali fuq l-aċċess għall-professjonijiet /* COM/2013/0676 final */
1. Introduzzjoni L-ekonomiji Ewropej qed ibatu
mill-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja u mill-impatt tagħha fuq
il-finanzi pubbliċi. Mas-Suq Uniku kollu, il-gvernijiet nazzjonali qed
jikkunsidraw kif jistimulaw il-ħolqien tal-impjiegi u kif jerġgħu
jġibu t-tkabbir ekonomiku. Fil-Komunikazzjoni tagħha ta' Ġunju
2012[1]
dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi, il-Kummissjoni
enfasizzat l-importanza f’dan il-kuntest li jiġi żgurat li l-qafas
regolatorju għal servizzi professjonali jibqa’ adattat għall-iskop.
Id-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali, li dwarha ntlaħaq ftehim
politiku bejn il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni f’Ġunju
2013, tindirizza dawn il-kwistjonijiet u titlob għal strateġija
ġdida li tkun tirrikjedi li kull Stat Membru jwettaq rieżami b'mod
attiv u li jimmodernizza r-regolamentazzjonijiet tiegħu dwar il-kwalifiki
li jirregolaw l-aċċess għall-professjonijiet jew
għat-titoli professjonali[2].
Din il-Komunikazzjoni tippreżenta pjan ta’ ħidma għat-twettiq
ta’ rieżami bħal dan. It-titjib tal-aċċess
għall-professjonijiet, partikolarment permezz ta’ ambjent regolatorju
aktar flessibbli u trasparenti fl-Istati Membri, jista’ jiffaċilita
l-mobilità ta' professjonisti kwalifikati fis-suq intern u l-provvista transfruntiera
ta' servizzi professjonali. Dan għandu jkollu impatt pożittiv ukoll
fuq is-sitwazzjoni tal-impjiegi u jsaħħaħ it-tkabbir ekonomiku,
speċjalment peress li s-servizzi professjonali waħidhom jammontaw
għal madwar 9 % tal-PDG fl-Unjoni. Sabiex tingħata spinta lill-potenzjal
tat-tkabbir u biex tiġi kkonsolidata t-triq għall-irkupru ekonomiku, dan
ir-rieżami ta’ professjonijiet regolati għandu jkun ta' prijorità.
Għalhekk il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri
biex ma joqogħdux jistennew id-dħul fis-seħħ formali
tad-Direttiva riveduta dwar il-Kwalifiki Professjonali (fi tmiem l-2013) u biex
jibdew jeżaminaw mill-ġdid, fil-livell nazzjonali, ir-rekwiżiti
tal-kwalifiki imposti fuq professjonijiet regolati u l-kamp ta' applikazzjoni
tal-attivitajiet riżervati. Il-Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi
approvat mill-Kunsill Ewropew f’Ġunju 2012 sejjaħ
għall-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, “inkluż
permezz ta’ rieżami bejn il-pari rigoruż ta’ restrizzjonijiet nazzjonali
u permezz ta' azzjoni rapida biex jitneħħew l-ostakli mhux
ġustifikati”. Bl-istess
mod, il-Parlament Ewropew appella lill-Kummissjoni biex "tidentifika oqsma
fejn l-Istati Membri qed jimblukkaw sproporzjonalment” dan l-aċċess[3]. L-approċċ
komprensiv biex jiġi miġġieled il-qgħad fost
iż-żgħażagħ, li ntlaħaq qbil dwaru mill-Kunsill
Ewropew fit-28 ta’ Ġunju 2013, reġa’ enfasizza
l-ħtieġa li tittieħed azzjoni sabiex jiġu offerti prospetti
ta' impjiegi liż-żgħażagħ. Sabiex jiġi żgurat li
l-Istati Membri kollha javvanzaw fid-direzzjoni ta' objettiv komuni, din
il-Komunikazzjoni tistabbilixxi qafas li jippermetti lill-Istati Membri
jippreżentaw l-ewwel sett ta’ pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali sa
April 2015. Ir-riżultat ma għandux ikun eżerċizzju
"wieħed tajjeb għal kulħadd". Dawn il-pjanijiet ta’ azzjoni
għandhom ikunu bbażati fuq analiżi profonda, li ssir każ
b'każ, tal-ostakli għall-aċċess għal professjoni u
tal-mekkaniżmi regolatorji alternattivi possibbli. Din kienet waħda
mill-konklużjonijiet tal-workshop organizzat
fis-17 ta' Ġunju 2013 mal-ministeri nazzjonali u
mal-organizzazzjonijiet professjonali. Evalwazzjoni reċiproka estensiva li
se titwettaq fis-sentejn li ġejjin għandha twassal għal bidla
tanġibbli f’kull Stat Membru. Matul dan il-perjodu, il-Kummissjoni se tibda
tidentifika l-kisbiet u l-insuffiċjenzi fir-Rapporti Annwali dwar
l-Integrazzjoni tas-Suq Uniku ta’ Novembru 2014 u 2015. Il-Kummissjoni indirizzat
rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi dwar din
il-kwistjoni lil bosta Stati Membri. L-evalwazzjoni reċiproka deskritta f’din
il-Komunikazzjoni tirrappreżenta eżerċizzju separat u ma
taffettwax l-impenji eżistenti li saru fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Sabiex tingħata stampa
kompluta tal-ostakli li jaffettwaw l-aċċess u l-eżerċitar
ta’ professjonijiet regolati, qed jiġi ppubblikat, b’mod parallel, rapport
dwar is-sejbiet tar-rieżami bejn il-pari dwar il-forma legali u
r-rekwiżiti tal-parteċipazzjoni azzjonarja u tat-tariffi, imwettaq
skont id-Direttiva dwar is-Servizzi - azzjoni ulterjuri li tħabbret
fil-Komunikazzjoni ta' Ġunju 2012. 2.
Għaliex
huwa importanti li jsir rieżami tal-professjonijiet kollha? F’għadd ta’ Stati Membri
(pereż. Spanja, il-Polonja, il-Portugall, u s-Slovenja) qed
iseħħu riformi fuq skala kbira tal-professjonijiet regolati u kemm
il-Kummissjoni kif ukoll organizzazzjonijiet internazzjonali oħra qed
jitolbu li jsiru tali rieżamijiet ta’ regolamentazzjonijiet nazzjonali. L-Organizzazzjoni
għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), li
żviluppat indikaturi li jkejlu r-restrizzjoni regolatorja ta’ ċerti
Stati Membri għal għadd magħżul ta’ professjonijiet u
setturi, enfasizzat it-tendenza li għandhom dawn ir-regolamentazzjonijiet
li joħolqu distorsjoni[4].
Dan il-kapitolu jeżamina
mill-ġdid l-argumenti ewlenin li jistgħu jiġġustifikaw
il-preżenza ta’ ostakli għad-dħul regolatorju u
l-benefiċċji mistennija mill-ftuħ tal-aċċess għal
professjonijiet li attwalment huma regolati u r-raġuni għalfejn huwa
importanti li jsir rieżami tal-ostakli kollha li jirrestrinġu
l-aċċess għall-professjonijiet. 2.1 Ir-Regolamentazzjoni fuq l-aċċess
għall-professjonijiet tista’ tkun ta’ ġid 2.1.1
Tgħin lill-konsumatur
jiġġudika l-kwalità ta' servizz Il-konsumaturi jistgħu
jiffaċċjaw diffikultajiet biex jivvalutaw il-livell ta’ kwalifika
tal-fornituri tas-servizz li huma essenzjali għall-għoti ta’ servizzi
ta’ kwalità għolja. Din l-asimmetrija ta’ informazzjoni tipprevjeni
lill-konsumaturi milli jagħmlu għażliet infurmati dwar
il-fornituri tas-servizz. Sabiex jirmedjaw ir-riskju ta’ fallimenti potenzjali
tas-suq, ir-regolamentazzjonijiet li jiċċaraw l-għarfien u
l-kompetenzi tekniċi li l-professjonisti disponibbli fis-suq għandu
jkollhom,[5]
jistgħu jipprovdu lill-konsumaturi bir-riassigurazzjonijiet li
jeħtieġu. 2.1.2
Tappoġġja
l-funzjonament adattat ta’ ekonomija fi Stat Membru Il-protezzjoni
tal-konsumaturi u l-ħarsien tal-beni pubbliċi Il-professjonijiet jistgħu
jiġu regolati għal raġunijiet ta’ saħħa u sikurezza
sabiex jiġu evitati inċidenti kkawżati minn prassi
ħażina jew prodotti difettużi. Pereżempju, il-professjonisti
tas-saħħa, fil-biċċa l-kbira tagħhom,
jinħtieġu kwalifiki adegwati li jinkludu l-apprentistati. Hemm ukoll
servizzi li huma kkunsidrati bħala beni pubbliċi,
minħabba li jġibu valur għas-soċjetà inġenerali;
għandu mnejn ikun meħtieġ li jkunu regolati sabiex jiġu
żgurati provvista u kwalità adegwati. L-effetti
esterni għal partijiet terzi Is-servizzi professjonali
jistgħu jaffettwaw lil partijiet terzi. Ir-regolamentazzjoni tista’
tassigura li l-fornituri tas-servizzi jqisu kif xieraq l-impatt
tal-attivitajiet tagħhom lil hinn minn dawk li jħallsu għal
servizz bħal dan. Pereżempju, il-kontijiet ta’ kumpanija jistgħu
jirrikjedu awditu statutorju minħabba li huwa fl-interess tal-komunità
tal-investituri - li għandhom ikunu jistgħu jafdaw f'dawn
il-kontijiet - u mhux biss tal-kumpanija li tagħti remunerazzjoni
lill-awditur. 2.2 Il-benefiċċji li jirriżultaw
mill-ftuħ tal-aċċess għall-professjonijiet 2.2.1
Toffri lill-konsumatur
iktar għażla bi prezz aħjar Prezzijiet
aħjar Ir-restrizzjonijiet fuq
l-aċċess għall-professjonijiet jillimitaw l-għadd ta’
professjonisti awtorizzati biex jipprovdu servizz. Konsegwentement,
il-provvista ta’ professjonisti ma tkunx immotivata mis-suq. Dan jista’ jsir
problematiku f’każ ta’ bidliet fid-domanda għas-servizz. Dan jista’
jirriżulta f’renti ekonomiċi għall-fornituri stabbiliti u
jwassal għal prezzijiet ogħla għad-detriment tal-bqija
tal-ekonomija u tal-konsumaturi, speċjalment jekk id-domanda
għas-servizzi tkun riġida[6].
Iż-żieda
fl-għażla għall-konsumatur L-ostakli eċċessivi
għad-dħul regolatorju għall-professjonijiet jistgħu
joħolqu distorsjoni fis-suq u jiġġeneraw prezzijiet ogħla
li jistgħu jiskoraġġixxu lill-konsumaturi li mhumiex lesti jew
li ma għandhomx biex iħallsu taħt dawn il-kundizzjonijiet.
Ħafna drabi jista' jkun hemm modi ta' regolamentazzjoni li jxekklu anqas u
li xorta jiżguraw kwalità tajba ta’ servizzi u li jistgħu jwasslu
għal prezzijiet aħjar. Konsegwentement, l-għażla
tal-konsumatur tiżdied u l-inugwaljanzi soċjali fost il-konsumaturi
jistgħu jonqsu[7]. 2.2.2
Tagħti spinta
lill-kompetittività nazzjonali u lill-impjiegi Iż-żieda
fil-kompetittività Il-professjonisti ma joffrux
servizzi lill-konsumaturi finali biss. Is-servizzi professjonali jikkostitwixxu
kontribut intermedjarju għal ħafna setturi; għalhekk l-effetti
multiplikaturi jista’ jkollhom impatt ekonomiku sinifikanti fuq il-bqija
tal-ekonomija. It-tnaqqis
tal-ostakli għad-dħul regolatorju jista' jwassal għal kompetizzjoni
ikbar fost ammont ikbar ta' professjonisti, u dan jista' jipprovdi
inċentiv aktar b'saħħtu biex jingħataw servizzi innovattivi
ta' kwalità għolja u biex isir kontinwament rieżami tal-kostijiet
operazzjonali. Għadd akbar ta’ fornituri jistgħu jżidu wkoll
il-livelli ta’ innovazzjoni permezz ta’ kompetizzjoni aktar
b’saħħitha. Il-modernizzazzjoni tar-regolamentazzjoni tista'
tistimula lill-professjonisti biex jipprovdu s-servizzi tagħhom fi Stati
Membri oħrajn, u b’hekk jiżdiedu l-opportunitajiet tas-suq
għan-negozji tal-UE, il-kompetizzjoni u l-għażla tal-konsumatur. It-titjib
tas-sitwazzjoni tal-impjiegi Ir-regolamentazzjoni jista’
jkollha impatt detrimentali fuq il-ħolqien tal-impjiegi billi tissegmenta
s-swieq tax-xogħol u tagħmilha aktar diffiċli
għall-provvista tal-impjiegi biex taġġusta ruħha għal
bidliet fil-preferenzi tal-konsumaturi[8].
Konsegwentement, jista' jagħti l-każ li n-nuqqas ta' ħaddiema
f’ċerti professjonijiet ma jiġix indirizzat biżżejjed
minħabba li l-mobilità fil-professjonijiet u bejniethom huwa mxekkel
mir-regolamentazzjoni. It-tnaqqis jew it-tneħħija ta’ ostakli
għad-dħul jistgħu jiffaċilitaw l-aċċess taż-żgħażagħ
għas-suq domestiku tax-xogħol filwaqt li jippermettu wkoll
il-mobilità tal-professjonisti minn Stati Membri oħra. 2.3 Tqis l-impatti ekonomiċi
tar-regolamentazzjonijiet Rieżami
tal-professjonijiet regolati jirrappreżenta opportunità kbira għal kull
Stat Membru sabiex jivvalutaw il-benefiċċji u jqisuhom f'paragun
mal-kostijiet ekonomiċi li hemm fl-isfond tar-regolamentazzjonijiet
domestiċi. Din it-tip ta’ analiżi
diġà teżisti fir-riċerka akkademika fejn l-enfasi mhijiex
daqstant fuq l-għadd ta’ ostakli iżda aktar essenzjalment fuq
l-impatt tar-regolamentazzjonijiet professjonali fuq l-indikaturi ewlenin:
il-kwalità ta’ servizz, il-pagi tal-professjonisti kkonċernati,
il-prezzijiet għall-konsumaturi u l-impatt globali fuq l-impjiegi. Ħafna minn dawn l-istudji[9] jikkonkludu li ma
tista' tintwera l-ebda korrelazzjoni bejn ir-regolamentazzjoni u l-kwalità ta’
servizz. Ir-riċerkaturi jissuġġerixxu li spjegazzjoni possibbli
għal dan hija li l-gruppi b'introjtu baxx isibuha diffiċli li jaċċessaw
servizzi minn professjonijiet regolati minħabba l-miżati għoljin
u dan iġiegħlhom jirrikorru għal soluzzjonijiet ta' DIY
("do-it-yourself"). Barra minn hekk, għal ħafna
professjonijiet, mhuwiex ċar kif tista’ titkejjel il-kwalità. Studji oħra[10] jsibu li l-paga
medja hija sinifikantement ogħla għall-professjonisti regolati milli
għall-professjonisti mhux regolati u li l-introduzzjoni
tar-regolamentazzjoni żiedet il-qligħ tal-professjonisti.
Imbagħad hemm ir-riskju li dawn iż-żidiet jiġu
trażmessi fi prezzijiet, għad-detriment tal-persuni li jużaw
dawn is-servizzi. Riċerka fl-Istati Uniti -
fejn ir-regolamentazzjonijiet ivarjaw minn stat għal ieħor -
tippermetti li jsir tqabbil tal-impatt ta' regolamentazzjoni bejn l-istati
regolatorji u dawk mhux regolatorji. Pereżempju, hemm evidenza fl-Istati
Uniti li, għal ċerti professjonijiet, it-tkabbir tal-impjiegi kien
20 % ogħla fi stati mingħajr regolamentazzjoni[11]. Riċerka fil-Ġermanja[12] wasslet ukoll
għall-konklużjoni li r-regolamentazzjoni tal-professjonijiet jista’
jkollha impatt negattiv fuq il-mobilità tal-professjonisti bejn l-impjiegi
billi din waqqfet lill-professjonisti milli jirreaġixxu malajr għal
opportunitajiet fis-suq tax-xogħol. 2.4 Tippermetti lill-professjonisti jibbenefikaw mis-Suq
Uniku Il-parteċipanti fis-suq li
jixtiequ joffru servizzi professjonali minn fruntiera għal oħra jew
li jixtiequ jsibu impjieg fi Stat Membru ieħor iħabbtu
wiċċhom ma' għadd konsiderevoli ta’ ostakli regolatorji marbuta
mal-professjonijiet. It-terminu “professjoni regolata”, kif definit
fid-Direttiva tal-Kwalifiki Professjonali[13],
mhux biss ikopri l-attivitajiet professjonali iżda wkoll it-titoli, li
l-aċċess għalihom hu soġġett għall-pussess ta’
kwalifiki speċifiċi fir-regolamentazzjonijiet nazzjonali. Fl-Unjoni, l-għadd ta’
professjonijiet regolati[14]
jvarja minn Stat Membru għal ieħor, minn inqas minn 50 professjoni
regolata għal aktar minn 400 għal kull pajjiż[15]. L-għadd medju għal
kull Stat Membru bħalissa hu stmat għal 157. L-akbar għadd ta’
professjonijiet regolati huwa fis-settur tas-saħħa (iktar minn
40 % tal-professjonijiet regolati kollha fl-UE), segwit mis-setturi
tal-edukazzjoni, tas-servizzi tan-negozji, tal-kostruzzjoni, tal-kummerċ u
tat-trasport. Id-differenzi kbar li jeżistu bejn l-Istati Membri jimpedixxu
lil dawk il-professjonisti li jixtiequ jaħdmu barra minn pajjiżhom
jew li jixtiequ joffru s-servizzi tagħhom minn fruntiera għal
oħra. Regolamentazzjonijiet moderni u
flessibbli dwar l-aċċess għall-professjonijiet għandhom
jiffaċilitaw il-moviment ħieles ta’ professjonisti u jgħinu biex
jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta’ qgħad u tan-nuqqas ta’
ħaddiema ffaċjati f’partijiet differenti tal-Unjoni.
Ir-regolamentazzjoni għandha tagħmilha wkoll iktar faċli
għall-kumpaniji mmexxija minn professjonisti, li joffru s-servizzi
tagħhom mal-Unjoni kollha, li jibbenefikaw mill-ekonomiji potenzjali ta’
skala u ambitu permezz ta’ suq akbar mingħajr ma jkollhom jikkonformaw ma’
ostakli regolatorji nazzjonali multipli, u li jappoġġjaw allokazzjoni
aktar effiċjenti ta’ riżorsi. 2.5 Il-ħtieġa li tiżgura trasparenza sħiħa u analiżi rigoruża Fid-dawl tal-analiżi ta’
hawn fuq, l-Istati Membri għandhom ħafna raġunijiet sabiex iqisu
bir-reqqa l-effetti tal-ostakli potenzjali fuq il-kummerċ fis-servizzi
professjonali mas-Suq Uniku kollu, iżda wkoll biex ikollhom fehim
aħjar tar-rwol tal-professjonijiet regolati fl-ekonomija domestika
tagħhom. Ir-rieżami bejn il-pari mwettaq fil-kuntest
tad-Direttiva dwar is-Servizzi fir-rigward tal-forma legali u
tar-rekwiżiti tal-parteċipazzjoni azzjonarja u tat-tariffi,
identifika l-ostakli għall-eżerċitar ta’ ċerti attivitajiet
professjonali u d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom
il-professjonisti li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru
ieħor. Uħud minn dawn ir-rekwiżiti jistgħu jagħmluha
impossibbli li jitwaqqfu sussidjarji fil-prattika. Filwaqt li xi Stati Membri
mmodifikaw ir-regolamentazzjonijiet tagħhom fir-rigward ta' dawn
il-kwistjonijiet filwaqt li kienu qed jimplimentaw id-Direttiva dwar
is-Servizzi, ir-rieżami bejn il-pari żvela li ħafna Stati Membri
ma wettqux valutazzjoni mirquma tal-proporzjonalità tar-regolamentazzjonijiet
fis-seħħ. L-evalwazzjoni reċiproka
li ġejja toffri l-opportunità lil kull Stat Membru biex iwettaq
valutazzjoni dettaljata tal-ostakli li jillimitaw l-aċċess
għall-attivitajiet professjonali. It-trasparenza sħiħa dwar
il-professjonijiet regolati f’kull Stat Membru hija pass inizjali
indispensabbli. Imbagħad l-Istati Membri għandhom jibdew l-iskrinjar
tar-restrizzjonijiet kollha għad-dħul li jkunu identifikaw u
janalizzaw in-neċessità u l-proporzjonalità ta’ dawn ir-restrizzjonijiet,
filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni l-benefiċċji li jġibu
għas-soċjetà u l-impatt ekonomiku li joħolqu. B’mod partikolari,
għandu jitqies l-impatt li jkollhom dawn ir-regolamentazzjonijiet fuq il-kwalità,
il-prezz u l-impjiegi. B’mod parallel, bil-għan
li tappoġġja l-ħidma tal-Istati Membri, il-Kummissjoni
biħsiebha tniedi studju ekonomiku fl-ewwel nofs tal-2014 li jippermetti li
jkun hemm studji tal-każ komparattivi li jkejlu f’aktar dettall il-benefiċċji
ta' meta jiġu regolamentati jew le l-professjonijiet jew ta' meta ssir
għażla għal approċċi differenti fir-regolamentazzjoni. 3.
Il-Kummissjoni
kif se tmexxi l-evalwazzjoni reċiproka? Il-Kummissjoni qed tistieden
lill-Istati Membri biex jagħtu bidu għal evalwazzjoni reċiproka
mill-aktar fis possibbli. L-Istati Membri li diġà bdew
l-eżerċizzju ta' skrinjar tal-professjonijiet regolati tagħhom
fil-kuntest tas-semestru Ewropew u tal-Memorandum ta’ Ftehim ma għandhomx
ikunu eżentati minn dan l-eżerċizzju iżda għandhom
jaħdmu abbażi ta’ dak li diġà nkiseb f’termini ta’ tnaqqis
tar-restrizzjonijiet għall-professjonijiet. Sabiex jiġu vvalutati
r-regolamentazzjonijiet li jirrestrinġu l-aċċess
għall-professjonijiet, jeħtieġ li ssir analiżi ta' kull
professjoni. Ir-riformi li qed iseħħu fil-Polonja, fil-Portugall u
fis-Slovenja qed jużaw dan l-approċċ. Il-workshop li sar
fis-17 ta’ Ġunju 2013 ikkonferma wkoll il-ħtieġa
li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta' kull professjoni fuq il-merti
tagħha stess. Madankollu, kull Stat Membru ma
għandux jaħdem fuq bażi individwali biex jippreżenta
r-riżultat finali tal-valutazzjoni domestika tiegħu. Anzi, il-fatt li
l-Istati Membri jkunu jistgħu jqabblu s-sistemi tagħhom mill-aktar fis
possibbli qabel ma kull Stat Membru jieħu pożizzjoni finali, jidher
fundamentali. . 3.1 Il-kamp ta’ applikazzjoni L-Artikolu 59
tad-Direttiva riveduta dwar il-Kwalifiki Professjonali jispeċifika tliet
kriterji għall-eżaminar tar-rekwiżiti dwar l-aċċess
għall-professjonijiet, li jistgħu jitqassru kif ġej: Il-kompatibbiltà
mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni skont in-nazzjonalità jew il-post
ta’ residenza: L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-professjonisti
jistgħu jaċċessaw il-professjonijiet regolati mingħajr ma
jkunu persuni nazzjonali jew mingħajr ma jkunu residenti fit-territorju
nazzjonali tagħhom. Il-ġustifikazzjoni:
ir-regolamentazzjoni trid tkun ġustifikata minn raġuni prevalenti ta’
interess ġenerali. Il-proporzjonalità:
il-proporzjonalità tal-miżuri nazzjonali għandha tiġi analizzata
b’referenza għall-adegwatezza tagħhom biex jiżguraw l-objettivi
li huma jfittxu li jwettqu. Barra minn hekk, dawn m’għandhomx imorru lil
hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jinkisbu dawn l-objettivi. 3.2 Il-valutazzjoni tal-ġustifikazzjoni
għar-regolamentazzjoni Għal kull professjoni
regolata, l-Istati Membri għandhom jidentifikaw ir-raġuni
speċifika ta’ interess ġenerali, li tiġġustifika qafas
regolatorju partikolari u li tiċċekkja li din il-ġustifikazzjoni
għadha valida llum. 3.2.1
Regolamentazzjoni b'saffi multipli Waqt li jkunu qed jiddiskutu
l-ħtieġa għal regolamentazzjoni, l-Istati Membri se jiġu
mistiedna jagħtu ħarsa lejn is-salvagwardji eżistenti offruti
permezz ta’ tipi oħrajn ta’ regolamentazzjoni ex-ante jew ex-post
applikabbli għas-servizzi pprovduti minn kull professjoni, pereż.
proċeduri ta’ approvazzjoni, il-konformità ma’ standards tekniċi u
ta’ sikurezza, u mekkaniżmi ta’ spezzjoni. Ir-regolamentazzjoni dwar
l-aċċess għal professjoni permezz ta’ kwalifika speċifika
għandha tinżamm biss jekk dawn is-salvagwardji ma jkunux
suffiċjenti. Inkella, jista’ jkun hemm ir-riskju ta’ duplikazzjoni, jew
ta' “burokrazija” amministrattiva għar-riċevituri tas-servizz. Għall-istess raġuni,
għandhom jiġu kkunsidrati wkoll ir-regolamentazzjonijiet marbuta
mal-eżerċitar tal-attivitajiet professjonali, notevolment dawk
eżaminati fil-kuntest tar-rieżami bejn il-pari mwettaq skont
id-Direttiva dwar is-Servizzi, jiġifieri l-forma legali u r-rekwiżiti
tal-parteċipazzjoni azzjonarja. L-Istati Membri għandhom jagħtu
ħarsa lejn l-effett kumulattiv tar-restrizzjonijiet kollha imposti fuq
l-istess professjoni, inkluż, fejn xieraq, is-sħubija obbligatorja
f'assoċjazzjonijiet professjonali. F’ċerti każijiet, jista'
jagħmel sens li jinżamm rekwiżit ta' kwalifika, bil-kundizzjoni li
tipi oħra ta’ restrizzjonijiet ikunu tneħħew jew ikunu ġew
riveduti b’mod sinifikanti. 3.2.2
Is-salvagwardji offruti
mis-sistemi edukattivi jew mill-impjegaturi F’ħafna Stati Membri,
ġew żviluppati programmi ta’ taħriġ inklużi perjodi
ta' apprentistat, taħt il-kontroll tal-Istat, biex iħejju
lill-individwi jwettqu attivitajiet ta' professjonijiet speċifiċi[16] li jistgħu ma
jkunux regolati. Il-kwalifiki mogħtija jaġixxu bħala
assigurazzjoni tal-kwalità għall-impjegaturi meta l-aċċess
għall-professjoni bħala tali ma jkunx regolat u meta ma jkun hemm
l-ebda riżerva ta’ attivitajiet. Fattur ieħor importanti li
għandu jitqies huwa l-mod kif tiġi eżerċitata
l-professjoni: ir-regolamentazzjoni ta' professjoni li prinċipalment
tiġi eżerċitata minn professjonisti li jaħdmu għal
rashom, forsi tkun tista' titqies bħala garanzija neċessarja.
Is-sitwazzjoni hija differenti jekk il-professjoni tkun prinċipalment
eżerċitata minn professjonisti impjegati f’kumpaniji privati jew
f'entitajiet pubbliċi fejn l-impjegaturi jkollhom rwol x’jaqdu billi
jiċċekkjaw il-kompetenza tal-persunal li jkun għadu kemm
ġie rreklutat u fejn dawn ikunu responsabbli f’każ ta’
aċċidenti jew ilmenti. Dawn iż-żewġ
elementi - it-taħriġ speċifiku u l-eżerċitar
tal-professjoni bħala impjegat – għandhom jittieħdu
inkunsiderazzjoni meta tiġi vvalutata n-neċessità
tar-regolamentazzjoni. Huma jispjegaw, pereżempju, għaliex
il-professjoni tal-inġinerija mhijiex regolata fi Franza fejn 95 %
tal-inġiniera huma impjegati f’kumpanija jew fl-amministrazzjoni pubblika
u fejn ir-reklutaġġ huwa bbażat sostanzjalment fuq
ir-reputazzjoni tal-iskejjel tal-inġinerija. 3.2.3
Ir-regolamentazzjonijiet
reġjonali Ir-regolamentazzjonijiet
reġjonali dwar il-kwalifiki għandhom jiffaċċjaw l-istess
test tan-neċessità bħar-regolamentazzjonijiet stabbiliti fuq
il-livell federali ta’ pajjiż. Madankollu, hemm sfida addizzjonali.
Ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki bejn reġjun u ieħor
fl-istess Stat Membru jeħtieġ li jkun effettiv sabiex jiġi
żgurat li l-professjonisti mill-pajjiż jew minn barra jkunu
jistgħu jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fit-territorju
nazzjonali kollu. Kif previst fl-Artikolu 10(4) tad-Direttiva dwar
is-Servizzi, kwalunkwe awtorizzazzjoni
għandha, fil-prinċipju, tkopri t-territorju kollu ta' Stat Membru.
Għalhekk fi Spanja, pereżempju, riforma kbira waslet biex tindirizza
dawn il-kwistjonijiet. 3.3 Il-valutazzjoni tal-proporzjonalità
tar-regolamentazzjoni F'każ li jkun hemm
raġuni prevalenti ta’ interess ġenerali xierqa
għar-regolamentazzjoni tal-aċċess għal professjoni,
l-Istati Membri huma wkoll mistiedna li jeżaminaw il-forma u l-livell
tar-regolamentazzjoni bil-ħsieb li jiġu eliminati r-restrizzjonijiet
jew l-ostakli mhux iġġustifikati. 3.3.1
Il-kamp ta’ applikazzjoni u
l-għadd ta' attivitajiet riżervati L-eżaminazzjoni
għandha tqis il-livell tal-kwalifika meħtieġa meta b'paragun
mal-kumplessità tal-kompiti riżervati għall-professjoni. F’xi
każijiet, jista’ jkun possibbli li l-qafas regolatorju jiġi rivedut
mingħajr ma jiġi kompromess l-objettiv mixtieq, pereżempju billi
jitnaqqas il-kamp ta' applikazzjoni tal-attivitajiet riżervati, billi
jingħata aċċess għal xi wħud mill-attivitajiet
riżervati lil professjonijiet oħra regolati jew billi
jintgħażlu approċċi inqas restrittivi. Pereżempju,
jekk ikun hemm professjonisti minn barra li jitolbu aċċess parzjali
għal xi wħud mill-attivitajiet riżervati (iżda mhux
għal kollha), dan jista’ jindika jekk ir-regolamentazzjoni eżistenti
għadhiex proporzjonata. 3.3.2
L-impatt fuq
ir-riċevituri tas-servizzi u fuq is-suq L-analiżi tal-proporzjonalità
għandha tagħti ħarsa wkoll lejn l-impatt tar-regolamentazzjoni
tal-professjonijiet fuq l-utenti tas-servizzi tagħhom. Pereżempju,
fil-prinċipju, il-protezzjoni tal-konsumaturi tista' tintuża biex tiġġustifika
kwalunkwe professjoni regolata, bil-għan li jitnaqqsu r-riskji
assoċjati mal-attivitajiet professjonali. Madankollu,
il-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, bħalma huma l-prezzijiet, il-pagi,
il-kompetittività u l-impjiegi (ara t-taqsimiet 2.2. u 2.3), għandhom
jiġu vvalutati wkoll f’kull Stat Membru u diskussi bejn l-Istati Membri. 3.3.3
It-tqabbil ta' mudelli
alternattivi L-Istati Membri jużaw
forom differenti ta' regolamentazzjoni għall-attivitajiet professjonali.
L-aktar approċċ komuni jinvolvi li jiġi rriżervat id-dritt
tat-twettiq ta' attivitajiet partikolari għall-professjonisti kwalifikati
permezz tal-liġijiet jew tar-regolamentazzjonijiet nazzjonali. Tipi ta'
approċċi oħra jinkludu l-ħarsien ta’ titli professjonali
jew ta' skemi ta’ ċertifikazzjoni obbligatorji jew saħansitra dawk
volontarji (ara l-Anness I). L-Istati Membri li jużaw
sistemi bħal dawn huma mistiedna jippreżentaw rapporti bil-miktub
dwar kif jaħdmu fil-prattika l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni
obbligatorji u volontarji. B’mod partikolari, huma għandhom jirreferu
għall-użu tal-akkreditament skont ir-Regolament (KE)
Nru 765/2008 bħala kontroll ta' awtorità pubblika ta’ dawn l-iskemi
ta' ċertifikazzjoni - kemm fis-settur volontarju kif ukoll f'dak
obbligatorju, li jwassal għal rikonoxximent ta’ ċertifikati
akkreditati. L-evalwazzjoni reċiproka
għandha tkun opportunità għall-Istati Membri li ma jirregolawx
il-professjonijiet fis-setturi kkonċernati sabiex jipprovdu tagħrif
dwar kwalunkwe mekkaniżmi alternattivi li jiggarantixxu r-rispett lejn raġuni
prevalenti ta’ interess ġenerali. Dan għandu jippermetti li jsir
djalogu bejn l-Istati Membri li jużaw approċċi differenti, fejn
għandu jiġi eżaminat l-impatt tat-tipi kollha ta'
restrizzjonijiet formali u informali fuq l-aċċess għall-attivitajiet
professjonali. 4.
Il-pjan
ta’ ħidma Il-proċess, muri
fil-flowchart fl-Anness II, għandu jibda f’Novembru 2013. Kull
Stat Membru huwa mistieden biex l-ewwel iwettaq immappjar preċiż
tal-professjonijiet regolati kollha tiegħu u mbagħad ikompli bi
skrinjar tal-ġustifikazzjoni għal kull professjoni regolata fuq
livell domestiku. Il-pass kruċjali li jmiss għandu jkun it-tqabbil
tar-riżultati kemm jista’ jkun malajr, f'evalwazzjoni reċiproka
estensiva bejn l-Istati Membri kollha. Il-Kummissjoni se tirraporta regolarment
dwar il-progress li jkun sar mill-Istati Membri fl-evalwazzjoni reċiproka.
Sa April 2015, l-Istati Membri diġà għandhom jipproponu l-ewwel
miżuri li l-għan tagħhom ikun li jeżaminaw mill-ġdid
ir-restrizzjonijiet għad-dħul f'ċerti attivitajiet
professjonali. L-evalwazzjoni reċiproka
għandha tinġabar f’setturi sabiex jitqies il-kuntest ekonomiku
(il-kompetizzjoni, il-prezz, l-impjiegi, in-nuqqas ta’ ħaddiema u
l-kwalità tas-servizzi). Sabiex jiġi ffaċilitat ix-xogħol,
l-iskrinjar u l-evalwazzjoni reċiproka għandhom jinqasmu bejn
żewġ fażijiet bi skedi distinti, fejn kull waħda tittratta
raggruppamenti differenti ta’ setturi. L-ewwel raggruppament għandu
jinkludi l-professjonijiet regolati kollha f’dawk is-setturi ekonomiċi
fejn il-modernizzazzjoni tal-qafas regolatorju tista' tikkontribwixxi b’mod
sinifikanti għall-impjiegi u t-tkabbir: is-servizzi tan-negozji,
il-kostruzzjoni, il-manifattura, il-proprjetà immobbli, it-trasport,
il-bejgħ bl-ingrossa u l-bejgħ bl-imnut. It-tieni raggruppament
għandu jkopri s-setturi li jifdal (l-edukazzjoni, id-divertiment,
is-saħħa u s-servizzi soċjali, is-servizzi ta’ netwerk
għajr it-trasport, l-amministrazzjoni pubblika, it-turiżmu,
servizzi/attivitajiet oħra). B’mod parallel, il-Kummissjoni
se tniedi studju fl-ewwel nofs tal-2014 (ara t-Taqsima 2.5). Barra minn
hekk, il-Kummissjoni se tkompli tinvolvi lill-partijiet interessati u
tikkonsulta mal-professjonisti billi torganizza workshops ta' kull sena, kif
għamlet f’Ġunju 2013. Wara li
titwettaq l-evalwazzjoni reċiproka ta' skrinjar għal kull raggruppament,
l-Istati Membri se jiġu mistiedna jippreżentaw il-pjanijiet ta’
azzjoni nazzjonali, li jistgħu jinkludu azzjonijiet li diġà
nbdew. Għal kull professjoni regolata, huma għandhom jiddeterminaw
l-aktar azzjoni adegwata, inklużi l-opzjonijiet li ġejjin:
iż-żamma tar-regolamentazzjoni eżistenti dwar
l-aċċess għall-professjoni, li tindika jekk tneħħewx
jew jekk ġewx eżaminati mill-ġdid tipi oħra ta’
regolamentazzjoni applikabbli għall-eżerċitar tal-professjoni;
l-immodifikar tar-regolamentazzjoni eżistenti,
pereżempju permezz ta’ rieżami tar-rekwiżiti tal-kwalifiki,
pereż. li jitqassar id-dewmien tal-programm ta’ taħriġ jew ta'
apprentistat, jew permezz tat-tnaqqis tal-kamp ta' applikazzjoni
tal-attivitajiet riżervati, pereż. li jiġu rriżervati biss
l-attivitajiet marbuta ma' għarfien espert speċifiku u/jew ma' riskji
ikbar;
is-sostituzzjoni ta' forma eżistenti ta' regolamentazzjoni
b'sistema oħra kapaċi li tiżgura l-kwalità tas-servizzi,
pereżempju l-ħarsien tat-titlu jew sistema ta’ ċertifikazzjoni
volontarja sorveljata mill-awtoritajiet tal-Istat; jew
ir-revoka tar-regolamentazzjoni eżistenti. Meta l-Istati Membri
jirċievu talbiet għal regolamentazzjoni ġdida direttament
mill-professjonijiet, il-pjanijiet ta’ azzjoni għandhom jinkludu wkoll
kriterji ċari u trasparenti li abbażi tagħhom se jiġu
eżaminati dawn it-talbiet għal regolamentazzjoni ġdida. Sabiex tiffaċilita
l-proċess, il-Kummissjoni tipproponi li tipproċedi fi tliet
fażijiet bi skedi preċiżi u li tipprovdi reazzjoni f'waqtha
lill-Istati Membri f’kull fażi. 4.1 L-ewwel fażi: L-immappjar tal-professjonijiet
f’kull Stat Membru F’Novembru 2013, l-Istati
Membri għandhom jiċċekkjaw it-tagħrif diġà disponibbli
fil-Bażi tad-Dejta tal-Professjonijiet Regolati tal-Kummissjoni u
jipprovdu d-dejta addizzjonali kollha meħtieġa, inkluż dwar
il-ħarsien tat-titli u dwar l-attivitajiet professjonali
soġġetti għal ċertifikazzjoni obbligatorja. Għal dawn
il-każijiet, fejn ċertifikazzjoni obbligatorja toriġina minn
Direttiva tal-UE (pereż. fit-trasport bit-triq), l-Istati Membri
għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni għal liema strument tal-UE din
tkun qed tirreferi. Għal kull professjoni regolata, l-Istati Membri
għandhom jipprovdu wkoll deskrizzjoni tal-attivitajiet riżervati.
Il-Bażi tad-Dejta tal-Professjonijiet Regolati għandha titlesta sa
Frar 2014. F’Marzu 2014,
il-Kummissjoni biħsiebha tippubblika Mappa Ewropea tal-Professjonijiet
Regolati. 4.2 It-tieni fażi (Novembru 2013 –
April 2015): l-iskrinjar, l-evalwazzjoni u l-pjanijiet ta’ azzjoni
nazzjonali għall-ewwel raggruppament ta’ setturi Bejn Novembru 2013 u
Mejju 2014, l-Istati Membri għandhom iwettqu skrinjar dettaljat
għall-professjonijiet koperti mill-ewwel raggruppament. Minn
Ġunju 2014, il-Kummissjoni se torganizza laqgħat sabiex l-Istati
Membri jkunu jistgħu jiskambjaw ir-riżultati tal-eżerċizzji
ta' skrinjar domestiċi tagħhom. L-Istati Membri kollha se jkollhom
il-possibbiltà li jikkummentaw dwar l-iżviluppi u l-konklużjonijiet
inizjali minn Stati Membri oħra. L-Istati Membri se jiġu
mistiedna jieħdu inkunsiderazzjoni s-sejbiet tal-Kummissjoni li se
jiġu ppreżentati fir-Rapport Annwali tagħha dwar l-Integrazzjoni
tas-Suq Uniku (flimkien ma' rapport ta’ evalwazzjoni aktar dettaljat)
f’Novembru 2014. L-iskrinjar u l-proċess
ta’ evalwazzjoni reċiproka għandhom jippermettu lill-Istati Membri
kollha jħejju rapporti inizjali dwar il-professjonijiet inklużi
fl-ewwel raggruppament sa April 2015, li jindikaw il-miżuri li
jkunu ħadu jew li jkun biħsiebhom jieħdu.
Il-konklużjonijiet ta’ dawn ir-rapporti għandhom ikunu artikolati
mal-programmi nazzjonali ta’ riforma (PNR) li għandhom jiġu
ppreżentati fl-istess ħin, anke bħala parti mis-Semestru
Ewropew. Dawn is-sejbiet jistgħu jitqiesu wkoll fil-kuntest
tat-tħejjija tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi
għall-Pajjiżi tal-2015. 4.3 It-tielet fażi (Ġunju 2014 –
Jannar 2016): l-iskrinjar, l-evalwazzjoni u l-pjanijiet ta’ azzjoni
nazzjonali għat-tieni raggruppament ta’ setturi Għandu jiġi segwit
l-istess proċess bħal dak segwit għall-ewwel raggruppament.
F’Novembru 2015, il-Kummissjoni se tippreżenta l-konklużjonijiet
dettaljati fir-Rapport Annwali tagħha dwar l-Integrazzjoni tas-Suq Uniku
kif ukoll rapport ta' evalwazzjoni aktar dettaljat. L-Istati Membri
għandhom jipprovdu t-tieni rapport sa Jannar 2016, li jindika
l-miżuri li jkunu ħadu jew li jkun biħsiebhom jieħdu.
Għal darb’oħra, is-sejbiet għal dawn is-setturi jistgħu
jitqiesu għas-Semestru Ewropew tal-2016. F’Ġunju 2015 u
f'Marzu 2016, il-Kummissjoni se tipproponi xi azzjonijiet ta’ rimedju
bħala segwitu abbażi tal-pjanijiet ta’ azzjoni li jkunu waslulha
mingħand l-Istati Membri f'Ġunju 2015 u f’Jannar 2016. Dawn
l-azzjonijiet jistgħu jinkludu, inter alia, it-tnedija ta’
proċeduri ta’ ksur fejn jinżammu r-rekwiżiti nazzjonali
diskriminatorji jew sproporzjonati. 5.
Konklużjoni It-trasparenza u l-evalwazzjoni
reċiproka tal-professjonijiet regolati għandhom iwasslu
għall-modernizzazzjoni tal-oqfsa nazzjonali li jillimitaw
l-aċċess għall-professjonijiet. Ir-riżultati għandhom
jinkoraġġixxu l-mobilità tal-professjonisti fis-Suq Uniku,
jgħinu biex jinħolqu impjiegi ġodda fis-setturi professjonali
kkonċernati, itejbu l-kompetittività ta’ dawn is-setturi u ta' oħrajn
relatati u jiftħu l-opportunitajiet ta’ tkabbir. Il-Kummissjoni tistenna li
l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ f'dan
l-eżerċizzju, u li jallokaw riżorsi biżżejjed biex
jipparteċipaw fl-iskrinjar u fl-evalwazzjoni reċiproka
tar-regolamentazzjonijiet nazzjonali. Il-Kummissjoni hi konxja mill-ħidma
sinifikanti li għandha titwettaq fil-livell nazzjonali u hija lesta li tassisti
kull fejn ikun possibbli. ANNESS I Approċċi
differenti fir-regolamentazzjoni tal-attivitajiet professjonali 1.
Il-professjonijiet regolati marbuta mal-attivitajiet
riżervati L-aktar approċċ
komuni huwa li jiġi rriżervat id-dritt tat-twettiq ta' attivitajiet
partikolari għall-professjonisti kwalifikati permezz tal-liġijiet jew
tar-regolamentazzjonijiet nazzjonali. Skont dan l-approċċ, l-Istati
Membri stess jiddefinixxu sett ta’ attivitajiet professjonali li għalihom
iqisu li tkun meħtieġa kwalifika speċifika. Pereżempju, f’ħafna Stati Membri, l-attivitajiet
relatati ma’ disinn ta' bini huma esklussivament riżervati
għall-periti. Ir-rekwiżiti tal-kwalifiki
u l-firxa tal-attivitajiet riżervati ġeneralment huma kkontrollati
minn awtorità pubblika f’livell nazzjonali jew reġjonali. F’ċerti
każijiet, din is-setgħa tiġi delegata lill-korpi professjonali
(ordnijiet, awli, kulleġġi) li jkollhom funzjonijiet organizzattivi u
dixxiplinarji u li jkunu responsabbli għall-iżvilupp u
għall-applikazzjoni ta’ kodiċi deontoloġiku. Sabiex jingħelbu l-ostakli
possibbli li jinħolqu minħabba r-regolamentazzjonijiet nazzjonali,
fl-UE ġiet stabbilita sistema ta’ rikonoxximent reċiproku
tal-kwalifiki. Id-Direttiva 2005/36/KE tapplika għall-professjonisti kwalifikati
fi Stat Membru wieħed (kemm jekk il-professjoni hi regolata hemmhekk kif
ukoll jekk le) u li jkunu ħerqana li jistabbilixxu lilhom infushom jew li
jipprovdu servizzi fi Stat Membru ieħor, fejn il-professjoni tkun
regolata. 2. L-attivitajiet
professjonali regolati permezz ta’ ċertifikazzjoni obbligatorja L-aċċess
għall-attivitajiet professjonali li jirrikjedu għarfien
speċifiku tar-regoli jew tal-proċessi tekniċi jista' jkun
soġġett għal ċertifikazzjoni obbligatorja fil-livell
nazzjonali. F’xi każijiet, dan l-obbligu jiġi
mil-leġiżlazzjoni tal-UE. Id-differenza ewlenija bejn dan
l-approċċ u r-riżervi tal-attività deskritti hawn fuq hija li
r-rekwiżit ta' kwalifika mhuwiex esklussivament marbut ma’ professjoni
bħala tali. Hemm firxa limitata ta’ attivitajiet tekniċi speċifiċi
li jiddependu fuq il-pussess ta’ ċertifikat li jista' jinkiseb minn membri
ta’ professjonijiet differenti. Eżempju partikolari huwa
l-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-gassijiet fluworurati[17]. Din tipprovdi
għal ċertifikazzjoni obbligatorja għall-kumpaniji u
għall-persunal li jaħdmu b'sistemi stazzjonarji ta’ tkessiħ u
b'tagħmir ta’ kondizzjonament tal-arja u ta’ pompi tas-sħana.
Ġiet żviluppata leġiżlazzjoni simili fil-livell tal-UE
għal ċerti kategoriji ta' sewwieqa tal-ferrovija[18] u għal ċerti kategoriji
ta' sewwieqa professjonali involuti fit-trasport bit-triq[19]. F’dawn il-każijiet kollha,
il-leġiżlazzjoni tal-UE tiddefinixxi r-rekwiżiti minimi ta’
taħriġ. Kultant hi tiddefinixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri
għar-rikonoxximent taċ-ċertifikati maħruġa fi Stati
Membri oħra. Barra minn hekk, jekk dawn l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni
huma bbażati fuq l-akkreditament skont ir-Regolament (KE)
Nru 765/2008, l-Istati Membri l-oħrajn huma obbligati li jirrikonoxxu
dawn iċ-ċertifikati. Madankollu, fejn dan mhuwiex il-każ jew
meta l-kundizzjonijiet eżatti għar-rikonoxximent mhumiex
speċifikati, id-Direttiva 2005/36/KE tipprovdi l-qafas meħtieġ
għar-rikonoxximent. 3. It-titoli
professjonali protetti Approċċ ieħor
jikkonsisti fir-regolamentazzjoni tal-aċċess għat-titoli
professjonali. F’dan il-każ, biex jintuża titolu professjonali, tkun
meħtieġa kwalifika speċifika, iżda l-attività marbuta
mal-professjoni ma tkunx riżervata għad-detenturi ta’ dan it-titolu:
kulħadd jista’ jeżerċita l-attivitajiet, sakemm ma jużawx
it-titolu. Pereżempju fil-Ġermanja, it-titolu professjonali
“Ingenieur” huwa protett bil-liġi u jista’ jinkiseb biss fuq il-bażi
ta’ kwalifika akkademika fl-inġinerija jew fix-xjenzi naturali. Xi korpi professjonali
għandhom is-setgħa esklussiva, mogħtija mill-awtoritajiet
pubbliċi, li jagħtu titoli professjonali (pereż. korpi
professjonali inkorporati permezz ta' karta fir-Renju Unit).. Titolu professjonali protett
huwa sinjal għall-konsumaturi u għall-impjegaturi li d-detentur
jissodisfa r-rekwiżiti ta' kwalifiki partikolari, filwaqt li
jħallihom fil-libertà li jimpjegaw professjonisti li ma jkollhomx dak
it-titolu. 4. Skemi
ta’ ċertifikazzjoni volontarji Is-sistemi ta’
ċertifikazzjoni volontarji spiss jintużaw minn professjonijiet li ma
jkunux regolati bil-liġi. L-objettivi ewlenin tagħhom huma li juru
kompetenza professjonali, li jiggarantixxu l-kwalità tas-servizzi u li jwasslu
l-informazzjoni lill-konsumaturi, fin-nuqqas ta’ regolamentazzjoni.
L-Artikolu 26 tad-Direttiva dwar is-Servizzi[20] jippromwovi l-iżvilupp ta’
sistemi ta’ ċertifikazzjoni u ta' tikketti tal-kwalità sabiex tkun tista'
ssir il-valutazzjoni tal-kompetenza tal-fornituri tas-servizzi u sabiex
tiġi ggarantita kwalità għolja ta’ servizz. Xi skemi ta’
ċertifikazzjoni huma żviluppati minn korpi regolatorji maħtura
mill-awtoritajiet tal-Istat (pereż. il-Kunsill għall-Kura
tax-Xagħar fir-Renju Unit). Madankollu, il-ġestjoni ta’ dan it-tip
ta’ sistemi ta’ ċertifikazzjoni tista' tinvolvi kostijiet konsiderevoli għall-partijiet
interessati. Fost l-assoċjazzjonijiet
professjonali, hemm xejra li dejjem qed tikber biex dawn jiżviluppaw
l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni tagħhom stess, u f’xi każijiet,
biex jissottomettu s-sħubija tagħhom għal ċertifikazzjoni
minn qabel tal-membru futur. Fl-2012, fl-Italja, ġiet
adottata liġi ġdida dwar l-organizzazzjoni ta’ professjonijiet mhux
regolati, li tintroduċi l-possibbiltà li jiġu kostitwiti
assoċjazzjonijiet professjonali u li tippromwovi
l-awtoċertifikazzjoni volontarja ta’ professjonisti li
jeżerċitaw attivitajiet mhux regolati. L-awtoċertifikazzjoni
għandha tiġi bbażata fuq normi tekniċi nazzjonali li
jiddefinixxu l-kompetenzi meħtieġa għat-twettiq tal-professjoni.
Din il-prassi għandha
l-għan li ttejjeb it-trasparenza tal-attivitajiet professjonali
għall-konsumaturi u li tgħinhom jagħżlu bejn fornituri ta’
servizz differenti. Madankollu, jekk dawn l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni ma
jkunux ibbażati fuq l-akkreditament skont ir-Regolament (KE)
Nru 765/2008, ma jkun hemm l-ebda kontroll tal-kwalità jew tal-funzjonament
tagħhom. Barra minn hekk, dawn jistgħu joħolqu
ostakli prattiċi għall-aċċess ta’ attivitajiet
professjonali. Huma jistgħu, pereżempju, jiffavorixxu l-iżvilupp
ta’ assoċjazzjonijiet professjonali dominanti, u dan iwassal għall-iżolament
ta' parteċipanti ġodda minn pajjiżi oħra: għalkemm
l-aċċess għall-attivitajiet professjonali ma jkollux
restrizzjoni bil-liġi, iċ-ċertifikazzjoni issir neċessità
fis-suq; fl-istess ħin, fin-nuqqas ta’ regolamentazzjoni statali,
is-sistema ta’ rikonoxximent prevista fid-Direttiva 2005/36/KE ma tkunx
tapplika. ANNESS II [1]
Il-Komunikazzjoni dwar
l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi "Sħubija għal
tkabbir ġdid fis-servizzi 2012-2015" (ara http://ec.europa.eu/internal_market/services/docs/services-dir/implementation/report/COM_2012_261_mt.pdf) [2] L-Artikolu 59 tad-Direttiva riveduta dwar
il-Kwalifiki Professjonali (ara: http://www.europarl.europa.eu/document/activities/cont/201309/20130902ATT70679/20130902ATT70679EN.pdf) [3] Ir-Rakkomandazzjoni
tal-14 ta' Ġunju 2012 [4]
Ara fl-2003, fl-2008 (u fl-2013) fl-indirizz li
ġej: http://www.oecd.org/eco/reform/indicatorsofregulatoryconditionsintheprofessionalservices.htm [5]
Law and Kim (2005) "Specialization
and Regulation: The Rise of Professionals and the Emergence of Occupational
Licensing Regulation" [6]
Friedman (1962) "Capitalism and
Freedom", Shapiro (1986) "Investment, Moral Hazard and Occupational
Licensing", Stigler (1971) "The Theory of Economic
Regulation" [7]
Friedman (1962) ara n-nota ta' qiegħ
il-paġna Nru 6, Kleiner (2006) "Licensing Occupations: Ensuring
Quality or Restricting Competition?" [8]
Mortensen and Pissarides (1994) "Job
Creation and Job Destruction in the Theory of Unemployment" [9] Carroll and Gaston (1981) "A Note on the Quality of Legal Services: Peer Review
and Disciplinary Service", Maurizi (1980) "The impact of regulation on quality: The
case of California contractors", Kugler and Sauer (2005) "Doctors without Borders? Relicensing Requirements and Negative
Selection in the Market for Physicians" [10] Kleiner and Krueger (2013) "Analyzing the Extent
and Influence of Occupational Licensing on the Labor Market" [11] Kleiner (2006), ara n-nota ta' qiegħ
il-paġna Nru 7 [12] Plantl and Spitz-Oener (2009), "How does Entry
Regulation Influence Entry to Self-Employment and Occupational Mobility?" [13] Ara l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva
Nru 2005/36/KE. [14] Il-bażi tad-dejta tal-professjonijiet regolati
miżmuma mill-Kummissjoni abbażi tal-informazzjoni pprovduta
mill-Istati Membri. Il-bażi tad-dejta telenka l-professjonijiet regolati
koperti mid-Direttiva 2005/36/KE. (il-websajt: http://ec.europa.eu/internal_market/qualifications/regprof/index.cfm?fuseaction=home.home)
[15]
Jeħtieġ li l-għadd ta’
professjonijiet regolati mill-Istati Membri jiġu ttrattati b’attenzjoni.
Il-mod li bih l-Istati Membri bħalissa jelenkaw il-professjonijiet
regolati tagħhom fil-Bażi tad-Dejta dwar il-Professjonijiet Regolati
jista' jvarja (ċerti Stati Membri jistgħu jinnotifikaw professjoni
waħda li tkopri firxa kbira ta’ attivitajiet/speċjalitajiet differenti,
filwaqt li Stati Membri oħra jistgħu jinnotifikaw diversi
professjonijiet). [16]
Dawn jissejħu “tagħlim u
taħriġ regolat” skont id-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali. [17] Ir-Regolament
842/2006 -; Ir-Regolament tal-Kummissjoni 303/2008 [18] Id-Direttiva 2007/59/KE [19] Id-Direttiva 2003/59/KE [20] Id-Direttiva 2006/123/KE