52013DC0531

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Lil hinn mill-2015: lejn approċċ komprensiv u integrat għall-finanzjament tal-qerda tal-faqar u tal-iżvilupp sostenibbli /* COM/2013/0531 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Lil hinn mill-2015: lejn approċċ komprensiv u integrat għall-finanzjament tal-qerda tal-faqar u tal-iżvilupp sostenibbli

Introduzzjoni

Fis-sentejn li ġejjin, is-sħab kollha għandhom jagħtu prijorità lil azzjoni deċiżiva biex jitħaffef il-progress lejn l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (Millenium Development Goals - MDG). Għal dak l-għan, hekk kif qed noqorbu lejn l-avveniment speċjali tan-NU dwar l-MDGs f’Settembru 2013, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom bżonn iżidu l-isforzi tagħhom biex jilħqu impenji kurrenti, inkluż finanzjament miżjud u aktar effettiv b'sostenn lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif deskritt fil-qosor fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Aġenda għall-Bidla"[1]. L-azzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri tagħha (minn hawn ’il quddiem imsejħa "l-UE") huma analizzati fir-rapport ta' responsabbiltà tal-UE tal-2013.

B’mod parallel, il-konverżazzjoni globali dwar l-aġenda usa’ lil hinn mill-2015 bdiet permezz ta’ diversi proċessi. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Ħajja deċenti għal kulħadd: Neqirdu l-faqar u nagħtu lid-dinja futur sostenibbli"[2], approvata mill-Kunsill[3], iffokat fuq il-"xiex"u fasslet viżjoni għal wara l-2015 li tindirizza t-tnaqqis tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli f’qafas ġenerali. Il-Komunikazzjoni dwar il-Ftehim Internazzjonali dwar it-Tibdil fil-Klima tal-2015[4] tqajjem numru ta’ kwistjonijiet importanti relatati mal-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, lil hinn mis-sena 2020. B’segwitu għall-Komunikazzjoni "It-titjib tal-appoġġ tal-UE lil pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jimmobilizzaw il-finanzjament għall-iżvilupp"[5] u l-Konklużjonijiet sussegwenti tal-Kunsill[6], it-tnejn jinkludu t-teħid ta' approċċ komprensiv lejn ir-riżorsi ta' finanzjament kollha kif ukoll approċċ integrat lejn il-proċessi varji li jindirizzaw l-istess sorsi.

Il-Komunikazzjoni preżenti tiffoka fuq fejn jidħol il-finanzjament tal-"kif" fil-qafas ta' wara l-2015. Għandha l-iskop li tiżviluppa approċċ komuni tal-UE lejn kwistjonijiet ta’ finanzjament fid-diskussjonijiet internazzjonali — xi struttura tista' tingħata lil approċċ globali, x'riżorsi huma disponibbli u li jistgħu jiġu mmobilizzati, liema proċessi jistgħu jwasslu għal hemm u liema prinċipji għandhom jiggwidaw ix-xogħol. F’dan l-istadju, l-UE għandha tibqa’ miftuħa għal djalogu mal-imsieħba, u l-Komunikazzjoni ma tipproponi l-ebda azzjonijiet jew impenji ġodda għall-UE. Dawn ikunu jistgħu jsiru aktar tard fil-kuntest ta’ ftehim globali dwar firxa ta’ impenji li jirriflettu l-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet dejjem jinbidlu ta’ diversi sħab internazzjonali lil hinn mill-2015.

Il-Komunikazzjoni tenfasizza l-finanzjament għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, iżda l-approċċ propost jista’ jitqies applikabbli b’mod universali. Il-prinċipju ċentrali jgħodd għall-pajjiżi kollha — il-firxa ta’ sorsi ta’ finanzjament huwa l-istess għal għanijiet ta’ politika kollha u jeħtieġ li jintuża b’mod li jinkisbu l-aħjar riżultati.

1.           Xenarju dejjem jinbidel fejn jidħlu l-finanzi

Matul l-aħħar deċennju d-dinja għaddiet minn tibdil konsiderevoli, speċjalment fid-distribuzzjoni tal-ġid globali, il-kapaċità tal-pajjiżi li jinfluwenzaw it-tendenzi globali u fir-rwol dejjem jiżdied ta’ donaturi emerġenti, b'mod li nbidel il-mod ta' kif nifhmu l-finanzjament għall-iżvilupp.

Bosta proċessi internazzjonali jikkunsidraw kwistjonijiet ta’ finanzjament. Ir-rapport mill-Panel ta’ Livell Għoli tan-NU dwar wara l-2015 u l-Grupp ta’ Ħidma Miftuħ tan-NU dwar l-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli jinkludu elementi dwar il-finanzjament u mezzi oħra ta’ implimentazzjoni; il-Kumitat tan-NU maħtur biex iressaq alternattivi għal strateġija ta’ finanzjament għall-iżvilupp sostenibbli beda l-ħidma tiegħu, u l-Assemblea Ġenerali tan-NU qed torganizza konsultazzjonijiet sabiex possibbilment jissaħħaħ il-proċess ta’ finanzjament għall-iżvilupp. Barra minn hekk, il-Konvenzjoni ta’ Qafas tan-NU dwar it-tibdil fil-klima tistrieħ fuq il-mobilizzazzjoni u l-użu effettiv ta’ finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima għal wara l-2020 u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika qed tħaddem l-istrateġija tagħha ta’ mobilizzazzjoni tar-riżorsi. Dawn il-proċessi, u oħrajn, jikkunsidraw l-istess riżorsi għall-kisba ta' firxa ta’ għanijiet ta’ politika, li jistgħu jwasslu għal impenji dduplikati. Minflok, l-investimenti lejn dawn il-miri, ibbażati fuq impenji eżistenti u futuri, għandhom jaħdmu ħarir ma’ xulxin u joħolqu sinerġiji, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali. Għalhekk il-proċessi varji li jkopru l-finanzjament għandhom ikunu koerenti mas-sett ta’ prinċipji li dwarhom hemm qbil komuni u jiġu integrati ma’ xulxin sabiex jimmassimizzaw l-utilità tagħhom biex jinkisbu diversi objettivi ta' politika globali.

Id-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa jippreżentaw opportunità ta' tiġdid tal-Kunsens ta’ Monterrey biex jinħoloq approċċ lejn il-finanzjament li jkun effettiv fejn jintużaw il-biċċa l-kbira tar-riżorsi — fil-livell nazzjonali. Il-Kunsens ta’ Monterrey tal-2002, kif ukoll id-Dikjarazzjoni ta’ Doha tal-2008 dwar il-finanzjament għall-iżvilupp stabbiliet bil-miktub prinċipju ta’ sens komun li għadu validu: iċ-ċavetta għall-progress tinsab fl-azzjoni nazzjonali ta’ kull pajjiż, b'mod li r-riżorsi kollha disponibbli jintużaw tajjeb. Dan l-approċċ komprensiv lejn il-finanzjament għandu jkun fil-qalba tad-diskussjonijiet dwar il-finanzjament u għandu jsir dejjem aktar operattiv.

Ir-riżorsi jistgħu jiġu minn żewġ sorsi: dawk pubbliċi u dawk privati, kemm fil-livell domestiku kif ukoll dak internazzjonali. Il-finanzjament domestiku pubbliku jinkludi t-taxxi u introjti oħrajn tal-gvern, inkluż minn riżorsi naturali. Il-finanzjament internazzjonali pubbliku jista’ jieħu l-forma ta’ għotjiet, ekwità jew self. Il-finanzjament domestiku privat jinkludi investimenti minn intrapriżi lokali u mill-organizzazzjonijiet karitatevoli. Il-finanzjament internazzjonali privat jinkludi investimenti internazzjonali, trasferimenti privati bħalma huma rimessi u donazzjonijiet. Sorsi ġodda u innovattivi bħalma hi taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, dħul minn skambju tal-emissjonijiet tal-karbonju jew taxxi fuq il-ħażna tal-karburanti wkoll jiġu jaqgħu f’waħda mill-kategoriji msemmija hawn fuq.

Dawn huma l-kategoriji ta’ riżorsi li kull pajjiż jista’ jinvesti fil-miri kollha li dwarhom ikun hemm qbil nazzjonali u internazzjonali, għalkemm ikunu qed jintużaw strumenti differenti għal skopijiet ewlenin differenti. Dawn għandhom jikkostitwixxu l-bażi ta’ approċċ ta’ finanzjament. Ir-riżorsi pubbliċi huma direttament disponibbli u jistgħu jintużaw mill-gvernijiet. Il-finanzjament privat huwa fundamentalment differenti għaliex isegwi l-interessi privati u jkun meħtieġ li jiġi ddirezzjonat biex ikun ta' sostenn għal għanijiet ta' politika. Dawk li jfasslu l-politika pubblika għandhom jaraw li jżidu l-finanzjament disponibbli u jiżguraw li r-riżorsi jkunu mmirati b'mod effettiv lejn miri maqbula. Għal dan l-għan, is-sorsi kollha għandhom jitqiesu flimkien bħala taħlita ta’ mezzi disponibbli għall-kisba tar-riżultati.

2.           Fejnhom il-flus? L-attenzjoni għandha tingħata fejn jiswa, skont il-perspettiva tal-pajjiż li qed jiżviluppa

F’pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-2010 kien hemm madwar EUR 7 129 biljun[7] f'finanzjament pubbliku u privat disponibbli, bil-potenzjal li dan jikkontribwixxi għall-qerda tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli.

Tabella 1: Il-finanzi disponibbli għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw [biljun EUR, 2010)

Finanzjament domestiku pubbliku

It-total: 3 317

Dħul mit-taxxa 3 252

Potenzjal ta' tneħħija ta' sussidji fuq fjuwils fossili li jagħmlu l-ħsara 309

Self estern pubbliku: 65

Punti f'Memorandum

Riżervi totali, inkluż deheb: 4 074

Flussi 'l barra finanzjamentji illeċiti: 649 (stima ta' telf ta' 120 minn dħul mit-taxxi) inkluż minn korruzzjoni, attivitajiet kriminali, u l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa.

Finanzjament internazzjonali pubbliku

Total minfuq: 158

Għotjiet skont l-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA): 92, li minnhom 39 mill-UE

Self konċessjonarju: 7, li minnhom 3 mill-UE

Finanzjament ieħor ta' għajnuna uffiċjali: 54, li minnhom -4 mill-UE

Operazzjonijiet ta’ sigurtà internazzjonali ssanzjonati min-NU: 5, li minnhom 2 mill-UE

Finanzjament privat — domestiku u internazzjonali

Total: 3 652

Investiment domestiku privat: 2 678

Investimenti Internazzjonali: 624

Investiment Dirett Barrani 443

Investiment ta' Portafoll Barrani 181

Self estern pubbliku: 70

Rimessi: 238

Il-potenzjal jekk l-ispejjeż ta' trasferiment jitnaqqsu għal 5%: 12 kull sena

Filantropija Privata: 42

Id-dejta tikkonferma li r-riżorsi domestiċi pubbliċi jeċċedu l-finanzjament internazzjonali pubbliku (b’fattur ta’ 20), li dan stess hu biss 2 % tal-finanzjament totali disponibbli f’pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-finanzjament privat huwa fil-livell tal-finanzjament pubbliku. Fl-istess ħin, hemm differenzi fundamentali bejn il-pajjiżi fejn tidħol l-għamla ta’ sorsi ta’ finanzjament, kif jidher mis-sitwazzjonijiet differenti ta’ pajjiżi bi dħul baxx (LICs) u pajjiżi bi dħul medju (MICs).

Grafika 1

Grafika 2

2.1.        Finanzjament domestiku pubbliku — l-akbar u l-aqwa sors għall-gvernijiet

Il-finanzjament domestiku pubbliku (EUR 3 317bn) huwa s-sors ewlieni ta’ finanzjament direttament disponibbli għall-gvernijiet biex jintefqu fuq għanijiet ta' politika u għalhekk huwa l-aktar element importanti f’approċċ ta’ finanzjament. Lil hinn mill-provvediment ta' spazju fiskali għall-infiq fuq il-prijoritajiet, għandu wkoll isaħħaħ ir-responsabbiltà domestika u jikkontribwixxi għal relazzjoni soda bejn il-gvern u ċ-ċittadini. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi jistgħu jżidu b’mod sinifikanti l-infiq domestiku tagħhom fuq il-prijoritajiet, inkluż billi jżidu d-dħul mit-taxxa, jiġġieldu l-flussi illeċiti u jneħħu s-sussidji minn fuq fjuwils fossili li jikkawżaw il-ħsara.

2.1.1.     Il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi

L-introjtu mit-taxxa ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw ivarja, u bħala medja huwa ta' 13% tal-PDG fil-LICs u 22% tal-PDG fil-MICs. Il-UNDP kienet issuġġeriet li sehem ta' dħul tal-gvern li jkun konsistenti mal-MDG jista' jkun ta' aktar minn 20% tal-PDG, u dan il-fatt juri li l-biċċa l-kbira tal-MICs għandhom ikunu jistgħu jilħqu dawn l-għanijiet biss bl-użu ta’ riżorsi domestiċi pubbliċi. Barra minn hekk, skont il-FMI, iż-żieda tad-dħul tal-gvern b’madwar 3 % tal-PDG tkun tista' ssir relattivament malajr, anki mingħajr ma jitqies il-potenzjal ta’ żieda fl-introjti minn riżorsi naturali u minn taxxi ekoloġiċi ġodda. Dan juri li, anki fil-każ tal-LICs, huwa possibbli li, għat-tul, tintemm id-dipendenza fuq l-għajnuna.

Il-flussi illegali, li huma stmati li jilħqu EUR 649bn fis-sena, u li jiġu minn pereżempju l-qligħ mill-kriminalità, l-evażjoni tat-taxxi u l-korruzzjoni, huma elementi sostanzjali ta' ħela ta' finanzi pubbliċi għal bosta pajjiżi. It-telf ta’ introjtu mit-taxxa huwa parti waħda biss tal-impatt negattiv ta’ dawn il-flussi, peress li dawn jiskoraġġixxu wkoll l-investimenti leġittimi u jimminaw il-kuntratt soċjali usa'. Il-pajjiżi għandhom irażżnu l-flussi illeċiti permezz ta' miżuri regolatorji u ta’ infurzar.

2.1.2.     Is-self u t-tislif sostenibbli

Is-self jippermetti lill-pajjiżi biex jantiċipaw l-investimenti u jżommu nefqa pubblika stabbli fid-dawl ta' volatilità fejn jidħol dħul. Id-dejn kumplessiv ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw naqas matul is-snin, iżda għad fadal ħafna li huma fir-riskju jew li m'għandhomx aċċess għas-swieq finanzjarji u jiddependu fuq self uffiċjali. Selliefa privati u selliefa uffiċjali mhux tal-Paris Club saru kredituri aktar prominenti lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Dan jenfasizza l-ħtieġa biex l-atturi kollha japplikaw prinċipji ta' self u tislif responsabbli biex jiġi żgurat li d-dejn ikun sostenibbli.

Il-biċċa l-kbira tal-EUR 4 074bn li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom bħala riżervi internazzjonali jinżammu minn ftit fost l-MICs, filwaqt li l-ifqar pajjiżi ftit għandhom taħt rashom. Ir-riżervi ta’ prekawzjoni huma parti mid-difiża li jkollu pajjiż kontra x-xokkijiet u jistgħu jiġu kkumplimentati minn strumenti bbażati fuq l-assikurazzjoni, filwaqt li qafas ta’ politika makroekonomika soda u prudenzjali huwa ċ-ċavetta biex jiġu limitati l-vulnerabbiltajiet.

2.1.3.     Il-finanzjament domestiku pubbliku disponibbli għandu jintnefaq tajjeb

L-infiq kif xieraq tal-flus disponibbli huwa daqstant importanti daqs iż-żieda fir-riżorsi. Il-pajjiżi għandhom iżommu mar-regoli ta’ ġestjoni tajba tal-finanzi pubbliċi u jiżguraw l-akbar valur miżjud possibbli tal-flus disponibbli. L-investimenti l-aktar siewja biex jintlaħqu l-miri stabbiliti għandhom jiġu prijoritizzati u l-infiq fuq għan wieħed ta' politika għandu wkoll ikun ta' sostenn għal miri oħra.

2.1.4.     Azzjonijiet kruċjali biex jiżdiedu r-riżorsi domestiċi investiti lejn l-għanijiet ta' politika miftiehma globalment

Kull pajjiż għandu fil-livell nazzjonali:

– Jirriforma s-sistemi ta’ taxxa, isaħħaħ l-amministrazzjonijiet tat-taxxa u jimplimenta leġiżlazzjoni li tnaqqas il-korruzzjoni. Dan jinkludi li tiżdied it-trasparenza, ir-responsabbiltà u s-sostenibbiltà fl-amministrazzjoni tar-riżorsi naturali u li tiġi kkonfrontata l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa.

– Jiġu implimentati politiki li jiżguraw li l-flus jintefqu tajjeb, inkluż permezz ta' sħubiji innovattivi, jiġu megħjuna l-fondi privati u jiġu eliminati s-sussidji tal-fjuwils fossili li jikkawżaw il-ħsara.

– Jiġu segwiti prinċipji responsabbli ta' self u tislif sovran u tinbena r-reżiljenza.

Sabiex jingħata sostenn lill-isforzi nazzjonali, il-pajjiżi u l-atturi internazzjonali kollha flimkien għandhom:

– Jobbligaw lis-settur finanzjarju u lill-intrapriżi multinazzjonali f’setturi ewlenin biex jaħdmu fi trasparenza, inkluża l-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi u inizjattivi oħra li jappoġġjaw l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, permezz ta’ regoli dwar il-flussi illegali, rappurtar pajjiż pajjiż, iktar trasparenza fiskali u l-iskambju ta’ informazzjoni. L-UE qed tmexxi l-azzjoni globali dwar dawn il-kwistjonijiet, iżda l-progress jiddependi wkoll fuq atturi oħrajn li juru li jaderixxu ma' dawn il-prinċipji.

– Jiġu implimentati regoli kontra l-korruzzjoni simili għall-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni.

– Tissaħħaħ l-arkitettura finanzjarja internazzjonali għas-sostenibbiltà tad-dejn u l-assorbiment tax-xokkijiet.

2.2.        Il-Finanzjament internazzjonali pubbliku — għal xi wħud għadu importanti

L-ODA għadu s-sors ewlieni ta' finanzjament għas-36 LICs li huma wkoll l-aktar affettwati minn sfidi globali; dan jammonta għal 12 % tal-PDG tagħhom, li diġà huwa anqas mill-introjti domestiċi tal-LICs. Fl-istess ħin, il-finanzjament internazzjonali pubbliku (158bn) huwa ta’ importanza marġinali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw meħuda flimkien (0.7 % tal-PDG). Fil-każ tal-108 MICs, l-ODA tirrappreżenta medja ta’ biss 0.2 % tal-PDG, ħaġa li tikkonferma li l-għajnuna għandha tkun iffukata fuq il-pajjiżi li l-aktar għandhom bżonnha.

2.2.1.     Aktar finanzjament u l-monitoraġġ ta' dak li hu importanti

Il-finanzjament estern pubbliku għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw hu riżultat ta’ deċiżjonijiet baġitarji domestiċi minn kull donatur. L-UE kollettivament tipprovdi aktar għajnuna mill-pajjiżi żviluppati l-oħra flimkien, issodisfat l-impenji tagħha msejħa "Għajnuna għall-Kummerċ" sa mill-2008, kisbet riżultati għar-rigward tal-impenji finanzjarji hekk imsejħa "Fast Start Climate Finance" u qed iżżid il-finanzjament tal-bijodiversità konformi mad-deċiżjonijiet ta' Nagoya u Hyderabad. Filwaqt li l-ODA kollettiva tal-UE tnaqqset kemm kemm fl-2012, il-kapijiet ta’ Stat u Gvern tal-UE kkonfermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom biex jintlaħaq iż-0.7 % tal-ING sal-2015 minkejja s-sitwazzjoni ekonomika diffiċli. L-ekonomiji u l-pajjiżi emerġenti li laħqu l-ogħla status tal-MIC għandhom jagħtu s-sehem ġust ta’ finanzjament pubbliku internazzjonali, skont ir-riżorsi finanzjarji disponibbli għalihom.

Il-kunċett tal-ODA qiegħed jiġi kkritikat dejjem aktar jew għax huwa wiesgħa wisq jew inkella għax la jkopri l-fornituri kollha tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-anqas l-azzjonijiet kollha relevanti. Teżisti l-ħtieġa ta' riforma tal-ODA u ta' monitoraġġ aħjar tal-finanzjament għal għanijiet differenti ta’ politika, inkluż titjib fl-indikaturi ta' politika (pereż. ir-Rio-markers) li juru l-volumi tal-ODA li jappoġġjaw għanijiet speċifiċi ta’ politika. Għandha titfassal bażi solida biex jinqabad il-finanzjament kollu li jibbenefika lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, sabiex l-atturi kollha jkunu jistgħu jinżammu responsabbli bl-użu tal-istess kejl. Il-ħidma fi ħdan il-Kumitat għall-Għajnuna fl-Iżvilupp (DAC) dwar riforma tal-ODA hija kontribut importanti għal dan il-għan. Il-monitoraġġ tal-finanzjament internazzjonali għandu jkun parti minn mekkaniżmu komprensiv ta' monitoraġġ li jkun ikopri wkoll il-finanzjament domestiku u privat.

2.2.2.     Il-finanzjament estern disponibbli għandu jintnefaq tajjeb

Bħal fil-każ tar-riżorsi domestiċi, l-użu tajjeb tal-flus ifisser kemm li jsiru l-affarijiet it-tajba, kif ukoll li l-affarijiet isiru tajjeb: il-flus għandhom jiġu kkonċentrati fejn ikunu l-aktar meħtieġa, u użati b’modi innovattivi u effettivi biex jiżguraw li jservu diversi għanijiet ta’ politka fl-istess ħin, pereż. billi ċerti għanijiet speċifiċi ta’ politika jiġu integrati fil-politika ġenerali.

Modalitajiet innovattivi ta' kif jitwassal il-finanzjament jistgħu jtejbu l-effettività u għandhom jitqawwew. Il-fużjoni ta' għotjiet mas-self u l-ekwità, kif ukoll il-mekkaniżmi ta' garanzija u ta' qsim tar-riskju jistgħu jikkatalizzaw l-investimenti privati u pubbliċi, u l-UE qed taħdem attivament għal dan. B’mod aktar wiesa’, kif żviluppat mill-Grupp ta’ Direzzjoni dwar il-Finanzjament Innovattiv għall-Iżvilupp, il-finanzjament innovattiv jista’ jkollu potenzjal sinifikanti li jiġġenera l-introjtu u jiżgura finanzjament aktar stabbli u prevedibbli. Xi mekkaniżmi innovattivi ta’ finanzjament bħall-Mekkaniżmu għall-Iżvilupp Nadif huma mfassla biex jiffokaw fuq it-twettiq ta' xi għan speċifiku ta' politika, iżda dawn it-tipi ta’ investimenti għandhom iqisu wkoll il-kuntest usa’ u jikkontribwixxu għal għanijiet oħra.

Biex l-affarijiet isiru tajjeb, il-komunità internazzjonali ħadet impenji ċari permezz tas-sħubija ta’ Busan għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp effettiva biex l-azzjonijiet isiru aktar effettivi, abbażi ta' sjieda demokratika minn pajjiżi li qed jiżviluppaw u għarfien komuni dwar il-ħtieġa li jipprovdu beni pubbliċi globali. Din jista’ jiġi mminat minn proċessi multilaterali li jfittxu li jassenjaw finanzjament għal oqsma ta’ politika speċifiċi filwaqt li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jeħtieġ li jiddireġuh lejn fejn jista' jagħmel l-affarijiet it-tajba biex jinkisbu l-miri nazzjonali relatati ma’ għanijiet globali.

2.2.3.     Azzjonijiet kruċjali biex jiżdiedu r-riżorsi internazzjonali pubbliċi investiti f’għanijiet globali

Kull pajjiż għandu jieħdu s-sjieda u jitlob li kull finanzjament estern ikun isegwi l-pjani nazzjonali tiegħu ta’ żvilupp li jintegra għanijiet miftiehma, skont il-prinċipji ta’ Busan.

Il-pajjiżi kollha u l-atturi internazzjonali għandhom jaqblu li:

– Isegwu l-prinċipji u l-impenji tas-sħubija ta’ Busan dwar il-provvediment ta' finanzjament internazzjonali pubbliku.

– Jikkontribwixxu s-sehem ġust tagħhom għall-isforz globali abbażi ta' spettru dinamiku ta’ impenji. Il-pajjiżi l-aktar għonja għandhom jikkontribwixxu aktar mill-MICs u mill-ekonomiji emerġenti, filwaqt li appoġġ estern għandu jiffoka fuq il-LICs. Il-kooperazzjoni mal-MICs, biex tkun ta' benefiċċju b’mod partikulari lill-MICs fuq in-naħa ta' isfel, għandha tkun iffokata fuq azzjonijiet katalitiċi kruċjali.

– Issir riforma tal-ODA u jiġi mmonitorjat il-finanzjament estern pubbliku fil-kuntest ta’ mekkaniżmu komprensiv ta' responsabbiltà reċiproka.

– Intużaw modalitajiet ta' finanzjament li jirriflettu l-ħtiġijiet tal-pajjiż, b’rispett lejn is-sostenibbiltà finanzjarja għat-tul. Għandhom jitqawwew il-mekkaniżmi innovattivi li jimmobilizzaw riżorsi addizzjonali, kif ukoll ikun hemm żvilupp aktar qawwi ta' kapaċitajiet u assistenza teknika aħjar.

2.3.        Il-finanzjament privat — il-mutur ewlieni tat-tkabbir

Il-finanzjament privat huwa fundamentalment differenti mill-finanzjament pubbliku. Dan isegwi interessi privati u, minnu nnifsu, ma jsegwix xi għanijiet ta’ politika pubblika. Fl-istess ħin, l-investimenti privati (EUR 3 652bn) huma l-ixpruni ewlenin tat-tkabbir u jistgħu jikkontribwixxu għal dawn l-għanijiet. Anki bidla żgħira fix-xejriet tal-prijoritajiet u l-modalitajiet tal-investiment privat tista' ġġib magħha benefiċċji sinifikanti għall-għanijiet ta’ politika pubblika. Dan iċ-ċaqliq fix-xejriet jista’ jintlaħaq primarjament permezz ta’ inċentivi ta' politika domestiċi u internazzjonali, pereż. sħubijiet pubbliċi-privati.

Is-settur privat domestiku u dak internazzjonali huma integrati sew, jirreaġixxu għall-istess inċentivi u għalhekk huma kkunsidrati flimkien. Is-separazzjoni hija biss rilevanti għall-monitoraġġ tal-impenji.

2.3.1.     L-investiment u l-kummerċ; ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni

L-investiment domestiku huwa ferm u ferm akbar mill-investiment barrani u huwa l-ingredjent ewlieni tal-iżvilupp ekonomiku. L-investiment dirett barrani, u b'mod minuri, is-self estern privat, jikkomplementaw dan, anki billi jdaħħlu l-għarfien u t-teknoloġija. L-investimenti b’impatt pożittiv fuq l-għanijiet pubbliċi għandhom jiġu sostnuti permezz ta’ politika ambjentali konduċenti u ta' mekkaniżmi innovattivi bħal pagamenti bbażati fuq il-prestazzjoni għal servizzi ta' ekosistemi, krediti tal-karbonju jew kumpens tal-bijodiversità.

Il-kummerċ huwa mezz ewlieni biex tiżdied l-attività u l-produttività. Sabiex jinkisbu dawn il-benefiċċji, il-pajjiżi għandhom joħolqu ambjent favorevoli li jiffaċilita l-kummerċ fuq livell internazzjonali, reġjonali u nazzjonali. Il-pajjiżi l-aktar għonja għandhom jipprovdu aċċess preferenzjali u sostenn lil dawk l-aktar foqra. L-UE diġà qed tipprovdi aċċess ġeneruż għas-swieq tal-UE, inkluż aċċess sħiħ bla tariffi u bla kwoti għal-LDCs. Il-biċċa l-kbira tal-kummerċ tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw diġà jsir ma’ pajjiżi oħra li qed jiżviluppaw, u l-potenzjal ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ min-Nofsinhar għan-Nofsinhar għandu jiġi sfruttat. Fil-livell internazzjonali, il-kapaċità tal-LDCs li jibbenefikaw mill-kummerċ jeħtieġ attenzjoni speċifika.

Għandhom jiġu sfruttati teknoloġiji ġodda biex jintlaħqu għanijiet globali permezz ta’ iktar integrazzjoni globali. Ir-reazzjoni reċiproka bejn it-teknoloġija adattata għal kuntest ta' pajjiż li qed jiżviluppa u l-innovazzjoni tista’ tkompli tiġi sostnuta billi jitħeġġeġ aktar investiment fir-riċerka, fost oħrajn permezz ta’ mekkaniżmi innovattivi bħall-garanzija ta' xiri bil-quddiem.

2.3.2.     Rimessi

Ir-rimessi huma fluss privat sinifikanti u jirrappreżentaw sehem kbir mill-PDG f’bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw. Tnaqqis fil-kost tat-trasferimenti tar-rimessi għal 5 % skont l-impenn tal-G20[8] iġib miegħu benefiċċji sinfikanti, inkluż fil-każ ta’ trasferimenti bejn il-pajjiżi tan-Nofsinhar u li jiswew aktar flus. Kemm il-pajjiżi li jibagħtu kif ukoll dawk li jirċievu għandhom jadottaw politiki li joħolqu kundizzjonijiet tas-suq kompetittivi u trasparenti, jipprovdu aċċess għal servizzi finanzjarji aħjar u jħeġġu użu aktar infurmat u produttiv tar-rimessi.

2.3.3.     Filantropija privata

Il-filantropija privata għandha ħafna mill-attributi tal-assistenza uffiċjali. Ġie stmat li din laħħqet EUR 42bn fl-2010 u tista’ tkun ta' kontribut importanti f’komunitajiet speċifiċi u dwar kwistjonijiet speċifiċi. Minħabba n-natura stess tal-għotjiet privati, ftit jista' jittieħed kont tagħhom fil-pjani nazzjonali għall-iżvilupp, madankollu għandha tiżdied it-trasparenza, il-prevedibbiltà u l-effettività tagħhom.

2.3.4.     Azzjonijiet kruċjali biex jiżdiedu r-riżorsi privati investiti fi prijoritajiet ta' politika

Kull pajjiż għandu fil-livell nazzjonali:

– Joħloq klima ta’ negozju li tappoġġja l-għanijiet ta’ politika f’konformità mal-impenji internazzjonali dwar ix-xogħol deċenti, titrawwem l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistemi finanzjarji domestiċi.

– Juża r-riżorsi pubbliċi biex jinvesti f’oqsma li jagħtu stimolu lill-investimenti privati lejn prijoritajiet ta' politika.

Barra minn dan, il-pajjiżi u l-atturi internazzjonali kollha għandhom jaqblu li:

– Joħolqu ambjent ta' politika internazzjonali b'regoli trasparenti u ġusti, inkluż fejn jidħol il-kummerċ u s-swieq finanzjarji.

– Juża l-finanzi pubbliċi biex jagħti stimolu lill-investimenti privati u jagħti sostenn lill-innovazzjoni, inkluż permezz ta’ teknoloġiji.

Barra minn hekk, is-settur privat għandu jaqbel li:

– Jsegwi l-prinċipji ta’ responsabbiltà korporattiva soċjali u ambjentali tajba, u b’hekk jikkontribwixxi għal moviment lejn ekonomija ekoloġika inklussiva, inkluża l-valutazzjoni tal-impatt tal-investimenti fuq l-għanijiet ta’ politika, billi jsegwi l-prinċipju tad-distakkament fil-prezzijiet ta’ trasferiment, ikunu trasparenti fl-attivitajiet tagħhom, u li jaderixxu ma’ linji gwida internazzjonali ta’ CSR u tal-investitur.

– Il-filantropija privata għandha tapplika l-prinċipji ta’ Busan fl-għoti tal-assistenza.

3.           Lejn approċċ komprensiv u integrat għall-finanzjament

3.1.        Prinċipji

Aġenda globali b’miri kondiviżi għal wara l-2015 għandha tkun ta' inċentiv għall-protagonisti kollha biex ir-riżorsi tagħhom jintużaw tajjeb. Din għandha tiġi kkumplimentata minn approċċ sod għal finanzjament li jkun universali fl-applikazzjoni tiegħu, jirrifletti l-iżviluppi globali u li jkun iqis ir-riżorsi kollha għad-dispożizzjoni ta’ atturi differenti. It-tiġdid u t-twessigħ tal-aġenda internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp biex din tkun xierqa għad-dinja ta' għada tkun l-aktar ta' ġid għal dan l-iskop. Filwaqt li l-proċess lejn l-elaborazzjoni ta' għanijiet globali għadu biss fil-bidu tiegħu, id-diskussjonijiet dwar il-finanzjament għandhom jiġu ggwidati minn ċerti prinċipji kruċjali:

– Il-finanzjament għandu jitqies fil-kuntest ta’ politiki. Politiki tajba huma l-pilastru ċentrali tal-implimentazzjoni, għaliex it-tibdil fil-politiki huwa aktar effettivi mill-infiq tal-flus biex tiġi kkumpensata politika ħażina.

– Ir-riżorsi disponibbli kollha għandhom jitqiesu b’mod komprensiv flimkien, billi huma partijiet mill-istess total. It-tliet kategoriji ta’ finanzjament — dak domestiku pubbliku, dak internazzjonali pubbliku u dak privat — jipprovdu struttura li tidentifika azzjonijiet ewlenin fil-livell nazzjonali u internazzjonali.

– Approċċ globali lejn il-finanzjament għandu jħalli l-prijoritizzazzjoni tar-riżorsi l-ewwel u qabel kollox fil-livell ta' pajjiż. Dan huwa fejn jistgħu jittieħdu bl-aktar mod effettiv id-deċiżjonijiet dwar il-kompromessi xierqa bejn id-diversi għanijiet ta’ politika, fi ħdan qafas ta’ impenji, għanijiet u miri maqbula internazzjonalment. Il-livell ta’ pajjiż għandu jkun fiċ-ċentru tal-attenzjoni għall-valutazzjoni tat-taħlita ta’ politiki, finanzjament u strumenti meħtieġa biex jintlaħqu għanijiet miftiehma, peress li dan huwa fejn isseħħ l-implimentazzjoni. Il-pajjiżi kollha għandhom jimpenjaw ruħhom biex jagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi disponibbli biex jintlaħqu l-għanijiet politiċi miftiehma.

– Bl-istess mod kif l-għanijiet differenti ta’ politika jridu jkunu reċiprokament rinforzanti, il-mezzi biex jintlaħqu dawn l-għanijiet għandhom jaħdmu fil-livell ta' pajjiż bħala pakkett wieħed ta’ sorsi u strumenti marbuta, biex ikunu jistgħu jintlaħqu d-diversi objettivi ta' politika bl-istess ammont ta' flus. Il-finanzjament irid jagħti sostenn lis-sinerġiji bejn għanijiet universali varji. Filwaqt li jiġu rispettati l-impenji eżistenti, il-prinċipju għandu jkun l-integrazzjoni ta’ għanijiet fil-politiki nazzjonali aktar milli li jitwarrab il-finanzjament fil-livell globali għal skop speċifiku, li joħloq frammentazzjoni.

– Il-finanzjament estern pubbliku għandu jiġi bbilanċjat mill-ġdid lejn il-pajjiżi l-aktar fil-bżonn, filwaqt li l-ekonomiji emerġenti u l-pajjiżi li jkunu laħqu l-ogħla status ta' MIC għandhom jagħtu l-kontribut ġust tagħhom għal dak l-iskop.

– Il-finanzjament kollu għandu jiġi mmonitorjat flimkien b’mod armonizzat sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u r-responsabbiltà reċiproka kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell globali, bil-għan li jkun hemm użu aktar effettiv tiegħu lejn diversi għanijiet ta' żvilupp sostenibbli globali u nazzjonali. Għandu jittejjeb l-intraċċar tal-flussi finanzjarji kollha, inkluż il-kontribut tagħhom lejn għanijiet nazzjonali u globali kif ukoll kejn miri relatati dwar finanzi relatati, fejn dawn il-miri jeżistu. Kruċjali f'dan se tkun id-disponibbiltà u l-kwalità tad-dejta fuq livell nazzjonali, u għandhom jissaħħu l-kapaċitajiet tal-istatistika.

3.2.        Kuntest ewlieni għal proċessi internazzjonali

Filwaqt li jibnu fuq il-wegħda fid-Dikjarazzjoni ta’ Doha li tittieħed azzjoni globali kkonċertata fejn jidħlu sfidi differenti, id-diskussjonijiet internazzjonali dwar finanzjament għandhom ikunu marbuta taħt umbrella waħda. Għalhekk, il-Kumitat tal-Esperti tan-NU b’mandat tal-Konferenza Rio+20 biex jipproponi għażliet għal strateġija ta’ finanzjament tal-iżvilupp sostenibbli għandu jkun koerenti bis-sħiħ mal-proċess tal-finanzjament għall-iżvilupp. Biex dawn il-linji jiġu amalgamati, għandha tiġi organizzata konferenza internazzjonali biex jiġi żviluppat approċċ komprensiv u integrat għall-finanzjament, fuq il-bażi tal-eżitu tal-Kumitat ta’ Esperti u l-proċessi ta’ preparazzjoni ta’ qafas għal wara l-2015. Kif ġie wkoll suġġerit fir-rapport dwar iż-żmien ta' wara l-2015 mill-Panel ta' Livell Għoli tan-NU, dan il-proċess globali msaħħaħ għandu jistabbilixxi approċċ ġenerali għall-finanzjament, b’mod partikolari għall-aġenda ta' wara l-2015. Il-prinċipji stabbiliti hawn fuq għandhom jiżguraw ukoll il-koerenza u l-koordinazzjoni ta’ flussi speċifiċi ta' finanzjament, u tal-proċessi ta' negozjar li għaddejjin (eż. fil-kuntest tal-Ftehim tal-2015 dwar it-tibdil fil-klima). Dan jiżgura li kull pajjiż ikun jista' jimmira r-riżorsi lejn fejn dawn jikkontribwixxu l-aħjar lejn miri komuni miftiehma.

3.3.        Il-passi li jmiss għall-Unjoni Ewropea

Din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li jkun hemm approċċ komuni tal-UE għad-diskussjonijiet dwar il-finanzjament fl-aġenda għal wara l-2015, il-grupp ta’ ħidma miftuħ dwar l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli, il-kumitat tal-esperti tan-NU biex jipproponi għażliet għal strateġija ta’ finanzjament tal-iżvilupp sostenibbli u r-reviżjoni tal-proċess tal-finanzjament għall-iżvilupp. Barra minn hekk, għandha wkoll tinkwadra l-pożizzjonijiet komuni tal-UE fil-finanzjament tal-proċessi dwar il-klima, il-bijodiversità, is-sustanzi kimiċi u proċessi internazzjonali oħra.

L-approċċ imfisser hawn fuq huwa kontribut għad-diskussjonijiet internazzjonali u l-UE għandha tuża din biex tħares 'il barra u tinvolvi ruħha f'diskussjonijiet ma' msieħba.

[1]               COM(2011) 637

[2]               COM(2013) 92

[3]               11559/13

[4]               COM(2013) 167

[5]               COM(2012) 366

[6]               14533/12

[7]               Is-sorsi kollha taċ-ċifri f’din il-Komunikazzjoni huma elenkati fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż.

[8]           Id-dikjarazzjoni tas-Summit tal-G20 tal-5 ta’ Diċembru 2011, il-punt 77