52013DC0523

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL IR-RAPPORT ANNWALI TAL-2012 DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLAMENT (KE) NRU 300/2008 DWAR REGOLI KOMUNI FIL-QASAM TAS-SIGURTÀ TAL-AVJAZZJONI ĊIVILI /* COM/2013/0523 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Dan ir-rapport ikopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2012

DAĦLA

L-2012 kienet is-sena li fiha ġie fi tmiem l-ewwel perjodu tranżitorju għall-miżuri l-ġodda ta' sigurtà tal-avjazzjoni introdotti bir-Regolament (KE) 300/2008 u d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni tiegħu. Dan kien jikkonċerna l-obbligu li jew tiġi stabbilita katina ta' provvista sikura għall-provvisti għal matul it-titjira u għall-provvisti tal-ajruport jew li jsir skrinjar 100% ta' tali provvisti hekk kif jidħlu f'żoni ristretti ta' sigurtà fl-ajruporti. Matul is-sena 2012, għalhekk, fl-ispezzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni għamlet ħafna enfasi fuq il-verifikazzjoni tal-konformità ma' dawn ir-rekwiżiti.

Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet supplimentari tar-Regolament (KE) 300/2008 ġew emendati b'mod sinifikanti. Fuq naħa, l-emendi kellhom l-għan li jirrifinaw jew jiċċaraw aktar il-proċeduri eżistenti għal ċerti miżuri ta' sigurtà tal-avjazzjoni. Fuq in-naħa l-oħra, kienu introdotti miżuri ġodda kumplessi għall-ġarr tal-merkanzija u l-posta bl-ajru approvati fl-Unjoni ("ACC3"). Fl-aħħar nett, ir-reġim dwar il-validazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE ssaħħaħ b'mod sinifikanti. Aktar tard, ġew inkorporati żewġ tibdiliet biex tiġi żgurata katina ta' provvista sikura u sistema ta' validazzjoni affidabbli f'ajruporti ta' Pajjiżi Terzi, fejn merkanzija u posta bl-ajru destinati għall-Unjoni jkunu se jitgħabbew fuq ajruplan; dawn it-tibdiliet għandhom isiru applikabbli sa nofs l-2014. Din kienet reazzjoni għall-inċident tal-bombi fil-merkanzija tal-ajru fil-Jemen li seħħ f'Ottubru 2010.

Fir-rigward tal-likwidi splussivi, stħarriġ mill-ġdid tat-theddida preżenti lill-avjazzjoni ċivili kkonferma li r-riskju relatat għandu jibqa' jitqies għoli u għandu jiġi indirizzat bil-miżuri ta' sigurtà tal-avjazzjoni. Madankollu, matul is-sena, deher ċar li t-tneħħija tar-restrizzjonijiet attwali fuq il-ġarr tal-likwidi, l-aerosols u l-ġellijiet (LAGs) fil-bagalja tal-idejn sad-data ta' skadenza tad-29 ta' April 2013 mhix se tkun vijabbli minħabba d-diffikultajiet operazzjonali bl-apparat tal-iskrinjar li aktarx jista' jirriżulta f'inkonvenjenza sinifikanti għall-passiġġieri tal-ajru.  Ġie ppreparat abbozz ta' leġiżlazzjoni biex jiġi rivedut l-approċċ tal-introduzzjoni gradwali tal-iskrinjar, li jibda bil-LAGs duty-free sal-31 ta' Jannar 2014.

Fl-aħħar nett, kienu konklużi l-arranġamenti għal rikonoxximent reċiproku tar-reġimi rispettivi ta' sigurtà għall-merkanzija u l-posta tal-ajru tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti. Din hi kisba importanti għall-esportazzjonijiet tal-UE u telimina duplikazzjoni fl-applikazzjoni tal-miżuri ta' sigurtà u għalhekk tirriżulta f'iffrankar ta' spejjeż u ħin għall-operaturi tal-merkanzija u l-posta tal-ajru.

L-EWWEL PARTI

L-Ispezzjonijiet     

1.           Elementi ġenerali

Skont ir-Regolament (KE) 300/2008, il-Kummissjoni għandha twettaq spezzjonijiet fl-amministrazzjonijiet tas-siġurtà tal-avjazzjoni tal-Istati Membri ("l-awtoritajiet xierqa") u tal-ajruporti tal-UE. L-Isvizzera hija inkluża wkoll fil-programm tal-Unjoni, filwaqt li n-Norveġja u l-Islanda huma spezzjonati mill-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA skont dispożizzjonijiet paralleli (ESA). Biex twettaq ix-xogħol tagħha ta' spezzjoni, il-Kummissjoni għandha tim ta' 10 spetturi tas-sigurtà tal-avjazzjoni, full u part time. Dan ix-xogħol ta' spezzjoni huwa appoġġat minn grupp ta' spetturi nazzjonali maħtura mill-Istati Membri, mill-Islanda, min-Norveġja u mill-Isvizzera li ġew iċċertifikati mill-Kummissjoni skont il-qafas legali l-ġdid. Minn dawn l-ispetturi nazzjonali, 57 ħadu sehem fl-ispezzjonijiet tal-2012. Tabella li tiġbor fil-qosor l-attività kollha ta' sorveljanza  tal-konformità li saret mill-Kummissjoni u mill-ESA sal-lum hija mehmuża fl-Anness.

2.           Spezzjonijiet tal-awtoritajiet xierqa nazzjonali

Matul l-2012, il-Kummissjoni ssorveljat 11-il awtorità xierqa, li kollha kienu soġġetti għal spezzjoni li kienet saret qabel mill-Kummissjoni. Għal diversi Stati Membri, dawn l-ispezzjonijiet urew titjib sinifikanti mill-passat. In-nuqqasijiet l-aktar komuni li nstabu għall-2012 kienu simili għal dawk identifikati fl-ispezzjonijiet tal-2011 u prinċipalment relatati mal-allinjament sħiħ li għadu pendenti tal-Programmi Nazzjonali għas-Sigurtà tal-Avjazzjoni u l-Programmi Nazzjonali għall-Kontroll tal-Kwalità mal-qafas legali ġdid tar-Regolament (KE) 300/2008.

Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-miżuri tas-sigurtà tal-avjazzjoni, kien għad hemm evidenza f'ċerti Stati Membri ta' nuqqas fil-kapaċità tagħhom għall-individwazzjoni u biex jirrettifikaw in-nuqqasijiet minnufih. Xi Stati Membri naqsu milli jissorveljaw l-aspetti kollha tal-leġiżlazzjoni u ċerti ajruporti baqgħu ma ġewx spezzjonati għal perjodi ta' żmien twal mill-awtoritajiet nazzjonali. L-attivitajiet ta' segwitu xi drabi ma kinux adegwati jew ma sarux, u d-dewmien sinifikanti qabel ma ġew ikkorreġuti n-nuqqasijiet kien xi ħaġa normali. Is-sanzjonijiet kienu disponibbli għall-Istati Membri kollha, iżda mhux dejjem kellhom saħħa biżżejjed jew mhux dejjem intużaw b'tali mod li jkunu ta' effett deterrenti.

Il-kriżi finanzjarja u l-pressjoni li ħolqot fuq il-baġits pubbliċi affwettwaw ir-riżorsi disponibbli għall-attivitajiet nazzjonali ta' sorveljanza  ta' konformità f'ċerti Stati Membri.

3.           Spezzjonijiet inizjali fl-ajruporti

Matul l-2012 saru 23 spezzjoni inizjali tal-arjuporti, żieda ta' 4 spezzjonijiet meta mqabbla mal-2011 prinċipalment minħabba l-fatt li kien kopert numru ta' ajruporti iżgħar li ħtieġilhom numru iżgħar ta' spetturi. Ġew koperti l-kapitoli kollha (għalkemm mhux matul kull spezzjoni). Fl-2012, il-persentaġġ kumplessiv tal-miżuri prinċipali li nstabu li kienu f'konformità żdied għal 83 %.

In-nuqqasijiet li nstabu fil-qasam tal-miżuri tradizzjonali[1] fil-biċċa l-kbira tagħhom kienu dovuti l-aktar għal fatturi umani. Dawn prinċipalment kellhom x'jaqsmu mal-kwalità tal-eżaminazzjoni tal-istaff kif ukoll ma' ċerti rekwiżiti ta' sigurtà ta' merkanzija. B'mod partikolari, il-kwalità mhux adegwata tat-tfittxijiet bl-idejn tal-istaff baqgħet tkun ta' sfida. Fil-qasam tal-merkanzija, in-nuqqas ta' konformità kien marbut mal-istandards biex ikun applikat l-iskrinjar. Dawn il-fatturi umani għandhom ikunu indirizzati permezz ta' taħriġ u superviżjoni aħjar.

Barra minn hekk, ċerti miżuri addizzjonali introdotti skont il-qafas regolatorju l-ġdid tar-Regolament (KE) 300/2008 kienu għadhom ma ġewx implimentati b'mod sodisfaċenti fl-ajruporti spezzjonati fl-2012. Kien hemm nuqqas ta' konformità fir-rigward tal-metodi u l-istandards tal-kontrolli ta' sigurtà tal-provvisti għal matul it-titjira u, b'mod partikolari, tal-provvisti tal-ajruport (fejn ma kinetx qed titħaddem b'mod sħiħ katina ta' provvista sikura), nuqqas fil-valutazzjoni tar-riskju għall-frekwenza tal-patrolli fl-ajruporti, ċertifikazzjoni mill-ġdid tal-istaff li jwettaq l-iskrinjar permezz tal-x-ray jew apparat tas-sistema ta' detezzjoni tal-isplussivi u merkanzija u posta b'riksju għoli. L-awtoritajiet xierqa tal-Istati Membri għandhom isegwu l-implimentazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet ġodda b'mod attiv.

4.           L-ispezzjonijiet ta’ segwitu

F'konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament 72/2010[2], il-Kummissjoni twettaq b'mod regolari għadd limitat ta' spezzjonijiet ta' segwitu. Tiġi skedata viżta oħra fejn ikunu ġew identifikati diversi nuqqasijiet serji matul l-ispezzjoni inizjali, kif ukoll, anke jekk inqas spiss, fuq bażi aleatorja, biex tiġi verifikata l-preċiżjoni tal-attivitajiet nazzjonali ta' sorveljanza tal-konformità u tar-rappurtar. Matul l-2012 saru tlieta (3) minn dawn l-attivitajiet u fil-biċċa l-kbira kkonfermaw ir-rettifika adegwata tan-nuqqasijiet identifikati.

5.           Fajls miftuħa, każijiet tal-Artikolu 15 u proċeduri legali

Kull fajl ta' spezzjoni jibqa’ miftuħ sakemm il-Kummissjoni tkun sodisfatta li ġiet implimentata l-azzjoni ta’ rettifika xierqa. Matul l-2012 ngħalqu 24 fajl (14-il fajl tal-ajruporti u 10 fajls tal-awtoritajiet xierqa). B’kollox, 14-il awtorità xierqa u 27 fajl ta’ spezzjoni tal-ajruporti baqgħu miftuħa fi tmiem is-sena.

Fil-każ li n-nuqqasijiet li jinstabu f'ajruport jitqiesu bħala tant serji li jikkostitwixxu theddida sinifikanti għal-livell globali tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili fl-Unjoni, il-Kummissjoni tattiva l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 72//2010. Dan ifisser li l-awtoritajiet xierqa l-oħra kollha jiġu mwissija dwar is-sitwazzjoni u li jkun meħtieġ li jiġu kkunsidrati miżuri addizzjonali fir-rigward tat-titjiriet mill-ajruport inkwistjoni. Każ partikolari skont l-Artikolu 15 beda f'Mejju 2012, u reġa' ngħalaq xahar wara meta n-nuqqasijiet ġew indirizzati b'mod sodisfaċenti.

Il-miżura ta' infurzar l-oħra possibbli, applikabbli fl-iktar każijiet serji, jew f’każijiet fejn ikun hemm dewmien fit-tul tar-rettifika tan-nuqqasijiet jew ta’ rikorrenza tan-nuqqasijiet, hija li tinbeda proċedura ta’ ksur. Fl-2012, ġiet inizjata proċedura waħda ta' ksur wara spezzjonijiet tal-amministrazzjoni nazzjonali. F'każ partikolari, l-Istat Membru naqas milli jsostni l-programm nazzjonali tiegħu tas-sigurtà tal-avjazzjoni. Matul is-sena tliet (3) każijiet ta' ksur u wieħed tal-Piloti tal-UE setgħu jingħalqu wara r-rettifika tan-nuqqasijiet identifikati. Fl-aħħar tal-2012, ma kien għaddej l-ebda każ ta' ksur.

6.           L-evalwazzjonijiet tal-Istati Membri stess

Skont il-Punt 18.1 tal-Anness II tar-Regolament tal-Kummissjoni 18/2010[3], l-Istati Membri huma obbligati li sa tmiem Marzu ta’ kull sena jressqu rapport annwali lill-Kummissjoni, li jkopri r-riżultati tas-sorveljanza tal-konformità nazzjonali għall-perjodu minn Jannar sa Diċembru tas-sena preċedenti. Il-kontributi tal-Istati Membri għall-perjodu ta' rappurtar minn Jannar sa Diċembru 2011 ġew ippreżentati fil-ħin u kollha segwew it-template tal-Kummissjoni. In-nuqqasijiet ewlenin identifikati kienu marbuta mal-fatt li xi Stati Membri kienu għadhom ma jkoprux il-miżuri kollha ta' sigurtà, ma wettqux ittesstjar moħbi adegwat u  setgħu jsaħħu aktar l-attivitajiet ta' segwitu tagħhom u r-reġim ta' infurzar.  Barra minn hekk, ġie identifikat nuqqas ta' kontroll tal-kwalità, fuq livell nazzjonali, tal-aġenti jew fornituri regolati u tal-kunsinnaturi jew fornituri magħrufa - għajr għall-fini ta' validazzjoni fejn applikabbli. 

 

IT-TIENI PARTI

Il-leġiżlazzjoni u l-għodod supplementari

1.           Elementi ġenerali

L-inċident ta' dik il-persuna li ħbiet l-isplussivi fi ħwejjiġha ta' taħt fil-Milied tal-2009, l-inċident tal-bombi fil-merkanzija għall-aħħar tal-2010, diversi theddidiet bil-laser pointer fil-bidu tal-2012 u attakki ċibernetiċi potenzjali kif ukoll il-vulnerabilità għolja li għad hemm bil-likwidi splussivi, baqgħu jfakkruna li l-avjazzjoni ċivili għadha mhedda b'modi ġodda u innovattivi li għandhom jiġu indirizzati permezz ta' miżuri ta' protezzjoni xierqa bbażati fuq ir-riskju.

Atti leġiżlattivi ġodda dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni li ġew adottati matul l-2012, l-ewwel nett kellhom l-għan li jirfinaw aktar il-qafas legali skont ir-Regolament (KE) 300/2008 u t-tieni, li jiddefenixxu standards bażiċi komuni ġodda għall-validazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE.

2.           Leġiżlazzjoni supplementari adottata

It-testi leġiżlattivi l-ġodda adottati matul l-2012 kienu:

· Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 173/2012[4] li jemenda r-Regolament (UE) Nru 185/2010 fir-rigward ta' kjarifika u simplifikazzjoni ta' ċerti miżuri speċifiċi tas-sigurtà tal-avjazzjoni;

· Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 711/2012[5] li jemenda r-Regolament (UE) Nru 185/2010 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni fir-rigward tal-metodi użati għall-iskrinjar tal-persuni għajr il-passiġġieri u l-oġġetti li jġorru magħhom;

· Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1082/2012[6] fir-rigward tal-validazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE;

· Id-Deċiżjoni C(2012)1228[7] fir-rigward ta' kjarifika u simplifikazzjoni ta' ċerti miżuri speċifiċi tas-sigurtà tal-avjazzjoni

· Id-Deċiżjoni C(2012)5672[8] li tistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni fir-rigward ta' merkanzija u posta;

· Id-Deċiżjoni C(2012)5880[9] fir-rigward tal-metodi użati għall-iskrinjar tal-persuni għajr il-passiġġieri u l-oġġetti li jġorru magħhom;

Dawn it-testi ġew iffinalizzati f'6 laqgħat tal-Kumitat Regolatorju tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni, 6 laqgħat tal-Grupp Konsultattiv tal-Partijiet Interessati dwar is-Sigurtà tal-Avjazzjoni u numru ta’ sessjonijiet ta’ gruppi ta’ ħidma ffukati li fihom kien hemm involuti kemm l-Istati Membri kif ukoll l-industrija.

3.           Bażi tad-Dejta tal-aġenti regolati u l-kunsinnaturi magħrufa

Il-"Bażi tad-Dejta tal-Aġenti Regolati u l-Kunsinnaturi Magħrufa" RAKCdb[10] hija, mill-1 ta' Ġunju 2010, l-unika għodda legali primarja li kellha tintuża mill-aġenti regolati għall-konsultazzjoni meta jaċċettaw kunsinni minn aġent ieħor regolat jew minn kunsinnatur magħruf (validat għas-sigurtà tal-avjazzjoni fl-UE)  u, mill-1 ta' Frar 2012, fiha lista ta' trasportaturi tal-ajru awtorizzati li jġorru merkanzija u posta fl-UE minn ajruporti ta' pajjiżi terzi. Dan jitħaddem skont kuntratt ta' qafas tal-Kummissjoni. Fl-aħħar tal-2012, il-RAKCdb kellha bejn wieħed u ieħor 16,000 rekord ta' aġenti regolati, kunsinnaturi magħrufa (validati għas-sigurtà tal-avjazzjoni fl-UE) u entitajiet ACC3. Ir-rata tad-disponibilità tagħha ta' 99.5 %, skont il-kuntratt, kienet sodisfatta kontinwament fl-2012 ukoll.

4.           Spezzjonijiet fl-ajruporti tal-UE - manwali

Ir-Regolamenti (KE) 300/2008 u (UE) 72/2010 jirrikjedu li s-sorveljanza tal-konformità mis-Servizzi tal-Kummissjoni dwar ir-rekwiżiti tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili għandu jkunu oġġettiv u juża metodoloġija standard.

Biex tikkontribwixxi għal dan il-għan, il-Kummissjoni elaborat u taġġorna żewġ manwali komprensivi b'indikazzjonijiet u gwida dettaljati għall-ispetturi tal-UE f'dan il-qasam. Manwali minnhom ikopri spezzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà tal-merkanzija tal-ajru filwaqt l-ieħor huwa dwar l-ispezzjonijiet tal-ajruport. F'April 2012, iż-żewġ manwali kienu riveduti biex jieħdu kont tal-aħħar tibdiliet introdotti fir-regoli ta' implimentazzjoni u biex jiżdiedu indikazzjonijiet u gwida dettaljati għall-ispetturi.

TAQSIMA TLIETA

Provi, Studji u Inizjattivi Ġodda

1.           Provi

"Prova" skont it-tifsira tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni titwettaq meta jkun hemm qbil min-naħa ta' Stat Membru mal-Kummissjoni li se juża mezz jew metodu partikolari mhux rikonoxxut skont it-termini tal-leġiżlazzjoni b'sostituzzjoni ta' wieħed mill-kontrolli tas-sigurtà rikonoxxuti, għal perjodu ta' żmien limitat sakemm prova bħal din ma tippreġudikax il-livelli globali tas-sigurtà. It-terminu, fit-tifsira legali, ma japplikax meta Stat Membru jew entità twettaq evalwazzjoni ta' kontroll tas-sigurtà ġdid introdott b'mod parallel ma' wieħed jew aktar minn dawk diġà koperti mil-leġiżlazzjoni.

Matul l-2012, twettqu provi u valutazzonijiet fil-Lussemburgu, Spanja, Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit. Dawn kienu jikkonċernaw l-użu tas-simulation trace detection chambers (merkanzija u posta), ditetturi tal-metall li janalizzaw iż-żraben, skanners tar-raġġi X bir-retrodiffużjoni, algoritmi differenti għall-iskanners tas-sigurtà, skrinjar "Autoclear" tal-bagalji tal-kabina u l-użu kombinat tad-detetturi tal-metalli li jinżammu fl-idejn u ta' detezzjoni ta' traċċi ta' splussivi għall-iskrinjar tal-passiġġieri f'każijiet speċifiċi.

2.           Studju u Rapporti

Sa nofs l-2012, kien ippreżentat, mill-konsulent Booz&Co., ir-rapport finali dwar il-Projezzjoni ta’ Immaġni ta’ Theddida (TIP) li tintuza b'mod wiesa' fl-ajruporti tal-UE fl-iskrinjar tal-bagalji tal-kabina, tal-oġġetti li jinġarru u l-bagalji tal-istiva. Dan prinċipalment ikkonferma li, jekk titħaddem b'mod adegwat, it-TIP għandha l-potenzjal li tħalli impatt pożittiv fuq il-prestazzjoni tal-iscreener. Madankolu, ir-rapport ikkonkluda wkoll li skont il-qafas ta' tħaddim legali attwali, ma tistax tiġi stabbilita differenza fil-prestazzjoni tad-detezzjoni tal-oġġetti projbiti bejn ajruporti li jużaw it-TIP u oħrajn li ma jużawx it-TIP. Għalhekk il-konsulent għamel numru ta' rakkomandazzjonijiet biex jittejjeb il-qafas ta' tħaddim attwali.

Barra minn hekk, l-istess kuntrattur ħadem fuq studju li jevalwa l-impatt tal-iskrinjar tal-likwidi, l-aerosols u l-ġellijiet (LAGs) fl-ajurporti fid-dawl tad-data ta' skadenza (li ma għadhiex tapplika) tad-29 ta' April 2013 biex jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq il-LAGs li jinġarru mill-passiġġieri. Tlesta studju mill-Kummissjoni dwar eżaminazzjoni mill-ġdid tat-theddida u r-riskju tal-likwidi splussivi, li wassal għall-konklużjoni li r-riskju ppreżentat minn tali sustanzi għadu għoli u għandu jiġi indirizzat b'mod adegwat permezz tal-iskrinjar. Fl-aħħar nett, id-dejta miksuba fl-isħarriġiet u l-konsultazzjonijiet mal-industrija u fil-gruppi ta' ħidma intensivi mal-Istati Membri uriet li kieku kellha tinżamm id-data ta' skadenza msemmija aktar qabel id-domanda tkun akbar mill-provista tas-sistema ta' detezzjoni ta' likwidi splussivi (LEDS) skont l-implimentazzjoni sħiħa tal-iskrinjar tal-LAGs fix-xenarju wisq probabbli tad-diffikultajiet operazzjonali tal-ajruporti Ewropej u l-inkonvenjenza kbira għall-passiġġieri konċernati[11].

Il-Kummissjoni ddiskutiet b'mod intensiv mal-Istati Membri tliet għażliet ewlenin inklużi fir-rapport indipendenti tal-SCENHIR (Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji għas-Saħħa Emerġenti u dawk Identifikati Reċentement) dwar l-effetti tal-iskanners tar-raġġi X fuq is-saħħa[12]: a) l-ebda tibdil fil-leġiżlazzjoni attwali, b) jiżdiedu skanners tar-raġġi X bir-retrodiffużjoni mal-lista ta' metodi ta' skrinjar permessi għall-passiġġieri u c) tiġi emendata l-leġiżlazzjoni attwali fis-sens li skanners tas-sigurtà tar-raġġi X li jitħaddmu diġà u li joħroġu radjazzjoni taħt ċertu limitu massimu jistgħu jibqgħu jintużaw sa tmiem il-ħajja ekonomika tagħhom. Ir-rapport kien impenn ta' segwitu mill-Kummissjoni għal proposta leġiżlattiva dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni u kien approvat fis-26 ta' April 2012

3.           Inizjattivi Ġodda

Wieħed mill-fajls li kontinwament qed jiżviluppa r-regoli dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni huwa l-emenda tal-leġiżlazzjoni attwali dwar ir-restrizzjonijiet fuq il-ġarr ta' likwidi, ġellijiet u aerosols. It-tneħħija tar-restrizzjonijiet kienet ippjanata għal ħafna snin u kienet soġġetta għal diversi reviżjonijiet preċedenti tal-leġiżlazzjoni. Fl-2012, il-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri, l-ajurporti u l-manifatturi tal-apparat ta' detezzjoni ħadu sehem fi provi u wettqu studju. Dan irriżulta fil-konklużjoni li l-iskrinjar sħiħ tal-likwidi minn April 2013 ma kienx vijabbli peress li l-apparat neċessarju għadu ma bediex jitħaddem fl-ajruporti tal-UE. F'Lulju 2012, il-Kummissjoni ppreżentat rapport dwar dawn il-konklużjonijiet u l-proposti tagħha għall-futur lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew.

F'Novembru 2012, il-Kumitat Regolatorju tal-UE għas-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ċivili ta l-opinjoni pożittiva tiegħu dwar il-proposti tal-Kummissjoni biex tiġi implimentata l-ewwel fażi tal-iskrinjar tal-likwidi sal-31 ta' Jannar 2014, l-aktar tard, u l-leġiżlazzjoni kienet finalment adotatta mill-Kummissjoni fix-xahar ta' Marzu 2013.

Kif kien stipulat mill-pjan ta' azzjoni dwar is-sigurtà tal-merkanzija tal-ajru, il-Kummissjoni estendied l-azzjoni tagħha f'dan il-qasam billi stabbiliet qafas regolatorju għall-merkanzija u l-posta li jinġarru lejn l-Unjoni minn Pajjiżi Terzi u validazzjoni robusta tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE applikabbli wkoll barra mill-ġurisdizzjoni tal-Unjoni Ewropea. L-ewwel fażi tagħha daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2012. Minn dik id-data t-trasportaturi tal-ajru li jixtiequ jġorru l-merkanzija u l-posta lejn l-Unjoni minn ajruporti ta' pajjiżi terzi għandhom jirreġistraw bħala trasportaturi "ACC3"[13]. Sabiex jiġi armonizzat u jitħaffef il-mekkaniżmu relatat mar-reġistrazzjoni u l-konsultazzjoni fl-Istati Membri kif ukoll għall-Kummissjoni, bdew jitħaddmu funzjonalitajiet ġodda dwar l-ACC3 fil-"Bażi tad-Dejta tal-Aġenti Regolati u l-Kunsinnaturi Magħrufa" (RAKCdb) fl-aħħar kwart tal-2012.

Kienet segwita kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet doganali fir-rigward ta' armonizzazzoni possibbli tal-iskema AEO (Operatur Ekonomiku Awtorizzat) għar-reġimi ta' validazzjoni tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni għall-aġenti regolati u l-kunsinnaturi magħrufa. "L-għan ta' dan l-eżerċizzju hu li tkun evitata l-validazzjoni doppja għall-operaturi ekonomiċi, meta l-attivitajiet ewlenin tagħhom ikunu komuni spiss fiż-żewġ oqfsa regolatorji u biex, fl-istess ħin, ikunu identifikati ċerti lakuni li jistgħu jdgħajfu is-sigurtà tal-merkanzija tal-ajru u miżuri xierqa proposti biex isewwu dawn il-lakuni."

Bħala parti mill-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni ta' infrastruttura kritika u fil-qafas tan-Netwerk ta' Referenza Ewropew għal Infrastruttura Kritika (ERNCIP), fil-bidu tal-2012 inħoloq sottogrupp tematiku ġdid dwar it-teknoloġija tas-sigurtà tal-avjazzjoni.

Inħoloq grupp ta' ħidma magħmul minn Stati Membri interessati u l-industrija skont il-qafas tal-"Aġenda għall-Futur". Il-grupp stabbilixxa pjan ta' azzjoni biex ikunu analizzati possibilitajiet biex tiżdied l-effiċjenza fis-sigurtà tal-avjazzjoni.  Fl-2012, inbeda x-xogħol fuq żewġ azzjonijiet konkreti: a) valutazzjoni tar-riskju ta' riskji marbutin mal-passiġġiera u b) studju kkummissjonat biex janalizza kunċetti differenti marbutin mad-differenzazzjoni tal-passiġġiera. Fil-futur hu maħsub li l-Kumitat dwar is-Sigurtà tal-Avjazzjoni (AVSEC) innifsu jista' jmexxi l-implimentazzojni futura tal-pjan ta' azzjoni billi jinkludi tema pendenti fl-aġenda tiegħu.

IR-RABA' PARTI

Id-Djalogu mal-Entitajiet Internazzjonali u mal-Pajjiżi Terzi

1.           Elementi ġenerali

Il-Kummissjoni tikkopera b'mod sħiħ mal-entitajiet internazzjonali u l-pajjiżi terzi ewlenin u hija rrappreżentata b'mod regolari fil-laqgħat internazzjonali, ġeneralment billi tikkoordina l-pożizzjoni tal-UE u ta' sikwit tagħmel preżentazzjonijiet jew tippreżenta dokumenti. Infetħu wkoll djalogi, skont kif xieraq, mal-pajjiżi terzi individwali fuq kwistjonijiet ta' tħassib lokali jew ta' interess maqsum, bħall-eżenzjonijiet mir-rekwiżiti normali li jirregolaw il-ġarr tal-likwidi mixtrija mill-ħwienet tad-duty free. Kuntatti bħal dawn jippermettu lill-UE żżomm ruħha aġġornata mal-prattiċi tajba u fid-diffużjoni tagħhom kif ukoll biex tinfluwenza t-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell globali. Jeħtieġ li jiġu żgurati r-rabta u l-koerenza bejn il-ħtiġijiet tas-sigurtà interni u esterni. Skont il-qafas legali l-ġdid stabbilit bit-Trattat ta' Liżbona, l-EEAS għandha tkun ikkonsultata b'mod sħiħ fid-djalogu mal-entitajiet internazzjonali u l-pajjiżi terzi sabiex ikunu żgurati l-koerenza tajba u l-komplementarjetà mad-djalogi politiċi speċifiċi mnedija mill-EEAS.

2.           Entitajiet internazzjonali

Il-Kummissjoni tattendi l-bord annwali dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni tal-ICAO u, fis-sessjoni tiegħu tal-2012 (26-30 ta' Marzu 2012), ippreżentat erba' dokumenti ta' ħidma (wieħed dwar il-likwidi, tnejn dwar il-merkanzija u ieħor dwar it-trasparenza tal-miżuri ta' sigurtà). Dawn intlaqgħu b'mod tajjeb.

Il-Kummissjoni tieħu sehem ukoll b'mod regolari fil-laqgħat tat-Task Force Tekniku u tat-Task Force għat-Taħriġ tal-ECAC. Il-konklużjonijiet li nġabru minn kull wieħed minn dawn il-gruppi sussegwentement iffurmaw il-bażi tad-diskussjonijiet matul il-laqgħat tal-Kumitat Regolatorju u l-gruppi ta' ħidma assoċjati miegħu. Biex ikun evitat ix-xogħol komuni jew id-duplikazzjoni tax-xoghol, kien iffirmat Memorandum ta' Fehim bejn il-Kummissjoni u l-ECAC fit-tieni nofs tal-2012.

Barra minn hekk, kienu indirizzati miżuri armonizzati fis-segwitu tas-seminar tal-EUROCONTROL dwar it-theddid bil-lażer. L-għan ewlieni ta' dan l-eżerċizzju kien li jiġbor flimkien il-grupp tal-partijiet interessati li jkollhomm interess partikolari f'din il-kwistjoni, sabiex ikunu jistgħu jikkunsidraw l-adozzjoni ta' approċċ kollettiv biex titnaqqas it-theddida ta' interferenzi mhux awtorizzati tal-lażer fl-avjazzjoni.

3.           Il-pajjiżi terzi

Il-Kummissjoni kompliet b'mod attiv id-djalogu dwar il-kwistjonijiet tas-sigurtà tal-avjazzjoni mal-Istati Uniti tal-Amerika f'għadd ta' fora, b'mod partikolari l-Grupp tal-Kooperezzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar is-Sigurtà tat-Trasport, fil-qafas tal-ftehim milħuq dwar kontroll tas-sigurtà uniku[14].

Barra minn hekk, il-kisba importanti li jmiss fil-kooperazzjoni transatlantika dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni kienet approvata għal nofs l-2012 bir-rikonoxximent reċiproku tal-merkanzija tal-ajru u r-reġimi tal-posta rispettivi tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti.

Il-Kummissjoni interveniet ukoll f'għadd ta' okkażjonijiet meta l-Istati Membri qajmu tħassib partikolari dwar esiġenzi addizzjonali tas-sigurtà mitluba minn pajjiżi terzi, li dehru li ma tawx każ biżżejjed lis-sistemi sodi tal-UE diġà fis-seħħ. Xi drabi dan kien jinvolvi l-prattika sostnuta tal-Istati Uniti tal-ħruġ, mingħajr konsultazzjoni minn qabel, ta' Emendi ta' Emerġenza lil-linji tal-ajru li joperaw mill-UE, li kultant ikkawżat diffikultajiet sostanzjali għall-partijiet interessati tal-UE.

Il-Kummissjoni ħadet sehem fi spezzjoni partikolari f'ajruport tal-Istati Uniti tal-Amerika biex tissorvelja l-konformità f'ċerti miżuri ta' sigurtà fil-qafas ta' ftehim dwar kontroll tas-sigurtà uniku, imsemmi qabel hawn fuq.

Il-Kummissjoni bdiet ukoll negozjati mal-Kanada u l-Iżrael bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim fir-rigward ta' kontroll tas-sigurtà uniku ma' dawn il-pajjiżi.

KONKLUŻJONI

Qed jibqa' jiġi żgurat livell għoli ta' sigurtà fl-UE. L-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni wrew li kien hemm livell kemxejn ogħla ta' konformità mad-dispożizzjonijiet regolatorji ewlenin. Għall-miżuri tradizzjonali, in-nuqqasijiet identifikati fl-oqsma tar-rekwiżiti tal-iskrinjar tal-istaff u tal-merkanzija, x'aktarx u fil-biċċa l-kbira tagħhom, kienu marbuta ma' fatturi umani. In-nuqqasijiet ulterjuri ta' konformità li nstabu fil-miżuri addizzjonali implimentati skont il-qafas legali ġdid tar-Regolament (KE) 300/2008 kienu marbuta mal-kontrolli ta' sigurtà tal-provvisti tal-ajruport (fejn kienet għadha ma bdietx titħaddem kompletament katina ta' provvista sikura), patrolli fl-ajruporti, ċertifikazzjoni mill-ġdid tal-iscreeners li joperaw ċertu apparat ta' sigurtà u merkanzija u posta b'riskju għoli. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għal azzjoni ta' rettifika ġeneralment ġew segwiti b'mod sodisfaċenti, iżda s-sejbiet tal-ispetturi jikkonfermaw l-importanza ta' reġim tal-ispezzjonar tal-UE li jkun rigoruż u li joffri assigurazzjoni ta' kwalità suffiċjenti fil-livell tal-Istat Membru. Il-Kummissjoni se tkompli bl-isforzi tagħha biex tiżgura li r-rekwiżiti legali kollha jiġu implimentati b'mod sħiħ u korrett, filwaqt li jekk ikun hemm il-ħtieġa, tibda proċeduri formali ta' ksur.

Fil-qasam leġiżlattiv, matul l-2012 ġew adottati aktar regoli ta' implimentazzjoni dettaljati sabiex jiżguraw li r-Regolament ta' bażi (KE) 300/2008 l-ġdid jiġi applikat b'mod armonizzat u sabiex jiġu indirizzati t-theddidiet ġodda jew biex jiġu mminimizzati dawk eżistenti.

Anness

Spezzjonijiet li saru mill-Kummissjoni sal-31.12.2012

Stat || Numru totali ta’ spezzjonijiet 01/2012 -12/2012 (inklużi s-segwiti) || Numru totali ta’ spezzjonijiet 2004-2012 (inkluż is-segwitu)

L-Awstrija || 0 || 9

Il-Belġju || 1 || 11

Il-Bulgarija || 1 || 7

Ċipru || 1 || 7

Ir-Repubblika Ċeka || 1 || 8

Id-Danimarka || 1 || 10

L-Estonja || 1 || 6

Il-Finlandja || 2 || 10

Franza || 2 || 17

Il-Ġermanja || 2 || 19

Il-Ġreċja || 1 || 14

L-Ungerija || 1 || 8

L-Irlanda || 1 || 9

L-Italja || 2 || 17

Il-Latvja || 2 || 7

Il-Litwanja || 1 || 5

Il-Lussemburgu || 1 || 7

Malta || 0 || 3

Il-Pajjiżi l-Baxxi || 3 || 10

Il-Polonja || 1 || 10

Il-Portugall || 2 || 10

Ir-Rumanija || 3 || 6

Is-Slovakkja || 1 || 5

Is-Slovenja || 1 || 5

Spanja || 1 || 15

L-Isvezja || 1 || 12

Ir-Renju Unit || 3 || 20

Stati Mhux Membri tal-UE || ||

L-Isvizzera || 0 || 5

TOTAL || 37 || 272

Spezzjonijiet li saru mill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA sal-31.12.2012

Stat || Numru totali ta’ spezzjonijiet 01/2012 -12/2012 (inklużi s-segwiti) || Numru totali ta’ spezzjonijiet 2004-2012 (inkluż is-segwitu)

L-Islanda || 0 || 9

In-Norveġja || 5 || 40

TOTAL || 5 || 49

[1]               Miżuri jiġu ddefiniti bħala "tradizzjonali" jekk ikunu applikabbli diġà skont il-qafas legali tar-Regolament (KE) 2320/2002.

[2]                      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 72/2010 tas-26 ta' Jannar 2010 li jistabbilixxi proċeduri biex jitwettqu spezzjonijiet mill-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni, ĠU L23, 27.1.2010, p. 1

[3]               Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 18/2010 tat-8 ta' Jannar 2010, li jemenda r-Regolament (KE) 300/2008, ĠU L7, 12.1.2010, p. 3

[4]               Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 173/2012 tad-29 ta' Frar 2012, li jemenda r-Regolament (UE) 185/2010, ĠU L 59, 1.3.2012, p. 1

[5]               Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 711/2012 tat-3 ta' Awwissu 2010, li jemenda r-Regolament (UE) 185/2010, ĠU L 209, 04.8.2012, p. 1

[6]               Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1082/2012 tad-9 ta' Novembru 2012, li jemenda r-Regolament (UE) 185/2010, ĠU L 324, 22.11.2012, p. 25

[7]               Id-Deċiżjoni C(2012)1228 finali, notifikata lill-Istati Membri kollha fid-29.2.2012; mhix ippubblikata fil-ĠU.

[8]               Id-Deċiżjoni C(2012)5672 finali, notifikata lill-Istati Membri kollha fl-10.8.2012; mhux ippubblikata fil-ĠU.

[9]               Id-Deċiżjoni C(2012)5880 finali, notifikata lill-Istati Membri kollha fit-23.8.2012; mhux ippubblikata fil-ĠU.

[10]             L-użu ta' din id-dejtabejż, stabbilita mill-Kummissjoni, mill-atturi fil-katina ta' provvista, huwa obbligatorju skont ir-Regolament (UE) Nru 185/2010 u d-Deċiżjoni (2010) 774.

[11]             Id-data ta' skadenza għat-tħaddim sħiħ tal-iskrinjar tal-LAGs ġie pospost għall-31 ta' Jannar 2014; Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 246/2013 tad-19 ta' Marzu 2013, li jemenda r-Regolament (UE) 185/2010, ĠU L 77, 20.3.2013, p. 8.

[12]             http://ec.europa.eu/health/scientific_committees/emerging/docs/scenihr_o_036.pdf

[13]             Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 859/2011 tal-25 ta' Awwissu 2011, li jemenda r-Regolament (UE) 185/2010, ĠU L 220, 26.8.2011, p. 9

[14]             Applikabbli mill-01.04.2011 għall-inġenji tal-ajru, il-passiġġieri u l-bagalji tal-kabina u l-bagalji tal-istiva tagħhom li jaslu mill-Istati Uniti – Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 983/2010 tat-3 ta' Novembru 2010, li jemenda r-Regolament (UE) 185/2010, ĠU L 286 4.11.2010, p.1