52013DC0483R(01)

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Il-progress mill-Istati Membri lejn Binjiet b'Konsum ta' Enerġija Kważi Żero /* COM/2013/0483 final/2 */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Il-progress mill-Istati Membri lejn Binjiet b'Konsum ta' Enerġija Kważi Żero

WERREJ

1........... Introduzzjoni................................................................................................................... 4

2........... L-applikazzjoni fil-prattika tad-definizzjoni NZEB............................................................ 5

3........... Miri intermedji................................................................................................................ 6

4........... Politiki u miżuri għall-promozzjoni tal-NZEBs.................................................................. 6

4.1........ Rappurtaġġ dwar l-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2009/28/KE........................................... 7

4.2........ Politiki u miżuri biex tiġi stimulata r-rinnovazzjoni f'NZEB................................................. 8

5........... Il-konklużjonijiet u l-passi li jmiss.................................................................................... 8

5.1........ Konklużjonijiet............................................................................................................... 8

5.2........ Il-passi li jmiss................................................................................................................ 9

Anness 1: Ħarsa ġenerali lejn id-definizzjonijiet nazzjonali ta’ NZEBs............................................ 10

1. Introduzzjoni

Il-binjiet huma fil-qalba tal-politika tal-effiċjenza enerġetika tal-UE, peress li kważi 40 %[1] tal-konsum finali tal-enerġija u 36 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra huma mid-djar, l-uffiċini u binjiet oħra. It-titjib tal-prestazzjoni tal-enerġija tal-istokk tal-bini tal-Ewropa huwa kruċjali, mhux biss biex jintlaħqu l-miri tal-UE għall-2020 iżda wkoll biex jintlaħqu l-għanijiet fuq terminu itwal tal-istrateġija tal-klima tagħna kif stabbiliti fil-pjan direzzjonali għall-2050 għal ekonomija b'karbonju baxx[2].

Id-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija[3] (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-‘EPBD' - energy performance of buildings) huwa l-istrument leġiżlattiv ewlieni fil-livell tal-UE għat-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija ta' binjiet Ewropej. Element prinċipali tal-EPBD, speċjalment biex jintlaħqu dawn l-għanijiet fuq terminu itwal, huwa r-rekwiżiti tiegħu dwar Binjiet b'Konsum ta' Enerġija Kważi Żero (minn hawn 'il quddiem imsejħin 'NZEBs' - Nearly Zero-Energy Buildings).

L-Artikolu 9(1) tal-EPBD jitlob li l-Istati Membri "jiżguraw li:

(a) sal-31 ta’ Diċembru 2020, il-bini ġdid kollu jkun bini li juża kważi żero enerġija; kif ukoll

(b) wara l-31 ta’ Diċembru 2018, bini ġdid okkupat minn u proprjeta’ ta’ awtoritajiet pubbliċi jkun bini li juża kważi żero enerġija."

Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom ifasslu pjanijiet nazzjonali biex jiżdied l-għadd ta’ NZEBs, li jistgħu jinkludu diversi miri skont il-kategoriji tal-bini.

L-Artikolu 9(2) jistipula wkoll li l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw politiki u jieħdu miżuri bħall-iffissar ta' miri sabiex jistimulaw t-trasformazzjoni ta' binjiet li jiġu rinnovati f'NZEBs, u jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom.

L-Artikolu 9(3) jgħid li "Il-pjanijiet nazzjonali għandhom jinkludu inter alia l-elementi li ġejjin:

(a) l-applikazzjoni dettaljata tal-Istati Membri fil-prattika tad-definizzjoni ta’ bini li juża kważi żero enerġija, filwaqt li jirriflettu l-kondizzjonijiet nazzjonali, reġjonali jew lokali, u jinkuldu indikatur numeriku tal-użu tal-enerġija primarja espressa f’kWh/m2 fis-sena....

(b) miri intermedji għat-titjib tar-rendiment fl-użu tal-enerġija f’bini ġdid sal-2015...;

(c) informazzjoni dwar il-linji politiċi u miżuri finanzjarji jew miżuri oħrajn (.....) inklużi dettalji tar-rekwiżiti nazzjonali u miżuri dwar l-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli f’bini ġdid u bini eżistenti li tkun qed issirlu rinnovazzjoni maġġuri fil-kuntest tal-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2009/28/KE u l-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-Direttiva."

Abbażi ta’ dawn il-pjanijiet nazzjonali, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport dwar il-progress tal-Istati Membri, sa Diċembru 2012 u kull tliet snin wara (l-Artikolu 9 (5)).

Dan l-ewwel rapport huwa bbażat fil-biċċa l-kbira fuq l-informazzjoni inkluża fil-pjanijiet nazzjonali għall-NZEBs mressqa minn 8 Stati Membri (BE, DK, CY, FI, LT, NL, SE u UK) sa tmiem Novembru 2012. Sadanittant, sitt Stati Membri oħra (BG, DE, FR, HU, IE u SK) bagħtu l-pjanijiet tagħhom iżda dawn ma tqisux fl-analiżi. Barra minn hekk, għall-Istati Membri li ma pprovdewx pjan nazzjonali uffiċjali, l-informazzjoni dwar il-progress tagħhom ittieħdet mit-tieni Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza Enerġetika (NEEAPs - National Energy Efficiency Action Plans), fejn tali informazzjoni kienet disponibbli. Tlettax mit-tieni NEEAPs (BG, EE, FI, FR, HU, IE, IT, LU, MT, PL, ES, NL u UK) jirreferu għall-għanijiet NZEB. Dan ir-rapport huwa bbażat fuq informazzjoni li tinsab fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli (NREAPs - National Renewable Energy Action Plans)[4] u studju speċifiku dwar l-NZEBs[5].

Bħala osservazzjoni ġenerali għandu jiġi nnutat li l-pjanijiet nazzjonali jvarjaw sostanzjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-preżentazzjoni u l-kontenut. Dan jirrifletti livelli differenti ta’ żvilupp tal-politiki nazzjonali għall-NZEBs, kif ukoll in-nuqqas ta’ mudell għall-pjanijiet. Madanakollu, il-pjanijiet nazzjonali kollha fihom, b'mod konsiderevoli, aktar informazzjoni minn dak li kien inkluż fit-tieni NEEAPs.

2. L-applikazzjoni fil-prattika tad-definizzjoni NZEB

Skont l-Artikolu 2(2) tal-EPBD, NZEB "tfisser bini li għandu rendiment tajjeb ħafna fl-użu tal-enerġija kif determinat skont l-Anness I. Il-kważi żero enerġija jew l-ammont baxx ħafna ta’ enerġija meħtieġa għandha tiġi fil-maġġor parti tagħha minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, inkluża minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli prodotta fuq il-post jew fil-qrib;"

Għaldaqstant, filwaqt li l-EPBD joħloq qafas biex ikun hemm definizzjoni ta’ NZEBs, l-appilkazzjoni dettaljata finali fil-prattika ta’ dik id-definizzjoni (p.eż. x’inhu “rendiment tal-enerġija għoli ħafna”) hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri.

Analiżi tal-informazzjoni disponibbli (ara l-Anness 1 għal ħarsa aktar dettalljata) turi li, għalkemm il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jirrapportaw progress fid-definizzjoni tal-NZEBs, 4 Stati Membri biss (BE, CY, DK u LT) taw definizzjoni li tinkludi kemm mira numerika u sehem ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Fi Stati Membri oħra x-xogħol fuq id-definizzjoni laħqet stadji differenti ta’ żvilupp (ara l-graff t'hawn taħt).

Figura 1: L-istatus tal-iżvilupp ta’ definizzjoni NZEB fl-Istati Membri

Ftit Stati Membri semmew għanijiet li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti tal-NZEB, inkluż ta’ binjiet li jużaw żero enerġija fil-Pajjiżi l-Baxxi, binjiet pożittivi fl-enerġija fid-Danimarka u Franza, binjiet ġodda li jkunu newtrali għall-klima fil-Ġermanja u l-istandards taż-żero karbonju fir-Renju Unit.

Fejn indikatur numeriku huwa stabbilit, ir-rekwiżiti jvarjaw b'mod kemxejn wiesa' minn 0 kWh/m2/s sa 220 kWh/m2/s. Jista' jitqajjem dubju dwar kemm il-livelli ogħla ta' konsum ta' enerġija huma kompatibbli mad-definizzjoni ta' NZEBs kif mogħtija permezz tal-EPBD.

Rigward is-sehem tal-enerġija rinnovabbli r-rappurtaġġ huwa ugwalment divers, u ftit pajjiżi biss jiddefinixxu l-perċentwal minimu speċifiku (BE, CY, DK u LT). Stati Membri oħra jagħmlu dikjarazzjonijiet kwalitattivi biss (BE, DE, EL, IE, LT, NL, SE u UK). Fl-aħħar nett, xi Stati Membri (EE, NL) jistqarru li s-sehem tal-enerġija rinnovabbli se jiġu definiti meta d-definizzjoni nazzjonali dwar l-NZEBs tkun ġiet żviluppata aktar (ara wkoll it-taqsima 4.1).

L-ebda Stat Membru għadu ma rrapporta xi reġim leġiżlattiv biex ma jiġux applikat ir-rekwiżiti NZEB f’każijiet speċifiċi u ġustifikabbli fejn l-analiżi tal-kostbenefiċċju matul iċ-ċiklu tal-ħajja ekonomika tal-bini in kwistjoni tkun negattiva, kif permess skont l-Artikolu 9 (6) tal-EPBD.

3. Miri intermedji

L-Artikolu 9(3) (b) jistqarr li l-pjanijiet nazzjonali għandhom jinkludu, fost l-oħrajn, “miri intermedji għat-titjib tar-rendiment fl-użu tal-enerġija f’bini ġdid sal-2015”.

Ħmistax mis-27 Stat Membru (BE, CZ, DK, EE, FI, DE, EL, HU, IE, LV, LT, SI, SE, NL u UK) fil-fatt stabbilixxew tali miri intermedji. Madanakollu, peress li d-Direttiva ma tiddefinixxix it-tip ta’ miri li għandhom jiġu stabbiliti, l-Istati Membri ħadu approċċi differenti biex jistabbilixxu miri intermedji (ara l-Anness 1 għal aktar dettalji). Il-maġġoranza tal-pajjiżi jiddefinixxu dawn il-miri bħala rekwiżiti minimi tal-enerġija (p.eż. 50 kWh/m2/s fl-2015) jew bħala l-livell taċ-Ċertifikat tal-Prestazzjoni tal-Enerġija meħtieġ sa sena partikolari (pereż. il-livell B sal-2015). Stati Membri oħra jiddefinixxu l-miri intermedji billi jistqarru li “il-binjiet ġodda kollha” jew “il-binjiet pubbliċi ġodda kollha” se jkunu NZEBs sal-2015.

Ftit Stati Membri (CZ, EE u NL) ffissaw numri attwali għal binjiet ġodda jew binjiet pubbliċi ġodda biex jinbnew sas-sena 2015.

Ir-rwol eżemplari tas-settur pubbliku ġie enfasizzat min-numru ta' Stati Membri (BE, CZ, DE, DK, EE, IE, NL u UK) permezz tat-twaqqif ta’ miri intermedji speċifiċi għall-binjiet pubbliċi.

Miri intermedji għal kull ristrutturar ta’ binjiet eżistenti f’NZEBs ġew stabbiliti minn ftit Stati Membri biss (BE, DK u IE).

4. Politiki u miżuri għall-promozzjoni tal-NZEBs

L-Artikolu 9(3c) tal-EPBD jeħtieġ li l-pjanijiet nazzjonali jinkludu: "informazzjoni dwar il-linji politiċi u miżuri finanzjarji jew miżuri oħrajn adottati fil-kuntest tal-paragrafi 1 u 2 għall-promozzjoni ta’ bini li juża kważi żero enerġija, inklużi dettalji tar-rekwiżiti nazzjonali u miżuri dwar l-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli f’bini ġdid u bini eżistenti li tkun qed issirlu rinovazzjoni maġġuri fil-kuntest tal-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2009/28/KE u l-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-Direttiva."

L-Istati Membri rrapportaw firxa wiesgħa ta’ politiki u miżuri li jappoġġjaw l-għanijiet tal-NZEB fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom u l-NEEAPs (ara t-tabella t'hawn taħt), għalkemm ħafna drabi mhuwiex ċar sa liema punt dawn il-miżuri jimmiraw speċifikament għall-NZEBs.

Strumenti finanzjarji u miżuri ta’ appoġġ, inklużi krediti ta’ taxxa għall-miżati notarili, rati tal-interess tas-self ipotekarju sussidjati għal djar effiċjenti fl-enerġija u self b’imgħax baxxi għat-tagħmir mill-ġdid fi djar b’konsum enerġetiku baxx, kienu l-iktar li ssemmew, segwiti mit-tisħiħ tar-regolamenti tal-bini, il-ħolqien ta’ kuxjenza, attivitajiet edukattivi u ta’ taħriġ, u proġetti pilota jew ta’ dimostrazzjoni għal bini effiċjenti ħafna.

Ftit Stati Membri biss irrapportaw dwar miżuri speċifiċi għall-binjiet pubbliċi. Il-kamp ta' applikazzjoni tal-miżuri għall-bini pubbliku jvarja sostanzjalment bejn l-Istati Membri, minn binjiet tal-gvern ċentrali biss sal-binjiet kollu li jkun propjetà pubblika jew il-binjiet kollha użati għal finijiet pubbliċi.

Figura 2: Politiki ewlenin u miżuri ta’ appoġġ għall-NZEBs fl-Istati Membri

4.1. Rappurtaġġ dwar l-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2009/28/KE[6]

L-Artikolu 9(3c) tal-EPBD jeħtieġ li l-Istati Membri jinfurmaw ukoll lill-Kummissjoni fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom dwar “.... dettalji tar-rekwiżiti nazzjonali u miżuri dwar l-użu tal-enerġija rinnovabbli f’bini ġdid u bini eżistenti li qed issirlu rinovazzjoni maġġuri fil-kuntest tal-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2009/28/KE....”

L-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (minn hawn ’il quddiem imsejħa d-Direttiva SER) jgħid li:

"L-Istati Membri għandhom jintroduċu fir-regolamenti u l-kodiċi tal-bini miżuri xierqa sabiex tiżdied id-distribuzzjoni ta’ kull tip ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fis-settur tal-bini.

Meta jistabbilixxu dawn il-miżuri, jew fl-skemi tal-appoġġ reġjonali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw miżuri nazzjonali relatati ma' żidiet sostanzjali fl-effiċjenza tal-enerġija u relatati mal-koġenerazzjoni u ma’ bini b’enerġija passiva, b’ammont ta’ enerġija baxxa jew dawk b’ammont ta’ enerġija żero.

Sa Diċembru 2014, l-Istati Membri għandhom, fir-regolamenti u l-kodiċijiet tal-bini tagħhom... jeħtieġu l-użu ta’ livelli minimi ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-bini ġdid u bini eżistenti li huwa soġġett għal rinnovazzjoni estensiva.”

Ftit Stati Membri biss irrapportaw dwar dan ir-rekwiżit fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom jew fl-NEEAPs (ara l-Anness 1, l-aħħar kolonna). Madankollu, xi Stati Membri rrapurtaw dwar is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-binjiet fil-kuntest tal-pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli (NREAPs — National Renewable Energy Action Plans), għalkemm mhux f’ħafna dettall. Probabbilment dan seħħ minħabba d-data tal-għeluq għar-rappurtaġġ tal-NREAP tat-30 ta’ Ġunju 2010 f’liema żmien ftit Stati Membri kellhom NZEB elaborati u dettaljati.

Fejn l-Istati Membri jirrapportaw dwar il-binjiet fin-NREAP tagħhom, dan l-iktar li jiffoka huwa dwar il-livelli minimi tal-enerġija solari termali għall-produzzjoni tal-ilma sħun fid-djar (CY, EL, IT, PT, ES).

Ir-rappurtaġġ dwar l-enerġija rinnovabbli fil-pjanijiet nazzjonali NZEB jirreferi għall-miżuri meħuda bħala konsegwenza tad-Direttiva RES u l-implimentazzjoni tagħha (BE r-Reġjun Fjamming, DK u SE) jew jiddeskrivi miżuri speċifiċi ta’ appoġġ għall-enerġija rinnovabbli (DK).

4.2. Politiki u miżuri biex jiġi mħeġġeġ ir-ristutturar f'NZEB

L-Artikolu 9(2) tal-EPBD jeħtieġ li l-Istati Membri, "jsegwu l-eżempju mexxej tas-settur pubbliku, jiżviluppaw linji politiċi u jieħdu miżuri bħall-iffissar ta' miri sabiex jistimulaw it-trasformazzjoni ta' bini li jiġi rinnovat f'bini li juża kważi żero enerġija, u jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom...".

Tabilħaqq, xi Stati Membri rrappurtaw dwar miżuri speċifiċi għar-rinnovazzjoni tal-binjiet eżistenti f'NZEBs (DK, FR, IE, MT, NL, SE, UK). Filwaqt li xi Stati Membri stabbilixxew regoli tal-bini speċifiċi għar-rinnovament (DK, IE, SE), oħrajn iffukaw fuq benefiċċji finanzjarji bħal ribassi, krediti ta' taxxa u self vantaġġjuż mill-banek (MT, UK) jew qegħdin jippjanaw studji (NL).

5. Il-konklużjonijiet u l-passi li jmiss 5.1. Konklużjonijiet

Fl-aħħar ta' Novembru 2012, 9 Stati Membri biss (BE, DK, CY, FI, LT, IE, NL, SE, u UK) kienu rrappurtaw il-pjanijiet nazzjonali tal-NZEB tagħhom lill-Kummissjoni. Fir-rigward tad-definizzjoni prattika tal-NZEBs, 5 Stati Membri biss (BE, CY, DK, IE u LT) ippreżentaw definizzjoni li fiha kemm mira numerika kif ukoll sehem ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli.

Ħmistax-il Stat Membru (BE, CZ, DK, EE, FI, DE, GR, HU, IE, LV, LT, SL, SE, NL and UK) ippreżentaw miri intermedji għat-titjib tal-prestazzjoni tal-enerġija ta' binjiet ġodda sal-2015, bil-biċċa l-kbira jiffukaw fuq it-tisħiħ tar-regolamenti tal-bini u/jew tal-livelli taċ-ċertifikati tal-livell tal-prestazzjoni tal-enerġija.

Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rrappurtaw varjetà ta' miżuri ta' appoġġ biex jippromwovu l-NZEBs, inklużi inizjattivi finanzjarji, it-tisħiħ tar-regolamenti tal-bini tagħhom, attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni u proġetti pilota/ta' dimostrazzjoni, mhuwiex dejjem ċar kemm dawn il-miżuri jimmiraw speċifikament għall-NZEBs.

Għaldaqstant, il-konklużjoni għandha tkun li sar ftit wisq progress mill-Istati Membri fit-tħejjijiet tagħhom lejn n-NZEBs sal-2020.

Dan in-nuqqas ta' tħejjija tajba u f'waqtha jżid ir-riskju li l-Istati Membri mhux se jlaħħqu mad-dati ta' geluq biex il-binjiet il-ġodda jkunu NZEBs. Barra minn hekk, l-assenza ta' definizzjonijiet ċari, miri interim u miżuri ta' appoġġ dedikati tfisser li l-qasam tal-bini jaffaċċja inċertezza dwar il-qafas regolatorju u ta' politika għall-NZEBs, u b'hekk jinħoloq dewmien fl-investiment meħtieġ fit-teknoloġija, il-proċessi u t-taħriġ, u titnaqqas il-kompetittività tiegħu.

Iktar minn hekk, l-UE tista’ titlef parti mill-kontribuzzjoni li l-binjiet għandom jagħmlu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-klima u tal-enerġija fuq terminu twil tagħha. Minħabba d-daqs potenzjali ta’ din il-kontribuzzjoni huwa improbabbli li din id-differenza timtela bi ffrankar f’oqsma oħra.

Dan in-nuqqas ta’ progress jimplika wkoll li l-Istati Membri qegħdin jitħabtu biex jimplimentaw definizzjoni prattika dettaljati tal-NZEBs fil-kamp ta' applikazzjoni tal-EPBD, li tkompli tkabbar l-inċertezza għall-qasam tal-bini.

Fl-aħħar nett, peress li l-Kummissjoni rċeviet informazzjoni limitata biss mill-Istati Membri, mhuwiex possibbli li ssir evalwazzjoni xierqa tal-pjanijiet nazzjonali, u b’mod partikolari l-adegwatezza tal-miżuri previsti mill-Istat Membru fir-rigward tal-objettivi tal-EPBD.

5.2. Il-passi li jmiss

L-Istati Membri li għadhom ma bagħtux il-pjanijiet nazzjonali tagħhom lill-Kummissjoni għandhom jagħmlu dan mingħajr iżjed dewmien. Il-Kummissjoni se ssegwi direttament ma' dawk l-Istati Membri għal dan il-għan.

Għal dawk l-Istati Membri li bagħtu l-pjanijiet nazzjonali tagħhom, il-Kummissjoni se twettaq l-ewwel valutazzjoni rigward il-kompletezza tagħhom. Għal pjanijiet mhux kompleti, il-Kummissjoni se titlob informazzjoni addizzjonali u iktar iddettaljat. Biex jiġi mħaffef il-forniment ta’ din l-informazzjoni, mudell mhux obbligatorju żviluppat speċifikament se jkun disponibbli għall-Istati Membri. L-Istati Membri huma mħeġġa li jużaw dan il-mudell biex jiffaċilitaw il-komparabbiltà u l-analiżi tal-pjanijiet.

Sussegwentement, il-Kummissjoni se twettaq valutazzjoni dettaljata tal-pjanijiet nazzjonali b'ħarsa partikolari lejn l-applikazzjoni dettaljata fil-prattika tad-definizzjoni ta' NZEB, il-miri intermedji u l-miżuri ta' appoġġ proposti. Jekk ikun hemm bżonn il-Kummissjoni se titlob aktar informazzjoni speċifika rigward ir-rekwiżiti NZEB mill-Istati Membri kif previst fl-Artikolu 9(4) tal-EPBD. Abbażi ta’ din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni se tiżviluppa pjan ta’ azzjoni u, jekk meħtieġ, tipproponi miżuri biex iżżid l-għadd ta’ NZEBs u tħeġġeġ il-prattiċi tajba fir-rigward tat-trasformazzjoni kosteffettiva ta’ binjiet eżistenti f’NZEBs.

Biex tkompli tgħin lill-Istati Membri jiżviluppaw applikazzjoni dettaljata fil-prattika tad-definizzjoni tal-EPBD ta’ NZEBs, il-Kummissjoni biħsiebha tiżviluppa nota ta’ gwida interpretattiva. Il-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 26 tal-EPBD se jintuża biex ikun hemm konsultazzjoni mal-Istati Membri matul l-elaborazzjoni ta’ din il-gwida. Fejn ikun f'loku, se ssir referenza ukoll għax-xogħol li għaddej dwar l-istandardizzazzjoni li qiegħda ssir bħalissa mis-CEN taħt il-mandat M/480, ix-xogħol tal-Azzjoni Miftiehma tal-EPBD f'dan il-kamp u l-iżviluppi skont id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli. Għandu jiġi nnotat li l-iżvilupp ta’ din il-gwida ma jistax jiġi interpretat bħala raġuni għall-Istati Membri biex idewmu iktar il-pjanijiet nazzjonali tagħhom u l-implimentazzjoni sħiħa tar-rekwiżiti tal-EPBD fir-rigward tal-NZEBs.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tuża b'mod sħiħ is-setgħat tagħha skont it-Trattat biex tiżgura li l-EPBD, inklużi r-rekwiżiti tal-NZEB, jiġi traspost u implimentat b’mod korrett fl-UE.

Bħala konklużjoni, l-Istati Membri għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw ir-rekwiżiti rigward l-NZEBs fl-EPBD biex jiġi żgurat li l-miri klimatiċi fuq terminu itwal tal-UE ma jiġux ipperikolati u li l-qasam tal-bini jkun jista' jieħu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet li l-NZEBs joffru.

Anness 1: Ħarsa ġenerali lejn id-definizzjonijiet nazzjonali tal-NZEBs[7]

Pajjiż || Deskrizzjoni tal-applikazzjoni fil-prattika Artikolu 9(3a) || Indikatur numeriku għad-domanda għall-enerġija Artikolu 9(3a) || Miri intermedji Artikolu 9(3b) || Is-sehem ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli Artikolu 9(3c)

AT || Il-proċess li jintlaħaq ftehim dwar id-definizzjoni ta' NZEB fl-Awstrija jinsab għaddej. Sadanittant, il-kodici tal-bini jirreferi għal livell baxx ta’ standard tal-enerġija (ÖNORM 8118) li jirreferi għall-kwalità tal-involukru tal-bini. || || ||

BE Brussell - Ir-Reġjun tal-Kapitali || Id-definizzjoni fil-Kodiċi tal-Arja, il-Klima u l-Enerġija tuża d-definizzjoni mogħtija mir-riformulazzjoni tal-EPBD. Wara r-riżultat ta’ studju kostottimali li għaddej bħalissa, id-definizzjoni se ssir aktar speċifika. || Konsum primarju tal-enerġija taħt il- 45 kWh/m2/s (inkluż it-tisħin tal-bini, l-ilma sħun u l-apparat domestiku) Għall-uffiċini, unitajiet ta' servizz u unitajiet edukattivi, il-konsum primarju tal-enerġija taħt il- 95 – 2,5*C kWh/m2 /s b'C tkun definita bħala l-kumpatezza, jiġifieri l-proporzjon bejn il-volum magħluq u ż-żona ta' telf. || Il-binijiet ġodda kollha għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti komparabbli mal-istandard passiv mill-2015. || Il-metodu ta’ kalkolu tal-enerġija primarja jinkludi l-kontribut minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli bħax-xemx, it-tisħin permezz tal-bijomassa, sistemi ta’ tisħin ġeotermali u sistemi ta' pompi tas-sħana kif ukoll tekniki ta’ tibrid passiv.

BE Ir-reġjun Wallon || NZEB huwa kkaratterizzat fil-fażi tad-disinn bi pestazzjoni tal-enerġija li tkun qrib jew daqs l-istandards passivi tad-djar għall-involukru tal-bini u bil-kopertura tal-enerġija rinnovabbli għall-parti tal-konsum. L-istandard Passivhaus għall-Ewropa ċentrali jeħtieġ li l-bini għandu jkun iddiżinjat biex ikollu domanda annwali għat-tisħin ta' mhux aktar minn 15-ilkWh/m² fis-sena u 15-il kWh/m² tibrid fis-sena JEW li jkun iddiżinjat b'karga fl-eqqel sigħat ta' tisħin ta' 10W/m² Total ta' konsum ta' enerġijaprimarja (enerġija primarja għat-tisħin, l-ilma sħun u l-elettriku) m'għandhomx ikunu iktar minn 120 kWh/m² fis-sena Id-definizzjoni hija mistennija li tevolvi maż-żmien. || || L-istandards tal-enerġija mitluba għall-binjiet residenzjali, uffiċini, binjiet għas-servizzi u t-tagħlim se jkunu 60 kWh/m2/s sal-2014. Il-kostruzzjoni se tikkonforma wkoll mal-istandard passiv jew ekwivalenti mill-2017. Mill-2019 ’il quddiem, il-binjiet ġodda kollha — flimkien mal-istandard passiv — se jkunu meħtieġa li jikkonformaw bħala minimu mal-istandard ‘żero nett’ u jxaqilbu lejn binjiet pożittivi fl-enerġija. || Is-sehem tal-enerġija rinnovabbli huwa muri fi grafika fil-pjan nazzjonali

BE Ir-reġjun Fjamming || Abbażi tal-qafas ta’ metodoloġija komparattiva għall-kalkolu tal-livelli kostottimali tar-rekwiżiti minimi tal-prestazzjoni enerġetika, l-Aġenzija Fjamminga tal-Enerġija (VEA) qiegħda teżamina l-livelli kostottimali għall-Fjandri. Ir-riżultati ta’ dan l-istudju se jiġu użati bħala kontribut għall-applikazzjoni dettaljata fil-prattika. || Bħalissa l-livell kostottimali huwa E55-E60, li huwa l-użu tal-enerġija kkalkulat. || Ir-rekwiżit livell-E għall-bini residenzjali, binjiet ta' uffiċċju jew skola għal E70 fl-2012 u E60 fl-2014. Skeda ta' żmien għal aktar rekwiżiti stretti sal-2019 (għall-binjiet pubbliċi) u fl-2021 qiegħda tiġi żviluppata kemm għal binjiet ġodda kif ukoll għal binjiet eżistenti (binjiet residenzjali u mhux residenzjali separatament) || Il-leġiżlazzjoni qiegħda tiġi żviluppata. Għal binjiet residenzjali b’aktar minn unità ta' abitazzjoni waħda (anki għal skejjel u uffiċċji) trid tintuża waħda minn dawn is-6 għażliet: 1. Sistemi ta' enerġija solari termali 2. Sistemi ta' enerġija solari fotovoltajċi 3. Bijomassa (bojler, forn jew koġenerazzjoni kwalitattiva) 4. Pompi tas-sħana 5. Konnessjoni mat-tisħin jew tibrid distrettwali 6. Parteċipazzjoni fi proġett tal-enerġija rinnovabbli bil-possibbiltà addizzjonali ≥10 kWh enerġija rinnovabbli għal kull m2 tat-total tal-erja tal-art li tista' tintuża (kombinament wieħed jew iktar sistemi). Jekk ma jkunx konformi mar-rekwiżiti minimi tal-enerġija rinnovabbli, ir-rekwiżit tal-prestazzjoni tal-enerġija (livell-E) huwa stabbilit għal 10 % iktar strett. Is-sehem minimu ta' enerġija rinnovabbli huwa integrat fil-kalkoli tal-livell-E.

BG || Il-Bulgarija ma għandha l-ebda definizzjoni ta' NZEB || || ||

CY || L-NZEB hija definita permezz ta' indikatur tal-użu primarju tal-enerġija u perċentwal ta’ enerġija rinnovabbli. Bini ta’ referenza huwa użat għall-kalkoli. || 180 kWh/m2/s għal binjiet residenzjali 210 kWh/m2/s għal binjiet mhux residenzjali (inkluż it-tisħin, it-tibrid, l-ilma sħun u d-dawl) || || Minn tal-inqas 25 % tal-enerġija primarja għandha tiġi koperta minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli.

CZ || Id-definizzjoni ta' NZEB qiegħda fil-proċess li tiġi approvata. Id-Digriet futur dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-binjiet se tinkludi d-definizzjoni b’perċentwal fiss tad-domanda għall-enerġija meħtieġa li tkun koperta minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli. || || FL-2016 il-binjiet pubbliċi kollha ikbar li huma ikbar minn 1500 m2 se jkunu NZEBs u fl-2017 il-binjiet pubbliċi kollha ikbar minn 350 m2 se jkunu NZEBs. Il-binjiet ġodda kollha ikbar minn 1500 m2 se jkunu NZEBs fl-2018. Il-binjiet ġodda kollha ikbar minn 350 m2 se jkunu NZEBs fl-2019. 14.000 sa 22.000 NZEBs residenzjali ġodda kull sena mill-2020. ||

DK || Rekwiżiti dwar l-NZEBs jinsabu fir-regolamenti dwar il-bini bħala klassijiet ta’ prestazzjoni progressiva; “klassi 2015” u “klassi 2020”. Binja residenzjali (+lukandi eċċ.) hija kklassifikat bħala klassi 2015 meta l-ħtieġa miġbura għall-enerġija għat-tisħin, il-ventilazzjoni, it-tibrid u l-ilma sħun għal kull m2 ta' erja msaħħna ma taqbiżx it-30 kWh/m2/s miżjuda ma' 1000kWh/s diviża mal-erja msaħħna. (30 + 1000/A) kWh/m2/s. Binja residenzjali (+lukandi eċċ.) hija kklassifikat bħala klassi 2015 meta l-ħtieġa miġbura għall-enerġija għat-tisħin, il-ventilazzjoni, it-tibrid u l-ilma sħun għal kull m2 ta' erja msaħħna ma taqbiżx it-41 kWh/m2/s miżjuda ma' 1000kWh/s diviża mal-erja msaħħna. (41 + 1000/A) kWh/m2/s. Bini jiġi kklassifikat bħala bini "Klassi 2020" meta l-ħtieġa kollettiva tal-enerġija għat-tisħin, il-ventilazzjoni, it-tibrid u l-ilma sħun għal kull m2 ta' erja msaħħna ma taqbiżx l- 20 kWh/m2/s. || 20 kWh/m2/s || Ir-rekwiżiti għall-“klassi 2015” huma mistennija li jkunu obbligatorji fl-2015. Ir-rekwiżiti għall-“klassi 2020” — se japplikaw għall-binjiet pubbliċi sal-aħħar tal-2018 u għal kull binja oħra sa tmiem l-2020. || L-ishma mistennija ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-qasam tal-bini huma ppreżentati għall-2015 u l-2020. bejn 44 u 51 % fl-2015 bejn 51 u 56 % fl-2020.

EE || Koeffiċjent tal-enerġija ta' 50-140 kWh/m2/s għall-NZEBs ġie propost, iżda hija meħtieġa aktar konsultazzjoni pubblika fir-rigward tad-definizzjoni ta' NZEBs. || Koeffiċjent ta' enerġija ta' 50-140 kWh/m2/s ġie propost. || L-introduzzjoni gradwali ta’ rekwiżiti iżjed stretti fir-rigward tal-prestazzjoni tal-enerġija mill-2013’il quddiem. 10 NZEBs aċċessibbli b'mod pubbliku sal-2015. ||

FI || Il-Finlandja għadha ma waslitx għad-definizzjoni finali tagħha ta' NZEBs. Il-ħsieb hu li jinħarġu deskrizzjonijiet tekniċi rigward l-NZEBs bħala rakkomandazzjonijiet fl-2015. || || Rekwiżiti għall-istandard “dar passiva” għal binjiet mibnija, imsewwija jew mikrija wara l-2015. Binjiet ġodda fl-amministrazzjoni pubblika mibnija wara l-2015 se jkollhom l-istandard "dar passiva". ||

FR || Franza ma għandhiex definizzjoni uffiċjali ta’ NZEB. || || Għal bini kollettiv fejn jgħixu n-nies, ir-rekwiżit tal-konsum se jitbaxxa minn 57.5 għal 50 kWhepm2/s fl-2015. Għal bini individwali fejn jgħixu n-nies, ir-rekwiżit ta' konsum diġà huwa 50 kWhepm2/s. Il-binjiet ġodda kollha se jkunu pożittivi fl-enerġija fl-2020. Tnaqqis ta' 38 % fil-konsum tal-enerġija primarja sal-2020 għall-istokk eżistenti tal-bini. ||

DE || Definizzjoni governattiva espliċita ta’ standards ta’ prestazzjoni tal-NZEB qiegħda tiġi ppreparata. || || Se jkun hemm aġġornament tar-Regolamenti dwar l-Iffrankar tal-Enerġija fl-2012 jew l-2013 b’aktar aġġornamenti possibbli qabel l-2020. Rekwiżiti għall-NZEBs pubbliċi se jiġu introdotti fl-2016 u għall-NZEBs ġodda kollha fl-2018. || Fil-Ġermanja l-użu ta' enerġiji rinnovabbli għat-tisħin f'binjiet ġodda sar obbligatorju skont l-Att dwar is-Sħana mill-Enerġija Rinnovabbli. L-ammont minimu ta’ ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli hija rregolata permezz tal-Erneuerbare-Energien- Wärme-Gesetz (l-Att dwar is-Sħana mill-Enerġiji Rinnovabbli).

EL || L-ebda standard dwar l-NZEB mhu disponibbli. Regolamenti ġodda bbażati fuq ir-riformulazzjoni tal-EPBD qegħdin jitħejjew u se jiddefinixxu l-pjan direzzjonali għall-NZEB. || || || Binjiet ġodda għandhom ikopru l-konsum tal-enerġija primarja kollu tagħhom b’sistemi tal-provvista tal-enerġija bbażati fuq sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. (Il-miri nazzjonali, NEEAP)

HU || Ir-rekwiżiti għall-prestazzjoni tal-enerġija tal-NZEB se jiġu definiti fid-Digriet dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-binjiet li jinsab f’fażi ta’ żvilupp. || || Ir-rekwiżiti se jiġu msaħħa fl-2016 flimkien ma' reviżjoni fundamentali mistennija tas-sistema tar-rekwiżiti. Rekwiżiti diretti rigward sistemi solari attivi u sistemi fotovoltajċi se jinġiebu fis-seħħ fl-2016. ||

IE || Id-definizzjoni hija stabbilita b’indikatur numeriku tal-użu primarju tal-enerġija u livell ta' Ċertifikat tal-Gradazzjoni tal-Enerġija għall-Bini (BER - Building Energy Raing) || Sal-2020 l-abitazzjonijiet ġodda kollha se jkollhom karga ta' enerġija li mhux se taqbeż il- 45 kWh/m2/s (inklużi t-tisħin, il-ventilazzjoni, l-ilma sħun u d-dawl) Fit-termini taċ-Ċertifikati tal-Gradazzjoni tal-Enerġija għall-Bini (BER) l-abitazzjonijiet ġodda kollha se jiġu gradati bħala A3 jew ogħla. L-istess prinċipju japplika għal binjiet mhux residenzjali u għal binjiet eżistenti iżda l-mira numerika u l-gradazzjoni BER għadhom ma ġewx deċiżi b’mod formali. || L-għan sal-2013 huwa li jimmiraw għal titjib aggregat ta' 40 % fl-emissjonijiet u sal-2019 titjib aggregat ta' 60 % soġġetti għal kalkoli kostottimali. Ir-Regolamenti tal-Bini li Jemendaw Parti L fl-2015 u l-2018, biex jirrikkjedu t-titjib tal-Istandard dwar il-Prestazzjoni tal-Enerġija għal binjiet eżistenti li qegħdin jiġu estiżi, rinnovament/alterazzjoni jew li se jkollhom bdil fl-użu. || Proporzjon raġonevoli ta’ enerġija se tinġieb minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fuq il-post jew fil-qrib.

IT || L-ebda definizzjoni uffiċjali tal-istandard ta' prestazzjoni tal-NZEB. || || ||

LT || Il-prestazzjoni enerġetika hija ddefinita b’tali mod li ma jkollhiex x’taqsam ma’ valur partikolari ta’ konsum ta’ enerġija u hija ddefinita bil-klassi rispettiva ta' prestazzjoni tal-enerġija tal-binja. Kull bini jkun ivvalutat individwalment. || NZEB huwa wieħed li jikkonforma mar-rekwiżiti tar-Regolamenti Tekniċi tal-Kostruzzjoni STR 2.01.09:2012 għall-klassi tal-bini A++. ||  Il-Litwanja stabbiliet rekwiżiti tranżizzjonali għal binjiet ġodda fl-2014, l-2016, l-2018 u l-2021 taħt il-klassijiet ta’ prestazzjoni tal-enerġija tal-binjiet: - qabel l-2014 — binjiet ġodda jew partijiet tagħhom għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti għall-klassi tal-binjiet C; - mill-2014 — binjiet ġodda jew il-partijiet tagħhom għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti għall-klassi tal-binjiet B; -mill-2016 — binjiet ġodda jew il-partijiet tagħhom għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti għall-klassi tal-binjiet A; -mill-2018 — binjiet ġodda jew il-partijiet tagħhom għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti għall-klassi tal-binjiet A+; -mill-2021 — binjiet ġodda jew il-partijiet tagħhom għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti għall-klassi tal-binjiet A++. || Fil-binjiet ta’ klassi A++, l-enerġija minn riżorsi rinnovabbli għandha tifforma l-akbar parti tal-enerġija kkonsmata (il-formula tinsab fil-pjan nazzjonali).

LV || Id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, inklużi r-rekwiżiti tekniċi speċifiċi għall-użu ta’ sorsi ta' enerġija rinnovabbli kellu jiġi żviluppat fl-2012 || || ||

LU || Ma nstabet l-ebda informazzjoni dwar id-definizzjoni ta’ NZEB || || ||

MT || Ma nstabet l-ebda informazzjoni dwar id-definizzjoni ta’ NZEB || || ||

NL || Id-definizzjoni hija bbażata fuq il-Koeffiċjent tal-Prestazzjoni tal-Enerġija (KRE), numru mhux dimensjonali użat bħala indikatur tal-prestazzjoni tal-enerġija ta' bini li jiddependi fuq kif jintuża l-bini. Għandhom isiru studji biex jiġi vvalutat kemm ikun fattibbli u kosteffettiv li sadattant jiddaħħal KRE iktar strett. || Is-suppożizzjoni hija li bini li kompletament juża żero enerġija jkollu KRE = 0 || Il-KRE se jitniżżel minn 0.8 għal 0.6 (introdott fl-1 ta’ Jannar 2011) u kompla jitnaqqas għal 0.4 mill-1 ta’ Jannar 2015, bl-għan li jiġi stabbilit rekwiżit qrib il-KRE = 0 għal bini ieħor għajr dak pubbliku fl-2020. Tnaqqis komparabbli (ikkumparat mal-2007) huwa fis-seħħ għall-binjiet mhux residenzjali, biex b'hekk l-effiċjenza fil-binjiet ġodda żdiedet b'50 % fl-2015. L-għan huwa li jiġi stabbilit rekwiżit qrib il-KRE = 0 għall-binjiet pubbliċi fl-2018 u biex jinbnew 60.000 abitazzjoni NZEB ġdida sal-2015. || Taħt is-sistema KRE, il-bennejja huma ħielsa li jagħżlu miżuri biex inaqqsu d-domanda għall-enerġija, jużaw enerġija minn sorsi rinnovabbli, u jagħmlu użu effettiv tal-karburanti fossili, biex jilħqu l-KRE mitlub. Dan il-prinċipju se jinżamm għall-NZEBs. Hekk kif ir-rekwiżiti għall-KRE jsiru dejjem iktar stretti, awtomatikament il-perċentwal ta' enerġija rinnovabbli se jsir iktar importanti biex jintlaħqu r-rekwiżiti.

PL || Għad ma hemm l-ebda definizzjoni għall-NZEB. Iċ-Ċentru ta' Riċerka dwar il-Bini b'Żero Emissjonijiet qiegħed jaħdem fuq definizzjoni nazzjonali || || ||

PT || Ma nstabet l-ebda informazzjoni dwar id-definizzjoni ta’ NZEB || || ||

RO || Ma nstabet l-ebda informazzjoni dwar id-definizzjoni ta’ NZEB || || ||

SK || Ma nstabet l-ebda informazzjoni dwar id-definizzjoni ta’ NZEB || || ||

SL || L-Att dwar l-Enerġija ġdid qiegħed jiġi żviluppat u dan għandu jinkludi dispożizzjonijiet għall-NZEBs || || ||

ES || Definizzjoni ta’ NZEBs għadha ma ġietx ifformulata. Għall-2018 hemm ippjanata t-tielet reviżjoni tal-kodiċi tekniku tal-bini b'kunċetti NZEB inklużi u definizzjoni finali hija ppjanata li tiġi addottata fl-2019. || || ||

SE || Ir-rekwiżiti dwar l-NZEB bħalissa huma ugwali għar-rekwiżiti fir-regolamenti preżenti dwar il-bini. Ir-regolamenti dwar il-bini u d-definizzjoni tal-NZEBs se jiġu msaħħa gradwalment skont ir-riżultati ta' studji li għaddejin bħalissa u proġetti dimostrattivi. || Bħalissa r-rekwiżiti għall-użu speċifiku (finali) tal-enerġija għall-abitazzjonijiet huma bejn 55-130 kWh/m2/s (55-120 kWh/m2/s għal binjiet mhux residenzjali). || It-tisħiħ tar-regolamenti tal-bini li jmiss huwa fl-2015. || L-Isvezja għandha sehem kbir ħafna ta' enerġija rinnovabbli fl-oqsma kollha inkluż il-qasam tal-bini. Ir-regolamenti tal-bini jiffavorixxu binjiet imsaħħna permezz ta' sorsi rinnovabbli.

UK || NZEB huwa definit bħala Żero bini ta' karbonju || Ir-residenzi kollha għandhom ikunu b'karbonju żero mill-2016. Il-bini tas-settur pubbliku għandu jkun b'karbonju żero sal-2019. || ||

[1]               In 2010. Ara "Indikaturi dwar l-enerġija, it-trasport u l-ambjent, edizzjoni 2012", il-Kummissjoni Ewropea. Għall-fini ta' din l-istima, ġie kkombinat il-konsum finali tal-enerġija għall-oqsma tad-djar u tas-servizzi. Għandu jiġi nnutat li dan jinkludi, pereżempju, il-konsum tal-elettriku għall-apparat domestiku iżda jeskludi l-konsum tal-enerġija f’binjiet industrijali.

[2]               COM (2011) 112

[3]               ĠU L153 tat-18.6.2010, p.13

[4]               L-NREAPs huma obbligu skont id-Direttiva 2009/28/KE u jistgħu jinstabu fuq http://ec.europa.eu/energy/renewables/action_plan_en.htm

[5]               Lejn bini li juża kważi żero enerġija — Definizzjoni ta’ prinċipji komuni taħt l-EPBD. Ecofys, Jannar 2013

[6]               ĠU L140 tal-5.6.2009, p. 16

[7]               Il-livelli ta’ prestazzjoni tal-enerġija fit-tabella jirrappreżentaw ir-rekwiżiti tal-enerġija kif imressqa minn Stati Membri differenti. Billi r-regolamenti tal-bini u l-metodi ta’ kalkolu jvarjaw bejn il-pajjiżi, il-miri numeriċi ma jistgħux jitqabblu mingħajr ma dan jiġi kkunsidrat