52013DC0454

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI PASSI 'L QUDDIEM FL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-ISTRATEĠIJI NAZZJONALI GĦALL-INTEGRAZZJONI TAR-ROM /* COM/2013/0454 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

PASSI 'L QUDDIEM FL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-ISTRATEĠIJI NAZZJONALI GĦALL-INTEGRAZZJONI TAR-ROM

1.           L-Introduzzjoni

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom[1] tistieden lill-Istati Membri biex jadottaw jew jiżviluppaw iktar approċċ komprensiv għall-integrazzjoni tar-Rom u japprovaw għadd ta’ għanijiet komuni. Dawn l-għanijiet ikopru l-erba’ pilastri tal-edukazzjoni, l-impjieg, is-saħħa u l-akkomodazzjoni u għandhom l-għan li jħaffu l-integrazzjoni tar-Rom. Il-Kapijiet tal-Istat jew il-Gvernijiet tal-Istati Membri kollha tal-UE approvaw dan l-approċċ.[2]

B’reazzjoni għal din l-istedina, l-Istati Membri ppreżentaw strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom. L-istrateġiji nazzjonali varjaw skont id-daqs tal-popolazzjoni tar-Rom u l-isfidi li l-Istati Membri kienu jeħtieġu jindirizzaw[3]. Il-Kummissjoni Ewropea fl-2012 ivvalutat dawn l-istrateġiji[4] u kkonkludiet li, sabiex isir progress fir-rigward tal-erba’ pilastri, huwa meħtieġ li diversi prekundizzjonijiet strutturali li huma indispensabbli għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-istrateġiji jingħataw prijorità, u fosthom, il-ħidma mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u s-soċjetà ċivili, l-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji proporzjonati; il-monitoraġġ u l-awtorizzazzjoni ta’ aġġustamenti ta’ politiki; il-ġlieda b’mod konvinċenti kontra d-diskriminazzjoni u l-istabbiliment ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom.

Din il-komunikazzjoni tiffoka fuq dawn il-prekundizzjonijiet stutturali peress li, għalkemm diġà ttieħdu xi passi fil-livell ta’ politiki fl-Istati Membri, b’mod partikolari biex ikunu koordinati aħjar il-partijiet interessati kollha li huma attivi fl-integrazzjoni tar-Rom, il-bidliet effettivi għadhom insuffiċjenti. Barra minn hekk, sabiex jiġu inkoraġġiti sforzi ulterjuri mill-Istati Membri, il-Kummissjoni, permezz ta’ din il-komunikazzjoni, timpenja ruħha li tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-istati Membri speċjalment fir-rigward tal-użu tagħhom tal-fondi tal-UE għall-integrazzjoni tar-Rom.

2.           L-implimentazzjoni effettiva tal-istrateġiji — kruċjali għall-kredibbiltà tal-impenji politiċi u għall-bidla fl-għeruq

Li tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva tal-istrateġiji nazzjonali tal-integrazzjoni tar-Rom hija kruċjali. Fil-kuntest ekonomiku kurrenti, huwa essenzjali li jittieħdu miżuri adegwati u jsir użu iktar effiċjenti mir-riżorsi disponibbli sabiex tkun indirizzata l-integrazzjoni soċjoekonomika tar-Rom. Din hija r-raġuni għalfejn il-Kummissjoni ssegwi mill-qrib il-progress li jkunu għamlu l-Istati Membri, kemm fil-proċess Ewropa 2020 kif ukoll fil-kuntest speċifiku tal-Qafas tal-UE għal strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom.

Bħala parti mill-proċess Ewropa 2020, se jkompli l-monitoraġġ mill-qrib tal-inklużjoni tar-Rom u l-koerenza tagħha fil-politiki tal-inklużjoni fuq bażi annwali sal-2020. Sabiex isir progress lejn il-miri ta’ Ewropa 2020 fir-rigward tal-impjieg, l-inklużjoni soċjali u l-edukazzjoni, l-Istati Membri li għandhom popolazzjonijiet Rom ikbar, se jkollhom jindirizzaw l-isfidi tal-inklużjoni tar-Rom enfasizzati fis-Semestru Ewropew tal-2012. F’dawn l-Istati Membri, l-integrazzjoni tal-popolazzjoni tar-Rom mhux biss twassal għal benefiċċji soċjali, iżda anke ekonomiċi.[5] Fis-Semestru Ewropew tal-2013, il-Kummissjoni pproponiet li ssaħħaħ u tirfina iktar ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti għall-inklużjoni tar-Rom għall-iktar Stati Membri kkonċernati[6].

Fil-kuntest tal-Qafas tal-UE għall-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom, il-Kummissjoni saħħet id-djalogu ma’ għadd ta’ Stati Membri. Fl-2012 u l-2013, saru laqgħat bilaterali[7], li laqqgħu flimkien lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti u esperti mill-Kummissjoni biex jiddiskutu l-valutazzjoni ddettaljata tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom u modi kif tiġi żgurata l-implimentazzjoni tagħhom.

Barra minn hekk, twaqqaf netwek tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali tal-Istati Membri għall-integrazzjoni tar-Rom biex ikunu ffaċilitati l-iskambji multilaterali ta’ esperjenza, tagħlim bejn il-pari u kooperazzjoni fost l-Istati Membri[8].

Fl-aħħar nett, sabiex l-Istati Membri jiġu megħjuna jkejlu l-progress dwar l-integrazzjoni tar-Rom, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) waqqfet grupp ta’ ħidma ad hoc[9]. L-għan ewlieni tiegħu huwa li jgħin lill-Istati Membri parteċipanti jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi ta’ monitoraġġ sabiex jiksbu riżultati affidabbli u komparabbli[10].

Il-Kummissjoni analizzat il-progress li sar fl-2012 fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali abbażi tal-input tal-Istati Membri, u kontribuzzjonijiet minn esperti u s-soċjetà ċivili[11], kif ukoll sejbiet mill-FRA.

2.1         Il-Prekundizzjonijiet Strutturali għal implimentazzjoni effiċjenti

(a) L-involiment tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u ħidma mill-qrib mas-soċjetà ċivili

Il-Qafas tal-UE enfasizza l-bżonn ta’ djalogu kontinwu bejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u mas-soċjetà ċivili tar-Rom fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ strateġiji nazzjonali. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ħadu miżuri f’dan ir-rigward. Madankollu, ħafna drabi kienu meqjusa bħala ineffettivi mill-partijiet interessati f’termini li jippermettulhom jipparteċipaw b’mod attiv fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ strateġiji nazzjonali.

(1) L-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

Kif enfasizzat fir-rapport li għamlet il-Kummissjoni fl-2012 dwar il-progress, l-involviment attiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-istadji kollha tal-proċess tal-inklużjoni tar-Rom huwa prekundizzjoni kruċjali għas-suċċess.

L-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali || L-Istati Membri li ħadu dawn il-miżuri

Struttura ta’ djalogu strutturat || AT, BE, BG, CZ, DK, EE, EL, ES, FI, FR, HU, IE, IT, LV, NL, RO, SE, SI, SK, UK

Promozzjoni ta’ skambju u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali || BE, BG,CZ, DK, FI, FR, HU, IT, SE, ES, SI, UK

Allokazzjoni ta’ riżorsi għall-integrazzjoni tar-Rom fl-awtoritajiet lokali u reġjonali || AT, BE, CZ, DE, DK, EL, FI, FR, IE, IT, PL, RO (ippjanata), SE, SI, SK,

Sena wara jista’ jiġi konkluż li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jeħtieġ li jagħmlu sforzi akbar u jinvolvu lill-awtoritajiet lokali aktar mill-qrib u sistematikament fl-iżvilupp, fl-implimentazzjoni, fil-monitoraġġ, fl-evalwazzjoni u fir-reviżjoni tal-politika[12]. Il-politiki u l-pjanijiet ta’ integrazzjoni tar-Rom għandhom jiġu żviluppati bħala parti integrali tal-aġendi nazzjonali u lokali pubbliċi: għandhom jistabbilixxu linja bażi ċara, miri kkwantifikati u miżuri speċifiċi sabiex l-erba’ pilastri tal-istrateġija nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom jiġu tradotti f’azzjoni fil-livell lokali. Sabiex jiġu implimentati dawn il-pjanijiet, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, għandhom jingħataw riżorsi finanzjarji u umani xierqa. Il-kapaċità tagħhom li jimmaniġġjaw, jimmonitorjaw u jevalwaw l-inklużjoni tar-Rom għandha titjieb.

(2) Ħidma mill-qrib mas-soċjetà ċivili

Ir-rapport li għamlet il-Kummissjoni fl-201 2 dwar il-progress innota li l-involviment tas-soċjetà ċivili għandu jmur lil hinn minn sempliċiment konsultazzjoni magħha meta jiġu żviluppati strateġiji. Is-soċjetà ċivili jeħtieġ li jkollha rwol attiv fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-istrateġiji nazzjonali. Il-bini tal-kapaċità tas-soċjetà ċivili fl-għeruq tagħha fil-livell lokali, b’mod partikolari fost ir-Rom, huwa kruċjali għas-suċċess u s-sostenibbiltà ta’ pjanijiet ta’ azzjoni lokali integrati.

Ħidma mill-qrib mas-soċjetà ċivili || L-Istati Membri li ħadu t-tali miżuri

Struttura ta’ djalogu strutturat mas-soċjetà ċivili fil-livell nazzjonali || BE, BG, EE, ES, DK, FI, FR, HU, LV, LT, SE, SI, UK

Inkoraġġiment tal-involviment attiv tas-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti tar-Rom fil-livell lokali || BE (livell reġjonali), BG, CZ, ES, FI, HU, LV, PT, SE, SI,

Appoġġ finanzjarju għall-iżvilupp tal-kapaċità tas-soċjetà ċivili || EE, ES, FR, LV, SE, SI

Fit-tieni sena tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali f’ħafna Stati Membri, ir-rappreżentazzjoni leġittima tar-Rom u l-involviment tal-organizzazzjonijiet kollha tas-soċjetà ċivili għadhom insuffiċjenti. Sabiex ikunu jistgħu jipprovdu kontribuzzjoni utli, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet lokali li jirrappreżentaw lir-Rom, għandu jkollhom il-kapaċità xierqa li jkollhom aċċess aħjar għall-fondi pubbliċi, sabiex jgħinu biex il-fondi jkunu disponibbli b’mod mgħaġġel u iktar effiċjenti għal dawk ikkonċernati direttament, u biex jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċess tal-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki tal-integrazzjoni tar-Rom. Ftit Stati Membri biss jipprovdu appoġġ adegwat għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex ikollhom tali rwol. Għalkemm il-mekkaniżmi huma lesti biex jinkorporaw l-opinjonijiet tar-Rom, ma jiżgurawx impatt sinifikanti ta' dawn l-opinjonijiet fuq il-politiki. L-Istati Membri kollha għandhom jiżguraw li mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni regolari joperaw b’mod effiċjenti u trasparenti u li jkopru l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-impatt tal-istrateġiji. Għandu jiġi inkoraġġit djalogu mad-diversi tipi ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mar-riċerkaturi li jaħdmu fuq l-oqsma kollha rilevanti għall-inklużjoni tar-Rom. Il-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili għandha tkun inkoraġġita wkoll meta jiġu stabbiliti pjanijiet ta’ azzjoni lokali.

(b) L-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji proporzjonati

Il-Qafas tal-UE jistieden lill-Istati Membri biex jallokaw fondi suffiċjenti mill-baġits nazzjonali għal miżuri tal-inklużjoni tar-Rom, li għandhom ikunu kkumplimentati fejn xieraq, mill-fondi tal-UE u mill-fondi internazzjonali; kofinanzjament mill-fondi tal-UE huwa prinċipalment disponibbli mill-Fond Soċjali Ewropew, mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.

Ir-rapport li għamlet il-Kummissjoni fl-2012 dwar il-progress, id-dgħufijiet fl-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji li jaqblu mal-impenji politiċi magħmula fl-istrateġiji, baqgħu ostaklu ewlieni għall-implimentazzjoni. B’mod speċifiku, allokazzjoni baġitarja trasparenti għall-pjanijiet ta’ azzjoni hija prekundizzjoni assoluta. Barra minn hekk, għandu jintuża approċċ territorjali li jindirizza l-bżonnijiet speċifiċi ta’ dawk l-oqsma l-iktar affettwati mill-faqar jew gruppi ta’ mira li għandhom l-ikbar riskju ta’ diskriminazzjoni jew esklużjoni.

L-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji proporzjonati || L-Istati Membri li ħadu t-tali miżuri

Approċċ integrat għall-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji || EL, ES, FI, HU, IT, LV, SI, SK,

Approċċ territorjali għall-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji || CZ, EL, ES, HU, IT, PL, SE, SK

Involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u s-soċjetà ċivili fl-ippjanar tal-użu tal-fondi tal-UE || BE, BG, CZ, ES, FI, IT, RO, SI, SK (passi inizjali)

Għalkemm sar xi progress mir-rapport preċedenti, il-finanzjament tal-istrateġiji nazzjonali għadu mhux adegwat. F’xi Stati Membri, l-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali hija mdewma peress li mill-baġit nazzjonali huma allokati riżorsi insuffiċjenti.

B'riflessjoni tal-isfidi identifikati fl-eżerċizzju tas-Semestru Ewropew —, l-Istati Membri kollha għandhom jiżguraw li jittieħdu miżuri xierqa sabiex l-integrazzjoni tar-Rom tiġi inkluża fil-Ftehimiet ta’Sħubija dwar l-Użu tal-Fondi Ewropej Strutturali u għall-Investiment[13] għall-perjodu 2014–2020 f'proporzjoni mad-daqs u s-sitwazzjoni tal-komunnitajiet Rom tagħhom. Il-prijoritajiet politiċi ewlenin għall-inklużjoni tar-Rom kienu enfasizzati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fis-Semestru Ewropew u fid-dokumenti dwar il-pożizzjoni tal-Kummissjoni għan-negozjar ta’ ftehimiet ta’ Sħubija ma’ diversi Stati Membri. L-impenji baġitarji nazzjonali jibqgħu essenzjali biex jiżguraw is-sostenibbiltà ta’ miżuri ta’ inklużjoni tar-Rom.

Il-Fond Soċjali Ewropew huwa l-istrument finanzjarju ewlieni tal-UE għall-investiment fl-inklużjoni tar-Rom fl-oqsma tal-impjieg, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali. Il-Fond Ewropew għall-iżvilupp Reġjonali investa fl-akkomodazzjoni bħala parti minn approċċ integrat f’għadd ta’ Stati Membri, madankollu, f’ħafna każijiet din il-possibbiltà ta’ finanzjament għall-inklużjoni tar-Rom tista’ tkun sfruttata aktar. Għal dan l-għan jistgħu jisiltu minn ġbir kollettiv ta’ ħiliet u riżorsi żviluppati minn koalizzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali li għandhom l-għan li jappoġġjaw proġetti fil-livell lokali għall-inklużjoni tar-Rom.

Il-proposti tal-Kummissjoni għall-politika ta’ koeżjoni tal-UE fl-2014-2020 jipprovdu l-bażi għal approċċ integrat li jikkombina l-possibbiltajiet ta’ finanzjament mill-FEŻR u FSE sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE għall-integrazzjoni tar-Rom. L-Istati Membri għandhom jipprevedu li jużaw possibbiltajiet ta’ appoġġ li jkunu disponibbli fil-politika għall-iżvilupp rurali. Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – [14] tħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw riżorsi tal-UE għall-investiment soċjali matul il-perjodu ta’ programmar li jmiss (2014–20). Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li talloka mill-inqas sehem adegwat tal-fondi ta’ koeżjoni għall-investiment fin-nies, fl-impjieg u fir-riforma tal-politika soċjali permezz tal-Fond Soċjali Ewropew (ESF)[15]. Qed jiġi propost ukoll li mill-inqas 20 % ta’ dan l-ammont se jiġi allokat għall-inklużjoni soċjali, li tinkludi wkoll l-integrazzjoni tar-Rom. Dan se jiżgura li l-allokazzjoni kumplessiva ta’ finanzjament għall-inklużjoni soċjali se tiżdied u tirrifletti aħjar l-isfidi f’dan il-qasam. L-użu mill-Istati Membri u r-reġjuni tal-prijorità ta’ investiment speċifiku ġdid għall-integrazzjoni ta’ komunitajiet marġinalizzati bħar-Rom fil-Fond Soċjali Ewropew (propost mill-Kummissjoni għall-perjodu ta’ pprogrammar 2014-2020), se jippermetti valutazzjoni aħjar ta’ x’jintefaq fuq miżuri għall-integrazzjoni tar-Rom.

(c) Il-monitoraġġ u l-possibbiltà ta’ aġġustament ta’ politika

Il-Qafas tal-UE jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu metodi tajba ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni sabiex jiġu vvalutati r-riżultati u l-impatti tal-miżuri tal-inklużjoni tar-Rom u jippermetti aġġustamenti ta’ politiċi fejn ikun hemm bżonn. Ir-rapport tal-2012 ikkonkluda li l-Istati Membri jeħtieġ li jagħmlu sforzi ikbar f’dan ir-rigward.

Il-monitoraġġ tat-trasformazzjoni u l-possibbiltà ta’ aġġustament ta’ politika || L-Istati Membri li diġà ħadu dawn il-miżuri

Immappjar tas-sitwazzjoni tar-Rom (‘linja bażi’) li diġà sar jew li qed isir || CZ, EE, EL, ES, FI, FR, HU, LT, LV, NL, PT, RO, SI, SK

Sistema ta’ monitoraġġ li tkejjel ir-riżultati u l-impatti tal-istrateġija nazzjonali || Passi inizjali: BG Qed jiġu żviluppati: BE, ES, FI, HU, IT, SE

Identifikazzjoni taż-żoni li għandhom l-ifqar komunitajiet Rom || CZ, EE, EL, FR, HU, PL, RO, SK

Involviment tal-partijiet interessati ewlenin kollha fil-proċess tal-immaniġġjar u l-evalwazzjoni || AT, CZ (ippjanati), FI, HU, IT (ippjanati), LT (ippjanati), SE (parzjali), SI, SK (ippjanati)

Kooperazzjoni stabbilita mal-uffiċċji Nazzjonali tal-Istatistika || BG, CZ, EL, ES, FI, HU, IT, LV, RO, SK, UK

Rappurtar u evalwazzjoni regolari ppjanati || BE, BG, CZ, EL, FI, HU, LT, PL, RO, SE, SI, SK

Minkejja l-isforzi ċari fl-aħħar rapport[16] biex jiddaħħal fis-seħħ il-qafas robust ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni sabiex jipproduċi dejta b’mod sistematiku u konsistenti (mhux li neċessarjament juża l-kriterji etniċi) fuq l-impatt tal-miżuri tal-integrazzjoni tar-Rom, tibqa’ sfida għall-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Kif enfasizzat mill-grupp ta’ ħidma dwar il-monitoraġġ imwaqqaf mill-FRA, sistema ta’ monitoraġġ għandha tkun kapaċi tipprovdi rispons preċiż lill-gvernijiet f’diversi livelli: min-naħa, dwar il-progress li sar fl-għanijiet tal-istrateġija nazzjonali u fil-pjanijiet ta’ azzjoni lokali; u min-naħa l-oħra, dwar titjib tas-sitwazzjoni soċjoekonomika tar-Rom u d-drittijiet fundamentali tagħhom meta mqabbla mal-parti l-kbira tal-popolazzjoni (monitoraġġ tad-‘distakk’).

Hemm bżonn kbir li d-dejta titqabbel b’mod regolari sabiex jiġi evalwat b’mod rigoruż l-impatt reali tal-miżuri meta mqabbel mal-linja bażi. B’mod partikolari għad hemm nuqqas ġenerali tal-indikaturi tal-impatt. Barra minn hekk, f’ħafna każijiet il-limitu safejn il-partijiet ikkonċernati huma involuti fil-monitoraġġ, fl-evalwazzjoni u fir-reviżjoni tal-politika, konformi mal-10 Prinċipji Bażiċi Komuni għall-Inklużjoni tar-Rom[17], mhux ċar. Għandhom jiġu esplorati sinerġiji possibbli mal-indikaturi tal-politika eżistenti tal-UE.

(d) Niġġieldu d-diskriminazzjoni b’mod konvinċenti

Il-Qafas tal-UE stieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li r-Rom ma jiġux iddiskriminati u li jiġi ggarantit ir-rispett tad-drittijiet umani tagħhom imħaddna fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Ir-Rapport li għamlet il-Kummissjoni fl-2012 dwar il-progress iddikkjara li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni[18] hija effettivament infurzata fit-territorji u li jiġġieldu d-diskriminazzjoni b’mod konvinċenti. Ir-rapport jenfasizza wkoll, l-għadd sinifikanti ta’ Rom li jgħixu fl-Istati Membri li huma ċittadini minn pajjiżi terzi li qed joqogħdu legalment, li jaffaċċjaw l-istess sfidi bħall-migranti li ġejjin minn barra l-UE. Huma għandhom igawdu l-istess drittijiet bħal dawk mogħtija lill-migranti oħra li mhumiex mill-UE.

Il-miżuri għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni || L-Istati Membri li ħadu dawn il-miżuri

Infurzar tal-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni fil-livell lokali || AT, DK, SE

Sensibilizzazzjoni (inkluż fl-amministrazzjonijiet pubbliċi) || AT, BG, CZ, DK, EE, ES, FI, FR, HU, IE, IT, LV, LT, PT, RO, SI

Iktar sensibilizzazzjoni tad-drittijiet tagħhom fost ir-Rom || AT, FI, LV, SE, SI

Indirizzar ta’ diversi forom ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa Rom || RO (passi inizjali)

Ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-isfruttar tat-tfal fix-xogħol || CZ, DK, HU, NL

Minkejja l-impenji li ħadu l-Istati Membri u l-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni fl-Istati Membri kollha, ir-razziżmu u d-diskriminazzjoni kontra r-Rom għadhom għaddejjin. Is-segregazzjoni tat-tfal Rom fl-edukazzjoni għadha mifruxa ħafna f’diversi Stati Membri[19]. Is-soċjetà ċivili u r-rapporti akkademiċi[20] jikkonfermaw diversi eżempji ta’ diskriminazzjoni, inkluż inqas aċċess favorevoli għall-edukazzjoni, is-saħħa, il-protezzjoni tal-pulizija u l-akkomodazzjoni meta mqabbla mal-maġġoranza tal-popolazzjoni. L-isfidi persistenti tal-intefrazzjoni tar-Rom li huma ċittadini Ewropej fis-soċjetajiet tagħhom, ikomplu jkollhom impatt dirett fuq relazzjonijiet usa’ tal-UE ma’ pajjiżi terzi. Pereżempju, xi pajjiżi japplikaw ir-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini ta’ ċertu Stati Membri minħabba kwistjonijiet relatati mal-integrazzjoni tar-Rom[21]. Ċittadini Rom minn pajjiżi terzi li jkunu emigraw lejn l-EU jistgħu jaffaċċjaw l-istess sfidi[22].

Mingħajr miżuri sistemiċi għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u r-razziżmu kontra r-Rom, l-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom ma jistgħux iħallu r-riżultati mistennija. Ħafna Stati Membri jwettqu attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni biex jippromwovu l-inklużjoni tar-Rom[23]. Madankollu, fl-istess ħin, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jagħmlu ħafna iktar biex jispjegaw il-benefiċċji soċjali u ekonomiċi[24] tal-inklużjoni tar-Rom għas-soċjetajiet tagħhom b’mod ġenerali. Sabiex tiħrax il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, jeħtieġ ukoll li titqajjem kuxjenza fost ir-Rom stess dwar id-drittijiet, l-obbligi u l-opportunitajiet tagħhom u għandhom jiġu żgurati għodod li jipproteġu u jinfurzaw id-drittijiet tagħhom bħal pereżempju permezz tal-Korpi għall-Ugwaljanza. L-Istati Membri għandhom jagħmlu iktar biex jiġġieldu l-isterjotipar u jindirizzaw ir-razziżmu jew lingwaġġ jew imġiba li jistigmatizzaw li jistgħu jikkostitwixxu tixwix li jiddiskrimina kontra r-Rom.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu iktar biex jiġġieldu b’mod effettiv ix-xogħol tat-tfal, biex jipprojbixxu t-tfal jittallbu, biex jinfurzaw b’mod sħiħ leġiżlazzjoni dwar żwiġijiet taħt l-età, biex jiġġieldu ż-żwiġijiet sfurzati u biex jindirizzaw b’mod iktar effettiv it-traffikar tal-bnedmin, inkluż permezz tal-kooperazzjoni internazzjonali.

L-indirizzar b’mod kontinwu u komprensiv tan-nuqqas tar-reġistratazzjoni tar-Rom fir-reġistri nazzjonali tal-popolazzjoni, kif ukoll in-nuqqas ta’ dokumenti ta’ identità personali, fejn rilevanti, huwa prekundizzjoni assoluta sabiex ikun żgurat aċċess ugwali għall-edukazzjoni, is-servizzi pubbliċi, is-sistemi tal-protezzjoni soċjali, kundizzjonijiet ta’ għajxien minimi, akkomodazzjoni u kura tas-saħħa.

(e) Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom

Il-Qafas tal-UE jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għall-Integrazzjoni[25] (NCPs) bl-awtorità li jikkoordinaw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġija. Ir-rapport li għamlet il-Kummissjoni fl-2012 dwar il-progress enfasizza li dawn il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali jkunu jistgħu jikkoordinaw b’mod sħiħ l-inklużjoni tar-Rom fl-oqsma politiċi kollha.

Il-miżuri li jippermettu lill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali biex jaħdmu b’mod effiċjenti || L-Istati Membri li għamlu dawn il-miżuri

Koordinazzjoni bejn setturi fil-livell nazzjonali || AT, BE, BG, CZ, EE, EL, ES, FI, FR, HU, IT, LT, LV, RO, SE, SK

Koordinazzjoni bejn livelli differenti tal-gvern (minn nazzjonali għal lokali) || AT, BE, BG, DK, CZ, EE, ES, FI, FR, HU, IE, IT, LV, NL, RO, SE, SI, SK

Involviment tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali fl-ippjanar tal-użu tal-fondi tal-UE || BE, BG, CZ, EL, ES, FI, HU, IE, IT, LT, SK

Il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali kollha jipparteċipaw f’netwerk imwaqqaf f’Ottubru 2012 u jinsabu verament imħassbin dwar l-integrazzjoni tar-Rom. Minkejja l-progress ċar li sar fl-iżvilupp tar-rwol ta’ impenn u koordinazzjoni tagħhom, għad fadal x’jitjieb fir-rigward tal-istatus, il-kapaċitajiet, ir-riżorsi, il-mandat u l-appoġġ politiku li jirċievu: il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għandhom jingħataw riżorsi umani u finanzjarji xierqa, għandu jkollhom l-awtorità u l-kompetenza biex jikkoordinaw proċessi fil-ministeri u fid-diversi livelli tal-gvern u għandhom jiżguraw li l-integrazzjoni tar-Rom hija integrata fil-politiki pubbliċi rilevanti kollha; huma għandhom jikkontribwixxu għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki rilevanti tal-UE u jkunu involuti fi ppjanar strateġiku għall-użu tal-fondi tal-UE. Huma għandhom jiffaċilitaw ukoll djalogu u skambji bejn il-partijiet interessati kollha u jesploraw sinerġiji ma’ kwalunkwe inizjattiva rilevanti[26].

3.           IL-Pajjiżi tat-tkabbir

Fl-Istrateġija tat-Tkabbir tal-UE 2012-2013 tagħha, kif ukoll fir-Rapporti iktar iddettaljati dwar il-Progress pajjiż b’pajjiż, il-Kummissjoni tenfasizza li r-Rom jibqgħu partikolarment żvantaġġati fil-Balkani tal-Punent kollu. F’ħafna pajjiżi id-diskriminazzjoni għad trid tiġi indirizzata f’termini ta’ aċċess għall-edukazzjoni, l-impjieg, il-kura soċjali u tas-saħħa, l-akkomodazzjoni u d-dokumenti personali.

Filwaqt li sar xi progress matul is-snin riċenti, li wassal għal xi titjib inizjali fl-edukazzjoni u s-saħħa, għad hemm bżonn ta’ sforzi kontinwi. Dawn jinkludu l-allokazzjoni ta’ riżorsi xierqa għall-implimentazzjoni ta’ politiki għall-integrazzjoni tar-Rom. L-isfidi jibqgħu fl-implimentazzjoni effettiva u l-infurzar ta’ qafas ġuridiku u istituzzjonali. F’diversi pajjiżi jew ġew adottati strateġiji multiannwali għal titjib fis-sitwazzjoni tar-Rom (il-Montenegro u l-FYROM) jew dawn l-istrateġiji ġew riveduti u mtejba (l-Albanija, il-Bożnja Ħerzegovina, il-Kosovo u s-Serbja). It-Turkija għadha trid tiżviluppa approċċ sistematiku u komprensiv sabiex trawwem l-integrazzjoni tar-Rom.

Il-pajjiżi tat-tkabbir għandhom ikomplu jieħdu azzjoni dwar il-konklużjonijiet operattivi miftiehma b’mod konġunt mal-Kummissjoni fil-konferenzi nazzjonali tal-2011. Dawn il-konklużjonijiet qed jiġu riveduti kull sena fil-kuntest tad-djalogu dwar il-politika strutturali. Dawn jikkonċernaw ħames kwistjonijiet: ir-reġistrazzjoni, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-aċċess għax-xogħol u l-akkomodazzjoni. Fl-2012, il-Kummissjoni żiedet l-isforzi tagħha billi pprovdiet assistenza finanzjarja mmirata għall-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet operattivi f’diversi pajjiżi. Sar użu finanzjarju aħjar tal-Istrument għall-Assistenza għal Qabel l-Adeżjoni (IPA) billi ġew ipprovduti iktar miżuri ta’ appoġġ mmirati għall-inklużjoni tar-Rom fis-soċjetà u billi jitjiebu l-istatus u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom u billi tingħata għajnuna lill-pajjiżi biex jiżviluppaw, jirrevedu u jimplimentaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom, kemm taħt programm nazzjonali kif ukoll taħt programm reġjonali. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja politiki u miżuri konkreti mmirati għat-titjib tas-sitwazzjoni tar-Rom inklużi miżuri skont id-Deċennju tal-Inklużjoni tar-Rom[27], bħala parti mill-proċessi tal-adeżjoni mal-UE ta’ dawn il-pajjiżi.

4.           IL-Konklużjonijiet — It-Triq ’il quddiem

Mill-valutazzjoni tal-progress li sar fl-Istati Membri matul l-aħħar sena jistgħu jinsiltu żewġ konklużjonijiet ewlenin: xi Stati Membri reġgħu kkunsidraw b’mod sinifikanti jew żviluppaw l-istrateġiji tagħhom f’termini konkreti, b’mod partikolari billi għandhom l-intenzjoni li jorganizzaw djalogu orizzontali u vertikali kif ukoll li jikkoordinaw l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tagħhom; madankollu, għadhom ma ġewx stabbiliti u għaldaqstant, f’termini reali il-progress għadu bil-mod ħafna.

Sabiex jitħaffef il-progress tal-integrazzjoni tar-Rom mifrux fuq l-erba’ pilastri ta’ aċċess għall-edukazzjoni, l-impjieg, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni, il-Kummissjoni qed toffri appoġġ addizzjonali lill-Istati Membri billi:

(a) tappoġġja l-kisba tal-Istati Membri tal-għanijiet u l-impenji tal-politiki tagħhom

· tippreżenta b’mod parallel ma’ din il-Komunikazzjoni proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-effettività tal-miżuri għall-integrazzjoni tar-Rom. Is-sejbiet tar-rapport li għamlet il-Kummissjoni fl-2012 dwar il-progress[28], tal-iskambji ta’ livell għoli mas-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti tar-Rom, u ta’ dan ir-rapport, wasslu lill-Kummissjoni biex tipproponi lill-Istati Membri li jżidu l-isforz fl-integrazzjoni tar-Rom permezz ta’ strument ġuridiku li għandu jiġi adottat mill-Kunsill;

· issegwi skambji bilaterali u multilaterali mal-Punti ta’ Kuntatt nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom u awtoritajiet nazzjonali oħra involuti fl-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ politiki għall-inklużjoni tar-Rom;

· tirrevedi b’mod ulterjuri l-progress li sar dwar l-integrazzjoni tar-Rom fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020, peress li l-integrazzjoni tar-Rom għandha tkun parti mill-isforzi globali tal-Istati Membri biex jiġġieldu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, iżidu l-impjieg, inaqqsu l-għadd ta’ student li ma jibqgħux jattendu l-iskola obbligatorja, u jżidu s-suċċess fl-edukazzjoni.

· ittejjeb id-djalogu u l-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati kollha sal-laqgħa li jmiss tal-Pjattaforma Ewropea għall-Inklużjoni tar-Rom;

· timmonitorja l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-ugwaljanza tar-razez fil-prattiki amministrattivi.

(b) tipprovdi appoġġ permezz tal-fondi tal-UE

· tikkompleta r-riżorsi nazzjonali billi tistabbilixxi qafas dwar kif il-fondi tal-UE[29] (il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)) jistgħu jappoġġjaw l-inklużjoni ta’ komunitajiet marġinalizzati bħar-Rom fl-Istati Membri bejn l-2014 u l-2020. Barra minn hekk, għandu jiġi promoss l-użu ta’ riżorsi settorjali privati u terzi sabiex jiżdied l-ingranaġġ fuq l-investiment fl-integrazzjoni tar-Rom.

· tipproponi li xi Stati Membri jagħmlu użu mill-prijorità tal-investiment “Integrazzjoni ta’ komunitajiet marġinalizzati bħar-Rom”; jew tistabbilixxi għanijiet speċifiċi relatati mal-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, l-aċċess għall-edukazzjoni jew l-inklużjoni soċjali tal-poplu Rom għall-perjodu ta’ programmar li jmiss sabiex jiġu riflessi s-sejbiet tas-Semestru Ewropew;

· tipproponi qafas ġdid ta’ politika ta’ investiment soċjali[30], abbażi ta’ tliet elementi[31], li jistgħu jikkontribwixxu għall-inklużjoni tar-Rom.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew biex jipparteċipa b’mod attiv fid-dibattitu dwar il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-effettività ta’ miżuri għall-integrazzjoni tar-Rom.

Il-Kummissjoni se tirrapporta darba fis-sena fir-rebbiegħa – ir-rapport li jmiss se jkun fl-2014 – lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar fuq l-erba’ pilastri tal-edukazzjoni, l-impjieg, is-saħħa u l-akkomodazzjoni, abbażi ta’ informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, dwar ġbir ta’ dejta mill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali u ta’ kontribuzzjonijiet li jaslu mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Ir-rapporti annwali se jservu ta’ parametri ta’ referenza għall-isforzi li saru u għall-progress li jkun inkiseb mill-Istati Membri fl-integrazzjoni tar-Rom.

ANNESS Eżempji ta’ azzjonijiet relatati mal-prekundizzjonijiet strutturali għall-implimentazzjoni

Eżempju tal-involviment attiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali Fil-Ġermanja, fis-7 ta’ Awwissu 2012, il-gvern tal-istat ta’ Berlin adotta strateġija għall-inklużjoni tar-Rom. Hija titlob li jiġi żviluppat pjan ta’ azzjoni reġjonali għall-inklużjoni tar-Rom. Ġie mwaqqaf grupp ta’ tmexxija li jinkludi Dipartimenti Differenti mis-Senat tal-gvern ta’ Berlin u awtoritajiet lokali li jittrattaw il-migranti Rom. Is-soċjetà ċivili għenet biex jiġi żviluppat dan il-pjan ta’ azzjoni reġjonali[32].

Eżempji ta’ ħidma mill-qrib mas-soċjetà ċivili Fi Franza ġie mwaqqaf grupp nazzjonali għall-monitoraġġ mill-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali Rom. Il-grupp ilaqqa’ flimkien assoċjazzjonijiet, rappreżentanti mid-diversi Ministeri involuti, u atturi lokali oħra. Huwa u l-erba’ sottogruppi tematiċi tiegħu ġew imwaqqfa bħala pjattaforma għall-iskambju ta’ ħiliet esperti u biex jilħqu kunsens dwar il-miżuri li jmiss li jittieħdu. Il-grupp se jipproponi dawn il-miżuri lill-kumitat tat-tmexxija interministerjali inkarigat mill-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ Franza. Fil-Latvja, f’Ottubru 2012 ġiet imnedija sejħa għal proposti mmirata biex taħdem mill-qrib mal-komunità Rom. Iffinanzjata mill-Istat, is-sejħa miftuħa għall-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lir-Rom, għandha l-għan li tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà u tiżgura kooperazzjoni bejniethom u l-awtoritajiet pubbliċi (gvern lokali u partijiet interessati oħra). Il-proġetti magħżula se jinkludu l-organizzazzjoni prattika ta’ seminars biex joħorġu b’ideat ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni lokali li jinvolvu lill-partijiet interessati u biex tiġi żviluppata pjattaforma ta’ kooperazzjoni bejn min iħaddem u r-Rom.

Eżempji ta’ tirfid tal-istrateġiji permezz ta’ finanzjament xieraq Il-Bulgarija waqqfet grupp ta’ ħidma interministerjali ddedikat għall-mobilizzazzjoni ta’ fondi tal-UE għall-integrazzjoni tar-Rom. Il-grupp huwa ppresedut mill-Ministeru għall-Immaniġġjar tal-Fondi tal-UE u jinkludi ministri assistenti, esperti mill-awtoritajiet maniġerjali u programm operattivi u rappreżentanti ta’ NGOs tar-Rom. L-għan tal-grupp huwa li jipproponi strumenti u skemi u li jivverifika l-miżuri ppjanati taħt kull programm operattiv. Se jipprepara anness għall-istrateġija nazzjonali li jistabbilixxi attivitajiet u finanzjament sostenibbli għall-implimentazzjoni tagħhom. Dan l-Anness għadu ma ġiex adottat. Fl-Ungerija, abbażi ta’ sistema ta’ indikatur stabbilita bil-liġi nazzjonali, ġew identifikatai l-iktar mikroreġjuni żvantaġġati. Dawn il-mikroreġjuni jsofru problemi ekonomiċi, ta’ impjieg u infrastrutturali serji. Sabiex jiġu żviluppati, jintużaw miżuri mmirati li jikkonsistu f’interventi soċjali, miżuri għall-iżvilupp tal-komunità u rurali u servizzi ta’ riżorsi umani.

Eżempji ta’ sistemi robusti ta’ monitoraġġ Is-sistema ta’ monitoraġġ Ungeriża se timmira li tkejjel l-impatt soċjali tal-istrateġija nazzjonali u ssegwi l-iżvilupp tal-implimentazzjoni tagħha. L-erba’ komponenti bażiċi tas-sistema huma: 1. Sett ta’ indikaturi li jkejlu l-bidliet soċjetali allinjati mal-miri stabbiliti fl-istrateġija nazzjonali; 2. Sistema ta’ rappurtar regolari mwaqqfa b’kooperazzjoni ma’ konsulent internazzjonali estern biex jimmonitorja jekk il-miżuri fil-pjan ta’ azzjoni ġewx implimentati; 3. Riċerka; 4. Sistema ta’ informazzjoni dwar l-inklużjoni soċjali li tippermetti l-ġbir ta’ dejta f’diversi oqsma ta’ politiki. L-awtoritajiet lokali se jużawha wkoll biex jiżviluppaw pjanijiet ta’ opportunitajiet indaqs. L-Estonja rrikonoxxiet il-bżonn li tiġi mmappjata iktar is-sitwazzjoni tar-Rom sabiex jiġu ddeterminati l-miżuri xierqa għall-integrazzjoni tar-Rom. Is-sitwazzjoni tar-Rom għaldaqstant qed tiġi vvalutata fi stħarriġ li qed isir bejn l-2012 u l-2013. L-għan huwa li jintużaw is-sejbiet biex jiġu ppjanati l-passi li jmiss tal-istrateġija.

Eżempji tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni Spanja wettqet diversi attivitajiet ta’ taħriġ fost il-pulizija. It-taħriġ dwar trattament ugwali u diskriminazzjoni etnika ngħata lil 158 forza tas-sigurtà reġjonali, lokali u nazzjonali matul l-2012. Fil-Ġermanja, l-Istat ta’ Schleswig-Holstein fl-2012 iddeċidiet li temenda l-kostituzzjoni tagħha biex tirrikonoxxi lir-Rom u s-Sinti li huma ċittadini Ġermaniżi u li jgħixu hemm bħala minorità etnika. Fir-Rumanija, kull sena qed jiġu allokati postijiet speċjali fl-iskejjel sekondarji, klassijiet ta’ taħriġ vokazzjonali u fl-universitajiet fis-sistema edukattiva pubblika għal studenti Rom. Sa issa bbenefikaw minn din il-forma ta’ azzjoni pożittiva madwar 15,000 student Rom.

[1]               COM(2011) 173 finali, 5.4.2011.

[2]               Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, EUCO 23/11 tat-23 u l-24 ta’ Ġunju 2011, wara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Impjieg, il-Politika Soċjali, is-Saħħa u l-Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO) dwar Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom fl-2020, 106665/11, 19.5.2011.

[3]               F’din il-Komunikazzjoni, it-terminu “strateġija” ikopri settijiet integrati ta’ miżuri u strateġiji ta’ politiki.

[4]               Komunikazzjoni Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom: l-ewwel pass fl-implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha SWD (2012)133 finali.

[5]               F’erba’ pajjiżi, l-integrazzjoni sħiħa tar-Rom fis-suq tax-xogħol tista’ ġġib benefiċċji ekonomiċi ta’ madwar EUR 0.5 biljun u benefiċċji fiskali ta’ madwar EUR 175 miljun kull sena. Il-Bank Dinji, Roma Inclusion: An Economic Opportunity for Bulgaria, the Czech Republic, Romnia and Serbia, Settembru 2010.

[6]               Ibbażat fuq il-proposta tal-Kummissjoni adottata fid-29 ta’ Mejju 2013, ħames Stati Membri (il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, is-Slovakkja ur-Rumanija) irċivew Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż dwar l-inklużjoni tar-Rom. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet, min-naħa jindirizzaw l-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Inklużjoni tar-Rom (jiżguraw kunsinna effetiva, inkluż permezz ta’ koordinazzjoni aħjar bejn il-partijiet ikkonċernati, l-allokazzjoni ta’ fondi, monitoraġġ robust u l-inkorporazzjoni tal-miri tal-inklużjoni tar-Rom fl-oqsma politiki kollha) u min-naħa l-oħra, żviluppi politiċi speċifiċi fil-qasam tal-edukazzjoni (speċjalment il-bżonn li jiġi żgurat aċċess effettiv għal edukazzjoni inklussiva ta’ kwalità li tibda mill-età ta’ qabel l-iskola) u l-impjieg (il-promozzjoni ta’ miżuri ta’ attivazzjoni u tkun appoġġjata t-tranżizzjoni lejn is-suq tax-xogħol).

[7]               BG, FR, HU, IT, RO, SK.

[8]               F’dan in-netwerk, ġie mwaqqaf grupp ta’ ħidma li jirrifletti d-diversità ta’ sitwazzjonijiet u esperjenzi dwar ir-Rom fl-UE, sabiex jiddiskuti iktar l-isfidi u s-soluzzjonijiet li jistgħu jaħdmu. Il-kwistjonijiet identifikati daħlu fi proposta għal strument ġuridiku li għandu l-għan li jipprovdi iktar appoġġ u gwida lill-Istati Membri dwar il-promozzjoni tal-inklużjoni tar-Rom, ippreżentata b’mod parallel ma’ din il-Komunikazzjoni http://ec.europa.eu/justice/discrimination/files/Rom_nationalcontactpoints_en.pdf

[9]               Għaxar Stati Membri (BG, CZ, ES, FI, FR, IT, HU, RO, SK, UK) se jipparteċipaw f’dan il-grupp ta’ ħidma, li jinkludi wkoll esperti mill-Eurofound u mill-Programm għall-Iżvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti.

[10]             Il-Kroazja diġà bdiet tipprepara biex tingħaqad mal-proċess tal-Qafas tal-UE u qed tipparteċipa b’mod attiv fin-netwerk ta’ Punti ta’ Kuntatt nazzjonali u fil-grupp ta’ ħidma FRA dwar il-monitoraġġ.

[11]             Inklużi konklużjonijiet enfasizzati matul id-djalogu bejn il-Kummissarji u r-rappreżentati tas-soċjetà ċivili tal-15 ta’ Mejju 2013, kif ukoll rapport minn koalizzjonijiet tas-soċjetà ċivili organizzati mis-Segretarjat tal-Fondazzjoni Deċennju tal-Inklużjoni tar-Rom f’ħames Stati Membri (il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, ir-Rumanija, is-Slovakkja, Spanja) u żewġ pajjiżi tat-tkabbir (l-Albanija, FYROM), rapport min-netwerk ta’ esperti indipendenti dwar inklużjoni soċjali (http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1025&langId=en), ir-rapport mill-Uffiċċju Informazzjoni Ewropew dwar ir-Rom, Discrimination against Romin the EU in 2012, ir-rispons bil-miktub mill- Eurocities u l-Eurodiaconia u dokumenti ta’ riċerka min-netwerk Akkademiku għal studji dwar ir-Rom. (http://Romnistudies.eu/news/contributions_from_members/).

[12]             Xi Stati Membri għamlu sforzi żejda biex jippromwovu n-netwerking internazzjonali tal-awtoritajiet lokali tagħhom, e.ż. il-parteċipazzjoni fl-Alleanza Ewropea tal-Bliet u r-Reġjuni għall-Inklużjoni tar-Rom. Oħrajn ħatru koordinaturi lokali sabiex jidentifikaw aħjar il-problemi fil-komunitajiet Rom jew biex jikkoordinaw l-istrateġiji fil-livell lokali.

[13]             Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond ta’ Koeżjoni (CF), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS).

[14]             Komunikazzjoni Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020, COM(2013) 83 finali; u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni: ‘L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ’ COM(2013) 778 finali, 20.02.2013.

[15]             F’konformità mal-impenn li sar fil-livell Ewropew biex sal-2020, l-għadd ta’ persuni li jgħixu fil-faqar jitnaqqas b’20 miljun.

[16]             Xi Stati Membri indikaw li użaw stħarriġiet, mikroċensimenti u mmappjar territorjali tal-faqar, eċċ.

[17]             L-10 Prinċipji Bażiċi Komuni dwar l-Inklużjoni tar-Rom ġew ippreżentati fl-ewwel laqgħa Pjattforma fl-24 ta’ April 2009. Huma ġew annessi mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2009. Huma jinkludu: 1) politiki kostruttivi, prammatiċi u mhux diskriminatorji 2) mira espliċita iżda mhux esklussiva 3) approċċ interkulturali 4)għan tal-inklużjoni 5) sensibilizzazzjoni dwar id-dimensjoni tal-ġeneru 6) trasferiment ta’ politiki bbażati fuq l-evidenza 7) użu ta’ strumenti tal-UE 8) involviment tal-awtoritajiet reġjonali u lokali 9) involviment tas-soċjetà ċivili 10) parteċipazzjoni attiva tar-Rom.

[18]             F’konformità mal-obbligi tagħhom skont it-Trattati, l-Istati Membri huma meħtieġa jittrasponu fid-dritt nazzjonali d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/43/KE li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità u għaldaqstant jimplimentaw dawn il-miżuri ta’ traspożizzjoni.

[19]             B’mod partikolari r-Repubblika Ċeka, l-Ungerija u s-Slovakkja.

[20]             Dan jinkludi: rapport mill-esperti nazzjonali dwar l-inklużjoni soċjali; Uffiċċju Ewropew għall-Informazzjoni dwar ir-Rom, Discrimination against Roma in the EU in 2012, 2013; is-segretarjat tal-Fondazzjoni Deċennju tal-Inklużjoni tar-Rom b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni għal Soċjetà Miftuħa Making the most of EU Funds for Roma Programmes and Roma Initiatives Office, Interim Civil Society Reports on the Implementation of National Roma Integration Strategies and Decade Action Plans, 2013; rapport tal-Amnesty International, Roma: Demanding Equality and Human Rights, April 2013; dokumenti ta’ riċerka min-netwerk Akkademiku dwar l-istudji dwar ir-Rom(http://Romnistudies.eu/news/contributions_from_members/); kontribuzzjoni bil-miktub mill-membri tal-Eurodiaconia.

[21]             Pereżempju, il-Kanada esprimiet tħassib serju wara ż-żieda fl-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil imressqa miċ-ċittadini ta’ ċerti Stati Membri.

[22]             Ir-rimarki tal-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom: wieħed mill-ewwel passi fl-implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE, COM(226)2012 finali, 26.5.2012 għadhom validi sal-lum: “is-sitwazzjoni attwali tar-Rom li jgħixu f' kundizzjonijiet foqra fil-pajjiżi tat-tkabbir kellha konsegwenzi f'dik li hija żieda fin-numru ta’ Rom li jemigraw temporanjament lejn l-Istati Membri tal-UE taħt ir-reġim ħieles mill-viża u anke li japplikaw għall-ażil. Dan jista’ jkollu impatt negattiv fuq il-proċess ta’ liberalizzazzjoni tal-viża, li huwa wieħed mill-akbar kisbiet lejn l-integrazzjoni tal-Balkani tal-Punent fl-UE."

[23]             Xi wħud minnhom (AT, BG, ES, FR, LV) jorganizzaw sessjonijiet ta’ taħriġ għall-ħaddiema tas-servizz pubbliku tagħhom (e.ż. l-għalliema, il-pulizija u l-ġudikatura) biex tiġi evitata mġiba diskriminatorja kontra r-Rom u tittieħed azzjoni kontra l-preġudizzju.

[24]             Il-Bank Dinji, Roma Inclusion: An Economic Opportunity for Bulgaria, the Czech Republic, Romnia and Serbia, Settembru 2010.

[25]             http://ec.europa.eu/justice/discrimination/files/Rom_nationalcontactpoints_en.pdf

[26]             Inizjattivi bħal dawn jinkludu l-Punti ta' Kuntatti Nazzjonali dwar Integrazzjoni, l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju, eċċ.

[27]             Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzjoni għall-pożizzjonijiet dwar status, u konformi mal-UNSCR 1244 u l-Opinjonijiet tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni ta' Indipendenza tal-Kosovo.

[28]             Komunikazzjoni Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom: wieħed mill-ewwel passi fl-implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE, COM(226)2012 finali, 26.5.2012 u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjaha SWD(2012)133.

[29]             Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Elementi għal Qafas Strateġiku Komuni 2014 sa 2020 għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd, tal-14.3.2012, SWD(2012) 61 finali, Part II.

[30]             Komunikazzjoni Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020, COM(2013) 83 finali; u Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni: ‘L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ, COM(2013) 778 finali, 20.2.2013.

[31]             Nagħmlu s-sistemi soċjali aħjar u iktar sostenibbli, l-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ attivazzjoni u abilitazzjoni u l-appoġġ għall-investiment soċjali tul il-ħajja.

[32]             L-istrateġija ta’ Berlin għall-inklużjoni tar-Rom hija disponibbli fl-indirizz http://www.parlament-berlin.de:8080/starweb/adis/citat/VT/17/DruckSachen/d17-0440.pdf.