52013DC0412

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1523/2007 li jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni fil-Komunità jew l-esportazzjoni mill-Komunità ta’ pil tal-qtates u tal-klieb u ta’ prodotti oħra li fihom pil ta’ din ix-xorta /* COM/2013/0412 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1523/2007 li jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni fil-Komunità jew l-esportazzjoni mill-Komunità ta’ pil tal-qtates u tal-klieb u ta’ prodotti oħra li fihom pil ta’ din ix-xorta

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

1.           Kuntest

Ir-Regolament (KE) Nru 1523/2007[1] jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni fl-Unjoni jew l-esportazzjoni mill-Unjoni ta’ pil tal-qtates u tal-klieb u ta’ prodotti oħra li fihom pil ta’ din ix-xorta.

Il-projbizzjoni ġiet adottata sabiex jiġi indirizzat it-tħassib taċ-ċittadini Ewropej, li jqisu l-klieb u l-qtates bħala annimali domestiċi u li għalhekk ma jridux jixtru prodotti li fihom il-pil tal-klieb jew tal-qtates.

Hija armonizzat il-miżuri li jipprojbixxu l-pil tal-klieb u tal-qtates u l-prodotti li fihom pil ta’ din ix-xorta fil-livell tal-UE minħabba li ħmistax-il Stat Membru[2] kienu diġà adottaw leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex jirrestrinġu l-produzzjoni tal-pil tal-klieb u tal-qtates u l-kummerċ fih.

Mhux faċli li wieħed jiddistingwi l-pil tal-klieb u tal-qtates minn tipi oħrajn ta’ pil jew mill-materjal sintetiku li jintuża bħala imitazzjoni tal-pil. Dan huwa l-każ b’mod partikulari meta l-pil jintuża bħala inforra jew fit-tiżjin tal-ħwejjeġ (pereżempju fl-għonq ta’ kowt) jew fil-ġugarelli jew fl-aċċessorji (pereżempju fil-ħoloq taċ-ċwievet bl-annimali tal-fer).

Il-projbizzjoni fuq il-pil tal-klieb u tal-qtates ilha tapplika fl-Unjoni Ewropea sa mill-31 ta’ Diċembru 2008.

L-Artikolu 7 tar-Regolament jistipula li “Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluż dwar l-attivitajiet doganali relatati miegħu, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010”. Dan ir-rapport huwa t-tweġiba tal-Kummissjoni għal din it-talba.

Ir-rapport għandu l-għan li jagħti ħarsa ġenerali lejn l-implimentazzjoni tal-projbizzjoni fuq il-pil tal-klieb u tal-qtates fl-UE matul l-2009 u l-2010. Dan ir-rapport dam ma ġie adottat minħabba li l-Istati Membri kellhom bżonn jiġbru biżżejjed tagħrif dwar l-implimentazzjoni tal-projbizzjoni. Xi dejta waslet biss fil-bidu tal-2012 u b’hekk analiżi sħiħa setgħet issir biss matul l-2012.

Ir-rapport jiddeskrivi l-miżuri tal-infurzar li l-Istati Membri implimentaw sabiex jiġu evitati t-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni fl-Unjoni jew l-esportazzjoni mill-Unjoni ta’ pil tal-qtates u tal-klieb u ta’ prodotti oħra li fihom pil ta’ din ix-xorta.

B’mod partikulari, ir-rapport jagħti ħarsa ġenerali lejn il-metodi tal-analiżi li l-Istati Membri jużaw biex jidentifikaw l-ispeċi ta’ oriġini tal-pil u lejn il-penali applikabbli f’każ ta’ ksur. Ir-rapport jenfasizza l-kwistjonijiet ewlenin marbutin mal-implimentazzjoni li l-partijiet interessati u l-Istati Membri semmew lill-Kummissjoni.

Fl-aħħar nett, dan id-dokument jirrapporta dwar l-impatt li l-partijiet interessati ewlenin iħossu li kellha l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.           L-obbligi tal-Istati Membri

L-Istati Membri huma primarjament responsabbli għall-applikazzjoni tal-projbizzjoni[3].

Barra minn hekk, jeħtieġ li huma:

– jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-metodi analitiċi li jużaw biex jidentifikaw l-ispeċi ta’ oriġini tal-pil (l-Artikolu 5 tar-Regolament); u

– jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali li japplikaw f’każ ta’ ksur tar-Regolament u jgħarrfu lill-Kummissjoni bihom (l-Artikolu 8 tar-Regolament).

3.           Il-metodoloġija

Sabiex jitfassal dan ir-rapport, il-Kummissjoni użat is-sorsi ta’ tagħrif li ġejjin:

– it-tweġibiet tal-Istati Membri għal kwestjonarju dwar l-infurzar tal-projbizzjoni fuq il-pil tal-klieb u tal-qtates fl-2009 u fl-2010 li l-Kummissjoni bagħtet fl-2011[4];

– it-tagħrif mibgħut mill-Istati Membri dwar il-penali li japplikaw fil-każ ta’ ksur tar-Regolament;

– il-korrispondenza li il-Kummissjoni rċeviet mingħand il-partijiet interessati jew mingħand l-Istati Membri;

– ir-riżultati ta’ laqgħa li l-Kummissjoni organizzat fit-18 ta’ Jannar 2012[5] biex tiddiskuti l-implimentazzjoni tal-projbizzjoni ma’ rappreżentanti tal-Istati Membri u mal-partijiet interessati ewlenin[6].

4.           L-implimentazzjoni tal-projbizzjoni

4.1.        Kontrolli fl-Istati Membri

Sabiex jimplimentaw il-projbizzjoni, l-Istati Membri kellhom jistabbilixxu sistemi ta’ kontrolli. Dan kien jikkonsisti l-iktar fl-integrazzjoni tal-verifiki marbutin mal-projbizzjoni fis-sistemi eżistenti tagħhom ta’ kontrolli u se jiġi deskritt fit-taqsimiet li ġejjin.

L-azzjonijiet li ttieħdu kienu aktar elaborati jew anqas, skont l-Istat Membru partikulari. B’mod partikulari, l-għadd ta’ Stati Membri li ħadu azzjonijiet marbutin mat-taħriġ u mal-proċeduri kif ukoll mat-tixrid tat-tagħrif kien limitat.

Minħabba li ħafna mill-pil tal-klieb u tal-qtates u ħafna mill-prodotti li fihom pil ta’ din ix-xorta jiġu minn pajjiżi terzi, l-għan ewlieni tas-sistemi ta’ kontrolli stabbiliti fl-Istati Membri huwa li jipprevjenu d-dħul fl-Unjoni ta’ importazzjonijiet kummerċjali illegali ta’ pil tal-klieb u tal-qtates minn pajjiżi terzi. M’hemm l-ebda evidenza tal-produzzjoni tal-pil tal-klieb u tal-qtates fl-UE u, għaldaqstant, il-probabbiltà li jkun hemm esportazzjoni tiegħu hija waħda teoretika biss.

4.1.1.     Liġijiet nazzjonali li jipprojbixxu l-pil tal-klieb u tal-qtates

L-Istati Membri kkonċernati ħassru u/jew emendaw il-liġijiet nazzjonali li jipprojbixxu l-pil tal-klieb u tal-qtates li kienu fis-seħħ qabel l-adozzjoni tar-Regolament. Għalhekk, id-dħul fis-seħħ tar-Regolament ippermetta li jkun hemm regoli armonizzati fil-livell tal-UE dwar il-projbizzjoni. Dan jissimplifika x-xogħol tal-persunal uffiċjali li jwettaq il-kontrolli u tal-operaturi li jinnegozjaw fil-pil, fil-prodotti tal-pil u fl-imitazzjonijiet tal-pil li jkunu legali.

4.1.2.     Il-penali li japplikaw fil-każ ta’ ksur tal-projbizzjoni

L-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà jistabbilixxu l-penali li japplikaw fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament. Il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Ħafna mill-Istati Membri emendaw il-liġijiet nazzjonali tagħhom sabiex jintroduċu sanzjonijiet amministrattivi u/jew kriminali fil-każ ta’ ksur tal-projbizzjoni. Xi Stati Membri oħrajn diġà kellhom fis-seħħ penali b’mod ġenerali għall-importazzjoni ta’ prodotti illegali jew għat-tqegħid fis-suq tagħhom li kienu japplikaw fil-każ ta’ ksur tar-Regolament.

Is-sanzjonijiet amministrattivi jikkonsistu l-iktar f’multi imposti fuq l-operaturi u ma jeskludux il-possibbiltà li jintużaw ukoll sanzjonijiet kriminali.

B’mod ġenerali, għas-sanzjonijiet kriminali, il-każ irid jitressaq quddiem qorti nazzjonali tal-ġustizzja. Kif jidher fit-Tabella 1, il-livell ta’ penali applikabbli jvarja ħafna minn Stat Membru għall-ieħor.

Fl-aħħar nett, l-Istati Membri kollha għandhom is-setgħat legali li jikkonfiskaw il-prodotti illegali u li jitolbu li dawn jinqerdu.

It-Tabella 1: Sommarju tal-penali li japplikaw fl-Istati Membri fil-każ ta’ ksur tal-projbizzjoni fuq il-pil tal-klieb u tal-qtates

Penali || Firxa ta’ penali

Sanzjonijiet amministrattivi || Minn bejn EUR 250 u EUR 500 sa EUR 20 000

Sanzjonijiet kriminali || Multi li jvarjaw minn EUR 1 500 sa EUR 40 000 Minn erba’ (4) xhur sa tliet (3) snin il-ħabs

Sors: it-tweġibiet tal-Istati Membri għall-kwestjonarju dwar l-implimentazzjoni mibgħut mill-Kummissjoni

4.1.3.     L-awtoritajiet kompetenti li huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-projbizzjoni

Minħabba li l-għan ewlieni tal-kontrolli kien li jipprevjenu d-dħul fl-Unjoni tal-importazzjonijiet illegali tal-pil tal-klieb u tal-qtates minn pajjiżi terzi, l-awtoritajiet doganali jew l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet veterinarji kienu l-awtoritajiet kompetenti ewlenin li l-Istati Membri għażlu bħala l-awtoritajiet responsabbli għall-implimentazzjoni tal-projbizzjoni.

L-awtoritajiet doganali kienu responsabbli għall-identifikazzjoni ta’ kunsinni kummerċjali potenzjalment illegali minn pajjiżi terzi li dwarhom kien hemm suspett li kienu jinkludu l-pil tal-klieb u tal-qtates. L-esperjenza tagħhom fil-prevenzjoni tal-importazzjonijiet illegali, miksuba f’oqsma oħrajn, kienet essenzjali biex huma jidentifikaw il-kunsinni f’riskju. F’każ ta’ suspett, is-servizzi doganali se jwettqu verifiki biex jikkonfermaw is-suspetti tagħhom. Għalhekk, il-proċedura ta’ kontroll tal-importazzjonijiet tal-pil tal-klieb u tal-qtates ġiet integrata fil-proċeduri doganali ġenerali li diġà jinkludu kontrolli bbażati fuq ir-riskju. Minħabba li ma kinux wisq il-kontrolli li twettqu, x’aktarx li l-implimentazzjoni tal-projbizzjoni ma ħolqitx piż sostanzjali għall-awtoritajiet doganali.

F’każijiet fejn kienu involuti l-awtoritajiet veterinarji, dawn kienu responsabbli l-aktar għall-ispezzjoni fiżika tal-kunsinni suspettużi, għat-teħid ta’ kampjuni u għall-bgħit tal-kampjuni għall-analiżi fejn dan kien meħtieġ.

F’każijiet fejn kienu involuti diversi awtoritajiet kompetenti, ħafna mill-Istati Membri kkonċernati ħadu miżuri biex jiżguraw li dawn l-awtoritajiet jikkooperaw u jiskambjaw l-informazzjoni bejniethom.

4.1.4.     It-taħriġ u l-proċeduri

Fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni daħħlet il-miżuri ta’ kontroll marbutin mal-projbizzjoni fil-Bażi tad-Dejta Ewropea dwar it-Tariffi Doganali li tinsab onlajn imsejħa “TARIC”[7].

Il-bażi tad-dejta msejħa “TARIC” hija bażi tad-dejta disponibbli onlajn għall-uffiċjali u l-operaturi tan-negozju f’diversi lingwi, li fiha huma integrati, b’mod partikulari, miżuri marbutin ma’ miżuri dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni. Fl-2009, ġiet iddefinita lista ta’ prodotti u ta’ kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda (NM)[8] ta’ prodotti li dwarhom kien hemm suspett li kien fihom il-pil tal-klieb u tal-qtates fil-livell tal-UE u din ġiet integrata fit-TARIC.

Diversi Stati Membri semmew kemm it-TARIC hija utli biex tgħinhom jidentifikaw il-kunsinni potenzjalment illegali. Madankollu, Stat Membru wieħed qies bħala wisq eżawrjenti l-lista tal-prodotti u tal-kodiċijiet tan-NM ta’ prodotti li dwarhom hemm suspett li dawn fihom il-pil tal-klieb u tal-qtates.

Meta l-uffiċjali li jwettqu l-kontrolli fuq l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet tal-pil idaħħlu prodott jew kodiċi tan-NM li jinsab fil-lista msemmija hawn fuq fit-TARIC, il-bażi tad-dejta se turihom li hemm bżonn jiċċekkjaw jekk l-operatur tan-negozju mmarkax kaxxa fid-dikjarazzjoni doganali tiegħu li fiha jiddikjara li l-pil importat jew esportat mhux ġej mill-klieb u mill-qtates, hekk kif imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 1523/2007.

Minbarra t-TARIC, xi Stati Membri ħarġu linji gwida u tagħrif għall-persunal uffiċjali tagħhom dwar l-implimentazzjoni tal-projbizzjoni. Dan it-tagħrif kien jinkludi tagħrif prattiku biex wieħed iwettaq il-kontrolli, kif ukoll tagħrif dwar id-dispożizzjonijiet tar-Regolament u tal-liġi nazzjonali. Eżempju ta’ dawn id-dokumenti jinsab fis-sit tal-internet li ġej:

https://findok.bmf.gv.at/findok/targetSearchSubmit.do;jsessionid=9605F10870FC605A9F5E848516744BF5.

4.1.5.     Il-metodi tal-analiżi biex tiġi identifikata l-ispeċi ta’ oriġini tal-pil

L-Istati Membri użaw il-metodi ta’ analiżi li ġejjin biex jidentifikaw l-ispeċi ta’ oriġini tal-pil:

– l-identifikazzjoni viżwali;

– l-identifikazzjoni tax-xagħar bil-mikroskopju;

– l-analiżi tad-DNA (ir-reazzjoni katina tal-polimerażi);

– l-identifikazzjoni tal-ispeċi tal-annimali permezz tal-ispettrometrija tal-massa tat-tip MALDI-TOF.

Il-lista tal-metodi u tal-laboratorji użati f’kull Stat Membru hija mogħtija fl-Anness I ta’ dan ir-rapport.

L-Istati Membri użaw l-aktar il-mikroskopija, l-analiżi tad-DNA u l-identifikazzjoni tal-ispeċi tal-annimali permezz tal-ispettrometrija tal-massa tat-tip MALDI-TOF. Kull wieħed minn dawn il-metodi għandu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tiegħu, skont it-tip ta’ kampjuni meħuda, il-livell ta’ identifikazzjoni meħtieġ, kemm jista’ jiġi ripetut il-metodu u l-ispejjeż involuti.

L-identifikazzjoni tax-xagħar bil-mikroskopju tista’ tistabbilixxi jekk il-kampjun ikunx fih pil tal-annimali jew pil sintetiku.

L-analiżi tad-DNA tista’ tidentifika jekk il-kampjun huwiex ġej minn xi qattus jew xi kelb domestiku u l-ispeċi tal-oriġini tal-pil, dejjem jekk ikun hemm il-primers rilevanti speċifiċi għall-ispeċi. L-analiżi tad-DNA tista’ tiddistingwi l-kampjuni tal-pil tal-klieb domestiċi minn dawk tal-volpi, tal-lupu, tal-ġakall u tar-rakkun. Madankollu, l-analiżi tad-DNA ma tistax tiddistingwi l-pil tal-qtates domestiċi minn dak miksub minn qtates domestiċi mħalltin ma’ qtates tat-tip Bengal. Biex l-analiżi tad-DNA tkun suċċess, hemm bżonn ta’ ammont minimu ta’ DNA iżolat u ta’ kwalità minima tiegħu, u xi kultant mhux faċli li wieħed jikseb dan l-ammont u din il-kwalità meta l-kampjun ikun ġej mill-pil ittrattat (pereżempju, meta dan ikun miżbugħ).

L-identifikazzjoni tal-ispeċi tal-annimali permezz tal-ispettrometrija tal-massa tat-tip MALDI-TOF tista’ tidentifika firxa usa’ ta’ speċi tal-oriġini meta mqabbla mal-analiżi tad-DNA u tista’ tidentifika l-ispeċi tal-oriġini tal-pil anke meta l-pil ikun ittrattat.

Iktar dettalji dwar il-metodi differenti tal-analiżi ngħataw waqt il-laqgħa li l-Kummissjoni organizzat għall-partijiet interessati u għall-Istati Membri fit-18 ta’ Jannar 2012 u jinsabu fis-sit tal-internet li ġej:

http://ec.europa.eu/food/animal/welfare/seminars/docs/methods_analysis_identifying_species_origin_fur_en.pdf.

Il-firxa tal-ispejjeż tal-metodi tal-analiżi użati biex jiġi identifikat il-pil tal-klieb u tal-qtates hija mogħtija fit-tabella t’hawn taħt.

It-Tabella 2: L-ispejjeż tal-metodi tal-analiżi biex tiġi identifikata l-ispeċi ta’ oriġini tal-pil

Il-metodu || L-ispejjeż

Il-mikroskopija || Minn EUR 30 sa EUR 60

L-identifikazzjoni tal-ispeċi tal-annimali permezz tal-ispettrometrija tal-massa tat-tip MALDI-TOF || Minn EUR 150 sa EUR 250

L-analiżi tad-DNA || Minn EUR 150 sa EUR 1 075

Sors: it-tweġibiet tal-Istati Membri għall-kwestjonarju dwar l-implimentazzjoni mibgħut mill-Kummissjoni

Ħafna mill-Istati Membri jinnominaw laboratorju fit-territorju tagħhom fejn il-persunal uffiċjali tagħhom jista’ jibgħat il-kampjuni għall-identifikazzjoni tal-pil tal-klieb u tal-qtates. Diversi Stati Membri għażlu, jew qed jikkunsidraw, li l-kampjuni jintbagħtu b’sottokuntratt, lejn laboratorju li jkun jinsab fi Stat Membru ieħor, minħabba n-nuqqas attwali ta’ għarfien espert fil-laboratorji tagħhom u minħabba l-għadd żgħir ta’ kampjuni li għandhom jiġu analizzati.

4.1.6.     It-tixrid tat-tagħrif

Kif issemma qabel, il-bażi tad-dejta dwar it-tariffi doganali msejħa “TARIC” hija disponibbli onlajn għall-operaturi tan-negozju. Permezz tat-TARIC, l-operaturi tan-negozju jista’ jkollhom aċċess għar-Regolament u jkunu infurmati li, sabiex jimportaw jew jesportaw il-pil, fid-dikjarazzjoni doganali tagħhom iridu jiddikjaraw li l-prodotti li beħsiebhom jimportaw jew jesportaw ma fihomx pil tal-klieb u tal-qtates.

Barra minn hekk, diversi Stati Membri pprovdew tagħrif lill-operaturi tan-negozju potenzjali kkonċernati, lill-importaturi u lill-bejjiegħa bl-imnut u lill-konsumaturi. Ġew ippubblikati ittri ta’ informazzjoni fil-ġurnal uffiċjali jew fuq is-sit tal-internet uffiċjali tal-Istati Membri.

4.2.        Ir-riżultati tal-kontrolli

L-Istati Membri ffukaw l-attivitajiet ta’ kontroll tagħhom fuq l-importazzjonijiet. Barra minn hekk, fl-Unjoni dawn il-kontrolli ġew ikkompletati permezz ta’ verifiki mwettqin l-iktar fi ħwienet fejn isir il-bejgħ bl-imnut.

Fejn kien meħtieġ, ittieħdu kampjuni għall-analiżi biex tiġi kkonfermata l-preżenza ta’ pil tal-klieb u tal-qtates. Il-prodotti illegali identifikati ġew ikkonfiskati u meqrudin. Fil-każ ta’ ksur, ġew applikati sanzjonijiet.

It-tabelli t’hawn taħt jipprovdu sommarju tal-verifiki mwettqin mill-Istati Membri u tar-riżultati tagħhom. L-Istati Membri ma taw l-ebda dejta speċifika dwar il-kwantità ta’ pil tal-klieb u tal-qtates li nstab u dwar is-sanzjonijiet li ġew applikati.

It-Tabella 3: Kontrolli mwettqin biex jiġu evitati l-importazzjonijiet kummerċjali illegali tal-pil tal-klieb u tal-qtates

Sena || L-għadd ta’ kunsinni kummerċjali importati li ġew iċċekkjati || L-għadd ta’ kunsinni kummerċjali importati li minnhom ittieħdu l-kampjuni għall-analiżi || L-għadd ta’ kunsinni li ma ġewx aċċettati għall-importazzjoni || L-għadd ta’ kunsinni kkonfiskati || L-għadd ta’ kunsinni importati li nqerdu

L-2009 || 9687 || 0 || 1 || 0 || 0

L-2010 || 25275 || 5 || 2 || 67 || 0

Sors: it-tweġibiet tal-Istati Membri għall-kwestjonarju dwar l-implimentazzjoni mibgħut mill-Kummissjoni

It-Tabella 4: Kontrolli mwettqin għat-tqegħid illegali tal-pil tal-klieb u tal-qtates fis-suq tal-UE

Sena || L-għadd ta’ kontrolli mwettqin fil-ħwienet u għand il-bejjiegħa bl-imnut || L-għadd ta’ kunsinni li minnhom ittieħdu l-kampjuni għall-analiżi || L-għadd ta’ kunsinni kummerċjali kkonfiskati mill-ħwienet u mingħand il-bejjiegħa bl-imnut[9] || L-għadd ta’ kunsinni kummerċjali meqrudin meħudin mill-ħwienet u mingħand il-bejjiegħa bl-imnut[10] || L-għadd ta’ verifiki li kellhom fil-mira s-siti tal-internet li fuqhom jinbiegħu l-prodotti || L-għadd ta’ verifiki li kellhom fil-mira l-pakketti mibgħutin bil-posta

L-2009 || 119 || 46 || 66 || 56 || 0 || 0

L-2010 || 169 || 52 || 40 || 28 || 0 || 0

Sors: it-tweġibiet tal-Istati Membri għall-kwestjonarju dwar l-implimentazzjoni mibgħut mill-Kummissjoni

It-Tabella 5: L-għadd ta’ kampjuni analizzati

L-Istat Membru || L-għadd ta’ kampjuni analizzati

|| Fl-2009 || Fl-2010

l-Awstrija || 1 || 10

ir-Repubblika Ċeka || 0 || 1

il-Ġermanja || 1 ||

id-Danimarka || 15-il kampjun b’kollox fl-2009 u fl-2010

il-Finlandja || 0 || 2

Franza || 46 kampjun (li minnhom 17-il kampjun ma kienx konformi[11]) || 20 kampjun (li kollha kienu konformi)

l-Italja || 20

ir-Renju Unit || 0 || 3

Għadd totali || 119

Sors: it-tweġibiet tal-Istati Membri għall-kwestjonarju dwar l-implimentazzjoni mibgħut mill-Kummissjoni

L-għadd ta’ kontrolli, kif ukoll l-għadd ta’ kampjuni li ttieħdu u li ntbagħtu għall-analiżi, żdied fl-2010 meta mqabbel mal-2009. L-2009 kienet l-ewwel sena meta r-Regolament daħal fis-seħħ u l-livell ta’ implimentazzjoni żdied fl-2010 minħabba li sa dak iż-żmien l-Istati Membri kienu ħadu l-miżuri biex jorganizzaw il-kontrolli.

Mit-tagħrif mibgħut mill-Istati Membri, il-prodotti li l-Istati Membri identifikaw bħala prodotti li potenzjalment fihom il-pil tal-klieb u tal-qtates kienu l-iktar il-ġkieket u l-kowtijiet, ix-xalpi, l-imkatar ta’ madwar l-għonq, il-ħoloq taċ-ċwievet u l-ġilda.

5.           Kwistjonijiet marbutin mal-implimentazzjoni

Xi partijiet interessati qiesu li ma twettqux biżżejjed kontrolli uffiċjali fuq it-tqegħid tal-pil tal-klieb u tal-qtates fis-suq tal-UE, u b’mod partikulari fuq il-bejgħ fuq l-internet.

Il-kwistjoni tar-rekwiżiti ta’ ttikkettar ġiet diskussa wkoll fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1007/2011[12] fil-ġejjieni b’rabta mat-tikkettar ta’ ħwejjeġ li jkun fihom ftit pil, hekk kif inhu l-obbligu skont l-Istati Membri.

Ir-Regolament (KE) Nru 1007/2011 jeżiġi li tiġi indikata l-preżenza ta’ partijiet li ma jkunux magħmulin mit-tessuti u li jkunu ġejjin mill-annimali fuq it-tikketti jew il-marki tal-prodotti tat-tessuti li jkun fihom it-tali partijiet, biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati dwarhom. It-tikketti jew il-marki m’għandhomx iqarrqu bil-konsumaturi.

6.           L-impatt tar-Regolament

Il-partijiet interessati ewlenin enfasizzaw l-impatt pożittiv tar-Regolament. Il-projbizzjoni fuq il-pil tal-klieb u tal-qtates issa hija fis-seħħ fl-Istati Membri kollha. Ir-Regolament jarmonizza r-regoli u għalhekk jissimplifika x-xogħol tal-operaturi tan-negozju li jimportaw il-pil jew l-oġġetti li jinkludu l-pil jew li jqegħduhom fis-suq tal-UE. Barra minn hekk, skont l-Assoċjazzjoni Ewropea ta’ dawk li jrabbu l-annimali għall-pil, il-projbizzjoni ma kellhiex impatt negattiv fuq il-kummerċ tal-pil.

Skont il-fehma tal-partijiet interessati, wieħed jista’ jassumi li l-projbizzjoni u l-kontrolli mwettqin fl-Istati Membri jiżguraw li r-riskju li l-konsumaturi Ewropej jitqiegħdu f’sitwazzjoni fejn jistgħu jkunu qed jixtru pil tal-klieb u tal-qtates huwa limitat ħafna.

7.           Konklużjoni

L-Istati Membri stabbilixxew sistema ta’ kontrolli sabiex jimplimentaw il-projbizzjoni. Huma integraw b’mod ewlieni l-verifiki marbutin mal-projbizzjoni fis-sistemi eżistenti tagħhom ta’ kontrolli billi ħadu l-azzjonijiet li ġejjin:

– l-emenda tal-liġijiet nazzjonali tagħhom sabiex jitħassru l-miżuri nazzjonali preċedenti li jipprojbixxu l-pil tal-klieb u tal-qtates u biex jintroduċu penali;

– il-ħatra tal-awtoritajiet kompetenti u tal-uffiċjali responsabbli;

– l-għażla tal-metodi tal-analiżi u tal-laboratorji li jwettqu dawn l-analiżijiet, sabiex jiġi identifikat jekk il-pil ikunx ġej minn kelb jew qattus domestiku f’każ li jkun hemm suspett dwaru;

– it-taħriġ u t-tfassil ta’ proċeduri sabiex l-uffiċjali li jwettqu l-kontrolli jkunu infurmati dwarhom;

– it-tixrid tat-tagħrif lill-operaturi tan-negozju u lill-pubbliku inġenerali.

L-għan ewlieni tas-sistemi ta’ kontrolli huwa li jipprevjenu d-dħul fl-Unjoni tal-importazzjonijiet kummerċjali illegali tal-pil tal-klieb u tal-qtates minn pajjiżi terzi, minħabba li ħafna minnu ġej minn dawn il-pajjiżi terzi.

Għalhekk, fl-2009 u fl-2010, l-Istati Membri ffukaw il-kontrolli tagħhom l-iktar fuq il-prevenzjoni tal-importazzjonijiet illegali. L-involviment dirett tal-awtoritajiet doganali u l-użu tal-bażi tad-dejta tal-Kummissjoni msejħa “TARIC” mill-operaturi tan-negozju u mill-Istati Membri jippermettu implimentazzjoni armonizzata tal-projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet illegali.

B’mod ġenerali, l-applikazzjoni tar-Regolament kellha impatt pożittiv għax ir-Regolament issimplifika x-xogħol tal-operaturi tan-negozju, minħabba li ħa post diversi projbizzjonijiet nazzjonali li kienu applikati bi proċeduri differenti. Barra minn hekk, fil-fehma tal-partijiet interessati, il-projbizzjoni kkontribwiet biex tillimita r-riskju li l-konsumaturi Ewropej ikunu esposti għax-xiri tal-pil tal-klieb u tal-qtates jew ta’ prodotti li jkun fihom pil ta’ din ix-xorta.

ANNESS I: Il-metodi ta’ identifikazzjoni tal-pil tal-klieb u tal-qtates użati fl-Istati Membri

Numru || L-Istat Membru || Il-metodu applikabbli

1 || l-Awstrija || L-identifikazzjoni tax-xagħar bil-mikroskopju u tqies l-użu tal-analiżi tad-DNA

2 || il-Belġju || Ma ngħata l-ebda tagħrif dwar dan fit-tweġiba għall-kwestjonarju

3 || il-Bulgarija || L-identifikazzjoni tax-xagħar bil-mikroskopju u l-metodu msejjaħ “MALDI-TOF”

4 || Ċipru || Il-metodu msejjaħ “MALDI-TOF”

5 || ir-Repubblika Ċeka || L-analiżi tad-DNA

6 || id-Danimarka || L-analiżi tad-DNA

7 || l-Estonja || L-identifikazzjoni viżwali u l-identifikazzjoni tax-xagħar bil-mikroskopju

8 || il-Finlandja || L-identifikazzjoni tax-xagħar bil-mikroskopju

9 || Franza || L-identifikazzjoni tax-xagħar bil-mikroskopju u l-analiżi tad-DNA

10 || il-Ġermanja || L-analiżi tad-DNA u l-metodu msejjaħ “MALDI-TOF”

11 || il-Ġreċja || Ma ntbagħtet l-ebda tweġiba għall-kwestjonarju

12 || l-Ungerija || L-identifikazzjoni tax-xagħar bil-mikroskopju u l-analiżi tad-DNA

13 || l-Irlanda || Il-metodu msejjaħ “MALDI-TOF”

14 || l-Italja || L-identifikazzjoni viżwali, l-identifikazzjoni tax-xagħar bil-mikroskopju, l-analiżi tad-DNA u l-metodu msejjaħ “MALDI-TOF”

15 || il-Latvja || L-identifikazzjoni tax-xagħar bil-mikroskopju

16 || il-Litwanja || L-identifikazzjoni tax-xagħar bil-mikroskopju u qed jitqies l-użu tal-analiżi tad-DNA

17 || il-Lussemburgu || Il-metodu msejjaħ “MALDI-TOF”

18 || Malta || L-analiżi tad-DNA

19 || il-Pajjiżi l-Baxxi || L-identifikazzjoni tax-xagħar bil-mikroskopju u l-metodu msejjaħ “MALDI-TOF”

20 || il-Polonja || L-identifikazzjoni viżwali u l-analiżi tad-DNA

21 || il-Portugall || Qed jitqies l-għoti ta’ sottokuntratt lil laboratorju li jinsab barra l-pajjiż

22 || ir-Rumanija || Il-metodu msejjaħ “MALDI-TOF”

23 || is-Slovakkja || L-identifikazzjoni tax-xagħar bil-mikroskopju, l-analiżi tad-DNA u l-metodu msejjaħ “MALDI-TOF”

24 || is-Slovenja || L-identifikazzjoni tax-xagħar bil-mikroskopju u l-analiżi tad-DNA

25 || Spanja || L-identifikazzjoni tax-xagħar bil-mikroskopju u l-analiżi tad-DNA

26 || l-Isvezja || L-analiżi tad-DNA u l-metodu msejjaħ “MALDI-TOF”

27 || ir-Renju Unit || L-analiżi tad-DNA

Sors: it-tweġibiet tal-Istati Membri għall-kwestjonarju dwar l-implimentazzjoni mibgħut mill-Kummissjoni

ANNESS II: Lista tal-partijiet interessati kkonsultati

Isem l-organizzazzjoni

AEDT - The European Association of Fashion Retailers (l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Bejjiegħa bl-Imnut tal-Prodotti tal-Moda)

COTANCE

GAIA

HSI - Humane Society International

IFTF - International Fur Trade Federation (il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kummerċ fil-Pil)

European Fur Breeders Association (l-Assoċjazzjoni Ewropea ta’ dawk li jrabbu l-annimali għall-pil)

Euroleather

UNIC - Unione Nazionale Industria Conciaria

Fondation Brigitte Bardot (il-Fondazzjoni Brigitte Bardot)

IFAW - International Fund for Animal Welfare (il-Fond Internazzjonali għall-Benesseri tal-Annimali)

[1]               Ir-Regolament (KE) Nru 1523/2007 tal-11 ta’ Diċembru 2007 li jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni fil-Komunità jew l-esportazzjoni mill-Komunità ta’ pil tal-qtates u tal-klieb u ta’ prodotti oħra li fihom pil ta’ din ix-xorta (ĠU L 343, 27.12.2007, p. 1).

[2]               Ir-rapport jittratta l-applikazzjoni tar-Regolament tul il-perjodu mill-2009 sal-2010.

[3]               Il-projbizzjoni tirreferi għall-“projbizzjoni fuq il-pil tal-klieb u tal-qtates”. Dan japplika għall-bqija ta’ dan it-test.

[4]               L-Istati Membri kollha wieġbu, minbarra l-Greċja.

[5]               Wieħed jista’ jsib l-aġenda tal-laqgħa u l-preżentazzjonijiet li saru waqt din il-laqgħa fis-sit tal-internet li ġej:   http://ec.europa.eu/food/animal/welfare/seminars/docs/agenda_implementation_ban_cat_dog_fur_en.pdf.

[6]               L-organizzazzjonijiet li attendew din il-laqgħa huma mogħtija f’lista fl-anness ta’ dan ir-rapport.

[7]               Il-bażi tad-dejta msejħa “TARIC” hija aċċessibbli onlajn fis-sit tal-internet li ġej:    http://ec.europa.eu/taxation_customs/customs/customs_duties/tariff_aspects/customs_tariff/index_en.htm.

[8]               Meta l-prodotti jiġu ddikjarati lill-awtoritajiet tad-dwana fl-Unjoni, ġeneralment dawn għandhom jiġu kklassifikati skont in-Nomenklatura Magħquda (NM). Il-prodotti importati u esportati jridu jiġu ddikjarati billi wieħed igħid taħt liema subintestatura tan-nomenklatura dawn jaqgħu.

[9]               Mhux bil-fors ittieħed kampjun għall-analiżi mill-kunsinni kkonfiskati, minħabba li n-nuqqas ta’ konformità seta’ ġie nnutat għal raġunijiet oħra minbarra r-riżultati pożittivi tal-analiżi.

[10]             Mhux bil-fors ittieħed kampjun għall-analiżi mill-kunsinni li nqerdu, minħabba li n-nuqqas ta’ konformità seta’ ġie nnutat għal raġunijiet oħra minbarra r-riżultati pożittivi tal-analiżi.

[11]             In-nuqqas ta’ konformità jfisser li kien hemm riżultati pożittivi għall-preżenza tal-pil tal-klieb jew tal-qtates.

[12]             Ir-Regolament (UE) Nru 1007/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2011 dwar l-ismijiet ta’ fibri ta’ tessuti u t-tikkettar u l-immarkar relatati tal-kompożizzjoni tal-fibri ta’ prodotti tat-tessut (ĠU L 272, 18.10.2011, p. 1–64).