52013DC0364

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta’ riforma tal-Latvja għall-2013 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta’ konverġenza tal-Latvja 2012-2016 /* COM/2013/0364 final - 2013/ () */


 

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-programm nazzjonali ta’ riforma tal-Latvja għall-2013 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta’ konverġenza tal-Latvja 2012-2016

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika[1], u partikolarment l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea[2],

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew[3],

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)       Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tniedi strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa ta’ politiki ekonomiċi, li se tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)       Fit-13 ta’ Lulju 2010, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar linji gwida għall-politiki tal-Istati Membri dwar l-impjiegi[4], li flimkien jiffurmaw il-"linji gwida integrati". L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-linji ta’ politika nazzjonali tagħhom dwar l-ekonomija u l-impjiegi.

(3)       Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet tal-Istat jew il-Gvernijiet iddeċidew dwar Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għal azzjoni fil-livelli nazzjonali, tal-UE u taż-żona tal-euro, bl-użu tal-influwenzi, l-istrumenti, u l-politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew dwar l-azzjoni li għandha tittieħed fil-livell tal-Istati Membri, b'mod partikolari esprimew l-impenn sħiħ tagħhom biex jilħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

(4)       Fis-6 ta’ Lulju 2012, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-programm nazzjonali ta’ riforma tal-Latvja għall-2012 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta’ konverġenza aġġornat tal-Latvja għall-perijodu 2011-2015.

(5)       Fit-28 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir[5], li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2013 ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Barra minn hekk, fit-28 ta' Novembru 2012 ukoll, il-Kummissjoni abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija[6], li fih ma identifikatx lill-Latvja bħala wieħed mill-Istati Membri li kellha ssirlu analiżi fil-fond.

(6)       Fl-14 ta’ Marzu 2013, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex ikunu ggarantiti l-istabbiltà finanzjarja, il-konsolidazzjoni fiskali u l-azzjoni li tħeġġeġ it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li titkompla konsolidazzjoni fiskali differenzjata u li tiffavorixxi t-tkabbir, biex l-ekonomija jerġa’ jkollha kundizzjonijiet normali għas-self, biex jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, biex jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika.

(7)       Fid-29 ta’ April 2013, il-Latvja ressqet il-programm ta’ konverġenza tagħha għall-2013 li jkopri l-perijodu 2012-2016 u fit-2 ta' Mejju 2013, il-programm nazzjonali ta’ riforma tagħha għall-2013. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(8)       Abbażi tal-valutazzjoni tal-programm ta’ konverġenza tal-2013 skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li x-xenarju makroekonomiku sottostanti għall-projezzjonijiet baġitarji fil-programm huwa plawżibbli. It-tkabbir ekonomiku huwa mistenni jonqos xi ftit, għal madwar 4 % fis-sena, matul il-perjodu tal-programm, filwaqt li ż-żidiet fil-prezzijiet huma previsti li jibqgħu moderati. Id-defiċit ġenerali tal-gvern naqas fl-2012 għal livell ħafna inqas mit-3 % tal-PDG u l-objettiv ta’ terminu medju (OTM) intlaħaq f’dik is-sena, konsiderevolment aktar kmieni minn dak li kien previst fil-programm preċedenti. Il-programm jikkonferma l-OTM preċedenti ta’ -0,5 %, li jirrifletti kif xieraq l-għanijiet tal-Patt. L-objettiv tal-istrateġija baġitarja deskritt fil-programm hu li tinżamm pożizzjoni strutturali baġitarja li hija bbażata fuq l-MTO, bi kwalunkwe devjazzjoni limitata għall-impatt inkrementali ta’ riforma sistemika tal-pensjonijiet; din ir-riforma tinvolvi żieda gradwali fis-sehem tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jiġu ddevjati lejn skema ffinanzjata tal-pensjoni u hija implimentata fl-2013, l-2015 u l-2016. Madankollu, wara valutazzjoni ġenerali bil-bilanċ strutturali rikalkulat bħala referenza, inkluża analiżi tal-infiq mingħajr ma jitqiesu l-miżuri diskrezzjonali, jidher li l-bilanċ strutturali huwa stabbilit għal devjazzjoni mill-OTM b’1,0 pp tal-PDG fl-2013, jiġifieri ħafna iktar mit-tnaqqis tal-impatt inkrimentali tas-sistema tar-riforma tal-pensjonijiet, u b’0,2 pp oħra fl-2014. Huwa previst li d-dejn tal-gvern se jibqa’ ferm taħt is-60 % matul il-perjodu kollu tal-programm, jiġifieri jiżdied minn 40,7 % tal-PDG fl-2012 għal 44,5 % fl-2013, hekk kif il-gvern jakkumula assi għall-ħlasijiet lura tad-dejn, u jibda jonqos mill-2014 hekk kif jibdew jitqiesu l-ħlasijiet lura, u laħaq 34,6 % sa tmiem il-perjodu tal-programm. Il-Liġi tad-Dixxiplina Fiskali ġiet approvata mill-Parlament Latvjan f’Jannar 2013 u daħlet fis-seħħ f’Marzu 2013. Jekk implimentata effettivament, il-Liġi l-ġdida se ssaħħaħ konsiderevolment il-qafas fiskali fil-Latvja, u se tipprovdi mekkaniżmu effettiv li jillimita ż-żieda fin-nefqa fi żminijiet ekonomiċi tajbin u sservi bħala bażi għal ibbaġitjar multiannwali bbażat fuq ir-regoli.

(9)       Il-Latvja naqqset it-taxxi fuq ix-xogħol u beħsiebha tieħu passi ulterjuri f’dan ir-rigward fl-2014 u l-2015. Minkejja dan, il-porzjon ta' taxxa għal dawk b'paga baxxa xorta għadu fost l-ogħla fl-UE, li jindika l-ħtieġa għal kalibrazzjoni xierqa tal-politika tat-taxxa biex tistimula l-impjiegi għal dawk l-inqas imħarrġa. Barra minn hekk, li t-tassazzjoni fuq ix-xogħol issir taxxi fuq il-proprjetà rikorrenti u taxxi fuq l-użu ta’ riżorsi naturali u oħrajn għandu jtejjeb il-bilanċ strutturali. It-taxxi ambjentali jibqgħu relattivament sottożviluppati u huma profondament iddominati mit-tassazzjoni fuq il-fjuwil tal-magni, filwaqt li t-tassazzjoni fuq sorsi oħra ta’ enerġija, it-tniġġis u l-użu tar-riżorsi naturali hija inqas mill-medja tal-UE. Aktar twessigħ tal-bażi tat-taxxa biex tinkludi sorsi oħra ta’ tassazzjoni ambjentali jistgħu jikkontribwixxu għall-kisba tal-għanijiet ambjentali. Il-gvern żied l-isforzi fil-ġlieda tiegħu kontra l-ekonomija informali u dawn l-isforzi għandhom jinżammu.

(10)     Filwaqt li l-aġġustament strutturali ta’ wara l-kriżi kien ta’ suċċess, l-esperjenza ta' ċiklu boom-bust qawwi titlob monitoraġġ għat-tkabbir futur ta’ kreditu u l-istabbiltà tal-bażi ta' finanzjament tal-bank marbuta ma’ introjtu minn depożiti barranin permezz ta' politiki mikro u makroprudenzjali.

(11)     Il-Latvja ħadet għadd ta’ passi biex tindirizza r-rata għolja ta' qgħad fit-tul u fost iż-żgħażagħ. Il-finanzjament u l-kopertura ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol kibru fl-2013 meta mqabbel mal-2012, miżuri ġodda qed jiġu implimentati, inkluż il-profilar ta’ dawk qiegħda u għajnuna mtejba fit-tiftix ta’ impjieg. Madankollu, il-qgħad fit-tul u l-qgħad fost iż-żgħażagħ għadhom għoljin, l-attivazzjoni tal-persuni qiegħda u dawk li jirċievu l-benefiċċji hija baxxa u l-aċċess għas-servizzi soċjali huwa batut. Hemm tħassib li l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali qed jonqos milli jipprovdi kwalità suffiċjenti ta’ ħiliet għall-forza tax-xogħol u hemm disponibbiltà limitata ta’ taħriġ ta' kwalità bbażat fuq ix-xogħol. Hemm bżonn li tiġi stabbilita gwida komprensiva għall-karriera u titkompla tal-implimentazzjoni tar-riformi fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, inkluż it-titjib tal-kwalità u l-aċċessibilità ta’ tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol u l-komponenti ta' apprentistat tiegħu.

(12)     Proporzjon għoli tal-popolazzjoni Latvjana hija fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali (40 %) u dan huwa saħansitra ogħla għat-tfal (43,6 %). B’mod ġenerali, ir-rata tar-riskju ta’ faqar żdiedet kemxejn fl-2012, u dan jissuġġerixxi li t-tkabbir ma jirriżultax awtomatikament f’anqas faqar, u li hemm bżonn ta' politiki mmirati. Il-Latvja ħadet xi passi biex tindirizza l-faqar ta’ nies qiegħda u t-tfal. Madankollu, kien hemm inqas azzjoni diretta biex jiġu indirizzati l-problemi tas-sistema tal-assistenza soċjali b’mod partikolari fir-rigward tat-trasparenza, l-adegwatezza tal-benefiċċju u l-kopertura, kif ukoll nuqqas ta’ miżuri ta’ attivazzjoni għal dawk li jirċievu l-benefiċċji. In-nuqqas ta’ spazju fiskali wassal biex il-Latvja tnaqqas il-livell tad-dħul minimu garantit (DMG) u tabolixxi l-finanzjament mill-baġit tal-istat tal-benefiċċju tad-DMG. Dawn id-deċiżjonijiet x’aktarx li se jaggravaw il-faqar estrem u se jżidu l-inugwaljanza eżistenti fl-aċċess għall-assistenza soċjali madwar il-gvernijiet lokali, filwaqt li jnaqqsu l-inċentivi tal-gvernijiet ċentrali biex jinvestu fl-iżvilupp tal-politika u l-kontroll tal-assistenza soċjali. Huwa importanti li jiġu mmonitorjati l-effetti ta’ dawn id-deċiżjonijiet sabiex jiġi evitat kwalunkwe deterjorament fis-sitwazzjoni.

(13)     Il-Latvja pproponiet riforma ambizzjuża li jista’ jkollha impatt pożittiv sinifikanti fuq il-kwalità tas-sistema tal-edukazzjoni għolja tagħha. Il-pjanijiet ta’ riforma jkopru tiġdid radikali tal-proċess ta’ akkreditazzjoni, is-separazzjoni tal-funzjonijiet akkademiċi u ta' ġestjoni tal-universitajiet, l-iżvilupp ta’ mudell ġdid tal-iffinanzjar, u l-konsolidazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla. Madankollu, il-pjanijiet għadhom fi stadju bikri u jeħtieġ li jiġu implimentati sewwa biex tiżgura li impatti pożittivi previsti jimmaterjalizzaw. Barra minn hekk, fl-2013, ser issir evalwazzjoni tal-effettività tal-istituzzjonijiet xjentifiċi u l-istrateġiji tal-iżvilupp tagħhom. Din il-valutazzjoni importanti għandha tgħin biex issostni r-riformi u l-finanzjamenti futuri tal-istituzzjonijiet xjentifiċi, b’appoġġ għaż-żieda fl-attività ta’ innovazzjoni fil-Latvja.

(14)     Il-Latvja ressqet miżuri ta’ politika li jindirizzaw l-iffrankar tal-enerġija għas-setturi ewlenin tal-ekonomija. Huwa mistenni li fis-snin li ġejjin aktar minn 70 % % tal-iffrankar tal-enerġija għandu jiġi ġġenerat fis-settur tal-bini. Madankollu, l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ insulazzjoni tad-djar qed issir bil-mod u l-għadd ta’ proġetti li tlestew jibqa’ żgħir meta mqabbel mal-istokk ta’ bini, b’telf kbir fl-enerġija. Il-potenzjal għal kisbiet fl-effiċjenza f’dan il-qasam huwa sinifikanti hekk kif l-intensità tal-enerġija tad-djar tal-Latvja kienet l-ogħla fl-UE fl-2010. Fl-2012, il-Latvja għamlet progress fil-ftuħ tas-suq tal-elettriku tagħha għall-kompetizzjoni u l-parteċipazzjoni fi swieq reġjonali. L-ikkuntrattar dirett mal-fornituri tal-elettriku huwa infurzat kompletament fis-settur tan-negozju u introdott fuq bażi volontarja tad-djar. Il-Latvja dalwaqt se tingħaqad mas-suq ta' Nord Pool Spot f’Ġunju 2013. Madankollu, ma sar l-ebda progress biex is-suq tal-gass naturali jinfetaħ u d-dipendenza fuq sors wieħed tiddomina. L-awtoritajiet qed iħabbtu wiċċhom ukoll ma’ negozjati diffiċli fuq is-sjieda u l-ġestjoni tal-faċilità ta' ħażna tal-gass, li hija ta’ importanza kbira għat-tħaddim xieraq tas-suq tal-gass reġjonali.

(15)     Is-sistema ġudizzjarja Latvjana hija kkaratterizzata minn ineffiċjenzi fis-sistema tal-ġustizzja ċivili. Is-sistema tiġbor flimkien diversi fatturi mhux favorevoli bħal proċeduri twal biex jissolvew każijiet ċivili u kummerċjali fl-ewwel istanza u rati baxxi ta' każijiet maqtugħa li jwasslu għal xogħol b’lura fil-każijiet tal-qorti. Il-ħinijiet ta' dispożizzjoni huma partikolarment twal għall-proċeduri ta’ insolvenza. Barra minn hekk, ħafna każijiet ma jiġux riżolti fl-ewwel istanza, li joħloq dewmien fil-livelli kollha, sa dak tal-Qorti Suprema. Dan l-aħħar ittieħdu passi pożittivi biex titjieb l-effiċjenza u l-kwalità tas-sistema, iżda għadu kmieni wisq biex l-impatt tagħhom jiġi stmat. Huwa partikolarment importanti li tiġi ddedikata biżżejjed attenzjoni għall-politiki ta' ġestjoni tar-riżorsi umani fi ħdan il-ġudikatura. Aktar involviment mill-Kunsill Ġudizzjarju, ħsibijiet ġodda dwar ir-rwol ta’ pożizzjonijiet ta’ tmexxija fi ħdan il-ġudikatura u aktar taħriġ għall-imħallfin jistgħu jikkontribwixxu għal kwalità ogħla fil-ġudikatura. L-emendi għal-Liġi dwar l-Insolvenza ġew proposti sa tmiem l-2012. Madankollu, l-ambitu ta’ dawn l-emendi huwa limitat u ma jindirizzax in-nuqqasijiet tal-liġi b’mod komprensiv. Pereżempju, ġew identifikati problemi marbuta mal-implimentazzjoni prattika tal-liġi, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mar-rwol ta' dawk li jaħdmu fil-qasam tal-insolvenza, ir-responsabbiltajiet tagħhom fir-rigward tal-imħallfin u l-likwidazzjoni effettiva ta’ assi, kif ukoll kwistjonijiet ma’ insolvenzi personali, li wkoll iridu jiġu indirizzati.

(16)     Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Latvja. Hija vvalutat il-programm ta’ konverġenza u l-programm nazzjonali ta’ riforma. Ma qisitx biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Latvja iżda qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-Rakkomandazzjonijiet (1) sa (6) hawn taħt.

(17)     Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta’ konverġenza tal-Latvja, u l-opinjoni tiegħu[7] hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta’ hawn taħt,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Latvja tieħu azzjoni fil-perijodu 2013-2014 biex:

1.           Issaħħaħ l-istrateġija baġitarja biex tiżgura li d-devjazzjoni mill-OTM tirrifletti biss l-impatt inkrimentali tar-riforma sistematika tal-pensjonijiet. Fi ħdan din l-istrateġija, tnaqqas it-tassazzjoni għal dawk li b'paga baxxa billi t-tassazzjoni tinxteħet fuq oqsma bħalma huma d-dazji tas-sisa, taxxi fuq il-proprjetà rikorrenti u/jew taxxi ambjentali. Jinżammu l-isforzi biex titjieb il-konformità mat-taxxa u l-ġlieda kontra l-ekonomija klandestina. Tkompli ssaħħaħ il-qafas fiskali permezz tal-implimentazzjoni effettiva tal-Liġi tad-Dixxiplina Fiskali u baġitjar multiannwali.

2.           Tindirizza l-qgħad fit-tul u l-qgħad fost iż-żgħażagħ billi żżid il-kopertura u l-effettività tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol u servizzi soċjali mmirat. Ittejjeb l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ, pereżempju permezz ta’ Garanziji għaż-Żgħażagħ, it-twaqqif ta’ gwida għall-karriera, timplimenta riformi fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u ttejjeb il-kwalità u l-aċċessibilità tal-apprentistati.

3.           Tindirizza r-rati għoljin ta’ faqar bir-riforma tal-assistenza soċjali għal kopertura aħjar, billi ttejjeb l-adegwatezza tal-benefiċċji u ssaħħaħ il-miżuri ta’ attivazzjoni għal dawk li jirċievu l-benefiċċji. Issaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ twassil biex tnaqqas il-faqar fost it-tfal b’mod effettiv.

4.           Timplimenta r-riformi ppjanati tal-edukazzjoni għolja li jikkonċernaw, b’mod partikolari, l-istabbiliment ta’ mudell tal-iffinanzjar li jippremja l-kwalità, ir-riforma ta’ sistema ta’ akkreditazzjoni, il-konsolidazzjoni tal-istituzzjonijiet u l-promozzjoni tal-internazzjonalizzazzjoni. Tieħu passi ulterjuri biex timmodernizza l-istituzzjonijiet tar-riċerka bbażati fuq il-valutazzjoni indipendenti li għadha għaddejja.

5.           Ittejjeb l-effiċjenza enerġetika, speċjalment ta’ bini residenzjali u n-netwerks ta’ tisħin distrettwali, tipprovdi inċentivi biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija u biex il-konsum jiġi orjentat lejn prodotti li huma effiċjenti fl-enerġija. Ittejjeb il-konnettività man-netwerks tal-enerġija tal-UE u tieħu passi lejn il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-gass naturali, inkluż il-provvediment ta’ regoli ċari tal-aċċess għall-partijiet terzi għall-faċilitajiet ta’ ħażna.

6.           Tlesti r-riformi pendenti biex ittejjeb l-effiċjenza u l-kwalità tal-ġudikatura u tnaqqas ix-xogħol b'lura u t-tul tal-proċedimenti, inkluż fir-rigward ta’ insolvenza. Tpoġġi fis-seħħ politika komprensiva tar-riżorsi umani u tieħu passi biex timplimenta l-liġijiet dwar il-medjazzjoni u tissimplifika s-sistema tal-qorti tal-arbitraġġ.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       F’isem il-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

[2]               COM(2013) 364 finali.

[3]               P7_TA(2013)0052 u P7_TA(2013)0053.

[4]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/208 UE tat-22 ta' April 2013.

[5]               COM(2012) 750 finali.

[6]               COM(2012) 751 finali.

[7]               Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.