52013DC0253

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI It-Teknoloġiji u l-Innovazzjoni fil-qasam tal-Enerġija /* COM/2013/0253 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

It-Teknoloġiji u l-Innovazzjoni fil-qasam tal-Enerġija

1.           DAĦLA

It-teknoloġija u l-innovazzjoni huma kruċjali biex nilħqu l-isfidi kollha tagħna tal-enerġija...

Jeħtieġ li l-UE tagħmel iżjed biex iddaħħal fis-suq teknoloġiji tal-enerġija ġodda, sostenibbli u b’livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, bi prestazzjoni għolja u orħos. It-teknoloġiji ġodda huma vitali biex jinkisbu l-miri kollha tal-UE għall-2020[1] fl-oqsma tal-enerġija, il-klima, u l-politika ekonomika u soċjali, kif ukoll dawk għall-2030 u l-2050. L-UE għandu jkollha strateġija b’saħħitha u dinamika dwar it-teknoloġija u l-innovazzjoni biex tikseb il-miri politiċi tagħha, issaħħaħ il-kompetittiva tagħha u tikkoordina aħjar l-investimenti.

... u jikkomplementaw il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-enerġija

Il-politiki tal-UE dwar is-suq intern tal-enerġija, l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli jappoġġjaw id-dħul tat-teknoloġiji fis-suq, minn Pannelli Fotovoltajċi għal apparat effiċjenti, miters intelliġenti jew awtomatizzazzjoni domestika. Jeħtieġ li l-UE tkompli ssaħħaħ ir-rwol tat-teknoloġija u l-innovazzjoni fi ħdan il-politika tal-enerġija, mhux biss b’teknoloġiji speċifiċi, iżda wkoll billi tistimola mudelli tan-negozju ġodda, bl-adattament soċjali u tas-suq u bit-titjib fis-sistema tal-enerġija li joffri perspettiva strateġika fit-tul għall-investimenti.

....f’settur tal-enerġija li qiegħed dejjem jevolvi

B'riżultat tal-politiki tal-UE, l-investimenti globali fl-enerġija rinnovabbli għamlu progress b’mod stabbli u dan jirrikjedi flessibbiltà akbar u ġestjoni tal-enerġija aħjar. L-eliminazzjoni gradwali tal-enerġija nukleari f’xi pajjiżi u l-espansjoni mgħaġġla tal-produzzjoni tal-gass mhux konvenzjonali qegħdin ibiddlu l-ekonomiji tal-enerġija madwar id-dinja. Sabiex tappoġġja l-kompetittività industrijali Ewropea, jeħtieġ li l-politika tal-UE dwar it-teknoloġija u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija tnaqqas l-ispejjeż b'mod mgħaġġel kif ukoll tħaffef l-introduzzjoni ta' teknoloġiji sostenibbli ġodda fis-suq. Dan huwa partikolarment importanti fi żmien ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku li għandu konsegwenzi diretti fuq l-investimenti privati u l-baġits nazzjonali.

2.           X’KISBET L-UE?

2.1.        Il-leġiżlazzjoni ħeġġet id-dħul tat-teknoloġija u l-innovazzjoni fis-suq

Is-suq intern tal-enerġija tal-UE jgħin biex jinħolqu swieq miftuħa u kompetittivi fejn l-atturi fl-industrija jinvestu f’teknoloġiji u servizzi ġodda u innovattivi. Id-dimensjoni tas-suq intern tal-enerġija tipprovdi l-ispazju biex il-forzi tas-suq jistimolaw l-innovazzjoni u l-iżvilupp tat-teknoloġija. Dan huwa appoġġjat minn sforzi biex tiġi mmodernizzata, integrata u estiża l-infrastruttura tal-grilja sas-sena 2020 u lil hinn minnha, partikolarment għall-elettriku. L-UE identifikat 12-il kuritur ta’ prijorità, fost oħrajn biex tintegra aktar l-elettriku mir-riħ u mix-xemx filwaqt li tiżgura l-provvista bla interruzzjoni. Ir-regoli tekniċi li qed jiġu żviluppati għas-suq intern (jiġifieri l-kodiċijiet tan-netwerk) jiffokaw fuq l-integrazzjoni ta’ teknoloġiji b'reazzjoni għas-sistema tal-enerġija li qed tinbidel. Bħala parti minn din il-ħidma l-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni (TSO) qed jiżviluppaw il-metodi ġodda ta' mmudellar u għodod tal-operat tal-grilja aktar intelliġenti. Li l-konsumaturi jsiru atturi attivi f’suq integrat tal-enerġija tfisser li l-politika tal-UE qed tixpruna wkoll l-iżvilupp ta’ teknoloġiji “intelliġenti” u relatati mal-IT, bħal miters intelliġenti, karozzi tal-elettriku, ir-rispons għad-domanda, il-mikroġenerazzjoni u t-teknoloġiji tal-ħżin lokali sabiex ikun hemm domanda flessibbli u kontroll aħjar tal-konsum.

Sabiex jintlaħqu l-miri tal-2020, il-politika tal-enerġija tal-UE tappoġġja bidla lejn teknoloġiji ta’ ġenerazzjoni b’emissjoni baxxa ta’ karbonju. Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u l-appoġġ fl-Istati Membri xprunaw it-tkabbir qawwi fl-enerġija rinnovabbli u t-tnaqqis sinifikanti fl-ispiża. Bħala parti mit-tranżizzjoni lejn sistema tal-enerġija b’emissjoni baxxa ta’ karbonju, il-politika tal-UE stimolat it-teknoloġiji tal-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS) kif ukoll il-ġenerazzjoni tal-enerġija nukleari aktar sikura.

Permezz tal-politika u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-effiċjenza enerġetika, inklużi d-Direttivi dwar l-Effiċjenza Enerġetika u l-Ekodisinn, it-teknoloġiji qegħdin jitressqu fis-suq. B’mod parallel, il-leġiżlazzjoni settorjali tal-effiċjenza enerġetika dwar l-ekodisinn qed tixpruna l-iżvilupp u l-użu ta’ apparat effiċjenti fl-enerġija (eż. bojlers, magni tal-ħasil, televixins, kompjuters) li tgħin lill-konsumaturi biex jiffrankaw fl-enerġija. Fis-settur tal-bini, il-leġiżlazzjoni tal-UE tippromwovi r-rinnovazzjoni tal-bini effiċjenti fl-enerġija u l-kostruzzjoni tal-bini b’użu ta’ kważi żero enerġija. Fis-settur tat-trasport, huma mħeġġa l-vetturi tal-elettriku u b’emissjoni baxxa ta’ karbonju.

Is-Sistema tal-UE għan-Negozjar tal-Emissjonijiet u d-Deċiżjoni dwar il-Qsim tal-Isforz integraw il-prezz tal-emissjonijiet tal-Gassijiet Serra (GHG) fid-deċiżjonijiet operattivi u ta' investiment tan-negozji tal-UE u kkontribwixxew għal tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet, iżda r-rwol tagħhom bħala l-ixprun ewlieni lejn investimenti b'livell baxx ta' karbonju fit-tul qed jiġi kkontestat minħabba s-sinjal tal-prezz baxx u volatili tal-karbonju prodott b'reazzjoni għall-kriżi.

2.2.        It-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni

L-Unjoni tal-Innovazzjoni stabbilixxiet strateġija integrata għar-riċerka u l-innovazzjoni, li ttejjeb il-finanzjament pubbliku u tindirizza l-ostakli li jżommu lura l-investiment privat. Sar progress sinifikanti biex jitjiebu l-kundizzjonijiet ta’ qafas, inkluża l-protezzjoni tal-privattiva unitarja (filwaqt li jitnaqqsu konsiderevolment l-ispejjeż tal-privattivi), reġim tal-kapital ta’ riskju effettiv fl-UE, u l-immodernizzar tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku. Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka qed ittejjeb l-impatt tal-finanzjament għar-riċerka tal-Istati Membri u l-kundizzjonijiet ta’ qafas għar-riċerkaturi, inkluż billi tallinja aħjar il-finanzjament minn Stati Membri differenti, ittejjeb il-mobilità u l-karrieri tar-riċerkaturi u tagħti lir-riċerkaturi aċċess għal infrastrutturi xjentifiċi ta’ klassi dinjija.

2.3.        Il-pjan SET — jitmexxa s-seba’ Programm Kwadru tar-Riċerka tal-UE

Il-Pjan tat-Teknoloġija Strateġika tal-Enerġija (SET) tal-UE twaqqaf fl-2008 bħala l-qafas ta’ spinta teknoloġika tal-politiki tal-UE dwar l-enerġija u l-klima. Dan jissejjes fuq struttura ta’ implimentazzjoni bi tliet pilastri: Grupp ta’ Tmexxija, l-Inizjattivi Industrijali Ewropej (EIIs), u l-Alleanza Ewropea għar-Riċerka dwar l-Enerġija (EERA) u hija appoġġjata minn sistema ta’ informazzjoni (SETIS) [2]. Il-Grupp ta’ Tmexxija dwar it-Teknoloġiji Strateġiċi tal-Enerġija għen biex isir djalogu strutturali mal-Istati Membri li wassal biex jikber l-allinjament tal-politiki nazzjonali dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija u ppromwova bidla lejn azzjonijiet konġunti biex jintlaħqu objettivi komuni aktar malajr kif ukoll b’mod aktar effettiv.

Il-Pjan SET ta prijorità lil dawk it-teknoloġiji l-aktar rilevanti għall-objettivi tal-politika dwar l-enerġija u l-klima għall-2020: ir-riħ, l-enerġija solari, in-netwerks tal-elettriku, is-CCS, il-bijoenerġija, l-enerġija nukleari, iċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu, l-effiċjenza enerġetika. L-EIIs imwaqqfa għal dawn is-setturi kollha ddefinixxew l-oqsma prijoritarji ta’ riċerka u innovazzjoni permezz ta’ Pjanijiet Direzzjonali tat-Teknoloġija inkluż pjan direzzjonali maħsub dwar il-materjali[3] u ffokaw l-azzjoni tagħhom fuq proġetti kbar ta’ valur Ewropew. Permezz tal-EERA jiġu akkomunati l-kapaċitajiet ta’ riċerka nazzjonali sabiex jiġu żviluppati soluzzjonijiet ġodda li jkollhom impatt lil hinn mill-2020.

Il-fondi Ewropej saru disponibbli, primarjament taħt is-seba’ Programm Kwadru tar-Riċerka (FP7) permezz tal-mobilizzazzjoni ta’ partijiet differenti bħalma huma l-Enerġija u t-Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali (eż. l-ICT u l-Materjali). Mill-2007 sal-2012, it-Tema tal-Enerġija tal-FP7 appoġġjat b’madwar EUR 1,8 biljun madwar 350 proġett. L-FP7 pprovda wkoll appoġġ sostanzjali permezz ta’ sħubijiet pubbliċi u privati u strumenti finanzjarji (ara hawn taħt). Barra minn hekk, l-appoġġ fil-livell tal-UE ġie pprovdut ukoll permezz tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (IET) u l-Komunità ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni tiegħu InnoEnergy. Ġie pprovdut finanzjament addizzjonali sostanzjali mill-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (EEPR) kif ukoll mill-Programm New Entrance Reserve NER 300. L-investimenti pubbliċi u privati fl-iżvilupp teknoloġiku għas-setturi tal-Pjan SET żdiedu minn EUR 3,2 biljun fl-2007 għal EUR 5,4 biljun fl-2010[4] (Grafika 1). Illum l-industrija twettaq madwar 70 % tat-total ta’ investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni fil-prijoritajiet tal-Pjan SET filwaqt li l-Istati Membri huma responsabbli għal madwar 20 % u l-Kummissjoni Ewropea għal 10 %.

Grafika 1 Stima tal-investiment pubbliku u korporattiv fir-R&Ż fl-2010 skont it-teknoloġija u s-sors (JRC/SETIS)[5]

B’riżultat ta’ dawn l-isforzi, twettqu kisbiet importanti fl-iżviluppi teknoloġiċi kif ukoll tnaqqis fl-ispejjeż għat-teknoloġiji tal-Pjan SET.

Matul dawn l-aħħar żewġ deċennji l-prezzijiet tas-sistema Fotovoltajka naqsu madwar id-dinja kollha, xprunati b’mod sinifikanti mill-iżviluppi fit-teknoloġija u fis-suq. L-ispiża tal-moduli fotovoltajċi naqset drastikament (bi tliet darbiet f'sentejn)[6]. Il-mira tal-Pjan SET ta’ EUR 1/kW[7] sal-2030 tista’ diġà ssir realtà sal-2020 u b’hekk jitnaqqsu b'mod sinifikanti l-ispejjeż għas-soċjetà.

L-enerġija mir-riħ (prinċipalment fuq l-art) diġà tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-ġenerazzjoni tal-enerġija: 106 GW ta’ kapaċità tar-riħ installata fi tmiem l-2012 iġġenerat 210 TWh jew 7 % tal-produzzjoni tal-elettriku Ewropea[8]. Id-dħul annwali tal-fornituri ewlenin tat-tagħmir tar-riħ laħaq l-EUR 20 biljun fl-2012. Filwaqt li r-riħ huwa suq globali, għandu influwenza lokali qawwija: is-sehem mis-suq madwar id-dinja tal-manifattur tat-turbini jiddependi ferm fuq il-prestazzjoni tas-suq domestiku tagħhom. L-isforzi tal-UE jissoktaw ukoll bl-applikazzjonijiet tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta fejn it-teknoloġija għadha qed titjieb u l-ispejjeż qegħdin jonqsu.

Fis-settur tat-trasport, l-isforzi tal-UE jiffokaw fuq l-ilħuq ta' 10 % tal-konsum ta' enerġija mill-enerġija rinnovabbli, b'mod partikolari permezz ta' fjuwils alternattivi. Sabiex jiġi indirizzat iibdil indirett fl-użu tal-art (ILUC), il-Kummissjoni pproponiet li għandha tinkiseb mhux aktar min-nofs il-mira ta' 10 % permezz tal-bijofjuwils konvenzjonali, filwaqt li tiżdied id-domanda għal bijofjuwils avvanzati għal 6 Mtoe jew 15-il impjant, kull wieħed b'kapaċità annwali ta' 100 Ktoe. Ingħata bidu pożittiv permezz tal-FP7 li ffinanzja disa’ proġetti ta’ wiri fuq skala kbira tal-bijofjuwils linjoċellulożi b’kapaċitajiet ta’ 40 000 sa 80 000 tunnellata fis-sena.

2.4.        Il-programm Enerġija Intelliġenti-Ewropa (IEE)

Mill-2007, il-programm innovattiv Enerġija Intelliġenti-Ewropa (IEE) ippromwova l-kummerċjalizzazzjoni tat-teknoloġiji u indirizza l-ostakli mhux teknoloġiċi (finanzjarji, regolatorji u amministrattivi). Il-programm iffoka fuq l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli. Permezz ta’ aktar minn 300 proġett, dan il-Programm ġab aktar minn EUR 4 biljun ta’ investiment relatat fis-setturi kollha ta’ użu finali, inkluż it-trasport.

L-IEE wassal għall-integrazzjoni ta’ mudelli ta’ negozju ġodda li jistimolaw il-finanzjament privat. Eżempju ta’ tali mudell tan-negozju huwa l-Ikkuntrattjar għall-Prestazzjoni tal-Enerġija (EPC), fejn l-investiment inizjali f’miżuri għall-iffrankar tal-enerġija jitħallas mill-ġdid permezz tal-iffrankar tal-ispejjeż minn effiċjenza enerġetika ogħla. L-IEE s’issa rreplika dan il-mudell tan-negozju f’10 Stati Membri, inklużi xi wħud fejn il-kunċett fil-biċċa l-kbira ma kienx magħruf.

L-IEE stabbilixxa wkoll kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet finanzjarji biex jirnexxielu jimmobilizza investimenti ta’ madwar EUR 2 biljun (b’finanzjament tal-UE ta' EUR 38 miljun) fl-enerġija sostenibbli permezz ta’ faċilitajiet ta’ assistenza li tingħata fl-iżvilupp ta’ proġetti (ELENA[9] u l-Mobilizzazzjoni tal-Investiment Lokali fl-Enerġija). Il-programm kien minn tal-ewwel li appoġġja lill-atturi tat-“trasformazzjoni tal-enerġija” bħall-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-iskejjel, l-isptarijiet u l-akkomodazzjoni soċjali kif ukoll indirizza l-bżonnijiet tal-prattikanti permezz tal-għoti ta’ taħriġ u informazzjoni. L-investimenti huma mistennija li jiġġeneraw iffrankar fl-enerġija ta' aktar minn 2000 GWh fis-sena.

Permezz tal-inizjattiva Build-up Skills, il-programm qed jindirizza l-ħtiġijiet tal-prattikanti li jibnu bini b'użu ta' kważi żero enerġija madwar l-UE. Fil-qasam tal-industriji intensivi fl-enerġija, il-proġett CARE+ immobilizza l-SMEs fl-industrija kimika biex jiffrankaw l-enerġija b'bejn 10 u 20 %.

2.5.        Sħubijiet Pubbliċi-Privati u Impriża Konġunta

L-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu (FCH JU), appoġġjata mill-FP7, wasslet biex jiġi implimentat programm ta’ attivitajiet ta' riċerka u wiri mmexxi mill-industrija li jkopri l-applikazzjonijiet kemm stazzjonarji kif ukoll mobbli tal-ġenerazzjoni tal-enerġija. It-EUR 380 miljun f’għotjiet allokati s’issa wasslu biex varjetà ta’ applikazzjonijiet jitressqu eqreb lejn is-suq (eż. il-vetturi għall-immaniġġar materjali, is-sistemi ta’ enerġija ta’ riżerva) filwaqt li jitnaqqsu l-ispejjeż u jitjiebu l-effiċjenza u t-tul ta' ħajja tal-applikazzjonijiet.

Is-Sħubijiet Pubbliċi-Privati (PPPs) orjentati lejn ir-riċerka dwar l-effiċjenza enerġetika fil-bini u dwar il-fabbriki tal-ġejjieni, kif ukoll dwar il-karozzi ekoloġiċi, laqqgħu flimkien il-partijiet interessati f’kull wieħed minn dawn is-setturi biex joħolqu aġenda komuni u jiggwidaw il-finanzjament tal-UE lejn l-objettivi tagħhom. Mill-2009 sal-2012, ġew impenjati EUR 1,6 biljun mill-UE, flimkien ma’ livell simili ta’ investimenti fis-settur privat. Il-PPPs irnexxielhom jattiraw il-parteċipazzjoni qawwija tal-SMEs.

2.6.        It-titjib fl-aċċess għall-finanzjament permezz tad-dejn - Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji (RSFF)

Taħt l-FP7, l-RSFF qed tappoġġja lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) biex jipprovdi madwar EUR 10 biljun f’impenji ta’ self (b’kontribuzzjoni tal-UE ta' EUR 1 biljun) u biex jattira aktar minn EUR 20 biljun ta' investimenti fir-riċerka u fl-innovazzjoni, speċjalment minn kumpaniji kbar u soċjetajiet ta' kapital medju. L-RSFF tħeġġeġ lill-promoturi tal-proġetti biex iwettqu attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni li huma marbuta ma' livell għoli ta' riskju. Mill-2009 sal-2012, is-settur tal-enerġija kien jikkostitwixxi bejn 14 u 18 % tal-portafoll tal-RSFF, inklużi investimenti pijunieri ewlenin fl-enerġija solari u mir-riħ u investimenti biex titjieb l-effiċjenza enerġetika, b’mod partikolari fis-settur tal-karozzi.

2.7.        Id-Dimensjoni Reġjonali — appoġġ mill-politika ta’ koeżjoni

Fi ħdan il-baġit tal-politika ta’ koeżjoni l-enerġija sostenibbli tgawdi minn finanzjament konsiderevoli, b’aktar minn EUR 10 biljun ippjanati għal investiment fl-effiċjenza enerġetika u fl-enerġija rinnovabbli fil-perjodu ta’ pprogrammar 2007-2013. Eżempju ta’ dan huwa l-proġett Wave Hub fil-Lbiċ tal-Ingilterra, immirat biex joħloq l-akbar sit tat-test fid-dinja għal apparat li jiġġenera l-elettriku mill-moviment tal-mewġ. Eżempju ieħor huwa l-proġett Green Buildings Cluster tal-Awstrija t’isfel, li jgħaqqad il-professjonisti tal-kostruzzjoni u tal-bini mar-riċerkaturi biex jindirizza l-isfidi bħalma huma l-bidla fil-klima u jippermetti l-innovazzjoni permezz tal-kooperazzjoni.

2.8       Il-valutazzjoni tal-qafas tal-UE għat-teknoloġija u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija

L-Ewropa tinsab fit-triq it-tajba biex trawwem l-iżvilupp ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-enerġija u toħloq il-kundizzjonijiet xierqa għall-innovazzjoni, iżda għad fadal ħafna xi jsir.

L-evoluzzjoni rapida tax-xenarju tal-enerġija tirrikjedi approċċ sistemiku u l-kapaċità ta' reazzjoni għal żviluppi ġodda. Kemm l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjan SET[10] kif ukoll il-konsultazzjoni pubblika[11] li saret b’appoġġ ta’ din il-Komunikazzjoni jikkonfermaw li l-Pjan SET jeħtieġ aktar iffokar fuq l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija, l-integrazzjoni ta’ attivitajiet tul il-katina tal-innovazzjoni, u koordinazzjoni akbar tal-EIIs u tal-EERA b’appoġġ għal dan. Jeħtieġ li jiżdiedu aktar l-iżviluppi tal-katini tal-provvista industrijali, filwaqt li tinħtieġ koordinazzjoni akbar tal-atturi u l-investimenti tul il-katina tar-riċerka u l-innovazzjoni biex jitħaffu l-iżvilupp u l-adozzjoni mis-suq.

Barra minn hekk, għalkemm l-Istati Membri jaqsmu objettivi komuni fir-rigward tal-industrija u tar-riċerka, l-impenn tagħhom lejn il-Pjan SET bħalissa huwa ta’ kwalità inferjuri. L-investimenti koordinati u/jew konġunti bejn l-Istati Membri u mal-UE jridu jitrawmu sabiex jiġu promossi l-investimenti fis-settur privat b’appoġġ għall-Pjanijiet Direzzjonali għat-Teknoloġija tal-EEIs u l-Programmi Konġunti tal-EERA. Bl-istess mod, jeħtieġ li jiġi żgurat impenn ċar mill-imsieħba industrijali inkluż f’PPPs imsejsa fuq viżjoni kondiviża u objettivi definiti b’mod ċar, filwaqt li l-kapaċitajiet ta’ riċerka tal-EERA jridu jkunu aktar integrati biex titħaffef il-kisba tar-riżultati b’konnessjonijiet akbar mal-industrija.

Evalwazzjoni esterna tal-programm IEE fl-2011[12] ikkonkludiet li din għandha rwol kruċjali fl-iżvilupp tal-innovazzjoni tas-servizz, tal-għarfien u l-bini tal-kapaċità u tal-mudelli ta’ negozju ġodda li jiġbdu l-finanzjament privat għall-adozzjoni tat-teknoloġiji tal-effiċjenza enerġetika u tal-enerġija rinnovabbli fis-suq. Abbażi ta' dan l-eżempju ta' suċċess, jeħtieġ li l-miżuri li jappoġġjaw l-adozzjoni mis-suq tal-innovazzjoni fl-enerġija jiġu estiżi għal oqsma oħra ta’ politika tal-enerġija u jkunu marbuta aktar bis-sħiħ mal-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni.

B’mod simili, l-evalwazzjoni interim tal-FCH JU[13] rrakkomandat konċentrazzjoni akbar fuq ir-riċerka applikata u l-attivitajiet ta' wiri fuq skala kbira marbuta mal-ħtiġijiet tas-sistema tal-enerġija, bħall-użu tal-idroġenu biex jinħażen l-elettriku rinnovabbli.

Dawn jenfasizzaw il-ħtieġa ta' katina integrata għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-livell tal-UE li tkun mifruxa mir-riċerka bażika għall-adozzjoni mis-suq.

3.           STRATEĠIJA GĦALL-INNOVAZZJONI U T-TEKNOLOĠIJA FIL-QASAM TAL-ENERĠIJA SAS-SENA 2020 U LIL HINN MINNHA

Jeħtieġ li l-istrateġija Ewropea għat-teknoloġija u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija taċċellera l-innovazzjoni fl-aktar teknoloġiji avvanzati b’livell baxx ta’ karbonju u s-soluzzjonijiet innovattivi, u tnaqqas id-distakk bejn ir-riċerka u s-suq. Dan huwa rikonoxxut b’mod ċar fil-proposti tal-Kummissjoni għal Orizzont 2020, li jlaqqgħu flimkien l-appoġġ tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni (inklużi s-suċċessuri għall-programmi attwali tal-FP7 u tal-IEEII u appoġġ ulterjuri għall-EIT) f'qafas simplifikat. Madankollu, il-finanzjament tal-UE għadu parti limitata mill-finanzjament globali fl-Ewropa kollha, u l-prinċipji u l-iżviluppi ewlenin għandhom jiġu ugwalment riflessi f’investimenti tal-Istati Membri u tas-settur privat. L-implimentazzjoni għandha tkun dejjem aktar imsejsa fuq sħubijiet li jibnu l-iskala u l-ambitu meħtieġa, u tikseb impatt akbar minn riżorsi pubbliċi u privati skarsi.

3.1.        Prinċipji ewlenin

Inżidu l-valur fil-livell tal-UE

L-intervent tal-UE għandu jiffoka fuq il-qasam fejn jista’ verament iżid il-valur. Dan għandu jikkonċentra fuq sforzi fuq skala kbira li jmorru lil hinn minn dak li l-Istati Membri jistgħu jiksbu waħedhom jew bilateralment, filwaqt li jippromwovi l-innovazzjoni permezz ta’ regolamentazzjoni u finanzjament. Għandu jappoġġja l-bini tal-kapaċità ta’ riċerka u innovazzjoni biex jaċċellera l-iżviluppi, u jiġġenera ekonomiji ta’ skala.

Meta jiġu ffissati l-prijoritajiet għandha titqies is-sistema sħiħa tal-enerġija

L-iżvilupp ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-enerġija għandu jitqies mill-perspettiva tal-provvista ta' servizzi tal-enerġija kosteffikaċi lill-klijenti finali: id-dawl, it-tisħin, it-tkessiħ, it-trasport ekoloġiku eċċ. L-iżviluppi teknoloġiċi individwali għandhom jiġu vvalutati għall-integrazzjoni u l-impatt tagħhom fuq is-sistema sħiħa tal-enerġija (il-produzzjoni, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-użu tal-enerġija). Approċċ sistemiku jfisser li wieħed imur lil hinn mid-diviżjonijiet eżistenti bejn is-sorsi tal-enerġija u l-użi finali, u għalhekk għandu jisfrutta s-sinerġiji bejn is-setturi (eż. l-enerġija, l-ICT, it-trasport, l-agrikoltura), filwaqt li jieħu vantaġġ mill-komplementarjetajiet u r-riperkussjonijiet transsettorjali, kif ukoll ifittex soluzzjonijiet imsejsa fuq iċ-ċiklu tal-ħajja li jnaqqsu l-ħtieġa ġenerali għall-enerġija billi jnaqqsu l-iskart u jużaw il-materjali mill-ġdid u jirriċiklawhom.

L-integrazzjoni tal-azzjonijiet tul il-katina tal-innovazzjoni fl-enerġija u t-tisħiħ tar-rabta mal-politika tal-enerġija

L-appoġġ għaċ-ċiklu tal-innovazzjoni minn riċerka bażika għall-adozzjoni mis-suq ifisser l-appoġġ għall-miżuri ta' introduzzjoni fis-suq biex jiġu żviluppati l-kapaċitajiet, jiġu pprovati l-kunċetti għat-teknoloġiji tal-ġenerazzjoni li jmiss, jiġu indirizzati l-ostakli regolatorji, jiġu analizzati l-kundizzjonijiet tas-suq ta’ teknoloġiji speċifiċi u jinħoloq orizzont u ambjent ta’ investiment li jwasslu għal aktar investiment fl-innovazzjoni.

L-akkomunament tar-riżorsi u l-użu ta’ portafoll ta’ strumenti finanzjarji

L-isfida tal-enerġija teħtieġ investimenti fir-riċerka u fl-innovazzjoni li ma jistgħux jintlaħqu minn Stat Membru jew attur privat iżolat. Fi żmien meta jinħtieġu soluzzjonijiet immotivati mir-riċerka u meta r-riżorsi pubbliċi jinsabu taħt pressjoni, jeħtieġ li jkun hemm ingranaġġ tal-investimenti individwali tal-Istati Membri b'appoġġ għall-industrija bi programmi li jippermettu żviluppi industrijali ambizzjużi u komprensivi, u indirettament b’integrazzjoni akbar tal-istituzzjonijiet ta' riċerka u finanzjament istituzzjonali nazzjonali. L-istadji differenti tal-innovazzjoni u l-introduzzjoni jeħtieġu mekkaniżmi ta’ finanzjament xierqa. Għandu jissaħħaħ l-isfruttar tas-sinerġiji mal-Fondi Strutturali u tal-Investimenti tal-UE speċjalment permezz ta' oqfsa ta' politika strateġiċi tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-livell nazzjonali u/jew reġjonali bil-għan tal-ispeċjalizzazzjoni[14] intelliġenti. Jistgħu jintużaw ukoll programmi oħra għall-finanzjament tal-innovazzjoni, bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (grilji intelliġenti u awtostradi tal-elettriku) jew strumenti ta’ finanzjament bħal dawk proposti fil-komponent ta' Aċċess għal Finanzjament ta’ Riskju tal-Orizzont 2020 jew imħaddma direttament mill-Bank Ewropew tal-Investiment. Barra minn hekk, il-mekkaniżmi ta’ finanzjament tal-ETS simili għall-Programm NER 300 jistgħu jiġu previsti fil-ġejjieni.

Inżommu l-alternattivi miftuħa, filwaqt li nikkonċentraw fuq l-aktar teknoloġiji promettenti għal wara l-2020

Il-biċċa l-kbira tat-teknoloġiji fil-qasam tal-enerġija għandhom termini ta' żmien twal u għalhekk id-deċiżjonijiet dwar l-investiment issa se jkollhom riperkussjonijiet lil hinn mill-2020. B’riżultat ta’ dan, jeħtieġ li l-UE tixpruna l-iżvilupp ta’ spettru ta’ teknoloġiji li jistgħu biss jilħqu l-maturità tagħhom wara l-2020. L-istrateġija tat-teknoloġija u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija tistabbilixxi qafas għat-twassil ta' teknoloġiji u soluzzjonijiet tal-enerġija vijabbli u ekonomiċi kemm fuq perjodu qasir kif ukoll fit-tul, għall-UE u għas-suq globali. Din tibni fuq il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea Orizzont 2020 li bħalissa hija soġġetta għal deċiżjoni skont il-proċess leġiżlattiv. Se tinkorpora wkoll ir-riżultati tad-dibattitu fuq il-Green Paper dwar il-qafas għall-2030 għall-politika fil-qasam tal-klima u l-enerġija.

3.2       Żviluppi ewlenin li huma meħtieġa

L-użu tal-potenzjal sħiħ tal-effiċjenza enerġetika u l-iffokar fuq il-konsum ta’ użu finali

L-investiment fl-effiċjenza enerġetika jgħin lill-konsumaturi jiffrankaw u jippermetti lill-industriji tal-UE jiddependu inqas fuq il-prezzijiet tal-enerġija, inaqqsu l-ispejjeż tagħhom u jżidu l-kompetittività tagħhom.

Il-bini, bi kważi 40 % tal-konsum finali tal-enerġija, huwa prijorità għolja biex tiżdied ir-rata ta’ rinnovazzjonijiet effiċjenti fl-użu tal-enerġija għall-bini eżistenti u biex il-bini ġdid ikun b’użu ta’ kważi żero enerġija. Jeħtieġ li jiġu żviluppati u pprovati l-materjal ġdid għall-bini, il-pjanijiet għall-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fil-bini, u kunċetti u mudelli ta’ negozju ġodda għar-rinnovazzjoni tal-bini effiċjenti fl-enerġija. Dawn għandhom ikunu appoġġjati minn konverġenza bejn approċċi nazzjonali u reġjonali regolatorji biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi, jiġu stabbiliti metodoloġiji standard biex jitkejjel il-prestazzjoni enerġetika tal-bini, u jjkun jista' jiffunzjona s-suq uniku.

L-iżvilupp u l-adozzjoni tal-innovazzjonijiet li jnaqqsu sostanzjalment l-ispejjeż tal-enerġija tal-industrija għandhom jingħataw prijorità, b’mod partikolari għall-SMEs u l-industriji intensivi fl-enerġija (eż. l-użu ta’ insulazzjoni industrijali madwar l-Ewropa għandu jnaqqas il-konsum annwali tal-enerġija b'4 %). Dan jinkludi appoġġ għall-iżvilupp tal-ħiliet fejn għandu x'jaqsam l-iffrankar mill-effiċjenza enerġetika fl-industrija permezz ta' taħriġ tal-awdituri tal-enerġija u tal-maniġers tal-enerġija.

It-twassil ta' soluzzjonijiet kompetittivi għal sistema tal-enerġija nadifa, sostenibbli, sikura u effiċjenti

L-innovazzjonijiet li jiżguraw il-flessibbiltà u s-sigurtà tas-sistema Ewropea tal-enerġija se jnaqqsu l-ispejjeż tal-infrastruttura sħiħa tal-enerġija u jħejjuha biex tassumi ammonti ferm akbar ta’ enerġija rinnovabbli. It-teknoloġiji tal-ħażna tal-elettriku se jkunu importanti fil-livell tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni.

L-innovazzjonijiet huma meħtieġa biex jiżguraw il-kontinwità tal-provvista tal-elettriku u jirrazzjonalizzaw id-domanda għall-infrastrutturi permezz tal-ibbilanċjar kosteffikaċi tal-enerġija elettrika rinnovabbli, fil-livell lokali permezz ta’ reazzjoni għad-domanda u l-flessibbiltà u fil-livell tat-trażmissjoni permezz tal-innovazzjoni fit-trasport tal-elettriku fuq distanzi twal biex ikun hemm ibbilanċjar bejn id-diversi siti ta' sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, pereżempju, għall-kollegament tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta.

Permezz tat-teknoloġiji li jippermettu l-parteċipazzjoni attiva tal-konsumaturi, se titjieb l-effiċjenza enerġetika fin-netwerks, filwaqt li jsir aktar użu tal-ICT. L-innovazzjoni fil-grilji tad-distribuzzjoni u l-iżvilupp ta’ ambjent tas-suq li jagħti s-setgħa lill-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-protezzjoni adegwata ta' dawk l-aktar vulnerabbli, biex jibbenefikaw mill-aħjar kundizzjonijiet ta' prezzijiet u enerġija u biex jipproduċu u jbiegħu l-enerġija tagħhom stess.

Filwaqt li għadd ta’ teknoloġiji ġew żviluppati b'suċċess u ddaħħlu fis-suq (l-enerġija mir-riħ fuq l-art u l-enerġija solari fotovoltajka) bis-saħħa tal-appoġġ għall-użu, jinħtieġ approċċ miftuħ u flessibbli għall-iżvilupp ulterjuri ta’ portafoll ta’ alternattivi tal-enerġija kosteffikaċi u sostenibbli. Oqsma promettenti oħra tal-enerġija rinnovabbli jinkludu l-enerġija mir-riħ fil-wiċċ tal-baħar u fil-baħar fond, l-enerġija tal-oċeani, l-avvanzi fl-enerġija solari kkonċentrata u applikazzjonijiet fotovoltajċi ġodda. Tinħtieġ aktar konċentrazzjoni fir-riċerka dwar it-teknoloġiji tat-tisħin u tat-tkessiħ, fit-teknoloġiji tal-idroġenu u ċ-ċelloli tal-fjuwil. L-innovazzjoni hija wkoll meħtieġa f’materjali ġodda, f'teknoloġiji abilitanti ewlenin bħall-ICT, fin-nanoteknoloġija, fil-mikro u n-nanoelettronika, fil-fotonika, fil-bijoteknoloġija u fil-proċessi ta’ manifattura avvanzati. Ir-Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali (ITER) huwa proġett[15] fil-qalba tar-riċerka fit-tul tal-UE fil-qasam tal-enerġija ta' fużjoni.

L-iżvilupp teknoloġiku huwa meħtieġ biex jingħata appoġġ għall-operat sikur tas-sistemi nukleari, għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet sostenibbli għall-ġestjoni ta’ skart radjuattiv, u għal kompetenzi nukleari. Dan għandu jiffoka fuq is-sikurezza tal-impjanti nukleari eżistenti, partikolarment fid-dawl tal-estensjoni tal-ħajja operattiva tagħhom, kif ukoll tas-sikurezza tas-sistemi nukleari tal-futur. Għandha tissokta r-riċerka fil-qasam ta’ soluzzjonijiet fit-tul għall-ġestjoni ta’ skart radjuattiv fl-Ewropa permezz tal-iżvilupp tar-rimi fil-livell ġeoloġiku. Dawn l-isforzi għandhom ikunu akkumpanjati minn riċerka multidixxiplinari dwar ir-riskji ta’ dożi baxxi ta’ radjazzjoni. Ir-reatturi tal-fissjoni nukleari tal-ġenerazzjoni li jmiss bħas-sistemi tal-“Ġenerazzjoni IV” huma l-alternattivi fit-tul fil-qasam tal-enerġija nukleari.

Il-provvista ta' fjuwils alternattivi sostenibbli għat-taħlita tal-fjuwils użata fit-trasport fl-Ewropa, b'konformità mal-istrateġija għall-fjuwils[16] alternattivi għas-sostituzzjoni fit-tul taż-żejt bħala sors ta’ enerġija għal kull xorta ta’ trasport. Dan jirrikjedi l-iżvilupp immirat u t-tnaqqis fl-ispejjeż tal-fjuwils (b’mod partikolari l-bijofjuwils avvanzati, il-bijometanu u l-idroġenu) u t-teknoloġiji applikati għat-trasport.

It-trawwim tal-innovazzjoni f’ambjenti reali u permezz ta’ qafas xprunat mis-suq

Tinħtieġ enfasi partikolari fuq il-bliet li jużaw ferm aktar enerġija milli huma kapaċi jipproduċu. Tinħtieġ aktar integrazzjoni u ottimizzazzjoni tal-flussi tal-enerġija, tal-informazzjoni u tat-trasport fil-livell ta’ distretti, bliet u komunitajiet. Din hija l-premessa tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għall-Bliet u Komunitajiet Intelliġenti[17]: li turi soluzzjonijiet urbani intelliġenti fuq skala kummerċjali bbażati fuq l-użu tal-ICT fis-setturi tal-enerġija u tat-trasport li jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet kosteffikaċi f’żoni urbani Ewropej.

Il-miżuri tal-adozzjoni mis-suq huma meħtieġa fid-diffużjoni tat-teknoloġiji innovattivi kollha fil-qasam tal-enerġija biex ikun jista' jsir skalar 'il fuq tal-investimenti fil-katini tal-provvista u biex jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-politika għall-grilji, l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika bl-għan li jiġu indirizzati l-ostakli mhux teknoloġiċi, inkluż:

· l-iżvilupp tal-kapaċità tal-atturi tas-suq u tal-awtoritajiet pubbliċi biex jintroduċu politiki u miżuri effettivi, li jħeġġu l-introduzzjoni tat-teknoloġiji fis-suq. Dan jinkludi l-iżvilupp kontinwu tal-prattikanti (eż. l-iżviluppi tal-ħiliet għat-tekniċi, l-inġiniera);

· l-appoġġ tal-iżvilupp u tal-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ finanzjament innovattivi għall-enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza enerġetika, inkluż il-finanzjament għall-użu tagħhom.

L-istrateġiji ta’ innovazzjoni nazzjonali u reġjonali għandhom jiżvolġu rwol importanti fit-trawwim tal-innovazzjoni f’ambjenti reali. Dawn għandhom jiġu mmobilizzati biex jappoġġjaw l-iżvilupp tal-kapaċitajiet għar-riċerka u l-innovazzjoni u biex jaċċelleraw l-isfruttar u d-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka u tal-innovazzjoni fis-suq, b’attenzjoni partikolari għall-ħolqien ta’ ambjent tan-negozju favorevoli għall-innovazzjoni għall-SMEs u l-industrija reġjonali u lokali inkluż it-titjib tal-aċċess għall-finanzjament ta’ riskju.

4.           IMPLIMENTAZZJONI TAL-ISTRATEĠIJA GĦALL-INNOVAZZJONI U T-TEKNOLOĠIJA FIL-QASAM TAL-ENERĠIJA

Il-pjan SET għadu l-istrument prinċipali biex jintlaħqu l-isfidi indirizzati hawn fuq. Dan jipprovdi l-punt ta’ referenza għall-investimenti tal-UE, nazzjonali, reġjonali u privati fir-riċerka u fl-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija.

Madankollu, il-Pjan SET irid ukoll jissaħħaħ, sabiex jirreaġixxi għall-isfidi ġodda u biex jikkonsolida aħjar il-kapaċità u r-riżorsi disponibbli fl-Ewropa kollha għar-riċerka u l-innovazzjoni. Għal dan il-għan, qed jiġu proposti l-bidliet li ġejjin:

· Sabiex tiġi indirizzata l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija u tal-katina tal-innovazzjoni, għandu jiġi żviluppat Pjan Direzzjonali, taħt il-gwida tal-Grupp tat-Tmexxija tal-Pjan SET, li jinkorpora l-prinċipji u l-miżuri ewlenin identifikati f’din il-Komunikazzjoni. Dan il-Pjan Direzzjonali Integrat għandu jikkonsolida l-pjanijiet direzzjonali għat-teknoloġija (aġġornati) tal-Pjan SET filwaqt li jżomm l-ispeċifiċitajiet tat-teknoloġiji; dan għandu jkopri l-katina sħiħa tar-riċerka u l-innovazzjoni mir-riċerka bażika sal-wiri u l-appoġġ għad-diffużjoni fis-suq; u għandu jidentifika rwoli u kompiti ċari għad-diversi partijiet interessati bħall-EERA, l-EIIs, l-EIT, il-PPPs Ewropej rilevanti u partijiet interessati oħra bħall-universitajiet, l-investituri u l-finanzjaturi filwaqt li jippromwovi s-sinerġiji u l-interazzjonijiet ta’ bejniethom. L-ewwel Pjan Direzzjonali Integrat għandu jiġi żviluppat sa tmiem l-2013.

· Abbażi tal-Pjan Direzzjonali Integrat, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżviluppaw Pjan ta’ Azzjoni li jistabbilixxi investimenti konġunti u/jew koordinati minn Stati Membri individwali, bejn l-Istati Membri u mal-UE. Dawn l-investimenti għandhom imorru lil hinn minn programmi ta’ għotjiet u jinkludu kuntratti u strumenti ta’ inġinerija finanzjarja. Il-Pjan ta’ Azzjoni se jsegwi approċċ flessibbli u jinkludi modi differenti ta' implimentazzjoni bħall-allinjament tal-finanzjament mill-Istati Membri u mill-KE fuq il-prijoritajiet identifikati fil-pjan direzzjonali integrat u l-investimenti konġunti bejn l-Istati Membri jew/u mal-Unjoni Ewropea. Dan għandu jkopri l-kapaċitajiet ta' finanzjament istituzzjonali u ta' riċerka tal-EERA. Għandu jiġi żviluppat sa nofs l-2014 u jiġi aġġornat regolarment u appoġġjat min-netwerk(s) tal-korpi ta’ finanzjament.

· Sistema ta' rappurtar robusta msejsa fuq is-Sistema ta’ Informazzjoni Strateġika għat-Teknoloġiji fil-Qasam tal-Enerġija (SETIS) tal-Pjan SET għandha timmonitorja l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali Integrata u l-Pjan ta’ Azzjoni. Abbażi tad-dejta pprovduta mill-Istati Membri, ir-rappurtar dwar il-progress għandu jsir kull sena sabiex issir valutazzjoni tal-impatt fuq l-objettivi tal-politika dwar l-enerġija u orjentazzjoni aħjar tal-appoġġ tal-UE u dak nazzjonali.

· Għandha tiġi stabbilita struttura ta’ koordinazzjoni taħt il-Grupp ta’ Tmexxija tal-Pjan SET biex tippromwovi l-investimenti fir-riċerka u fl-innovazzjoni fuq l-effiċjenza enerġetika. Din għandha tkopri s-Sħubijiet Pubbliċi-Privati tal-UE rilevanti f’dan il-qasam, is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni tal-Bliet u l-Komunitajiet Intelliġenti u inizjattivi oħra sabiex tiġi ffaċilitata d-diffużjoni fis-suq. Din l-istruttura għandha tkun magħmula minn atturi tal-komunità tal-industrija u tas-suq, awtoritajiet pubbliċi u finanzjaturi.

Għaldaqstant, jista' jkun li s-sħubija, l-operat u l-mandat tal-Grupp ta' Tmexxija tal-Pjan SET ikollhom bżonn jissaħħu biex jindirizzaw l-isfida tal-iżvilupp tal-Pjan Direzzjonali Integrat.

Bl-istess mod, l-Inizjattivi Industrijali Ewropej u l-Pjattaformi Ewropej għat-Teknoloġija assoċjati jridu jaġġustaw il-mandat, l-istruttura u l-parteċipazzjoni tagħhom inkluż permezz ta’ komponent industrijali aktar b'saħħtu biex jaġġornaw il-Pjanijiet Direzzjonali tat-Teknoloġija tagħhom u jikkontribwixxu għall-Pjan Direzzjonali Integrat. It-teknoloġiji emerġenti u l-iżviluppi ġodda jridu jiġu indirizzati, b’mod partikolari l-ħżin u l-enerġija tal-oċeani b'rabta mal-istrateġija tat-Tkabbir Marittimu. Fl-istess waqt, l-Alleanza Ewropea għar-Riċerka dwar l-Enerġija trid tkompli tintegra l-kapaċitajiet ta' riċerka tagħha u żżid l-impatt tas-suq/kummerċjali tar-riżultati tagħha, b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Inizjattivi Industrijali Ewropej.

F'dawn l-istrutturi kollha, għandhom jiġu integrati partijiet interessati ġodda sabiex jindirizzaw l-innovazzjoni mhux teknoloġika u t-tneħħija tal-ostakli regolatorji, finanzjarji, kummerċjali u ta' mġiba u b’hekk itejbu t-tħejjija tas-suq. Dan jinkludi atturi lokali, SMEs, ICT, regolaturi, operaturi tan-netwerk, finanzjaturi u konsumaturi.

Id-dimensjoni esterna għandha ssaħħaħ l-eċċellenza u l-ġibda tal-UE bħala sieħba fir-riċerka. Il-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tar-R&Ż b'konformità mal-Istrateġija ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali[18] u mal-Orizzont 2020 għandha tkun iffokata fuq dawk l-isfidi tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija billi tista’ żżid mal-valur tagħhom għall-benefiċċji għall-UE. Id-dimensjoni esterna tal-politika tal-enerġija, inklużi d-Djalogi bilaterali dwar l-Enerġija[19] u l-Ftehimiet ta’ Kooperazzjoni fix-Xjenza u t-Teknoloġija konklużi mill-Kummissjoni mal-pajjiżi terzi msieħba, għandhom jiġu implimentati b’mod ikkoordinat u ta' tisħiħ reċiproku. Il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), li tipprovdi qafas internazzjonali għall-klima u għat-teknoloġiji tal-enerġija, hija wkoll sieħeb importanti. Permezz tal-Mekkaniżmu ta’ Teknoloġija tiegħu, is-suq globali għat-trasferiment tat-teknoloġija lejn pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk emerġenti mistenni li jikber

Pajjiżi bħall-Istati Uniti, il-Ġappun u ċ-Ċina qegħdin iniedu u jimplimentaw programmi ambizzjużi għat-tnaqqis fil-livell ta’ karbonju, li jirrappreżentaw opportunitajiet ta' kooperazzjoni sinifikanti tar-riċerka u l-innovazzjoni għas-settur tar-riċerka Ewropew ki fukoll opportunitajiet tas-suq għall-industrija, pereżempju fl-oqsma tal-grilji intelliġenti, iċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu, l-enerġija rinnovabbli jew is-sikurezza nukleari u l-fużjoni nukleari. Għandha tissokta l-kooperazzjoni multilaterali bejn l-UE, l-Istati Uniti u l-Ġappun dwar il-materja prima kritika għall-enerġija. Il-potenzjal tal-enerġija solari għandu jkompli jiġi sfruttat b’kooperazzjoni mal-Pajjiżi Msieħba tal-Mediterran.

5.           KONKLUŻJONIJIET

L-istrateġija tal-UE għat-teknoloġija u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija hija parti integrali mill-politika tal-enerġija tal-UE. Fil-fatt, din għandha tikkomplementa l-miżuri regolatorji eżistenti, tiżgura li l-UE tkun minn ta’ quddiem nett fl-innovazzjoni fis-swieq internazzjonali tal-enerġija, kif ukoll tindirizza l-isfidi maħluqa mis-sitwazzjoni ekonomika attwali. Għandha tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kompetittività fil-kosti tal-enerġija tagħna u l-affidabbiltà tal-provvista. F’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-istrateġija tagħha biex tiżgura li l-UE żżomm il-klassi dinjija fis-settur tat-teknoloġija u tal-innovazzjoni sabiex tindirizza l-isfidi għas-sena 2020 u lil hinn minnha.

Sabiex tappoġġja dan l-approċċ, il-Kummissjoni:

· se

· tiżgura l-iżvilupp, flimkien mal-partijiet interessati tal-Pjan SET, ta' Pjan Direzzjonali Integrat dwar il-prijoritajiet identifikati fl-Istrateġija tal-UE tat-teknoloġija u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija sa tmiem l-2013.

· tiddefinixxi, flimkien mal-Istati Membri, Pjan ta’ Azzjoni ta' investimenti konġunti u individwali b’appoġġ għall-Pjan Direzzjonali Integrat sa nofs l-2014.

· ssaħħaħ flimkien mal-Istati Membri s-sistema ta’ rappurtar għall-monitoraġġ tal-Pjan Direzzjonali Integrat u l-Pjan ta’ Azzjoni msejjes fuq is-Sistema ta’ Informazzjoni Strateġika għat-Teknoloġiji fil-Qasam tal-Enerġija (SETIS) tal-Pjan SET.

· tistieden, flimkien mal-Istati Membri fil-kuntest tal-Grupp ta’ Tmexxija, lill-Inizjattivi Industrijali Ewropej u lill-Pjattaformi Ewropej għat-Teknoloġija assoċjati biex jaġġustaw il-mandat, l-istruttura u l-parteċipazzjoni tagħhom bl-għan li jaġġornaw il-Pjanijiet Direzzjonali tat-Teknoloġija tagħhom u jikkontribwixxu għall-Pjan Direzzjonali Integrat.

· tistabbilixxi struttura ta’ koordinazzjoni, fi ħdan il-Grupp ta’ Tmexxija tal-Pjan SET, biex tippromwovi l-investimenti fir-riċerka u fl-innovazzjoni dwar l-effiċjenza enerġetika

· titlob lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex:

– jaffermaw mill-ġdid l-appoġġ tagħhom għall-Pjan SET bħala parti mill-politiki Ewropej dwar l-Enerġija u t-Tibdil fil-Klima u r-rinfurzar tiegħu għall-iżvilupp tat-teknoloġija u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija kif stabbilit f’din il-Komunikazzjoni

– japprovaw il-prinċipji ewlenin u l-iżviluppi proposti meħtieġa għat-teknoloġija u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija madwar l-UE;

– jappoġġjaw l-allinjament tar-riżorsi tal-UE, nazzjonali, reġjonali u privati għal dan l-approċċ integrat għar-riċerka u l-innovazzjoni;

· tistieden lill-Istati Membri u r-reġjuni biex jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali Integrat u l-Pjan ta’ Azzjoni permezz ta’:

– koordinazzjoni msaħħa tal-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija tagħhom kif ukoll permezz tal-użu ta’ Fondi Strutturali u tal-Investiment tal-UE u tad-dħul mill-irkantar tal-EU ETS;

– kollaborazzjoni akbar permezz ta’ azzjonijiet konġunti u raggruppamenti dwar proġetti b’valur miżjud Ewropew;

– integrazzjoni akbar tal-finanzjament istituzzjonali nazzjonali u tal-kapaċitajiet ta’ riċerka permezz ta’ Alleanza Ewropea għar-Riċerka dwar l-Enerġija.

– id-dħul fis-seħħ tal-appoġġ għall-adozzjoni mis-suq aktar mgħaġġla tat-teknoloġiji tal-enerġija sostenibbli.

[1]               kif intqal fil-Komunikazzjoni dwar il-Pjan SET fl-2007 (COM (2007) 723) u fil-Komunikazzjoni dwar l-Investiment fit-teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju fl-2009 (COM (2009) 519)

[2]               Il-Grupp ta' Tmexxija tal-Pjan SET, magħmul minn Stati Membri tal-UE, għandu l-mandat li jfassal azzjonijiet konġunti u jagħmel ir-riżorsi disponibbli għall-implimentazzjoni tal-Pjan SET. L-EIIs jissejsu fuq il-Pjattaformi Ewropej għat-Teknoloġija, u jipproponu Pjanijiet Direzzjonali tat-Teknoloġija biex jiġu allinjati l-isforzi tal-UE, tal-Istati Membri u tal-industrija bl-għan li jintlaħqu objettivi komuni. L-EERA tiġbor flimkien l-istabbilimenti ewlenin tal-UE tar-riċerka fil-qasam tal-enerġija u ngħatat il-mandat biex timplimenta programmi konġunti permezz tal-qsim tal-kapaċitajiet nazzjonali fl-Ewropa. Is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni tal-Bliet u l-Komunitajiet Intelliġenti bdiet bħala l-komponent tal-effiċjenza enerġetika tal-Pjan SET u issa tintegra soluzzjonijiet innovattivi fil-livell tal-applikazzjonijiet fuq skala reali tal-enerġija, tat-trasport u tal-ICT tal-bliet u l-komunitajiet. Is-Sistema ta’ Informazzjoni Strateġika għat-Teknoloġiji fil-Qasam tal-Enerġija (SETIS) tal-Kummissjoni hija mmexxija u kkoordinata miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-KE

[3]               SEC(2011) 1609 - Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Materials Roadmap Enabling Low Carbon Energy Technologies”

[4]               Skont (COM (2009) 519) ġie stmat li jinħtieġu EUR 8 biljun fis-sena sabiex l-azzjonijiet tal-Pjan SET javvanzaw b’mod effettiv

[5]               Għas-settur nukleari l-infiq li għandu x’jaqsam mal-Euratom

[6]               Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, Valutazzjoni tat-Teknoloġija Grafika 3.2

[7]               EUR 1/kW għal sistemi turnkey 100 kW sal-2030 (espress fi prezzijiet tal-2011, eskluża l-VAT)

[8]               Kalkoli tal-JRC imsejsa fuq fattur tal-kapaċità ta’ 23 %, li hija ċ-ċifra medja tal-2011 għall-Ewropa

[9]               Il-Faċilità ELENA ta' replikazzjoni tas-suq tnediet mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) f’Diċembru 2009 biex jappoġġjaw l-investimenti fl-effiċjenza enerġetika u l-proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Il-Faċilità ELENA, immexxija mill-BEI, il-KfW, is-CEB u l-BERŻ, hija ffinanzjata permezz tal-Programm IEE tal-Kummissjoni Ewropea.

[10]             Ir-rieżami tal-Pjan SET mill-JRC/SETIS jinsab fuq: http://setis.ec.europa.eu/set-plan-implementation/set-plan-review-2010-2012

[11]             Ir-rapport sħiħ dwar il-konsultazzjoni pubblika jinsab fuq: http://ec.europa.eu/energy/technology/consultations/20130315_technology_innovation_en.htm

[12]             “Evalwazzjoni ex-ante tas-suċċessur ta’ “Enerġija Intelliġenti-Ewropa II” (2007-2013)”, tinsab disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/energy/intelligent/files/doc/2011_iee2_programme_ex_ante_en.pdf

[13]             Disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/research/evaluations/pdf/archive/other_reports_studies_and_documents/eval_fuel_cell_hydro_report_2011.pdf

[14]             Fil-proposta għall-Politika Reġjonali għall-2014-2020, l-Istati Membri jew ir-reġjuni huma mitluba jiżviluppaw dawn l-istrateġiji

[15]             żviluppat b’mod konġunt mill-Ġappun, iċ-Ċina, l-Indja, il-Korea t’Isfel, ir-Russja, l-Istati Uniti u l-UE.

[16]             COM(2013) 17 finali

[17]             COM(2012) 4701 finali

[18]             COM(2012) 497 finali

[19]             COM(2011) 539 finali