KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima /* COM/2013/0216 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW
U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija tal-UE dwar l-adattament
għat-tibdil fil-klima 1. Introduzzjoni: Nitħejjew
għat-tibdil fil-klima Il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima qegħdin
dejjem jinħassu iżjed, kemm fl-Ewropa kif ukoll madwar id-dinja. It-temperatura
medja dinjija, li bħalissa qiegħda madwar 0,8°C ogħla mil-livelli
preindustrijali, qed tkompli togħla[1].
Għadd ta' proċessi naturali qegħdin jinbidlu, fosthom ix-xejriet
tal-preċipitazzjoni, il-glaċiera li qegħdin idubu, il-livelli tal-baħar li
qegħdin jogħlew. Biex nevitaw l-iżjed riskji serji tat-tibdil
fil-klima, u b'mod partikolari l-impatti kbar u irriversibbli, it-tisħin dinji
jrid ikun limitat għal inqas minn 2ºC ogħla mil-livell preindustrijali.
Għalhekk il-miżuri għat-taffija tat-tibdil fil-klima jridu jibqgħu prijorità
għall-komunità dinjija. Ikunu x'ikunu x-xenarji ta' tisħin, u jirnexxu
kemm jirnexxu l-isforzi għat-taffija, l-impatt tat-tibdil fil-klima se jiżdied
fid-deċennji li ġejjin minħabba l-impatti ttardjati tal-emissjonijiet
tal-gassijiet b'effett serra tal-imgħoddi u tal-lum. Għaldaqstant ma għandna
ebda għażla għajr li nieħdu l-miżuri biex naddattaw għall-impatti inevitabbli u
l-kosti ekonomiċi, ambjentali u soċjali tagħhom. Bil-prijoritazzjoni ta'
approċċi koerenti, flessibbli u parteċipatorji tiġina irħas biex inwettqu
azzjonijiet ippjanati għall-adattament milli li npattu talli ma nkunux
addattajna ruħna. Minħabba n-natura speċifika u l-ambitu wiesa'
tal-impatti tat-tibdil fil-klima fuq it-territorju tal-UE, il-miżuri
għall-adattament iridu jittieħdu fil-livelli kollha, lokali, reġjonali u
nazzjonali. L-Unjoni Ewropea għandha wkoll ir-rwoll li timla l-lakuni li hemm kemm
fl-għarfien kif ukoll fl-azzjoni, u tikkomplementa dawn l-isforzi permezz
tal-Istrateġija tal-UE li tidher hawn taħt. 2. L-impatt kurrenti u maħsub
tat-tibdil fil-klima fl-UE It-temperatura tal-art fl-Ewropa tul dan
l-aħħar deċennju (2002 sa 2011) kienet medja ta' 1,3°C ogħla mil-livell
preindustrijali[2],
jiġifieri li ż-żieda fl-Ewropa kienet aktar mgħaġġla mill-medja dinjija. Żdiedu
l-okkażjonijiet ta' temp estrem, il-mewġiet ta' sħana estrema aktar minn
tas-soltu saru jiġru aktar ta' spiss, ukoll saru aktar komuni n-nirien
fil-foresti u n-nuqqasijiet ta' xita li jwasslu għal nixfa fl-Ewropa ċentrali u
tan-nofsinhar. Mistennijin aktar xita u għargħar fl-Ewropa tat-tramuntana u
tal-grigal, b'aktar riskju ta' għarqien tal-kosta u ta' erożjoni. Żieda ta' dan
it-tip ta' avvenimenti x'aktarx iżżid il-kobor tad-diżastri u twassal għal telf
ekonomiku sinifikanti, għal problemi tas-saħħa pubblika u għall-imwiet. L-impatti jvarjaw madwar l-UE, skont il-klima
u l-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi u ġeografiċi. Il-pajjiżi kollha tal-UE huma
esposti għat-tibdil fil-klima (ara l-Grafika 1 hawn taħt). Iżda xi reġjuni
qegħdin aktar fir-riskju minn oħrajn. L-aktar vulnerabbli huma l-baċir
tal-Mediterran, iż-żoni muntanjużi, pjanuri li jegħrqu malajr
b'populazzjonijiet kbar, żoni kostali, reġjuni fil-limiti tal-Ewropa u
l-Artiku. Barra minn hekk, tliet kwarti tal-popolazzjoni Ewropea tgħix f'żoni
urbani, li ħafna drabi ma jkunux attrezzati sew biex jaddattaw, u huma esposti
għal sħanat kbar, għall-għargħar u għal-livelli tal-baħar li qed jogħlew. Ħafna setturi ekonomiċi jiddependu b'mod
dirett fuq il-kundizzjonijiet klimatiċi u diġà qegħdin iħossu l-impatt
tat-tibdil fil-klima f'oqsma bħalma huma l-agrikultura, il-forestrija,
it-turiżmu tal-baħar u tas-silġ, is-saħħa u s-sajd. Huma affettwati wkoll
servizzi ewlenin bħall-fornituri tal-enerġija u tal-ilma. L-ekosistemi u
s-servizzi li jipprovdu qegħdin isofru mill-impatti negattivi tat-tibdil
fil-klima, li qiegħed jaċċellera n-nuqqas ta' bijodiversità u jnaqqsilhom
il-kapaċità li jilqgħu ruħhom għall-estremitajiet naturali. It-tibdil fil-klima
se jkollu konsegwenzi fuq id-disponibbiltà ta' riżorsi bażiċi naturali (l-ilma,
il-ħamrija) li se jwasslu għal tibdiliet sinifikanti fil-kundizzjonijiet
tal-agrikultura u tal-produzzjoni industrijali f'ċerti żoni. It-tisħin dinji jista' jipprovdi
l-opportunitajiet għal setturi speċifiċi f'ċerti oqsma, pereżempju żidiet
tal-għelejjel u t-tkabbir tal-foresti, aktar idroenerġija jew inqas enerġija
meħtieġa għat-tisħin fl-Ewropa tat-tramuntana[3]. Madankollu, il-benefiċċji netti potenzjali
għal kull reġjun huma inċerti ħafna. Grafika 1:
L-impatti pproġettati tat-tibdil fil-klima u l-perikli assoċjati ma' dan
it-tibdil[4].
Ibbażat fuq ir-rapport tal-EEA Climate Change Impacts and Vulnerability in
Europe (2012)[5] Jekk ma naġixxux jew
indumu biex nieħdu l-azzjoni, dan jista' jaffettwa ħażin il-koeżjoni tal-UE.
L-impatti tat-tibdil fil-klima huma mistennija wkoll li jkabbru d-differenzi
soċjali madwar l-UE. Jeħtieġ li nagħtu attenzjoni speċjali lill-gruppi soċjali
u lir-reġjuni li huma l-iżjed esposti u diġà żvantaġġati (pereżempju minħabba
s-saħħa, dħul baxx, akkomodazzjoni inadegwata, nuqqas ta' mobbiltà). L-ispiża minima jekk ma
naddattawx għat-tibdil fil-klima, hija stmata li twassal għal bejn EUR 100 biljun
fis-sena fl-2020 u EUR 250 biljun fis-sena fl-2050, għall-UE kollha[6]. Bejn
l-1980 u l-2011, telf ekonomiku dirett fl-UE minħabba l-għargħar ammonta għal
iżjed minn EUR 90 biljun[7].
Dan l-ammont huwa mistenni li jiżdied, billi l-ispiża annwali tal-ħsarat
ikkawżati mill-għargħar tax-xmajjar hija stmata li se tkun
EUR 20 biljun sal-elfejn u għoxrinijat (2020) u
EUR 46 biljun sal-elfejn u ħamsinijat (2050)[8]. Il-kost soċjali
tat-tibdil fil-klima wkoll jista' jkun sinifikanti. Bejn is-snin 1980 u 2011
l-għargħar fl-UE kkawżaw aktar minn 2500 mewt u affettwaw aktar minn
5,5 miljun persuna. Jekk ma nieħdux aktar miżuri ta' adattament jista'
jkun hemm 26 000 mewt oħra fis-sena minħabba s-sħana sal-elfen u
għoxrinijat (2020), li jiżdiedu għal 89 000 mewt fis-sena sal-elfejn u
ħamsinijat (2050)[9]. Minkejja li ma hemmx
idea ġenerali komprensiva attwali tal-ispejjeż tal-adattament fl-UE, miżuri
addizzjonali ta' ħarsien mill-għargħar huma stmati għal
EUR 1,7 biljun fis-sena sal-elfejn u għoxrinijat (2020) u għal EUR 3,4 biljuni
fis-sena sal-elfejn u ħamsinijat (2050)[10]. Dawn il-miżuri jistgħu jkunu effettivi
ħafna, billi nistgħu nevitaw sitt euro spejjeż f'danni għal kull euro li nonfqu
fuq il-ħarsien mill-għargħar[11].
3. Ir-reazzjoni: strateġija ta'
adattament għall-UE Il-White Paper tal-2009 "L-adattament
għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni" stabbiliet għadd
ta' miżuri li fil-maġġoranza tagħhom ġew implimentati[12].
Riżultat ewlieni li ħareġ kien il-Pjattaforma Ewropea dwar l-Adattament
għat-Tibdil fil-Klima li hija bbażata fuq l-internet, (Climate-ADAPT[13]), varata
f'Marzu tal-2012. Dan fih l-iżjed dejta riċenti dwar l-azzjonijiet ta'
adattament fl-UE, flimkien ma' ħafna għodod utli għas-sostenn tal-politiki.
L-UE bdiet tintegra l-adattament f'ħafna mill-politiki u l-programmi
finanzjarji tagħha. Sal-lum, 15-il Stat Membru tal-UE adottaw
strateġija għall-adattament[14].
Oħrajn qegħdin jitħejjew. Xi wħud mill-istrateġiji adottati ġew segwiti bi
pjanijiet ta' azzjoni, u sar xi progress fl-integrazzjoni tal-miżuri ta'
adattament fil-politiki settorjali. Madankollu, fil-biċċa l-kbira tal-każi,
l-adattament għadu fi stadju bikri, u l-miżuri konkreti li bdew iseħħu huma
relattivament ftit. Xi Stati Membri żviluppaw pjanijiet speċifiċi għas-setturi,
bħal pjanijiet biex jiffaċċjaw mewġiet ta' sħana u nuqqasijiet ta' xita, iżda
terz biss minnhom wettqu stima tal-vulnerabbiltà komprensiva biex tirfed
il-politika. Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni qegħdin ikunu diffiċli b'mod
partikolari minħabba li bil-kemm għadhom ġew żviluppati l-indikaturi u
l-metodoloġiji għall-monitoraġġ. Jeżistu bosta eżempji
ta' proġetti ta' adattament konġunti bejn pajjiżi jew bliet Ewropej, xi wħud
minnhom huma kofinanzjati mill-UE, pereżempju mil-LIFE. B'mod partikolari,
il-politika ta' Koeżjoni tikkofinanzja bosta programmi u proġetti
transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali għall-adattament, anki
fil-qafas tal-istrateġiji makroreġjonali tal-UE fiż-żona tad-Danubju u
fil-Baħar Baltiku. Xi bliet adottaw strateġiji komprensivi għall-adattament jew
pjanijiet ta' azzjoni speċifiċi (eż. dwar il-prevenzjoni tar-riskji,
l-immaniġġar tal-għargħar jew tal-ilmiet), jew qegħdin fil-proċess li jagħmlu
hekk[15]. Filwaqt li nkomplu nibnu fuq dawn
l-inizjattivi, ikun utli li nkabbru l-esperjenza tagħna u li nagħmlu skambju
sistematiku tal-aħjar prattiċi dwar kif se nadattaw ruħna għat-tibdil
fil-klima. Għalhekk huwa mument tajjeb biex invaraw strateġija ta' adattament
li tkopri l-UE kollha u tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u
tal-proporzjonalità u d-drittijiet stabbiliti mill-Karta tad-Drittijiet
Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-istrateġija tqis l-impatti tat-tibdil
fil-klima madwar id-dinja, bħalma huma d-disturbi fil-ktajjen tal-provvista,
jew l-ostakoli għall-aċċess għall-materja prima, għall-enerġija u
għall-provvisti tal-ikel, u r-riperkussjonijiet ta' dawn fuq l-UE. Id-djalogu u
l-kooperazzjoni tal-UE ma' pajjiżi ġirien u ma' pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw,
dwar kwistjonijiet ta' adattament, isiru permezz tal-politiki dwar it-Tkabbir u
l-Viċinat u l-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp. L-inċertezza dwar id-direzzjoni li se jieħdu
l-emissjonijiet tal-gass b'effett serra, dwar l-impatti li se jirriżultaw
mit-tibdil fil-klima u dwar il-ħtiġijiet ta' adattament marbutin ma' dan għadha
sfida fit-tfassil tal-politiki f'dan il-qasam. Iżda l-inċertezza ma tistax
tintuża bħala skuża biex ma jsir xejn. Anzi din titlob enfasi qawwija fuq
l-inkorporazzjoni ta' għażliet għall-adattament li jistgħu jiksbu biss
riżultati pożittivi, li ma jkunux jiswew wisq u li ma jkunx hemm dispjaċir
dwarhom. Dawn jinkludu l-immaniġġar sostenibbli tal-ilmijiet u sistemi ta'
twissija bikrija. L-approċċi bbażati fuq l-ekosistema normalment ikunu
kosteffikaċi f'xenarji differenti. Dawn huma faċilment aċċessibbli u jipprovdu
bosta benefiċċji, bħal inqas riskju ta' għargħar, inqas erożjoni tal-ħamrija,
kwalità ta' ilma u ta' arja mtejba u l-effett ta' gżejjer tas-sħana mnaqqas. L-azzjoni għall-adattament hija marbuta ħafna
ma' dawn u għandha tiġi implimentata b'sinerġija u bil-koordinazzjoni sħiħa
mal-politiki tal-ġestjoni tar-riskji ta' diżastri li qed jiżviluppaw l-UE u
l-Istati Membri. L-azzjoni għall-adattament iġġib magħha
opportunitajiet ġodda għas-suq, u impjiegi ġodda f'setturi bħalma huma
t-teknoloġiji agrikoli, l-immaniġġar tal-ekosistema, il-bini, l-immaniġġar
tal-ilma u l-assigurazzjoni. Il-kumpaniji Ewropej, inklużi l-SMEs, jistgħu
jkunu innovaturi bikrin fil-produzzjoni ta' prodotti u servizzi li huma
reżistenti għall-klima u jaħtfu l-opportunitajiet kummerċjali madwar id-dinja
kollha. L-Istrateġija għall-Adattament, fuq l-istess linja tal-Istrateġija
Ewropa 2020, se tgħin lill-UE toqrob lejn ekonomija li ma tiddependix wisq
fuq il-karbonju, u waħda li tkun reżistenti għall-klima u tippromwovi t-tkabbir
sostenibbli , tħeġġeġ l-investiment fi prodotti li huma reżistenti għall-klima
u toħloq l-impjiegi ġodda. 4. L-għanijiet tal-Istrateġija L-għan ġenerali
tal-Istrateġija tal-UE għall-Adattament huwa li tgħin biex l-Ewropa ssir aktar
reżistenti għall-klima. Dan ifisser li nkunu
aktar lesti u nkunu iżjed kapaċi nirreaġixxu għall-impatti tat-tibdil fil-klima
f'livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE, filwaqt li nkunu żviluppajna
approċċ koerenti b'koordinazzjoni mtejba. 4.1. Nippromwovu l-azzjoni
min-naħa tal-Istati Membri Waħda mill-akbar sfidi
għall-miżuri ta' adattament kosteffikaċi hija l-kisba tal-koordinazzjoni u
l-koerenza f'diversi livelli ta' ppjanar u ġestjoni. L-istrument rakkomandat
f'livell dinji, skont il-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima,
huwa l-istrateġiji nazzjonali ta' adattament. Dawn huma strumenti analitiċi
ewlenin imfasslin biex jinfurmaw u jipprijoritizzaw l-azzjoni u l-investiment. Huwa importanti b'mod
partikolari li niżguraw approċċi konġunti u koerenza sħiħa bejn l-istrateġiji
nazzjonali ta' adattament u l-pjanijiet nazzjonali tal-ġestjoni tar-riskji.
Bosta Stati Membri qegħdin jiżviluppaw dawn il-pjanijiet bħala strumenti
tal-ippjanar transsettorjali, biex ikun hemm prevenzjoni u tħejjija aħjar
kontra d-diżastri abbażi ta' valutazzjonijiet nazzjonali komprensivi
tar-riskji. L-UE se tipprovdi
l-appoġġ finanzjarju għall-adattament permezz tal-istrument propost LIFE, li
jinkludi sottoprogramm għall-azzjoni dwar il-klima. Il-Kummissjoni se tuża
programmi ta' ħidma multiannwali biex tiddefinixxi miri strateġiċi u
prijoritajiet tematiċi. Se tingħata prijorità lil proġetti ta' prova
għall-adattament li jindirizzaw kwistjonijiet ewlenin transsettorjali,
transreġjonali u/jew transkonfinali. Se jiġu mħeġġa proġetti b'potenzjal ta'
dimostrazzjoni u trasferibbiltà, kif ukoll approċċi għall-adattament ibbażati
fuq infrastrutturi ekoloġiċi u fuq l-ekosistema, u proġetti mmirati biex
jippromwovu t-teknoloġiji innovattivi għall-adattament. Dawn jinkludu
teknoloġiji tanġibbli u mhux tanġibbli, bħalma huma l-materjali tal-bini aktar
reżistenti jew is-sistemi ta' twissija bikrija. Filwaqt li tfittex li
jkun hemm kooperazzjoni u koerenza madwar l-UE, il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi
t-tpartit ta' prattiċi tajba bejn l-Istati Membri, reġjuni, bliet, u partijiet
interessati oħra. Pereżempju, flimkien mal-Istati Membri, il-Kummissjoni
qiegħda tħejji gwida bbażata fuq prattiki tajbin tal-prevenzjoni tad-diżastri.
Ikun essenzjali l-involviment attiv ta' awtoritajiet lokali u reġjonali. Biex tkompli fuq
is-suċċess tal-proġett pilota tagħha ‘Adaptation strategies for European
cities’[16],
il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi l-istrateġiji ta' adattament urban.
L-azzjonijiet ta' adattament tal-ibliet, b'mod partikolari se jiġu żviluppati
b'koordinazzjoni ma' politiki oħrajn tal-UE fuq il-mudell tal-Patt tas-Sindki,
inizjattiva ta' aktar minn 4 000 awtorità lokali li kkommettew ruħhom
b'mod volontarju biex itejbu l-kwalità tal-ħajja urbana billi jsegwu l-miri
tal-UE dwar il-klima u l-enerġija. Azzjoni 1: Tħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jadottaw strateġiji ta' adattament komprensivi Il-Kummissjoni se tipprovdi l-linji gwida għall-formulazzjoni ta' strateġiji ta' adattament. Dawn huma mfasslin biex jgħinu lill-pajjiżi tal-UE jiżviluppaw, jimplimentaw u janalizzaw il-politiki ta' adattament tagħhom. Huma jkopru aspetti li huma nieqsa mill-istrateġiji ta' adattament eżistenti, bħal kwistjonijiet transkonfinali, u l-ħtieġa li tkun żgurata koerenza ma' pjanijiet nazzjonali ta' ġestjoni tar-riskji f'każ ta' diżastru. Sal-2014 il-Kummissjoni se tiżviluppa tabella ta' valutazzjoni tat-tlestija għall-adattament, li tidentifika l-indikaturi ewlenin biex jitkejlu l-livelli ta' tlestija tal-Istati Membri. Fl-2017, abbażi tar-rapporti li tirċievi, kif stabbilit fir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu għall-Monitoraġġ u abbażi tat-tabella ta' valutazzjoni tat-tlestija, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk l-azzjoni li tkun qed tittieħed mill-Istati Membri tkunx biżżejjed. Jekk hija tkun tal-fehma li ma sarx biżżejjed progress, rigward il-kopertura u l-kwalità tal-istrateġiji nazzjonali, il-Kummissjoni tikkonsidra li tipproponi minnufih strument li jkun legalment vinkolanti. Azzjoni 2: Tipprovdi finanzjament mil-LIFE biex tappoġġja l-bini tal-kapaċità u tħaffef l-azzjonijiet għall-adattament fl-Ewropa. (2013-2020). Il-Kummissjoni se tippromwovi l-adattament b'mod partikolari fl-oqsma vulnerabbli li jidhru hawn taħt: - l-immaniġġar transkonfinali tal-għargħar, filwaqt li tinkoraġġixxi ftehimiet ta' kollaborazzjoni bbażati fuq id-Direttiva tal-UE dwar l-Għargħar; - l-immaniġġar transkonfinali tal-kosta, b'enfażi fuq id-delti u l-ibliet kostali b'popolazzjonijiet kbar; - l-integrazzjoni tal-adattament fl-ippjanar tal-użu tal-artijiet urbani, fit-tqassim tal-bini u fil-ġestjoni tar-riżorsi naturali; - żoni muntanjużi u gżejjer, b'enfażi fuq is-setturi agrikoli, tal-forestrija u tat-turiżmu sostenibbli u reżistenti; - il-ġestjoni sostenibbli tal-ilma; il-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni u n-nirien fil-foresti f'żoni fejn hemm tendenza ta' nixfa. Il-Kummissjoni se tappoġġja t-twaqqif ta' valutazzjonijiet ta' vulnerabbiltà u ta' strateġiji ta' adattament, inklużi dawk ta' natura transkonfinali. Il-Kummissjoni se tippromwovi s-sensibilizzazzjoni dwar l-adattament, inkluż l-indikaturi, il-komunikazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji. Azzjoni 3: Tintroduċi l-adattament fil-qafas tal-Patt tas-Sindki (2013/2014). Abbażi tal-mudell tal-inizjattiva tal-Patt tas-Sindki, il-Kummissjoni se tappoġġja l-adattament fl-ibliet, b'mod notevoli billi tvara impenn volontarju ta' adozzjoni ta' strateġiji u attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni lokali. 4.2. Teħid ta' deċiżjonijiet
abbażi ta' iktar informazzjoni L-għarfien dwar l-adattament fit-teħid ta' deċiżjonijiet qiegħed
jiżdied: hemm għadd dejjem jikber ta' programmi ta' riċerka, strateġiji
nazzjonali u reġjonali għall-adattament, u valutazzjonijiet ta' vulnerabbiltà.
Hemm aktar dejta dwar il-klima u għadd ikbar ta' servizzi u siti elettroniċi
dwar il-klima[17].
Il-Ħames Rapport ta' Valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar
it-Tibdil fil-Klima (IPCC) se jiġi adottat fl-2014. Iżda għad hemm lakuni
sostanzjali fl-għarfien li hemm bżonn li jimtlew. Bażi ta' għarfien konkret hija essenzjali wkoll biex tixpruna
l-innovazzjoni u tappoġġja l-użu fis-suq ta' teknoloġiji innovattivi
għall-adattament għall-klima. Il-programm li ġej tal-UE għar-riċerka u
l-innovazzjoni - Orizzont 2020 - se jindirizza l-adattament għat-tibdil
fil-klima permezz tal-prijorità tiegħu ta' "sfidi soċjetali", u billi
jinvesti fi xjenza eċċellenti u jippromwovi l-innovazzjoni. Azzjoni 4: Timla l-lakuni fl-għarfien. Il-lakuni ewlenin fl-għarfien huma dawn: - l-informazzjoni dwar il-kostijiet u l-benefiċċji tad-danni u tal-adattament; - analiżi u valutazzjonijet tar-riskji f'livelli reġjonali u lokali; - oqfsa, mudelli u għodod li jappoġġjaw it-teħid tad-deċiżjonijiet u li jivvalutaw l-effikaċja tal-miżuri diversi ta' adattament; - il-mezzi għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta' sforzi lejn l-adattament fl-imgħoddi. Bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Istrateġija, il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri u mal-partijiet interessati fuq il-preċiżazzjoni ta' dawn il-lakuni fl-għarfien u l-identifikazzjoni tal-għodod u l-metodoloġiji rilevanti biex jindirizzawhom. Is-sejbiet se jiddaħħlu fil-programmar ta' Orizzont 2020 (2014-2020) u jkunu jindirizzaw il-ħtieġa ta' aktar rabtiet bejn ix-xjenza, it-tfassil tal-politiki u l-kummerċ. Se jintużaw ukoll biex iżidu l-informazzjoni disponibbli fuq Climate-ADAPT. Il-Kummissjoni se tippromwovi valutazzjonijiet ta' vulnerabbiltà madwar l-UE, filwaqt li tqis, fost oħrajn, ħarsa ġenerali transsettorjali tal-UE tar-riskji naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem, li hija se tipproduċi fl-2013. Notevolment hija se tappoġġja ċ-Ċentru tar-Riċerka Konġunta fix-xogħol tiegħu tal-valutazzjoni tal-implikazzjonijiet tat-tibdil fil-klima, u twettaq analiżi komprensiva ta' x'se jkun isarraf għall-UE t-tibdil fil-klima madwar id-dinja. Dan se jikkontribwixxi għar-"Rapporti ta' valutazzjonijiet integrati tat-theddid u tar-riskji" li ġejjin, li se jiġu adottati mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli (2015). Azzjoni 5: Tkompli tiżviluppa l-Climate-ADAPT bħala "punt wieħed ta' servizz" għall-informazzjoni dwar l-adattament fl-Ewropa. Il-Kummissjoni u l-EEA se jiffaċilitaw iżjed l-aċċess għall-informazzjoni u jiżviluppaw interazzjoni bejn Climate-ADAPT u siti rilevanti oħra, inklużi s-siti nazzjonali u lokali dwar l-adattament (2013/2014). Se tingħata attenzjoni speċjali lil valutazzjonijiet tal-kostijiet-benefiċċji ta' esperjenzi politiċi diversi u lill-finanzjament innovattiv, permezz ta' interazzjoni aktar mill-qrib ma' awtoritajiet reġjonali u lokali u istituzzjonijiet finanzjarji. L-inklużjoni tas-servizzi futuri dwar il-klima, Copernicus[18] se titħejja fl-2014. 4.3. Azzjoni tal-UE
għar-reżistenza kontra t-tibdil fil-Klima: nippromwovu l-adattament f'setturi
ewlenin vulnerabbli Prijorità u
responsabbiltà waħda tal-Kummissjoni hija li tintegra l-miżuri għall-adattament
fil-politiki u l-programmi tal-UE bħala mezz biex l-azzjonijiet tal-UE jsarrfu
f'"reżistenza kontra t-tibdil fil-klima". L-adattament diġà
qiegħed integrat fil-leġiżlazzjoni f'setturi bħal tal-ilma baħar[19],
tal-forestrija[20]
u tat-trasport[21];
u fi strumenti ta' politika importanti, bħall-ilmijiet interni[22],
il-bijodiversità[23],
u l-migrazzjoni u l-mobbiltà[24].
Id-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar it-tibdil fil-klima,
id-degradazzjoni ambjentali u l-migrazzjoni li jakkumpanja lil din
il-Komunikazzjoni jagħti idea aħjar ta' din tal-aħħar. Barra minn hekk,
il-Kummissjoni ppreżentat proposti leġiżlattivi dwar l-integrazzjoni
tal-adattament fis-setturi tal-agrikultura u l-forestrija[25], fl-ippjanar
spazjali marittmu u l-ġestjoni kostali integrata[26],
fl-enerġija[27],
fil-prevenzjoni u l-ġestjoni ta' riskji ta' diżastri[28],
fit-trasport[29],
fir-riċerka, fis-saħħa[30]
u fl-ambjent[31].
Dawn il-passi biex
l-adattament għat-tibdil fil-klima jiġi integrat fil-politiki tal-UE se
jitkomplew f'oqsma prijoritarji bħalma huma l-enerġija u t-trasport.
Fil-politika dwar is-saħħa, il-biċċa l-kbira tal-miżuri u s-sistemi dwar
is-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti diġà qegħdin stabbiliti, iżda
jeħtieġ li jiġu adattati skont il-kundizzjonijiet eżiġenti li joħorġu
mit-tibdil fil-klima. It-tliet dokumenti ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni
dwar is-saħħa, iż-żoni marittimi u kostali, u l-infrastruttura li jakkompanjaw
din il-Komunikazzjoni, juru dak li l-Kummissjoni diġà qiegħda tagħmel f'dan
il-qasam. Inizjattivi politiċi
oħra li se jsiru, bħal f'oqsma relatati ma' speċijiet aljeni invażivi (2013),
l-infrastruttura ekoloġika (2013), l-art bħala riżors (2014-15), u Strateġija
ġdida ta' Forestrija (2013) huma wkoll mistennija li jqisu l-adattament.
Qegħdin jitfasslu linji gwida dwar l-adattament u l-ġestjoni taż-żoni kostali
(2014), u l-linji gwida dwar l-adattament u n-netwerk Natura 2000 se
jinħarġu dalwaqt (2013). Il-proġetti
tal-infrastruttura, li huma kkaratterizzati minn ħajja twila u spejjeż kbar,
iridu jkunu kapaċi jifilħu għall-impatti attwali u tal-futur tat-tibdil
fil-klima. Il-ħidma tagħna ma' organizzazzjonijiet ta' standardizzazzjoni,
istituzzjonijiet finanzjarji u amministraturi ta' proġetti, filwaqt li tkompli
tibni fuq il-mandat riċenti biex tivvaluta l-implikazzjonijiet tat-tibdil
fil-klima għall-Eurocodes[32],
trid tanalizza kemm jeħtieġu rinforz l-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet
tekniċi, il-kodiċijiet u d-dispożizzjonijiet dwar is-sikurezza għall-infrastruttura
fiżika biex ikunu jifilħu għal avvenimenti estremi u impatti klimattiċi oħrajn.
Bħalissa,
l-assigurazzjoni kontra d-diżastri ma tantx qiegħda tinbigħ fis-swieq fl-Istati
Membri[33].
Għandhom isiru diskussjonijiet mal-partijiet interessati abbażi tal-Green Paper
dwar l-assigurazzjoni kontra diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem. Azzjoni 6: Tiffaċilita r-reżistenza għat-tibdil fil-klima fil-Politika Agrikola Komuni (PAK), fil-Politika ta' Koeżjoni u fil-Politika Komuni tas-Sajd (PKS). Bħala parti mill-Istrateġija qed tingħata gwida dwar kif jista' jiġi integrat iżjed l-adattament fil-PAK u fil-Politika ta' Koeżjoni. Gwida simili se tinħareġ fl-2013 għall-PKS. Din hija maħsuba għall-awtoritajiet amministrattivi u partijiet interessati oħrajn involuti fit-tfassil, fl-iżvilupp, u fl-implimentazzjoni tal-programm tal-2014-2020. L-Istati Membri u r-reġjuni jistgħu jieħdu t-tagħrif mill-Politika ta' Koeżjoni tal-2014-2020 u mill-PAK biex jimlew il-lakuni fl-għarfien u jinvestu fl-analiżi, il-valutazzjonijiet tar-riskji, l-għodod meħtieġa u biex jibnu l-kapaċità għall-adattament. Azzjoni 7: Tiżgura infrastruttura aktar reżistenti Fl-2013 il-Kummissjoni se tvara mandat għall-organizzazzjonijiet Ewropej ta' standardizzazzjoni biex jibdew jimmappjaw standards rilevanti għall-industrija fl-oqsma tal-enerġija, tat-trasport u tal-bini, billi jidentifikaw l-istandards li għandhom bżonn ikunu analizzati biex jiffaċilitaw l-inklużjoni tal-adattament. Mal-Istrateġija se tipprovdi wkoll linji gwida għal dawk li jiżviluppaw il-proġetti li jaħdmu fuq l-infrastruttura u assijiet fiżiċi, biex l-investimenti vulnerabbli jsiru reżistenti għat-tibdil fil-klima. Fuq ir-riżultati tal-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Infrastruttura Ekoloġika, fl-2013 il-Kummissjoni se tistudja l-bżonn ta' gwida addizzjonali għall-awtoritajiet u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, għas-soċjetà ċivili, għan-negozji privati u għal dawk li jieħu ħsieb il-konservazzjoni, biex tiżgura l-mobilizzazzjoni sħiħa ta' approċċi għall-adattament ibbażati fuq l-ekosistema. Azzjoni 8: Tippromwovi l-assigurazzjoni u prodotti finanzjarji oħrajn għall-investiment reżistenti u għad-deċiżjonijiet kummerċjali. Il-Green Paper dwar l-assigurazzjoni kontra diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem, adottata flimkien ma' din l-Istrateġija, hija l-ewwel pass biex tinkoraġġixxi lill-kumpaniji tal-assigurazzjoni jtejbu l-mod ta' kif jgħinu fl-immaniġġar tar-riskji tat-tibdil fil-klima. L-għan tal Kummissjoni huwa li jiżdied il-bejgħ tal-assigurazzjoni kontra d-diżastri naturali u li jinħareġ il-potenzjal kollu tal-ipprezzar tal-assigurazzjoni u ta' prodotti finanzjarji oħra ta' għarfien, prevenzjoni u taffija tar-riskji, u għal reżistenza fuq medda ta' żmien twil fl-investiment u fid-deċiżjonijiet kummerċjali (2014-2015). 5. Il-governanza, il-finanzjament u l-analiżi 5.1. Qafas għall-koordinazzjoni Il-Kummissjoni se tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki u se
tipprova tikkoopera mal-Istati Membri permezz tal-Kumitat dwar it-Tibdil
fil-Klima eżistenti. L-Istati Membri wkoll għandhom jaħtru punti ta' kuntatt
nazzjonali sa tmiem l-2013, biex ikun hemm koordinazzjoni bejn il-pajjiżi
tagħhom u l-Kummissjoni u biex ikomplu jżidu mal-attivitajiet ta'
sensibilizzazzjoni u rappurtaġġ. Il-Kummissjoni se tkompli tikkonsulta mal-partijiet interessati u
tikkoopera magħhom biex tiżgura implimentazzjoni tajba u f'waqtha
tal-Istrateġija. 5.2. L-iffinanzjament
tal-adattament L-aċċess aktar faċli għall-finanzjament se
jkun fattur kritiku fil-binja ta' Ewropa li tkun reżistenti għat-tibdil fil-klima.
L-abbozz tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali
tal-2014-2020 jinkludi proposta biex jiżdied l-infiq marbut mat-tibdil
fil-klima[34]
għal mill-inqas 20 % tal-baġit tal-UE. Huwa strateġikament importanti li
dan l-investiment ikun reżistenti għat-tibdil fil-klima. B'mod speċifiku,
il-Kummissjoni inkludiet l-adattament għat-tibdil fil-klima fil-proposti tagħha
għall-programmi finanzjarji kollha tal-UE ta' bejn l-2014 u l-2020 li huma
rilevanti. Il-Fondi Strutturali u tal-Investiment Ewropej[35], kif
ukoll l-Orizzont 2020 u l-programm LIFE se jagħtu appoġġ sinifikanti
lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-ibliet biex jinvestu fi programmi u
proġetti dwar l-adattament, speċjalment fil-qafas tal-Prijoritajiet
tal-Investiment iddedikati għall-adattament fil-FEŻR u fil-Fond ta' Koeżjoni.
Barra minn hekk, bosta fondi tal-UE u
istituzzjonijiet ta' finanzjament internazzjonali, bħall-Bank Ewropew
tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, ukoll
jappoġġaw il-miżuri għall-adattament. Il-Kummissjoni se tistudja aktar
modi biex takkomoda xi nfiq fuq l-investiment fl-adattament, bħall-infiq
ikkofinanzjat mill-UE fil-valutazzjoni tal-Programmi ta' Stabbiltà u
Konverġenza[36]. Barra minn hekk, hemm fondi speċifiċi – anki
f'livell nazzjonali – u istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi li jappoġġaw
l-azzjonijiet għall-adattament, pereżempju dwar il-kontroll tal-għargħar u
l-immaniġġar tan-nixfa. Climate-ADAPT se jipprovdi aktar informazzjoni
dwar sorsi potenzjali ta' finanzjament. L-Istati Membri jistgħu jużaw
ukoll id-dħul tal-UE mill-irkant tal-ETS bħala sors ta' appoġġ finanzjarju
għall-adattament[37].
Biex jiżguraw implimentazzjoni li tirnexxi,
l-awtoritajiet fl-Istati Membri huma mħeġġin jiżviluppaw is-sinerġiji bejn
is-sorsi diversi ta' finanzjament, speċjalment il-programmi ta' finanzjament u
appoġġ tal-UE, biex isaħħu l-impatt tal-investimenti u jevitaw, fejn hu
possibbli, nuqqasijiet ta' finanzjament. 5.3. Monitoraġġ, evalwazzjoni u
reviżjoni Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiki ta' adattament għat-tibdil
fil-klima huma kruċjali. L-enfasi għadha fuq il-monitoraġġ tal-impatti, mhux
fuq l-azzjoni ta' adattament u l-effikaċja tagħha. Il-Kummissjoni se tiżviluppa
l-indikaturi biex jgħinu fl-evalwazzjoni tal-isforzi għall-adattament u
tal-vulnerabbiltajiet madwar l-UE, permezz tal-finanzjament mil-LIFE u minn
sorsi oħrajn. Fl-2017 il-Kummissjoni se tirrapporta
lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istat ta' implimentazzjoni
tal-Istrateġija u se tipproponi r-reviżjoni tagħha jekk din tkun meħtieġa. Ir-rapport
se jkun ibbażat fuq informazzjoni li jipprovdu l-Istati Membri skont
ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu tal-Monitoraġġ[38] dwar
l-ippjanar u l-istrateġiji nazzjonali għall-adattament, fuq ir-rapporti annwali
dwar l-implimentazzjoni ta' programmi ffinanzjati mill-Fondi Strutturali u
tal-Investiment Ewropej fil-perjodu ta' bejn l-2014 u l-2020, u fuq Il-Ħames
Rapport ta' Valutazzjoni tal-Bord Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima, li
se jinħareġ fl-2014. 6. Konklużjoni Din l-Istrateġija tistabbilixxi qafas u
mekkaniżmi biex it-tħejjija tal-UE biex tilqa' l-impatti kurrenti u futuri
tat-tibdil fil-klima tittella' f'livell ġdid. Huwa propost li dan isir permezz
tal-inkoraġġiment u l-appoġġ lill-Istati Membri tal-UE biex dawn jieħdu
l-azzjoni għall-adattament, billi tinħoloq bażi għal teħid ta' deċiżjonijiet
aktar infurmati dwar l-adattament fis-snin li ġejjin, u billi s-setturi
ekonomiċi u politiċi ewlenin isiru aktar reżistenti għall-effetti tat-tibdil
fil-klima. [1] Ir-Rapport
tal-EEA Nru 12/2012. Climate change, impacts and vulnerability in Europe
2012 [2] ibid. [3] Ir-rapport
tal-EEA Adaptation in Europe, dwar l-adattament fl-Ewropa (li se jinħareġ
fl-2013) [4] Għadd ta'
ljieli tropikali u ġranet sħan; tibdil fl-inżul tax-xita, annwali u tas-sajf
(2071-2100 imqabbel mal-1961-1990); tibdil fil-periklu ta' nirien; u l-għadd
ta' nies, u l-valur miżjud gross, affettwati mill-għargħar (2050) [5] L-ispjegazzjonijiet
fid-dettal dwar kull element li hemm f'din il-grafika jinsabu fil-Valutazzjoni
tal-Impatti (SWD(2013)132, parti 2, it-taqsima 1.1.3.) [6] Ir-rapport
tal-EEA Nru 12/2012. Dawn l-istimi jinkludu l-impatti tat-tibdil fil-klima fuq
l-għargħar tax-xmajjar, fuq iż-żoni kostali, fuq l-enerġija meħtieġa
għat-tkessiħ u fuq l-imwiet minħabba s-sħana. Iċ-ċifri kollha li hawn f'din
it-taqsima huma bbażati fuq l-istess xenarju ta' emissjonijiet medji sa għoljin
ta' gass b'effett serra (A1B), li jwasslu għal żidiet fit-temperatura ta' aktar
minn 2°C [7] Ir-rapport
tal-EEA Nru 12/2012. [8] Rojas,
R., Feyen, L., u Watkiss, P. (2013) [9] Kovats et
al. (2011). Il-Kost tal-Klima kif imsemmi fir-rapport Nru 12/2012 tal-EEA [10] Feyen, L.
u Watkiss, P (2011) [11] Ibid. [12] COM(2009)
147 finali. Ara l-valutazzjoni tal-impatti għal analiżi sħiħa
tal-implimentazzjoni [13] http://climate-adapt.eea.europa.eu/
jiffoka fuq informazzjoni fil-livell tal-UE, b'rabtiet mal-azzjonijiet
nazzjonali. Bosta Stati Membri żviluppaw pjattaformi nazzjonali
tal-informazzjoni [14] Ara
http://climate-adapt.eea.europa.eu/web/guest/adaptation-strategies [15] L-adattament
fil-livell tal-ibliet ġie ttrattat fid-dettall fir-rapport tal-EEA tal-2012
"Urban adaptation to climate change in Europe" (EEA 2012):
http://www.eea.europa.eu/publications/urban-adaptation-to-climate-change [16] Ara http://eucities-adapt.eu/cms/ [17] Kif ġie
rrappurtat lill-Climate-ADAPT. Sors: Ir-rapport tal-EEA Adaptation in Europe,
dwar l-adattazzjoni fl-Ewropa (li se jinħareġ fl-2013) [18] Li qabel
kien magħruf bħala GMES (Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà) [19] Id-Direttiva
tal-Kunsill 2008/56/KE u r-Regolament tal-UE Nru 1255/2011 [20] Ir-Regolament
(KE) 2152/2003 [21] Id-Deċiżjoni
661/2010/KE [22] COM(2012)
673 finali [23] COM(2011) 244 finali [24] COM(2011) 743 finali [25] http://ec.europa.eu/agriculture/cap-post-2013/legal-proposals/index_en.htm [26] COM(2013) 133 finali [27] COM(2011) 665/3 [28] COM(2011) 934 finali [29] COM(2011) 650/2 final [30] http://ec.europa.eu/governance/impact/planned_ia/docs/2013_sanco_002_eu_plant_health_law_en.pdf [31] COM(2012)
628 finali [32] Il-Eurocodes
huma sett ta' regoli tekniċi armonizzati għad-disinjar strutturali tal-bini
fl-UE żviluppati mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni [33] Ċentru
tar-Riċerka Konġunta, il-Kummissjoni Ewropea (2012), Natural catastrophes: Risk
relevance and insurance coverage in the EU [34] dan
jirreferi kemm għat-taffija tat-tibdil fil-klima, kif ukoll għall-adattament
għalih [35] Il-Fond
ta' Koeżjoni (FK), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond
Soċjali Ewropew (FES), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u
l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS) [36] Kif
stabbilit fil-Blueprint riċenti għal unjoni ekonomika u monetarja profonda u
ġenwina, COM(2012) 777 finali [37] L-Artikolu 10(3)(a)
tad-Direttiva 2003/87/KE kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE [38] http://ec.europa.eu/clima/policies/g-gas/monitoring/