52013DC0167

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-Ftehim Internazzjonali tal-2015 dwar it-Tibdil fil-Klima: It-tfassil tal-politika internazzjonali dwar il-klima wara l-2020 /* COM/2013/0167 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-Ftehim Internazzjonali tal-2015 dwar it-Tibdil fil-Klima: It-tfassil tal-politika internazzjonali dwar il-klima wara l-2020

Komunikazzjoni Konsultattiva

Din il-Komunikazzjoni Konsultattiva tistieden dibattitu mal-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-partijiet interessati dwar kif l-aħjar jiġi mfassal ir-reġim internazzjonali tal-klima bejn l-2020 u l-2030. Il-Komunikazzjoni tistabbilixxi kuntest u tippreżenta sett ta’ mistoqsijiet bħala struttura għal dan id-dibattitu. Jingħata aktar tagħrif f'dokument tal-ħidma tal-persunal separat.

1. Il-bżonn urġenti għal aktar ambizzjoni

L-ewwel għaxar snin tas-seklu 21 kienu l-aktar snin li matulhom kien hemm l-ogħla temperaturi li qatt ġew irreġistrati u fis-sajf kien hemm tidwib li qatt ma rajna bħalu tas-silġ tal-baħar Artiku.

Avvenimenti estremi tat-temp esperjenzati matul l-2012, bħan-nixfa estrema u nirien fin-nofsinhar tal-Ewropa u l-Istati Uniti, segwiti b’maltempati u għargħar f'partijiet fl-Asja, fil-Karibew u fl-Amerka ta' Fuq, għalkemm mhumiex individwalment responsabbli għat-tibdil fil-klima, huma konsistenti max-xjenza li tipprevedi li l-frekwenza u l-impatt tagħhom se jiżdiedu hekk kif il-klima tagħna tinbidel aktar.

Minkejja t-tnaqqis fir-ritmu tat-tkabbir ekonomiku globali,, l-emissjonijiet ta' gassijiet serra (GHGs) kkawżati mill-bniedem u li jwasslu għal tisħin globali għadhom qed jiżdiedu b’mod drammatiku.

Għalkemm ix-xjenza tat-tibdil fil-klima hija ċara u l-impatti qed ikunu dejjem aktar viżibbli, l-azzjonijiet biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima mhux qed jirnexxilhom jissodisfaw il-ħtiġijiet. L-aktar “gap report” (distakk bejn il-ħtiġijiet u l-perspettivi fir-rigward tat-tnaqqis fl-emissjonijiet) riċenti tal-UNEP juri li jekk il-wegħdiet mingħajr l-ebda kundizzjoni min-naħa tal-pajjiżi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra jiġu implimentati bis-sħiħ, sal-2020 għandu jitwettaq mhux aktar minn terz ta’ dak li huwa meħtieġ biex tiġi evitata ż-żieda perikoluża ta’ 2º C fit-temperatura medja globali meta mqabbel mal-livelli preindustrijali. Rapport riċenti tal-Bank Dinji jipprevedi li anke jekk dawn il-wegħdiet jitwettqu, hemm probabbiltà ta’ 20 % li sal-2100 it-temperatura globali tiżdied b’4º C. Dan ifisser li t-temperatura tkun ħames darbiet aktar meta kkumparata mat-temperatura globali li d-dinja qed tesperjenza llum il-ġurnata, b'riskji kbar ħafna għal sistemi vitali li jagħmlu l-ħajja umana possibbli.

Huwa biss billi naħdmu flimkien, b'aktar urġenza u ambizzjoni, li nistgħu nevitaw l-agħar konsegwenzi ta' pjaneta li qed tisħon b'mod rapidu. Riċerka u analiżi riċenti juru li xorta jista’ jirnexxielna, u t-triq twiegħed ħafna benefiċċji oħra. Il-pajjiżi li bdew jimplimentaw strateġiji ta’ żvilupp b'livell baxx ta’ karbonju qed juru li jista' jinkiseb tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet ta’ gass serra (GHG) bi prezz li jista' jintlaħaq, u dan jista’ jiġġenera benefiċċji varji bħal impjiegi ġodda, sigurtà tal-enerġija nazzjonali, titjib fit-trasportazzjoni urbana, kontijiet tal-enerġija orħos (permezz ta' ffrankar tal-enerġija u iżjed effiċjenza) u kwalità tal-arja mtejba. Minkejja r-rikonoxximent ġenerali li t-tnaqqis fl-użu ta’ fjuwils fossili huwa fl-interess nazzjonali tagħhom, bosta pajjiżi jibqgħu jibżgħu minn riperkussjonijiet ekonomiċi negattivi jew ma għandhomx tagħmir u mezzi li jippermettu azzjonijiet ulterjuri, speċjalment fil-kuntest ekonomiku attwali. Dan iwassal sabiex l-ambizzjoni globali tibqa’ waħda insuffiċjenti.

Fl-2011 il-komunità internazzjonali nediet negozjati dwar ftehim internazzjonali ġdid biex taġixxi b’mod kollettiv għall-ħarsien tas-sistema tal-klima dinjija. Dan il-ftehim, li għandu jitlesta sal-aħħar tal-2015 u jibda japplika mill-2020 'il quddiem, bħalissa qed jiġi nnegozjat permezz ta' proċess magħruf bħala l-"Pjattaforma ta' Durban għall-Azzjoni Mtejba" (ADP).

In-negozjati fil-kuntest tal-ADP jsegwu żewġ influssi ta' ħidma: l-ewwel wieħed se jadotta ftehim internazzjonali ġdid sal-2015, it-tieni għandu l-għan li jżid l-ambizzjoni qabel l-2020 , meta jidħol fis-seħħ il-Ftehim tal-2015. Filwaqt li din il-Komunikazzjoni Konsultattiva tenfasizza l-ewwel fluss ta’ ħidma, li jfassal il-Ftehim tal-2015, l-azzjonijiet li se nieħdu bejn issa u l-2020 se jkunu kruċjali biex il-politiki jitqiegħdu fit-triq it-tajba.

2. Politika Internazzjonali dwar il-Klima: is-Sitwazzjoni Attwali, Sfidi u Opportunitajiet 2020-2030

Il-Ftehim tal-2015, sal-2020 se jkollu jlaqqa' flimkien it-taħlita attwali ta' ftehimiet vinkolanti u mhux vinkolanti skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (il-Konvenzjoni), f’reġim komprensiv uniku. L-UE u għadd ta' pajjiżi oħra Ewropej, flimkien mal-Awstralja qablu li jissieħbu fit-tieni perjodu ta' impenn legalment vinkolanti skont il-Protokoll ta’ Kjoto bħala miżura tranżizzjonali bejn l-2012 u l-2020. Matul dan l-istess perjodu, sittin pajjiż ieħor, inkluż l-Istati Uniti tal-Amerka (l-US), ekonomiji emerġenti ewlenin, pajjiżi bi dħul baxx u medju, kif ukoll il-pajjiżi l-anqas żviluppati, wegħdu li jwettqu tipi differenti ta' tnaqqis u impenji ta’ limitazzjoni skont il-Konvenzjoni. Dawn il-wegħdiet huma r-riżultat tal-Konferenza ta' Kopenħagen dwar il-Klima fi tmiem l-2009 u ġew sottomessi formalment bħala wegħdiet li mhumiex legalment vinkolanti fil-kuntest tal-Konvenzjoni sena wara f'Cancun (ara d-dokument ta' ħidma tal-persunal ta’ akkumpanjament għal aktar tagħrif).

In-natura unilaterali jew “minn isfel għal fuq” tal-proċess tal-wegħdiet ta’ Kopenħagen-Cancun ippermettiet approċċ internazzjonali aktar inklużiv. Għall-ewwel darba l-Istati Uniti, iċ-Ċina, l-Indja, il-Brażil, l-Afrika t'Isfel, l-UE u oħrajn impenjaw ruħhom, fil-livell internazzjonali, fir-rigward ta' politiki klimatiċi domestiċi speċifiċi bħala parti mill-istess inizjattiva. Madanakollu, barra milli huma volontarji, għadd ta’ wegħdiet li saru minn ekonomiji ewlenin huma kkundizzjonati, pereżempju, fuq il-fatt li oħrajn jieħdu azzjoni aktar ambizzjuża u fuq id-disponibbiltà tar-riżorsi finanzjarji. Kif issemma diġà, l-aktar importanti huwa li l-wegħdiet attwali, jekk jiġu implimentati b’mod sħiħ, huma mistennija jwettqu anqas minn terz tal-ambizzjoni meħtieġa biex iżommu l-livell ta' żieda fit-temperatura anqas minn 2° C.

Fit-tfassil tal-Ftehim tal-2015 se jkollna nitgħallmu mis-suċċessi u n-nuqqasijiet tal-Konvenzjoni, il-Protokoll ta' Kjoto, u l-proċess Kopenħagen-Cancun. Se jkollna nimxu lil hinn mill-paradimma tat-Tramuntana-Nofsinhar li kien jikkaratterizza d-dinja fis-snin disgħin lejn waħda bbażata fuq interdipendenza reċiproka u responsabbiltà kondiviża. Il-Ftehim tal-2015 se jkollu jindirizza l-isfida li jattira l-parteċipazzjoni tal-ekonomiji ewlenin kollha, inkluż l-Istati Uniti, iċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil, li sa issa rreżistew l-impenji legalment vinkolanti biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħhom. Għandu jibni fuq l-oqfsa attwali biex jgħin lill-pajjiżi fl-isforzi tagħhom biex jadattaw għal tibdil fil-klima li ma jistax jiġi evitat, speċjalment dawk li huma l-aktar vulnerabbli. Għandu jipprovdi, fuq kollox, pont bejn it-taħlita attwali u l-approċċ minn isfel għal fuq, ibbażat l-aktar fuq deċiżjonijiet li mhumiex vinkolanti, u l-ftehim legalment vinkolanti li jgħaqqad b'mod effettiv approċċ minn isfel għal fuq u minn fuq għal isfel u li poġġa id-dinja f'mogħdija li twassal għal tnaqqis fl-emissjonijiet li se jżommu ż-żieda globali tat-temperatura taħt iż-2ºGradi Celsius.

Il-Ftehim se jkollu jirrifletti kif id-dinja nbidlet minn mindu n-negozjati dwar il-klima bdew fl-1990 u kif se tkompli tinbidel hekk kif noqorbu lejn l-2030. Se jopera f’kuntest li fih (ara d-dokument tal-ħidma tal-persunal ta’ akkumpanjament):

· l-avvanzi xjentifiċi jneħħu kwalunkwe dubju raġonevoli dwar ir-rwol tagħna fit-tisħin tal-pjaneta;

· ekonomiji emerġenti huma sors dejjem akbar ta’ tkabbir ekonomiku u emissjonijiet tal-gassijiet serra;

· għad baqa’ sfidi sinifikanti fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli;

· l-indirizzar tat-tibdil klimatiku jġib miegħu opportunitajiet sinifikanti;

· iż-żieda fil-kummerċ globali se tibqa’ tqajjem kwistjonijiet dwar emissjonijiet relatati mal-produzzjoni u tipprevjeni r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju (attivitajiet intensivi tal-karbonju li jgħaddu minn pajjiżi b’ambizzjoni kbira għal dawk b'ambizzjoni żgħira).

3. Sisien tal-Ftehim tal-2015

Il-proċess tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Ftehim tal-2015 se jkollu jegħleb għadd ta’ sfidi:

· Jippermetti l-livell neċessarju ta’ ambizzjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet globali

Negozjati preċedenti wasslu għal wegħdiet u impenji li mhumiex ambizzjużi biżżejjed. Se jkun essenzjali li ma jkunx hemm sitwazzjoni simili fil-każ tal-Ftehim tal-2015, sabiex jiġi evitat tibdil perikoluż fil-klima. Għall-ewwel darba, in-negozjati attwali se jkunu ggwidati minn għan fit-tul li d-dinja titqiegħed fit-triq li fiha s-sħana globali tinżamm taħt iż-2° C meta kkumparata mal-livelli preindustrijali. Madanakollu, aktarx il-gvernijiet mhux se jaqblu b'mod preċiż kif din l-isfida kollha tista' tiġi kondiviża b'mod ekwu fl-2015. Minbarra li huwa bbażat fuq sens ta’ responsabbiltà kondiviża, u fuq punti ta’ tluq individwali ġusti biex jintlaħaq dak l-għan, il-ftehim il-ġdid għalhekk għandu jipprovdi wkoll l-għodod u l-proċessi li permezz tagħhom tissaħħaħ l-ambizzjoni individwali u kollettiva. Għandu jkun kapaċi jadatta ruħu b’mod dinamiku, jippermetti l-eżaminazzjoni regolari u, inevitabbilment, it-tisħiħ tal-ambizzjoni. Barra minn hekk, għandu jipprovdi mezz li permezz tiegħu jintwera li l-pajjiżi jistgħu jwettqu aktar fuq livell kollettiv milli fuq livell individwali u li jevita li l-pajjiżi jistennew lil pajjiżi oħra biex jaġixxu l-ewwel qabel jieħdu azzjoni huma nfushom. Għandu wkoll jipprovdi inċentivi biex iħeġġeġ l-ambizzjoni, u jiskoraġġixxi ambizzjoni dgħajfa.

Mistoqsija 1: Kif jista’ jitfassal il-Ftehim tal-2015 biex jiżgura li l-pajjiżi jkunu jistgħu jwettqu żvilupp ekonomiku u sostenibbli filwaqt li jħeġġiġhom jipparteċipaw b'mod ekwu u ġust fir-rigward tat-tnaqqis ta’ emissjonijiet globali serra sabiex nilħqu l-għan taż-2° C hawn taħt? Kif nistgħu nevitaw repetizzjoni tas-sitwazzjoni attwali fejn hemm lakuna bejn il-wegħdiet volontarji u t-tnaqqis li huwa meħtieġ biex iż-żieda tat-temperatura globali tinżamm anqas minn 2° C?

· Jippermetti l-kontribuzzjoni tal-ekonomiji prinċipali kollha u tas-setturi kollha fl-isforz globali ta' mitigazzjoni

L-effettività ambjentali se teħtieġ kontribuzzjonijiet mill-ekonomiji ewlenin kollha u mis-setturi kollha, b’mod komparabbli, ekwu, trasparenti u responsabbli li jnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. L-iżgurar ta’ kontribuzzjonijiet mill-ekonomiji u s-setturi ewlenin kollha huwa għalhekk essenzjali. Mingħajr tali ftehim, l-istati u r-reġjuni individwali jistgħu jkomplu jxekklu l-ambizzjoni klimatika tagħhom fir-rigward ta’ x’lesti jagħmlu l-kompetituri tagħhom. Sabiex ngħinu biex dan jiġi evitat, il-Ftehim tal-2015 jista' jħeġġeġ u jinċentiva l-pajjiżi biex jadottaw impenji ambizzjużi malajr kemm jista’ jkun u jgħinu fil-ħolqien ta' kundizzjonijiet aktar ekwi bejn dawk li mxew ’il quddiem u dawk li waqgħu lura.

Mistoqsija 2: Kif jista’ l-Ftehim tal-2015 jiżgura bl-aħjar mod il-kontribuzzjoni tal-ekonomiji prinċipali kollha u s-setturi u jnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju potenzjali tar-rilokazzjoni ta’ emissjonijiet tal-karbonju bejn ekonomiji kompetittivi ħafna?

· L-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima u t-tisħiħ reċiproku tal-proċessi u l-inizjattivi

Il-politika tat-tibdil fil-klima qatt ma tista' tkun element iżolat iżda minflok għandha ssostni t-tkabbir ekonomiku u l-aġenda tal-iżvilupp sostenibbli aktar wiesgħa, kif ukoll tgħin biex jinħolqu opportunitajiet ġodda ta' impjiegi. Kemm jekk tindirizza l-mitigazzjoni jew l-adattament, il-politika dwar il-klima trid tiġi integrata b'mod sħiħ fl-oqsma kollha tal-politika u tifforma komponent ewlieni fit-tfassil tal-enerġija, it-trasport, l-industrija, l-agrikoltura, il-forestrija u politiki u strateġiji tal-iżvilupp sostenibbli usa’.

Il-Ftehim tal-2015 għalhekk għandu jirrikonixxi u jsaħħaħ mill-ġdid l-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli usa’ u jappoġġja l-integrazzjoni sħiħa tal-għanijiet tat-tibdil fil-klima f’oqsma relevanti tal-politika. Dan jinkludi s-segwitu tal-Konferenza Rio+20, u l-eżaminazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju (MDG) sal-2015, kif ukoll l-implimentazzjoni ta' ftehimiet bħall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika. Dan ix-xogħol jipprovdi opportunità biex jiġu indirizzati sfidi relatati mat-tibdil fil-klima u l-impatti tagħha fuq l-eliminazzjoni tal-faqar u t-tliet pilastri tas-sostenibbiltà (żvilupp ambjentali, ekonomiku u soċjali), fejn jista' jipprovdi kobenefiċċji importanti. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni pproponiet approċċ konġunt lejn "Decent Life for all by 2030" li jlaqqa' flimkien il-linji ta' ħidma tas-segwitu tar-Rio+20 u l-eżaminazzjoni tal-MDG.

Barra minn hekk, huwa importanti li jiġu mħeġġa inizjattivi bilaterali, plurilaterali u reġjonali li jikkumplimentaw u jħaffu l-isforzi skont il-Konvenzjoni. Dawn l-inizjattivi kumplimentari jistgħu jħeġġu l-pajjiżi, flimkien mas-settur privat u s-soċjetà ċivili, biex isir progress fit-tnaqqis ta’ emissjonijiet permezz ta’ azzjonjiet kollettivi aktar iffukati. L-eżempji attwali ta’ tali inizjattivi jinkludu l-inizjattiva tal-G20 biex bil-mod il-mod jitneħħew is-sussidji fuq fjuwils fossili, inizjattivi mnedija fil-kuntest tal-proċessi u l-isforzi tar-Rio+20 biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-klima, inklużi l-idrofluworokarburi (HFCs).

Mistoqsija 3: Kif jista' l-Ftehim tal-2015 iħeġġeġ bl-aktar mod effettiv l-inklużjoni tat-tibdil fil-klima fl-oqsma kollha relevanti tal-politika? Kif jista’ jħeġġeġ il-proċessi u l-inizjattivi kumplimentari, inkluż dawk imwettqa minn atturi mhux statali?

4. It-Tfassil tal-Ftehim tal-2015

Is-sessjoni ta’ negozjati mnedija f’Durban fl-2011 tirrifletti qbil internazzjonali dgħajjef iżda kruċjali dwar in-natura tal-Ftehim tal-2015. Jekk il-Ftehim tal-2015 għandu jwettaq aktar minn dak li wettqu sa issa Kjoto, Kopenħagen u Cancun, jeħtieġ li jkun inklużiv, billi jinkorpora l-impenji li huma “applikabbli għall-pajjiżi kollha”, kemm dawk żviluppati kif ukoll dawk li qed jiżviluppaw. Irid ikun ambizzjuż, billi jkun inkludi impenji li huma konsistenti mal-limitazzjoni fiż-żieda tat-temperatura globali medja għal 2° C. Għandu jkun effettiv, billi jippermetti s-sett korrett ta’ inċentivi għall-implimentazzjoni u l-konformità. Għandu jitqies minn ħafna bħala ġust u ekwu bil-mod li bih jikkondividi l-isforz biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-ispiża biex jiġi adattat it-tibdil fil-klima li ma jistax jiġi evitat. Barra minn hekk, il-Ftehim tal-2015, irid ikun legalment vinkolanti. Hija biss forma legali li tinvolvi trattat legalment vinkolanti li tista' tirrifletti l-għola grad ta’ rieda politika meħtieġa biex tixpruna l-livell meħtieġ ta’ ambizzjoni u t-tranżizzjoni globali għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju; tiżgura li l-impenji jkunu ratifikati u implimentati fil-liġi nazzjonali; tiżgura l-attenzjoni fit-tul tal-gvernijiet, tas-soċjetà ċivili, tan-negozji u tal-medja; u tiżgura l-livell xieraq ta’ trasparenza u responsabbiltà għall-impenji mwettqa.

Il-Ftehim tal-2015 għandu, qabel kollox, iħeġġeġ lill-pajjiżi jieħdu impenji ta' mitigazzjoni ġodda u ambizzjużi filwaqt li jippermettilhom jagħmlu dan. Fl-istess ħin għandu jitgħallem mir-reġim tal-klima internazzjonali attwali, u jsaħħu. Ħafna mill-istituzzjonijiet, l-għodod u l-proċessi tiegħu, fosthom il-Fond Ekoloġiku għall-Klima, il-Kumitat ta' Adattament, il-Valutazzjoni u l-Eżaminazzjoni u l-Konsultazzjoni u l-Analiżi Internazzjonali, il-Kumitat Eżekuttiv għat-Teknoloġija, l-Istrateġiji għall-Iżvilupp b’Emissjonijiet Baxxi u l-Pjanijiet Nazzjonali għall-Adattament, għadhom kemm bdew l-operazzjoni tagħhom, iżda jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għat-tfassil tal-Ftehim tal-2015.

Il-Ftehim tal-2015 irid iwieġeb għall-avvanzi xjentifiċi, inkluż il-ħames Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Pannell Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC), li s-sommarju tiegħu għandu jiġi ffinalizzat f’Ottubru 2014, sena qabel l-adozzjoni tal-Ftehim tal-2015. Għandu jkun ukoll dinamiku u flessibbli biżżejjed biex jaġġusta ruħu għal aktar żvilupp tal-għerf xjentifiku, iżda wkoll għat-tibdil fil-prezzijiet ta' unitajiet tat-teknoloġija, kif ukoll fiċ-ċirkostanzi nazzjonali jew reġjonali soċjoekonomiċi . It-tieni perjodu ta' impenn għall-Protokoll ta’ Kjoto, li reċentement intlaħaq qbil dwaru, jistabbilixxi preċedent interessanti għat-tfassil ta' reġim dinamiku billi jiddefinixxi proċess ta’ reviżjoni li jħeġġeġ żieda fl-ambizzjoni jew li jnaqqas il-lakuni fl-ambizzjoni matul il-perjodu ta' impenn. Fl-istess ħin, dan id-dinamiżmu se jkollu jkun ibbilanċjat mill-aspirazzjonijiet ta' prevedibbiltà u ċertezza, speċjalment min-naħa tan-negozji.

· Mitigazzjoni

Ix-xjenza tispjega li biex ikun hemm il-probabbiltà li l-livell jibqa' taħt iż-2° C, iż-żieda tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet serra trid titwaqqaf qabel l-2020 u l-emissjonijiet globali wara jridu jibdew jonqsu kull sena. Għalhekk, il-Ftehim tal-2015 irid jissodisfa l-kompitu diffiċli li sal-2030 jitnaqqsu l-emissjonijiet globali għal livelli li jkunu anqas minn dawk tal-1990 , li jkun l-ekwivalenti għal tnaqqis globali ta' madwar 25 % meta kkumparat mal-emissjonijiet tal-2010.

Filwaqt li l-wegħdiet ta’ Kopenħagen-Cancun, flimkien mat-tieni perjodu ta’ impenn ta’ Kjoto ħallew lakuna sinifikanti fil-konfront tal-ambizzjoni, iġġeneraw ukoll varjetà tremenda ta’ politiki u miżuri nazzjonali, inkluż is-swieq tal-karbonju mfassla biex jitnaqqsu l-emissjonijiet f'setturi speċifiċi.

B’mod parallel man-negozjati tal-2015, il-Konvenzjoni u l-Protokoll ta’ Kjoto se jibqgħu jtejbu t-trasparenza u r-responsabbiltà, jiddefinixxu elementi komuni għar-rappurtar, itejbu mekkaniżmi tas-suq eżistenti u jiżviluppaw oħrajn ġodda, u jħeġġu sħubijiet internazzjonali ġodda madwar setturi, gassijiet u politiki differenti, pereżempju l-agrikoltura u l-forestrija, it-tbaħħir u l-avjazzjoni jew il-gassijiet serra għajr id-CO2.

Mistoqsija 4: Liema kriterji u prinċipji għandhom jiggwidaw id-determinazzjoni ta’ distribuzzjoni ekwa ta’ impenji fil-konfront tal-mitigazzjoni tal-Partijiet għall-Ftehim tal-2015 flimkien ma' spettru ta' impenji li jirrifletti ċirkostanzi nazzjonali, huma meqjusa minn ħafna bħala ekwi u ġusti u li huma kollettivament suffiċjenti biex jiġi evitat kwalunkwe nuqqas fl-ambizzjoni? Kif jista’ l-Ftehim tal-2015 jagħraf opportunitajiet partikulari fir-rigward ta’ setturi speċifiċi?

· Adattament

L-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima se jibdew jinħassu dejjem aktar u l-isfidi tal-adattament se jiżdiedu aktar. L-impatti speċifiċi tat-tibdil fil-klima se jvarjaw minn pajjiż għall-ieħor skont is-sitwazzjoni ġeografika, kulturali, soċjali u ekonomika tiegħu flimkien mar-reżistenza u l-kapaċità li jadatta. Se jkunu meħtieġa miżuri differenti, imfassla lokalment biex jissodisfaw sitwazzjonijiet lokali u jiġu integrati fil-proċess tal-ippjanar tal-iżvilupp normali. Il-ħidmiet imwettqa qabel fil-livelli nazzjonali u reġjonali rigward l-adattament, inkluż fl-UE u l-Istati Membri tagħha, enfasizzaw il-ħtieġa għall-inklużjoni sħiħa ta’ kwistjonijiet ta’ adattament f'firxa wiesgħa ta' oqsma ta' politika, bħall-ippjanar reġjonali u spazjali, il-ġestjoni taż-żoni kostali u tal-ilmijiet, l-agrikoltura u s-saħħa. Saħqu wkoll fuq il-ħtieġa li jkun hemm koordinazzjoni sħiħa mal-politiki ta' ġestjoni tar-riskju ta' diżastri u wrew il-benefiċċji ta' adattament ibbażat fuq l-ekosistema.

Sa issa, il-qafas ta' adattament skont il-Konvenzjoni saħaq fuq it-titjib tar-reżiljenza tas-soċjetajiet permezz ta’ titjib fl-għerf (il-Programm ta’ Ħidma ta’ Nairobi), ippjanar aħjar (Pjanijiet ta’ Adattament Nazzjonali), u aċċess imtejjeb għall-finanzjament (il-Fond ta' Adattament, il-Fond Ekoloġiku għall-Klima). Barra minn hekk, il-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima ta’ Doha tal-2012 kompliet saħħet il-kooperazzjoni internazzjonali rigward il-kwistjoni tat-telf u l-ħsara assoċjata mal-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima, inklużi impatti relatati ma' avvenimenti ta' temp estrem u fenomeni li jevolvu bil-mod. Isseħħ ukoll ħidma kumplimentari importanti barra mill-Konvenzjoni, inkluż fil-kuntest tal-Qafas ta' Hyogo dwar it-Tnaqqis fir-Riskju ta' Diżastri.

Mistoqsija 5: X’għandu jkun l-irwol tal-Ftehim tal-2015 rigward l-indirizzar tal-isfida ta’ adattament u dan kif għandu jibni fuq ix-xogħol li għadu għaddej skont il-Konvenzjoni? Kif jista’ l-Ftehim tal-2015 jinċentiva aktar l-inklużjoni tal-adattament fl-oqsma relevanti kollha tal-politika?

· Mezzi ta’ implimentazzjoni

L-UE għandha tippromwovi approċċ komprensiv u integrat għall-mezzi ta' implimentazzjoni inklużi kwistjonijiet ta' finanzjament fil-livell globali. Bħalissa, qed jiġu diskussi l-kwistjonijiet relatati mal-klima, il-bijodiversità, l-iżvilupp u l-iżvilupp sostenibbli f'fora differenti, anke jekk is-sorsi potenzjali ta’ finanzjament huma l-istess.

Teżisti ħtieġa kbira li tiġi żgurata l-koerenza u li tiġi evitata d-duplikazzjoni ta' sforzi fir-rigward ta' finanzjament tan-Nazzjonijiet Uniti għall-proċess tal-iżvilupp.

Il-Kummissjoni beħsiebha tippreżenta proposta għal approċċ integrat tal-UE għall-finanzjament u mezzi oħra ta' implimentazzjoni relatati mal-proċessi globali varji.

Id-diskussjonijiet dwar il-mezzi ta’ implimentazzjoni se jkollhom jinkludu l-għażliet ta'-mmobilizzar tal-finanzi meħtieġa, minn sorsi domestiċi u internazzjonali, pubbliċi u privati, kif ukoll l-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda u l-użu ta’ mekkaniżmi bbażati fuq is-suq.

Finanzjament

Id-diskussjonijiet dwar il-finanzjament xieraq sabiex jiġu megħjuna l-pajjiżi fqar u biex dawn ikunu jistgħu jimplimentaw l-impenji ta' mitigazzjoni u jindirizzaw l-isfidi ta' adattament, se jibqgħu element ċentrali fl-elaborazzjoni tal-Ftehim tal-2015. Il-konsiderazzjonijiet tal-klima għall-mitigazzjoni u l-adattament se jkollhom jiġu integrati b’mod sħiħ fl-investimenti pubbliċi u privati kollha fl-għaxar snin li ġejjin.

Il-Fond Ekoloġiku għall-Klima jinsab fil-proċess li jsir kompletament operattiv. F’Kopenħagen, il-pajjiżi żviluppati wegħdu li jiddedikaw US$ 100 biljun fis-sena għal finanzjament għall-klima minn issa sal-2020 u dan minn varjetà wiesgħa ta’ sorsi, skont kif meħtieġ, u fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ mitigazzjoni sinifikattiva u t-trasparenza fl-implimentazzjoni. Meta nħarsu ’l quddiem lejn l-2030, minħabba tkabbir ekonomiku kontinwu, l-ekonomiji kollha ewlenin u emerġenti huma mistennija jsaħħu aktar il-kapaċitajiet tagħhom biex jaġixxu kontra t-tibdil fil-klima, partikolarment billi jingħaqdu biex jipprovdu għajnuna. Sa issa diġà 32 pajjiż li huma meqjusa bħala "pajjiżi li qed jiżviluppaw" skont il-Konvenzjoni għandhom PDG per capita ogħla minn l-Istat Membru tal-UE bl-aktar PDG per capita baxx. Sal-2020 u wkoll wara, dan in-numru jista’ jistieden ħafna aktar. Id-diskussjonijiet dwar il-mezzi ta’ implimentazzjoni skont il-Ftehim tal-2015 se jkollhom jikkunsidraw din ir-realtà ġdida, u jimxu lil hinn minn paradimma ta' pajjiż żviluppat/li qed jiżviluppa għal waħda li fiha firxa wiesgħa ta' pajjiżi se tkun mistennija tassumi parti mir-responsabbiltà biex tipprovdi l-mezzi meħtieġa.

Il-Ftehim tal-2015 se jkollu bżonn jibni wkoll fuq l-eżitu tad-diskussjonijiet li għadhom għaddejjin dwar l-immobilizzar ta’ finanzi privati u sorsi innovattivi ta’ finanzjament. It-tqegħid ta’ prezz internazzjonali fuq l-emissjonijiet tal-karbonju mill-avjazzjoni internazzjonali u t-trasport marittimu jista', barra milli jikseb l-għan primarju tiegħu li jitnaqqsu l-emissjonijiet, jgħin ukoll fil-forniment tar-riżorsi meħtieġa għall-appoġġ tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima internazzjonali u l-miżuri ta’ adattament.

Teknoloġija

Fl-istess ħin, il-politiki tal-klima tal-2020 se jkunu diġà bbenefikaw ħafna mill-orħos għażliet tat-tnaqqis tal-emissjonijiet, speċjalment titjib fl-effiċjenza tal-enerġija, iżda wkoll mill-aktar għażliet kompetittivi ta' enerġija rinnovabbli. Għaldaqstant, l-enfasi se tkun dejjem aktar fuq teknoloġiji ġodda u aktar avvanzati. It-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ dawn it-teknoloġiji u l-ħolqien ta' qafas politiku xieraq għall-użu tagħhom se jsiru importanti. Il-ħolqien ta’ qafas internazzjonali li jista’ jgħin fil-promozzjoni ta' tqassim aktar mgħaġġel ta’ dawn it-teknoloġiji fuq livell internazzjonali huwa kompitu importanti tal-Konvenzjoni, u din hija r-raġuni għaliex twaqqaf iċ-Ċentru u n-Netwerk tat-Teknoloġija dwar il-Klima. Fis-snin li ġejjin din l-istituzzjoni l-ġdida se jkollha turi l-valur miżjud tagħha.

Mekkaniżmi bbażati fuq is-suq

Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima se tirnexxi biss jekk il-Ftehim tal-2015 ikun jista’ jiġi implimentat b’mod kosteffiċjenti fis-snin wara l-2020. Għalhekk, se jkun hemm bżonn ta' aktar enfasi fuq l-użu ta' strumenti bbażati fis-suq.

Fl-UE l-enfasi se tibqa’ fuq l-għoti ta’ inċentivi tas-suq biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, inkluż permezz tan-negozjar tal-emissjonijiet. Il-Protokoll ta’ Kjoto enfasizza din l-għodda flessibbli u innovattiva biex jgħin sabiex jintlaħqu l-impenji tat-tnaqqis fl-emissjonijiet. Minn dak iż-żmien, ġiet żviluppata s-sistema tal-UE (UE ETS) għan-negozjar tal-emissjonijiet, li tkopri 30 pajjiż u li tagħti l-inċentiv ewlieni għall-iżvilupp rapidu tal-Mekkaniżmu tal-Iżvilupp Nadif tal-Protokoll ta’ Kjoto. Barra minn hekk, l-użu tal-ipprezzar tal-karbonju u mekkaniżmi bbażati fuq is-suq domestikament qed iżid fl-appoġġ u l-interess f'għadd dejjem jikber ta' pajjiżi. Dan jinkludi l-bidu ta’ mekkaniżmi tal-ipprezzar tal-karbonju fl-Awstralja, li sal-2015 għandu jwassal għal sistema tan-negozjar tal-emissjonijiet kompleta, iżda wkoll żviluppi domestiċi fil-Korea u fiċ-Ċina, kif ukoll f’għadd ta’ Stati fl-Istati Uniti. Barra minn hekk, il-pajjiżi għadhom qed jibdew jeżaminaw għażliet biex b'mod bilaterali jorbtu s-sistemi tal-kummerċ tal-emissjonijiet tagħhom, inkluż bejn l-UE u l-Awstralja.

Madanakollu, matul dawn l-aħħar snin il-mekkaniżmi ta’ flessibbiltà ġew ikkritikati ħafna, u kwalunkwe żvilupp jew titjib (inkluż il-ftehim dwar il-mekkaniżmi avvanzati tas-suq settorjali) ma kienx faċli. Matul dawn l-aħħar ħames snin l-iżviluppi ewlenin ta' strumenti bbażati fuq is-suq seħħew domestikament jew barra mill-Konvenzjoni, li jidher li qed jindika preferenza għal soluzzjonijiet bilaterali u plurilaterali.

Mistoqsija 6: X’għandu jkun l-irwol futur tal-Konvenzjoni u b’mod speċifiku tal-Ftehim tal-2015 fl-għaxar snin ta' qabel l-2030 fir-rigward tal-finanzi, il-mekkaniżmi bbażati fuq is-suq u t-teknoloġija? Kif jista' jsir avvanz fuq l-esperjenza eżistenti u kif jistgħu l-oqfsa jittejbu aktar?

· Trasparenza u responsabbiltà

Is-sessjoni preċedenti ta’ negozjati saħqet b'mod partikolari fuq it-titjib tat-trasparenza permezz ta' bidla sħiħa tas-sistema miżurabbli, rappurtabbli u verifikabbli (MRV). Is-sistema mtejba għandha tkun lestiet l-ewwel ċiklu sħiħ tagħha sal-2015. Fl-istess ħin, inkisbet ħafna esperjenza rigward ir-responsabbiltà fil-kuntest tal-Protokoll ta’ Kjoto. Madanakollu, it-taħlita legali attwali ma tipprovdix qafas ta' responsabbiltà b’saħħtu għal kulħadd. Is-sessjoni li jmiss ta' negozjati tipprovdi opportunità unika biex jinħoloq tali qafas u li jieħu inkonsiderazzjoni t-tagħlimiet miksuba mis-sistema ta' Kjoto. It-titjib fil-kontabbiltà huwa mixtieq b’mod partikolari minħabba d-dibattiti domestiċi kontinwi dwar il-komparabbiltà tal-isforzi domestiċi f’pajjiżi oħra u deċiżjonijiet ta’ ambizzjoni li jirriżultaw. L-inċertezzi u s-suspett fil-livelli ta’ ambizzjoni ta’ pajjiżi oħra jibqgħu jdgħajfu l-fiduċja u l-kunfidenza.

Ftehim internazzjonali b’karattru legali b’saħħtu jitlob sistema b’saħħitha ta’ konformità u infurzar, kapaċi li tiddetermina jekk Parti tkunx konformi mal-impenji tiegħu, u jipprovdi l-mezzi li permezz tagħhom Parti ssir konformi, u biex il-Partijiet li ma jikkonformawx jinżammu responsabbli. Il-fergħa ta’ infurzar tal-Protokoll ta’ Kjoto pereżempju tista' twaqqaf Parti li naqset milli tissodisfa l-obbligi ta’ rappurtar tagħha minn negozju tal-emissjonijiet internazzjonali . Filwaqt li s-sistema ta’ konformità ta’ Kjoto kellha riżultati varjati, is-suċċessi tagħha ddependew fuq l-adattament ta’ proċeduri ta' konformità u l-konsegwenzi tagħhom għan-natura speċifika tal-impenji li l-Partijiet jimpenjaw ruħhom għalihom

Mistoqsija 7: Kif jista’ l-Ftehim tal-2015 itejjeb aktar it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-pajjiżi fuq livell internazzjonali? Safejn għandha tkun standardizzata globalment sistema ta’ kontabbiltà? Kif jistgħu l-pajjiżi jinżammu responsabbli meta jonqsu milli jissodisfaw l-impenji tagħhom?

5. It-tħejjija għall-Ftehim tal-2015

Il-proċess ta’ negozjar tan-Nazzjonijiet Uniti matul l-aħħar għoxrin sena sar wieħed aktar kumpless b’aġendi ta’ laqgħat dejjem aktar kumplessi u Konferenzi annwali tal-Partijiet politiċizzati ħafna (COPs). Is-COPs li fuq naħa jonqsu milli jilħqu l-aspettattivi pubbliċi li mhumiex realistiċi u fuq in-naħa l-oħra ma jirrispondux għall-evidenza xjentifika jdgħajfu l-kredibbiltà tal-istituzzjonijiet internazzjonali u l-appoġġ domestiku għall-azzjoni klimatika. Il-parteċipazzjoni fil-konferenzi mingħajr ebda limiti u t-teħid tad-deċiżjonijiet b’kunsens, ħafna drabi jwasslu għal ftehim dwar l-aktar denominatur komuni baxx. Barra minn hekk, l-ispejjeż ta’ dan il-proċess ta’ negozjar huma konsiderevoli.

L-opportunitajiet għat-tisħiħ tal-effettività u l-effiċjenza tan-negozjati tan-Nazzjonijiet Uniti jeħtieġ li jiġu identifikati. Dawn jistgħu jinkludu:

· l-iżvilupp ta’ regoli ta’ proċedura biex jiġi ffaċilitat it-teħid ta’ deċiżjonijiet biex tiġi sostitwita r-regola ta’ kunsens skont il-Konvenzjoni;

· l-eżaminazzjoni mill-ġdid tal-frekwenza tal-COPs annwali, fejn il-Konvenzjoni hija waħda minn dawk il-ftit li tipprovdi għal konferenza annwali. Billi jagħmlu dan, se jkun importanti li jinstab bilanċ bejn il-ħtieġa kontinwa għal attenzjoni politika għat-tibdil fil-klima u li tiġi evitata l-aspettazzjoni rigward progress ġdid kull laqgħa;

· minflok issir ħidma bi Presidenza unika tal-COP li tinbidel kull sena, ikun hemm għażliet bħat-tagħqid ta' pajjiżi fi Presidenzi konġunti fuq Presidenza ta' sena jew ta' sentejn.

· tinżamm il-frekwenza attwali ta' laqgħat formali għal xogħol tekniku, li l-intensità tagħha probabbli se tiżdied fis-snin li ġejjin;

· simplifikazzjoni u konsolidazzjoni ta’ għadd kbir ta’ punti speċifiċi fl-aġenda, aktar skambji informali qabel laqgħat tekniċi formali kif ukoll it-twaqqif ta' prijoritajiet ċari sabiex tkun ikkontrollata l-ispiża inġenerali tal-laqgħat;

· opportunitajiet biex jissaħħu aktar il-kontribuzzjonijiet tal-partijiet interessati, inklużi opinjonijiet esperti minn organizzazzjonijiet tan-negozju u dawk nongovernattivi;

· rwol imsaħħaħ għas-Segratarjat tal-Konvenzjoni.

Barra milli jsaħħu l-proċess tan-Nazzjonijiet Uniti nnifsu, għandhom jiġu eżaminati mezzi biex iħeġġu u jtejbu aħjar il-kooperazzjoni b’inizjattivi ffukati fuq kwistjonijiet li qed ifittxu li jimxu lejn azzjoni klimatika ambizzjuża. Fid-dawl tal-urġenza dejjem tikber tal-kwistjoni tal-klima, hemm probabbiltà kbira li l-proċessi l-aktar ambizzjużi u effettivi jirbħu l-appoġġ tal-gvernijiet u tal-pubbliku inġenerali.

Mistoqsija 8: Kif jista’ l-proċess tan-negozjar tal-klima tan-Nazzjonijiet Uniti jittejjeb b'mod li jiffaċilita l-ksib ta' ftehim inklużiv, ambizzjuż, effettiv u ġust fl-2015 u jiżgura l-implimentazzjoni tiegħu?

Is-suċċess fl-2015 se jkun possibbli biss b'għajnuna mifruxa minn massa kritika ta’ mexxejja politiċi, inkluż mill-ekonomiji dinjija ewlenin. Il-perjodu ta’ qabel il-konferenzi ta’ Kjoto u Kopenħagen, iżda wkoll għal Cancun u Durban wera li dan huwa ingredjent essenzjali tas-suċċess. It-tħabbira tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Ban Ki-moon, fil-Konferenza tal-Klima ta’ Doha, li se jkun qed jorganizza summit dwar il-klima fl-2014 bħala appoġġ għall-Ftehim tal-2015, jirrappreżenta pass importanti biex jiżdied il-momentum politiku. Il-G20 jew il-pajjiżi involuti fl-inizjattivi plurilaterali bħall-Forum Ewlieni dwar l-Ekonomiji jista’ jkollhom rwol attiv fil-perjodu ta’ qabel l-2015, jekk ikunu megħjuna minn tmexxija aktar b’saħħitha fir-rigward tat-tibdil fil-klima mill-ekonomiji ewlenin kollha. Barra minn hekk, l-UE se tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha ma' pajjiżi oħra, barra mill-G20, impenjati f'azzjoni ambizzjuża rigward it-tibdil fil-klima. Il-ħolqien ta’ dan il-momentum politiku, madanakollu, huwa possibbli biss permezz ta' għajnuna ġenerali mis-soċjetà ċivili, min-negozji u minn kostitwenti politiċi oħra. Dan se jkun jeħtieġ il-kontribuzzjonijiet u l-appoġġ attiv tal-parlamentari, in-negozji, is-soċjetà ċivili, l-ibliet u r-reġjuni u atturi oħrajn li mhumiex tal-istat, flimkien mal-kollegi tagħhom f’pajjiżi oħrajn.

Element indispensabbli ieħor li jippermetti li jsir il-Ftehim tal-2015 huwa t-tmexxija bl-eżempju. Il-wiri fil-prattika tal-benefiċċji multipli, inklużi benefiċċji ekonomiċi, mill-imodernizzar tal-ekonomija b'teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, f'pajjiżi avvanzati, emerġenti jew li qed jiżviluppaw, kif ukoll il-wiri li s-separazzjoni tat-tkabbir ekonomiku minn emissjonijiet tal-gassijiet serra huwa fattibbli, jibqgħu l-aħjar mod li bihom wieħed jista’ jikkonvinċi lill-partijiet interessati kollha li t-tkabbir ekonomiku, it-tnaqqis fil-faqar, l-iżvilupp sostenibbli u l-ġlieda kontra tibdil fil-klima huma kompatibbli reċiprokament u li fil-fatt isaħħu l-għanijiet tal-politiki. Matul l-aħħar għoxrin sena, dan kien il-mudell ta' tmexxija li segwiet l-UE, anke bis-sehem dejjem jonqos tagħha fl-emissjonijiet globali, li issa anqas minn 11 %. L-UE isseparat l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħha mit-tkabbir ekonomiku: l-emissjonijiet tal-UE naqsu bi 18 % mill-1990, filwaqt li l-ekonomija inġenerali kibret b'48 % u l-valur miżjud tal-industriji tal-manifattura tal-UE żdied b’mod sostanzjali.

Mistoqsija 9: Kif tista’ l-UE tinvesti bl-aħjar mod u ssostni proċessi u inizjattivi barra mill-Konvenzjoni biex twitti t-triq għal ftehim ambizzjuż u effettiv fl-2015?

6. Konsultazzjonijiet tal-partijiet interessati

L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni Konsultattiva huwa li tinbeda diskussjoni wiesgħa mal-Istati Membri, mal-istituzzjonijiet u mal-partijiet interessati tal-UE fl-Unjoni Ewropea u lil hinn dwar it-tfassil tal-Ftehim tal-2015 li jikkonċerna t-tibdil fil-klima għall-perjodu wara l-2020. L-opinjonijiet tal-partijiet interessati se jkunu diskussi f’konferenza ddedikata tal-partijiet interessati fir-rebbiegħa tal-2013 u f’konsultazzjoni pubblika onlajn[1]

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex torganizza attivitajiet ta’ komunikazzjoni u dibattiti pubbliċi fl-Istati Membri. Barra minn hekk, biex titlob l-opinjonijiet ta' imsieħba li mhumiex fl-UE, il-Kummissjoni se tippreżenta u tiddiskuti l-Komunikazzjoni Konsultattiva f'laqgħat internazzjonali.

[1]               http://ec.europa.eu/clima/consultations/0016/index_en.htm.